16.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 174/14


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fis-6 ta’ Marzu 2012 — Josef Probst vs mr.nexnet GmbH

(Kawża C-119/12)

2012/C 174/21

Lingwa tal-kawża: il-Ġermanja

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Josef Probst

Konvenuta: mr.nexnet GmbH

Domanda preliminari

L-Artikoli 6(2) u 6(5) tad-Direttiva 2002/58/KE (1) jippermettu lill-fornitur ta’ servizi li jittrażmetti data dwar it-traffiku liċ-ċessjonarju ta’ kreditu dwar ir-remunerazzjoni għal servizzi ta’ telekomunikazzjoni, meta ċ-ċessjoni, li l-finalità tagħha tkun l-irkupru ta’ krediti ttrasferiti, hija rregolata mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali li ġejjin, li jiżdiedu mal-obbligu ġenerali ta’ osservanza tas-sigriet tat-telekomunikazzjonijiet u l-protezzjoni tad-data skont ir-regoli legali fis-seħħ:

 

il-fornitur tas-servizz u ċ-ċessjonarju jimpenjaw rwieħhom li jipproċessaw u jużaw id-data protetta biss fil-qafas tal-kooperazzjoni bejniethom u esklużivament għall-għan segwit mill-kuntratt u bil-manjiera speċifikata fil-kuntratt;

 

ġaladarba l-għarfien tad-data protetta ma jkunx għadu neċessarju għat-twettiq ta’ dan il-għan, id-data protetta kollha f’dan il-qafas għandha titħassar b’mod irrimedjabbli jew tingħata lura;

 

kull parti kontraenti tista’ tivverifika li l-parti l-oħra tosserva r-regoli ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni tad-data ddefiniti fil-kuntratt;

 

id-dokumenti, u informazzjoni mibgħuta b’mod kunfidenzjali għandhom ikunu accessibili biss għall-impjegati li jeħtiġuhom sabiex jeżegwixxu l-kuntratt;

 

il-partijiet kontraenti għandhom jimponu fuq l-impjegati tagħhom obbligu ta’ kunfidenzjalità bħal dak previst fil-kuntratt;

 

fuq talba ta’ parti, jew l-iktar tard, meta tintemm il-kooperazzjoni bejn il-partijiet, l-informazzjoni kunfidenzjali kollha eżistenti f’dan il-qafas għandha titħassar b’mod irrimedjali jew tingħata lura lill-parti l-oħra?


(1)  Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).