SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ April 2015 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira proposta ta’ regolament-qafas — Artikoli 13(2) TUE u 17 TUE — Artikolu 293 TFUE — Prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi — Prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali — Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali — Artikolu 296 TFUE — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża C‑409/13,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fit-18 ta’ Lulju 2013,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn G. Maganza, A. de Gregorio Merino u I. Gurov, bħala aġenti,

rikorrent,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil u J. Škeřik, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze, bħala aġent,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. Sampol Pucurull, bħala aġent,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u D. Colas, kif ukoll minn N. Rouam, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman u B. Koopman, kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn H. Leppo, bħala aġent,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn U. Persson u A. Falk, bħala aġenti,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn V. Kaye, bħala aġent, assistita minn R. Palmer, barrister,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Smulders u P. Van Nuffel, kif ukoll minn M. Clausen, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts (Relatur), Viċi President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, C. Vajda, S. Rodin u K. Jürimäe, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits, J. L. da Cruz Vilaça u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Settembru 2014,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Diċembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-8 ta’ Mejju 2013 li permezz tagħha din irtirat il-proposta tagħha ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għall-Assistenza Makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

Il-proposta ta ’ regolament-qafas

2

L-assistenza makrofinanzjarja (iktar ’il quddiem l-“AMF”) għandha l-għan li tagħti għajnuna finanzjarja ta’ natura makroekonomika lil pajjiżi terzi li jkollhom diffikultajiet fil-bilanċ tal-pagamenti fuq tul ta’ żmien qasir. Inizjalment, din kienet tingħata permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati, fuq bażi ta’ każ b’każ, skont l-Artikolu 235 tat-Trattat KE, u sussegwentement skont l-Artikolu 308 KE (li jikkorrispondu għall-Artikolu 352 TFUE). Sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-AMF tingħata permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda fuq bażi ta’ każ b’każ, skont l-Artikolu 212 TFUE, mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, bla ħsara għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 213 TFUE.

3

Fl-4 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ibbażata fuq l-Artikoli 209 TFUE u 212 TFUE, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għall-Assistenza Makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ regolament-qafas”).

4

Skont il-premessi 2 sa 4, 6 sa 8 u 13 tal-proposta ta’ regolament-qafas:

“(2)

Fil-preżent, l-assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi hija bbażata fuq deċiżjonijiet ad-hoc għal pajjiżi speċifiċi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dan inaqqas l-effiċjenza u l-effikaċja tal-assistenza billi jikkawża dewmien bla bżonn bejn it-talbiet għall-assistenza makrofinanzjarja u l-implimentazzjoni proprja tagħhom.

(3)

Qafas għall-forniment ta’ assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni għandha rabtiet politiċi, ekonomiċi u kummerċjali importanti għandu jagħmel l-assistenza aktar effikaċi. B’mod partikolari, għandu jkun possibbli li tiġi pprovduta assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi sabiex dawn jiġu mħeġġa jadottaw miżuri ta’ politika ekonomika li x’aktarx isolvu kriżi ta’ bilanċ tal-pagamenti.

(4)

Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi tat-3 ta’ Ġunju 2003[...], talab għal regolament ta’ qafas għall-assistenza makrofinanzjarja sabiex jitħaffef il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u biex jiġi pprovdut bażi formali u trasparenti lil dan l-istrument finanzjarju.

[...]

(6)

Fl-2006, l-Unjoni rristrutturat u ssemplifikat il-qafas tal-assistenza esterna tagħha sabiex tagħmlu aktar effikaċi. Għall-istrumenti finanzjarji esterni ewlenin kollha, hija adottat regolamenti ta’ qafas li jagħtu setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. L-uniku strument prinċipali li bħalissa ma għandu ebda regolament ta’ qafas huwa dak tal-assistenza makrofinanzjarja.

(7)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Ottubru 2002, il-Kunsill stabbilixxa kriterji (l-hekk imsejħa kriterji Genval) sabiex jiggwidaw l-operazzjonijiet ta’ assistenza makrofinanzjarja tal-[Unjoni] [...] Huwa xieraq li dawn il-kriterji jiġu fformalizzati f’att legali approvat kemm mill-Parlament kif ukoll mill-Kunsill, filwaqt li jiġu aġġornati u ċċarati.

(8)

Il-proċeduri u l-istrumenti xierqa għandhom jiġu previsti bil-quddiem sabiex l-Unjoni tkun tista’ tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tkun disponibbli bi prontezza, speċjalment meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu azzjoni immedjata. Dan għandu jżid ukoll iċ-ċarezza u t-trasparenza tal-kriterji applikabbli għall-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja.

[...]

(13)

L-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun kumplimentari għar-riżorsi pprovduti mill-Fond Monetarju Internazzjonali u minn istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali oħrajn u għandu jkun hemm qsim ġust tal-piżijiet ma’ donaturi oħrajn. L-assistenza makrofinanzjarja għandha tiżgura l-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni.”

5

L-Artikolu 1 tal-proposta ta’ regolament-qafas, intitolat “L-għan u l-ambitu tal-assistenza”, kien jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għall-għoti ta’ assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi u territorji eliġibbli kif stipulat fl-Artikolu 2.

2.   L-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun strument finanzjarju eċċezzjonali ta’ appoġġ mingħajr irbit u ġenerali għall-bilanċ tal-pagamenti lil pajjiżi terzi u territorji eliġibbli. Hija għandha timmira li tikseb lura sitwazzjoni sostenibbli ta’ finanzjament estern għal pajjiżi li jkunu qegħdin jaffrontaw diffikultajiet finanzjarji esterni. Hija għandha ssaħħaħ l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ riforma strutturali u ta’ aġġustament b’saħħithom maħsuba biex jirrimedjaw id-diffikultajiet marbuta mal-bilanċ tal-pagamenti.

3.   L-assistenza makrofinanzjarja tista’ tingħata fuq il-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ distakk ta’ finanzjament estern residwu identifikata b’mod konġunt mal-istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali minbarra r-riżorsi pprovduti mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u istituzzjonijiet multilaterali oħrajn, minkejja l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ riforma u stabbilizzazzjoni ekonomika b’saħħitha.

4.   L-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun ta’ natura temporanja u għandha titwaqqaf malli s-sitwazzjoni finanzjarja esterna tal-pajjiż benefiċjarju tinġieb lura f’sitwazzjoni sostenibbli.”

6

L-Artikolu 2 tal-proposta ta’ regolament-qafas kien jikkonċerna l-pajjiżi eliġibbli għall-AMF u kien jirreferi, f’dan ir-rigward, għall-Anness I, intitolat “Pajjiżi u territorji eliġibbli skont l-Artikolu 2(a) u (b)”. Huwa kien jipprevedi wkoll il-possibbiltà li tali assistenza tingħata lil pajjiżi terzi differenti minn dawk imsemmija f’dan l-anness, f’każijiet eċċezzjonali debitament iġġustifikati u sakemm dawn il-pajjiżi jkunu politikament, ekonomikament u ġeografikament qrib tal-Unjoni.

7

L-Artikolu 3 ta’ din il-proposta kien jirregola l-għamla tal-AMF (self, għotja jew kombinazzjoni tat-tnejn) u l-mod ta’ finanzjament ta’ din l-assistenza.

8

L-Artikolu 4 tal-imsemmija proposta kien jiddefinixxi l-kundizzjonijiet intiżi sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà ta’ AMF mad-dispożizzjonijiet finanzjarji rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 5 tagħha kien jistabbilixxi r-regoli ta’ determinazzjoni tal-ammont ta’ AMF.

9

L-Artikolu 6 tal-proposta ta’ regolament-qafas, intitolat, “Kundizzjonalità”, kien jipprovdi:

“1.   Prekundizzjoni għall-għoti ta’ assistenza makrofinanzjarja għandha tkun li l-pajjiż riċevitur jirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi s-sistemi parlamentari b’bosta partiti, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

2.   L-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun kundizzjonali fuq l-eżistenza ta’ programm tal-FMI li jinvolvi l-użu ta’ riżorsi tal-FMI.

3.   L-iżborż tal-assistenza għandu jkun kundizzjonali fuq rekord sodisfaċenti ta’ programm tal-FMI. Huwa għandu jkun kundizzjonali wkoll fuq l-implimentazzjoni, fi ħdan qafas ta’ żmien speċifiku, ta’ serje ta’ miżuri ta’ politika ekonomika definiti b’mod ċar li jiffokaw fuq riformi strutturali, li jridu jiġu miftiehma bejn il-Kummissjoni u l-pajjiż benefiċjarju u jiġu stabbiliti f’Memorandum ta’ Ftehim.

4.   Bil-għan li jħares l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u jsaħħaħ il-governanza tal-pajjiżi benefiċjarji, il-Memorandum ta’ Ftehim għandu jinkludi miżuri mmirati biex isaħħu l-effikaċja, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi.

5.   Il-progress fuq il-ftuħ reċiproku tas-suq, l-iżvilupp ta’ kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli u prijoritajiet oħrajn fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni għandhom ukoll jitqiesu b’mod xieraq fit-tfassil tal-miżuri ta’ politika.

6.   Il-miżuri ta’ politika għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet ta’ sħubija, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni jew il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni eżistenti konklużi bejn l-Unjoni u l-pajjiż benefiċjarju u mal-programmi ta’ riforma strutturali u ta’ aġġustament makroekonomiku implimentati mill-pajjiż benefiċjarju bl-appoġġ tal-FMI.”

10

L-Artikolu 7 tal-proposta ta’ regolament-qafas kien jikkonċerna l-proċedura ta’ għoti ta’ AMF.

11

Fl-Artikolu 7(1) ta’ din il-proposta, kien previst li l-pajjiż li jkun jixtieq jibbenefika minn AMF kellu jagħmel talba bil-miktub lill-Kummissjoni.

12

L-Artikolu 7(2) tal-imsemmija proposta, moqri flimkien mal-Artikolu 14(2) tagħha, kien jipprovdi li, fil-każ li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 1, 2, 4 u 6 tal-istess proposta jiġu sodisfatti, il-Kummissjoni kellha tagħti l-assistenza mitluba skont il-proċedura msejħa “ta’ eżami” stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implementazzjoni (ĠU L 55, p. 13).

13

L-Artikolu 7(3) tal-proposta ta’ regolament-qafas kien jikkonċerna l-ispeċifikazzjonijiet li kellhom jiġu inklużi fid-deċiżjoni tal-għoti ta’ self u fid-deċiżjoni tal-għoti ta’ għotja, rispettivament. Din id-dispożizzjoni kienet tippreċiża li, fiż-żewġ każijiet, it-tul ta’ disponibbiltà tal-AMF ma setax, bħala regola, jeċċedi t-tliet snin.

14

L-Artikolu 7(4) ta’ din il-proposta, moqri flimkien mal-Artikolu 14(3) tagħha, kien jipprovdi li, wara l-approvazzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ AMF, il-Kummissjoni kellha tiftiehem mal-pajjiż terz dwar il-miżuri ta’ politika msemmija fl-Artikolu 6(3) sa (6) tal-imsemmija proposta, skont il-proċedura msejħa “konsultattiva” stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 182/2011.

15

L-Artikolu 7(5) tal-proposta ta’ regolament-qafas kien jipprovdi li, wara l-approvazzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ AMF, il-Kummissjoni kellha tiftiehem mal-pajjiż benefiċjarju t-termini finanzjarji ta’ din l-assistenza, fil-kuntest ta’ ftehim dwar għotja jew self.

16

L-Artikoli 8 u 9 ta’ din il-proposta kienu jafdaw lill-Kummissjoni bir-responsabbiltà tal-implementazzjoni, tal-ġestjoni finanzjarja u tal-ħlas tal-AMF, kif ukoll is-setgħa li tissospendi, tnaqqas jew tikkanċella dan il-ħlas f’ċerti sitwazzjonijiet. L-Artikolu 10 tal-imsemmija proposta kien jikkonċerna miżuri ta’ appoġġ.

17

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 11 tal-proposta ta’ regolament-qafas kien iddedikat għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-Artikolu 12 tagħha għall-evalwazzjoni tal-effikaċja tal-AMF u l-Artikolu 13 ta’ din il-proposta għar-rapport annwali ta’ implementazzjoni tal-AMF.

In-negozjati interistituzzjonali dwar il-proposta ta ’ regolament-qafas

18

Wara diversi laqgħat tal-grupp ta’ ħidma tal-konsulenti finanzjarji tal-Kunsill, il-proposta ta’ regolament-qafas kienet suġġetta għal “gwida ġenerali” mill-Kunsill, approvata mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) fil-15 ta’ Diċembru 2011. F’din il-“gwida ġenerali”, il-Kunsill ippropona, b’mod partikolari, fir-rigward tal-Artikolu 7(2) ta’ din il-proposta, li l-attribuzzjoni ta’ kompetenza ta’ eżekuzzjoni lill-Kummissjoni tiġi ssostitwita bl-applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ għoti ta’ AMF.

19

Matul is-seduta plenarja tal-24 ta’ Mejju 2012, il-Parlament adotta ir-rapport tal-kumitat tiegħu għall-kummerċ internazzjonali dwar il-proposta ta’ regolament-qafas. Dan ir-rapport kien jipproponi, b’mod partikolari, li jsir rikors għal atti delegati għall-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ għoti ta’ AMF.

20

L-ewwel tliet laqgħat triparti li nżammu bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni fil-5 u fit-28 ta’ Ġunju kif ukoll fid-19 ta’ Settembru 2012 ikkonfermaw id-diverġenzi tal-pożizzjonijiet ta’ dawn it-tliet istituzzjonijiet dwar il-kwistjoni tal-proċedura ta’ għoti ta’ AMF li tinsab fl-Artikolu 7 tal-proposta ta’ regolament-qafas. B’mod partikolari, il-Parlament u l-Kunsill esprimew it-tħassib tagħhom fir-rigward ta’ nuqqas ta’ kontroll politiku u demokratiku tal-proċess deċiżjonali previst f’dan l-artikolu.

21

Matul Jannar 2013, il-Kummissjoni ppreżentat, fid-dawl tar-raba’ laqgħa triparti, dokument ta’ ħidma intitolat “Landing zone on implementing acts, delegated acts and co-decision in the MFA Framework Regulation” (“Żona ta’ nżul dwar l-atti ta’ eżekuzzjoni, l-atti delegati u l-kodeċiżjoni fir-regolament-qafas AMF”), li kien intiż sabiex iqarreb il-pożizzjonijiet rispettivi tat-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati dwar din il-kwistjoni u sabiex jagħti risposta għat-tħassib tal-Parlament u tal-Kunsill.

22

Min-negozjati li saru matul ir-raba’ laqgħa triparti, fit-30 ta’ Jannar 2013, irriżulta li l-Parlament u l-Kunsill setgħu jaqblu fuq soluzzjoni li kienet tipprovdi, fil-kuntest tar-regolament propost, li tintuża l-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ għoti ta’ AMF, li jiġi previst att ta’ eżekuzzjoni tal-Kummissjoni għall-adozzjoni tal-Memorandum ta’ Ftehim mal-pajjiż benefiċjarju u sabiex tiġi ddelegata lil din l-istituzzjoni s-setgħa li tadotta ċerti atti marbuta mal-AMF mogħtija.

23

Matul il-ħames laqgħa triparti, li nżammet fis-27 ta’ Frar 2013, ir-rappreżentanti tal-Parlament u tal-Kunsill ikkonfermaw il-volontà tagħhom li jżommu l-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ għoti ta’ AMF. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni sostna li, peress li tali approċċ jiżnatura l-proposta ta’ regolament-qafas, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tirtiraha.

24

Is-sostituzzjoni tal-kompetenza ta’ eżekuzzjoni tal-Kummissjoni bil-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ AMF kienet is-suġġett ta’ ftehim fil-prinċipju bejn il-Parlament u l-Kunsill, li ġie espress matul is-sitt laqgħa triparti, fil-25 ta’ April 2013. F’din l-okkażjoni, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni ddikjara uffiċjalment in-nuqqas ta’ qbil ta’ din l-istituzzjoni ma’ dan l-approċċ, billi stqarr li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tirtira l-proposta ta’ regolament-qafas jekk l-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja jinżamm għall-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ għoti ta’ AMF, peress li, skont l-imsemmija istituzzjoni, tali modifika tiżnatura din il-proposta u tagħti lok għal diffikultajiet kunsiderevoli ta’ natura kostituzzjonali.

25

F’ittra tas-6 ta’ Mejju 2013 mibgħuta lil O. Rehn, Viċi President tal-Kummissjoni, il-President tal-Coreper, filwaqt li kkritika l-aħbar mogħtija mir-rappreżentant tal-Kummissjoni matul is-sitt laqgħa triparti, talab lil din l-istituzzjoni tirrevedi l-pożizzjoni tagħha fid-dawl, b’mod partikolari, tal-perspettiva ta’ ftehim imminenti bejn il-Parlament u l-Kunsill.

26

Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2013, O. Rehn informa lill-President tal-Parlament u lill-President tal-Kunsill li, matul il-2045 laqgħa tiegħu, il-Kulleġġ tal-Kummissarji kien iddeċieda, skont l-Artikolu 293(2) TFUE, li jirtira l-proposta ta’ regolament-qafas.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27

Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors bħala infondat u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

29

Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Slovakka, ir-Renju tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

Fuq ir-rikors

30

Il-Kunsill jinvoka tliet motivi insostenn tar-rikors tiegħu. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE kif ukoll tal-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li jinsab fl-Artikolu 13(2) TUE. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

L-argumenti tal-partijiet

31

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, il-Kunsill u l-Istati Membri kollha intervenjenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE, li jirrifletti l-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali.

32

L-ewwel nett, il-Kunsill u l-Istati Membri tiegħu jsostnu, taħt il-forma ta’ kunsiderazzjonijiet ġenerali, li t-trattati ma jagħtux lill-Kummissjoni prerogattiva ġenerali li tippermettilha tirtira l-proposti li hija tkun issottomettiet lil-leġiżlatur tal-Unjoni.

33

F’dan ir-rigward, huma jsostnu, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ma tistax tislet mid-dritt ta’ inizjattiva leġiżlattiva tagħha stabbilit fl-Artikolu 17(2) TUE, dritt ta’ rtirar simetriku, ta’ natura diskrezzjonali.

34

Id-dritt ta’ rtirar tal-Kummissjoni għandu jkun limitat għal sitwazzjonijiet oġġettivi, bħal meta jkun għadda ż-żmien jew meta jkun hemm ċirkustanzi ġodda jew data li jrendu l-proposta leġiżlattiva obsoleta jew mingħajr skop, assenza twila ta’ progress notevoli tal-proċedura leġiżlattiva li tindika falliment, jew inkella l-eżistenza ta’ strateġija komuni mal-leġiżlatur tal-Unjoni fi spirtu ta’ kooperazzjoni leali u ta’ rispett tal-bilanċ istituzzjonali.

35

It-tieni nett, prerogattiva ġenerali ta’ rtirar ma tistax tiġi rrikonoxxuta lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 293 TFUE. Ir-rikonoxximent ta’ tali prerogattiva jwassal, għall-kuntrarju, sabiex jiċċaħħad mill-effettività d-dritt tal-Kunsill, stabbilit fl-Artikolu 293(1) TFUE, li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni fil-limiti tal-għan u tal-finalità tagħha.

36

It-tielet nett, il-fatt li jiġi rikonoxxut li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali ta’ rtirar ta’ proposta leġiżlattiva kull darba li ma tkunx taqbel mal-emendi miftiehma bejn il-koleġiżlaturi jew li ma tkunx issodisfatta bir-riżultat finali ta’ negozjati, iwassal sabiex din l-istituzzjoni tingħata mezz ta’ pressjoni mhux ġustifikat fuq l-iżvolġiment tal-ħidma leġiżlattiva kif ukoll dritt ta’ veto fuq l-azzjoni leġiżlattiva, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità politika.

37

Ir-raba’ nett, skont il-Kunsill u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-fatt li jiġi rrikonoxxut li l-Kummissjoni għandha tali setgħa diskrezzjonali ta’ rtirar imur kontra l-prinċipju ta’ demokrazija li, skont l-Artikolu 10(1) u (2) TUE huwa rifless fil-Parlament kif ukoll fl-appartenenza tal-membri tal-Kunsill għal gvernijiet politikament responsabbli quddiem il-parlamenti nazzjonali.

38

Wara dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali, il-Kunsill u l-Istati Membri intervenjenti jsostnu, fit-tieni lok, li, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pprekludiet lill-Parlament u lill-Kunsill milli jeżerċitaw il-prerogattivi leġiżlattivi tagħhom billi opponiet, mingħajr ebda raġuni oġġettiva u abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ pura opportunità politika, il-kompromess li dawn tal-aħħar kienu qegħdin jiffinalizzaw.

39

F’dan ir-rigward, il-Kunsill u dawn l-Istati Membri jsostnu, l-ewwel nett, li allegat żnaturament tal-proposta leġiżlattiva, dannu gravi għall-bilanċ istituzzjonali jew illegalità manifesta tal-att previst mill-koleġiżlatura ma jawtorizzax lill-Kummissjoni tirtira l-proposta tagħha.

40

Sussidjarjament, il-Kunsill u l-imsemmija Stati Membri jsostnu, it-tieni nett, li, fi kwalunkwe każ, ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi ma kienet preżenti f’dan il-każ.

41

F’dan ir-rigward, il-Kunsill u l-Istati Membri intervenjenti jsostnu, f’dak li jikkonċerna, minn naħa, l-iżnaturament allegat tal-proposta leġiżlattiva, li tali żnaturament huwa biss konċepibbli meta l-leġiżlatur ikollu l-intenzjoni li jitbiegħed mill-kamp ta’ applikazzjoni, mis-suġġett jew mill-finalità tagħha. Madankollu, dan ma kienx minnu f’dan il-każ, peress li l-ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill la ċaħħad il-proposta għal regolament-qafas mill-effettività tagħha u mir-raġuni tagħha, u lanqas qiegħed f’periklu t-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu.

42

Fil-fatt, l-element tal-proposta ta’ regolament-qafas dwar il-proċedura għal għoti ta’ AMF kellu portata sekondarja u strumentali, u għalhekk, ma kkostitwixxiex il-bażi ta’ din il-proposta, li mingħajrha l-elementi l-oħra tagħha kienu jitilfu s-sinjifikat tagħhom. L-għan tal-imsemmi kompromess kien, l-iktar, sabiex jinstab rimedju għad-difett li jivvizzja l-proposta tar-regolament-qafas, li, billi kienet tittrasferixxi lill-Kummissjoni kompetenza deċiżjonali ta’ eżekuzzjoni, kienet timmina s-setgħat li l-Artikoli 209 TFUE u 212 TFUE jirriżervaw għal-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-AMF, fid-dawl tad-dimensjoni politika ta’ dan il-qasam.

43

Il-Kunsill, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit isostnu, barra minn hekk, li l-kompromess ikkunsidrat previst mill-Parlament u mill-Kunsill lanqas ma kien jimmina l-għan ġenerali li kellu jintlaħaq mill-proposta ta’ regolament-qafas, li kien dak li jrendi effettiva l-proċedura ta’ għoti ta’ AMF billi jifformalizza u jikkjarifika r-regoli tagħha dwar l-implementazzjoni ta’ din l-assistenza, sabiex tissaħħaħ it-trasparenza u l-prevedibbilta ta’ dan l-istrument.

44

Fir-rigward tal-għan ta’ koerenza li huwa wkoll assenjat lir-regolament-qafas ikkunsidrat, ir-Repubblika Franċiża tosserva li l-AMF ma tistax titqabbel mal-istrumenti l-oħra tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna finanzjarja, msemmija fil-premessi tal-proposta ta’ regolament. Konsegwentement, allinjament tal-proċeduri applikabbli fil-qasam ta’ AMF fuq dawk applikabbli fil-kuntest ta’ dawn l-istrumenti l-oħra ma kienx ikun neċessarju.

45

F’dak li jikkonċerna, min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ istituzzjonali, il-Kunsill, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju Unit isostnu li tali riskju kien eskluż f’dan il-każ, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura kompleta tar-rimedji ġudizzjarji u tal-proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-atti leġiżlattivi tal-Unjoni.

46

Ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja jsostnu wkoll li l-kompromess li kienu waslu għalih il-koleġiżlaturi kien ta’ natura li jippreżerva l-libertà tal-Kummissjoni, f’każ ta’ talba għal għoti ta’ AMF, li tiddeċiedi dwar l-opportunità li tissottometti lil-leġiżlatur tal-Unjoni proposta ta’ għoti ta’ tali assistenza u, skont il-każ, li tiddetermina l-ammont ta’ din tal-aħħar u li tiżgura l-implementazzjoni kif ukoll il-kontroll tagħha.

47

Fil-kuntest tat-tieni motiv invokat, il-Kunsill u l-Istati Membri intervenjenti kollha jsostnu li l-Kummissjoni kisret, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE.

48

Huma jakkużaw lill-Kummissjoni talli ma espirimiet l-ebda riżerva jew ma tat ebda twissija meta l-koleġiżlaturi adottaw, rispettivament f’Diċembru 2011 u f’Mejju 2012, il-pożizzjoni tagħhom dwar il-proposta ta’ regolament-qafas. Huma jakkużaw lill-Kummissjoni wkoll talli naqset milli tinforma lill-koleġiżlaturi, fi żmien xieraq, bl-intenzjoni tagħha li tirtira l-proposta ta’ regolament-qafas u li b’hekk ipprekludiet lil dawn tal-aħħar milli jevitaw l-irtirar ikkunsidrat billi jibdlu l-orjentazzjoni komuni tagħhom. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-Kummissjoni rtirat din il-proposta bl-għaġla, fil-ġurnata stess meta l-Parlament u l-Kunsill kienu qegħdin jiffinalizzaw il-ftehim li kien ser iwassal għall-adozzjoni ta’ att li ma kienx konvenjenti għaliha.

49

In-nuqqas ta’ osservanza mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali huwa aggravat mill-fatt li din ma eżawrixxietx ir-rimedji proċedurali previsti fl-Artikoli 3(2) u 11(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill annessi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-1 ta’ Diċembru 2009, dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, p. 35), sabiex jiġi vverifikat jekk l-unanimità meħtieġa fl-Artikolu 293(1) TFUE sabiex tiġi emendata l-proposta ta’ regolament-qafas kinitx milħuqa f’dan il-każ.

50

Ir-Repubblika Taljana u r-Renju Unit iżidu li l-Kummissjoni eskludiet mill-bidu kwalunkwe diskussjoni u kwalunkwe negozjar mal-koleġiżlaturi dwar il-kontenut tal-Artikolu 7 tal-proposta ta’ regolament-qafas, filwaqt li dawn kellhom approċċ komuni f’dan ir-rigward.

51

Fil-kuntest tat-tielet motiv, il-Kunsill kif ukoll l-Istati Membri intervenjenti kollha jsostnu li deċiżjoni ta’ rtirar ta’ proposta leġiżlattiva hija att li jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju, li għandu, konsegwentement, josserva r-rekwiżit ta’ motivazzjoni prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

52

Madankollu, l-ittra tat-8 ta’ Mejju 2013, li permezz tagħha l-Viċi President tal-Kummissjoni informa lill-President tal-Parlament u lill-President tal-Kunsill bid-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda element dwar il-motivi ta’ din id-deċiżjoni. Dawn il-motivi jinsabu unikament f’dokumenti interni tal-Kummissjoni, li l-Kunsill sar jaf bihom biss matul din il-proċedura ġudizzjarja.

53

Din l-assenza totali ta’ motivazzjoni tikkonferma n-natura arbitrarja tad-deċiżjoni kkontestata.

54

B’risposta għall-ewwel motiv, il-Kummissjoni tenfasizza, fl-ewwel lok, li l-irtirar ta’ proposta leġiżlattiva jikkostitwixxi, bħall-preżentazzjoni jew il-modifika ta’ tali proposta, waħda mill-espressjonijiet tad-dritt ta’ inizjattiva tagħha fl-interess ġenerali tal-Unjoni, stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE. Dan id-dritt ta’ rtirar jikkostitwixxi wieħed mill-mezzi, għal din l-istituzzjoni, li tinħeles mir-responsabbiltajiet mogħtija lilha mit-trattati fil-proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni tal-atti tal-Unjoni.

55

Konsegwentement, bl-istess mod bħal ma hija biss il-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi jekk tippreżentax jew le proposta leġiżlattiva u jekk temendax jew le l-proposta inizjali tagħha jew proposta diġà emendata, hija biss il-Kummissjoni, sakemm il-proposta tagħha tkun għadha ma ġietx adottata, li għandha tiddeċiedi jekk iżżommhiex jew tirtirahiex.

56

F’dan il-każ, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata mhux abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità jew ta’ għażla politika li hija allegatament riedet li jipprevalu bl-użurpazzjoni tar-rwol tat-“tielet fergħa” tas-setgħa leġiżlattiva tal-Unjoni, iżda minħabba li l-att li l-koleġiżlaturi kellhom l-intenzjoni jadottaw ikkostitwixxa żnaturament tal-proposta ta’ regolament-qafas tagħha u implika dannu gravi għall-bilanċ istituzzjonali, minħabba l-ftehim fil-prinċipju bejn il-Parlament u l-Kunsill li jissostitwixxu, fl-Artikolu 7 ta’ din il-proposta, l-attribuzzjoni ta’ kompetenza ta’ eżekuzzjoni lill-Kummissjoni bl-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ għoti ta’ AMF.

57

Il-Kummissjoni tikkontesta, fit-tieni lok, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kisret il-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi u l-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali.

58

F’dan ir-rigward, hija ssostni li s-setgħat tal-leġiżlatur tal-Unjoni ma jinkludux is-setgħa sovrana li jadotta att li jibdel fundamentalment is-sens tal-proposta jew li jneħħilha r-raġuni tagħha.

59

Din l-istituzzjoni ssostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma kisret l-Artikolu 293(1) TFUE u setgħet leġittimament tkun ibbażata fuq l-Artikolu 293(2) TFUE li juri r-responsabbiltà ġenerali li hija għandha fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

60

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument li din id-deċiżjoni affettwat il-prinċipju ta’ demokrazija, billi enfasizzat li, bħall-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni, hija għandha leġittimità demokratika li hija tagħha.

61

B’risposta għat-tieni motiv, il-Kummissjoni, filwaqt li fakkret l-istorja tax-xogħol li ppreċeda l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, issostni li ż-żewġ ilmenti li hija akkużata bihom mill-Kunsill, ibbażati fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, huma infondati.

62

B’risposta għat-tielet motiv, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni ta’ proċedura interna, li għaliha ma japplikax l-obbligu ta’ motivazzjoni li jinsab fl-Artikolu 296 TFUE. Hija żżid li, fi kwalunkwe każ, hija wettqet perfettament id-dover tagħha li tinforma lill-Parlament u lill-Kunsill bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll bil-motivi tagħha. Dawn il-motivi, fil-fatt, ġew kostantement ripetuti mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni matul laqgħat differenti tal-grupp ta’ ħidma tal-konsulenti finanzjarji tal-Kunsill kif ukoll matul il-laqgħat triparti li nżammu bejn is-26 ta’ Frar u s-7 ta’ Mejju 2013.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

63

Permezz tat-tliet motivi tiegħu, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-Kunsill, sostnut mill-Istati Membri intervenjenti, isostni li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet bi ksur tal-Artikolu 13(2) TFUE kif ukoll tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

64

Skont l-Artikolu 13(2) TUE, kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-attribuzzjoni tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, skont il-proċeduri, il-kundizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom. Din id-dispożizzjoni tirrifletti l-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali, karatteristika tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni (ara s-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja, 9/56, EU:C:1958:7, p. 44), li jimplika li kull waħda mill-istituzzjonijiet teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza ta’ dawk tal-oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑70/88, EU:C:1990:217, punt 22, u Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑133/06, EU:C:2008:257, punt 57).

65

L-Artikolu 13(2) TUE jipprovdi, barra minn hekk, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jipprattikaw bejniethom kooperazzjoni leali.

66

Fir-rigward tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, dan jipprovdi, b’mod partikolari, li l-atti ġuridiċi tal-Unjoni għandhom ikunu mmotivati.

67

L-argument tal-Kunsill u tal-Istati Membri intervenjenti huwa, essenzjalment, li, billi rtirat, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-proposta għal regolament-qafas, il-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenzi attribwiti lilha mit-trattati u, b’hekk, imminat il-bilanċ istituzzjonali, peress li dawn tal-aħħar ma jagħtuhiex is-setgħa li tirtira proposta leġiżlattiva f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ. Il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

68

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 17(2) TUE, att leġiżlattiv tal-Unjoni jista’ jiġi adottat biss “fuq proposta tal-Kummissjoni”, ħlief fis-sitwazzjoni, li ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, fejn it-trattati jkunu jipprovdu mod ieħor.

69

Bl-istess mod, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li jirreferu għaliha l-Artikoli 209 TFUE u 212 TFUE, li kienu msemmija fil-proposta ta’ regolament-qafas, tikkonsisti, skont l-Artikolu 289 TFUE, fl-adozzjoni ta’ regolament, ta’ direttiva jew ta’ deċiżjoni b’mod konġunt mill-Parlament u mill-Kunsill, “fuq proposta tal-Kummissjoni”.

70

Is-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva rikonoxxuta lill-Kummissjoni mill-Artikoli 17(2) TUE u 289 TFUE timplika li hija l-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi jekk tippreżentax jew le proposta ta’ att leġiżlattiv, minbarra l-każ, li ma jeżistix f’din il-kawża, fejn hija tkun obbligata, skont id-dritt tal-Unjoni, li tippreżenta tali proposta. Abbażi ta’ din is-setgħa, f’każ ta’ preżentazzjoni ta’ proposta ta’ att leġiżlattiv, hija wkoll il-Kummissjoni li għandha, skont l-Artikolu 17(1) TUE, tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni u tieħu l-inizjattivi xierqa għal dan il-għan, sabiex tiddetermina s-suġġett, il-finalità kif ukoll il-kontenut ta’ din il-proposta.

71

L-Artikolu 293 TFUE jikkombina garanzija doppja ma’ din is-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva.

72

Minn naħa, l-Artikolu 293(1) TFUE jipprovdi li, minbarra l-każijiet li hemm riferiment għalihom fid-dispożizzjonijiet tat-TFUE msemmija fih, il-Kunsill, meta jaġixxi, skont it-trattati, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ biss jemenda l-proposta jekk jiddeċiedi b’mod unanimu.

73

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 293(2) TFUE, sakemm il-Kunsill ikun għadu ma ħa ebda azzjoni, il-Kummissjoni tista’ temenda l-proposta tagħha f’kull ħin matul il-proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni.

74

Mid-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-Artikolu 17(2) TUE kif ukoll tal-Artikolu 289 TFUE u 293 TFUE jirriżulta li s-setgħa tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja ma hijiex biss, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kunsill u ċerti Stati Membri intervenjenti, li tippreżenta proposta u, sussegwentement, li tiffaċilita l-kuntatti u li tfittex li tqarreb il-pożizzjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill. Bl-istess mod kif, fil-prinċipju, hija l-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi jekk tippreżentax jew le, proposta leġiżlattiva u, skont il-każ, li tiddetermina s-suġġett, il-finalità kif ukoll il-kontenut tagħha, il-Kummissjoni għandha, sakemm il-Kunsill ma jkunx iddeċieda, is-setgħa li temenda l-proposta tagħha, u anki, skont il-bżonn, li tirtiraha. L-eżistenza stess ta’ din is-setgħa ta’ rtirar ma hijiex, fil-fatt, ikkontestata f’dan il-każ, peress li huma biss il-portata u l-limiti ta’ din is-setgħa li huma diskussi. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-Kunsill ma kienx għadu ddeċieda dwar il-proposta ta’ regolament-qafas meta l-Kummissjoni ddeċidiet li tirtiraha.

75

Is-setgħa ta’ rtirar li l-Kummissjoni tislet mid-dispożizzjonijiet msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza ma tistax madankollu tagħti lil din l-istituzzjoni dritt ta’ veto fl-iżvolġiment tal-proċess leġiżlattiv, li jkun kuntrarju għall-prinċipji ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi u tal-bilanċ istituzzjonali.

76

Konsegwentement, jekk il-Kummissjoni, wara li tkun ippreżentat proposta fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, tiddeċiedi li tirtira din il-proposta, hija għandha tesponi lill-Parlament u lill-Kunsill il-motivi ta’ dan l-irtirar, li, f’każ ta’ kontestazzjoni, għandhom ikunu sostnuti minn argumenti konvinċenti.

77

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li deċiżjoni ta’ rtirar li tittieħed f’ċirkustanzi bħal dawk fil-każ inkwistjoni tikkostitwixxi att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament peress li, billi ttemm il-proċedura leġiżlattiva mibdija mill-preżentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, tali deċiżjoni ċċaħħad lill-Parlament u lill-Kunsill milli jeżerċitaw, kif riedu jagħmlu, il-funzjoni leġiżlattiva tagħhom, skont l-Artikoli 14(1) TUE u 16(1) TUE.

78

L-istħarriġ ġudizzjarju li, f’każ ta’ preżentata, bħal f’dan il-każ, ta’ rikors għal annullament, għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja jiġġustifika, konsegwentement, li deċiżjoni bħad-deċiżjoni kkontestata tittieħed b’osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 42).

79

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Delacre et vs Il-Kummissjoni, C‑350/88, EU:C:1990:71, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun ġie adottat f’kuntest magħruf mill-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

F’dan il-każ, huwa talbilħaqq minnu, kif isostnu l-Kunsill u ċerti Stati Membri intervenjenti, li, minbarra indikazzjoni li ssemmi l-Artikolu 293(2) TFUE bħala bażi tad-deċiżjoni kkontestata, l-ittra tat-8 ta’ Mejju 2013 li permezz tagħha l-Viċi President tal-Kummissjoni informa lill-President tal-Parlament u lill-President tal-Kunsill bl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ma tgħid xejn dwar il-motivi ta’ din tal-aħħar. Madankollu, mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, matul il-laqgħat ta’ grupp ta’ ħidma tal-konsulenti finanzjarji tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar u tad-9 ta’ April 2013, kif ukoll waqt il-laqgħat triparti tas-27 ta’ Frar u tal-25 ta’ April 2013, il-Kummissjoni ddikkjarat li setgħet tikkunsidra li tirtira l-proposta ta’ regolament-qafas minħabba li l-modifika kkunsidrata mill-Parlament u mill-Kunsill, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 7 tal-imsemmija proposta, kienet tiżnaturaha sal-punt li ċċaħħadha mir-raġuni tagħha, b’mod kuntrarju għad-diversi għanijiet li għandhom jintlaħqu minnha.

81

Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-Parlament u l-Kunsill kienu informati dwar il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata b’mod suffiċjenti skont il-liġi.

82

Fir-rigward tal-mertu, motivi bħal dawk allegati f’dan il-każ mill-Kummissjoni jistgħu jiġġustifikaw l-irtirar ta’ proposta ta’ att leġiżlattiv.

83

Fil-fatt, hemm lok li jiġi ammess li, meta emenda kkunsidrata mill-Parlament u mill-Kunsill tiżnatura l-proposta ta’ att leġiżlattiv b’mod li tostakola t-twettiq tal-għanijiet li għandhom jitwettqu minnha u li, għaldaqstant, iċċaħħadha mir-raġuni tagħha, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tirtiraha. Madankollu, hija tista’ tagħmel dan biss wara li tkun ħadet debitament inkunsiderazzjoni, fl-ispirtu ta’ kooperazzjoni leali li, skont l-Artikolu 13(2) TUE għandu jiggwida r-relazzjonijiet bejn istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑65/93, EU:C:1995:91, punt 23), it-tħassib tal-Parlament u tal-Kunsill li jkun il-bażi tal-volontà tagħhom li jemendaw il-proposta.

84

Għalhekk, jaqbel, fl-ewwel lok, li jiġi vverifikat jekk l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni f’dan il-każ isostnux il-motivi invokati minnha insostenn tad-deċiżjoni kkontestata.

85

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-proposta ta’ regolament-qafas kellha bħala għan prinċipali, skont il-premessi 2 u 8 tagħha, li tipprovdi lill-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-AMF b’qafas li jippermetti implementazzjoni rapida ta’ tali assistenza u li ttemm id-dewmien, li jippreġudika l-effettività ta’ din il-politika, li jirriżulta mit-teħid ta’ deċiżjoni, b’mod konġunt mill-Parlament u mill-Kunsill, għal kull każ ta’ għoti ta’ AMF.

86

B’hekk, kif jirriżulta mill-premessa 4 tal-proposta ta’ regolament-qafas, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni, bl-inizjattiva leġiżlattiva tagħha, li taġixxi fuq riżoluzzjoni tal-Parlament tat-3 ta’ Ġunju 2003 fejn dan kien esprima x-xewqa li l-AMF tkun is-suġġett ta’ regolament-qafas intiż, b’mod partikolari, sabiex jitħaffef il-proċess deċiżjonali f’dan il-qasam.

87

Skont il-premessi 4 u 6 sa 8 tal-proposta ta’ regolament-qafas, din kellha wkoll l-għanijiet li ttejjeb it-trasparenza tal-politika tal-Unjoni fil-qasam ta’ AMF, b’mod partikolari, f’termini ta’ għoti ta’ tali assistenza, kif ukoll li tiżgura l-koerenza ta’ din il-politika mal-politiki l-oħra tal-Unjoni fil-qasam ta’ għajnuna esterna, li huma rregolati minn regolamenti-qafas li jagħtu kompetenzi ta’ eżekuzzjoni lill-Kummissjoni.

88

Sabiex tilħaq dawn l-għanijiet differenti, il-proposta ta’ regolament-qafas kienet tipprovdi, kif jirriżulta mill-punti 5 sa 9 ta’ din is-sentenza, l-adozzjoni mill-Parlament u mill-Kunsill, abbażi tal-Artikoli 209 TFUE u 212 TFUE, ta’ qafas leġiżlattiv tal-politika tal-Unjoni fil-qasam ta’ AMF, li jispeċifika l-pajjiżi ammissibbli għal tali assistenza, l-għamliet, il-modalitajiet ta’ finanzjament kif ukoll id-diversi kundizzjonijiet ta’ għoti f’termini, b’mod partikolari, ta’ osservanza tal-mekkaniżmi demokratiċi, tal-implementazzjoni ta’ riformi ekonomiċi strutturali u ta’ miżuri ta’ titjib tal-amministrazzjoni tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll tal-applikazzjoni tal-prinċipji dwar kummerċ miftuħ, ibbażat fuq regoli u lealtà.

89

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 7 tal-proposta ta’ regolament-qafas kien jipprovdi li l-Kummissjoni tingħata kompetenza ta’ eżekuzzjoni sabiex tadotta, fil-limiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti permezz tal-kuntest leġiżlattiv ikkunsidrat, id-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ AMF kif ukoll il-memoranda ta’ ftehim li għandhom jiġu konklużi mal-pajjiżi benefiċjarji ta’ tali assistenza.

90

Kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, l-emenda li l-Parlament u l-Kunsill kienu kkunsidraw li jagħmlu għall-Artikolu 7, billi jissostitwixxu, fil-paragrafu 2 tiegħu, bil-proċedura leġiżlattiva ordinarja l-kompetenza ta’ eżekuzzjoni tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ għoti ta’ AMF, żnatura element essenzjali tal-proposta ta’ regolament-qafas b’mod inkonċiljabbli mal-għan li għandu jintlaħaq minn din il-proposta, li jikkonsisti fit-titjib tal-effettività tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-AMF.

91

Fil-fatt, tali emenda kienet timplika ż-żamma tal-proċess ta’ għoti, każ b’każ, mill-Parlament u l-Kunsill fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, meta l-għan prinċipali tal-proposta ta’ regolament-qafas kien preċiżament, permezz ta’ qafas leġiżlattiv tal-kundizzjonijiet tal-implementazzjoni tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-AMF, li jintemm dan il-proċess deċiżjonali, sabiex jitħaffef it-teħid ta’ deċiżjoni u, b’hekk, titjieb l-effikaċja ta’ din il-politika.

92

Kif fil-fatt sostniet il-Kummissjoni, skont id-dokumenti sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, matul il-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma tal-konsulenti finanzjarji tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2013, il-modalitajiet inerenti għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja jimplikaw inevitabbilment proċess deċiżjonali mifrux fuq diversi xhur, li huwa ta’ natura li jikkomplika l-koordinazzjoni tal-AMF bl-għoti ta’ riżorsi mill-FMI jew minn istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali oħra, riżorsi li l-AMF hija intiża li tikkompleta kif kien imfakkar fl-Artikoli 1(3) u 6(2) tal-proposta ta’ regolament-qafas, l-istess bħal fil-premessa 13 tagħha.

93

Barra minn hekk, l-emenda kkunsidrata mill-Parlament u mill-Kunsill kienet tmur kontra t-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq mill-proposta ta’ regolament-qafas, li tikkonsisti, għall-finijiet ta’ koerenza, fl-allinjament tal-proċedura tal-għoti ta’ AMF mal-proċedura applikabbli għall-istrumenti finanzjarji l-oħra tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna esterna.

94

Mill-analiżi esposta fil-punti 85 sa 93 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Kummissjoni kellha d-dritt li tikkunsidra li l-emenda kkunsidrata mill-Parlament u mill-Kunsill f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 7 tal-proposta ta’ regolament-qafas setgħet tiżnatura din il-proposta, fuq il-kwistjoni essenzjali tal-proċedura ta’ għoti ta’ AMF, b’mod li kien ifixkel it-twettiq tal-għanijiet li kellhom jintlaħqu mill-Kummissjoni permezz tal-imsemmija proposta u li, għaldaqstant, kienet iċċaħħadha mir-raġuni tagħha.

95

Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira, fid-dawl ta’ tali kunsiderazzjonijiet, il-proposta ta’ regolament-qafas la kisret il-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi u lanqas il-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, stabbiliti fl-Artikolu 13(2) TUE.

96

Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ demokrazija stabbilit fl-Artikolu 10(1) u (2) TUE, mill-Artikolu 17(2) TUE moqri flimkien mal-Artikoli TFUE u 293 TFUE jirriżulta li l-Kummissjoni għandha s-setgħa, mhux biss li tippreżenta proposta leġiżlattiva, iżda wkoll, sakemm il-Kunsill ma jkunx għadu ddeċieda, li tibdel il-proposta tagħha, jew, skont il-bżonn, li tirtiraha. Peress li din is-setgħa ta’ rtirar tal-Kummissjoni hija inseparabbli mid-dritt ta’ inizjattiva li għandha din l-istituzzjoni u taqa’ fil-kuntest tal-eżerċizzju tagħha permezz tad-dispożizzjonijiet tal-artikoli tat-Trattat FUE msemmija iktar ’il fuq, ma jistax ikun hemm kwistjoni, f’dan il-każ, ta’ ksur ta’ dan il-prinċipju. Għaldaqstant, dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

97

Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat, fid-dawl tal-ilmenti fformulati mill-Kunsill u mill-Istati Membri intervenjenti, jekk l-irtirar deċiż mill-Kummissjoni fit-8 ta’ Mejju 2013 sarx b’osservanza tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li huwa wkoll stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE.

98

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, b’mod ġenerali, li l-Kummissjoni rtirat il-proposta ta’ regolament-qafas biss meta deher li l-Kunsill u l-Parlament kellhom l-intenzjoni li jemendaw din il-proposta f’sens kuntrarju għall-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din tal-aħħar.

99

B’mod partikolari, mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kunsill u l-Parlament, għall-bidu, kienu esprimew pożizzjoni differenti dwar il-kwistjoni, ikkonċernata mill-Artikolu 7 tal-proposta ta’ regolament-qafas, tal-proċedura deċiżjonali ta’ għoti ta’ AMF. Fi “gwida ġenerali” approvata mill-Coreper fil-15 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill kien ippropona, f’dan ir-rigward, iż-żamma tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, filwaqt li, f’rapport approvat fl-24 ta’ Mejju 2012, il-Parlament kien irrakkomanda soluzzjoni bbażata fuq l-użu ta’ atti delegati.

100

Peress li ma kienx jeżisti qbil bejn il-koleġiżlaturi fir-rigward taż-żamma tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ għoti ta’ AMF, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma kinitx diġà invokat, f’dak iż-żmien, il-possibbiltà ta’ rtirar tal-proposta ta’ regolament-qafas.

101

Kif jirriżulta mid-dokument ta’ ħidma ppreżentat matul Jannar 2013, invokat fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, redatt mill-Kummissjoni fid-dawl tal-laqgħa triparti tat-30 ta’ Jannar 2013, jidher li, quddiem it-tħassib komuni tal-Parlament u tal-Kunsill li l-proċess deċiżjonali ta’ għoti ta’ AMF previst fl-Artikolu 7 tal-proposta ta’ regolament-qafas kien juri nuqqas ta’ kontroll politiku u demokratiku, il-Kummissjoni, għall-kuntrarju, kellha l-intenzjoni li taħdem għal tqarrib tal-pożizzjonijiet rispettivi tal-istituzzjonijiet ikkonċernati.

102

Fil-fatt, dan id-dokument kien jipproponi soluzzjoni ta’ kompromess bbażata, essenzjalment, fuq il-kombinazzjoni ta’ regolament-qafas iddettaljat, kif ikkunsidrat fil-proposta ta’ regolament-qafas, li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet, b’mod partikolari politiċi, ta’ għoti ta’ AMF, ta’ mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni informali tal-Parlament u tal-Istati Membri fuq l-abbozzi ta’ atti ta’ eżekuzzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għoti ta’ AMF, ta’ użu għal numru limitat ta’ atti delegati, f’dan il-każ erbgħa, intiżi sabiex jibdlu jew sabiex jikkompletaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-kuntest leġiżlattiv f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-lista tal-pajjiżi ammissibbli għal AMF u l-kriterji ta’ għażla tal-istrument finanzjarju (għotja jew self), ta’ użu selettiv għall-komitoloġija kif ukoll ta’ diversi mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni u ta’ rapporti lill-Parlament u lill-Kunsill.

103

Kuntrarjament għal dak li sostnew ċerti Stati Membri intervenjenti, il-Kummissjoni, mhux talli ma eskludietx kwalunkwe diskussjoni dwar is-suġġett tal-proċedura tal-għoti ta’ AMF, iżda pprovat tasal għal soluzzjoni li, filwaqt li tippreżerva l-għanijiet li kellhom jintlaħqu mill-proposta ta’ regolament-qafas fil-qasam ta’ AMF, kienet intiża sabiex tieħu inkunsiderazzjoni t-tħassib tal-Parlament u tal-Kunsill.

104

Minn meta dehret, mir-raba’ laqgħa triparti li nżammet fit-30 ta’ Jannar 2013, volontà komuni tal-Parlament u tal-Kunsill li tinżamm il-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-finijiet ta’ adozzjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ għoti ta’ AMF, il-Kummissjoni, kif juru d-dokumenti fil-fajl, invokat, matul il-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma tal-konsulenti finanzjarji tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2013 kif ukoll matul il-ħames laqgħa triparti li nżammet fis-27 ta’ Frar 2013, il-possibbiltà ta’ rtirar tal-proposta ta’ regolament-qafas kif ukoll il-motivi ta’ rtirar ikkunsidrat. Hija għamlet l-istess matul il-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma tal-konsulenti finanzjarji tal-Kunsill tad-9 ta’ April 2013 kif ukoll matul is-sitt laqgħa triparti li nżammet fil-25 ta’ April 2013. Kemm id-dokumenti dwar il-laqgħa triparti tas-27 ta’ Frar 2013 kif ukoll l-ittra mibgħuta fis-6 ta’ Mejju 2013 mill-President tal-Coreper lill-Viċi President tal-Kummissjoni wara l-laqgħa triparti tal-25 ta’ April 2013 juru li l-koleġiżlaturi kjarament kienu pperċepixxew dawn l-avviżi tal-Kummissjoni.

105

L-argument ibbażat fuq in-natura tardiva tat-tħabbir tal-Kummissjoni tal-intenzjoni tagħha li tirtira l-proposta ta’ regolament-qafas, konsegwentement, huwa infondat.

106

Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punt 104 ta’ din is-sentenza, u fin-nuqqas ta’ element, fil-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, li juri li l-Parlament u l-Kunsill setgħu jirrinunzjaw li jemendaw l-Artikolu 7 tal-proposta ta’ regolament-qafas, la l-assenza ta’ rikors mill-Kummissjoni għall-fakultà, prevista fl-Artikoli 3(2) u 11(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kunsill, li titlob il-vot ta’ dan tal-aħħar fuq din il-proposta, u lanqas il-fatt li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata saret fl-istess ġurnata meta l-Parlament u l-Kunsill kienu allegatament fil-punt li jifformalizzaw il-ftehim tagħhom fuq l-imsemmija proposta ma jistgħu jiġu kkunsidrati li jikkostitwixxu ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

107

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni kkontestata la kisret il-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi, la l-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali, la l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbiliti fl-Artikolu 13(2) TUE, u lanqas il-prinċipju ta’ demokrazija stabbilit fl-Artikolu 10(1) u (2) TUE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssodisfat, f’dan il-każ, l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

108

It-tliet motivi invokati mill-Kunsill insostenn tar-rikors tiegħu għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda bħala infondati.

109

Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

110

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regolamenti, li jipprovdi li l-Istati Membri intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, għandu jiġi deċiż li r-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja kif ukoll ir-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.