23.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 288/51


Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Awwissu 2010 — Borax Europe vs ECHA

(Kawża T-346/10)

()

(2010/C 288/95)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Borax Europe Ltd (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: K. Nordlander, lawyer u H. Pearson, Solicitor)

Konvenuta: Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors għal annullament inammissibbli;

tannulla d-deċiżjoni meħuda mill-ECHA li tidentifika ċerti sustanzi tal-borati bħala “sustanzi ta’ tħassib serju” li jssodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 57(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”) (1) u li tniżżilhom fil-lista ta’ sustanza ta’ tħassib serju kandidati għall-awtorizzazzjoni (iktar ’il quddiem il-“lista ta’ kandidati”), tat-18 ta’ Ġunju 2010 (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat.”);

tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-ECHA li tidentifika ċerti sustanzi tal-borati bħala “sustanzi ta’ tħassib serju” li jssodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 57(ċ) tar-Regolament REACH u li tniżżilhom fil-lista ta’ kandidati tat-18 ta’ Ġunju 2010. L-attenzjoni tar-rikorrenti għall-att ikkontestat nġibdet permezz ta’ stqarrija uffiċjali tal-ECHA tat-18 ta’ Ġunju 2010.

Is-sustanzi tal-borati li r-rikorrenti tikkontesta l-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ kandidati mill-att ikkontestat huma: l-aċidu boriku, Nru CAS 10043-35-3, Nru CE 233-139-2; it-tetraborat tad-dissodju anidru, it-tetraborat tad-dissodju dekaidrat, it-tetraborat tad-dissodju pentaidrat (Nri CAS 1330-43-4, 1303-96-4, 12179-04-3, Nru CE 215-540-4) (iktar ’il quddiem il-“borati”).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq tliet motivi.

L-ewwel motiv: l-att ikkontestat għandu jiġi annullat sa fejn huwa bbażat fuq xi fajls li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Anness XV li fihom xi żbalji manifesti, li jirriżultaw fi ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali previsti fl-Artikolu 59 tar-Regolament REACH. Bħala ġustifikazzjoni tal-azzjoni tal-ECHA, dawn il-fajls jindikaw li l-borati huma attwalment ikklassifikati fil-parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, li huwa fattwalment, mhux eżatt.

It-tieni motiv: l-ECHA adotta l-att ikkontestat mingħajr ma wettqet il-funzjoni tagħha li tikkonsisti li teżamina “fil-mertu” jekk il-borati jissodisfawx ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 57(ċ) tar-Regolament REACH. Minħabba dan, billi adottat l-att ikkontestat, l-ECHA wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni manifesti, marret lill’hinn mis-setgħat tagħha u kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

It-tielet motiv: fl-aħħar, il-borati ma jissodisfawx il-kriterji, previsti fl-Artikolu 57(ċ) tar-Regolament REACH, għall-klassifikazzjoni bħala sustanzi tossiċi għar-reproduzzjoni, tal-kategorija 1 jew 2, skont id-Direttiva 67/548/KEE. Konsegwentement, huma ma humiex “sustanzi ta’ tħassib serju”, u l-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ kandidati mill-att ikkontestat tikser l-Artikolu 59(8) tar-Regolament REACH.


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1).