22.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 301/19


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (Chancery Division) (Ir-Renju Unit) fis-17 ta' Settembru 2008 — Football Association Premier League Ltd, NetMed Hellas SA, Multichoice Hellas SA vs QC Leisure, David Richardson, AV Station plc, Malcolm Chamberlain, Michael Madden, SR Leisure Ltd, Phillip George Charles Houghton, Derek Owen

(Kawża C-403/08)

(2008/C 301/34)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Justice (Chancery Division)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Football Association Premier League Ltd, NetMed Hellas SA, Multichoice Hellas SA

Konvenuti: QC Leisure, David Richardson, AV Station plc, Malcolm Chamberlain, Michael Madden, SR Leisure Ltd, Phillip George Charles Houghton, Derek Owen

Domandi preliminari

A.   Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta' Novembru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta' servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali (1)

1.   Apparat illeċitu

a)

Meta apparat tal-aċċess kondizzjonali jkun magħmul minn jew bil-kunsens ta' min jipprovdi s-servizz u jinbiegħ suġġett għal awtorizzazzjoni limitata li dan l-apparat jintuża biss sabiex jinkiseb aċċess għal servizz protett f'ċerti ċirkustanzi partikolari, dan l-apparat isir “apparat illeċitu” fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 98/84/KE jekk jintuża sabiex jipprovdi aċċess għal dak is-servizz protett f'post jew b'mod jew minn persuna mhux inklużi fl-awtorizzazzjoni ta' min jipprovdi is-servizz?

b)

X'inhi t-tifsira ta' “iddisinjat jew adattat” fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva?

2.   Suġġett tal-kawża

Meta l-ewwel persuna li tipprovdi s-servizz tittrażmetti l-programmi f'forma kodifikata lit-tieni persuna li tipprovdi s-servizz u li xxandar dawk il-programmi fuq il-bażi ta' aċċess kondizzjonali, liema fatturi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-interessi tal-ewwel persuna li tipprovdi s-servizz humiex affettwati skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/84?

B'mod partikolari:

Meta l-ewwel impriża tittrażmetti l-programmi (inklużi stampi, awdjo u kummentarju bl-Ingliż) f'forma kodifikata lit-tieni impriża li, min-naħa tagħha, ixxandar il-programmilill-pubbliku (li miegħu tkun żiedet il-logo tagħha u, xi drabi, kumment awdjo addizzjonali):

a)

It-trażmissjoni mill-ewwel impriża tikkostitwixxi servizz protett ta' “xandir bit-televiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/84/KE u tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552/KEE (2)?

b)

Huwa neċessarju li l-ewwel impriża tkun xandar fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 89/552/KEE sabiex titqies bħala li qed tipprovdi servizz ta' “xandir bit-televiżjoni” skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/84/KE?

c)

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/84/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti dritt lill-ewwel impriża tressaq kawża fir-rigward tal-apparat illeċitu li jagħti aċċess għall-programm kif imxandar mit-tieni impriża, jew:

i)

għaliex apparat bħal dan għandu jitqies bħala li jagħti aċċess, permezz tas-sinjal ta' xandir, għas-servizz stess tal-ewwel impriża; jew

ii)

għaliex l-ewwel impriża hija dik li tipprovdi servizz protett u li l-interessi tagħha huma affettwati minn attività illeċita (għaliex apparat bħal dan jagħti aċċess mhux awtorizzat għas-servizz protett ipprovdut mit-tieni impriża)?

d)

Ir-risposta għad-domanda 2(c) hija affettwata mill-fatt li l-ewwel u t-tieni persuni li jipprovdu servizzi jużaw sistemi ta' dekodifikazzjoni u apparat tal-aċċess kondizzjonali differenti?

3.   Skopijiet kummerċjali

Il-“pussess għal skopijiet kummerċjali” skont l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva jirreferi biss għal pussess għal skopijiet ta' tranżazzjonijiet kummerċjali (pereżempju, bejgħ) fir-rigward ta' apparat illeċitu,

jew ikopri wkoll il-pussess ta' apparat minn utent finali matul negozju ta' kwalunkwe tip?

B.   Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (3)

4.   Dritt ta' riproduzzjoni

Meta l-frammenti sekwenzjali ta' film, xogħol mużikali jew reġistrazzjoni ta' ħoss (f'dan il-każ, fotogrammi ta' vidjo u awdjo diġitali) jinħolqu (i) fil-memorja ta' dekodifikatur jew (ii) fil-każ ta' film fuq skrin tat-televiżjoni, u x-xogħol kollu huwa riprodott jekk il-frammenti sekwenzjali jiġu kkunsidrati flimkien iżda f'perijodu partikolari jkunu jeżistu biss numru limitat ta' frammenti:

a)

Il-kwistjoni dwar jekk dawk ix-xogħlijiet ikunux ġew kompletament jew parzjalment riprodotti għandha tiġi ddeterminata skont ir-regoli tal-liġi nazzjonali dwar id-dritt tal-awtur li jirrigwardaw dak li jikkostitwixxi riproduzzjoni illeċita ta' xogħol protett mid-dritt tal-awtur, jew tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE?

b)

Jekk tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra l-frammenti ta' kull xogħol fl-intier tagħhom, jew dawk il-frammenti biss li jkunu jeżistu f'perijodu partikolari? Jekk il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra dan l-aħħar każ, liema test għandha tapplika għall-kwistjoni dwar jekk ix-xogħlijiet ġewx riprodotti parzjalment fis-sens ta' dan l-artikolu?

c)

Id-dritt ta' riproduzzjoni fl-Artikolu 2 ikopri wkoll il-ħolqien ta' stampi temporanji għal fuq skrin tat-televiżjoni?

5.   Sinifikat ekonomiku indipendenti

a)

Il-kopji temporanji ta' xogħol maħluqa ġewwa dekodifikatur televiżiv tas-satellita jew fuq skrin tat-televiżjoni kkollegat ma' dekodifikatur, u li l-għan tagħhom huwa esklużivament li jippermettu l-użu tax-xogħol li ma jkunx b'xi mod ieħor limitat mil-liġi, għandhom jitqiesu bħala li għandhom “sinifikat ekonomiku indipendenti” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29/KE minħabba l-fatt li dawn il-kopji jipprovdu l-unika bażi li minnha d-detentur tad-drittijiet jista' jirċievi remunerazzjoni għall-użu tad-drittijiet tiegħu?

b)

Ir-risposta għad-domanda 5(a) hija affettwata mill-fatt (i) li l-kopji temporanji jkollhom xi valur intrinsiku; jew (ii) li l-kopji temporanji jinkludu parti żgħira minn kollezzjoni ta' xogħlijiet u/jew materji oħra li jistgħu jintużaw mingħajr ksur tad-dritt tal-awtur; jew (iii) li l-liċenzjat esklużiv tad-detentur tad-drittijiet fi Stat Membru ieħor ikun diġà rċieva remunerazzjoni għall-użu tax-xogħol f'dak l-Istat Membru?

6.   Komunikazzjoni lill-pubbliku b'mezzi bil-fili jew mingħajr fili

a)

Xogħol protett mid-dritt tal-awtur huwa kkunsidrat bħala kkomunikat lill-pubbliku b'mezzi bil-fili jew mingħajr fili fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29/KE meta xandira bis-satellita tiġi rċevuta f'bini kummerċjali (pereżempju, bar) u kkomunikata jew murija f'dak il-bini permezz ta' skrin tat-televiżjoni wieħed lill-pubbliku preżenti f'dak il-bini?

b)

Ir-risposta għad-domanda 6(a) hija affettwata jekk:

i)

il-pubbliku preżenti jikkostitwixxi pubbliku ġdid li x-xandar ma jkunx ħaseb dwaru (f'dan il-każ għaliex kard nazzjonali ta' dekodifikazzjoni għal użu fi Stat Membru partikolari tintuża għal pubbliku kummerċjali fi Stat Membru ieħor)?

ii)

il-pubbliku mhuwiex wieħed li jkun meħtieġ iħallas skont il-liġi nazzjonali?

iii)

is-sinjal tax-xandir fuq it-televiżjoni huwa rċevut permezz ta' erjal jew dixx tas-satellita fuq il-bejt ta' jew ma' ġenb il-bini fejn jinsab it-televiżjoni?

c)

Jekk ir-risposta għal waħda mill-partijiet tad-domanda 6(b) hija fl-affermattiv, liema fatturi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm komunikazzjoni tax-xogħol li oriġinat minn post fejn il-pubbliku ma kienx preżenti?

C.   Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta' Settembru 1993, dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma' drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (4)

7.   Difiża taħt id-Direttiva 93/83

Il-fatt li l-liġi nazzjonali dwar id-dritt tal-awtur tipprovdi li meta kopji temporanji ta' xogħlijiet inklużi f'xandir bis-satellita jinħolqu ġewwa dekodifikatur bis-satellita jew fuq skrin tat-televiżjoni jkun hemm ksur tad-dritt tal-awtur skont il-liġi tal-pajjiż fejn tkun irċevuta x-xandira huwa kompatibbli mad-Direttiva 93/83/KEE jew mal-Artikoli 28 u 30 jew 49 tat-Trattat KE? Il-pożizzjoni tiġi affettwata jekk ix-xandira tiġi ddekodifikata permezz ta' kard ta' dekodifikazzjoni tas-satellita li tkun inħarġet mill-persuna li tipprovdi servizz ta' xandir bis-satellita fi Stat Membru ieħor bil-kundizzjoni li l-użu ta' dik il-kard ta' dekodifikazzjoni tas-satellita jkun awtorizzat biss f'dak l-Istat Membru?

D.   Fuq l-interpretazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi taħt l-Artikoli 28 u 30 u 49 KE fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-Aċċess Kondizzjonali

8.   Difiża taħt l-Artikoli 28 u/jew 49 KE

a)

Jekk ir-risposta għad-domanda 1 tkun li l-apparat tal-aċċess kondizzjonali magħmul minn jew bil-kunsens ta' min jipprovdi s-servizz isir “apparat illeċitu” skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 98/84/KE meta jintuża barra mill-portata tal-awtorizzazzjoni ta' min jipprovdi s-servizz li jagħti aċċess għal servizz protett, liema huwa s-suġġett speċifiku tad-dritt b'riferiment għall-funzjoni essenzjali tiegħu attribwita mid-Direttiva dwar l-Aċċess Kondizzjonali?

b)

L-Artikoli 28 jew 49 tat-Trattat KE jeskludu l-eżekuzzjoni ta' dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali fl-ewwel Stat Membru li tirrendi illeċitu l-importazzjoni jew il-bejgħ ta' kard ta' dekodifikazzjoni tas-satellita li tkun inħarġet minn persuna li tipprovdi servizz ta' xandir bis-satellita fi Stat Membru ieħor bil-kundizzjoni li l-użu tal-kard ta' dekodifikazzjoni tas-satellita jkun awtorizzat biss f'dak l-Istat Membru l-ieħor?

c)

Ir-risposta hija affettwata mill-fatt li l-kard ta' dekodifikazzjoni tas-satellita tkun awtorizzata biss għal użu privat jew domestiku f'dak l-Istat Membru l-ieħor iżda tintuża għal skopijiet kummerċjali fl-ewwel Stat Membru?

9.   Jekk il-protezzjoni pprovduta lill-innu tistax tkun iktar wiesgħa minn dik ipprovduta lill-kumplament tax-xandira

L-Artikoli 28 u 30 jew 49 tat-Trattat KE jeskludu l-eżekuzzjoni ta' dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali dwar id-dritt tal-awtur li tirrendi illeċitu r-rappreżentazzjoni jew id-daqq fil-pubbliku ta' xogħol mużikali meta dan ix-xogħol ikun inkluż f'servizz protett li jsir aċċess għalih u li jindaqq fil-pubbliku permezz tal-użu ta' kard ta' dekodifikazzjoni tas-satellita meta dik il-kard tkun inħarġet mill-persuna li tipprovdi s-servizz fi Stat Membru ieħor bil-kundizzjoni li l-użu ta' dik il-kard ta' dekodifikazzjoni jkun awtorizzat biss f'dak l-Istat Membru l-ieħor? Ikollu effett il-fatt li x-xogħol mużikali jkun element mhux importanti mis-servizz protett fl-intier tiegħu u li l-liġi nazzjonali dwar id-dritt tal-awtur ma tipprojbixxix ir-rappreżentazzjoni jew id-daqq fil-pubbliku tal-elementi l-oħra tas-servizz?

E.   Fuq l-interpretazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni skont l-Artikolu 81 KE

10.   Difiża taħt l-Artikolu 81 KE

Meta l-persuna li tipprovdi l-programmi toħroġ sensiela ta' liċenzji esklużivi għat-territorju ta' wieħed jew iktar Stati Membri li permezz tagħhom ix-xandar ikun liċenzjat ixandar il-programmi f'dak it-territorju biss (inkluż bis-satellita) u li inkluż f'kull liċenzja jkun hemm obbligu kuntrattwali li x-xandar jevita li l-kards tiegħu ta' dekodikazzjoni tas-satellita, li jippermettu r-riċezzjoni tal-programmi liċenzjati, jiġu użati barra mit-territorju liċenzjat, liema test legali għandu jiġi applikat mill-qorti nazzjonali u liema ċirkustanzi għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tkun qed tiddeċiedi jekk ir-restrizzjoni kuntrattwali tiksirx il-projbizzjoni tal-Artikolu 81(1)?

B'mod partikolari:

a)

l-Artikolu 81(1) għandu jiġi interpretat bħala li japplika għal dan l-obbligu għar-raġuni biss li għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni?

b)

f'dak il-każ, jeħtieġ li jintwera li dan l-obbligu kuntrattwali jipprevjeni, jirrestrinġi jew jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni b'mod sinifikanti sabiex jaqa' taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 81(1)?


(1)  ĠU L 320, p. 54.

(2)  Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta' Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, p. 23).

(3)  ĠU L 167, p. 10.

(4)  ĠU L 248, p. 15.