SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
19 ta’ Lulju 2012 ( *1 )
“Sitt Direttiva — Eżenzjonijiet — Punt 6 tal-Artikolu 15 — Eżenzjoni ta’ kunsinni ta’ inġenji tal-ajru li jintużaw minn linji tal-ajru li joperaw prinċipalment għal remunerazzjoni fuq rotot internazzjonali — Kunsinna ta’ inġenji tal-ajru lil operatur li jpoġġihom għad-dispożizzjoni ta’ tali linja — Kunċett ta’ ‘joperaw għall-ħlas [għal remunerazzjoni] fuq rotot internazzjonali’ — Titjiriet charter”
Fil-Kawża C-33/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Jannar 2011, fil-proċeduri mibdija minn
A Oy,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur), L. Bay Larsen, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Frar 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal A Oy, minn P. Salomaa, |
— |
għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Koskinen u L. Lozano Palacios, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ April 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/111/KEE, tal-14 ta’ Diċembru 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 224, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri mibdija minn A Oy (iktar ’il quddiem “A”) kontra avviż ta’ rettifika taħt it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (iktar ’il quddiem “VAT”) dwar l-akkwist ta’ inġenji tal-ajru li ntbagħtu mill-Kaakkois-Suomen vovirasto (Uffiċċju tat-Taxxa tal-Finlandja tal-Lbiċ). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva jistipula li huma suġġetti għall-VAT “il-provvista [kunsinna] ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas [għal remunerazzjoni] fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”. |
4 |
Taħt it-titolu “Eżenzjonijiet tal-esportazzjonijet u tranżazzjonijet simili u trasport internazzjonali”, l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom ifasslu għall-iskop biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u jipprevenu kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż: [...]
[...]” |
5 |
Is-Sitt Direttiva tinkludi Titolu XVIa, intitolat “Arranġamenti Transizzjonali [tranżitorji] għat-Tassazzjoni tan-negozju bejn Stati Membri”, l-Artikolu 28a ta’ dan jistipula: “1. Li ġej għandu jkun suġġett ukoll għat-taxxa fuq il-valur miżjud:
[...] 1a. Is-segwenti għandhom jibbenifikaw mid-deroga stipulata fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1(a):
[...] 3. ‘Akkwisizzjoni intra-Komunitarja ta’ merkanzija’ tfisser l-akkwisizzjoni tad-dritt bħala sid ta’ propjetà mhux fissa u tanġibbli mibgħuta jew ittrasportata sa għand il-persuna li qed takkwista l-merkanzija jew għan-nom tal-bejjiegħ jew il-persuna li qed takkwista l-merkanzija għal Stat Membru li mhux l-istess li minnu ntbagħtet jew kienet ittrasportata l-merkanzija. [...]” |
Id-dritt Finlandiż
6 |
Is-Sitt Direttiva ġiet trasposta fil-Finlandja permezz tal-Liġi 1501/1993 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud [Arvonlisäverolaki (1501/1993)], tat-30 ta’ Diċembru 1993 (iktar ’il quddiem l-“AVL”). |
7 |
Skont il-punt 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-AVL, għandha titħallas il-VAT fuq l-akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġetti fil-Finlandja fis-sens tal-Artikolu 26a tal-istess liġi. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tiddefinixxi l-akkwist intra-Komunitarju bħala akkwist b’titolu oneruż ta’ proprjetà ta’ beni mobbli tanġibbli jekk il-bejjiegħ, ix-xerrej jew terz ieħor li jaġixxi f’isimhom jittrasporta dan l-oġġett minn Stat Membru għall-ieħor. Skont l-Artikolu 2b tal-AVL, il-persuna obbligata sabiex tħallas il-VAT fuq l-akkwist intra-Komunitarju fis-sens tal-imsemmi punt 3 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 hija l-akkwirenti. |
8 |
Taħt is-sitt kapitolu tal-AVL, li jittratta dwar l-eżenzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali, jinsab il-punt 6 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 70, li jipprovdi li t-taxxa ma hijiex dovuta fuq il-bejgħ ta’ inġenji tal-ajru, l-ispare parts tagħhom u/jew it-tagħmir għal dawn tal-aħħar intiż sabiex jintuża minn kummerċjant li jopera prinċipalment għal remunerazzjoni rotot internazzjonali. |
9 |
Skont il-punt 1 tal-Artikolu 72f tal-AVL, ma hijiex dovuta VAT fuq l-akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġett jekk ma kinitx dovuta VAT fuq l-importazzjoni ta’ dak l-oġġett. Skont l-Artikolu 94(1)(9) tal-AVL, hija eżenta mill-VAT l-importazzjoni ta’ inġenji tal-ajru, spare parts u tagħmir fis-sens tal-punt 6 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 70 tal-AVL. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10 |
Fix-xhur ta’ Lulju 2002 u ta’ Ottubru 2003, A xtrat mingħand manifattur Franċiż żewġ ġettijiet ġodda. Il-bejjiegħ iddikjara bejgħ intra-Komunitarju. A ma ddikjaratx ix-xiri inkwistjoni bħala akkwisti intra-Komunitarji magħmula fil-Finlandja. |
11 |
Dawn iż-żewġ inġenji tal-ajru kienu rreġistrati fir-reġistru tal-inġenji tal-ajru Finlandiż rispettivament fit-22 ta’ Lulju 2002 u fit-23 ta’ Lulju 2004, filwaqt li ċ-“Ċertifikat tal-Operazzjoni tal-Ajru” (AOC) li jikkonċernawhom ħarġu rispettivament fid-19 ta’ Novembru 2002 u fl-24 ta’ Ottubru 2004. A ssemmiet bħala s-sid ta’ dawn iż-żewġ inġenji tal-ajru u B Oy (iktar ’il quddiem “B”) ġiet innominata bħala l-utenti tagħhom. Fis-17 ta’ Diċembru 2003 u l-1 ta’ April 2005, rispettivament, dawn l-ajruplani kienu mibjugħa mill-ġdid minn A għal impriża rreġistrata f’Ċipru. |
12 |
L-azzjonijiet kollha ta’ A huma proprjetà ta’ X, persuna fiżika. A tippossjedi 25 % tal-ishma ta’ C Oy (iktar ’il quddiem “C”). B hija sussidjarja b’78 % ta’ C. |
13 |
B torganizza titjiriet charter internazzjonali u tiżgura l-manutenzjoni kif ukoll il-ġestjoni tal-ajruplani. Taħt kuntratt li kkonludiet ma’ A, B talbet lil din, b’mod partikolari, l-ispejjeż tal-manutenzjoni tal-ajruplani u tat-titjiriet. Dan il-kuntratt kien jippermetti, barra minn hekk, li B tikri l-ajruplani għall-bżonnijiet kummerċjali tagħha stess għall-prezz indikat fl-anness għal dan. |
14 |
Għall-perijodu tal-kontabbiltà mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2002 u mill-1 ta’ Jannar 2003 sat-30 ta’ Ġunju 2004, id-dħul mill-bejgħ ta’ A, ta’ EUR 925 606.32 u ta’ EUR 2 170 503.84 rispettivament, irriżulta totalment minn reġistrazzjonijiet tal-kontijiet li saru skont fatturi ta’ bejgħ maħruġa lil X, il-proprjetarju ta’ A, ħlief għall-fatturi dwar il-bejgħ mill-ġdid tal-inġenji tal-ajru maħruġa lill-impriża Ċiprijotta. Fl-okkażjoni tal-kontroll fiskali mħaddem, ġie kkonstatat li fil-kontijiet ta’ A ma kienx hemm id-dħul li kien ġej mill-kiri ta’ ajruplani. |
15 |
Min-naħa tagħhom, ir-reġistrazzjonijiet tal-ispejjeż ta’ A marbuta mal-inġenji tal-ajru li kienu jikkonċernaw prinċipalment l-ammonti ffatturati minn B għal A għall-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru u għat-titjiriet. Waqt il-kontroll fiskali msemmi iktar ’il fuq, kien ġie konstatat li dawn l-ammonti kienu, essenzjalment, ġew mgħoddija mingħajr emendi fuq X. |
16 |
A ġiet irreġistrata bħala suġġetta għall-VAT mill-1 ta’ Lulju 2002. Fid-dikjarazzjoni tagħha tat-tmiem tal-attività tal-14 ta’ Ġunju 2003, A ħabbret li hija ma kinitx setgħet teżerċita l-attività suġġetta għall-VAT. Iċ-ċentru tat-taxxi ta’ Finlandja tal-Lbiċ neħħa din il-kumpannija mir-reġistru tal-persuni taxxabbli għall-VAT b’effett retroattiv mill-1 ta’ Lulju 2002. |
17 |
Fl-4 ta’ Novembru 2005, dan l-istess ċentru tat-taxxa ħareġ stimi addizzjonali għal VAT fuq l-akkwist intra-Komunitarju taż-żewġ inġenji tal-ajru inkwistjoni. Fl-istess ħin, ġie kkonstatat li A Oy ma kellha ebda dritt għal tnaqqis jew għal rimbors ta’ dan il-VAT. |
18 |
Ir-rikors li ġie ppreżentat minn A kontra dawn l-istimi addizzjonali ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2008 tal-Helsingin hallinto-oikeus (Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn A. Skont l-imsemmija qorti, iż-żewġ akkwisti ta’ inġenju tal-ajru kienu jikkostitwixxu akkwisti intra-Komunitarji ta’ oġġetti suġġetti għall-VAT li A ma ddikjaratx. Din il-kumpannija ma kinitx topera fis-settur tat-trasport internazzjonali bl-ajru għal remunerazzjoni fis-sens tal-punt 6 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 70 tal-AVL, iżda fil-prattika kienet taġixxi bħala l-proprjetarja ta’ C, kumpannija li kienet topera fis-settur tal-kummerċ internazzjonali tal-prodotti ġejjin miż-żejt. Barra minn hekk, l-ajruplani msemmija ma ntużawx minn B għat-trasport internazzjonali bl-ajru għal remunerazzjoni fis-sens tal-istess punt 6 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 70. Il-ftehim bejn iż-żewġ kumpanniji kien orjentat esklużivament sabiex jiggarantixxi t-trasport ta’ X, l-azzjonist prinċipali ta’ dawn il-kumpanniji. |
19 |
A ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrativa Suprema). Hija allegat li ma kellhiex tiġi imposta VAT fuq l-akkwist tal-inġenji tal-ajru peress li dawn kienu ġew akkwistati u rreġistrati minn A bil-mira li tafdahom lil В, linja tal-ajru li topera prinċipalment għal remunerazzjoni. Fil-fatt, B tkun skont il-prattika tas-soltu f’dan il-qasam, mgħobbija minn A, għal remunerazzjoni, sabiex ikun żgurat li l-inġenji tal-ajru għadhom navigabbli u tippromwovi l-użu kummerċjali tagħhom fuq il-bażi ta’ kuntratti speċifiċi, filwaqt li B kienet effettivament ipproponiet ajruplani lil terzi għal remunerazzjoni ħlas fis-siegħa tat-titjira. |
20 |
Madankollu, filwaqt li tammetti li B għandha titqies bħala linja tal-ajru li topera fil-qasam tar-rotot internazzjonali tal-ajru għal remunerazzjoni, u li, anke kieku X kienet l-unika persuna li għandha tiġi ttrasportata bil-ħlas, il-parti l-oħra fil-proċeduri hija tal-fehma li, peress li A ma affettwatx hija stess titjiriet internazzjonali iżda wasslet l-inġenji tal-ajru minn Franza sal-Finlandja u assenjathom lil B mingħajr ħlas sabiex dan tal-aħħar jużahom, l-akkwisti kontenzjużi ma jistgħux ikunu eżenti mill-VAT. |
21 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Korkein hallinto-oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
22 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk il-kunċett ta’ “joperaw għall-ħlas [għal remunerazzjoni] fuq rotot internazzjonali”, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss il-vjaġġi fuq rotot tal-linji regolari jew ukoll it-titjiriet nolleġġati, sabiex jaqdu d-domanda ta’ impriżi u ta’ individwi. |
23 |
Id-dubji li ħasset il-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward jidher li huma marbuta mal-eżistenza ta’ ċerti differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni. Fl-osservazzjonijiet tagħha, A tenfasizza, f’dan ir-rigward, li wħud minn dawn il-verżjonijiet lingwistiċi, bħall-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża jew Svediża, jirreferu fil-fatt għar-“rotot internazzjonali” jew għal-“linji tal-ajru internazzjonali” iktar milli għall-“joperaw għall-ħlas [għal remunerazzjoni] fuq rotot internazzjonali”, espressjoni li tista’ tidher iktar ġenerika u li hija utilizzata f’ħafna mill-verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-dispożizzjoni, u b’mod partikolari fil-verżjoni tagħha fil-lingwa Finlandiża. |
24 |
F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tqis id-differenza possibbli li teżisti bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ din (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, Cimber Air, C-382/02, Ġabra p. I-8379, punt 38). |
25 |
F’dan il-każ, hemm madankollu lok li jiġi kkonstatat li d-differenzi fil-formulazzjoni stabbiliti fil-punt 23 tal-kawża preżenti ma jistgħux iwasslu għall-kunsiderazzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien maħsub li jeskludi t-titjiriet internazzjonali nolleġġjati mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni stabbilita fil-punt 6 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva. |
26 |
Fuq pjan strettament testwali, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-kliem “rotot internazzjonali” jew “linji tal-ajru internazzjonali” li jinsabu f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi ma huma s-suġġett tal-ebda definizzjoni fis-Sitt Direttiva u ma humiex akkumpanjati, kif kien irrilevat mill-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Finlandiż, minn ebda dettall li għandu tendenza li jindika li t-titjiriet inkwistjoni għandhom ikunu ta’ natura “regolari”. Taħt dawn il-kundizzjonijiet, tali termini jistgħu, bħall-frażi “vjaġġi fuq rotot internazzjonali” użata fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, tinftiehem bħala li tfisser, essenzjalment, titjiriet permezz ta’ inġenju tal-ajru bejn żewġ punti ġeografiċi li jagħtu lit-trasport inkwistjoni natura internazzjonali iktar milli interna. Kif enfasizzat qabel il-Qorti tal-Ġustizzja, il-punt 6 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva huwa intiż, essenzjalment, għall-kumpanniji li l-attività tagħhom hija prinċipalment internazzjonali (sentenza Cimber Air, iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 u 28). |
27 |
Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni bħal dik inkwistjoni, ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 1990, Velker International Oil Company, C-185/89, Ġabra p. I-2561, punt 17, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, Feltgen u Bacino Charter Company, C-116/10, Ġabra p. I-14187, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
Issa, la l-kuntest li fih jinsab il-punt 6 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva u lanqas l-iskop ta’ din id-dispożizzjoni ma huma tali li jordnaw li l-inġenji tal-ajru użati minn kumpanniji li joperaw prinċipalment fuq titjiriet charter internazzjonali huma esklużi mill-kamp tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni li hija tistabbilixxi. |
29 |
Fir-rigward tal-iskop ta’ din id-dispożizzjoni, din hija intiża li teżenta l-provvista ta’ inġenji tal-ajru meta huma maħsuba essenzjalment biex jintużaw għall-vjaġġi fuq rotot internazzjonali, jiġifieri fil-kuntest ta’ titjiriet li jisselfu spazji li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ diversi Stati kif ukoll, jekk ikun il-każ, ta’ spazji internazzjonali. |
30 |
Fid-dawl ta’ dan il-għan, ma jidhirx li huwa meħtieġ li ssir distinzjoni skont jekk it-trasport bl-ajru internazzjonali jitwettaqx b’titjiriet regolari jew b’titjiriet charter. |
31 |
Fir-rigward tal-kuntest li fih jinsab il-punt 6 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom ikunu ssostitwiti fil-kuntest ġenerali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilit b’din id-direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Cimber Air, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23, u tat-18 ta’ Ottubru 2007, Navicon, C-97/06, Ġabra p. I-8755, punt 20). |
32 |
Issa, din is-sistema hija bbażata b’mod partikolari fuq il-prinċipju tan-newtralità fiskali, li jipprekludi li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess tranżazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod differenti għal dak li jirrigwarda l-ġbir tal-VAT (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Cimber Air, punt 24, u Navicon, punt 21). Tali prinċipju ma jirrikjedix li t-tranżazzjonijiet ikunu identiċi. Fil-fatt jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-imsemmi prinċipju jipprekludi li prestazzjonijiet ta’ servizzi simili, li huma għalhekk f’kompetizzjoni ma’ xulxin, jiġu ttrattati b’mod differenti mil-lat tal-VAT (ara b’mod partikolari s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies, C-363/05, Ġabra p. I-5517, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jinkludi l-prinċipju tat-tneħħija ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw minn trattament differenti mil-lat tal-VAT. Għalhekk, id-distorsjoni hija stabbilita meta jiġi kkonstatat li prestazzjonijiet ta’ servizzi huma fi stat ta’ kompetizzjoni u huma ttrattati b’mod mhux ugwali mil-lat tal-VAT (ara s-sentenza JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
Issa, is-servizzi tat-trasport pprovduti minn operaturi li jwettqu essenzjalment titjiriet internazzjonali huma, fir-rigward kemm ta’ titjiriet regolari u/jew titjiriet nolleġġjati, simili u b’mod ċar f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni, b’tali mod li d-differenza fit-trattament f’termini ta’ eżenzjoni mill-VAT fuq il-provvisti ta’ inġenji tal-ajru li tiddependi fuq liema operatur jopera essenzjalment permezz ta’ titjiriet regolari internazzjonali jew essenzjalment permezz ta’ titjiriet charter internazzjonali tiġġenera riskji ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn dawn l-operaturi. |
35 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-termini “joperaw għall-ħlas [għal remunerazzjoni] fuq rotot internazzjonali”, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva, għandhom jiġi interpretat f’dan is-sens li jkopri wkoll it-titjiriet internazzjonali nolleġġjati, sabiex jaqdu d-domanda ta’ impriżi u ta’ individwi. |
Fuq it-tieni domanda
36 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-punt 6 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat f’dan is-sens li l-eżenzjoni li jipprovdi tapplikax għall-provvista ta’ inġenji tal-ajru lill-operatur li ma huwiex huwa stess “linji ta’ l-ajru li joperaw għall-ħlas [għal remunerazzjoni] prinċipalment fuq rotot internazzjonali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, iżda li jakkwista dan l-inġenju tal-ajru sabiex jintuża esklużivament minn din il-linja. |
37 |
F’dan id-dawl, għandu, l-ewwel nett, jiġi osservat li l-verżjoni fil-lingwa Finlandiża tal-imsemmi punt 6 tal-Artikolu 15 jirreferi għall-provvista ta’ inġenji tal-ajru “lil” linja tal-ajru li għal remunerazzjoni topera prinċipalment fuq rotot internazzjonali” |
38 |
Madankollu, il-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ din l-istess dispożizzjoni jirreferu, fil-każ tagħhom, għall-provvisti ta’ inġenji tal-ajru “użati minn” tali linja. |
39 |
Kif diġà tfakkar fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandha, fil-prinċipju, tieħu kont tad-differenzi lingwistiċi hekk osservati. |
40 |
It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-punt 6 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva, fis-sens li jitpoġġa enfasi mhux fuq l-identità tal-benefiċjarju tal-provvista jew tal-proprjetarju tal-inġenju tal-ajru, iżda fuq iċ-ċirkustanza li l-inġenji tal-ajru li huma s-suġġetti tal-provvista għandhom ikunu “użati minn” linja tal-ajru li topera għal remunerazzjoni prinċipalment fuq rotot internazzjonali, dan ma jwassalx, bħala tali, li jeskludi mill-kamp tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni stabbilita minn din id-dispożizzjoni l-provvisti tal-inġenji tal-ajru lil operatur li jakkwista dawn esklużivament sabiex jintużaw minn din il-linja, pereżempju fil-kuntest tal-operat ta’ leasing. |
41 |
It-tielet nett, huwa importanti, kif kien diġà tfakkar fil-punt 27 ta’ din il-kawża, li jittieħed kont, għall-finijiet li jiġi interpretat punt 6 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva, mhux biss tat-termini ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet li hija qed issegwi. |
42 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-għan segwit, diġà ġie indikat, fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, li huwa jikkonsisti fl-eżenzjoni mill-VAT tal-provvista ta’ inġenji tal-ajru meta huma maħsuba essenzjalment sabiex jintużaw għall-finijiet ta’ vjaġġi fuq rotot internazzjonali, jiġifieri fil-kuntest ta’ titjiriet li jisselfu spazji li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ diversi Stati kif ukoll, jekk il-każ, ta’ spazji internazzjonali. |
43 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan il-għan huwa tali li jwassal għal interpretazzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva li l-kundizzjoni sabiex provvista ta’ inġenju tal-ajru tibbenefika mill-eżenzjoni li tipprovdi din id-dispożizzjoni li l-imsemmi inġenju tal-ajru huwa ddestinat li jintuża minn linja li l-essenzjali tal-attivitajiet tagħha jiżvolġi fil-vjaġġi fuq rotot internazzjonali għal remunerazzjoni, mingħajr ma tkun importanti l-identità tax-xerrej innifsu. |
44 |
Għall-kuntrarju, hemm lok li jittieħed kont, f’dan l-aħħar rigward, tal-fatt li s-sottomissjoni tax-xerrej li jakkwista l-inġenju tal-ajru għall-ħlas tal-VAT fuq l-imsemmi akkwist, anki jekk dan iseħħ biss għall-użu tal-imsemmi inġenju tal-ajru minn linja li topera għal remunerazzjoni prinċipalment fuq rotot internazzjonali, ikun b’mod partikolari jista’ jwassal għal żieda tal-prezz li jitħallas minn din tal-aħħar sabiex tkun tista’ tipproċedi għal tali użu u li tagħmel ħsara, f’din il-miżura, għal dan il-għan. Fil-fatt, jista’ jitqies li x-xerrej tal-inġenju tal-ajru li jkollu jħallas VAT fuq il-prezz tal-bejgħ ta’ dan l-inġenju tal-ajru, bħala regola ġenerali, ser jgħaddi l-ispiża kollha jew parti minnha li tirriżulta mill-fatt li kellha titħallas il-VAT fuq il-linja utenti. |
45 |
F’każijiet bħal dawn, fil-fatt, u kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, minkejja l-fatt li x-xerrej tal-inġenju tal-ajru jista’, jekk ikun il-każ, sussegwentement jikseb tnaqqis ta’ din il-VAT jew jikseb rimbors taħt il-kundizzjonijiet preskritti mis-Sitt Direttiva, dan ma jbiddilx il-fatt li l-ispiża tal-finanzjament marbuta mal-ħlas bil-quddiem bi flus kontanti li tirriżulta b’hekk mill-ħlas tal-VAT, li l-ammont tiegħu jista’, f’dan il-każ, ikun b’mod partikolari għoli ser, sadanittant, ikun ta’ piż fuq l-imsemmi xerrej. |
46 |
Minn dan isegwi li, fil-miżura li għadha kif ġiet deskritta, in-nuqqas ta’ eżenzjoni tal-VAT fuq il-kunsinna tal-inġenju tal-ajru u l-ħlas ta’ dan tal-aħaħr mix-xerrej b’mod indirett ser ikun ta’ piż fuq il-linja li tuża l-imsemmi inġenju tal-ajru. |
47 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li fih jinsab il-punt 6 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva, diġà tfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza li l-eżenzjonijiet li stabbilit din id-dispożizzjoni jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jitqiegħdu fil-kuntest ġenerali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita mill-imsemmija direttiva. |
48 |
Din is-sistema hija bbażata, b’mod partikolari, fuq żewġ prinċipji. Min-naħa, il-VAT hija miġbura fuq kull provvista ta’ servizzi u fuq kull provvista ta’ oġġetti li ssir bi ħlas minn persuna taxxabbli. Min-naħa l-oħra, u kif tfakkar fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi b’mod partikolari li tranżazzjonijiet simili li huma f’kompetizzjoni ma’ xulxin jiġu ttrattati b’mod differenti mil-lat tal-VAT. |
49 |
Għalkemm, skont ġurisprudenza stabbilita, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, l-eżenzjonijiet stabbiliti skont l-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod strett peress li jikkostitwixxu deroga għall-prinċipju ġenerali li l-VAT għandha tinġabar fir-rigward ta’ kull provvista ta’ oġġetti u ta’ kull provvista ta’ servizzi li ssir bi ħlas minn persuna taxxabbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Velker International Oil Company, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19; Cimber Air, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25; tal-14 ta’ Settembru 2006, Elmeka, C-181/04 sa C-183/04, Ġabra p. I-8167, punt 15; Navicon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22, kif ukoll Feltgen u Bacino Charter Company, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19), din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx madankollu li t-termini użati fid-definizzjoni ta’ dawn l-eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod li jċaħħadhom mill-effetti tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Navicon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22). |
50 |
Issa, f’dan il-każ, minn naħa, kif dan ġie preċedentement enfasizzat, il-punt 6 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva huwa intiż, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tiegħu moqrija fid-dawl tal-għanijiet li ssegwi din id-dispożizzjoni, essenzjalment, li teżenta mill-VAT l-akkwisti ta’ inġenji tal-ajru meta dawn huma destinati li jintużaw minn linja essenzjalment attiva fil-vjaġġi fuq rotot internazzjonali għal remunerazzjoni. |
51 |
Min-naħa l-oħra, ma ġiex allegat u ma jidhirx li l-interpretazzjoni, li l-eżenzjoni prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva għandha wkoll tibbenefika l-provvista ta’ inġenju tal-ajru lil operatur li ma huwiex “linji ta’ l-ajru li joperaw għall-ħlas prinċipalment fuq rotot internazzjonali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, iżda li jakkwista dan l-inġenju tal-ajru għall-fini biss li jintuża minn din il-linja, hija tali li tippreġudika l-prinċipju ta’ newtralità fiskali. |
52 |
Madankollu, u kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jiġi eskluż a priori li l-interpretazzjoni opposta tista’, f’ċerti ċirkustanzi, iġġib tali preġudizzju. |
53 |
Barra minn hekk, għalkemm huwa ċertament veru li l-interpretazzjoni li saret fil-punt 51 ta’ din is-sentenza tista’ tidher li tvarja, sa ċertu punt, minn dik adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-eżenzjonijiet previsti fil-punti 4 u 8 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ forniment ta’ provvisti ta’ bastimenti jew għall-provvisti ta’ servizzi mwettqa għall-bżonnijiet diretti tal-imsemmija bastimenti (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Velker International Oil Company, punti 21 u 22, kif ukoll Elmeka, punti 22 u 24), hemm madankollu lok li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li traspożizzjoni tas-soluzzjonijiet adottati f’dawn is-sentenzi ma hijiex imposta fuq dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-punt 6 ta’ dan l-istess artikolu. |
54 |
Fil-fatt, kif jirriżulta, b’mod partikolari minn punti 23 sa 25 tas-sentenza Elmeka, iċċitata iktar ’il fuq, il-fatt li l-estensjoni tal-eżenzjoni prevista fil-punti 4 u 8 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva għall-istadji preċedenti għal dik tal-kunsinna ta’ oġġetti jew tal-provvista tas-servizzi finali li twettqu b’mod dirett għall-operatur tal-bastiment tkun ġiet eskluża mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn is-sentenzi kienet ibbażata, b’mod partikolari fuq il-kunsiderazzjoni li tali eżenzjoni kienet tirrikjedi mingħand l-Istati li huma jimplementaw mekkaniżmi ta’ kontroll u ta’ monitoraġġ sabiex tkun żgurata d-destinazzjoni aħħarija tal-oġġetti jew tas-servizzi inkwistjoni. Tali mekkaniżmi jirriżultaw, għall-imsemmija Stati u għall-operaturi kkonċernati, f’restrizzjonijiet irrikonċiljabbli mal-“applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijiet” preskritta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva (ara, ukoll, is-sentenza Velker International Oil Company, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24). |
55 |
Issa, kif osserva b’mod partikolari l-Avukat Ġenerali fil-punti 44 sa 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali kunsiderazzjonijiet ma humiex transferibbli għall-eżenzjoni tal-provvista ta’ inġenju tal-ajru lil operatur li għandu l-intenzjoni li dan jintuża esklużivament minn linja li topera għal remunerazzjoni prinċipalment fuq rotot internazzjonali. |
56 |
Fil-fatt, il-fatt li tissuġġetta, f’każijiet bħal dawn, l-eżenzjoni għaċ-ċirkustanza li din id-destinazzjoni hija magħrufa u debitament stabbilita fiż-żmien fejn iseħħ l-akkwist tal-inġenju tal-ajru u l-verifika sussegwenti tal-effettività tal-użu tal-imsemmi inġenju tal-ajru minn tali linja ma tidhirx tali, kont meħud tat-tip ta’ oġġett hawn inkwistjoni u, b’mod partikolari, tal-mekkaniżmi ta’ reġistrazzjoni u awtorizzazzjoni li għalihom huwa suġġett l-użu tiegħu, li tiġġenera, għall-Istati u għall-operaturi kkonċernati, restrizzjonijiet li huma irrikonċiljabbli mal-applikazzjoni korretta u ċara tal-eżenzjonijiet preskritti mis-Sitt Direttiva. |
57 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tieni domanda għandha tingħata risposta fis-sens li l-punt 6 tal-Artikolu 15 għandu jiġi interpretat f’dan is-sens li l-eżenzjoni li jipprovdi tapplika wkoll għall-kunsinna ta’ inġenju tal-ajru lill-operatur li ma huwiex huwa stess “linji ta’ l-ajru li joperaw għall-ħlas prinċipalment fuq rotot internazzjonali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, iżda li jakkwista dan l-inġenju tal-ajru sabiex jintuża esklużivament minn tali linja. |
Fuq it-tielet domanda
58 |
Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob jekk ir-risposta mogħtija lit-tieni domanda tista’ tkun influwenzata miċ-ċirkustanza li l-operatur li akkwista l-inġenju tal-ajru jgħaddi barra minn hekk l-ispejjeż li jikkorrispondu għall-użu ta’ dan lil individwu li huwa l-azzjonist tiegħu, u li dan juża dan l-inġenju tal-ajru prinċipalment għall-iskopijiet tiegħu, kummerċjali u/jew privati, fid-dawl tal-fatt li l-linja tal-ajru għandha wkoll il-possibbiltà li tużah għal titjiriet oħra. |
59 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ir-risposta mogħtija lit-tieni domanda, l-uniku kriterju li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk l-eżenzjoni prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva hijiex applikabbli jinsab fil-konstatazzjoni li l-inġenju tal-ajru inkwistjoni huwa użat minn linja tal-ajru li topera għal remunerazzjoni prinċipalment fuq rotot internazzjonali, u dan għandu jiġi evalwat mill-qorti nazzjonali. |
60 |
F’dan il-kuntest, iċ-ċirkustanzi msemmija mill-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda tagħha huma, konsegwentement, a priori irrilevanti għar-risposta tat-tieni domanda meta x-xerrej jista’ juri li dan il-kriterju ġie ċertament sodisfatt. |
61 |
Madankollu, jekk jirriżulta li, fil-kuntest ta’ reviżjoni ġenerali taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali inkwistjoni, il-qorti nazzjonali tqis li l-inġenji tal-ajru ma jkunux intiżi sabiex jintużaw ekonomikament mil-linja tal-ajru fil-kuntest ta’ vjaġġi fuq rotot internazzjonali, il-punt 6 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva ma jistax jiġi applikat. |
62 |
Għandu wkoll jitfakkar, kif enfasizza b’mod partikolari l-gvern Finlandiż fl-osservazzjonijiet tiegħu, li hija ġurisprudenza stabbilita li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tistax tinftiehem bħala li tkopri l-prattiki abbużivi ta’ operaturi ekonomiċi, jiġifieri t-tranżazzjonijiet li ma humiex imwettqa fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali normali, iżda biss bl-iskop li jibbenefikaw b’mod abbużiv mill-vantaġġi previsti mid-dritt tal-Unjoni u li tali prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiċi abbużivi japplika wkoll għall-qasam tal-VAT (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et, C-255/02, Ġabra p. I-1609, punti 69 u 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
63 |
Għalhekk, dan il-prinċipju jwassal sabiex jiġu pprojbiti skemi purament artifiċjali, nieqsa mir-realtà ekonomika, li jitwettqu bl-għan li jinkiseb vantaġġ fiskali (sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, Ampliscientifica u Amplifin, C-162/07, Ġabra p. I-4019, punt 28). |
64 |
Huwa għalhekk li, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva, l-eżistenza ta’ prattika abbużiva tista’ tiġi stabbilita meta, minn naħa, it-tranżazzjonijiet inkwistjoni, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din, ikollhom bħala riżultat li jiksbu vantaġġ fiskali li l-għoti tiegħu jkun kuntrarju għall-għan imfittex minn dawn id-dispożizzjonijiet u, min-naħa oħra, skont bosta elementi oġġettivi, l-iskop essenzjali tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni huwa li jinkiseb vantaġġ fiskali (ara s-sentenzi Halifax et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 74 u 75, kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2008, Part Service, C-425/06, Ġabra p. I-897, punt 42). |
65 |
Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, konformement mar-regoli fuq il-provi tad-dritt nazzjonali, u sakemm id-dritt Komunitarju ma jiġix ipprivat mill-effikaċja tiegħu, jekk fil-kawża prinċipali, jekk ikun il-każ, jeżistux l-elementi kostitwenti ta’ prattika abbużiva (ara s-sentenza Halifax et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76). |
66 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li ċ-ċirkustanzi msemmija mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-fatt li x-xerrej tal-inġenju tal-ajru jgħaddi, barra minn hekk, l-ispiża li tikkorrispondi għall-użu tiegħu lil individwu, li jkun l-azzjonist tiegħu, u li juża dan l-inġenju tal-ajru prinċipalment għall-iskopijiet tiegħu, kummerċjali u/jew privati, bil-linja tal-ajru jkollha wkoll il-possibbiltà li tużah għal titjiriet oħra, ma humiex tali li jbiddlu r-risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
67 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.