18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 346/9


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta’ Ottubru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Arbeitsgericht Hamburg — il-Ġermanja) — Gisela Rosenbladt vs Oellerking Gebäudereinigungsges.mbH

(Kawża C-45/09) (1)

(Direttiva 2000/78/KE - Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età - Terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol minħabba l-età tal-irtirar)

2010/C 346/14

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Arbeitsgericht Hamburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Gisela Rosenbladt

Konvenuta: Oellerking Gebäudereinigungsges.mbH

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Arbeitsgericht Hamburg — Interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79) — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv iddikjarat ta’ applikazzjoni ġenerali, li tipprovdi għax-xoljiment ipso iure tal-kuntratt ta’ xogħol meta l-impjegat ikun laħaq l-età ta’ 65 sena, indipendentement mis-sitwazzjoni ekonomika, soċjali jew demografika jew mis-sitwazzjoni effettiva fis-suq tax-xogħol

Dispożittiv

(1)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 10(5) tal-Liġi ġenerali dwar it-trattament ugwali (Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz), li bis-saħħa tagħha jitqiesu bħala validi l-klawżoli ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol minħabba l-fatt li l-impjegat ikun laħaq l-età tal-irtirar, sa fejn, minn naħa, l-imsemmija dispożizzjoni hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata b’għan leġittimu tal-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol, u min-naħa l-oħra, il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan huma xierqa u neċessarji. L-implementazzjoni ta’ din l-awtorizzazzjoni permezz ta’ ftehim kollettiv ma hijiex, bħala tali, eżenti minn kull stħarriġ ġudizzjarju iżda, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, hija wkoll għandha tfittex għan leġittimu b’mod xieraq u neċessarju.

(2)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpetat fis-sens li ma jipprekludix miżura bħall-klawżola ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ impjegati li jkunu laħqu l-età tal-irtirar stabbilita għal 65 sena, ipprovduta fl-Artikolu 19(8) tal-ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali għall-ħaddiema impjegati fis-settur tat-tindif industrijali (Allgemeingültiger Rahmentarifvertrag für die gewerblichen Beschäftigten in der Gebäudereinigung).

(3)

L-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru jiddikjara ta’ applikazzjoni ġenerali ftehim kollettiv bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm dan ma jċaħħadx lill-ħaddiema li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim kollettiv mill-protezzjoni li hija mogħtija lilhom bid-dispożizzjonijiet kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.


(1)  ĠU C 102, 01.05.2009