SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

11 ta’ Novembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-persuni — Ċittadinanza tal-Unjoni — Ugwaljanza fit-trattament — Ċittadini ta’ Stat Membru mingħajr attività ekonomika residenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor — Esklużjoni ta’ dawn il-persuni mill-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus abbażi tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 — Direttiva 2004/38/KE — Dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur — Artikoli 7(1)(b) u 24 — Kundizzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti”

Fil-Kawża C‑333/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sozialgericht Leipzig (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

Elisabeta Dano,

Florin Dano

vs

Jobcenter Leipzig,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, C. Vajda, S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits, M. Berger (Relatur), u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Impellizeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Marzu 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal E. Dano, minn E. Steffen, Rechtsanwältin,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning, bħala aġent,

għall-Irlanda, minn M. Heneghan, T. Joyce u E. Creedon, bħala aġenti, assistiti minn C. Toland, BL,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u C. Candat, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Behzadi‑Spencer, bħala aġent, assistita minn J. Coppel QC, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Schatz, D. Martin, M. Kellerbauer u C. Tufvesson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Mejju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 TFUE, tal-ewwel subparagrafu (a) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) TFUE, tal-Artikoli 1, 20 u 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikoli 4 u 70 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad‑29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72, u r-rettifika ĠU 2004, L 200, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1244/2010, tad‑9 ta’ Diċembru 2010 (ĠU L 338, p. 35, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”), kif ukoll tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad‑29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn E. Dano flimkien ma’ binha Florin u l-Jobcenter Leipzig fir-rigward tar-rifjut minn dan tal-aħħar li jagħtihom benefiċċji ta’ assigurazzjoni bażika (“Grundsicherung”), jiġifieri, għal E. Dano, il-benefiċċju tal-għajxien (“existenzsichernde Regelleistung”), u, għal binha, il-benefiċċju soċjali (“Sozialgeld”), kif ukoll il-parteċipazzjoni fl-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni u ta’ tisħin, previsti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1247/92

3

Skont l-ewwel sat-tmien premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1247/92, tat-30 ta’ April 1992, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali lill-persuni mpjegati, lill-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 41):

“Billi kien meħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 […], kif aġġornat permezz tar-Regolament (KEE) Nru 2001/83 […], kif emendat l-aħħar permezz tar-Regolament (KEE) Nru 2195/91 […];

Billi huwa meħtieġ li d-definizzjoni ta’ ‘membru tal-familja’ tiġi estiża fir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 sabiex tkun konformi mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ din l-espressjoni;

Billi huwa wkoll meħtieġ li titqies il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssemmi ċerti benefiċċji pprovduti taħt liġijiet nazzjonali jistgħu jaqgħu simultanjament fil-kategoriji kemm ta’ sigurtà soċjali kif ukoll ta’ l-assistenza soċjali minħabba l-klassi ta’ persuni li għalihom japplika dawn il-liġijiet, l-għanijiet tagħhom u l-mod kif japplikaw;

Billi l-Qorti tal-Ġustizzja stqarret li, għal xi partikolaritajiet tagħha, leġislazzjoni li taħtha huma mogħtija benefiċcċji bħal dawn hija viċin għall-assistenza soċjali fis-sens li l-bżonn huwa kriterju essenzjali għall-implimentazzjoni u l-kondizzjonijiet ta’ l-intitolament mhumiex ibbażati fuq l-aggregazzjoni tal-perijodu tax-xogħol jew kontribuzzjonijiet, filwaqt li f’partikolaritajiet oħra hija viċin ta’ sigurtà soċjali tant li fl-assenza ta’ diskrezzjoni fil-mod ta’ kif dawn il-benefiċċji kif ipprovduti hemm taħt huma mogħtija u fis-sens li tikkonferixxi posizzjoni imfissra legalment dwar il-benefiċjarji;

Billi r-Regolament (KEE) Nru 1408/71 jeskludi mill-għan tiegħu, permezz ta’ l-Artikolu 4(4), skemi ta’ l-assistenza soċjali;

Billi l-kondizzjonijiet imsemmija u l-metodi tal-applikazzjoni tagħhom huma tali li sistema ta’ koordinazzjoni li hija differenti minn dik ipprovduta bħal issa pprovduta fir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u li jieħu in akkont il-karatteristiċi speċjali tal-benefiċċji kkonċernati għandhom jiġu nklużi fir-Regolament sabiex jiġu protetti l-interessi ta’ ħaddiema li jemigraw skont id-disposizzjonijiet tal-Artikolu 51 tat-Trattat;

Billi benefiċċji bħal dawn imisshom jingħataw, rigward persuni li jaqgħu taħt l-għanijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, biss skont il-leġislazzjoni tal-pajjiż tar-residenza tal-persuna kkonċernata jew ta’ membri tal-familja tiegħu jew tagħha, bl-għadd ta’ perijodi ta’ residenza kompletati fi Stat Membru ieħor skont kif ikun meħtieġ u mingħajr diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ nazzjonalità;

Billi huwa wkoll meħtieġ li jiġi żgurat li s-sistema eżistenti ta’ koordinament fir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tkompli tapplika għall-benefiċċji msemmija jew mhux inklużi espressament fl-Anness ta’ dan ir-Regolament; Billi Anness ġdid huwa meħtieġ għal dan l-għan […]”

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004

4

Ir-Regolament Nru 883/2004 issostitwixxa, mill-1 ta’ Mejju 2010, ir-Regolament Nru 1408/71.

5

Skont il-premessi 1, 16 u 37 tar-Regolament Nru 883/2004:

“(1)

Ir-regoli għall-kordinazzjoni tas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali jaqgħu taħt il-qafas tal-moviment liberu ta’ persuni u għandhom jikkontribwixxu għat-titjib tal-livell ta’ għajxien tagħhom u tal-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg.

[…]

(16)

Fil-Komunità, bħala prinċipju, ma teżistix ġustifikazzjoni biex drittijiet ta’ sigurtà soċjali jsiru dipendenti fuq il-post ta’ residenza tal-persuna konċernata; madanakollu, f’każijiet speċifiċi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ benefiċċji marbuta mal-kuntest ekonomiku u soċjali tal-persuna involuta, il-post ta’ residenza jista’ jittieħed in konsiderazzjoni.

[…]

(37)

Kif stqarret diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, disposizzjonijiet li joħolqu derogi mill-prinċipju ta’ l-esportabilità ta’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali għandhom ikunu interpretati b’mod strett. Dan ifisser li dawn jistgħu jkunu applikati biss għal benefiċċji li jissodisfaw l-kondizzjonijiet speċifikati. Għaldaqstant, il-Kapitolu 9 tat-Titolu III ta’ dan ir-Regolament japplika biss għal dawk il-benefiċċji li huma benefiċċji speċjali u benefiċċji mhux kontributorji u li huma mniżżla fl-Anness X ta’ dan ir-Regolament.”

6

Ir-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi fl-Artikolu 1 tiegħu, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

l)

‘leġislazzjoni’ tfisser, fir-rigward ta’ kull Stat Membru, liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet statutorji oħra u kull miżuri ta’ implimentazzjoni oħra kollha marbutin mal-fergħat tas-sigurtà soċjali koperti mill-Artikolu 3(1);

[…]”

7

L-Artikolu 2(1) tiegħu, li jirregola l-kamp ta’ applikazzjoni personali tar-Regolament Nru 883/2004, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom.”

8

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, intitolat “Oqsma koperti” jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

[…]

b)

benefiċċji ta’ maternità u benefiċċji ekwivalenti ta’ paternità;

[…]

h)

benefiċċji mogħtija lil persuni li ma jkunux impjegati;

[…]

2.   Sakemm l-Anness XI ma jgħidx mod ieħor, dan ir-Regolament għandu japplika għal skemi ġenerali u speċjali ta’ sigurtà soċjali, kemm jekk kontributorji u kemm jekk le, u għal skemi marbutin ma’ l-obbligi ta’ min iħaddem jew ta’ sid il-vapur.

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus u li huma koperti mill-Artikolu 70.

[…]

5.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

a)

assistenza soċjali u medika [...];

[…]”

9

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Trattament ugwali”, jipprovdi:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

10

Il-Kapitolu 9 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 883/2004, li jirrigwarda l-“Benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus” fih l-Artikolu 70, intitolat “Disposizzjoni ġenerali”, li jipprovdi:

“1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għal benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus taħt il-leġislazzjoni li, minħabba l-ambitu personali, objettivi u/jew kondizzjonijiet dwar l-intitolar, għandha karatteristiċi kemm tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1) u kemm ta’ assistenza soċjali.

2.   Għall-għanijiet ta’ dan il-Kapitolu, ‘benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus’ tfisser dawn il-benefiċċji li:

a)

huma maħsuba biex jagħtu jew:

i)

protezzjoni supplimentari, sostituta jew sekondarja kontra r-riskji koperti mill-fergħat ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1), u li jiggarantixxu lill-persuni konċernati dħul minimu għall-għajxien fil-waqt li jikkunsidraw is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru konċernat;

ii)

protezzjoni speċifika biss għal persuni b’diżabilità, liema protezzjoni hija marbuta ma’ l-ambjent soċjali tal-persuna konċernata fl-Istat Membru konċernat,

u

b)

meta l-iffinanzjar jiġi b’mod esklużiv minn taxxi obbligatorji maħsubin biex ikopru l-ispiża pubblika ġenerali u l-kondizzjonijiet biex jingħataw u biex ikunu ikkalkulati l-benefiċċji ma jiddependux fuq xi kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju. Madanakollu, benefiċċji mogħtija biex jissupplimentaw benefiċċju kontributorju ma għandhomx jitqiesu bħala benefiċċji kontributorji minħabba din ir-raġuni biss,

u

ċ)

huma elenkati fl-Anness X.

3.   L-Artikolu 7 l-kapitoli l-oħra ta’ dan it-Titolu ma għandhomx japplikaw għall-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Il-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jingħataw biss fl-Istat Membru fejn il-persuni konċernati għandhom ir-residenza tagħhom u skond il-leġislazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Dawn il-benefiċċji għandhom jingħataw u għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza.”

11

L-Anness X tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji mogħtija fi flus”, jipprovdi, f’dak li jikkonċerna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-benefiċċji segwenti:

“[…]

b)

Benefiċċji li jkopru spejjeż ta’ sussistenza taħt id-dispożizzjoni bażika għal min ikun qed ifittex impjieg sakemm, fir-rigward ta’ dawn il-benefiċċji, il-ħtiġiet ta’ eliġibbiltà għal suppliment temporanju wara li jkunu rċivew il-benefiċċju tal-qgħad (l-Artikolu 24(1) tal-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali) ma jkunux ġew sodisfatti.”

Id-Direttiva 2004/38

12

Skont il-premessi 10, 16 u 21 tad-Direttiva 2004/38:

“(10)

Dawk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx, madankollu, ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta’ residenza. Għalhekk, id-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom għal perjodi li jaqbżu t-tliet xhur għandu jkun bla ħsara għal kondizzjonijiet.

[…]

(16)

Sakemm il-benefiċjarji tad-dritt ta’ residenza ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti, dawn m’għandhomx jitkeċċew. Għalhekk, miżura ta’ tkeċċija m’għandhiex tkun il-konsegwenza awtomatika jekk iduru għas-sistema ta’ l-għajnuna soċjali. L-Istat Membru ospitanti għandu jeżamina jekk hux każ ta’ diffikultajiet temporanji u jqis id-dewma tar-residenza, iċ-ċirkostanzi personali u l-ammont ta’ għajnuna awtorizzat qabel jikkunsidra lill-benefiċjarju piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tiegħu ta’ għajnuna soċjali u jipproċiedi għat-tkeċċija tiegħu. Fl-ebda każ m’għandha tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom jew persuni li qed ifittxu xogħol kif imfissra mill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.

[…]

(21)

Madankollu, għandu jkun l-Istat Membru ospitanti li jiddeċiedi jekk jagħtix għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza, jew għal perjodu itwal f’każ ta’ dawk li qed ifittxu xogħol, liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għajr dawk li huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom jew li jżommu dan l-istatus jew lill-membri tal-familja tagħhom, jew manteniment għall-istudji, inkluż it-taħriġ professjonali, qabel l-akkwist tad-dritt ta’ residenza permanenti minn dawn l-istess persuni.”

13

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza sa tliet xhur”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi.”

14

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi:

“Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)

ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)

għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; […]”

15

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Formalitajiet amministrattivi għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 4 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu ma jistabbilixxux ammont fiss li huma jikkunsidraw bħala ‘riżorsi suffiċjenti’, imma għandhom iqisu s-sitwazzjoni personali tal-persuna kkonċernata. Fil-każijiet kollha, dan l-ammont m’għandux ikun ogħla mil-limitu li taħtu ċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru ospitanti jkunu eliġibbli għal għajnuna soċjali, jew, fejn ma tapplikax din il-kriterja, ogħla mill-pensjoni minima soċjali mħallsa mill-Istat Membru ospitanti.”

16

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”, jipprovdi:

“1.   Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikolu 6, sakemm ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

2.   Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

F’każijiet speċifiċi fejn hemm dubju raġonevoli dwar jekk ċittadin ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jissoddisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 12 u 13, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu verifika ta’ dan. Din il-verika m’għandhiex titwettaq sistematikament.

3.   Miżura ta’ tkeċċija m’għandhiex tkun konsegwenza awtomatika meta ċittadin ta’ l-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu jirrikorru għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

4.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2 u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu VI, m’għandha fl-ebda każ tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew kontra membri tal-familja tagħhom jekk:

a)

iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom, jew

b)

iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni daħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu impjieg. F’dan il-każ, iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom m’għandhomx jitkeċċew sakemm iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jistgħu jipprovdu evidenza li qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh.”

17

L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Trattament ugwali”, jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.”

Id-dritt Ġermaniż

Il-Kodiċi Soċjali

18

L-Artikolu 19a(1) li jinsab fil-Ktieb I tal-Kodiċi Soċjali (Sozialgesetzbuch Erstes Buch, iktar ’il quddiem is-“SGB I”), jipprovdi ż-żewġ tipi prinċipali ta’ benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika għal dawk li jfittxu xogħol:

“Taħt id-dritt għall-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol jistgħu jintalbu:

1.   benefiċċji li jinvolvu d-dħul f’xogħol,

2.   benefiċċji li jinvolvu li jiġi żgurat l-għajxien.”

19

Fil-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali (Sozialgesetzbuch Zweites Buch, iktar ’il quddiem is-“SGB II”), l-Artikolu 1 tiegħu, intitolat “Funzjoni u għan tal-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“(1)   L-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol hija intiża li tippermetti lill-benefiċjarji tagħha jgħixu ħajja li tixraq lid-dinjità tal-bniedem.

[…]

(3)   L-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol tinvolvi benefiċċji

1.

intiżi li jtemmu jew li jnaqqsu l-istat ta’ bżonn, b’mod partikolari billi jinstab ix-xogħol u

2.

intiżi li jiżguraw l-għajxien.”

20

L-Artikolu 7 tas-SGB II, intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi:

“(1)   Il-benefiċċji skont dan il-ktieb huma intiżi għall-persuni li

1.

laħqu l-età ta’ 15‑il sena u għadhom ma laħqux il-limitu tal-età msemmi fl-Artikolu 7a,

2.

huma kapaċi jaħdmu,

3.

jinsabu fil-bżonn u

4.

jirrisjedu abitwalment fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (benefiċjarji kapaċi li jaħdmu). Huma esklużi

1.

il-barranin, nisa u rġiel, li ma humiex impjegati jew ħaddiema li jaħdmu għal rashom fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u li ma għandhomx id-dritt għall-moviment liberu skont l-Artikolu 2(3) tal-liġi dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (Freizügigkeitsgesetz/EU, iktar ’il quddiem il-‘FreizügG/EU’), u l-membri tal-familja tagħhom, matul l-ewwel tliet xhur tal-perijodu ta’ residenza tagħhom

2.

il-barranin, nisa u rġiel, li d-dritt ta’ residenza tagħhom huwa ġġustifikat biss minħabba li qegħdin ifittxu xogħol, u l-membri tal-familja tagħhom,

[…]

Il-punt 1 tat-tieni sentenza, ma japplikax għall-barranin, nisa u rġiel, li jirrisjedu fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja taħt permess ta’ residenza maħruġ skont il-Kapitolu 2, taqsima 5 tal-Liġi dwar id-dritt ta’ residenza. Id-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dritt ta’ residenza jibqgħu japplikaw.

[…]”

21

L-Artikolu 8 tas-SGB II, intitolat “Idoneità għall-ħidma”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Hija kapaċi li taħdem kull persuna li, fil-futur prevedibbli, ma hijiex inkapaċi, minħabba mard jew diżabbiltà, li teżerċita attività professjonali tal-inqas tliet sigħat kuljum fil-kundizzjonijiet abitwali tas-suq tax-xogħol.”

22

L-Artikolu 9 tas-SGB II jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Hija fil-bżonn kull persuna li ma tistax tiżgura l-għajxien tagħha, jew li tiżgurah b’mod suffiċjenti, abbażi tad-dħul jew tal-patrimonju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni u ma tirċevix l-għajnuna neċessarja minn persuni oħra, b’mod partikolari mill-membri tal-familja tagħha jew minn korpi oħra ta’ benefiċċji soċjali.”

23

L-Artikolu 20 tas-SGB II jipprovdi dispożizzjonijiet komplementari fuq il-bżonnijiet bażiċi għall-għajxien. L-Artikolu 21 tas-SGB II jipprovdi regoli dwar il-bżonnijiet supplimentari u l-Artikolu 22 tas-SGB II dawk dwar il-bżonnijiet tal-akkomodazzjoni u l-provvista ta’ tisħin. Fl-aħħar nett, l-Artikoli 28 sa 30 tas-SGB II jirrigwardaw il-benefiċċji ta’ taħriġ u ta’ parteċipazzjoni.

24

Fil-ktieb XII tal-Kodiċi Soċjali (Sozialgesetzbuch Zwölftes Buch, iktar ’il quddiem is-“SGB XII”), l-Artikolu 1 tiegħu, li jittratta l-għajnuna soċjali, jipprovdi:

“Il-funzjoni tal-għajnuna soċjali hija dik li tippermetti lill-benefiċjarji tagħha li jgħixu ħajja li tixraq lid-dinjità tal-bniedem. […]”

25

L-Artikolu 21 tas-SGB XII jipprovdi:

“Il-benefiċċji għall-għajxien ma jingħatawx lill-persuni li huma benefiċjarji ta’ benefiċċji skont il-ktieb II sa fejn dawn ikunu kapaċi jaħdmu jew minħabba r-rabta familjari tagħhom. […]”

26

L-Artikolu 23 tas-SGB XII, intitolat “Għajnuna soċjali għall-barranin, nisa u rġiel”, jipprovdi kif ġej:

“(1)   L-għajnuna għall-għajxien, l-għajnuna għall-morda, l-għajnuna għan-nisa tqal u l-għajnuna tal-maternità kif ukoll l-għajnuna għall-aċċess għall-kura skont dan il-ktieb għandhom jingħataw lill-barranin li jirrisjedu b’mod effettiv fit-territorju nazzjonali. Id-dispożizzjonijiet tar-raba’ kapitolu ma humiex affettwati. Mill-bqija, l-għajnuna soċjali tista’ tingħata meta din tkun iġġustifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi individwali. Ir-restrizzjonijiet tal-ewwel sentenza ma japplikawx għall-barranin li ma għandhomx permess ta’ residenza għal żmien indefinit [‘Niederlassungserlaubnis’] jew permess ta’ residenza għal żmien definit [‘befristeter Aufenthaltstitel’] u li jkunu jixtiequ jirrisjedu b’mod permanenti fit-territorju federali. Id-dispożizzjonijiet li bis-saħħa tagħhom il-benefiċċji tal-għajnuna soċjali, li ma humiex dawk imsemmija fl-ewwel sentenza, għandhom jew ser ikollhom jitħallsu ma humiex affettwati.

[…]

(3)   Il-barranin li daħlu fit-territorju nazzjonali sabiex jiksbu l-għajnuna soċjali jew li d-dritt ta’ residenza tagħhom joħroġ mill-għan ewlieni tat-tiftix tax-xogħol ma għandhomx dritt għall-għajnuna soċjali, l-istess bħall-membri tal-familja tagħhom. Jekk huma jkunu daħlu fit-territorju nazzjonali biex jikkuraw jew itaffu xi marda, l-għajnuna lill-persuni morda tista’ titħallas biss biex tirrimedja l-istat kritiku perikoluż għall-ħajja jew biex tingħata kura għal xi marda serja jew kontaġġjuża li tirriżulta li hija kemm indispensabbli u kif ukoll urġenti.

(4)   Il-barranin li jibbenefikaw mill-għajnuna soċjali għandhom ikunu informati bil-programmi ta’ ripatrijazzjoni u ta’ installazzjoni mill-ġdid li japplikaw għalihom; fil-każijiet meħtieġa, għandu jiġi żgurat li l-barranin ikkonċernati jibbenefikaw minn dawn il-programmi.”

Il-liġi dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni

27

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FreizügG/EU huwa ppreċiżat fl-Artikolu 1 ta’ din il-liġi:

“Din il-liġi tirregola d-dħul u r-residenza taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea (ċittadini tal-Unjoni) u tal-membri tal-familja tagħhom.”

28

L-Artikolu 2 tal-FreizügG/EU jipprovdi, għal dak li jikkonċerna d-dritt tad-dħul u ta’ residenza:

“(1)   Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jibbenefikaw mill-moviment liberu u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt li jidħlu u li jirrisjedu fit-territorju federali skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.

(2)   Għandhom jibbenefikaw mill-moviment liberu taħt id-dritt Komunitarju:

1.

Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu jixtiequ jirrisjedu bħala ħaddiema, sabiex ifittxu impjieg jew biex jieħdu taħriġ professjonali.

[…]

5.

Iċ-ċittadini tal-Unjoni mingħajr attività professjonali, b’mod konformi għall-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4,

6.

Il-membri tal-familja, skont il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 4,

[…]

(4)   Ma hija meħtieġa ebda visa għaċ-ċittadini tal-Unjoni biex jidħlu fit-territorju Federali u lanqas permess ta’ residenza biex jirrisjedu fih. […]

(5)   Huwa biżżejjed li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkollhom karta tal-identità jew passaport validu biex ikunu jistgħu jirrisjedu sa matul perijodu ta’ tliet xhur. Il-membri tal-familja li ma humiex ċittadini tal-Unjoni għandhom l-istess dritt jekk ikollhom passaport (jew dokument li jissostitwixxi passaport) liċenzjat jew debitament awtorizzat u jekk jakkumpanjaw jew jingħaqdu maċ-ċittadin tal-Unjoni.

[…]

(7)   L-ineżistenza tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 tista’ tiġi kkonstatata meta jkun stabbilit li l-persuna kkonċernata tkun aġixxiet bħallikieku kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa billi użat dokumenti falsifikati jew alterati jew b’qerq. L-ineżistenza tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 tista’ tiġi kkonstatata wkol fir-rigward ta’ membru tal-familja li ma għandux iċ-ċittadinanza tal-Unjoni meta jiġi stabbilit li ma jakkumpanjax jew ma huwiex qiegħed jingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni biex jistabbilixxi jew iżomm il-komunità tal-ħajja tal-familja. F’tali każ, il-membru tal-familja li ma għandux iċ-ċittadinanza tal-Unjoni jista’ ma jingħatax il-karta ta’ residenza jew il-visa, jew titieħidlu l-karta ta’ residenza. Id-deċiżjonijiet meħuda abbażi tas-sentenzi 1 sa 3 jeħtieġu l-forma bil-miktub.”

29

L-Artikolu 3 tal-FreizügG/EU, dwar il-membri tal-familja, jipprovdi:

“(1)   Il-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni msemmija fil-punti 1 sa 5 tal-Artikolu 2(2) jibbenefikaw mid-dritt abbażi tal-Artikolu 2(1) meta jakkumpanjaw lill-imsemmi ċittadin tal-Unjoni jew meta jingħaqdu miegħu. Għall-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni msemmija fil-punt 5 tal-Artikolu 2(2), dan japplika b’mod konformi mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4.

(2)   Huma membri tal-familja

1.

il-konjuġi, is-sieħeb u l-ġenituri fil-linja dixxendenti tal-persuni msemmija fil-punti 1 sa 5 u 7 tal-Artikolu 2(2), jew tal-konjuġi jew tas-sieħeb tagħhom, li għadhom ma laħqux il‑21 sena.

2.

il-ġenituri fil-linja axxendenti jew dixxendenti tal-persuni msemmija fil-punti 1 sa 5 u 7 tal-Artikolu 2(2), jew tal-konjuġi jew tas-sieħeb tagħhom, li l-għajxien tagħhom huwa ggarantit minn dawn il-persuni jew mill-konjuġi jew mis-sieħeb tagħhom.

[…]”

30

L-Artikolu 4 tal-FreizügG/EU jipprovdi, fir-rigward tal-persuni li jibbenefikaw mill-moviment liberu li ma jeżerċitawx attività professjonali, li:

“Iċ-ċittadini tal-Unjoni mingħajr attività professjonali u l-membri tal-familja tagħhom li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom, għandhom jibbenefikaw mid-dritt previst fl-Artikolu 2(1) jekk huma jkollhom assigurazzjoni tal-mard suffiċjenti u mezzi ta’ għajxien suffiċjenti. Jekk ċittadin tal-Unjoni jirrisjedi fit-territorju Federali taħt l-istatus ta’ student, għandhom jibbenefikaw minn dan id-dritt biss il-konjuġi jew sieħeb/sieħba tiegħu/tagħha u t-tfal tiegħu/tagħha, li l-għajxien tagħhom ikun żgurat.”

31

L-Artikolu 5 tal-FreizügG/EU, intitolat “Karti ta’ residenza u ċ-ċertifikat relatat mad-dritt ta’ residenza permanenti”, jipprovdi:

“[…]

(2)   L-uffiċċju tal-barranin kompetenti jista’ jeżiġi li l-kundizzjonijiet tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2(1) jintwerew b’mod kredibbli fi żmien tliet xhur li jsegwu d-dħul fit-territorju Federali. L-indikazzjonijiet u l-provi neċessarji għall-ġustifikazzjoni jistgħu jiġu rċevuti, waqt ir-reġistrazzjoni amministrattiva, mill-awtorità ta’ reġistrazzjoni kompetenti, li għandha tibgħat l-indikazzjonijiet u l-provi lill-uffiċċju tal-barranin kompetenti. L-awtorità ta’ reġistrazzjoni ma għandha tagħmel ebda użu jew ipproċessar ieħor ta’ din id-data.

(3)   Jekk ċirkustanza partikolari tkun tiġġustifika dan, jista’ jsir kontroll intiż biex jiġi stabbilit jekk ġewx sodisfatti jew jekk jistgħux jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet tad-dritt previsti fl-Artikolu 2(1).

[…]”

32

L-Artikolu 5a tal-FreizügG/EU jipprovdi:

“(1)   L-awtorità kompetenti tista’ titlob lil ċittadin tal-Unjoni biex jippreżentalha, fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 5(2), karta tal-identità jew passaport validu, u fiċ-ċirkustanzi previsti

[…]

3.   fl-Artikolu 2(2)(5), il-prova ta’ assigurazzjoni suffiċjenti u ta’ mezzi ta’ għajxien suffiċjenti.”

33

L-Artikolu 6 tal-FreizügG/EU, dwar it-telf tad-dritt ta’ dħul u ta’ residenza, jipprovdi:

“(1)   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(7) u għall-Artikolu 5(4), it-telf tad-dritt imsemmi fl-Artikolu 2(1) jista’ jiġi kkonstatat biss, wara li jiġi rrevokat iċ-ċertifikat ta’ dritt ta’ residenza permanenti u wara li tiġi rrevokata l-karta ta’ residenza jew ta’ residenza permanenti, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika (Artikoli 45(3) u 52(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). Id-dħul fit-territorju jista’ wkoll jiġi rrifjutat għar-raġunijiet imsemmija fl-ewwel sentenza. […]

(2)   Kundanna kriminali ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex tiġġustifika d-deċiżjonijiet jew il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1. Huma biss il-kundanni kriminali li ma jkunux għadhom tħassru mir-reġistru ċentrali li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, u unikament sakemm iċ-ċirkustanzi li jiffurmaw il-bażi ta’ dawn il-kundanni jkunu xhieda ta’ aġir personali li jirrappreżenta theddida reali għall-ordni pubbliku. Għandha tkun theddida reali u serja biżżejjed li tolqot interess fundamentali tas-soċjetà.

(3)   Għall-finijiet ta’ deċiżjoni skont il-paragrafu 1, għandu, b’mod partikolari, jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul ta’ residenza tal-persuna kkonċernata fil-Ġermanja, l-età tagħha, l-istat ta’ saħħitha, is-sitwazzjoni familjari u ekonomika tagħha, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha f’dan it-territorju, u l-qawwa tar-rabtiet tagħha mal-Istat ta’ oriġini tagħha.

[…]

(6)   Id-deċiżjonijiet jew miżuri relatati mat-telf tad-dritt ta’ residenza jew tad-dritt ta’ residenza permanenti ma jistgħux jiġu adottati għal għanijiet ekonomiċi.

[…]”

34

F’dak li jikkonċerna l-obbligu li jitħalla t-territorju, l-Artikolu 7 tal-FreizügG/EU jipprovdi:

“(1)   Iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom huma obbligati li jitilqu mit-territorju meta d-dipartiment tal-barranin ikun ikkonstata li dawn ma jibbenefikawx mid-dritt ta’ dħul u ta’ residenza. Id-deċiżjoni għandha tindika l-possibbiltà ta’ trasferiment lejn il-fruntiera u terminu għat-tluq. Bl-eċċezzjoni tal-każijiet urġenti, it-terminu għandu jkun ta’ mill-inqas xahar. […]

(2)   Iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom, li tilfu d-dritt ta’ moviment liberu bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) ma humiex awtorizzati li jidħlu mill-ġdid fit-territorju Federali u lanqas li jirrisjedu fih. Fuq talba, il-projbizzjoni skont l-ewwel sentenza hija limitata ratione temporis. It-terminu jibda jiddekorri mill-ħruġ mit-territorju. Għandha tingħata deċiżjoni fi żmien sitt xhur fuq kull talba għall-annullament ippreżentata wara żmien raġonevoli jew wara terminu ta’ tliet snin.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

35

E. Dano, imwielda fl-1989, u binha Florin, imwieled fit-2 ta’ Lulju 2009 f’Saarbrücken (il-Ġermanja), huma t-tnejn ta’ nazzjonalità Rumena. Skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, E. Dano daħlet fil-Ġermanja, għall-aħħar darba, fl‑10 ta’ Novembru 2010.

36

Fid‑19 ta’ Lulju 2011, il-belt ta’ Leipzig tat lil E. Dano permess ta’ residenza għal żmien indefinit (“Unbefristete Freizügigkeitsbescheinigung”) intiż għaċ-ċittadini tal-Unjoni, filwaqt li stabbilixxiet, bħala d-data tad-dħul fit-territorju Ġermaniż, is‑27 ta’ Ġunju 2011. Fit‑28 ta’ Jannar 2013, din il-belt ħarġitilha, barra minn hekk, kopja dduplikata ta’ dan il-permess.

37

E. Dano u binha ilhom minn meta waslu f’Leipzig jgħixu fl-appartament ta’ oħt E. Dano, li tipprovdi l-ikel tagħhom.

38

E. Dano tirċievi, għal binha Florin, allowances għall-ulied dipendenti (“Kindergeld”), li jitħallsu mill-fond tal-allowances familjari ta’ Leipzig f’isem l-Aġenzija Federali għax-Xogħol, fl-ammont ta’ EUR 184 fix-xahar. Id-dipartiment tal-assistenza soċjali għaż-żgħażagħ u għat-tfal ta’ Leipzig iħallas, barra minn hekk, ħlas bil-quddiem ta’ manteniment fl-ammont ta’ EUR 133 fix-xahar għal dan it-tifel, li l-missier tiegħu ma huwiex magħruf.

39

E. Dano attendiet l-iskola għal tliet snin fir-Rumanija, iżda ma għandha ebda ċertifikat tat-tmiem tal-istudji. Hija tifhem il-Ġermaniż oralment u hija kapaċi li tesprimi ruħha b’mod sempliċi b’dik il-lingwa. Min-naħa l-oħra, ma hijiex kapaċi tikteb f’dik il-lingwa u ma hijiex kapaċi taqra testi miktuba bil-Ġermaniż ħlief b’mod limitat. Hija ma għandhiex kwalifiki professjonali u sa llum ma eżerċitat ebda attività professjonali la fil-Ġermanja u lanqas fir-Rumanija. Għalkemm il-kapaċità għax-xogħol tagħha qatt ma ġiet ikkontestata, ebda prova ma twassal biex jingħad li hija fittxet xogħol.

40

L-ewwel talba ppreżentata minn E. Dano u binha għall-għoti ta’ benefiċċji għall-assigurazzjoni bażika skont is-SGB II ġiet miċħuda mill-Jobcenter Leipzig permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2011, abbażi tal-punt 2 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II. Peress li din id-deċiżjoni ma ġietx ikkontestata, din saret res judicata.

41

Talba ġdida għall-istess benefiċċji li tressqet fil‑25 ta’ Jannar 2012 ġiet miċħuda wkoll mill-Jobcenter Leipzig, fit‑23 ta’ Frar 2012. E. Dano u binha ppreżentaw rikors amministrattiv kontra din iċ-ċaħda abbażi tal-Artikoli 18 TFUE u 45 TFUE u tas-sentenza Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344). Madankollu, dan ir-rikors ġie miċħud b’deċiżjoni tal‑1 ta’ Ġunju 2012.

42

Fl‑1 ta’ Lulju 2012, E. Dano u binha ppreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem is-Sozialgericht Leipzig li bih talbu għal darba oħra l-għoti tal-benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika għall-persuni li jfittxu x-xogħol, abbażi tas-SGB II, għall-perijodu li beda fil‑25 ta’ Jannar 2012.

43

Din il-qorti tqis li, abbażi tal-punt 2 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II u tal-Artikolu 23(3) tas-SGB XII, E. Dano u binha ma għandhomx dritt għall-benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika. Madankollu, din tesprimi dubji dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 18 TFUE u d-dritt ta’ residenza ġenerali li jirriżulta mill-Artikolu 20 TFUE, jipprekludux l-imsemmija dispożizzjonijiet tal-liġi Ġermaniża.

44

Skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-kawża prinċipali tikkonċerna persuni li ma jistgħux jitolbu dritt ta’ residenza fl-Istat ospitanti abbażi tad-Direttiva 2004/38.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sozialgericht Leipzig iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Persuni li ma jitolbux benefiċċji tal-liġi ta’ sigurtà soċjali jew benefiċċji tal-familja skont l-Artikolu 3(1) [ta’ dan] ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 iżda [jitolbu] benefiċċji mhux kontributorji skont l-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 70 tar-Regolament [imsemmi], jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004?

2)

Jekk ir-risposta li tingħata għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 jipprekludi Stati Membri, bil-għan li jevitaw li jkun hemm rikors irraġonevoli għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali mhux kontributorji skont l-Artikolu 70 tar-Regolament [Nru 883/2004], li jiggarantixxu livell ta’ għajxien, milli jeskludu kompletament jew parzjalment ċittadini tal-Unjoni fil-bżonn milli jirrikorru għal dawn il-benefiċċji li huma pprovduti liċ-ċittadini tagħhom stess li jkunu fl-istess sitwazzjoni?

3)

Jekk ir-risposta għall-ewwel jew għat-tieni domanda tkun fin-negattiv: L-Artikolu 18 TFUE u/jew il-punt a [tal-ewwel subparagrafu] tal-Artikolu 20(2) TFUE flimkien [mat-tieni subparagrafu] tal-Artikolu 20(2) TFUE u l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38/KE, jipprekludi Stati Membri, bil-għan li jevitaw li jkun hemm rikors irraġonevoli għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali mhux kontributorji skont l-Artikolu 70 tar-Regolament [Nru 883/2004] li jiggarantixxu livell ta’ għajxien, milli jeskludu kompletament jew parzjalment ċittadini tal-Unjoni Ewropea fil-bżonn milli jirrikorru għal dawn il-benefiċċji li huma pprovduti liċ-ċittadini tagħhom stess li huma fl-istess sitwazzjoni?

4)

Jekk, skont ir-risposti għad-domandi iktar ’il fuq, l-esklużjoni parzjali tal-benefiċċji li jiggarantixxu livell ta’ għajxien tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni: l-għoti ta’ benefiċċji mhux kontributorji li jiggarantixxu livell ta’ għajxien liċ-ċittadini tal-Unjoni, għajr f’każijiet ta’ emerġenza akuta, jista’ jiġi limitat għall-fondi neċessarji għar-ritorn tal-Istat tal-oriġini tagħhom jew l-Artikoli 1, 20 u 51 tal-Karta […] jeżiġu iktar benefiċċji li jagħtu l-possibbiltà ta’ residenza permanenti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

46

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jinkludi l-“benefiċċji speċjali mhux kontributorji” skont l-Artikoli 3(3) u 70 tar-regolament imsemmi.

47

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju kkwalifikat il-benefiċċji inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala “benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004.

48

Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament billi jsemmi espressament, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-imsemmi regolament “għandu japplika wkoll għal benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus u li huma koperti mill-Artikolu 70 [tar-regolament imsemmi]”.

49

Għalhekk, mill-kliem tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004 jirriżulta b’mod ċar li dan ir-regolament japplika għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus.

50

Fit-tieni lok, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004, li jirregola t-tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza, u l-kapitoli l-oħra tat-Titolu III ta’ dan ir-regolament, ma għandhomx japplikaw għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus.

51

Għalhekk, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 883/2004 jirrendi, bħala eċċezzjoni, inapplikabbli għall-benefiċċji msemmija ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, l-Artikolu 4 tiegħu ma jissemmiex fost dawn id-dispożizzjonijiet.

52

Finalment, l-interpretazzjoni li tgħid li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 japplika għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus tikkorrispondi mal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, hekk kif jirriżulta mill-premessa 3 tar-Regolament Nru 1247/92, li emenda r-Regolament Nru 1408/71 biex jinkludi fih dispożizzjonijiet relatati mal-benefiċċji ta’ dan it-tip biex tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza f’dan ir-rigward.

53

Skont il-premessa 7, dawn il-benefiċċji għandhom jingħataw biss b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu jirrisjedu l-persuna kkonċernata jew il-membri tal-familja tagħha, billi jitqiesu, skont il-ħtieġa, il-perijodi ta’ residenza li twettqu fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor u fin-nuqqas ta’ kull diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità.

54

B’hekk, id-dispożizzjoni partikolari li introduċa l-leġiżlatur tal-Unjoni fir-Regolament Nru 1408/71 permezz tar-Regolament Nru 1247/92 hija kkaratterizzata min-nuqqas ta’ esportabbiltà tal-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus b’korrispettiv ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-Istat ta’ residenza.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” fis-sens tal-Artikoli 3(3) u 70 ta’ dan ir-regolament jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-regolament imsemmi.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

56

Bit-tieni u bit-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 18 TFUE, 20(2) TFUE, 24(2) tad-Direttiva 2004/38 kif ukoll l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha ċittadini ta’ Stati Membri oħra, ekonomikament inattivi, jiġu esklużi, totalment jew parzjalment, milli jgawdu minn ċerti “benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004, filwaqt li dawn il-benefiċċji jkunu ggarantiti liċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat li jkunu jinsabu fl-istess sitwazzjoni.

57

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 20(1) TFUE jagħti lil kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni (sentenza N., C‑46/12, EU:C:2013:9725, punt 25).

58

Hekk kif iddeċidiet kemm-il darba l-Qorti tal-Ġustizzja, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri li permezz tiegħu dawk fosthom li jinsabu fl-istess sitwazzjoni jistgħu jiksbu l-istess trattament ġuridiku fil-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat FUE, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward (sentenza Grzelczyk, C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31; D’Hoop, C‑224/98, EU:C:2002:432, punt 28, kif ukoll N., EU:C:2013:9725, punt 27).

59

Kull ċittadin tal-Unjoni jista’ għalhekk jinvoka l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità stabbilita fl-Artikolu 18 TFUE fis-sitwazzjonijiet kollha li jifformaw parti mill-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni. Dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu dawk li jidħlu fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri kkonferiti mill-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikoli 20(2) TFUE u 21 TFUE (ara s-sentenza N., EU:C:2013:97, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 18(1) TFUE jipprekludi kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità “[f]il-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm”. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) TFUE jippreċiża espressament li d-drittijiet li jikkonferixxi dan l-artikolu liċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom jiġu eżerċitati “skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom”. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) TFUE jissuġġetta, ukoll, id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċirkolaw u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri għall-osservanza tal-“limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq” (ara s-sentenza Brey, C-140/12, EU:C:2013:565, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

B’hekk, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, stabbilit b’mod ġenerali fl-Artikolu 18 TFUE, huwa ppreċiżat fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni li, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri. Dan il-prinċipju huwa barra minn hekk ippreċiżat fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jinvokaw fl-Istat Membru ospitanti, benefiċċji msemmija fl-Artikolu 70(2) tar-regolament imsemmi.

62

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha ssir l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 u tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004.

63

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-“benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” imsemmija fl-Artikolu 70(2) ta’ dan ir-regolament effettivament jidħlu fil-kunċett ta’ “dritt ta’ għajnuna soċjali” skont l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, dan il-kunċett jirreferi għall-iskemi ta’ għajnuna kollha stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi, kemm fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jirrikorri għalihom individwu li ma għandux biżżejjed riżorsi biex jaffronta l-bżonnijiet elementari tiegħu kif ukoll dawk tal-familja tiegħu u li għalhekk, jirriskja li jsir, matul ir-residenza tiegħu, piż fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali tal-għajnuna li tista’ tingħata minn dan l-Istat (sentenza Brey, EU:C:2013:565, punt 61).

64

B’dan ippreċiżat, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 jfakkru l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, l-Artikolu 24(2) tad-direttiva msemmija jinkludi deroga mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

65

Abbażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, l-Istat Membru ospitanti ma huwiex obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ benefiċċju ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, jekk ikun il-każ, matul il-perjodu ta’ tiftix ta’ xogħol, imsemmi fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38, li jdum lil hinn minn dan l-ewwel perijodu, u lanqas ma huwa obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji lil persuni li ma humiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu tali status u membri tal-familja tagħhom.

66

F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li E. Dano ilha tirrisjedi fil-Ġermanja għal iktar minn tliet xhur, li hija ma hijiex qiegħda tfittex xogħol u li hija ma daħlitx fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru biex taħdem hemm, b’tali mod li ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38.

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprekludux ir-rifjut tal-għoti ta’ benefiċċji soċjali f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

68

Għandu jiġi enfasizzat li, b’mod konformi mal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jgħixu skont din id-direttiva fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu minn trattament ugwali bħaċ‑ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat.

69

Isegwi li ċittadin tal-Unjoni, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal benefiċċji soċjali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ biss jinvoka ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti jekk ir-residenza tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti tosserva l-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38.

70

B’hekk, fl-ewwel lok, għal residenza sa tliet xhur, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38 jillimita l-kundizzjonijiet jew il-formalitajiet tad-dritt ta’ residenza għall-ħtieġa ta’ pussess ta’ karta ta’ identità jew ta’ passaport validu u l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva jżomm dan id-dritt sakemm iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti (sentenza Ziolkowski u Szeja, C-424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 39). Għalhekk, abbażi tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, l-Istat Membru ospitanti ma huwiex marbut li jagħti d-dritt għal benefiċċju soċjali lil ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jew lill-membri tal-familja tiegħu matul dan il-perijodu.

71

Fit-tieni lok, għal perijodu ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur, il-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza huwa suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 u, skont il-kliem tal-Artikolu 14(2) tagħha, dan id-dritt jinżamm biss sakemm iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet. B’mod partikolari, mill-premessa 10 ta’ din id-direttiva jirriżulta li dawn il-kundizzjonijiet huma maħsuba partikolarment sabiex jiġi evitat li dawn il-persuni jsiru piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti (sentenza Ziolkowski u Szeja, EU:C:2011:866, punt 40).

72

Fit-tielet lok, mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li ċ-ċittadini tal-Unjoni jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti wara li jkunu rrisjedew legalment għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u li dan id-dritt ma huwiex suġġett għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti. Hekk kif issemmi l-premessa 18 ta’ din id-direttiva, ladarba jkun inkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, dan ma għandu jkun suġġett għal ebda kundizzjoni oħra, u dan sabiex ikun jikkostitwixxi mezz ġenwin għall-integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dan l-Istat (sentenza Ziolkowski u Szeja, EU:C:2011:866, punt 41).

73

Sabiex jiġi evalwat jekk ċittadini tal-Unjoni, ekonomikament inattivi, fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li t-tul ta’ residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti kien superjuri għal tliet xhur iżda inqas minn ħames snin, jistgħux jippretendu ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini ta’ dan l-aħħar Stat Membru f’dak li jikkonċerna d-dritt għal benefiċċji soċjali, għandu jiġi eżaminat jekk ir-residenza taċ-ċittadini msemmija tosservax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38. Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm l-obbligu għaċ-ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv li jkollu riżorsi suffiċjenti għalih u għall-membri tal-familja tiegħu.

74

Jekk jiġi aċċettat li persuni li ma jibbenefikawx minn dritt ta’ residenza abbażi tad-Direttiva 2004/38 jkunu jistgħu jinvokaw dritt għal benefiċċji soċjali taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għaċ-ċittadini nazzjonali, dan ikun imur kontra wieħed mill-għanijiet tad-direttiva msemmija, imsemmi fil-premessa 10 tagħha, li huwa intiż biex jevita li ċ-ċittadini tal-Unjoni ċittadini ta’ Stati Membri oħra jsiru piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti.

75

F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, fir-rigward tal-kundizzjoni li jkollhom riżorsi suffiċjenti, id-Direttiva 2004/38 tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, il-persuni li jeżerċitaw attività professjonali u, min-naħa l-oħra, dawk li ma jeżerċitawx tali attività. Skont l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2004/38, l-ewwel grupp ta’ ċittadini tal-Unjoni li jinsabu fl-Istat Membru ospitanti għandhom id-dritt ta’ residenza mingħajr ma jkollhom jissodisfaw ebda kundizzjoni oħra. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-persuni li huma ekonomikament inattivi, l-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva jeżiġi li dawn ikunu jissodisfaw il-kundizzjoni li jkollhom riżorsi proprji suffiċjenti.

76

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 huwa intiż biex jipprekludi li ċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi jużaw is-sistema ta’ protezzjoni soċjali tal-Istat Membru ospitanti biex jiffinanzjaw il-mezzi għall-għajxien tagħhom.

77

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 93 u 96 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżistenza eventwali ta’ inugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni li użaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħhom u ċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-għoti tal-benefiċċji soċjali hija konsegwenza inevitabbli tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, tali inugwaljanza potenzjali hija bbażata fuq ir-relazzjoni li stabbilixxa l-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 7 tad-direttiva msemmija bejn, minn naħa, il-ħtieġa ta’ riżorsi suffiċjenti bħala kundizzjoni ta’ residenza, u, min-naħa l-oħra, ix-xewqa li ma jinħoloqx piż għas-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istati Membri.

78

Għalhekk, Stat Membru għandu jkollu l-possibbiltà, b’applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 7, li jirrifjuta l-għoti ta’ benefiċċji soċjali lil ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi li jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom bl-uniku skop li jiksbu l-benefiċċju tal-għajnuna soċjali minn Stat Membru filwaqt li ma jkollhomx riżorsi suffiċjenti biex jippretendu l-benefiċċju ta’ dritt ta’ residenza.

79

B’hekk, jekk Stat Membru jiġi mċaħħad minn din il-possibbiltà, ikun hemm, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 106 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-konsegwenza li persuni li ma għandhomx, fil-mument tal-wasla tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, riżorsi suffiċjenti biex ikopru l-bżonnijiet tagħhom, ikollhom tali riżorsi, awtomatikament, bl-għoti ta’ benefiċċju speċjali mhux kontributorju li jingħata fi flus li l-għan tiegħu huwa li jiżgura l-għajxien tal-benefiċjarju.

80

Għaldaqstant, għandu jsir eżami konkret tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ kull persuna kkonċernata, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji soċjali mitluba, sabiex jiġi evalwat jekk din tissodisfax il-kundizzjoni li jkollha riżorsi suffiċjenti biex tkun tista’ tibbenefika minn dritt ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38.

81

Fil-kawża prinċipali, skont il-verifiki mwettqa mill-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti ma għandhomx riżorsi suffiċjenti u għalhekk ma jistgħux jinvokaw dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti abbażi tad-Direttiva 2004/38. Għaldaqstant, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, dawn ma jistgħux jinvokaw il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tal-Artikolu 24(1) tad-direttiva msemmija.

82

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(b) tagħha, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa fejn din teskludi milli jibbenefikaw minn ċerti “benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004, liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li ma jibbenefikawx minn dritt ta’ residenza abbażi tad-Direttiva 2004/38 fl-Istat Membru ospitanti.

83

L-istess konklużjoni tapplika f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004. Fil-fatt, il-benefiċċji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkostitwixxu “benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-regolament imsemmi, jingħataw, abbażi tal-paragrafu (4) ta’ dan l-istess artikolu, esklużivament fl-Istat Membru li fih tirrisjedi l-persuna kkonċernata u b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni tiegħu. Isegwi li xejn ma jipprekludi li l-għoti ta’ tali benefiċċji lil ċittadini tal-Unjoni ekonomikament mhux attivi jkun issuġġettat għall-ħtieġa li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex ikollhom dritt ta’ residenza abbażi tad-Direttiva 2004/38 fl-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brey, EU:C:2013:965, punt 44).

84

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(b) tagħha, kif ukoll l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha ċittadini ta’ Stati Membri oħra huma esklużi milli jibbenefikaw minn ċerti “benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004, filwaqt li dawn il-benefiċċji jkunu ggarantiti liċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti li jkunu jinsabu fl-istess sitwazzjoni, sa fejn dawn iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra ma jkunux jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza abbażi tad-Direttiva 2004/38 fl-Istat Membru ospitanti.

Fuq ir-raba ’ domanda

85

Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 1, 20 u 51 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq l-Istati Membri li jagħtu liċ-ċittadini tal-Unjoni benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika mhux kontributorji fi flus b’mod li jagħmlu possibbli residenza permanenti jew li dawn l-Istati jistgħu jillimitaw dan l-għoti għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ mezzi neċessarji għar-ritorn fl-Istat ta’ oriġini.

86

Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tinterpreta d-dritt tal-Unjoni biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Betriu Montull, C‑5/12, EU:C:2013:571, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 51(1) tal-Karta jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw għall-Istati Membri “biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni”.

88

Skont l-Artikolu 6(1) TUE, id-dispożizzjonijiet tal-Karta b’ebda mod ma jestendu l-kompetenzi tal-Unjoni kif iddefiniti fit-Trattati. Bl-istess mod, abbażi tal-Artikolu 51(2) tal-Karta, din tal-aħħar ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni, u lanqas ma toħloq xi kompetenza jew inkarigu ġdid għall-Unjoni u ma tibdilx il-kompetenzi u l-inkarigi ddefiniti fit-Trattati (ara s-sentenza Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 17 u 23, kif ukoll id-digriet Nagy, C‑488/12 sa C‑491/12 u C‑526/12, EU:C:2013:703, punt 15).

89

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 41 tas-sentenza Brey (EU:C:2013:565), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004 li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” ma għandux bħala għan li jiddetermina l-kundizzjonijiet fil-mertu għall-eżistenza tad-dritt għall-benefiċċji msemmija. Huwa l-leġiżlatur ta’ kull Stat Membru li għandu jiddetermina dawn il-kundizzjonijiet.

90

Għalhekk, peress li l-kundizzjonijiet imsemmija ma jirriżultaw la mir-Regolament Nru 883/2004 u lanqas mid-Direttiva 2004/38 jew minn atti oħra tad-dritt derivat tal-Unjoni, u b’hekk l-Istati Membri huma kompetenti biex jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali benefiċċji, dawn huma kompetenti wkoll, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 146 tal-konklużjonijiet tiegħu, biex jiddefinixxu l-firxa tal-kopertura soċjali assigurata minn dan it-tip ta’ benefiċċju.

91

Konsegwentement, meta jiffissaw il-kundizzjonijiet u l-firxa tal-għoti tal-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus, l-Istati Membri ma jkunux qegħdin jimplementaw il-liġi tal-Unjoni.

92

Isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi r-raba’ domanda.

Fuq l-ispejjeż

93

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad‑29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1244/2010, tad‑9 ta’ Diċembru 2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” fis-sens tal-Artikoli 3(3) u 70 ta’ dan ir-Regolament, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

 

2)

L-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad‑29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(b) tagħha, kif ukoll l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 1244/2010, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha ċittadini ta’ Stati Membri oħra huma esklużi milli jibbenefikaw minn ċerti “benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004, filwaqt li dawn il-benefiċċji jkunu ggarantiti liċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti li jkunu jinsabu fl-istess sitwazzjoni, sa fejn dawn iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra ma jkunux jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza abbażi tad-Direttiva 2004/38 fl-Istat Membru ospitanti.

 

3)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi r-raba’ domanda.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.