Kawża C-384/08

Attanasio Group Srl

vs

Comune di Carbognano

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale del Lazio)

“Artikoli 43 KE u 48 KE — Leġiżlazzjoni reġjonali li tistabbilixxi distanzi minimi obbligatorji bejn il‑faċilitajiet fit‑toroq għad‑distribuzzjoni ta’ karburant — Ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja u ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari — Libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Domanda magħmula fil-kuntest ta’ kawża limitata għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Dispożizzjonijiet tat‑Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni

(Artikoli 43 KE, 48 KE, 49 KE u 56 KE)

3.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjonijiet

(Artikoli 43 KE u 48 KE)

1.        Meta, fil-kuntest ta’ domanda preliminari, l-elementi kollha tal-kwistjoni quddiem il-qorti nazzjonali jkunu limitati għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta lill-qorti nazzjonali meta, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni li tistabbilixxi distanzi minimi obbligatorji bejn il‑faċilitajiet fit‑toroq għad‑distribuzzjoni ta’ karburant, b’ebda mod ma jkun jista’ jiġi eskluż li kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra l-Istat Membru kkonċernat kienu jew huma interessati li jikkummerċjalizzaw karburanti f’dan l‑Istat Membru tal‑aħħar.

(ara l-punti 22-24)

2.        Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi distanzi minimi obbligatorji bejn il‑faċilitajiet fit‑toroq għad‑distribuzzjoni ta’ karburanti għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il‑libertà ta’ stabbiliment. Fil-fatt, peress li l-bini ta’ tali faċilitajiet mill‑persuni ġuridiċi fis‑sens tal‑Artikolu 48 KE jimplika neċessarjament l‑aċċess ta’ dawn tal‑aħħar għat‑territorju tal‑Istat Membru ospitanti għall‑finijiet ta’ parteċipazzjoni stabbli u kontinwa fil‑ħajja ekonomika ta’ dan l‑Istat, b’mod partikolari permezz tal‑ħolqien ta’ aġenziji, fergħat jew sussidjarji, id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li japplikaw biss jekk ma jkunux applikabbli dawk dwar il-libertà ta’ stabbiliment, ma humiex rilevanti. Barra minn hekk, jekk jitqies li din il‑leġiżlazzjoni għandha effetti fuq il‑moviment liberu tal‑kapital, tali effetti huma l‑konsegwenza inseparabbli ta’ eventwali ostakolu għal‑libertà ta’ stabbiliment u, għalhekk, ma jiġġustifikawx eżami awtonomu tal‑leġiżlazzjoni msemmija fid‑dawl tal‑Artikolu 56 KE.

(ara l-punti 39-41)

3.        L-Artikolu 43 KE, moqri flimkien mal‑Artikolu 48 KE, għandu jiġi interpretat fis‑sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, li tistabbilixxi distanzi minimi obbligatorji bejn il‑faċilitajiet fit‑toroq għad‑distribuzzjoni ta’ karburanti u li tapplika biss fil‑każ tal‑bini ta’ faċilitajiet ġodda, tikkostitwixxi restrizzjoni għal‑libertà ta’ stabbiliment stabbilita fit‑Trattat KE. Din ir‑restrizzjoni ma jidhirx li hija ta’ natura tali li tista’ tiġi ġġustifikata minħabba l‑għanijiet ta’ sigurtà fit‑toroq, ta’ protezzjoni tas‑saħħa u tal‑ambjent, kif ukoll ta’ razzjonalizzazzjoni tas‑servizz mogħti lill‑utenti, ħaġa li din għandha tiġi vverifikata mill‑qorti nazzjonali.

Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni, li tapplika biss għal faċilitajiet ġodda u mhux għall‑faċilitajiet eżistenti qabel id‑dħul fis‑seħħ tagħha, tissuġġetta għal kundizzjonijiet l‑aċċess għall‑attività ta’ distribuzzjoni ta’ karburanti. Billi b’hekk tiffavorixxi lill‑operaturi li diġà jinsabu fit‑territorju nazzjonali, din il-leġiżlazzjoni hija ta’ natura li tiskoraġġixxi, jekk mhux ukoll tostakola, l‑aċċess għas‑suq nazzjonali tal‑operaturi ġejjin minn Stati Membri oħra u tikkostitwixxi restrizzjoni għal‑libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 43 KE.

Din ir‑restrizzjoni ma jidhirx li hija ta’ natura tali li tista’ tiġi ġġustifikata minħabba l‑għanijiet ta’ sigurtà fit‑toroq, ta’ protezzjoni tas‑saħħa u tal‑ambjent, peress li ma jidhirx li tissodisfa, b’mod reali, ix-xewqa li dawn l-għanijiet jintlaħqu b’mod koerenti u sistematiku u, għalhekk, ma jidhrix li hija adegwata sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet invokati mingħajr ma tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu, ħaġa li din għandha tiġi vverifikata mill‑qorti nazzjonali.

Fir-rigward tar-razzjonalizzazzjoni tas‑servizz mogħti lill‑utenti, motivi ta’ natura purament ekonomika ma jistgħux jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jkunu ta’ natura li jiġġustifikaw restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit‑Trattat. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li dan l‑għan jista’ jiġi kkunsidrat, sa fejn jikkonċerna l‑protezzjoni tal‑konsumaturi, bħala għan li jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u mhux bħala raġuni ta’ natura purament ekonomika, huwa diffiċli li wieħed jidentifika kif din il‑leġiżlazzjoni tista’ tkun adegwata sabiex tipproteġi lill‑konsumaturi jew sabiex trendilhom benefiċċji. Għall‑kuntrarju, billi tostakola l‑aċċess ta’ operaturi ġodda għas‑suq, tali leġiżlazzjoni tidher li pjuttost tiffavorixxi l‑pożizzjoni tal‑operaturi li diġà jinsabu fit‑territorju nazzjonali, mingħajr ma l‑konsumaturi jissiltu vantaġġi reali minn dan. Fi kwalunkwe każ, jidher li l‑leġiżlazzjoni msemmija tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq eventwali għan ta’ protezzjoni tal‑konsumaturi, ħaġa li din għandha tiġi vverifikata mill‑qorti nazzjonali.

(ara l-punti 45, 51, 52, 55-57 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

11 ta’ Marzu 2010 (*)

“Artikoli 43 KE u 48 KE – Leġiżlazzjoni reġjonali li tistabbilixxi distanzi minimi obbligatorji bejn il‑faċilitajiet fit‑toroq għad‑distribuzzjoni ta’ karburant – Ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja u ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjoni”

Fil-Kawża C-384/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mit‑Tribunale amministrativo regionale del Lazio (l‑Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Lulju 2008, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑27 ta’ Awwissu 2008, fil‑proċedura

Attanasio Group Srl

vs

Comune di Carbognano,

fil‑preżenza ta’:

Felgas Petroli Srl, 

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tat‑Tieni Awla li qed jaġixxi bħala Presisdent tat‑Tielet Awla, P. Lindh, A. Rosas, A. Ó Caoimh, (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub,

wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall‑Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

–        għall‑Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa u C. Cattabriga, bħala aġenti,

wara li rat id‑deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l‑Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        Din it‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal‑Artikoli 43 KE, 48 KE, 49 KE u 56 KE, kif ukoll il‑“prinċipji ta’ kompetizzjoni ekonomika u ta’ nondiskriminazzjoni ġuridika stabbiliti permezz tat‑Trattat [KE]”.

2        Din it‑talba tressqet fil‑kuntest ta’ kawża bejn Attanasio Group Srl (iktar ’il quddiem “Attanasio”) u l‑Comune di Carbognano (il‑komun ta’ Carbognano) dwar l‑għoti lil persuna terza, Felgas Petroli Srl (iktar ’il quddiem “Felgas Petroli”), ta’ permess ta’ kostruzzjoni sabiex tinbena faċilità għad‑distribuzzjoni ta’ karburanti.

 Il‑kuntest ġuridiku nazzjonali

3        Is‑sistema ta’ distribuzzjoni ta’ karburanti fl‑Italja ġiet irriformata permezz tad‑Digriet Leġiżlattiv Nru 32, tal‑11 ta’ Frar 1998, dwar ir‑razzjonalizzazzjoni tas‑sistema ta’ distribuzzjoni ta’ karburanti, skont l‑Artikolu 4(4)(c) tal‑Liġi Nru 59 tal‑15 ta’ Marzu 1997 (GURI Nru 53, tal‑5 ta’ Marzu 1998, p. 4), sussegwentement emendat u kkompletat diversi drabi (iktar ’il quddiem id‑“Digriet Leġiżlattiv Nru 32/1998”).

4        Skont l‑Artikolu 2 tad‑digriet leġiżlattiv imsemmi, il‑bini u l‑esplojtazzjoni ta’ faċilitajiet għad‑distribuzzjoni ta’ karburanti huma suġġetti għal awtorizzazzjoni amministrattiva. Din tingħata mill‑komun li fit‑territorju tiegħu jkunu eżerċitati dawn l‑attivitajiet, bil‑kundizzjoni li tiġi kkonstatata l‑konformità tal‑faċilitajiet mad‑dispożizzjonijiet tal‑pjan dwar l‑allokazzjoni tal‑artijiet, mal‑leġiżlazzjoni fiskali u mal‑leġiżlazzjoni dwar is‑sigurtà sanitarja, ambjentali u fit‑toroq, mad‑dispożizzjonijiet dwar il‑protezzjoni tal‑beni storiċi u artistiċi, kif ukoll mal‑programmi ta’ orjentament tar‑reġjuni Taljani.

5        L‑Artikolu 19 tal‑Liġi Nru 57, tal‑5 ta’ Marzu 2001, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet fir‑rigward tal‑ftuħ u tar‑regolazzjoni tas‑swieq (GURI Nru 66, tal‑20 ta’ Marzu 2001, p. 4, iktar ’il quddiem il‑“Liġi Nru 572001”), jipprovdi għall‑adozzjoni ta’ pjan nazzjonali intiż li jiġu żgurati l‑kwalità u l‑effiċjenza tas‑servizz, l‑iffriżar tal‑prezzijiet tal‑bejgħ u r‑razzjonalizzazzjoni tas‑sistema ta’ distribuzzjoni ta’ karburanti, u li jinkludi l‑linji gwida intiżi li tiġi mmodernizzata s‑sistema ta’ distribuzzjoni ta’ karburanti (iktar ’il quddiem il‑“pjan nazzjonali”). Skont dan il‑pjan, adottat permezz ta’ Digriet Ministerjali tal‑31 ta’ Ottubru 2001, li japprova l‑pjan nazzjonali li jinkludi l‑linji gwidi għall‑immodernizzar tas‑sistema ta’ distribuzzjoni ta’ karburanti (ĠURI Nru 279, tat‑30 ta’ Novembru 2001, p. 37, iktar ’il quddiem id‑“Digriet Ministerjali tal‑31 ta’ Ottubru 2001”), ir‑reġjuni, fil‑qafas tal‑poteri mogħtija lilhom fir‑rigward tal‑istabbiliment ta’ programmi, għandhom ifasslu pjani reġjonali fejn għandhom jistabbilixxu, b’mod partikolari, kriterji għall‑ftuħ ta’ postijiet ta’ bejgħ ġodda. Skont l‑osservazzjonijiet bil‑miktub tal‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, fiż‑żmien meta seħħew il‑fatti li wasslu għall‑kwistjoni fil‑kawża prinċipali, id‑distanzi minimi obbligatorji bejn il‑faċilitajiet kienu jagħmlu parti minn dawn il‑kriterji.

6        F’dan il‑kuntest, ir‑Regione Lazio (ir‑Reġjun tal‑Lazio) adotta l‑Liġi Reġjonali Nru 8/2001 (Bollettino Ufficiale della Regione Lazio, tal‑10 ta’ April 2001). Skont l‑Artikolu 13 ta’ din il‑liġi, kull komun, fl‑eżerċizzju tal‑kompetenza mogħtija lilu sabiex jiddefinixxi l‑kriterji, rekwiżiti u l‑karatteristiċi marbuta maż‑żoni fejn setgħu jinbnew il‑faċilitajiet għad‑distribuzzjoni ta’ karburanti kif ukoll id‑dispożizzjonijiet li kellhom japplikaw għalihom, għandu jieħu inkunsiderazzjoni diversi kriterji, li fosthom kien hemm, fiż‑żmien meta seħħew il‑fatti fil‑kawża prinċipali, l‑osservanza ta’ distanzi minimi bejn id‑diversi faċilitajiet. Fir‑rigward, b’mod partikolari, tal‑faċilitajiet li jinsabu fuq it‑toroq provinċjali, dan l‑Artikolu 13 jipprevedi distanza minima ta’ tliet kilometri.

7        Ftit ta’ żmien wara d‑data li fiha ngħatat id‑deċiżjoni tar‑rinviju u qabel ma waslet għand il‑Qorti tal‑Ġustizzja, il‑leġiżlatur Taljan adotta l‑Liġi Nru 133, tas‑6 ta’ Awwissu 2008, li kkodifika f’liġi d‑Digriet Leġiżlattiv Nru 112, tal‑25 ta’ Ġunju 2008, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet urġenti fir‑rigward tal‑iżvilupp ekonomiku, tas‑semplifikazzjoni, tal‑kompetittività, tal‑istabbilizzazzjoni tal‑finanzi pubbliċi, kif ukoll tal‑ekwalizzazzjoni fiskali (Suppliment ordinarju tal‑GURI Nru 195, tal‑21 ta’ Awwissu 2008, iktar ’il quddiem il‑“Liġi Nru 133/2008”). Fl‑Artikolu 83a(17) tagħha, din il‑liġi tipprovdi:

“Sabiex tiġi żgurata osservanza sħiħa tad‑dispożizzjonijiet tal‑leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il‑protezzjoni tal‑kompetizzjoni u sabiex jiġi żgurat il‑funzjonament uniformi tajjeb tas‑suq, l‑istabbiliment u l‑esplojtazzjoni ta’ faċilità għad‑distribuzzjoni ta’ karburant ma jistgħux ikunu suġġetti għall‑għeluq ta’ faċilitajiet eżistenti u lanqas ma jistgħu jkunu suġġetti għall‑osservanza ta’ obbligi, bi skop kummerċjali, marbuta ma’ numerus clausus, ma’ distanzi minimi bejn faċilitajiet jew bejn faċilitajiet u ħwienet jew postijiet kummerċjali żgħar ħafna, jew għall‑osservanza ta’ obbligi li jimponu limitazzjonijiet jew obbligi fir‑rigward tal‑eventwali offerta, fl‑istess faċilità jew fl‑istess żona, ta’ attivitajiet u ta’ prodotti komplementari.”

8        L‑Artikolu 18a(18) tal‑liġi msemmija jipprovdi li “id‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 18a(17) jikkostitwixxu prinċipji ġenerali fil‑qasam tal‑protezzjoni tal‑kompetizzjoni u ta’ livelli essenzjali ta’ prestazzjonijiet fis‑sens tal‑Artikolu 117 tal‑Konstituzzjoni”.

9        Skont l‑aħħar subparagrafu tal‑Artikolu 1(2) tal‑Liġi Nru 131, tal‑5 ta’ Ġunju 2003, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jaġġustaw id‑dritt tar‑Repubblika għal‑Liġi Kostituzzjonali Nru 3, tat‑18 ta’ Ottubru 2001 (GURI Nru 132, tal‑10 ta’ Ġunju 2003, p. 5):

“Id‑dispożizzjonijiet legali reġjonali dwar l‑oqsma li jaqgħu taħt il‑kompetenza leġiżlattiva esklużiva tal‑Istat, applikabbli fid‑data tad‑dħul fis‑seħħ ta’ din il‑liġi, jibqgħu applikabbli sad‑data tad‑dħul fis‑seħħ tad‑dispożizzjonijiet nazzjonali dwar dawn l‑oqsma [...]”

 Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

10      Attanasio, stabbilita f’Viterbo (l‑Italja), ressqet quddiem il‑Comune di Caprarola applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bil‑għan li tibni faċilità għad‑distribuzzjoni ta’ karburanti, ta’ lubrifikant u ta’ gass ta’ petrol illikwifikat (GPL) fuq il‑ġenb tat‑triq provinċjali magħrufa bħala “Massarella”. Matul il‑proċedura amministrattiva rriżulta li l‑Comune di Carbognano kien fil‑frattemp ħareġ awtorizzazzjoni lil Felgas Petroli sabiex tiftaħ faċilità għad‑distribuzzjoni ta’ karburanti ftit distanza l‑bogħod mis‑sit li kien is‑suġġett tal‑applikazzjoni ta’ Attanasio.

11      Skont l‑Artikolu 13 tal‑Liġi Reġjonali Nru 8/2001, il‑ħruġ tal‑permess ta’ kostruzzjoni lil Felgas Petroli mill‑Comune di Carbognano kien għalhekk jipprekludi lill‑Comune di Caprarola milli jilqa’ l‑applikazzjoni ta’ Attanasio.

12      Mid‑deċiżjoni tar‑rinviju jirriżulta li Attanasio, sussegwentement, ressqet rikors quddiem il‑qorti tar‑rinviju kontra l‑għoti ta’ awtorizzazzjoni lil Felgas Petroli filwaqt li ressqet talba għal miżuri provviżorji intiża għas‑sospensjoni tal‑effetti ta’ din l‑awtorizzazzjoni.

13      Il‑qorti tar‑rinviju tqis li l‑leġiżlazzjoni rilevanti, jiġifieri, b’mod partikolari, l‑Artikolu 13 tal‑Liġi Reġjonali Nru 8/2001, iżda anki d‑Digriet Leġiżlattiv Nru 32/1998, il‑Liġi Nru 57/2001 u d‑Digriet Ministerjali tal‑31 ta’ Ottubru 2001, “tista’ tmur kontra d‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat li jistabbilixxu l‑osservanza tal‑prinċipji ta’ kompetizzjoni, tal‑libertà ta’ stabbiliment u tal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi”.

14      Skont dik il‑qorti, jekk jiġi stabbilit li d‑dispożizzjonijiet nazzjonali u reġjonali li jipprekludu l‑ftuħ tal‑faċilità ta’ Attanasio huma inkompatibbli mad‑dritt Komunitarju, id‑dispożizzjonijiet imsemmija ma għandhomx jiġu applikati. Għalhekk, ir‑rikors fil‑kawża prinċipali jkollu jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba li Attanasio ma jkollhiex interess ġuridiku.

15      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, it‑Tribunale amministrativo regionale del Lazio ddeċieda li jissospendi l‑proċeduri quddiemu u li jagħmel id‑domanda preliminari li ġejjin lill‑Qorti tal‑Ġustizzja:

“Il‑liġijiet reġjonali u nazzjonali Taljani li jipprovdu distanzi minimi obbligatorji bejn pompi tal-petrol installati fit-toroq [faċilitajiet fit‑toroq għad‑distribuzzjoni ta’ karburanti], b’mod partikolari l‑Artikolu 13 tal‑Legge Regionale del Lazio [Nru 8/2001], applikabbli għall‑kawża inkwistjoni quddiem il‑qorti tar‑rinviju, u li huma rilevanti għall‑finijiet tad‑deċiżjoni ta’ din il‑qorti, kif ukoll il‑liġijiet nazzjonali relatati (D. Lgs. Nru. 32/1988 u 2001 kif emendata u supplementata sussegwentement, il-Liġi Nru. 57/2001 u D.M. tal-31 ta’ Ottubru 2001), fil‑parti li tippermetti, jew li ma tipprekludix, fl‑eżerċizzju tas‑setgħat leġiżlattivi tal‑Istat Taljan, l‑impożizzjoni ta’ distanzi minimi bejn il-pompi tal-petrol installati fit-toroq mill‑imsemmi Artikolu 13, huma kompatibbli mad‑dritt Komunitarju, u b’mod partikolari mal‑Artikoli 43, 48, 49 u 56 tat‑Trattat KE, kif ukoll mal‑prinċipji Komunitarji ta’ kompetizzjoni ekonomika u ta’ nondiskriminazzjoni [ġuridika] stabbiliti mill‑istess Trattat [...]?”

 Fuq id‑domanda preliminari

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

16      Fid‑dawl tal‑formulazzjoni tad‑domanda magħmula, għandu jitfakkar qabel kollox li, fil‑kuntest tal‑Artikolu 267 TFUE, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ma għandhiex il‑ġurisidizzjoni tiddeċiedi dwar l‑interpretazzjoni ta’ liġijiet jew regolamenti nazzjonali jew dwar il‑konformità ta’ tali liġijiet jew regolamenti mad‑dritt tal‑Unjoni (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑18 ta’ Novembru 1999, Teckal, C‑107/98, Ġabra p. I‑8121, punt 33; tal‑4 ta’ Marzu 2004, Barsotti et, C‑19/01, C‑50/01 u C‑84/01, Ġabra p. I‑2005, punt 30, kif ukoll tat‑23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse, C‑237/04, Ġabra p. I‑2843, punt 24 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

17      Madankollu, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li għandha l‑ġurisdizzjoni tagħti lill‑qorti tar‑rinviju l‑elementi ta’ interpretazzjoni kollha li huma marbuta mad‑dritt tal‑Unjoni u li jistgħu jippermettu lil dik il‑qorti tevalwa tali konformità sabiex tiddeċiedi l‑kawża li jkollha quddiemha (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 1987, Lefèvre, 188/86, Ġabra p. 2963, punt 6; tal‑15 ta’ Diċembru 1993, Hünermund et, C‑292/92, Ġabra p. I‑6787, punt 8, kif ukoll Enirisorse, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

18      B’hekk, fil‑preżenza ta’ domandi fformulati b’mod inadegwat jew li jmorru lil hinn mill‑qafas tal‑funzjonijiet mogħtija lill‑Qorti tal‑Ġustizzja mill‑Artikolu 267 TFUE, din il‑Qorti għandha tislet, mill‑elementi kollha mogħtija mill‑qorti nazzjonali u b’mod partikolari mill‑motivazzjoni tad‑deċiżjoni tar‑rinviju, l‑elementi tad‑dritt tal‑Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid‑dawl tas‑suġġett tal‑kawża (ara, f’dan is‑sens, b’mod partikolari, is‑sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 1978, Redmond, 83/78, Ġabra p. 2347, punt 26; tas‑17 ta’ Ġunju 1997, Codiesel, C‑105/96, Ġabra p. I‑3465, punt 13, u tas‑26 ta’ Mejju 2005, António Jorge, C‑536/03, Ġabra p. I‑4463, punt 16).

19      Għalhekk, f’dan il‑każ, il‑Qorti tal‑Ġustizzja għandha tillimita l‑eżami tagħha għad‑dispożizzjonijiet tad‑dritt tal‑Unjoni filwaqt li tipprovdi interpretazzjoni ta’ dan id‑dritt li tkun utli għall‑qorti tar‑rinviju li, min‑naħa tagħha, għandha tevalwa l‑konformità tad‑dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali mad‑dritt imsemmi (ara, bħala analoġija, b’mod partikolari, is‑sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C‑380/05, Ġabra p. I‑349, punt 51). F’dan id‑dawl, il‑Qorti tal‑Ġustizzja għandha tifformula mill‑ġdid id‑domanda li saritilha (ara, bħala analoġija, b’mod partikolari, is‑sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2006, FCE Bank, C‑210/04, Ġabra p. I‑2803, punt 21).

20      F’dan ir‑rigward, sa fejn id‑domanda magħmula tikkonċerna interpretazzjoni ta’ dak li l‑qorti tar‑rinviju kkwalifikat bħala “prinċipji Komunitarji ta’ kompetizzjoni ekonomika u ta’ nondiskriminazzjoni”, u skont il‑ġurisprudenza msemmija fil‑punt 18 ta’ din is‑sentenza, din id‑domanda għandha tinftiehem fis‑sens li tikkonċerna l‑interpretazzjoni, minn naħa, tar‑regoli tal‑kompetizzjoni li jinsabu fil‑Kapitolu 1 tat‑Titolu VI tat‑Tielet Parti tat‑Trattat, li jinkludi l‑Artikoli 81 KE sa 89 KE, u, min‑naħa l‑oħra, tal‑Artikolu 12 KE, li jipprojbixxi, fil‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan it‑trattat u bla ħsara għad‑dispożizzjonijiet speċjali inklużi fih, kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza.

21      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, id‑domanda magħmula għandha tinftiehem fis‑sens li qiegħda tistaqsi jekk id‑dritt tal‑Unjoni, b’mod partikolari l‑Artikoli 12 KE, 43 KE, 48 KE, 49 KE u 56 KE kif ukoll l‑Artikoli 81 KE sa 89 KE, għandux jiġi interpretat fis‑sens li jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, li jistabbilixxu distanzi minimi obbligatorji bejn il‑faċilitajiet fit‑toroq għad‑distribuzzjoni ta’ karburanti.

 Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja u l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

22      Għandu jiġi osservat qabel kollox li, mill‑proċess ippreżentat lill‑Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li, kif barra minn hekk essenzjalment osservat il‑qorti tar‑rinviju stess, l‑elementi kollha tal‑kwistjoni fil‑kawża prinċipali huma limitati għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat b’mod preliminari jekk il‑Qorti tal‑Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni f’din il‑kawża sabiex tiddeċiedi dwar id‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat elenkati fid‑domanda preliminari, jiġifieri l‑Artikoli 43 KE, 48 KE, 49 KE u 56 KE (ara, bħala analoġija, is‑sentenza Centro Europa 7, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).

23      Fil‑fatt, bħala regola ġenerali, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, li, skont il‑formulazzjoni tagħha stess, tapplika mingħajr distinzjoni għaċ‑ċittadini Taljani u għaċ‑ċittadini tal‑Istati Membri l‑oħra tista’ taqa’ taħt id‑dispożizzjonijiet dwar il‑libertajiet fundamentali ggarantiti mit‑Trattat biss sa fejn tkun tapplika għal sitwazzjonijiet li jkollhom rabta mal‑kummerċ bejn l‑Istati Membri (ara s‑sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2000, Guimont, C‑448/98, Ġabra p. I‑10663, punt 21; tal‑11 ta’ Settembru 2003, Anomar et, C‑6/01, Ġabra p. I‑8621, punt 39 u l‑ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Centro Europa 7, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

24      Madankollu, f’dan il‑każ ma jistax jiġi eskluż li kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra r‑Repubblika Taljana kienu jew huma interessati li jikkummerċjalizzaw karburanti f’dan l‑Istat Membru tal‑aħħar.

25      Barra minn hekk, bħala prinċipju, huma biss il‑qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw, fid‑dawl tal‑karatteristiċi partikolari ta’ kull kawża, kemm il‑ħtieġa ta’ domanda preliminari sabiex ikunu jistgħu jagħtu d‑deċiżjoni tagħhom u kemm ir‑rilevanza tad‑domandi li huma jagħmlu lill‑Qorti tal‑Ġustizzja (sentenza Guimont, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22). Il‑Qorti tal‑Ġustizzja tista’ tiċħad talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l‑interpretazzjoni mitluba tad‑dritt tal‑Unjoni ma għandha ebda rabta mar‑realtà jew mas‑suġġett tal‑kwistjoni fil‑kawża prinċipali (sentenzi tas‑6 ta’ Ġunju 2000, Angonese, C‑281/98, Ġabra p. I‑4139, punt 18, kif ukoll Anomar et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

26      Fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub tiegħu, il‑Gvern Taljan sostna li, wara l‑adozzjoni tal‑Artikolu 83a(17) tal‑Liġi Nru 133/2008, l‑Artikolu 13 tal‑Liġi Reġjonali Nru 8/2001 ma għadux applikabbli peress li huwa inkompatibbli mal‑imsemmi Artikolu 83a(17), li għandu preċedenza fis‑sistema legali interna Taljana. Minn dan jirriżulta, skont dan il‑gvern, li dan l‑Artikolu 13 ma għandux jiġi applikat fil‑proċedura amministrattiva dwar l‑applikazzjoni ta’ Attanasio.

27      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, seta’ jidher li, bħalma huwa previst fl‑ipoteżi mqajma fid‑deċiżjoni tar‑rinviju u esposta fil‑punt 14 ta’ din is‑sentenza, jiġifieri li l‑imsemmi Artikolu 13 huwa inkompatibbli mad‑dritt tal‑Unjoni, Attanasio ma kellhiex interess ġuridiku fil‑kwistjoni fil‑kawża prinċipali.

28      Kien għalhekk li, fis‑17 ta’ Settembru 2009, skont l‑Artikolu 104(5) tar‑Regoli tal‑Proċedura tagħha, il‑Qorti tal‑Ġustizzja staqsiet lill‑qorti tar‑rinviju jekk, fid‑dawl b’mod partikolari tal‑argumenti żviluppati fid‑deċiżjoni tar‑rinviju dwar l‑eventwali nuqqas ta’ interess ġuridiku ta’ Attanasio fil‑kawża prinċipali, l‑emendi introdotti fis‑sistema legali Taljana rilevanti permezz tal‑Artikolu 83a(17) u (18) tal‑Liġi Nru 133/2008, moqri flimkien mal‑aħħar subparagrafu tal‑Artikolu 1(2) tal‑Liġi Nru 131 tal‑5 ta’ Ġunju 2003, kellhomx impatt fuq l‑interess li tinkiseb deċiżjoni preliminari f’din il‑kawża. Fil‑fatt, f’dan ir‑rigward għandu jitfakkar li l‑funzjoni mogħtija lill‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑kuntest tar‑rinviji għal deċiżjoni preliminari hija li tikkontribwixxi għall‑amministrazzjoni tal‑ġustizzja fl‑Istati Membri u mhux li tifformula opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi (ara, f’dan is‑sens, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑3 ta’ Frar 1983, Robards, 149/82, Ġabra p. 171, punt 19; tad‑9 ta’ Frar 1995, Leclerc‑Siplec, C‑412/93, Ġabra p. I‑179, punt 12, u tas‑16 ta’ Lulju 2009, Zuid‑Chemie, C‑189/08, Ġabra p. I‑6917, punt 36).

29      Permezz ta’ digriet tat‑3 ta’ Diċembru 2009, ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fit‑22 ta’ Jannar 2010, il‑qorti tar‑rinviju kkonfermat li, bħala prinċipju, l‑emendi msemmija iktar ’il fuq għandhom bħala konsegwenza li, b’mod partikolari, l‑Artikolu 13 tal‑Liġi Reġjonali Nru 8/2001 ma jistax jibqa’ jiġi applikat. Madankollu, dik il‑qorti żammet it‑talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Fil‑fatt, il‑Liġi Nru 133/2008 hija intiża sabiex ma jkollhiex effetti qabel id‑data tad‑dħul fis‑seħħ tagħha. Barra minn hekk, is‑sempliċi possibbiltà għal Attanasio li tagħmel applikazzjoni ġdida għal awtorizzazzjoni skont il‑leġiżlazzjoni Taljana emendata tista’ tiltaqa’ ma’ ostakoli li għadhom ma jistgħux jiġu identifikati u li jagħmlu aleatorja l‑protezzjoni tad‑dritt sostanzjali invokat fil‑kawża prinċipali.

30      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l‑interpretazzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni mitluba mill‑qorti tar‑rinviju ma hijiex ser tkun meħtieġa minn din tal‑aħħar sabiex tiddeċiedi l‑kwistjoni li għandha quddiemha.

31      Minn dan jirriżulta li d‑domanda magħmula hija ammissibbli sa fejn tikkonċerna l‑Artikoli 43 KE, 48 KE, 49 KE u 56 KE, li, billi jistabbilixxu regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni fl‑oqsma li jikkonċernaw, rispettivament, il‑libertà ta’ stabbiliment, il‑libertà li jiġu pprovduti servizzi u l‑moviment liberu tal‑kapital, jikkostitwixxu l‑espressjoni speċifika, f’dawn l‑oqsma, tal‑prinċipju ġenerali li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza stabbilit fl‑Artikolu 12 KE.

32      Għall‑kuntrarju, sa fejn id‑domanda magħmula, kif ifformulata mill‑ġdid fil‑punt 21 ta’ din is‑sentenza, tikkonċerna interpretazzjoni tal‑Artikoli 81 KE sa 89 KE, għandu jitfakkar li l‑ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni li tkun utli għall‑qorti nazzjonali teżiġi li dik il‑qorti tiddefinixxi l‑kuntest fattwali u leġiżlattiv tad‑domandi magħmula minnha jew li, minn tal‑inqas, tispjega s‑sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id‑domandi (ara s‑sentenza Centro Europa 7, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Dawn ir‑rekwiżiti japplikaw b’mod iktar partikolari fil‑qasam tal‑kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt kumplessi (ara, f’dan is‑sens, b’mod partikolari, is‑sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et, C‑320/90 sa C‑322/90, Ġabra p. I‑393, punt 7; tat‑23 ta’ Novembru 2006, Asnef‑Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 23, kif ukoll tat‑13 ta’ Diċembru 2007, United Pan‑Europe Communications Belgium et, C‑250/06, Ġabra p. I‑11135, punt 20).

33      Issa, f’dan il‑każ, id‑deċiżjoni tar‑rinviju ma tipprovdix lill‑Qorti tal‑Ġustizzja bl‑elementi ta’ fatt u ta’ dritt li jippermettulha tiddetermina l‑kundizzjonijiet li fihom miżuri Statali bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali jistgħu jaqgħu taħt id‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat dwar il‑kompetizzjoni. B’mod partikolari, id‑deċiżjoni msemmija ma tipprovdi ebda indikazzjoni fir‑rigward tar‑regoli tal‑kompetizzjoni speċifiċi li tagħhom qiegħda titlob l‑interpretazzjoni u lanqas ma tipprovdi spjegazzjoni dwar ir‑rabta li hija tara bejn dawn ir‑regoli u l‑kwistjoni fil‑kawża prinċipali jew is‑suġġett tagħha.

34      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, id‑domanda magħmula għandha tiġi ddikjarata inammissibbli sa fejn tista’ tiġi interpretata bħala li tikkonċerna l‑Artikoli 81 KE sa 89 KE.

35      Għaldaqstant, id‑domanda magħmula, kif ifformulata mill‑ġdid fil‑punt 21 ta’ din is‑sentenza, għandha tiġi eżaminata fir‑rigward biss tal‑Artikoli 12 KE, 43 KE, 48 KE, 49 KE u 56 KE.

 Fuq il‑mertu

36      Il‑bini ta’ faċilitajiet fit‑toroq għad‑distribuzzjoni ta’ karburanti jaqa’ taħt il‑kunċett ta’ “stabbiliment” fis‑sens tat‑Trattat. Dan il‑kunċett huwa wiesa’ ħafna u jimplika l‑possibbiltà, għal ċittadin tal‑Unjoni, li jipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil‑ħajja ekonomika ta’ Stat Membru li ma jkunx l‑Istat ta’ oriġini tiegħu, u li jislet profitt minn din il‑parteċipazzjoni (ara, f’dan is‑sens, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 1974, Reyners, 2/74, Ġabra p. 631, punt 21; tat‑30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C‑55/94, Ġabra p. I‑4165, punt 25, kif ukoll tal‑11 ta’ Ottubru 2007, ELISA, C‑451/05, Ġabra p. I‑8251, punt 63).

37      Għandu jitfakkar li l‑Artikolu 12 KE huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid‑dritt tal‑Unjoni li fir‑rigward tagħhom it‑Trattat ma jistabbilixxix regoli speċifiċi dwar nondiskriminazzjoni. Issa, fil‑qasam tad‑dritt ta’ stabbiliment, il‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implementat permezz tal‑Artikolu 43 KE (ara, f’dan is‑sens, b’mod partikolari, is‑sentenzi tad‑29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos, C‑193/94, Ġabra p. I‑929, punti 20 u 21; tat‑13 ta’ April 2000, Baars, C‑251/98, Ġabra p. I‑2787, punti 23 u 24, kif ukoll tas‑17 ta’ Jannar 2008, Lammers & Van Cleeff, C‑105/07, Ġabra p. I‑173, punt 14).

38      Għaldaqstant, f’dan il‑każ, ma hemmx lok li ssir interpretazzjoni tal‑Artikolu 12 KE.

39      Barra minn hekk, skont l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 50 KE, id‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat dwar il‑libertà li jiġu pprovduti servizzi huma applikabbli biss jekk ma jkunux applikabbli d‑dispożizzjonijiet dwar id‑dritt ta’ stabbiliment. Għalhekk, lanqas l‑Artikolu 49 KE ma huwa rilevanti f’dan il‑każ. Fil‑fatt, il‑bini ta’ faċilitajiet fit‑toroq għad‑distribuzzjoni ta’ karburanti mill‑persuni ġuridiċi fis‑sens tal‑Artikolu 48 KE jimplika neċessarjament l‑aċċess ta’ dawn tal‑aħħar għat‑territorju tal‑Istat Membru ospitanti għall‑finijiet ta’ parteċipazzjoni stabbili u kontinwa fil‑ħajja ekonomika ta’ dan l‑Istat, b’mod partikolari permezz tal‑ħolqien ta’ aġenziji, fergħat jew sussidjarji (ara, bħala analoġija, is‑sentenzi Gebhard, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 sa 26, kif ukoll tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑171/02, Ġabra p. I‑5645, punti 24 u 25).

40      Barra minn hekk, jekk jitqies li l‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali għandha effetti fuq il‑moviment liberu tal‑kapital, mill‑ġurisprudenza jirriżulta li tali effetti huma l‑konsegwenza inseparabbli ta’ eventwali ostakolu għal‑libertà ta’ stabbiliment u, għalhekk, ma jiġġustifikawx eżami awtonomu tal‑leġiżlazzjoni msemmija fid‑dawl tal‑Artikolu 56 KE (ara, bħala analoġija, is‑sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C‑196/04, Ġabra p. I‑7995, punt 33; tat‑18 ta’ Lulju 2007, Oy AA, C‑231/05, Ġabra p. I‑6373, punt 24, kif ukoll tas‑26 ta’ Ġunju 2008, Burda, C‑284/06, Ġabra p. I‑4571, punt 74).

41      Mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r‑risposta għad‑domanda magħmula, kif ifformulata mill‑ġdid fil‑punt 21 ta’ din is‑sentenza, għandha tingħata fid‑dawl biss tad‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat dwar il‑libertà ta’ stabbiliment.

42      Il‑libertà ta’ stabbiliment, li l‑Artikolu 43 KE jirrikonoxxi liċ‑ċittadini tal‑Unjoni u li tfisser, għal dawn iċ‑ċittadini, aċċess għall‑attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha u l‑eżerċizzju tagħhom, kif ukoll l‑inkorporazzjoni u l‑amministrazzjoni ta’ impriżi, taħt l‑istess kundizzjonijiet bħal dawk stabbiliti mil‑leġiżlazzjoni tal‑Istat Membru ta’ stabbiliment għaċ‑ċittadini tiegħu stess, tinkludi, skont l‑Artikolu 48 KE, għall‑kumpanniji inkorporati skont il‑leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom l‑uffiċċju rreġistrat, it‑tmexxija ċentrali jew is‑sede prinċipali tagħhom ġewwa l‑Unjoni Ewropea, id‑dritt li jeżerċitaw l‑attività tagħhom fl‑Istat Membru kkonċernat permezz ta’ fergħa, sussidjarja jew aġenzija (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1999, Saint‑Gobain ZN, C‑307/97, Ġabra p. I‑6161, punt 35; Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, kif ukoll tat‑13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C‑524/04, Ġabra p. I‑2107, punt 36).

43      Skont ġurisprudenza stabbilita, l‑Artikolu 43 KE jipprekludi kull miżura nazzjonali li, anki jekk tapplika mingħajr distinzjoni minħabba ċittadinanza, tista’ tostakola jew tagħmel inqas attraenti l‑eżerċizzju, miċ‑ċittadini tal‑Unjoni, tal‑libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit‑Trattat (ara, f’dan is‑sens, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 1993, Kraus, C‑19/92, Ġabra p. I‑1663, punt 32; Gebhard, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37; tal‑5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France, C‑442/02, Ġabra p. I‑8961, punt 11, kif ukoll tal‑10 ta’ Marzu 2009, Hartlauter, C‑169/07, Ġabra p. I‑1721, punt 33 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

44      B’mod partikolari, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li tali effetti restrittivi jistgħu jimmaterjalizzaw meta, minħabba leġiżlazzjoni nazzjonali, kumpannija tista’ tiġi konvinta sabiex ma tiftaħx entitajiet sekondarji, bħalma huwa stabbiliment stabbli, fi Stati Membri oħra u sabiex ma teżerċitax l‑attivitajiet tagħha permezz ta’ tali entitajiet (ara, f’dan is‑sens, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C‑446/03, Ġabra p. I‑10837, punti 32 u 33; tat‑23 ta’ Frar 2006, Keller Holding, C‑471/04, Ġabra p. I‑2107, punt 35, kif ukoll tat‑23 ta’ Frar 2008, Deutsche Shell, C‑293/06, Ġabra p. I‑1129, punt 29).

45      Għalhekk, tikkostitwixxi restrizzjoni fis‑sens tal‑Artikolu 43 KE leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, li tissuġġetta l‑ftuħ ta’ faċilitajiet fit‑toroq ġodda għad‑distribuzzjoni ta’ karburanti għall‑osservanza ta’ distanzi minimi fil‑konfront ta’ faċilitajiet simili oħra. Fil‑fatt, tali leġiżlazzjoni, li tapplika biss għal faċilitajiet ġodda u mhux għall‑faċilitajiet eżistenti qabel id‑dħul fis‑seħħ tagħha, tissuġġetta għal kundizzjonijiet l‑aċċess għall‑attività ta’ distribuzzjoni ta’ karburanti u, billi b’hekk tiffavorixxi lill‑operaturi li diġà jinsabu fit‑territorju Taljan, hija ta’ natura li tiskoraġġixxi, jekk mhux ukoll tostakola, l‑aċċess għas‑suq Taljan tal‑operaturi ġejjin minn Stati Membri oħra (ara wkoll, bħala analoġija, is‑sentenzi CaixaBank France, iċċitata iktar ’il fuq, punti 11 sa 14, kif ukoll tat‑28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑518/06, Ġabra p. I‑3491, punti 62 sa 64 u 70 sa 71).

46      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat sa fejn ir‑restrizzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tista’ tiġi aċċettata taħt waħda mir‑raġunijiet stabbiliti fl‑Artikolu 46 KE jew iġġustifikata, skont il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

47      Il‑qorti tar‑rinviju identifikat, bħala rilevanti fir‑rigward tal‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, l‑għanijiet ta’ sigurtà fit‑toroq, ta’ protezzjoni tas‑saħħa u tal‑ambjent kif ukoll ta’ razzjonalizzazzjoni tas‑servizz mogħti lill‑utenti.

48      Fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub tiegħu, il‑Gvern Taljan ma ressaqx elementi intiżi li jiġġustifikaw il‑leġiżlazzjoni msemmija u sempliċement sostna, kif jirriżulta mill‑punt 26 ta’ din is‑sentenza, li din il‑leġiżlazzjoni ma għadhiex applikabbli.

49      L‑Artikolu 46(1) KE jaċċetta b’mod partikolari restrizzjonijiet għal‑libertà ta’ stabbiliment li jkunu ġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ saħħa pubblika (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Hartlauter, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

50      Barra minn hekk, il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja identifikat numru ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal‑libertajiet fundamentali ggarantiti mit‑Trattat. Fost tali raġunijiet li diġà ġew rikonoxxuti mill‑Qorti tal‑Ġustizzja jinsabu l‑għanijiet ta’ sigurtà fit‑toroq (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 1994, van Schaik, C‑55/93, Ġabra p. I‑4837, punt 19, kif ukoll tal‑15 ta’ Marzu 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja, C‑54/05, Ġabra p. I‑2473, punt 40 u l‑ġurisprudenza ċċitata), il‑protezzjoni tal‑ambjent (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 1988, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, 302/86, Ġabra p. 4607, punt 9, kif ukoll tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz, C‑309/02, Ġabra p. I‑11763, punt 75) u l‑protezzjoni tal‑konsumaturi (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal‑4 ta’ Diċembru 1986, Il‑Kummissjoni vs Franza, 220/83, Ġabra p. 3663, punt 20; CaixaBank France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21, kif ukoll tad‑29 ta’ Novembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑393/05, Ġabra p. I‑10195, punt 52 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

51      Madankollu, għandu jitfakkar li, irrispettivament mill‑eżistenza ta’ għan leġittimu fid‑dawl tad‑dritt tal‑Unjoni, il‑ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni għal‑libertajiet fundamentali stabbiliti fit‑Trattat teħtieġ li l‑miżura inkwistjoni tkun adegwata sabiex jiġi ggarantit li jintlaħaq l‑għan tagħha u li din il‑miżura ma tmurx lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l‑għan (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2002, Oteiza Olazabal, C‑100/01, Ġabra p. I‑10981, punt 43; tas‑16 ta’ Ottubru 2008, Renneberg, C‑527/06, Ġabra p. I‑7735, punt 81; tal‑11 ta’ Ġunju 2009, X u Passenheim‑van Schoot, C‑155/08 u C‑157/08, Ġabra p. I‑5093, punt 47, kif ukoll tas‑17 ta’ Novembru 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri, C‑169/08, Ġabra p. I‑10821, punt 42). Barra minn hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l‑għan invokat biss jekk tissodisfa, b’mod reali, ix‑xewqa li dan l‑għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Hartlauter, punt 55, u Presidente del Consiglio dei Ministri, punt 42).

52      F’dan il‑każ, fir‑rigward, fl‑ewwel lok, tal‑għanijiet marbuta mas‑sigurtà fit‑toroq, kif ukoll mal‑protezzjoni tas‑saħħa u tal‑ambjent, ma jidhirx li l‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tissodisfa r‑rekwiżiti msemmija fil‑punt preċedenti, bla ħsara għall‑verifiki li għandhom isiru, jekk ikun il‑każ, mill‑qorti tar‑rinviju.

53      Fil‑fatt, kif enfasizzat il‑qorti tar‑rinviju stess, l‑imsemmija leġiżlazzjoni tapplika biss fil‑każ tal‑bini ta’ faċilitajiet ġodda. Għaldaqstant, din il‑leġiżlazzjoni ma tapplikax għall‑faċilitajiet diġà eżistenti, ħaġa din li kienet teħtieġ, pereżempju, li dawn il‑faċilitajiet jiġu progressivament imċaqalqa sabiex josservaw ir‑rekwiżiti dwar id‑distanzi minimi. Kif osservat l‑imsemmija qorti, dan il‑fatt jixħet dubju fuq in‑natura koerenti tal‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali fir‑rigward tal‑għanijiet imsemmija iktar ’il fuq.

54      Barra minn hekk, anki jekk jiġi aċċettat li regoli dwar distanzi minimi obbligatorji bejn il‑faċilitajiet fit‑toroq għad‑distribuzzjoni ta’ karburanti huma adegwati sabiex jintlaħqu l‑għanijiet ta’ sigurtà fit‑toroq kif ukoll ta’ protezzjoni tas‑saħħa u tal‑ambjent, mill‑konstatazzjonijiet tal‑qorti tar‑rinviju stess jirriżulta li dawn l‑għanijiet huma ta’ natura li jistgħu jintlaħqu b’mod iktar adegwat, u dan billi tittieħed inkunsiderazzjoni s‑sitwazzjoni speċifika ta’ kull faċilità kkonċernata, fil‑kuntest tal‑kontrolli li għandu jwettaq kull komun, fi kwalunkwe każ, fil‑każ ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni sabiex tinfetaħ faċilità ġdida għad‑distribuzzjoni ta’ karburanti. Kif jirriżulta mill‑punt 4 ta’ din is‑sentenza, dawn il‑kontrolli jikkonċernaw b’mod partikolari l‑konformità ta’ din il‑faċilità mad‑dispożizzjonijiet tal‑pjan dwar l‑allokazzjoni tal‑artijiet kif ukoll mar‑rekwiżiti marbuta mas‑sigurtà sanitarja, ambjentali u fit‑toroq. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, kif osservat il‑qorti tar‑rinviju stess, l‑introduzzjoni ta’ distanzi minimi tidher li tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l‑għanijiet mixtieqa.

55      Fit‑tieni lok, fir‑rigward tal‑għan imsemmi fid‑deċiżjoni tar‑rinviju u li jikkonsisti fir‑“razzjonalizzazzjoni tas‑servizz mogħti lill‑utenti”, għandu, minn naħa, jitfakkar li motivi ta’ natura purament ekonomika ma jistgħux jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jkunu ta’ natura li jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà fundamentali ggarantita mit‑Trattat (ara s‑sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2005, Kranemann, C‑109/04, Ġabra p. I‑2421, punt 34 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

56      Min‑naħa l‑oħra, anki jekk jitqies li dan l‑għan jista’ jiġi kkunsidrat, sa fejn jikkonċerna l‑protezzjoni tal‑konsumaturi, bħala għan li jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u mhux bħala raġuni ta’ natura purament ekonomika, huwa diffiċli li wieħed jidentifika kif leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tista’ tkun adegwata sabiex tipproteġi lill‑konsumaturi jew sabiex trendilhom benefiċċji. Għall‑kuntrarju, kif osservat essenzjalment il‑qorti tar‑rinviju, billi tostakola l‑aċċess ta’ operaturi ġodda għas‑suq, tali leġiżlazzjoni tidher li pjuttost tiffavorixxi l‑pożizzjoni tal‑operaturi li diġà jinsabu fit‑territorju Taljan, mingħajr ma l‑konsumaturi jissiltu vantaġġi reali minn dan. Fi kwalunkwe każ, jidher li l‑leġiżlazzjoni msemmija tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq eventwali għan ta’ protezzjoni tal‑konsumaturi, ħaġa din li, jekk ikun meħtieġ, għandha tiġi vverifikata mill‑qorti tar‑rinviju.

57      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir‑risposta għad‑domanda magħmula għandha tkun li l‑Artikolu 43 KE, moqri flimkien mal‑Artikolu 48 KE, għandu jiġi interpretat fis‑sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, li tistabbilixxi distanzi minimi obbligatorji bejn il‑faċilitajiet fit‑toroq għad‑distribuzzjoni ta’ karburanti tikkostitwixxi restrizzjoni għal‑libertà ta’ stabbiliment stabbilita fit‑Trattat. F’ċirkustanzi bħal dawk tal‑kwistjoni fil‑kawża prinċipali, din ir‑restrizzjoni ma jidhirx li hija ta’ natura tali li tista’ tiġi ġġustifikata minħabba l‑għanijiet ta’ sigurtà fit‑toroq, ta’ protezzjoni tas‑saħħa u tal‑ambjent, kif ukoll ta’ razzjonalizzazzjoni tas‑servizz mogħti lill‑utenti, ħaġa din li għandha tiġi vverifikata mill‑qorti tar‑rinviju.

 Fuq l‑ispejjeż

58      Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija dik il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L‑Artikolu 43 KE, moqri flimkien mal‑Artikolu 48 KE, għandu jiġi interpretat fis‑sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, li tistabbilixxi distanzi minimi obbligatorji bejn il‑faċilitajiet fit‑toroq għad‑distribuzzjoni ta’ karburanti tikkostitwixxi restrizzjoni għal‑libertà ta’ stabbiliment stabbilita fit‑Trattat KE. F’ċirkustanzi bħal dawk tal‑kwistjoni fil‑kawża prinċipali, din ir‑restrizzjoni ma jidhirx li hija ta’ natura tali li tista’ tiġi ġġustifikata minħabba l‑għanijiet ta’ sigurtà fit‑toroq, ta’ protezzjoni tas‑saħħa u tal‑ambjent, kif ukoll ta’ razzjonalizzazzjoni tas‑servizz mogħti lill‑utenti, ħaġa din li għandha tiġi vverifikata mill‑qorti tar‑rinviju.

Firem


* Lingwa tal‑kawża: it‑Taljan.