SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
26 ta’ Marzu 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2004/18/KE — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Żvolġiment tal-proċedura — Kriterju ta’ għoti tal-kuntratti — Kwalifiki tal-persunal assenjat għall-eżekuzzjoni tal-kuntratti”
Fil-kawża C‑601/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il‑Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2013, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Novembru 2013, fil-proċedura
Ambisig – Ambiente e Sistemas de Informação Geográfica SA
vs
Nersant – Associação Empresarial da Região de Santarém,
Núcleo Inicial – Formação e Consultoria Lda,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas, E. Juhász (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: M. Aleksejev, amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Novembru 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Ambisig – Ambiente e Sistemas de Informação Geográfica SA, minn H. Rodrigues da Silva, avukat, |
— |
għal Nersant – Associação Empresarial da Região de Santarém, minn A. Robin de Andrade u D. Melo Fernandes, avukati, |
— |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u H. Fragoso, fil-kwalità ta’ aġenti, |
— |
għall-Gvern Elleniku, minn F. Dedousi u V. Stroumpouli, fil-kwalità ta’ aġenti, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, fil-kwalità ta’ aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Afonso u S. Delaude, kif ukoll minn A. Tokár u G. Braga da Cruz, fil-kwalità ta’ aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, fis-seduta tat-18 ta’ Diċembru 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 44 sa 48 u 53 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU L 134, p. 114, u rettifika ĠU L 351, p. 44). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ambisig – Ambiente e Sistemas de Informação Geográfica SA (iktar ’il quddiem “Ambisig”) u Nersant – Associação Empresarial da Região de Santarém (iktar ’il quddiem “Nersant”) fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ Nersant li tagħti kuntratt għall-provvista ta’ taħriġ u konsulenza lil Iberscal – Consultores Lda (iktar ’il quddiem “Iberscal”), u mhux lil Ambisig. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2004/18
3 |
Il-premessa 46 tad-Direttiva 2004/18 tfakkar li kuntratti għandhom jingħataw fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi li jiżguraw osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament, u li jiggarantixxu li l-offerti jiġu evalwati f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva. |
4 |
Skont it-tielet paragrafu tal-premessa 46 ta’ din id-direttiva: “Fejn l-awtoritajiet kuntrattwali [kontraenti] jagħżlu li jassenjaw il-kuntratt għall-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, huma għandhom jassessjaw l-offerti fl-ordni biex jiddeterminaw liema waħda toffri l-aħjar valur għall-flus. Sabiex isir dan, huma għandhom jiddeterminaw il-kriterji ekonomiċi u ta’ kwalità li, jekk teħodha sħiħa, tista’ tkun possibli li tiġi determinata l-iktar offerta vantaġġjuża ekonomikament għall-awtorità kuntrattwali. Id-determinazzjoni ta’ dawn il-kriterji tiddependi fuq l-oġġett tal-kuntratt peress illi tħalli l-livell ta’ l-eżekuzzjoni mgħoti minn kull offerta biex tiġi assessjata fid-dawl ta’ l-oġġett tal-kuntratt, kif definit fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, u l-valur tal-flus ta’ kull offerta tiġi mkejjla.” |
5 |
L-Artikolu 44(1) u (2) tad-Direttiva 2004/18 huwa fformulat kif ġej: “1. Kuntratti għandhom jingħataw fuq il-bażi tal-kriterji imniżżlin fl-Artikoli 53 u 55, jittieħed akkont l-Artikolu 24, wara li l-adattabilità ta’ operaturi ekonomiċi mhux esklużi taħt l-Artikoli 45 u 46 ikun ġie mixtarr mill-awtoritajiet kontrattwanti skont il-kriterji ta’ permessi ekonomiċi u finanzjarji, ta’ stabilità professjonali u teknika jew abilità li sar riferiment għalihom fl-Artikoli 47 sa 52, u, fejn xieraq, mar-regoli non-diskriminatorji u kriterji li sar riferiment għalihom fil-paragrafu 3. 2. L-awtoritajiet kontrattwanti jistgħu jeħtieġu livelli minimi ta’ kapacità skont l-Artikoli 47 u 48, li l-kandidati u l-offerenti għandhom jissodisfaw. L-estent tal-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 47 u 48 kif ukoll il-livelli minimi ta’ abilità meħtieġa għal kuntratt speċifiku għandhom ikunu relatati u proporzjonati mal-għan tal-kuntratt. Dawn il-livelli minimi huma indikati fl-avviż tal-kuntratt.” |
6 |
L-Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi li l-kapaċitajiet tekniċi u/jew professjonali tal-operaturi ekonomiċi għandhom jiġu evalwati u vverifikati konformement mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-istess artikolu. Skont l-Artikolu 48(2)(a)(ii) u (e) ta’ din id-direttiva, il-kapaċitajiet tekniċi jistgħu jkunu ġġustifikati skont in-natura, il-kwantità jew l-importanza u l-użu tas-servizzi kkonċernati, b’mod partikolari, bil-preżentazzjoni tal-lista tas-servizzi ewlenin ipprovduti fit-tliet snin ta’ qabel, u bl-indikazzjoni tal-kwalifiki akkademiċi u professjonali ta’ min jipprovdi servizz u/jew tal-amministraturi tal-impriża u, b’mod partikolari, tal-persuna jew tal-persuni responsabbli għal provvista ta’ servizzi. |
7 |
L-Artikolu 53 tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi: “1. Mingħajr preġudizzju għal liġijiet nazzjonali, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jikkonċernaw il-ħlas għal ċerti servizzi, il-kriterji li fuqhom l-awtoritajiet kontrattwanti għandhom jibbażaw l-għotja ta’ kuntratti pubbliċi għandhom ikunu jew:
2. Mingħajr preġudizzju ghad-dispożizzjonijiet tat-tielet sub-paragrafu, fil-każ li sar riferiment għalih f’paragrafu 1(a), l-awtorità kontrattwanti għandha tispeċifika fl-avviż ta’ kuntratt jew fid-dokumenti tal-kuntratt jew, fil-każ ta’ djalogu kompetittiv fid-dokument deskrittiv, il-piż relattiv li hi tagħti lil kull wieħed mill-kriterji magħżula biex tiġi determinata l-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament. Dawk il-piżijiet jistgħu jkunu espressi billi jiġi provdut rank b’firxa massima xierqa. Fejn, fl-opinjoni ta’ l-awtorità kontrattwanti ma jkunx possibbli li jingħata piż għal raġunijiet dimostrabbli, l-awtorità kontrattwanti għandha tindika fl-avviż tal-kuntratt jew dokumenti tal-kuntratt jew, fil-każ ta’ djalogu kompetittiv, fid-dokument deskrittiv, il-kriterji f’ordni għan-niżla ta’ importanza.” |
Id-dritt Portugiż
8 |
Skont l-Artikolu 75(1) tal-kodiċi tal-kuntratti pubbliċi (Código dos Contratos Públicos, iktar ’il quddiem iċ-“CCP”), “il-fatturi u l-eventwali sottofatturi li jifformaw il-kriterju ta’ għoti lill-offerta l-iktar vantaġġuża għandu jinkludi l-aspetti kollha, u biss dawk l-aspetti, tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li għandu jiġi konkluż suġġett għall-kompetizzjoni skont l-ispeċifikazzjonijiet, u ma jistgħux jistrieħu, direttament jew indirettament, fuq sitwazzjonijiet, kwalitajiet, karatteristiċi jew fatti oħra relatati mal-offerenti”. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 |
Permezz ta’ avviż ippubblikat fl-24 ta’ Novembru 2011, Nersant nediet proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-provvista ta’ servizzi ta’ taħriġ u konsulenza għat-twettiq ta’ proġett intitolat “Move PME, arja ta’ kwalità, ambjent u saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, sigurtà fl-ikel Moyen-Tage – PME”. |
10 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmi avviż ta’ kuntratt kien jipprevedi li l-kuntratt jingħata lill-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, li tiġi ddeterminata bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi segwenti: “A. Evalwazzjoni tat-tim: 40 %
B. Kwalitajiet u merti tas-servizz propost: 55 %
C. Prezz globali: 5 % Tingħata preferenza għall-offerta li tikseb l-iktar punti.” |
11 |
Ambisig ippreżentat offerta fi ħdan il-proċedura tal-offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fir-rapport preliminari tiegħu, il-Bord tal-Għażla tal-għoti tal-kuntratt ikklassifika lill-Iberscal fl-ewwel post. |
12 |
Fit-3 ta’ Jannar 2012, Ambisig talbet li teżerċita d-dritt tagħha għal smigħ preliminari, billi kkontestat il-fatt li l-avviż tal-kuntratt inkwistjoni kien jinkludi, fost in-numru ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni, il-fattur ta’ evalwazzjoni tat-tim assenjat għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, previst fl-artikolu 5A tal-istess avviż. |
13 |
Permezz ta’ addendum tal-14 ta’ Frar 2012 anness mar-rapport finali tiegħu tal-4 ta’ Jannar 2012, l-istess Bord tal-Għażla ċaħad l-argumenti ppreżentati minn Ambisig insostenn tat-talba tagħha għal smigħ preliminari. Skont dan l-istess bord tal-għażla, il-fattur previst fl-Artikolu 5A tal-avviż ta’ kuntratt fil-kawża prinċipali kellu bħala għan li jevalwa “t-tim tekniku konkret li l-offerent jipproponi sabiex iwettaq ix-xogħol li għandu jiġi pprovdut” u “[l-]esperjenza tat-tim tekniku proposta [kienet], f’dan il-każ speċifiku, karatteristika intrinsika tal-offerta, u mhux karatteristika tal-offerent”. |
14 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2012, il-President tal-Kunsill ta’ Amministrazzjoni ta’ Nersant, abbażi tal-konklużjonijiet tal-Bord tal-Għażla, ta l-kuntratt ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali lil Iberscal u approva l-abbozz korrispondenti tal-kuntratt għal provvista ta’ servizzi. Fid-19 ta’ Marzu 2012, dan il-kuntratt ġie konkluż bejn Nersant u Iberscal. |
15 |
Ambisig ressqet rikors quddiem it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Leiria (tribunal amministrattiv u fiskali ta’ Leiria) sabiex tannulla d-deċiżjoni tal-president tal-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ Nersant tal-14 ta’ Frar 2012, li kienet tat il-kuntratt għal servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali lil Iberscal. Fil-mori tal-kawża, Ambisig ukoll talbet u kisbet li l-għan ta’ dan ir-rikors jiġi estiż għall-annullament tal-imsemmi kuntratt għal provvista ta’ servizzi konkluż fid-19 ta’ Marzu 2012. |
16 |
Peress illi t-Tribunal Administrativo e Fiscal de Leiria ċaħad ir-rikors fl-intier tiegħu, Ambisig ippreżentat appell quddiem it-Tribunal Central Administrativo Sul (tribunal amministrattiv ċentrali tan-Nofsinhar). |
17 |
Filwaqt li kkonfermat is-sentenza mogħtija mill-qorti tal-ewwel istanza, il-qorti tal-appell ikkunsidrat li l-fattur previst fl-Artikolu 5A tal-avviż ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien konformi mal-Artikolu 75(1) taċ-CCP, sa fejn il-fattur kien jirrigwarda “t-tim propost sabiex jeżegwixxi l-kuntratt tal-provvista ta’ servizzi mitluba, u mhux, direttament jew indirettament, sitwazzjonijiet, kwalitajiet jew karatteristiċi jew elementi fattwali oħra dwar l-offerenti”. |
18 |
Ambisig ippreżentat appell mis-sentenza tat-Tribunal Central Administrativo Sul quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (qorti amministrattiva suprema), fejn essenzjalment allegat li l-fattur previst fl-Artikolu 5A fl-avviż tal-kuntratt fil-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien illegali fid-dawl tal-Artikolu 75(1) taċ-CCP. |
19 |
Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, is-Supremo Tribunal Administrativo jikkonstata li l-kwistjoni ta’ liġi li għandha tinqata’ hija dwar jekk kriterji bħal dawk previsti fl-Artikolu 5A tal-avviż tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux legalment ikunu parti mill-kriterji ta’ għoti ta’ kuntratti fis-sens tal-Artikolu 53 tad-Direttiva 2004/18, fi proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi li jirrigwardaw il-provvista ta’ servizzi ta’ taħriġ u ta’ konsulenza. |
20 |
F’dan ir-rigward, is-Supremo Tribunal Administrativo jirrileva li l-Kummissjoni Ewropea ppreżentat abbozz ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi [Kummissjoni (2011) 896 finali], li jikkostitwixxi element ġdid meta mqabbel mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan is-suġġett. |
21 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi ta’ natura intelletwali, ta’ taħriġ u ta’ konsultazzjoni, huwa kompatibbli mad-Direttiva 2004/18 [...], u l-emendi rispettivi tagħha, li jiġi stabbilit, fost il-fatturi li jifformaw il-kriterju ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, fattur ta’ evalwazzjoni tat-timijiet konkretament proposti mill-offerenti għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, fid-dawl tal-kostituzzjoni differenti tagħhom, l-esperjenza pprovata tagħhom u l-analiżi tal-kurrikulu tagħhom?” |
Fuq id-domanda preliminari
22 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, sostanzjalment, il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18 imurx kontra dak li jiġi stabbilit mill-awtorità kontraenti, għall-għoti ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ta’ natura intellettwali, kriterju ta’ għoti li jippermetti li tiġi evalwata l-kwalità tat-timijiet konkretament proposti mill-offerenti għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, kriterju li jieħu inkunsiderazzjoni l-kostituzzjoni tat-tim kif ukoll l-esperjenza u l-kurrikulu tal-membri tiegħu. |
23 |
Il-qorti tar-rinviju qieset li kien meħtieġ li tagħmel din id-domanda minħabba kontradizzjoni li tidher bejn, minn naħa, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-verifika tal-adegwatezza tal-operaturi ekonomiċi li jeżegwixxu kuntratt u fuq il-kriterji għall-għoti tal-kuntratti, kif jirriżulta mis-sentenza Lianakis et (C‑532/06, UE:C:2008:40) u, min-naħa l-oħra, il-proposta tal-Kummissjoni, maħsuba biex jirriformaw ir-regolazzjoni tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, u l-fatt li l-kwalità hija waħda mill-kriterji ta’ għoti previsti mill-Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18, kriterju li jista’ jkun marbut mal-formazzjoni tat-tim, l-esperjenza u l-kurrikulu tal-membri li lilhom ikun ser jiġi fdat l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. |
24 |
Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist ta’ kuntratti pubbliċi u li tħassar id-Direttiva 2004/18 (ĠU L 94, p. 65), li daħlet fis-seħħ wara d-data tal-fatti prinċipali, ma hijiex applikabbli għal din il-kawża. |
25 |
Għandu jiġi ppreċiżat, barra minn hekk, li l-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza Lianakis et (C-532/06, EU:C:2008:40) tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 92/50/KEE tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1), li ġiet imħassra permezz tad-Direttiva 2004/18, u li din is-sentenza ma tipprekludix li l-awtorità kontraenti tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tistabbilixxi u tapplika kriterju bħal dak li jinsab fid-domanda preliminari fl-istadju tal-għoti tal-kuntratt. |
26 |
Tabilħaqq, din is-sentenza tikkonċerna l-persunal u l-esperjenza tal-offerenti inġenerali u mhux, bħal f’dan il-każ, il-persunal u l-esperjenza tal-persuni li jikkostitwixxu tim partikolari, li b’mod konkret, għandu jeżegwixxi l-kuntratt. |
27 |
Fir-rigward tal-interpretazzjoni, li fuqha qed tagħmel id-domanda l-qorti tar-rinviju, tal-Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18, għandu jiġi rrilevat li d-direttiva introduċiet elementi ġodda fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi fir-rigward tad-Direttiva 92/50. |
28 |
Fl-ewwel lok, l-Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18 jipprevedi li “l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża” għandha tiġi identifikata “mill-perspettiva tal-awtorità kontraenti” u għalhekk jagħti lill-awtorità kontraenti marġni ta’ diskrezzjoni ikbar. |
29 |
Fit-tieni lok, it-tielet paragrafu tal-premessa 46 tad-Direttiva 2004/18, tippreċiża li, fil-każijiet fejn il-kuntratt għandu jingħata lill-offerent li jkun issottometta l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża, hemm lok li titfittex l-offerta “li tippreżenta l-aqwa valur għall-flus”, li b’dan il-mod issaħħaħ il-piż tal-kwalità fil-kriterji ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. |
30 |
Għandu jingħad ukoll li l-kriterji li jistgħu jiġu aċċettati mill-awtoritajiet kontraenti biex jiddeterminaw l-iktar offerta vantaġġuża ekonomikament ma humiex elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2004/18. Din id-dispożizzjoni għalhekk tħalli f’idejn l-awtoritajiet kontraenti l-għażla tal-kriterji ta’ għoti ta’ kuntratt li jkunu biħsiebhom japplikaw. Madankollu, f’din l-għażla ma jistgħux jintroduċu kriterji oħra minbarra dawk intiżi biex jidentifikaw l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża (ara f’dan is-sens, is-sentenza Lianakis et, C‑532/06, UE:C:2008:40, punti 28 u 29, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għal dan il-għan, l-Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18 jeżiġi espressament li l-kriterji ta’ għoti ta’ kuntratt ikunu relatati mas-suġġett tal-kuntratt (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-368/10, EU:C:2012:284, punt 86). |
31 |
Il-kwalità tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku tista’ tiddependi b’mod determinanti fuq il-valur professjonali ta’ dawk responsabbli għall-eżekuzzjoni tiegħu, valur li huwa kkostitwit bl-esperjenza u t-taħriġ professjonali tagħhom. |
32 |
Dan jgħodd b’mod partikolari fejn il-provvista suġġett tal-kuntratt tkun ta’ natura intellettwali, u tirrigwarda, bħal fil-kawża prinċipali, servizzi ta’ taħriġ u ta’ konsulenza. |
33 |
Meta tali kuntratt ikollu jiġi eżegwit minn tim, huma l-ħiliet u l-esperjenza tal-membri tiegħu li huma determinanti biex tiġi evalwata l-kwalità professjonali ta’ dan it-tim. Din il-kwalità tista’ tkun karatteristika intrinsika tal-provvista u tkun relatata mas-suġġett tal-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18. |
34 |
Konsegwentement, din il-kwalità tista’ tiġi inkluża bħala kriterju ta’ għoti tal-kuntratt fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet ikkonċernati. |
35 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li, għall-għoti ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ta’ natura intellettwali, ta’ taħriġ u ta’ konsulenza, l-Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18 ma jipprekludix l-istabbiliment mill-awtorità kontraenti ta’ kriterju li jippermetti l-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ timijiet konkretament proposti mill-offerenti għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, kriterju li jieħu inkunsiderazzjoni l-kostituzzjoni tat-tim, kif ukoll l-esperjenza u l-kurrikulu tal-membri tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
36 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra minn dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Għall-għoti ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ta’ natura intellettwali, ta’ taħriġ u ta’ konsulenza, l-Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] ma jipprekludix l-istabbiliment mill-awtorità kontraenti ta’ kriterju li jippermetti l-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ timijiet konkretament proposti mill-offerenti għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, kriterju li jieħu inkunsiderazzjoni l-kostituzzjoni tat-tim, kif ukoll l-esperjenza u l-kurrikulu tal-membri tiegħu. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.