SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

20 ta’ Mejju 2015 ( *1 )

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-fosfati għall-għalf tal-annimali — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ, il-koordinazzjoni tal-prezzijiet u tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Irtirar tar-rikorrenti mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim — Multi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Gravità u tul tal-ksur — Kooperazzjoni — Assenza ta’ applikazzjoni tal-firxa ta’ multi probabbli kkomunikata waqt il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim”

Fil-Kawża T‑456/10,

Timab Industries, stabbilita f’Dinard (Franza),

Cie financière et de participations Roullier (CFPR), stabbilita fi Saint-Malo (Franza),

irrappreżentati minn N. Lenoir u M. Truffier, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Giolito, B. Mongin u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 5001 finali, tal‑20 ta’ Lulju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38866 – Fosfati għall-għalf tal-annimali), kif ukoll, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti permezz tal-imsemmija deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn D. Gratsias, President, O. Czúcz, A. Popescu, M. Kancheva u C. Wetter (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Permezz tad-Deċiżjoni tagħha C (2010) 5001 finali, tal-20 ta’ Lulju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38866 – Fosfati għall-għalf tal-annimali) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li r-rikorrenti, Timab Industries (iktar ’il quddiem “Timab”) u Cie financière et de participations Roullier (CFPR) (iktar ’il quddiem “CFPR”), kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE u, mill-1 ta’ Jannar 1994, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi ħadu sehem, mis-16 ta’ Settembru 1993 sal-10 ta’ Frar 2004, fi ksur uniku u kontinwu li jikkonsisti fi qsim ta’ parti kbira mis-suq Ewropew tal-fosfati għall-għalf tal-annimali (iktar ’il quddiem il-“FGħA”) permezz tal-attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ u ta’ klijenti lill-partijiet fl-akkordju, u koordinazzjoni tal-prezzijiet u, sa fejn neċessarju, tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

2

Kif deskritt fil-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, Timab hija sussidjarja tal-“grupp Roullier” li minnu CFPR hija l-kumpannija holding. Timab tipproduċi u tikkummerċjalizza numru ta’ prodotti kimiċi, jiġifieri FGħA.

3

Fit-28 ta’ Novembru 2003, il-grupp Kemira talab li jingħata immunità mill-multi skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155), iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”). It-talba kienet tikkonċerna l-perijodu inkluż bejn l-1989 u l-2003 (premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

4

Fl-10 u l-11 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fi Franza u fil-Belġju fil-binjiet ta’ numru ta’ impriżi attivi fil-qasam tal-FGħA. Timab kienet fost l-entitajiet ikkonċernati minn dawn l-ispezzjonijiet (premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata).

5

Fit-18 ta’ Frar 2004, Tessenderlo Chemie NV ippreżentat talba intiżi li tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni li tkopri l-perijodu kollu tal-ksur (1969 sa 2004) premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata).

6

Fis-27 ta’ Marzu 2007, Quimitécnica.com‑Comércia e Indústria Química SA u l-kumpannija parent tagħha José de Mello SGPS SA ressqu talba intiża sabiex jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata).

7

Fl-14 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti ressqu wkoll talba intiża sabiex jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, ikkompletata fit-28 ta’ Ottubru 2009 (premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata).

8

Permezz ta’ ittri tad-19 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni informat lill-partijiet fl-akkordju, fosthom Timab, dwar il-ftuħ ta’ proċeduri bil-għan tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni għall-applikazzjoni tal-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Vol. 2, p. 205), u ffissat terminu ta’ ġimagħtejn sabiex ikunu jistgħu jinformawha bil-miktub jekk kinux lesti jieħdu sehem f’diskussjonijiet bil-għan li jaslu għal riżolviment fis-sens tal-Artikolu 10a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas 7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 [KE] sa 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Vol. 3, p. 81) (premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata).

9

Il-preparazzjoni tal-proċedimenti tar-riżolviment tat-tilwim tat lok għal numru ta’ laqgħat bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-impriżi kkonċernati u li matulhom ġew prodotti s-sustanza tal-ilmenti kif ukoll il-provi li jsostnuhom. Wara dawn il-laqgħat, il-Kummissjoni ffissat il-firxa tal-multi probabbli (ammont minimu u ammont massimu). Waqt laqgħa li nżammet fis-16 ta’ Settembru 2009, l-istima li tirrigwarda Timab ġiet ikkomunikata lilha.

10

Sussegwentement, il-Kummissjoni tat terminu lill-kumpanniji kkonċernati sabiex dawn jippreżentaw proposti formali ta’ riżolviment konformement mal-Artikolu 10a(2) tar-Regolament Nru 773/2004. Il-partijiet kollha fl-akkordju ppreżentaw il-proposti ta’ riżolviment tagħhom fit-terminu li kien ġie assenjat lilhom, bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti li ddeċidew li jirtiraw mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim (premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata).

11

Fit-23 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni adottat sitt dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet indirizzati lir-rikorrenti, minn naħa, u għal kull waħda mill-partijiet fl-akkordju li kienet aċċettat il-proposta ta’ riżolviment, min-naħa l-oħra. Il-partijiet kollha li lilhom ġew indirizzati d-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet, bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti, wieġbu li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet tikkorrispondi mal-portata tal-proposti tagħhom u li, għalhekk, l-impenn tagħhom li jimxu mal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim ma kienx imqiegħed inkwistjoni (premessi 44 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata).

12

Ir-rikorrenti kellhom aċċess għall-fajl, wieġbu għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fit-2 ta’ Frar 2010 u pparteċipaw fi smigħ li nżamm fl-24 ta’ Frar 2010 (premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata).

13

Fl-20 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. L-imsemmija deċiżjoni kienet indirizzata lir-rikorrenti.

14

Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2010) 5004 finali, dwar l-istess kawża (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni separata”), li d-destinatarji tagħha kienu l-partijiet li kienu aċċettaw li jipparteċipaw fil-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim u ppreżentat proposta ta’ riżolviment, jiġifieri l-grupp Kemira (Yara Phosphates Oy, Yara Suomi Oy u Kemira Oy), Tessenderlo Chemie, il-grupp Ercros (Ercros SA u Ercros Industriel SA), il-grupp FMC (FMC Foret SA, FMC Netherlands BV u FMC Corporation) u Quimitécnica.com‑Comércia e Indústria Química u l-kumpannija parent tagħha José de Mello SGPS.

15

Essenzjalment, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-produtturi prinċipali Ewropej tal-FGħA ftiehmu li jaqsmu bejniethom parti kbira mis-suq Ewropew tal-FGħA billi jqassmu bejniethom kwoti ta’ bejgħ skont ir-reġjun u skont il-klijent. Barra minn hekk, jidher li huma kkoordinaw il-prezzijiet u, meta kien neċessarju, il-kundizzjonijiet ta’ bejgħ. Il-ftehim oriġinali, li sar bil-miktub fid-19 ta’ Marzu 1969 bejn il-ħames produtturi prinċipali tal‑FGħA, f’dak iż-żmien, kien intiż li jsolvi sitwazzjoni ta’ kapaċità eċċessiva fis-suq Ewropew. Il-ftehim jipprevedi wkoll reviżjoni annwali tal-kwoti ta’ bejgħ. Mekkaniżmu ta’ verifika ġie stabbilit ukoll sussegwentement sabiex jiġi kkontrollat il-ftehim fis-suq u sabiex jiġu rregolati kunflitti fil-każ ta’ differenzi importanti meta mqabbla mal-kwoti miftiehma permezz ta’ sistema ta’ kumpensazzjoni. Il-ftehimiet li kienu jikkostitwixxu akkordju ngħataw l-isem ta’ CEPA (Centre d’étude des phosphates alimentaires). Sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament u l-permanenza tal-akkordju, dan il-ftehim ta lok għal ftehim speċifiku supplimentari u ftehimiet reġjonali sussidjarji. Il-parteċipazzjoni tal-produtturi Franċiżi fiċ-CEPA ġiet ikkonfermata mill-1970. Mill-1978, il-parteċipanti fl-akkordju rreaġixxew għal sitwazzjoni kritika tas-suq billi organizzaw lilhom infushom fit-tliet ftehimiet sussidjarji. Fl-1991-1992, il-partijiet fl-akkordju kellhom l-intenzjoni li jmorru lura għal struttura unika (Super CEPA) li kienet tiġbor fiha ħames pajjiżi tal-Ewropa ċentrali (il-Ġermanja, l-Awstrija, il-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvizzera), id-Danimarka, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Irlanda, in-Norveġja, il-Polonja, ir-Renju Unit u l-Isvezja. Id-diskussjonijiet inżammu fuq żewġ livelli: il-“laqgħat ċentrali” jew il-laqgħat “fuq livell Ewropew”, li matulhom inqatgħu deċiżjonijiet ta’ politika ġenerali, u l-“laqgħat tal-esperti”, li matulhom saru diskussjonijiet iktar fil-fond fuq livell nazzjonali jew reġjonali mill-partijiet fl-akkordju attivi f’dan il-pajjiż jew dan ir-reġjun speċifiku. Din l-istruttura unika hija b’rabta mal-operazzjoni fi Franza, fejn jissussisti mekkaniżmu ta’ kollużjoni fuq livell nazzjonali.

16

B’mod iktar partikolari fir-rigward tar-rikorrenti, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Timab ġiet integrata fil-qafas reġjonali Super CEPA minbarra l-parti Franċiża tal-akkordju, meta l-impriża bdiet tesporta kwantitajiet kbar barra minn Franza. F’Settembru 1993, hija bdiet tipparteċipa fil-ftehimiet tas-Super CEPA. Parallelament mal-laqgħat tas-Super CEPA, hija pparteċipat fil-laqgħat li kienu jikkonċernaw Franza u f’dawk li jikkonċernaw Spanja (premessi 123, 131, 138 u 143 tad-deċiżjoni kkontestata).

17

Sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa imposta fuq kull impriża, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”).

18

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ddefinixxiet il-valur tal-bejgħ rilevanti bħala dak li jikkorrispondi għall-bejgħ tal-FGħA magħmul mill-impriża fit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-partijiet kontraenti fil-Ftehim ŻEE kkonċernati fil-ksur. Minflok ma użat il-valur tal-bejgħ magħmul minn impriża matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, kif inhu normalment previst fil-paragrafu 13 tal-Linji gwida tal‑2006, il-Kummissjoni qieset li kien iktar adegwat, f’dan il-każ, li tuża l-bejgħ reali magħmul mill-impriżi matul il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, b’mod partikolari fid-dawl tat-tul eċċezzjonalment twil tal-akkordju, tal-portata ġeografika tiegħu, tal-fatt li wħud mit-territorji kkonċernati mill-prattiki inkwistjoni bdew jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni u taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE biss mill-adeżjoni tal-pajjiżi kkonċernati fl-Unjoni jew fiż-ŻEE, kif ukoll tal-fatt li l-valur tal-bejgħ magħmul mill-partijiet varja matul is-snin matul il-parteċipazzjoni tagħhom (premessa 321 tad-deċiżjoni kkontestata).

19

It-tieni nett, il-Kummissjoni osservat li, fid-dawl tal-gravità tal-ksur imwettaq, kellu jiġi ffissat għal 17 % il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni li għandu jiġi kkunsidrat għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, u dan għall-parteċipanti kollha fl-akkordju (premessi 324 sa 328 tad-deċiżjoni kkontestata).

20

It-tielet nett, għall-impriżi li ma għandhomx tagħrif dwar is-snin imgħoddija li jikkorrispondi għall-bejgħ reali skont il-pajjiż, u bil-kunsens tagħhom, il-valur tal-bejgħ rilevanti ġie applikat billi ġie mmoltiplikat il-bejgħ magħmul matul l-aħħar sena kompleta tal-ksur bit-tul ta’ parteċipazzjoni tal-impriża inkwistjoni, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 24 tal-Linji gwida tal-2006 (premessi 321 u 331 tad-deċiżjoni kkontestata).

21

Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni qieset li ċ-ċirkustanzi tal-każ kienu jiġġustifikaw li tiġi inkluża fl-ammont bażiku tal-multa, żieda ugwali għal 17 % tal-valur medju annwali tal-bejgħ magħmul waqt il-perijodu li matulu seħħ il-ksur sabiex jiġi żgurat l-effett dissważiv tiegħu, konformement mal-paragrafu 25 tal-Linji gwida tal-2006, u dan għall-parteċipanti kollha fl-akkordju (premessi 332 sa 335 tad-deċiżjoni kkontestata).

22

Il-ħames nett, il-Kummissjoni ma kkunsidrat ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti fir-rigward ta’ ebda mill-parteċipanti fl-akkordju (premessi 337 sa 347 tad-deċiżjoni kkontestata).

23

Is-sitt nett, b’applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali fuq il-multi imposti konformement mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni naqset l-ammont bażiku tal-multa fir-rigward ta’ wħud mill-parteċipanti. Peress li l-ammont bażiku tal-multa tar-rikorrenti ma kienx jaqbeż l‑10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tas-sena 2009, il-Kummissjoni ma għamlitx aġġustament.

24

Is-seba’ nett, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li kien hemm lok li Kemira, kif ukoll Yara Phosphates Oy u Yara Suomi Oy, fejn dawn it-tnejn tal-aħħar kienu jagħmlu parti mill-istess impriża bħal Kemira, kellhom jingħataw tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 100 % skont il-paragrafu 8(a) tal-imsemmija komunikazzjoni (premessi 349 sa 350 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tat ukoll tnaqqis ta’ 50 % lil Tessenderlo Chemie, abbażi tal-paragrafu 23 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, għall-perijodu ta’ wara l-31 ta’ Marzu 1989 u kkunsidrat li ebda multa ma kienet dovuta minn din il-kumpannija għall-perijodu mid-19 ta’ Marzu 1969 sal-31 ta’ Marzu 1989 (premessa 353 tad-deċiżjoni kkontestata). Tnaqqis ta’ 25 % mill-ammont tal-multa ngħata lil Quimitécnica.com-Comércia e Indústria Química u lill-kumpannija parent tagħha José de Mello SGPS (premessa 355 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti tnaqqis ta’ 5 % mill-ammont tal-multa (premessa 359 tad-deċiżjoni kkontestata).

25

It-tmien nett, fin-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skond l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (ĠU 2008, C 167, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim”), ir-rikorrenti ma ngħataw ebda tnaqqis dovut għall-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim. Fid-deċiżjoni separata, il-Kummissjoni ppremjat, fid-dawl tar-riżolviment tat-tilwim, lid-destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni bi tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuqhom (premessi 361 u 362 tad-deċiżjoni kkontestata).

26

Id-disa’ nett, it-talba tar-rikorrenti intiża għal tnaqqis mill-ammont tal-multa minħabba l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas (paragrafu 35 tal-Linji gwida tal‑2006) ġiet miċħuda, filwaqt li dik ta’ [kunfidenzjali] intlaqgħet parzjalment (premessi 372 sa 375 tad-deċiżjoni kkontestata).

27

Hekk kif diġà ġie osservat fil-punt 1 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkonstatat, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE u, mill-1 ta’ Jannar 1994, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi ħadu sehem, mis-16 ta’ Settembru 1993 sal-10 ta’ Frar 2004, fi ksur uniku u kontinwu li jkopri l-parti l-kbira mit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni u tal-partijiet kontraenti fil-Ftehim ŻEE, bil-għan li jaqsmu s-suq Ewropew tal-FGħA, permezz tal-attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ u ta’ klijenti lill-partijiet fl-akkordju, u bl-intenzjoni li jikkoordinaw il-prezzijiet u, sa fejn neċessarju, il-kundizzjonijiet ta’ bejgħ.

28

Skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, għal dan il-ksur, il-Kummissjoni imponiet in solidum lil Timab u lis-CFPR multa ta’ EUR 59 850 000.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

29

Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

30

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiża sabiex tordna lill-Kummissjoni tipproduċi erba’ gruppi ta’ dokumenti li jirrigwardaw id-deċiżjoni kkontestata jew id-deċiżjoni separata sabiex jissostanzjaw uħud mill-motivi tagħhom.

31

Fis-6 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha.

32

Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-1 ta’ Frar 2011, il-Qorti Ġenerali, abbażi tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi d-dokumenti mitluba mir-rikorrenti.

33

Permezz ta’ miżura istruttorja tas-16 ta’ Marzu 2011, il-Qorti Ġenerali, abbażi tal-Artikolu 65(b) u tal-Artikolu 66(1) tar-Regoli tal-Proċedura u billi applikat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(3) ta’ dawn ir-regoli, ordnat lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi d-dokumenti li hija ma kinitx ippreżentat fil-kuntest tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 32. Il-Kummissjoni kkonformat ruħha ma din il-miżura istruttorja fit-terminu stabbilit.

34

Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-28 ta’ Ġunju 2011, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni tagħti xi kjarifiki dwar id-dokumenti msemmija fil-punt 33 u ppermettiet lill-Kummissjoni tisma’ lill-impriżi kkonċernati dwar in-natura eventwalment kunfidenzjali tad-data li tikkonċernahom li tinsab fid-dokumenti inkwistjoni.

35

Sussegwentement, uħud mid-dokumenti ġew innotifikati lir-rikorrenti, fejn ġie ppreċiżat li dawn ma setgħux jintużaw għal finijiet oħra minbarra dawk li għalihom kienu ġew trażmessi u li, konsegwentement, l-imsemmija dokumenti kif ukoll iċ-ċifri li kienu jinsabu fihom ma kellhomx isiru pubbliċi. Uħud mid-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni ġew irtirati mill-fajl u ġew irritornati lilha.

36

Ir-replika ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Marzu 2012. Il-kontroreplika waslet għand din tal-aħħar fil-21 ta’ Ġunju 2012.

37

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, talbet lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti u għamlitilha mistoqsijiet fejn stednitha twieġeb bil-miktub. Hija kkonformat ruħha ma’ dawn it-talbiet fit-terminu stabbilit.

38

Qabel is-seduta, wara li ffirmaw ftehim ta’ kunfidenzjalità, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti kellhom il-possibbiltà jikkonsultaw, fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, parti mill-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni separata, wieħed mid-dokumenti mitluba fil-kuntest tal-miżura istruttorja.

39

Is-sottomissjonijiet orali u t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta, li nżammet parzjalment in camera, fil-11 ta’ Lulju 2014.

40

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ddikjaraw li kienu qed jirrinunzjaw il-motivi tagħhom ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-Linji gwida tal‑2006, tat-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva bħala ċirkustanza attenwanti, ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-kooperazzjoni tagħhom b’paragun ma’ dik ta’ Quimitécnica.com-Comércia e Indústria Química, u, fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, mill-argumenti tagħhom żviluppati fir-replika relatati mar-relazzjoni bejn l-applikazzjoni tat-tnaqqis ta’ 10 % bil-għan tar-riżolviment tat-tilwim u dik tal-limitu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament, liema fatt ittieħed inkunsiderazzjoni fil-proċess verbal tas-seduta.

41

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni ddikjarat li hija kienet ħadet sehem fil-prattiki marbuta mal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ u f’sistema ta’ kumpensazzjoni;

sussidjarjament ukoll u fi kwalunkwe każ, tbiddel l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom in solidum;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

42

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

43

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ċertu numru ta’ motivi li jistgħu jitqassmu fi tliet gruppi. L-ewwel grupp ta’ motivi jirrigwarda l-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, u, b’mod partikolari, il-fatt li r-rikorrenti rtiraw ruħhom minn din il-proċedura, it-tieni grupp ta’ motivi jirrigwarda ċerti prattiki li jikkostitwixxu elementi tal-kartell inkwistjoni, jiġifieri l-mekkaniżmu ta’ kumpensazzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ bejgħ u, fl-aħħar nett, it-tielet grupp ta’ motivi jikkonċerna numru ta’ aspetti tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.

Fuq it-talbiet għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim

44

Fil-kuntest ta’ dan il-grupp ta’ motivi, ir-rikorrenti jippreżentaw sensiela ta’ argumenti li jirrigwardaw ksur tad-drittijiet tad-difiża, tat-testi li jirregolaw il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll ta’ użu ħażin ta’ poter.

45

Ir-rikorrenti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Kummissjoni talli applikat kontra impriża li rtirat ruħha mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim multa ogħla mill-massimu tal-firxa deċiża waqt id-diskussjonijiet bil-għan tar-riżolviment tat-tilwim.

46

Ir-rikorrenti jallegaw numru ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, l-ewwel wieħed li jirriżulta mill-iżbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni tal-fatti li twettqu mill-Kummissjoni, it-tieni wieħed li jirriżulta mill-fatt li marret kontra d-dritt li persuna ma tinkriminax lilha nnifisha u t-tielet wieħed jirriżulta mill-preġudizzju għall-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

47

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tidher li interpretat b’mod żbaljat it-talba tagħhom intiża li jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u t-tweġiba tagħhom għat-talba għal informazzjoni.

48

Huma jikkontestaw l-argument li bidlu b’mod radikali l-istrateġija tagħhom wara li saru jafu bil-firxa ta’ multi. Fil-fatt, huma jsostnu li applikaw biss il-paragrafi 11 (jaċċettaw li jipparteċipaw fid-diskussjonijiet bil-għan li jaslu għal riżolviment tat-tilwima) u 16 (jiddeċiedu, b’għarfien tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, li jaslu għal riżolviment jew le) tal-Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim, peress li huma ma setgħux jirrikonoxxu l-ksur hekk kif evalwat mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, it-talba tagħhom intiża sabiex jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni hija biss deskrittiva fir-rigward tal-fatti, mingħajr ebda kwalifika fir-rigward tal-karattru uniku jew mhux uniku tal-ksur. L-iżball ta’ kwalifika tal-fatti mwettaq mill-Kummissjoni, li f’ebda każ ma tista’ titqies li hi imputabbli għalihom, jirriżulta minn analiżi insuffiċjenti tal-fajl fir-rigward tad-dmir li hija għandha li teżamina b’reqqa’ u b’imparzjalità l-każijiet imressqa quddiemha. Issa, id-dokumenti rari li jsemmu isem Timab fir-rigward tal-fatti li jippreċedu s-16 ta’ Settembru 1993 jippermettu lil kulħadd jasal għall-konklużjoni tal-assenza ta’ parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fil-laqgħat taċ‑CEPA.

49

It-tieni nett, fir-rigward tal-fatt li marret kontra d-dritt li persuna ma tinkriminax lilha nnifisha, ir-rikorrenti jfakkru d-“dritt”, stabbilit fil-paragrafu 16 tal-Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim, tal-impriżi li “jagħmlu deċiżjoni infurmata dwar jekk jirriżolvux jew le”. Din il-possibbiltà offerta lill-impriżi tibbaża ruħha, skont ir-rikorrenti, fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt li persuna ma tinkriminax lilha nnifisha. Is-sanzjoni għall-irtirar mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim għalhekk tmur kontra d-dritt li persuna ma tinkriminax lilha nnifisha, li jirriżulta mid-drittijiet tad-difiża.

50

It-tielet nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, ir-rikorrenti jsostnu li huma ma setgħux jipprevedu li l-Kummissjoni kienet ser tnaqqas b’mod kunsiderevoli t-tul tal-ksur u, fl-istess waqt, timponilhom multa kompletament miżjuda. L-asimetrija ta’ informazzjoni, li kkaratterizzat il-proċedura, żvantaġġat lir-rikorrenti, fejn b’hekk ġie ppreġudikat il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u għad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

51

Sussegwentement, ir-rikorrenti jsostnu li hemm ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll tal-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter.

52

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma setgħetx tieħu deċiżjoni li tkisser it-tamiet tagħhom ibbażati fuq l-assigurazzjonijiet preċiżi li huma kienu rċevew mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kontenut tad-deċiżjoni li hija kienet ser tadotta.

53

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ir-rikorrenti josservaw li huma ma setgħux jipprevedu r-raġunament magħmul mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fid-dawl tas-smigħ tal-24 ta’ Frar 2010 li sar wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u tal-laqgħa tas-7 ta’ Ġunju 2010. Waqt din l-aħħar laqgħa, issemmiet possibbiltà li jitbaxxa t-tnaqqis mogħti minħabba l-kooperazzjoni, iżda mhux it-tneħħija minħabba ċirkustanzi attenwanti u lanqas, a fortiori, ir-raġunijiet għal tali tneħħija.

54

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni wettqet użu ħażin ta’ poter billi ddeċidiet li tagħti sanzjoni aggravata minħabba r-rifjut ta’ riżolviment tat-tilwima.

55

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mqajma mir-rikorrenti.

56

Għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti jqisu li kienu “ssanzjonati” talli rtiraw ruħhom mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim b’multa ogħla minn dik li kellhom dritt jistennew. Id-difiża tagħhom kontra l-ilmenti kkunsidrati mill-Kummissjoni waqt il-proċedura amministrattiva ordinarja hija intiża sabiex tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ ksur distint u sabiex konsegwentement jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, l-ammont tal-multa fl-ebda każ ma kellu jkun ogħla minn dak li jikkorrispondi għal-limitu ogħla (miżjud b’10 %) tal-firxa ta’ multi li kienet ġiet ikkomunikata lilhom bil-għan ta’ riżolviment tat-tilwim.

57

Għalhekk, l-ilmenti tagħhom jirrigwardaw b’mod prinċipali l-fatt li ġiet imposta fuqhom ammont tal-multa ferm ogħla minn dak previst inizjalment. Minkejja r-rimarki ta’ kritika tagħhom lejn il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, l-ilmenti tagħhom, bħal dawk ibbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipji ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ allegat użu ħażin ta’ poter essenzjalment jirrigwardaw il-proċedura amministrattiva ordinarja li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

– Osservazzjonijiet preliminari

58

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa utli li jitfakkar fil-qosor fiex jikkonsistu l-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim qabel ma teżamina l-ilmenti mqajma fil-kuntest tal-ewwel grupp ta’ motivi.

59

Il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim ġew stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2008, tat-30 ta’ Ġunju 2008, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 773/2004, fir-rigward ta’ kif jitmexxew il-proċeduri għar-riżolviment f’każi ta’ kartelli (ĠU L 171, p. 3). Dawn il-proċedimenti ġew ippreċiżati permezz tal-Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim.

60

L-għan ta’ dawn il-proċedimenti ġodda huwa li jiġu ssemplifikati jew aċċelerati l-proċeduri amministrattivi kif ukoll li jitnaqas in-numru ta’ rikorsi ppreżentati quddiem il-qorti tal-Unjoni, bil-għan li b’hekk il-Kummissjoni tkun tista’ tipproċessa iktar każijiet bl-istess riżorsi.

61

Essenzjalment, il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim jipprevedu li l-impriżi li jkunu suġġetti għal investigazzjonijiet, li quddiemhom jiġu prodotti provi kontra, u li ddeċidew li jikkonkludu riżolviment ta’ tilwim, jirrikonoxxu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, jirrinunzjaw, taħt ċerti kundizzjonijiet mid-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-fajl amministrattiv u d-dritt tagħhom li jinstemgħu u jaċċettaw li jirċievu d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali tal-Unjoni b’lingwa uffiċjali bi qbil bejniethom (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim, paragrafu 20). Barra minn hekk, jekk id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tirrifletti l-proposti tagħhom ta’ riżolviment tat-tilwim, l-imsemmija impriżi għandhom l-obbligu li jwieġbu fit-terminu mogħti billi jikkonfermaw li l-imsemmija komunikazzjoni tikkorrispondi mal-portata tal-proposti tagħhom u li l-impenn tagħhom li jsegwu l-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, għalhekk, ma hijiex imqiegħda inkwistjoni (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim, paragrafu 26).

62

B’korrispettiv ta’ dan, il-Kummissjoni għandha tagħtihom tnaqqis ta’ 10 % mill-ammont tal-multa li tkun ġiet imposta fuqhom fi tmiem ta’ proċedura ordinarja billi tapplika l-Linji gwida tagħha dwar il-multi kif ukoll il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim, paragrafi 30 sa 33).

63

Filwaqt li jista’ jirriżulta li l-kooperazzjoni fil-kuntest tal-politika msejħa ta’ “klemenza” u dik fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim jissupplimentaw lil xulxin, id-deċiżjoni li jinbdew il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim hija, b’differenza mill-ewwel tip ta’ kooperazzjoni, fejn l-inizjattiva taqa’ fuq il-kumpannija li qed titlobha, esklużivament diskrezzjoni tal-Kummissjoni.

64

Mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 622/2008 jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-probabbiltà li tasal, f’terminu raġonevoli, għal evalwazzjoni komuni fuq il-portata tal-ilmenti eventwali mal-partijiet inkwistjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni fatturi bħan-numru ta’ partijiet inkwistjoni, id-diverġenzi ta’ opinjoni prevedibbli fir-rigward tal-attribuzzjoni tar-responsabbiltajiet u l-portata tal-kontestazzjoni tal-fatti. Minn din il-premessa jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni fatturi oħra minbarra dawk li jikkonċernaw eventwali kisbiet ta’ effiċjenza, bħall-possibbiltà li jinħoloq preċedent. Għalhekk il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-każijiet li jistgħu jkunu idonei għal ftehim ta’ riżolviment tat-tilwim.

65

Barra minn hekk, filwaqt li l-politika ta’ klemenza għandha bħala għan li tiżvela l-akkordji u li tiffaċilita l-kompitu tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, il-politika ta’ riżolviment tat-tilwim isservi pjuttost l-effikaċja tal-proċeduri fil-qasam tal-akkordji. B’hekk il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim jistgħu jippermettu lill-Kummissjoni tipproċessa l-każijiet fil-qasam tal-akkordji b’iktar ħeffa u effikaċja billi ssegwi proċedura semplifikata.

66

Il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim essenzjalment jiżvolġu kif ġej. Il-proċedimenti jinbdew mill-Kummissjoni bil-kunsens tal-impriżi kkonċernati (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim, paragrafi 5, 6 u 11). Id-dikjarazzjoni bil-miktub li permezz tagħha l-impriża tgħid li hija lesta tieħu sehem f’diskussjonijiet bil-għan li tasal għal riżolviment tat-tilwim sabiex tippreżenta ulterjorment, jekk ikun il-każ, proposti ta’ riżolviment tat-tilwim, assolutament ma jfissirx li hija tirrikonoxxi li pparteċipat fi ksur kwalunkwe, u lanqas li hija qed tassumi r-responsabbiltà għal dan il-ksur (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim, paragrafu 11).

67

Mill-mument li jinbdew il-proċedimenti, l-impriżi li huma suġġetti għal investigazzjonijiet u li jipparteċipaw fil-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim huma informati mill-Kummissjoni, waqt diskussjonijiet bilaterali, dwar il-punti essenzjali “bħal mhuma l-fatti allegati, il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-fatti, il-gravità ta’ l-allegat kartell u t-tul ta’ żmien li jkun ilu jeżisti, l-attribuzzjoni tar-responsabbiltajiet, l-istima tal-firxa tal-multi li x’aktarx jingħataw kif ukoll ix-xhieda miġjuba biex jiġu stabbiliti l-oġġezzjonijiet eventwali” (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim, paragrafu 16). Dan id-dispożittiv jippermetti lill-partijiet isostnu l-fehma tagħhom dwar l-ilmenti li l-Kummissjoni tista’ tqajjem kontrihom u li jiddeċiedu, b’għarfien tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, jekk għandhomx jikkonkludu riżolviment tat-tilwim jew le (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim, paragrafu 16).

68

Huwa wara l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni li l-impriżi kkonċernati għandhom l-għażla li jidħlu fil-proċedimenti għal riżolviment tat-tilwim u li jippreżentaw proposta ta’ riżolviment tat-tilwim, li fiha, essenzjalment, huma jammettu espliċitament ir-responsabbiltà tagħhom fil-ksur, fejn jaċċettaw il-firxa tal-multi u jikkonfermaw li huma ma għandhomx l-intenzjoni li jitolbu l-aċċess għall-fajl jew li jinstemgħu mill-ġdid, waqt smigħ, sakemm id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tirriflettix il-proposta tagħhom ta’ riżolviment tat-tilwim (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim, paragrafu 20).

69

Wara dan ir-rikonoxximent ta’ responsabbiltà u tal-konfermi pprovduti mill-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni titrażmettilhom id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u sussegwentement, tadotta deċiżjoni finali. Hija essenzjalment tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-partijiet irrikonoxxew mingħajr ekwivoku r-responsabbiltà tagħhom, ma kkontestawx id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u żammew l-impenn tagħhom li jaslu għal riżolviment tat-tilwim (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim, paragrafi 23 sa 28).

70

Jekk l-impriża kkonċernata tiddeċiedi li ma tipproċedix għal riżolviment, il-proċedura li twassal għad-deċiżjoni finali hija redatta mid-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament Nru 773/2004, minflok mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim. L-istess jgħodd jekk il-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva li ttemm il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim, paragrafi 19, 27 u 29).

71

Meta r-riżolviment tat-tilwim ma jinvolvix lill-parteċipanti kollha fi ksur, pereżempju, bħal f’dan il-każ, meta impriża tirtira mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, il-Kummissjoni tadotta, minn naħa, wara proċedura semplifikata (il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim), deċiżjoni li għandha bħala destinatarji l-parteċipanti fil-ksur li ddeċidew li jipproċedu għar-riżolviment u li għal kull wieħed minnhom tirrifletti l-impenn tagħhom u, min-naħa l-oħra, skont proċedura ordinarja, deċiżjoni indirizzata lill-parteċipanti fil-ksur li ddeċidew li ma jipproċedux għal riżolviment.

72

Madankollu, anki f’każ ibridu bħal dan, li jinvolvi l-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet li għandhom destinatarji differenti u wara żewġ proċeduri separati, dawn huma parteċipanti fl-istess akkordju waħdieni, fejn għalhekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi osservat. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑550/07 P, Ġabra EU:C:2010:512, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Hekk kif jirriżulta mill-punti preċedenti, il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim huma proċedura amministrattiva alternattiva għall-proċedura amministrattiva ordinarja — liema fatt huwa kontradittorju —, separata minnha, u li tippreżenta ċerti karatteristiċi, bħal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet antiċipata u l-komunikazzjoni ta’ firxa ta’ multi probabbli.

74

Madankollu, il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi li għandhom jiġu imposti jibqgħu għal kollox applikabbli f’dan il-kuntest. Dan ifisser li, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, ma tistax issir diskriminazzjoni bejn il-partijiet li pparteċipaw fl-istess akkordju fir-rigward tal-elementi u l-metodi ta’ kalkolu li ma humiex affettwati mill-partikolaritajiet inerenti għall-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, bħall-applikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ 10 % mogħti bil-għan tar-riżolviment tat-tilwim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et, C‑628/10 P u C‑14/11 P, Ġabra, EU:C:2012:479, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

– Fuq iż-żieda tal-ammont tal-multa meta mqabbla mal-firxa kkomunikata

75

F’dan il-każ, ir-rikorrenti ddeċidew li jinterrompu d-diskussjonijiet intiżi għar-riżolviment tat-tilwima.

76

Hekk kif enfasizzaw ġustament, huma effettivament għandhom kull dritt li jagħmlu dan. F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi osservat li l-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim huma proċedura volontarja (ara l-punt 120 iktar ’il quddiem) u, barra minn hekk, separata mill-proċedura ordinarja. Il-paragrafu 19 tal-Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim jipprovdi li, meta impriża tirtira mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, jiġifieri fil-każ fejn hija ma tippreżentax proposta ta’ riżolviment tat-tilwim, il-proċedura li twassal għad-deċiżjoni finali għandha tosserva d-dispożizzjonijiet ġenerali, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 10(2) (tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet), l-Artikolu 12(1) (smigħ) u l-Artikolu 15(1) (aċċess għall-fajl), tar-Regolament Nru 773/2004, minflok dawk li jirregolaw il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim.

77

F’dan il-każ, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva ordinarja, dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kienet tindika, bħall-komunikazzjoni antiċipata li ssir fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu bejn l‑1978 u l‑2004.

78

Fil-premessa 318 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat, wara li eżaminat l-argumenti tar-rikorrenti fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u wara li ġiet ikkonfrontata b’interpretazzjoni oħra tad-dikjarazzjonijiet tagħhom, li hija ma setgħetx tistabbilixxi b’ċertezza ġuridika suffiċjenti li r-rikorrenti kellhom għarfien dwar, u kien ħadu sehem, fl-akkordju globali implementat mill-1978. Hija speċifikat, b’mod partikolari, li hija ma setgħetx tistrieħ fuq l-elementi prodotti mir-rikorrenti fit-talba tagħhom intiża sabiex jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, provi essenzjali sabiex tikkonkludi li pparteċipaw qabel l-1993.

79

Fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, il-Kummissjoni kienet informat lir-rikorrenti li kien ser jiġi impost fuqhom in solidum multa ta’ ammont massimu inkluż bejn EUR 41 miljun u EUR 44 miljun għall-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur uniku u kontinwu mill-31 ta’ Diċembru 1978 sal-10 ta’ Frar 2004 li kien jinkludi, minbarra l-10 % ta’ tnaqqis fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, tnaqqis ta’ 35 % għal ċirkustanzi aggravanti taħt il-Linji gwida tal-2006, talli ppermettew lill-Kummissjoni testendi t-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju, u ta’ 17 % minħabba l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

80

Fid-deċiżjoni kkontestata, adottata wara l-proċedura ordinarja, il-Kummissjoni waslet għal ammont tal-multa ta’ EUR 59 850 000 wara li naqqset b’5 % l-ammont bażiku tal-multa skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

81

Huwa minnu li, prima facie, tali żieda fl-ammont tal-multa, filwaqt li t-tul tal-ksur kien tnaqqas bi kważi 15-il sena, tista’ tidher paradossali.

82

Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni applikat sempliċement l-istess metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa previst fil-Linji gwida 2006, sabiex tikkalkola kemm il-firxa ta’ multi fl-istadju tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim kif ukoll l-ammont tal-multa finalment imposta mid-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni separata. Waqt il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, id-dettalji tal-kalkolu, konformement mar-regoli li jirregolaw il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, ġew ikkomunikati u spjegati lil kull waħda mill-partijiet f’dawn il-proċedimenti. Għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 18 iktar ’il fuq, sabiex tiffissa l-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni użat il-valur tal-bejgħ effettivament magħmul mill-impriża inkwistjoni matul is-snin tal-ksur tagħha u ffissat għal 16 % (ammont inferjuri tal-firxa) jew għal 17 % (ammont superjuri tal-firxa) il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ stabbilit minħabba l-gravità billi żiedet ammont addizzjonali kkalkolat abbażi tal-medja annwali tal-bejgħ magħmul waqt il-perijodu li matulu seħħ il-ksur billi applikat perċentwali jew ta’ 16 %, jew ta’ 17 %, rispettivament, għall-ammonti inferjuri u superjuri tal-firxa għall-finijiet ta’ dissważjoni.

83

Issa, filwaqt li l-valur tal-bejgħ magħmul mir-rikorrenti kien ta’ EUR 529 miljun (arrotondati) għall-perijodu meħud inkunsiderazzjoni waqt il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim (1978‑2002), li wassal għal ammont bażiku inizjali ta’ EUR 90 miljun, dan il-valur tal-bejgħ kien ta’ EUR 341 miljun (arrotondati) għall-perijodu kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata (1993‑2004), liema fatt wassal għal ammont bażiku inizjali ta’ EUR 58 miljun, billi applikat, fiż-żewġ każijiet, rata ta’ gravità ta’ 17 %.

84

Bl-istess mod, filwaqt li l-medja tal-bejgħ fil-perijodu li matulu seħħ il-ksur stabbilita waqt il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim kienet ta’ EUR 21 miljun, fejn kien hemm ammont addizzjonali ta’ iktar minn EUR 3 miljun, dik ta’ matul il-perijodu kkunsidrat waqt il-proċedura ordinarja kienet ta’ EUR 32.8 miljun, fejn kien hemm ammont addizzjonali ta’ iktar minn EUR 5 miljun, billi ġiet applikata rata ta’ 17 % għall-finijiet ta’ dissważjoni.

85

Konsegwentement, l-ammont bażiku inizjali miżjud b’ammont addizzjonali ammonta rispettivament għal ammont bażiku finali ta’ EUR 93 miljun waqt il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim u ta’ EUR 63 miljun waqt il-proċedura ordinarja.

86

B’hekk, il-fatt li ma tteħidx iktar inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ għall-perijodu inkluż bejn l-1978 u l-1993 (l-“ewwel perijodu”), dħul mill-bejgħ ta’ iktar minn EUR 180 miljun, kellu l-konsegwenza immedjata li tiżdied il-medja tal-ammont tal-valur tal-bejgħ u għaldaqstant l-ammont addizzjonali msemmi fil-punt 84 iktar ’il fuq. Fil-fatt, matul il-perijodu kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata (1993‑2004) (it-“tieni perijodu”), id-dħul mill-bejgħ żdied ħafna, fejn ammonta għal EUR 341 miljun, fid-dawl tal-fatt li l-attività tar-rikorrenti kompla u estendiet ruħha ġeografikament matul dan il-perijodu.

87

Ladarba jiġi stabbilit l-ammont bażiku finali, il-Kummissjoni tista’ taġġusta dan l-ammont bażiku billi żżidu jew tnaqqsu, u dan fid-dawl taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li jikkaratterizzaw il-parteċipazzjoni ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati. Fil-każ fejn il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jew dik dwar ir-riżolviment tat-tilwim tkun applikabbli, dan l-ammont ikun jista’ jitnaqqas ulterjorment. F’dan il-każ, anki li kieku l-ammont bażiku tal-multa proposta waqt il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim kien ogħla minn dak stabbilita meta saret il-proċedura ordinarja (ara l-punt 85 iktar ’il fuq), l-iktar tnaqqis sinjifikattiv propost waqt il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim wassal għal ammont tal-multa inferjuri. B’hekk, l-ogħla ammont addizzjonali, li jirriżulta miż-żieda tal-medja tal-bejgħ annwali, kif ukoll min-nuqqas ta’ applikazzjoni tat-tnaqqis ta’ 35 % minħabba ċirkustanzi attenwanti, l-iċken tnaqqis mogħti bis-saħħa tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (5 % minflok 17 %) u n-nuqqas ta’ applikazzjoni tat-tnaqqis ta’ 10 % previst mill-Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim kellhom bħala konsegwenza li multa ta’ ammont ogħla minn dak propost waqt il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim ġiet imposta fuq ir-rikorrenti mid-deċiżjoni kkontestata.

88

Għaldaqstant tirriżulta l-kwistjoni dwar jekk, bħal ma jallegaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni “ssanzjonatx” l-irtirar tagħhom mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim u jekk il-Kummissjoni kinitx ivvinkolata bil-firxa ta’ multi li hija kienet ikkomunikat waqt il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim.

89

Jeħtieġ li tingħata risposta fin-negattiv għal dawn id-domandi.

90

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni finali għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti fil-mument tad-deċiżjoni, li jinkludu l-informazzjoni kollha esposta mill-impriża fl-okkażjoni tal-eżerċizzju tad-dritt tagħha li tinstema’. Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, fid-dawl tal-argumenti tagħhom li jqiegħdu inkwistjoni l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur hekk kif deskritt fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għall-perijodu li jippreċedi l‑1993, il-Kummissjoni sabet numru ta’ elementi ġodda quddiemha fejn hija ma tistax iżjed tistrieħ fuq id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti fit-talba tagħhom għal klemenza, billi l-element ġdid kien ir-rinunzja tal-ewwel perijodu (1978-1993) li kien ittieħed inkunsiderazzjoni waqt il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim. Għalhekk il-Kummissjoni kellha l-obbligu li teżamina l-fajl mill-ġdid, li tiddefinixxi mill-ġdid it-tul ta’ żmien meħud inkunsiderazzjoni u, li kieku kellu jkun il-każ, li taġġusta mill-ġdid il-metodu ta’ kalkolu tal-multa.

91

Fir-rigward tal-aġġustament mill-ġdid tal-metodu ta’ kalkolu tal-multa, huwa paċifiku li l-istima tal-firxa matul il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim kienet tirrigwarda ż-żewġ perijodi (inklużi bejn l-1978 u l-2004). Ir-rinunzja tal-ewwel perijodu (1978-1993) kellha bħala effett tnaqqis tat-tul tal-ksur kif ukoll eżami mill-ġdid tal-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u tal-Linji gwida tal-2006. Il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx iżjed possibbli li tippremja l-awtoinkriminazzjoni fir-rigward tal-perijodu mill-1978 sal-1993, li eventwalment ġie rrinunzjat.

92

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi ta’ kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva huwa ġġustifikat biss jekk l-aġir tal-impriża inkwistjoni jkun ippermetta lill-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur b’inqas diffikultà u, jekk ikun il-każ, li twaqqfu (sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra EU:C:200:633, punt 36; tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra, EU:C:2007:277, punt 83, u tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T‑311/94, Ġabra, EU:T:1998:93, punt 325).

93

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta talba intiża sabiex parti tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tkun tirrigwarda akkordju separat minn dak li tkun qed tittratta l-Kummissjoni u li barra minn hekk jirriżulta li huwa preskritt, ma jeżisti ebda vantaġġ u l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tippremja din il-kooperazzjoni, ġaladarba hija ma tiffaċilitax l-investigazzjoni. Dan ir-raġunament japplika wkoll għal kooperazzjoni msejħa “barra mill-kuntest tal-klemenza” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra, EU:T:2007:380, punt 222, u tat-28 ta’ April 2010, Oxley Threads vs Il-Kummissjoni, T‑448/05, EU:T:2010:166, punti 129 u 130).

94

F’dan il-każ, mill-minuti tat-tliet laqgħat bilaterali li nżammu fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim jirriżulta li r-rikorrenti sostnew, fit-tieni laqgħa, li l-immunità parzjali kellha tingħatalhom għall-perijodu inkluż bejn l-1978 u l-1992, konformement mal-paragrafu 23 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Insostenn ta’ din it-talba, huma invokaw il-fatt li, fl-assenza tal-istqarrijiet tagħhom, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha biss fuq noti iżolati li jirrigwardaw erba’ laqgħat miżmuma fl-1983 u dikjarazzjonijiet insuffiċjenti ta’ Kemira u ta’ Tessenderlo Chemie. Waqt din l-istess laqgħa, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-istqarrijiet tagħhom kellhom portata deċiżiva sabiex juru l-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju għal dan il-perijodu. Waqt it-tielet laqgħa fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, il-Kummissjoni indikat li hija ma setgħetx tagħti l-immunità parzjali mitluba mir-rikorrenti ġaladarba l-kooperazzjoni tagħhom kienet ippermettiet biss li tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tagħhom u mhux li jiġu estiżi t-tul ta’ żmien u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju fih innifsu. Min-naħa l-oħra, hija kienet lesta tagħti tnaqqis minħabba ċirkustanzi attenwanti li jikkonsisti f’li tiġi ppremjata l-kooperazzjoni tagħhom minbarra l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Madankollu, peress li r-rikorrenti rrinunzjaw milli jippreżentaw proposta ta’ riżolviment tat-tilwim u, sussegwentement, ikkontestaw, fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku qabel l-1993, il-Kummissjoni finalment ma kkunsidratx, minħabba r-raġunijiet imsemmija fil-punt 78 iktar ’il fuq, l-ewwel perijodu bħala perijodu tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur.

95

Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament iddeċidiet li ma tapplikax it-tnaqqis inizjalment previst bis-saħħa taċ-ċirkustanzi attenwanti, jiġifieri t-tnaqqis ta’ 35 % “barra mill-kuntest tal-klemenza” abbażi tal-paragrafu 29 tal-Linji gwida tal-2006. Bl-istess mod, ir-rinunzja tal-ewwel perijodu wkoll għandu impatt fuq it-tnaqqis ta’ 17 % taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni wettqitx żball fl-evalwazzjoni tal-valur miżjud tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti bis-saħħa tal-imsemmija komunikazzjoni hija diskussa fil-punti 170 et seq. Għalhekk l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ssanzjonat l-irtirar tagħhom mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim għandha, suġġett għall-kwistjoni dwar l-ippremjar tal-kooperazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, tiġi miċħuda.

96

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta bil-firxa kkomunikata waqt id-diskussjonijiet fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim. Fil-fatt, din hija proċedura differenti minn dik li finalment ġiet segwita u li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, fir-rigward tal-proċedura amministrattiva ordinarja, li fil-kuntest tagħha r-responsabbiltajiet għad għandhom jiġu stabbiliti, il-Kummissjoni hija biss marbuta bid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ma tiffissax firxa ta’ multi, u għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ġodda miġjuba għall-għarfien tagħha waqt din l-istess proċedura.

97

Sa fejn bl-argumenti tagħhom ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma spjegatx id-differenza bejn il-firxa ta’ multi inizjali u l-ammont tal-multa finalment imposta fid-deċiżjoni kkontestata, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

98

Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tinkludi espożizzjoni tal-ilmenti spjegati bi kliem ċar biżżejjed, anki jekk fil-qosor, sabiex il-persuni kkonċernati jkun jistgħu effettivament jieħdu konjizzjoni tal-aġir li bih qed jiġu akkużati mill-Kummissjoni u sabiex jinvokaw utilment id-difiża tagħhom qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, Ġabra, EU:C:1993:120, punt 42; tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra, EU:T:2003:76, punt 109; u tal-14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il-Kummissjoni, T‑461/07, Ġabra, EU:T:2011:181, punt 56). Fir-rigward tal-ammont tal-multi, jeħtieġ sempliċement li l-Kummissjoni tindika, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija għandha teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi lill-impriżi kkonċernati, u li hija għandha tiddikjara l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jagħtu lok għal multa, bħall-gravità u t-tul tal-ksur allegat u l-fatt li tkun għamlet dan intenzjonalment jew b’negliġenza (ara s-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2011, Arkema France vs Il‑Kummissjoni, T‑343/08, Ġabra, EU:T:2011:218, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

Fir-rigward tad-deċiżjoni finali, minn ġurisprudenza daqstant stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni għandha timmotivaha permezz tal-evalwazzjonijiet definittivi tagħha bbażati fuq ir-riżultati tal-investigazzjoni kollha tagħha hekk kif ikunu fil-mument tal-għeluq tal-proċedura u hija ma għandhiex l-obbligu li tispjega d-differenzi eventwali li jeżistu bejn l-evalwazzjonijiet definittivi tagħha li jinsabu fid-deċiżjoni finali ta’ sanzjoni u l-evalwazzjonijiet provviżorji tagħha inklużi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1987, BAT u Reynolds vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra, EU:C:1987:490, punt 70, u tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra, EU:C:2008:392, punti 64 u 65). Bl-istess mod, fil-kuntest tal-iffissar tal-multi minħabba l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, l-obbligu ta’ motivazzjoni hija sodisfatta meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur (sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades, C‑279/98 P, Ġabra, EU:C:2000:626, punti 39 sa 47, u Sarrió vs Il-Kummissjoni, C‑291/98 P, Ġabra, EU:C:2000:631, punti 76 sa 80).

100

Barra minn hekk, kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza, li tiġi indikata firxa ta’ multi, sa mill-mument tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tirriżulta li hi kuntrarja għan-natura purament preparatorja ta’ tali att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, EU:T:2005:220, punt 141, u tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra, EU:T:2006:396, punt 369).

101

F’din il-perspettiva, għandu jiġi enfasizzat li l-firxa ta’ multi hija strument unikament u speċifikament marbut mal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim. L-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 jippermetti espliċitament lid-dipartimenti tal-Kummissjoni jipprovdu lill-parteċipanti f’diskussjonijiet bil-għan li jaslu għal riżolviment ta’ tilwima, stima tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuqhom fid-dawl tal-modalitajiet previsti fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, tad-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim u tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, jekk ikun il-każ.

102

Il-loġika wara dawn id-dispożizzjonijiet hija li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 622/2008 u mill-paragrafu 16 tal-Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim, il-firxa ta’ multi kif ukoll l-elementi l-oħra għandhom jinġiebu għall-għarfien tal-impriża inkwistjoni sabiex hija tkun tista’ tesprimi ruħha b’mod effettiv fuq l-elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni u, b’hekk, b’għarfien tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, tiddeċiedi jekk għandhiex tikkonkludi riżolviment tat-tilwim jew le.

103

Jekk l-impriża tiddeċiedi li tikkonkludi riżolviment tat-tilwim, hija għandha tippreżenta, fit-terminu mogħti mill-Kummissjoni, proposta ta’ riżolviment tat-tilwim, li fiha hija tirrikonoxxi r-responsabbiltà tagħha fil-ksur u li tkun tirrifletti r-riżultati tad-diskussjonijiet magħmula f’dan ir-rigward, fosthom indikazzjoni tal-ammont massimu tal-multi li hija tistenna li għandhom jiġu imposti fuqha mill-Kummissjoni, u li hija taċċetta fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim. Peress li n-notifika, bil-miktub, ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija stadju obbligatorju qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali, il-Kummissjoni sussegwentement tibgħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tirrifletti l-proposta ta’ riżolviment tat-tilwim u l-impriża kkonċernata twieġeb din il-komunikazzjoni billi tikkonferma li hija tikkorrispondi mal-portata tal-proposta tagħha (ara l-punt 69 iktar ’il fuq).

104

Jekk l-impriża ma tippreżentax proposta ta’ riżolviment tat-tilwim, il-proċedura li twassal għad-deċiżjoni finali hija rregolata minn dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament Nru 773/2004, minflok dawk li jirregolaw il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim. Hekk kif diġà ġie osservat iktar ’il fuq, din għaldaqstant hija sitwazzjoni msejħa “tabula rasa”, li fiha r-responsabbiltajiet għad għandhom jiġu stabbiliti.

105

Minn dan jirriżulta wkoll li l-firxa kkomunikata waqt il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim hija mingħajr rilevanza, peress li din hija strument li jikkonċerna dawn il-proċedimenti. Għaldaqstant ma jkunx loġiku, u lanqas ma jkun xieraq (ara l-punt 100 iktar ’il fuq), li l-Kummissjoni jkollha tapplika, jew tirreferi għal, firxa ta’ multi li jaqgħu taħt proċedura oħra li eventwalment ġiet irrinunzjata.

106

Bl-istess loġika, ebda obbligu ta’ motivazzjoni iktar oneruż ma jaqa’ fuq il-Kummissjoni meta tirrikorri għall-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, ulterjorment irrinunzjata, intiża sabiex tiffaċilita s-soluzzjoni tat-tilwim, minn dak li jaqa’ fuqha meta tadotta deċiżjoni skont il-proċedura ordinarja.

107

Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti li l-ammont tal-multa tagħhom fl-ebda każ ma għandu jkun ogħla minn dak li jikkorrispondi għal-limitu ogħla mill-firxa ta’ multi li kienet ġiet ikkomunikata lilhom bil-għan ta’ riżolviment tat-tilwim, miżjuda b’10 % minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim, ma jistax jintlaqa’. Barra minn hekk, li kieku kellu jinltaqa’ tali argument, il-Kummissjoni tispiċċa titlef il-possibbiltà li timponi multa adattata għaċ-ċirkustanzi ġodda u eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, u dan meta hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni argumenti ġodda jew provi ġodda miġjuba quddiemha waqt il-proċedura amministrattiva ordinarja, li jistgħu jkollhom impatt fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li għandu jiġi impost.

– Fuq in-natura insuffiċjenti tal-analiżi

108

Peress li r-rikorrenti jilmentaw ukoll li l-Kummissjoni wettqet analiżi insuffiċjenti u jsostnu li huma rtiraw ruħhom mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim sabiex jirrettifikaw it-teżi tal-Kummissjoni dwar l-allegata parteċipazzjoni tagħhom fi ksur mill-1978 (ara l-punt 48 iktar ’il fuq), għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni eżaminatx biżżejjed inizjalment il-fajl ta’ Timab fir-rigward tal-ksur li bih qed tiġi akkużata jew jekk hija interpretatx b’mod żbaljat l-informazzjoni kkomunikata mir-rikorrenti.

109

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-talba tar-rikorrenti intiża sabiex jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u tat-tweġibiet tagħhom għat-talbiet għal informazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fl-imsemmija talba tal-14 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti indikaw li Timab kienet tipparteċipa f’laqgħat mal-produtturi prinċipali tal-FGħA fil-qafas, u barra mill-qafas, tal-Conseil européen des fédérations de l’industrie chimique (CEFIC), li l-kuntatti bejn id-diretturi ta’ Timab u l-persuni responsabbli ta’ waħda mill-impriżi kompetitriċi jew ta’ numru minn fosthom fil-produzzjoni jew il-bejgħ tal-FGħA kienu bdew fl-1978, li kienu jseħħu laqgħat madwar darbtejn jew tlieta fis-sena sa mill-1979 u li, fl-1983, kienu seħħew erba’ laqgħat li kienu jirrigwardaw il-ħolqien fir-Renju Unit ta’ diviżjoni ta’ produzzjoni minn Timab. Barra minn hekk, kienu jeżistu laqgħat oħra għas-swieq kollha ta’ nofsinhar tal-Ewropa li għalihom Timab ma ġietx mistiedna u li fihom għaldaqstant hija ma kinitx tipparteċipa.

110

Fil-15 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti kkompletaw it-talba tagħhom intiża sabiex jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u kkonfermaw il-parteċipazzjoni ta’ Timab fil-laqgħat u fl-iskambji ta’ informazzjoni ma’ intervenjenti oħra mis-settur tas-suq tal-FGħA sa mill-1978 kif ukoll il-fatt li hija kienet temmet dawn il-prattiki malli bdew l-investigazzjonijiet li għalihom kienet suġġetta fl-2004. Ir-rikorrenti indikaw ukoll li huma diġà kienu kkomunikaw elementi differenti li jistgħu jippreżentaw valur miżjud fil-kuntest tat-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni filwaqt li talbuha tevalwa l-valur miżjud ta’ dawn l-elementi mill-ġurnata meta ġew ikkomunikati għall-ewwel darba fl-2007, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi tal-fajl li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha f’din id-data.

111

Fir-rigward tal-ewwel talba għal informazzjoni, li tirrigwarda l-perijodu inkluż bejn l-1989 u l-2003, u t-tieni talba għal informazzjoni, relatata mal-perijodu inkluż bejn l-1969 u l-2004, ir-rikorrenti weġbuhom rispettivament fit-22 ta’ Frar 2007 u fis-6 ta’ Awwissu 2007. Dawn it-tweġibiet jikkonfermaw li Timab kellha kuntatti antikompetittivi ma’ intervenjenti oħra mis-suq tal-FGħA, filwaqt li t-tieni tweġiba kienet tistabbilixxi tali kuntatti mill-1978 mal-parteċipanti attivi fi Franza.

112

Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti, ukoll fil-kuntest tat-talba tagħhom għal klemenza, annettew dikjarazzjoni ta’ C., direttur ġenerali ta’ Timac SA u president ta’ Timab, suċċessur legali ta’ Timac, fiż-żmien meta seħħew il-fatti. Skont din id-dikjarazzjoni, l-ewwel laqgħa li fiha Timab ġiet mistiedna fuq livell Ewropew seħħet f’Madrid (Spanja), fil-bidu tas-snin 80, b’mod partikolari fil-preżenza tal-kumpanniji Boliden, Windmill, Kemira, Ercros u Tessenderlo Chemie. Minn dan jirriżulta li dawn il-laqgħat kienu ġeneralment jimxu mar-ritmu tal-laqgħat tas-CEFIC, ippresjeduti minn Tessenderlo Chemie, mill-inqas tliet darbiet fis-sena, fuq is-suq kollu u skont iż-żona ġeografika. Timab kompliet tipparteċipa (għal madwar żewġ jew tliet laqgħat fis-sena), sal-2004, f’laqgħat li kienu jiġbru fi ħdanhom lill-produtturi skont iż-żona ġeografika. Fl-aħħar nett, skont din id-dikjarazzjoni, Timab ma kinitx preżenti biss għal-laqgħat relatati mas-suq Franċiż, iżda wkoll għal dawk relatati mas-swieq fejn hija kienet twettaq l-esportazzjonijiet. Waqt dawn il-laqgħat, iċ-ċifri ddikjarati lis-CEFIC kienu jiġu rreġistrati, fejn dan kien jippermetti li jiġi kkostitwit mill-ġdid il-volum tas-suq u li jiġu aġġustati l-volumi li kellhom jiġu kkummerċjalizzati mid-diversi intervenjenti. L-iskambji kienu jirrigwardaw ukoll il-livell tal-prezzijiet.

113

Huwa paċifiku li, fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (punti 431 sa 458), ir-rikorrenti indikaw li Timab ma kinitx ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwu mill-1978 sal-1993, iżda f’żewġ jew fi tliet prattiki distinti. Il-prattiki preċedenti għall-adeżjoni ta’ Timab fis-Super CEPA, fis-16 ta’ Settembru 1993, huma distinti minn dawk implementati fil-kuntest taċ-CEPA u għaldaqstant huma preskritti, konformement mal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003. Anki li kieku l-Kummissjoni kellha tikkunsidra li l-prattiki inkwistjoni kienu fil-verità jifformaw ksur uniku, dawn il-prattiki ġew interrotti matul kważi sentejn konsekuttivi u għaldaqstant, għal din ir-raġuni, huma preskritti għall-perijodu qabel is-16 ta’ Settembru 1993.

114

Meta jiġu interpretati t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u t-tweġibiet għat-talbiet għal informazzjoni, u b’mod iktar partikolari t-tweġiba tas-6 ta’ Awwissu 2007 għat-tieni talba għal informazzjoni, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni leġittimament setgħet ħasbet li r-rikorrenti kienu involuti fil-ksur uniku u kontinwu sa mill-1978.

115

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju prevalenti fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-libertà tal-produzzjoni tal-provi u l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. Ebda dispożizzjoni u ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tinvoka kontra impriża dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li d-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest ta’ talba intiża sabiex parti tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għandhom valur probatorju li ma huwiex negliġibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra, EU:T:2004:221, punti 207, 211 u 212). Raġunament bħal dan jista’ jiġi traspost fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet kontra l-impriża nnifisha li qed tressaq it-talba. Xorta jibqa’ l-fatt li jekk l-impriża li talbet sabiex tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tbiddel id-dikjarazzjoni tagħha jew tagħti ulterjorment interpretazzjoni oħra tagħha, ikun diffiċli għall-Kummissjoni, u sussegwentement għall-qorti, fin-nuqqas ta’ provi oħra, li tieħu inkunsiderazzjoni din id-dikjarazzjoni minħabba t-tnaqqis fil-valur probatorju tagħha. F’każ bħal dan, ma huwiex mistenni mill-Kummissjoni li tinvoka neċessarjament kontra l-impriża l-ewwel dikjarazzjonijiet tagħha.

116

Barra minn hekk, wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, inżammu tliet laqgħat, speċifikament dawk diġà msemmija fil-punt 94 iktar ’il fuq. Fid-diskussjonijiet matul dawn il-laqgħat, il-Kummissjoni kkomunikat, konformement mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 773/2004 u mal-paragrafu 16 tal-Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim, il-fatti allegati, il-kwalifika tagħhom, il-gravità u t-tul tal-akkordju allegat. Għaldaqstant ir-rikorrenti kienu informati dwar il-kwalifika ta’ “ksur uniku u kontinwu” ikkunsidrata mill-Kummissjoni u dwar il-parteċipazzjoni allegata tagħhom f’dan il-ksur mill‑1978 sal‑2004 u b’hekk kellhom il-possibbiltà li jiddiskutuhom.

117

Bħal ma sostniet il-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, waqt l-iskambji preparatorji għar-riżolviment tat-tilwim, qatt ma esprimew l-opinjoni tagħhom li, fil-fatt, kien hemm mill-inqas żewġ ksur distinti, fejn wieħed minnhom kien preskritt. Ċertament, fil-paragrafu 2 tal-Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim, huwa indikat li l-Kummissjoni ma tinnegozjax il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u lanqas is-sanzjoni li għandha tiġi applikata għal dan il-ksur. Madankollu, din il-komunikazzjoni ma għandhiex tostakola d-diskussjonijiet. Fil-fatt, il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim jeħtieġu, min-natura tagħhom stess, skambji ta’ opinjonijiet bejn il-partijiet. Għalhekk, huwa inerenti għal tali proċedura li kemm l-impriżi kif ukoll il-Kummissjoni għandhom jipprovaw jaslu għal evalwazzjoni komuni tas-sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, il-paragrafu 17 tal-Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim). Jekk, u billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-karattru semplifikat tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, l-impriża inkwistjoni u l-Kummissjoni ma jistgħux jaslu għal evalwazzjoni komuni tas-sitwazzjoni, tibqa’ biss il-proċedura ordinarja.

118

Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ttrattat b’mod żbaljat il-fajl tagħhom għandu jiġi miċħud.

– Fuq l-ilmenti l-oħra

119

Fir-rigward tal-ilmenti l-oħra tar-rikorrenti, spjegati fil-qosor fil-punti 49 sa 54 iktar ’il fuq, dwar l-allegat fatt li l-Kummissjoni marret kontra d-dritt li persuna ma tinkriminax lilha nnifisha, preġudizzju għall-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, allegat ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif ukoll użu ħażin tal-poter, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma humiex fondati.

120

L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument dwar id-dritt li persuna ma tinkriminax lilha nnifisha, għandu jitfakkar lil-kooperazzjoni ta’ impriża fis-sens tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għandha karattru purament volontarju min-naħa tal-impriża kkonċernata. Skont is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il‑Kummissjoni (374/87, Ġabra, EU:C:1989:387, punti 34 u 35), il-Kummissjoni għandha d-dritt li tobbliga lil impriża tipprovdilha l-informazzjoni kollha neċessarja li tirrigwarda l-fatti li hija jista’ jkollha għarfien dwarhom, iżda hija ma tistax timponi fuq din l-impriża l-obbligu li tipprovdi tweġibiet li bihom hija titwassal sabiex tammetti l-eżistenza tal-ksur li fir-rigward tiegħu hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, għalkemm il-Kummissjoni ma tistax iġġiegħel impriża tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fi ksur, hija ma hijiex, b’dan, prekluża milli tieħu inkunsiderazzjoni, meta tiffissa l-ammont tal-multa, l-għajnuna li din l-impriża, minn jeddha, tkun tatha sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur (ara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, Acerinox vs Il-Kummissjoni, C‑57/02 P, Ġabra EU:C:2005:453, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, il-kooperazzjoni u l-livell ta’ kooperazzjoni li l-impriża tixtieq toffri matul il-proċedura amministrattiva jaqgħu esklużivament taħt il-libertà ta’ għażla ta’ din l-impriża. Kemm il-proċedura li ssegwi talba intiża sabiex parti tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni kif ukoll dik relatata mal-proposta ta’ riżolviment tat-tilwim huma forom ta’ kooperazzjoni. Għalhekk, l-istess loġika tapplika għall-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim. Il-proposta ta’ riżolviment tat-tilwim tal-impriża kkonċernata, li tirrikonoxxi r-responsabbiltà tagħha fil-ksur, wara diskussjonijiet preparatorji mmexxija fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, tistrieħ fuq il-libertà ta’ għażla ta’ din l-impriża. Barra minn hekk, ma jirriżulta mkien mill-fajl li l-Kummissjoni pprovat tinfluwenza l-għażla tar-rikorrenti.

121

It-tieni nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, ir-rikorrenti jallegaw li xejn ma kien jippermetti li tiġi prevista deċiżjoni daqstant paradossali u kuntrarja għall-interess tad-difiża tagħhom (intiża sabiex tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ ksur distint u sabiex tibbenefika, konsegwentement, minn tnaqqis tal-multa).

122

Issa, għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni applikat sempliċement il-Linji Gwida tal-2006 u l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Hekk kif diġà ġie indikat iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tippremja dikjarazzjonijiet awtoinkriminanti fir-rigward tal-perijodu ta’ ħmistax-il sena li ma tteħidx inkunsiderazzjoni. Mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 93 iktar ’il fuq jirriżulta li, meta talba intiża sabiex parti tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni hija relatata ma’ akkordju distint minn dak li tkun qed tittratta l-Kummissjoni, ma jeżisti ebda valur miżjud u l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tippremja din il-kooperazzjoni, ġaladarba hija ma tiffaċilitax l-investigazzjoni. Għalhekk, għandu jiġi konkluż li huwa prevedibbli li l-premju fir-rigward tal-klemenza jiġi rivedut meta d-dikjarazzjoni fil-kuntest tat-talba għal klemenza tkun tirrigwarda parzjalment perijodu mhux meħud inkunsiderazzjoni. Bl-istess mod, peress li d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti kienet tikkostitwixxi l-element li jippermetti li jiġi estiż it-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni tagħhom, it-tnaqqis “barra mill-kuntest tal-klemenza” inizjalment previst kien sar ukoll mingħajr rilevanza.

123

It-tielet nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, id-dritt li parti tinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni ħolqot fi ħdanu tamiet fondati, fejn għandu jiġi ppreċiżat li fl-ebda mument ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonali u konkordanti, minn sorsi awtorizzati u affidabbli, li jkunu ngħataw lilu mill-amministrazzjoni (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Deltafina vs Il-Kummissjoni, T‑29/05, Ġabra, EU:T:2010:355, punt 427 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124

F’dan il-każ, il-firxa ta’ multi ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti fil-kuntest tad-diskussjonijiet bil-għan tar-riżolviment tat-tilwim. Barra minn hekk, din il-firxa kienet tirrigwarda l-perijodu mill-31 ta’ Diċembru 1978 sal-10 ta’ Frar 2004. Ċertament, l-effikaċja tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim u l-proċedura ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jfissru li l-Kummissjoni hija marbuta, waqt din il-proċedura, bl-istima tagħha tal-ammont tal-multa. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li huwa abbażi ta’ din l-evalwazzjoni li parti tista’ tiddeċiedi li tittrażmetti proposta ta’ tranżazzjoni fis-sens tal-Artikolu 10a(2) tar-Regolament Nru 773/2004. Madankollu, dan ma japplikax f’dan il-każ. Ir-rikorrenti rtiraw ruħhom mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim. Għalhekk, huma ma jistgħux jinvokaw preġudizzju leġittimu sabiex tiġi applikata l-firxa ta’ multi probabbli. Issa, wara r-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fil-kuntest tal-proċedura ordinarja, il-Kummissjoni naqqset il-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur. Hekk kif diġà ġie osservat (ara l-punt 91 iktar ’il fuq), din il-limitazzjoni tat-tul tal-ksur ma kellhiex biss impatt fuq il-kalkolu tal-valur tal-bejgħ, iżda wkoll fuq l-evalwazzjoni tal-valur miżjud tal-kontribuzzjonijiet tar-rikorrenti.

125

Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jiġi kkonstatat li lanqas dan ma jista’ jintlaqa’. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li kienet sempliċement tiddeskrivi l-elementi fattwali li jistgħu jkollhom effett fuq il-kalkolu tal-multi (il-gravità u t-tul), liema modus operandi huwa normali fil-kuntest ta’ proċedura ordinarja (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 98 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni ma kellhiex obbligu tittratta l-kwistjonijiet relatati mat-tnaqqis minħabba klemenza jew it-tneħħija tat-tnaqqis minħabba ċirkustanzi attenwanti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, wisq iżjed meta, f’dan l-istadju tal-proċedura, ir-rikorrenti kienu għadhom ma humiex f’pożizzjoni li jinvokaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din id-dikjarazzjoni. Barra minn hekk, mill-fajl jirriżulta li ladarba ħadet konjizzjoni tal-argumenti tar-rikorrenti, wara t-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u waqt is-seduta tal-24 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti jikkjarifikaw ir-relazzjoni bejn it-talba tagħhom għal klemenza u l-fatti preċedenti għall-1993 u indikat li l-kwalifika l-ġdida tal-ksur setgħet ikollha effett fuq il-kalkolu tal-multi u, b’mod partikolari, fuq il-valur miżjud tal-kooperazzjoni ta’ Timab.

126

Il-ħames nett, fir-rigward ta’ allegat użu ħażin ta’ poter minħabba l-fatt li l-Kummissjoni użat is-setgħet tagħha bil-għan li tissanzjona l-irtirar mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim tar-rikorrenti, jeħtieġ sempliċement li jitfakkar li l-Linji gwida tal-2006 u l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ġew applikati bl-istess mod kemm fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fil-kalkolu tal-firxa fil-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, fejn id-differenzi kienu jirriżultaw, minbarra fil-kalkolu tal-bażi tal-multa, fin-nuqqas ta’ applikazzjoni tat-tnaqqis ta’ 10 % previst għall-Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment tat-tilwim, l-elementi li fuqhom kienet ibbażata l-evalwazzjoni tat-talba ta’ klemenza u l-assenza ta’ qbil tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni taċ-ċirkustanza attenwanti.

127

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li peress li ebda wieħed mill-ilmenti bbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tat-testi li jirregolaw il-proċedimenti għar-riżolviment tat-tilwim, tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll ta’ użu ħażin ta’ poter ma jistgħu jintlaqgħu, l-ewwel grupp ta’ motivi għandu jiġi miċħud.

Fuq il-prattiki kkonċernati

128

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli imputat il-prattiki allegati lill-impriżi kollha mingħajr ma għamlet distinzjoni bejn il-perijodi tal-ksur differenti u l-aġir differenti. B’dan il-mod, hija ċaħdet lir-rikorrenti mid-dritt li jinvokaw ulterjorment l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-ilmenti mhux fondati ta’ parteċipazzjoni f’ċerti prattiki, jiġifieri l-mekkaniżmu ta’ kumpensazzjoni u l-iffissar bi ftehim tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ. Jidher ukoll li l-Kummissjoni marret kontra l-istandards ta’ prova u l-obbligu ta motivazzjoni.

129

B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ kumpensazzjoni, ir-rikorrenti jsostnu li, kuntrarjament għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li teskludi kull parteċipazzjoni ta’ Timab f’dan il-mekkaniżmu, id-deċiżjoni kkontestata ssostni li Timab ipparteċipat fih fejn talbet reviżjoni ta’ kwoti li kienu ġew attribwiti lilha. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tagħti definizzjoni tal-mekkaniżmi ta’ kumpensazzjoni (li tiġi ssanzjonata n-nuqqas ta’ osservanza tal-kwoti) li ma hijiex dik tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (li jiġu ffissati l-għanijiet a priori).

130

Bl-istess mod, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ, id-deċiżjoni kkontestata u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lanqas ma għandhom l-istess definizzjoni u l-prattiki kkunsidrati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jikkorrispondux għall-perijodu tal-ksur ikkunsidrat mid-deċiżjoni kkontestata.

131

Il-Kummissjoni titlob sabiex dan il-motiv jiġi miċħud.

132

Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali sostanzjali li għandu jkun distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li tikkonċerna l-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. Il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet interessati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punti 63 u 67).

133

B’hekk, dan ir-rekwiżit għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji, jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att, jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha, iżda wkoll fil-kuntest tagħha kif ukoll mill-ġabra tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-materja kkonċernata (sentenza Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 132 iktar ’il fuq, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 63).

134

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-prattiki li jirrigwardaw mekkaniżmi ta’ kumpensazzjoni u dawk li jirrigwardaw il-koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ jagħmlu parti mill-ksur uniku u kontinwu, sa mill-bidu tiegħu, billi huma metodi sabiex jitwettaq l-għan innifsu tal-akkordju (ara t-taqsima 4 u l-premessi 239 u 248 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, mill-premessi 219 sa 221 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li r-rikorrenti pparteċipaw f’dan il-ksur sa mis‑16 ta’ Settembru 1993, u dan b’għarfien sħiħ ta’ dawn il-prattiki. Fl-aħħar nett, il-premessi 127, 132 sa 135, 156, 159, 227 u 246 tad-deċiżjoni kkontestata jistabbilixxu dawn il-prattiki li jirrigwardaw lir-rikorrenti. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement immotivata f’dan ir-rigward, b’tali mod li hemm lok biex dan l-ilment jiġi miċħud.

135

Fir-rigward tal-ilment dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, dan għandu jiġi miċħud. Fl-ewwel lok, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tindika l-mekkaniżmi ta’ kumpensazzjoni u l-koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ li kienu elementi tal-akkordju, minkejja li b’mod sekondarju, u l-fatt li Timab tirriżulta fost il-parteċipanti, ħlief, fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ kumpensazzjoni, għas-snin 1994 sal-1996. Il-punti 459 sa 480 tat-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġew iddedikati għal dawn l-elementi. Għalhekk, ir-rikorrenti kellhom il-possibbiltà li jesprimu ruħhom dwar dawn l-elementi kkunsidrati kontrihom.

136

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, ma hemmx differenza bejn id-definizzjonijiet ikkunsidrati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u dawk ikkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ kumpensazzjoni u l-koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ. Fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ kumpensazzjoni, il-prinċipji bażiċi ta’ dan il-mekkaniżmu huma deskritti, b’mod identiku, fil-punt 127 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fil-premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata. L-istess jgħodd fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ, hekk kif jirriżulta, bħala eżempju, mill-punti 83, 100 u 106 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u mill-premessi 86, 107 u 113 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-fatt li l-miżuri ta’ kumpensazzjoni u l-koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ jistgħu jieħdu forom differenti, bħall-prattika tal-prezzijiet ta’ kopertura, intiżi sabiex jiżguraw ruħhom mill-attribuzzjoni ta’ klijent (miżuri ta’ kumpensazzjoni), bħall-ftehim dwar il-perijodi ta’ ħlas skont segmenti ta’ klijenti, bħall-koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet kuntrattwali jew l-attribuzzjoni ta’ kanali ta’ distribuzzjoni jew it-tul tal-kuntratti (kundizzjonijiet ta’ bejgħ), assolutament ma jbiddilx din il-konstatazzjoni.

137

Fir-rigward tal-provi, huwa minnu li l-provi fir-rigward tal-mekkaniżmi ta’ kumpensazzjoni kif ukoll il-ftehim dwar il-kundizzjonijiet ta’ bejgħ jirrigwardaw pjuttost l-ewwel perijodu (1978‑1993) tal-akkordju, li finalment ma ġiex ikkunsidrat kontra r-rikorrenti. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tfissirx li l-provi huma neqsin jew li r-rikorrenti ma jistgħux jitqiesu li huma responsabbli mill-ksur.

138

Għalhekk, mill-premessi 134 u 246 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Timab innegozjat żiediet ta’ kwoti meta kien neċessarju għaliha li żżid il-volumi ta’ offerti tagħha, b’mod partikolari fl‑1996, u meta kisbet il-ftehim biex tbigħ il-volum addizzjonali mitlub minn Franza lejn il-Belġju, il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Isvizzera u l-Pajjiżi l-Baxxi bil-kundizzjoni li din iż-żieda tkun progressiva, mifruxa fuq perijodu ta’ erba’ snin (mill‑1997 sal‑2000).

139

Barra minn hekk, huwa paċifiku li Timab ipparteċipat fl-akkordju li jirrigwarda l-koordinazzjoni tal-volumi tal-kwoti, fl-istrateġiji u fil-kundizzjonijiet ta’ pprezzar u li, billi aderixxiet mal-ftehim tas-Super CEPA, hija kienet kuxjenti, jew, minn tal-inqas, imissha kienet kuxjenti, dwar il-koordinazzjoni fi ħdan is-Super CEPA li tinvolvli l-kundizzjonijiet ta’ bejgħ ukoll, anki jekk dan kien biss f’każ ta’ neċessità. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 173 tad-deċiżjoni kkontestata, waqt il-laqgħat tal-akkordju dwar is-snin li fir-rigward tagħhom l-involviment ta’ Timab ma ġiex ikkontestat, kundizzjonijiet oħra ta’ bejgħ, bħall-volumi pprovduti għal kull klijent, kienu, sa fejn neċessarju, s-suġġett ta’ diskussjonijiet.

140

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li dawn l-elementi ma ttiħdux inkunsiderazzjoni meta saret l-evalwazzjoni tal-gravità tal-akkordju. Fil-fatt, mill-premessa 328 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni biss, għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-fatturi komuni għall-parteċipanti kollha f’dan il-ksur, jiġifieri l-qsim tas-suq u l-koordinazzjoni tal-prezzijiet.

141

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ammont tal-multa

142

Fil-kuntest tat-tielet grupp ta’ motivi, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret ċertu numru ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ individwalità tal-pieni u ta’ proporzjonalità, u jikkritikaw numru ta’ aspetti mill-ammont tal-multa jew ir-regoli applikati għaliha, billi jallegaw ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-prattiki kkritikati, żball manifest ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti, limitazzjoni sproporzjonata tat-tnaqqis minħabba l-klemenza u żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas.

– Fuq il-ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003

143

Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ individwalità tal-pieni nkisru minħabba l-fatt li l-multi ġew iffissati skont il-livell ta’ kooperazzjoni u mhux skont il-gravità u t-tul tal-ksur kif previst mill-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament.

144

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

145

Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni. Il-gravità hija speċifikata fl-iffissar tal-perċentwali ta’ valur tal-bejgħ li jintużaw sabiex jiġi ffissat l-ammont bażiku inizjali u l-ammont addizzjonali bħala dissważjoni, u t-tul huwa rifless, jekk ikun il-każ, jew fil-multiplikatur bin-numru ta’ snin, jew fil-valur tal-bejgħ reali magħmul matul il-parteċipazzjoni fil-ksur. Il-fatt li ngħata tnaqqis lil ċerti parteċipanti f’dan il-ksur minħabba l-kooperazzjoni u r-riżolviment tat-tilwim ma jqegħidx inkwistjoni din il-konstatazzjoni.

146

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti pprovdew żewġ tabelli fin-noti tagħhom. Jidher li l-imsemmija tabelli għandhom jinqraw fid-dawl ta’ allegat ksur tal-prinċipji ta’ individwalità tal-pieni u ta’ proporzjonalità. Fir-rigward tat-tabella pprovduta mir-rikorrenti fir-rikors tagħhom, li tqabbel il-multi imposti fid-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-Linji gwida tal‑2006 mal-multi li setgħu ġew ikkalkolati skont il-Linji gwida tal-1998 (jiġifieri, skont ir-rikorrenti, multa żewġ darbiet inferjuri fir-rigward tagħhom), għandu jiġi osservat li dan il-paragun huwa mingħajr rilevanza ġaladarba l-qafas ta’ referenza huwa biss dak tal-Linji gwida tal‑2006.

147

Bl-istess mod, it-tabella pprovduta fir-replika li tindika l-perċentwali tal-multa fuq il-bejgħ akkumulat ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati, li, skont ir-rikorrenti, tindika disparitajiet, għandu jiġi osservat li tali paragun huwa nieqes minn rilevanza. Fil-fatt, huwa żbaljat li wieħed iqis li r-relazzjoni bejn il-volum globali tal-bejgħ u l-ammont tal-multa għandha tkun kostanti għall-impriżi kollha li jipparteċipaw fl-istess ksur uniku, peress li l-ammont finali tal-multa jirrifletti ċirkustanzi partikolari għal kull impriża, bħal żidiet minħabba ċirkustanzi aggravanti u tnaqqis minħabba ċirkustanzi attenwanti jew sabiex ma jinqabiżx il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ u għall-klemenza. Il-fatt li, minħabba l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % previst fl‑Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, ċerti fatturi bħall-gravità u t-tul tal-ksur ma jaffettwawx b’mod effettiv l-ammont tal-multa imposta lil parteċipant fi ksur, kuntrarjament għal parteċipanti oħra li ma bbenefikawx mit-tnaqqis taħt l-imsemmi limitu, huwa biss sempliċi konsegwenza tal-applikazzjoni ta’ dan il-limitu fuq l-ammont finali tal-multa imposta (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra, EU:C:2005:408, punt 279).

148

Għalhekk, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipji ta’ individwalità tal-pieni u ta’ proporzjonalità ma jistax jintlaqa’.

– Fuq il-gravità

149

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, ċerti elementi importanti f’dan ir-rigward, bħall-pressjoni fuq il-prezzijiet dovuta għall-kompetizzjoni ta’ prodotti simili, l-impatt konkret tal-ksur u l-fatt li, matul is-snin 2000, il-kompetizzjoni kienet reali bejn il-partijiet fiċ-CEPA, b’mod partikolari minħabba l-aġir ta’ Timab. Minħabba f’hekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tiffissa perċentwali identika tal-valur tal-bejgħ ikunu liema jkunu l-impriżi, it-tul u l-intensità tal-prattiki għal kull waħda minnhom, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità tas-sanzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ koeffiċjenti ta’ 17 %. Fil-fehma tagħhom, dan għandu jkun inqas minn dak ikkunsidrat għal impriżi oħra fid-dawl tal-fatt li huma ma pparteċipawx fil-mekkaniżmi ta’ kumpensazzjoni u fil-kundizzjonijiet ta’ bejgħ. Għall-istess raġuni, il-perċentwali tal-ammont addizzjonali għandha titnaqqas.

150

Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

151

Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-kalkolu tal-ammont tal-multa, għandu jitfakkar li, skont il-metodoloġija prevista fil-paragrafi 9 sa 11 tal-Linji gwida tal‑2006, fl-ewwel stadju, il-Kummissjoni tiddetermina ammont bażiku tal-multa għal kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi. Fit-tieni stadju, hija tista’ taġġusta dan l-ammont bażiku tal-multa ’il fuq jew ’l isfel, u dan fid-dawl taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li jikkaratterizzaw il-parteċipazzjoni ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati.

152

Iktar preċiżament, fir-rigward tal-ewwel fażi tal-metodoloġija għall-iffissar tal-multi, skont il-paragrafi 21 sa 23 tal-Linji gwida tal-2006, il-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” huwa ffissat għal-livell li jista’ jilħaq it-30 %, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-firxa ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew le tal-ksur, filwaqt li huwa paċifiku li l-ftehimiet ta’ ffissar ta’ prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u ta’ limitazzjoni ta’ produzzjoni huma, min-natura tagħhom stess, fost l-iktar restrizzjonijiet gravi ta’ kompetizzjoni. Skont il-paragrafu 25 tal-Linji gwida tal-2006, huwa ppreċiżat li, b’għan ta’ dissważjoni, il-Kummissjoni għandha tinkludi fl-ammont bażiku tal-multa proporzjon li jippermetti li jiġi kkalkolat ammont addizzjonali inkluż bejn il-firxa li tmur minn 15 % sa 25 % tal-valur tal-bejgħ, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi ċċitati iktar ’il fuq.

153

Mill-punt 152 iktar ’il fuq jirriżulta li sabiex il-Linji gwida tal‑2006 jiddeterminaw il-gravità tal-ksur u għaldaqstant il-multa, huma ma jorbtux importanza deċiżiva mal-eżistenza jew mal-assenza ta’ effetti tal-akkordju.

154

Dan l-approċċ huwa konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-effett ta’ prattika antikompetittiva ma huwiex kriterju determinanti fl-evalwazzjoni tal-ammont adegwat tal-multa (sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra EU:C:2003:527, punt 118, u tat‑3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra, EU:C:2009:505, punt 96).

155

Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-qsim tas-swieq u l-akkordji orizzontali fil-qasam ta’ prezzijiet dejjem tqiesu li jagħmlu parti mill-ksur l-iktar gravi tad-dritt tal-kompetizzjoni u għaldaqstant jistgħu, waħedhom, jiġu kkwalifikati bħala gravi ħafna (ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale vs Il‑Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra, EU:T:2005:298, punti 173 u 174 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra, EU:T:2006:103, punt 252 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tat‑13 ta’ Lulju 2011, Polimeri Europa vs Il‑Kummissjoni, T‑59/07, Ġabra, EU:T:2011:361, punt 225).

156

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fir-rigward tal-assenza ta’ effetti tal-akkordju fuq is-suq ikkonċernat għandhom jiġu miċħuda.

157

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ kull impriża kkonċernata kkunsidrata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li d-determinazzjoni tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u dik tal-koeffiċjenti “ammont addizzjonali” huma rispettivament is-suġġett tal-premessi 323 sa 326 u tal-premessi 332 sa 333 tad-deċiżjoni kkontestata.

158

Minn dan jirriżulta li, sabiex tiġġustifika l-iffissar ta’ koeffiċjenti ta’ 17 %, il-Kummissjoni bbażat ruħha, fir-rigward tal-koeffiċjenti ta’ “gravità tal-ksur”, fuq żewġ kriterji, jiġifieri n-natura tal-ksur u l-portata ġeografika tal-akkordju. L-istess jgħodd fir-rigward tal-“koeffiċjenti addizzjonali”.

159

Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-għan prinċipali tal-akkordju globali, li kellu bħala għan il-qsim ta’ parti kbira mis-suq Ewropew tal-FGħA kif ukoll li jikkoordina l-prezzijiet u fakkret li tali koordinazzjoni kienet tikkostitwixxi, min-natura tagħha, ksur gravi ħafna tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Barra minn hekk, il-parti l-kbira tat-territorji tal-Istati Membri tal-Unjoni u tal-partijiet kontraenti fil-Ftehim ŻEE kienu koperti mill-ksur.

160

Fir-rigward tal-ilmenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ individwalità tal-pieni, minħabba l-fatt li hija ma kkunsidratx perċentwali tal-valur tal-bejgħ inferjuri għal dak iffissat għall-partijiet l-oħra minħabba li Timab ma pparteċipatx fil-prattiki ta’ kumpensazzjoni u ta’ koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma jistgħux jintlaqgħu.

161

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li qabel kollox jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma għandhomx jeċċedu l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra, EU:C:1990:391, punt 13; tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C‑180/96, Ġabra, EU:C:1998:192, punt 96, u tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, T‑30/05, EU:T:2007:267, punt 223). Fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi, il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skont numru ta’ elementi u ma għandha tingħata importanza sproporzjonata lil ebda wieħed minn dawn l-elementi meta mqabbel ma’ elementi oħra ta’ evalwazzjoni. F’dan il-kuntest il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa proporzjonalment għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u f’dan ir-rigward hija għandha tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra, EU:T:2006:270, punti 226 sa 228, u tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni, T‑446/05, Ġabra, EU:T:2010:165, punt 171).

162

F’dan il-każ, ir-rikorrenti pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu bejn l-1993 u l-2004, liema ksur kien jikkonsisti fl-implementazzjoni ta’ qsim tas-suq u ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet, Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, tiffissa perċentwali identiku tal-valur tal-bejgħ ikunu liema jkunu l-impriżi, it-tul u l-intensità tal-prattiki għal kull waħda minnhom.

163

Bl-istess mod, ir-rikorrenti lanqas ma jistgħu validament jinvokaw il-kawża li tat lok għas-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2010, IMI et vs Il-Kummissjoni (T‑18/05, Ġabra, EU:T:2010:202) jew dik relatata mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ottubru 2008 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C‑39181 – Xama’ għal xemgħa). F’dan ir-rigward mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-mekkaniżmi ta’ kumpensazzjoni jew il-koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ ma jikkostitwixxux parti separata tal-akkordju, iżda huma aġir aċċessorju (“jekk ikun meħtieġ”) tal-ksur. L-imsemmi aġir ma tteħidx inkunsiderazzjoni biex jinfluwenza l-perċentwali applikata, b’tali mod li ma setgħet issir ebda differenzazzjoni bejn ir-rikorrenti u l-partijiet l-oħra fl-akkordju, anki jekk kien paċifiku li Timab ma kinitx ipparteċipat f’aspett jew ieħor tal-koordinazzjoni inkwistjoni. Issa, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-fatturi fl-evalwazzjoni tal-gravità huma komuni għall-partijiet kollha li ħadu sehem fil-ksur inkwistjoni, jiġifieri, prinċipalment, il-qsim tas-suq u l-koordinazzjoni tal-prezzijiet u li, minħabba f’hekk, il-perċentwali ta’ gravità hija l-istess għall-impriżi kollha involuti f’dan l-akkordju.

164

Għalhekk, il-Kummissjoni ma tista’ tiġi kkritikata b’ebda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jew tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni.

– Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

165

Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, li permezz tagħhom ir-rikorrenti jikkontestaw ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħtihom il-benefiċċju taċ-ċirkustanzi attenwanti. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-Kummissjoni wettqet ksur tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni kif ukoll żball manifest ta’ evalwazzjoni.

166

Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, huma kienu f’sitwazzjoni ta’ dipendenza ekonomika fir-rigward ta’ Tessenderlo Chemie, peress li din tal-aħħar kienet tikkontrolla l-provvista ta’ materja prima fis-suq mis-sors tagħha u għandha l-mezzi sabiex teskludi Timab mis-suq. Billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni din is-sitwazzjoni ta’ dipendenza, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni u tikser il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni.

167

Skont ġurisprudenza stabbilita, sitwazzjoni ta’ dipendenza u l-eżistenza ta’ theddid u ta’ pressjoni ma jistgħux jikkostitwixxu ċirkustanza attenwanti peress li dawn ma jistgħux jiġġustifikaw ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 147 iktar ’il fuq, EU:C:2005:408, punti 369 u 370). Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċewx provi konkreti li juru pressjoni effettiva eżerċitata minn Tessenderlo Chemie.

168

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jinvokaw l-aġir antikompetittiv tagħhom bħala ċirkustanza attenwanti. Għandu jiġi osservat, bħal ma tagħmel il-Kummissjoni, li din l-allegazzjoni tidher li tikkontradiċi dik relatata mad-dipendenza ekonomika fir-rigward ta’ Tessenderlo Chemie. Fi kwalunkwe każ, li kieku kellu jitqies li r-rikorrenti għadhom ma osservawx il-ftehimiet magħmula fi ħdan l-akkordju, liema fatt assolutament ma huwiex fatt eċċezzjonali fil-kawżi dwar kartell, dan ma jqegħidx inkwistjoni l-parteċipazzjoni tagħhom fih u ma jikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, EU:T:2005:220, punti 74 u 297 u l-ġurisprudenza ċċitata).

169

Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

– Fuq il-klemenza

170

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jikkritikaw it-telf ta’ 12-il punt perċentwali (minn 17 % għal 5 %) minħabba l-kooperazzjoni meta mqabbel ma dak li kien ġie kkomunikat lilhom fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim. B’mod iktar partikolari, huma jikkritikaw, fid-dawl tal-kooperazzjoni tagħhom, in-natura sproporzjonata ta’ dan it-tnaqqis u r-raġunijiet mogħtija għal dan, jiġifieri l-assenza ta’ provi dokumentarji u l-ispjegazzjonijiet tardivi tagħhom dwar il-perijodu mill-1978 sal-1993. Fil-fehma tagħhom, il-Kummissjoni marret lura fuq l-evalwazzjoni tagħha tal-valur miżjud tal-kooperazzjoni għall-fatti li seħħew wara s‑16 ta’ Settembru 1993 u, minħabba f’hekk, issanzjonat l-irtirar tagħhom mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim.

171

Fil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha dwar akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li kien ikollhom iħallsu.

172

Skont il-paragrafu 20 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, l-“[i]mpriżi li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet [sabiex tinkiseb eżenzjoni minn multa] jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ kull multa li kieku kienet tkun imposta”.

173

Il-paragrafu 21 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jipprovdi li, “[b]iex tikkwalifika [għal tnaqqis ta’ multa skont il-paragrafu 20 tal-imsemmija komunikazzjoni], impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrapreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġa’ tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi”.

174

Il-paragrafu 22 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jiddefinixxi l-kunċett ta’ valur miżjud sinjifikattiv kif ġej:

“Il-kunċett ta’ ‘valur miżjud’ jirreferi għall-punt sa fejn il-provi pprovduti jinforzaw, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ detall, l-abilità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti msemmija. F’din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar [minn dak tal-]provi stabbiliti wara. Bl-istess mod, provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b’rilevanza indiretta biss.”

175

L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jipprevedi tliet firxiet ta’ tnaqqis ta’ multa. L-ewwel impriża li tissodisfa l-kundizzjoni tal-punt 21 tal-imsemmija komunikazzjoni għandha d-dritt li tikseb tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ bejn 30 % u 50 %, it-tieni impriża, tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ bejn 20 % u 30 % u, l-impriżi l-oħra, tnaqqis tal-ammont tal-multa sa mhux iktar minn 20 %.

176

It-tieni subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jindika li “[b]iex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis f’kull waħda minn dawn il-faxex, il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew mressqin il-provi li jissodisfaw [il-kundizzjoni msemmija fil-paragrafu 21] [tal-imsemmija komunikazzjoni] u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud” u li “[t]ista’ wkoll tieħu kont tal-miżura u tal-kontinwità ta’ kull kooperazzjoni pprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħħa”.

177

Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tgawdi minn diskrezzjoni wiesgħa fl-evalwazzjoni tal-kwalità u tal-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriża, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, EU:C:2007:277, punt 81).

178

Barra minn hekk, minkejja li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li timmotiva r-raġunijiet li għalihom hija tqis li elementi prodotti mill-impriża fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jikkostitwixxu kontribuzzjoni li tiġġustifika jew li ma tiġġustifikax tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta, min-naħa l-oħra hija l-impriża li tixtieq tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward li għandha turi li l-informazzjoni li hija pprovdiet b’mod volontarju kienet determinanti sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tipprova l-komponenti essenzjali tal-ksur u għaldaqstant tadotta deċiżjoni li timponi multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra, EU:C:2009:576, punt 297).

179

F’dan il-każ, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ressqu talba ta’ klemenza fir-rigward tal-perijodu inkluż bejn l-1978 u l-2004. Fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara l-punt 113 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti marru lura fuq id-dikjarazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-imsemmija talba, fir-rigward tal-perijodu qabel l-1993.

180

Hekk kif diġà ġie osservat fil-kuntest tal-ewwel grupp ta’ motivi, l-esklużjoni ta’ parti mill-perijodu meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-tnaqqis skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jista’ jkollha bħala konsegwenza li dan it-tnaqqis jitbaxxa, liema fatt wara kollox ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti.

181

Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi eżaminat, fid-dawl tal-argumenti tar-rikorrenti esposti fil-punt 170 iktar ’il fuq, jekk il-Kummissjoni wettqitx żball fl-evalwazzjoni tal-valur miżjud tal-elementi prodotti mir-rikorrenti għall-perijodu ta’ wara l‑1993.

182

Fir-rigward tat-tnaqqis minħabba l-klemenza mogħtija mir-rikorrenti, mill-premessi 357 et seq tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li:

fir-rigward tal-provi dokumentarji, ir-rikorrenti ma kinux ipproduċew dawn il-provi għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju;

fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet, ir-rikorrenti kienu pprovdew l-isem tar-rappreżentanti tagħhom preżenti fil-laqgħat pan-Ewropej, is-suġġett ta’ dawn il-laqgħat, kif ukoll id-dettalji u l-konferma ta’ laqgħat fuq livell nazzjonali (ir-Renju Unit, Spanja u Franza);

fit-talba tagħhom ta’ klemenza, ir-rikorrenti kienu għamlu dikjarazzjonijiet awtoinkriminanti fir-rigward tal-laqgħat mal-kompetituri tagħhom fis-settur tal-FGħA sa mill-1978 li kienu jirrigwardaw Franza, imbagħad ir-Renju Unit (fl‑1983) u mill-bidu tas-snin 80, anki l-livell Ewropew;

fl-istadju tat-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti kienu allegaw li l-laqgħat ammessi għall-perijodu mill-1978 sal-1993 ma kinux jagħmlu parti mill-akkordju globali tal-FGħA;

sa fejn il-Kummissjoni ma tibbażax ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti nnifishom fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat għal Franza u raġunijiet oħra mingħajr għarfien dwar akkordju pan-Ewropew qabel l-1993, l-elementi prodotti fit-talba tagħhom ta’ klemenza għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-valur sinjifikattiv li jagħtu għall-perijodu inkluż bejn l-1993 u l-2004;

abbażi ta’ dawn l-elementi, tnaqqis ta’ 5 % għall-kooperazzjoni tar-rikorrenti kien xieraq.

183

Fir-rigward tal-provi dokumentarji, għandu jiġi kkonstatat li l-parti l-kbira tagħhom dwar il-parteċipazzjoni fl-akkordju prodotti mir-rikorrenti, jiġifieri lista tal-laqgħat taċ-CEFIC bejn it-2 ta’ Ġunju 1989 u s-16 ta’ Novembru 2005 kif ukoll il-minuti ta’ dawn il-laqgħat jirrigwardaw it-tieni perijodu (1993-2004). Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-fajl quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-Kummissjoni diġà kellha biżżejjed provi sabiex tipprova l-involviment tar-rikorrenti fl-akkordju għat-tieni perijodu.

184

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-talba tar-rikorrenti tal‑14 ta’ Ottubru 2008 intiża sabiex jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni kienet ippreċeduta minn dik ta’ Kemira (it-28 ta’ Novembru 2003, li bbenefikat minn immunità mill-multi taħt il-paragrafu 8 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni), ta’ Tessenderlo Chemie (fit-18 ta’ Frar 2004, l-ewwel parti li talbet il-klemenza fis-sens tal-paragrafu 23 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni) u ta’ Quimitécnica.com‑Comércia e Indústria Química (fis-27 ta’ Marzu 2007, it-tieni parti li talbet il-klemenza fis-sens tal-paragrafu 23 ta’ din il-komunikazzjoni). Għalhekk, huwa loġiku li l-provi prodotti mir-rikorrenti fil-kuntest tat-talba tagħhom ta’ klemenza għat-tieni perijodu inkluż (bħala l-aħħar partijiet li talbu l-klemenza, iktar minn erba’ snin wara li bdew l-ispezzjonijiet u wara li l-Kummissjoni għal tliet darbiet talbet informazzjoni) għandu valur miżjud minimu. Fil-fatt, l-ordni kronoloġiku u l-ħeffa tal-kooperazzjoni offruta mill-membri tal-kartell jikkostitwixxu elementi fundamentali tas-sistema stabbilita mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2011, Transcatab vs Il-Kummissjoni, T‑39/06, Ġabra, EU:T:2011:562, punt 380).

185

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-kronoloġija tal-laqgħat taċ-CEFIC li tindika l-ismijiet tar-rappreżentanti tal-impriżi li pparteċipaw fihom ipprovduta mir-rikorrenti fil-kuntest tat-talba tagħhom ta’ klemenza wkoll ġiet parzjalment prodotta minn Kemira, b’tali mod li din l-informazzjoni tista’ biss tikkorrobora l-elementi li diġà kienu fil-pussess tal-Kummissjoni. L-istess jgħodd fir-rigward tal-minuti tal-imsemmija laqgħat.

186

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ Tessenderlo Chemie, mill-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-provi prodotti minn din tal-aħħar kellhom valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Tessenderlo Chemie, li, barra minn hekk, kienet l-ewwel waħda li pprovdiet informazzjoni u provi li jirrigwardaw il-perijodu mill‑1969 sa l‑1989, li għalih ingħatat immunità parzjali fis-sens tal-paragrafu 23 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, ipproduċiet provi ta’ kwalità u ta’ volum importanti, li, bin-natura u l-livell ta’ preċiżjoni tagħhom, saħħew il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza tal-akkordju bejn l-1 ta’ April 1989 u l-10 ta’ Frar 2004. Dawn il-provi jikkonsistu b’mod partikolari f’deskrizzjonijiet dettaljati tal-funzjonament u tal-evalwazzjoni tal-akkordju, tan-noti miktuba bl-idejn kontemporanji tal-fatti marbuta mal-laqgħat bilaterali jew multilaterali ta’ natura antikompetittiva (ad hoc, fil-kuntest taċ-CEPA, tas-Super CEPA u taċ-CEFIC), tat-tabelli miktuba bl-idejn ta’ follow-up għall-bejgħ, il-kwoti, il-klijenti jew il-prezzijiet, u dan għall-perijodu kollu. B’hekk, il-Kummissjoni tat tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 50 % għall-imsemmi perijodu.

187

Bl-istess mod, fir-rigward ta’ Quimitécnica.com-Comércia e Indústria Química, it-“tieni parti li ressqet talba” fis-sens tal-paragrafu 23 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din il-kumpannija pproduċiet provi dokumentarji li jikkorroboraw id-dikjarazzjonijiet tagħha u li din il-kooperazzjoni ppermettiet li tiġi estiża l-portata ġeografika tal-akkordju sal-Portugall.

188

Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni pproponiet, waqt il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, tnaqqis kemm abbażi tal-Artikolu 29 tal-Linji gwida tal‑2006 kif ukoll abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

189

Fl-ewwel lok, l-imsemmija dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti kienu ppermettew li jiġi estiż it-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom infushom fl-akkordju, iżda mhux it-tul tal-akkordju bħala tali. Għalhekk, peress li t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 23 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma japplikax, tnaqqis “barra mill-kuntest tal-klemenza” kien previst abbażi tal-paragrafu 29 tal-Linji gwida tal-2006 sabiex jiġi evitat, b’mod partikolari, l-effett paradossali li tiġi ppenalizzata impriża li kienet aċċettat li tikkoopera mal-Kummissjoni billi tipprovdilha informazzjoni essenzjali dwar it-tul tal-parteċipazzjoni tagħha. Hekk kif diġà ġie osservat fil-kuntest tal-ewwel grupp ta’ motivi, ir-rikorrenti kienu argumentaw, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li d-dikjarazzjonijiet tagħhom li jirrigwardaw l-aġir antikompetittiv għall-ewwel perijodu (1978-1993) kienu jirrigwardaw ksur li jew kien distint jew kien preskritt. Bl-istess mod, ġie kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball billi ma applikatx it-tnaqqis ta’ 35 % minħabba ċirkustanzi attenwanti inizjalment previst u kkomunikat fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim.

190

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni pproponiet tnaqqis ta’ 17 % abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għall-perijodu sħiħ mill-1978 sal-2004 u li jiġbor fih l-elementi kollha prodotti mir-rikorrenti, fosthom id-dikjarazzjonijiet awtoinkriminanti. Dawn l-ammissjonijiet tar-rikorrenti kienu importanti sabiex tiġi stabbilita, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-akkordju mill-1978, għaldaqstant qabel l-ewwel provi dokumentarji tal-1983 li jirrigwardaw ir-Renju Unit. Barra minn hekk, l-imsemmija ammissjonijiet jikkonfermaw il-parteċipazzjoni kontinwa tar-rikorrenti għal ksur wieħed biss mill-1978 sal-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni fl-2004 u l-portata Ewropea tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju sa mill-bidu, jiġifieri sew qabel il-provi dokumentarji tal-1992 fir-rigward ta’ Spanja.

191

Għaldaqstant mill-fatt li l-Kummissjoni finalment tat tnaqqis ta’ 5 % minħabba l-klemenza għat-tieni perijodu (1993-2004) minflok tnaqqis ta’ 17 %, li kien jirrigwarda l-perijodu mill-1978 sal-2004, jista’ jiġi dedott li hija kkunsidrat li dikjarazzjonijiet li jirrigwardaw il-perijodu kkunsidrat kellhom valur miżjud limitat u li d-dikjarazzjonijiet awtoinkriminanti li jirrigwardaw l-ewwel perijodu (1978-1993), l-uniku sors li fuqu l-Kummissjoni setgħet tibbaża l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju matul dan il-perijodu, kellhom valur miżjud sinjifikattiv.

192

Din l-evalwazzjoni tal-valur miżjud tista’ tintlaqa’.

193

Fil-fatt, fir-rigward tal-perijodu kkunsidrat, mill-premessi 137, 138, 143, 158 u 360 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-prova tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti ma kinitx tistrieħ fuq l-elementi prodotti mir-rikorrenti, iżda li d-dikjarazzjonijiet awtoinkriminanti tagħhom xorta waħda ppermettew li jikkorroboraw l-involviment tagħhom fl-akkordju wara l-1993.

194

Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat diġà fil-punt 185 iktar ’il fuq, il-provi dokumentarji prodotti mir-rikorrenti ma jinkludux elementi ġodda ta’ valur sinjifikattiv, iżda jikkorroboraw, essenzjalment, il-fatti magħrufa diġà.

195

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma eċċedietx manifestament il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha billi kkunsidrat li l-provi prodotti mir-rikorrenti kienu jippreżentaw biss valur miżjud limitat li kien jixraqlu biss tnaqqis ta’ 5 % mill-ammont tal-multa bis-saħħa tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

196

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

– Fuq il-kapaċità ta’ ħlas u s-sitwazzjoni ta’ kriżi eċċezzjonali

197

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jqisu li s-sitwazzjoni tagħhom ma hijiex suffiċjentement differenti minn dik ta’ [kunfidenzjali] sabiex jiġi ġġustifikat trattament differenti. Huma jallegaw ukoll assenza ta’ eżami konkret mill-Kummissjoni tal-parametri soċjali u ekonomiċi fir-rigward tagħhom u l-fatt li l-Kummissjoni ma siltitx konsegwenzi tal-kontribuzzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-kapaċità ta’ ħlas.

198

Skont il-paragrafu 35 tal-Linji gwida tal‑2006, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’, fuq talba, tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas ta’ impriża f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari, fejn għandu jiġi ppreċiżat li ebda tnaqqis tal-ammont tal-multa ma għandu jingħata f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni fuq is-sempliċi konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni sfavorevoli jew ta’ nuqqas u li “tnaqqis jista’ jingħata biss abbażi ta’ provi oġġettivi li l-impożizzjoni ta’ multa [...] tqiegħed irrimedjabbilment fil-periklu l-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u twassal sabiex iċċaħħad l-assi tagħha minn kull valur”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

199

B’hekk, il-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ tnaqqis tal-ammont finali tal-multa skont il-paragrafu 35 tal-Linji gwida jirrikjedu li l-impriża turi, l-ewwel nett, inkapaċità li tħallas il-multa, li għandha tiġi stabbilita permezz ta’ tagħrif finanzjarju suffiċjenti u preċiż, it-tieni nett, it-telf tal-valur tal-assi tal-impriża minħabba l-ħlas tal-multa u, it-tielet nett, kuntest soċjali u ekonomiku partikolari.

200

Fil-premessa 373 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa dovuta għall-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas ta’ Timab/CFPR, minħabba li, l-ewwel nett, id-dħul disponibbli tagħhom u l-fondi tagħhom kienu suffiċjenti fi tmiem is-sena 2009 u l-previżjonijiet għal dan id-dħul u għall-imsemmija fondi kienu pożittivi għas-sena 2010, it-tieni nett, il-multa totali hija limitata, b’paragun mad-daqs tal-impriża fil-konfront tal-grupp, u, it-tielet nett, li, billi tistrieħ fuq is-solvenza tal-grupp, ikun possibbli li jiżdied l-effett ta’ lieva billi tissottoskrivi iktar dejn bankarju.

201

L-ewwel nett, fir-rigward tal-allegata differenza fit-trattament fir-rigward ta’ [kunfidenzjali], għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit permezz tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmi prinċipju jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 72 iktar ’il fuq, kif ukoll is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, Ġabra, EU:C:2013:513, punti 132 u 166, u ara s-sentenza Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, EU:C:2013:464, punt 186 u l-ġurisprudenza ċċitata).

202

Madankollu, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba trattament iddifferenzjat jippreżupponi għalhekk li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni huma paragunabbli fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għalhekk in-natura paragunabbli tagħhom, għandhom jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni (sentenza Ziegler vs Il-Kummissjoni, punt 201 iktar ’il fuq, EU:C:2013:513, punt 167; ara s-sentenza Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, punt 201 iktar ’il fuq, EU:C:2013:464, punt 187 u l-ġurisprudenza ċċitata).

203

Minn dan jirriżulta li, meta tkun saret talba fis-sens tal-paragrafu 35 tal-Linji gwida tal-2006, kull fajl għandu jiġi eżaminat b’mod oġġettiv. Fil-fatt, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li t-tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ [kunfidenzjali] u n-nuqqas ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa tar-rikorrenti huma r-riżultat ta’ tali analiżi magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-paragrafu 35 tal-Linji gwida tal‑2006 u li l-Kummissjoni użat l-istess parametri waqt l-analiżi li tirrigwarda ż-żewġ impriżi inkwistjoni.

204

F’dan ir-rigward, kemm mid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mid-deċiżjoni separata, li jistabbilixxu l-istess prinċipji, jirriżulta li, sabiex tevalwa l-kapaċità ta’ ħlas, il-Kummissjoni wettqet analiżi ekonomika u finanzjarja tal-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti u ta’ dik ta’ [kunfidenzjali] u tal-effett ta’ multa eventwali fuq il-vijabbiltà tagħhom. Hija ħadet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża inkwistjoni kif ukoll il-previżjonijiet finanzjarji interni u bbażat ruħha fuq ċertu numru ta’ koeffiċjenti finanzjarji li jkejlu l-profitabbiltà, is-solvenza, il-kapaċità ta’ dejn u l-impatt tal-multa fuq il-valur tal-impriża. Hija ħadet inkunsiderazzjoni wkoll l-attitudni tal-azzjonisti tal-impriża.

205

Minn dan jirriżulta li l-kaxxa ta’ [kunfidenzjali] kienet f’sitwazzjoni kritika, filwaqt li dik tar-rikorrenti kienet f’saħħitha, liema fatt barra minn hekk ġie ammess mir-rikorrenti nnifishom waqt is-seduta. Bl-istess mod, il-profil ta’ riskju ta’ [kunfidenzjali] tqies li huwa negattiv, u dak tar-rikorrenti, bħala pożittiv. L-istess jgħid għall-koeffiċjenti l-oħra applikati sabiex tiġi eżaminata l-fondatezza tat-talba taż-żewġ impriżi inkwistjoni intiża għal tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas.

206

Għalhekk, peress li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma hijiex paragunabbli għal dik ta’ [kunfidenzjali], l-ilment ibbażat fuq allegat nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax jintlaqa’.

207

It-tieni nett, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma wettqitx eżami konkret fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom.

208

Kif jirriżulta mill-punti preċedenti, sabiex tevalwa l-kapaċità ta’ ħlas, il-Kummissjoni wettqet analiżi ekonomika u finanzjarja tal-kapaċità tar-rikorrenti li jħallsu u tal-effett ta’ multa eventwali fuq il-vijabbiltà tagħhom. Hija ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi msemmija fil-punt 204 iktar ’il fuq. Għalhekk, l-affermazzjoni li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod konkret is-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti ma tistax tintlaqa’.

209

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma jinvokawx fil-verità żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-kapaċità tagħhom li jħallsu, iżda jikkritikaw pjuttost l-applikazzjoni stretta tal-kriterji tal-Artikolu 35 tal-Linji gwida. Barra minn hekk, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 205 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti sostnew li l-kaxxa tagħhom kienet f’saħħitha.

210

Barra minn hekk, l-osservazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti, bħall-kriżi ekonomika jew il-karatteristiċi finanzjarji ta’ [kunfidenzjali] (impriża kkwotata fil-borża) meta mqabbla ma’ dawk tar-rikorrenti (impriża familjali mhux ikkwotata fil-borża), ma jikkostitwixxux provi oġġettivi suffiċjenti bil-għan li jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fil-punt 199 iktar ’il fuq.

211

It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-kompetizzjoni ma għadhiex iżjed wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni, iżda tissemma biss fil-Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bħala komponenti tas-suq intern. Fil-fehma tagħhom, din il-bidla tistieden, iktar minn qatt qabel, lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha tal-prattiki antikompetittivi u tas-sanzjoni tagħhom, tas-sitwazzjoni tal-impriżi differenti kkonċernati u tal-partikolaritajiet tagħhom kemm finanzjarji, iżda wkoll ekonomiċi u soċjali, fid-dawl tal-għanijiet tal-Unjoni hekk kif iddefiniti fl-Artikolu 3 TUE.

212

F’dan ir-rigward, jeħtieġ sempliċement li jitfakkar li l-Artikolu 3 TUE, moqri flimkien mal-Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni, la biddel l-għan tal-Artikolu 101 TFUE u lanqas ir-regoli fil-qasam tal-impożizzjoni tal-multi. Għalhekk, l-ilment li peress li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet ekonomiċi u soċjali ta’ CFPR u t-tnaqqis kunsiderevoli tad-dħul mill-bejgħ tagħha, hija kisret id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 3 TUE u tal-Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni ma jistax jintlaqa’.

213

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-talbiet, ifformulati sussidjarjament, għal tibdil fl-ammont tal-multa

214

Fit-tielet parti tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom. F’dan il-kuntest, huma jitolbu, b’mod partikolari, lill-Qorti Ġenerali tnaqqas ir-“rata ta’ gravità” u li tagħti, minbarra tnaqqis minħabba “kooperazzjoni klemenza”, tnaqqis tal-multa addizzjonali minħabba “kooperazzjoni barra mill-kuntest tal-klemenza” fid-dawl tal-assenza ta’ kontestazzjoni tal-fatti mis-16 ta’ Settembru 1993.

215

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multa minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni l-istħarriġ tal-legalità huwa kkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa rikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, konformement mal-Artikolu 261 TFUR (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra, EU:C:2011:815, punti 53, 63 u 64). Din il-ġurisdizzjoni tippermetti lill-qorti, lil hinn minn sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, jekk ikun il-każ, tneħħi, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa jew penalità imposta (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME et vs Il-Kummissjoni, C‑272/09 P, Ġabra, EU:C:2011:810, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, T‑11/06, Ġabra, EU:T:2011:560, punt 265).

216

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, għandha tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fejn huwa irrilevanti jekk ir-rikorrenti rrikorrew, inizjalment, għall-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim.

217

Fl-ewwel lok, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti (ara l-punt 160 iktar ’il fuq), ma hemmx lok li titnaqqas ir-rata ta’ 17 % applikata minħabba l-gravità tal-ksur.

218

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talba ta’ tibdil fl-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti minħabba l-fatt li huma ma kkontestawx il-fatti mis‑16 ta’ Settembru 1993, għandu jitfakkar li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma tipprovdix tnaqqis għal nuqqas ta’ kontestazzjoni sostantiva tal-fatti. Barra minn hekk, kif diġà ġie kkonstatat fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kooperazzjoni tagħhom, din tal-aħħar diġà kellha fil-pussess tagħha provi suffiċjenti biex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, b’tali mod li l-provi u d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti kellhom valur miżjud limitat. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tqis li, sa fejn din il-kooperazzjoni ma kinitx tali li tippermetti lill-Kummissjoni tissanzjona totalment jew parzjalment l-akkordju, ma hemmx lok, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tagħtihom tnaqqis tal-multa “barra mill-kuntest tal-klemenza”.

219

Għaldaqstant, u fl-assenza ta’ elementi oħra, f’dan il-każ, tali li jwasslu għat-tibdil fl-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, it-tielet kap ta’ talbiet ta’ dawn tal-aħħar għandu jiġi miċħud bħala infondat.

220

Peress li ebda wieħed mill-motivi mqajma mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tagħhom, kemm għal annullament kif ukoll għal bidla, ma huwa fondat, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

221

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, huma għandhom jiġu kkundannati, minbarra għall-ispejjeż tagħhom, għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Timab Industries kif ukoll Cie financière et de participations Roullier (CFPR) huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Gratsias

Czúcz

Popescu

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Mejju 2015.

Firem

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

Fuq it-talbiet għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata

 

Fuq il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim

 

– Osservazzjonijiet preliminari

 

– Fuq iż-żieda tal-ammont tal-multa meta mqabbla mal-firxa kkomunikata

 

– Fuq in-natura insuffiċjenti tal-analiżi

 

– Fuq l-ilmenti l-oħra

 

Fuq il-prattiki kkonċernati

 

Fuq l-ammont tal-multa

 

– Fuq il-ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003

 

– Fuq il-gravità

 

– Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

 

– Fuq il-klemenza

 

– Fuq il-kapaċità ta’ ħlas u s-sitwazzjoni ta’ kriżi eċċezzjonali

 

Fuq it-talbiet, ifformulati sussidjarjament, għal tibdil fl-ammont tal-multa

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.