SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/853/UE — Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kundizzjonali — Direttiva 98/84/KE — Bażi legali — Artikolu 207 TFUE — Politika kummerċjali komuni — Artikolu 114 TFUE — Suq intern”

Fil-Kawża C‑137/12,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fit-12 ta’ Marzu 2012,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Cujo kif ukoll minn I. Rogalski, R. Vidal Puig u D. Stefanov, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn D. Warin u J. Rodrigues, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn H. Legal u J.‑P. Hix kif ukoll minn R. Liudvinaviciute-Cordeiro, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u D. Colas kif ukoll minn N. Rouam, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels, M. Bulterman u M. de Ree, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn M. Szpunar u B. Majczyna, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk u C. Stege, bħala aġenti,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn A. Robinson, bħala aġent, assistit minn G. Facenna, barrister,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts (Relatur), Viċi President, A. Tizzano, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, E. Juhász, A. Borg Barthet, C. G. Fernlund u J. L. da Cruz Vilaça, Presidenti tal-Awla, A. Rosas, G. Arestis, A. Arabadjiev, C. Toader, E. Jarašiūnas u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ April 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/853/UE, tad-29 ta’ Novembru 2011, dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni Legali tas-Servizzi ibbażata fuq, jew tikkonsisti minn Aċċess Kondizzjonali (ĠU L 336, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 98/84/KE

2

Fl-20 ta’ Novembru 1998, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw id-Direttiva 98/84/KE dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 147).

3

Skont l-Artikolu 1 tagħha, li huwa intitolat “Kamp”, id-Direttiva 98/84 għandha l-għan li tapprossima d-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri rigward il-miżuri kontra apparat illeċitu li jagħti aċċess mhux awtorizzat għal servizzi protetti.

4

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

servizz protett għandu jfisser kwalunkwe mis-servizzi li ġejjin, meta pprovduti bi ħlas u fuq il-bażi ta’ aċċess kondizzjonali:

xandir bit-televiżjoni, kif iddefinit fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552/KEE [tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224)],

xandir bir-radju, jfisser kwalunkwe trasmissjoni permezz ta’ fili jew fl-ajru, inkluż bis-satellita, ta’ programmi tar-radju intiżi għar-riċeviment mill-pubbliku,

servizzi tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni fl-ambitu tat-tifsira ta’ l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-dispożizzjoni ta’ l-informazzjoni fil-kamp ta’ standards tekniċi u regolamenti u ta’ regoli dwar is-serviżżi tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337)]

jew il-dispożizzjoni ta’ aċċess kondizzjonali għas-servizzi hawn fuq imsemmija kkunsidrati bħala servizz fih innifsu;

b)

aċċess kondizzjonali għandha tfisser kwalunkwe miżura teknika u/jew arranġament li permezz tiegħu aċċess għas-servizz protett f’forma konkreta hu magħmul kondizzjonali fuq l-awtorizzazzjoni individwali magħmula minn qabel;

ċ)

apparat ta’ l-aċċess kondizzjonali għandu jfisser apparat jew programmi (tal-kompjuter) iddisinjat jew adattat li jagħti aċċess għal servizz protett f’forma konkreta;

[...]

e)

apparat illeċitu għandu ifisser apparat jew programmi (tal-kompjuter) iddisinjat jew adattat li jagħti aċċess għal servizz protett f’forma konkreta mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ min jipprovdi s-servizz;

[...]”

5

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Prinċipji tas-suq intern”, jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jipprojbixxi fuq it-territorju tiegħu l-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 4, u biex jipprovdi għas-sanzjonijiet u rimedji stabbiliti fl-Artikolu 5.”

6

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/84, rigward attivitajiet illegali, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu fuq ir-territorju tagħhom l-attivitajiet segwenti kollha:

a)

il-manifattura, l-importazzjoni, id-distribuzzjoni, l-bejgħ, il-kera jew il-pussess għal skopijiet kummerċjali ta’ apparat illeċitu;

b)

l-istallazzjoni, il-manteniment jew ir-rimpjazzament għal skopijiet kummerċjali ta’ apparat illeċitu;

c)

l-użu ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali biex ikunu promossi apparat illeċitu.”

7

Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Sanzjonijiet u rimedji”:

“1.   Is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, disswassivi u proporzjonati għall-impatt potenzjali ta’ l-attività li tikser il-liġi.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jassiguraw ruħhom li dawk li jipprovdu s-servizzi protetti li l-interessi tagħhom huma effettwati minn attività li tkun tikser il-liġi kif speċifikat fl-Artikolu 4, mwettqa fuq it-territorju tagħhom, għandhom aċċess għal rimedji proporzjonati, kif ukoll li tkun miġjuba azzjoni għad-danni u l-kisba ta’ mandat ta’ sekwestru jew miżura oħra preventiva, u meta proporzjonat, l-applikazzjoni għad-disponiment barra kanali kummerċjali ta’ apparat illeċitu.”

Il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni Legali tas-Servizzi ibbażati fuq, jew tikkonsisti minn, Aċċess Kondizzjonali

8

Fl-1999, il-Kunsill tal-Ewropa beda jfassal konvenzjoni dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kundizzjonali. Fis-16 ta’ Lulju 1999, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea awtorizza lill-Kummissjoni tipparteċipa, f’isem il-Komunità Ewropea, fin-negozjati dwar din il-konvenzjoni. Il-linji gwida għan-negozjati adottati mill-Kunsill f’din l-istess data kienu jipprevedu li l-Kummissjoni kienet ser tinnegozja bl-għan li tiżgura li din il-konvenzjoni tkun kompatibbli mad-Direttiva 98/84, b’mod partikolari fir-rigward tas-sanzjonijiet.

9

Il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni Legali tas-Servizzi ibbażati fuq, jew tikkonsisti minn, Aċċess Kondizzjonali (ĠU 2011, L 336, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni”) ġiet adottata mill-Kunsill tal-Ewropa fl-24 ta’ Jannar 2001 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2003.

10

Ir-rapport ta’ spjegazzjoni dwar il-Konvenzjoni jinkludi l-indikazzjonijiet li ġejjin fil-punti 10, 11 u 13 tiegħu:

“10.

Barra mill-Unjoni, l-approċċ leġiżlattiv tal-problema tar-riċezzjoni illegali ta’ servizzi kkodifikati jvarja minn pajjiż għall-ieħor: f’ċerti pajjiżi, diġà ġiet stabbilita leġiżlazzjoni intiża sabiex tilqa’ speċifikament għal din il-problema. F’pajjiżi oħra, id-dispożizzjonijiet huma inkompleti u jipproteġu biss ċerti servizzi (jiġifieri dawk tax-xandir bir-radju) jew jissanzjonaw biss ċerti attivitajiet u fl-aħħar nett, f’pajjiżi oħra, ma teżisti l-ebda protezzjoni legali mill-piraterija tas-servizzi bbażati fuq aċċess kundizzjonali.

11.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq u sabiex jiġi żgurat l-istess livell minimu ta’ protezzjoni tas-servizzi bbażati fuq aċċess kundizzjonali fl-Ewropa kollha, ġie deċiż li kien mixtieq it-tfassil ta’ strument legali vinkolanti mill-Kunsill tal-Ewropa fuq din il-kwistjoni. Minbarra dan, konvenzjoni fuq il-livell usa’ tal-Ewropa dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kundizzjonali tkun tikkompleta b’mod siewi d-[Direttiva 98/84].

[…]

Preambolu

13.

Il-preambolu jesponi fil-qasir ir-raġunijiet prinċipali li wasslu lill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa sabiex ifasslu konvenzjoni dwar din il-kwistjoni [...]. Huwa jenfasizza li l-fornituri ta’ servizzi bbażati fuq aċċess kundizzjonali tar-radju, tat-televiżjoni u tas-soċjetà tal-informazzjoni offruti bi ħlas huma mhedda bl-eżistenza ta’ ‘industrija’ parallela li timmanifattura, tikkumerċjalizza u tqassam apparat li jippermetti aċċess illegali għal dawn is-servizzi, u għaldaqstant juri l-bżonn li tiġi segwita politika komuni fl-Ewropa sabiex jiġu protetti dawn is-servizzi. Huwa jenfasizza wkoll is-siwi tas-sanzjonijiet kriminali u amministrattivi kontra l-attivitajiet illegali, b’mod partikolari għal għanijiet ta’ prevenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11

Fis-Sezzjoni I tal-Konvenzjoni, li tinkludi d-dispożizzjonijiet ġenerali, l-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Objettiv u skop”, jipprovdi:

“Din il-Konvenzjoni tirrigwarda s-servizzi tax-xandir u tas-soċjetà tal-informazzjoni offruti bi ħlas u ibbażati fuq, jew jikkonsistu minnu, ‘aċċess kondizzjonali’. L-iskop ta’ din il-Konvenzjoni huwa li tagħmel illegali fit-territorju tal-Partijiet għadd ta’ attivitajiet li jippermettu aċċess mhux awtorizzat għal servizzi protetti, u li tqarreb kemm jista’ jkun il-liġijiet tal-Partijiet f’dan il-qasam.”

12

Fl-istess sezzjoni, l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni:

a)

‘servizz protett’ ifisser kwalunkwe wieħed mis-servizzi li ġejjin, meta provdut bi ħlas u fuq il-bażi ta’ aċċess kondizzjonali:

is-servizzi ta’ programmi tat-televiżjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Ewropea emendata dwar it-Televiżjoni Transkonfinali,

is-servizzi tax-xandir bir-radju, jiġifieri il-programmi tar-radju maħsuba għall-pubbliku, li jixxandru b’sistema bil-wajers jew mingħajr, inkluż permezz tas-satellita,

is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, mifhuma bħala servizzi pprovduti b’mezzi elettroniċi, mill-bogħod u fuq talba individwali tar-riċevitur tas-servizzi;

jew il-forniment ta’ aċċess kondizzjonali għas-servizzi msemmija hawn fuq, meqjus bħala servizz fid-dritt tiegħu;

b)

‘aċċess kondizzjonali’ tfisser kwalunkwe miżura teknika u/jew arranġament li jippermetti aċċess f’formali tinftiehem, u soġġett għal awtorizzazzjoni individwali minn qabel, għal xi wieħed mis-servizzi msemmija fil-paragrafu a. ta’ dan l-artikolu;

c)

‘apparat ta’ aċċess kondizzjonali’ jindika kwalunkwe tagħmir, softwer u/jew apparat maħsub jew adattat sabiex jagħti aċċess f’forma li tinftiehem għal xi wieħed mis-servizzi msemmija fil-paragrafu a. ta’ dan l-Artikolu;

d)

‘apparat illegali’ ifisser kwalunkwe tagħmir, softwer u/jew arranġament maħsub jew adattat sabiex jagħti aċċess f’forma li tinftiehem lil wieħed mis-servizzi msemmija fil-paragrafu a. ta’ dan l-Artikolu, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-fornitur tas-servizz.”

13

Fis-Sezzjoni II tal-Konvenzjoni, intitolata “Attivitajiet illegali”, l-Artikolu 4 tagħha jipprovdi taħt it-titolu “Ksur”:

“Dawn l-attivitajiet li ġejjin huma meqjusa illegali fit-territorju ta’ Parti:

a)

il-manifattura u l-produzzjoni ta’ apparat illeċiti għal finijiet kummerċjali;

b)

l-importazzjoni ta’ apparat illeċitu għal finijiet kummerċjali;

c)

it-tqassim ta’ apparat illeċitu għal finijiet kummerċjali;

d)

il-bejgħ u l-kiri ta’ apparat illeċitu għal finijiet kummerċjali;

e)

il-pussess ta’ apparat illeċitu għal finijiet kummerċjali;

f)

l-installazzjoni, il-manutenzjoni jew is-sostituzzjoni ta’ apparat illeċitu għal finiijiet kummerċjali;

g)

il-promozzjoni kummerċjali, marketing u r-reklamar ta’ apparat illeċitu.

Kull Parti tista’, f’kull mument, f’dikjarazzjoni indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, tiddikjara li hija sejra wkoll tagħmel illegali attivitajiet oħrajn minbarra dawk imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu.”

14

Is-Sezzjoni III tal-Konvenzjoni, intitolata “Pieni u rimedji” tinkludi l-Artikoli 5 sa 7 tal-imsemmija konvenzjoni.

15

Skont l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni, intitolat “Pieni kontra l-attivitajiet illegali”:

“Il-Partijiet għandhom jadottaw miżuri sabiex attivitajiet illegali msemmija fl-Artikolu 4 hawn fuq jkunu imposti fuqhom pieni ta’ natura kriminali, amministrattiva jew pieni oħra. Dawn il-miżuri għandhom ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati għall-impatt potenzjali tal-attività illegali.”

16

Bit-titolu “Miżuri ta’ Konfiska”, l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni huwa fformulat kif ġej:

“Il-Partijiet għandhom jadottaw il-miżuri xierqa li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jippermettu s-sekwestru u l-konfiska tal-apparat illeċitu jew tal-materjal ta’ promozzjoni, marketing jew reklamar użat biex jitwettaq reat, kif ukoll il-konfiska tal-profitti u l-qligħ finanzjarju kollu li jirriżulta minn din l-attività illegali.”

17

L-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni, intitolat “Proċeduri ċivili”, jipprovdi:

“Il-Partijiet għandhom jadottaw il-miżuri xierqa sabiex jiggarantixxu li l-fornituri ta’ servizzi protetti li l-interessi tagħhom ikunu affettwati minn xi attività illegali stabbilita fl-Artikolu 4 hawn fuq ikollhom aċċess għar-rimedji xierqa, inkluż is-setgħa li jieħdu azzjoni għad-danni u jiksbu mandat jew xi miżura oħra preventiva, kif ukoll jekk ikun il-każ, japplikaw għat-tneħħija ta’ apparat illeċiti mill-kummerċ.”

18

L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, intitolat “Kooperazzjoni internazzjonali”, jipprovdi:

“Il-Partijiet jaqblu li jagħtu għajnuna lil xulxin sabiex jimplimentaw din il-Konvenzjoni. Il-Partijiet se se jipprovdu lil xulxin, skont id-dispożizzjonijiet tal-istrumenti internazzjonali rilevanti dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam kriminali jew amministrattiv u skont id-dritt domestiku tagħhom, l-aktar miżuri wiesgħa ta’ kooperazzjoni fl-investigazzjonijiet u l-proċeduri legali relatati ma’ reati kriminali jew amministrattivi stabbiliti skont din il-Konvenzjoni.”

19

Bit-titolu “Relazzjonijiet mal-konvenzjonijiet u l-ftehimiet l-oħrajn”, l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni jipprovdi fir-raba’ paragrafu tiegħu:

“Fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, il-Partijiet li huma Membri tal-Komunità Ewropea għandhom japplikaw ir-regoli tal-Komunità u ma għandhomx għalhekk japplikaw ir-regoli li jirriżultaw minn din il-Konvenzjoni għajr jekk ma teżistix l-ebda regola Komunitarja li tirregola s-suġġett partikolari kkonċernat.”

20

Seba’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri r-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija u r-Repubblika tal-Finlandja, huma partijiet f’din il-konvenzjoni.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

It-tieni rapport fuq id-Direttiva 98/84

21

Fit-30 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni adottat it-tieni rapport tagħha fuq l-implementazzjoni tad-Direttiva 98/84 [COM(2008) 593 finali, iktar ’il quddiem it-“Tieni Rapport fuq id-Direttiva 98/84”].

22

It-Tieni Rapport fuq id-Direttiva 98/84 jinkludi l-indikazzjonijiet li ġejjin:

“[…]

2.4. Id-dimensjoni internazzjonali

It-tkabbir tal-Unjoni Ewropea mmodifika l-ġeografija tal-piraterija li qabel kienet attiva f’ċerti pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant. Dawn il-pajjiżi issa huma membri tal-Unjoni u t-traspożizzjoni tad-Direttiva [98/84] tmexxi l-ġlieda kontra l-piraterija.

Barra minn hekk, il-pajjiżi kandidati għas-sħubija […], dawk li qed jinnegozjaw is-sħubija […], kif ukoll il-kandidati potenzjali […], kollha qegħdin jarmonizzaw il-leġiżlazzjoni tagħhom mal-acquis Komunitarju. […]

Minbarra t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni tal-Kumitat konġunt taż-ŻEE Nru 17/2001 tat-28 ta’ Frar 2001 inkorporat id-Direttiva 98/84/KE fil-ftehim taż-ŻEE [...].

Lil hinn minn dan, ma tantx hemm lok għall-Kummissjoni biex tieħu azzjoni. Madankollu, il-[Konvenzjoni] tistabbilixxi protezzjoni simili ta’ dik li hemm fid-Direttiva [98/84] u li għandha tiġi ratifikata mis-47 Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll mill-Belarus u s-Santa Sede.

Bħalissa, 11-il Stat iffirmawha […] u 8 rratifikawha. Ir-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni tinsab miftuħa għall-Komunità Ewropea. Din ir-ratifikazzjoni tista’ tgħin biex tagħti spinta lir-ratifikazzjoni ta’ pajjiżi oħra u b’hekk testendi l-protezzjoni tal-fornituri tas-servizzi lil hinn mit-territorju tal-Unjoni.

[...]

4.2.4. Ratifikazzjoni tal-[Konvenzjoni]

Din il-Konvenzjoni [...] toffri potenzjal qawwi fit-tkabbir internazzjonali tal-protezzjoni tas-servizzi ta’ aċċess kundizzjonali lilhinn mit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Din ir-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni mill-Komunità Ewropea tagħti l-possibbiltà li terġa’ tittieħed azzjoni internazzjonali fost is-47 Membru tal-Kunsill tal-Ewropa.

Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tipproponi fi żmien qasir lill-Kunsill biex jirratifika l-Konvenzjoni f’isem il-Komunità Ewropea.”

Il-proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill

23

Fil-15 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni bagħtet lill-Kunsill, fost l-oħrajn, proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ibbażata fuq l-Artikolu 207(4) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(5) TFUE, rigward l-iffirmar tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi b’aċċess kondizzjonali u ta’ aċċess kondizzjonali [KUMM(2010) 753 finali, iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ deċiżjoni”.

24

Skont l-espożizzjoni tal-motivi għal din il-proposta ta’ deċiżjoni:

“[…]

9.

Protezzjoni komprensiva u effettiva tas-servizz b’aċċess kondizzjonali u ta’ aċċess kondizzjonali dehret partikolarment meħtieġa. Fil-fatt, diversi Stati Ewropej, mhux Membri tal-Unjoni Ewropea, jistgħu jkunu rifuġju għall-iżvilupp u t-tixrid tal-apparat ta’ piraterija ta’ servizzi b’aċċess kondizzjonali, minħabba li s-sistema legali tagħhom ma tipprovdix pieni għal din l-attività ferm speċifika ta’ piraterija. Intweriet għalhekk ix-xewqa li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/84[…] jiġu estiżi u li jinħoloq qafas komuni u effiċjenti fil-livell Ewropew għall-protezzjoni ta’ dawn is-servizzi.

[...]

14.

Jeżistu xi differenzi testwali żgħar bejn iż-żewġ dokumenti. B’hekk, il-Konvenzjoni ma tinkriminax biss il-manifattura ta’ apparat illegali, iżda wkoll il-produzzjoni tiegħu. Barra minn hekk, il-pieni previsti fir-rigward tal-attivitajiet definiti bħala illeċiti huma definiti b’mod aktar ċar, peress li l-Konvenzjoni tispeċifika jekk humiex ta’ natura kriminali, amministrattiva jew ta’ natura oħra. Madankollu, b’mod simili għad-Direttiva 98/84[…], il-pieni għandhom ikunu proporzjonati, dissważivi u effettivi. Għaldaqstant, dawn il-varjazzjonijiet fil-kliem tal-Konvenzjoni […] ma jibdlu xejn mill-kontenut u l-ambitu tad-Direttiva [98/84].

[...]

16.

Fil-qafas tat-tieni rapport ta’ valutazzjoni tad-Direttiva 98/84 [...], il-Kummissjoni rrilevat li l-iffirmar tal-Konvenzjoni mill-Unjoni Ewropea għandu jtinkoraġġixxi ratifika aktar wiesgħa min-naħa tal-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa u b’hekk jippermetti li l-protezzjoni legali tas-servizzi b’aċċess kondizzjonali tinfirex lil hinn mill-fruntieri tal-[Unjoni].

[...]”

Id-deċiżjoni kkontestata

25

Id-deċiżjoni kkontestata għandha bħala bażi legali, minbarra l-Artikolu 218(5) TFUE, l-Artikolu 114 TFUE u mhux, kif kienet ipproponiet il-Kummissjoni, l-Artikolu 207(4) TFUE.

26

Skont il-premessi 3 u 5 tal-imsemmija deċiżjoni:

“(3)

Il-Konvenzjoni tistabbilixxi qafas regolatorju li huwa kważi identiku għal dak mqiegħed fid-Direttiva 98/84[...].

[…]

(5)

L-iffirmar tal-Konvenzjoni se tgħin biex tiġi estiża l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet simili għal dawk fid-Direttiva 98/84[...] lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni u biex tiġi stabbilita liġi dwar is-servizzi b’aċċess kondizzjonali li tkun applikabbli fil-kontinent Ewropew kollu.”

27

B’mod differenti mill-proposta ta’ deċiżjoni, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi l-premessa 6 fformulata b’dan il-mod:

“Permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva 98/84[…], l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza interna tagħha fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni ħlief fir-rigward tal-Artikoli 6 u 8 tagħha, dment li l-Artikolu 8 huwa relatat mal-miżuri fl-Artikolu 6. Għalhekk, il-Konvenzjoni għandha tiġi ffirmata kemm mill-Unjoni kif ukoll mill-Istati Membri tagħha.”

28

L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“L-iffirmar tal-Konvenzjoni [...] huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni.

It-test tal-Konvenzjoni huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.”

29

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni:

“Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna/i awtorizzata/i sabiex tiffirma/jiffirmaw, f’isem l-Unjoni, il-Konvenzjoni.”

30

Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni, hija tidħol fis-seħħ fil-jum li fih tiġi adottata.

31

Minħabba d-differenzi bejn il-proposta tagħha ta’ deċiżjoni u d-deċiżjoni kkontestata hekk kif osservati fil-punti 25 u 27 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni rriżervat il-pożizzjoni tagħha permezz ta’ dikjarazzjoni annessa mal-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill li matulha ġiet adottata din id-deċiżjoni.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

32

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

33

Il-Kunsill jitlob li r-rikors jiġi miċħud bħala infondat u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

34

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-6 ta’ Awwissu 2012, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill, filwaqt li l-Parlament ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

Fuq ir-rikors

35

Il-Kummissjoni tinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha. Bl-ewwel motiv tagħha, hija ssostni li l-għażla tal-bażi legali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni prevista fl-Artikoli 2(1) TFUE u 3 TFUE.

L-argumenti tal-partijiet

36

Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, issostni li d-deċiżjoni kkontestata tagħmel parti mill-politika kummerċjali komuni u għaldaqstant kellha tiġi adottata abbażi tal-Artikolu 207(4) TFUE.

37

Fl-ewwel lok, il-Konvenzjoni hija intiża prinċipalment, mill-perspettiva tal-Unjoni, sabiex tiżgura fis-swieq tal-partijiet kontraenti li ma humiex membri tagħha protezzjoni xierqa tas-servizzi kkonċernati, sabiex tiġi ffaċilitata u promossa, f’dawn is-swieq, il-provvista ta’ dawn is-servizzi minn fornituri tal-Unjoni f’kundizzjonijiet ekonomiċi vijabbli.

38

F’dan il-kuntest, l-approssimazzjoni tal-liġijiet, imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni, kif ukoll il-projbizzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ din tal-aħħar, ma humiex għanijiet minnhom infushom, iżda mezzi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din il-konvenzjoni.

39

Minbarra dan, il-fatt li l-għan aħħari ta’ ċerti miżuri previsti mill-Konvenzjoni, bħall-projbizzjoni tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ apparat illegali u ta’ servizzi relatati miegħu, huwa li jiġi protett is-suq intern u l-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fl-Unjoni, ma jipprekludix ir-rabta tal-Konvenzjoni mal-politika kummerċjali komuni.

40

Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-Artikolu 11(4) tal-Konvenzjoni jikkonferma li l-għan prinċipali mixtieq mill-partijiet kontraenti ma huwiex it-titjib tal-funzjonament tas-suq intern tal-Unjoni, iżda l-promozzjoni u l-iffaċilitar tal-kummerċ bejn dawn il-partijiet.

41

Fir-rigward tal-Artikoli 6 u 8 tal-Konvenzjoni, huma għandhom portata sekondarja u għaldaqstant ma jiġġustifikawx l-użu tal-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata.

42

Fit-tieni lok, il-Konvenzjoni tirrigwarda, prinċipalment, il-provvista ta’ servizzi bbażati fuq aċċess kundizzjonali bejn l-Unjoni u Stati Ewropej oħra. L-għan tagħha huwa li tikkompleta d-Direttiva 98/84 billi testendi, għat-territorji ta’ dawn l-Istati l-oħra, il-protezzjoni mill-atti ta’ piraterija stabbilita mill-imsemmija direttiva.

43

Fit-tielet lok, il-Konvenzjoni għandha effett dirett u immedjat kemm fuq il-kapaċità tal-fornituri li jipprovdu servizzi bbażati fuq aċċess kundizzjonali, kif ukoll fuq il-kummerċ ta’ apparat illegali u ta’ servizzi relatati ma’ dan l-apparat. Hija intiża direttament sabiex telimina l-ostakoli tal-kummerċ ta’ servizzi protetti billi tipprojbixxi l-attivitajiet kummerċjali kollha li jirrendu possibbli l-piraterija elettronika jew informatika. B’dan il-mod hija tikkontribwixxi b’mod dirett u immedjat sabiex tiġi ffaċilitata u promossa l-provvista ta’ servizzi protetti bejn l-Unjoni u l-Istati Ewropej l-oħra fejn ma hijiex stabbilita protezzjoni xierqa.

44

Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit, isostnu li l-bażi legali xierqa tad-deċiżjoni kkontestata hija l-Artikolu 114 TFUE.

45

Dawn il-partijiet fil-kawża jsostnu, fl-ewwel lok, li l-Konvenzjoni għandha l-għan li tapprossima l-liġijiet tal-partijiet kontraenti f’din il-konvenzjoni, inklużi dawk tal-Istati Membri, sabiex jiġi miġġieled b’mod effettiv l-aċċess illegali għas-servizzi kkonċernati, li jhedded il-vijabbiltà ekonomika tal-fornituri ta’ dawn u, għaldaqstant, id-diversità tal-programmi u tas-servizzi offruti lill-pubbliku, billi timponi l-adozzjoni ta’ definizzjonijiet komuni tal-attivitajiet illegali u billi tipprevedi sistema komuni ta’ sanzjonijiet u ta’ rimedji legali.

46

L-għan prinċipali tal-Konvenzjoni huwa, bħal dak tad-Direttiva 98/84 li hija tikkompleta, ta’ eliminazzjoni jew ta’ prevenzjoni tal-ostakoli għall-kummerċ tas-servizzi kkonċernati, li jirriżultaw mid-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, sabiex jiġi protett il-funzjonament korrett tas-swieq u sabiex jitjieb il-funzjonament tas-suq intern. B’mod iktar speċifiku, il-Konvenzjoni hija intiża sabiex telimina r-riskju li Stati terzi jintużaw bħala bażi għall-esportazzjoni ta’ apparat illegali jew għall-provvista ta’ servizzi relatati ma’ dan l-apparat lill-Unjoni, li jipperikola l-funzjonament tas-suq intern u l-effettività tal-protezzjoni li hija stabbilita bl-istess direttiva.

47

F’dan il-kuntest, l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-partijiet kontraenti kif ukoll il-projbizzjoni tal-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni jikkostitwixxu mhux sempliċi mezzi jew metodi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din tal-aħħar, iżda l-għanijiet infushom segwiti minnha.

48

Ir-Repubblika Franċiża tenfasizza wkoll li, b’mod differenti mid-Direttiva 98/84, il-Konvenzjoni tinkludi, fl-Artikoli 6 u 8 tagħha, dispożizzjonijiet dwar il-miżuri ta’ sekwestru u ta’ konfiska kif ukoll dwar il-kooperazzjoni internazzjonali. Ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju tal-Isvezja jsostnu, min-naħa tagħhom, li l-Unjoni ma hijiex, fi kwalunkwe każ, kompetenti sabiex tikkonkludi, abbażi tal-Artikolu 207 TFUE, ftehim internazzjonali dwar miżuri ta’ sekwestru u ta’ konfiska li huma ta’ natura kriminali.

49

Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Franċiża u mir-Renju Unit, isostni, fit-tieni lok, li l-fatt li l-Konvenzjoni tkopri wkoll il-provvista ta’ servizzi bbażati fuq aċċess kundizzjonali bejn l-Unjoni u Stati terzi bl-ebda mod ma jfisser li hija maħsuba biex tiġi applikata iktar għal dawn is-servizzi milli għal dawk ipprovduti fl-Unjoni.

50

Dawn l-istess partijiet, kif ukoll ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju tal-Isvezja, isostnu, fit-tielet lok, li l-effetti li l-Konvenzjoni jista’ jkollha, eventwalment, fuq il-kummerċ ta’ servizzi bejn l-Unjoni u l-partijiet kontraenti l-oħra jistgħu biss ikunu indiretti u sekondarji.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

51

Għandu jiġi osservat, b’mod preliminari, li l-partijiet fil-kawża jaqblu li d-deċiżjoni kkontestata hija, ġustament, ibbażata fuq l-Artikolu 218(5) TFUE. Bil-kontra, huma ma jaqblux dwar jekk il-bażi legali l-oħra hijiex xierqa għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

52

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom huma inklużi l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att (sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-411/06, Ġabra p. I-7585, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑130/10, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Jekk l-eżami tal-att ikkonċernat juri li huwa jsegwi għan doppju jew li għandu żewġ komponenti u jekk wieħed minnhom jista’ jiġi identifikat bħala prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-ieħor ikun biss sekondarju, dan l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent prinċipali jew predominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-6 ta’ Settembru 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑490/10, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

F’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni kkontestata għandha bħala għan li tawtorizza l-iffirmar tal-Konvenzjoni f’isem l-Unjoni, għandha tiġi eżaminata din id-deċiżjoni f’qari flimkien mal-Konvenzjoni.

55

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, essenzjalment issostni li, fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tal-Konvenzjoni, id-deċiżjoni kkontestata tagħmel prinċipalment parti mill-politika kummerċjali komuni u b’mod sekondarju mill-politika tas-suq intern. Il-Kunsill, kif ukoll l-Istati Membri li intervjenew insostenn ta’ dan tal-aħħar, jallegaw, bil-kontra, li l-Konvenzjoni, minħabba kemm l-għan kif ukoll il-kontenut tagħha, u, għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata huma marbuta essenzjalment ma’ din il-politika msemmija l-aħħar u, b’mod sekondarju, mal-politika kummerċjali komuni.

56

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-Artikolu 207(1) TFUE, u b’mod partikolari mit-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li l-politika kummerċjali komuni tagħmel parti mill-“azzjoni esterna tal-Unjoni”, tali politika tirrigwarda l-iskambji ta’ kummerċ mal-Istati terzi u mhux l-iskambji fis-suq intern (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, punt 50).

57

Minbarra dan, hija ġurisprudenza stabbilita li s-sempliċi fatt li att tal-Unjoni jista’ jkollu ċerti effetti fuq il-kummerċ internazzjonali ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li dan l-att għandu jiġi kklassifikat fil-kategorija ta’ dawk li huma parti mill-politika kummerċjali komuni. Bil-kontra, att tal-Unjoni huwa parti minn din il-politika jekk jirrigwarda speċifikament il-kummerċ internazzjonali inkwantu huwa intiż essenzjalment sabiex jippromwovi, jiffaċilita jew imexxi dan il-kummerċ u għandu effetti diretti u immedjati fuqu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Għaldaqstant huma biss l-atti tal-Unjoni li juru rabta speċifika mal-iskambji ta’ kummerċ internazzjonali li jistgħu jagħmlu parti mill-kamp tal-politika kummerċjali komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

59

F’dan il-każ, kif tispeċifika l-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Konvenzjoni, li l-awtorizzazzjoni tal-iffirmar għaliha f’isem l-Unjoni hija l-għan ta’ din id-deċiżjoni, stabbilixxiet qafas regolatorju li huwa kważi identiku għal dak tad-Direttiva 98/84. Tali identiċità tidher, b’mod partikolari, permezz tax-xebh tad-definizzjonijiet ta’ “servizz protett”, ta’ “aċċess kondizzjonali”, ta’ “apparat ta’ l-aċċess kondizzjonali” u ta’ “apparat illeċitu” li jinsabu, rispettivament, fl-Artikoli 2 tal-Konvenzjoni u ta’ din id-direttiva, minn naħa, u fil-lista ta’ “attivitajiet illegali” ipprojbiti, li tinsab, rispettivament, fl-Artikoli 4 ta’ dawn l-atti, min-naħa l-oħra.

60

Skont il-punt 11 tar-rapport ta’ spjegazzjoni tal-Konvenzjoni, l-għan ta’ din huwa li jiġi żgurat l-istess livell minimu ta’ protezzjoni tas-servizzi inkwistjoni fl-Ewropa kollha u li, b’dan il-mod, tiġi kkompletata b’mod effettiv l-imsemmija direttiva.

61

Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-punti 10 u 13 tal-imsemmi rapport ta’ spjegazzjoni kif ukoll fil-punt 9 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ deċiżjoni, il-bżonn li tiġi estiża, permezz tal-Konvenzjoni, il-protezzjoni legali stabbilita permezz tad-Direttiva 98/84 lil hinn mit-territorju tal-Unjoni huwa spjegat permezz tal-fatt li bosta Stati Ewropej, li ma humiex membri tal-Unjoni, jistgħu jikkostitwixxu bażi għall-manifattura, għall-kummerċjalizzazzjoni u għat-tqassim, minn industrija parallela, ta’ apparat li jippermetti l-aċċess illegali għal servizzi bbażati fuq aċċess kundizzjonali, għaliex il-protezzjoni legali minn dawn l-atti ta’ piraterija ma teżistix jew ma hijiex effettiva hemmhekk.

62

F’dan il-kuntest, l-iffirmar tal-Konvenzjoni f’isem l-Unjoni, li d-deċiżjoni kkontestata hija intiża tawtorizza, huwa maħsub sabiex jinkoraġġixxi ratifikazzjoni usa’ ta’ din il-Konvenzjoni mill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropea, kif huwa enfasizzat kemm fil-punti 2.4. u 4.2.4. tat-Tieni Rapport fuq id-Direttiva 98/84 kif ukoll fil-punt 16 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ deċiżjoni.

63

L-imsemmi ffirmar huwa mistenni, għaldaqstant, jikkontribwixxi sabiex tiġi estiża l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet analogi għal dawk tad-Direttiva 98/84 lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni u sabiex jiġi stabbilit dritt tas-servizzi bbażati fuq aċċess kundizzjonali li huwa applikabbli għall-kontinent Ewropew kollu, kif tipprovdi l-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata.

64

Filwaqt li din id-direttiva għandha bħala għan li tiżgura protezzjoni legali xierqa tas-servizzi kkonċernati fuq il-livell tal-Unjoni sabiex jiġi promoss il-kummerċ ta’ dawn fis-suq intern, id-deċiżjoni kkontestata, billi tawtorizza l-iffirmar tal-Konvenzjoni f’isem l-Unjoni, hija intiża, min-naħa tagħha, sabiex tiġi stabbilita protezzjoni simili fit-territorju tal-Istati Ewropej li ma humiex membri tal-Unjoni, u dan sabiex tippromwovi f’dawn l-Istati l-provvista tal-imsemmija servizzi minn fornituri tal-Unjoni.

65

L-għan segwit b’dan il-mod, li jidher, fid-dawl tal-premessi tad-deċiżjoni kkontestata f’qari flimkien mal-Konvenzjoni, bħala l-għan prinċipali ta’ din id-deċiżjoni, juri għaldaqstant rabta speċifika mal-iskambji ta’ kummerċ internazzjonali li jirrigwardaw l-imsemmija servizzi, u dan huwa xieraq sabiex jiġġustifika r-rabta tal-imsemmija deċiżjoni mal-politika kummerċjali komuni (ara, b’mod analogu, is-sentenza Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, iċċitata iktar ’il fuq, punti 58 u 60).

66

L-eżami preċedenti ma huwiex affettwat bl-argument tal-Kunsill u tal-Istati Membri intervenjenti li l-għan ta’ approssimazzjoni tal-liġijiet tal-partijiet kontraenti, imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni, juri li d-deċiżjoni kkontestata hija marbuta mal-politika tas-suq intern.

67

Fil-fatt, mill-Artikolu 11(4) tal-Konvenzjoni jirriżulta li, fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, l-Istati Membri tal-Unjoni japplikaw ir-regoli ta’ din tal-aħħar u, għaldaqstant, japplikaw ir-regoli stabbiliti b’din il-konvenzjoni biss fin-nuqqas ta’ regoli tal-Unjoni li jirregolaw is-suġġett partikolari kkonċernat. Din id-dispożizzjoni tikkonferma li, peress li l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fil-qasam ikkonċernat diġà twettqet fil-biċċa l-kbira permezz tad-Direttiva 98/84, l-għan prinċipali tal-Konvenzjoni jikkonsisti mhux fit-titjib tal-funzjonament tas-suq intern, iżda fl-estensjoni tal-protezzjoni legali tas-servizzi kkonċernati lil hinn mit-territorju tal-Unjoni u fil-promozzjoni, b’dan il-mod, tal-iskambji tal-kummerċ internazzjonali li jirrigwardaw dawn is-servizzi. L-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-partijiet kontraenti, imsemmija fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni, tidher, għaldaqstant, pjuttost bħala mezz biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Konvenzjoni milli bħala għan minnu nnifsu assenjat lilha.

68

Fir-rigward tal-argument tal-Kunsill u tal-Istati Membri intervenjenti li l-Konvenzjoni hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tipprojbixxi l-esportazzjonijiet tal-apparat illegali lejn l-Unjoni minn Stati Ewropej li ma humiex parti minnha sabiex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern, għandu jiġi enfasizzat li dan l-għan partikolari, li għalih diġà tikkontribwixxi l-projbizzjoni, imsemmija fil-paragrafu (a) tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/84, li jirrigwarda l-importazzjonijiet għal finijiet kummerċjali ta’ apparat illegali fl-Unjoni minn Stati terzi, inklużi Stati Ewropej li ma humiex membri f’din tal-aħħar, ma huwiex tali li jinvalida l-eżistenza ta’ rabta speċifika bejn id-deċiżjoni kkontestata u l-politika kummerċjali komuni.

69

Bil-kontra, miżura ta’ projbizzjoni ta’ esportazzjonijiet ta’ apparat illegali lejn l-Unjoni hija intiża sabiex tipproteġi l-interess globali ta’ din tal-aħħar u tagħmel parti minn, minħabba l-essenza nfisha tagħha, il-politika kummerċjali komuni (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/75 tal-11 ta’ Novembru 1975, Ġabra p. 1355, 1364; l-Opinjoni 1/94 tal-15 ta’ Novembru 1994, Ġabra p. I‑5267, punti 55, 63 u 71, kif ukoll is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-94/03, Ġabra p. I-1, punti 46, 47 u 49).

70

Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika tal-Polonja u tar-Renju tal-Isvezja li b’mod differenti mid-Direttiva 98/84, il-Konvenzjoni tinkludi, fl-Artikoli 6 u 8 tagħha, dispożizzjonijiet rigward miżuri ta’ sekwestru u konfiska kif ukoll dwar il-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-partijiet kontraenti, għandu jiġi osservat li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi, b’mod ġenerali, sabiex jiggarantixxu l-effikaċja tal-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq aċċess kundizzjonali fit-territorju tal-imsemmija partijiet kollha. Huma jikkontribwixxu, għaldaqstant, għall-għan prinċipali tad-deċiżjoni kkontestata f’qari flimkien mal-Konvenzjoni, kif ġie speċifikat fil-punti 62 sa 64 ta’ din is-sentenza.

71

Huwa minnu li l-imsemmija dispożizzjonijiet mistennija wkoll itejbu l-kundizzjonijiet tal-funzjonament tas-suq intern billi jiċċaraw id-definizzjoni tas-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, bħalma jindika l-punt 14 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ deċiżjoni. Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 56 u 82 tal-konklużjonijiet tagħha, dan l-għan huwa madankollu ta’ natura sekondarja meta mqabbel mal-għan prinċipali tad-deċiżjoni kkontestata.

72

Rigward l-argument tar-Repubblika tal-Polonja u tar-Renju tal-Isvezja bbażat fuq l-inkompatibbiltà tal-bażi legali kkostitwita mill-Artikolu 207 TFUE man-natura allegatament kriminali tal-miżuri ta’ sekwestru u ta’ konfiska previsti mill-Konvenzjoni, għandu jiġi osservat, minbarra l-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li jirrigwardaw l-imsemmija miżuri ma jikkostitwixxux l-għan prinċipali tagħha u li l-Artikoli 5 u 6 tal-Konvenzjoni ma jitolbux li s-sanzjonijiet u l-miżuri msemmija hemmhekk ikunu esklużivament ta’ natura kriminali, li dan l-argument ma jispjegax ir-raġuni għalfejn l-Artikolu 114 TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa f’dan il-każ.

73

Fl-aħħar nett, bil-kontra ta’ dak li sostna l-Kunsill waqt is-seduta, il-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda ta’ Fuq fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u l-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, annessi mat-Trattati UE u FUE, ma humiex tali li jkollhom effett, ta’ kwalunkwe tip, fuq il-kwistjoni dwar il-bażi legali xierqa għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

74

Fil-fatt, hija l-bażi legali ta’ att, li n-natura xierqa tagħha tiġi evalwata, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza, abbażi ta’ elementi oġġettivi bħall-għan u l-kontenut prinċipali jew predominanti tiegħu, li tistabbilixxi l-protokolli li jkunu eventwalment applikabbli, u mhux bil-kontra.

75

F’dan il-każ, mill-eżami li sar hawn fuq jirriżulta li l-bażi legali xierqa hija dik marbuta mal-politika kummerċjali komuni, li ma hijiex imsemmija mill-Protokolli Nri 21 u 22.

76

Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha, prinċipalment, għan li għandu rabta speċifika mal-politika kummerċjali komuni, li jitlob, għall-finijiet tal-adozzjoni tagħha, l-użu tal-bażi legali kkostitwita mill-Artikolu 207(4) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(5) TFUE, u li jfisser, barra minn hekk, li l-iffirmar tal-Konvenzjoni f’isem tal-Unjoni jaqa’, skont l-Artikolu 3(1)(e), taħt il-kompetenza esklużiva ta’ din tal-aħħar. It-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq intern jidher, min-naħa l-oħra, bħala għan sekondarju tal-imsemmija deċiżjoni, li ma jiġġustifikax li din tkun ibbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE.

77

Peress li l-ewwel motiv huwa fondat, hemm lok, konsegwentement, li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi eżaminat it-tieni motiv invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha.

Fuq il-limitazzjoni tal-effetti tal-annullament

78

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tqis li huwa meħtieġ, tindika liema mill-effetti ta’ att annullat għandhom jitqiesu bħala definittivi.

79

F’dan il-każ, skont l-Artikolu 3 tagħha, id-deċiżjoni kkontestata daħlet fis-seħħ fil-jum li fih ġiet adottata, jiġifieri d-29 ta’ Novembru 2011.

80

L-annullament tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jinżammu l-effetti tagħha jkollu bħala konsegwenza li jqiegħed f’dubju l-iffirmar tal-Konvenzjoni mill-Unjoni, li sar fil-21 ta’ Diċembru 2011, meta l-kompetenza tal-Unjoni sabiex tiffirma l-imsemmija Konvenzjoni qatt ma ġiet ikkontestata.

81

Kunsiderazzjonijiet ta’ ċertezza legali jiġġustifikaw, għaldaqstant, li l-Qorti tal-Ġustizzja żżomm l-effetti ta’ din id-deċiżjoni sal-adozzjoni, f’terminu raġonevoli li ma għandux jaqbeż is-sitt xhur, ta’ deċiżjoni ġdida bbażata fuq il-bażijiet legali xierqa, jiġifieri l-Artikolu 207(4) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(5) TFUE.

Fuq l-ispejjeż

82

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/853/UE, tad-29 ta’ Novembru 2011, dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni Legali tas-Servizzi bbażata fuq, jew tikkonsisti minn Aċċess Kondizzjonali, hija annullata.

 

2)

L-effetti tad-Deċiżjoni 2011/853 jinżammu sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma għandux jaqbeż is-sitt xhur, ta’ deċiżjoni ġdida bbażata fuq bażijiet legali xierqa.

 

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

4)

Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.