Opinion of the Advocate-General

Opinion of the Advocate-General

I – Introduzzjoni

1. Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu bħala kuntest ġuridiku r-Regolament (KE) Nru 1346/2000 (2) . B’mod iktar speċifiku, id-domandi magħmula mill-Bundesgerichtshof (Qorti Federali tal‑Ġustizzja, il-Ġermanja) għandhom iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, qabel kollox, dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 13 ta’ dan ir‑regolament japplikax fil-każ fejn il-ħlas magħmul skont l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas kontra debitur (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat” jew l-“att inkwistjoni”) ikun sar wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiddetermina jekk id-dritt applikabbli għall-att ikkontestat (iktar ’il quddiem il-“ lex causae ”), f’dan il-każ id-dritt Awstrijak, jirregolax ukoll l-effetti legali marbuta mal-mogħdija taż-żmien. Fl-aħħar nett, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari joffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni sabiex tispeċifika jekk ir-regoli proċedurali li għandhom jiġu osservati fl-eżerċizzju tad‑dritt ta’ revoka tal-likwidatur, fid-dawl tal-Artikolu 13 tar‑Regolament Nru 1346/2000, jaqax ukoll taħt il- lex causae .

2. Qabel ma niddedika ruħi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, jidhirli li huwa utili li wieħed jara sa fejn l‑Artikolu 5 tal-imsemmi regolament huwa applikabbli għad-dritt ta’ sekwestru li permezz tiegħu, f’dan il-każ, twettqet l-eżekuzzjoni forzata tal-ħlas tas-somma kontenzjuża.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3. Il-premessa 11 tar-Regolament Nru 1346/2000 tistabbilixxi li:

“Dan ir-Regolament għandu jagħraf illi b’riżultat ta’ liġijiet sustantivi li huma differenti ħafna minn xulxin, mhux prattikabbli li jkunu introdotti proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] fl-iskop universali tal-Komunità kollha. F’dan l-isfond, l-applikazzjoni mingħajr eċċezzjoni tal-liġi ta’ l-Istat dwar ftuħ ta’ proċedimenti ta’ spiss twassal għal diffikultajiet. Dan japplika, per eżempju, għal liġijiet ferm differenti dwar interessi ta’ garanziji li jinsabu fil-Komunità. Barra minn hekk, id-drittijiet preferenzali li jgawdu uħud mill-kredituri fi proċedimenti ta’ falliment huma, f’ċerti każi, kompletament differenti. Dan ir-Regolament għandu jieħu konsiderazzjoni ta’ dan b’żewġ modi differenti. Minn naħa l‑waħda, għandhom jiġu magħmula regoli speċjali dwar l-applikabilità tal-liġi fil‑każ ta’ drittijiet partikolarment sinjifikanti u relazzjonijiet legali (e.g. drittijiet in rem u kuntratti ta’ impjieg). Minn naħa l-oħra, proċedimenti nazzjonali li jkopru biss assi li jinstabu fl-Istat fejn hemm il-ftuħ, għandhom ukoll ikunu permissibli flimkien mal-proċedimenti prinċipali ta’ falliment bl-iskop universali.”

4. Il-premessa 24 ta’ dan ir-regolament hija fformulata kif ġej:

“L-għarfien awtomatiku ta’ proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] li għalihom normalment japplikaw il-liġijiet ta’ l-Istat li jiftahom jistgħu ifixklu l‑liġijiet li bihom jitwettqu t-transazzjonijiet fl-Istati Membri l-oħra. Sabiex jitħarsu l-aspettativi leġittimi u iċ-ċertezza ta’ transazzjonijiet fi Stati Membri apparti minn dak ta’ fejn ikunu nfetħu l-proċedimenti, għandhom isiru dispożizzjonijiet għal numru ta’ eċċezzjonijiet għar‑regola ġenerali.”

5. L-Artikolu 4(2)(f) u (m) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“2. Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l‑kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’mod partikolari:

[...]

(f) l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali, bl‑eċċezzjoni ta’ kawżi pendenti;

[...]

(m) ir-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ invalidità [nullità], nuqqas ta’ irbit [ma’ annullament] u nuqqas ta’ enforzabilità ta’ atti legali detrimentali [li jikkawża preġudizzju] għal kredituri kollha.”

6. L-Artikolu 5 ta’ dan l-istess regolament jipprovdi li:

“1. Il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] m’għandux jaffettwa d-drittijiet in rem ta’ kredituri jew partijiet terzi rigward l-assi tanġibbli jew mhux tanġibbli, mobbli jew immobbli — it‑tnejn assi speċifiċi u kollezzjonijiet ta’ assi indefiniti bħala massa li jinbidlu minn żmien għal żmien — li jappartieni għad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fil-waqt tal-ftuħ tal-proċedimenti.

2. Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom b’mod partikolari jfissru:

a) id-dritt li jiddisponu mill-assi jew li dawn mogħtija u li jakkwistaw sodisfazzjon mill-introjtu ta’ jew id-dħul minn dawk l-assi, b’mod partikolari bis-saħħa ta’ lien [garanzija] jew ta’ ipoteka;

b) id-dritt esklussiv li jkollhom talba milqugħa, b’mod partikolari dritt iggarantit b’lien [b’garanzija] fir-rigward ta’ talba jew ogħtja ta’ talba bħala garanzija;

[...]

4. Paragrafu 1 m’għandux jipprekludi azzjonijiet ta’ invalidità [nullità], nuqqas ta’ rbit [ta’ annullament] u nuqqas ta’ enforzabilità kif imsemmija fl-Artikolu 4(2)(m).”

7. Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000:

“L-Artikolu 4(2)[(m)] m’għandux japplika meta l-persuna li tibbenefika minn att detrimentali [li jikkawża preġudizzju] għal-kredituri kollha tipprovdi prova li:

– l-imsemmi att huwa suġġett għall-liġi ta’ Stat Membru apparti minn dak l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti,

u

– dik il-liġi ma tippermettix xi mezzi biex jiġi disputat dak l-att fil‑każ relevanti.”

8. Skont l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament:

“1. Kreditur li, wara l-ftuħ tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(1) jakkwista b’xi meżżi, b’mod partikolari permezz ta’ infurzar, sodisfazzjoni totali jew parzjali tat-talba tiegħu fuq l-assi li jappartienu lid-debitur li jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandu jrodd lura lill-likwidatur dak li jkun akkwista, bla ħsara għall-Artikoli 5 u 7.”

B – Id-dritt Ġermaniż

9. L-Artikolu 88 tal-Insolvenzordnung (Liġi Ġermaniża dwar l‑insolvenza, BGB1. 1994 I, p. 2866, iktar ’il quddiem l-“InsO”), jipprovdi:

“Jekk kreditur tal-persuna insolventi, matul ix-xahar preċedenti għal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza jew wara din id-data, jikseb permezz ta’ eżekuzzjoni forzata garanzija fuq l-assi tad-debitur li jiffurmaw parti mill-assi totali, il-ftuħ tal-proċedura tirrendi din il-garanzija mingħajr effett.”

C – Id-dritt Awstrijak

10. L-Artikolu 43(1) u (2) tal-Insolvenzordnung (Liġi Awstrijaka dwar l-insolvenza, RGB1. 1914, p. 337, iktar ’il quddiem l-“IO” jipprovdi:

“(1) Ir-revoka ma tistax tiġi validament mitluba biss permezz ta’ kawża […].

(2) L-azzjoni revokatorja għandha tiġi ppreżentata f’terminu ta’ sena mill-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, liema terminu huwa wieħed ta’ dekadenza. […]”

III – Il-kuntest fattwali

11. ECZ GmbH hija kumpannija Ġermaniża, li s-sede tagħha huwa f’Tettnang (il-Ġermanja). Din il-kumpannija kienet involuta f’traffikar frawdolenti ta’ vetturi permezz ta’ sistema piramidali. Fil-fatt, sabiex topera fis-suq Awstrijak, din il-kumpannija parent irrikorriet għal kumpannija sussidjarja, il-kumpannija Awstrijaka ECZ Autohandel GmbH (iktar ’il quddiem il-“kumpannija debitriċi”), li s-sede tagħha huwa f’Bregenz (l-Awstrija). Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, H. Lutz, residenti fl-Awstrija, kien wieħed minn numru ta’ klijenti tal‑kumpannija debitriċi, li mingħandha kien xtara karozza.

12. Fis-17 ta’ Marzu 2008, minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni mill‑kumpannija debitriċi tal-kuntratt konkluż għall-finijiet tax-xiri tal‑imsemmija vettura, H. Lutz kiseb mill-Bezirksgericht Bregenz (Qorti tad-Distrett ta’ Bregenz, l-Awstrija) deċiżjoni ta’ ordni ta’ ħlas eżekuttiva kontra l-kumpannija debitriċi, għall-ammont ta’ EUR 9 566 minbarra l-interessi.

13. Fl-20 ta’ Mejju 2008, il-Bezirksgericht Bregenz awtorizzat l-eżekuzzjoni forzata, li permezz tagħha tliet kontijiet bankarji li l-kumpannija debitriċi kellha ma’ bank Awstrijak ġew issekwestrati. Fit-23 ta’ Mejju 2008, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ġiet innotifikata l-iSparkasse de Feldkirch (l-Awstrija) (iktar ’il quddiem il-“bank tal‑kumpannija debitriċi”).

14. Fit-13 ta’ April 2008, il-kumpannija debitriċi talbet hija stess il‑ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Fl-4 ta’ Awwissu 2008, l-Amtsgericht Ravensburg (Qorti tal-ewwel istanza ta’ Ravensburg, il-Ġermanja) fetħet proċedura ta’ insolvenza kontra l-kumpannija debitriċi fil-Ġermanja. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, E. Bäuerle, residenti fil-Ġermanja, hija l-“likwidatur” (3) attwali f’din il-proċedura.

15. Fis-17 ta’ Marzu 2009, il-bank tal-kumpannija debitriċi ħallas lil H. Lutz, fid-dawl tas-sekwestru applikat, is-somma kontenzjuża ta’ EUR 11 778.48. Preliminarjament, permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Marzu 2009, il-likwidatur li kien responsabbli dakinhar kien madankollu indika li huwa ma kienx ser jinvoka dejn li kellu jkun ikkumpensat mill-imsemmi bank, iżda li madankollu huwa kien qed jirriżerva l‑possibbiltà li jikkontesta revoka fil-kuntest tal-insolvenza.

16. F’ittra tat-3 ta’ Ġunju 2009, jiġifieri madwar għaxar xhur wara l‑ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, il-likwidatur responsabbli f’dik id‑data semma r-revoka fil-kuntest tal-insolvenza tal-eżekuzzjoni forzata awtorizzata fl-20 ta’ Mejju 2008 kif ukoll tal-ħlas magħmul fis-17 ta’ Marzu 2009. Madankollu, rikors ġudizzjarju ġie ppreżentat biss permezz ta’ rikors innotifikat fit-23 ta’ Ottubru 2009. Permezz tar‑rikors tagħha, E. Bäuerle talbet, quddiem il-qrati Ġermaniżi, il-ħlas lura fl-assi totali tal-ammont issekwestrat.

17. Il-Landgericht Ravensburg (Qorti reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja) laqgħet din it-talba. Sussegwentement H. Lutz tilef l-appell tiegħu. Permezz ta’ appell għal “Reviżjoni”, huwa żamm it-talba tiegħu għaċ-ċaħda tar-rikors.

18. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li s-suċċess tal-appell jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, jekk jitqies li dan l-artikolu japplika għal dan il-każ. Fil-fatt l Artikolu 4(2)(m) ta’ dan ir-regolament jispeċifika li l-kwistjoni tan-nullità, annullament jew nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-atti legali li jikkawża preġudizzju għall-kredituri kollha hija rregolata bid-dritt applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem il-“ lex fori concursus ”). Madankollu, l-Artikolu 13 tal-istess regolament jeskludi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-każ fejn il-persuna li tibbenefika minn att li jikkawża preġudizzju għall-kredituri kollha tipproduċi l-prova li dan l-att huwa suġġett għal-liġi ta’ Stat Membru apparti minn dak l‑Istat tal-ftuħ tal-proċeduri u li f’dan il-każ din il-liġi b’ebda mod ma tippermetti li jiġi attakkat dan l-att.

19. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, bl-applikazzjoni tal- lex fori concursus , jiġifieri, f’dan il-każ, tar-regoli tad-dritt Ġermaniż, l-att inkwistjoni ma jistax jiġi kkontestat, peress li l-atti li jistgħu jiġu kkontestati huma biss dawk adottati qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza (4) . Il-ħlas tas-somma ssekwestrata fuq il-kont bankarju seħħ seba’ xhur wara l-ftuħ tal-proċedura. Madankollu, id-dritt ta’ sekwestru fuq l-assi bankarji tnissel biss wara t-talba għal ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, magħmula fit-13 ta’ April 2008, u għalhekk, skont l-Artikolu 88 tal-InsO ma kienx validu fid-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Il-ħlas tal-ammont issekwestrat fuq il-kontijiet bankarji li seħħ wara huwa għalhekk invalidu wkoll (5) . Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi li l-ftuħ tal‑proċedura ta’ insolvenza ma taffettwax id-dritt in rem ta’ kreditur, dan l-artikolu, skont il-paragrafu 4 tiegħu, ma jipprekludix in-nullità, l-annullament jew in-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-att inkwistjoni.

20. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li H. Lutz jargumenta, abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, li l-ħlas tal-ammont kontenzjuż ma jista’ jiġi kkontestat bl-ebda mezz fid-dawl tad-dritt applikabbli għall-att ikkontestat (6), minħabba l-iskadenza ta’ terminu ta’ dekadenza. Fil-fatt, għalkemm skont id‑dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Awstrijak, il-ħlas minn assi bankarji li sar fis-17 ta’ Marzu 2009 seta’, bħala prinċipju, jiġi kkontestat inizjalment (7), azzjoni għal revoka ma għandha madankollu ebda ċans li tkun suċċess, għaliex l-Artikolu 43(2) tal-IO jipprovdi terminu ta’ dekadenza ta’ sena mill-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza għall‑preżentata ta’ tali azzjoni għal revoka bbażata fuq insolvenza.

21. Il-qorti tar-rinviju tosserva f’dan ir-rigward li, skont id-dritt Ġermaniż, it-terminu għall-preżentata ta’ azzjoni għal revoka huwa ta’ tliet snin u li dan it-terminu ġie osservat.

IV – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li b’deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2013, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Ottubru 2013, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1) L-Artikolu 13 tar-Regolament [Nru 1346/2000], japplika jekk il‑ħlas, ikkontestat mill-amministratur fil-proċeduri ta’ insolvenza, ta’ somma ssekwestrata qabel il-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza jkun sar biss wara l-ftuħ tal-proċeduri?

2) Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: l‑eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament [Nru 1346/2000] tapplika wkoll għat-termini ta’ preskrizzjoni, għat-termini għall-eżerċizzju tad-dritt għal revoka u għat-termini ta’ dekadenza previsti mid-dritt tal-Istat fejn l-att ikkontestat jipproduċi l-effetti tiegħu (l ex causae )?

3) Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, ir-rekwiżiti proċedurali li għandhom jiġu osservati għall-eżerċizzju tad-dritt taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament [Nru 1346/2000] għandhom jiġu ddeterminati mil- lex causae jew mil- lex fori concursus ?”

23. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir‑Repubblika tal-Portugall kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

24. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja kif ukoll il-Kummissjoni għamlu l-osservazzjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fit-18 ta’ Settembru 2014.

V – Analiżi

A – Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000

25. Din il-kawża tidħol f’kuntest ġuridiku kumpless u tqajjem il‑kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għal ħlas li sar wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza abbażi ta’ dritt ta’ sekwestru kkostitwit qabel il-ftuħ tal-imsemmija proċedura. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, u fid-dawl tal-fatt li l-att li jikkawża preġudizzju f’dan il-każ huwa l-kostituzzjoni tad-dritt ta’ sekwestru (8), għandu jiġi ddeterminat jekk dritt in rem li jirrigwarda beni li fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura kien jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor isirx mingħajr effett wara dan il-ftuħ, bl-applikazzjoni tal- lex fori concursus .

26. Qabel kollox infakkar li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha kompetenza sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (9) .

27. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill‑Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, jidhirli li huwa neċessarju li l-ewwel jiġi eżaminat jekk id-dritt ta’ sekwestru jikkostitwix dritt in rem u, konsegwentement, jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament humiex issodisfatti f’dan il-każ. Fil-fatt, huwa biss jekk id‑dritt ta’ sekwestru huwa dritt in rem, ħaġa li għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju, li H. Lutz ma jkunx obbligat iħallas lura fl-assi totali l-valur tal-kreditu garantit (10) . Il-klassifikazzjoni ta’ dritt bħala dritt in rem hija għalhekk kundizzjoni preliminari għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għall-każ inkwistjoni.

28. Għalhekk ser neżamina, fl-ewwel lok, il-klassifikazzjoni, bħala dritt in rem, tad-dritt ta’ sekwestru tal-assi bankarji tal-kumpannija debitriċi qabel ma niċċara, fit-tieni lok, il-portata tal-protezzjoni tad-drittijiet in rem mogħtija mill-Artikolu 5(4) tal-imsemmi regolament.

1. Fuq il-klassifikazzjoni tad-dritt ta’ sekwestru ta’ assi bankarji tal-kumpannija debitriċi fid-dawl tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000

29. Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, il-liġi applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza u għall-effetti tagħha hija dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura ( lex fori concursus ). Din il-liġi tirregola, kif tistabbilixxi l-premessa 23 tal-istess regolament, il-kundizzjonijiet kollha relatati mal-ftuħ, l-iżvolġiment u l‑għeluq tal-proċedura ta’ insolvenza (11) .

30. Madankollu, sabiex jiġu ppreżervati l-aspettattivi leġittimi u ċ-ċertezza legali tat-tranżazzjonijiet fl-Istati Membri minbarra dawk tal‑ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, ir-Regolament Nru 1346/2000 jipprevedi, fl-Artikoli 5 sa 15 tiegħu, għadd ta’ eċċezzjonijiet għall-imsemmija regola tal-liġi applikabbli għal ċerti drittijiet u sitwazzjonijiet legali li jitqiesu, skont il-premessa 11 tiegħu, li huma partikolarment importanti (12) . Għalhekk, partikolarment fir-rigward tad-drittijiet in rem , l-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ma jaffettwax id-dritt in rem ta’ kreditur jew ta’ terz fuq il-beni li jkunu proprjetà tad-debitur u li jkunu jinsabu, fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (13) .

31. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-portata ta’ din id-dispożizzjoni hija ċċarata mill-premessi 11 u 25 tar-Regolament Nru 1346/2000, li jipprovdu li huwa neċessarju li tiġi prevista referenza speċjali għad-drittijiet in rem “li tkun differenti mil-liġi ta’ l-Istat li jiftaħ il-proċedimenti”, peress li dawn id-drittijiet huma ta’ importanza kunsiderevoli għall-għoti ta’ krediti. Għalhekk, skont il-premessa 25, il-ġustifikazzjoni, il-validità u l-portata ta’ tali dritt in rem għandhom normalment jiġu ddeterminati skont il-liġi tal-post li fih ikun jinsab l-oġġett li jkun is-suġġett ta’ tali dritt ( lex rei sitae ) u ma jiġux affettwati mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza (14) . Konsegwentement, hemm lok li l-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament jinftiehem bħala dispożizzjoni li, billi tidderoga mir-regola tal-liġi tal-Istat ta’ ftuħ, tippermetti l-applikazzjoni, fir-rigward tad-dritt in rem ta’ kreditur jew ta’ terz fuq ċerti beni li huma proprjetà tad-debitur, tal-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab il-beni inkwistjoni ( lex rei sitae ) (15) . Igawdu biss mill-protezzjoni ta’ dan l-artikolu d-drittijiet in rem li jirrigwardaw beni tad-debitur li fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza jinsabu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ ftuħ (16) . Fil-fatt, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 ma huwiex regola ta’ kunflitt, iżda regola sostantiva “negattiva” (17) li għandha l-għan li tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet in rem miksuba qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza (18) .

32. Għalhekk tqum mistoqsija preliminari: id-dritt ta’ sekwestru tal‑assi bankarji jista’ jikkwalifika, f’dan il-każ, bħala dritt in rem li tiegħu H. Lutz huwa d-detentur?

33. Għal dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tad-dritt ta’ sekwestru, nosserva mill-bidu li r-Regolament Nru 1346/2000 jirreferi għad-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-Artikolu 5(2) u (3) tiegħu.

34. Inizjalment, il-klassifikazzjoni tad-dritt bħala dritt in rem taqa’ taħt id-dritt nazzjonali li jirregola, skont ir-regoli ta’ kunflitt applikabbli qabel il-proċedura ta’ insolvenza, id-drittijiet in rem ( lex rei sitae ) (19) . Il-kostituzzjoni, il-validità u l-portata ta’ dawn id-drittijiet in rem huma għalhekk irregolati mil-liġi tal-post fejn jinsab il-beni li huwa s-suġġett tad-dritt in rem (20) .

35. Sussegwentement, ladarba tkun iddeterminata n-natura in rem tad-dritt eżaminat fid-dawl tal- lex rei sitae, għandu jiġi vverifikat jekk dan id-dritt jissodisfax il-kriterji ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) u (3) tar-Regolament Nru 1346/2000. Dawn il-kriterji ta’ klassifikazzjoni awtonoma (21) jillimitaw għalhekk il-klassifikazzjoni nazzjonali ta’ dritt suġġettiv bħala dritt in rem għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament (22) .

36. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kawża prinċipali, mill-atti tal-proċess sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li ġew ikkonfermati waqt is-seduta, jirriżulta li skont id-dritt Awstrijak, id-dritt ta’ garanzija eżekuttiva huwa dritt in rem ibbażat fuq in-notifika tad-digriet tal-ordni ta’ ħlas lid-debitur. (23)

37. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li qorti Awstrijaka, fid-data tal-20 ta’ Mejju 2008, awtorizzat l-eżekuzzjoni forzata, li permezz tagħha tliet kontijiet bankarji tal-kumpannija debitriċi fil-bank tagħha fl-Awstrija ġew issekwestrati. Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni kienet innotifikata lil dan l-istess bank fit-23 ta’ Mejju 2008. B’hekk, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, konformement mad-dritt Awstrijak (24), id-dritt preferenzjali miksub permezz tal‑awtorizzazzjoni ta’ sekwestru jibqa’ mhux affetwat bil-ftuħ tal‑proċedura ta’ insolvenza għaliex huwa tnissel iktar minn 60 jum qabel il-ftuħ tal-proċedura. Skont din il-qorti, id-dritt preferenzjali mogħti lil H. Lutz kien jawtorizza li s-somma ssekwestrata mill-assi bankarji titħallas lilu (25) .

38. Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1346/2000, dritt in rem ifisser, b’mod partikolari, “dritt esklussiv li jkollhom talba milqugħa, b’mod partikolari dritt iggarantit b’lien [b’garanzija] fir-rigward ta’ talba jew ogħtja ta’ talba bħala garanzija” (26), li jkopri s-sekwestru ta’ assi f’kont fid-dritt Awstrijak. B’hekk il-protezzjoni ta’ H. Lutz hija, bħala prinċipju, żgurata bid-dritt għal eżekuzzjoni forzata tiegħu fuq il-kontijiet bankarji tal-kumpannija debitriċi sabiex ikopri l-kreditu bħal li kieku din tal-aħħar ma kinitx is‑suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza fil-Ġermanja. F’dan il-każ, minkejja li l-ħlas inkwistjoni, inizjalment, seta’ ji ġi kkontestat b’applikazzjoni tad-dritt Awstrijak ta’ insolvenza (27), skont il-qorti tar-rinviju (28), din il-konstatazzjoni bl-ebda mod ma tippreġudika l-klassifikazzjoni tad-dritt ta’ sekwestru bħala dritt in rem fid-dawl tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000.

39. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-lokalizzazzjoni tal-beni tad-debitur fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, mid‑deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li fid-data tal-4 ta’ Awwissu 2008, il-beni tal-kumpannija debitriċi li fuqu sar id-dritt ta’ sekwestru, jiġifieri s-somma kkontestata, kien jinsab fil-kontijiet bankarji Awstrijaċi tal-imsemmija kumpannija debitriċi (29) .

40. Għaldaqstant, naħseb li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 huma ssodisfatti f’dan il-każ, liema fatt, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li hija l-unika kompetenti sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża li biha hija adita.

2. Il-portata tal-protezzjoni tad-drittijiet in rem fid-dawl tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1346/2000: l-atti li jikkawżaw preġudizzju

41. Hawnhekk infakkar li, filwaqt li l-protezzjoni tad-drittijiet in rem tat-terzi, u għalhekk l-immunità tagħhom, hija relattiva, l-esklużjoni tal-imsemmija drittijiet tal-qasam tal- lex fori concursus ma hijiex assoluta.

42. Fl-ewwel lok, ir-regola tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 ma tostakolax il-fatt li l-likwidatur jitlob il-ftuħ ta’ proċedura sekondarja fl-Istat Membru fejn jinsabu l-beni, jekk id-debitur għandu stabbiliment f’dan l-Istat Membru (30) . Tali proċedura sekondarja jkollha l-istess effetti fuq id-drittijiet in rem bħal proċedura prinċipali (31) .

43. Fit-tieni lok, l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1346/2000 jistabbilixxi eċċezzjoni għall-eċċezzjoni billi jipprovdi li l-paragrafu 1 ma jipprekludix azzjonijiet ta’ nullità, annullament jew nuqqas ta’ infurzabbiltà kif imsemmija fl-Artikolu 4(2)(m) ta’ dan ir-regolament. B’hekk, il- lex fori concursus japplika meta l-kostituzzjoni jew l‑eżerċizzju tad-drittijiet in rem huwa f’kontradizzjoni mal-interessi tal‑proċedura ta’ insolvenza u li l-atti jistgħu jiġu kklassifikati bħala atti li jikkawżaw preġudizzju għall-kredituri kollha. Għaldaqstant dan l-artikolu jikkonċerna, bħal f’dan il-każ, l-azzjonijiet għal revoka abbażi tar-regoli ta’ proċedura ta’ insolvenza u mhux tar-regoli tad-dritt komuni (azzjonijiet ordinarji tad-dritt ċivili u kummerċjali). Dawn tal-aħħar isegwu r-regoli ġenerali ta’ kunflitt. Madankollu, dawn l-azzjonijiet tad-dritt komuni huma ammissibbli biss sa fejn jippermetti l- lex fori concursus (32) .

44. Ir-regola bażika hija li l-liġi tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal‑proċedura ta’ insolvenza tirregola, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1346/2000, l-eventwali nullità, annullament jew nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-atti li jikkawżaw preġudizzju fuq l-interessi tal-kredituri kollha. F’dan il-każ, l-azzjoni għal revoka minn E. Bäuerle hija għalhekk irregolata mil-liġi Ġermaniża. Din il-liġi applikabbli tirregola l‑kundizzjonijiet li fihom l-atti li jikkawżaw preġudizzju għall-kredituri kollha jistgħu jiġu ssanzjonati (nullità, annullament), is-sistema ta’ dawn is‑sanzjonijiet (applikabbli ipso jure jew permezz ta’ azzjoni mibdija mil-likwidatur, b’effetti retroattivi jew mingħajr, eċċ.) u l-konsegwenzi legali tagħhom (pereżempju, l-istatus ta’ terzi li ssir azzjoni għal revoka kontra tagħhom) (33) .

45. F’dan ir-rigward, fid-dritt Ġermaniż, l-Artikolu 88 tal-InsO jipprovdi li, meta kreditur tal-persuna fi stat ta’ insolvenza jikseb, matul ix-xahar preċedenti għat-talba tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza jew wara din it-talba, permezz ta’ eżekuzzjoni forzata, garanzija fuq l-assi tad-debitur li jifformaw parti mill-assi totali, il-ftuħ tal-proċedura tirrendi din il-garanzija ineffettiva. Għandu għalhekk jiġi rrilevat li l-artikolu ċċitat iktar ’il fuq jirrigwarda għalhekk in-nullità sħiħa ( ipso jure ) ta’ garanzija fuq l-assi tad-debitur, fl-assenza ta’ azzjoni mibdija mil-likwidatur. Dan iqajjem kwistjoni determinanti għas-soluzzjoni tal‑kawża prinċipali, li ġiet diskussa waqt is-seduta wara mistoqsija bi tweġiba orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja: din ir-regola tad-dritt Ġermaniż taqa’, kif issostni l-qorti tar-rinviju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1346/2000? Fi kliem ieħor, nullità sħiħa ta’ dritt in rem fuq l-assi tad-debitur taqa’ taħt l-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi applikazzjoni tal- lex fori concursus għall-azzjonijiet ġudizzjarji ta’ nullità, annullament jew nuqqas ta’ infurzabbiltà previsti fl-Artikolu 4(2)(m)?

46. Jiena naħseb li dan huwa l-każ.

47. Qabel kollox, kif jirriżulta mill-analiżi magħmula fil-punti 25 sa 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet u mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż u tal-Kummissjoni waqt is-seduta, l-għan tal-Artikolu 88 tal-InsO, jiġifieri tal-kisba permezz ta’ eżekuzzjoni forzata, ta’ garanzija fuq l-assi tad-debitur li jifformaw parti mill-assi totali ta’ insolvenza, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000.

48. Barra minn hekk, ir-Rapport Virgós/Schmit donnu jammetti, fil‑paragrafi 91 u 106, interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ azzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1346/2000. B’hekk “att li jikkawża preġudizzju għall-kredituri kollha jista’ jikkonsisti fil-kostituzzjoni ta’ dritt in rem favur kreditur wieħed jew terzi speċifiċi. F’dan il-każ, ir-regoli ġenerali [tar-Regolament Nru 1346/2000] dwar l-azzjonijiet ta’ nullità, annullament jew nuqqas ta’ infurzabbiltà huma applikabbli (Artikolu 4(2)(m) u l-Artikolu 13)” (34) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż sostna waqt is-seduta li differenza fit-trattament bejn id-dispożizzjonijiet li jipprovdu nullità ipso jure u dawk li jeħtieġu azzjoni ġudizzjarja ma tikkorrispondi la mal-għan u lanqas mal-ispirtu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1346/2000.

49. Fl-aħħar nett, kif ġustament jargumentaw il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, il-fatt li teżisti differenza fil-verżjonijiet lingwistiċi fir-rigward tar-riferiment għal “azzjonijiet” ta’ nullità ma jippermettix li jiġi konkluż li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1346/2000 huwa limitat biss għall-azzjonijiet ġudizzjarji. Dan l-artikolu għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 4(2)(m) tal-imsemmi regolament li jirreferi għal “regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ invalidità [nullità], nuqqas ta’ irbit [annullament] u nuqqas ta’ enforzabilità” (35) u mhux biss “għal azzjonijiet ta’ invalidità [nullità], nuqqas ta’ irbit [annullament] u nuqqas ta’ enforzabilità”. Huwa għalhekk id-dritt nazzjonali li jiddetermina jekk in-nullità, l-annullament jew in-nuqqas ta’ infurzabbiltà tirriżultax b’azzjoni ġudizzjarja, b’effett tal-liġi (36) jew b’att ġuridiku. Madankollu, jekk il-liġi nazzjonali timponix nullità, inizjalment, jew jekk id-deċiżjoni ta’ ftuħ twassalx awtomatikament għall-annullament (37), sa fejn dan ikun neċessarju (38), il-liġi tal-Istat ta’ ftuħ (f’dan il-każ, il-liġi Ġermaniża) tissostitwixxi lilha nnifisha għal-liġi normalment applikabbli għall-att li jikkawża preġudizzju (f’dan il-każ, il-liġi Awstrijaka) (39) .

50. B’hekk, skont il-qorti tar-rinviju, is-sekwestru tal-kontijiet bankarji fl-Awstrija kien nieqes minn validità, skont l-Artikolu 88 tal-InsO, minħabba l-fatt li dan is-sekwestru seħħ wara l-introduzzjoni tat-talba għal ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza fil-Ġermanja. Għaldaqstant, id-dritt ta’ sekwestru akkwistat fuq l-assi bankarji qabel il-ftuħ tal-proċedura fil-prinċipju sar ineffettiv, wara dan il-ftuħ, bl-applikazzjoni tal- lex fori concursus (40) .

51. Issa, l-Artikolu 4(2)(m) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 13 tiegħu. L-applikazzjoni tal- lex fori concursus tista’ għalhekk tiġi eskluża bl-applikazzjoni tal- lex causae. Huwa preċiżament dan l-għan tal-ewwel domanda preliminari li ser neżamina iktar ’l isfel.

B – Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għal att li sar wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza

52. Mid-deċiżjoni tar-rinviju u kif ukoll mill-punti 45 u 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li d-dritt ta’ sekwestru fuq l-assi bankarji li jinsabu fit-territorju Awstrijak tnissel wara t-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza u għalhekk, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 88 tal-InsO, sar ineffettiv fid-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza.

53. Madankollu, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal- lex fori concursus, li permezz tagħha l-att inkwistjoni ma jistax jiġi validament ikkontestat jekk persuna li tibbenefika minn att li jikkawża preġudizzju għall-kredituri kollha tipproduċi prova li “l-imsemmi att huwa suġġett għall-liġi ta’ Stat Membru apparti minn dak l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti, u dik il-liġi ma tippermettix xi meżżi biex jiġi disputat dak l-att fil-każ relevanti”.

54. Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 huwiex applikabbli għal sitwazzjoni li fiha dritt in rem ġie kkostitwit qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza filwaqt li l-ħlas tal-ammont issekwestrat sar wara l-ftuħ ta’ din il-proċedura.

55. Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, ser nindirizza, fl-ewwel lok, il-portata tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 qabel neżamina, fit-tieni lok, jekk il-kostituzzjoni tad-dritt ta’ sekwestru tistax titqies li hija l-mument determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu.

1. Fuq il-portata tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000

56. Qabel kollox, nixtieq nippreċiża li jiena naqbel mal-analiżi żviluppata, essenzjalment minn H. Lutz u l-Gvern Ġermaniż, li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 ma jinkludi ebda indikazzjoni li timplika distinzjoni bejn l-atti li jikkawżaw preġudizzju skont jekk seħħewx qabel jew wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza.

57. F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, biex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jitqiesu fl-istess ħin it-termini, il-kuntest u l-għanijiet tagħha  (41) . L‑oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tipprovdi wkoll elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha  (42) .

58. Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, l-użu ta’ espressjonijiet “persuna li tibbenefika minn att detrimentali [li jikkawża preġudizzju] għal-kredituri kollha tipprovdi prova li”, “fil-każ relevanti” u “xi mezzi” jikkonferma n-natura restrittiva tal-eċċezzjoni meta mqabbla mar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1346/2000. Skont ir-Rapport Virgós/Schmit, l-ewwel espressjoni timplika li din id-dispożizzjoni hija eċċezzjoni sostantiva għall-applikazzjoni tal- lex fori concursus , fuq talba tal-parti kkonċernata, li fuqha jaqa’ l-oneru tal-prova (43) . Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ġustament irreferiet, għall-espressjonijiet “fil-każ relevanti” u “xi mezzi” meħuda mill-imsemmi rapport. Għal dak li jirrigwarda l-ewwel espressjoni, din għandha tinftiehem fis-sens li l-att ma jistax ikun wieħed li jista’ jiġi kkontestat b’mod konkret, jiġifieri fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża. Ma huwiex biżżejjed li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ riskju astratt. Fl-aħħar nett, l-espressjoni “xi mezzi” tindika li l-att ma jistax ikun invalidu la bl-applikazzjoni tar-regoli tal-proċedura ta’ insolvenza stess u lanqas bl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt komuni applikabbli  (44) .

59. Għal dak li jirrigwarda l-istruttura u l-għan tar-regola tad-dritt interpretata, infakkar li s-sistema ta’ kunflitt li tirriżulta mill-applikazzjoni magħquda tal-Artikolu 4(2)(m) u l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandha portata ġenerali fis-sistema tar-Regolament. Din is-sistema tapplika wkoll għad-drittijiet in rem protetti mill-Artikolu 5. B’hekk l-Artikolu 4(2)(m) tar-Regolament Nru 1346/2000 jirrigwarda r-regoli jew l-azzjonijiet għal nullità provenjenti mil- lex fori concursus u l-Artikolu 13 hija l-eċċezzjoni tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi  (45) . Fil-fatt, dan l-aħħar artikolu jaġixxi bħala regola “vetu” li tipprekludi n-nullità tal-att li jikkawża preġudizzju li jirriżulta mil-liġi tal-Istat ta’ ftuħ. Għalhekk l-imsemmi artikolu għandu biss l-għan li jippreżerva l-aspettattivi leġittimi ta’ kreditur jew ta’ terz fir-rigward tal-validità ta’ att konformi mal- lex causae (kemm fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt komuni kif ukoll tar-regoli dwar il-proċedura ta’ insolvenza), fid-dawl ta’ interferenzi ta’ lex fori concursus oħra  (46) .

60. Fl-aħħar nett, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma kkorroborati mill-oriġini tad-dispożizzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mir‑Rapport Virgós/Schmit, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 jirrigwarda l-“atti detrimentali [li jikkawżaw preġudizzju]” kkostitwiti qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza u mhedda mill-azzjonijiet għal revoka eżerċitati mil-likwidatur. B’hekk, dan l-artikolu ma japplikax għal bejgħ li seħħ wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Fil-fatt, l-aspettattivi tal-kredituri fil-validità ta’ tali atti li seħħew wara ma jixirqilhomx prote zzjoni ikbar għaliex ma humiex iġġustifikati.

61. Għalhekk jien inqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jimmilitaw b’mod ċar favur interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000. Madankollu, fir-rigward ta’ dan il-każ, kif ġustament tirrileva l-qorti tar-rinviju, ma huwiex ċert jekk tali interpretazzjoni tistax tkun valida wkoll fil-każ fejn, bħal fil-kawża prinċipali, il-moviment tal-assi favur kreditur huwa bbażat fuq dritt in rem li kien diġà miksub qabel il-ftuħ tal-proċedura. F’dan ir-rigward, li kieku l-ħlas kien għadu ma sarx fid-data meta ġiet ippreżentata l-azzjoni għal revoka, il-likwidatur kien ikollu jitlob ir-revoka tad-dritt ta’ sekwestru li kien ikkostitwit qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Issa, l‑Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 kellu jkun applikabbli għal tali sitwazzjoni.

2. Fuq il-kostituzzjoni tad-dritt ta’ sekwestru bħala element determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar‑Regolament Nru 1346/2000

62. Ippermettuli nibda din l-analiżi b’mistoqsija: f’dan il-każ il‑mument tal-ħlas lil H. Lutz tal-ammont iggarantit mid-dritt in rem, f’dan il-każ dritt ta’ sekwestru, għandu jitqies li huwa element essenzjali li jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000?

63. Ma naħsibx.

64. Skont il-Kummissjoni, meta dritt ta’ sekwestru effettiv, għalkemm jista’ jiġi rrevokat, fuq l-assi tad-debitur ġie kkostitwit qabel il-ftuħ tal-proċedura, huwa irrilevanti, għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, li l-ammont iggarantit mid-dritt in rem tħallas wara dan il-ftuħ. Jidhirli li dan l-argument huwa konvinċenti. Fl-opinjoni tiegħi, hija biss il-kostituzzjoni tad-dritt ta’ sekwestru li hija determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament. B’hekk, hija biss il-kostituzzjoni tad-dritt in rem li tista’ titqies li hija l-att li jikkawża preġudizzju. Li kieku d-dritt in rem ma ġiex ikkostitwit, il- lex fori concursus setgħet kienet tapplika u H. Lutz ma kienx ikun jista’ jinvoka din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-ħlas magħmul mill-bank tal-kumpannija debitriċi lil H. Lutz huwa biss konsegwenza ta’ garanzija eżekuttiva kkostitwita qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Barra minn hekk, kif sostna r-rappreżentant tiegħu waqt is‑seduta, H. Lutz ma setax jipprevedi l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, li seħħet fl‑4 ta’ Awwissu 2008, la fid-data li fiha hija ġiet indirizzata lill-qrati Awstrijaki u lanqas fid-data tat-tnissil tal-imsemmija garanzija eżekuttiva.

65. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata bl-istruttura tal-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament Nru 1346/2000 li huwa bbażat, minn naħa, fuq in-nuqqas ta’ effett tad-drittijiet in rem fuq il-beni li jinsabu fi Stati Membri oħra (Artikolu 5), li jeskludi minn tali drittijiet l-effetti tal-proċedura ta’ insolvenza, u min-naħa l-oħra, fuq il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-kredituri jew ta’ terzi fil-validità ta’ att (Artikolu 13).

66. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet in rem żgurati mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000, din is-soluzzjoni ngħatat għal raġunijiet bażiċi, bħall-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-kummerċ fl-Istat Membru fejn jinsabu l-beni u ċ-ċertezza legali tad-drittijiet marbuta magħha. Id-drittijiet in rem għandhom funzjoni importanti ħafna fil-kreditu u fil-mobilizzazzjoni tal-ġid. Fil-fatt, huma jipproteġu lid-detenturi tagħhom quddiem riskju ta’ insolvenza tad-debitur u jippermettu li jinkisbu krediti b’kundizzjonijiet vantaġġużi (47) . B’hekk iċ-ċertezza legali u l‑protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-kredituri fit-tranżazzjonijiet imwettqa jidhru, fl-opinjoni tiegħi, bħala elementi fundamentali. Barra minn hekk, raġunijiet ta’ ordni proċedurali jiġġustifikaw ukoll protezzjoni ikbar tad-drittijiet in rem, bħall-għanijiet istituzzjonali tar-Regolament Nru 1346/2000 marbuta man-neċessità li tkun issemplifikata u ffaċilitata l-amministrazzjoni tal-assi (48) .

67. Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 13 tar‑Regolament Nru 1346/2000, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 30 u 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li s-soluzzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni hija intiża, prinċipalment, sabiex tippreżerva l-aspettattivi leġittimi tal-kredituri jew ta’ terzi fuq il‑validità ta’ att konformi mal- lex causae. F’dan ir-rigward, jiena naqbel mal-analiżi magħmula minn H. Lutz u l-Kummissjoni, li fid-dawl tad-dritt Awstrijak u kkunsidrati ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali kollha, l-att inkwistjoni ma jistax jiġi kkontestat (49) .

68. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena tal-opinjoni li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għal sitwazzjoni fejn id-dritt in rem ġie kkostitwit qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza u l-ħlas tal-ammont issekwestrat sar wara l-ftuħ ta’ din il-proċedura.

C – Fuq it-termini ta’ preskrizzjoni, it-termini tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ revoka u t-termini ta’ dekadenza previsti mil-lex causae fil-kuntest tas-sistema ta’ eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000

69. It-tieni domanda tirrigwarda l-punt dwar jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li jimplika li l- lex causae tirregola wkoll l-effetti legali marbuta mal-mogħdija taż-żmien. B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk is-sistema ta’ eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 13 tinkludix ukoll it-termini ta’ preskrizzjoni, it-termini tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ revoka u t-termini ta’ dekadenza li huma previsti fil- lex causae.

70. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont ir-regoli tad-dritt Ġermaniż, id-dritt ta’ sekwestru fuq l-assi bankarji tnissel wara t-talba għal ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza u għalhekk, skont l-Artikolu 88 tal-InsO, kien nieqes minn validità fid-data tal-ftuħ ta’ din il‑proċedura (50) . Madankollu, skont ir-regoli rilevanti tad-dritt Awstrijak, l-azzjoni revokatorja ta’ E. Bäuerle ddekadiet minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ sena mill-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza bid-dritt tal-likwidatur li, jekk ikun il-każ, iressaq kawża. Min-naħa l-oħra, fid-dritt Ġermaniż, it-terminu għall-preżentata ta’ tali azzjoni huwa ta’ tliet snin.

71. Il-qorti tar-rinviju tindika li d-duttrina Ġermaniża hija maqsuma dwar dan il-punt. B’hekk, minn parti tad-duttrina jirriżuta li l- lex causae ma għandhiex tirregola t-termini ta’ preskrizzjoni jew ta’ dekadenza applikabbli. Tali termini, bħala dispożizzjonijiet ta’ natura proċedurali, għandhom jiġu dedotti mil- lex fori concursus  (51) . Min-naħa l-oħra, linja dottrinali oħra ssostni li r-riferiment għal- lex causae għandu jinftiehem bħala riferiment totali għar-regoli kollha, inkluż dawk relatati mal-preskrizzjoni u d-dekadenza.

72. Jiena ma nistax naqbel mal-ewwel analiżi, u min-naħa l-oħra kif ser nispjega iktar ’il quddiem naqbel mat-tieni waħda  (52) .

73. Minn naħa, waqt l-eżami tal-ewwel domanda, jiena diġà għamilt dikjarazzjoni, fil-punti 57 sa 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dwar id-determinazzjoni tal-portata tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, fid-dawl tat-termini tiegħu, tal-istruttura tiegħu u tal-iskop li huwa jrid jilħaq  (53) . Minn din l-analiżi, b’mod partikolari, jirriżulta li l-espressjoni “fil-każ relevanti” tipprevedi każijiet fejn att ma jistax jiġi kkontestat fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti kollha tal-kawża. Jidhirli li huwa ċar li d-dekorriment taż-żmien u, għalhekk, ir-regoli sostantivi u proċedurali li jirregolawh jagħmlu parti mill-imsemmija ċirkustanzi stess tal-każ inkwistjoni (54) . F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkonferma wkoll li t-telf ta’ dritt minħabba d-dekorriment taż-żmien jista’ jaqa’ taħt tali ċirkustanzi konkreti.

74. Min-naħa l-oħra, u b’estensjoni ta’ din il-linja ta’ riflessjoni, hemm lok li jsir riferiment għall-osservazzjonijiet ta’ H. Lutz, tal-Gvern Portugiż u tal-Kummissjoni. Fil-fatt, dawn jikkunsidraw, essenzjalment, li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 jagħmel riferiment għal att li ma jista’ jiġi kkontestat “b’ebda mezz”, b’tali mod li ma jkunx limitat għal kundizzjonijiet materjali tar-revoka skont il- lex causae, iżda jestendi għalhekk, b’mod partikolari, għad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ preskrizzjoni jew ta’ dekadenza. Issa, kif indikajt preċedentement, din il-espressjoni tfisser li l-att ma jistax jiġi invalidat, bħal f’dan il-każ, la bl-applikazzjoni tar-regoli dwar il-proċedura ta’ insolvenza u lanqas bl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt komuni applikabbli għalih  (55) . Għal dak li jirrigwarda dawn tal-aħħar, u fid-dawl tan-natura distinta, b’mod partikolari tal-preskrizzjoni, fis-sistemi legali differenti, l-applikazzjoni tal- lex causae timmilita, fl-opinjoni tiegħi, favur osservanza tal-koerenza tal-ordinament ġuridiku li għalih hija tappartjeni, u konsegwentement, tal-koerenza bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt sostantiv tagħha u dawk tad-dritt proċedurali.

75. F’dan ir-rigward, fil-proċedura bil-miktub tagħha l-Kummissjoni targumenta li kull interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 li teskludi t-termini ta’ preskrizzjoni kklassifikati, fid-dritt nazzjonali, bħala termini ta’ natura proċedurali twettaq, bejn il-mudelli teoretiċi użati mill-Istati Membri, diskriminazzjoni arbitrarja u tostakola interpretazzjoni uniformi tal-imsemmija dispożizzjoni.

76. Din il-pożizzjoni hija sostnuta bid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ruma I  (56) . B’hekk il-qorti tar-rinviju, H. Lutz u l-Kummissjoni ġustament jirreferu għall-Artikolu 12(1)(d) tal-imsemmi regolament, li permezz tiegħu l-effett tad-dekorriment taż-żmien fuq dritt kuntrattwali huwa ddeterminat mill-ordinament ġuridiku li għalih huwa suġġett id-dritt inkwistjoni  (57) . B’mod iktar preċiż, konformement ma’ dan l-artikolu, il-liġi applikabbli għall-kuntratt skont ir-Regolament Ruma I tirregola, b’mod partikolari, “il-modi varji ta’ terminazzjoni ta’ l-obbligazzjonijiet, kif ukoll il-preskrizzjoni tal-azzjonijiet”  (58), li għalhekk għandhom klassifikazzjoni sostantiva u josservaw il- lex causae .

77. Barra minn hekk, infakkar, hekk kif jirriżulta mill-punti 30, 65 u 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 huwa intiż għall-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fil-permanenza ta’ att. Għalhekk, kreditur li jafda fil-validità tal-att konformement mal- lex causae ma għandux ikun sorpriż bl-applikazzjoni tad-dritt tal-proċedura ta’ insolvenza ta’ Stat Membru ieħor (59) .

78. Fi kwalunkwe każ, għalija ma hemm l-ebda dubju li r-regoli ta’ preskrizzjoni jew ta’ dekadenza jifformaw parti mis-sistema ta’ nullità tal-atti. Għalhekk, meta att jista’ jiġi kkontestat konformement mal- lex causae permezz ta’ azzjoni għal revoka, bħal fil-kawża prinċipali, iżda t-terminu sabiex titressaq din l-azzjoni jkun iddekorra, jiena ma nara l-ebda raġuni li tiġġustifika l-kunsiderazzjoni li tali att jista’ jibqa’ jigi kkontestat konformement mal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000  (60) .

79. Għaldaqstant, fid-dawl tal-elementi preċedenti, jiena tal-fehma li s-sistema ta’ eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 tinkludi t-termini ta’ preskrizzjoni, it-termini ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ revoka u t-termini ta’ dekadenza li huma previsti fil- lex causae .

D – Fuq il-liġi applikabbli għad-determinazzjoni tar-regoli proċedurali li għandhom jiġu osservati għall-eżerċizzju tal-azzjoni għal revoka

80. Permezz tat-tielet domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk ir-regoli proċedurali li għandhom jiġu osservati għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ revoka fid-dawl tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 humiex iddeterminati mil- lex causae jew mil- lex fori concursus .

81. Fil-fatt, id-deċiżjoni tar-rinviju tesponi li, fid-dritt Ġermaniż, dikjarazzjoni li ma hijiex suġġetta għal kundizzjonijiet proċedurali, li tindika li l-amministratur ġudizzjarju ried jagħti dritt għal rimbors, hija biżżejjed sabiex ittemm l-aspettattiva tal-kreditur fil-validità tal-ħlas. Min-naħa l-oħra, fid-dritt Awstrijak, ir-revoka ma tista’ tiġi invokata b’mod validu biss permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja ppreżentata f’terminu ta’ sena mill-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, u l-aspettattiva tal-kreditur hija irrilevanti f’dan ir-rigward.

82. Jiena naqbel mal-argument tal-Kummissjoni li l-benefiċjarju tal-att ma jaf la t-termini u lanqas ir-regoli proċedurali tad-dritt ta’ ordinament ġuridiku ieħor. Fil-fatt, l-uniku element determinanti għalih huwa dwar jekk, fit-termini fis-seħħ fis-sistema legali tiegħu, l-azzjoni għal revoka ġietx ippreżentata b’mod validu. Għalhekk, f’dan il-każ, skont id-dritt Awstrijak, il-konservazzjoni ta’ beni akkwistat tiddependi biss mill-punt dwar jekk ġietx ippreżentata, jew le, azzjoni għal ħlas lura, fit-terminu ta’ sena mill-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, li f’dan il-każ jeskludi l-ittra extraġudizzjarja tal‑10 ta’ Marzu 2009.

83. Issa, f’dan ir-rigward, il-premessa 24 tar-Regolament Nru 1346/2000 tistabbilixxi li, għall-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tas-sigurtà tat-tranżazzjonijiet fi Stati differenti minn dak tal-ftuħ, għandhom isiru dispożizzjonijiet għal numru ta’ eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali. B’hekk, biex l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jinftiehem bħala regola “veto” li għandu l-benefiċjarju, ma hemmx bżonn li l-likwidatur jistabbilixxi b’mod kumulattiv l-ammissibbiltà ta’ att fiż-żewġ ordinamenti ġuridiċi kkonċernati.

84. Barra minn hekk, nirreferi għall-analiżi tiegħi iktar ’il fuq tal-espressjoni “xi mezzi” li tindika li r-riferiment għal- lex causae għandu jkun riferiment globali.

85. Infakkar ukoll li r-regoli proċedurali jistgħu jikkostitwixxu mhux biss kundizzjonijiet ta’ ordni sostantiva iżda wkoll ta’ ordni proċedurali. Għalhekk, il-modalitajiet tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ revoka għandhom jiġu ddefiniti prinċipalment mil- lex causae . Fil-fatt, jidher li huwa kuntrarju għall-koerenza tal-ordinament ġuridiku applikabbli li ssir distinzjoni bejn il-kwistjonijiet li jirrigwardaw termini ta’ preskrizzjonijiet u dawk proċedurali, sabiex jiġu ssuġġettati għal dritt differenti. Konsegwentement, f’dan il-każ, att li jikkawża preġudizzju ma jistax jiġi kkontestat bl-eżerċizzju extraġudizzjarju ta’ dritt ta’ revoka provenjenti mil- lex fori concursus .

86. Barra minn hekk, din il-pożizzjoni hija kkorroborata bir-rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 (61) . Għalhekk, diversi rapporti nazzjonali jsostnu li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 huwa neċessarju sabiex jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet għal dak li jirrigwarda s-sistema ġuridika applikabbli għar-rapporti ta’ dritt tagħhom  (62) .

87. Għall-kuntrarju, ir-raġunament segwit mill-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet orali tiegħu waqt is-seduta, li l-applikazzjoni sħiħa tal- lex causae tiltaqa’ ma’ diffikultajiet ta’ ordni prattika marbuta mad-determinazzjoni u l-eżami mil-likwidatur ta’ ordinamenti ġuridiċi oħra, ma jikkonvinċinix. Fl-opinjoni tiegħi, il-fatt li r-regoli proċedurali ta’ ordinament ġuridiċi oħra għandhom jiġu analizzati sabiex tiġi ppreżentata azzjoni għal revoka ma jikkostitwixxix responsabbiltà eċċessiva għal-likwidatur. F’dan ir-rigward, mir-rapport ta’ evalwazzjoni msemmi iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 ma jmurx lil hinn minn dak stabbilit fil-qasam tal-kawżi internazzjonali (u għalhekk mid-dritt internazzjonali privat), u dan jimplika l-kunsiderazzjoni ta’ iktar minn liġi nazzjonali waħda. Fil-fatt, fil-prassi stabbilita abbażi ta’ numru kunsiderevoli ta’ rapporti nazzjonali, il-kunsiderazzjoni tat-tieni sistema legali ma tqajjimx diffikultajiet li ma jistgħux jingħelbu (63) . Għalhekk l-imsemmi rapport ma jissuġġerixxi ebda emenda u lanqas limitazzjoni tar-riferiment għal‑ lex causae mill-imsemmi artikolu (64) .

88. Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena tal-opinjoni li r-regoli proċedurali li għandhom jiġu osservati fl‑eżerċizzju tad-dritt fid-dawl tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 huma ddeterminati mil- lex causae.

VI – Konklużjoni

89. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Bundesgerichtshof bil-mod segwenti:

1) L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza], għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għal sitwazzjoni fejn dritt in rem ġie kkostitwit qabel il-ftuħ tal‑proċedura ta’ insolvenza u l-ħlas tal-ammont issekwestrat sar wara l-ftuħ ta’ din il-proċedura.

2) Is-sistema ta’ eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi t-termini ta’ preskrizzjoni, it-termini għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ revoka u t-termini ta’ dekadenza previsti mil- lex causae.

3) Ir-regoli proċedurali li għandhom jiġu osservati għall-eżerċizzju tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 huma ddeterminati mil- lex causae.

(1) .

(2)  – Regolament tal-Kunsill, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).

(3)  – Għalkemm it-termini “likwidatur” u “assi totali” ġew abbandunati fid-dritt Franċiż dwar l-insolvenza fl-1985, dawn jintużaw fil-verżjoni Franċiża tar-Regolament Nru 1346/2000.

(4)  – Artikolu 129(1) tal-InsO.

(5)  – Artikolu 91(1) tal-InsO.

(6)  – Id-dritt ta’ sekwestru tnissel fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru tal-ftuħ tal‑proċedura ta’ insolvenza. Id-dritt applikabbli għall-ħlas tal-ammont issekwestrat fuq il-kontijiet bankarji huwa għalhekk id-dritt tal-Istat Membru li fih il-ħlas għandu l-effetti tiegħu, jiġifieri d-dritt Awstrijak.

(7)  – Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont id-dritt Awstrijak, att li permezz tiegħu kreditur tal-proċedura ta’ insolvenza jikseb garanzija jew twaqqif ta’ azzjoni, mogħti wara d-data ta’ waqfien tal-ħlas jew wara t-talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, jista’ jiġi kkontestat fil- każ fejn il-kreditur kien jaf bl-istat ta’ insolvenza jew bit-talba għal ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, jew seta’ kien jaf. Skont il-qorti tar-rinviju, il-ħlas tal-ammont kontenzjuż ta garanzija lil H. Lutz sabiex jieqaf milli jieħu azzjoni f’data li fiha huwa kien jaf bit-talba għal ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, minħabba l-ittra tal-likwidatur tal-10 ta’ Marzu 2009. Waqt is-seduta, ir-rappreżentant ta’ H. Lutz sostna madankollu li, fid-dritt Awstrijak, għall-finijiet tal-preżentata ta’ azzjoni għal revoka, il-punt tat-tluq huwa l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Fil-fatt, hija minn din id-data li, minn naħa, il-proċedura ssir pubblika u l-kreditur jista’ għalhekk ikun jaf bis-sitwazzjoni ta’ insolvenza tad-debitur u, min-naħa l-oħra, li t-terminu ta’ dekadenza ta’ sena sabiex tiġi ppreżentata azzjoni ġudizzjarja jibda jiddekorri. Għall-kuntrarju, fid-dritt Ġermaniż, il-punt tat-tluq huwa t-tressiq tat-talba għal ftuħ tal-proċedura u t-terminu għall-preżentata ta’ azzjoni għal revoka huwa ta’ tliet snin. Ara wkoll il-punti 81 sa 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

(8)  – F’dan il-każ, l-eżekuzzjoni forzata tal-ħlas tas-somma kontenzjuża saret wara l-kostituzzjoni ta’ dritt ta’ sekwestru. Għalhekk, huwa dan id-dritt ta’ sekwestru li għandu jitqies li huwa l-att li jikkawża preġudizzju.

(9)  – Sentenza Econord (C‑182/11 u C‑183/11, EU:C:2012:758, punt 21).

(10)  – Ara l-premessa 25 u l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1346/2000 kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

(11)  – Sentenza ERSTE Bank Hungary (C‑527/10, EU:C:2012:417, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(12)  – Ibidem , punt 39. Ara wkoll il-premessa 24 tar-Regolament Nru 1346/2000.

(13)  – Nosserva li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 jippreżumi lokalizzazzjoni mhux frawdolenti tal-assi fi Stat Membru li ma huwiex dak tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Ara, dwar dan, ir-rapport fuq il-Konvenzjoni dwar il-proċeduri ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem ir-“Rapport Virgós/Schmit”), paragrafu 105 u T. Ingelmann, “Artikolu 5”, European Insolvency Regulation , K. Pannen (Ed.), De Gruyter Recht, Berlin, 2007, p. 252. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, anki jekk ir-rapport Virgós/Schmit jirrigwarda biss il-Konvenzjoni dwar il‑proċeduri ta’ insolvenza, huwa jipprovdi elementi utili għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000. Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Eurofood IFSC (C‑341/04, EU:C:2005:579, punt 2).

(14)  – Sentenza ERSTE Bank Hungary (EU:C:2012:417, punt 41).

(15)  – Ibidem , punt 42.

(16)  – Sabiex l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 ikun jista’ jopera, interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-atti kollha neċessarji għall-kostituzzjoni ta’ dritt in rem ikunu seħħew qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Ara r-Rapport Virgós/Schmit, paragrafu 95; M. Virgós Soriano, u F. J. Garcimartín Alférez, Comentario al Reglamento europeo de insolvencia, Thomson-Civitas , Madrid, 2003, p. 96 u 101, kif ukoll G. Moss, I. F. Fletcher, u S. Isaacs, The EC Regulation on Insolvency Procedures: A Commentary and Annotated Guide, Oxford University Press , it-tieni edizzjoni, 2009, p. 287.

(17)  – Dwar in-natura sostantiva ta’ din id-dispożizzjoni, ara r-Rapport Virgós/Schmit, paragrafu 99; M. Virgós Soriano, u F. J. Garcimartín Alférez, op. cit ., p. 105; T. Ingelmann, “Artikolu 5”, op.cit ., p. 250; G. Moss, I. F. Fletcher, u S. Isaacs, op. cit. , p. 286; B. Hess, P. Oberhammer, u T. Pfeiffer, European Insolvency Law.The Heidelberg-Luxembourg-Vienna Report on the Application of the Regulation No 1346/2000/EC on Insolvency Proceedings , C. H. Beck-Hart-Nomos, München/Oxford, 2014 (iktar ’il quddiem ir-“Rapport Heidelberg-Lussemburgu-Vjenna”), p. 178, u W. Klyta, Uznanie zagranicznych postępowań upadłościowych, Oficyna Wolters Kluwer business , Warszawa, 2008, p. 149.

(18)  – Fis-sentenza German Graphics Graphische Maschinen, fir-rigward tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1346/2000, dispożizzjonijiet simili għall-Artikolu 5 tal‑imsemmi regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ikkunsidrat li “[f]’termini oħra, l-imsemmija dispożizzjoni tikkostitwixxi biss regola sostantiva intiża sabiex il-bejjiegħ jiġi protett fir-rigward tal-beni li jinsabu barra l-Istat Membru fejn tinfetaħ il-proċedura ta’ falliment [proċedura ta’ insolvenza]” (C‑292/08, EU:C:2009:544, punt 35). Skont ir-Rapport Heidelberg-Lussemburgu-Vjenna, p. 181, id-duttrina prevalenti fis-17-il Stat Membru tanalizza l-Artikolu 5 bħala regola sostantiva.

(19)  – T. Ingelmann, “Artikolu 5”, op. cit ., p. 253.

(20)  – Rapport Virgós/Schmit, paragrafi 95 u 100. L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 jistabbilixxi li l-proċedura ta’ insolvenza ma taffettwax id-drittijiet in rem fuq beni li jinsabu fi Stati Membri oħra u mhux li l-proċedura ma tilħaqx il‑beni (jew krediti) li jinsabu fi Stat Membru ieħor protetti minn dawn id-drittijiet. Ladarba l-proċedura prinċipali hija proċedura universali, hija tinkludi l-beni kollha tad-debitur. Dan huwa importanti jekk il-valur tal-garanzija huwa superjuri għal valur tal-kreditu ggarantit mid-dritt in rem. B’hekk, fl-assenza ta’ ftuħ ta’ proċedura sekondarja, il-kreditur ikun obbligat iħallas lura lil-likwidatur tal‑proċedura prinċipali l-eventwali ammont żejjed tal-bejgħ (ara l-premessa 25 u l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1346/2000). Min-naħa l-oħra, jekk il-kreditu huwa kopert mill-valur tal-garanzija, il-kreditur li jissodisfa l-krediti tiegħu ggarantiti mid-drittijiet in rem ma għandu jħallas xejn lura lill-kredituri l-oħra. Ara, f’dan is-sens, ir-Rapport Virgós/Schmit, paragrafi 99 u 173; M. Virgós Soriano, u F.J. Garcimartín Alférez, op. cit. , p. 106 u 236. Ara wkoll, f’dan is-sens, G. Moss, I. F. Fletcher, u S. Isaacs, op. cit , p. 286, u M. Porzycki, Zabezpieczenia rzeczowe w transgranicznym postępowaniu upadłościowym w Unii Europejskiej, Czasopismo kwartalne całego prawa handlowego, upadłościowego oraz rynku kapitałowego, NR 3 (5) 2008, p. 405.

(21)  – Ara f’dan ir-rigward, P. M. Veder, Cross-border insolvency proceedings and security rights: a comparison of Dutch and German law, the EC Insolvency Regulation and the UNCITRAL Model Law on Cross-Border Insolvency , Deventer, 2004, p. 334 sa 336: “Interpretazzjoni indipendenti tad-drittijiet in rem hija ffaċilitata bir-riferimenti inklużi fit-tieni paragrafu tat-tipi ta’ drittijiet li għalihom jirreferi l-Art. 5 IR”. Ara wkoll W. Klyta, op. cit. , p. 150.

(22)  – M. Virgós, u F. Garcimartín, op. cit ., p. 96: “Il-funzjoni tiegħu [tal-Artikolu 5] hija li jopera bħala limitu tal-karatterizzazzjoni ta’ dritt in rem għall-finijiet tal-Artikolu 5. Id-drittijiet mogħtija mid-dritt nazzjonali li huma konformi mal‑karatterizzazzjoni tipoloġika tiegħu huma protetti mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament”.

(23)  – Skont id-duttrina, id-drittijiet in rem fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 ma humiex biss dawk li jirriżultaw minn att ġuridiku iżda wkoll dawk li jitwieldu u jipproduċu ruħhom ipso jure , M. Porzycki, loc. cit. , p. 405.

(24)  – Artikolu 11(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1) tal-Liġi Awstrijaka dwar il‑proċeduri ta’ insolvenza, fil-verżjoni tagħha applikabbli fi żmien il-fatti tal‑kawża prinċipali (öBGB1. I 2007/73, iktar ’il quddiem l-“östKO”).

(25)  – Ibidem, Artikolu 48(1). Il-qorti tar-rinviju tispeċifika wkoll li minħabba l-ħlas li sar lil H. Lutz, id-dritt ta’ sekwestru spiċċa skont applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 469 tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak (“Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch”) u għalhekk ma jistax jiġi kkontestat iżjed. Dwar dan il-punt, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.

(26)  – Sabiex jiffaċilita l-applikazzjoni tiegħu, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi lista ta’ drittijiet li jitqiesu, bħala prinċipju, li huma drittijiet in rem mil-liġijiet nazzjonali. Għalhekk din il-lista ma hijiex eżawrjenti. F’dan ir-rigward, ara r-Rapport Virgós/Schmit, paragrafu 103, kif ukoll G. Moss, I. F. Fletcher, u S. Isaacs, op. cit ., p. 287.

(27)  – Ara, dwar dan il-punt, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

(28)  – Ara wkoll il-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

(29)  – Naħseb li huwa utili li hawnhekk jitfakkar li, fil-qasam tad-drittijiet in rem , il-lokalizzazzjoni hija l-post fejn jinsab il-beni kkonċernat minn dawn id-drittijiet. Barra minn hekk, jaqgħu taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 id-drittijiet in rem li jirrigwardaw il-krediti. Ara, f’dan is-sens, M. Virgós, u F. Garcimartín, The European Insolvency Regulation: Law and Practice , Kluwer Law International, Den Haag, 2004, p. 103.

(30)  – Il-proċess tal-kawża li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jagħti ebda informazzjoni dwar il-ftuħ ta’ proċedura sekondarja fl-Awstrija.

(31)  – Ara, f’dan is-sens, G. Moss, I. F. Fletcher, u S. Isaacs, op. cit. , p. 287. Ara wkoll l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1346/2000.

(32)  – M. Virgós Soriano, u F.J. Garcimartín Alférez, op. cit ., p. 135, u M. Virgós, u F. Garcimartín, op. cit ., p. 135.

(33)  – Rapport Virgós/Schmit, paragrafu 135; M. Virgós Soriano, u F.J. Garcimartín Alférez, op. cit ., p. 135; K. Pannen, u S. Riedemann, “Artikolu 4”, op. cit ., p. 228, kif ukoll W. Klyta, op. cit ., p. 175.

(34)  – Anki jekk dan ir-rapport jirreferi għall-atti legali, jiena ma nara ebda raġuni li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(2)(m) u l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 l-effetti legali prodotti ipso jure jew li għandhom natura proċedurali.

(35)  – Ara s-sentenza Seagon (C‑339/07, EU:C:2009:83, punt 28) dwar il-kompetenza internazzjonali tal-qrati fil-qasam ta’ azzjonijiet għal revoka abbażi ta’ insolvenza.

(36)  – R. Dammann, “Artikolu 13”, op. cit ., p. 291: “Ċerti sistemi legali jirrendu nulli awtomatikament kwalunkwe drittijiet iggarantiti li kienu mogħtija f’perijodu partikolari qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Jekk din id-dispożizzjoni legali tevitax l-azzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 4(2)(m) tar-Regolament dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] huwa dibattibbli”.

(37)  – Rapport Virgós/Schmit, paragrafu 91.

(38)  – Fir-rigward, pereżempju, fil-każ fejn azzjoni għal revoka tkun ippreżentata mil‑likwidatur responsabbli waqt il-proċeduri ta’ insolvenza, bħal fil-kawża prinċipali. Infakkar f’dan ir-rigward li l-Artikolu 4(2)(m) tar-Regolament Nru 1346/2000 jirrigwarda l-azzjonijiet jew regoli ta’ nullità tal-atti li l-bażi tagħhom hija l- lex fori concursus. Mill-banda l-oħra, ir-regoli tad-dritt komuni huma applikabbli biss sa fejn il- lex fori concursus jippermetti. Ara, f’dan is-sens, M. Virgós Soriano, u F.J. Garcimartín Alférez, op. cit ., p. 135; M. Virgós, u F. Garcimartín, op. cit ., p. 135. Ara f’dan ir-rigward il-punt 43 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.

(39)  – Rapport Virgós/Schmit, paragrafu 91.

(40)  – Ara, b’analoġija, is-sentenza LBI (C 85/12, EU:C:2013:697), li tirrigwarda dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ April 2001, fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15), li fiha l-Qorti tal Ġustizzja interpretat dispożizzjonijiet essenzjalment identiċi għal dawk inkwistjoni f’din il-kawża.

(41)  – Ara s-sentenzi Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335, punt 20) kif ukoll Kronos Titan u Rhein‑Ruhr Beschichtungs-Service (C‑43/13 u C‑44/13, EU:C:2014:216, punt 25).

(42)  – Ara s-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 50).

(43)  – G. Moss, I.F. Fletcher, u S. Isaacs, op. cit ., p. 297: “This will involve not only providing the relevant foreign law but also the relevant facts”.

(44)  – Rapport Virgós/Schmit, paragrafu 138; M. Virgós Soriano, u F.J. Garcimartín Alférez, op. cit. , p. 137, kif ukoll G. Moss, I.F. Fletcher, u S. Isaacs, op. cit ., p. 296.

(45)  – Infakkar li s-sistema għal nullità tal-atti tad-debitur imwettqa qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza stabbilita mir-Regolament Nru 1346/2000 tipprovdi, inizjalment, l-applikazzjoni tal- lex fori concursus [Artikolu 4(2)(m)] iżda tippermetti li l-effetti tagħha jiġu esklużi billi tiġi invokata l-liġi li tirregola l-att (Artikolu 13). Madankollu, peress li t-terminu “att” użat mill-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jippermetti interpretazzjoni wiesgħa ta’ din id-dispożizzjoni, huwa rilevanti li jiġi enfasizzat li din is-sistema għandha tkun applikata mhux biss għall-atti detrimentali tad-debitur iżda wkoll għall-effetti legali li jiġu prodotti ipso jure jew għal dawk ta’ natura proċedurali, kif inhu l-każ f’dan il-każ. Ara, f’dan is-sens M. Virgós Soriano, u F.J. Garcimartín Alférez, op. cit ., p. 134 u 135.

(46)  – Ara, f’dan is-sens, ir-Rapport Virgós/Schmit, paragrafi 136 u 138, kif ukoll G. Moss, I.F. Fletcher, u S. Isaacs, op. cit ., p. 297.

(47)  – Rapport Virgós/Schmit, paragrafu 97.

(48)  – Ibidem, paragrafu 97.

(49)  – Ara l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

(50)  – Ara wkoll il-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

(51)  – F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li wħud minn dawk li jiddefendu din il-pożizzjoni jeskludu minnha espressament it-termini ta’ eżerċizzju tad-dritt għal revoka. Fil-fehma tagħhom, dawn it-termini għandhom jiġu eżaminati kumulattivament fid-dawl tal- lex fori concursus u tal- lex causae, b’mod li jinżamm bħala termini ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ revoka l-iktar terminu qasir minnhom it-tnejn, dak li f’dan il-każ, jiffavorixxi lil H. Lutz.

(52)  – Il-Kummissjoni tosserva fil-proċeduri bil-miktub tagħha li l-argument li t-termini ta’ preskrizzjoni jew ta’ dekadenza tal- lex causae ma għandhomx, minħabba n-natura proċedurali tagħhom, jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 huwa, f’dan il-każ, problematiku kkunsidrata n-natura sostantiva tat-terminu ta’ dekadenza fid-dritt Awstrijak.

(53)  – Ara s-sentenzi Cilfit et (EU:C:1982:335, punt 20) kif ukoll Kronos Titan u Rhein-Ruhr Beschichtungs‑Service (EU:C:2014:216, punt 25).

(54)  – Rapport Virgós/Schmit, paragrafu 137.

(55)  – Ibidem , paragrafu 138, kif ukoll M. Virgós Soriano, u F.J. Garcimartín Alférez, op. cit ., p. 136. Ara wkoll M. Virgós, u F. Garcimartín, op. cit ., p. 136.

(56)  – Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6).

(57)  – Il-Kummissjoni żżid li r-regoli tar-Regolament Ruma I dwar il-liġi applikabbli jirrikjedu b’mod ġenerali mill-amministratur fil-proċeduri ta’ insolvenza l-osservanza tad‑dritt barrani fil-każ fejn pajjiż ieħor huwa kkonċernat, ħaġa li, fil-prattika, ma tippreżentax diffikultajiet kbar.

(58)  – Ara, dwar dan, H. Gaudemet-Tallon, “Konvenzjoni ta’ Ruma tad-19 ta’ Ġunju 1980 u r-Regolament ‘Ruma I’ tas-17 ta’ Ġunju 2008. Determinazzjoni tal-liġi applikabbli. Qasam tal-liġi applikabbli”, JurisClasseur Europe Traité , faxxikolu Nru 3201, 2009, p. 119 sa 121: “Il-liġi applikabbli fuq il-mertu tal-kuntratt tiddetermina għalhekk it-tul tal-preskrizzjoni kif ukoll ir-raġunijiet ta’ interruzzjoni u sospensjoni. U l-istess artikoli jissuġġettaw ukoll id-dekorrenza għal-liġi tal-kuntratt”. Fis-sistemi legali tal-Istati tal-Ewropa kontinentali huwa ġeneralment aċċettat li l-preskrizzjoni tkun irregolata mil- lex causae, J. Zrałek, Przedawnienie w międzynarodowym obrocie handlowym, Zakamycze, Kraków, 2005, p. 142.

(59)  – M. Virgós Soriano, u F.J. Garcimartín Alférez, op. cit ., p. 135.

(60)  – Ibidem p. 136.

(61)  – Ara r-rapport Heidelberg-Luxembourg-Vjenna, p. 213.

(62)  – F’dan ir-rigward, ara t-tweġiba għall-mistoqsija 24 fir-rapporti nazzjonali tal-Belġju, tal-Estonja, ta’ Spanja, tal-Estonja, tal-Latvja u tar-Rumanija. Pereżempju, fir-rapport tar-Renju Unit, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 huwa kkunsidrat suċċess fid-difiża tal-interess illeġittimu tal-kredituri. Ibidem , p. 213.

(63)  – Ibidem , p. 214.

(64)  – Ibidem , p. 215.


KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis-27 ta’ Novembru 2014 ( 1 )

Kawża C‑557/13

Hermann Lutz

vs

Elke Bäuerle, bħala amministratur fil-proċeduri ta’ insolvenza fir‑rigward tal-assi ta’ ECZ Autohandel GmbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il‑Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Artikoli 4 u 13 — Rikors kontra att li jippreġudika — Termini ta’ preskrizzjoni, dekadenza jew revoka — Rekwiżiti proċedurali — Determinazzjoni tal-liġi applikabbli — Ħlas magħmul wara d-data tal‑ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza abbażi ta’ sekwestru magħmul qabel dik id-data”

I – Introduzzjoni

1.

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu bħala kuntest ġuridiku r-Regolament (KE) Nru 1346/2000 ( 2 ). B’mod iktar speċifiku, id-domandi magħmula mill-Bundesgerichtshof (Qorti Federali tal‑Ġustizzja, il-Ġermanja) għandhom iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, qabel kollox, dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 13 ta’ dan ir‑regolament japplikax fil-każ fejn il-ħlas magħmul skont l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas kontra debitur (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat” jew l-“att inkwistjoni”) ikun sar wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiddetermina jekk id-dritt applikabbli għall-att ikkontestat (iktar ’il quddiem il-“lex causae”), f’dan il-każ id-dritt Awstrijak, jirregolax ukoll l-effetti legali marbuta mal-mogħdija taż-żmien. Fl-aħħar nett, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari joffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni sabiex tispeċifika jekk ir-regoli proċedurali li għandhom jiġu osservati fl-eżerċizzju tad‑dritt ta’ revoka tal-likwidatur, fid-dawl tal-Artikolu 13 tar‑Regolament Nru 1346/2000, jaqax ukoll taħt il-lex causae.

2.

Qabel ma niddedika ruħi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, jidhirli li huwa utili li wieħed jara sa fejn l‑Artikolu 5 tal-imsemmi regolament huwa applikabbli għad-dritt ta’ sekwestru li permezz tiegħu, f’dan il-każ, twettqet l-eżekuzzjoni forzata tal-ħlas tas-somma kontenzjuża.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

Il-premessa 11 tar-Regolament Nru 1346/2000 tistabbilixxi li:

“Dan ir-Regolament għandu jagħraf illi b’riżultat ta’ liġijiet sustantivi li huma differenti ħafna minn xulxin, mhux prattikabbli li jkunu introdotti proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] fl-iskop universali tal-Komunità kollha. F’dan l-isfond, l-applikazzjoni mingħajr eċċezzjoni tal-liġi ta’ l-Istat dwar ftuħ ta’ proċedimenti ta’ spiss twassal għal diffikultajiet. Dan japplika, per eżempju, għal liġijiet ferm differenti dwar interessi ta’ garanziji li jinsabu fil-Komunità. Barra minn hekk, id-drittijiet preferenzali li jgawdu uħud mill-kredituri fi proċedimenti ta’ falliment huma, f’ċerti każi, kompletament differenti. Dan ir-Regolament għandu jieħu konsiderazzjoni ta’ dan b’żewġ modi differenti. Minn naħa l‑waħda, għandhom jiġu magħmula regoli speċjali dwar l-applikabilità tal-liġi fil‑każ ta’ drittijiet partikolarment sinjifikanti u relazzjonijiet legali (e.g. drittijiet in rem u kuntratti ta’ impjieg). Minn naħa l-oħra, proċedimenti nazzjonali li jkopru biss assi li jinstabu fl-Istat fejn hemm il-ftuħ, għandhom ukoll ikunu permissibli flimkien mal-proċedimenti prinċipali ta’ falliment bl-iskop universali.”

4.

Il-premessa 24 ta’ dan ir-regolament hija fformulata kif ġej:

“L-għarfien awtomatiku ta’ proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] li għalihom normalment japplikaw il-liġijiet ta’ l-Istat li jiftahom jistgħu ifixklu l‑liġijiet li bihom jitwettqu t-transazzjonijiet fl-Istati Membri l-oħra. Sabiex jitħarsu l-aspettativi leġittimi u iċ-ċertezza ta’ transazzjonijiet fi Stati Membri apparti minn dak ta’ fejn ikunu nfetħu l-proċedimenti, għandhom isiru dispożizzjonijiet għal numru ta’ eċċezzjonijiet għar‑regola ġenerali.”

5.

L-Artikolu 4(2)(f) u (m) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“2.   Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l‑kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’mod partikolari:

[...]

(f)

l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali, bl‑eċċezzjoni ta’ kawżi pendenti;

[...]

(m)

ir-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ invalidità [nullità], nuqqas ta’ irbit [ma’ annullament] u nuqqas ta’ enforzabilità ta’ atti legali detrimentali [li jikkawża preġudizzju] għal kredituri kollha.”

6.

L-Artikolu 5 ta’ dan l-istess regolament jipprovdi li:

“1.   Il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] m’għandux jaffettwa d-drittijiet in rem ta’ kredituri jew partijiet terzi rigward l-assi tanġibbli jew mhux tanġibbli, mobbli jew immobbli — it‑tnejn assi speċifiċi u kollezzjonijiet ta’ assi indefiniti bħala massa li jinbidlu minn żmien għal żmien — li jappartieni għad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fil-waqt tal-ftuħ tal-proċedimenti.

2.   Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom b’mod partikolari jfissru:

a)

id-dritt li jiddisponu mill-assi jew li dawn mogħtija u li jakkwistaw sodisfazzjon mill-introjtu ta’ jew id-dħul minn dawk l-assi, b’mod partikolari bis-saħħa ta’ lien [garanzija] jew ta’ ipoteka;

b)

id-dritt esklussiv li jkollhom talba milqugħa, b’mod partikolari dritt iggarantit b’lien [b’garanzija] fir-rigward ta’ talba jew ogħtja ta’ talba bħala garanzija;

[...]

4.   Paragrafu 1 m’għandux jipprekludi azzjonijiet ta’ invalidità [nullità], nuqqas ta’ rbit [ta’ annullament] u nuqqas ta’ enforzabilità kif imsemmija fl-Artikolu 4(2)(m).”

7.

Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000:

“L-Artikolu 4(2)[(m)] m’għandux japplika meta l-persuna li tibbenefika minn att detrimentali [li jikkawża preġudizzju] għal-kredituri kollha tipprovdi prova li:

l-imsemmi att huwa suġġett għall-liġi ta’ Stat Membru apparti minn dak l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti,

u

dik il-liġi ma tippermettix xi mezzi biex jiġi disputat dak l-att fil‑każ relevanti.”

8.

Skont l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament:

“1.   Kreditur li, wara l-ftuħ tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(1) jakkwista b’xi meżżi, b’mod partikolari permezz ta’ infurzar, sodisfazzjoni totali jew parzjali tat-talba tiegħu fuq l-assi li jappartienu lid-debitur li jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandu jrodd lura lill-likwidatur dak li jkun akkwista, bla ħsara għall-Artikoli 5 u 7.”

B – Id-dritt Ġermaniż

9.

L-Artikolu 88 tal-Insolvenzordnung (Liġi Ġermaniża dwar l‑insolvenza, BGB1. 1994 I, p. 2866, iktar ’il quddiem l-“InsO”), jipprovdi:

“Jekk kreditur tal-persuna insolventi, matul ix-xahar preċedenti għal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza jew wara din id-data, jikseb permezz ta’ eżekuzzjoni forzata garanzija fuq l-assi tad-debitur li jiffurmaw parti mill-assi totali, il-ftuħ tal-proċedura tirrendi din il-garanzija mingħajr effett.”

C – Id-dritt Awstrijak

10.

L-Artikolu 43(1) u (2) tal-Insolvenzordnung (Liġi Awstrijaka dwar l-insolvenza, RGB1. 1914, p. 337, iktar ’il quddiem l-“IO” jipprovdi:

“(1)   Ir-revoka ma tistax tiġi validament mitluba biss permezz ta’ kawża […].

(2)   L-azzjoni revokatorja għandha tiġi ppreżentata f’terminu ta’ sena mill-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, liema terminu huwa wieħed ta’ dekadenza. […]”

III – Il-kuntest fattwali

11.

ECZ GmbH hija kumpannija Ġermaniża, li s-sede tagħha huwa f’Tettnang (il-Ġermanja). Din il-kumpannija kienet involuta f’traffikar frawdolenti ta’ vetturi permezz ta’ sistema piramidali. Fil-fatt, sabiex topera fis-suq Awstrijak, din il-kumpannija parent irrikorriet għal kumpannija sussidjarja, il-kumpannija Awstrijaka ECZ Autohandel GmbH (iktar ’il quddiem il-“kumpannija debitriċi”), li s-sede tagħha huwa f’Bregenz (l-Awstrija). Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, H. Lutz, residenti fl-Awstrija, kien wieħed minn numru ta’ klijenti tal‑kumpannija debitriċi, li mingħandha kien xtara karozza.

12.

Fis-17 ta’ Marzu 2008, minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni mill‑kumpannija debitriċi tal-kuntratt konkluż għall-finijiet tax-xiri tal‑imsemmija vettura, H. Lutz kiseb mill-Bezirksgericht Bregenz (Qorti tad-Distrett ta’ Bregenz, l-Awstrija) deċiżjoni ta’ ordni ta’ ħlas eżekuttiva kontra l-kumpannija debitriċi, għall-ammont ta’ EUR 9566 minbarra l-interessi.

13.

Fl-20 ta’ Mejju 2008, il-Bezirksgericht Bregenz awtorizzat l-eżekuzzjoni forzata, li permezz tagħha tliet kontijiet bankarji li l-kumpannija debitriċi kellha ma’ bank Awstrijak ġew issekwestrati. Fit-23 ta’ Mejju 2008, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ġiet innotifikata l-iSparkasse de Feldkirch (l-Awstrija) (iktar ’il quddiem il-“bank tal‑kumpannija debitriċi”).

14.

Fit-13 ta’ April 2008, il-kumpannija debitriċi talbet hija stess il‑ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Fl-4 ta’ Awwissu 2008, l-Amtsgericht Ravensburg (Qorti tal-ewwel istanza ta’ Ravensburg, il-Ġermanja) fetħet proċedura ta’ insolvenza kontra l-kumpannija debitriċi fil-Ġermanja. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, E. Bäuerle, residenti fil-Ġermanja, hija l-“likwidatur” ( 3 ) attwali f’din il-proċedura.

15.

Fis-17 ta’ Marzu 2009, il-bank tal-kumpannija debitriċi ħallas lil H. Lutz, fid-dawl tas-sekwestru applikat, is-somma kontenzjuża ta’ EUR 11778.48. Preliminarjament, permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Marzu 2009, il-likwidatur li kien responsabbli dakinhar kien madankollu indika li huwa ma kienx ser jinvoka dejn li kellu jkun ikkumpensat mill-imsemmi bank, iżda li madankollu huwa kien qed jirriżerva l‑possibbiltà li jikkontesta revoka fil-kuntest tal-insolvenza.

16.

F’ittra tat-3 ta’ Ġunju 2009, jiġifieri madwar għaxar xhur wara l‑ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, il-likwidatur responsabbli f’dik id‑data semma r-revoka fil-kuntest tal-insolvenza tal-eżekuzzjoni forzata awtorizzata fl-20 ta’ Mejju 2008 kif ukoll tal-ħlas magħmul fis-17 ta’ Marzu 2009. Madankollu, rikors ġudizzjarju ġie ppreżentat biss permezz ta’ rikors innotifikat fit-23 ta’ Ottubru 2009. Permezz tar‑rikors tagħha, E. Bäuerle talbet, quddiem il-qrati Ġermaniżi, il-ħlas lura fl-assi totali tal-ammont issekwestrat.

17.

Il-Landgericht Ravensburg (Qorti reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja) laqgħet din it-talba. Sussegwentement H. Lutz tilef l-appell tiegħu. Permezz ta’ appell għal “Reviżjoni”, huwa żamm it-talba tiegħu għaċ-ċaħda tar-rikors.

18.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li s-suċċess tal-appell jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, jekk jitqies li dan l-artikolu japplika għal dan il-każ. Fil-fatt l Artikolu 4(2)(m) ta’ dan ir-regolament jispeċifika li l-kwistjoni tan-nullità, annullament jew nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-atti legali li jikkawża preġudizzju għall-kredituri kollha hija rregolata bid-dritt applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem il-“lex fori concursus”). Madankollu, l-Artikolu 13 tal-istess regolament jeskludi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-każ fejn il-persuna li tibbenefika minn att li jikkawża preġudizzju għall-kredituri kollha tipproduċi l-prova li dan l-att huwa suġġett għal-liġi ta’ Stat Membru apparti minn dak l‑Istat tal-ftuħ tal-proċeduri u li f’dan il-każ din il-liġi b’ebda mod ma tippermetti li jiġi attakkat dan l-att.

19.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, bl-applikazzjoni tal-lex fori concursus, jiġifieri, f’dan il-każ, tar-regoli tad-dritt Ġermaniż, l-att inkwistjoni ma jistax jiġi kkontestat, peress li l-atti li jistgħu jiġu kkontestati huma biss dawk adottati qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ( 4 ). Il-ħlas tas-somma ssekwestrata fuq il-kont bankarju seħħ seba’ xhur wara l-ftuħ tal-proċedura. Madankollu, id-dritt ta’ sekwestru fuq l-assi bankarji tnissel biss wara t-talba għal ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, magħmula fit-13 ta’ April 2008, u għalhekk, skont l-Artikolu 88 tal-InsO ma kienx validu fid-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Il-ħlas tal-ammont issekwestrat fuq il-kontijiet bankarji li seħħ wara huwa għalhekk invalidu wkoll ( 5 ). Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi li l-ftuħ tal‑proċedura ta’ insolvenza ma taffettwax id-dritt in rem ta’ kreditur, dan l-artikolu, skont il-paragrafu 4 tiegħu, ma jipprekludix in-nullità, l-annullament jew in-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-att inkwistjoni.

20.

Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li H. Lutz jargumenta, abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, li l-ħlas tal-ammont kontenzjuż ma jista’ jiġi kkontestat bl-ebda mezz fid-dawl tad-dritt applikabbli għall-att ikkontestat ( 6 ), minħabba l-iskadenza ta’ terminu ta’ dekadenza. Fil-fatt, għalkemm skont id‑dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Awstrijak, il-ħlas minn assi bankarji li sar fis-17 ta’ Marzu 2009 seta’, bħala prinċipju, jiġi kkontestat inizjalment ( 7 ), azzjoni għal revoka ma għandha madankollu ebda ċans li tkun suċċess, għaliex l-Artikolu 43(2) tal-IO jipprovdi terminu ta’ dekadenza ta’ sena mill-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza għall‑preżentata ta’ tali azzjoni għal revoka bbażata fuq insolvenza.

21.

Il-qorti tar-rinviju tosserva f’dan ir-rigward li, skont id-dritt Ġermaniż, it-terminu għall-preżentata ta’ azzjoni għal revoka huwa ta’ tliet snin u li dan it-terminu ġie osservat.

IV – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li b’deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2013, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Ottubru 2013, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 13 tar-Regolament [Nru 1346/2000], japplika jekk il‑ħlas, ikkontestat mill-amministratur fil-proċeduri ta’ insolvenza, ta’ somma ssekwestrata qabel il-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza jkun sar biss wara l-ftuħ tal-proċeduri?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: l‑eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament [Nru 1346/2000] tapplika wkoll għat-termini ta’ preskrizzjoni, għat-termini għall-eżerċizzju tad-dritt għal revoka u għat-termini ta’ dekadenza previsti mid-dritt tal-Istat fejn l-att ikkontestat jipproduċi l-effetti tiegħu (lex causae)?

3)

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, ir-rekwiżiti proċedurali li għandhom jiġu osservati għall-eżerċizzju tad-dritt taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament [Nru 1346/2000] għandhom jiġu ddeterminati mil-lex causae jew mil-lex fori concursus?”

23.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir‑Repubblika tal-Portugall kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

24.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja kif ukoll il-Kummissjoni għamlu l-osservazzjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fit-18 ta’ Settembru 2014.

V – Analiżi

A – Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000

25.

Din il-kawża tidħol f’kuntest ġuridiku kumpless u tqajjem il‑kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għal ħlas li sar wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza abbażi ta’ dritt ta’ sekwestru kkostitwit qabel il-ftuħ tal-imsemmija proċedura. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, u fid-dawl tal-fatt li l-att li jikkawża preġudizzju f’dan il-każ huwa l-kostituzzjoni tad-dritt ta’ sekwestru ( 8 ), għandu jiġi ddeterminat jekk dritt in rem li jirrigwarda beni li fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura kien jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor isirx mingħajr effett wara dan il-ftuħ, bl-applikazzjoni tal-lex fori concursus.

26.

Qabel kollox infakkar li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha kompetenza sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali ( 9 ).

27.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill‑Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, jidhirli li huwa neċessarju li l-ewwel jiġi eżaminat jekk id-dritt ta’ sekwestru jikkostitwix dritt in rem u, konsegwentement, jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament humiex issodisfatti f’dan il-każ. Fil-fatt, huwa biss jekk id‑dritt ta’ sekwestru huwa dritt in rem, ħaġa li għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju, li H. Lutz ma jkunx obbligat iħallas lura fl-assi totali l-valur tal-kreditu garantit ( 10 ). Il-klassifikazzjoni ta’ dritt bħala dritt in rem hija għalhekk kundizzjoni preliminari għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għall-każ inkwistjoni.

28.

Għalhekk ser neżamina, fl-ewwel lok, il-klassifikazzjoni, bħala dritt in rem, tad-dritt ta’ sekwestru tal-assi bankarji tal-kumpannija debitriċi qabel ma niċċara, fit-tieni lok, il-portata tal-protezzjoni tad-drittijiet in rem mogħtija mill-Artikolu 5(4) tal-imsemmi regolament.

1. Fuq il-klassifikazzjoni tad-dritt ta’ sekwestru ta’ assi bankarji tal-kumpannija debitriċi fid-dawl tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000

29.

Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, il-liġi applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza u għall-effetti tagħha hija dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura (lex fori concursus). Din il-liġi tirregola, kif tistabbilixxi l-premessa 23 tal-istess regolament, il-kundizzjonijiet kollha relatati mal-ftuħ, l-iżvolġiment u l‑għeluq tal-proċedura ta’ insolvenza ( 11 ).

30.

Madankollu, sabiex jiġu ppreżervati l-aspettattivi leġittimi u ċ-ċertezza legali tat-tranżazzjonijiet fl-Istati Membri minbarra dawk tal‑ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, ir-Regolament Nru 1346/2000 jipprevedi, fl-Artikoli 5 sa 15 tiegħu, għadd ta’ eċċezzjonijiet għall-imsemmija regola tal-liġi applikabbli għal ċerti drittijiet u sitwazzjonijiet legali li jitqiesu, skont il-premessa 11 tiegħu, li huma partikolarment importanti ( 12 ). Għalhekk, partikolarment fir-rigward tad-drittijiet in rem, l-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ma jaffettwax id-dritt in rem ta’ kreditur jew ta’ terz fuq il-beni li jkunu proprjetà tad-debitur u li jkunu jinsabu, fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor ( 13 ).

31.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-portata ta’ din id-dispożizzjoni hija ċċarata mill-premessi 11 u 25 tar-Regolament Nru 1346/2000, li jipprovdu li huwa neċessarju li tiġi prevista referenza speċjali għad-drittijiet in rem“li tkun differenti mil-liġi ta’ l-Istat li jiftaħ il-proċedimenti”, peress li dawn id-drittijiet huma ta’ importanza kunsiderevoli għall-għoti ta’ krediti. Għalhekk, skont il-premessa 25, il-ġustifikazzjoni, il-validità u l-portata ta’ tali dritt in rem għandhom normalment jiġu ddeterminati skont il-liġi tal-post li fih ikun jinsab l-oġġett li jkun is-suġġett ta’ tali dritt (lex rei sitae) u ma jiġux affettwati mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza ( 14 ). Konsegwentement, hemm lok li l-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament jinftiehem bħala dispożizzjoni li, billi tidderoga mir-regola tal-liġi tal-Istat ta’ ftuħ, tippermetti l-applikazzjoni, fir-rigward tad-dritt in rem ta’ kreditur jew ta’ terz fuq ċerti beni li huma proprjetà tad-debitur, tal-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab il-beni inkwistjoni (lex rei sitae) ( 15 ). Igawdu biss mill-protezzjoni ta’ dan l-artikolu d-drittijiet in rem li jirrigwardaw beni tad-debitur li fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza jinsabu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ ftuħ ( 16 ). Fil-fatt, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 ma huwiex regola ta’ kunflitt, iżda regola sostantiva “negattiva” ( 17 ) li għandha l-għan li tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet in rem miksuba qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ( 18 ).

32.

Għalhekk tqum mistoqsija preliminari: id-dritt ta’ sekwestru tal‑assi bankarji jista’ jikkwalifika, f’dan il-każ, bħala dritt in rem li tiegħu H. Lutz huwa d-detentur?

33.

Għal dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tad-dritt ta’ sekwestru, nosserva mill-bidu li r-Regolament Nru 1346/2000 jirreferi għad-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-Artikolu 5(2) u (3) tiegħu.

34.

Inizjalment, il-klassifikazzjoni tad-dritt bħala dritt in rem taqa’ taħt id-dritt nazzjonali li jirregola, skont ir-regoli ta’ kunflitt applikabbli qabel il-proċedura ta’ insolvenza, id-drittijiet in rem (lex rei sitae) ( 19 ). Il-kostituzzjoni, il-validità u l-portata ta’ dawn id-drittijiet in rem huma għalhekk irregolati mil-liġi tal-post fejn jinsab il-beni li huwa s-suġġett tad-dritt in rem ( 20 ).

35.

Sussegwentement, ladarba tkun iddeterminata n-natura in rem tad-dritt eżaminat fid-dawl tal-lex rei sitae, għandu jiġi vverifikat jekk dan id-dritt jissodisfax il-kriterji ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) u (3) tar-Regolament Nru 1346/2000. Dawn il-kriterji ta’ klassifikazzjoni awtonoma ( 21 ) jillimitaw għalhekk il-klassifikazzjoni nazzjonali ta’ dritt suġġettiv bħala dritt in rem għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament ( 22 ).

36.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kawża prinċipali, mill-atti tal-proċess sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li ġew ikkonfermati waqt is-seduta, jirriżulta li skont id-dritt Awstrijak, id-dritt ta’ garanzija eżekuttiva huwa dritt in rem ibbażat fuq in-notifika tad-digriet tal-ordni ta’ ħlas lid-debitur. ( 23 )

37.

F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li qorti Awstrijaka, fid-data tal-20 ta’ Mejju 2008, awtorizzat l-eżekuzzjoni forzata, li permezz tagħha tliet kontijiet bankarji tal-kumpannija debitriċi fil-bank tagħha fl-Awstrija ġew issekwestrati. Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni kienet innotifikata lil dan l-istess bank fit-23 ta’ Mejju 2008. B’hekk, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, konformement mad-dritt Awstrijak ( 24 ), id-dritt preferenzjali miksub permezz tal‑awtorizzazzjoni ta’ sekwestru jibqa’ mhux affetwat bil-ftuħ tal‑proċedura ta’ insolvenza għaliex huwa tnissel iktar minn 60 jum qabel il-ftuħ tal-proċedura. Skont din il-qorti, id-dritt preferenzjali mogħti lil H. Lutz kien jawtorizza li s-somma ssekwestrata mill-assi bankarji titħallas lilu ( 25 ).

38.

Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1346/2000, dritt in rem ifisser, b’mod partikolari, “dritt esklussiv li jkollhom talba milqugħa, b’mod partikolari dritt iggarantit b’lien [b’garanzija] fir-rigward ta’ talba jew ogħtja ta’ talba bħala garanzija” ( 26 ), li jkopri s-sekwestru ta’ assi f’kont fid-dritt Awstrijak. B’hekk il-protezzjoni ta’ H. Lutz hija, bħala prinċipju, żgurata bid-dritt għal eżekuzzjoni forzata tiegħu fuq il-kontijiet bankarji tal-kumpannija debitriċi sabiex ikopri l-kreditu bħal li kieku din tal-aħħar ma kinitx is‑suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza fil-Ġermanja. F’dan il-każ, minkejja li l-ħlas inkwistjoni, inizjalment, seta’ jiġi kkontestat b’applikazzjoni tad-dritt Awstrijak ta’ insolvenza ( 27 ), skont il-qorti tar-rinviju ( 28 ), din il-konstatazzjoni bl-ebda mod ma tippreġudika l-klassifikazzjoni tad-dritt ta’ sekwestru bħala dritt in rem fid-dawl tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000.

39.

Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-lokalizzazzjoni tal-beni tad-debitur fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, mid‑deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li fid-data tal-4 ta’ Awwissu 2008, il-beni tal-kumpannija debitriċi li fuqu sar id-dritt ta’ sekwestru, jiġifieri s-somma kkontestata, kien jinsab fil-kontijiet bankarji Awstrijaċi tal-imsemmija kumpannija debitriċi ( 29 ).

40.

Għaldaqstant, naħseb li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 huma ssodisfatti f’dan il-każ, liema fatt, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li hija l-unika kompetenti sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża li biha hija adita.

2. Il-portata tal-protezzjoni tad-drittijiet in rem fid-dawl tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1346/2000: l-atti li jikkawżaw preġudizzju

41.

Hawnhekk infakkar li, filwaqt li l-protezzjoni tad-drittijiet in rem tat-terzi, u għalhekk l-immunità tagħhom, hija relattiva, l-esklużjoni tal-imsemmija drittijiet tal-qasam tal-lex fori concursus ma hijiex assoluta.

42.

Fl-ewwel lok, ir-regola tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 ma tostakolax il-fatt li l-likwidatur jitlob il-ftuħ ta’ proċedura sekondarja fl-Istat Membru fejn jinsabu l-beni, jekk id-debitur għandu stabbiliment f’dan l-Istat Membru ( 30 ). Tali proċedura sekondarja jkollha l-istess effetti fuq id-drittijiet in rem bħal proċedura prinċipali ( 31 ).

43.

Fit-tieni lok, l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1346/2000 jistabbilixxi eċċezzjoni għall-eċċezzjoni billi jipprovdi li l-paragrafu 1 ma jipprekludix azzjonijiet ta’ nullità, annullament jew nuqqas ta’ infurzabbiltà kif imsemmija fl-Artikolu 4(2)(m) ta’ dan ir-regolament. B’hekk, il-lex fori concursus japplika meta l-kostituzzjoni jew l‑eżerċizzju tad-drittijiet in rem huwa f’kontradizzjoni mal-interessi tal‑proċedura ta’ insolvenza u li l-atti jistgħu jiġu kklassifikati bħala atti li jikkawżaw preġudizzju għall-kredituri kollha. Għaldaqstant dan l-artikolu jikkonċerna, bħal f’dan il-każ, l-azzjonijiet għal revoka abbażi tar-regoli ta’ proċedura ta’ insolvenza u mhux tar-regoli tad-dritt komuni (azzjonijiet ordinarji tad-dritt ċivili u kummerċjali). Dawn tal-aħħar isegwu r-regoli ġenerali ta’ kunflitt. Madankollu, dawn l-azzjonijiet tad-dritt komuni huma ammissibbli biss sa fejn jippermetti l-lex fori concursus ( 32 ).

44.

Ir-regola bażika hija li l-liġi tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal‑proċedura ta’ insolvenza tirregola, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1346/2000, l-eventwali nullità, annullament jew nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-atti li jikkawżaw preġudizzju fuq l-interessi tal-kredituri kollha. F’dan il-każ, l-azzjoni għal revoka minn E. Bäuerle hija għalhekk irregolata mil-liġi Ġermaniża. Din il-liġi applikabbli tirregola l‑kundizzjonijiet li fihom l-atti li jikkawżaw preġudizzju għall-kredituri kollha jistgħu jiġu ssanzjonati (nullità, annullament), is-sistema ta’ dawn is‑sanzjonijiet (applikabbli ipso jure jew permezz ta’ azzjoni mibdija mil-likwidatur, b’effetti retroattivi jew mingħajr, eċċ.) u l-konsegwenzi legali tagħhom (pereżempju, l-istatus ta’ terzi li ssir azzjoni għal revoka kontra tagħhom) ( 33 ).

45.

F’dan ir-rigward, fid-dritt Ġermaniż, l-Artikolu 88 tal-InsO jipprovdi li, meta kreditur tal-persuna fi stat ta’ insolvenza jikseb, matul ix-xahar preċedenti għat-talba tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza jew wara din it-talba, permezz ta’ eżekuzzjoni forzata, garanzija fuq l-assi tad-debitur li jifformaw parti mill-assi totali, il-ftuħ tal-proċedura tirrendi din il-garanzija ineffettiva. Għandu għalhekk jiġi rrilevat li l-artikolu ċċitat iktar ’il fuq jirrigwarda għalhekk in-nullità sħiħa (ipso jure) ta’ garanzija fuq l-assi tad-debitur, fl-assenza ta’ azzjoni mibdija mil-likwidatur. Dan iqajjem kwistjoni determinanti għas-soluzzjoni tal‑kawża prinċipali, li ġiet diskussa waqt is-seduta wara mistoqsija bi tweġiba orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja: din ir-regola tad-dritt Ġermaniż taqa’, kif issostni l-qorti tar-rinviju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1346/2000? Fi kliem ieħor, nullità sħiħa ta’ dritt in rem fuq l-assi tad-debitur taqa’ taħt l-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi applikazzjoni tal-lex fori concursus għall-azzjonijiet ġudizzjarji ta’ nullità, annullament jew nuqqas ta’ infurzabbiltà previsti fl-Artikolu 4(2)(m)?

46.

Jiena naħseb li dan huwa l-każ.

47.

Qabel kollox, kif jirriżulta mill-analiżi magħmula fil-punti 25 sa 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet u mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż u tal-Kummissjoni waqt is-seduta, l-għan tal-Artikolu 88 tal-InsO, jiġifieri tal-kisba permezz ta’ eżekuzzjoni forzata, ta’ garanzija fuq l-assi tad-debitur li jifformaw parti mill-assi totali ta’ insolvenza, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000.

48.

Barra minn hekk, ir-Rapport Virgós/Schmit donnu jammetti, fil‑paragrafi 91 u 106, interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ azzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1346/2000. B’hekk “att li jikkawża preġudizzju għall-kredituri kollha jista’ jikkonsisti fil-kostituzzjoni ta’ dritt in rem favur kreditur wieħed jew terzi speċifiċi. F’dan il-każ, ir-regoli ġenerali [tar-Regolament Nru 1346/2000] dwar l-azzjonijiet ta’ nullità, annullament jew nuqqas ta’ infurzabbiltà huma applikabbli (Artikolu 4(2)(m) u l-Artikolu 13)” ( 34 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż sostna waqt is-seduta li differenza fit-trattament bejn id-dispożizzjonijiet li jipprovdu nullità ipso jure u dawk li jeħtieġu azzjoni ġudizzjarja ma tikkorrispondi la mal-għan u lanqas mal-ispirtu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1346/2000.

49.

Fl-aħħar nett, kif ġustament jargumentaw il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, il-fatt li teżisti differenza fil-verżjonijiet lingwistiċi fir-rigward tar-riferiment għal “azzjonijiet” ta’ nullità ma jippermettix li jiġi konkluż li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1346/2000 huwa limitat biss għall-azzjonijiet ġudizzjarji. Dan l-artikolu għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 4(2)(m) tal-imsemmi regolament li jirreferi għal “regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ invalidità [nullità], nuqqas ta’ irbit [annullament] u nuqqas ta’ enforzabilità” ( 35 ) u mhux biss “għal azzjonijiet ta’ invalidità [nullità], nuqqas ta’ irbit [annullament] u nuqqas ta’ enforzabilità”. Huwa għalhekk id-dritt nazzjonali li jiddetermina jekk in-nullità, l-annullament jew in-nuqqas ta’ infurzabbiltà tirriżultax b’azzjoni ġudizzjarja, b’effett tal-liġi ( 36 ) jew b’att ġuridiku. Madankollu, jekk il-liġi nazzjonali timponix nullità, inizjalment, jew jekk id-deċiżjoni ta’ ftuħ twassalx awtomatikament għall-annullament ( 37 ), sa fejn dan ikun neċessarju ( 38 ), il-liġi tal-Istat ta’ ftuħ (f’dan il-każ, il-liġi Ġermaniża) tissostitwixxi lilha nnifisha għal-liġi normalment applikabbli għall-att li jikkawża preġudizzju (f’dan il-każ, il-liġi Awstrijaka) ( 39 ).

50.

B’hekk, skont il-qorti tar-rinviju, is-sekwestru tal-kontijiet bankarji fl-Awstrija kien nieqes minn validità, skont l-Artikolu 88 tal-InsO, minħabba l-fatt li dan is-sekwestru seħħ wara l-introduzzjoni tat-talba għal ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza fil-Ġermanja. Għaldaqstant, id-dritt ta’ sekwestru akkwistat fuq l-assi bankarji qabel il-ftuħ tal-proċedura fil-prinċipju sar ineffettiv, wara dan il-ftuħ, bl-applikazzjoni tal-lex fori concursus ( 40 ) .

51.

Issa, l-Artikolu 4(2)(m) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 13 tiegħu. L-applikazzjoni tal-lex fori concursus tista’ għalhekk tiġi eskluża bl-applikazzjoni tal-lex causae. Huwa preċiżament dan l-għan tal-ewwel domanda preliminari li ser neżamina iktar ’l isfel.

B – Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għal att li sar wara l-ftuħ tal-proċedura ta ’ insolvenza

52.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju u kif ukoll mill-punti 45 u 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li d-dritt ta’ sekwestru fuq l-assi bankarji li jinsabu fit-territorju Awstrijak tnissel wara t-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza u għalhekk, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 88 tal-InsO, sar ineffettiv fid-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza.

53.

Madankollu, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-lex fori concursus, li permezz tagħha l-att inkwistjoni ma jistax jiġi validament ikkontestat jekk persuna li tibbenefika minn att li jikkawża preġudizzju għall-kredituri kollha tipproduċi prova li “l-imsemmi att huwa suġġett għall-liġi ta’ Stat Membru apparti minn dak l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti, u dik il-liġi ma tippermettix xi meżżi biex jiġi disputat dak l-att fil-każ relevanti”.

54.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 huwiex applikabbli għal sitwazzjoni li fiha dritt in rem ġie kkostitwit qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza filwaqt li l-ħlas tal-ammont issekwestrat sar wara l-ftuħ ta’ din il-proċedura.

55.

Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, ser nindirizza, fl-ewwel lok, il-portata tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 qabel neżamina, fit-tieni lok, jekk il-kostituzzjoni tad-dritt ta’ sekwestru tistax titqies li hija l-mument determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu.

1. Fuq il-portata tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000

56.

Qabel kollox, nixtieq nippreċiża li jiena naqbel mal-analiżi żviluppata, essenzjalment minn H. Lutz u l-Gvern Ġermaniż, li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 ma jinkludi ebda indikazzjoni li timplika distinzjoni bejn l-atti li jikkawżaw preġudizzju skont jekk seħħewx qabel jew wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza.

57.

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, biex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jitqiesu fl-istess ħin it-termini, il-kuntest u l-għanijiet tagħha ( 41 ). L‑oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tipprovdi wkoll elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha ( 42 ).

58.

Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, l-użu ta’ espressjonijiet “persuna li tibbenefika minn att detrimentali [li jikkawża preġudizzju] għal-kredituri kollha tipprovdi prova li”, “fil-każ relevanti” u “xi mezzi” jikkonferma n-natura restrittiva tal-eċċezzjoni meta mqabbla mar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1346/2000. Skont ir-Rapport Virgós/Schmit, l-ewwel espressjoni timplika li din id-dispożizzjoni hija eċċezzjoni sostantiva għall-applikazzjoni tal-lex fori concursus, fuq talba tal-parti kkonċernata, li fuqha jaqa’ l-oneru tal-prova ( 43 ). Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ġustament irreferiet, għall-espressjonijiet “fil-każ relevanti” u “xi mezzi” meħuda mill-imsemmi rapport. Għal dak li jirrigwarda l-ewwel espressjoni, din għandha tinftiehem fis-sens li l-att ma jistax ikun wieħed li jista’ jiġi kkontestat b’mod konkret, jiġifieri fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża. Ma huwiex biżżejjed li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ riskju astratt. Fl-aħħar nett, l-espressjoni “xi mezzi” tindika li l-att ma jistax ikun invalidu la bl-applikazzjoni tar-regoli tal-proċedura ta’ insolvenza stess u lanqas bl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt komuni applikabbli ( 44 ).

59.

Għal dak li jirrigwarda l-istruttura u l-għan tar-regola tad-dritt interpretata, infakkar li s-sistema ta’ kunflitt li tirriżulta mill-applikazzjoni magħquda tal-Artikolu 4(2)(m) u l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandha portata ġenerali fis-sistema tar-Regolament. Din is-sistema tapplika wkoll għad-drittijiet in rem protetti mill-Artikolu 5. B’hekk l-Artikolu 4(2)(m) tar-Regolament Nru 1346/2000 jirrigwarda r-regoli jew l-azzjonijiet għal nullità provenjenti mil-lex fori concursus u l-Artikolu 13 hija l-eċċezzjoni tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi ( 45 ). Fil-fatt, dan l-aħħar artikolu jaġixxi bħala regola “vetu” li tipprekludi n-nullità tal-att li jikkawża preġudizzju li jirriżulta mil-liġi tal-Istat ta’ ftuħ. Għalhekk l-imsemmi artikolu għandu biss l-għan li jippreżerva l-aspettattivi leġittimi ta’ kreditur jew ta’ terz fir-rigward tal-validità ta’ att konformi mal-lex causae (kemm fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt komuni kif ukoll tar-regoli dwar il-proċedura ta’ insolvenza), fid-dawl ta’ interferenzi ta’ lex fori concursus oħra ( 46 ).

60.

Fl-aħħar nett, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma kkorroborati mill-oriġini tad-dispożizzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mir‑Rapport Virgós/Schmit, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 jirrigwarda l-“atti detrimentali [li jikkawżaw preġudizzju]” kkostitwiti qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza u mhedda mill-azzjonijiet għal revoka eżerċitati mil-likwidatur. B’hekk, dan l-artikolu ma japplikax għal bejgħ li seħħ wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Fil-fatt, l-aspettattivi tal-kredituri fil-validità ta’ tali atti li seħħew wara ma jixirqilhomx protezzjoni ikbar għaliex ma humiex iġġustifikati.

61.

Għalhekk jien inqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jimmilitaw b’mod ċar favur interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000. Madankollu, fir-rigward ta’ dan il-każ, kif ġustament tirrileva l-qorti tar-rinviju, ma huwiex ċert jekk tali interpretazzjoni tistax tkun valida wkoll fil-każ fejn, bħal fil-kawża prinċipali, il-moviment tal-assi favur kreditur huwa bbażat fuq dritt in rem li kien diġà miksub qabel il-ftuħ tal-proċedura. F’dan ir-rigward, li kieku l-ħlas kien għadu ma sarx fid-data meta ġiet ippreżentata l-azzjoni għal revoka, il-likwidatur kien ikollu jitlob ir-revoka tad-dritt ta’ sekwestru li kien ikkostitwit qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Issa, l‑Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 kellu jkun applikabbli għal tali sitwazzjoni.

2. Fuq il-kostituzzjoni tad-dritt ta’ sekwestru bħala element determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar‑Regolament Nru 1346/2000

62.

Ippermettuli nibda din l-analiżi b’mistoqsija: f’dan il-każ il‑mument tal-ħlas lil H. Lutz tal-ammont iggarantit mid-dritt in rem, f’dan il-każ dritt ta’ sekwestru, għandu jitqies li huwa element essenzjali li jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000?

63.

Ma naħsibx.

64.

Skont il-Kummissjoni, meta dritt ta’ sekwestru effettiv, għalkemm jista’ jiġi rrevokat, fuq l-assi tad-debitur ġie kkostitwit qabel il-ftuħ tal-proċedura, huwa irrilevanti, għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, li l-ammont iggarantit mid-dritt in rem tħallas wara dan il-ftuħ. Jidhirli li dan l-argument huwa konvinċenti. Fl-opinjoni tiegħi, hija biss il-kostituzzjoni tad-dritt ta’ sekwestru li hija determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament. B’hekk, hija biss il-kostituzzjoni tad-dritt in rem li tista’ titqies li hija l-att li jikkawża preġudizzju. Li kieku d-dritt in rem ma ġiex ikkostitwit, il-lex fori concursus setgħet kienet tapplika u H. Lutz ma kienx ikun jista’ jinvoka din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-ħlas magħmul mill-bank tal-kumpannija debitriċi lil H. Lutz huwa biss konsegwenza ta’ garanzija eżekuttiva kkostitwita qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Barra minn hekk, kif sostna r-rappreżentant tiegħu waqt is‑seduta, H. Lutz ma setax jipprevedi l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, li seħħet fl‑4 ta’ Awwissu 2008, la fid-data li fiha hija ġiet indirizzata lill-qrati Awstrijaki u lanqas fid-data tat-tnissil tal-imsemmija garanzija eżekuttiva.

65.

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata bl-istruttura tal-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament Nru 1346/2000 li huwa bbażat, minn naħa, fuq in-nuqqas ta’ effett tad-drittijiet in rem fuq il-beni li jinsabu fi Stati Membri oħra (Artikolu 5), li jeskludi minn tali drittijiet l-effetti tal-proċedura ta’ insolvenza, u min-naħa l-oħra, fuq il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-kredituri jew ta’ terzi fil-validità ta’ att (Artikolu 13).

66.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet in rem żgurati mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000, din is-soluzzjoni ngħatat għal raġunijiet bażiċi, bħall-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-kummerċ fl-Istat Membru fejn jinsabu l-beni u ċ-ċertezza legali tad-drittijiet marbuta magħha. Id-drittijiet in rem għandhom funzjoni importanti ħafna fil-kreditu u fil-mobilizzazzjoni tal-ġid. Fil-fatt, huma jipproteġu lid-detenturi tagħhom quddiem riskju ta’ insolvenza tad-debitur u jippermettu li jinkisbu krediti b’kundizzjonijiet vantaġġużi ( 47 ). B’hekk iċ-ċertezza legali u l‑protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-kredituri fit-tranżazzjonijiet imwettqa jidhru, fl-opinjoni tiegħi, bħala elementi fundamentali. Barra minn hekk, raġunijiet ta’ ordni proċedurali jiġġustifikaw ukoll protezzjoni ikbar tad-drittijiet in rem, bħall-għanijiet istituzzjonali tar-Regolament Nru 1346/2000 marbuta man-neċessità li tkun issemplifikata u ffaċilitata l-amministrazzjoni tal-assi ( 48 ).

67.

Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 13 tar‑Regolament Nru 1346/2000, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 30 u 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li s-soluzzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni hija intiża, prinċipalment, sabiex tippreżerva l-aspettattivi leġittimi tal-kredituri jew ta’ terzi fuq il‑validità ta’ att konformi mal-lex causae. F’dan ir-rigward, jiena naqbel mal-analiżi magħmula minn H. Lutz u l-Kummissjoni, li fid-dawl tad-dritt Awstrijak u kkunsidrati ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali kollha, l-att inkwistjoni ma jistax jiġi kkontestat ( 49 ).

68.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena tal-opinjoni li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għal sitwazzjoni fejn id-dritt in rem ġie kkostitwit qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza u l-ħlas tal-ammont issekwestrat sar wara l-ftuħ ta’ din il-proċedura.

C – Fuq it-termini ta ’ preskrizzjoni, it-termini tal-eżerċizzju tad-dritt ta ’ revoka u t-termini ta ’ dekadenza previsti mil-lex causae fil-kuntest tas-sistema ta ’ eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000

69.

It-tieni domanda tirrigwarda l-punt dwar jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li jimplika li l-lex causae tirregola wkoll l-effetti legali marbuta mal-mogħdija taż-żmien. B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk is-sistema ta’ eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 13 tinkludix ukoll it-termini ta’ preskrizzjoni, it-termini tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ revoka u t-termini ta’ dekadenza li huma previsti fil-lex causae.

70.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont ir-regoli tad-dritt Ġermaniż, id-dritt ta’ sekwestru fuq l-assi bankarji tnissel wara t-talba għal ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza u għalhekk, skont l-Artikolu 88 tal-InsO, kien nieqes minn validità fid-data tal-ftuħ ta’ din il‑proċedura ( 50 ). Madankollu, skont ir-regoli rilevanti tad-dritt Awstrijak, l-azzjoni revokatorja ta’ E. Bäuerle ddekadiet minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ sena mill-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza bid-dritt tal-likwidatur li, jekk ikun il-każ, iressaq kawża. Min-naħa l-oħra, fid-dritt Ġermaniż, it-terminu għall-preżentata ta’ tali azzjoni huwa ta’ tliet snin.

71.

Il-qorti tar-rinviju tindika li d-duttrina Ġermaniża hija maqsuma dwar dan il-punt. B’hekk, minn parti tad-duttrina jirriżuta li l-lex causae ma għandhiex tirregola t-termini ta’ preskrizzjoni jew ta’ dekadenza applikabbli. Tali termini, bħala dispożizzjonijiet ta’ natura proċedurali, għandhom jiġu dedotti mil-lex fori concursus ( 51 ) . Min-naħa l-oħra, linja dottrinali oħra ssostni li r-riferiment għal-lex causae għandu jinftiehem bħala riferiment totali għar-regoli kollha, inkluż dawk relatati mal-preskrizzjoni u d-dekadenza.

72.

Jiena ma nistax naqbel mal-ewwel analiżi, u min-naħa l-oħra kif ser nispjega iktar ’il quddiem naqbel mat-tieni waħda ( 52 ).

73.

Minn naħa, waqt l-eżami tal-ewwel domanda, jiena diġà għamilt dikjarazzjoni, fil-punti 57 sa 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dwar id-determinazzjoni tal-portata tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, fid-dawl tat-termini tiegħu, tal-istruttura tiegħu u tal-iskop li huwa jrid jilħaq ( 53 ). Minn din l-analiżi, b’mod partikolari, jirriżulta li l-espressjoni “fil-każ relevanti” tipprevedi każijiet fejn att ma jistax jiġi kkontestat fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti kollha tal-kawża. Jidhirli li huwa ċar li d-dekorriment taż-żmien u, għalhekk, ir-regoli sostantivi u proċedurali li jirregolawh jagħmlu parti mill-imsemmija ċirkustanzi stess tal-każ inkwistjoni ( 54 ). F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkonferma wkoll li t-telf ta’ dritt minħabba d-dekorriment taż-żmien jista’ jaqa’ taħt tali ċirkustanzi konkreti.

74.

Min-naħa l-oħra, u b’estensjoni ta’ din il-linja ta’ riflessjoni, hemm lok li jsir riferiment għall-osservazzjonijiet ta’ H. Lutz, tal-Gvern Portugiż u tal-Kummissjoni. Fil-fatt, dawn jikkunsidraw, essenzjalment, li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 jagħmel riferiment għal att li ma jista’ jiġi kkontestat “b’ebda mezz”, b’tali mod li ma jkunx limitat għal kundizzjonijiet materjali tar-revoka skont il-lex causae, iżda jestendi għalhekk, b’mod partikolari, għad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ preskrizzjoni jew ta’ dekadenza. Issa, kif indikajt preċedentement, din il-espressjoni tfisser li l-att ma jistax jiġi invalidat, bħal f’dan il-każ, la bl-applikazzjoni tar-regoli dwar il-proċedura ta’ insolvenza u lanqas bl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt komuni applikabbli għalih ( 55 ). Għal dak li jirrigwarda dawn tal-aħħar, u fid-dawl tan-natura distinta, b’mod partikolari tal-preskrizzjoni, fis-sistemi legali differenti, l-applikazzjoni tal-lex causae timmilita, fl-opinjoni tiegħi, favur osservanza tal-koerenza tal-ordinament ġuridiku li għalih hija tappartjeni, u konsegwentement, tal-koerenza bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt sostantiv tagħha u dawk tad-dritt proċedurali.

75.

F’dan ir-rigward, fil-proċedura bil-miktub tagħha l-Kummissjoni targumenta li kull interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 li teskludi t-termini ta’ preskrizzjoni kklassifikati, fid-dritt nazzjonali, bħala termini ta’ natura proċedurali twettaq, bejn il-mudelli teoretiċi użati mill-Istati Membri, diskriminazzjoni arbitrarja u tostakola interpretazzjoni uniformi tal-imsemmija dispożizzjoni.

76.

Din il-pożizzjoni hija sostnuta bid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ruma I ( 56 ). B’hekk il-qorti tar-rinviju, H. Lutz u l-Kummissjoni ġustament jirreferu għall-Artikolu 12(1)(d) tal-imsemmi regolament, li permezz tiegħu l-effett tad-dekorriment taż-żmien fuq dritt kuntrattwali huwa ddeterminat mill-ordinament ġuridiku li għalih huwa suġġett id-dritt inkwistjoni ( 57 ). B’mod iktar preċiż, konformement ma’ dan l-artikolu, il-liġi applikabbli għall-kuntratt skont ir-Regolament Ruma I tirregola, b’mod partikolari, “il-modi varji ta’ terminazzjoni ta’ l-obbligazzjonijiet, kif ukoll il-preskrizzjoni tal-azzjonijiet” ( 58 ), li għalhekk għandhom klassifikazzjoni sostantiva u josservaw il-lex causae.

77.

Barra minn hekk, infakkar, hekk kif jirriżulta mill-punti 30, 65 u 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 huwa intiż għall-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fil-permanenza ta’ att. Għalhekk, kreditur li jafda fil-validità tal-att konformement mal-lex causae ma għandux ikun sorpriż bl-applikazzjoni tad-dritt tal-proċedura ta’ insolvenza ta’ Stat Membru ieħor ( 59 ).

78.

Fi kwalunkwe każ, għalija ma hemm l-ebda dubju li r-regoli ta’ preskrizzjoni jew ta’ dekadenza jifformaw parti mis-sistema ta’ nullità tal-atti. Għalhekk, meta att jista’ jiġi kkontestat konformement mal-lex causae permezz ta’ azzjoni għal revoka, bħal fil-kawża prinċipali, iżda t-terminu sabiex titressaq din l-azzjoni jkun iddekorra, jiena ma nara l-ebda raġuni li tiġġustifika l-kunsiderazzjoni li tali att jista’ jibqa’ jigi kkontestat konformement mal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 ( 60 ).

79.

Għaldaqstant, fid-dawl tal-elementi preċedenti, jiena tal-fehma li s-sistema ta’ eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 tinkludi t-termini ta’ preskrizzjoni, it-termini ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ revoka u t-termini ta’ dekadenza li huma previsti fil-lex causae.

D – Fuq il-liġi applikabbli għad-determinazzjoni tar-regoli proċedurali li għandhom jiġu osservati għall-eżerċizzju tal-azzjoni għal revoka

80.

Permezz tat-tielet domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk ir-regoli proċedurali li għandhom jiġu osservati għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ revoka fid-dawl tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 humiex iddeterminati mil-lex causae jew mil-lex fori concursus.

81.

Fil-fatt, id-deċiżjoni tar-rinviju tesponi li, fid-dritt Ġermaniż, dikjarazzjoni li ma hijiex suġġetta għal kundizzjonijiet proċedurali, li tindika li l-amministratur ġudizzjarju ried jagħti dritt għal rimbors, hija biżżejjed sabiex ittemm l-aspettattiva tal-kreditur fil-validità tal-ħlas. Min-naħa l-oħra, fid-dritt Awstrijak, ir-revoka ma tista’ tiġi invokata b’mod validu biss permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja ppreżentata f’terminu ta’ sena mill-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, u l-aspettattiva tal-kreditur hija irrilevanti f’dan ir-rigward.

82.

Jiena naqbel mal-argument tal-Kummissjoni li l-benefiċjarju tal-att ma jaf la t-termini u lanqas ir-regoli proċedurali tad-dritt ta’ ordinament ġuridiku ieħor. Fil-fatt, l-uniku element determinanti għalih huwa dwar jekk, fit-termini fis-seħħ fis-sistema legali tiegħu, l-azzjoni għal revoka ġietx ippreżentata b’mod validu. Għalhekk, f’dan il-każ, skont id-dritt Awstrijak, il-konservazzjoni ta’ beni akkwistat tiddependi biss mill-punt dwar jekk ġietx ippreżentata, jew le, azzjoni għal ħlas lura, fit-terminu ta’ sena mill-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, li f’dan il-każ jeskludi l-ittra extraġudizzjarja tal‑10 ta’ Marzu 2009.

83.

Issa, f’dan ir-rigward, il-premessa 24 tar-Regolament Nru 1346/2000 tistabbilixxi li, għall-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tas-sigurtà tat-tranżazzjonijiet fi Stati differenti minn dak tal-ftuħ, għandhom isiru dispożizzjonijiet għal numru ta’ eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali. B’hekk, biex l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jinftiehem bħala regola “veto” li għandu l-benefiċjarju, ma hemmx bżonn li l-likwidatur jistabbilixxi b’mod kumulattiv l-ammissibbiltà ta’ att fiż-żewġ ordinamenti ġuridiċi kkonċernati.

84.

Barra minn hekk, nirreferi għall-analiżi tiegħi iktar ’il fuq tal-espressjoni “xi mezzi” li tindika li r-riferiment għal-lex causae għandu jkun riferiment globali.

85.

Infakkar ukoll li r-regoli proċedurali jistgħu jikkostitwixxu mhux biss kundizzjonijiet ta’ ordni sostantiva iżda wkoll ta’ ordni proċedurali. Għalhekk, il-modalitajiet tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ revoka għandhom jiġu ddefiniti prinċipalment mil-lex causae. Fil-fatt, jidher li huwa kuntrarju għall-koerenza tal-ordinament ġuridiku applikabbli li ssir distinzjoni bejn il-kwistjonijiet li jirrigwardaw termini ta’ preskrizzjonijiet u dawk proċedurali, sabiex jiġu ssuġġettati għal dritt differenti. Konsegwentement, f’dan il-każ, att li jikkawża preġudizzju ma jistax jiġi kkontestat bl-eżerċizzju extraġudizzjarju ta’ dritt ta’ revoka provenjenti mil-lex fori concursus.

86.

Barra minn hekk, din il-pożizzjoni hija kkorroborata bir-rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 ( 61 ). Għalhekk, diversi rapporti nazzjonali jsostnu li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 huwa neċessarju sabiex jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet għal dak li jirrigwarda s-sistema ġuridika applikabbli għar-rapporti ta’ dritt tagħhom ( 62 ).

87.

Għall-kuntrarju, ir-raġunament segwit mill-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet orali tiegħu waqt is-seduta, li l-applikazzjoni sħiħa tal-lex causae tiltaqa’ ma’ diffikultajiet ta’ ordni prattika marbuta mad-determinazzjoni u l-eżami mil-likwidatur ta’ ordinamenti ġuridiċi oħra, ma jikkonvinċinix. Fl-opinjoni tiegħi, il-fatt li r-regoli proċedurali ta’ ordinament ġuridiċi oħra għandhom jiġu analizzati sabiex tiġi ppreżentata azzjoni għal revoka ma jikkostitwixxix responsabbiltà eċċessiva għal-likwidatur. F’dan ir-rigward, mir-rapport ta’ evalwazzjoni msemmi iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 ma jmurx lil hinn minn dak stabbilit fil-qasam tal-kawżi internazzjonali (u għalhekk mid-dritt internazzjonali privat), u dan jimplika l-kunsiderazzjoni ta’ iktar minn liġi nazzjonali waħda. Fil-fatt, fil-prassi stabbilita abbażi ta’ numru kunsiderevoli ta’ rapporti nazzjonali, il-kunsiderazzjoni tat-tieni sistema legali ma tqajjimx diffikultajiet li ma jistgħux jingħelbu ( 63 ). Għalhekk l-imsemmi rapport ma jissuġġerixxi ebda emenda u lanqas limitazzjoni tar-riferiment għal‑lex causae mill-imsemmi artikolu ( 64 ).

88.

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena tal-opinjoni li r-regoli proċedurali li għandhom jiġu osservati fl‑eżerċizzju tad-dritt fid-dawl tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 huma ddeterminati mil-lex causae.

VI – Konklużjoni

89.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Bundesgerichtshof bil-mod segwenti:

1)

L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza], għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għal sitwazzjoni fejn dritt in rem ġie kkostitwit qabel il-ftuħ tal‑proċedura ta’ insolvenza u l-ħlas tal-ammont issekwestrat sar wara l-ftuħ ta’ din il-proċedura.

2)

Is-sistema ta’ eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi t-termini ta’ preskrizzjoni, it-termini għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ revoka u t-termini ta’ dekadenza previsti mil-lex causae.

3)

Ir-regoli proċedurali li għandhom jiġu osservati għall-eżerċizzju tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 huma ddeterminati mil-lex causae.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).

( 3 ) Għalkemm it-termini “likwidatur” u “assi totali” ġew abbandunati fid-dritt Franċiż dwar l-insolvenza fl-1985, dawn jintużaw fil-verżjoni Franċiża tar-Regolament Nru 1346/2000.

( 4 ) Artikolu 129(1) tal-InsO.

( 5 ) Artikolu 91(1) tal-InsO.

( 6 ) Id-dritt ta’ sekwestru tnissel fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru tal-ftuħ tal‑proċedura ta’ insolvenza. Id-dritt applikabbli għall-ħlas tal-ammont issekwestrat fuq il-kontijiet bankarji huwa għalhekk id-dritt tal-Istat Membru li fih il-ħlas għandu l-effetti tiegħu, jiġifieri d-dritt Awstrijak.

( 7 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont id-dritt Awstrijak, att li permezz tiegħu kreditur tal-proċedura ta’ insolvenza jikseb garanzija jew twaqqif ta’ azzjoni, mogħti wara d-data ta’ waqfien tal-ħlas jew wara t-talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, jista’ jiġi kkontestat fil-każ fejn il-kreditur kien jaf bl-istat ta’ insolvenza jew bit-talba għal ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, jew seta’ kien jaf. Skont il-qorti tar-rinviju, il-ħlas tal-ammont kontenzjuż ta garanzija lil H. Lutz sabiex jieqaf milli jieħu azzjoni f’data li fiha huwa kien jaf bit-talba għal ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, minħabba l-ittra tal-likwidatur tal-10 ta’ Marzu 2009. Waqt is-seduta, ir-rappreżentant ta’ H. Lutz sostna madankollu li, fid-dritt Awstrijak, għall-finijiet tal-preżentata ta’ azzjoni għal revoka, il-punt tat-tluq huwa l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Fil-fatt, hija minn din id-data li, minn naħa, il-proċedura ssir pubblika u l-kreditur jista’ għalhekk ikun jaf bis-sitwazzjoni ta’ insolvenza tad-debitur u, min-naħa l-oħra, li t-terminu ta’ dekadenza ta’ sena sabiex tiġi ppreżentata azzjoni ġudizzjarja jibda jiddekorri. Għall-kuntrarju, fid-dritt Ġermaniż, il-punt tat-tluq huwa t-tressiq tat-talba għal ftuħ tal-proċedura u t-terminu għall-preżentata ta’ azzjoni għal revoka huwa ta’ tliet snin. Ara wkoll il-punti 81 sa 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 8 ) F’dan il-każ, l-eżekuzzjoni forzata tal-ħlas tas-somma kontenzjuża saret wara l-kostituzzjoni ta’ dritt ta’ sekwestru. Għalhekk, huwa dan id-dritt ta’ sekwestru li għandu jitqies li huwa l-att li jikkawża preġudizzju.

( 9 ) Sentenza Econord (C‑182/11 u C‑183/11, EU:C:2012:758, punt 21).

( 10 ) Ara l-premessa 25 u l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1346/2000 kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 11 ) Sentenza ERSTE Bank Hungary (C‑527/10, EU:C:2012:417, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ibidem, punt 39. Ara wkoll il-premessa 24 tar-Regolament Nru 1346/2000.

( 13 ) Nosserva li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 jippreżumi lokalizzazzjoni mhux frawdolenti tal-assi fi Stat Membru li ma huwiex dak tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Ara, dwar dan, ir-rapport fuq il-Konvenzjoni dwar il-proċeduri ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem ir-“Rapport Virgós/Schmit”), paragrafu 105 u T. Ingelmann, “Artikolu 5”, European Insolvency Regulation, K. Pannen (Ed.), De Gruyter Recht, Berlin, 2007, p. 252. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, anki jekk ir-rapport Virgós/Schmit jirrigwarda biss il-Konvenzjoni dwar il‑proċeduri ta’ insolvenza, huwa jipprovdi elementi utili għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000. Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Eurofood IFSC (C‑341/04, EU:C:2005:579, punt 2).

( 14 ) Sentenza ERSTE Bank Hungary (EU:C:2012:417, punt 41).

( 15 ) Ibidem, punt 42.

( 16 ) Sabiex l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 ikun jista’ jopera, interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-atti kollha neċessarji għall-kostituzzjoni ta’ dritt in rem ikunu seħħew qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Ara r-Rapport Virgós/Schmit, paragrafu 95; M. Virgós Soriano, u F. J. Garcimartín Alférez, Comentario al Reglamento europeo de insolvencia, Thomson-Civitas, Madrid, 2003, p. 96 u 101, kif ukoll G. Moss, I. F. Fletcher, u S. Isaacs, The EC Regulation on Insolvency Procedures: A Commentary and Annotated Guide, Oxford University Press, it-tieni edizzjoni, 2009, p. 287.

( 17 ) Dwar in-natura sostantiva ta’ din id-dispożizzjoni, ara r-Rapport Virgós/Schmit, paragrafu 99; M. Virgós Soriano, u F. J. Garcimartín Alférez, op. cit., p. 105; T. Ingelmann, “Artikolu 5”, op.cit., p. 250; G. Moss, I. F. Fletcher, u S. Isaacs, op. cit., p. 286; B. Hess, P. Oberhammer, u T. Pfeiffer, European Insolvency Law.The Heidelberg-Luxembourg-Vienna Report on the Application of the Regulation No 1346/2000/EC on Insolvency Proceedings, C. H. Beck-Hart-Nomos, München/Oxford, 2014 (iktar ’il quddiem ir-“Rapport Heidelberg-Lussemburgu-Vjenna”), p. 178, u W. Klyta, Uznanie zagranicznych postępowań upadłościowych, Oficyna Wolters Kluwer business, Warszawa, 2008, p. 149.

( 18 ) Fis-sentenza German Graphics Graphische Maschinen, fir-rigward tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1346/2000, dispożizzjonijiet simili għall-Artikolu 5 tal‑imsemmi regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ikkunsidrat li “[f]’termini oħra, l-imsemmija dispożizzjoni tikkostitwixxi biss regola sostantiva intiża sabiex il-bejjiegħ jiġi protett fir-rigward tal-beni li jinsabu barra l-Istat Membru fejn tinfetaħ il-proċedura ta’ falliment [proċedura ta’ insolvenza]” (C‑292/08, EU:C:2009:544, punt 35). Skont ir-Rapport Heidelberg-Lussemburgu-Vjenna, p. 181, id-duttrina prevalenti fis-17-il Stat Membru tanalizza l-Artikolu 5 bħala regola sostantiva.

( 19 ) T. Ingelmann, “Artikolu 5”, op. cit., p. 253.

( 20 ) Rapport Virgós/Schmit, paragrafi 95 u 100. L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 jistabbilixxi li l-proċedura ta’ insolvenza ma taffettwax id-drittijiet in rem fuq beni li jinsabu fi Stati Membri oħra u mhux li l-proċedura ma tilħaqx il‑beni (jew krediti) li jinsabu fi Stat Membru ieħor protetti minn dawn id-drittijiet. Ladarba l-proċedura prinċipali hija proċedura universali, hija tinkludi l-beni kollha tad-debitur. Dan huwa importanti jekk il-valur tal-garanzija huwa superjuri għal valur tal-kreditu ggarantit mid-dritt in rem. B’hekk, fl-assenza ta’ ftuħ ta’ proċedura sekondarja, il-kreditur ikun obbligat iħallas lura lil-likwidatur tal‑proċedura prinċipali l-eventwali ammont żejjed tal-bejgħ (ara l-premessa 25 u l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1346/2000). Min-naħa l-oħra, jekk il-kreditu huwa kopert mill-valur tal-garanzija, il-kreditur li jissodisfa l-krediti tiegħu ggarantiti mid-drittijiet in rem ma għandu jħallas xejn lura lill-kredituri l-oħra. Ara, f’dan is-sens, ir-Rapport Virgós/Schmit, paragrafi 99 u 173; M. Virgós Soriano, u F.J. Garcimartín Alférez, op. cit., p. 106 u 236. Ara wkoll, f’dan is-sens, G. Moss, I. F. Fletcher, u S. Isaacs, op. cit, p. 286, u M. Porzycki, Zabezpieczenia rzeczowe w transgranicznym postępowaniu upadłościowym w Unii Europejskiej, Czasopismo kwartalne całego prawa handlowego, upadłościowego oraz rynku kapitałowego, NR 3 (5) 2008, p. 405.

( 21 ) Ara f’dan ir-rigward, P. M. Veder, Cross-border insolvency proceedings and security rights: a comparison of Dutch and German law, the EC Insolvency Regulation and the UNCITRAL Model Law on Cross-Border Insolvency, Deventer, 2004, p. 334 sa 336: “Interpretazzjoni indipendenti tad-drittijiet in rem hija ffaċilitata bir-riferimenti inklużi fit-tieni paragrafu tat-tipi ta’ drittijiet li għalihom jirreferi l-Art. 5 IR”. Ara wkoll W. Klyta, op. cit., p. 150.

( 22 ) M. Virgós, u F. Garcimartín, op. cit., p. 96: “Il-funzjoni tiegħu [tal-Artikolu 5] hija li jopera bħala limitu tal-karatterizzazzjoni ta’ dritt in rem għall-finijiet tal-Artikolu 5. Id-drittijiet mogħtija mid-dritt nazzjonali li huma konformi mal‑karatterizzazzjoni tipoloġika tiegħu huma protetti mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament”.

( 23 ) Skont id-duttrina, id-drittijiet in rem fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 ma humiex biss dawk li jirriżultaw minn att ġuridiku iżda wkoll dawk li jitwieldu u jipproduċu ruħhom ipso jure, M. Porzycki, loc. cit., p. 405.

( 24 ) Artikolu 11(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1) tal-Liġi Awstrijaka dwar il‑proċeduri ta’ insolvenza, fil-verżjoni tagħha applikabbli fi żmien il-fatti tal‑kawża prinċipali (öBGB1. I 2007/73, iktar ’il quddiem l-“östKO”).

( 25 ) Ibidem, Artikolu 48(1). Il-qorti tar-rinviju tispeċifika wkoll li minħabba l-ħlas li sar lil H. Lutz, id-dritt ta’ sekwestru spiċċa skont applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 469 tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak (“Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch”) u għalhekk ma jistax jiġi kkontestat iżjed. Dwar dan il-punt, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.

( 26 ) Sabiex jiffaċilita l-applikazzjoni tiegħu, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi lista ta’ drittijiet li jitqiesu, bħala prinċipju, li huma drittijiet in rem mil-liġijiet nazzjonali. Għalhekk din il-lista ma hijiex eżawrjenti. F’dan ir-rigward, ara r-Rapport Virgós/Schmit, paragrafu 103, kif ukoll G. Moss, I. F. Fletcher, u S. Isaacs, op. cit., p. 287.

( 27 ) Ara, dwar dan il-punt, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Ara wkoll il-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 29 ) Naħseb li huwa utili li hawnhekk jitfakkar li, fil-qasam tad-drittijiet in rem, il-lokalizzazzjoni hija l-post fejn jinsab il-beni kkonċernat minn dawn id-drittijiet. Barra minn hekk, jaqgħu taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 id-drittijiet in rem li jirrigwardaw il-krediti. Ara, f’dan is-sens, M. Virgós, u F. Garcimartín, The European Insolvency Regulation: Law and Practice, Kluwer Law International, Den Haag, 2004, p. 103.

( 30 ) Il-proċess tal-kawża li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jagħti ebda informazzjoni dwar il-ftuħ ta’ proċedura sekondarja fl-Awstrija.

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, G. Moss, I. F. Fletcher, u S. Isaacs, op. cit., p. 287. Ara wkoll l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1346/2000.

( 32 ) M. Virgós Soriano, u F.J. Garcimartín Alférez, op. cit., p. 135, u M. Virgós, u F. Garcimartín, op. cit., p. 135.

( 33 ) Rapport Virgós/Schmit, paragrafu 135; M. Virgós Soriano, u F.J. Garcimartín Alférez, op. cit., p. 135; K. Pannen, u S. Riedemann, “Artikolu 4”, op. cit., p. 228, kif ukoll W. Klyta, op. cit., p. 175.

( 34 ) Anki jekk dan ir-rapport jirreferi għall-atti legali, jiena ma nara ebda raġuni li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(2)(m) u l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 l-effetti legali prodotti ipso jure jew li għandhom natura proċedurali.

( 35 ) Ara s-sentenza Seagon (C‑339/07, EU:C:2009:83, punt 28) dwar il-kompetenza internazzjonali tal-qrati fil-qasam ta’ azzjonijiet għal revoka abbażi ta’ insolvenza.

( 36 ) R. Dammann, “Artikolu 13”, op. cit., p. 291: “Ċerti sistemi legali jirrendu nulli awtomatikament kwalunkwe drittijiet iggarantiti li kienu mogħtija f’perijodu partikolari qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Jekk din id-dispożizzjoni legali tevitax l-azzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 4(2)(m) tar-Regolament dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] huwa dibattibbli”.

( 37 ) Rapport Virgós/Schmit, paragrafu 91.

( 38 ) Fir-rigward, pereżempju, fil-każ fejn azzjoni għal revoka tkun ippreżentata mil‑likwidatur responsabbli waqt il-proċeduri ta’ insolvenza, bħal fil-kawża prinċipali. Infakkar f’dan ir-rigward li l-Artikolu 4(2)(m) tar-Regolament Nru 1346/2000 jirrigwarda l-azzjonijiet jew regoli ta’ nullità tal-atti li l-bażi tagħhom hija l-lex fori concursus. Mill-banda l-oħra, ir-regoli tad-dritt komuni huma applikabbli biss sa fejn il-lex fori concursus jippermetti. Ara, f’dan is-sens, M. Virgós Soriano, u F.J. Garcimartín Alférez, op. cit., p. 135; M. Virgós, u F. Garcimartín, op. cit., p. 135. Ara f’dan ir-rigward il-punt 43 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.

( 39 ) Rapport Virgós/Schmit, paragrafu 91.

( 40 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza LBI (C 85/12, EU:C:2013:697), li tirrigwarda dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ April 2001, fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15), li fiha l-Qorti tal Ġustizzja interpretat dispożizzjonijiet essenzjalment identiċi għal dawk inkwistjoni f’din il-kawża.

( 41 ) Ara s-sentenzi Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335, punt 20) kif ukoll Kronos Titan u Rhein‑Ruhr Beschichtungs-Service (C‑43/13 u C‑44/13, EU:C:2014:216, punt 25).

( 42 ) Ara s-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 50).

( 43 ) G. Moss, I.F. Fletcher, u S. Isaacs, op. cit., p. 297: “This will involve not only providing the relevant foreign law but also the relevant facts”.

( 44 ) Rapport Virgós/Schmit, paragrafu 138; M. Virgós Soriano, u F.J. Garcimartín Alférez, op. cit., p. 137, kif ukoll G. Moss, I.F. Fletcher, u S. Isaacs, op. cit., p. 296.

( 45 ) Infakkar li s-sistema għal nullità tal-atti tad-debitur imwettqa qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza stabbilita mir-Regolament Nru 1346/2000 tipprovdi, inizjalment, l-applikazzjoni tal-lex fori concursus [Artikolu 4(2)(m)] iżda tippermetti li l-effetti tagħha jiġu esklużi billi tiġi invokata l-liġi li tirregola l-att (Artikolu 13). Madankollu, peress li t-terminu “att” użat mill-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jippermetti interpretazzjoni wiesgħa ta’ din id-dispożizzjoni, huwa rilevanti li jiġi enfasizzat li din is-sistema għandha tkun applikata mhux biss għall-atti detrimentali tad-debitur iżda wkoll għall-effetti legali li jiġu prodotti ipso jure jew għal dawk ta’ natura proċedurali, kif inhu l-każ f’dan il-każ. Ara, f’dan is-sens M. Virgós Soriano, u F.J. Garcimartín Alférez, op. cit., p. 134 u 135.

( 46 ) Ara, f’dan is-sens, ir-Rapport Virgós/Schmit, paragrafi 136 u 138, kif ukoll G. Moss, I.F. Fletcher, u S. Isaacs, op. cit., p. 297.

( 47 ) Rapport Virgós/Schmit, paragrafu 97.

( 48 ) Ibidem, paragrafu 97.

( 49 ) Ara l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 50 ) Ara wkoll il-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 51 ) F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li wħud minn dawk li jiddefendu din il-pożizzjoni jeskludu minnha espressament it-termini ta’ eżerċizzju tad-dritt għal revoka. Fil-fehma tagħhom, dawn it-termini għandhom jiġu eżaminati kumulattivament fid-dawl tal-lex fori concursus u tal-lex causae, b’mod li jinżamm bħala termini ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ revoka l-iktar terminu qasir minnhom it-tnejn, dak li f’dan il-każ, jiffavorixxi lil H. Lutz.

( 52 ) Il-Kummissjoni tosserva fil-proċeduri bil-miktub tagħha li l-argument li t-termini ta’ preskrizzjoni jew ta’ dekadenza tal-lex causae ma għandhomx, minħabba n-natura proċedurali tagħhom, jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 huwa, f’dan il-każ, problematiku kkunsidrata n-natura sostantiva tat-terminu ta’ dekadenza fid-dritt Awstrijak.

( 53 ) Ara s-sentenzi Cilfit et (EU:C:1982:335, punt 20) kif ukoll Kronos Titan u Rhein-Ruhr Beschichtungs‑Service (EU:C:2014:216, punt 25).

( 54 ) Rapport Virgós/Schmit, paragrafu 137.

( 55 ) Ibidem, paragrafu 138, kif ukoll M. Virgós Soriano, u F.J. Garcimartín Alférez, op. cit., p. 136. Ara wkoll M. Virgós, u F. Garcimartín, op. cit., p. 136.

( 56 ) Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6).

( 57 ) Il-Kummissjoni żżid li r-regoli tar-Regolament Ruma I dwar il-liġi applikabbli jirrikjedu b’mod ġenerali mill-amministratur fil-proċeduri ta’ insolvenza l-osservanza tad‑dritt barrani fil-każ fejn pajjiż ieħor huwa kkonċernat, ħaġa li, fil-prattika, ma tippreżentax diffikultajiet kbar.

( 58 ) Ara, dwar dan, H. Gaudemet-Tallon, “Konvenzjoni ta’ Ruma tad-19 ta’ Ġunju 1980 u r-Regolament ‘Ruma I’ tas-17 ta’ Ġunju 2008. Determinazzjoni tal-liġi applikabbli. Qasam tal-liġi applikabbli”, JurisClasseur Europe Traité, faxxikolu Nru 3201, 2009, p. 119 sa 121: “Il-liġi applikabbli fuq il-mertu tal-kuntratt tiddetermina għalhekk it-tul tal-preskrizzjoni kif ukoll ir-raġunijiet ta’ interruzzjoni u sospensjoni. U l-istess artikoli jissuġġettaw ukoll id-dekorrenza għal-liġi tal-kuntratt”. Fis-sistemi legali tal-Istati tal-Ewropa kontinentali huwa ġeneralment aċċettat li l-preskrizzjoni tkun irregolata mil-lex causae, J. Zrałek, Przedawnienie w międzynarodowym obrocie handlowym, Zakamycze, Kraków, 2005, p. 142.

( 59 ) M. Virgós Soriano, u F.J. Garcimartín Alférez, op. cit., p. 135.

( 60 ) Ibidem p. 136.

( 61 ) Ara r-rapport Heidelberg-Luxembourg-Vjenna, p. 213.

( 62 ) F’dan ir-rigward, ara t-tweġiba għall-mistoqsija 24 fir-rapporti nazzjonali tal-Belġju, tal-Estonja, ta’ Spanja, tal-Estonja, tal-Latvja u tar-Rumanija. Pereżempju, fir-rapport tar-Renju Unit, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 huwa kkunsidrat suċċess fid-difiża tal-interess illeġittimu tal-kredituri. Ibidem, p. 213.

( 63 ) Ibidem, p. 214.

( 64 ) Ibidem, p. 215.