SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Frar 2013 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Artikoli 6 u 7 — Titjira b’konnessjoni(jiet) — Osservazzjoni ta’ dewmien fil-wasla fid-destinazzjoni finali — Żmien ta’ dewmien ugwali għal jew iktar minn tliet sigħat — Dritt tal-passiġġieri għal kumpens”

Fil-Kawża C-11/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Jannar 2011, fil-proċedura

Air France SA

vs

Heinz-Gerke Folkerts,

Luz-Tereza Folkerts,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, viċi-President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, J. Malenovský (Relatur), M. Berger, E. Jarašiūnas, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, U. Lõhmus, A. Prechal, C. G. Fernlund, J. L. da Cruz Vilaça u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Aleksejev, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Air France SA, minn G. Toussaint, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Kemper, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u M. Perrot, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent, assistit minn D. Beard, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Simonsson u K.-P. Wojcik, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Air France SA (iktar ’il quddiem “Air France”) u H.-G. u L.-T. Folkerts, peress li din tal-aħħar kellha prenotazzjoni sabiex tmur minn Bremen (il-Ġermanja) sa Asunción (il-Paragwaj), b’konnessjoni f’Pariġi (Franza) u f’São Paulo (il-Brażil), dwar il-kumpens għad-danni li hija tallega li sofriet b’riżultat tad-dewmien li bih hija waslet fid-destinazzjoni finali tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (Konvenzjoni ta’ Montreal), konkluża f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999, ġiet iffirmata mill-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 1999 u approvata f’isimha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491).

4

L-Artikoli 17 sa 37 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jifformaw il-Kapitolu III tagħha, li huwa intitolat “Ir-Responsabbiltà tat-trasportatur u l-estent tal-kumpens għad-danni”.

5

L-Artikolu 19 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Dewmien”, jiddisponi:

“It-trasportatur huwa responsabbli għal dannu kkaġunat minn dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, il-bagaliji jew il-merkanzija. Madanakollu, it-trasportatur m’għandux ikun responsabbli għad-danni kkawżati bid-dewmien jekk jidher illi t-trasport u s-servjenti u l-aġenti tiegħu ħadu l-miżuri kollha li setgħu jintalbu raġjonevolment sabiex jevitaw id-dannu jew li kien impossibbli għalihom li jieħdu dawn il-miżuri.”

6

L-Artikolu 22(1) tal-imsemmija konvenzjoni jillimita r-responsabbiltà tat-trasportatur, meta din tirriżulta minn dannu subit minn passiġġieri b’riżultat ta’ dewmien, għas-somma ta’ 4150 drittijiet speċjali tal-ġbid għal kull passiġġier.

Id-dritt tal-Unjoni

7

Il-premessi 1 sa 4 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdu:

“(1)

Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2)

Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

(3)

Filwaqt li r-Regolament tal-Konsill (KEE) Nru 295/91 ta’ l-4 ta’ Frar 1991 li jistabbilixxi regoli komuni għal sistema ta’ kumpens għal meta ma jitħallewx jitilgħu f’trasport permezz ta’ l-ajru skedat [(Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 306)] ħoloq protezzjoni bażika għal passiġġieri, in-numru ta’ passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom tibqa’ għolja wisq, bħalma tibqa’ dik affettwata minn kanċellazzjonijiet mingħajr notifika minn qabel u dik affettwata minn dewmien twal.

(4)

Il-Komunitá għandha għalhekk togħla [tgħolli] l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti minn dak ir-Regolament kemm biex issaħħaħ id-drittijiet ta’ passiġġieri u biex tassigura li trasportaturi ta’ l-ajru jaħdmu taħt kondizzjonijiet armonizzati f’suq illiberalizzat.

[…]

(15)

Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

8

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Soġġett” jiddisponi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi, taħt il-kondizzjonijiet speċifikati hawnhekk, drittijiet minimi għal passiġġieri meta:

(a)

ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom;

(b)

it-titjira tagħhom hi kkanċellata;

(ċ)

it-titjira tagħhom hi mdewma.”

9

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

h)

‘destinazzjoni finali’ ifisser id-destinazzjoni fuq il-biljett ippreżentat fil-post taċ-check-in jew, fil-każ ta’ titjiriet konnessi direttament, id-destinazzjoni ta’ l-aħħar titjira; titjiriet konnessi alternattivi li qegħdin għad-dispożizzjoni m’għandhomx jiġu meħudin in konsiderazzjoni jekk il-ħin oriġinali tal-wasla hu mħares;

[…]”

10

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004 intitolat “Kanċellazzjoni” jipprovdi:

“1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

(a)

jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8; u

(b)

jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 9(1)(a) u 9(2), kif ukoll, fil-każ ta’ għemil ta’ rotta differenti meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira ġdida hu mill-inqas il-ġurnata wara t-tluq kif kien ippjanat għat-titjira kkanċellata, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

(ċ)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

(i)

huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

(ii)

huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

(iii)

huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

[…]

3.   Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

[…]”

11

L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dewmien”, jipprovdi dan li ġej:

“Meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li titjira tiġi mdewma lil hin mil-ħin tat-tluq tagħha skedat:

(a)

għal sagħtejn jew aktar, fil-każ ta’ titjiriet ta’ 1500 kilometru jew inqas; jew

(b)

għal tlett sigħat jew aktar, fil-każ tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru; jew

(ċ)

għal erba’ sigħat jew aktar, fil-każ tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

passiġġieri għandhom jiġu offruti mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera:

(i)

l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(a) u 9(2); u

(ii)

meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni hu mill-inqas il-ġurnata wara l-ħin tat-tluq li kien imħabbar qabel, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

(iii)

meta d-dewmien hu ta’ mill-inqas ħames sigħat, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 8(1)(a).

2.   Fi kwalunkwe każ, l-assistenza għandha tiġi offruta fil-limiti tal-ħin stabbiliti hawn fuq fir-rigward ta’ kull parentesi ta’ distanza.”

12

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għall-kumpens” jiddisponi:

“1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a)

EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

(b)

EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru:

(ċ)

EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.

2.   Meta passiġġieri huma offruti possibiliá oħra biex jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom fuq titjira alternattiva skond l-Artikolu 8, il-ħin tal-wasla ta’ liema ma taqbiżx il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rreġistrata oriġinarjament

(a)

b’sagħtejn, fir-rigward tat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas; jew

(b)

b’tlett sigħat, fir-rigward tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru; jew

(ċ)

b’erba’ sigħat, fir-rigward tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera jista’ jnaqqas il-kumpens previst fil-paragrafu 1 bi 50 %.

[…]”

13

L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għar-rimbors jew rotta differenti” jipprovdi dan li ġej:

“1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:

(a)

rimbors fi żmien sebat ijiem, permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), tal-prezz sħiħ tal-biljett bil-prezz b’liema ġie mixtri, għall-parti jew partijiet tal-vjaġġ li ma ġewx magħmulin, u għall-parti jew partijiet li diġá ġew magħmulin jekk it-titjira m’għadhiex qed taqdi kwalunkwe skop fir-rigward tal-pjan ta’ vjaġġ oriġinali tal-passiġġier, flimkien ma’, meta rilevanti,

titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq, ma’ l-ewwel opportunitá;

(b)

rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom ma’ l-ewwel opportunitá; jew

(ċ)

rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom f’data aktar tard skond il-konvenjenza tal-passiġġier, soġġett għall-postijiet li qegħdin għad-dispożizzjoni.

[…]”

14

L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Id-dritt li ħsieb tal-passiġġieri jiġi meħud” jipprovdi dan li ġej:

“1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas:

(a)

ikliet u ħwejjeġ oħra ta’ xorb u ta’ ikel b’konnessjoni raġonevoli mal-ħin li għandhom jistennew;

(b)

akkomodazzjoni f’lukanda f’każijiet:

fejn isir meħtieġ li joqogħdu għal lejl waħda jew aktar, jew

fejn isir meħtieġ li l-passiġġier ikollu joqgħod għal żmien addizzjonali għal dak maħsub minnu;

(ċ)

trasport bejn l-ajruport u l-post ta’ l-akkomodazzjoni (il-lukanda jew post ieħor).

2.   Barra minn dan, passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas żewġ sejħiet bit-telefon, telex jew messaġġi bil-fax, jew e-mails.

3.   Fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu jagħti attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta’ persuni li għandhom mobbilitá mnaqqsa u kwalunkwe persuni li qegħdin magħhom, kif ukoll għall-ħtiġijiet ta’ tfal li qegħdin waħedhom.”

15

L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għal rimedju”, jipprovdi:

“F’każijiet fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera jħallas kumpens jew jilħaq l-obbligazzjonijiet oħra li għandu d-dmir iwettaq taħt dan ir-Regolament, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jista’ jiġi interpretat li jirrestrinġi d-dritt tiegħu li jfittex kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skond il-liġi applikabbli. Partikolarment, dan ir-Regolament m’għandu bl-ebda mod jirrestrinġi d-dritt tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera biex ifittex rimbors minn operatur tat-tour jew persuna oħra ma’ liema l-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt. B’mod simili, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tista’ tiġi interpretata li tirrestrinġi d-dritt ta’ operatur tat-tour jew ta’ parti terza, barra minn passiġġier, ma’ liema trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt, biex ifittex rimbors jew kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond il-liġijiet applikabbli rilevanti.”

Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

L.-T. Folkerts kellha prenotazzjoni sabiex tmur minn Bremen sa Asunción, b’konnessjoni f’Pariġi u f’São Paulo.

17

Skont il-pjan oriġinali skedat, l-ajruplan ta’ L.-T. Folkerts kellu jitlaq minn Bremen fis-16 ta’ Mejju 2006 fis-6:30 ta’ filgħodu u jasal Asunción, id-destinazzjoni finali tagħha, l-istess ġurnata fil-23:30 ta’ billejl.

18

It-titjira minn Bremen lejn Pariġi, operata mill-kumpannija Air France, ittardjat fit-tluq u l-ajruplan telaq biss ftit qabel id-disgħa ta’ filgħodu, jiġifieri b’dewmien ta’ madwar sagħtejn u nofs meta mqabbel mal-ħin tat-tluq skedat. L.-T. Folkerts, li, fit-tluq minn Bremen, kienet diġà mgħammra bil-karti tal-imbark tagħha għall-vjaġġ kollu, waslet Pariġi biss wara t-tluq tal-ajruplan tal-kumpannija Air France li kellha tassigura l-konnessjoni għal São Paulo. Air France ttrasferiet il-prenotazzjoni ta’ L.-T. Folkerts fuq titjira sussegwenti lejn São Paulo. Minħabba l-wasla tardiva tagħha f’São Paulo, L.-T. Folkerts tilfet il-konnessjoni tagħha għal Asunción skedata mill-bidu. B’hekk hija waslet f’Asunción biss fis-17 ta’ Mejju 2006 fl-10:30 ta’ filgħodu, jiġifieri b’dewmien ta’ ħdax-il siegħa meta mqabbel mal-ħin tal-wasla skedat inizjalment.

19

Fl-ewwel istanza, u wara fl-appell, il-kumpannija Air France ġiet ikkundannata tħallas id-danni lil L.-T. Folkerts, li jinkludu, b’mod partikolari, somma ta’ EUR 600 taħt l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004.

20

Air France ppreżentat appell fuq punt ta’ liġi quddiem il-Bundesgerichtshof.

21

Il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li d-destin tal-imsemmi appell jiddependi fuq jekk L.-T. Folkerts għandhiex, kontra Air France, dritt għal kumpens b’applikazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

22

Il-qorti tar-rinviju tqis, fil-fatt, li L.-T. Folkerts għandha dritt għal kumpens sa EUR 600 biss jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C-402/07 u C-432/07, Ġabra p. I-10923) — li rrikonoxxiet lill-passiġġier dritt għal kumpens b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 anki f’każ ta’ dewmien twil — japplika wkoll f’każ fejn ma kienx hemm dewmien meta mqabbel mal-ħin tat-tluq skedat, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, iżda fejn madankollu d-destinazzjoni finali ntlaħqet b’dewmien ugwali għal jew iktar minn tliet sigħat meta mqabbel mal-ħin tal-wasla inizjali skedat.

23

Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni dwar jekk id-dritt għal kumpens invokat mill-konvenuta huwiex fondat jiddependi mill-punt jekk huwiex possibbli li wieħed jirrikorri għall-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 anki jekk ma kien hemm ebda dewmien fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ dan l-istess regolament. Fil-fatt, skont il-Bundesgerichtshof, il-motivazzjoni tas-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk hija biss l-importanza tad-dewmien ikkonstatat mal-wasla fid-destinazzjoni finali li hija determinanti sabiex jitnissel dritt għal kumpens b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 jew inkella jekk dritt għal kumpens minħabba dan id-dewmien jippreżumix, barra minn hekk, li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament jiġu sodisfatti, jiġifieri li t-titjira inkwistjoni diġà kellha dewmien fit-tluq fi proporzjonijiet li jeċċedu l-limiti definiti minn din id-dispożizzjoni.

24

Huwa f’dan il-kuntest li l-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Passaġġier ta’ titjira għandu d-dritt għal kumpens skont l-Artikolu 7 [tar-Regolament Nru 261/2004] f’każ ta’ dewmien fit-tluq iqsar mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 6(1) [ta’ dan] ir-regolament, iżda ta’ wasla fid-destinazzjoni finali b’dewmien ta’ għall-inqas tliet sigħat iktar mill-ħin tal-wasla skedat?

2)

F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

Sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm dewmien, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament [Nru 261/2004], f’każ ta’ titjira li tinvolvi diversi waqfiet, għandu jsir riferiment għall-waqfiet individwali jew għad-distanza sad-destinazzjoni finali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

25

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li kumpens huwa dovut, fuq il-bażi tal-imsemmi Artikolu, lill-passiġġier ta’ titjira b’konnessjonijiet li kellha dewmien fit-tluq iqsar mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, iżda li waslet fid-destinazzjoni finali tagħha b’dewmien ugwali għal jew iktar minn tliet sigħat mill-ħin tal-wasla skedat.

26

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 261/2004 għandu bħala għan, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tiegħu, li jingħataw drittijiet minimi lill-passiġġieri bl-ajru meta dawn tal-aħħar jiffaċċjaw tliet tipi ta’ sitwazzjonijiet distinti, jiġifieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom, it-titjira tagħhom tiġi kkanċellata u, fl-aħħar, it-titjira tagħhom tiġi mdewma.

27

Issa, mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 261/2004 iddedikat għad-dikjarazzjoni tad-definizzjonijiet ta’ portata trażversali, jirriżulta li, kuntrarjament għall-każ li ma jitħallewx jitilgħu u li t-titjira tagħhom tiġi kkanċellata, id-dewmien ta’ titjira ma huwa suġġett, min-naħa tiegħu, ta’ ebda definizzjoni fl-imsemmi artikolu.

28

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 261/2004 jikkunsidra żewġ sitwazzjonijiet differenti ta’ dewmien ta’ titjira.

29

Minn naħa, f’ċerti kuntesti, bħal dak ta’ dewmien ta’ titjira previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004, l-imsemmi regolament jagħmel riferiment biss għal dewmien ta’ titjira meta mqabbel mal-ħin tat-tluq skedat.

30

Min-naħa l-oħra, f’kuntesti oħra, ir-Regolament Nru 261/2004 jittratta s-sitwazzjoni ta’ dewmien ta’ titjira kkonstatat mal-wasla fid-destinazzjoni finali. Għalhekk, fl-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004, il-leġiżlatur tal-Unjoni jiġbed konsegwenzi ġuridiċi mill-fatt li l-passiġġieri li t-titjira tagħhom ġiet ikkanċellata u li lilhom it-trasportatur bl-ajru jipproponi rotta differenti, jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom b’ċertu dewmien meta mqabbel mal-ħin tal-wasla skedat tat-titjira kkanċellata.

31

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-riferiment, fir-Regolament Nru 261/2004, għal sitwazzjonijiet differenti ta’ dewmien huwa kompatibbli mal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, li jagħmel parti integrali tal-ordni ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 36 kif ukoll tas-6 ta’ Mejju 2010, Walz, C-63/09, Ġabra p. I-4239, punti 19 u 20). Fil-fatt, dan l-artikolu jagħmel riferiment għall-kunċett ta’ “dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri” mingħajr ma jippreċiża f’liema stadju ta’ dan it-trasport għandu jiġi kkonstatat id-dewmien inkwistjoni.

32

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta jgħaddu minn dewmien twil, jiġifieri żmien ugwali għal jew iktar minn tliet sigħat, il-passiġġieri tat-titjiriet imdewma għandhom, bħall-passiġġieri li t-titjira inizjali tagħhom ġiet ikkanċellata u li għalihom it-trasportatur bl-ajru ma huwiex f’pożizzjoni li jipproponi rotta differenti fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004, dritt għal kumpens fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, minħabba li huma għaddew minn telf ta’ ħin irriversibbli u, għalhekk, minn skumdità simili (ara s-sentenzi Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 60 u 61, kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C-581/10 u C-629/10, punti 34 u 40).

33

Filwaqt li din l-inkonvenjenza timmaterjalizza, għal dak li jikkonċerna t-titjiriet imdewma, mal-wasla fid-destinazzjoni finali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dewmien għandu jkun evalwat, għall-finijiet tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, fid-dawl tal-ħin tal-wasla skedat f’din id-destinazzjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Sturgeon et, punt 61, kif ukoll Nelson et, punt 40).

34

Issa, il-kunċett ta’ “destinazzjoni finali” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(h) tar-Regolament Nru 261/2004 bħala d-destinazzjoni msemmija fuq il-biljett ippreżentat fil-post taċ-check-in jew, fil-każ ta’ titjiriet b’konnessjonijiet, id-destinazzjoni tal-aħħar titjira.

35

Minn dan jirriżulta li, fil-każ ta’ titjira b’konnessjonijiet diretti, għall-finijiet tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, jgħodd biss id-dewmien ikkonstatat meta mqabbel mal-ħin tal-wasla skedat fid-destinazzjoni finali, mifhum bħala d-destinazzjoni tal-aħħar titjira li ttieħdet mill-passiġġier ikkonċernat.

36

Fit-tielet lok, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004, li jirreferi għad-dewmien ta’ titjira meta mqabbel mal-ħin tat-tluq skedat, huwa intiż, skont il-kliem tiegħu stess, biss sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li jiftħu dritt għall-għajnuna u ta’ teħid ta’ responsabbiltà, previsti, rispettivament, fl-Artikoli 8 u 9 tal-imsemmi regolament.

37

Minn dan jirriżulta li l-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa li għalih għandu dritt passiġġier, taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, meta t-titjira tiegħu tilħaq id-destinazzjoni finali tagħha b’dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar meta mqabbel mal-ħin tal-wasla skedat, ma huwiex suġġett għall-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament.

38

Bħala riżultat, iċ-ċirkustanza li titjira bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġietx affettwata b’dewmien, meta mqabbel mal-ħin tat-tluq skedat, li jeċċedi l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004, ma għandhiex impatt fuq l-obbligu tal-kumpanniji tal-ajru li jħallsu kumpens lill-passiġġieri ta’ din it-titjira, peress li dawn tal-aħħar ġew affettwati b’dewmien mal-wasla fid-destinazzjoni finali, ta’ żmien ugwali għal jew iktar minn tliet sigħat.

39

Is-soluzzjoni kuntrarja tkun tikkostitwixxi differenza fit-trattament mhux ġustifikata sa fejn din tkun titratta b’mod differenti lill-passiġġieri ta’ titjiriet li jgħaddu minn dewmien mal-wasla fid-destinazzjoni finali tagħhom ugwali għal jew iktar minn tliet sigħat meta mqabbel mal-ħin tat-tluq skedat, skont jekk id-dewmien tat-titjira tagħhom fil-konfront tal-ħin tat-tluq skedat ikunx qabeż, jew le, il-limiti ddikjarati fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004, u dan minkejja li l-iskumdità tagħhom marbuta ma’ telf ta’ ħin irriversibbli hija identika.

40

Fir-raba’ lok, waqt is-seduta ġiet evokata, b’mod partikolari mill-Kummissjoni Ewropea, ċerta data statistika dwar, minn naħa, il-parti sostanzjali ta’ titjiriet b’konnessjonijiet fit-trasport tal-passiġġieri fl-ispazju tal-ajru Ewropew u, min-naħa oħra, in-natura rikorrenti tad-dewmien, ta’ żmien ugwali għal jew iktar minn tliet sigħat, ikkonstatati mal-wasla fid-destinazzjoni finali, li jaffettwaw titjiriet bħal dawn u attribwibbli lil konnessjonijiet mitlufa mill-passiġġieri kkonċernati.

41

F’dan ir-rigward, huwa veru li l-obbligu li jiġu kkompensati l-passiġġieri tat-titjiriet inkwistjoni skont il-metodi ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa previsti fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 iwassal għal konsegwenzi finanzjarji onerużi għat-trasportaturi tal-ajru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nelson et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76).

42

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li dawn il-konsegwenzi finanzjarji ma jistgħux jitqiesu bħala sproporzjonati meta mqabbla mal-għan ta’ protezzjoni għolja għall-passiġġieri tal-ajru (sentenza Nelson et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76) u, min-naħa l-oħra, li l-limitu reali tal-imsemmija konsegwenzi finanzjarji jista’ jittaffa fid-dawl tat-tliet elementi segwenti.

43

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li t-trasportaturi tal-ajru ma humiex obbligati jħallsu l-imsemmi kumpens jekk ikunu f’pożizzjoni li juru li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil huma dovuti għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati minkejja li ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli, jiġifieri ċirkustanzi li fuqhom it-trasportatur tal-ajru ma għandux kontroll effettiv (sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C-549/07, Ġabra p. I-11061, punt 34, kif ukoll Nelson et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79).

44

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-obbligi imposti bir-Regolament Nru 261/2004 huma bla ħsara għall-fatt li dawn it-trasportaturi jitolbu kumpens mingħand kull persuna li kkawżat id-dewmien, inklużi terzi, kif stipulat fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament (sentenza Nelson et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80).

45

Barra minn hekk, l-ammont tal-kumpens, iffissat għal EUR 250, EUR 400 u EUR 600 skont id-distanza tat-titjiriet ikkonċernati jista’ jerġa jitnaqqas bin-nofs, skont l-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, meta d-dewmien jibqa’, għal titjira li ma taqax taħt l-Artikolu 7(2)(a) u (b) tar-Regolament imsemmi, taħt l-erba’ sigħat (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Sturgeon et, punt 63, kif ukoll Nelson et, punt 78).

46

Fl-aħħar, u f’kull każ, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-importanza li jgawdi minnha l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi, inklużi, konsegwentement, il-passiġġieri tal-ajru, jista’ jiġġustifika l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi ekonomiċi (sentenza Nelson et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpens huwa dovut, fuq il-bażi tal-imsemmi artikolu, lill-passiġġier ta’ titjira b’konnessjoni li kellu dewmien fit-tluq iqsar mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, iżda li wasal fid-destinazzjoni finali tiegħu b’dewmien ugwali għal jew iktar minn tliet sigħat mill-ħin tal-wasla skedat, minħabba li l-imsemmi kumpens ma huwiex suġġett għall-eżistenza ta’ dewmien fit-tluq u, konsegwentement, għall-osservanza tal-kundizzjonijiet iddikjarati fl-imsemmi Artikolu 6.

Fuq it-tieni domanda

48

Fid-dawl tar-risposta pożittiva mogħtija għall-ewwel domanda preliminari, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpens huwa dovut, fuq il-bażi tal-imsemmi artikolu, lill-passiġġier ta’ titjira b’konnessjoni li kellu dewmien fit-tluq iqsar mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, iżda li wasal fid-destinazzjoni finali tiegħu b’dewmien ugwali għal jew iktar minn tliet sigħat mill-ħin tal-wasla skedat, minħabba li l-imsemmi kumpens ma huwiex suġġett għall-eżistenza ta’ dewmien fit-tluq u, konsegwentement, għall-osservanza tal-kundizzjonijiet iddikjarati fl-imsemmi Artikolu 6.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawża C-11/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Jannar 2011, fil-proċedura

Air France SA

vs

Heinz-Gerke Folkerts,

Luz-Tereza Folkerts,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, viċi-President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, J. Malenovský (Relatur), M. Berger, E. Jarašiūnas, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, U. Lõhmus, A. Prechal, C. G. Fernlund, J. L. da Cruz Vilaça u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Aleksejev, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għall-Air France SA, minn G. Toussaint, avukat,

– għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Kemper, bħala aġent,

– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u M. Perrot, bħala aġenti,

– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli, avvocato dello Stato,

– għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent, assistit minn D. Beard, barrister,

– għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Simonsson u K.-P. Wojcik, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Air France SA (iktar ’il quddiem “Air France”) u H.-G. u L.-T. Folkerts, peress li din tal-aħħar kellha prenotazzjoni sabiex tmur minn Bremen (il-Ġermanja) sa Asunción (il-Paragwaj), b’konnessjoni f’Pariġi (Franza) u f’São Paulo (il-Brażil), dwar il-kumpens għad-danni li hija tallega li sofriet b’riżultat tad-dewmien li bih hija waslet fid-destinazzjoni finali tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3. Il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (Konvenzjoni ta’ Montreal), konkluża f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999, ġiet iffirmata mill-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 1999 u approvata f’isimha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491).

4. L-Artikoli 17 sa 37 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jifformaw il-Kapitolu III tagħha, li huwa intitolat “Ir-Responsabbiltà tat-trasportatur u l-estent tal-kumpens għad-danni”.

5. L-Artikolu 19 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Dewmien”, jiddisponi:

“It-trasportatur huwa responsabbli għal dannu kkaġunat minn dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, il-bagaliji jew il-merkanzija. Madanakollu, it-trasportatur m’għandux ikun responsabbli għad-danni kkawżati bid-dewmien jekk jidher illi t-trasport u s-servjenti u l-aġenti tiegħu ħadu l-miżuri kollha li setgħu jintalbu raġjonevolment sabiex jevitaw id-dannu jew li kien impossibbli għalihom li jieħdu dawn il-miżuri.”

6. L-Artikolu 22(1) tal-imsemmija konvenzjoni jillimita r-responsabbiltà tat-trasportatur, meta din tirriżulta minn dannu subit minn passiġġieri b’riżultat ta’ dewmien, għas-somma ta’ 4 150 drittijiet speċjali tal-ġbid għal kull passiġġier.

Id-dritt tal-Unjoni

7. Il-premessi 1 sa 4 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdu:

“(1) Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2) Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

(3) Filwaqt li r-Regolament tal-Konsill (KEE) Nru 295/91 ta’ l-4 ta’ Frar 1991 li jistabbilixxi regoli komuni għal sistema ta’ kumpens għal meta ma jitħallewx jitilgħu f’trasport permezz ta’ l-ajru skedat [(Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 306)] ħoloq protezzjoni bażika għal passiġġieri, in-numru ta’ passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom tibqa’ għolja wisq, bħalma tibqa’ dik affettwata minn kanċellazzjonijiet mingħajr notifika minn qabel u dik affettwata minn dewmien twal.

(4) Il-Komunitá għandha għalhekk togħla [tgħolli] l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti minn dak ir-Regolament kemm biex issaħħaħ id-drittijiet ta’ passiġġieri u biex tassigura li trasportaturi ta’ l-ajru jaħdmu taħt kondizzjonijiet armonizzati f’suq illiberalizzat.

[…]

(15) Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

8. L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Soġġett” jiddisponi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi, taħt il-kondizzjonijiet speċifikati hawnhekk, drittijiet minimi għal passiġġieri meta:

(a) ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom;

(b) it-titjira tagħhom hi kkanċellata;

(ċ) it-titjira tagħhom hi mdewma.”

9. Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

h) ‘destinazzjoni finali’ ifisser id-destinazzjoni fuq il-biljett ippreżentat fil-post taċ-check-in jew, fil-każ ta’ titjiriet konnessi direttament, id-destinazzjoni ta’ l-aħħar titjira; titjiriet konnessi alternattivi li qegħdin għad-dispożizzjoni m’għandhomx jiġu meħudin in konsiderazzjoni jekk il-ħin oriġinali tal-wasla hu mħares;

[…]”

10. L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004 intitolat “Kanċellazzjoni” jipprovdi:

“1. Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

(a) jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8; u

(b) jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 9(1)(a) u 9(2), kif ukoll, fil-każ ta’ għemil ta’ rotta differenti meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira ġdida hu mill-inqas il-ġurnata wara t-tluq kif kien ippjanat għat-titjira kkanċellata, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

(ċ) jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

(i) huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

(ii) huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

(iii) huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

[…]

3. Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

[…]”

11. L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dewmien”, jipprovdi dan li ġej:

“Meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li titjira tiġi mdewma lil hin mil-ħin tat-tluq tagħha skedat:

(a) għal sagħtejn jew aktar, fil-każ ta’ titjiriet ta’ 1500 kilometru jew inqas; jew

(b) għal tlett sigħat jew aktar, fil-każ tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru; jew

(ċ) għal erba’ sigħat jew aktar, fil-każ tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

passiġġieri għandhom jiġu offruti mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera:

(i) l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(a) u 9(2); u

(ii) meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni hu mill-inqas il-ġurnata wara l-ħin tat-tluq li kien imħabbar qabel, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

(iii) meta d-dewmien hu ta’ mill-inqas ħames sigħat, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 8(1)(a).

2. Fi kwalunkwe każ, l-assistenza għandha tiġi offruta fil-limiti tal-ħin stabbiliti hawn fuq fir-rigward ta’ kull parentesi ta’ distanza.”

12. L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għall-kumpens” jiddisponi:

“1. Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a) EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

(b) EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru:

(ċ) EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.

2. Meta passiġġieri huma offruti possibiliá oħra biex jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom fuq titjira alternattiva skond l-Artikolu 8, il-ħin tal-wasla ta’ liema ma taqbiżx il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rreġistrata oriġinarjament

(a) b’sagħtejn, fir-rigward tat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas; jew

(b) b’tlett sigħat, fir-rigward tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru; jew

(ċ) b’erba’ sigħat, fir-rigward tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera jista’ jnaqqas il-kumpens previst fil-paragrafu 1 bi 50 %.

[…]”

13. L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għar-rimbors jew rotta differenti” jipprovdi dan li ġej:

“1. Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:

(a) – rimbors fi żmien sebat ijiem, permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), tal-prezz sħiħ tal-biljett bil-prezz b’liema ġie mixtri, għall-parti jew partijiet tal-vjaġġ li ma ġewx magħmulin, u għall-parti jew partijiet li diġá ġew magħmulin jekk it-titjira m’għadhiex qed taqdi kwalunkwe skop fir-rigward tal-pjan ta’ vjaġġ oriġinali tal-passiġġier, flimkien ma’, meta rilevanti,

– titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq, ma’ l-ewwel opportunitá;

(b) rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom ma’ l-ewwel opportunitá; jew

(ċ) rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom f’data aktar tard skond il-konvenjenza tal-passiġġier, soġġett għall-postijiet li qegħdin għad-dispożizzjoni.

[…]”

14. L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Id-dritt li ħsieb tal-passiġġieri jiġi meħud” jipprovdi dan li ġej:

“1. Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas:

(a) ikliet u ħwejjeġ oħra ta’ xorb u ta’ ikel b’konnessjoni raġonevoli mal-ħin li għandhom jistennew;

(b) akkomodazzjoni f’lukanda f’każijiet:

– fejn isir meħtieġ li joqogħdu għal lejl waħda jew aktar, jew

– fejn isir meħtieġ li l-passiġġier ikollu joqgħod għal żmien addizzjonali għal dak maħsub minnu;

(ċ) trasport bejn l-ajruport u l-post ta’ l-akkomodazzjoni (il-lukanda jew post ieħor).

2. Barra minn dan, passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas żewġ sejħiet bit-telefon, telex jew messaġġi bil-fax, jew e-mails.

3. Fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu jagħti attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta’ persuni li għandhom mobbilitá mnaqqsa u kwalunkwe persuni li qegħdin magħhom, kif ukoll għall-ħtiġijiet ta’ tfal li qegħdin waħedhom.”

15. L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għal rimedju”, jipprovdi:

“F’każijiet fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera jħallas kumpens jew jilħaq l-obbligazzjonijiet oħra li għandu d-dmir iwettaq taħt dan ir-Regolament, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jista’ jiġi interpretat li jirrestrinġi d-dritt tiegħu li jfittex kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skond il-liġi applikabbli. Partikolarment, dan ir-Regolament m’għandu bl-ebda mod jirrestrinġi d-dritt tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera biex ifittex rimbors minn operatur tat-tour jew persuna oħra ma’ liema l-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt. B’mod simili, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tista’ tiġi interpretata li tirrestrinġi d-dritt ta’ operatur tat-tour jew ta’ parti terza, barra minn passiġġier, ma’ liema trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt, biex ifittex rimbors jew kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond il-liġijiet applikabbli rilevanti.”

Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16. L.-T. Folkerts kellha prenotazzjoni sabiex tmur minn Bremen sa Asunción, b’konnessjoni f’Pariġi u f’São Paulo.

17. Skont il-pjan oriġinali skedat, l-ajruplan ta’ L.-T. Folkerts kellu jitlaq minn Bremen fis-16 ta’ Mejju 2006 fis-6:30 ta’ filgħodu u jasal Asunción, id-destinazzjoni finali tagħha, l-istess ġurnata fil-23:30 ta’ billejl.

18. It-titjira minn Bremen lejn Pariġi, operata mill-kumpannija Air France, ittardjat fit-tluq u l-ajruplan telaq biss ftit qabel id-disgħa ta’ filgħodu, jiġifieri b’dewmien ta’ madwar sagħtejn u nofs meta mqabbel mal-ħin tat-tluq skedat. L.-T. Folkerts, li, fit-tluq minn Bremen, kienet diġà mgħammra bil-karti tal-imbark tagħha għall-vjaġġ kollu, waslet Pariġi biss wara t-tluq tal-ajruplan tal-kumpannija Air France li kellha tassigura l-konnessjoni għal São Paulo. Air France ttrasferiet il-prenotazzjoni ta’ L.-T. Folkerts fuq titjira sussegwenti lejn São Paulo. Minħabba l-wasla tardiva tagħha f’São Paulo, L.-T. Folkerts tilfet il-konnessjoni tagħha għal Asunción skedata mill-bidu. B’hekk hija waslet f’Asunción biss fis-17 ta’ Mejju 2006 fl-10:30 ta’ filgħodu, jiġifieri b’dewmien ta’ ħdax-il siegħa meta mqabbel mal-ħin tal-wasla skedat inizjalment.

19. Fl-ewwel istanza, u wara fl-appell, il-kumpannija Air France ġiet ikkundannata tħallas id-danni lil L.-T. Folkerts, li jinkludu, b’mod partikolari, somma ta’ EUR 600 taħt l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004.

20. Air France ppreżentat appell fuq punt ta’ liġi quddiem il-Bundesgerichtshof.

21. Il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li d-destin tal-imsemmi appell jiddependi fuq jekk L.-T. Folkerts għandhiex, kontra Air France, dritt għal kumpens b’applikazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

22. Il-qorti tar-rinviju tqis, fil-fatt, li L.-T. Folkerts għandha dritt għal kumpens sa EUR 600 biss jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et , C-402/07 u C-432/07, Ġabra p. I-10923) — li rrikonoxxiet lill-passiġġier dritt għal kumpens b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 anki f’każ ta’ dewmien twil — japplika wkoll f’każ fejn ma kienx hemm dewmien meta mqabbel mal-ħin tat-tluq skedat, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, iżda fejn madankollu d-destinazzjoni finali ntlaħqet b’dewmien ugwali għal jew iktar minn tliet sigħat meta mqabbel mal-ħin tal-wasla inizjali skedat.

23. Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni dwar jekk id-dritt għal kumpens invokat mill-konvenuta huwiex fondat jiddependi mill-punt jekk huwiex possibbli li wieħed jirrikorri għall-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 anki jekk ma kien hemm ebda dewmien fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ dan l-istess regolament. Fil-fatt, skont il-Bundesgerichtshof, il-motivazzjoni tas-sentenza Sturgeon et , iċċitata iktar ’il fuq, ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk hija biss l-importanza tad-dewmien ikkonstatat mal-wasla fid-destinazzjoni finali li hija determinanti sabiex jitnissel dritt għal kumpens b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 jew inkella jekk dritt għal kumpens minħabba dan id-dewmien jippreżumix, barra minn hekk, li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament jiġu sodisfatti, jiġifieri li t-titjira inkwistjoni diġà kellha dewmien fit-tluq fi proporzjonijiet li jeċċedu l-limiti definiti minn din id-dispożizzjoni.

24. Huwa f’dan il-kuntest li l-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1) Passaġġier ta’ titjira għandu d-dritt għal kumpens skont l-Artikolu 7 [tar-Regolament Nru 261/2004] f’każ ta’ dewmien fit-tluq iqsar mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 6(1) [ta’ dan] ir-regolament, iżda ta’ wasla fid-destinazzjoni finali b’dewmien ta’ għall-inqas tliet sigħat iktar mill-ħin tal-wasla skedat?

2) F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

Sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm dewmien, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament [Nru 261/2004], f’każ ta’ titjira li tinvolvi diversi waqfiet, għandu jsir riferiment għall-waqfiet individwali jew għad-distanza sad-destinazzjoni finali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

25. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li kumpens huwa dovut, fuq il-bażi tal-imsemmi Artikolu, lill-passiġġier ta’ titjira b’konnessjonijiet li kellha dewmien fit-tluq iqsar mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, iżda li waslet fid-destinazzjoni finali tagħha b’dewmien ugwali għal jew iktar minn tliet sigħat mill-ħin tal-wasla skedat.

26. Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 261/2004 għandu bħala għan, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tiegħu, li jingħataw drittijiet minimi lill-passiġġieri bl-ajru meta dawn tal-aħħar jiffaċċjaw tliet tipi ta’ sitwazzjonijiet distinti, jiġifieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom, it-titjira tagħhom tiġi kkanċellata u, fl-aħħar, it-titjira tagħhom tiġi mdewma.

27. Issa, mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 261/2004 iddedikat għad-dikjarazzjoni tad-definizzjonijiet ta’ portata trażversali, jirriżulta li, kuntrarjament għall-każ li ma jitħallewx jitilgħu u li t-titjira tagħhom tiġi kkanċellata, id-dewmien ta’ titjira ma huwa suġġett, min-naħa tiegħu, ta’ ebda definizzjoni fl-imsemmi artikolu.

28. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 261/2004 jikkunsidra żewġ sitwazzjonijiet differenti ta’ dewmien ta’ titjira.

29. Minn naħa, f’ċerti kuntesti, bħal dak ta’ dewmien ta’ titjira previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004, l-imsemmi regolament jagħmel riferiment biss għal dewmien ta’ titjira meta mqabbel mal-ħin tat-tluq skedat.

30. Min-naħa l-oħra, f’kuntesti oħra, ir-Regolament Nru 261/2004 jittratta s-sitwazzjoni ta’ dewmien ta’ titjira kkonstatat mal-wasla fid-destinazzjoni finali. Għalhekk, fl-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004, il-leġiżlatur tal-Unjoni jiġbed konsegwenzi ġuridiċi mill-fatt li l-passiġġieri li t-titjira tagħhom ġiet ikkanċellata u li lilhom it-trasportatur bl-ajru jipproponi rotta differenti, jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom b’ċertu dewmien meta mqabbel mal-ħin tal-wasla skedat tat-titjira kkanċellata.

31. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-riferiment, fir-Regolament Nru 261/2004, għal sitwazzjonijiet differenti ta’ dewmien huwa kompatibbli mal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, li jagħmel parti integrali tal-ordni ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 36 kif ukoll tas-6 ta’ Mejju 2010, Walz, C-63/09, Ġabra p. I-4239, punti 19 u 20). Fil-fatt, dan l-artikolu jagħmel riferiment għall-kunċett ta’ “dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri” mingħajr ma jippreċiża f’liema stadju ta’ dan it-trasport għandu jiġi kkonstatat id-dewmien inkwistjoni.

32. Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta jgħaddu minn dewmien twil, jiġifieri żmien ugwali għal jew iktar minn tliet sigħat, il-passiġġieri tat-titjiriet imdewma għandhom, bħall-passiġġieri li t-titjira inizjali tagħhom ġiet ikkanċellata u li għalihom it-trasportatur bl-ajru ma huwiex f’pożizzjoni li jipproponi rotta differenti fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004, dritt għal kumpens fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, minħabba li huma għaddew minn telf ta’ ħin irriversibbli u, għalhekk, minn skumdità simili (ara s-sentenzi Sturgeon et , iċċitata iktar ’il fuq, punti 60 u 61, kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et , C-581/10 u C-629/10, punti 34 u 40).

33. Filwaqt li din l-inkonvenjenza timmaterjalizza, għal dak li jikkonċerna t-titjiriet imdewma, mal-wasla fid-destinazzjoni finali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dewmien għandu jkun evalwat, għall-finijiet tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, fid-dawl tal-ħin tal-wasla skedat f’din id-destinazzjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Sturgeon et , punt 61, kif ukoll Nelson et , punt 40).

34. Issa, il-kunċett ta’ “destinazzjoni finali” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(h) tar-Regolament Nru 261/2004 bħala d-destinazzjoni msemmija fuq il-biljett ippreżentat fil-post taċ-check-in jew, fil-każ ta’ titjiriet b’konnessjonijiet, id-destinazzjoni tal-aħħar titjira.

35. Minn dan jirriżulta li, fil-każ ta’ titjira b’konnessjonijiet diretti, għall-finijiet tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, jgħodd biss id-dewmien ikkonstatat meta mqabbel mal-ħin tal-wasla skedat fid-destinazzjoni finali, mifhum bħala d-destinazzjoni tal-aħħar titjira li ttieħdet mill-passiġġier ikkonċernat.

36. Fit-tielet lok, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004, li jirreferi għad-dewmien ta’ titjira meta mqabbel mal-ħin tat-tluq skedat, huwa intiż, skont il-kliem tiegħu stess, biss sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li jiftħu dritt għall-għajnuna u ta’ teħid ta’ responsabbiltà, previsti, rispettivament, fl-Artikoli 8 u 9 tal-imsemmi regolament.

37. Minn dan jirriżulta li l-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa li għalih għandu dritt passiġġier, taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, meta t-titjira tiegħu tilħaq id-destinazzjoni finali tagħha b’dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar meta mqabbel mal-ħin tal-wasla skedat, ma huwiex suġġett għall-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament.

38. Bħala riżultat, iċ-ċirkustanza li titjira bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġietx affettwata b’dewmien, meta mqabbel mal-ħin tat-tluq skedat, li jeċċedi l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004, ma għandhiex impatt fuq l-obbligu tal-kumpanniji tal-ajru li jħallsu kumpens lill-passiġġieri ta’ din it-titjira, peress li dawn tal-aħħar ġew affettwati b’dewmien mal-wasla fid-destinazzjoni finali, ta’ żmien ugwali għal jew iktar minn tliet sigħat.

39. Is-soluzzjoni kuntrarja tkun tikkostitwixxi differenza fit-trattament mhux ġustifikata sa fejn din tkun titratta b’mod differenti lill-passiġġieri ta’ titjiriet li jgħaddu minn dewmien mal-wasla fid-destinazzjoni finali tagħhom ugwali għal jew iktar minn tliet sigħat meta mqabbel mal-ħin tat-tluq skedat, skont jekk id-dewmien tat-titjira tagħhom fil-konfront tal-ħin tat-tluq skedat ikunx qabeż, jew le, il-limiti ddikjarati fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004, u dan minkejja li l-iskumdità tagħhom marbuta ma’ telf ta’ ħin irriversibbli hija identika.

40. Fir-raba’ lok, waqt is-seduta ġiet evokata, b’mod partikolari mill-Kummissjoni Ewropea, ċerta data statistika dwar, minn naħa, il-parti sostanzjali ta’ titjiriet b’konnessjonijiet fit-trasport tal-passiġġieri fl-ispazju tal-ajru Ewropew u, min-naħa oħra, in-natura rikorrenti tad-dewmien, ta’ żmien ugwali għal jew iktar minn tliet sigħat, ikkonstatati mal-wasla fid-destinazzjoni finali, li jaffettwaw titjiriet bħal dawn u attribwibbli lil konnessjonijiet mitlufa mill-passiġġieri kkonċernati.

41. F’dan ir-rigward, huwa veru li l-obbligu li jiġu kkompensati l-passiġġieri tat-titjiriet inkwistjoni skont il-metodi ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa previsti fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 iwassal għal konsegwenzi finanzjarji onerużi għat-trasportaturi tal-ajru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nelson et , iċċitata iktar ’il fuq, punt 76).

42. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li dawn il-konsegwenzi finanzjarji ma jistgħux jitqiesu bħala sproporzjonati meta mqabbla mal-għan ta’ protezzjoni għolja għall-passiġġieri tal-ajru (sentenza Nelson et , iċċitata iktar ’il fuq, punt 76) u, min-naħa l-oħra, li l-limitu reali tal-imsemmija konsegwenzi finanzjarji jista’ jittaffa fid-dawl tat-tliet elementi segwenti.

43. L-ewwel nett, għandu jitfakkar li t-trasportaturi tal-ajru ma humiex obbligati jħallsu l-imsemmi kumpens jekk ikunu f’pożizzjoni li juru li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil huma dovuti għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati minkejja li ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli, jiġifieri ċirkustanzi li fuqhom it-trasportatur tal-ajru ma għandux kontroll effettiv (sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C-549/07, Ġabra p. I-11061, punt 34, kif ukoll Nelson et , iċċitata iktar ’il fuq, punt 79).

44. Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-obbligi imposti bir-Regolament Nru 261/2004 huma bla ħsara għall-fatt li dawn it-trasportaturi jitolbu kumpens mingħand kull persuna li kkawżat id-dewmien, inklużi terzi, kif stipulat fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament (sentenza Nelson et , iċċitata iktar ’il fuq, punt 80).

45. Barra minn hekk, l-ammont tal-kumpens, iffissat għal EUR 250, EUR 400 u EUR 600 skont id-distanza tat-titjiriet ikkonċernati jista’ jerġa jitnaqqas bin-nofs, skont l-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, meta d-dewmien jibqa’, għal titjira li ma taqax taħt l-Artikolu 7(2)(a) u (b) tar-Regolament imsemmi, taħt l-erba’ sigħat (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Sturgeon et , punt 63, kif ukoll Nelson et , punt 78).

46. Fl-aħħar, u f’kull każ, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-importanza li jgawdi minnha l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi, inklużi, konsegwentement, il-passiġġieri tal-ajru, jista’ jiġġustifika l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi ekonomiċi (sentenza Nelson et , iċċitata iktar ’il fuq, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpens huwa dovut, fuq il-bażi tal-imsemmi artikolu, lill-passiġġier ta’ titjira b’konnessjoni li kellu dewmien fit-tluq iqsar mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, iżda li wasal fid-destinazzjoni finali tiegħu b’dewmien ugwali għal jew iktar minn tliet sigħat mill-ħin tal-wasla skedat, minħabba li l-imsemmi kumpens ma huwiex suġġett għall-eżistenza ta’ dewmien fit-tluq u, konsegwentement, għall-osservanza tal-kundizzjonijiet iddikjarati fl-imsemmi Artikolu 6.

Fuq it-tieni domanda

48. Fid-dawl tar-risposta pożittiva mogħtija għall-ewwel domanda preliminari, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

49. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpens huwa dovut, fuq il-bażi tal-imsemmi artikolu, lill-passiġġier ta’ titjira b’konnessjoni li kellu dewmien fit-tluq iqsar mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, iżda li wasal fid-destinazzjoni finali tiegħu b’dewmien ugwali għal jew iktar minn tliet sigħat mill-ħin tal-wasla skedat, minħabba li l-imsemmi kumpens ma huwiex suġġett għall-eżistenza ta’ dewmien fit-tluq u, konsegwentement, għall-osservanza tal-kundizzjonijiet iddikjarati fl-imsemmi Artikolu 6.