SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

12 ta’ Ġunju 2014 ( *1 )

“Kompetizzjoni — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Suq tal-mikroproċessuri — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 82 KE u tal-Artikolu 54 tal-FtehimŻEE — Tnaqqis għal fedeltà — Restrizzjonijiet ‘ovvji’ — Klassifikazzjoni bħala prattika abbużiva — Analiżi ta’ kompetitur daqstant effiċjenti — Ġurisdizzjoni internazzjonali tal-Kummissjoni — Obbligu ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni — Limiti — Drittijiet tad-difiża — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Strateġija ġenerali — Multi — Ksur uniku u kontinwat — Linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-ammont tal-multi”

Fil-Kawża T‑286/09,

Intel Corp., stabbilita f’Wilmington, Delaware (l-Istati Uniti), irrappreżentata inizjalment minn K. Bacon, barrister, M. Hoskins, N. Green, QC, S. Singla, barrister, I. Forrester, QC, A. Parr, R. Mackenzie, solicitors u D. Piccinin, barrister, u sussegwentement minn I. Forrester, A. Parr, R. Mackenzie u D. Piccinin,

rikorrenti,

sostnuta minn

Association for Competitive Technology, Inc., stabbilita f’Washington, DC (L-Istati Uniti), irrappreżentata minn J.‑F. Bellis, avukat,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Christoforou, V. Di Bucci, N. Khan u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Union fédérale des consommateurs – Que choisir (UFC – Que choisir), stabbilita f’Pariġi (Franza), irrapreżentata inizjalment minn J. Franck, u sussegwentement minn E. Nasry, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 3726 finali, tat-13 ta’ Mejju 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 82 [KE] u skont l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C-3/37.990 – Intel), jew, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta minn A. Dittrich (Relatur), President, I. Wiszniewska-Białecka, M. Prek, J. Schwarcz u M. Kancheva, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon u J. Weychert, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 sas-6 ta’ Lulju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrenti, Intel Corp., hija kumpannija stabbilita taħt id-dritt Amerikan li tiżgura d-disinn, l-iżvilupp, il-manifattura, u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ mikroproċessuri (iktar ’il quddiem is-“CPU”), “chipsets” u komponenti oħra semi-kondutturi kif ukoll soluzzjonijiet għal pjattaformi fil-kuntest tal-ipproċessar tal-informazzjoni u tal-mezzi tal-komunikazzjoni.

2

Fi tmiem l-2008, Intel kienet timpjega madwar 94 100 persuna mad-dinja kollha. Fl-2007, id-dħul nett ta’ Intel kien jammonta għal USD 38 334 miljun u l-benefiċċju nett tagħha għal USD 6 976 miljun. Fl-2008, id-dħul nett tagħha kien jammonta għal USD 37 586 miljun u l-benefiċċju nett tagħha għal USD 5 292 miljun.

I – Il-proċedura amministrattiva

3

Fit-18 ta’ Ottubru 2000, Advanced Micro Devices, Inc. (iktar ’il quddiem “AMD”) ippreżentat quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ilment formali abbażi tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), li hija kkompletat billi pproduċiet fatti ġodda u allegazzjonijiet ġodda, fil-kuntest ta’ lment addizzjonali tas-26 ta’ Novembru 2003.

4

F’Mejju tal-2004, il-Kummissjoni tat bidu għal serje ta’ investigazzjonijiet li jirrigwardaw ċerti elementi inklużi fl-ilment addizzjonali ta’ AMD. Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni u bl-appoġġ ta’ diversi awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), il-Kummissjoni wettqet, f’Lulju tal-2005, spezzjonijiet f’erba’ postijiet ta’ Intel, fir-Renju Unit, fil-Ġermanja, fl-Italja u fi Spanja, kif ukoll fil-postijiet ta’ diversi klijenti ta’ Intel, fi Franza, fil-Ġermanja, fl-Italja, fi Spanja u fir-Renju Unit.

5

Fis-17 ta’ Lulju 2006, AMD ressqet ilment quddiem il-Bundeskartellamt (Uffiċċju Federali Ġermaniż tal-Akkordji), li fih hija kkonfermat li Intel kienet stabbilixxiet, b’mod partikolari, prattiki kummerċjali ta’ esklużjoni ma’ Media-Saturn-Holding GmbH (iktar ’il quddiem “MSH”), distributur Ewropew ta’ apparat mikroelettroniku u l-ewwel distributur Ewropew ta’ desktops. Il-Bundeskartellamt skambjat informazzjoni mal-Kummissjoni fuq din il-kawża, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1/2003.

6

Fit-23 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni kellha laqgħa ma’ D1, [kunfidenzjali] ( 2 ) ta’ Dell Inc., klijenta ta’ Intel. Il-Kummissjoni ma pprovdietx il-lista indikattiva tas-suġġetti ta’ din il-laqgħa (iktar ’il quddiem il-“lista indikattiva tas-suġġetti”) fil-fajl tal-każ u ma żammitx il-minuti. Membru tal-grupp responsabbli mill-fajl fi ħdan il-Kummissjoni pproduċa nota li tikkonċerna din il-laqgħa li ġiet ikklassifikata bħala interna mill-Kummissjoni (iktar ’il quddiem in-“nota interna”). Fid-19 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni pprovdiet lir-rikorrenti verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ din in-nota.

7

Fis-26 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni nnotifikat lir-rikorrenti b’dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2007”) marbuta mal-aġir tagħha fir-rigward ta’ ħames manifatturi kbar tal-informatika (Original Equipment Manufacturer, iktar ’il quddiem l-“OEM”), jiġfieri Dell, Hewlett-Packard Company (HP), Acer Inc., NEC Corp. u International Business Machines Corp. (IBM). Intel wieġbet għal din id-dikjarazzjoni fis-7 ta’ Jannar 2008 u nżammet seduta fil-11 u fit-12 ta’ Marzu 2008. Intel kisbet aċċess għall-fajl tliet darbiet, jiġifieri fil-31 ta’ Lulju 2007, fit-23 ta’ Lulju u fid-19 ta’ Diċembru 2008.

8

Il-Kummissjoni wettqet diversi atti ta’ investigazzjoni li jikkonċernaw l-allegazzjonijiet ta’ AMD, inklużi spezzjonijiet fil-postijiet ta’ diversi bejjiegħa bl-imnut ta’ kompjuters u fil-postijiet ta’ Intel, fi Frar 2008. Barra minn hekk, hija bagħtet diversi talbiet bil-miktub għal informazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, lil diversi OEM kbar.

9

Fis-17 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni nnotifikat lir-rikorrenti b’dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali marbuta mal-aġir tagħha fir-rigward ta’ MSH. Din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008”) kienet tirrigwarda wkoll l-aġir ta’ Intel fir-rigward ta’ Lenovo Group Ltd (iktar ’il quddiem “Lenovo”) u kienet tinkludi provi ġodda dwar l-aġir ta’ Intel fir-rigward ta’ ċerti OEM ikkonċernati mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2007, li l-Kummissjoni kienet kisbet wara l-pubblikazzjoni ta’ din tal-aħħar.

10

Il-Kummissjoni inizjalment tat lil Intel terminu ta’ tmien ġimgħat sabiex tippreżenta r-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008. Fil-15 ta’ Settembru 2008, dan it-terminu ġie estiż sas-17 ta’ Ottubru 2008 mill-uffiċjal tas-seduta.

11

Intel ma rrispondietx għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008 fit-terminu stabbilit. Madankollu, fl-10 ta’ Ottubru 2008, hija ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, irreġistrat taħt ir-referenza T‑457/08, fejn talbitha, fl-ewwel lok, tannulla żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta’ terminu sabiex tingħata risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008 u dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni li tipprovdiha b’diversi kategoriji ta’ dokumenti li joriġinaw b’mod partikolari mill-proċess tal-kawża privata bejn Intel u AMD fl-Istat Amerikan ta’ Delaware u, fit-tieni lok, testendi t-terminu tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008 sabiex ikollha terminu ta’ 30 ġurnata dekorribbli mill-jum li fih hija tkun kisbet aċċess għad-dokumenti rilevanti.

12

Barra minn hekk, Intel ippreżentat talba għal miżuri provviżorji, irreġistrata taħt ir-referenza T‑457/08 R, intiża sabiex tinkiseb is-sospensjoni tal-proċedura tal-Kummissjoni sakemm tingħata s-sentenza marbuta mar-rikors tagħha fuq il-mertu kif ukoll is-sospensjoni tat-terminu stabbilit għall-preżentazzjoni tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008 u, sussidjarjament, l-għoti ta’ terminu ta’ 30 jum dekorribbli mid-data tal-imsemmija sentenza sabiex tingħata risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008.

13

Fid-19 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni bagħtet ittra lil Intel li fiha ġibditilha l-attenzjoni dwar ċertu numru ta’ provi li hija kellha l-intenzjoni tuża fil-każ ta’ deċiżjoni finali eventwali (iktar ’il quddiem l-“ittra fattwali”). Intel ma rrispondietx għal din l-ittra fit-terminu stabbilit tat-23 ta’ Jannar 2009.

14

Fis-27 ta’ Jannar 2009, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji (digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Jannar 2009, Intel vs Il-Kummissjoni, T‑457/08 R). Wara dan id-digriet, fid-29 ta’ Jannar 2009, Intel ipproponiet li tippreżenta r-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008 u għall-ittra fattwali fi 30 jum dekorribbli mid-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali.

15

Fit-2 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni informat lil Intel permezz ta’ ittra bil-fatt li d-dipartimenti tagħha kienu ddeċidew li ma jagħtuhiex estensjoni tat-terminu stabbilit sabiex tirrispondi għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008 jew għall-ittra fattwali. L-ittra tat-2 ta’ Frar 2009 kienet tindika wkoll li d-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu madankollu disposti li jipprevedu r-rilevanza possibbli ta’ nota tardiva sakemm Intel tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha fil-5 ta’ Frar 2009. Finalment, il-Kummissjoni qieset li hija ma kinitx obbligata tilqa’ talba għal seduta ppreżentata wara l-iskadenza tat-terminu u li d-dipartimenti tagħha kienu jqisu li l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura amministrattiva ma kienx jirrikjedi l-organizzazzjoni ta’ seduta.

16

Fit-3 ta’ Frar 2009, Intel abbandunat ir-rikors prinċipali tagħha fil-Kawża T-457/08 u l-kawża tħassret mir-reġistru permezz ta’ digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2009.

17

Fil-5 ta’ Frar 2009, Intel ippreżentat nota li tinkludi osservazzjonijiet marbuta mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008 kif ukoll mal-ittra fattwali, li hija kklassifikat bħala “risposta għad- dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali [tal-2008]” u bħala “risposta għall-[ittra fattwali ]”.

18

Fl-10 ta’ Frar 2009, Intel kitbet lill-uffiċjal tas-seduta sabiex tikseb seduta fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008. L-uffiċjal tas-seduta ċaħad din it-talba permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Frar 2009.

19

Fit-13 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2009) 3726 finali, dwar proċediment taħt l-Artikolu 82 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/C-3/37.990 – Intel) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li hemm sinteżi tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 227, p. 13).

II – Id-deċiżjoni kkontestata

20

Skont id-deċiżjoni kkontestata, Intel wettqet ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 82 KE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), bejn Ottubru 2002 u Diċembru 2007, billi implementat strateġija maħsuba sabiex teskludi kompetitur, jiġifieri AMD, mis-suq tas-CPU x86 (iktar ’il quddiem is-“CPU x86”).

A – Is-suq inkwistjoni

21

Il-prodotti inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata huma CPUs. Il-proċessur huwa komponent essenzjali ta’ kull kompjuter, kemm fir-rigward tal-prestazzjoni globali kif ukoll fir-rigward tal-ispiża tas-sistema. Ħafna drabi dan jitqies bħala l-“moħħ” tal-kompjuter. Il-manifattura ta’ CPU tirrikjedi installazzjonijiet ta’ teknoloġija avvanzata u li jiswew ħafna flus.

22

Is-CPUs użati fil-kompjuters jistgħu jiġu subdiviżi f’żewġ kategoriji, jiġifieri is-CPUs x86 u s-CPU bbażati fuq arkitettura oħra. L-arkitettura x86 hija standard imfassal minn Intel għas-CPUs tagħha. Hija tippermetti l-funzjonament tas-sistemi operattivi Windows u Linux. Windows hija primarjament marbuta mas-sett ta’ istruzzjonijiet x86. Qabel is-sena 2000, kien hemm bosta manifatturi ta’ CPUs tal-arkitettura x86. Madankollu, il-parti l-kbira ta’ dawn il-manifatturi ma għadhomx fis-suq. Id-deċiżjoni kkontestata tirrileva li b’effett minn din id-data Intel u AMD huma prattikament l-uniċi żewġ impriżi li għadhom jimmanifatturaw is-CPUs x86.

23

Fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li s-suq tal-prodotti inkwistjoni ma kienx ikbar mis-suq tas-CPUs x86. Id-deċiżjoni kkontestata ma tiddeċidix dwar jekk jeżistix suq uniku ta’ CPUs x86 għall-kompjuters kollha jew jekk għandhiex issir distinzjoni bejn tliet swieq separati ta’ CPUs x86, jiġifieri dak għad-desktops, dak għall-laptops u dak għas-servers. Skont id-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-partijiet mis-suq li għandha Intel għal kull qasam, il-konklużjonijiet marbuta mal-pożizzjoni dominanti ma jvarjawx.

24

Is-suq ġeografiku huwa ddefinit bħala ta’ daqs dinji.

B – Pożizzjoni dominanti

25

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li, matul il-perijodu ta’ għaxar snin li ġie eżaminat (1997 sa 2007), Intel dejjem kellha partijiet mis-suq ta’ madwar 70 % jew iktar. Barra minn hekk, skont id-deċiżjoni kkontestata jeżistu ostakoli kbar għad-dħul u għall-espansjoni fis-swieq tas-CPUs x86. Dawn l-ostakoli jirriżultaw minn investimenti li ma jistgħux jiġu rkuprati fir-riċerka u l-iżvilupp, il-proprjetà intellettwali u l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni neċessarji għall-manifattura tas-CPUs x86. Konsegwentement, il-kompetituri kollha ta’ Intel, bl-eċċezzjoni ta’AMD, ħarġu mis-suq jew għandhom biss parti negliġibbli mis-suq.

26

Filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-partijiet mis-suq li għandha Intel u fuq l-ostakoli għad-dħul u l-espansjoni fis-suq inkwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi li Intel kienet f’pożizzjoni dominanti fl-imsemmi suq minn tal-inqas matul il-perijodu kopert mill-imsemmija deċiżjoni, jiġifieri minn Ottubru 2002 sa Diċembru 2007.

C – Aġir abbużiv u multa

27

Id-deċiżjoni kkontestata tiddeskrivi żewġ tipi ta’ aġir adottati minn Intel fir-rigward tas-sħab kummerċjali tagħha, jiġifieri it-tnaqqis kundizzjonali u r-“restrizzjonijiet ovvji” (naked restrictions).

28

Fl-ewwel lok, skont id-deċiżjoni kkontestata, Intel tat tnaqqis lil erba’ OEM, f’dan il-każ, Dell, Lenovo, HP u NEC, bil-kundizzjoni li huma jixtru mingħandha t-totalità jew kważi totalità tas-CPUs x86 tagħha. Barra minn hekk, Intel għamlet ħlasijiet lil MSH, bil-kundizzjoni li din tal-aħħar tbigħ biss kompjuters mgħammra b’CPUs x86 ta’ Intel.

29

Id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi li t-tnaqqis kundizzjonali mogħti lil Intel jikkostitwixxi tnaqqis għal fedeltà. Fir-rigward tal-ħlasijiet kundizzjonali ta’ Intel lil MSH, id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata li l-mekkaniżmu ekonomiku ta’ dawn il-ħlasijiet huwa ekwivalenti għal dak tat-tnaqqis kundizzjonali mogħti lil OEM.

30

Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi wkoll analiżi ekonomika fuq il-kapaċità tat-tnaqqis li jeskludi kompetitur li jkun effiċjenti daqs Intel (as efficient competitor test, iktar ’il quddiem it-“test AEC”) mingħajr madankollu ma jkun jokkupa pożizzjoni dominanti. B’mod konkret, l-analiżi tistabbilixxi l-prezz li kien jiġi propost minn kompetitur effiċjenti daqs Intel għas-CPUs tiegħu sabiex jikkumpensa lil OEM għat-telf ta’ tnaqqis li kieku kien jirċievi mingħand Intel. Analiżi tal-istess tip twettqet fir-rigward tal-ħlasijiet mogħtija minn Intel lil MSH.

31

Abbażi tal-provi li hija ġabret, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li t-tnaqqis kundizzjonali u l-ħlasijiet mogħtija minn Intel kellhom il-konsegwenza li jiżguraw il-fedeltà tal-OEM strateġiċi u ta’ MSH. Dawn il-prattiki kellhom effetti addizzjonali, fis-sens li huma naqqsu b’mod kunsiderevoli l-kapaċità tal-kompetituri li jikkompetu abbażi tal-kapaċitajiet tas-CPUs x86 tagħhom. B’hekk, l-aġir antikompetittiv ta’ Intel ikkontribwixxa sabiex titnaqqas l-għażla offruta lill-konsumaturi kif ukoll l-inċentiv għall-innovazzjoni.

32

Fit-tieni lok, fir-rigward tar-restrizzjonijiet ovvji, il-Kummissjoni ssostni li Intel tat ħlasijiet lil tliet OEM, jiġifieri HP, Acer u Lenovo, bil-kundizzjoni li dawn jipposponu jew jannullaw il-varar ta’ prodotti mgħammra b’CPU li joriġina minn AMD (iktar ’il quddiem is-“CPUs AMD”), u/jew jimponu restrizzjonijiet fuq id-distribuzzjoni ta’ dawn il-prodotti. Id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi li dan l-aġir ta’ Intel ukoll ikkawża preġudizzju dirett lill-kompetizzjoni u ma jaqax taħt il-kompetizzjoni normali, bbażata fuq il-kapaċitajiet.

33

Il-Kummissjoni tikkonkludi fid-deċiżjoni kkontestata li kull wieħed mill-aġir ikkontestat ta’ Intel fir-rigward tal-OEM imsemmija iktar ’il fuq u ta’ MSH jikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE, filwaqt li madankollu dan l-abbuż kollu jaqa’ wkoll fil-kuntest ta’ strateġija ġenerali maħsuba sabiex teskludi lil AMD, l-uniku kompetitur kbir ta’ Intel, mis-suq tas-CPUs x86. Għaldaqstant, dan l-abbuż jifforma ksur uniku fis-sens tal-Artikolu 82 KE.

34

Filwaqt li applikat il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”), il-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti multa ta’ EUR 1.06 biljun (fir-rigward tal-kalkolu tal-multa, ara l-punti 1554 sa 1558 iktar ’il quddiem).

D – Dispożittiv

35

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi kif ġej:

“Artikolu 1

Intel […] wettqet ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 82 [KE] u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE, bejn Ottubru 2002 u Diċembru 2007, billi implementat strateġija maħsuba sabiex teskludi kompetituri mis-suq tas-CPUs x86 li kien jikkonsisti fil-fatturi li ġejjin:

a)

l-għoti ta’ tnaqqis lil Dell bejn Diċembru 2002 u Diċembru 2005 li l-livell tiegħu kien ikkundizzjonat mill-fatt li Dell kellha tixtri t-totalità tas-CPUs x86 tagħha mingħand Intel;

b)

l-għoti ta’ tnaqqis lil HP bejn Novembru 2002 u Mejju 2005 li l-livell tiegħu kien ikkundizzjonat mill-fatt li HP kellha tixtri minn tal-inqas 95 % tas-CPUs x86 maħsuba għad-desktops għall-impriżi mingħand Intel;

ċ)

l-għoti ta’ tnaqqis lil NEC bejn Ottubru 2002 u Novembru 2005 li l-livell tiegħu kien ikkundizzjonat mill-fatt li NEC kellha tixtri minn tal-inqas 80 % tas-CPUs x86 maħsuba għall-klijenti PC tagħha mingħand Intel;

d)

l-għoti ta’ tnaqqis lil Lenovo bejn Jannar 2007 u Diċembru 2007 li l-livell tiegħu kien ikkondizzjonat mill-fatt li Lenovo kellha tixtri t-totalità tas-CPUs x86 maħsuba għall-laptops tagħha mingħand Intel ;

e)

l-għoti ta’ ħlasijiet lil [MSH] bejn Ottubru 2002 u Diċembru 2007 li l-livell tagħhom kien ikkundizzjonat mill-fatt li [MSH] kellha tbigħ biss kompjuters mgħammra b’CPUs x86 ta’Intel;

f)

l-għoti ta’ ħlasijiet lil HP bejn Novembru 2002 u Mejju 2005 bil-kundizzjoni li: i) HP torjenta d-desktops ta’ HP mgħammra b’CPUs x86 ta’ AMD maħsuba għal impriżi lejn l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju lejn il-klijenti tas-settur pubbliku, edukattiv u mediku minflok lejn l-impriżi l-kbar; ii) HP tipprojbixxi lill-imsieħba tagħha ta’ distribuzzjoni milli jistokkjaw desktops ta’ HP mgħammra b’CPUs x86 ta’ AMD maħsuba għal impriżi b’tali mod li dwan il-kompjuters ikunu disponibbli biss għall-klijenti li jordnawhom mingħand HP (direttament, jew permezz tas-sieħba ta’ distribuzzjoni ta’ HP li jeżerċitaw il-funzjoni ta’ aġenti kummerċjali); iii) HP tipposponi b’sitt xhur il-varar tad-desktop tagħha mgħammar b’CPU x86 ta’ AMD maħsub għal impriżi fir-reġjun [Ewropa, Lvant nofsani u Afrika];

ġ)

l-għoti ta’ ħlasijiet lil Acer bejn Settembru 2003 u Jannar 2004 bil-kundizzjoni li Acer tipposponi l-varar ta’ laptop mgħammar b’CPU x86 ta’AMD;

h)

l-għoti ta’ ħlasijiet lil Lenovo bejn Ġunju 2006 u Diċembru 2006 bil-kundizzjoni li Lenovo tipposponi u fl-aħħar tannulla l-varar tal-laptops tagħha mgħammra b’ CPU x86 ta’AMD.

Artikolu 2

Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, hija imposta fuq Intel multa fl-ammont ta’ EUR 1 060 000 000 […]

Artikolu 3

Intel […] għandha immedjatament twaqqaf il-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 f’każ li dan għadu ma sarx.

Intel […] għandha tastjeni milli tirrepeti l-atteġġamenti u l-aġir imsemmi fl-Artikolu 1 kif ukoll atteġġamenti jew aġir li għandu għan jew effett identiku jew ekwivalenti.

35 […]”

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

36

Permezz ta’ att ippreżentat quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Lulju 2009, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

37

Permezz ta’ att ippreżentat quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Ottubru 2009, AMD talbet tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tal-Kummissjoni. Madankollu, fis-16 ta’ Novembru 2009, AMD informat lill-Qorti Ġenerali li hija kienet qiegħda tirtira t-talba tagħha għal intervent f’din il-kawża. Konsegwentement, permezz ta’ digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Jannar 2010, AMD ġiet eliminata mill-kawża bħala intervenjenti.

38

Permezz ta’ att ippreżentat quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Ottubru 2009, l’Union fédérale des consommateurs – Que choisir (UFC – Que choisir) (iktar ’il quddiem l-“UFC”) talbet sabiex tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Ġunju 2010, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent. Permezz ta’ ittra rreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Settembru 2010, l-UFC informat lil Qorti Ġenerali li hija qiegħda tirrinunzja għall-preżentazzjoni ta’ nota ta’ intervent, iżda li kienet ser tippreżenta osservazzjonijiet orali waqt is-seduta.

39

Permezz ta’ att ippreżentat quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Novembru 2009, l-Association for Competitive Technology (iktar ’il quddiem l-“ACT”) talbet tintervjeni f’din il-proċedura insostenn ta’ Intel. Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Ġunju 2010, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent. L-ACT ippreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fit-terminu stabbilit u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din tal-aħħar.

40

Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali tbiddlet, u peress li l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Seba’ Awla, din il-kawża ġiet konsegwentement assenjata lil din tal-aħħar.

41

Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 2012, il-Qorti Ġenerali bagħtet lura l-kawża quddiem it-Tmien Awla Estiża skont l-Artikolu 14(1) u tal-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

42

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u talbet lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni jipproduċu ċerti dokumenti. Ir-rikorrenti, il-Kummissjoni u l-ACT wieġbu għall-mistoqsijiet bil-miktub u pproduċew id-dokumenti mitluba fit-terminu stabbilit.

43

Minkejja li t-tweġiba tal-UFC għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali waslet fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit, permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2012, il-President tas-Seba’ Awla ddeċieda li din it-tweġiba għandha xorta waħda tiġi inkluża fil-proċess.

44

Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ April 2012, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 65(b), l-Artikolu 66(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tipproduċi l-verżjoni kunfidenzjali tan-nota interna li tikkonċerna l-laqgħa bejn aġenti tal-Kummissjoni u D1, [kunfidenzjali] ta’ Dell, li saret fit-23 ta’ Awwissu 2006. Il-Kummissjoni osservat it-terminu stabbilit. Fl-ewwel lok, dan id-dokument la ġie kkomunikat lir-rikorrenti u lanqas lill-intervenjenti.

45

Intel u l-Kummissjoni talbu li ċerti elementi kunfidenzjali fl-atti u fl-annessi tagħhom, inklużi t-tweġibiet għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, jiġu esklużi mill-komunikazzjoni lill-intervenjenti. Il-komunikazzjoni lill-intervenjenti tal-imsemmija atti u annessi ġiet limitata għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali prodotti mir-rikorrenti u mill-Kummissjoni. L-intervenjenti ma qajmux oġġezzjonijiet f’dan ir-rigward.

46

Fis-7 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti, il-Kummissjoni u l-ACT attendew laqgħa informali dwar it-trattament kunfidenzjali ta’ ċertu informazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ seduta fil-preżenza ta’ ħames membri tas-Sitt Awla Estiża.

47

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrenti indikat li d-diversi OEM ikkonċernati kif ukoll MSH u AMD esprimew il-kunsens tagħhom għall-iżvelar tal-informazzjoni li tikkonċernahom li preċedentement kienet identifikata bħala kunfidenzjali waqt il-parti tas-seduta li tinżamm pubblikament kif ukoll fil-verżjoni pubblika tas-sentenza futura, b’riżerva għal ċerti eċċezzjonijiet.

48

It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsjiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta li saret, parzjalment, in camera, tat-3 sas-6 ta’ Lulju 2012.

49

Permezz ta’ digriet tad-29 ta’ Jannar 2013, il-proċedura orali nfetħet mill-ġdid. Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, peress li l-Kummissjoni, li min-naħa tagħha kkonsultat lil Dell, instemgħet u peress li ma qajmitx oġġezzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkomunikat lir-rikorrenti u lill-intervenjenti l-verżjoni sħiħa tan-nota interna li tikkonċerna l-laqgħa ma’ D1, [kunfidenzjali] ta’ Dell, u stednithom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-partijiet tal-imsemmija nota li ma kinux ġew trażmessi lilhom preċedentement. Ir-rikorrenti kif ukoll l-ACT issodisfaw din it-talba fit-terminu stabbilit. L-UFC ma ppreżentatx osservazzjonijiet fit-terminu stabbilit. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni ssodisfat din it-talba fit-terminu stabbilit. Il-Qorti Ġenerali stiednet ukoll lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-osservazzjonijiet tal-ACT. Dawn tal-aħħar issodisfaw din it-talba fit-terminu stabbilit. Sussegwentement, il-proċedura orali ngħalqet fis-6 ta’ Mejju 2013.

50

Ir-rikorrenti, sostnuta mill-ACT, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla totalment jew parzjalment id-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas b’mod sostanzjali l-ammont tal-multa imposta;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

51

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

tikkundanna lill-ACT għall-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħha.

52

L-UFC tikkondividi, essenzjalment, it-talbiet tal-Kummissjoni u titlob li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Id-dritt

I – Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti annessi

53

Il-Kummissjoni ssostni li ċerti dokumenti prodotti mir-rikorrenti fl-anness għar-rikors, li jikkorrispondu għax-xhieda mogħtija quddiem il-qorti ta’ Delaware li quddiemha ġiet ippreżentata l-kawża Amerikana (iktar ’il quddiem il-“qorti ta’ Delaware”, ara l-punt 11 iktar ’il fuq), huma inammissibbli skont l-Artikolu 43(5) tar-Regoli tal-Proċedura, li jistabbilixxi li “[j]ekk, minħabba t-tul ta’ att jew ta’ dokument, jiġu annessi biss estratti ma’ l-att tal-proċedura, l-att jew id-dokument kollu jew kopja sħiħa tiegħu għandha tiġi ddepożitata fir-Reġistru”.

54

Il-Kummissjoni tenfasizza li r-rikorrenti la pprovdiet u lanqas irreġistrat fir-Reġistru l-annessi tad-depożizzjonijiet magħmula quddiem il-qorti ta’ Delaware. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li, fir-rigward ta’ parti minn din ix-xhieda, ir-rikorrenti pprovdiet biss estratti mit-traskrizzjoni minflok it-traskrizzjoni sħiħa.

55

Qabelxejn jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni fir-rigward tax-xhieda li t-traskrizzjoni tagħha ġiet prodotta b’mod sħiħ, iżda mingħajr l-annessi tagħha. Fil-fatt, skont l-Artikolu 43(5) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa suffiċjenti li jiġi ppreżentat id-dokument sħiħ quddiem ir-Reġistru. Dan l-artikolu ma jirrikjedix il-preżentazzjoni fir-Reġistru tad-dokumenti kollha l-oħra li jsir riferiment għalihom fid-dokument anness ma’ att proċedurali. Fil-każ li ċerti partijiet tax-xhieda li tibbaża ruħha fuqhom ir-rikorrenti ma jkunux jinftiehmu mingħajr aċċess għad-dokumenti li tirreferi għalihom ix-xhieda, dan ikun jaffettwa biss il-valur probatorju tal-partijiet tax-xhieda kkonċernati. Madankollu, dan ma jistax jikkonfuta l-ammissibbiltà tax-xhieda prodotta mir-rikorrenti fl-anness tar-rikors tagħha.

56

Fir-rigward tax-xhieda li r-rikorrenti pproduċiet biss estratti fl-anness tan-noti tagħha, jeħtieġ li jiġi rrilevat dan li ġej.

57

Anki jekk l-Artikolu 43(5) tar-Regoli tal-Proċedura għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-partijiet l-obbligu li jippreżentaw quddiem ir-Reġistru verżjoni sħiħa ta’ kull dokument li huma jipproduċu l-estratti tiegħu fl-anness ta’ att proċedurali, il-ksur ta’ dan l-obbligu jista’ fi kwalunkwe każ jiġi rregolarizzat.

58

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li, skont il-paragrafu 57(d) tal-istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet adottati mill-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 232, p. 7), kif emendati, anki l-assenza tal-produzzjoni tal-annessi msemmija fin-nota tista’ tiġi regolarizzata. Il-produzzjoni ta’ estratt wieħed ta’ dokument minflok id-dokument sħiħ jikkostitwixxi l-iktar l-iktar difett li jista’ jiġi regolarizzat.

59

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali talbet lir-rikorrenti, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tipproduċi l-verżjonijiet sħaħ tax-xhieda kollha li fir-rigward tagħha hija kienet ipproduċiet biss estratti u li ma ppreżentatx verżjoni kompleta tagħha fir-Reġistru. Ir-rikorrenti ssodisfat din it-talba fit-terminu stabbilit u l-Qorti Ġenerali tat lill-Kummissjoni l-okkażjoni li tippreżenta l-osservazzjonijet tagħha dwar dawn id-dokumenti bil-miktub.

60

Għaldaqstant hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li ċerti dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti huma inammissibbli skont l-Artikolu 43(5) tar-Regoli tal-Proċedura.

II – Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

A – Kwistjonijiet orizzontali li jikkonċernaw evalwazzjonijiet legali mwettqa mill-Kummissjoni

1. Fuq l-oneru tal-prova u l-livell ta’ prova rikjesta

61

Ir-rikorrenti tagħmel riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Unjoni Ewropea u tenfasizza, b’mod partikolari, li l-kawżi ta’ kompetizzjoni tal-istess natura bħal dik tal-kawża inkwistjoni huma ta’ natura kriminali, fatt li jfisser li huma jirrikjedu livell għoli ta’ prova u li tapplika l-preżunzjoni tal-innoċenza.

62

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, fil-proċeduri kollha skont l-Artikolu 82 KE, l-oneru tal-prova ta’ ksur ta’ dan l-artikolu huwa impost fuq il-parti jew l-awtorità li tallegah, jiġifieri, f’dan il-każ, fuq il-Kummissjoni. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Għaldaqstant, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi jekk jibqa’ dubju f’moħħ il-qorti dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00, Ġabra p. II-2501, iktar ’il quddiem is-“sentenza JFE”, punt 177, u tat-12 ta’ Lulju 2011, Hitachi et vs Il-Kummissjoni, T-112/07, Ġabra p. II-3871, punt 58).

63

Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal‑Libertajiet Fundamentali (KEDB), iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ severità tas-sanzjonijiet marbuta miegħu, il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri relatati ma’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punti 149 u 150, u Montecatini vs Il-Kummissjoni, C-235/92 P, Ġabra p. I-4539, punti 175 u 176; sentenza JFE, punt 62 iktar ’il fuq, punt 178).

64

Għalkemm huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni soda tagħha li l-ksur twettaq, għandu jiġi enfasizzat li kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa suffiċjenti li s-sensiela ta’ ħjiel invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit, kif tistabbilixxi l-ġurisprudenza li tikkonċerna l-implementazzjoni tal-Artikolu 81 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punti 513 sa 523). Dan il-prinċipju japplika wkoll għall-kawżi li jikkonċernaw l-implementazzjoni tal-Artikolu 82 KE (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, T-321/05, Ġabra p. II-2805, iktar ’il quddiem is-“sentenza AstraZeneca”, punt 477).

65

Fir-rigward tas-saħħa probatorja tal-provi prodotti mill-Kummissjoni, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet.

66

Minn naħa, meta l-Kummissjoni tikkonstata ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni billi tibbaża ruħha fuq is-suppożizzjoni li l-fatti stabbiliti ma jistgħux jiġu spjegati għajr bl-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv, il-qorti tal-Unjoni jkollha tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni meta l-impriżi kkonċernati jargumentaw b’mod li jagħti dawl differenti fuq il-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li għalhekk jippermetti l-bdil ta’ spjegazzjoni plawżibbli oħra tal-fatti minflok dik adottata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi għall-eżistenza ta’ ksur. Fil-fatt, f’każ bħal dan, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni pproduċiet il-prova tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 16, u tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, Ġabra p. I-1307, punti 126 u 127).

67

Min-naħa l-oħra, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi li, bħala prinċipju, huma suffiċjenti sabiex juru li jeżisti ksur, ma huwiex biżżejjed li l-impriża kkonċernata ssemmi l-possibbiltà li seħħ fatt li jista’ jaffettwa l-valur probatorju tal-imsemmija provi sabiex il-Kummissjoni jkollha l-oneru li tipprova li dan il-fatt ma setax jaffettwa l-valur probatorju tal-provi. Għall-kuntrarju, bl-eċċezzjoni tal-każ fejn tali prova ma tistax tiġi prodotta mill-impriża kkonċernata minħabba l-aġir tal-Kummissjoni stess, hija l-impriża kkonċernata li għandha tistabbilixxi b’mod suffiċjenti skont il-liġi, minn naħa, l-eżistenza taċ-ċirkustanza li hija tinvoka u, min-naħa l-oħra, li din iċ-ċirkustanza tpoġġi fid-dubju l-valur probatorju tal-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 2010, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, T-141/08, Ġabra p. II-5761, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li jeħtieġ li jiġi eżminat jekk il-Kummissjoni pprovatx sal-grad rikjest mil-liġi ċ-ċirkustanzi stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-motivi tar-rikorrenti.

2. Fuq il-klassifikazzjoni legali tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet mogħtija bħala korrispettiv għal provvista esklużiva

69

Fil-premessa 924 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ammont tat-tnaqqis mogħti lil Dell, HP, NEC u Lenovo kien de facto marbut mal-kundizzjoni li dawn l-impriżi jfornu ruħhom mingħand Intel għall-bżonnijiet tagħhom kollha jew kważi kollha inkonnessjoni mas-CPU x86, tal-inqas f’settur determinat, u li, konsegwentement, il-libertà tal-għażla ta’ dawn l-impriżi kienet ristretta. Fir-rigward tal-ħlasijiet mogħtija lil MSH, il-Kummissjoni kkonstat, fl-istess premessa, li dawn il-ħlasijiet kienu suġġetti għall-kundizzjoni li MSH tbigħ biss kompjuters li jinkludu CPUs x86 ta’ Intel u li għaldaqstant dawn illimitaw il-libertà tal-għażla ta’ MSH. Il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 925 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, dawn il-konstatazzjonijiet huma suffiċjenti sabiex juru ksur tal-Artikolu 82 KE.

70

Ir-rikorrenti tikkontesta l-klassifikazzjoni legali tal-ħlasijiet mogħtija li saret mill-Kummissjoni. Essenzjalment, hija ssostni li l-Kummissjoni kienet obbligata twettaq evalwazzjoni tal-kuntest fattwali globali bil-għan li tiddetermina jekk it-tnaqqis u l-ħlasijiet ikkritikati setgħux jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Qabel ma tikkonkludi li għoti ta’ tnaqqis jikser l-Artikolu 82 KE, il-Kummissjoni għandha turi li dan it-tnaqqis għandu effettivament il-kapaċità li jeskludi kompetituri mis-suq, bi ħsara għll-konsumaturi. Meta l-aġir ikun fil-passat, il-Kummissjoni għandha tipprova li l-ftehim ikkritikat wassal effettivament għall-esklużjoni tal-kompetituri.

71

Il-Kummissjoni ssostni li t-tnaqqis inkwistjoni jikkostitwixxi “tnaqqis għall-fedeltà fis-sens tal-ġurisprudenza Hoffmann-La Roche” kif tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, Ġabra p. 461, iktar ’il quddiem is-“sentenza Hoffmann-La Roche”). Hija qieset li, għan din it-tip ta’ prattika, ma huwiex neċessarju li jiġu stabbiliti, abbażi ta’ każ b’każ, l-effetti ta’ esklużjoni reali jew potenzjali.

a) Fuq it-tnaqqis mogħti lil OEM bħala korrispettiv għal provvista esklużiva jew kważi esklużiva

1) Fuq il-klassifikazzjoni legali

72

Skont ġurisprudenza stabbilita, għal impriża li ssib ruħha f’pożizzjoni dominanti fis-suq, il-fatt li torbot xerrejja – anki jekk fuq talba tagħhom – b’obbligu jew wegħda li jiksbu l-bżonnijiet kollha jew parti sostanzjali mill-bżonnijiet tagħhom esklużivament mingħand l-imsemmija impriża jikkostiwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE, kemm jekk l-obbligu inkwistjoni jkun stipulat mingħajr iktar kwalifiki, u kemm jekk dan ikollu l-korrispettiv tiegħu fl-għoti ta’ tnaqqis (sentenza Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq, punt 89, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2010, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, T-155/06, Ġabra p. II-4361, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti Ġenerali Tomra”, punt 208).

73

Dan japplika wkoll meta l-imsemmija impriża, mingħajr ma torbot ix-xerrejja b’obbligu formali, tapplika, skont ftehim magħmul ma’ dawn ix-xerrejja, jew unilateralment, sistema ta’ tnaqqis għal fedeltà, jiġifieri l-iskontijiet marbuta mal-kundizzjoni li l-klijent – indipendentement mill-ammont, kunsiderevoli jew minimu, tax-xiri tiegħu – tixtri esklużivament għall-bżonnijiet kollha tagħha jew għal parti kbira tagħhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti (sentenza Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq, punt 89, u sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C‑549/10 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Tomra”, punt 70).

74

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-klassifikazzjoni, bħala abbużiv, tal-għoti ta’ tnaqqis minn impriża f’pożizzjoni dominanti, hemm lok li ssir distinzjoni bejn tliet kategoriji ta’ tnaqqis (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, iktar ’il quddiem is-“sentenza Michelin I”, punti 71 sa 73, u tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il-Kummissjoni, C-95/04 P, Ġabra p. I-2331, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja British Airways”, punti 62, 63, 65, 67 u 68).

75

Fl-ewwel lok, is-sistemi ta’ tnaqqis għal kwantità (iktar ’il quddiem it-“tnaqqis għal kwantità”), marbuta esklużivament mal-volum ta’ xiri li sar mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti, huma ġeneralment ikkunsidrati li ma għandhomx effett ta’ esklużjoni pprojbit mill-Artikolu 82 KE. Jekk iż-żieda fil-kwantità pprovduta tissarraf f’inqas spejjeż għall-fornitur, dan fil-fatt għandu d-dritt li jagħti benefiċċju lill-klijent tiegħu b’dan it-tnaqqis permezz ta’ tariffa iktar favorevoli. It-tnaqqis għal kwantità għalhekk suppost għandu jirrifletti ż-żieda ta’ effiċjenza u tal-ekonomiji ta’ skala mwettqa mill-impriża f’pożizzjoni dominanti (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il‑Kummissjoni, T-203/01, Ġabra p. II-4071, iktar ’il quddiem is-“sentenza Michelin II”, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

76

Fit-tieni lok, jeżisti tnaqqis li l-għoti tiegħu huwa marbut mal-kundizzjoni li l-klijent jixtri esklużivament għall-bżonnijiet kollha tiegħu jew għal parti kbira tagħhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti. Dan it-tip ta’ tnaqqis, li l-Kummissjoni tagħmel riferiment għalih permezz tal-frażi “tnaqqis għal fedeltà fis-sens tal-ġurisprudenza Hoffmann-La Roche”, ser jissejjaħ iktar ’il quddiem “tnaqqis għal esklużività”. Hemm lok li jiġi enfasizzat li din il-frażi ser tintuża wkoll għal tnaqqis li ma huwiex marbut ma’ kundizzjoni ta’ xiri 100 %, iżda mal-kundizzjoni li l-klijent jixtri għal parti kbira tal-bżonnijiet tiegħu mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti.

77

Tali tnaqqis għal esklużività, applikat minn impriża f’pożizzjoni dominanti, huwa inkompatibbli mal-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni peress li dan ma huwiex ibbażat – ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali – fuq prestazzjoni ekonomika li tiġġustifika dan il-vantaġġ finanzjarju, iżda li għandu t-tendenza li jċaħħad lix-xerrej, jew li jillimita fir-rigward tiegħu, il-possibbiltà ta’ għażla fir-rigward tas-sorsi ta’ provvista tiegħu u li jostakola l-aċċess tas-suq lill-produtturi l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq, punt 90, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali Tomra, punt 72 iktar ’il fuq, punt 209). Fil-fatt, tali tnaqqis għandu t-tendenza li jipprekludi, permezz tal-għoti ta’ vantaġġ finanzjarju, ix-xiri tal-klijenti mingħand produtturi kompetituri (sentenza Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq, punt 90, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali Tomra, punt 72 iktar ’il fuq, punt 210).

78

Fit-tielet lok, jeżistu forom oħra ta’ tnaqqis fejn l-għoti ta’ inċentiv finanzjarju ma huwiex marbut direttament ma’ kundizzjoni ta’ xiri esklużiv jew kważi esklużiv mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti, iżda fejn il-mekkaniżmu tal-għoti ta’ tnaqqis jista’ wkoll jinkludi effett ta’ fedeltà (iktar ’il quddiem it-“tnaqqis li jaqa’ taħt it-tielet kategorija”). Din il-kategorija ta’ tnaqqis tinkludi b’mod partikolari sistemi ta’ tnaqqis li jiddependu fuq it-twettiq ta’ għanijiet ta’ bejgħ individwali li ma jikkostitwixxux tnaqqis għal esklużività, peress li ma jinkludu l-ebda obbligu ta’ esklużività jew ta’ kopertura ta’ ċerta kwota tal-bżonnijiet tagħhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti. Bil-għan li jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni ta’ tali tnaqqis tikkostitwixxix abbuż minn pożizzjoni dominanti, hemm lok li jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha, b’mod partikolari l-kriterji u l-modalitajiet tal-għoti tat-tnaqqis, u li jiġi eżaminat jekk dan it-tnaqqis għandux it-tendenza, permezz ta’ vantaġġ li ma huwa bbażat fuq ebda prestazzjoni ekonomika li tiġġustifikah, li jċaħħad lix-xerrej, jew li jillimita fir-rigward tiegħu, il-possibbiltà ta’ għażla fir-rigward tas-sorsi ta’ provvista tiegħu u li jostakola l-aċċess tas-suq għal kompetituri jew li jsaħħaħ il-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Michelin I, punt 74 iktar ’il fuq, punt 73; tal-Qorti tal-Ġustizzja British Airways, punt 74 iktar ’il fuq, punti 65 u 67, u Tomra, punt 73 iktar ’il fuq, punt 71).

79

It-tnaqqis mogħti lil Dell, HP, NEC u Lenovo msemmi mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fl-Artikolu 1(a) sa (d) tad-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxi tnaqqis li jaqa’ taħt it-tieni kategorija, jiġifieri tnaqqis għal esklużività. Fil-fatt, skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jidhru fid-deċiżjoni kkontestata, dan kien tnaqqis li kien marbut mal-kundizzjoni li l-klijent jixtri mingħand Intel, tal-inqas f’settur determinat, jew għall-bżonnijiet kollha tiegħu fil-qasam tas-CPUs x86, sa fejn dan kien jikkonċerna lil Dell u Lenovo, jew għall-parti kbira tal-bżonnijiet tiegħu, f’dan il-każ 95 % għal HP u 80 % għal NEC.

80

Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, a contrario ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-klassifikazzjoni ta’ tnaqqis għal esklużività bħala abbużiv ma jiddependix fuq analiżi taċ-ċirkustanzi tal-każ maħsub sabiex jiġi stabbilit effett potenzjali ta’ esklużjoni.

81

Fil-fatt, mis-sentenza Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq (punti 89 u 90), jirriżulta li dan it-tip ta’ tnaqqis jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti jekk ma tkun teżisti ebda ġustifikazzjoni oġġettiva għall-għoti tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżiġietx prova tal-kapaċità ta’ restrizzjoni taql-kompetizzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-każ.

82

Barra minn hekk, mis-sentenza Michelin I, punt 74 iktar ’il fuq, u mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja British Airways, punt 74 iktar ’il fuq, jirriżulta li huwa neċessarju li jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ biss meta t-tnaqqis ikun jaqa’ taħt it-tielet kategorija. Fil-fatt, fil-punt 71 tas-sentenza Michelin I, punt 74 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-ġurisprudenza li tistabbilixxi li tnaqqis li għandu t-tendenza li jipprekludi, permezz tal-għoti ta’ vantaġġi finanzjarji, ix-xiri tal-klijenti mingħand produtturi kompetituri jikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, li s-sistema ta’ tnaqqis inkwistjoni f’dan il-każ la jikkostitwixxi sempliċi tnaqqis għal kwantità, u lanqas sistema li tinkludi obbligu ta’ esklużività jew ta’ kopertura ta’ ċerta kwota ta’ bżonnijiet mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti. Fl-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-punt 73 ta’ din l-istess sentenza, li “għaldaqstant” hemm lok li jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha, u b’mod partikolari l-kriterji u l-modalitajiet tal-għoti tat-tnaqqis.

83

Fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja British Airways, punt 74 iktar ’il fuq, din tal-aħħar, fl-ewwel lok fakkret, fil-punt 62, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq, u, fit-tieni lok, irrilevat id-differenza bejn il-fatti li fuqhom hija bbażata din l-aħħar imsemmija sentenza u l-fatti li taw lok għas-sentenza Michelin I, punt 74 iktar ’il fuq, billi enfasizzat, fil-punt 65, li din is-sentenza kienet tikkonċerna tnaqqis li, min-naħa tal-klijenti tal-impriża f’pożizzjoni dominanti, ma kien jinkludi ebda obbligu ta’ esklużività jew ta’ kopertura ta’ ċerta kwota tal-bżonnijiet tagħhom mingħand din l-impriża. Sussegwentement, fil-punt 67 hija rrilevat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li huwa neċessarju li jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha bil-għan li jiġi ddeterminat jekk impriża f’pożizzjoni dominanti kinitx abbużat minn dik il-pożizzjoni billi applikat sistema ta’ tnaqqis “bħal dik deskritta fil-punt 65 ta’ din is-sentenza”. Fl-aħħar lok, fil-punt 68, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li n-neċessità li jiġi vverifikat jekk it-tnaqqis jistax jipproduċi effett ta’ esklużjoni kienet tikkonċerna sistema ta’ tnaqqis jew ta’ primjums “li ma jikkostitwixxu tnaqqis jew primjums għal kwantità u lanqas tnaqqis jew primjums għal fedeltà fis-sens tas-sentenza Hoffmann-La Roche”.

84

Isegwi li, skont il-ġurisprudenza, huwa biss fil-każ ta’ tnaqqis li jaqa’ taħt it-tielet kategorija li huwa neċessarju li jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha, u mhux fil-każ ta’ tnaqqis għal esklużività li jaqa’ taħt it-tieni kategorija.

85

Dan l-approċċ huwa ġġustifikat mill-fatt li t-tnaqqis għal esklużività mogħti minn impriża f’pożizzjoni dominanti għandu min-natura tiegħu stess il-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

86

Fil-fatt, il-kapaċità li l-klijenti jintrabtu mal-impriża f’pożizzjoni dominanti hija inerenti għat-tnaqqis għal esklużività. Il-fatt li impriża f’pożizzjoni dominanti tagħti tnaqqis bħala korrispettiv għax-xiri esklużiv jew li jikkonċerna parti kbira mill-bżonnijiet tal-klijent jimplika li l-impriża f’pożizzjoni dominanti tagħti vantaġġ finanzjarju intiż li jipprekludi x-xiri tal-klijenti mingħand produtturi kompetituri. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi tal-każ bil-għan li jiġi ddeterminat jekk dan it-tnaqqis huwiex intiż li jipprekludi lill-klijenti milli jixtru mingħand kompetituri oħra.

87

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li t-tnaqqis għal esklużività mogħti minn impriża f’pożiżzjoni dominanti għandu min-natura tiegħu stess il-kapaċità li jeskludi l-kompetituri. Fil-fatt, vantaġġ finanzjarju mogħti bil-għan li jinċentiva klijent sabiex jixtri l-bżonnijiet kollha tiegħu jew parti kbira minnhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti jimplika l-inċentiv għal dan il-klijent li ma jixtrix, għall-parti tad-domanda tiegħu li hija kkonċernata mill-kundizzjoni ta’ esklużività, mingħand kompetituri tal-impriża f’pożizzjoni dominanti.

88

F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi rrilevat li effett ta’ esklużjoni ma jiġix prodott biss meta l-aċċess għas-suq isir impossibbli għall-kompetituri, iżda wkoll meta dan l-aċċess isir iktar diffiċli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Michelin I, punt 74 iktar ’il fuq, punt 85; tas-17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C-52/09, Ġabra p. I-527, iktar ’il quddiem is-“sentenza TeliaSonera”, punt 63, u s-sentenza Michelin II, punt 75 iktar ’il fuq, punt 244). Inċentiv finanzjarju mogħti minn impriża f’pożizzjoni dominanti bil-għan li tinċentiva lil klijent sabiex ma jixtrix, għall-parti tad-domanda tiegħu li hija kkonċernata mill-kundizzjoni ta’ esklużività, mingħand il-kompetituri tagħha, huwa min-natura tiegħu stess kapaċi li jirrendi iktar diffiċli l-aċċess għas-suq għal dawn il-kompetituri.

89

Għalkemm kundizzjonijiet ta’ esklużività jistgħu, fil-prinċipju, jippreżentaw effetti li jkunu ta’ benefiċċju għall-kompetizzjoni, b’tali mod li f’sitwazzjoni normali ta’ suq kompetittiv huwa meħtieġ li jiġu evalwati l-effetti tagħhom fis-suq fil-kuntest speċifiku tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 1991, Delimitis, C-234/89, Ġabra p. I-935, punti 14 sa 27), dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jiġu ammessi fil-każ ta’ suq fejn, speċifikament minħabba l-pożizzjoni dominanti ta’ wieħed mill-operaturi, il-kompetizzjoni hija diġà ristretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ April 1995, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, C-310/93 P, Ġabra p. I-865, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja BPB Industries u British Gypsum”, punt 11, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fis-sentenza, Ġabra p. I‑867, punti 42 sa 45).

90

Din is-soluzzjoni hija ġġustifikata mir-responsabbiltà partikolari li hija imposta fuq l-impriżi f’pożizzjoni dominanti sabiex ma jippreġudikawx kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq komuni u mill-fatt li, meta operatur ikollu pożizzjoni qawwija fis-suq, kundizzjonijiet ta’ provvista esklużiva li tkun tikkonċerna sehem kbir mix-xiri ta’ klijent jikkostitwixxu ostakolu inaċċettabbli għall-aċċess għas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’April 1993, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, T-65/89, Ġabra p. II-389, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti Ġenerali BPB Industries u British Gypsum”, punti 65 sa 68). Fil-fatt, f’tali każ, l-esklużività tal-provvista għandha l-effett li tippreġudika b’mod addizzjonali l-istruttura kompetittiva tas-suq. Għalhekk, il-kunċett ta’ operat abbużiv japplika fil-prinċipju għal kull obbligu ta’ provvista esklużiva favur impriża f’pożizzjoni dominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq, punti 120, 121 u 123, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja BPB Industries u British Gypsum, punt 89 iktar ’il fuq, punt 11, u konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger f’dik is-sentenza, punt 89 iktar ’il fuq, punti 46 u 47).

91

Barra minn hekk, hemm ukoll lok li jiġi enfasizzat li huwa inerenti f’pożizzjoni dominanti qawwija, bħal dik li għanda r-rikorrenti, li, għall-biċċa l-kbira tad-domanda, ma hemmx sostitut adatt għall-prodott ipprovdut mill-impriża dominanti. Għaldaqstant, il-fornitur f’pożizzjoni dominanti huwa, fil-biċċa l-kbira, soċju kummerċjali li ma jistax jiġi evitat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq, punt 41; tal-Qorti tal-Ġustizzja British Airways, punt 74 iktar ’il fuq, punt 75, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali Tomra, punt 72 iktar ’il fuq, punt 269). F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata li l-pożizzjoni tagħha fis-suq matul il-perijodu tal-ksur studjat f’din is-sentenza kienet dik ta’ soċju kummerċjali inevitabbli.

92

Mill-pożizzjoni ta’ soċju kummerċjali inevitabbli jirriżulta li l-klijenti kienu jixtru fi kwalunkwe każ parti mill-bżonnijiet tagħhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti (iktar ’il quddiem il-“parti inkontestabbli”). Għaldaqstant, il-kompetitur ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti ma huwiex f’pożizzjoni li jikkompeti għall-provvista totali ta’ klijent, iżda biss għall-kwota tad-domanda li teċċedi l-parti inkontestabbli (iktar ’il quddiem il-“parti kontestabbli”). Il-parti kontestabbli hija għalhekk il-parti tal-bżonnijiet ta’ klijent li tista’, b’mod reali, tiġi ttrasferita lil kompetitur tal-impriża f’pożizzjoni dominanti f’perijodu ta’ riferiment, kif tirrileva l-Kummissjoni fil-premessa 1009 tad-deċiżjoni kkontestata. L-għoti ta’ tnaqqis għal esklużività minn impriża f’pożizzjoni dominanti jirrendi iktar diffiċli għal kompetitur il-provvista tal-prodotti tiegħu lill-klijenti ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, jekk klijent ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jixtri mingħand kompetitur ieħor billi ma josservax il-kundizzjoni ta’ esklużività jew ta’ kważi esklużività, huwa jkun f’riskju li jitlef mhux biss it-tnaqqis għall-unitajiet li jkun ittrasferixxa lil dan il-kompetitur, iżda t-tnaqqis kollu għal esklużività.

93

Għaldaqstant, sabiex jippreżenta offerta attraenti, ma huwiex biżżejjed li l-kompetitur ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti joffri kundizzjonijiet attraenti għall-unitajiet li huwa stess jista’ jipprovdi lill-klijent, iżda għandu wkoll joffri lil dan il-klijent kumpens għat-telf tat-tnaqqis għal esklużività. Għaldaqstant, sabiex jippreżenta offerta attraenti, il-kompetitur għandu jagħmel tajjeb għat-tnaqqis li l-impriża f’pożizzjoni dominanti tagħti għall-bżonnijiet kollha jew kważi kollha tal-klijent, inkluża l-parti inkontestabbli, limitatament permezz tal-parti kontestabbli. Għalhekk, l-għoti ta’ tnaqqis għal esklużività minn soċju kummerċjali li ma jistax jiġi evitat jirrendi strutturalment iktar diffiċli l-possibbiltà ta’ kompetitur li jippreżenta offerta bi prezz attraenti u għaldaqstant li jikseb aċċess għas-suq. L-għoti ta’ tnaqqis għal esklużività jippermetti lill-impriża f’pożizzjoni dominanti tuża s-setgħa ekonomika tagħha fuq il-parti inkontestabbli tad-domanda tal-klijent bħala lieva sabiex tiżgura li tikseb ukoll il-parti kontestabbli, u b’hekk tirrendi l-aċċess għas-suq iktar diffiċli għal kompetitur.

94

Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi nnotat li xorta jibqa’ permess li l-impriża dominanti tiġġustifika l-użu ta’ sistema ta’ tnaqqis għal esklużività, b’mod partikolari billi turi li l-aġir tagħha huwa oġġettivament neċessarju u li l-effett ta’ dekadenza potenzjali li twassal għalih jista’ jiġi kkumpensat, jew anki jiġi ssuperat, permezz ta’ vantaġġi fir-rigward tal-effiċjenza li minnha jgawdu wkoll il-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq, punt 90; tal-Qorti tal-Ġustizzja British Airways, punt 74 iktar ’il fuq, punti 85 u 86, u tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza Post Danmark”, punti 40 u 41, u l-ġurisprudenza ċċitatata). Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tressaq ebda argument f’dan is-sens.

2) Fuq l-argumenti tar-rikorrenti

2.1) Fuq l-argumenti li l-Kummissjoni hija obbligata twettaq analiżi taċ-ċirkustanzi tal-każ bil-għan li tistabbilixxi minn tal-inqas effett potenzjali ta’ esklużjoni

95

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni hija obbligata twettaq analiżi taċ-ċirkustanzi tal-każ bil-għan li tistabbilixxi minn tal-inqas effett potenzjali ta’ esklużjoni.

96

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-punt 73 tas-sentenza Michelin I, punt 74 iktar ’il fuq, u fuq il-punt 67 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja British Airways, punt 74 iktar ’il fuq. Madankollu, dawn il-punti jikkonċernaw tnaqqis li jaqa’ taħt it-tielet kategorija u għaldaqstant ma humiex rilevanti fir-rigward tat-tnaqqis għal esklużività.

97

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti, imqajjem waqt is-seduta, li l-Qorti tal-Ġustizzja abbandunat id-distinzjoni bejn it-tnaqqis għal esklużività u t-tnaqqis li jaqa’ taħt it-tielet kategorija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Tomra, punt 73 iktar ’il fuq. Huwa minnu li, fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel lok, fakkret il-frażi ċċitata fil-punt 73 iktar ’il fuq, li l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ tnaqqis għal fedeltà minn impriża f’pożizzjoni dominanti tikkostitwixxi abbuż, u mbagħad żiedet, fil-punt 71, li, “[f’] dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha […]”. Madankollu, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, mill-kuntest tas-sentenza jirriżulta li, billi għamlet hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma estendietx il-kamp ta’ applikazzjoni tal-analiżi taċ-ċirkustanzi tal-każ għat-tnaqqis għal esklużività. Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet inklużi fil-punti 70 u 71 ta’ din is-sentenza, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-ġurisprudenza, jinsabu fl-eżaminazzjoni tat-tielet motiv, li ma jikkonċernax sistema ta’ tnaqqis għal esklużività, iżda sistema ta’ tnaqqis li taqa’ taħt it-tielet kategorija, jiġifieri sistema ta’ tnaqqis retroattiv individwalizzat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Tomra, punt 73 iktar ’il fuq, punti 73, 74, 77 u 78, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák f’din is-sentenza, punt 27).

98

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti invokat is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑280/08 P (Ġabra p. I‑9555, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Deutsche Telekom”, punt 175), TeliaSonera, punt 88 iktar ’il fuq (punt 28), u Post Danmark, punt 94 iktar ’il fuq (punt 26). F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “sabiex jiġi ddeterminat jekk l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti [kinitx abbużat] minn din il-pożizzjoni bl-applikazzjoni tal-prattiki tariffarji tagħha, [kellhom] jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha […]”.

99

Madankollu, il-portata ta’ din il-ġurisprudenza hija limitata għal prattiki tariffarji u ma taffettwax il-klassifikazzjoni legali tat-tnaqqis għal esklużività. Fil-fatt, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Deutsche Telekom, punt 98 iktar ’il fuq, u s-sentenza TeliaSonera, punt 88 iktar ’il fuq, kienu jikkonċernaw prattiki marbuta mal-kompressjoni tal-marġni u s-sentenza Post Danmark, punt 94 iktar ’il fuq, kienet tikkonċerna prattiki marbuta ma’ prezzijiet baxxi, b’tali mod li dawn it-tliet kawżi kellhom bħala s-suġġett tagħhom il-prattiki tariffarji. Madankollu, il-kawża inkwistjoni ma tikkonċernax prattika tariffarja. Fir-rigward tat-tnaqqis mogħti lil OEM differenti, l-allegazzjoni magħmula fil-konfront tar-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq l-ammont eżatt tat-tnaqqis u għaldaqstant fuq il-prezzijiet applikati mir-rikorrenti, iżda fuq il-fatt li l-għoti kien suġġett għall-kundizzjoni ta’ provvista esklużiva jew kważi esklużiva. Trattament differenti fir‑rigward tat-tnaqqis għal esklużività u ta’ prattiki tariffarji huwa ġġustifikat minħabba l-fatt li, b’differenza minn inċentiv għal provvista esklużiva, il-livell tal-prezz ma jistax jitqies bħala illegali fih innifsu.

100

F’dan ir-rigward, jeħtieġ ukoll li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti, imqajjem waqt is-seduta, li s-sentenza Post Danmark, punt 94 iktar ’il fuq, tittratta tnaqqis għal fedeltà paragunabbli ma’ dawk tal-kawża inkwistjoni. Fil-fatt, f’din il-kawża, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tikkonċerna l-prattika ta’ Post Danmark fir-rigward tal-klijenti preċedenti tal-kompetitur prinċipali tagħha permezz ta’ prezzijiet differenti minn dawk applikati għall-klijenti eżistenti, fejn Post Danmark ma setgħetx tiġġustifika dawn id-differenzi kunsiderevoli fil-kundizzonijiet tagħha tal-prezzijiet u tat-tnaqqis permezz ta’ kunsiderazzjonijiet relatati mal-ispejjeż tagħha, u fejn l-imsemmija prattika ġiet ikklassifikata mill-awtorità Daniża tal-kompetizzjoni bħala “diskriminazzjoni prinċipali permezz tal-prezz” (sentenza Post Danmark, punt 94 iktar ’il fuq, punt 8). Din il-preżentazzjoni tal-prattiki antikompetittivi ma tinkludi ebda riferiment għal sistema ta’ tnaqqis għal esklużività. Għall-kuntrarju, il-proċedura li tat lok għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari kienet tikkonċerna biss l-eżistenza ta’ abbuż minħabba l-prezz baxx u selettiv (sentenza Post Danmark, punt 94 iktar ’il fuq, punti 15 sa 17). Għalhekk, b’risposta għad-domanda preliminari li tressqet quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet biss għad-domanda dwar f’liema kundizzjonijiet linja politika ta’ prezz baxx għandha titqies li tikkostitwixxi prattika ta’ esklużjoni abbużiva li tikser l-Artikolu 82 KE (sentenza Post Danmark, punt 94 iktar ’il fuq, punt 19).

101

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud dan l-argument tar-rikorrenti.

2.2) Fuq l-argument li l-Kummissjoni hija obbligata turi effetti konkreti ta’ esklużjoni

102

Ir-rikorrenti targumenta li, peress li l-aġir inkwistjoni huwa fil-passat, il-Kummissjoni hija obbligata turi effetti konkreti ta’ esklużjoni. Il-Kummissjoni, b’mod żbaljat, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ effetti antikompetittivi konkreti tal-prattika tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rabta kawżali bejn il-prattiki allegati u l-effetti fuq is-suq.

103

Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li, anki fil-kuntest ta’ analiżi taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni għandha turi biss il-kapaċità ta’ prattika li tirrestrinġi l-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Tomra, punt 73 iktar ’il fuq, punt 68, u s-sentenza TeliaSonera, punt 88 iktar ’il fuq, punt 64). Il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis għal esklużività mogħti minn impriża f’pożizzjoni dominanti li hija soċju kummerċjali li ma jistax jiġi evitat jippermettilha tuża l-parti inkontestabbli tad-domanda tal-klijent bħala lieva sabiex tiżgura li tikseb ukoll il-parti kontestabbli (ara l-punt 93 iktar ’il fuq). Fil-preżenza ta’ tali strument kummerċjali, ma huwiex neċessarju li ssir analiżi tal‑effetti konkreti tat-tnaqqis fuq il-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Tomra, punt 73 iktar ’il fuq, punt 79).

104

Sussegwentement, peress li ma huwiex neċessarju li jintwerew effetti konkreti tat-tnaqqis, minn dan jirriżulta neċessarjament li l-Kummissjoni lanqas ma hija obbligata turi rabta kawżali bejn il-prattiki allegati u l-effetti konkreti fuq is-suq. Għalhekk, iċ-ċirkustanza allegata mir-rikorrenti li l-klijenti xtraw esklużivament mingħandha għal raġunijiet kummerċjali li huma perfettament indipendenti mit-tnaqqis, anki jekk tiġi preżunta, ma tipprekludix il-fatt li t-tnaqqis kien kapaċi jinċentiva lill-klijenti sabiex jagħżlu provvista esklużiva.

105

Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi enfasizzat li, a fortiori, il-Kummissjoni la hija obbligata turi dannu immedjat għall-konsumaturi u lanqas rabta kawżali bejn tali ħsara u l-prattiki ikkontestati fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 82 KE jirrigwarda mhux biss il-prattiki li jistgħu jikkawżaw dannu immedjat għall-konsumaturi, iżda wkoll dawk li jikkawżawlhom dannu billi jippreġudikaw sistema ta’ kompetizzjoni effettiva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja British Airways, punt 74 iktar ’il fuq, punt 106).

2.3) Fuq l-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ obbligi formali

106

Ir-rikorrenti ssostni li t-tnaqqis inkwistjoni f’din il-kawża ma jinkludix obbligi ta’ esklużività formali jew vinkolanti. Madankollu, mis-sentenza Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq (punt 89), jirriżulta li impriża f’pożizzjoni dominanti tabbuża minn din il-pożizzjoni jekk hija tapplika sistema ta’ tnaqqis għal esklużività anki “mingħajr ma torbot lix-xerrejja permezz ta’ obbligu formali”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza ġustament li l-inċentiv antikompetittiv tat-tnaqqis għal esklużività ma jirriżultax mill-impożizzjoni ta’ obbligu formali ta’ provvista esklużiva jew kważi esklużiva mingħand l-impriza dominanti, iżda minn vantaġġi finanzjarji miksuba jew żvantaġġi finanzjarji evitati waqt dak ix-xiri. Għalhekk, huwa suffiċjenti li l-impriża f’pożizzjoni dominanti tindika b’mod kredibbli lil klijent tagħha li l-għoti ta’ benefiċċju finanzjarju jiddependi fuq provvista esklużiva jew kważi esklużiva.

2.4) Fuq l-argument ibbażat fuq ir-rilevanza tal-ammont tat-tnaqqis

107

Ir-rikorrenti tikkonferma li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-portata tat-tnaqqis mogħti minn Intel lil OEM bħala korrispettiv għall-provvista esklużiva jew kważi esklużiva u li huwa illoġiku li tikkundanna tnaqqis ta’ ammont baxx ħafna (USD 1 pereżempju) li AMD setgħet teċċedi.

108

Madankollu, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, ma huwiex il-livell tat-tnaqqis li huwa kkontestat fid-deċiżjoni kkontestata, iżda l-esklużività li ngħatat bħala korrispettiv għalih. Għalhekk, it-tnaqqis għandu biss ikun kapaċi jinċentiva lil klijent jagħżel provvista esklużiva, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-fornitur kompetitur setax joffri kumpens lill-klijent għat-telf tat-tnaqqis f’każ ta’ tibdil tal-fornitur.

109

Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk, fl-eżempju purament teoretiku ta’ tnaqqis ta’ ammont ta’ USD 1 biss kif propost mir-rikorrenti, tali tnaqqis minimu jistax jikkostitwixxi inċentiv għall-klijent li josserva l-kundizzjoni ta’ esklużività. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-Kummissjoni wriet sal-grad rikjest mil-liġi li r-rikorrenti kienet tat tnaqqis lil OEM li jammonta għal miljuni ta’ USD fis-sena. Barra minn hekk, il-Kummissjoni wriet sal-grad rikjest mil-liġi li dan it-tnaqqis ingħata, tal-inqas parzjalment, bħala korrispettiv għall-esklużività (ara l-punti 444 sa 584, 673 sa 798, 900 sa 1017, 1145 sa 1208 u 1381 sa 1502 iktar ’il quddiem). Dawn l-elementi huma suffiċjenti sabiex ikun permess li jiġi konkluż li t-tnaqqis għal esklużività inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata kien kapaċi jinċentiva lil OEM sabiex jagħżlu provvista esklużiva.

2.5) Fuq l-argument ibbażat fuq ir-rilevanza tat-tul

110

Skont ir-rikorrenti, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul qasir tal-kuntratti tiegħu ta’ provvista kif ukoll il-fatt li numru minn dawn il-kuntratti setgħu jiġu rexissi f’terminu ta’ 30 jum.

111

Dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-prinċipju, kull inċentiv finanzjarju għal provvista esklużiva jikkostitwixxi preġudizzju addizzjonali għall-istruttura kompetittiva ta’ suq u għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat bħala abbużiv sa fejn dan jiġi implementat minn impriża f’pożizzjoni dominanti (ara l-punt 90 iktar ’il fuq).

112

Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-possibbiltà ta’ rexissjoni ta’ ċerti kuntratti f’terminu qasir, hemm lok li jiġi enfasizzat li d-dritt ta’ rexissjoni ta’ kuntratt b’ebda mod ma jostakola l-applikazzjoni effettiva tiegħu, sakemm ma jkunx sar użu mill-fakultà ta’ rexissjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali BPB Industries u British Gypsum, punt 90 iktar ’il fuq, punt 73).

113

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, għall-OEM kollha u għal MSH, it-tul totali li matul tiegħu ġie applikat it-tnaqqis għal esklużività ma kienx qasir. Fil-fatt, dan it-tul kien ta’ madwar sena, fir-rigward ta’ Lenovo u sa iktar minn ħames snin, fir-rigward ta’ MSH. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-inċentiv tal-klijenti sabiex jixtru għall-bżonnijiet kollha jew kważi kollha tagħhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti jibqa’ jissussisti sakemm din tal-aħħar tibqa’ tagħti tnaqqis għal esklużività, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ġiex konkluż kuntratt wieħed ta’ tul twil ta’ żmien jew diversi kuntratti suċċessivi inqas twal (ara, wkoll, il-punt 195 iktar ’il fuq).

2.6) Fuq l-argument ibbażat fuq il-parti żgħira mis-suq ikkonċernat mill-aġir allegat

114

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prattiki kkontestati fid-deċiżjoni kkontestata kienu jikkonċernaw parti żgħira mis-suq tas-CPUs x86, jiġfieri bejn 0.3 u 2 % fis-sena.

115

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, minħabba r-raġunijiet li ser jiġu esposti fil-punti 187 sa 194 iktar ’il quddiem, tali argument fil-fatt ma jinkludix il-metodu tal-kalkolu użat mir-rikorrenti sabiex tasal għal ċifri żbaljati.

116

Barra minn hekk, in-natura possibbilment żgħira tal-partijiet tas-suq ikkonċernati mill-prattiki inkwistjoni ma tistax tikkostitwixxi argument rilevanti. Fil-fatt, fir-rigward tal-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti fis-suq li fih l-istruttura kompetittiva diġà ddgħajfet, kull restrizzjoni addizzjonali ta’ din l-istruttura kompetittiva tista’ tikkostitwixxi użu abbużiv mill-pożizzjoni dominanti (sentenza Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq, punt 123). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-applikazzjoni ta’ kriterju ta’ “sensittività” jew ta’ livell de minimis għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Mazák fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Tomra, punt 97 iktar ’il fuq, punt 17).

117

Barra minn hekk, il-klijenti li jinsabu fil-parti eskluża tas-suq għandu jkollhom l-opportunità japprofittaw minn kull grad ta’ kompetizzjoni li hija possibbli fis-suq u l-kompetituri għandhom ikunu jistgħu jikkompetu fuq il-mertu għas-suq kollu u mhux għal parti minnu biss (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Tomra, punt 73 iktar ’il fuq, punti 42 u 46). Għaldaqstant, impriża dominanti ma tistax tiġġustifika l-għoti ta’ tnaqqis għal esklużività lil ċerti klijenti permezz taċ-ċirkustanza li l-kompetituri jibqgħu liberi li jixtru mingħand klijenti oħra.

118

Isegwi li l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

119

Dan ir-riżultat ma huwiex ikkontestat mill-fatt li, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Tomra, punt 73 iktar ’il fuq (punti 41 sa 45), din tal-aħħar ikkonfermat il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-parti tas-suq li kienet magħluqa f’dan il-każ kienet “sinjifikattiva”. Fil-fatt, din il-kunsiderazzjoni ma tikkonfermax it-teżi li ma jistax ikun hemm effett ta’ esklużjoni meta l-parti magħluqa tas-suq ma tkunx sinjifikattiva. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali Tomra, punt 72 iktar ’il fuq (punt 243), jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li, “anki jekk tiġi ammessa t-teżi tar-rikorrenti li l-għeluq ta’ porzjoni żgħira tad-domanda ma hijiex importanti, din il-porzjoni ma kienet bl-ebda mod żgħira f’dan il-każ”. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx pożizzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk din it-teżi kinitx korretta.

120

Kien suffiċjenti li l-Qorti tal-Ġustizzja tapprova l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li, f’dik il-kawża, parti sinjifikattiva tas-suq kienet ġiet eskluża, mingħajr ma dan il-fatt jinftiehem fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-esklużjoni ta’ parti sinjifikattiva tas-suq kienet tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għall-konstatazzjoni ta’ abbuż. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Tomra, punt 73 iktar ’il fuq (punt 46), ikkonstatat espressament li d-determinazzjoni ta’ livell preċiż ta’ esklużjoni tas-suq li lil hinn minnu l-prattiki inkwistjoni kellhom jitqiesu bħala abbużivi ma kinitx neċessarja għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE u li, “fi kwalunkwe każ”, intwera b’mod suffiċjenti skont il-liġi, li s-suq ma kienx miftuħ għall-kompetizzjoni mill-prattiki inkwistjoni.

121

Dan ir-riżultat lanqas ma huwa kkontestat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni (T-65/98, Ġabra p. II-4653, punt 160), li hija invokata mir-rikorrenti u mill-ACT. Fil-fatt, din is-sentenza ma tikkonċernax prattika li permezz tagħha l-inċentiv finanzjarju kien marbut direttament mal-kundizzjoni li l-klijent jixtri għall-bżonnijiet kollha tiegħu jew għal parti kbira minnhom mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti. F’din il-kawża, l-impriża f’pożizzjoni dominanti kienet ipprovdiet lill-bejjiegħa tal-ġelati Irlandiżi bi friżers mingħajr ħlas, bil-kundizzjoni li dawn jintużaw biss għal ġelati pprovduti mill-impriża f’pożizzjoni dominanti. Madankollu, il-bejjiegħa jibqgħu liberi li jbigħu ġelati pprovduti minn kompetituri, jekk iżommuhom fil-friżers tagħhom jew fi friżers ipprovduti minn produtturi oħra tal-ġelat.

122

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni kkunsidrat li jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti l-fatt li impriża f’pożizzjoni dominanti inċentivat lill-bejjiegħa Irlandiżi li ma kellhomx il-friżers tagħhom stess u lanqas friżers li joriġinaw minn produtturi oħra tal-ġelati sabiex jidħlu fi ftehim ta’ provvista ta’ friżers ipprovduti b’kundizzjoni ta’ esklużività, billi tipproponi li tipprovdilhom friżers għall-ġelati f’pakketti separati maħsuba għall-konsum immedjat li għandhom jiġu mantenuti mingħajr ebda spejjeż diretti għall-bejjiegħa (sentenza Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, punt 121 iktar ’il fuq, punt 23). Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll, f’din il-kawża, li f’madwar 40 % tal-ħwienet kollha fl-Irlanda, il-friżers maħsuba għall-ġelati għal konsum immedjat installati fil-ħanut kienu pprovduti mill-impriża f’pożizzjoni dominanti (sentenza Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni punt 121 iktar ’il fuq, punt 19).

123

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fis-sentenza Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, punt 121 iktar ’il fuq (punt 160), li “[i]l-fatt, li impriża li tinsab f’pożizzjoni dominanti fis-suq, torbot de facto – anki jekk fuq talba tagħhom – 40 % tal-ħwienet fis-suq rilevanti permezz ta’ klawżola ta’ esklużività, li tirriżulta fil-verità f’esklużività imposta fuq dawn il-ħwienet, jikkostitwixxi użu abbużiv minn pożizzjoni dominanti”.

124

Hemm lok li jiġi rrilevat li, f’din il-kawża, kien biss għal dawk l-40 % tal-ħwienet li l-kundizzjoni marbuta mal-ħażna unikament tal-prodotti pprovduti mill-impriża f’pożizzjoni dominanti kienet tirriżulta de facto f’kundizzjoni ta’ esklużività, peress li l-ħwienet l-oħra kellhom friżers oħra li fihom setgħu jaħżnu l-ġelati pprovduti minn produtturi oħra. Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott minn din is-sentenza li, għat-tnaqqis li jkun marbut direttament mal-kundizzjoni ta’ provvista esklużiva jew kważi esklużiva, huwa neċessarju li tiġi ddeterminata l-parti tas-suq li hija eskluża.

2.7) Fuq l-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ kopertura, mill-allegati kundizzjonijiet ta’ esklużività, ta’ parti kbira mill-bżonnijiet ta’ ċerti OEM

125

Ir-rikorrenti tenfasizza li, fir-rigward ta’ ċerti OEM, jiġifieri HP, NEC u Lenovo, il-kundizzjoni ta’ esklużività li tagħmel riferiment għaliha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax id-domanda kollha ta’ dawn l-OEM għal CPUs x86, iżda, fil-każ ta’ HP, unikament kwota ta’ 95 % tal-bżonnijiet tagħha għal CPUs x86 maħsuba għad-desktops tagħha, huma stess maħsuba għall-impriżi, fil-każ ta’ NEC, 80 % biss tal-bżonnijiet tagħha għal CPUs x86 maħsuba għal PCs “klijenti” tagħha, jiġifieri d-desktops u l-laptops, bl-eċċezzjoni ta’ servers, u, fil-każ ta’ Lenovo, biss il-bżonnijiet tagħha għal CPUs x86 maħsuba għall-laptops.

126

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti żiedet li l-bżonnijiet ta’ HP għal CPUs x86 għad-desktops maħsuba għall-impriżi jikkorrispondu biss għal 30 % tal-bżonnijiet totali ta’ HP għal CPUs x86. Peress li l-kundizzjoni allegata ma koprietx iktar minn 95 % tal-bżonnijiet ta’ HP għal CPUs x86 għad-desktops maħsuba għal impriżi, hija kienet tikkonċerna biss 28 % tal-bżonnijiet totali ta’ HP għal CPUs x86 u għalhekk ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kundizzjoni ta’ esklużività.

127

Permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li t-tnaqqis mogħti lil HP, NEC u Lenovo ma jistax jiġi kkunsidrat bħala tnaqqis għal esklużività, peress li l-kundizzjoni ma kinitx tikkonċerna “it-totalità jew parti kunsiderevoli”, fis-sens tas-sentenza Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq (punt 89), tal-bżonnijiet ta’ dawk l-OEM għal CPUs x86.

128

Hemm lok li dan l-argument jiġi miċħud.

129

Fir-rigward tat-tnaqqis mogħti lil HP, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-aġir inkwistjoni ma huwiex marbut mal-kundizzjoni li HP kellha tixtri minn tal-inqas 28 % tal-bżonnijiet kollha tagħha għal CPUs x86 mingħand Intel, iżda mal-kundizzjoni li HP kellha tixtri, f’qasam determinat tas-suq, 95 % tal-bżonnijiet kollha tagħha għal CPUs x86 mingħand Intel. Il-kundizzjoni li HP kellha tixtri, f’settur determinat, 95 % tal-bżonnijiet tagħha mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti la hija identika u lanqas paragunabbli ma’ kundizzjoni ipotetika li HP kellha tixtri 28 % tal-bżonnijiet tagħha fis-setturi kollha mingħand din tal-aħħar.

130

Il-libertà ta’ HP li tixtri mingħand AMD il-bżonnijiet tagħha għal CPUs x86 għal desktops maħsuba għall-impriżi setgħet tiġi limitata minħabba t-tnaqqis għal esklużività mogħtija minn Intel. Fil-fatt, li kieku HP iddeċidiet li tixtri għal iktar minn 5 % tal-bżonnijiet tagħha għal CPUs x86 għal desktops maħsuba għall-impriżi mingħand AMD u b’hekk li ma tosservax il-kundizzjoni ta’ kważi esklużività, hija kienet tkun f’riskju li titlef it-tnaqqis għal esklużività u mhux biss għall-unitajiet mixtrija mingħand AMD. Għalhekk, sabiex tkun tista’ tforni iktar minn 5 % tas-CPUs x86 għad-desktops maħsuba għall-impriżi li HP kellha bżonn, AMD kellha mhux biss tipprovdi offerta iktar attraenti għas-CPUs x86 fil-parti kontestabbli tad-domanda ta’ HP, iżda wkoll li toffri kumpens lil HP għat-telf tat-tnaqqis għal esklużività. Dan huwa preċiżament il-mekkaniżmu antikompetittiv tat-tnaqqis għal esklużività.

131

Dan il-mekkaniżmu ma ġiex innewtralizzat minħabba l-fatt li AMD setgħet tforni lil HP għall-bzonnijiet tagħha għal CPUs x86 għall-kompjuters kollha maħsuba għal individwi kif ukoll għall-laptops maħsuba għall-impriżi. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li l-libertà tal-għażla ta’ HP ma kinitx limitata f’dawn is-setturi tas-suq ma tikkontestax il-fatt li l-libertà tal-għażla ta’ HP setgħet tiġi limitata fis-settur tad-desktops maħsuba għall-impriżi.

132

F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jitfakkar li l-kompetituri tal-impriża f’pożizzjoni dominanti għandhom ikunu jistgħu jikkompetu fuq il-mertu għas-suq kollu u mhux għal parti minnu biss (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Tomra, punt 73 iktar ’il fuq, punt 42). Għaldaqstant, impriża f’pożizzjoni dominanti ma tistax tiġġustifika l-għoti ta’ tnaqqis għal esklużività lil ċerti klijenti permezz taċ-ċirkustanza li l-kompetituri tagħha huma liberi jipprovdu lil klijenti l-oħra (ara l-punt 117 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, impriża f’pożizzjoni dominanti ma tistax tiġġustifika l-għoti ta’ tnaqqis bil-kundizzjoni ta’ provvista kważi esklużiva minn klijent f’settur determinat tas-suq permezz taċ-ċirkustanza li dan il-klijent huwa liberu li jixtri mingħand kompetituri sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu fis-setturi l-oħra.

133

F’dan il-kuntest, ma hijiex rilevanti ċ-ċirkustanza, invokata mill-ACT waqt is-seduta, li fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq tal-prodotti inkwistjoni, il-Kummissjoni ma għamlitx distinzjoni bejn is-CPUs użati fil-kompjuters maħsuba għall-kummerċjanti u dawk maħsuba għall-individwi, kif jirriżulta mill-punt 2 tal-premessa 831 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-mekkaniżmu antikompetittiv tat-tnaqqis għal esklużività applikati f’dan il-każ jiffunzjona indipendement mill-kwistjoni dwar jekk is-CPUs użati fil-kompjuters maħsuba għall-kummerċjanti u dawk maħsuba għall-individwi humiex interkambjabbli jew le. F’dan il-każ, il-kundizzjoni ġiet ifformulata inkonnessjoni mal-bżonnijiet ta’ HP għad-desktops tagħha maħsuba għall-impriżi. Għaldaqstant, HP kellha tuża CPUs ta’ Intel (iktar ’il quddiem is-“CPUs Intel”) f’95 % tad-desktops maħsuba għall-impriżi li jinkludu CPUs x86 li hija kienet tipproduċi. Il-kwistjoni dwar jekk dawn is-CPUs humiex differenti mis-CPUs x86 użati għall-kompjuters maħsuba għall-individwi hija rrilevanti f’dan il-kuntest, peress li, anki jekk dawn kienu interkambjabbli, HP ma setgħetx tuża CPUs ta’ kompetituri f’iktar minn 5 % tad-desktops tagħha maħsuba għall-impriżi mingħajr ma tikser il-kundizzjoni ta’ tnaqqis għal esklużività.

134

Isegwi li t-tnaqqis mogħti lil HP għandu jiġi kkunsidrat bħala tnaqqis għal esklużività, anki jekk il-kundizzjoni ta’ kważi esklużività tikkonċerna biss settur tal-bżonnijiet ta’ HP.

135

Fir-rigward tat-tnaqqis mogħti lil NEC, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-perċentwali ta’ 80 % koperta mill-kundizzjoni ta’ esklużività hija suffiċjenti sabiex tikkostitwixxi “parti kunsiderevoli” tal-bżonnijiet tagħha fis-sens tas-sentenza Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq (punt 89). F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, f’dik is-sentenza, l-aġir inkwistjoni kien jinkludi obbligi ta’ xiri li kienu jikkonċernaw b’mod partikolari 80 % jew 75 % tal-bżonnijiet ta’ klijent (sentenza Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq, punt 83).

136

Fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-kundizzjoni ta’ esklużività kienet tikkonċerna biss id-desktops u l-laptops, bl-eċċezzjoni tas-servers, din hija irrilevanti. F’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 130 sa 132 iktar ’il fuq japplikaw mutatis mutandis.

137

Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tnaqqis mogħti lil Lenovo, iċ-ċirkustanza li l-kundizzjoni ta’ esklużività tikkonċerna biss il-laptops hija, għall-istess raġunijiet, irrilevanti.

2.8) Fuq l-argument ibbażat fuq is-setgħa tax-xiri tal-klijenti

138

Ir-rikorrenti tikkonferma li s-setgħa tax-xiri tal-klijenti teskludi l-abbuż. F’dan il-każ, il-klijenti użaw is-setgħa tax-xiri tagħhom bħala lieva sabiex jiksbu tnaqqis ikbar.

139

Hemm lok li dan l-argument jiġi miċħud. Fil-fatt, l-affermazzjoni, anki jekk tiġi stabbilita, li t-tnaqqis mogħti mir-rikorrenti jikkostitwixxi risposta għat-talbiet u għas-setgħa ta’ xiri tal-klijenti ma jiġġustifikax li dan jiġi ssuġġettat għall-kundizzjoni ta’ provvista esklużiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq, punt 89; tal-Qorti Ġenerali BPB Industries u British Gypsum, punt 90 iktar ’il fuq, punt 68, u tal-25 ta’ Ġunju 2010, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, T-66/01, Ġabra p. II-2631, punt 305). Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq (punt 120), iċ-ċirkustanza li kokontraenti tal-impriża f’pożizzjoni dominanti hija wkoll impriża b’saħħitha u li l-kuntratt ma jirriżultax manifestament minn pressjoni eżerċitata mill-impriża f’pożizzjoni dominanti fuq is-soċju tagħha ma teskludix l-eżistenza ta’ użu abbużiv minn pożizzjoni dominanti, peress li dan l-użu jikkonsisti fil-preġudizzju addizzjonali li jirriżulta mill-esklużività tal-provvista fil-konfront tal-istruttura kompetittiva ta’ suq li fih, wara l-preżenza ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, il-livell ta’ kompetizzjoni diġà ddgħajjef. Barra minn hekk, is-setgħa ta’ xiri ta’ OEM bl-ebda mod ma tbiddel il-fatt li huma kienu jiddependu fuq ir-rikorrenti bħala soċju kummerċjali li ma jistax jiġi evitat fis-suq tas-CPUs x86.

2.9) Fuq l-argument li jikkonċerna r-rilevanza tat-test AEC

140

Ir-rikorrenti ssostni li t-test AEC (ara l-punt 30 iktar ’il fuq) huwa fattur importanti sabiex jiġi stabbilit l-effett potenzjali ta’ esklużjoni tat-telf inkwistjoni. It-test AEC jikkostitwixxi l-unika prova li l-Kummissjoni ppreżentat fid-deċiżjoni kkontestata sabiex turi li t-tnaqqis ta’ Intel seta’ jeżerċita effett ta’ esklużjoni antikompetittiv. Madankollu, il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li t-test AEC jifforma parti mill-analiżi legali tad-deċiżjoni kkontestata. Isegwi, skont ir-rikorrenti, li l-evalwazzjoni legali mwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma stabbilixxietx il-kapaċità ta’ esklużjoni tat-tnaqqis inkwistjoni. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet diversi żbalji fl-applikazzjoni ta’ dan it-test. Fl-opinjoni tagħha, applikazzjoni korretta tat-test AEC juri li t-tnaqqis mogħti minn Intel ma kellux il-kapaċità ta’ esklużjoni.

141

Jeħtieġ li jiġi rrilevat, preliminarjament, li t-test AEC imwettaq fid-deċiżjoni kkontestata jieħu bħala punt tat-tluq iċ-ċirkustanza, imsemmija fil-punt 93 iktar ’il fuq, li l-kompetitur daqstant effiċjenti, li jfittex li jikseb il-parti kontestabbli tal-ordnijiet li sa dak il-punt ikunu sodisfatti minn impriża dominanti li hija soċju kummerċjali inevitabbli, għandu joffri kumpens lill-klijent għat-tnaqqis għal esklużività li huwa jitlef jekk huwa jixtri parti inqas minn dik definita mill-kundizzjoni ta’ esklużività jew ta’ kważi esklużività. It-test AEC huwa maħsub sabiex jiddetermina jekk il-kompetitur daqstant effiċjenti bħall-impriża f’pożizzjoni dominanti, li jsostni l-istess spejjeż bħal din tal-aħħar, jistax ikopri l-ispejjeż tiegħu f’dan il-każ.

142

Fir-rigward tar-rilevanza tat-test AEC li jikkonċerna t-tnaqqis għal esklużività, jeħtieġ li jiġi rrilevat dan li ġej.

143

Qabelxejn, jeħtieġ li jitfakkar li l-konstatazzjoni ta’ illegalità ta’ tnaqqis għal esklużività ma tirrikjedix eżami taċ-ċirkustanzi tal-każ (ara l-punti 80 sa 93 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma hijex obbligata turi l-kapaċità ta’ esklużjoni tat-tnaqqis għal esklużività fuq bażi ta’ każ b’każ.

144

Sussegwentement, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, anki fil-każ ta’ tnaqqis li jaqa’ taħt it-tielet kategorija, li għalih huwa neċessarju eżami taċ-ċirkustanzi tal-każ, ma huwiex indispensabbli li jitwettaq test AEC. Għalhekk, fis-sentenza Michelin I, punt 74 iktar ’il fuq (puni 81 sa 86), il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-mekkaniżmu ta’ fedeltà tat-tnaqqis inkwistjoni, mingħajr ma eżiġiet il-prova, permezz ta’ test kwantitattiv, li l-kompetituri kienu kostretti jbigħu b’telf bil-għan li jkunu jistgħu jikkumpensaw it-tnaqqis li jaqa’ taħt it-tielet kategorija mogħti mill-impriża f’pożizzjoni dominanti.

145

Barra minn hekk, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Tomra, punt 73 iktar ’il fuq (punti 73 u 74), jirriżulta li, sabiex jiġi kkonstatatu l-effetti antikompetittivi, ma huwiex neċessarju li jkun hemm sistema ta’ tnaqqis li ġġiegħel lil kompetitur daqstant effiċjenti jiffattura bi prezzijiet “negattivi”, jiġifieri bi prezzijiet inferjuri għall-ispiża. Sabiex jiġi stabbilit effett antikompettitiv potenzjali, huwa biżżejjed li tintwera l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ fedeltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Tomra, punt 73 iktar ’il fuq, punt 79).

146

Isegwi li, anki jekk jiġi preżunt li hija neċessarja evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ bil-għan li jintwerew l-effetti antikompetittivi potenzjali tat-tnaqqis għal esklużività, xorta ma huwiex neċessarju li dawn tal-aħħar jintwerew permezz ta’ test AEC.

147

Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li t-test AEC huwa l-unika prova li ġiet ippreżentatata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata bil-għan li turi l-kapaċità ta’ esklużjoni tat-tnaqqis inkwistjoni ma huwiex sostnut bil-fatti (ara l-punti 173 sa 175 iktar ’il quddiem).

148

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li hija wriet permezz ta’ test AEC imwettaq b’mod korrett li t-tnaqqis inkwistjoni ma kellux il-kapaċità ta’ esklużjoni, jeħtieġ li jiġi rrilevat dan li ġej.

149

Qabelxejn, hemm lok li jitfakkar li effett ta’ esklużjoni ma jirriżultax biss meta l-aċċess għas-suq isir impossibbli għall-kompetituri. Fil-fatt, ikun biżżejjed jekk dan l-aċċess isir iktar diffiċli (ara l-punt 88 iktar ’il fuq).

150

Issa, għandu jiġi kkonstatat li test AEC jippermetti biss li tiġi vverifikata l-ipoteżi ta’ aċċess għas-suq li sar impossibbli u mhux li tiġi eskluża l-possibbilità ta’ aċċess għall-imsemmi suq li sar iktar diffiċli. Ċertament, riżultat negattiv jimplika li huwa ekonomikament impossibli għal kompetitur daqstant effiċjenti li jiżgura l-parti kontestabbli tad-domanda ta’ klijent. Fil-fatt, bil-għan li joffri lil klijent kumpens għat-telf tat-tnaqqis għal esklużività, l-imsemmi kompetitur ikun kostrett ibigħ il-prodotti tiegħu bi prezz li ma jippermettilux li jkopri l-ispejjeż tiegħu. Madankollu, riżultat pożittiv ifisser biss li kompetitur daqstant effiċjenti jkun f’pożizzjoni li jkopri l-ispejjeż tiegħu (fil-każ ta’ test AEC kif imwettaq fid-deċiżjoni kkontestata u kif propost mir-rikorrenti, l-ispejjeż evitabbli medji biss). Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma tfissirx li ma jeżistix effett esklużjoni. Fil-fatt, il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis għal esklużività, kif deskritt fil-punt 93 iktar ’il fuq, jibqa’ ta’ natura li jirrendi iktar diffiċli l-aċċess għas-suq għall-kompetituri tal-impriża f’pożizzjoni dominanti, anki jekk dan l-aċċess ma huwiex ekonomikament impossibbli (ara, fir-rigward ta’ din id-differenza, il-punt 54 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Tomra, punt 97 iktar ’il fuq).

151

Minn dak li ntqal jirriżulta li ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx it-test AEC skont ir-regoli speċifiċi u li lanqas ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-kalkoli alternattivi proposti mir-rikorrenti sarux b’mod korrett. Fil-fatt, lanqas riżultat pożittiv ta’ test AEC ma huwa kapaċi jeskludi l-effett potenzjali ta’ esklużjoni li huwa inerenti fil-mekkaniżmu deskritt fil-punt 93 iktar ’il fuq.

152

Dan ir-riżultat ma huwiex ikkontestat mis-sentenza TeliaSonera, punt 88 iktar ’il fuq, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Deutsche Telekom, punt 98 iktar ’il fuq, u mis-sentenza Post Danmark, punt 94 iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti tqis li minn dawn is-sentenzi jirriżulta li l-kriterju prinċipali huwa l-punt dwar jekk kompetitur daqstant effikaċji bħall-impriża f’pożizzjoni dominanti jistax jibqa’ f’kompetizzjoni ma’ din tal-aħħar. Madankollu, hemm lok li jitfakkar li dawn il-kważi kienu jikkonċernaw prattiki ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet (TeliaSonera u Deutsche Telekom) jew ta’ prezzijiet baxxi (Post Danmark). L-obbligu li jirriżulta minn dawn is-sentenzi li titwettaq analiżi tal-prezzijiet u tal-ispejjeż huwa spjegat mill-fatt li huwa impossibbli li tiġi evalwata n-natura abbużiva ta’ prezz mingħajr ma jiġi pparagunat ma’ prezzijiet jew spejjeż oħra. Prezz ma jistax ikun illegali fih innifsu. Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ tnaqqis għal esklużività hija l-kundizzjoni tal-provvista esklużiva jew kważi esklużiva li jkun suġġett għaliha l-għoti tat-tnaqqis, iktar mill-ammont tat-tnaqqis, li sservi bħala l-bażi tan-natura abbużiva tiegħu.

153

Barra minn hekk, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Tomra, punt 73 iktar ’il fuq (punti 73, 74 u 80), li ngħatat wara s-sentenzi ċċitati fil-punt preċedenti, jirriżulta li ma huwiex indispensabbli li jiġi eżaminat jekk sistema ta’ tnaqqis iġġigħelx kompetitur daqstant effiċjenti jbigħ bi prezzijiet negattivi, u dan anki fil-preżenza ta’ tnaqqis li jaqa’ taħt it-tielet kategorija. A fortiori, ma huwiex neċessarju li dan isir fir-rigward ta’ tnaqqis għal esklużività.

154

Ir-riżultat lanqas ma huwa kkontestat mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat KE għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti” (ĠU 2009, C 45, p. 7, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-Artikolu 82”).

155

Skont il-paragrafu 2 tal-linji gwida tal-Artikolu 82, “[d]an id-dokument jistipula l-prijoritajiet ta’ infurzar li se jiggwidaw l-azzjoni tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 [KE]”. Kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 916 tad-deċiżjoni kkontestata, il-linji gwida tal-Artikolu 82 intiżi sabiex jiġu ddeterminati l-prijoritajiet fl-għażla tal-każijiet li fuqhom il-Kummissjoni sejra tikkonċentra fil-futur, ma għandhomx japplikaw għal proċedura li l-Kummissjoni kienet diġà fetħet qabel il-pubblikazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, peress li d-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura mill-Kummissjoni saret fis-26 ta’ Lulju 2007, din tal-aħħar ma kinitx fi kwalunkwe każ obbligata ssegwi l-linji gwida tal-Artikolu 82 fil-każ inkwistjoni.

156

Iċ-ċirkustanza li l-pubblikazzjoni tal-linji gwida tal-Artikolu 82 seħħet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tfissirx li dawn kienu applikabbli. Fil-fatt, il-fatt li l-Kummissjoni tagħti indikazzjonijiet fuq il-prijoritajiet li jiggwidaw l-azzjoni tagħha fil-futur ma jistgħux jobbligawha tikkunsidra mill-ġdid il-kwistjoni dwar jekk hija tittrattax b’mod prijoritarju kawża li hija kienet diġà ddeċidiet li tittratta b’mod prijoritarju u li barra minn hekk, it-trattament tagħha diġà laħaq stadju avvanzat.

157

Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex konformi mal-linji gwida tal-Artikolu 82.

158

L-unika fatt indikat mill-Kummissjoni, fil-premessa 916 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija madankollu kienet tqis li l-imsemmija deċiżjoni kienet konformi mal-linji gwida tal-Artikolu 82 ma huwiex ta’ natura li jikkontesta n-nuqqas ta’ rilevanza tal-linji gwida tal-Artikolu 82 għall-kawża inkwistjoni. Fil-fatt, din hija b’mod ċar kunsiderazzjoni li l-Kummissjoni ppreżentat b’mod sussidjarju, wara li spjegat li l-linji gwida tal-Artikolu 82 ma kinux applikabbli għal dan il-każ.

159

Fir-rigward taċ-ċirkustanza, invokata mir-rikorrenti, li l-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni f’dak iż-żmien kien indika, fid-diskors tas-17 ta’ Lulju 2009, li, fil-kawża Intel, il-Kummissjoni kienet applikat it-test AEC billi segwiet il-metodoloġija definita fil-linji gwida tal-Artikolu 82, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, mid-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta b’mod ċar li din ġiet adottata mill-Kulleġġ tal-Kummissarji, li l-Kummissjoni qieset li l-linji gwida tal-Artikolu 82 ma kinux applikabbli u li t-test AEC ma kienx jikkostitwixxi element neċessarju bil-għan li tintwera l-illegalità tal-prattiki inkwistjoni. Għaldaqstant, kien għall-finijiet ta’ kompletezza li l-Kummissjoni wettqet test AEC u rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata kienet konformi mal-linji gwida tal-Artikolu 82. Iċ-ċirkustanza li l-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni għamel diskors wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fejn indika li l-Kummissjoni implementat test AEC fil-kawża Intel, mingħajr ma speċifika f’dan il-kuntest li dan it-test twettaq għal finijiet ta’ kompletezza, ma hijiex ta’ natura li tibdel l-interpretazzjoni li għandha tingħata d-deċiżjoni kkontestata.

160

B’risposta għal mistoqsija magħmula waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li r-raġunament tagħha dwar ir-rilevanza tat-test AEC, li kellu rwol importanti matul il-proċedura amministrattiva, kellu jinftiehem fis-sens li dan kien ibbażat ukoll fuq il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

161

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li tintalab il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni, huwa estiż għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni, billi pprovdietlu garanzija preċiża, nisslet fih aspettattivi fondati. Jikkostitwixxu tali garanziji, indipendentement mill-forma li biha jiġu kkomunikati, informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti, li tkun ġejja minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Madankollu, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ garanziji preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, Innova Privat-Akademie vs Il-Kummissjoni, T-273/01, Ġabra p. II-1093, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata).

162

F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tagħmilx riferiment għall-eżistenza ta’ garanzija preċiża mogħtija waqt il-proċedura amministrattiva li tistabbilixxi li t-test AEC huwa essenzjali għall-Kummissjoni bil-għan li tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 82 KE. Għall-kuntrarju, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni waqt is-seduta, jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-punt II 1, tar-rapport finali tal-uffiċjal tas-seduta f’din il-kawża (ĠU 2009, C 227, p. 7) li, “matul is-Smigħ il-Kummissjoni għamlitha ċara lil Intel u Intel fehem li l-evalwazzjoni ekonomika ma kinitx kundizzjoni biex jinstab xi tip ta’ abbuż”.

163

Sussegwentement, ir-rikorrenti ppreċiżat, waqt is-seduta, li hija kienet fehmet il-proposti tal-uffiċjal tas-seduta. Hija sostniet li mill-punt 340 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2007 jirriżulta madankollu li, f’każ li tkun neċessarja l-prova tal-kapaċità ta’ esklużjoni, il-Kummissjoni tibbaża ruħha unikament fuq it-test AEC sabiex tipprova din il-kapaċità.

164

Madankollu, hemm lok li jiġi osservat li s-sempliċi fatt indikat mill-Kummissjoni, fil-punt 340 fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2007, li hija kienet tistabbilixxi li t-tnaqqis inkwistjoni kellu effett ta’ esklużjoni, peress li pprekluda lil kompetitur daqstant effiċjenti milli joffri kumpens lil OEM għat-telf tat-tnaqqis potenzjali, tista’ titqies bħala garanzija preċiża biss kieku l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq bażi oħra sabiex tistabbilixxi l-kapaċità ta’ esklużjoni. Barra minn hekk, mill-punti 260 u 329 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008 jirriżulta li, fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha esklużivament fuq it-test AEC, iżda wkoll fuq provi oħra kwalitattivi u kwantitattivi.

165

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kistritx il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi permezz tal-approċċ li hija segwiet fid-deċizjoni kkontestata.

166

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti ma humiex ta’ natura li jikkontestaw il-konklużjoni li ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx it-test AEC b’osservanza tar-regoli speċifiċi jew li jiġu eżaminati fid-dettall l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-iżbalji li wettqet il-Kummissjoni waqt l-implementazzjoni tiegħu, jew il-konklużjoni li lanqas ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-kalkoli alternattivi proposti mir-rikorrenti (ara l-punt 151 iktar ’il fuq).

b) Fuq il-ħlasijiet mogħtija lil MSH

167

Il-Kummissjoni tikkonstata essenzjalment, fil-premessa 1000 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-effett tal-ħlasijiet mogħtija lil MSH bil-kundizzjoni li hija tbigħ esklużivament il-prodotti tar-rikorrenti kien ekwivalenti għal dak ta’ tnaqqis għal esklużività u li dawk il-ħlasijiet b’hekk kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbilti mill-ġurisprudenza sabiex jiġu kklassifikati bħala abbużivi.

168

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet, essenzjalment, li l-Kummissjoni kienet applikat b’mod żbaljat l-istess test għall-klassifikazzjoni legali tat-tnaqqis għal esklużività mogħti lil OEM u għall-klassifikazzjoni tal-ħlasijiet mogħtija lil MSH. Hija sostniet b’mod partikolari li, għall-kuntrarju tal-OEM, MSH kienet operatur li kien preżenti fis-suq bl-imnut. Sabiex jiġi eżaminat jekk produttur kompetitur ġiex eskluż mill-aċċess għas-suq bl-imnut, il-ġurisprudenza tirrikjedi analiżi tal-effetti kumulattivi prodotti minn netwerk ta’ relazzjonijiet ta’ esklużività. Madankollu, waqt il-perijodu inkwistjoni, MSH kellha biss parti żgħira ħafna mis-suq rilevanti dinji, jiġifieri madwar 1 %.

169

Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti jikkonferma li l-Kummissjoni kellha twettaq analiżi taċ-ċirkustanzi tal-każ fis-suq bl-imnut sabiex turi l-kapaċità tal-prattiki tar-rikorrenti fir-rigward ta’ MSH li tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Madankollu, dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, kif osservat ġustament il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-mekkaniżmu antikompetittiv tal-prattiki tar-rikorrenti fir-rigward tal-OEM u fir-rigward ta’ MSH kien l-istess, bl-unika differenza li l-ħlas għal esklużività mogħti lil MSH ma kellux it-tendenza li jipprekludi l-provvista ta’ klijent dirett tar-rikorrenti mingħand kompetitur, iżda l-bejgħ ta’ prodotti kompetituri minn bejjiegħ bl-imnut li jinsab iktar ’l isfel fil-katina tal-provvista. Fil-fatt, l-OEM jinkorporaw CPUs f’kompjuters li sussegwentement jinbiegħu lill-konsumaturi minn bejjiegħa bl-imnut bħal MSH. Billi tinċentiva bejjiegħ bl-imnut sabiex ibigħ kompjuters mgħammra esklużivament b’CPUs li joriġinaw minn Intel, ir-rikorrenti b’hekk iċċaħħad lil OEM minn mezz ta’ distribuzzjoni għall-kompjuters mgħammra b’CPUs ta’ imprizi kompetituri. B’hekk, billi ċċaħħad lil MSH mil-libertà tal-għażla tagħha dwar il-bejgħ tagħha, hija tirrestrinġi l-libertà tal-għażla tal-OEM fir-rigward tal-mezzi ta’ distribuzzjoni tagħhom. Peress li din ir-restrizzjoni seta’ jkollha effetti fuq id-domanda ta’ OEM għal CPUs AMD, il-fatt li MSH tiġi inċentivata tidħol f’bejgħ esklużiv kellu t-tendenza li jirrendi l-aċċess ta’ AMD għas-suq tas-CPUs x86 iktar diffiċli. Fiż-żewġ sitwazzjonijiet, ir-rikorrenti użat is-setgħa ekonomika tagħha fuq il-parti inkontestabbli tad-domanda bħala lieva sabiex tikseb ukoll il-parti kontestabbli tad-domanda, u b’hekk irrendiet l-aċċess għas-suq iktar diffiċli għal AMD (ara l-punt 93 iktar ’il fuq).

170

Għalkemm huwa veru li, fil-kuntest tal-Artikolu 81 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’sitwazzjoni normali tas-suq kompetittiv, jeħtieġ li jiġu evalwati r-relazzjonijiet ta’ esklużività bejn fornitur u bejjiegħ bl-imnut fil-kuntest speċifiku tagħhom, fatt li jimplika b’mod partikolari analiżi tal-effett kumulattiv ta’ netwerk ta’ tali relazzjonijiet, għandu madankollu jiġi kkonstatat li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jiġu ammessi fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 82 KE, li jirrigwarda swieq li fihom il-kompetizzjoni hija diġà ristretta preċiżament minħabba l-pożizzjoni dominanti miżmuma minn wieħed mill-operaturi (ara l-punt 89 iktar ’il fuq).

171

Għaldaqstant, anki fir-rigward tal-ħlasijiet mogħtija lil MSH, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżamina ċ-ċirkustanzi tal-każ, iżda hija kellha biss turi l-għoti mir-rikorrenti, ta’ inċentiv finanzjarju suġġett għal kundizzjoni ta’ esklużività.

c) Analiżi tal-kapaċità tat-tnaqqis li jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-każ

172

Għall-finijiet ta’ kompletezza, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxietx il-kapaċità tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet għal esklużività mogħtija lil Dell, HP, NEC, Lenovo u MSH li jirrestrinġu l-kompetizzjoni anki wara analiżi taċ-ċirkustanzi tal-każ, hemm lok li jiġi rrilevat dan li ġej.

173

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li, fil-premessa 924 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tnaqqis u l-ħlasijiet għal esklużività mogħtija lil Dell, HP, NEC, Lenovo u MSH kienu jifformaw parti minn strateġija ġenerali fuq tul kunsiderevoli ta’ żmien maħsuba sabiex teskludi kompetituri mis-suq. Fil-premessa 925 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li hija kienet uriet, fil-punti VII.4.2.3 sa VII.4.2.6 tal-imsemmija deċiżjoni, li, minbarra li jissodisfaw il-kundizzjonijiet definiti mill-ġurisprudenza, il-prattiki ta’ Intel kienu kapaċi jew setgħu jipproduċu effett ta’ esklużjoni. Għalkemm mhux indispensabbli għall-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 82 KE, il-possibblità li jintwera li l-prattiki ta’ Intel kienu kapaċi jew setgħu jipprovokaw l-esklużjoni tal-kompetituri twassal għal analiżi tal-kompetitur daqstant effiċjenti (ara l-punt VII.4.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata). Filwaqt li bbażat ruħha fuq ir-riżultati ta’ din l-analiżi u fuq il-provi kwalitattivi u kwantitattivi (ara l-punti VII.4.2.4 u VII.4.2.5 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva u l-assenza ta’ żieda fl-effiċjenza (ara l-punt VII.4.2.6 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 925 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tnaqqis kundizzjonali mogħti minn Intel lil Dell, HP, NEC u Lenovo kif ukoll il-ħlasijiet ta’ Intel lil MSH kienu jikkostitwixxu prattika abbużiva li timmerita l-attenzjoni partikolari tal-Kummissjoni.

174

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat li l-partijiet l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-preżentazzjoni tal-prodotti kkonċernati u l-aġir ikkontestat fl-imsemmija deċiżjoni, fil-punti V. u VI. tal-imsemmija deċiżjoni, dawk li jikkonċernaw id-definizzjoni tas-suq, fil-punti VII.1 u VII.2 tal-imsemmija deċiżjoni, u l-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti, fil-punt VII.3 tal-imsemmija deċiżjoni, kif ukoll il-partijiet li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni legali tal-ħlasijiet għal esklużività, fil-punt VII.4.2.2 tal-imsemmija deċiżjoni, għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-bażi tal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-ħlasijiet inkwistjoni kellhom il-kapaċità li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

175

Għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, it-test AEC għaldaqstant ma jikkostitwixxix l-unika prova prodotta fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tintwera l-kapaċità tal-ħlasijiet għal esklużività li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (ara l-punt 147 iktar ’il fuq).

176

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kapaċità tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet għal esklużività inkwistjoni f’din il-kawża li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, għandu jiġi nnotatat li, fil-kuntest ta’ analiżi taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni għandha teżamina, b’mod partikolari fid-dawl tal-kriterji u tal-modalitajiet tal-għoti tal-ħlasijiet għal esklużività, jekk dan it-tnaqqis u dawn il-ħlasijiet għandhomx tendenza, permezz ta’ vantaġġ li ma huwa bbażat fuq ebda prestazzjoni ekonomika li tiġġustifikah, li jeskludu lix-xerrej, jew li jirrestrinġu fir-rigward tiegħu, il-possibbiltà tal-għażla fir-rigward tas-sorsi ta’ provvista tiegħu, li jostakolaw l-aċċess għas-suq mill-kompetituri jew li jsaħħu l-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Tomra, punt 73 iktar ’il fuq, punt 71).

177

Hemm lok li jiġi ppreċiżat li, anki fil-kuntest ta’ analiżi taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata turi l-eżistenza ta’ effett konkret. Il-Kummissjoni tista’ sempliċiment tistabbilixxi l-kapaċità tal-aġir allegat li jirrestrinġi l-kompetizzjoni (ara l-punt 103 iktar ’il fuq).

178

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li, anki fil-każ li jitqies li l-għoti ta’ tnaqqis jew ta’ ħlas għal esklużività minn impriża f’pożizzjoni dominanti ma għandhiex, fiha nnifisha, il-kapaċità li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-għoti ta’ tali inċentiv finanzjarju minn soċju kummerċjali li ma jistax jiġi evitat, bħar-rikorrenti, jikkostitwixxi minn tal-inqas indizju tal-kapaċità tiegħu li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Fil-fatt, meta jingħata minn soċju kummerċjali li ma jistax jiġi evitat, tnaqqis għal esklużività jippermetti lil dan tal-aħħar juża s-setgħa ekonomika tiegħu fuq il-parti inkontestabbli tad-domanda bħala lieva sabiex jikseb ukoll il-parti kontestabbli, u b’hekk jirrendi iktar diffiċli l-aċċess għas-suq għall-kompetitur (ara l-punti 91 u 92 iktar ’il fuq).

179

Din il-kapaċità inerenti tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet għal esklużività li jirrendu iktar diffiċli l-aċċess għas-suq għal kompetitur hija, fil-każ inkwistjoni, ikkonfermata mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-premessa 893 tad-deċiżjoni kkontestata li t-tnaqqis kien għall-OEM element importanti li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni minħabba l-kompetizzjoni qawwija fis-suq tal-OEM u l-marġni operazzjonali dgħajfa tagħhom. Ir-rikorrenti ma tikkontestax dawn il-karatteristiċi partikolari tas-suq li joperaw fih l-OEM. L-importanza partikolari tat-tnaqqis għall-benefiċjarji tiegħu jsaħħaħ l-inċentiv għal dawn tal-aħħar li josservaw il-kundizzjonijiet ta’ provvista esklużiva jew kważi esklużiva u b’hekk tikkontribwixxi għall-kapaċità tat-tnaqqis li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

180

Barra minn hekk, il-prova li l-inċentiv finanzjarju effettivament ittieħed inkunsiderazzjoni waqt id-deċiżjoni mill-benefiċjarji tiegħu li jixtru l-bżonnijiet tagħhom kollha jew kważi kollha mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti jew li ma jbigħux prodotti kompetituri tikkostitwixxi element li jikkonferma l-kapaċità ta’ dan l-inċentiv finanzjarju li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. F’din il-kawża, il-Kummissjoni wriet li t-tnaqqis u l-ħlasijiet għal esklużività mogħtija mir-rikorrenti kien tal-inqas element li ttieħed inkunsiderazzjoni minn Dell, HP, NEC u Lenovo, fid-deċiżjoni tagħhom li jixtru l-bżonnijiet tagħhom kollha jew kważi kollha mingħand ir-rikorrenti, u minn MSH fid-deċiżjoni tagħha li ma tbigħx prodotti kompetituri (ara l-punti 592 sa 599, 882 sa 890, 1027 sa 1030, 1215 sa 1220 u 1513 sa 1521 iktar ’il quddiem).

181

Barra minn hekk, il-kapaċità tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet għal esklużività mogħtija lil erba’ OEM u lil MSH li jirrestrinġu l-kompetizzjoni hija, f’dan il-każ, ikkonfermata mill-konstatazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti implementat żewġ tipi differenti ta’ abbuż, jiġifieri, min-naħa, it-tnaqqis u l-ħlasijiet għal esklużività u, min-naħa l-oħra, ir-restrizzjonijiet ovvji. Kif ikkonstatat ġustament il-Kummissjoni fil-premessi 917, 1681, moqrija flimkien man-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1999 (Nru 1990 fil-verżjoni pubblika), u 1747 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn iż-żewġ tipi ta’ prattiki jikkompletaw u jsaħħu lil xulxin reċiprokament.

182

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanza li impriża f’pożizzjoni dominanti tipprova torbot lil klijenti kbar ukoll tikkostitwixxi indizju li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tan-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Tomra, punt 73 iktar ’il fuq, punt 75). Għandu jiġi nnotat li, skont id-deċiżjoni kkontestata Dell u HP huma differenti minn OEM oħra minħabba l-partijiet ikbar tagħhom mis-suq, il-preżenza qawwija tagħhom fis-settur tas-suq l-iktar profittabbli u s-setgħa tagħhom li jdaħħlu CPU x86 ġdid fis-suq. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 1597, li l-fatt li ġew indirizzati dawn l-impriżi, li huma ta’ importanza strateġika partikolari għall-aċċess għas-suq, kellu effett fuq is-suq globali li kien ikbar minn dak li jikkorrispondi għall-partijiet tagħhom mis-suq meħuda flimkien, fatt li r-rikorrenti ma kkontestatx. Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi ġustament li t-tnaqqis għal esklużività ikkonċernaw OEM kbar.

183

Fir-rigward ta’ MSH, sejjer jintwera iktar fid-dettall, fil-punti 1507 sa 1511 iktar ’il quddiem, li din l-impriża kienet ta’ importanza strateġika partikolari fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-kompjuters mgħammra b’CPU x86 maħsuba għal konsumaturi fl-Ewropa.

184

Fl-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-prattiki kkontestati fid-deċiżjoni kkontestata jaqgħu taħt strateġija ġenerali maħsuba sabiex tostakola l-aċċess ta’ AMD għall-mezzi ta’ bejgħ l-iktar importanti tikkostitwixxi wkoll ċirkustanza li tikkonferma l-kapaċità tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet għal esklużività li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Tomra, punt 73 iktar ’il fuq, punti 19 u 20). Sejjer jintwera iktar fid-dettall, fil-punti 1523 sa 1552 iktar ’il quddiem, li l-Kummissjoni pprovat l-eżistenza ta’ tali strateġija ġenerali sal-grad rikjest mil-liġi.

185

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tipprova tiċħad il-kapaċità tal-prattika tagħha li jirrestrinġu l-kompetizzjoni billi ssostni li, matul il-perijodu ta’ riferiment, AMD kisbet l-ikbar suċċess kummerċjali fl-istorja tagħha, irreġistrat rata ta’ tkabbir li ma jistax jitqabbel fir-rigward ta’ OEM li jingħad li huwa l-għan ta’ aġir abbużiv, kellha ġġarrab limitazzjonijiet tal-kapaċità ta’ produzzjoni li pprekludewha milli tissodisfa d-domandi għal CPUs u saħħet l-investimenti tagħha fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp. Barra minn hekk, il-prezz aġġustat skont il-kwalità tas-CPUs naqas b’36.1 % kull sena matul il-perijodu previst fid-deċiżjoni kkontestata.

186

Għalhekk, dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu aċċettati. Meta impriża f’pożizzjoni dominanti timplementa effettivament prattiki li għandhom il-kapaċità li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, iċ-ċirkustanza li din il-kapaċità ma tirriżultax f’effetti konkreti ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 2003, British Airways vs Il-Kummissjoni, T-219/99, Ġabra p. II-5917, punt 297, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti Ġenerali British Airways”). Il-fatt li, matul il-perijodu previst mid-deċiżjoni kkontestata, AMD kisbet suċċess kummerċjali kbir u, konsekuttivament, ġarrbet limitazzjonijiet ta’ kapaċità jista’ l-iktar l-iktar juri li l-prattiki tar-rikorrenti ma pproduċewx effetti konkreti. Madankollu, dan ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi miċħuda l-kapaċità tal-prattiki implementati mir-rikorrenti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, la t-tisħiħ tal-partijiet mis-suq ta’ AMD u tal-investimenti tagħha fil-qasam tar-riċerka u tal-iżvilupp u lanqas it-tnaqqis tal-prezz tas-CPUs x86 matul il-perijodu previst mid-deċiżjoni kkontestata ma jfissru li l-prattiki tar-rikorrenti ma kellhom l-ebda effett. Fl-assenza ta’ dawn il-prattiki, huwa permess li jiġi kkunsidrat li ż-żieda fil-partijiet mis-suq tal-kompetitur u fl-investimenti tiegħu fil-qasam tar-riċerka u tal-iżvilupp kif ukoll it-tnaqqis tal-prezz tas-CPUs x86 setgħu jkunu iktar importanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Michelin II, punt 75 iktar ’il fuq, punt 245, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali British Airways, iċċitata iktar ’il fuq, punt 298). Konsegwentement, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni li l-argumenti tar-rikorrenti dwar iż-żieda tal-partijiet mis-suq ta’ AMD u t-tnaqqis tal-prezz tas-CPUs x86 huma fattwalment żbaljati.

187

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma tista’ tislet l-ebda argument mill-fatt li l-prattiki kkontestati fid-deċiżjoni kkontestata kienu jikkonċernaw biss parti żgħira mis-suq globali tas-CPUs x86, jiġifieri bejn 0.3 u 2 % fis-sena. Minbarra l-argumenti ddikjarati fil-punti 116 sa 124 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tibbaża ruħha fuq metodu ta’ kalkolu żbaljat sabiex tasal għall-konklużjoni li l-prattiki tagħha jaffettwaw biss bejn 0.3 u 2 % tas-suq ta’ CPUs x86. Fil-fatt, dawn iċ-ċifri ġew ikkalkulati b’kunsiderazzjoni biss tal-parti kontestabbli (ara l-punt 92 iktar ’il fuq) fir-rigward tal-OEM ikkonċernati u MSH u mhux il-parti mis-suq sħiħa li għandhom dawn l-impriżi.

188

Tali metodu ta’ kalkolu għandu l-effett li jnaqqas artifiċjalment ir-riżultat, peress li l-parti mis-suq li hija magħluqa permezz ta’ tnaqqis għal esklużività ma hijiex limitata għall-parti kontestabbli. Għall-kuntrarju, il-parti tal-bżonnijiet ta’ klijent li hija marbuta minn tnaqqis għal esklużività hija magħluqa fl-intier tagħha fir-rigward tal-kompetituri.

189

Isegwi li, sabiex tiġi ddeterminata l-parti mis-suq affettwata mill-aġir tal-impriża f’pożizzjoni dominanti, ma huwiex possibbli li l-kunsiderazjzoni tkun limitata għall-parti kontestabbli tad-domanda tal-klijenti.

190

F’dan il-każ, il-parti mis-suq ta’ Dell kienet ta’ 14.58 % fl-ewwel tliet xhur tal-2003 u din żdiedet għal 16.34 % sar-raba’ tliet xhur tal-2005, kif jirriżulta mill-premessa 1580 tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li, skont l-imsemmija deċiżjoni, Intel tat tnaqqis lil Dell, suġġett għall-kundizzjoni li Dell tixtri mingħandha l-bżonnijiet kollha tagħha għal CPUs x86, dan ifisser li bejn l-2003 u l-2005 Intel kienet diġà għalqet bejn 14.58 u 16.34 % mis-suq unikament permezz tat-tnaqqis mogħti lil Dell.

191

Din il-parti mis-suq għandha titqies bħala sinjifikattiva, billi għandha tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-kompetituri tal-impriża f’pożizzjoni dominanti għandhom id-dritt li jibbenefikaw minn kompetizzjoni bbażata fuq il-merti fir-rigward tas-suq kollu u mhux biss fir-rigward ta’ parti minn dan tal-aħħar.

192

Matul is-snin 2006 u 2007, il-parti mis-suq affettwata kienet iżgħar, peress li l-aġir li tagħmel riferiment għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kien jikkonċerna biss lil MSH, permezz ta’ ħlasijiet għal esklużività, u lil Lenovo, permezz ta’ restrizzjonijiet ovvji bejn Ġunju 2006 u Diċembru 2006 u ta’ tnaqqis għal esklużività matul is-sena 2007.

193

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkonkludiet ġustament li kien hemm ksur uniku u kontinwat, kif sejjer jiġi spjegat iktar fid-dettall fil-punti 1561 sa 1563 iktar ’il quddiem. Fil-kuntest ta’ ksur uniku u kontinwat, ma jistax jiġi rikjest li, matul il-perijodu kollu kopert, parti sinjifikattiva mis-suq kienet affettwata mill-aġir inkwistjoni. F’dan ir-rigward, ikun suffiċjenti li titwettaq evalwazzjoni globali tal-medja tal-parti mis-suq li kienet magħluqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali Tomra, punt 72 iktar ’il fuq, punt 243).

194

F’dan il-każ, ir-rapport tal-esperti li r-rikorrenti pprovdiet fl-anness għar-replika li għandu r-referenza C.1 jindika, fil-punt 48, li l-parti mis-suq globali kkonċernat mill-aġir li ssemmi d-deċiżjoni kkontestata kien fil-medja ta’ madwar 14 % matul il-perijodu totali tal-ksur imsemmi mill-Kummissjoni, jekk il-kalkolu ma jiġix limitat unikament għall-parti kontestabbli tad-domanda tal-klijenti kkonċernati. Hemm lok li jiġi rrilevat li tali parti għandha tiġi kkunsidrata bħala sinjifikattiva.

195

Sussegwentement, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-kuntratti ta’ provvista tagħha kienu biss għal żmien qasir jew setgħu jiġu rexissi f’terminu ta’ 30 jum, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-kriterju rilevanti ma huwiex it-tul tat-terminu ta’ rexissjoni ta’ kuntratt jew it-tul determinat ta’ kuntratt individwali li jifforma parti minn serje ta’ kuntratti konsekuttivi, iżda t-tul totali li matul tiegħu r‑rikorrenti tapplika tnaqqis u ħlasijiet għal esklużività fir-rigward ta’ klijent (ara l-punti 112 u 113 iktar ’il fuq). F’dan il-każ, dan it-tul jammonta għal madwar ħames snin fir-rigward ta’ MSH, għal madwar tliet snin fir-rigward ta’ Dell u NEC, għal iktar minn sentejn fir-rigward ta’ HP u għal madwar sena fir-rigward ta’ Lenovo. L-għoti ta’ tnaqqis u ta’ ħlasijiet għal esklużività matul tali perijodi huwa ġeneralment kapaċi li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Dan jgħodd iktar u iktar għal suq bħal dak tas-CPUs, li huwa kkaratterizzat minn dinamiżmu qawwi u minn ċikli ta’ ħajja qosra tal-prodotti.

196

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ obbligi formali ta’ esklużività, is-setgħa tax-xiri tal-OEM u r-rilevanza tat-test AEC għall-evalwazzjoni tal-ħlasijiet għal esklużività, jeħtieġ li jsir riferiment għall-punti 106, 138 u 139 rispettivament kif ukoll għall-punti 140 sa 166 iktar ’il fuq.

197

Għaldaqstant, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa permess li jiġi konkluż li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wriet sal-grad rikjest mil-liġi u skont analiżi taċ-ċirkustanzi tal-każ li t-tnaqqis u l-ħlasijiet għal esklużività mogħtija mir-rikorrenti lil Dell, HP, NEC, Lenovo u MSH kienu kapaċi jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

3. Fuq il-klassifikazzjoni legali tal-prattiki msejħa “restrizzjonijiet ovvji”

198

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kklassifikat bħala abbuż tliet prattiki li hija tagħmel riferiment għalihom bħala “restrizzjonijiet ovvji”. Fl-opinjoni tagħha, dawn it-tliet prattiki kellhom karatteristika komuni, jiġifieri li r-rikorrenti tat ħlasijiet lil OEM bil-għan li dawn jipposponu, jannullaw jew jirrestrinġu b’mod jew b’ieħor il-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti mgħammra b’CPU AMD. B’mod iktar partikolari, l-għoti tal-ħlasijiet kien suġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

fl-ewwel lok, HP kellha torjenta d-desktops tagħha maħsuba għal impriżi u mgħammra b’CPU x86 ta’ AMD lejn l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (PME) u l-klijenti tas-settur tal-gvern, edukattiv jew mediku (iktar ’il quddiem il-“GEM”), iktar milli lejn l-impriżi l-kbar;

fit-tieni lok, HP kellha tipprekludi lis-sħab tagħha tad-distribuzzjoni milli jistokkjaw id-desktops maħsuba għall-impriżi u mgħammra b’CPU x86 ta’ AMD, b’tali mod li dawn il-kompjuters ikunu disponibbli biss għall-klijenti li jordnawhom mingħand HP direttament jew permezz tas-sħab ta’ distribuzzjoni ta’ HP li jeżerċitaw funzjoni ta’ aġenti kummerċjali;

fit-tielet lok, Acer, HP u Lenovo kellhom jipposponu jew jannullaw il-varar ta’ kompjuters mgħammra b’CPU AMD.

199

Bil-għan li tagħti motivazzjoni għall-klassifikazzjoni tar-restrizzjonijiet ovvji bħala abbużivi, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, fil-premessi 1643 u 1671 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Ottubru 1999, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni (T-228/97, Ġabra p. II-2969, iktar ’il quddiem is-“sentenza Irish Sugar”). Barra minn hekk, hija kkonstatat, fil-premessa 1643, li ksur tal-Artikolu 82 KE jista’ wkoll jirrizulta mill-għan tal-prattiki segwiti minn impriża f’pożizzjoni dominanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni esponiet, fil-premessi 1670, 1672, 1678 u 1679 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-restrizzjonijiet ovvji kellhom effett fuq il-proċess deċiżjonali tal-OEM, peress li dawn tal-aħħar ipposponew, annullaw jew irrestrinġew b’mod jew b’ieħor il-kummerċjalizzazzjoni tal-kompjuters tagħhom mgħammra b’CPU AMD, minkejja d-domanda tal-konsumaturi għal dawk il-prodotti. Fl-aħħar, fil-premessa 1642 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li r-restrizzjonijiet kienu jifformaw parti minn strateġija waħda maħsuba sabiex teskludi lil AMD mis-suq.

200

Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni hija obbligata turi l-kapaċità tal-prattiki li jirrestrinġu l-kompetizzjoni “f’termini ekonomiċi”. Fit-tieni lok, il-prattiki kkontestati f’dan il-każ huma differenti minn dawk li taw lok għas-sentenza Irish Sugar, punt 199 iktar ’il fuq. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni, billi kkundannat restrizzjonijiet ovvji, b’mod żbaljat ħolqot tip ġdid ta’ abbuż li jaqa’ taħt l-Artikolu 82 KE.

201

Qabelxejn, hemm lok li jitfakkar li effett ta’ esklużjoni ma jiġix prodott biss meta l-aċċess għas-suq isir impossibbli għall-kompetituri, iżda wkoll meta dan l-aċċess isir iktar diffiċli (ara l-punt 88 iktar ’il fuq).

202

F’dan il-każ, l-għoti ta’ ħlasijiet suġġett għal tliet kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 198 iktar ’il fuq kien kapaċi jirrendi iktar diffiċli l-aċċess għas-suq għal AMD. Fil-fatt, l-għoti ta’ ħlasijiet suġġett għall-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet kien kapaċi jirrendi iktar diffiċli l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti AMD, peress li pprovda inċentiv lil HP sabiex ma tipproponix b’mod proattiv desktops maħsuba għall-impriżi u mgħammra b’CPU x86 ta’ AMD lil grupp ta’ klijenti ddefinit minn qabel. L-għoti ta’ ħlasijiet suġġett għat-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet kien kapaċi jirrendi iktar diffiċli l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti AMD, peress li pprovda inċentiv lil HP sabiex ma tbigħx desktops maħsuba għal impriżi u mgħammra b’CPU x86 ta’ AMD permezz tas-sħab ta’ distribuzzjoni tagħha, ħlief jekk dawn tal-aħħar jaġixxu bħala aġenti kummerċjali. Fl-aħħar, l-għoti ta’ ħlasijiet suġġett għat-tielet waħda minn dawn il-kundizzjonijiet kien kapaċi jirrendi iktar diffiċli l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti AMD, peress li pprovda inċentiv lil HP, Lenovo u Acer sabiex jiddeżistu minn kull bejgħ ta’ ċertu tip ta’ kompjuter mgħammar b’CPU x86 ta’ AMD, u dan tal-inqas matul ċertu perijodu u, fil-każ ta’ HP, f’ċertu reġjun, jiġifieri r-reġjun Ewropa, Lvant Nofsani u Afrika (iktar ’il quddiem ir-“reġjun ELNA”). Għalhekk, l-aġir tar-rikorrenti, li jikkonsisti fl-issuġġettar tal-għoti tal-ħlasijiet għall-imsemmija kundizzjonijiet, kien kapaċi jirrendi iktar diffiċli l-kummerċjalizzazzjoni ta’ kompjuters mgħammra b’CPU x86 ta’ AMD għall-OEM ikkonċernati. Peress li dawn l-OEM kienu klijenti ta’ AMD, l-aġir kien fl-istess ħin kapaċi jirrendi iktar diffiċli l-aċċess għas-suq għal AMD, u għalhekk ta’ ħsara għall-istruttura kompetittiva tas-suq tas-CPUs x86 li fih, fid-dawl preċiżament tal-pożizzjoni tar-rikorrenti, il-livell ta’ kompetizzjoni kien diġà ddgħajjef.

203

Sussegwentement, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, id-determinazzjoni tal-għan u tal-effett antikompettiv tista’, skont il-każ, tiġi kkunsidrata li hija l-istess ħaġa. Fil-fatt, jekk jintwera li l-għan tal-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti huwa li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, dan l-aġir jista’ jwassal ukoll li jkollu tali effett (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T-340/03, Ġabra p. II-107, punt 195, u l-ġurisprudenza ċċitata).

204

Dan huwa l-każ fil-kawża preżenti. Fil-fatt, il-portata tat-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 198 iktar ’il fuq kienet limitata għal prodotti AMD, b’tali mod li din l-impriża għandha tiġi kkunsidrata bħala l-għan individwalizzat tal-prattiki tar-rikorrenti. L-uniku interess li jista’ jkollha impriża f’pożizzjoni dominanti li tipprekludi b’mod immirat il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mgħammra bi prodott ta’ kompetitur determinat huwa li tagħmel ħsara lil kompetitur. Konsegwentement, billi implementat restrizzjonijiet ovvji fil-konfront ta’ HP, Lenovo u Acer, ir-rikorrenti segwiet għan antikompetittiv.

205

Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li huma fil-fatt l-impriżi dominanti li għandhom responsabbiltà partikolari li ma jippreġudikawx, b’aġir li ma jaqax fil-parametri tal-kompetizzjoni fuq il-merti, kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza AstraZeneca, punt 64 iktar ’il fuq, punt 355, u l-ġurisprudenza ċċitata). L-għoti ta’ ħlasijiet lil klijenti bħala korrispettiv għar-restrizzjonijiet imposti fir-rigward tal-kummerċalizzazzjoni tal-prodotti mgħammra bi prodott ta’ kompetitur iddeterminat taqa’ b’mod ċar barra mill-kamp ta’ kompetizzjoni fuq il-merti.

206

Għaldaqstant, huwa permess li jiġi konkluż li l-implementazzjoni ta’ kull waħda mill-prattiki msejħa “restrizzjonijiet ovvji” tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE.

207

Din il-konklużjoni hija kkonfermata wkoll mis-sentenza Irish Sugar, punt 199 iktar ’il fuq. Fil-punti 226 u 233 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien jeżisti abbuż, peress li l-impriża dominanti kienet ikkonkludiet ma’ grossist u bejjiegħ bl-imnut li jiskambjaw iz-zokkor bl-imnut ta’ kompetitur mal-prodott tagħha. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikorrenti ppreġudikat l-istruttura kompetittiva li seta’ jikseb is-suq ikkonċernat permezz tad-dħul ta’ prodott ġdid, billi wettqet skambju tal-prodotti kompetituri fis-suq li fih hija kellha iktar minn 80 % tal-volum tal-bejgħ. Ir-raġunament li fuqu hija bbażata din is-sentenza huwa applikabbli wkoll għal dan il-każ. Fil-fatt, restrizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni li tirrigwarda l-prodotti ta’ kompetitur tippreġudika l-istruttura tal-kompetizzjoni, peress li tostakola b’mod immirat it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti ta’ dan il-kompetitur.

208

L-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jikkontestaw din il-konklużjoni.

209

Fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi eskluż l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni hija obbligata turi l-kapaċità li tiġi ristretta l-kompetizzjoni “f’termini ekonomiċi”. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrenti lanqas ma tippreċiża dak li hija tifhem b’“termini ekonomiċi”. Peress li t-tliet prattiki msejħa “restrizzjonijiet ovvji” ċertament jaqgħu barra mill-kamp ta’ kompetizzjoni fuq il-merti (ara l-punt 205 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ma kinitx obbligata turi l-kapaċità tagħhom li jirrestrinġu l-kompetizzjoni f’iktar dettall. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li, billi bbażat ruħha fuq is-sentenza Irish Sugar, punt 199 iktar ’il fuq, u l-għan antikompetittiv tal-prattiki, il-Kummissjoni esponiet in-natura abbużiva tagħhom sal-grad rikjest mil-liġi.

210

F’dan ir-rigward, hemm lok li jinċaħad ukoll l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kienet obbligata turi l-possibbiltà jew il-probabbiltà ta’ esklużjoni tal-kompetizzjoni, iktar milli tagħmel riferiment għall-għan antikompetittiv tal-prattiki. Peress li l-għan antikompetittiv jikkoinċidi f’dan il-każ mal-effett potenzjali tal-prattiki msejħa “restrizzjonijiet ovvji” (ara l-punti 203 u 204 iktar ’il fuq), hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummisjoni ma wettqet l-ebda żball billi bbażat ruħha fuq l-għan kompetittiv tagħhom.

211

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi nnotat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha esklużivament fuq l-għan antikompetittiv tat-tliet restrizzjonijiet ovvji. Minbarra r-riferiment għas-sentenza Irish Sugar, punt 199 iktar ’il fuq, hija bbażat ruħha wkoll fuq ċirkustanzi addizzjonali li jikkonfermaw il-kapaċità tar-restrizzjonijiet ovvji li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, anki jekk l-invokazzjoni ta’ tali ċirkustanzi ma hijiex indispensabbli sabiex dawn jiġu kklassifikati bħala abbużivi skont l-Artikolu 82 KE.

212

L-ewwel nett, il-Kummissjoni wriet sal-grad rikjest mil-liġi li l-ħlasijiet li kienu suġġetti għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 198 iktar ’il fuq kienu fattur li ttieħed inkunsiderazzjoni minn HP (ara l-punti 882 sa 890 iktar ’il quddiem), Lenovo (ara l-punti 1215 sa 1220 iktar ’il fuq) u Acer (ara l-punti 1367 sa 1369 iktar ’il fuq) fid-deċiżjonijiet tagħhom li jipposponu, jannullaw jew jirrestrinġu b’mod ieħor il-kummerċjalizzazzjoni tal-kompjuters tagħhom mgħammra b’CPU AMD. Dan il-fatt jikkonferma l-kapaċità ta’ dawn il-ħlasijiet li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni ovvja bħala abbużiva tiddependi biss fuq il-kapaċità li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, b’tali mod li din la tirrikjedi l-wiri ta’ effett konkret fis-suq u lanqas rabta kawżali (ara, fir-rigward tat-tnaqqis għal esklużività, il-punti 103 u 104 iktar ’il fuq).

213

It-tieni nett, il-Kummissjoni stabbilixxiet li r-restrizzjonijiet ovvji kienu jifformaw parti minn strateġija ġenerali fuq bażi twila ta’ żmien maħsub sabiex jostakola l-aċċess ta’ AMD għall-mezzi tal-bejgħ l-iktar importanti minn prespettiva strateġika (ara l-punti 1523 sa 1552 iktar ’il quddiem).

214

Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni, fil-punti 307 sa 311 tar-rikors, li l-ħlasijiet li jikkonċernaw r-restrizzjoni ovvja implementata fir-rigward ta’ Lenovo jiksbu riżultat pożittiv fit-test AEC, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-test AEC ma jikkostitwixxix strument li jista’ jirribatti n-natura antikompetittiva ta’ restrizzjoni ovvja. Anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti jirnexxielha turi li r-restrizzjoni ovvja applikata fir-rigward ta’ Lenovo tikseb riżultat pożittiv fit-test AEC, dan ma la jkun jeħles lil din il-prattika mill-għan antikompetittiv tagħha u lanqas mill-kapaċità tagħha li tirrendi iktar diffiċli l-aċċess għas-suq għall-kompetitur.

215

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jinċaħad l-argument tar-rikorrenti li r-restrizzjonijiet ovvji kkontestati fid-deċiżjoni kkontestata huma wisq differenti mill-prattika rrilevata fil-kawża li tat lok għas-sentenza Irish Sugar, punt 199 iktar ’il fuq, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikklassifikahom bħala abbużivi. Fil-fatt, id-differenzi invokati mir-rikorrenti bejn il-kawża Irish Sugar u l-kawża inkwistjoni huma legalment irrilevanti.

216

Qabelxejn, għakemm huwa veru li s-sentenza Irish Sugar, punt 199 iktar ’il fuq, tirrigwarda l-wasla ta’ prodott ġdid ta’ impriża ġdida fis-suq, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 82 KE jipprekludi, b’mod ġenerali, il-prattiki abbużivi li jistgħu jillimitaw is-swieq, il-preklużjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti ġodda minn impriża ġdida jew l-iżvantaġġ fir-rigward ta’ prodotti eżistenti ta’ kompetitur stabbilit. F’din il-kawża, anki jekk AMD kellha tiqies bħala kompetitur diġà stabbilit u anki jekk il-prodotti kkonċernati mir-restrizzjonijiet ovvji ma setgħux jiġu kklassifikati bħala ġodda, dawn iċ-ċirkustanzi bl-ebda mod ma jbiddlu l-kapaċità tal-prattiki li jirrendu iktar diffiċli l-aċċess għas-suq għal AMD. Huma lanqas ma jpoġġu f’dubju l-mod kif il-prattiki kkonċernati huma mmirati lejn AMD. La l-kapaċità li jirrendu iktar diffiċli l-aċċess għas-suq għal AMD u lanqas l-għan antikompetittiv tar-restrizzjonijiet ovvji ma jiddependu fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn ir-resrizzjonijiet jikkonċernawx prodott ġdid ta’ impriża ġdida fis-suq.

217

Sussegwentement, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li, fis-sentenza Irish Sugar, punt 199 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq theddid finanzjarju espress, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-fatt li r-rikorrenti informat lill-OEM li huma kienu jesponu ruħhom għar-riskju li jitilfu tnaqqis preferenzjali, fil-każ ta’ HP u ta’ Acer, jew li hija tirrifjuta li żżid il-finanzjament, fir-rigward ta’ Lenovo, f’każ ta’ ksur tal-kundizzjonijiet antikompetittivi stabbiliti fil-punt 198 iktar ’il fuq, jipprovdi bażi suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti kienu ta’ natura li jinċentivaw lil OEM ikkonċernati sabiex josservaw dawk il-kundizzjonijiet.

218

Fl-aħħar, ir-rikorrenti ssostni li l-kawża li tat lok għas-sentenza Irish Sugar, punt 199 iktar ’il fuq, hija differenti mill-każ inkwistjoni peress li f’din tal-aħħar, AMD ma kinitx kostretta tabbanduna s-suq u żiedet ukoll il-parti tagħha mis-suq. Il-fatt li AMD barra minn hekk ma kellhiex suċċess kien, skont ir-rikorrenti, dovut għal-limiti tagħha stess. Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk ir-restrizzjonijiet ovvji implementati mir-rikorrenti kinux kapaċi jirrestrinġu l-kompetizzjoni ma tiddependix mill-esklużjoni effettiva ta’ AMD. Fil-fatt, sabiex tiġi stabbilita l-kapaċità, ma huwiex neċessarju li jintwera effett konkret fis-suq (ara l-punt 212 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li mezzi differenti ta’ kummerċjalizzazzjoni li kienu kkonċernati mir-restrizzjonijiet ovvji ma kinux disponibbli għas-CPUs AMD matul il-perijodi kkonċernati. Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka s-suċċess kummerċjali ta’ AMD kif ukoll il-limitazzjonijiet kummerċjali ta’ din l-impriża, l-argument tagħha għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 186 iktar ’il fuq.

219

Fit-tielet lok, hemm lok li jiġi eskluż l-argument tar-rikorrenti li l-użu tal-kunċett ta’ “restrizzjoni ovvja” jikkostitwixxi tip ġdid ta’ abbuż. Għandu jiġi kkonstatat li l-klassifikazzjoni legali ta’ prattika fil-qasam tal-abbuż ma tiddependix fuq l-isem tagħha, iżda fuq kriterji sostantivi kkunsidrati f’dan ir-rigward. Għalhekk, is-sempliċi użu ta’ kunċett ta’ “restrizzjonijiet ovvji” ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jiġi konkluz li l-kriterji sostantivi kkunsidrati huma ġodda. Fir-rigward tal-kriterji sostantivi applikati f’dan il-każ, mill-kliem tal-Artikolu 82(2)(b) KE jirriżulta li l-limitazzjoni tas-swieq tikkostitwixxi abbuż. Barra minn hekk, ma hijiex l-ewwel darba fid-dritt tal-kompetizzjoni li prattika li ċertament ma taqax taħt kompetizzjoni bbażata fuq il-merti titqies li hija illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq, punt 91, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, C-62/86, Ġabra p. I-3359, punt 70).

220

Fl-aħħar lok, anki jekk il-klassifikazzjoni tal-prattiki inkwistjoni bħala abbużivi kienet effettivament “ġdida”, dan ma jikkontestax is-setgħa tal-Kummissjoni li tipprekludihom. Fil-fatt, anki fil-qasam tal-kalkolu tal-multi, il-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat li l-fatt li aġir li jippreżenta l-istess karatteristiċi ma jkunx għadu ġie eżaminat fid-deċiżjonijiet preċedenti ma jeżentax lill-impriża mir-responsabbiltà tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Michelin I, punt 74 iktar ’il fuq, punt 107, u AstraZeneca, punt 64 iktar ’il fuq, punt 901).

B – Fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni

1. L-argumenti tal-partijiet

221

Ir-rikorrenti, sostnuta mill-ACT, tirrileva li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Artikoli 81 KE u 82 KE ma huwiex illimitat u li, għaldaqstant, bil-għan li tiddikjara ruħha kompetenti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ aġir adottat barra l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rabta kawżali diretta mat-territorju tal-Unjoni, billi tipprovdi provi solidi li l-implementazzjoni effettiva tal-prattiki inkwistjoni tipproduċi effett sostanzjali fuq il-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni. Huwa stabbilit ukoll li, fil-preżenza ta’ skambji kummerċjali ma’ pajjiżi terzi, u dan anki meta l-implementazzjoni tal-prattiki inkwistjoni ssir fi ħdan l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha wkoll tipprova li l-effetti tagħhom fl-Unjoni huma immedjati, sostanzjali, diretti u prevedibbli.

222

Ir-rikorrenti ssostni li, bħala eżempju, id-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti fil-punt preċedenti billi tikkontesta l-ftehim konkluż ma’ Lenovo fit-tieni trimestru tas-sena 2006 li jikkonċerna laptop maħsub għas-suq intern Ċiniż.

223

Anki jekk l-approċċ tal-Kummissjoni li, fir-rigward tat-tnaqqis u tar-restrizzjonijiet ovvji inkwistjoni, hija setgħet tistabbilixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti mingħajr ma turi l-effetti ta’ dawn tal-aħħar kien korrett, il-Kummissjoni hija madankollu obbligata turi l-eżistenza ta’ effett ta’ dawn tal-aħħar fl-Unjoni sabiex tistabbilixxi l-kompetenza tagħha. Fil-fatt, il-kwistjoni tal-kompetenza territorjali hija kwistjoni separata u distinta li tirrizulta mid-dritt internazzjonali pubbliku.

224

Waqt il-proċedura bil-miktub, ir-rikorrenti sostniet li, fir-rigward tal-ftehim kollu li jimplika entitajiet li jinsabu barra l-Unjoni, f’dan il-każ Dell, HP, NEC, Acer u Lenovo, id-deċiżjoni kkontestata ma tistabbilixxix il-kompetenza tal-Kummissjoni.

225

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti llimitat dan il-motiv biss għall-aġir fir-rigward ta’ Acer u ta’ Lenovo, fatt li ġie nnotat fil-minuti tas-seduta.

226

Fir-rigward ta’ Acer u Lenovo, ir-rikorrenti tenfasizza li l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tagħhom jinsabu barra ż-ŻEE u li huma la jixtru CPUs fiż-ŻEE mingħand Intel u lanqas mingħand AMD. L-aġir ikkontestat kien jikkonċerna bejgħ ta’ CPUs lil klijenti li jinsabu fl-Ażja, speċifikament fit-Tajwan fir-rigward ta’ Acer u fiċ-Ċina fir-rigward ta’ Lenovo, u l-implementazzjoni tiegħu issir fl-Ażja. Iċ-ċirkustanza li ċertu numru ta’ kompjuters ta’ Acer u ta’ Lenovo setgħu sussegwentement jinbiegħu fi ħdan iż-ŻEE ma hijex rilevanti għall-kwistjoni tal-implementazzjoni tal-aġir allegat.

227

Peress li l-aġir ta’ Intel fil-konfront ta’ Acer u Lenovo kien jikkonċerna bejgħ ta’ CPUs fl-Ażja, l-effetti immedjati ta’ dan l-aġir inħassu fl-Asja u mhux fiż-ŻEE. Il-bejgħ ta’ kompjuters, li seta’ jikkonċerna ż-ŻEE, twettaq minn terzi, jiġifieri Acer u Lenovo, li ma humiex ikkontrollati minn Intel.

228

Il-volum ta’ kompjuters ikkonċernat kien dgħajjef wisq u l-effett fiż-ŻEE ma setax jiġi kkunsidrat bħala sostanzjali.

229

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet ukoll li l-aġir inkwistjoni ma setax jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

230

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u tal-ACT.

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a) Osservazzjonijiet preliminari

231

Qabelxejn, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ġew segwiti żewġ mezzi bil-għan li jiġi stabbilit li l-kompetenza tal-Kummissjoni kienet iġġustifikata fid-dawl tar-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku.

232

L-ewwel approċċ huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ territorjalità. Dan l-approċċ ġie segwit fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni (89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, Ġabra p. 5193, iktar ’il quddiem is-“sentenza Pâte de bois”). Fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li għandha ssir distinzjoni bejn żewġ elementi tal-aġir, jiġifieri l-formazzjoni tal-akkordju u l-implementazzjoni tiegħu. Jekk l-applikabbiltà tal-projbizzjonijiet stabbiliti mid-dritt tal-kompetizzjoni kellha tkun dipendenti fuq il-post fejn jiġi fformat l-akkordju, dan ikun iwassal sabiex l-impriżi jingħataw metodu faċli kif jevitaw l-imsemmija projbizzjonijiet. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dak li kien determinanti kien il-post fejn ġie implementat l-akkordju.

233

It-tieni approċċ huwa bbażat fuq l-effetti kklassifikati tal-prattiki fl-Unjoni. Dan l-approċċ ġie segwit fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni (T-102/96, Ġabra p. II-753, iktar ’il quddiem is-“sentenza Gencor”). Fil-punt 90 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, meta jkun prevedibbli li konċentrazzjoni ppjanata ser tipproduċi effett immedjat fl-Unjoni, l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31), kif irrettifikat (ĠU 1990, L 257, p. 13), hija ġġustifikata fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku.

234

Billi jsostni li fil-preżenza ta’ skambji kummerċjali ma’ pajjiżi terzi, anki meta l-implementazzjoni tal-prattiki inkwistjoni ssir fi ħdan l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha wkoll tipprova l-eżistenza ta’ effetti immedjati, sostanzjali, diretti u prevedibbli fl-Unjoni, ir-raġunament tar-rikorrenti jasal sabiex jikkonferma li l-implementazzjoni u l-effetti kklassifikati fl-Unjoni huma kundizzjonijiet kumulattivi.

235

Il-Kummissjoni enfasizzat, waqt is-seduta, li, f’dan il-każ, il-kompetenza tagħha kienet iġġustifikata, minn naħa, skont it-teorija tal-implementazzjoni tal-prattiki inkwistjoni fiż-ŻEE, segwita fis-sentenza Pâte de bois, punt 232 iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, skont it-teorija tal-effetti, segwita fis-sentenza Gencor, punt 233 iktar ’il fuq.

236

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-fatt li tintwera l-implementazzjoni tal-prattiki inkwistjoni fiż-ŻEE u l-fatt li jintwerew effetti kklassifikati huma mezzi alternattivi u mhux kumulattivi bil-għan li jiġi stabbilit li l-kompetenza tal‑Kummissjoni hija ġġustifikata fid-dawl tar-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku.

237

Fil-fatt, fis-sentenza Pâte de bois, punt 232 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha biss fuq l-implementazzjoni tal-aġir inkwistjoni fit-territorju tal-Unjoni.

238

Ir-rikorrenti ma tista’ tislet l-ebda argument mill-fatt li l-Avukat Ġenerali M. Darmon indika, fil-konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza Pâte de bois, punt 232 iktar ’il fuq (Ġabra p. 5214, punt 82), li hija l-Qorti tal-Ġustizzja, “li għandha tiddetermina jekk il-Kummissjoni eżerċitatx, ġustament, il-kompetenza tagħha fil-konfront tar-rikorrenti, sabiex tfittex jekk l-effetti tal-aġir allegat minnha kinux sostanzjali, diretti u prevedibbli”. Fil-fatt, l-Avukat Ġenerali ppropona lill-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża ruħha fuq l-effett tal-aġir inkwistjoni fit-territorju tal-Unjoni bil-għan li tikkonstata l-kompetenza tal-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx il-proposta tal-Avukat Ġenerali u bbażat ruħha fuq l-implementazzjoni tal-akkordju fl-Unjoni. B’hekk mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża jirriżulta li, meta l-kompetenza tal-Kummissjoni tista’ tiġi kkonstatata abbażi tal-implementazzjoni tal-aġir inkwistjoni fl-Unjoni, ma jkunx neċessarju li tiġi eżaminata l-eżistenza tal-effetti sabiex tistabbilixxi l-kompetenza tal-Kummissjoni.

239

Ir-rikorrenti tibbaża ruħha f’dan il-kuntest ukoll fuq is-sentenza Gencor, punt 233 iktar ’il fuq.

240

Madankollu, fis-sentenza Gencor, punt 233 iktar ’il fuq (punti 89 sa 101), il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha biss fuq l-effetti kklassifikati bil-għan li tistabbilixxi li l-kompetenza tal-Kummissjoni kienet iġġustifikata fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku.

241

Huwa ċertament minnu li, fil-punt 87 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont is-sentenza Pâte de bois, punt 232 iktar ’il fuq, il-kriterju tal-implementazzjoni tal-akkordju kien sodisfatt bis-sempliċi bejgħ fl-Unjoni. Madankollu, l-imsemmi punt 87 jaqa’ taħt ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li permezz tiegħu din tal-aħħar irrilevat li r-Regolament Nru 4064/89 ma jipprivileġġax, għall-finijiet tad-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tiegħu, l-attivitajiet ta’ produzzjoni meta mqabbla mal-attivitajiet ta’ bejgħ (sentenza Gencor, punt 233 iktar ’il fuq, punti 85 sa 88). F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq is-sentenza Pâte de bois, punt 232 iktar ’il fuq, billi rrilevat li, skont din is-sentenza, il-kriterju tal-implementazzjoni tal-akkordju kien sodisfatt permezz ta’ sempliċi bejgħ. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tar-rikorrenti li mis-sentenza Pâte de bois, punt 232 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-attivitajiet ta’ produzzjoni huma pprivileġġjati meta mqabbla mal-attivitajiet ta’ bejgħ.

242

Sussegwentment, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fis-sentenza Gencor, punt 233 iktar ’il fuq (punti 89 sa 101), jekk l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 f’din il-kawża kinitx konformi mad-dritt internazzjonali pubbliku. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li teżamina jekk kinux sodisfatti l-kriterji tal-effett immedjat, sostanzjali u prevedibbli.

243

Għaldaqstant, mis-sentenza Gencor, punt 233 iktar ’il fuq, jirriżulta li, sabiex tiġi ġġustifika l-kompetenza tal-Kummissjoni skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku, huwa suffiċjenti li jiġu sodisfatti l-kriterji tal-effett immedjat, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni.

244

Minn dak li ntqal jirriżulta li, sabiex tiġi ġġustifikata l-kompetenza tal-Kummissjoni fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku, huwa suffiċjenti li jiġu stabbiliti l-effetti kklassifikati tal-prattika jew l-implementazzjoni tagħha fl-Unjoni.

245

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tittrattax b’mod espliċitu l-kwistjoni dwar jekk il-kompetenza tal-Kummissjoni hijiex iġġustifikata fid-dawl tar-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li hija ttrattat, fil-premessi 1749 sa 1753 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

246

Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li, waqt il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti qatt ma kkontestat il-kompetenza internazzjonali tal-Kummissjoni.

247

F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-kliem tal-Artikolu 82 KE jinkludi żewġ elementi li jikkonċernaw rabta mat-territorju tal-Unjoni. Fl-ewwel lok, l-Artikolu 82 KE jeżiġi l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti “fi ħdan is-suq komuni jew fi ħdan parti sostanzjali minnu”. Fit-tieni lok, huwa jeżiġi li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun jista’ jiġi affettwat mill-aġir inkwistjoni. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti fuq livell dinji, li jinkludi wkoll is-suq komuni. Barra minn hekk, fil-premessi 1749 sa 1753 tal-imsemmija deċiżjoni, hija eżaminat b’mod espliċitu l-effett tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.

248

Ċertament, il-kwistjoni dwar jekk il-kompetenza tal-Kummissjoni hijiex iġġustifikata fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku tikkostitwixxi kwistjoni distinta minn dik tal-kriterji previsti mill-Artikolu 82 KE. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-kriterju tal-effett tal-kummerċ bejn l-Istati membri huwa intiż sabiex jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli Komunitarji meta mqabbla mal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni, 6/73 u 7/73, Ġabra p. 223, punt 31).

249

Madankollu, fid-dawl tal-fatt, minn naħa, li l-Kummissjoni kkummentat fid-deċiżjoni kkontestata fuq iż-żewġ kriterji previsti mill-Artikolu 82 KE u li jikkonċernaw rabta mat-territorju tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti ma kkontestatx, waqt il-proċedura amministrattiva, il-kompetenza internazzjonali tal-Kummissjoni, ma kienx indispensabbli għall-Kummissjoni li tagħti fid-deċiżjoni kkontestata motivazzjoni espliċita fuq din il-kwistjoni (ara wkoll, fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punti 143 sa 145). Barra minn hekk, ir-rikorrenti ppreċiżat, waqt is-seduta, li l-motiv tagħha ma kienx jikkonċerna l-assenza ta’ motivazzjoni, u dan ġie nnotat fil-minuti tas-seduta.

b) Fuq l-effetti kklassifikati

1) Osservazzjonijiet preliminari

250

Ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqas ta’ eżami mill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ effetti sostanzjali, diretti u prevedibbli fl-Unjoni huwa partikolarment serju sa fejn il-Kummissjoni tiddikjara, fil-premessa 1685 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma hijiex obbligata li “tistabbilixxi l-effetti konkreti ta’ abbuż skont l-Artikolu 82 [KE]”

251

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tistabbilixxi l-eżistenza ta’ effetti konkreti bil-għan li tiġġustifika l-kompetenza tagħha fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku. Il-kriterji tal-effett immedjat, sostanzjali u prevedibbli ma jfissrux li l-effett għandu wkoll ikun konkret. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha tiżgura l-protezzjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni minn theddid għall-funzjonament effettiv tiegħu.

252

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni għandha tillimita ruħha li tinvestiga u tissanzjona aġir abbużiv li jkun laħaq ir-riżultat mistenni u li fir-rigward tiegħu it-theddida għall-funzjonament tal-kompetizzjoni tkun immaterjalizzat. Il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkundannata għal pożizzjoni passiva fil-każ tal-eżistenza ta’ theddida li tolqot l-istruttura tal-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni u tista’ għalhekk tintervjeni wkoll fil-każ fejn it-theddida ma tkunx jew tkun għadha ma mmaterjalizzatx.

253

Ma’ dan jiżdied il-fatt li, f’dan il-każ, l-aġir fir-rigward ta’ Acer u ta’ Lenovo kien maħsub li jipproduċi effetti fi ħdan is-suq komuni.

254

Fil-fatt, l-aġir fir-rigward ta’ Acer jikkonsisti fl-għoti ta’ ħlasijiet bil-kundizzjoni li Acer tipposponi l-varar ta’ laptop mgħammar b’CPU AMD fid-dinja kollha. Tali inċentiv finanzjarju kien maħsub sabiex, matul ċertu perijodu, ċertu mudell ta’ kompjuter ma jkunx disponibbli fis-suq, imkien fid-dinja, inkluż fiż-ŻEE.

255

L-aġir fir-rigward ta’ Lenovo kkonsista, minn naħa, fl-għoti lilha ta’ ħlasijiet bil-kundizzjoni li hija tipposponi u finalment tannulla l-varar tal-laptops tagħha mgħammra b’CPU x86 ta’ AMD. Għaldaqstant, dan l-aġir kien maħsub sabiex ċerti mudelli ta’ kompjuters ta’ Lenovo mgħammra b’CPU AMD ma jkunux disponibbli mkien fid-dinja, inkluż fiż-ŻEE. Min-naħa l-oħra, l-aġir fir-rigward ta’ Lenovo kkonsista fl-għoti ta’ tnaqqis li l-livell tiegħu kien ikkundizzjonat mill-fatt li Lenovo tixtri s-CPUs x86 kollha maħsuba għall-laptops tagħha mingħand Intel. Dan l-aġir kien maħsub sabiex ma jkun disponibbli l-ebda laptop ta’ Lenovo mgħammar b’ CPU AMD fis-suq, inkluż fiż-ŻEE. Għaldaqstant, l-aġir ta’ Intel kien maħsub sabiex jipproduċi effetti wkoll fiż-ŻEE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti laħqitx ir-riżultat mistenni hija irrilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-ġustifikazzjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku.

256

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrenti hija nnifisha bbażat ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Haladjian Frères vs Il-Kummissjoni (T-204/03, Ġabra p. II-3779), u b’mod partikolari fuq il-punt 167, li fih il-Qorti Ġenerali rrilevat dan li ġej:

“[S]abiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni għal akkordju li jikkonċerna prodotti mixtrija fl-Istati Uniti sabiex jinbiegħu fil-Komunità, dan l-akkordju għandu, fuq il-bażi ta’ ġabra ta’ elementi ta’ fatt u ta’ dritt, jippermetti li jipprevedi bi probabbiltà suffiċjenti li jkun jista’ [j]eżerċita influenza mhux insinjifikanti fuq il-kompetizzjoni fil-Komunità u l-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza [tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 1998] Javico, [C-306/96, Ġabra p. I-1983], punti 16 u 18). Is-sempliċi fatt li aġir jipproduċi ċerti effetti, ikunu li jkunu, fuq l-ekonomija tal-Komunità ma jikkostitwixxix minnu nnifsu rabta suffiċjentement stretta sabiex tippermetti li tiġi stabbilita l-kompetenza Komunitarja. Sabiex ikun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, dan l-effett għandu jkun sostanzjali, jiġifieri kunsiderevoli u mhux ta’ importanza żgħira.”

257

Għaldaqstant, din is-sentenza ma teżiġix l-eżistenza ta’ effetti konkreti fuq il-kompetizzjoni fl-Unjoni, iżda biss li jkun suffiċjentement probabbli li l-ftehim inkwistjoni jista’ jeżerċita influwenza mhux insinjifikattiva. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi rrilevat li din il-kunsiderazzjoni ma tikkonċernax b’mod espliċitu il-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku, iżda li din twettqet fil-kuntest tal-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-kriterji previsti fl-Artikolu 81 KE kinux sodisfatti. Madankollu, din is-sentenza, invokata mir-rikorrenti, tikkostitwixxi element li jikkonferma ċ-ċirkustanza li l-effetti ta’ aġir fuq il-kompetizzjoni ma għandhomx neċessarjament ikunu konkreti sabiex jikkostitwixxu rabta suffiċjentement mill-qrib mal-Unjoni ta’ natura li fuqhom tista’ tissejjes il-kompetenza tal-Kummissjoni.

258

Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk it-tliet kriterji tal-effett sostanzjali, immedjat u prevedibbli humiex sodisfatti f’dan il-każ.

2) Acer

2.1) Effett sostanzjali

259

Ir-rikorrenti ssostni li l-posponiment li tagħmel riferiment għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kien jikkonċerna mudell ta’ laptop mgħammar b’CPU AMD b’teknoloġija 64 bits. Hija tenfasizza li, fir-raba’ trimestru tal-2003, kien hemm biss 100 000 CPU ta’ dan it-tip li kienu disponibbli fuq skala dinjija. Fl-opinjoni tagħha, Acer setgħet tixtri massimu ta’ madwar 4 000 unit, u l-maġġoranza tal-kompjuters ta’ Acer affettwati mill-posponiment tal-varar fi kwalunkwe każ inbiegħu barra ż-ŻEE. Għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, l-effetti fiż-ŻEE ma setgħux ikunu sostanzjali.

260

Il-Kummissjoni tikkontesta ċ-ċifra ta’ 4 000 unit. Madankollu, hija ammettiet waqt is-seduta li l-kwantità ta’ kompjuters ikkonċernati kienet modesta. Madankollu, hija enfasizzat waqt din is-seduta li, fil-preżenza ta’ strateġija ġenerali maħsuba sabiex teskludi l-uniku kompetitur importanti ta’ Intel u ta’ ksur uniku u kontinwat, ma kienx hemm lok li jitqiesu b’mod iżolat l-effetti ta’ aġir differenti.

261

Fir-rigward tan-natura sostanzjali tal-effetti, hemm lok li jiġi enfasizzat, qabelxejn, li ma huwiex neċessarju li l-Unjoni jew iż-ŻEE jkun affettwat iktar minn reġjuni oħrajn tad-dinja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gencor, punt 233 iktar ’il fuq, punt 98).

262

Barra minn hekk, iż-ŻEE tikkostitwixxi parti importanti mis-suq dinji. Għal finijiet ta’ illustrazzjoni, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont il-premessa 1775 tad-deċiżjoni kkontestata, il-bejgħ ta’ kompjuters mgħammra b’CPUs x86 ta’ Intel fir-reġjun ELNA kien jikkorrispondi għal madwar 32 % tal-bejgħ dinji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li l-valur tal-bejgħ ta’ Intel lil impriżi stabbiliti fiż-ŻEE kien jikkorrispondi għal madwar 80 % tal-bejgħ fir-reġjun ELNA.

263

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li mill-provi ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata, partikolarment mill-ittra ċċitata fil-punt 1240 iktar ’il fuq, jirriżulta li Acer kienet maħsuba tbigħ fl-Ewropa l-mudell milqut mill-posponiment tal-varar. Għaldaqstant, hemm lok li jinċaħad l-argument invokat mir-rikorrenti waqt is-seduta li jista’ jkun li l-kompjuters inkwistjoni nbiegħu kollha barra ż-ŻEE.

264

Il-fatt li jingħata inċentiv finanzjarju, bil-għan li klijent jiġi inkoraġġut jipposponi fuq skala dinjija l-varar ta’ kompjuter mgħammar b’CPU ta’ kompetitur u li l-bejgħ tiegħu kien previst li jsir fl-Ewropa, jista’ jkollu effetti tal-inqas potenzjali fiż-ŻEE.

265

L’ACT sostniet li mill-ittra ċċitata fil-punt 1240 iktar ’il fuq jirriżulta li r-restrizzjoni ovvja allegata mill-Kummissjoni tikkonċerna biss limitazzjonijiet tal-bejgħ ta’ Acer lejn pajjiżi li jinsabu barra l-Ewropa.

266

F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li Acer finalment intrabtet li tipposponi l-varar tal-kompjuter inkwistjoni kullimkien fid-dinja (ara l-punti 1246, 1247, 1268 u 1269 iktar ’il fuq). L-argument tal-ACT li l-Kummissjoni kkonstatat ksur li jikkonċerna biss il-bejgħ ta’ Acer lejn pajjiżi li jinsabu barra l-Ewropa ma huwiex fattwali.

267

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkonkludiet ġustament li l-aġir differenti li tagħmel riferiment għalih id-deċiżjoni kkontestata kien jifforma parti minn ksur uniku u kontinwat (ara l-punti 1561 sa 1563 iktar ’il quddiem).

268

Bil-għan li jiġi eżaminat jekk l-effetti humiex sostanzjali, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat b’mod iżolat l-aġir differenti li jifforma parti minn ksur uniku u kontinwat. Għall-kuntrarju, huwa suffiċjenti li l-ksur uniku, fl-intier tiegħu, ikun kapaċi jkollu effetti sostanzjali.

269

Fir-rigward tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 82 KE, mill-ġurisprudenza jirriżulta li hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti għall-istruttura tal-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1979, Greenwich Film Production, 22/79, Ġabra p. 3275, punt 11, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, sabiex jiġi eżaminat jekk kienx applikabbli l-Artikolu 82 KE, l-eżekuzzjoni ta’ ċerti kuntratti ma tistax tiġi evalwata b’mod iżolat, iżda għandha ssir fid-dawl tal-attivitajiet kollha tal-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Greenwich Film Production, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12). Għaldaqstant, fir-rigward tal-kriterju tal-effett tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat b’mod espliċitu li ma kienx hemm lok li ċerti kuntratti jiġu kkunsidrati b’mod iżolat.

270

L-istess soluzzjoni hija imposta, fil-preżenza ta’ ksur uniku u kontinwat, meta jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-kompetenza tal-Kummissjoni hijiex iġġustifikata fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku. Fil-fatt, ma jistax jiġi permess li impriżi jevitaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni billi jgħaqqdu aġir differenti li jsegwu għan identiku, li meta jiġu kkunsidrati b’mod iżolat ma jistgħux jipproduċu effett sostanzjali fl-Unjoni, iżda li, meta jiġu kkunsidrati flimkien, jistgħu jipproduċu tali effett.

271

F’dan il-każ, jeħtieġ li jitfakkar li l-ksur uniku u kontinwat, meħud flimkien, affettwa bħala medja, skont il-kalkoli mwettqa mill-bord tar-rikorrenti, madwar 14 % tas-suq dinji, f’każ li dawn il-kalkoli ma jiġux limitati għall parti kontestabbli biss, li għandu jitqies bħala parti sinjifikattiva mis-suq (ara l-punt 194 iktar ’il fuq).

272

Din iċ-ċirkustanza hija suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li l-effetti potenzjali tal-prattiki tar-rikorrenti kienu sostanzjali.

273

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni wriet sal-grad rikjest mil-liġi li r-rikorrenti segwiet strateġija ġenerali fuq bażi twila ta’ żmien maħsuba sabiex tostakola l-aċċess ta’ AMD għall-mezzi tal-bejgħ l-iktar importanti mill-perspettiva strateġika (ara l-punti 1523 sa 1552 iktar ’il quddiem).

274

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, inkonnessjoni mal-kriterju tal-effett tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni li jirriżultaw mill-esklużjoni ta’ kompetitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni, punt 248 iktar ’il fuq, punt 33, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 1996, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, T-24/93 sa T-26/93 u T-28/93, Ġabra p. II-1201, punt 203). Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll modifika fl-istruttura tas-suq meta jkun meħtieġ li tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ effetti sostanzjali fi ħdan iż-ŻEE fil-kuntest tal-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-kompetenza tal-Kummissjoni hijiex iġġustifikata fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gencor, punt 233 iktar ’il fuq, punti 94 u 96).

275

F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi enfasizzat li mhux l-esklużjoni ta’ kompetitur biss jista’ jkollha effett fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, iżda li aġir li jista’ jdgħajjef l-uniku kompetitur kbir tar-rikorrenti fuq livell dinji, billi jostakola, fir-rigward tiegħu, l-aċċess għall-mezzi tal-bejgħ l-iktar importanti, bħall-aġir inkwistjoni fil-kawża inkwistjoni, huwa wkoll kapaċi jkollu effetti fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni li l-effetti potenzjali tal-aġir tar-rikorrenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala sostanzjali hija ġġustifikata wkoll minħabba l-effetti potenzjali fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni.

276

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-effetti potenzjali tal-aġir tar-rikorrenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala sostanzjali.

2.2) Effett immedjat

277

L-aġir ta’ Intel kien intiż u kien kapaċi jipproduċi effett immedjat fiż-ŻEE.

278

Fil-fatt, dan l-aġir kien intiż u kien kapaċi jinċentiva lil Acer sabiex tipposponi l-varar ta’ laptop mgħammar b’CPU AMD kullimkien fid-dinja, inkuż fiż-ŻEE. Il-posponiment tal-varar ifisser li, matul ċertu żmien, ċertu mudell ta’ kompjuter b’CPU AMD ma jkunx disponibbli, inkluż fiż-ŻEE. Dan huwa effett dirett u mhux sempliċiment effett indirett.

279

Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti u l-ACT, iċ-ċirkustanza li Intel ma bigħetx CPUs lil Acer fiż-ŻEE ma tfissirx li l-effett fiż-ŻEE tal-aġir ta’ Intel seta’ jkun biss indirett. Fil-fatt, il-kundizzjoni li għaliha kienu suġġetti l-ħlasijiet, jiġifieri l-posponiment tal-varar ta’ ċertu mudell ta’ kompjuter kullimkien fid-dinja, inkluż fiż-ŻEE, kienet tikkonċerna b’mod dirett il-bejgħ ta’ kompjuters minn Acer.

280

Barra minn hekk, il-ksur uniku u kontinwat imwettaq mir-rikorrenti, ikkunsidrat flimkien, kien kapaċi jkollu bħala effett immedjat d-dgħufija tal-uniku kompetitur kbir tar-rikorrenti billi jipprekludi l-aċċess għall-mezzi ta’ bejgħ l-iktar importanti u għalhekk ibiddel l-istruttura tal-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni.

2.3) Effett prevedibbli

281

L-effett li ċertu mudell ta’ kompjuter mgħammar b’CPU AMD ma jkunx disponibbli matul il-perijodu tal-posponiment, inkluż fiż-ŻEE, kien prevedibbli għar-rikorrenti. Fil-fatt, dan kien l-effett li kien previst mill-aġir tagħha.

282

Bl-istess mod, id-dgħufija tal-uniku kompetitur kbir tar-rikorrenti kien prevedibbli għaliha u previst minnha.

3) Lenovo

3.1) Fuq ir-restrizzjonijiet ovvji

i) Fuq il-posponiment tal-varar li jikkonċerna s-suq Ċiniż

283

Ir-rikorrenti ssostni li l-ewwel posponiment tal-varar allegat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huwa marbut mal-varar ittardjat ta’ żewġ mudelli ta’ laptops mgħammra b’CPU AMD fiċ-Ċina (ara f’dan ir-rigward il-punti 1035 u 1037 iktar ’il fuq). Dan il-ftehim kien jaffettwa biss is-suq Ċiniż u ma kienx ser jiġi implementat fl-Unjoni.

284

F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tistabbilixxix, fid-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 82 KE fir-rigward tal-posponiment tal-varar ta’ laptops mgħammra b’CPU AMD fiċ-Ċina (ara l-punt 1042 iktar ’il quddiem). Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tissanzjona dan l-aġir huwa ineffettiv.

ii) Fuq il-posponiment tal-varar li jikkonċerna s-suq dinji

285

Il-posponiment tal-varar inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata jikkonċerna l-varar ittardjat tal-imsemmija mudelli ta’ kompjuters fuq il-livell dinji. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti enfasizzat, waqt is-seduta, li mill-Anness A.120 tar-rikors jirriżulta li, għaż-żewġ mudelli ta’ kompjuters ikkonċernati mill-posponiment tal-varar, il-livell ta’ bejgħ li kien previst kien dgħajjef ħafna.

286

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li minn dan l-anness jirriżulta li, fl-1 ta’ Ġunju 2006, iċ-ċifri ta’ bejgħ fir-reġjun ELNA għar-raba’ trimestru tal-2006 għaż-żewġ mudelli ta’ laptops ikkonċernati mill-posponiment tal-varar kienu ta’ 5 400 u ta’ 4 250 unitajiet.

287

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ssuġġerixxiet li kien possibbli li dawn il-kompjuters kollha kienu maħsuba għal żoni tar-reġjun ELNA barra ż-ŻEE.

288

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li din kienet biss spekulazzjoni min-naħa tar-rikorrenti li insostenn tagħha hija ma ressqet l-ebda argument. Ċertament, il-volum eżatt tal-bejgħ previst fiż-ŻEE ma jirriżultax mill-Anness A.120 tar-rikors. Madankollu, jeħtieġ li jiġi rrilevat li ż-ŻEE hija parti kbira ħafna mir-reġjun ELNA.

289

Mill-Anness A.120 tar-rikors jirriżulta b’mod ċar li Lenovo kienet ipprevediet bejgħ fir-reġjun ELNA. Din iċ-ċirkustanza hija suffiċjenti sabiex jiġu kkonstatati effetti tal-inqas potenzjali fiż-ŻEE, fl-assenza ta’ indizji konkreti li jistgħu jħallu l-preżunzjoni li l-bejgħ kollu previst kien jikkonċerna partijiet mir-reġjun ELNA barra ż-ŻEE.

290

Ċertament, in-numru ta’ unitajiet fir-reġjun ELNA kien modest. Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li l-aġir fir-rigward ta’ Lenovo kien jifforma parti minn ksur uniku u kontinwat u li huwa suffiċjenti li dan il-ksur, meħud flimkien, kien kapaċi jkollu effetti sostanzjali, kif inhu l-każ f’din il-kawża (ara punti 267 sa 276 iktar ’il fuq).

291

Fir-rigward tan-natura immedjata tal-effett u tal-prevedibbiltà tiegħu, il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 277 sa 282 iktar ’il fuq japplikaw mutatis mutandis.

3.2) Fuq it-tnaqqis għal esklużività

292

Skont id-deċiżjoni kkontestata, Intel tat tnaqqis lil Lenovo bejn Jannar 2007 u Diċembru 2007 li l-livell tiegħu kien suġġett għax-xiri, minn Lenovo, tas-CPUs x86 kollha maħsuba għall-laptops mingħand Intel.

293

Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata tagħmel riferiment għall-inċentiv finanzjarju mogħti minn Intel lil Lenovo bil-għan li tinkoraġġiha tuża esklużivament CPUs x86 prodotti minn Intel fil-laptops tagħha. Dan l-aġir kien kapaċi jkollu bħala effett immedjat il-fatt li l-ebda laptop ta’ Lenovo mgħammar b’CPU x86 ta’ kompetitur ta’ Intel ma kien disponibbli fid-dinja, inkluż fiż-ŻEE. Iċ-ċirkustanza li Intel tbigħ CPUs, filwaqt li Lenovo tbigħ kompjuters, ma tfissirx li l-effett jista’ biss ikun indirett. Fil-fatt, jekk Lenovo tixtri l-bżonnijiet kollha tagħha għal CPUs x86 maħsuba għall-laptops tagħha mingħand Intel, dan ifisser direttament u neċessarjament li hija la tista’ timmanifattura u lanqas tbigħ laptops mgħammra b’CPUs x86 li joriġinaw minn kompetitur.

294

Dan l-effett kien prevedibbli għal Intel u anki previst minnha.

295

Fir-rigward tan-natura sostanzjali tal-effett, huwa suffiċjenti li jitfakkar li t-tnaqqis għal esklużività kien jifforma parti minn ksur uniku u kontinwat li, meta jittieħed fl-intier tiegħu, kien kapaċi jkollu effetti sostanzjali fit-territorju tal-Unjoni u taż‑ŻEE, fatt li huwa suffiċjenti (ara l-punti 267 sa 276 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk it-tnaqqis għal esklużività mogħti lil Lenovo, meħud b’mod iżolat, kienx kapaċi jkollu effett sostanzjali fuq l-imsemmi territorju.

296

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-aġir ta’ Intel li l-Kummissjoni tagħmel riferiment għalih fid-deċiżjoni kkontestata kien kapaċi jkollu effett sostanzjali, immedjat u prevedibbli fi ħdan iż-ŻEE. Isegwi li l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tissanzjona dan l-aġir hija ġġustifikata fid-dawl tar-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku.

297

Għaldaqstant, huwa biss għall-kompletezza li sejra tiġi eżaminata, sussegwentement, l-implementazzjoni tal-aġir inkwistjoni fit-territorju taż-ŻEE.

c) Fuq l-implementazzjoni

298

Ir-rikorrenti ssostni li, skont il-ġurisprudenza, sabiex tiġi stabbilita l-kompetenza tal-Kummissjoni huwa rikjest bejgħ dirett lejn l-Unjoni mill-impriża stess ta’ prodotti koperti mill-aġir ikkonċernat. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li kull wieħed mill-atti ta’ abbuż allegat kien ikopri bejgħ dirett ta’ prodott rilevanti, jiġifieri CPUs x86, minn Intel lil xerrejja fi ħdan l-Unjoni jew fi ħdan iż-ŻEE.

299

Ir-rikorrenti tenfasizza li hija la biegħet CPUs x86 lil Acer u lanqas lil Lenovo fiż-ŻEE. Acer u Lenovo ma bigħux il-prodotti kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri s-CPUs x86, iżda kompjuters mgħammra b’CPU x86.

300

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

1) Acer

301

Jeħtieġ li jitfakkar li l-implementazzjoni tal-prattiki inkwistjoni fl-Unjoni hija suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-kompetenza tal-Kummissjoni fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pâte de bois, punt 232 iktar ’il fuq, punt 16).

302

Huwa minnu li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Pâte de bois, punt 232 iktar ’il fuq (punti 12, 13, 16 u 17), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-implementazzjoni tal-akkordju inkwistjoni fis-suq komuni seħħ permezz ta’ bejgħ dirett, bi prezzijiet effettivament ikkoordinati, mill-parteċipanti tal-akkordju lil xerrejja stabbiliti fl-Unjoni.

303

Madankollu, minn dan ma jirriżultax li l-bejgħ dirett imwettaq mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontesatata tal-Kummissjoni huwa l-unika mezz ta’ implementazzjoni ta’ prattika fl-Unjoni. Għaldaqstant, is-sempliċi ċirkustanza li r-rikorrenti ma bigħetx CPUs lil sussidjarji ta’ Acer u ta’ Lenovo li jinsabu fiż-ŻEE ma teskludix l-implementazzjoni fiż-ŻEE tal-prattiki inkwistjoni.

304

F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma għamlitx riferiment, fid-deċiżjoni kkontestata, għal azzjoni mibdija mir-rikorrenti nnifisha fit-territorju taż-ŻEE bil-għan li timplementa r-restrizzjoni moħbija li tikkonċerna lil Acer.

305

Madankollu, l-abbuż minn pożizzjoni dominanti kkonsista f’dan il-każ fl-għoti ta’ inċentiv finanzjarju bil-għan li jinkoraġixxi lil Acer tipposponi l-varar ta’ ċertu mudell ta’ laptop kullimkien fid-dinja. Għaldaqstant, il-kundizzjoni li kienu suġġetti għaliha l-ħlasijiet mogħtija minn Intel, jiġifieri l-posponiment ta’ ċertu mudell ta’ laptop mgħammar b’CPU AMD, kienet maħsuba li tiġi implementata minn Acer kullimkien fid-dinja, inkluż fiż-ŻEE.

306

F’tali każ, ikun artifiċjali li tittieħed inkunsiderazzjoni biss l-implementazzjoni tal-prattiki inkwistjoni mill-impriża f’pożizzjoni dominanti nnifisha. Għall-kuntrarju, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-implementazzjoni tagħhom mill-klijent ta’ din tal-aħħar.

307

F’dan il-kuntest, il-fatt li l-klijent ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jiddeżisti milli jbigħ ċertu mudell ta’ kompjuter fiż-ŻEE għal ċertu żmien għandu jiġi kkunsidrat bħala implementazzjoni tar-restrizzjoni ovvja.

308

Barra minn hekk, mill-provi ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Acer ħadet azzjonijiet fir-reġjun ELNA bil-għan li tipposponi l-varar tal-kompjuter inkwistjoni. Fil-fatt, mill-ittra ċċitata fil-punt 1247 iktar ’il quddiem, invokata f’dan il-kuntest mill-Kummissjoni waqt is-seduta, jirriżulta li l-[kunfidenzjali] fi ħdan Acer, irċieva l-istruzzjoni li “jabbanduna” is-CPU AMD kkonċernat għall-2003, u li huwa ser jimplementa din l-istruzzjoni fir-reġjun ELNA.

309

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-kompetenza tal-Kummissjoni kienet iġġustifikata wkoll minħabba l-implementazzjoni tal-ksur fit-territorju tal-Unjoni u taż-ŻEE.

2) Lenovo

310

Fir-rigward tar-restrizzjonijiet ovvji, jiġfieri t-tnaqqis mogħti bil-kundizzjoni li Lenovo tipposponi l-varar ta’ żewġ mudelli ta’ kompjuters, jeħtieġ li jiġi rrilevat li dawn kienu maħsuba li jiġu implementati minn Lenovo kullimkien fid-dinja, inkluż fiż-ŻEE. Isegwi li l-kompetenza tal-Kummissjoni kienet iġġustifikata wkoll minħabba l-implementazzjoni tal-ksur fl-imsemmi territorju. F’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 304 sa 307 iktar ’il fuq japplikaw mutatis mutandis.

311

Fir-rigward tat-tnaqqis għal esklużività, il-korrispettiv għal dan it-tnaqqis, jiġifieri x-xiri esklużiv ta’ Lenovo mingħand Intel ta’ CPUs x86 maħsuba għall-laptops tagħha, kien maħsub li jiġi implemenatat minn Lenovo fid-dinja kollha, inkluż fiż-ŻEE, billi tbigħ esklużivament laptops b’CPU x86 ta’ Intel. F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi enfasizzat li d-destinazzjoni tas-CPUs, jiġifieri l-użu tagħhom minn Lenovo fil-laptops, kien jifforma parti mill-korrispettiv kif dan kien ġie definit. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tista’ tinvoka ebda argument mill‑fatt li s-suq inkwistjoni kien jikkonċerna CPUs x86, filwaqt li Lenovo ma kinitx tbigħ CPUs, iżda kompjuters li jinkludu CPUs. Fil-fatt, il-korrispettiv kif kien definit, stabbilixxa rabta diretta mal-kompjuters li huma mmanifatturati u mibjugħa minn Lenovo.

312

L-aġir tar-rikorrenti kien intiż sabiex il-korrispettiv ta’ Lenovo jiġi implementat kullimkien fejn Lenovo kienet tbigħ laptops, inkluż fiż-ŻEE.

313

Peress li l-korrispettiv, kif ġie ddefinit, kien jikkonċerna b’mod speċifiku s-CPUs maħsuba sabiex jintużaw għal ċertu tip ta’ prodotti, jiġifieri l-laptops, ir-rikorrenti ma tistax issostni b’mod utli li hija stess ma kellhiex influwenza fuq l-użu minn Lenovo ta’ CPUs Intel. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma sostnietx li hija injorat il-fatt li Lenovo kienet preżenti fis-suq komuni u kienet tbigħ il-laptops tagħha f’dan l-aħħar imsemmi suq.

314

Minn dak li ntqal jirriżulta li, fir-rigward tal-aġir tar-rikorrenti fir-rigward ta’ Lenovo, il-kompetenza tal-Kummissjoni hija ġġustifikata wkoll minħabba l-implementazzjoni tal-ksur fuq it-territorju tal-Unjoni u taż-ŻEE.

d) Fuq l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

315

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet ukoll li l-aġir inkwistjoni ma setax jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

316

Fir-rigward tal-kriterju tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 1750 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-abbuż li jkollu influwenza fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni f’iktar minn Stat Membru wieħed, ikun min-natura tiegħu kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

317

Skont il-ġurisprudenza, sabiex ikunu jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, deċiżjoni, akkordju jew prattika miftiehma għandhom, abbażi ta’ numru ta’ punti ta’ liġi jew ta’ fatt, jippermettu li wieħed jipprevedi bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti li huma jistgħu jeżerċitaw influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan b’mod li jistgħu jostakolaw it-twaqqif ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri (ara s-sentenza Javico, punt 256 iktar ’il fuq, punt 16, u l-ġurisprudenza ċċitata).

318

F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma sostnietx li l-aġir tagħha fir-rigward ta’ Acer u ta’ Lenovo kien jikkonċerna biss it-territorju ta’ Stat Membru wieħed. Bil-għan li tikkontesta l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, ir-rikorrenti bbażat ruħha fuq iċ-ċirkustanza li l-effetti kien ser jinħassu fit-territorji barra ż-ŻEE u li, fi kwalunkwe każ, il-volum ta’ kompjuters ikkonċernati kien żgħir ħafna, b’tali mod li l-effetti fl-ebda każ ma setgħu jkunu sinjifikattivi.

319

Madakollu, kif ġie rrilevat fil-punt 269 iktar ’il fuq, ma hemmx lok li jiġu kkunsidrati l-effetti tal-aġir tar-rikorrenti fir-rigward ta’ Acer u ta’ Lenovo b’mod iżolat. Il-ksur uniku mwettaq mir-rikorrenti, meħud fl-intier tiegħu, kien kapaċi jkollu effett sostanzjali fi ħdan l-Unjoni u fi ħdan iż-ŻEE.

320

Għaldaqstant, hemm lok li jinċaħad l-argument tar-rikorrenti maħsub sabiex jikkontesta l-effett ta’ skambji bejn l-Istati Membri.

321

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti maħsub sabiex jikkontesta l-kompetenza tal-Kummissjoni għandu jiġ miċħud.

C – Difetti proċedurali

1. Fuq ir-rifjut tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tieni seduta lir-rikorrenti

322

Ir-rikorrenti sostnuta mill-ACT, issostni li l-Kummissjoni rrifjutat b’mod żbaljat l-organizzazzjoni tat-tieni seduta bil-għan li tisma’ lil Intel fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008 (voir punt 9 iktar ’il fuq) u fuq l-ittra fattwali (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), meta dawn id-dokumenti kienu jagħmlu riferiment għall-allegazzjonijiet ġodda li jikkonċernaw, b’mod partikolari, it-tnaqqis kundizzjonali u r-restrizzjonijiet ovvji, li jimplikaw lil Lenovo, u l-għoti ta’ tnaqqis lil MSH.

323

B’mod konformi mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), waqt in-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-partijiet ikkonċernati l-possibbiltà li jinformawha bil-miktub dwar l-opinjoni tagħhom f’terminu stabbilit minnha. Il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet bil-miktub rċevuti wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

324

Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 773/2004, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-partijiet li fir-rigward tagħhom ġiet indirizzata dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet il-possibbiltà li jiżviluppaw l-argumenti tagħhom waqt seduta, jekk huma jressqu talba fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

325

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008, hemm qbil bejn il-partijiet li r-rikorrenti, fil-prinċipju, kellha d-dritt għat-tieni seduta skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ dan id-dritt fl-ittra mehmuża mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma talbitx l-organizzazzjoni tat-tieni seduta fi żmien xieraq. Fil-fatt, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008, il-Kummissjoni kienet qabelxejn tat lir-rikorrenti terminu ta’ tmien ġimgħat sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Fil-15 ta’ Settembru 2008, dan it-terminu ġie estiż sas-17 ta’ Ottubru 2008 mill-uffiċjal tas-seduta (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). Ir-rikorrenti ma rrispondietx għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008 f’dan l-aħħar imsemmi terminu, filwaqt li astjeniet fl-istess ħin milli titlob it-tieni seduta. Konsegwentement, hija kienet tilfet id-dritt tagħha għat-tieni seduta.

326

Din il-konklużjoni, li rriżultat diġà mill-kliem tal-Artikolu 10(2) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 773/2004, hija kkonfermata mill-għan stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. L-obbligu, taħt il-piena ta’ dekadenza, għad-destinatarju ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li jitlob seduta fit-terminu stabbilit mill-Kummissjoni, huwa ġġustifikat minn raġunijiet ta’ ekonomija tal-proċedura. Fil-fatt, il-preparazzjoni ta’ seduta timplika sforz ta’ koordinazzjoni mhux negliġibbli min-naħa tal-Kummissjoni minħabba l-fatt li f’seduta jattendu mhux biss id-destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-dipartimenti tal-Kummissjoni, iżda, fejn xieraq, ukoll terzi u rappreżentanti tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandu jkollha biżżejjed ħin sabiex tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet magħmula waqt seduta f’deċiżjoni finali.

327

Fir-rigward, sussegwentement, tal-ittra fattwali, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt għal seduta previst mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 773/2004 jeżisti biss wara t-trażmissjoni, mill-Kummissjoni, ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għaldaqstant ir-rikorrenti ma kellha l-ebda dritt għal seduta fir-rigward tal-ittra fattwali. Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, anki fir-rigward ta’ din l-ittra, ir-rikorrenti ma talbitx seduta fi żmien xieraq, peress li hija ma rrispondietx għal din l-ittra fit-terminu stabbilit fit-23 ta’ Jannar 2009.

328

Konsegwentement, il-Kummissjoni, ġustament, irrifjutat l-organizzazzjoni ta’ seduta fir-rigward kemm tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008 kif ukoll tal-ittra fattwali. L-argumenti tar-rikorrenti u tal-ACT ma jistgħux jikkontestaw din il-konklużjoni.

329

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li, fl-ittra tagħha tat-2 ta’ Frar 2009 (ara l-punt 15 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni aċċettat espressament li tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008 u l-ittra fattwali, sa fejn dawn jiġu kkomunikati qabel il-5 ta’ Frar 2009. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha testendi t-terminu għall-preżentata ta’ talba għal seduta sal-5 ta’ Frar 2009.

330

Għalhekk, din id-dikjarazzjoni għandha tiġi miċħuda. Il-Kummissjoni rrilevat ġustament li, matul il-proċedura amministrattiva, bħalma għamlet fid-deċiżjoni kkontestata, eskludiet b’mod espliċitu n-nota tardiva ta’ Intel bħala risposta li ma ġiex ifformulata fi żmien xieraq, bl-istess mod li hija eskludiet li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet jista’ jiġi interpretat bħala estensjoni tat-terminu. Fil-fatt, b’mod partikolari fl-ittra tat-2 ta’ Frar 2009, li r-rikorrenti tibbaża ruħha fuqha sabiex issejjes l-argument tagħha, il-Kummissjoni kkonstatat li hija ma kinitx obbligata tilqa’ talba għal seduta mressqa wara l-iskadenza tat-terminu u li d-dipartimenti tagħha kienu jikkunsidraw li l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura amministrattiva ma kienx jirrikjedi l-organizzazzjoni ta’ seduta. Għall‑kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, fl-ittra tat-2 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni għaldaqstant ma estendietx it-terminu għall-preżentazzjoni ta’ talba għal seduta sal-5 ta’ Frar 2009.

331

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li hija ma bagħtitx ir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008 u għall-ittra fattwali qabel il-5 ta’ Frar 2009, peress li hija ppreżentat għalhekk rikors quddiem il-Qorti Ġenerali bil-għan li tikseb l-annullament tad-deċiżjoni tal-uffiċjal tas-seduta tal-15 ta’ Settembru 2008 u l-għoti ta’ digriet provviżorju intiż sabiex tiġi sospiża l-iskadenza tat-terminu stabbilit.

332

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti setgħet tissottometti lill-Kummissjoni, għall-finijiet kawtelatorji, l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008, filwaqt li teżerċita d-dritt ta’ aċċess tagħha għall-Qorti Ġenerali. Kif irrileva l-President tal-Qorti Ġenerali fid-digriet Intel vs Il-Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq (punt 87), ir-rikorrenti bl-ebda mod ma kienet prekluża, mill-preżentata tar-rikors tagħha għal annullament u mit-talba tagħha għal miżuri provviżorji, milli tipprepara u tippreżenta, fi żmien xieraq, ir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008 abbażi ta’ provi li hija kellha, tal-inqas għal finijiet kawtelatorji, u dan iktar u iktar meta kienet kisbet, mingħand l-uffiċjal tas-seduta, estensjoni tat-terminu ta’ erba’ ġimgħat. Fi kwalunkwe każ, Intel setgħet titlob seduta fit-terminu stabbilit mill-uffiċjal tas-seduta, jiġifieri qabel is-17 ta’ Ottubru 2008, peress li din it-talba ma kinitx tiddependi fuq informazzjoni addizzjonali.

333

L-istess raġunament japplika wkoll fir-rigward tal-ittra fattwali, bla ħsara għall-fatt li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 773/2004 ma jipprovdix għal seduta wara li tintbagħat ittra fattwali (ara l-punt 327 iktar ’il fuq). Ir-rikorrenti ma kinitx prekluża milli titlob seduta fi żmien xieraq la mir-rikors tagħha għal annullament u lanqas mit-talba tagħha għal miżuri provviżorji.

334

Fit-tielet lok, huwa veru li, fil-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 10(2) u mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 773/2004, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-dritt għal seduta. L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 773/2004 jipprovdi li l-Kummisssjoni “tagħti” lil partijiet destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet il-possibbiltà li jiżviluppaw l-argumenti tagħhom waqt seduta, jekk huma jkunu ressqu talba f’dan is-sens fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Madankollu, ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda talba fi żmien xieraq, b’tali mod li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli.

335

Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-uffiċjal tas-seduta tas-17 ta’ Frar 2009, li permezz tagħha dan tal-aħħar ċaħad talba ġdida tar-rikorrenti sabiex jikseb seduta fuq id-dikajarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008, ma hijiex raġonevoli u hija sproporzjonata.

336

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma talbitx l-organizzazzjoni ta’ seduta fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008 fi żmien xieraq. Kif enfasizza ġustament l-uffiċjal tas-seduta, fid-deċiżjoni tiegħu tas-17 ta’ Frar 2009, id-dritt suġġettiv għall-organizzazzjoni ta’ seduta jeżisti sal-iskadenza tat-terminu mogħti sabiex tingħata risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda obbligu torganizza seduta.

337

Billi ammettiet li l-uffiċjal għas-seduta kellu madankollu setgħa diskrezzjonali sabiex jawtorizza seduta, il-Kummissjoni ma interpretatx b’mod żbaljat l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 773/2004, iżda interpretat l-imsemmi regolament b’mod favorevoli għar-rikorrenti. Barra minn hekk, l-uffiċjal tas-seduta espona r-raġunijiet għar-rifjut tiegħu tat-tieni seduta b’mod iddettaljat fl-ittra tiegħu tas-17 ta’ Frar 2009. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sempliċiment issostni li l-organizzazzjoni ta’ seduta ma kinitx tkun ta’ preġudizzju għall-Kummissjoni, peress li, skont ir-rikorrenti, id-dewmien fl-iżvolġiment tal-proċedura amministarttiva minħabba t-tieni seduta kien “minimu”. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-uffiċjal tas-seduta ma wettaq l-ebda żball meta kkonstata, essenzjalment, li dewmien indebitu fl-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva seta’ jippreġudika mhux biss id-drittijiet tal-partijiet terzi kkonċernati mill-proċedura tar-rikorrenti, iżda wkoll id-drittijiet ta’ partijiet oħra fi proċeduri paralleli, li kienu talbu seduti fi żmien xieraq.

338

Fil-ħames lok, l-ACT issostni, essenzjalment, li, minkejja l-fatt li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 773/2004 jipprovdi biss għall-organizzazzjoni ta’ seduta wara t-trażmissjoni, mill-Kummissjoni, ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet madankollu obbligata torganizza seduta wara li bagħtet l-ittra fattwali minħabba d-dritt fundamentali tar-rikorrenti għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Dan l-argument ma huwiex konvinċenti. Qabelxejn, hemm lok li jiġi osservat li l-Kapitolu V tar-Regolament Nru 773/2004, intitolat “Eżerċizzju tad-dritt għas-smigħ”, li jinkludi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(2) u tal-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, jikkostitwixxi konkretizzazzjoni tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. La r-rikorrenti u lanqas l-ACT ma avvanzaw argumenti li jikkonċernaw l-eventwali illegalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Sa fejn l-ACT issostni li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-limitazzjonijiet stabbiliti minnha nnifisha fir-regoli stess tagħha sabiex tiġġustifika ksur tad-dritt fundamentali ta’ smigħ ta’ parti, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 33(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni hija awtorizzata tistabbilixxi r-regoli tas-seduti. Sussegwentement, jeħtieġ li jiġi nnotat, għall-kompletezza, li anki jekk jiġi preżunt li d-drittijiet tad-difiża jistgħu, f’ċirkustanzi partikolari, jimponu fuq il-Kummissjoni l-organizzazzjoni ta’ seduta wara li tintbagħat ittra fattwali, xorta jibqa’ l-fatt li dan id-dritt ipotetiku ma jistax ikun illimitat. Dan id-dritt jista’ jiġi ristrett mill-Kummissjoni permezz tad-determinazzjoni ta’ termini għall-preżentazzjoni ta’ talba għal seduta. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma rrispondietx għall-ittra fattwali fi żmien xieraq (ara l-punt 327 iktar ’il fuq).

339

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi u mingħajr ma tinterpreta b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 773/2004 il-Kummissjoni setgħet tirrifjuta li torganizza seduta bil-għan li tisma’ lil Intel fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008 u l-ittra fattwali.

2. Fuq ir-rifjut tal-Kummissjoni li tikseb ċerti dokumenti ta’ AMD

a) Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-pożizzjonijiet tal-partijiet

340

Fil-21 ta’ Mejju 2008, wara pubblikazzjoni elettronika tan-noti preparatorji redatti mir-rikorrenti u AMD fil-kuntest tal-proċedura mibdija kontriha fl-Istat ta’ Delaware (ara l-punt 11 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni talbet kemm lir-rikorrenti kif ukoll lil AMD li jibagħtulha d-dokumenti kollha mfassla jew irċevuti minn dawn tal-aħħar u li kienu ċċitati fin-noti preparatorji rispettivi tagħhom.

341

Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Awwissu 2008, ir-rikorrenti indikat li hija tqis li l-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni ma kinitx kompluta. Hija stiednet lill-Kummissjoni titlob lil AMD sabiex tipproduċi d-dokumenti kollha rilevanti fir-rigward tal-allegazzjonijiet inklużi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008. Barra minn hekk, hija enfasizzat li digriet kawtelatorju (protective order) tal-qorti adita bil-kawża fl-Istat ta’ Delaware tas-26 ta’ Settembru 2006 (iktar ’il quddiem “id-digriet kawtelatorju”) kien jipprekludiha milli tuża d-dokumenti prodotti minn AMD fil-kuntest tal-proċedura fl-Istat ta’ Delaware barra din il-proċedura.

342

F’anness għall-ittra tal-4 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni lista ta’ 87 punt, li jikkorrispondu għal dokumenti jew għal kategoriji ta’ dokumenti li hija stiednet lil-Kummissjoni tikseb mingħand AMD (iktar ’il quddiem il-“lista”).

343

Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li hija kienet iddeċidiet li titlob lil AMD il-produzzjoni tad-dokumenti inkwistjoni sa fejn dawn kienu deskritti fil-lista b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tagħhom b’mod preċiż u hija bagħtet lir-rikorrenti lista li tindika s-seba’ dokumenti li hija kienet talbet mingħand AMD.

344

Fil-premessi 61 sa 74 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat għaliex hija ma kinitx tqis ruħha obbligata tikseb id-dokumenti l-oħra elenkati fil-lista, billi enfasizzat li t-talba tar-rikorrenti ma kinitx preċiża biżżejjed, li kienet sproporzjonata, li r-rikorrenti ma kinitx stabbilixxiet li kienet eżawrixxiet il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha bil-għan li tipprovdi d-dokumenti tal-proċedura fl-Istat ta’ Delaware lill-Kummissjoni u li d-dokumenti li r-rikorrenti stiednet lill-Kummissjoni tikseb ma kinux jiskaġunaw.

345

Ir-rikorrenti tqis li d-dokumenti li hija stiednet lill-Kummissjoni tikseb mingħand AMD kienu ta’ interess partikolari għad-difiża tagħha sabiex turi b’mod partikolari li, anki fin-nuqqas ta’ aġir li ġie attribwit lilha, l-OEM ma kinux ser jixtru iktar CPUs AMD u li AMD kienet qed iġġarrab limitazzjonijiet ta’ kapaċità ta’ produzzjoni. Billi rrifjutat li tikseb dawn id-dokumenti addizzjonali mingħand AMD, il-Kummissjoni ma analizzatx provi rilevanti u kisret obbligu proċedurali sostanzjali. Għalhekk, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Intel.

346

Ir-rikorrenti ssostni li s-sitt dokumenti li l-Kummissjoni talbet mingħand AMD ma kinux l-uniċi dokumenti identifikati b’mod ċar fil-lista. B’risposta għal mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, hija sostniet barra minn hekk li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tidentifika d-dokumenti inkwistjoni b’mod iktar preċiż minn kif kienet għamlet fil-lista mingħajr ma tikser id-digriet kawtelatorju.

347

Il-Kummissjoni tirribatti li t-talba tar-rikorrenti ma kienet ibbażata fuq ebda bażi ġuridika, peress li d-dokumenti inkwistjoni ma kinux inklużi fil-fajl tal-investigazzjoni.

348

Barra minn hekk, il-provi prodotti mir-rikorrenti ma setgħux jiskaġunawha. La huwiex neċessarju li jiġi pprovat, sabiex tiġi stabbilita l-illegalità tal-aġir ta’ Intel, l-esklużjoni effettiva tal-kompetizzjoni, la l-limitazzjonijiet ta’ AMD fuq il-livell ta’ kapaċitajiet, la l-prestazzjonijiet kummerċjali jew tekniċi ta’ AMD, u lanqas preġudizzju eventwali għall-konsumaturi.

b) Fuq il-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tista’ tiġi obbligata tikseb ċerti dokumenti

1) Il-ġurisprudenza eżistenti

349

Ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza li tikkonċerna l-aċċess għall-fajl, li tistabbilixxi li ma hijiex il-Kummissjoni waħedha li għandha tiddeċiedi liema huma d-dokumenti utli għad-difiża tal-impriżi implikati fi proċedura ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-30/91, Ġabra p. II-1775, iktar ’il quddiem is-“sentenza Solvay”, punt 81).

350

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża u jimplika li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li twettaq eżami tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C-199/99 P, Ġabra p. I-11177, punti 125 sa 128, u s-sentenza Solvay, punt 349 iktar ’il fuq, punt 81).

351

Madankollu jeħtieġ li jiġi enfasizzat li din il-ġurisprudenza tikkonċerna d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti li jifformaw parti mill-fajl tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Huwa minnu li, mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni hija obbligata tagħti lill-partijiet l-aċċess għad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl amministrattiv, bl-eċċezzjoni ta’ dokumenti interni jew kunfidenzjali, u li l-Kummissjoni ma hijiex awtorizzata teżamina waħedha liema huma d-dokumenti li jistgħu jkunu utli għad-difiża tal-impriżi. Madankollu, l-obbligu tal-għoti ta’ aċċess għad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl amministrattiv ma jfissirx li l-Kummissjoni hija obbligata tikseb kull tip ta’ dokument li jista’ potenzjalment jiskaġuna.

352

Il-ġurisprudenza diġà stabbilixxiet il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal dokumenti li huma fil-pussess tal-Kummissjoni, iżda li ma jifformawx parti mill-fajl tal-investigazzjoni stess. Għalhekk, fir-rigward tar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mill-partijiet l-oħra fil-proċedura, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, fir-rigward tad-dokumenti li ma jifformawx parti mill-fajl ikkostitwit fil-mument tan-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiżvela l-imsemmija risposti lill-partijiet ikkonċernati l-oħra sa fejn dawn ma jkunux jinkludu provi ġodda inkriminanti jew li jiskaġunaw (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011, Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, T-240/07, Ġabra p. II-3355, punt 242) jew li dawn ir-risposti jkunu indispensabbli bil-għan li jpoġġu lir-rikorrenti f’pożizzjoni li tikkontesta ċ-ċifri użati mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011, Ziegler vs Il-Kummissjoni, T-199/08, Ġabra p. II-3507, punt 118).

353

F’dan il-kuntest, il-qrati Ewropej kellhom l-okkażjoni jippreċiżaw li l-kunsiderazzjoni li tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 126), li ma hijiex il-Kummissjoni waħedha li għandha tiddetermina d-dokumenti utli għad-difiża tal-impriża kkonċernata, tikkonċerna dokumenti inklużi fil-fajl tal-Kummissjoni u ma tistax tapplika għal risposti mogħtija minn partijiet oħra kkonċernati mill-ilmenti kkomunikati mill-Kummissjoni (sentenza Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, punt 352 iktar ’il fuq, punt 254).

354

Fis-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni (T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491), invokata mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali eżaminat serje sħiħa ta’ argumenti bbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma tatx aċċess għal dokumenti li, skont l-impriżi kkonċernati, kienu jkunu utli għall-preparazzjoni tad-difiża tagħhom matul il-proċedura amministrattiva. Dawn kienu jikkonċernaw, minbarra r-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ destinatarji oħra ta’ din tal-aħħar, minuti tas-seduti marbuta ma’ akkordji nazzjonali, fajl tal-Kummissjoni marbut man-notifika ta’ ċerta sistema, fajl tal-Kummissjoni marbut ma’ ċerta għajnuna mill-Istat, noti interni tal-Kummissjoni u risposti fil-kawżi l-oħra li jikkonċernaw l-istess kartell (punt 380 ta’ din is-sentenza). Dawn kienu dokumenti li, għalkemm ma kinux jifformaw parti mill-fajl tal-investigazzjoni, kienu fil-pussess tal-Kummissjoni.

355

Madankollu, din is-sitwazzjoni hija differenti minn dik li hija bbażata fuqha l-ġurisprudenza ċċitatata fil-punti 349 sa 354 iktar ’il fuq. Fil-fatt, f’dan il-każ, is-suġġetti kienu dokumenti li lanqas ma kienu fil-pussess tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-kwistjoni mqajma ma tikkonċernax il-portata tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl.

356

Ir-rikorrenti ssostni li r-raġunament segwit mill-ġurisprudenza li tikkonċerna d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti li jiskaġunaw li diġà ddaħħlu fil-fajl tal-investigazzjoni għandu japplika a fortiori meta l-Kummissjoni ma tkunx biss astjeniet milli tikkomunika, iżda tkun anki astjeniet milli tikseb dokumenti rilevanti li jiskaġunaw. Il-loġika ta’ dan l-argument tidher li hija li, għalkemm ma jistax jiġi aċċettat li l-Kummissjoni waħedha tivverifika liema dokumenti inklużi fil-fajl jistgħu jkunu utli għad-difiża tal-impriżi kkonċernati, is-sitwazzjoni tkun iktar gravi jekk ċerti dokumenti ma jkunux inklużi fil-fajl, b’tali mod li l-Kummissjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tivverifika jekk dawn jinkludux elementi li jiskaġunaw.

357

Dan l-argument ma huwiex konvinċenti. Fil-fatt, tali loġika ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-idea li sservi bħala bażi għall-ġurisprudenza dwar id-dritt ta’ aċċess għall-fajl sħiħ hija dik li l-opportunità ugwali għall-partijiet teżiġi li l-impriża kkonċernata jkollha konoxxenza tal-fajl użat fil-proċedura li hija ugwali għal dik li jkollha l-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Solvay, punt 349 iktar ’il fuq, punt 83). Fir-rigward tad-dokumenti li l-Kummissjoni ma għandhiex fil-pussess tagħha, ma hemm l-ebda riskju li din tal-aħħar tibbaża ruħha fuq provi inkriminanti li jinsabu f’dawn id-dokumenti u li tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-elementi li jiskaġunaw. Id-disparità rrilevata fil-punt 83 tas-sentenza Solvay, punt 349 iktar ’il fuq, jiġifieri li l-Kummissjoni setgħet tiddeċiedi waħedha jekk tużax jew le id-dokumenti kontra r-rikorrenti, filwaqt li r-rikorrenti ma kellhiex aċċess għalihom u ma setgħetx għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni korrispondenti li tużahom jew li ma tużahomx għad-difiża tagħha, ma teżistix f’dan il-każ. Għaldaqstant, l-istess problema ta’ opportunità ugwali għall-partijiet tirriżulta biss fil-każ ta’ dokumenti li huma inklużi fil-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni.

358

Il-kwistjoni li tqum f’dan il-każ hija fir-realtà dik tal-osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha li tipproċessa l-fajl b’diliġenza u imparzjalità.

359

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li fost il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fi proċeduri amministrattivi hemm, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li miegħu hemm marbut l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, il-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T-191/98, T-212/98 sa T-214/98, Ġabra p. II-3275, punt 404 u l-ġurisprudenza ċċitata).

360

Madankollu, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-prinċipju, hija l-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi dwar il-mod kif tixtieq tmexxi l-investigazzjoni f’każ ta’ kompetizzjoni u li tiddeċiedi liema dokumenti għandha tiġbor bil-għan li jkollha stampa suffiċjentement sħiħa tal-każ.

361

Ma hemmx lok li jiġi impost l-obbligu fuq il-Kummissjoni li tiġbor kemm jista’ jkun dokumenti sabiex tiżgura li tikseb kull prova potenzjali li tiskaġuna. Fil-fatt, apparti l-fatt li r-riżorsi tal-Kummissjoni huma limitati, huwa impossibbli għall-Kummissjoni li tiżgura ruħha li ma taħrabilha l-ebda prova potenzjali li tiskaġunaha.

362

Jekk impriża li tkun suġġetta għal proċedura li tista’ twassal għall-impożizzjoni ta’ multa għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni titlob lill-Kummissjoni tikseb ċerti dokumenti, hija l-Kummissjoni li għandha teżamina din it-talba. Hija għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddeċiedi dwar jekk jeħtieġx li jinkisbu d-dokumenti inkwistjoni. Il-partijiet fi proċedura ma għandhom l-ebda dritt inkundizzjonat sabiex il-Kummissjoni tikseb ċerti dokumenti, peress li hija din tal-aħħar li għandha tiddeċiedi l-mod kif hija tmexxi l-investigazzjoni ta’ każ.

363

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tiġi rikjesta twettaq investigazzjonijiet addizzjonali, meta hija tqis li l-istruttorja tal-każ kienet suffiċjenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 1984, Eisen und Metall vs Il-Kummissjoni, 9/83, Ġabra p. 2071, punt 32, u tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T-141/94, Ġabra p. II-347, punt 110).

364

Dan ma jeskludix il-fatt li, f’ċerti ċirkustanzi, jista’ jkun hemm obbligu tal-Kummissjoni li tinvestiga ċertu aspett tal-fajl.

365

Għalhekk, fis-sentenza Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 363 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 97 li, mill-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet jirriżulta li l-Kummissjoni kellha l-obbligu tinvestiga b’mod serju l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li l-uffiċjali li jaqgħu taħt direttorat ġenerali ieħor tal-Kummissjoni kienu inċentivawha sabiex timplementa l-prattiki li ġew attribwiti lilha fid-deċiżjoni, filwaqt li ppreċiżat li hija l-Kummissjoni u mhux ir-rikorrenti li għandha tiddeċiedi dwar il-mod kif għandha tipproċedi b’tali investigazzjoni. Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq iċ-ċirkustanzi li, minn naħa, il-Kummissjoni sabet ruħha kkonfrontata b’allegazzjonijiet li kienu ta’ importanza ċerta għad-difiża tal-impriżi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni pprivileġġjata sabiex tistabbilixxi n-natura vera jew falza, peress li dan kien l-aġir tad-dipartimenti tagħha stess (sentenza Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 363 iktar ’il fuq, punt 96). Hemm lok li jiġi enfasizzat li din is-sentenza kkonstatat biss li l-Kummissjoni kienet obbligata tinvestiga ċertu aspett tal-fajl billi twettaq investigazzjoni interna. Din is-sentenza ma kinitx tikkonċerna obbligu tal-Kummissjoni li tikseb ċerti dokumenti.

366

Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 363 u 365 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni għandha l-kontroll tal-investigazzjoni. L-ewwel nett, hija tista’, fil-prinċipju, tiddeċiedi f’liema mument l-istruttorja tal-każ hija suffiċjenti. It-tieni nett, anki f’sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni jkollha l-obbligu tinvestiga ċertu aspett tal-fajl, hija għandha tiddeċiedi l-mod kif għandha ssir tali investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 363 iktar ’il fuq, punt 97).

367

Insostenn tal-argument tagħha, ir-rikorrenti tinvoka wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il-Kummissjoni (T-314/01, Ġabra p. II-3085).

368

Mill-punt 70 tas-sentenza ċċitata fil-punt preċedenti jirriżulta li, fil-kawża inkwistjoni, Avebe ippreżentat skambju ta’ korrispondenza bejn il-konsulenti tagħha u d-Department of Justice tal-Istati Uniti li minnu kien jirriżulta li Avebe kienet ipprovat diversi drabi li tikseb mingħandhom kopja tal-allegata dikjarazzjoni ta’ impriża oħra quddiem l-awtoritajiet Amerikani li, fl-opinjoni ta’ Avebe, kienet tiskaġunaha. Avebe xtaqet tippreżentaha lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. Madankollu, skont dan l-iskambju ta’ korrispondenza, dawn id-dipartimenti ċaħdu dawn it-talbiet billi indikaw li, jekk ikun il-każ, huma jkunu lesti jipprovdu d-dokument inkwistjoni lill-Kummissjoni f’każ li din tagħmel tali talba.

369

F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ Avebe li l-Kummissjoni kienet obbligata tikseb kopja tad-dokument inkwistjoni mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti, billi bbażat ruħha fuq iċ-ċirkustanza li Avebe, waqt il-proċedura amministrattiva, ma kienet għamlet ebda domanda espressa lill-Kummissjoni sabiex tikseb dan id-dokument (punt 72 ta’ din is-sentenza). Il-Qorti Ġenerali kkonstatat espressament, fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, li ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellhiex tieħu miżuri xierqa sabiex tikseb kopja tal-allegata dikjarazzjoni quddiem l-awtoritajiet Amerikani.

370

Għaldaqstant, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma ddefinixxietx il-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tista’ tkun obbligata tikseb ċerti dokumenti mingħand terz. Hija setgħet sempliċiment tiddefinixxi l-unika kundizzjoni marbuta f’dan il-każ mal-eżistenza ta’ talba espressa f’dan is-sens waqt il-proċedura amministrattiva, peress li, fi kwalunkwe każ, din il-kundizzjoni ma ġietx sodisfatta fil-kawża kkonċernata.

2) Definizzjoni tal-kundizzjonijiet

371

Hemm lok li jiġi rrilevat li, f’ċerti ċirkustanzi, jista’ jkun hemm obbligu tal-Kummissjoni li tikseb ċerti dokumenti fuq talba ta’ impriża suġġetta għal investigazzjoni. Tali obbligu tal-Kummissjoni għandu madankollu jkun limitat għal ċirkustanzi eċċezzjonali, peress li, fil-prinċipju, hija l-Kummissjoni u mhux l‑impriżi kkonċernati, li għandha tiddeċiedi fuq il-mod kif din tal-aħħar tmexxi l-investigazzjoni ta’ każ.

372

Meta impriża suġġetta għal investigazzjoni tikseb konoxxenza tal-eżistenza ta’ dokument li jiskaġuna, iżda li ma tkunx tista’ tiksbu hija stess jew li hija tkun prekluża milli tippreżenta quddiem il-Kummissjoni, filwaqt li din tal-aħħar tkun tista’ tikseb dan id-dokument u tużah, huwa possibbli li f’ċerti ċirkustanzi l-Kummissjoni tkun obbligata tikseb dan id-dokument wara talba espressa f’dan is-sens min-naħa tal-impriża kkonċernata. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha tmexxi investigazzjoni b’mod diliġenti u imparzjali, b’tali mod li hija ma tistax tillimita ruħha għall-ġbir tad-dokumenti inkriminanti filwaqt li tinjora l-eżistenza ta’ provi li jiskaġunaw.

373

Madankollu, huwa neċessarju li jintlaħaq bilanċ bejn minn naħa, l-obbligu tal-Kummissjoni li tipproċessa każ b’diliġenza u imparzjalità, u min-naħa l-oħra, il-prerogattiva tal-Kummissjoni li tiddeċiedi fuq il-mod kif hija tixtieq tmexxi l-investigazzjonijiet tagħha u tuża r-riżorsi tagħha bil-għan li tiżgura b’mod effikaċi r-rispett tad-dritt tal-kompetizzjoni.

374

Għaldaqstant, l-obbligu tal-Kummissjoni li tikseb ċerti dokumenti fuq talba ta’ impriża għandu jkun suġġett, minbarra għall-kundizzjoni ta’ talba f’dan is-sens waqt il-proċedura amministrattiva (ara l-punti 369 u 370 iktar ’il fuq), minn tal-inqas għall-kundizzjonijiet kumulattivi ddefiniti fil-punti 375 sa 382 iktar ’il fuq.

375

Qabelxejn, tali obbligu huwa suġġett għall-kundizzjoni li jkun effettivament impossibbli għall-impriża kkonċernata li tikseb hija stess d-dokumenti inkwistjoni jew li tiżvelahom lill-Kummissjoni. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni għandha l-kontroll tal-investigazzjonijiet tagħha, tali obbligu għandu jiġi llimitat għall-każijiet eċċezzjonali, li fihom l-impriża suġġetta għall-investigazzjoni tkun ikkonfrontata b’ostakolu li hija ma tistax tissupera waħedha, peress li hija jkollha konoxxenza tal-eżistenza ta’ prova li tiskaġunaha, iżda ma tistax tiksibha jew tiżvelaha lill-Kummissjoni.

376

Għaldaqstant, hija l-impriża kkonċernata li għandha tistabbilixxi li hija ħadet il-passi kollha sabiex tikseb id-dokumenti inkwistjoni u/jew sabiex tikseb il-permess li tużahom fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

377

Barra minn hekk, hija għandha tidentifika d-dokumenti li hija titlob lill-Kummissjoni tikseb b’mod kemm jista’ jkun preċiż. Fil-fatt, il-fatt li tistabbilixxi b’mod eċċezzjonali l-obbligu tal-Kummissjoni li tikseb ċerti dokumenti fuq talba tal-impriża suġġetta għal investigazzjoni, jippresupponi kooperazzjoni min-naħa ta’ din l-impriża.

378

Sussegwentement, l-obbligu tal-Kummissjoni li tikseb ċerti dokumenti fuq talba ta’ impriża suġġetta għal investigazzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li d-dokumenti inkwistjoni jkunu probabbilment ta’ importanza kunsiderevoli għad-difiża tal-impriża kkonċernata.

379

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li fil-prinċipju hija l-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi meta l-fajl tagħha jkun suffiċjentement komplut sabiex tadotta d-deċiżjoni finali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Eisen und Metall vs Il-Kummissjoni, punt 363 iktar ’il fuq, punt 32, u Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 363 iktar ’il fuq, punt 110). Is-sempliċi fatt li ċerti dokumenti jistgħu jinkludu provi li jiskaġunaw ma huwiex suffiċjenti sabiex jistabbilixxi obbligu fuq il-Kummissjoni li tiksibhom fuq talba ta’ parti kkonċernata mill-investigazzjoni. Meta l-Kummissjoni tqis li l-istruttorja tal-każ kienet suffiċjenti, hija ma tkunx obbligata tissokta l-investigazzjoni bil-għan li tikseb stampa iktar sħiħa tal-każ. Fil-fatt, fl-investigazzjonijiet li jirrigwardaw ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ikunu jeżistu kwantità kbira ħafna ta’ dokumenti li potenzjalment jistgħu jinkludu provi li jiskaġunaw u dejjem jibqa’ possibbli li jiġu ċċarati ċerti aspetti tal-fajl, iżda r-riżorsi tal-Kummissjoni huma limitati.

380

Il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk l-importanza tal-allegati provi li jiskaġunaw tiġġustifikax li hija tiksibhom u hija tista’, pereżempju, tiċħad talba peress li l-provi li potenzjalment jiskaġunaw ikunu jikkonċernaw kwistjonijiet li ma humiex importanti għall-konstatazzjonijiet neċessarji sabiex jiġi stabbilit ksur.

381

Hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li, fil-konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1994, SEP vs Il-Kummissjoni (C-36/92 P, Ġabra p. I-1911, I-1914, punt 21), l-Avukat Ġenerali Jacobs iddeskriva l-kriterju korrett bħala l-kwistjoni dwar jekk “il-Kummissjoni [tistax] raġonevolment tippreżumi, fil-mument tat-talba, li d-dokument ser jgħin[h]a tiddetermina l-eżistenza tal-ksur allegat”. Fil-fatt, din is-silta tikkonċerna l-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni jkollha d-dritt titlob it-trażmissjoni ta’ dokument u mhux il-kwistjoni differenti ħafna dwar f’liema kundizzjonijiet il-Kummissjoni tkun obbligata tikseb ċerti dokumenti.

382

Fl-aħħar, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tista’ b’mod partikolari tiċħad talba jekk il-volum tad-dokumenti inkwistjoni jkun sproporzjonat meta mqabbel mal-effett li d-dokumenti jista’ jkollhom fil-kuntest tal-investigazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni hija libera li tieħu inkunsiderazzjoni, fejn xieraq, il-fatt li l-kisba u l-analiżi tad-dokumenti inkwistjoni jistgħu jipposponu b’mod sostanzjali l-investigazzjoni tal-każ. Il-Kummissjoni għandha dritt li tilħaq bilanċ bejn il-volum tad-dokumenti mitluba u d-dewmien li l-kisba u l-istudju ta’ dawn id-dokumenti jistgħu jikkaġunaw għall-investigazzjoni tal-każ, minn naħa, u l-livell ta’ rilevanza potenzjali għad-difiża tal-impriża, min-naħa l-oħra.

c) Eżami tal-kundizzjonijiet f’dan il-każ

383

Jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet kumulattivi kif iddefiniti iktar ’il fuq humiex sodisfatti f’dan il-każ għad-dokumenti li ġew prodotti minn AMD fil-kuntest tal-proċedura fl-Istat ta’ Delaware u li ġew identifikati fil-lista msemmija fil-punt 342 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem id-“dokumenti AMD ta’ Delaware”).

1) Fuq l-obbligu ta’ Intel li tadotta l-miżuri kollha bil-għan li tikseb permess li tuża d-dokumenti AMD ta’ Delaware fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni

1.1) Fuq id-deċiżjoni kkontestata u l-argumenti tal-partijiet

384

Fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li kienet eżawrixxiet il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha bil-għan li tipprovdiha b’iktar dokumenti li joriġinaw mill-Istat ta’ Delaware, iżda madankollu setgħet tipprovdiha malajr bid-dokumenti prodotti minn Dell fil-kuntest tal-imsemmija proċedura.

385

Fir-risposta, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti kienet hija stess f’pożizzjoni li tikseb l-awtorizzazzjoni li tuża d-dokumenti AMD ta’ Delaware fil-kuntest tal-proċedura pendenti quddiemha.

386

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li d-digriet kawtelatorju huwa bbażat fuq ftehim ta’ kunfidenzjalità konkluż bejn ir-rikorrenti u AMD u aċċettat mir-rikorrenti fl-interess tagħha stess. Hija tirrileva li, skont id-digriet kawtelatorju, l-informazzjoni kollha prodotta minn AMD u mir-rikorrenti fil-proċedura fl-Istat ta’ Delaware ġiet ikklassifikata a priori bħala kunfidenzjali, iżda bla ħsara għad-dritt tal-partijiet li jiksbu l-kunsens li l-imsemmija dokumenti “jintużaw għal kull fini legali”. Hija tenfasizza li, skont il-punt 16 tad-digriet kawtelatorju, Intel setgħet titlob lil AMD l-awtorizzazzjoni li tiżvela lill-Kummissjoni d-dokumenti li AMD kienet ipproduċiet fil-kuntest tal-proċedura fl-Istat ta’ Delaware, filwaqt li l-qorti Amerikana kienet tassumi r-rwol ta’ arbitru f’każ ta’ rifjut ta’ AMD. Il-Kummissjoni ssostni li, mis-26 ta’ Settembru 2006, jiġifieri mid-data tad-digriet kawtelatorju, ir-rikorrenti kellha għad-dispożizzjoni tagħha mekkaniżmu bil-għan li tikseb l-awtorizzazzjoni li tuża d-dokumenti AMD ta’ Delaware fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva tal-Kummissjoni, izda li r-rikorrenti lanqas biss ipprovat tressaq tali talba.

387

Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, AMD kienet tilqa’ talba ta’ awtorizzazzjoni ta’ Intel għall-finijiet tal-użu tad-dokumenti AMD ta’ Delaware matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, peress li din kienet tagħti l-possibbiltà lil AMD titlob awtorizzazzjoni reċiproka fir-rigward tad-dokumenti ta’ Intel li setgħu jsostnu l-ilment tagħha stess.

388

B’risposta għal dan l-argument, ir-rikorrenti ssostni li huwa eskluż li AMD, l-avversarju tagħha fil-proċedura fl-Istat ta’ Delaware u lanjanti quddiem il-Kummissjoni, kienet tagħti l-kunsens tagħha sabiex tassisti lil Intel fil-proċedura quddiem il-Kummissjoni, filwaqt li l-kawża fl-Istat ta’ Delaware kienet għadha pendenti, u meta talba quddiem il-Qorti Ġenerali ta’ Delaware li titneħħa l-klassifikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti bħala kunfidenzjali ma kellha l-ebda prospett ta’ suċċess. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni legali li teżiġi l-eżawriment tar-rimedji amministrattivi, l-impożizzjoni ta’ tali rekwiżit tkun tillimita b’mod mhux xieraq id-drittijiet tad‑difiża, u f’dan ir-rigward hija tiċċita l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (C-407/08 P, Ġabra p. I-6375, I-6380, punt 38).

389

Barra minn hekk, fil-kuntest tar-risposti għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti sostniet li AMD ma kellha ebda interess fir-reċiproċità qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-fajl tal-Kummissjoni kien jinkludi numbru kbir ta’ dokumenti ta’ Intel, iżda numru żgħir ta’ dokumenti ta’ AMD. Il-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda prova kontemporanja sabiex ssostni l-ipoteżi tagħha li AMD kienet tilqa’ talba mingħand Intel matul l-investigazzjoni, bla ħsara għar-reċiproċità.

1.2) Evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

390

F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li kien impossibbli għaliha li tikseb mingħand AMD awtorizzazzjoni sabiex tuża d-dokumenti AMD ta’ Delaware.

391

Qabelxejn, hemm lok li jiġi enfasizzat li, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali magħmula waqt is-seduta, ir-rikorrenti ammettiet li hija ma kinitx talbet lil AMD tagħtiha tali awtorizzazzjoni.

392

Madankollu, ma kien bl-ebda mod eskluż li AMD kienet tagħtiha tali awtorizzazzjoni, jekk ir-rikorrenti kienet talbitha. Fil-fatt, AMD kienet marbuta bħar-rikorrenti minn digriet kawtelatorju u ma setgħetx tipprovdi lill-Kummissjoni bid-dokumenti ppreżentati minn Intel fil-kuntest tal-proċedura fl-Istat ta’ Delaware meta l-istatus tad-dokumenti bħala kunfidenzjali ma kienx tneħħa. Għaldaqstant, huwa għal kollox possibbli li AMD kienet tawtorizza lir-rikorrenti sabiex tuża d-dokumenti AMD ta’ Delaware bil-kundizzjoni li r-rikorrenti tagħtiha l-awtorizzazzjoni reċiproka li tuża d-dokumenti tal-proċedura fl-Istat ta’ Delaware li joriġinaw minn Intel fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva tal-Kummissjoni.

393

Hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li AMD ma kellhiex interess fir-reċiproċità qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-fajl tal-Kummissjoni kien jinkludi numru kbir ta’ dokumenti ta’ Intel iżda numru żgħir ta’ dokumenti ta’ AMD.

394

F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont il-proposti ta’ Intel, din tal-aħħar kienet ipprovdiet l-ekwivalenti elettroniku ta’ iktar minn 145 miljun paġna fil-kuntest tal-proċedura fl-Istat ta’ Delaware. B’mod ċar, iċ-ċirkustanza li l-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni kien jinkludi “numru kbir” ta’ dokumenti ta’ Intel ma tippermettix li jiġi stabbilit li, fost iktar minn 145 miljun paġna pprovduti minn Intel fil-kuntest tal-proċedura fl-Istat ta’ Delaware, ma kinux jeżistu dokumenti li AMD xtaqet tinvoka bħala provi inkriminanti.

395

Għall-finijiet ta’ kompletezza, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrenti indikat, waqt is-seduta, li, kieku hija talbet lil AMD matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni l‑awtorizzazzjoni sabiex tuża kategorija rilevanti ta’ dokumenti, AMD kienet b’mod kważi inevitabbli tindika li, jekk Intel riedet ċerti dokumenti ta’ AMD, din tal-aħħar kienet tixtieq tipproduċi fil-fajl tal-Kummissjoni numru kbir ta’ dokumenti addizzjonali sabiex issostni l-ilment tagħha. Madankollu, din id-dikjarazzjoni ma hijiex konformi mad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti, fil-kuntest tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet bil-miktub, li AMD ma kellhiex interess fir-reċiproċità qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

396

Ir-rikorrenti ma tistax iktar tallega b’mod utli li l-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda prova kontemporanja sabiex issostni l-ipoteżi tagħha li AMD kienet tilqa’ talba mingħand Intel matul l-investigazzjoni, bil-kundizzjoni tar-reċiproċità. Fil-fatt, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li AMD kienet tagħti l-awtorizzazzjoni lil Intel sabiex tuża d-dokumenti AMD ta’ Delaware, iżda hija r-rikorrenti li għandha tistabbilixxi li hija ma setgħetx tikseb din l-awtorizzazzjoni, minkejja li ħadet il-passi kollha f’dan is-sens.

397

Peress li ma ġiex eskluż li AMD kienet tagħti lir-rikorrenti l-awtorizzazzjoni sabiex tuża d-dokumenti AMD ta’ Delaware, hija din tal-aħħar li kellha titlob tali awtorizzazzjoni. B’mod ċar, l-unika ċirkustanza li AMD setgħet titlob awtorizzazzjoni reċiproka ma tistax teżenta lir-rikorrenti minn dan l-obbligu. Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ fajl mhux komplut. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-fajl tal-Kummissjoni kien ikun iktar komplut li kieku kien jinkludi, minbarra d-dokumenti AMD ta’ Delaware li r-rikorrenti tqis li kienu jiskaġunaw, id-dokumenti pprovduti minn Intel fil-kuntest tal-proċedura fl-Istat ta’ Delaware li AMD kienet tqis bħala provi inkriminanti. Ir-rikorrenti ma tistax, minn naħa, tibbenefika mid-digriet kawtelatorju fis-sens li AMD ma tistax tipprovdi lill-Kummissjoni b’dokumenti potenzjalment inkriminanti fost id-dokumenti ppreżentati minn Intel fil-kuntest tal-proċedura fl-Istat ta’ Delaware u, min-naħa l-oħra, tevita li tbati l-iżvantaġġi ta’ dak id-digriet billi teżiġi mill-Kummissjoni li hija tikseb mingħand AMD il-provi eventwali li jiskaġunaw fost id-dokumenti li AMD kienet ipproduċiet fil-kuntest tal-proċedura fl-Istat ta’ Delaware.

398

Ir-rikorrenti ssostni għal darba oħra li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni legali li teżiġi l-eżawriment tar-rimedji amministrattivi, l-impożizzjoni ta’ tali rekwiżit tkun tillimita b’mod mhux xieraq id-drittijiet tad-difiża, u f’dan ir-rigward hija tiċċita l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fis-sentenza Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, punt 388 iktar ’il fuq (punt 38).

399

Fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-Kummissjoni kienet irrifjutat lir-rikorrenti l-aċċess għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ partijiet oħra fil-proċedura. L-imsemmija rikorrenti sostniet li kien hemm ksur tad-dritt tagħha ta’ aċċess għall-fajl. Il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti ma setgħetx validament issostni ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-fatt li r-rikorrenti f’din il-kawża ma kinitx eżawrixxet ir-rimedji fir-rigward tar-rifjut tal-aċċess mitlub minnha, peress li hija ma kinitx appellat quddiem l-uffiċjal tas-seduta. L-Avukat Ġenerali Mazák ippropona ċ-ċaħda ta’ dan l-argument u kkunsidra li, fl-assenza ta’ kull dispożizzjoni legali li speċifikament timponi fuq il-parti kkonċernata l-obbligu li teżawrixxi r-rimedji kollha li jkunu għad-dispożizzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, l-impożizzjoni ta’ tali kundizzjoni tkun tillimita indebitament id-drittijiet tad-difiża ta’ din il-parti u tkun tipprekludiha minn aċċess sħiħ għall-ġustizzja (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fis-sentenza Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, punt 388 iktar ’il fuq, punt 38).

400

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali Mazák ġiet kontradetta minn ġurisprudenza oħra, jiġifieri s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni (T-44/00, Ġabra p. II-2223, punti 51 sa 53).

401

F’dan il-każ, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar jekk jeħtieġx li jiġi segwit l-argument tal-Avukat Ġenerali Mazák. Fil-fatt, il-fatti li fuqhom hija bbażata l-proċedura inkwistjoni huma differenti minn dawk li hija bbażata fuqhom il-kawża Knauf Gips. F’din l-aħħar kawża, qamet il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kellhiex l-obbligu li teżawrixxi r-rimedji li kienu għad-dispożizzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni fil-konfront ta’ rifjut tal-Kummissjoni li tagħti aċċess għal ċerti dokumenti li hija kellha fil-pussess tagħha, jiġfieri r-risposti ta’ partijiet oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

402

F’dan il-każ, il-kwistjoni li tqum ma hijiex dik tal-eżawriment tar-rimedji kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, iżda dik dwar jekk obbligu eventwali tal-Kummissjoni li tikseb id-dokumenti AMD ta’ Delaware kienx ikkundizzjonat minn sforzi tar-rikorrenti sabiex tikseb hija stess l-awtorizzazzjoni mingħand AMD li tuża dawn id-dokumenti. Dan kien effettivament il-każ peress li l-obbligu tal-Kummissjoni li tikseb ċerti dokumenti fuq talba ta’ impriża suġġetta għal investigazzjoni għandu jkun limitat għal każijiet eċċezzjonali, u huwa neċessarju li l-impriża kkonċernata tkun fl-impossibbiltà li tiżvela hija stess l-imsemmija dokumenti lill-Kummissjoni (ara l-punt 375 iktar ’il fuq).

403

Jeħtieġ li jiġi enfasizzat li din ma hijiex kwistjoni ta’ restrizzjoni ta’ dritt tar-rikorrenti, skont id-drittijiet tagħha tad-difiża, billi jiġi rikjest l-eżawriment tar-rimedji kontra r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti dan id-dritt. Għall-kuntrarju, is-suġġett hawnhekk huwa d-definizzjoni tal-portata tad-dritt eventwali tar-rikorrenti sabiex il-Kummissjoni tipproċedi b’miżuri istruttorji determinati billi tikseb ċerti dokumenti.

404

Peress li ma kienx eskluż li AMD kienet tagħti lil Intel l-awtorizzazzjoni li tipprovdi d-dokumenti AMD ta’ Delaware lill-Kummissjoni, fejn xieraq bil-kundizzjoni ta’ reċiproċità, kienet Intel li kellha tipprova tikseb din l-awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk, talba min-naħa ta’ Intel sabiex titneħħa l-kunfidenzjalità ta’ dawn id-dokumenti quddiem il-qorti ta’ Delaware kellhiex il-prospett li tintlaqa’ favorevolment.

405

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tikseb id-dokumenti AMD ta’ Delaware, peress li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li kien impossibbli għaliha li tikseb min-naħa ta’ AMD l-awtorizzazzjoni li tuża dawn id-dokumenti.

2) Fuq l-importanza tad-dokumenti għad-difiża tar-rikorrenti

406

Mil-lista jirriżulta li d-dokumenti jew il-kategoriji ta’ dokumenti li r-rikorrenti stiednet lill-Kummissjoni tikseb kienu jikkonċernaw il-limitazzjonijiet tal-kapaċità ta’ AMD (punti 1 sa 9 tal-lista), in-nuqqasijiet tagħha fil-proċess ta’ eżekuzzjoni (punti 10 sa 33 u 85 tal-lista), l-istrateġija tal-prezzijiet għoljin fl-Ewropa (punti 34 u 35 tal-lista), il-prestazzjonijiet tekniċi u kummerċjali dgħajfa tagħha u n-nuqqas ta’ kredibbilità tagħha bħala fornitur (punti 36 sa 57, 83 u 84 tal-lista), il-prattiki li jintużaw spiss fl-industrija (punti 58 sa 63 tal-lista), il-fatt li Intel u AMD kienu f’kompetizzjoni (punti 64 sa 82 tal-lista) u data li tikkonċerna t-test AEC (punti 86 u 87 tal-lista).

407

Jeħtieġ li jiġi rrilevat li dokumenti li jikkonċernaw il-limitazzjonijiet tal-kapaċità ta’ AMD, in-nuqqasijiet tagħha fil-proċess ta’ eżekuzzjoni, l-istrateġija tagħha ta’ prezzijiet għoljin u l-prestazzjonijiet tekniċi u kummerċjali dgħajfa tagħha, kif allegati mir-rikorrenti, setgħu jkunu rilevanti sabiex juru li l-klijenti ta’ din tal-aħħar kellhom motivi kummerċjali validi sabiex jixtru l-provvisti tagħhom mingħand Intel pjuttost milli mingħand AMD. Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ tali motivi kummerċjali validi, anki jekk tiġi preżunta, ma hijiex ta’ natura li tippermetti li tikkonfuta l-provi invokati fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tnaqqis għal esklużività u ta’ restrizzjonijiet ovvji (ara l-punti 540 sa 543 u 1096 sa 1101 iktar ’il quddiem). Barra minn hekk, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-prattiki li tagħmel riferiment għalihom id-deċiżjoni kkontestata bħala abbużivi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni la hija obbligata tistabbilixxi l-effetti konkreti ta’ dawn il-prattiki u lanqas rabta kawżali bejn dawn tal-aħħar u d-deċiżjonijiet kummerċjali tal-OEM (ara l-punti 104 u 212 iktar ’il fuq).

408

Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li l-fatt li raġunijiet oħra setgħu jiffavorixxu l-għażla ta’ xiri tal-provvisti b’mod esklużiv jew kważi esklużiv mingħand ir-rikorrenti ma jeskludix li l-prattiki ta’ din tal-aħħar li kienu s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata setgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-klijenti fid-deċiżjoni tagħhom.

409

Isegwi li, fir-rigward tal-kategoriji ta’ dokumenti elenkati fil-punt 407 iktar ’il fuq, il-kundizzjoni li għandu jkun probabbli li d-dokumenti li l-impriża titlob lill-Kummissjoni tikseb ikunu ta’ importanza kunsiderevoli għad-difiża tagħha, ma hijiex sodisfatta.

410

F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li impriża suġġetta għal investigazzjoni tista’ tagħżel hija stess il-mod kif tiddefendi ruħha. Fil-fatt, l-utilità għad-difiża tal-impriża għandha tiġi evalwata b’mod oġġettiv u, jekk ikun b’mod żbaljat li impriża suġġetta għal investigazzjoni tqis li ċerti argumenti huma rilevanti ħafna għad-difiża tagħha, il-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata tikseb dokumenti li, skont din l-impriża, jistgħu jsostnu dawn l-argumenti.

411

Fir-rigward tal-prattiki li jintużaw spiss fl-industrija allegati minn Intel, jeħtieġ li jingħad dan li ġej.

412

Il-punti 58 sa 60 tal-lista jikkonċernaw il-prattiki li jintużaw spiss fl-industrija marbuta ma’ ftehim ta’ sostenn finanzjarju konkluż bejn produtturi ta’ CPU u bejjiegħa bl-imnut ta’ kompjuters. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li dak li huwa allegat fil-konfront ta’ Intel fid-deċiżjoni kkontestata ma huwiex il-fatt li hija kkonkludiet ma’ MSH ftehim ta’ sostenn finanzjarju, iżda l-fatt li l-inċentiv finanzjarju kien suġġett għal kundizzjoni ta’ esklużività. Għaldaqstant, dokumenti li juru li l-ftehim ta’ sostenn finanzjarju jintużaw spiss fl-industrija ma kinux jiskaġunaw lir-rikorrenti. Il-fatt li bejjiegħa bl-imnut oħra setgħu jikkonkludu ftehim ta’ sostenn finanzjarju fl-istess ħin ma’ Intel u AMD ma setax jikkontesta ċ-ċirkustanza li l-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata juru l-eżistenza ta’ kundizzjoni ta’ esklużività fil-ftehim konkluż bejn Intel u MSH (ara l-punt 1487 iktar ’il fuq).

413

Il-punti 61 sa 63 tal-lista kienu jikkonċernaw dokumenti li kienu, skont l-indikazzjoni li tinsab fl-intestatura “Rilevanza tad-dokumenti neqsin għad-[dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2007/dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008]”, rilevanti fir-rigward tat-tattiki agressivi ta’ AMD li kienu “jindikaw atmosfera ta’ kompetizzjoni qalila u li jikkontribwixxu sabiex jiġi ċċarat il-fatt li l-istrateġiji kompetittivi ta’ Intel kienu jikkostitwixxu kompetizzjoni normali fuq il-merti f’suq kummerċjali ferm kompetittiv”. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-fatt li t-tattiki aggressivi setgħu kienu normali fl-industrija tas-CPUs la jista’ jikkontesta l-prova tal-eżistenza ta’ tnaqqis għal esklużività u ta’ restrizzjonijiet ovvji u lanqas il-klassifikazzjoni tagħhom bħala abbużivi. Dan huwa l-każ ukoll fir-rigward tal-eżistenza ta’ “atmosfera kompetittiva”. Dan il-fatt l-iktar l-iktar juri l-assenza ta’ esklużjoni reali. Għall-kuntrarju, huwa la jista’ jikkonfuta l-eżistenza ta’ prattiki kkontestati fid-deċiżjoni kkontestata, u lanqas jikkontesta l-kapaċità tagħhom li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

414

Fir-rigward tal-fatt li Intel affrontat kompetizzjoni (punti 64 sa 82 tal-lista), jeħtieġ li jingħad dan li ġej.

415

Il-punt 64 tal-lista tikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ OEM li ma ġie attribwit l-ebda ksur fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, id-dokumenti li jistgħu juru, skont ir‑rikorrenti, li AMD ma ġietx prekluża milli tikkompeti ma’ Intel inkonnessjoni ma’ dan l-OEM ma setgħux jiskaġunaw lil Intel.

416

Il-punti 65 sa 71 tal-lista jikkonċernaw dokumenti li, skont ir-rikorrenti, kienu jkunu rilevanti sabiex juru li “AMD u Intel kienu qegħdin jikkompetu mill-aħjar li jistgħu għall-kummerċ ma’ Lenovo, fatt li juri l-eżistenza ta’ kompetizzjoni normali fuq il-merti f’suq ferm kompetittiv”. Ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni sabiex tikseb mingħand AMD dokumenti li jikkonċernaw l-offerti li AMD kienet għamlet lil Lenovo u li jikkonċernaw in-negozjati bejn dawn l-impriżi. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-fatt li AMD għamlet offerti lil Lenovo u li hija nnegozjat ma’ din tal-aħħar ma huwiex ta’ natura li jikkontesta la l-prova tal-eżistenza tal-prattiki ta’ Intel fir-rigward ta’ Lenovo li tagħmel riferiment għalih id-deċiżjoni kkontestata, u lanqas il-kapaċità tagħhom li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li Lenovo nnegozjat ma’ AMD la jeskludi l-fatt li Lenovo rċeviet inċentivi finanzjarji suġġetti għall-kundizzjonijiet ta’ posponiment tal-varar tal-prodotti mgħammra b’CPU AMD u li takkwista esklużivament mingħand ir-rikorrenti u lanqas li dawn l-inċentivi kellhom influwenza fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali ta’ Lenovo (ara l-punti 530 u 1089 iktar ’il quddiem).

417

Il-punti 72 sa 82 tal-lista li tikkonċerna dokumenti li, skont ir-rikorrenti, kienu jkunu rilevanti sabiex juru li “AMD u Intel kienu qegħdin jikkompetu għall-kummerċ ma’ MSH u AMD kellha opportunità ugwali li tibbenefika minn kundizzjonijiet ekwivalenti sabiex tikkompeti bil-għan li tikseb dak is-suq jekk hija riedet tagħmel dan”. Ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni tikseb mingħand AMD dokumenti li jikkonċernaw l-offerti ta’ AMD lill-kumpannija Ġermaniża Media Markt tal-2002 u l-2004, relatati mal-interess ta’ MSH fix-xiri ta’ prodotti mgħammra b’CPUs AMD u mal-offerti korrispondenti ta’ AMD, kif ukoll dokumenti relatati mal-offerti ta’ AMD lil bejjiegħa bl-imnut oħra. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanza li AMD għamlet ukoll offerti lil Media Markt u ċ-ċirkustanza li MSH ikkunsidrat il-possibbiltà li tixtri prodotti mgħammra b’CPUs AMD la tikkontesta l-prova dwar l-eżistenza ta’ prattiki ta’ Intel li jikkonċernaw lil MSH li tagħmel riferiment għalihom id-deċiżjoni kkontestata, u lanqas il-kapaċità tagħhom li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li AMD għamlet offerti lil Media Markt u li MSH ikkunsidrat il-possibbiltà li tixtri prodotti mgħammra b’CPUs AMD la jeskludi li MSH irċeviet inċentivi finanzjarji suġġetti għall-kundizzjoni li hija tbigħ esklużivament prodotti mgħammra b’CPUs Intel u lanqas li dawn l-inċentivi kellhom influwenza fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali ta’ MSH (ara l-punti 530 u 1089 iktar ’il quddiem). L-offerti magħmula minn AMD lil bejjiegħa bl-imnut oħra ma jistgħux jikkonfutaw il-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata għar-raġunijiet esposti fil-punt 412 iktar ’il fuq.

418

Fir-rigward tad-data li tikkonċerna t-test AEC (punti 86 u 87 tal-lista), huwa suffiċjenti li titfakkar l-assenza ta’ rilevanza tat-test AEC f’dan il-każ (ara l-punti 142 sa 166 iktar ’il fuq).

419

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ebda dokument jew kategorija ta’ dokumenti indikati fil-lista ma kienu ta’ tali importanza għad-difiża tar-rikorrenti b’mod li l-Kummissjoni kellha tkun obbligata tiksibhom.

420

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq id-dokumenti l-ġodda li hija pproduċiet, wara s-soluzzjoni tal-kawża fl-Istat ta’ Delaware bejnha u AMD, fl-anness tar-replika u li hija tiċċita fil-punti 298 sa 304 ta’ din tal-aħħar, liema dokumenti, skont ir-rikorrenti, jiskaġunawha. Madankollu, dawn id-dokumenti ma jistgħux jikkontestaw ir-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tagħhom, li hija kkontestata mill-Kummissjoni.

421

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-kriterju ta’ evalwazzjoni ma huwiex il-kwistjoni dwar jekk ċerti dokumenti AMD ta’ Delaware kinux jiskaġunaw, peress li l-mistoqisja li tqum f’dan il-każ ma tikkonċernax rifjut li jingħata aċċess għall-fajl, iżda l-obbligu tal-Kummissjoni li tmexxi l-istruttorja b’mod diliġenti u imparzjali. L-eżistenza ta’ obbligu tal-Kummissjoni li tikseb ċerti dokumenti għandu jiġi eżaminat skont kundizzjonijiet iddefiniti fil-punti 374 sa 382 iktar ’il fuq, b’mod partikolari skont il-kundizzjoni li għandu jkun probabbli, waqt il-proċedura amministrattiva, li d-dokumenti inkwistjoni kienu ta’ importanza kunsiderevoli għad-difiża tal-impriża kkonċernata.

422

Għall-finijiet ta’ kompletezza, jeħtieġ li jiġi rrilevat dan li ġej fir-rigward tal-kontenut ta’ dawn id-dokumenti.

423

Ir-rikorrenti ssostni li minn dawn id-dokumenti jirriżulta, b’mod partikolari, li AMD ma kellhiex suċċess ma’ Dell, peress li din tal-aħħar kienet mħassba dwar il-fatt li AMD ma kinitx żammet il-wegħdiet tagħha fil-qasam tal-prestazzjoni, li AMD irrikonoxxiet li Dell kellha raġunijiet kummerċjali validi sabiex ma tixtrix il-provvista tagħha mingħandha u li Dell kompliet issegwi relazzjonijiet ma’ AMD. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li ċ-ċirkustanza li Dell setgħet kellha wkoll raġunijiet oħra sabiex ma tixtrix il-provvisti tagħha mingħand AMD la teskludi l-prova tal-eżistenza tat-tnaqqis għal esklużività u lanqas il-kapaċità tagħhom li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (ara l-punti 540 sa 546 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, il-fatt li Dell segwiet relazzjonijiet ma’ AMD u evalwat b’mod kostanti l-possibbilità li tixtri l-provvisti tagħha mingħand din tal-aħħar ma jikkontestax l-eżistenza ta’ tnaqqis għal esklużività (ara l-punt 530 iktar ’il fuq).

424

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li minn wieħed mid-dokumenti inkwistjoni jirriżulta li l-[kunfidenzjali] ta’ HP indika lil AMD li “l-fallimenti [ta’ AMD ma’ HP] ma kinux jikkonċernaw lil Intel”. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni pprovat l-eżistenza ta’ tnaqqis għal esklużività u ta’ restrizzjonijiet ovvji sal-grad rikjest mil-liġi, kif jirriżulta mill-punti 673 sa 873 iktar ’il quiddiem. Id-dokument iċċitat minn Intel jista’ juri biss iċ-ċirkustanza li HP innegat, waqt laqgħa ma’ AMD, li l-fallimenti ta’ AMD ma’ HP kellhom rabta mal-aġir ta’ Intel. Din iċ-ċirkustanza ma tistax tikkontesta l-provi li juru b’mod ċar l-eżistenza ta’ tnaqqis għal esklużività u ta’ restrizzjonijiet ovvji. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li HP kellha interess li ma tiżvelax lil AMD il-kundizzjonijiet mhux miktuba tal-ftehim bejnha u Intel.

425

Bl-istess mod, ir-riflessjonijiet interni ta’ AMD dwar ir-raġunijiet għall-fallimenti tagħha kif ukoll l-ittri interni ta’ AMD dwar il-kwalità tal-prodotti tagħha u r-reputazzjoni tagħha ma jistgħux jikkontestaw l-eżistenza ta’ tnaqqis għal esklużività u ta’ restrizzjonijiet ovvji. L-iktar l-iktar dawn jistgħu juru ċ-ċirkustanza li l-klijenti seta’ kellhom raġunijiet oħra sabiex jixtru l-provvisti tagħhom mingħand Intel.

3) Fuq il-proporzjonalità tat-talba

426

Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-maġġoranza tal-punti fil-lista ma jikkonċernawx dokumenti preċiżi, iżda kategoriji ta’ dokumenti.

427

Il-Kummissjoni tenfasizza ġustament li, kieku hija laqgħet it-talbiet kollha tar-rikorrenti u talbet lil AMD tipproduċi l-kategoriji kollha ta’ dokumenti elenkati fil-lista, AMD kienet tkun tista’ tipproduċi kwantità enormi ta’ dokumenti. Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont id-dikjrazzjonijiet tar-rikorrenti stess, AMD ipproduċiet madwar 45 miljun paġna ta’ provi fil-kuntest tal-proċedura fl-Istat ta’ Delaware. Kieku l-Kummissjoni talbitha, pereżempju, li tipproduċi “id-dokumenti kollha ta’ AMD relatati mal-limitazzjonijiet tal-kapaċità ta’ AMD” (punti 1 sa 3 tal-lista), AMD setgħet tipproduċi kwantità potenzjalment enormi ta’ dokumenti lill-Kummissjoni. Dan jgħodd ukoll fir-rigward, pereżempju, tad-“dokumenti kollha ta’ AMD inkonnessjoni mal-previżjonijiet tal-bejgħ u ċ-ċifri tal-bejgħ ta’ AMD” (punti 6 sa 9 tal-lista), “id-dokumenti kollha ta’ AMD inkonnessjoni man-nuqqasijiet tagħha fil-qasam tal-kunsinna u tad-disinn” (punti 10 sa 12, 16 sa 24, 33 u 52 sa 56 tal-lista), “id-dokumenti kollha ta’ AMD inkonnessjoni mal-prestazzjonijiet tagħha u l-perċezzjoni tal-klijenti tagħha fil-qasam tal-intrapriża” (punti 13, 37 sa 43 u 57 tal-lista) jew “fil-qasam mobbli” (punti 48 sa 49 u 51 tal-lista).

428

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni setgħet tiġi posposta b’mod kunsiderevoli li kieku hija talbet il-produzzjoni tad-dokumenti kollha inklużi fil-kategoriji l-kbar, studjat id-dokumenti prodotti, tat aċċess għalihom lir-rikorrenti u ġabret l-osservazzjonijiet ta’ din tal-aħħar dwarhom.

429

Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra validament li t-talba ta’ Intel, meħuda fl-intier tagħha, kienet sproporzjonata meta mqabbla mal-valur miżjud potenzjali li dawn id-dokumenti setgħu jagħtu lil dawk li kienu diġà fil-pussess tagħha.

430

Il-Kummissjoni setgħet ukoll tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-proċedura kienet tinsab fi stadju avvanzat fil-mument li fih ir-rikorrenti talbitha tikseb dokumenti addizzjonali u li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata setgħet tiġi posposta b’mod kunsiderevoli li kieku hija laqgħet it-talba tar-rikorrenti.

431

Kif enfasizzat il-Kummissjoni, l-argument tar-rikorrenti jwassal sabiex tkun l-impriża li tkun suġġetta għall-investigazzjoni minflok il-Kummissjoni, li tingħata setgħa diskrezzjonali fuq il-mod kif għandhom jintużaw ir-riżorsi sabiex tiġi żgurata applikazzjoni effikaċi tad-dritt tal-kompetizzjoni.

432

Fl-aħħar, hemm lok li jitfakkar li, permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Mejju 2008, wara l-pubblikazzjoni online tan-noti preparatorji mfassla mir-rikorrenti u AMD fil-kuntest tal-proċedura tal-Istat ta’ Delaware, il-Kummissjoni talbet kemm lir-rikorrenti kif ukoll lil AMD sabiex jagħtuha d-dokumenti kollha li huma kienu pproduċew jew irċevew u li kienu ċċitati fin-noti preparatorji rispettivi tagħhom (ara l-punt 340 iktar ’il fuq).

433

Kif tenfasizza l-Kummissjoni, digriet tal-qorti ta’ Delaware tat-28 ta’ Marzu 2008 kien jindika li dawn in-noti preparatorji kellhom jinkludu għaż-żewġ partijiet “l-elementi prinċipali ta’ fatt insostenn ta’ kull wieħed mill-elementi tal-allegazzjonijiet tagħhom jew tad-difiża tagħhom”.

434

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha dritt tqis li hija kienet kisbet il-provi li l-partijiet kienu jikkunsidraw bħala l-iktar rilevanti, kemm inkriminanti kif ukoll li jiskaġunaw. Il-Kummissjoni setgħet tqis li hija kienet għamlet dak li kien neċessarju sabiex tikseb viżjoni suffiċjentement kompluta tal-każ billi talbet lil Intel u lil AMD sabiex jipproduċu d-dokumenti li kienu ċċitati fin-noti preparatorji rispettivi tagħhom.

435

F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jitfakkar li l-kwistjoni li tqum f’dan il-każ hija dik tal-osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha li tipproċessa l-fajl b’diliġenza u imparzjalità (ara l-punt 358 iktar ’il fuq). Peress li l-Kummissjoni talbet id-dokumenti kollha ċċitati mir-rikorrenti u minn AMD fin-noti preparatorji rispettivi tagħhom, ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni mexxiet investigazzjoni parzjali.

d) Konklużjoni fuq dan l-ilment

436

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ilment marbut mar-rifjut tal-Kummissjoni li tikseb ċerti dokumenti ta’ AMD għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, ir-rikorrenti kellha tipprova tikseb l-awtorizzazzjoni ta’ AMD sabiex tiżvela lill-Kummissjoni d-dokumenti AMD ta’ Delaware. Il-fatt li r-rikorrenti ma għamlitx dan huwa suffiċjenti sabiex jiġi miċħud dan l-ilment, peress li l-kundizzjonijiet iddefiniti fil-punti 374 sa 382 iktar ’il fuq huma kumulattivi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tikseb id-dokumenti AMD ta’ Delaware, peress li ma kienx probabbli li dawn kienu ta’ importanza kunsiderevoli għad-difiża tar-rikorrenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra validament li t-talba ta’ Intel, meħuda fl-intier tagħha, kienet sproporzjonata meta mqabbla mal-valur miżjud potenzjali li d-dokumenti setgħu jipproduċu inkonnessjoni ma’ dawk li kienu diġà fil-pussess tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti setgħetx tidentifika b’mod iktar preċiż id-dokumenti li hija talbet lill-Kummissjoni tikseb.

D – Żbalji ta’ evalwazzjoni li jikkonċernaw il-prattiki fir-rigward ta’ diversi OEM u ta’ MSH

1. Dell

[omissis]

a) Evalwazzjoni tal-provi prodotti fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ komunikazzjoni ta’ Intel lil Dell li tindika li l-livell ta’ tnaqqis MCP kien suġġett għal kundizzjoni ta’ esklużività

[omissis]

3) Fuq l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti

[omissis]

3.2) Fuq l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq previżjonijiet interni ta’ klijent sabiex tistabbilixxi ksur abbażi tal-Artikolu 82 KE

519

Ir-rikorrenti, sostnuta mill-ACT, issostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’mod żbaljat ibbażat ruħha fuq previżjonijiet interni ta’ Dell. Skont ir-rikorrenti, id-dikjarazzjoni li Dell kienet konvinta li l-livell ta’ tnaqqis MCP kien ibbażat fuq l-istatus tagħha ta’ bejjiegħ esklużiv ta’ Intel hija legalment nieqsa minn kull rilevanza skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Ir-responsabbiltà tal-impriża f’pożizzjoni dominanti ma tistax tiġi bbażata fuq dak li jaħsbu l-klijenti tagħha. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat f’dan ir-rigward, essenzjalment, li huwa impossibbli li tinsilet l-eżistenza ta’ aġir tar-rikorrenti abbażi ta’ previżjonijiet interni ta’ klijent, peress li dawn il-previżjonijiet jistgħu jkunu irraġonevoli.

520

L-ACT sostniet, matul is-seduta, li l-fatt li l-Kummissjoni bbażat it-teorija tagħha tal-eżistenza ta’ abbuż fuq stimi interni ta’ Dell huwa kkonfermat mill-fatt li l-aġir tar-rikorrenti la nbidel fil-bidu tal-perijodu ta’ ksur ikkontestat fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fit-tmiem ta’ dan tal-aħħar. Skont l-ACT, il-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq il-bidu u t-tmiem tal-eżistenza ta’ spekulazzjonijiet interni fi ħdan Dell fuq il-konsegwenzi ta’ deċiżjoni ta’ xiri tal-provvisti parzjalment mingħand AMD bil-għan li tiddetermina l-bidu u t-tmiem tal-perijodu ta’ ksur. Meta ġiet interrogata fuq l-argument tagħha mill-Qorti Ġenerali, l-ACT ippreċiżat li hija ma kinitx qiegħda ssostni t-tnaqqis tat-tul tal-ksur kif stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata, iżda biss li t-teorija tal-eżistenza ta’ abbuż elaborat mill-Kummissjoni kien ibbażat fuq spekulazzjonijiet interni ta’ Dell.

521

Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, fl-assenza ta’ kundizzjoni formali ta’ esklużività, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq previżjonijiet interni ta’ Dell sabiex tistabbilixxi li r-rikorrenti de facto indikat lil Dell matul il-perijodu kkontestat li l-livell ta’ tnaqqis MCP kien suġġett għal tali kundizzjoni. Dan l-approċċ, li permezz tiegħu il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni aspettattivi ta’ klijent tar-rikorrenti unikament bil-għan li tistabbilixxi l-prova tal-aġir stess tar-rikorrenti, ma jistax jiġi kkritikat.

522

Huwa veru li, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Deutsche Telekom, punt 98 iktar ’il fuq (punti 198 u 202), u fis-sentenza TeliaSonera, punt 88 iktar ’il fuq (punti 41 u 44), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, bil-għan li tiġi evalwata l-legalità tal-politika tal-prezzijiet applikata minn impriża dominanti, jeħtieġ, fil-prinċipju, li jsir riferiment għal kriterji tal-prezz ibbażati fuq l-ispejjeż sostnuti mill-impriża dominanti stess u li tali approċċ huwa iktar u iktar iġġustifikat billi huwa wkoll konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż tal-impriża dominanti jippermetti lil din tal-aħħar tevalwa l-legalità tal-aġir tagħha stess.

523

Madankollu, din il-ġurisprudenza, li tillimita l-kriterji legali li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ politika tal-prezz, ma tipprekludix lill-Kummissjoni milli tibbaża ruħha, fuq il-livell fattwali, fuq stennijiet interni ta’ klijent bil-għan li tistabbilixxi l-prova tal-aġir stess tal-impriża f’pożizzjoni dominanti. F’dan il-każ, il-konstatazzjoni legali tal-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti hija bbażata fuq iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti applikat sistema ta’ tnaqqis li l-livell tiegħu kien de facto suġġett għal kundizzjoni ta’ esklużività. Għaldaqstant, din il-konstatazzjoni hija bbażata esklużivament fuq aġir stess tar-rikorrenti li din tal-aħħar kellu jkollha konoxxenza tiegħu. Għall-kuntrarju, dan ma huwiex ibbażat fuq previżjonijiet interni ta’ Dell, li l-Kummissjoni nqdiet bihom unikament sabiex tistabbilixxi l-prova fattwali tal-prattika kkontestata.

524

Għall-istess raġunijiet, hemm lok li jiġi injorat l-argument tal-ACT li l-Kummissjoni bbażat ruħha unikament fuq il-bidu u t-tmiem tal-eżistenza ta’ spekulazzjonijiet interni fi ħdan Dell fuq il-konsegwenzi ta’ deċiżjoni ta’ xiri ta’ provvisti parzjalment mingħand AMD bil-għan li tistabbilixxi l-bidu u t-tmiem tal-perijodu tal-ksur. Fil-fatt, peress li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkontestat l-aġir tar-rikorrenti stess, xejn ma jipprekludiha milli tibbaża ruħha fuq previżjonijiet interni ta’ Dell bil-għan li tistabbilixxi l-bidu u t-tmiem ta’ dan l-aġir.

525

Fl-aħħar, jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li huwa impossibbli li tinsilet l-eżistenza ta’ aġir stess tar-rikorrenti abbażi tal-previżjonijiet interni ta’ klijent, peress li dawn il-previżjonijiet jistgħu jkunu irraġonevoli. Huwa minnu li, fil-prinċipju, huwa possibbli li r-rikorrenti tikkonfuta l-prova prodotta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata billi turi li l-previżjonijiet interni ta’ Dell, li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kkonkludiet l-implementazzjoni ta’ tnaqqis għal esklużività mir-rikorrenti, kienu irraġonevoli u li għaldaqstant ma ġewx ikkawżati permezz tal-aġir tar-rikorrenti. Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma wrietx dan il-fatt. Għall-kuntrarju, il-fatt li l-previżjonijiet interni ta’ Dell jikkoinċidu mal-kontenut tad-dokumenti interni ta’ Intel u ma’ dak tal-ittra tas-7 ta’ Diċembru 2004 (ara l-punti 505 sa 515 iktar ’il fuq) jikkonferma li dawn il-previżjonijiet ma kinux irraġonevoli, iżda kienu preċiżament ibbażati fuq dak li ġie indikat lil Dell mir-rikorrenti.

3.3) Fuq l-argument li l-Kummissjoni kellha tistabbilixxi li t-tnaqqis MCP kien effettivament jitnaqqas b’mod sproporzjonat f’każ ta’ deċiżjoni ta’ Dell li tixtri l-provvisti parzjalment mingħand AMD

526

Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, astjeniet milli tistabbilixxi li t-tnaqqis MCP kien effettivament jitnaqqas b’mod sproporzjonat f’każ ta’ deċiżjoni ta’ Dell li tixtri l-provvisti tagħha parzjalment mingħand AMD. B’mod partikolari, id-dokumenti interni ta’ Dell ma kinux jieħdu inkunsiderazzjoni modifiki effettivament imwettqa fir-rigward tat-tnaqqis ta’ Dell. Huma jinkludu pjuttost ipoteżijiet dwar l-eventwalità li Dell tixtri l-provvisti tagħha mingħand AMD.

527

Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-kapaċità antikompetittiva ta’ tnaqqis għal esklużività hija bbażata fuq il-fatt li dan jista’ jinċentiva klijent sabiex jagħżel provvista esklużiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq, punt 90, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja British Airways, punt 74 iktar ’il fuq, punt 62). Madankollu, l-eżistenza ta’ tali inċentiv ma tiddependix fuq il-kwistjoni dwar jekk it-tnaqqis huwiex effettivament imnaqqas jew annullat f’każ ta’ ksur tal-kundizzjoni ta’ esklużività li huwa suġġett għalih l-għoti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali Tomra, punt 72 iktar ’il fuq, punt 300). Fil-fatt, f’dan ir-rigward huwa suffiċjenti li l-impriża dominanti tagħti l-impressjoni lill-klijent li dan ikun il-każ. Dak li huwa importanti, huma ċ-ċirkustanzi li l-klijent għandu jistenna fil-mument li huwa jagħmel l-ordnijiet tiegħu, b’mod konformi ma’ dak li jkun ġie indikat lilu mill-impriża f’pożizzjoni dominanti, u mhux ir-reazzjoni effettiva ta’ din tal-aħħar għad-deċiżjoni tal-klijent li jbiddel is-sors tal-provvista tiegħu.

[omissis]

3.6) Fuq l-argument ibbażat fuq il-fatt li Dell xtrat il-provvisti tagħha esklużivament mingħand ir-rikorrenti għal raġunijiet perfettament indipendenti minn kull biża’ ta’ tnaqqis sproporzjonat tal-iskontijiet f’każ ta’ provvista mingħand AMD

539

Ir-rikorrenti ssosnti li Dell xtrat il-provvisti tagħha esklużivament mingħandha għal raġunijiet perfettament indipendenti minn kull biża’ ta’ tnaqqis sproporzjonat tat-tnaqqis f’każ ta’ provvista mingħand AMD. Fl-ewwel lok, Dell għażlet li tixtri CPUs esklużivament mingħand Intel minħabba l-mudell kummerċjali tagħha bi spejjeż baxxi u minħabba l-ispiża iżgħar ta’ provvista esklużiva mingħand Intel. Fit-tieni lok, Dell qieset li s-CPUs Intel kienu, b’mod ġenerali, ta’ kwalità superjuri meta mqabbla ma’ CPUs AMD u li Intel kellha kapaċitajiet superjuri bħala fornitur. Fit-tielet lok, Dell kienet inkwetata dwar in-“natura sostenibbli tal-pjan direzzjonali [ta’ AMD] u dwar is-saħħa tal-ekosistema ta’ chipsets [ta’ AMD]”. Fir-raba’ lok, Dell kellha dubji dwar l-affidabbiltà ta’ AMD bħala fornitur. Fil-ħames lok, Dell ikkonkludiet li l-provvista mingħand AMD kienet twassal għal problemi kbar ta’ loġistika. Fis-sitt lok, Dell żviluppat tħassib dwar l-inkapaċità ta’ AMD li tissodisfa l-eżiġenzi tagħha ta’ volumi kbar.

540

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-argumenti tar-rikorrenti huma ineffettivi sa fejn dawn huma intiżi li jikkonfutaw il-prova li r-rikorrenti indikat lil Dell li l-livell ta’ tnaqqis MCP kien suġġett għall-kundizzjoni ta’ esklużività.

541

Fil-fatt, permezz tal-agumenti tagħha, ir-rikorrenti pprovat tispjega l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ esklużività bejnha u Dell waqt il-perijodu kkontestat billi tinvoka raġunijiet oħra minbarra l-għoti ta’ tnaqqis għal esklużività. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkonkudietx l-eżistenza ta’ tnaqqis għal esklużività sempliċiment abbażi tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ esklużività bejn ir-rikorrenti u Dell, b’tali mod li, sabiex tikkonfuta din il-prova, ir-rikorrenti setgħet sempliċement tipprovdi spjegazzjoni alternattiva. Għall-kuntrarju, billi bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq dokumenti interni ta’ Intel u ta’ Dell kif ukoll fuq ir-risposta ta’ Dell abbażi tal-Artikolu 18 u fuq l-ittra tas-7 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni stabbilixxiet permezz ta’ provi preċiżi u konkordanti li r-rikorrenti indikat lil Dell li l-livell ta’ tnaqqis MCP kien suġġett għal kundizzjoni ta’ provvista esklużiva (ara l-punti 446 sa 515 iktar ’il fuq). Madankollu, l-argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw l-allegati raġunijiet indipendenti ta’ Dell għall-provvista esklużiva tagħha ma jikkonċernawx direttament il-provi prodotti fid-deċiżjoni kkontestata. Dawn sempliċement jikkontestawhom b’mod indirett billi joffru spjegazzjoni alternattiva dwar l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ esklużività bejn ir-rikorrenti u Dell waqt il-perijodu kkontestat. Tali kontestazzjoni indiretta ma tista’ bl-ebda mod tkun suffiċjenti sabiex tikkonfuta l-valur probatorju tal-provi prodotti fid-deċiżjoni kkontestata.

542

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi li, bħala prinċipju, huma suffiċjenti sabiex juru li jeżisti ksur, ma huwiex biżżejjed li l-impriża kkonċernata ssemmi l-possibbiltà li seħħ fatt li jista’ jaffettwa l-valur probatorju tal-imsemmija provi sabiex il-Kummissjoni jkollha l-oneru li tipprova li dan il-fatt ma setax jaffettwa l-valur probatorju tal-provi. Għall-kuntrarju, bl-eċċezzjoni tal-każ fejn tali prova ma tistax tiġi prodotta mill-impriża kkonċernata minħabba l-aġir tal-Kummissjoni stess, hija l-impriża kkonċernata li għandha tistabbilixxi sal-grad rikjest mil-liġi, minn naħa, l-eżistenza taċ-ċirkustanza li hija tinvoka u, min-naħa l-oħra, li din iċ-ċirkustanza tpoġġi fid-dubju l-valur probatorju tal-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni (sentenza E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar ’il fuq, punt 56).

543

Għandu jiġi kkonstatat li meta tipprovdi spjegazzjoni alternattiva dwar l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ esklużività bejn ir-rikorrenti u Dell, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li l-livell tat-tnaqqis MCP kien suġġett għall-kundizzjoni ta’ esklużività. Anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti jirnexxiela tipprova li Dell xtrat il-provvisti tagħha mingħandha unikament għar-raġunijiet invokati mir-rikorrenti, din iċ-ċirkustanza ma tikkontestax il-valur probatorju tal-provi li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni bil-għan li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tnaqqis għal esklużività. Fil-fatt, il-prova prevista mir-rikorrenti tippermetti biss iċ-ċaħda tar-rabta kawżali bejn it-tnaqqis għal esklużività, li l-eżistenza tiegħu ġiet ipprovata sal-grad rikjest mil-liġi fid-deċiżjoni kkontestata, u d-deċiżjoni ta’ Dell li tixtri l-provvisti tagħha esklużivament mingħand ir-rikorrenti. Madankollu, hija ma tippermettix iċ-ċaħda tal-eżistenza ta’ tnaqqis għal esklużività bħala tali.

544

Isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti huma ineffettivi sa fejn dawn huma intiżi li jikkonfutaw il-prova li r-rikorrenti indikat lil Dell li l-livell ta’ tnaqqis MCP kien suġġett għall-kundizzjoni ta’ esklużività.

545

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti huma wkoll ineffettivi sa fejn huma intiżi li jikkontestaw il-klassifikazzjoni legali tal-prattiki abbużivi marbuta mat-tnaqqis għal esklużività. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-klassifikazzjoni ta’ tnaqqis għal esklużività bħala abbużiv la tirrikjedi prova ta’ effett konkret fuq is-suq u lanqas ta’ rabta kawżali (ara l-punti 103 u 104 iktar ’il fuq). Tali tnaqqis huwa illegali minħabba l-kapaċità tiegħu li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti rnexxielha tiċħad l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-għoti ta’ tnaqqis għal esklużività u d-deċiżjoni ta’ Dell li tixtri l-provvisti tagħha esklużivament mingħandha, dan ma jikkontestax il-kapaċità inerenti tat-tnaqqis MCP li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Fil-fatt, kull vantaġġ finanzjarju li l-għoti tiegħu huwa suġġett għal kundizzjoni ta’ esklużività huwa neċessarjament kapaċi jinċentiva l-klijent għal provvista esklużiva, mingħajr ma jkun rilevanti jekk il-klijent kienx jixtri l-provvisti tiegħu esklużivament mingħand l-impriża dominanti anki fin-nuqqas ta’ tnaqqis għal esklużività.

546

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw l-eżistenza ta’ raġunijiet oħra li abbażi tagħhom Dell xtrat il-provvisti tagħha esklużivament mingħandha matul il-perijodu kkontestat fid-deċiżjoni kkontestata huma ineffettivi. Dawn la huma kapaċi jikkonfutaw il-prova dwar l-eżistenza ta’ tnaqqis għal esklużività u lanqas il-klassifikazzjoni tagħha bħala abbużiva. Konsegwentement, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda mingħajr il-bżonn li tiġi eżaminata l-fondatezza u li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti stabbilixxietx sal-grad rikjest mil-liġi li Dell xtrat il-provvisti tagħha esklużivament mingħand ir-rikorrenti sempliċiment għal raġunijiet differenti mill-eżistenza ta’ tnaqqis għal esklużività.

[omissis]

b) Laqgħa ma’ M. D1 ta’ Dell

1) L-argumenti tal-partijiet u l-proċedura

601

Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha billi naqset milli tieħu l-minuti tal-laqgħa li saret fit-23 ta’ Awwissu 2006 bejn il-membri tad-dipartimenti tal-Kummissjoni u [kunfidenzjali], M. D1. Il-Kummissjoni ammettiet li din il-laqgħa ġiet organizzata biss wara li r-rikorrenti wrietha l-eżistenza tal-lista indikattiva tas-suġġetti, filwaqt li ċaħdet il-fatt li kien ġie stabbilit rapport. Ftit xhur wara, l-uffiċjal tas-seduta ammetta l-eżistenza tan-nota interna, filwaqt li ddikjara li dan kien dokument intern li għalih ir-rikorrenti ma kellhiex dritt ta’ aċċess. Finalment, fid-19 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni bagħtet “bħala korteżija” lil Intel, kopja tan-nota interna li minnha ġew esklużi diversi partijiet.

602

Skont ir-rikorrenti, kemm mil-lista indikattiva tas-suġġetti kif ukoll min-nota interna jirriżulta li l-laqgħa bejn il-Kummissjoni u M. D1 kienet tittratta kwistjonijiet prinċipali li jikkonċernaw lil Dell. Probabbilment M. D1 pprovda elementi li jistgħu jiskaġunaw lil Intel.

[omissis]

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

[omissis]

2.1) Dwar l-eżistenza ta’ irregolarità proċedurali

612

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni vvizzjatx il-proċedura amministrattiva b’irregolarità, hemm lok li jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata torganizza laqgħa ma’ M. D1 bħala intervista formali fis-sens ta’ dawn l-aħħar imsemmija dispożizzjonijiet.

613

L-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ tintervista kull persuna fiżika jew ġuridika li taċċetta li tiġi intervistata għall-finijiet tal-ġabra ta’ informazzjoni marbuta mas-suġġett tal-investigazzjoni. L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 jissuġġetta l-intervisti bbażati fuq din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni għall-osservanza ta’ ċerti formalitajiet. Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 773/2004, il-Kummissjoni għandha tindika, fil-bidu tal-intervista, fuq liema bażi legali din tkun ibbażata kif ukoll l-għan tagħha u għandha tfakkar in-natura volontarja tagħha. Hija għandha wkoll tgħarraf lill-persuna intervistata bl-intenzjoni tagħha li tirreġistra l-intervista. Skont il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, il-Kummissjoni tista’ tirreġistra d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-persuna intervistata bi kwalunkwe mod. Kopja ta’ kull reġistrazzjoni għandha titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-persuna intervistata għall-approvazzjoni. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi terminu li fih il-persuna intervistata tista’ tikkomunikalha kull korrezzjoni li għandha ssir lid-dikjarazzjoni.

614

Madankollu, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, ma jkoprix l-intervisti kollha marbuta mas-suġġett ta’ investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni. Fil-fatt, hemm lok li ssir distinzjoni bejn intervisti formali mwettqa mill-Kummissjoni skont l-imsemmija dispożizzjonijiet u l-intervisti informali. Il-bżonnijiet prattiċi tal-funzjonament tajjeb tal-amministrazzjoni kif ukoll l-interess fi protezzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni jiġġustifikaw li l-Kummissjoni jkollha l-possibbiltà li twettaq intervisti li ma humiex suġġetti għall-formalitajiet previsti mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004. Kemm raġunijiet ta’ ekonomija tal-proċedura kif ukoll l-effetti potenzjali disważivi li jista’ jkollha intervista formali fuq l-inklinazzjoni ta’ xhud li jipprovdi informazzjoni jipprekludu l-eżistenza ta’ obbligu ġenerali tal-Kummissjoni li tissuġġetta kull intervista għall-formalitajiet previsti mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004. Jekk il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni tuża, fid-deċiżjoni tagħha, prova inkriminanti li tkun ġiet trażmessa lilha waqt intervista informali, hija għandha tagħmilha aċċessibbli għall-impriżi destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fejn xieraq, billi tipproduċi għal dan l-għan dokument bil-miktub maħsub li jiġi inkluż fil-fajl tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, punt 359 iktar ’il fuq, punt 352, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T-38/02, Ġabra p. II-4407,punt 67). Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tagħmel użu mill-informazzjoni miksuba waqt intervista informali, b’mod partikolari sabiex tikseb provi iktar konkreti, filwaqt li ma tirrendix l-informazzjoni miksuba waqt intervista informali aċċessibbli għall-impriża inkwistjoni.

615

Mill-kliem tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003, jirriżulta li l-Kummissjoni “tista’ tintervista” kull persuna “għall-għan li [tinġabar] informazzjoni relata mas-suġġett ta’ l-investigazzjoni”, li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tiddeċiedi jekk hija tissuġġettax intervista għar-rekwiżiti formali tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004. Din l-interpretazzjoni tal-kliem hija kkonfermata mill-għan tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004. Mill-obbligu tal-Kummissjoni li tirrendi kull reġistrazzjoni disponibbli għall-persuna intervistata għall-approvazzjoni jirriżulta li l-formalitajiet previsti mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 huma intiżi, minbarra għall-protezzjoni tal-persuna intervistata, fuq kollox sabiex tiżdied l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet miksuba. Għalhekk, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma japplikawx għal kull intervista marbuta mas-suġġett ta’ investigazzjoni, iżda biss għall-każijiet li fihom il-Kummissjoni jkollha l-għan li tiġbor informazzjoni, kemm inkriminanti kif ukoll li tiskaġuna, li fuqha hija tkun tista’ tibbaża ruħha bħala prova fid-deċiżjoni li tagħlaq investigazzjoni partikolari. Għall-kuntrarju, dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx l-għan li jirrestrinġu l-possibbiltà tal-Kummissjoni li tirrikorri għal intervisti informali.

616

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, tirriżulta wkoll mill-premessa 25 tar-Regolament Nru 1/2003. Din tal-aħħar tikkonstata li peress li l-iskoperta ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni qed issir iktar diffiċli, huwa neċessarju, sabiex il-kompetizzjoni tiġi protetta b’mod effettiv, li l-poteri investigattivi tal-Kummissjoni jiġu supplimentati. Barra minn hekk, din il-premessa tikkonstata li l-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tkun tista’ tintervista kull persuna li jista’ jkollha informazzjoni utli u tirreġistra d-dikjarazzjonijiet tagħhom. Għaldaqstant, l-għan tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa li “tissuplimenta” s-setgħat investigattivi l-oħra li għandha l-Kummissjoni u li din tingħata s-“setgħa” li tintervista u li tirreġistra. Madankollu, l-imsemmija dispożizzjoni ma hijiex intiża sabiex tirrestrinġi l-użu mill-Kummissjoni ta’ prattiki informali bl-impożizzjoni tal-obbligu ġenerali li tissuġġetta kull intervista li tikkonċerna informazzjoni marbuta mal-għan ta’ investigazzjoni għar-rekwiżiti formali tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 u li tpoġġi reġistrazzjoni għad-dispożizzjoni tal-impriża attribwita bir-responsabbiltà tal-ksur.

617

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, ma tfissirx li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi b’mod arbitrarju, waqt intervista, liema informazzjoni tinvestiga. Fil-fatt, mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 773/2004 jirriżulta li, meta l-Kummissjoni twettaq intervista skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, hija għandha tinforma lill-persuna intervistata, fil-bidu tal-intervista, dwar il-bażi legali u l-għan tal-intervista kif ukoll dwar l-intenzjoni tagħha li tirreġistraha. Isegwi li l-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, fil-bidu ta’ kull intervista, jekk hija tixtieqx twettaq intervista formali. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi, bil-kunsens tal-persuna intervistata, li twettaq tali intervista, hija ma tistax tastjeni milli tirreġistra ċerti aspetti minnha. F’dan il-każ, hija tkun obbligata li tirreġistra l-intervista fl-intier tagħha, bla ħsara għall-fatt li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004 tħalli l-għażla dwar il-forma tar-reġistrazzjoni lill-Kummissjoni. Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni rrilevat, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li l-laqgħa ma kellhiex l-għan li tiġbor il-provi fil-forma ta’ rendikont iffirmat miż-żewġ partijiet jew ta’ dikjarazzjonijiet abbażi tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, iżda biss li teżamina jekk jeżistux biżżejjed indikazzjonijiet ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni inkonnessjoni mal-prattiki kummerċjali ta’ Intel fil-konfront ta’ Dell u li jiġu esplorati miżuri ġodda ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ Dell. Għaldaqstant, il-laqgħa bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u M. D1 ma tikkostitwixxix intervista formali fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003.

618

Peress li l-laqgħa bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u M. D1 ma tikkostitwixxix intervista formali fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u peress li l-Kummissjoni lanqas ma kienet obbligata twettaq tali intervista, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 ma huwiex applikabbli għal dan il-każ, b’tali mod li l-argument ibbażat fuq allegat ksur tal-formalitajiet preskritti minn din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni huwa ineffettiv.

619

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan il-prinċipju jimponi l-obbligu fuq l-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’kura u imparzjalità, il-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, punt 359 iktar ’il fuq, punt 404, u tat-22 ta’ Marzu 2012, Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni, T‑458/09 u T‑171/10, punt 68). Għalkemm ma jeżisti l-ebda obbligu ġenerali, li jorbot lill-Kummissjoni, li tistabbilixxi reġistrazzjonijiet tad-diskussjonijiet li hija jkollha ma’ lanjanti jew partijiet oħra matul laqgħat jew intervisti telefoniċi ma’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, punt 359 iktar ’il fuq, punti 351 u 385, u Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 614 iktar ’il fuq, punt 66), xorta jibqa’ l-fatt li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jista’, skont iċ-ċirkustanzi partikoalri tal-każ, jimponi fuq il-Kummissjoni obbligu li żżomm id-dikjarazzjonijiet li tkun irċeviet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T-15/02, Ġabra p. II-497, punt 501).

620

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-eżistenza ta’ obbligu tal-Kummissjoni li żżomm l-informazzjoni li hija tirċievi matul il-laqgħat u l-intervisti telefoniċi kif ukoll in-natura u l-portata ta’ tali obbligu jiddependi mill-kontenut ta’ din l-informazzjoni. Il-Kummissjoni hija obbligata li tistabbilixxi dokumentazzjoni adatta, fil-fajl li jkollhom aċċess għalih l-impriżi kkonċernati, fuq l-aspetti essenzjali marbuta mas-suġġett tal-investigazzjoni. Din il-konklulżjoni tapplika wkoll għall-elementi kollha li huma ta’ ċerta importanza u li għandhom rabta oġġettiva mas-suġġett tal-investigazzjoni indipendentement min-natura favur jew kontra l-konstatazzjoni ta’ responsabbiltà.

621

F’dan il-każ, min-nota interna jirriżulta b’mod ċar li s-suġġetti diskussi waqt il-laqgħa ma kinux jikkonċernaw kwistjonijiet purament formali, bħal, pereżempju, il-kunfidenzjalità ta’ ċertu data, iżda kwistjonijiet li għandhom rabta oġġettiva mal-mertu tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, M. D1 kien wieħed mill-mexxejja l-iktar għolja tal-ikbar klijent ta’ Intel. Fl-aħħar, kif ġie rrilevat minn Intel waqt is-seduta u fl-osservazzjonijiet tagħha tas-6 ta’ Marzu 2013, il-laqgħa damet ħames sigħat. Dawn iċ-ċirkustanzi jikkonferixxu importanza lil din il-laqgħa li timponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tħalli fil-fajl tal-inqas nota fil-qasir li tinkludi, b’riżerva għal talbiet eventali ta’ kunfidenzjalità, l-isem tal-parteċipanti kif ukoll sinteżi qasira tas-suġġetti diskussi. Peress li l-Kummissjoni astjeniet milli tistabbilixxi tali dokument maħsub sabiex jiġi inkluż fil-fajl li għalih ir-rikorrenti setgħet titlob aċċess, għandu jiġi kkonstatat li hija kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

622

Madankollu, billi pprovdiet għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti, waqt il-proċedura amministrattiva, il-verżjoni mhux kunfidenzjali tan-nota interna, u billi offritilha l-possibbiltà li tippreżenta l-kummenti tagħha fuq dan id-dokument, il-Kummissjoni kkorreġiet din l-omissjoni inizjali tal-proċedura amministrattiva, b’tali mod li din tal-aħħar ma hijiex ivvizzjata b’irregolarità. Il-fatt li n-nota interna ġiet stabbilita bl-għan li sservi bħala memorja għall-membri tad-dipartimenti tal-Kummissjoni u li kienet biss verżjoni li fiha ċerti partijiet ġew esklużi, li ġiet trażmessa lir-rikorrenti, ma jikkontestax din il-konklużjoni. Fil-fatt, il-verżjoni tan-nota interna li ġiet trażmessa lir-rikorrenti waqt il-proċedura amministrattiva tinkludi informazzjoni li l-Kummissjoni kellha żżomm fid-dokument maħsub li jiġi inkluż fil-fajl li għalih ir-rikorrenti setgħet titlob aċċess. Din tinkludi l-isem tal-parteċipanti kif ukoll sinteżi qasira tas-suġġetti diskussi.

623

Fit-tielet lok, l-argument tar-rikorrenti, imqajjem fl-osservazzjonijiet tagħha tas-6 ta’ Marzu 2013, li l-Kummissjoni wettqet irregolarità proċedurali billi astjeniet milli tirrileva matul il-proċedura amministrattiva anki l-partijiet tan-nota interna meqjusa bħala kunfidenzjali għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament 1/2003 u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 773/2004, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma jkoprix id-dokumenti interni tal-Kummissjoni. Din ir-restrizzjoni hija ġġustifikata min-neċessità li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni kkonċernata fil-qasam tar-repressjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, punt 359 iktar ’il fuq, punt 394). In-nota li tikkonċerna l-laqgħa bejn il-Kummissjoni u M. D1 tikkostitwixxi dokument ta’ natura interna eżentata mid-dritt ta’ aċċess għall-fajl. Din tinkludi informazzjoni li toriġina minn sorsi oħra u mhux minn M. D1 kif ukoll evalwazzjonijiet u konklużjonijiet personali tal-awtur tagħha (ara wkoll il-premessi 108 u 109 tad-deċiżjoni tal-Medjatur). Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiżvela l-partijiet esklużi min-nota interna lir-rikorrenti.

624

Ċertament, f’din il-kawża, il-komunikazzjoni tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tan-nota interna tar-rikorrenti ppermettiet lill-Kummissjoni tirrimedja l-omissjoni inizjali tal-proċedura li tirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni astjeniet milli tistabbilixxi nota li tikkonċerna l-laqgħa tagħha ma’ M. D1 maħsuba li tiġi inkluża fil-fajl li għalih ir-rikorrenti setgħet titlob aċċess. Madankollu, din ir-regolarizzazzjoni tal-proċedura amministrattiva ma tirrikjedix komunikazzjoni tan-nota interna kollha lir-rikorrenti. Peress li l-verżjoni tan-nota interna li ġiet trażmessa lir-rikorrenti tikkostitwixxi biss is-sostitut tan-nota li kellha tkun inkluża fil-fajl u li hija kienet tinkludi l-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha tniżżel f’din in-nota, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tagħti lir-rikorrenti aċċess iktar estiż għan-nota interna.

625

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-proċedura amministrattiva ma hijex ivvizzjata b’irregolarità.

2.2) Fuq il-konsegwenzi possibbli ta’ irregolarità proċedurali fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata

i) Osservazzjonijiet preliminari

626

Għall-finijiet ta’ kompletezza, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk irregolarità ipotetika tal-proċedura amministrattiva, li tirriżulta minn ksur tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, minn assenza ta’ regularizzazzjoni tal-ksur tal-prinċipju tal-amminstrazzjoni tajba jew minn ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, tistax tinċidi fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li irregolarità proċedurali tista’ biss twassal għall-annullament tad-deċċiżjoni kkontestata sa fejn din tkun ta’ natura li taffettwa konkretement id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u, b’dan il-mod, il-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2008, Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, T-75/06, Ġabra p. II-2081, punt 131). Dan huwa l-każ ukoll meta l-irregolarità tikkonsisti fi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Diċembru 2009, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑476/08 P, punt 35).

627

Fir-rigward tal-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-aċċess għall-fajl, u b’mod iktar partikolari għad-dokumenti li jiskaġunaw, jiġi żgurat fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja, l-impriża kkonċernata għandha tistabbilixxi mhux li, kieku hija kellha aċċess għad-dokumenti mhux ikkomunikati, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, iżda biss li l-imsemmija dokumenti setgħu jkunu utli għad-difiża tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni, C-110/10 P, Ġabra p. I-10439, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’ipoteżi parallela, hija l-impriża kkonċernata li għandha tipprovdi l-ewwel indizju tal-utilità, għad-difiża tagħha, tad-dokumenti mhux ikkomunikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, punt 352 iktar ’il fuq, punt 256). F’dan ir-rigward, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi dokumentarji diretti sabiex jistabbilixxu ksur, l-impriża għandha turi li l-elementi li baqgħu inaċċessibbli matul il-proċedura amministrattiva jikkontradixxu l-kontenut ta’ dawn il-provi jew, tal-inqas, kienu jitfgħu fuqhom dawl differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 353 iktar ’il fuq, punt 133).

628

Sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-drittjiet tagħha tad-difiża billi astjeniet milli tittrażmettilha l-partijiet tan-nota interna li kienu ġew ittrattati b’mod kunfidenzjali matul il-proċedura amministrattiva, din il-ġurisprudenza hija direttament applikabbli għal dan il-każ. Peress li l-verżjoni sħiħa tan-nota interna ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti fl-istadju ġudizzjarju, din tal-aħħar kellha l-possibbiltà li tipprovdi indizju tal-utilità, għad-difiża tagħha, tal-elementi riprodotti fil-partijiet li preċedentement ġew ittrattati bħala kunfidenzjali.

629

Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx fajl adatt tal-laqgħa, għandu jiġi kkonstatat li, tal-inqas fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-kriterji rilevanti sabiex tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk irregolarità proċedurali eventwali li tikkonċerna dan is-suġġett hijiex ta’ natura li taffettwa b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti huma l-istess bħal dawk rikjesti mill-ġurisprudenza dwar l-aċċess għall-fajl. Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha tipprovdi l-ewwel indizju tal-fatt li l-Kummissjoni astjeniet milli żżomm l-elementi li jiskaġunaw li jikkontradixxu l-kontenut tal-provi dokumentarji diretti li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jew, tal-inqas, jitfgħu fuqhom dawl differenti. Madankollu, ma huwiex suffiċjenti li tali ipoteżi ma tistax tiġi eskluża.

630

Fil-fatt, f’din il-kawża, anki fl-assenza tal-fajl mitlub mir-rikorrenti, il-kontenut tal-intervista bejn il-Kummissjoni u M. D1 jista’ jiġi kkostitwit mill-ġdid sal-grad rikjest mil-liġi minn sorsi oħra, jiġifieri b’mod partikolari n-nota interna u dokument li jinkludu risposti bil-miktub ta’ Dell għal mistoqsijiet orali li saru minn M. D1 waqt il-laqgħa (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ segwitu”). Din iċ-ċirkustanza tiddistingwi din il-kawża minn dik li tat lok għas-sentenza Solvay vs Il-Kummissjoni, punt 627 iktar ’il fuq (punti 61 sa 63), invokata mir-rikorrenti waqt is-seduta u fl-osservazzjonijiet ulterjuri tagħha, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża li jirriżultaw mill-fatt li, wara li rrifjutat lir-rikorrenti l-aċċess għall-fajl matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kienet tilfet ċertu numru ta’ fajls sekondarji sħaħ li l-kontenut tagħhom ma setax jiġi kkostitwit mill-ġdid, b’tali mod li ma setax jiġi eskluż li dawn il-fajls sekondarji setgħu jinkludu elementi li jiskaġunaw li setgħu jkunu rilevanti għad-difiża tar-rikorrenti.

631

Il-konklużjoni li n-nota interna tikkostitwixxi wieħed mill-elementi li minnhom tista’ tiġi kkostitwita mill-ġdid l-intervista bejn il-Kummissjoni u M. D1 ma hijiex ikkontestata mill-funzjoni tan-nota interna li hija li sservi bħala memorja għall-Kummissjoni. Fil-fatt, bħala tali, in-nota interna kellha żewġ għanijiet. Minn naħa, hija kellha l-għan li tistabbilixxi b’mod oġġettiv iċ-ċirkustanzi li kienu ta’ importanza għall-Kummissjoni bħala awtorità responsabbli mill-investigazzjoni. Għalhekk, hija kellha għanijiet marbuta ma’ dokumentazzjoni ta’ natura oġġettiva. Min-naħa l-oħra, in-nota interna tippermetti lil membri tad-dipartimenti tal-Kummissjoni li pparteċipaw fil-laqgħa jikkonservaw l-evalwazzjonijiet suġġettivi tagħhom. Madankollu, dawn l-evalwazzjonijiet suġġettivi jikkompletaw id-dokumentazzjoni oġġettiva inkluża fin-nota interna u ma jikkontestawhiex. Barra minn hekk, peress li n-nota ġiet redatta bħala memorja maħsuba sabiex tintuża biss għall-finijiet interni mill-Kummissjoni, ma hemm l-ebda raġuni għat-tħassib li hija ġalliet barra diskussjoni li kienet saret.

[omissis]

2. HP

[omissis]

a) Fuq it-tnaqqis għal esklużività

1) Evalwazzjoni tal-provi tal-kundizzjonalità tat-tnaqqis ippreżentat fid-deċiżjoni kkontestata

[omissis]

1.1) Risposta ta’ HP skont l-Artikolu 18

[omissis]

ii) Valur probatorju

Fuq l-affidabbiltà inerenti tar-risposta ta’ HP abbażi tal-Artikolu 18

680

Jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-risposta ta’ HP abbażi tal-Artikolu 18 tindika b’mod espress u mhux ekwivoku li l-ftehim HPA kienu suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet mhux bil-miktub, inter alia, il-kundizzjoni ta’ 95 %.

681

Hemm lok li jiġi enfasizzat li HP kienet impriża terza, jiġifieri la lanjanti u lanqas impriża suġġetta għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

682

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, ma jidhirx li HP kellha interess li tipprovdi f’dan ir-rigward informazzjoni mhux eżatta lill-Kummissjoni u li takkuża lil Intel b’mod falz.

683

F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi enfasizzat li huwa possibbli li klijent ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti suġġetta għal investigazzjoni jkollu interess li ma jiżvelax aġir illegali ta’ din tal-aħħar minħabba l-biża’ ta’ ritaljazzjonijiet eventwali. Għalhekk, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja BPB Industries u British Gypsum, punt 89 iktar ’il fuq (punt 26), din tal-aħħar irrilevat il-possibbiltà li impriża f’pożizzjoni dominanti tkun tista’ tadotta miżuri ta’ ritaljazzjoni fil-konfront tal-klijenti li kkollaboraw fl-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni u minn dan ikkonkludiet li l-Kummissjoni setgħet tittratta risposti għal talbiet għal informazzjoni bħala kunfidenzjali.

684

Madankollu, klijent ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti normalment ma jkollu l-ebda interess li jakkuża b’mod żbaljat lil din tal-aħħar b’aġir antikompetittiv. Għall-kuntrarju, il-klijent ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li jakkuża b’mod falz lil din tal-aħħar b’aġir antikompetittiv fil-kuntest ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni jista’ jesponi ruħu għal miżuri ta’ ritaljazzjoni min-naħa ta’ din l-impriża.

685

F’dan il-każ, ma huwiex probabbli li HP, li għaliha Intel kienet soċju kummerċjali li ma jistax jiġi evitat, tat informazzjoni ineżatta lill-Kummissjoni li setgħet tintuża minn din tal-aħħar bil-għan li tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 82 KE imwettaq minn Intel.

[omissis]

690

Barra minn hekk jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 23(1)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, informazzjoni ineżatta pprovduta minn impriża tagħti lok għal multi. Għaldaqstant, billi pprovdiet informazzjoni ineżatta lill-Kummissjoni, HP esponiet ruħha wkoll għar-riskju ta’ impożizzjoni ta’ multi min-naħa tal-Kummissjoni.

691

Fl-aħħar, kif tfakkar fil-punt 557 iktar ’il fuq, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-risposti li jingħataw f’isem impriża bħala tali għandhom kredibbiltà li teċċedi dik li jista’ jkollha risposta mogħtija minn membru tal-persunal tagħha (sentenza JFE, punt 62 iktar ’il fuq, punt 205).

692

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-indikazzjonijiet ċari u preċiżi ħafna ta’ HP għandhom jiġu kkunsidrati bħala partikolarment affidabbli, peress li HP ma kellha l-ebda interess li tipprovdi informazzjoni ineżatta li tista’ tintuża mill-Kummissjoni bil-għan li jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 82 KE mwettaq minn Intel u peress li HP kienet tesponi ruħha għal riskji kbar billi tipprovdi informazzjoni ineżatta lill-Kummissjoni.

[omissis]

L-importanza tar-risposta ta’ HP abbażi tal-Artikolu 18 sabiex turi l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet mhux bil-miktub

717

Fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-risposta ta’ HP abbażi tal-Artikolu 18 tistax, fejn xieraq, ma tkunx suffiċjenti waħedha sabiex turi l-eżattezza tal-fatti inklużi fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-eżistenza tal-kundizzjonijiet mhux bil-miktub tal-ftehim HPA, jeħtieġ li jiġi rrilevat dan li ġej.

718

Il-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-amministrazzjoni ħielsa tal-provi. L-unika kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C-407/04 P, Ġabra p. I-829, punt 63).

719

Il-ġurisprudenza ppreċiżat ukoll, fir-rigward ta’ dokument użat bħala prova ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE, li l-ebda prinċipju tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tibbaża ruħha fuq att wieħed, dment li l-valur probatorju ta’ dan tal-aħħar ma jkunx dubjuż u sakemm, waħdu, l-imsemmi att ikun jikkonferma b’ċertezza l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni (sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, punt 354 iktar ’il fuq, punt 1838).

720

Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 81 KE, il-ġurisprudenza stabbilixxiet ir-regola li d-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li pparteċipat f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi oħra akkużati, ma tistax titqies li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur kommess minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tiġi sostnuta minn provi oħra (ara s-sentenza JFE, punt 62 iktar ’il fuq, punt 219, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-ġurisprudenza, ġie ppreċiżat ukoll li, fil-każ ta’ akkordju li jinvolvi żewġ partijiet biss, il-kontestazzjoni tal-kontenut tad-dikjarazzjoni ta’ waħda mill-impriżi mill-impriża oħra hija suffiċjenti sabiex jiġu rikjesti provi oħra sabiex isostnuha (sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 614 iktar ’il fuq, punt 285).

721

Madankollu, ma hemmx lok li tiġi applikata tali regola wkoll fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ impriża terza, li la tkun lanjanti u lanqas l-impriża kkonċernata mill-investigazzjoni, li tagħmel riferiment għal aġir li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 82 KE minn impriża oħra, meta l-impriża f’pożizzjoni dominanti suġġetta għall-investigazzjoni tikkontradixxi l-kontentut ta’ din id-dikjarazzjoni.

722

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-fatt li tiġi stabbilita regola ġenerali jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni ħielsa tal-provi. F’każ ta’ impriża li tiddikjara li pparteċipat f’akkordju li jikser l-Artikolu 81 KE, tali regola hija ġġustifikata, peress li impriża suġġetta għal investigazzjoni, jew li tippreżenta ruħha quddiem il-Kummissjoni bil-għan li tibbenefika minn immunità jew minn tnaqqis ta’ multa, jista’ jkollha t-tendenza li tnaqqas ir-responsabbiltà tagħha fi ksur u li tenfasizza r-responsabbiltà ta’ impriżi oħra.

723

Is-sitwazzjoni hija differenti fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ impriża terza bħal HP li hija, essenzjalment, xhud. Ċertament, tali impriża tista’, f’ċerti każijiet, ikollha interess li ma tiżvelax il-ksur, minħabba l-biża’ ta’ ritaljazzjoni li l-impriża f’pożizzjoni dominanti tista’ tadotta fil-konfront tagħha (ara l-punt 683 iktar ’il fuq). Iżda huwa improbabbli ħafna li impriża bħal HP, li għaliha l-impriża f’pożizzjoni dominanti hija soċju kummerċjali li ma jistax jiġi evitat, takkuża lil din l-impriża b’mod falz b’aġir li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 82 KE, meta ma jkunux jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li abbażi tagħhom din l-impriża terza jista’ jkollha interess li tagħmel dan.

724

Għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi stabbilita regola ġenerali li d-dikjarazzjoni ta’ impriża terza, li tindika li impriża f’pożizzjoni dominanti adottat ċertu aġir, ma tista’ qatt tkun suffiċjenti waħedha sabiex turi l-fatti li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 82 KE.

725

F’każijiet bħal dak preżenti, fejn ma jkunx jidher li l-impriża terza għandha interess li tinkrimina b’mod falz l-impriża f’pożizzjoni dominanti, id-dikjarazzjoni tal-impriża terza tista’, fil-prinċipju, tkun suffiċjenti waħedha sabiex turi l-eżistenza ta’ ksur.

726

Fi kwalunkwe każ, ir-risposta ta’ HP abbażi tal-Artikolu 18 hija kkorroborata minn diversi provi oħra, kif ser jiġi spjegat iktar ’il quddiem.

[omissis]

3. NEC

[omissis]

4. Lenovo

[omissis]

5. Acer

[omissis]

6. MSH

[omissis]

E – Fuq il-prova ta’ strateġija ġenerali maħsuba sabiex tostakola l-aċċess ta’ AMD għall-mezzi ta’ bejgħ l-iktar importanti

1523

Skont id-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti implementat strateġija ġenerali fuq bażi twil ta’ żmien maħsuba sabiex tostakola l-aċċess ta’ AMD għall-mezzi ta’ bejgħ l-iktar importanti mill-perspettiva strateġika. Fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni mmotivat l-eżistenza ta’ din l-istrateġija billi bbażat ruħha, essenzjalment, fuq l-indizji li ġejjin:

il-prattiki kkontestati fid-deċiżjoni kkontestata ġraw matul perijodu koerenti bejn l-2002 u l-2007 (ara l-premessi 1740 u 1745);

dawn ġraw f’kuntest ta’ theddida kompetittiva li kienet qed tissaħħaħ min-naħa ta’ AMD (ara l-premessi 1741 u 149 sa 164);

dawn kellhom element komuni peress li kollha kellhom l-għan jew l-effett li jeskludu lil AMD mis-suq (ara l-premessa 1745);

dawn kienu jikkonċernaw mhux biss numru sinjifikattiv ta’ OEM fid-dinja, iżda wkoll il-mezzi ta’ distribuzzjoni l-iktar importanti mill-perspettiva strateġika (ara l-premessi 1745 u 1747);

dawn kienu reċiprokament komplimentari (ara l-premessa 1747);

żewġ ittri minn Novembru 1998 u mibgħuta rispettivament mill-[kunfidenzjali] tar-rikorrenti u mill-[kunfidenzjali] tagħha [ara l‑premessa 1747 bin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 2065 (Nru 2056 fil-verżjoni pubblika)];

ir-rikorrenti għamlet sforzi sabiex taħbi n-natura antikompetittiva tal-prattiki tagħha (ara l-premessi 1742 u 1743).

1524

Ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza ta’ strateġija ġenerali. Tali konklużjoni hija żbaljata peress li ma tistax tiġi kkonċiljata man-natura frammentata tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-konfront ta’ kull OEM jew ta’ MSH, fir-rigward kemm tal-prodotti kkonċernati kif ukoll tal-perijodu inkwistjoni. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija inkompatibbli mal-osservazzjonijiet tal-professur P3, li kkonfutaw l-eżistenza ta’ strateġija billi għamlu riferiment għal “kontra-indikaturi”, u b’mod partikolari għaż-żieda tax-xiri mingħand AMD mill-OEM ikkonċernati. Il-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda prova dwar l-eżistenza ta’ pjan koerenti persistenti. L-ittri tal-1998 ma kienu jipprovdu l-ebda prova dwar l-eżistenza ta’ pjan koerenti maħsub sabiex jeskludi lil AMD. Fl-aħħar, ir-rikorrenti tikkontesta li ħbiet in-natura antikompetittiva tal-prattiki tagħha.

1525

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li l-prova tal-eżistenza ta’ strateġija ġenerali ma tirrikjedix neċessarjament prova diretta li turi l-eżistenza ta’ pjan koerenti antikompetittiv. Il-Kummissjoni tista’ pjuttost turi l-eżistenza ta’ tali pjan ukoll permezz ta’ għadd ta’ indizji.

1526

Sussegwentement, fir-rigward tal-indizji li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jeħtieġ li jiġi rrilevat dan li ġej.

1527

Fl-ewwel lok, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka l-allegata natura frammentata tal-prattiki kkontestati, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-indizji li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kienu jistabbilixxu l-koerenza ta’ dawn il-prattiki sal-grad rikjest mil-liġi.

1528

Fl-ewwel lok, kien b’mod ġust li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-fatt li l-ksur kien koerenti matul iż-żmien. Id-deċiżjoni kkontestata enfasizzat f’dan ir-rigward li l-prattiki kkontestati ġraw bejn l-2002 u l-2005 u li, waqt il-perijodu ta’ bejn Settembru 2003 u Jannar 2004, kien hemm sitt abbużi individwali, jiġifieri tnaqqis jew ħlasijiet kundizzjonali fir-rigward ta’ Dell, ta’ HP, ta’ NEC u ta’ MSH u ta’ restrizzjonijiet ovvji fir-rigward ta’ HP u ta’ Acer. Għalkemm huwa veru li, għal parti mis-sena 2006, id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata biss prattika illegali waħda fir-rigward ta’ MSH u għall-bqija tas-sena 2006 u għas-sena 2007 tikkonstata biss prattiki illegali fir-rigward ta’ MSH u ta’ Lenovo, din id-dgħufija tal-intensità globali tal-aġir antikompetittiv tar-rikorrenti lejn l-aħħar tal-perijodu totali inkriminat ma jikkontestax iċ-ċirkustanza li teżisti kontinwità temporali bejn il-prattiki rispettivi. Isegwi li l-argument tar-rikorrenti li dawn il-prattiki huma ta’ natura frammentata fir-rigward tal-perijodu inkwistjoni għandhom jiġu miċħuda.

1529

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ġustament ibbażat ruħha fuq in-natura paragunabbli u fuq il-komplimentarità tal-prattiki kkontestati fid-deċiżjoni kkontestata. Għall‑kuntrarju, l-argument tar-rikorrenti li n-natura frammentata tal-ksur jirriżulta minn differenzi bejn il-prodotti kkonċernati ma humiex konvinċenti.

1530

Minn naħa, il-prattiki kollha kkontestati fid-deċiżjoni kkontestata għandhom element komuni, peress li kollha kellhom il-kapaċità li jeskludu lil AMD mis-suq dinji tas-CPUs x86. Għalhekk, dawn il-prattiki kienu marbuta flimkien, peress li kienu jikkonċernaw kollha kemm huma l-istess suq u l-istess kompetitur tar-rikorrenti.

1531

Ċertament, ir-rikorrenti ssostni li l-prattiki tagħha fir-rigward ta’ MSH huma differenti mill-prattiki tagħha fir-rigward tal-OEM, peress li dawn kienu jikkonċernaw distributur tal-prodotti elettroniċi li ma jixtri l-ebda CPU direttament mingħand Intel u li fil-verità ma jirċievi l-ebda tnaqqis mingħand Intel, iżda biss kontribuzzjonijiet ta’ marketing. Barra minn hekk, hija tallega li l-Kummissjoni ma ddefinixxietx is-suq tal-prodott u lanqas is-suq ġeografiku rilevanti li jikkonċernaw l-allegazzjonijiet dwar MSH.

1532

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti ma jistgħux iċaħħdu l-prattiki tar-rikorrenti kkontestati fid-deċiżjoni kkontestata min-natura paragunabbli tagħhom u mill-komplimentarità tagħhom.

1533

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-prattiki tar-rikorrenti fir-rigward tal-OEM u ta’ MSH huma, fil-prinċipju, paragunabbli, bl-unika differenza li l-ħlas għal esklużività mogħti lil MSH ma għandux it-tendenza li jipprekludi l-provvista ta’ klijent dirett tar-rikorrenti mingħand kompetitur, iżda l-bejgħ ta’ prodotti kompetittivi minn distributur iktar ’il fuq fil-katina tal-provvista. Jeħtieġ li jiġi osservat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiddefinixxi suq ta’ prodott separat jew suq ġeografiku separat fir-rigward ta’ MSH. Fil-fatt, il-prattiki tar-rikorrenti fir-rigward ta’ MSH kellhom il-kapaċità li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq dinji tas-CPUs x86. Billi ċaħdu l-OEM minn mezz ta’ distribuzzjoni għall-kompjuters mgħammra b’CPUs AMD, dawn il-prattiki kienu kapaċi jkollhom effetti fuq id-domanda ta’ OEM f’termini ta’ CPUs AMD fuq is-suq dinji tas-CPUs x86. Għalhekk, huma kellhom it-tendenza li jirrendu iktar diffiċli l-aċċess ta’ AMD għal dan is-suq (ara l-punt 169 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, dan is-suq jikkostitwixxi minn tal-inqas wieħed mis-swieq ikkonċernati mill-aġir tar-rikorrenti fir-rigward ta’ MSH. Il-fatt li l-prattika tar-rikorrenti fir-rigward ta’ MSH setgħet ikkonċernat ukoll is-suq li fih kienet taġixxi MSH ma jikkontestax din il-konklużjoni. Konsegwentement, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni tad-delimitazzjoni korretta tas-suq li fih kienet taġixxi MSH.

1534

Min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi antikompetittivi tal-prattiki kkontestati fid-deċiżjoni kkontestata huma komplimentari. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-komplimentarità bejn, min-naħa, it-tnaqqis u l-ħlasijiet għal esklużività u, min-naħa l-oħra, ir-restrizzjonijiet moħbija, il-Kummissjoni esponiet, ġustament, fil-premessa 1642 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-portata tar-restrizzjonijiet ovvji hija iktar speċifika minn dik tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet għal esklużività. Fil-fatt, ir‑restrizzjonijiet ovvji huma għal żmien iqsar u huma kkonċentrati fuq prodott jew linja ta’ prodotti speċifiċi jew fuq mezzi ta’ distribuzzjoni speċifiċi, filwaqt li l-ftehim għal esklużività huwa għal żmien itwal u jkopri minn tal-inqas setturi kummerċjali sħaħ. Għalhekk, fil-kuntest tal-istrateġija ġenerali, ir-restrizzjonijiet ovvji jikkostitwixxu komportamenti tattiċi maħsuba sabiex jostakolaw l-aċċess ta’ AMD għal prodotti jew għal mezzi ta’ distribuzzjoni speċifiċi identifikati sewwa, filwaqt li t-tnaqqis u l-ħlasijiet għal esklużività jikkostitwixxu strumenti iktar strateġiċi maħsuba sabiex jostakolaw l-aċċess ta’ AMD għal setturi sħaħ tad-domanda tal-OEM.

1535

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-komplimentarità bejn, minn naħa, it-tnaqqis għal esklużività mogħti lil OEM u, min-naħa l-oħra, il-ħlasijiet għal esklużività fir-rigward ta’ MSH, il-Kummissjoni kkonstatat, ġustament, fil-premessa 1597 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn il-prattiki ġew applikati fuq żewġ livelli differenti tal-katina tal-provvista. Anki jekk jiġi preżunt, kif issostni r-rikorrenti, li MSH xtrat biss parti żgħira mill-kompjuters tagħha mingħand OEM li kienu jingħataw tnaqqis għal esklużività mir-rikorrenti, din iċ-ċirkustanza ma tikkontestax il-komplimentarità bejn, minn naħa, it-tnaqqis għal esklużività mogħti lil OEM u, min-naħa l-oħra, il-ħlasijiet għal esklużività mogħtija lil MSH. Fil-fatt, billi inċentivat lil MSH sabiex tbigħ esklużivament kompjuters mgħammra b’CPUs Intel, ir-rikorrenti implementat strument antikompetittiv addizzjonali li kien kapaċi jirrestrinġi wkoll il-libertà kummerċjali ta’ OEM li lihom hija ma kinitx tagħti tnaqqis għal esklużività, billi ċaħdithom minn mezz ta’ distribuzzjoni għall-kompjuters tagħhom mgħammra b’CPUs AMD. Għalhekk, ir-rikorrenti ħolqot ostakolu addizzjonali għall-aċċess għas-suq ta’ AMD li kien komplimentari għal dak maħluq mit-tnaqqis għal esklużività.

1536

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tinvoka, minn naħa, il-fatt li l-ksur kien ikopri biss parti limitata mis-suq bħala kontra-indikatur tan-natura strateġika tal-aġir tagħha. Waqt is-seduta, hija enfasizzat f’dan ir-rigward li, għal parti mis-sena 2006, id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata biss prattika illegali waħda fir-rigward ta’ MSH u, għall-kumplament tas-sena 2006 kif ukoll għas-sena 2007, tikkonstata biss l-eżistenza tal-prattiki illegali unikament fir-rigward ta’ MSH u ta’ Lenovo (ara l-punt 1528 iktar ’il fuq). Hija żiedet li l-imsemmija deċiżjoni ma tikkonstatax li Lenovo kienet ta’ importanza strateġika paragunabbli ma’ dik ta’ Dell u ta’ HP. Il-bejgħ ta’ laptops fl-Unjoni potenzjalment affettwat mill-prattiki tagħha fil-konfront ta’ Lenovo huwa negliġibbli. Dan jgħodd ukoll għall-każ ta’ bejgħ ta’ kompjuters potenzjalment affettwati mill-prattiki tagħha fil-konfront ta’ MSH jekk dan il-bejgħ jiġi kkunsidrat inkonnessjoni mal-bejgħ dinji. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tinvoka l-fatt li l-OEM ikkonċernati żiedu x-xiri tagħhom mingħand AMD matul il-perijodu implikat u li din iż-żieda kienet superjuri għat-tisħiħ tal-bejgħ ta’ AMD fil-bqija tas-suq bħala kontra-indikatur ieħor tan-natura strateġika tal-aġir tagħha.

1537

Madankollu, minn naħa, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-ksur kopra biss parti limitata mis-suq, għandu jiġi nnotat li prattika tista’ titqies bħala strateġika anki jekk hija tkun tkopri biss parti limitata mis-suq. Fil-fatt, fil-każ inkwistjoni, in‑natura strateġika tal-aġir tar-rikorrenti tirriżulta mill-fatt li hija għamlet sforzi sabiex tostakola l-aċċess ta’ AMD għall-mezzi ta’ distribuzzjoni l-iktar importanti, jiġifieri Dell għall-perijodu ta’ bejn Diċembru 2002 u Diċembru 2005 u HP għall-perijodu ta’ bejn Novembru 2002 u Mejju 2005 (ara l-punt 182 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, fir-rigward tas-snin 2006 u 2007, għandu jiġi kkonstatat li l-koerenza bejn il-ksur individwali li jikkostitwixxi l-istrateġija ġenerali ma hijex interrotta miċ-ċirkustanza li l-ksur li jikkonċerna lil Lenovo u MSH huwa inqas importanti meta mqabbel mal-ksur li jikkonċerna lil Dell u lil HP. Din il-konklużjoni tgħodd iktar u iktar peress li MSH kellha importanza strateġika partikolari fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-kompjuters mgħammra b’CPUs x86 maħsuba għal konsumaturi fl-Ewropa (ara l-punti 183 u 1507 sa 1511 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jitfakkar li l-medja tal-parti magħluqa tas-suq kienet sinjifikattiva (ara l-punti 187 sa 194 iktar ’il fuq).

1538

Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka ż-żieda tax-xiri ta’ OEM mingħand AMD waqt il-perijodu implikat, għandu jiġi kkonstatat li din iċ-ċirkustanza lanqas ma tista’ turi li l-prattiki tar-rikorrenti ma kellhom l-ebda effett. Fl-assenza ta’ prattiki tar-rikorrenti, huwa permess li jitqies li ż-żieda tax-xiri ta’ OEM mingħand AMD setgħet kienet ikbar (ara l-punt 186 iktar ’il fuq).

1539

Fit-tielet lok, b’mod kuntrarju għal dak li tallega r-rikorrenti, iż-żewġ ittri ta’ Novembru 1998 ukoll jipprovdu indizji li jikkonċernaw il-metodu strateġiku li bih ir-rikorrenti implementat il-prattiki tagħha. Fis-27 ta’ Novembru 1998, il-[kunfidenzjali] ta’ Intel kiteb dan li ġej: “[M]a hemm verament l-ebda dubju li fuq bażi twila ta’ żmien, nixtieq nara l-produzzjoni ta’ AMD tikber fid-dinja bħal prodotti bla marka ta’ spejjeż baxxi/valur baxx. It-trejqiet ta’ Peking huma meravilja.” Bl-istess mod, fl-20 ta’ Novembru 1998, il-[kunfidenzjali] ta’ Intel kiteb: “Filwaqt li nirrikonoxxi li għandna naffrontaw il-kompetizzjoni, naħseb li jkun aħjar li dawn ibigħu l-prodotti tagħhom billi jidħlu b’mod limitat fis-suq dinji iktar milli billi jidħlu bil-qawwi fis-suq l-iktar viżibbli u dak li l-iktar joħloq tendenzi.” Għalkemm huwa veru li, fihom innifishom, tali dikjarazzjonijiet jistgħu jiġu kkunsidrati bħala lingwaġġ kummerċjali aggressiv, iżda bla dubju, jibqa’ l-fatt li, fid-dawl ta’ provi oħra msemmija iktar ’il fuq, iż-żewġ ittri jikkonfermaw li l-għan ta’ Intel kien li jillimita l-aċċess ta’ AMD fis-suq. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, is-sempliċi fatt li ż-żewġ ittri mill-1998 u għalhekk madwar erba’ snin qabel il-perijodu kkontestat fid-deċiżjoni kkontestata ma jtellifhomx minn kull valur probatorju.

1540

Fir-raba’ lok, sa fejn ir-rikorrenti tikkontesta li hija ħbiet in-natura antikompetittiva tal-prattiki tagħha, hemm lok li jiġi osservat li l-Kummissjoni ssemmi f’dan ir-rigward, fil-premessi 1742 u 1743 tad-deċiżjoni kkontestata, l-indizji li ġejjin:

ittra ta’ M. I2, [kunfidenzjali] ta’ Intel, lil [kunfidenzjali] ta’ Lenovo tat-18 ta’ Ġunju 2006, li fiha huwa ppreċiża dan li ġej: “[M. L1] [kunfidenzjali], qabelxejn, nixtieq nenfasizza li l-informazzjoni inkluża f’dan il-messaġġ hija sensittiva ħafna u li tkun problema, kemm għalija kif ukoll għal Intel, jekk din tiġi żvelata. Qiegħed niktiblek b’fiduċja u nitolbok taqrahom, u sussegwentment li tħassarhom mingħajr ma tikondividhom mal-grupp tiegħek. […] kull programm ta’ allinjament fuq il-kompetizzjoni li seta’ jkollna ma’ Dell jiġu annullati peress li dawn jintroduċu l-kompetizzjoni – dan jiftaħ perspettivi ta’ opportunitajiet għal Lenovo/Intel li jiena tajt indikazzjoni ħafifa tagħhom fil-passat […]”;

in-natura sigrieta tal-ftehim għal esklużività bejn ir-rikorrenti u MSH u l-mod kif ir-rikorrenti insistiet fuiq dan il-punt;

l-eżistenza ta’ ftehim ta’ tnaqqis li jinkludi klawżoli antikompetittivi fir-rigward ta’ HP;

l-isforz tar-rikorrenti sabiex tippreżenta l-aġir tagħha b’mod mhux dubjuż bl-użu ta’ ewfemiżmi.

1541

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ittra tat-18 ta’ Ġunju 2006, ir-rikorrenti tispjega li din l-ittra tirrifletti biss l-isforzi tan-negozjati magħmula mill-[kunfidenzjali] tagħha bil-għan li jipperswadi lil Lenovo tiżviluppa l-attivitajiet tagħha magħha. Jidher ċar li kienet tkun problema għar-rikorrenti li terz, b’mod partikolari Dell, issir konxja mill-fatt li r-rikorrenti kienet tuża d-deċiżzjoni ta’ Dell sabiex iddur fuq kompetitur, fil-kuntest tan-negozjati tagħha ma’ OEM ieħor. Dan l-argument ma huwiex konvinċenti. Fil-fatt, fid-dawl tad-dikjarazzjoni li kull programm ta’ allinjament fuq il-kompetizzjoni ser jiġi annullat peress li Dell introduċiet il-kompetizzjoni, l-ittra tinkludi indizju li jikkonferma l-fatt li t-tnaqqis mogħti mir-rikorrenti lil Dell kien akkumpanjat minn kundizzjoni ta’ esklużività (ara l-punti 460, 463 u 1124 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ M. I2 li n-nuqqas ta’ osservanza, minn Dell, ta’ din il-kundizzjoni “tiftaħ perspettivi ta’ opportunitajiet għal Lenovo/Intel […] li ġew indikati biss fil-passat” timplika li, wara t-tnaqqis tat-tnaqqis mogħti lil Dell, ir-rikorrenti kienet ser toffri l-istatus preferenzjali miżmum preċedentement minn Dell lil Lenovo (ara l-premessa 526 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, it-talba ta’ M. I2 lil [kunfidenzali] ta’ Lenovo li jħassar l-ittra titkkostitwixxi indizju li dan kien qiegħed ifittex li jaħbi n-natura antikompetittiva tar-relazzjonijiet tar-rikorrenti ma’ Dell u Lenovo.

1542

Fir-rigward, fit-tieni lok, tan-natura sigrieta tal-ftehim ta’ esklużività konkluż ma’ MSH, intwera iktar fid-dettall fil-punti 1490 sa 1492 iktar ’il fuq li ġiet inserita fil-ftehim ta’ esklużività klawżola ta’ assenza ta’ esklużività, b’tali mod li l-ftehim ta’ kontribuzzjoni jistabbilixxi l-kuntrarju ta’ dak li verament ġie miftiehem.

1543

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-użu tal-klawżoli mhux bil-miktub antikompetittivi inkonnessjoni ma’ HP, ir-rikorrenti sempliċiment issostni li HP ma kinitx marbuta b’mod kuntrattwali minn obbligi ta’ esklużività jew kundizzjonijiet oħra mhux bil-miktub. Issa, il-kundizzjonijiet mhux bil-miktub ta’ ftehim HPA ma għandhomx għalfejn ikunu legalment vinkolanti sabiex ikunu jistgħu jinċentivaw lil HP tosservahom (ara l-punt 106 iktar ’il fuq). Peress li d-deċiżjoni kkontestata kkonstatat, ġustament, li t-tnaqqis mogħti skont il-ftehim HPA kien suġġett għal diversi kundizzjonijiet antikompetittivi mhux bil-miktub (ara l-punti 666 sa 873 iktar ’il fuq), in-natura mhux bil-miktub tal-klawżoli tikkostitwixxi wkoll indizju li jixhed il-mod li bih ir-rikorrenti pprovat taħbi l-prattiki antikompetittivi tagħha.

1544

Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-użu ta’ ewfemiżmi mir-rikorrenti, jeħtieġ li jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 661 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti użat l-akronimu “VOC”, li jfisser “fornitur pprivileġġjat” (vendor of choice), f’serje ta’ dokumenti bħala ewfemiżmu sabiex tiddeskrivi li MSH kienet marbuta magħha permezz ta’ kundizzjoni ta’ esklużività. Il-Kummissjoni tippreċiża, fil-premessa 662 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien jeżisti wkoll dokument intitolat “Karta ta’ riferiment għall-ħolqien ta’ materjal ta’ bejgħ u ta’ kummerċjalizzazzjoni” (Sales and Marketing Creation Reference Card), żviluppat mid-dipartiment legali tar-rikorrenti. F’dan id-dokument, taħt it-titolu “Lingwaġġ delikat”, l-espressjoni “fornitur ipprivileġġat” ġiet issuġġerita sabiex tissostitwixxi kliem li jimplikaw aġir potenzjalment mhux adatt għar-relazzjonijiet ta’ esklużività kif ġej:

“Evita KULL lingwaġġ militarista, agressiv KULLIMKIEN (inkluż fl-ittri interni, memos…) pereżempju l-istabbiliment ta’ ostakoli…esklużjoni tal-kompetizzjoni …Gwerra…Battalja…Rabta...Lieva…dominanza…Minn fuq għal isfel …Kompressjoni…tħassir tal-kompetizzjoni…tkun qattiel…formazzjoni ta’ gruppi …teknoloġija użata fuq il-post: tkun fuq quddiem…definizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet…tisħiħ tas-settur tas-suq…tkun fornitur ipprivileġġat …tibbaża fuq…tirrendi valur.”

1545

Fit-tieni lok, il-premessa 1743 tad-deċiżjoni kontestata ssemmi serje ta’ ittri tat-30 ta’ April 2004. Skont l-imsemmija deċiżjoni, eżekuttiv ta’ Intel Ġermanja kien għamel riferiment għal tentattivi li saru minn Intel sabiex “jipprekludu b’suċċess implementazzjoni ikbar ta’ Opteron fost il-klijenti prinċipali tagħna”. Eżekuttiv ta’ Intel Franza rrisponda għal din l-ittra kif ġej: “Nitolbok tkun prudenti meta tuża espressjonijiet bħal ‘jipprekludu implementazzjoni ikbar ta’ Opteron’ li jistgħu jiġu interpretati b’mod żbaljat bħala formulazzjonijiet antikompetittivi. – Ma naħsibx li inti ridt tifisser ‘nirbħu b’IA inkonnessjoni ma’ Opteron’. – Jekk tara li persuni oħra jużaw espressjonijiet simili, jekk jogħġbok fakkarhom dwar l-investigazzjoniijet pendenti tal-UE_FTC, l-ispezzjonijiet b’sorpriża, eċċ.” Id-deċiżjoni kkontestata tippreċiża li din il-komunikazzjoni saret qabel l-ispezzjonijiet immexxija mill-Kummissjoni.

1546

Ir-rikorrenti tammetti li hija qatt ma nnegat il-fatt li l-espressjoni “fornitur ipprivileġġjat” tista’ timplika l-idea li klijent jixtri l-provvisti tiegħu unikament jew b’mod predominanti mingħandha. Madankollu, fl-opinjoni tagħha, l-ebda parti mill-“karta ta’ riferiment għall-ħolqien ta’ materjal ta’ bejgħ u ta’ kummerċjalizzazzjoni” ma jsostni l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li timplika forma ta’ obbligu vinkolanti. Dan kien dokument maħsub sempliċiment li jiġbed l‑attenzjoni tas-soċji kummerċjali tagħha sabiex jevitaw kull lingwaġġ li jista’ jiġi interpretat b’mod żbaljat mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Fir-rigward tal-ittra tat-30 ta’ April 2004, ir-rikorrenti tenfasizza li din tal-aħħar kienet intiża wkoll sempliċiment sabiex tilqa’ kontra l-użu ta’ formulazzjonijiet li “jistgħu jiġu interpretati b’mod żbaljat bħala formulazzjonijiet antikompetittivi”, ġest li jikkostitwixxi sforz leġittimu.

1547

Madankollu, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn sitwazzjoni li fiha impriża toqgħod attenta sabiex l-aġir legali tagħha ma jinftihemx b’mod żbaljat minn awtorità tal-kompetizzjoni u sitwazzjoni li fiha impriża tiżgura li l-prattiki antikompettivi tagħha ma jiġux innotati. Huwa veru li, għal impriża, huwa fil-prinċipju leġittimu li tiġbed l-attenzjoni tal-impjegati tagħha kontra l-użu ta’ formulazzjonijiet li jistgħu jiġu interpretati b’mod żbaljat minn awtorità tal-kompetizzjoni. Xorta jibqa’ l-fatt li din iċ-ċirkustanza tikkostitwixxi indizju tal-fatt li impriża ħbiet in-natura antikompetittiva tal-prattiki tagħha meta l-eżistenza tagħhom ġiet stabbilita permezz ta’ provi oħra.

1548

Fl-aħħar, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma għamlitx allegazzjonijiet speċifiċi fil-qasam tad-dissimulazzjoni ħlief fir-rigward ta’ MSH, ta’ HP u ta’ Lenovo. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-premessi 1742 u 1743 tad-deċiżjoni kkontestata kienu jikkonċernaw il-prova tal-istrateġija ġenerali u li l-provi esposti fil-punt 1539 iktar ’il fuq huma ċċitati bħala indizji. Hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn il-provi juru sal-grad rikjest mil-liġi li r-rikorrenti għamlet sforzi sabiex tiddisimula n-natura antikompettitiva tal-aġir tagħha, tal-inqas fir-rigward tar-relazzjonijiet tagħha ma’ Dell, HP, Lenovo u MSH. Sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti implementat strateġija ġenerali maħsuba sabiex teskludi lil AMD mis-suq, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li turi, fid-deċiżjoni kkontestata, sforz ta’ dissimulazzjoni fir-rigward ta’ kull prattika implementata, iżda setgħet tillimita ruħha għal enumerazzjoni tal-provi li jikkonċernaw lil dawk l-erba’ impriżi.

1549

Barra minn hekk, il-provi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata fil-premessi 1742 u 1743 bħala indizji huma kkonfermati mill-konstatazzjoni ġenerali magħmula fil-premessa 167 tal-imsemmija deċiżjoni li l-prattiki kollha ta’ Intel kellhom element komuni fis-sens li għadd ta’ ftehim bejn Intel u l-klijenti tagħha, kultant li jammontaw għal mijiet ta’ miljuni, jew biljuni ta’ USD, kienu għaddew bħala ftehim amikevoli jew kienu jinkludu klawżoli importanti mhux bil-miktub. Għaldaqstant, l-allegazzjoni li hija għamlet użu minn klawżoli antikompetittivi mhux bil-miktub ma hijiex diretta unikament kontra l-aġir tar-rikorrenti fil-konfront ta’ Dell, ta’ HP, ta’ Lenovo u ta’ MSH, iżda tkopri l-aġir tar-rikorrenti fir-rigward tal-OEM kollha u ta’ MSH.

1550

Ċertament, ir-rikorrenti ssostni li, fil-kuntest tas-suq tas-CPUs, li huwa kkaratterizzat mill-introduzzjoni rapida ta’ prodotti ġodda u ta’ tnaqqis sinjifikattiv tal-prezzijiet għall-prodotti eżistenti, ftehim informali huwa l-konsegwenza tar-rittmu tas-settur u ta’ talbiet ta’ OEM innifishom. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm jibqa’ legali li l-impriżi jikkonkludu b’mod informali ftehim li huma konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni, l-użu ta’ kundizzjonijiet antikompetittivi informali jistgħu jikkostitwixxu indizju tal-isforz tad-dissimulazzjoni tagħhom. F’dan il-każ, tali indizju ma jirriżultax biss min-natura informali tal-ftehim konkluż bejn ir-rikorrenti u l-OEM jew MSH innifisha, iżda minn tal-inqas fir-rigward ta’ HP u Lenovo, mill-użu ta’ klawżoli mhux bil-miktub antikompetittivi mhux f’kuntratti bil-miktub, jew, fir-rigward ta’ MSH, mill-użu ta’ klawżoli bil-miktub li kienu jindikaw il-kuntrarju ta’ dak li kien verament ġie miftiehem.

1551

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 1540 sa 1550 iktar ’il fuq, huwa permess li jiġi konkluż li l-Kummissjoni wriet sal-grad rikjest mil-liġi li r-rikorrenti pprovat tiddissimula n-natura antikompetittiva tal-prattiki tagħha. Konsegwentement, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni wkoll fuq l-ammissibbiltà jew il-fondatezza tal-argumenti l-oħra tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk jeżistux elementi oħra li jsaħħu l-provi msemmija iktar ’il fuq jew li juru b’mod iktar konkret li r-rikorrenti żvelat ukoll il-prattiki antikompetittivi tagħha li jikkonċernaw lil Acer u NEC.

1552

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni pprovat sal-grad rikjest mil-liġi lir-rikorrenti implementat strateġija ġenerali fuq bażi twila ta’ żmien maħsuba sabiex tostakola l-aċċess ta’ AMD għall-mezzi tal-bejgħ l-iktar importanti mill-prespettiva strateġika.

III – Fuq il-konklużjonijiet intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa

1553

Skont l-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, ġiet imposta fuq ir-rikorrenti multa ta’ EUR 1.06 biljun.

1554

Skont il-paragrafu 19 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni ddeterminat li l-ammont bażiku tal-multa huwa marbut ma’ proporzjoni tal-valur tal-bejgħ, iddeterminat skont il-livell ta’ gravità tal-ksur, immultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ ksur (ara l-premessa 1778 tad-deċiżjoni kkontestata).

1555

Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-valur ta’ EUR 3 876 827 021 bħala l-valur ta’ bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, li jirrappreżenta l-valur ta’ bejgħ ta’ CPU x86 iffatturat minn Intel għal impriżi stabbiliti fis-suq taż-ŻEE matul l-aħħar sena tal-ksur (ara l-premessi 1773 sa 1777 tad-deċiżjoni kkontestata).

1556

Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari n-natura tal-ksur, il-parti mis-suq tal-partijiet ikkonċernati u l-portata ġeografika tal-ksur. Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li Intel wettqet ksur uniku; li l-intensità ta’ dan il-ksur uniku kienet varjata matul is-snin u li l-maġġoranza tal-abbużi individwali inkwistjoni kienu kkonċentrati matul il-perijodu ta’ bejn l-2002 u l-2005; li l-abbużi kienu jvarjaw fir-rigward tal-inċidenza antikompetittiva probabbli tagħhom rispettiva; u li Intel adottat miżuri sabiex tiddissimula l-prattiki stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, il-Kummissjoni stabbilixxiet dan il-proporzjon għal 5 % (ara l-premessi 1779 sa 1786 tal-imsemmija deċiżjoni).

1557

Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni kkonstatat li l-abbuż beda f’Ottubru 2002 u kompla tal-inqas sa Diċembru 2007. Għaldaqstant, dan dam ħames snin u tliet xhur, fatt li jwassal, skont il-paragrafu 24 tal-linji gwida tal-2006, għal fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 5.5 bil-għan li jieħu inkunsiderazzjoni dan it-tul (ara l-premessi 1787 u 1788 tad-deċiżjoni kkontestata).

1558

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Kummissjoni qieset li l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Intel kellha tammonta għal EUR 1 060 000 000 (ara l-premessa 1789 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti (ara l-premessi 1790 sa 1801 tal-imsemmija deċiżjoni).

1559

Ir-rikorrenti, sostnuta mill-ACT, issostni li, fid-dawl tal-ġursidizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 261 TFUE u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-multa għandha tiġi annullata jew imnaqqsa b’mod sostanzjali għar-raġunijiet li ġejjin. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma applikatx b’mod korrett il-linji gwida tagħha tal-2006 u ħadet inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet irrilevanti. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma kisritx l-Artikolu 82 KE b’mod intenzjonat jew b’negliġenza. Fit-tielet lok, il-livell tal-multa huwa manifestament sproporzjonat.

A – Fuq l-applikazzjoni allegatament mhux korretta tal-linji gwida tal-2006 u l-allegat teħid inkunsiderazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet irrilevanti

1560

Ir-rikorrenti ssostni li l-kalkolu tal-ammont bażiku huwa vvizzjat b’numru ta’ żbalji. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma evalwatx b’mod korrett il-prodotti u s-servizzi li kien marbut magħhom il-ksur bejn Jannar u Settembru 2006. Barra minn hekk, il-Kummissjoni espandiet l-ammont tal-multa billi użat l-ammont tal-bejgħ ta’ Intel fl-Istati Membri kollha taż-ŻEE f’Diċembru 2007 meta tnax-il Stat Membru daħlu fiż-ŻEE matul il-perijodu ta’ ksur. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat id-dissimulazzjoni bħala fattur għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni użat b’mod żbaljat il-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur uniku bħala fattur aggravanti għall-perijodu kollu inkwistjoni. Fir-raba’ lok, id-deċiżjoni kkontestata kienet żbaljata sa fejn il-Kummissjoni applikat fattur multiplikatur ta’ 5.5 għat-tul ta’ kull ksur. Fil-ħames lok, il-Kummissjoni applikat il-linji gwida tagħhom b’mod retroattiv.

1561

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 1747 u 1748 tad-deċiżjoni kkontesata, il-Kummissjoni, ġustament inferixxiet l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 82 KE, li jkopri l-perijodu ta’ bejn Ottubru 2002 u Diċembru 2007 u li huwa maħsub sabiex jeskludi kompetituri mis-suq, mill-prova dwar l-eżistenza ta’ strateġija ġenerali maħsuba sabiex tostakola l-aċċess ta’ AMD għall-mezzi ta’ bejgħ l-iktar importanti mill-prespettiva strateġika (ara l-punti 1523 sa 1552 iktar ’il fuq).

1562

Fil-fatt, mill-ġurispridenza jirriżulta li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat huwa marbut ma’ serje ta’ azzjonijiet li jaqgħu taħt pjan kollettiv, minħabba s-suġġett identiku tagħhom li jwassal għal distorzjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. Għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-aġir differenti li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwat, hemm lok li jiġi vverifikat jekk dawn jippreżentawx rabta ta’ komplementarità, fis-sens li kull aġir ikun maħsub sabiex iġarrab konsegwenza waħda jew iktar tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxu, permezz ta’ interazzjoni, għar-realizzazzjoni tal-għanijiet previsti fil-kuntest ta’ dan il-pjan globali. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kull ċirkustanza li tista’ tistabbilixxi jew tikkontesta r-rabta msemmija, bħall-perijodu ta’ applikazzjoni, il-kontenut (inkluż il-metodi użati) u, b’rabta ma’ dan, l-għan tad-diversi aġir inkwistjoni (sentenza AstraZeneca, punt 64 iktar ’il fuq, punt 892).

1563

Hemm lok li jiġi osservat li l-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata marbuta mal-eżistenza ta’ strateġija ġenerali jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti. Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi minn dawn il-konstatazzjonijiet li r-rikorrenti wettqet ksur uniku u kontinwat. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li titfakkar b’mod partikolari l-koerenza matul iż-żmien tal-ksur ikkontestat fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-paragunabbiltà u l-komplementarità tiegħu. Il-prattiki individwali attribwiti lir-rikorrenti kienu jsegwu għan identiku peress li kienu kollha maħsuba sabiex jeskludu lil AMD mis-suq dinji tas-CPUs x86. F’dan ir-rigward, huma kienu komplementari sa fejn dawn ġew applikati fuq żewġ livelli differenti tal-katina tal-provvista u sa fejn ir-restrizzjonijiet ovvji kienu jikkostitwixxu aġir tattiku maħsub sabiex jostakola l-aċċess ta’ AMD għal prodotti jew għal mezzi ta’ distribuzzjoni speċifiċi identifikati sew, filwaqt li t-tnaqqis u l-ħlasijiet għal esklużività kienu jikkostitwixxu strumenti iktar strateġiċi maħsuba sabiex jostakolaw l-aċċess ta’ AMD għal setturi sħaħ tad-domanda tal-OEM. Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar, b’mod partikolari, li l-koerenza bejn il-prattiki individwali ma hijiex interrotta permezz taċ-ċirkustanza li l-ksur li jikkonċerna lil Lenovo u MSH ma kienx ta’ wisq importanza meta mqabbel mal-ksur li jikkonċerna lil Dell u HP (ara l-punti 1525 u 1537 iktar ’il fuq).

1564

Għalhekk, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni kellha dritt timponi multa unika. F’dan ir-rigward, hija ma għandhiex bżonn tindividwalizza fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata l-mod kif hija ħadet inkunsiderazzjoni kull wieħed mill-elementi abbużivi allegati għall-finijiet tal-istabbiliment tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T-83/91, Ġabra p. II-755, punt 236, u Michelin II, punt 75 iktar ’il fuq, punt 265).

1565

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li jeħtieġ li jiġi vverifikat li l-ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti marbuta mal-allegata applikazzjoni żbaljata tal-linji gwida tal-2006 ma jista’ jintlaqa’.

1. Fuq l-argument ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-prodotti li huwa marbut magħhom il-ksur bejn Jannar u Settembru 2006 kif ukoll fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li tnax-il Stat Membru kienu jifformaw parti miż-ŻEE matul parti biss mill-perijodu ta’ ksur

1566

Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-multa hija illegali, peress li ċ-ċifra ta’ 5 % fis-sena ġiet applikata għal ammont ta’ dħul mill-bejgħ għoli wisq bejn Jannar u Settembru 2006. Il-Kummissjoni ma ddefinixxietx is-suq tal-prodott u lanqas is-suq ġeografiku rilevanti fir-rigward tal-allegazzjonijiet li jikkonċernaw lil MSH. Peress li l-abbuż allegat fil-konfront ta’ MSH huwa l-uniku ksur li jista’ jintrabat mat-territorju taż-ŻEE minn tal-inqas minn Jannar 2006 sa Settembru 2006, il-Kummissjoni wettqet żball billi applikat id-dħul mill-bejgħ li jikkonċerna s-suq kollu tas-CPUs x86 fi ħdan iż-ŻEE fil-kuntest ta’ allegazzjoni mingħajr ebda rabta ma’ dak is-suq. Il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-portata ġeografika limitata tal-ksur allegat matul dan il-perijodu fil-kalkolu tal-ammont tal-multa. MSH ma kinitx attiva f’ħafna Stati Membri fi ħdan iż-ŻEE u l-portata tas-swieq bl-imnut kienet b’mod ġenerali limitata għal pjan nazzjonali.

1567

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni espandiet l-ammont tal-multa billi kkonkludiet, fil-premessa 1784 tad-deċiżjoni kkontestata, li “t-totalità taż-ŻEE kienet koperta mill-aġir illegali” u billi użat l-ammont tal-bejgħ ta’ Intel fl-Istati Membri kollha taż-ŻEE f’Diċembru 2007, jiġifieri meta l-perijodu ta’ ksur intemm. Madankollu, tnax-il Stat Membru daħlu fiż-ŻEE matul il-perijodu tal-ksur u ma ġewx preċedentement suġġetti għall-awtorità tal-Kummissjoni. Kieku d-deċiżjoni imponiet multa separata għal kull ksur, hija kien ikollha teskludi l-valur tal-bejgħ ta’ Intel f’dawn l-Istati jew tapplika multiplikatur inferjuri.

1568

Dawn l-argumenti ma humiex konvinċenti.

1569

Minn naħa, skont il-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006, bil-għan li jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew ta’ servizzi, imwettaq mill-impriża, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fi ħdan it-territorju taż-ŻEE. Din il-formulazzjoni tikkonċerna l-bejgħ imwettaq fuq is-suq rilevanti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il-Kummissjoni, T-211/08, Ġabra p. II-3729, punt 59). Skont dan l-istess paragrafu, il-Kummissjoni għandha tuża normalment il-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur.

1570

Min-naħa l-oħra, mill-paragrafu 22 tal-linji gwida tal-2006 jirriżulta li l-portata ġeografika tal-ksur hija waħda mill-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bil-għan li tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur u għalhekk li jiġi deċiż jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għandux ikun inqas jew ogħla mil-livell ta’ 30 % previst fil-paragrafu 21 tal-linji gwida tal-2006.

1571

Għalhekk, għalkemm huwa vera li kemm il-paragrafu 13 kif ukoll il-paragrafu 21 tal-linji gwida tal-2006 jagħmlu riferiment għall-portata ġeografika ta’ ksur, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni la kisret il-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006 u lanqas il-paragrafu 21 tal-imsemmija linji billi astenjiet milli tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-portata ġeografika tas-suq li fih kienet topera MSH kif ukoll il-fatt li tnax-il Stat Membru kienu jifformaw parti miż-ŻEE biss matul parti mill-perijodu tal-ksur, kif ser jiġi spjegat iktar ’il quddiem.

a) Dwar l-eżistenza ta’ ksur tal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006

1572

Mill-premessi 792 sa 836 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkonkludiet li s-suq rilevanti kien is-suq dinji tas-CPUs x86. Skont il-premessa 1773 tal-imsemmija deċiżjoni, l-ammont ta’ EUR 3 876 827 021, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqu bħala valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, jirrappreżenta l-valur tal-bejgħ tas-CPUs x86 iffatturat minn Intel lil impriżi stabbiliti fiż-ŻEE waqt l-aħħar sena ta’ ksur. Dan il-valur la jieħu inkunsiderazzjoni l-portata ġeografika allegatament idjaq tas-suq li fih kienet topera MSH u lanqas tal-fatt li tnax-il Stat Membru kienu jifformaw parti miż-ŻEE biss matul parti mill-perijodu tal-ksur.

1573

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li billi astjeniet milli tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-portata ġeografika tas-suq li kienet topera fih MSH kif ukoll it-tkabbir tal-Unjoni waqt il-perijodu tal-ksur, il-Kummissjoni ma applikatx b’mod skorrett il-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006.

1574

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha dritt timponi multa unika u ma kinitx obbligata tindividwalizza l-mod kif hija ħadet inkunsiderazzjoni kull element abbużiv allegat għall-finijiet tal-istabbiliment tal-multa (ara l-punt 1564 iktar ’il fuq).

1575

Minn naħa, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, b’mod konformi mal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006, is-sena normalment rilevanti sabiex jiġi ddeterminat il-valur tal-bejgħ hija l-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, jiġifieri, f’dan il-każ, is-sena 2007. Ir-rikorrenti ma tikkonfermax li l-Kummissjoni kellha teskludi din ir-regola u tagħżel sena oħra bħala sena ta’ riferiment. Issa, fir-rigward tas-sena kollha tal-2007, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza ta’ abbuż mhux biss fir-rigward ta’ MSH, iżda wkoll fir-rigward ta’ Lenovo. Fir-rigward tal-aġir tar-rikorrenti fil-konfront ta’ din l-aħħar impriża fl-2007, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li s-suq rilevanti kien is-suq dinji tas-CPUs x86. Peress li minn tal-inqas waħda mill-prattiki abbużivi mwettqa mir-rikorrenti fl-2007 kienet għalhekk tikkonċerna s-suq dinji tas-CPUs x86, il-Kummissjoni ma applikatx il-linji gwida tagħha b’mod skorrett sa fejn hija stabbilixxiet il-valur tal-bejgħ billi għamlet riferiment biss għas-suq tas-CPUs x86 u mhux għas-suq allegatament iktar limitat ta’ distribuzzjoni tal-kompjuters lill-konsumaturi li fih kienet taġixxi MSH.

1576

Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiddefinixxi suq ta’ prodott separat jew suq ġeografiku separat fir-rigward ta’ MSH u li l-prattiki tar-rikorrenti fir-rigward ta’ MSH kellhom il-kapaċità li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq dinji tas-CPUs x86 (ara l-punt 1533 iktar ’il fuq). Peress li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tiddefinixxi s-suq ġeografiku separat fir-rigward ta’ MSH, il-Kummissjoni lanqas ma kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-portata ġeografika limitata ta’ tali suq ipotetiku waqt l-istabbiliment tal-valur tal-bejgħ, skont il-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006.

1577

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li t-tnax-il Stat Membru li daħlu fiż-ŻEE matul il-perijodu tal-ksur kienu jifformaw parti miż-ŻEE matul is-sena kollha tal-2007. Peress li, skont il-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006, is-sena rilevanti għad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ hija, f’dan il-każ, is-sena 2007, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni, waqt l-istabbiliment tal-ammont tal-valur tal-bejgħ, il-fatt li dawn l-Istati Membri kienu jifformaw parti miż-ŻEE biss matul parti mill-perijodu tal-ksur.

b) Dwar l-eżistenza ta’ ksur tal-paragrafu 21 tal-linji gwida tal-2006

1578

Hemm lok li jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 1784 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-istrateġija tar-rikorrenti maħsuba sabiex teskludi lil AMD kellha portata dinjija. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, din iċ-ċirkustanza timplika li ż-ŻEE kollha kienet koperta mill-ksur.

1579

Għandu jiġi kkonstatat li, billi astjeniet milli tieħu inkunsiderazzjoni l-portata ġeografika tas-suq li kienet topera fih MSH, il-Kummissjoni ma applikatx b’mod skorrett il-paragrafu 21 tal-linji gwida tagħha tal-2006.

1580

Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-fatt waħdu li, għal parti mis-sena 2006, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkonstatax li prattika illegali waħda fir-rigward ta’ MSH ma tistax tikkontesta l-konklużjoni li l-istrateġija tar-rikorrenti maħsuba sabiex teskludi lil AMD kellha portata ġeografika dinjija. Fil-fatt, hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiddefinixxi suq ta’ prodott separat jew suq ġeografiku separat fir-rigward ta’ MSH u li l-prattiki tar-rikorrenti fil-konfront ta’ MSH kienu kapaċi jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq dinji tas-CPUs x86 (ara l-punt 1533 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, peress li l-prattiki tar-rikorrenti fil-konfront ta’ MSH jaqgħu taħt strateġija ġenerali koerenti, huma ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod iżolat. Il-portata ġeografika ta’ din l-istrateġija kienet dinjija. Konsegwentement, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet, ġustament, li ż-ŻEE kollha kienet koperta mill-ksur.

1581

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni lanqas ma kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li tnax-il Stat Membru kienu jifformaw parti miż-ŻEE biss matul parti mill-perijodu tal-ksur meta, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità, hija kkunsidrat li l-portata dinjija tal-istrateġija maħsuba sabiex teskludi lil AMD kienet timplika li ż-ŻEE kollha kienet koperta mill-ksur.

1582

Fil-fatt, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni kkonstatat biss li ż-ŻEE kollha kienet koperta mill-ksur. Għalhekk, hija għamlet riferiment b’mod dinamiku għall-Istati li rispettivament ifformaw parti miż-ŻEE f’mument partikolari matul il-perijodu tal-ksur. Il-Kummissjoni ma kinitx obbligata taqsam l-portata ġeografika meħuda inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur uniku skont l-Istati differenti li daħlu fiż-ŻEE f’mument partikolari waqt il-perijodu ta’ ksur. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tindividwalizza l-mod kif hija ħadet inkunsiderazzjoni kull element abbużiv allegat għall-finijiet tad-determiniazzjoni tal-multa (ara l-punt 1564 iktar ’il fuq).

2. Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dissimulazzjoni tal-ksur

1583

Hemm lok li jiġi rrilevat li, bil-għan li tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fil-premessa 1785 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li r-rikorrenti adottat miżuri bil-għan li tiddissimula l-prattiki kkontestati fl-imsemmija deċiżjoni.

1584

Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, ħadet inkunsiderazzjoni l-allegata dissimulazzjoni tal-ksur, peress li hija ma waslitx sabiex tipprovaha. Barra minn hekk, l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonċernaw din id-dissimulazzjoni jirrigwardaw biss lil MSH, HP u Lenovo u għalhekk ma għandhomx jiġu applikati b’mod globali għall-ksur kollu.

1585

Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

1586

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li n-natura sigrieta ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija ċirkustanza li tista’ tenfasizza l-gravità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T-259/02 sa T-264/02 u T-271/02, Ġabra p. II-5169, punt 252, u Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, punt 446). F’dan il-każ, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni t-tentattivi ta’ Intel sabiex tiddissimula l-aġir tagħha, fost diversi elementi oħrajn, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

1587

Jeħtieġ li jitfakkar li l-provi adottati fid-deċiżjoni kkontestata juru sal-grad rikjest mil-liġi li r-rikorrenti għamlet sforz sabiex tiddissimula n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha, tal-inqas fir-rigward tar-relazzjonijet tagħha ma’ Dell, HP, Lenovo u MSH (ara l-punti 1540 sa 1551 iktar ’il fuq). B’mod kuntrarju għal dak li tallega r-rikorrenti, kien suffiċjenti li l-Kummissjoni tagħmel allegazzjonijiet speċifiċi fil-qasam tad-dissimulazzjoni biss fir-rigward ta’ dawn l-erba’ impriżi bil-għan li tieħu inkunsiderazzjoni d-dissimulazzjoni bħala wieħed mill-elementi li jiddetermina l-gravità tal-ksur uniku. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tindividwalizza l-mod kif hija ħadet inkunsiderazzjoni kull wieħed mill-elementi abbużivi allegati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-multa (ara l-punt 1564 iktar ’il fuq).

3. Fuq in-natura li taggrava l-konstatazzjoni ta’ ksur uniku

1588

Hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-premessa 1747 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-konstatazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ strateġija ġenerali, il-Kummissjoni kkonkludiet li, meħuda flimkien, il-prattiki individwali tar-rikorrenti kienu ta’ natura jew kapaċi li jipproduċu effett ikbar fuq is-suq. Fil-premessa 1785 tal-imsemmija deċiżjoni, fil-kuntest tal-konstatazzjonijiet marbuta mal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni rrilevat li hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li Intel kienet wettqet ksur uniku, li l-intensità ta’ dan il-ksur uniku kien inbidel matul is-snin, li l-maġġoranza tal-abbużi individwali inkwistjoni ġraw matul il-perijodu ta’ bejn l-2002 u l-2005 u li l-abbużi kienu jvarjaw fir-rigward tal-probabbiltà tal-effett antikompetittiv rispettiv.

1589

Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni “probabbilment” użat il-konstatazzjoni ta’ ksur uniku bħala fattur aggravanti waqt id-determinazzjoni tal-gravità. L-applikazzjoni ta’ ksur uniku bħala fattur li jsaħħaħ il-gravità tal-ksur hija żbaljata, peress li, għal ċerti perijodi, ma jistax jiġi pprovat li “tali fattur” seta’ jsaħħaħ il-gravità tal-aġir allegat. Għal parti mis-sena 2006, filwaqt li l-uniċi prattiki inkonnessjoni maż-ŻEE kienu jikkonċernaw lil MSH, ma teżisti l-ebda bażi li tista’ tattribwixxi gravità ikbar għall-aġir tagħha minħabba ksur uniku.

1590

Għalhekk, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

1591

Jeħtieġ li jitfakkar li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha dritt timponi multa unika u li hija ma kinitx obbligata tindividwalizza l-mod kif hija ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi abbużivi allegati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-multa (ara l-punt 1564 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-Kummissjoni żiedet il-gravità tal-aġir li jikkostitwixxi ksur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni minħabba l-eżistenza ta’ ksur uniku. Dan ma huwiex il-każ. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-intensità tal-ksur uniku nbidel matul is-snin, li l-maġġoranza tal-abbużi individwali inkwistjoni ġraw matul il-perijodu ta’ bejn l-2002 u l-2005 u li l-abbużi kienu jvarjaw fir-rigward tal-probabbiltà tal-effett antikompetittiv rispettiv. Dawn il-konstatazzjonijiet jieħdu inkunsiderazzjoni, sal-grad rikjest mil-liġi, iċ-ċirkustanza li, għal parti mis-sena 2006, il-ksur li jikkonċerna lil MSH kien l-uniku ksur marbut maż-ŻEE li ġie inkluż fid-deċiżjoni kkontestata.

4. Fuq l-applikazzjoni ta’ fattur multiplikatur ta’ 5.5 għat-tul tal-ksur

1592

Hemm lok li jiġi rrilevat li, fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 1787 u 1788 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-abbuż beda f’Ottubru 2002 u kompla minn tal-inqas sa Diċembru 2007. Għaldaqstant, dan seħħ għal ħames snin u tliet xhur, fatt li jwassal, skont il-paragrafu 24 tal-linji gwida tal-2006, għal fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 5.5 bil-għan li jittieħed inkunsiderazzjoni dan it-tul.

1593

Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata sa fejn il-Kummissjoni applikat fattur multiplikatur ta’ 5.5 għat-tul ta’ kull ksur. Dan l-approċċ ħadem kontriha, sa fejn kull ksur inkonessjoni ma’ OEM kien ta’ tul sinjifikattivament iqsar mill-perijodu totali ta’ ksur.

1594

Dan l-argument ma huwiex konvinċenti.

1595

Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma applikatx fattur multiplikatur ta’ 5.5 għal kull ksur individwali, iżda għall-ksur uniku. Peress li l-Kummissjoni kkonkludiet, ġustament, favur l-eżistenza ta’ ksur uniku li seħħ bejn Ottubru 2002 u Diċembru 2007 (ara l-punti 1561 sa 1563 iktar ’il fuq), dan l-approċċ ma jistax jiġi kkritikat.

5. Dwar l-applikazzjoni retroattiva tal-linji gwida tal-2006

1596

Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi applikat il-linji gwida tal-2006 b’mod retroattiv. Is-sostituzzjoni ta’ ċerti linji gwida b’oħrajn għandha tiġi distinta mill-ewwel introduzzjoni tal-linji gwida. L-ewwel introduzzjoni tal-linji gwida ħolqot għall-ewwel darba aspettattivi leġittimi li sa dakinhar ma kinux jeżistu, li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ linji gwida ġodda b’mod retroattiv.

1597

Dan l-argument ma setax jiġi aċċettat.

1598

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li la l-prinċipju ta’ ċertezza legali u lanqas il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege, stabbilit fl-Artikolu 7(1) tal-KEDB, ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tiddeċiedi li tadotta u li tapplika linji gwida ġodda għall-kalkolu tal-multi anki wara li jkun twettaq il-ksur. L-interess għal applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni jiġġustifika li, fil-limiti previsti mill-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, impriża għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ bidla tal-politika ġenerali tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-multi fir-rigward kemm tal-metodu tal-kalkolu kif ukoll tal-livell tal-multi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Frar 2012, Denki Kagaku Kogyo u Denka Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑83/08, punti 98 sa 127). Din il-konstatazzjoni tgħodd ukoll fir-rigward tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha dritt, għal raġunijiet iktar sodi, li tapplika l-linji gwida tagħha tal-2006 għal ksur uniku li ntemm biss wara l-adozzjoni tagħhom.

B – Fuq l-allegata assenza ta’ ksur tal-Artikolu 82 KE b’mod intenzjonat jew b’negliġenza

1599

Ir-rikorrenti tallega li hija ma aġixxietx b’negliġenza. Bil-għan li ssaħħaħ din id-dikjarazzjoni, hija ssostni, essenzjalment, li t-tnaqqis kundizzjonali ma huwiex dejjem illegali u li r-restrizzjonijiet ovvji jikkostitwixxu kategorija ġdida ta’ abbuż. Hija wriet li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ strateġija ta’ esklużjoni ta’ AMD. Il-Kummissjoni wettqet żball meta kkunsidrat li hija adottat miżuri maħsuba sabiex jiddissilumaw l-aġir tagħha. Hija ma setgħetx tipprevedi r-riżultati li waslet għalihom il-Kummissjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-test AEC. Fil-fatt, dawn ir-riżultati huma msejsa fuq data interna li toriġina minn OEM differenti, informazzjoni li Intel qatt ma kienet taf biha u li ma kellhiex aċċess għaliha.

1600

Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

1601

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li l-ksur twettaq b’mod intenzjonat jew b’negliġenza tkun sodisfatta meta l-impriża inkwistjoni ma tistax tinjora n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha, indipendentement minn jekk kinitx konxja jew le li kienet qed tikser ir-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, punt 1564 iktar ’il fuq, punt 238, u tal-10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, T-271/03, Ġabra p. II-477, punt 295). Impriża tkun konsapevoli tan-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha meta hija tkun taf b’elementi fattwali li jiġġustifikaw kemm il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq ikkonċernat kif ukoll l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni ta’ abbuż ta’ din il-pożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Michelin I, punt 74 iktar ’il fuq, punt 107, u s-sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 1586 iktar ’il fuq, punti 207 u 210 ; ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Deutsche Telekom, punt 98 iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑9567, punt 39).

1602

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument li t-tnaqqis kundizzjonali ma huwiex dejjem illegali u li r-restrizzjonijiet ovvji jikkostitwixxu kategorija ġdida ta’ abbuż, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li tali argument huwa biss intiż li jistabbilixxi l-fatt li r-rikorrenti ma kellhiex għarfien tan-natura illegali tal-aġir allegat fid-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-Artikolu 82 KE. Għaldaqstant, huwa għandu jiġi miċħud skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Deutsche Telekom, punt 98 iktar ’il fuq, punt 127). Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma setgħetx ma jkollhiex għarfien tan-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha. Il-qrati tal-Unjoni kkundannaw diversi drabi l-implementazzjoni, minn impriża f’pożizzjoni dominanti, ta’ prattiki li jikkonsistu fl-għoti ta’ inċentivi finanzjarji li jiddependu fuq kundizzjonijiet ta’ esklużività. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jsir riferiment għas-sentenza Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq, u għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja BPB Industries u British Gypsum, punt 89 iktar ’il fuq. Fir-rigward tar-restrizzjonijiet ovvji, ġie kkonstatat fil-punti 219 u 220 iktar ’il fuq li l-klassifikazzjoni bħala abbużivi ta’ tali prattiki ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ġdida u li, fi kwalunkwe każ, il-fatt li aġir li jippreżenta l-istess karatteristiċi ma jkunx għadu ġie eżaminat fid-deċiżjonijiet preċedenti ma jeżentax lill-impriża mir-responsabbiltà tagħha.

1603

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jitfakkar li l-provi adottati fid-deċiżjoni kkontestata juru sal-grad rikjest mil-liġi li r-rikorrenti implementat strateġija ġenerali fuq bażi twila ta’ żmien maħsuba sabiex tostakola l-aċċess ta’ AMD għall-mezzi ta’ bejgħ l-iktar importanti mill-perspettiva strateġika u li hija għamlet sforzi sabiex tiddissimula n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha, tal-inqas fir-rigward tar-relazzjonijiet tagħha ma’ Dell, HP, Lenovo u MSH (ara l-punti 1523 sa 1552 iktar ’il fuq). Konsegwentement, huwa permess li jiġi konkluż li r-rikorrenti wettqet ksur ikkunsidrat tal-inqas b’negliġenza.

1604

Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi eskluż l-argument tar-rikorrenti li hija ma setgħetx tipprevedi r-riżultati li waslet għalihom il-Kummissjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-test AEC. Jeħtieġ li jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha, prinċipalment, fuq kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza fis-sentenza Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq, bil-għan li tikkonstata l-illegalità tat-tnaqqis għal esklużività (ara l-punti 69, 72 u 73 iktar ’il fuq). Madankollu, hija bbażat id-deċiżjoni kkontestata tagħha fuq it-test AEC biss għall-finijiet ta’ kompletezza (ara l-punti 173 u 175 iktar ’il fuq). Hemm lok li jitfakkar li l-applikazzjoni ta’ test AEC ma hijiex neċessarja għall-finijiet tal-istabbiliment tal-illegalità tal-prattiki tar-rikorrenti u li tali test lanqas ma jista’ jikkostitwixxi metodu affidabbli għall-impriża f’pożizzjoni dominanti bil-għan li teskludi kull ksur (ara l-punti 140 sa 166 iktar ’il fuq). Anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti ma setgħetx tipprevedi r-riżultati li waslet għalihom il-Kummissjoni billi applikat dan it-test, din iċ-ċirkustanza ma tikkontestax il-fatt li r-rikorrenti ma setgħetx tinjora l-elementi fattwali materjali li jiġġustifikaw il-konstatazzjoni mill-Kummissjoni ta’ abbuż mill-pożizzjoni dominanti tagħha skont kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza fis-sentenza Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq.

C – Fuq in-natura allegatament sproporzjonata tal-multa

1605

Ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, tliet argumenti sabiex issostni l-konstatazzjoni tagħha li l-livell tal-multa kien sproporzjonat. Il-multa ma ġietx imposta minn awtorità indipendenti. Hija sproporzjonata meta mqabbla ma’ multi oħra imposti f’deċiżjonijiet oħra. L-impożizzjoni tal-ikbar multa li qatt ġiet imposta hija sproporzjonata fid-dawl tal-assenza ta’ effetti konkreti tal-ksur fuq is-suq.

1606

Dawn l-argumenti kollha għandhom jinċaħdu.

1. Fuq l-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ indipendenza tal-Kummissjoni

1607

Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni indipendenti u imparzjali kif definita mill-KEDB. Hija ssostni li, peress li l-multa hija ta’ natura kriminali, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB, il-multa ġiet imposta b’mod illegali u bi ksur tad-drittijiet tagħha li jiġi stabbilit li kull akkuża fil-qasam kriminali diretta kontra tagħha għandha tiġi deċiża minn qorti indipendenti.

1608

Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

1609

Id-dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali, li tibbaza ruħha fuqu r-rikorrenti, jifforma parti minn garanziji sanċiti fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Fid-dritt tal-Unjoni, il-protezzjoni mogħtija minn dan l-artikolu hija żgurata mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għalhekk għandu jsir riferiment biss għal din l-aħħar dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C-386/10 P, Ġabra p.I-13085, punt 51). L-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jippreċiża li, sa fejn din tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk li tagħtihom din il-konvenzjoni. Skont l-ispjegazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Unjoni skont l-Artikolu 52(7) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, is-sens u l-portata tad-drittijiet iggarantiti huma ddeterminati mhux biss mit-test tal-KEDB, iżda wkoll, b’mod partikolari, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C-279/09, Ġabra p. I-13849, punt 35).

1610

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-Artikolu 6(1) tal-KEDB ma teskludix li, fi proċedura ta’ natura amministrattiva, tiġi imposta l-ewwel “piena” minn awtorità amministrattiva. Madankollu, hija tippresupponi li d-deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva li ma tissodisfax fiha nnifisha l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB tkun suġġetta għall-istħarriġ ulterjuri ta’ qorti jew tribunal b’ġurisdizzjoni sħiħa. Fost il-karatteristiċi ta’ organu ġudizzjarju b’ġurisdizzjoni sħiħa hemm inkluża s-setgħa li jbiddel il-punti kollha, kemm dawk ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi, tad-deċiżjoni adottata, mogħtija mill-organu inferjuri. Huwa għandu jkollu b’mod partikolari l-ġurisidizzjoni li janalizza l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għall-kawża li jkun ġie adit biha (ara Qorti Ewr. D. B., sentenza A. Menarini Diagnostics c. Italie tas-27 ta’ Settembru 2011, Nru 43509/08, § 59).

1611

Minn din il-ġurisprudenza jista’ jiġi konkluż li l-fatt li l-Kummissjoni kkonċentrat is-setgħat ta’ investigazzjoni, ta’ prosekuzzjoni u ta’ deċiżjoni fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti mir-Regolament Nru 1/2003 ma huwiex, fih innifsu, kuntrarju għall-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, bil-kundizzjoni, madankollu, li l-impriżi li jkunu suġġetti għalihom ikollhom id-dritt ta’ rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni quddiem organu li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-521/09 P, Ġabra p.I-8947, I-8954, punt 31).

1612

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-istħarriġ ta’ legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, ikkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-ammont tal-multa, previst fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, b’mod konformi mal-Artikolu 261 TFUE, jissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva li tinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fil-fatt, l-istħarriġ previst mit-Trattati jimplika li l-Qorti tal-Unjoni għandha teżerċita stħarriġ kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt u li hija jkollha s-setgħa li tevalwa l-provi, li tannulla d-deċiżjoni kkontestata u li tbiddel l-ammont tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, punt 1609 iktar ’il fuq, punt 67).

2. Fuq in-natura sproporzjonata tal-multa meta mqabbla ma’ multi oħrajn

1613

Ir-rikorrenti tallega li l-multa imposta hija sproporzjonata meta mqabbla ma’ kawżi oħra reċenti, inkluża l-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni (T-201/04, Ġabra p. II-3601).

1614

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas legali għal multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra jagħtu biss indikazzjoni fir-rigward tal-eżistenza possibbli ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li ma huwiex probabbli wisq li ċ-ċirkustanzi speċifiċi għalihom, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati jkunu identiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C-167/04 P, Ġabra p. I-8935, punti 201 u 205, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-76/06 P, Ġabra p. I-4405, punt 60; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011, Caffaro vs Il-Kummissjoni, T-192/06, Ġabra p. II-3063, punt 46).

1615

Madankollu, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jipprekludi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat, għandu jiġi osservat mill-Kummissjoni meta timponi multa fuq impriża minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni bħalma għandu jiġi osservat minn kull istituzzjoni fl-attivitajiet kollha tagħha. Xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-multi jistgħu jkunu rilevanti fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biss jekk jiġi pprovat li d-data ċirkustanzjali tal-kawżi relatati ma’ dawn id-deċiżjonijiet l-oħra, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, huma paragunabbli ma’ dawk inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, T‑360/09, punti 261 u 262, u l-ġurisprudenza ċċitata).

1616

F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma wrietx li d-data ċirkustanzjali tal-kawżi marbuta mad-deċiżjonijiet preċedenti li hija tinvoka huma paragunabbli ma’ dawk ta’ dan il-każ. Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 1615 iktar ’il fuq, l-imsemmija deċiżjonijiet ma humiex rilevanti fid-dawl tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

1617

Fil-fatt, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kawża li tat lok għas-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 1613 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti sempliċement tenfasizza d-differenza bejn din il-kawża u l-kawża inkwistjoni billi ssostni li, fl-imsemmija kawża, il-prattiki kkontestati kienu ġġeneraw diversi effetti negattivi kwantifikabbli fuq il-kompetituri, fatt li huwa assenti fil-kawża inkwistjoni. Madankollu, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument bil-għan li turi li d-data ċirkustanzjali tal-kawża li tat lok għas-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni hija paragunabbli ma’ dik fil-kawża inkwistjoni. Jeħtieġ li jiġi osservat li din il-kawża kienet tikkonċerna b’mod partikolari swieq u prattiki abbużivi oħra li huma differenti minn dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti.

1618

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tinvoka d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Novembru 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39125 – Carglass), li ġie ippubblikat sinteżi tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-25 ta’ Lulju 2009 (ĠU C 173, p. 13), insostenn tal-argument tagħha li l-multa li ġiet imposta fuqha hija kunsiderevolment ikbar mill-ogħla multa li qatt ġiet imposta fuq suġġett reċidiv f’kawża ta’ akkordju. Madankollu, ir-rikorrenti ma wrietx li d-data ċirkustanzjali tal-kawża li tat lok għall-imsemmija deċiżjoni, li kienet tikkonċerna akkordju u mhux abbuż minn pożizzjoni dominanti, hija paragunabbli ma’ dik tal-kawża inkwistjoni.

1619

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-paragun tal-multa imposta f’din il-kawża ma’ dawk imposti fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq, Michelin I, punt 74 iktar ’il fuq, Michelin II, punt 75 iktar ’il fuq, u dik tal-Qorti Ġenerali British Airways, punt 186 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti lanqas ma turi li d-data ċirkustanzjali tal-imsemmija kawżi hija paragunabbli ma’ dik f’din il-kawża. F’dan ir-rigward, minn naħa, hemm lok li jitfakkar li l-kawżi Michelin I, punt 74 iktar ’il fuq, Michelin II, punt 75 iktar ’il fuq, u dik tal-Qorti Ġenerali British Airways, punt 186 iktar ’il fuq, ma kinux jikkonċernaw tnaqqis għal esklużività, iżda tnaqqis li jaqa’ taħt it-tielet kategorija (ara l-punt 78 iktar ’il fuq) u li l-kawża inkwistjoni tikkonċerna wkoll restrizzjonijiet ovvji. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, anki jekk jiġi preżunt li t-tipi ta’ abbuż ikkontestati fil-kawża inkwistjoni jixxiebhu, jew huma identiċi, għal dawk ikkontestati fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Hoffmann-La Roche, punt 71 iktar ’il fuq, Michelin I, punt 74 iktar ’il fuq, Michelin II, punt 75 iktar ’il fuq, u dik tal-Qorti Ġenerali British Airways, punt 186 iktar ’il fuq, din iċ-ċirkustanza ma tistax madankollu tkun suffiċjenti sabiex tirrendi din il-kawża u dawn invokati mir-rikorrenti paragunabbli fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 1615 iktar ’il fuq, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu bejn dawn il-kawżi fir-rigward b’mod partikolari tal-impriżi, is-swieq u l-prodotti inkwistjoni u b’kunsiderazzjoni taż-żmien bejn dawn il-kawżi kif ukoll tal-evoluzzjoni tal-politika tal-Kummissjoni fil-qasam tal-multi.

3. Fuq in-neċessità li jintwerew l-effetti konkreti tal-ksur

1620

Hemm lok li jitfakkar li, bil-għan li tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari n-natura tal-ksur, il-parti tas-suq tal-impriżi kkonċernati u l-portata ġeografika tal-ksur. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari tan-natura tal-ksur, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 1780 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-suq tas-CPUs x86 kien ta’ importanza ekonomika kbira. Skont l-imsemmija deċiżjoni, dan is-suq iġġenera dħul ta’ iktar minn USD 30 miljun fl-2007. Dan ifisser li l-aġir kollu antikompetittiv fuq is-suq kellu impatt kunsiderevoli.

1621

Ir-rikorrenti ssostni li l-livell tal-multa huwa dipendenti fuq l-allegat “impatt kunsiderevoli” fuq is-suq li ma twettaq l-ebda analiżi tal-effetti reali tal-prattiki msejħa abbużivi fuq AMD jew fuq is-suq. Hija tfakkar li l-multa tagħha ta’ EUR 1.06 biljun hija l-ikbar multa li qatt ġiet imposta kontra impriża waħda abbażi ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, kien neċessarju, waqt id-determinazzjoni ta’ din il-multa, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti reali tal-ksur u r-rabta kawżali bejn dawn l-effetti u l-preġudizzju għall-konsumaturi jew il-kompetituri, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-effett reali huwiex rilevanti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ abbuż. Ir-rikorrenti ssostni li l-provi juru li, matul il-perijodu kkonċernat, is-suq tas-CPUs kien ikkaratterizzat minn kompetizzjoni intensa bejn AMD u Intel, li wasslet għal tnaqqis kostanti tal-prezz u għal titjib fil-kwalità tal-prodotti, għall-ikbar benefiċċju tal-konsumaturi. Barra minn hekk, AMD immultiplikat il-partijiet tagħha tas-suq. Fl-aħħar, id-deċiżjoni tal-OEM li jixtru l-prodotti tar-rikorrenti kienet ibbażata jekk mhux totalment, minn tal-inqas parzjalment, fuq raġunijiet ekonomiċi li ma humiex marbuta mal-lealtà li tirriżulta mit-tnaqqis kundizzjonali.

1622

Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul ta’ dan tal-aħħar. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-gravità tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ numru kbir ta’ elementi, bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom bilfors jittieħdu inkunsiderazzjoni. Konsegwentement, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq ma huwiex fil-prinċipju, skont il-kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza, element obbligatorju, iżda biss element rilevanti fost oħrajn sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u jiġi stabbilit l-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C-534/07 P, Ġabra p. I-7415, iktar ’il quddiem is-“sentenza Prym”, punti 54 u 55). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li elementi li jirrigwardaw is-suġġett ta’ aġir jistgħu jkunu iktar sinjifikattivi għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa minn dawk li jirrigwardaw l-effetti tiegħu (sentenza AstraZeneca, punt 64 iktar ’il fuq, punt 902).

1623

Skont il-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1998”), l-evalwazzjoni tan-natura tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari “l-impatt reali tiegħu fuq is-suq, fejn dan jista’ jkun ikkalkolat” (sub-titolu 1.A.). F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, minn tal-inqas fir-rigward tal-ksur li jista’ jiġi kklassifikat bħala ksur gravi ħafna sempliċement fuq il-bażi tan-natura tiegħu stess, l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq jikkostitwixxi biss element fakultattiv li jista’ jippermetti lill-Kummissjoni żżid l-ammont bażiku tal-multa lil hinn mill-ammont minimu prevedibbli ta’ EUR 20 miljun (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym, punt 1622 iktar ’il fuq, punt 75). Huwa vera mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li meta l-Kummissjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, tqis opportun li tikkunsidra dan l-element fakultattiv, jiġifieri, l-impatt reali tal-ksur fuq is-suq, hija ma tistax tillimita lilha nnifisha li tressaq biss preżunzjoni, iżda għandha tipprovdi evidenza konkreta, kredibbli u suffiċjenti li tippermettilha tevalwa l-influwenza effettiva li l-ksur seta’ jkollu fir-rigward tal-kompetizzjoni fuq l-imsemmi suq (sentenza Prym, punt 1622 iktar ’il fuq, punt 82).

1624

Madankollu, f’din il-kawża, id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa ma hijiex ibbażata fuq il-linji gwida tal-1998, iżda fuq il-linji gwida tal-2006. Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju tal-linji gwida tal-1998, il-linji gwida tal-2006 ma kinux jipprevedu iktar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-“impatt reali tiegħu fuq is-suq, fejn dan jista’ jkun ikkalkolat” waqt l-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur partikolari. Skont il-paragrafu 22 tal-linji gwida tal-2006, sabiex jiġi deċiż jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ iddeterminat skont il-gravità għandux ikun fil-parti inferjuri jew fil-parti superjuri ta’ din l-iskala li tista’ tilħaq 30 %, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-partijiet kollha kkonċernati, il-portata ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew le tal-ksur.

1625

Għaldaqstant huwa minnu li, skont il-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni ma hijiex, bħala regola ġenerali, obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq meta tistabbilixxi l-proporzjon tal-valur tal-bjegħ iddeterminat skont il-gravità. Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li l-linji gwida lanqas ma jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq bil-għan li żżid dan il-proporzjon. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, jekk il-Kummissjoni tqis opportun li tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq bil-għan li żżid dan il-proporzjon, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 1623 iktar ’il fuq għandha tapplika wkoll fir-rigward tal-linji gwida tal-2006, b’tali mod li l-Kummissjoni għandha tipproduċi evidenza konkreta, kredibbli u suffiċjenti li tippermettilha tevalwa l-influwenza effettiva li l-ksur seta’ jkollu fir-rigward tal-kompetizzjoni fuq l-imsemmi suq. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza tal-effett konkret bħala fattur attenwanti waqt l-evalwazzjoni tal-gravità skont il-paragrafu 22 tal-linji gwida tal-2006. Huwa suffiċjenti li l-livell tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni stabbilit mill-Kummissjoni jkun iġġustifikat minn elementi oħra li jistgħu jinfluwenzaw id-determinazzjoni tal-gravità.

1626

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.

1627

Fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi eskluż l-argument li l-livell tal-multa huwa, f’dan il-każ, dipendenti fuq l-allegat “effett kunsiderevoli” fuq is-suq filwaqt li ma saret l-ebda analiżi tal-effett reali tal-prattiki msejħa abbużivi fuq AMD jew fuq is-suq. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effett konkret tal-ksur fuq is-suq bil-għan li tiddetermina l-gravità tiegħu. Għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, ma jistax jiġi dedott mill-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li “kull aġir antikompetittiv fuq [is-suq tas-CPUs x86] għandu effett kunsiderevoli”, li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni tali effett. Hemm lok li jitfakkar f’dan ir-rigward li l-konstatazzjoni kkritikata mir-rikorrenti saret mill-Kummissjoni bil-għan li tiddeskrivi n-natura tal-ksur. Peress li n-“natura” ta’ ksur tirreferi għall-elementi astratti u ġenerali tiegħu, il-Kummissjoni setgħet, f’dan il-kuntest, tikkonstata ġustament li, fid-dawl tal-importanza tad-dħul iġġenerat fis-suq tas-CPUs x86, kull aġir antikompettitiv fuq dan is-suq għandu effett konsiderevoli. Permezz ta’ dan, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effetti reali tal-prattiki kkontestati fid-deċiżjoni kkontestata fuq is-suq, iżda n-“natura” u għalhekk il-kapaċità ta’ dawn il-prattiki li jkollhom tali effetti.

1628

Il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effett konkret tal-ksur fuq is-suq bil-għan li tiddetermina l-ammont tal-multa huwa kkonfermat ukoll miċ-ċirkustanzi li ġejjin. Minn naħa, filwaqt li ċerti partijiet tad-deċiżjoni kkontestata li ma jagħmlux riferiment għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa jinkludu konklużjonijiet marbuta mal-effett konkret tal-aġir tar-rikorrenti fuq il-libertà tal-għażla tal-OEM u ta’ MSH (ara l-premessi 1001 u 1678 ta’ din id-deċiżjoni) kif ukoll fuq il-preġudizzju mġarrab mill-konsumaturi (ara l-premessi 1597 sa 1616 tal-imsemmija deċiżjoni), il-Kummissjoni astjeniet milli tagħmel riferiment għal dawn il-konklużjonijiet meta hija ddeterminat il-gravità tal-ksur. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-konklużjoni dwar il-gravità, iddikjarata fil-premessa 1785 tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li l-abbużi kienu differenti fir-rigward tal- “inċidenza probabbli antikompetittiva” tagħhom rispettiva. Il-fatt li, fil-kuntest tal-konklużjoni dwar il-gravità, il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-“inċidenza probabbli antikompetittiva” tal-abbużi individwali juri b’mod inekwivoku li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, iżda biss l-inċidenza probabbli tiegħu.

1629

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq l-effett konkret tal-ksur bil-għan li żżid il-gravità tiegħu.

1630

Fit-tieni lok, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni astjeniet, b’mod żbaljat, milli tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ effetti reali u tar-rabta kawżali bejn dawn l-effetti u l-preġudizzju għall-konsumaturi jew il-kompetituri bħala fattur attenwanti waqt l-evalwazzjoni tal-gravità, l-argument tagħha għandu wkoll jiġi miċħud. Għandu jiġi kkonstatat li, bil-għan li jiġi stabbilit il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ iddeterminat skont il-gravità tal-ksur għal 5 %, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-allegata assenza ta’ impatt konkret tal-ksur fuq is-suq. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-elementi l-oħra li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur jiġġustifikaw l-istabbiliment tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għal 5 %.

1631

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat, preliminarjament, li l-livell ta’ 5 % adottat fid-deċiżjoni kkontestata jinsab fil-parti inferjuri tal-iskala li tista’ tilħaq, skont il-paragrafu 21 tal-linji gwida tal-2006, it-30 %.

1632

Fir-rigward, sussegwentement, fl-ewwel lok, tan-natura tal-ksur, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-premessi 1780 u 1781 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li, min-naħa tar-rikorrenti, li kellha 80 % tas-suq, l-uniku kompetitur serju eżistenti fuq is-suq kienet AMD. Hija fakkret ukoll li r-rikorrenti implementat strateġija ġenerali maħsuba sabiex teskludi lil AMD mis-suq. Għalhekk, il-prattiki abbużivi tar-rikorrenti kienu maħsuba sabiex jeskludu l-uniku kompetitur serju jew, minn tal-inqas, sabiex jirrestrinġu l-aċċess tiegħu għas-suq. Fid-dawl tal-ostakoli ta’ aċċess għall-produzzjoni tas-CPUs x86, huwa probabbli li, kieku AMD ġiet eliminata jew marġinalizzata, ma kienx ikun hemm parteċipant kredibbli ieħor fis-suq.

1633

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-parti tas-suq tal-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 1783 tad-deċiżjoni kkontestata, li, matul il-perijodu kollu tal-ksur, ir-rikorrenti kellha mhux biss pożizzjoni dominanti fis-setturi kollha tas-suq tas-CPUs x86, iżda li l-parti tagħha mis-suq kienet ukoll ikbar minn dik tal-kompetituri tagħha.

1634

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-portata ġeografika tal-ksur, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 1784 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija wriet li l-istrateġija tar-rikorrenti maħsuba sabiex teskludi lil AMD kellha portata dinjija. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, din iċ-ċirkustanza timplika li ż-ŻEE kollha kienet koperta mill-ksur (ara l-punti 1578 sa 1582 iktar ’il fuq).

1635

Fir-raba’ lok, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest tal-konklużjoni tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 1785 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari li r-rikorrenti wettqet ksur uniku li l-intensità tiegħu varjat matul is-snin, li l-abbużi individwali kienu differenti fir-rigward tal-impatt antikompetittiv probabbli rispettiv tagħhom u li r-rikorrenti għamlet sforzi sabiex tiddissimula n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha (ara l-punti 1583 sa 1591 iktar ’il fuq).

1636

Dawn il-konstatazzjonijet, li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti u li ġew stabbiliti mill-Kummissjoni sal-grad rikjest mil-liġi, huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw l-istabbiliment tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ għal 5 %.

1637

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti maħsuba sabiex isostnu l-assenza ta’ effetti konkreti fis-suq u ta’ rabta ta’ kawżalità, jeħtieġ li jitfakkar, għall-kompletezza, la t-tisħiħ tal-partijiet tas-suq ta’ AMD u lanqas it-tnaqqis tal-prezz tas-CPUs x86 matul il-perijodu indirizzat mid-deċiżjoni kkontestata ma jimplika li l-prattiki tar-rikorrenti kienu bla effett. Fl-assenza ta’ dawn il-prattiki, huwa permess li jiġi kkunsidrat li ż-żieda tal-partijiet tas-suq tal-kompetitur kif ukoll it-tnaqqis tal-prezzijiet tas-CPUs x86 setgħu jkunu ikbar (ara l-punt 186 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka raġunijiet ekonomiċi minbarra l-lealtà li tirriżulta mit-tnaqqis kundizzjonali bħala kawżi għad-deċiżjonijiet tal-OEM li jixtru l-prodotti tagħha, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ma jeskludix kull influwenza tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet kundizzjonali kkontestati fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali tal-OEM (ara l-punt 597 iktar ’il fuq).

4. Konklużjoni

1638

Għaldaqstant, jeħtieġ li jinċaħdu l-argumenti kollha tar-rikorrenti maħsuba sabiex jistabbilixxu li l-livell tal-multa kien sproporzjonat.

D – Dwar l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa

1639

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti enfasizzat erba’ punti li jiġġustifikaw, fl-opinjoni tagħha, tnaqqis tal-ammont tal-multa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Fl-ewwel lok, hija tenfasizza l-kumplessità ta’ din il-kawża u ssostni li kien diffiċli ħafna għaliha li tosserva l-liġi. F’dan il-każ, il-Kummissjoni segwiet l-approċċ tal-orjentazzjonijiet tal-Artikolu 82. Dawn tal-aħħar ma jipprekludux it-tnaqqis kundizzjonali fihom innifishom, iżda jeżiġu l-applikazzjoni ta’ test AEC. In-nuqqas ta’ ċertezza legali b’hekk iġġenerata għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tinvoka li l-proċedura amministrattiva damet disa’ snin, filwaqt li l-Artikolu 6 tal-KEDB u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jeżiġu trattament imħaffef tal-kawżi kriminali. Parti sostanzjali minn dan id-dewmien kien dovut għal xogħlijiet neċessarji għall-applikazzjoni tat-test AEC. Id-dewmien huwa fattur li l-Qorti Ġenerali dejjem tista’ tieħu inkunsiderazzjoni. Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tal-Medjatur tal-14 ta’ Lulju 2009 li tikkonstata li l-assenza ta’ reġistrazzjoni tal-laqgħa bejn il-Kummissjoni u D1 tikkostitwixxi amministrazzjoni ħażina. Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-abbuż li jikkonċerna lil Acer, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tul tal-posponiment tal-varar tal-laptop seta’ jkun biss minn ġimgħatejn sa erba’ ġimgħat.

1640

Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma jista’ jwassal għal tibdil tal-ammont stabbilit mill-Kummissjoni.

1641

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ma tista’ tislet l-ebda vantaġġ minn allegat nuqqas ta’ ċertezza legali fir-rigward tal-illegalità tat-tnaqqis għal esklużività. Fil-fatt, il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja kkundannaw diversi drabi l-implementazzjoni, minn impriża f’pożizzjoni dominanti, ta’ prattiki li jikkonsistu fl-għoti ta’ inċentivi finanzjarji li jiddependu fuq kundizzjonijiet ta’ esklużività (ara l-punt 1602 iktar ’il fuq). Fir-rigward tal-orjentazzjonijiet tal-Artikolu 82, mill-premessa 916 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma applikathomx f’din il-kawża. Ġie espost iktar ’il fuq li hija lanqas ma kienet obbligata tagħmel dan. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni ħolqot fiha aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-applikazzjoni tat-test AEC (ara l-punti 160 sa 165 iktar ’il fuq).

1642

Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-tul tal-proċedura amministrattiva, l-argument lanqas ma jista’ jintlaqa’.

1643

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u għandu jitfakkar li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni ssegwi l-prinċipju tal-kontradittorju. Bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti għandha tqajjem ex officio, tali nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi invokat mir-rikorrent kontra d-deċiżjoni kkontestata u huwa għandu jipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi (sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, punt 1609 iktar ’il fuq, punt 64).

1644

Il-motiv invokat mir-rikorrenti, li jittratta biss it-tul tal-proċedura amministrattiva, u mhux it-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura. L-imsemmi motiv, li ma ġiex invokat fir-rikors, ma jistax jitqies bħala l-elaborazzjoni ta’ motiv invokat preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors u ma huwiex ibbażat fuq elementi ta’ liġi jew ta’ fatt li ġew irrilevati matul il-proċedura. Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni, ma hemmx lok li jiġi eżaminat ex officio il-motiv ibbażat fuq terminu mhux raġonevoli tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2009, CD-Contact Data vs Il-Kummissjonji, T-18/03, Ġabra p. II-1021, punt 130).

1645

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-assenza ta’ reġistrazzjoni tal-laqgħa bejn il-Kummissjoni u D1, ġie ddikjarat iktar ’il fuq li l-Kummissjoni kkorreġiet il-lakuna inizjali tal-proċedura amministrattiva, li tirriżulta mill-assenza ta’ redazzjoni ta’ nota fil-qasir u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tagħha għar-rikorrenti, billi pprovdiet lir-rikorrenti bil-verżjoni mhux kunfidenzjali tan-nota interna (ara l-punt 622 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jinbidel l-ammont tal-multa. Għall-kompletezza, hemm lok li jiġi rrilevat li, anki jekk jiġi preżunt li l-iżball proċedurali ma ġiex irregolarizzat, din l-irregolarità ma hijiex ta’ natura li twassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tbiddel l-ammont tal-multa.

1646

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-abbuż li jikkonċerna lil Acer, l-argument tar-rikorrenti, li t-tul tal-posponiment tal-varar tal-laptop ikkonċernat, kien fil-verità ta’ inqas minn erba’ xhur, ġie miċħud fil-punti 1345 sa 1357 iktar ’il fuq.

1647

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-ġursidizzjoni sħiħa li għandha l-Qorti Ġenerali fil-qasam tal-multi għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ma hemm xejn fl-ilmenti, fl-argumenti u fil-punti ta’ liġi u ta’ fatt ippreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-motivi kollha eżaminati iktar ’il fuq, li jippermetti li jiġi konkluż li l-multa li ġiet imposta fuqha permezz tad-deċiżjoni kkontestata hija ta’ natura sproporzjonata. Għall-kuntrarju, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din il-multa hija adatta għaċ-ċirkustanzi tal-każ. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, jeħtieġ b’mod partikolari li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ddikjarati fil-punti 1631 sa 1636 iktar ’il fuq kif ukoll il-fatt li l-multa kienet tammonta għal 4.15 % tad-dħul mill-bejgħ annwali ta’ Intel, ċifra li hija inferjuri sew għal-livell ta’ 10 % stabbilit mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

Fuq l-ispejjeż

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Intel Corp. għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż ta’ din tal-aħħar marbuta mal-intervent tal-Association for Competitive Technology, Inc., kif ukoll dawk sostnuti mill-Union fédérale des consommateurs – Que choisir (UFC – Que choisir).

 

3)

L-Association for Competitive Technology għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni marbuta tal-intervent tagħha.

 

Dittrich

Schwarcz

Wiszniewska-Białecka

Prek

Kancheva

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Ġunju 2014.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat utli għall-pubblikazzjoni.

( 2 ) Informazzjoni kunfidenzjali mhux żvelata. Bil-għan li tiġi ppreżervata l-anonimità tagħhom, l-ismijiet tal-persuni ġew sostitwiti, fil-każ ta’ dawk li jaħdmu għal Intel, Dell, HP, NEC, Lenovo, Acer jew MSH, permezz tal-ittra inizjali tal-isem tal-impriża li jaħdmu għaliha segwita b’numru u, fil-każ ta’ dawk li jaħdmu għal AMD, permezz tal-ittra kapitali “C” segwita b’numru. Barra minn hekk, l-ismijiet tat-tliet professuri ġew sostitwiti bi P1, P2 u P3.