Kawża C-550/07 P

Akzo Nobel Chemicals Ltd

u

Akcros Chemicals Ltd

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Kompetizzjoni — Miżuri istruttorji — Setgħat investigattivi tal-Kummissjoni — Protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet — Relazzjoni ta’ impjieg bejn avukat u impriża — Skambji ta’ messaġġi elettroniċi ”

Sommarju tas-sentenza

1.        Appell — Interess ġuridiku — Kundizzjoni — Appell li jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-parti li ppreżentatu

2.        Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħat investigattivi tal-Kummissjoni — Setgħa li tordna l-preżentazzjoni ta’ komunikazzjoni bejn avukat u klijent — Limiti — Protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ tali komunikazzjoni — Portata — Esklużjoni ta’ komunikazzjonijiet mal-avukati interni f’impriża

3.        Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Trattament ugwali — Kunċett — Limiti

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 20 u 21)

4.        Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħat investigattivi tal-Kummissjoni — Setgħa li tordna l-preżentazzjoni ta’ komunikazzjoni bejn avukat u klijent — Limiti — Protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ tali komunikazzjoni — Portata — Esklużjoni ta’ komunikazzjonijiet mal-avukati interni f’impriża

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)

5.        Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Applikazzjoni għall-proċeduri li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 48(2))

6.        Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħat investigattivi tal-Kummissjoni — Setgħa li tordna l-preżentazzjoni ta’ komunikazzjoni bejn avukat u klijent — Limiti — Protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ tali komunikazzjoni — Portata — Esklużjoni ta’ komunikazzjonijiet mal-avukati interni f’impriża

(Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17 u Nru 1/2003)

7.        Dritt tal-Unjoni — Effett dirett — Drittijiet individwali — Salvagwardja mill-qrati nazzjonali — Azzjoni ġudizzjarja — Prinċipju ta’ awtonomija proċedurali nazzjonali

8.        Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħat investigattivi tal-Kummissjoni — Setgħa li tordna l-preżentazzjoni ta’ komunikazzjoni bejn avukat u klijent

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 14(6), u Nru 1/2003, Artikolu 20(6))

9.        Unjoni Ewropea — Kompetenzi esklużivi — Dipożizzjonijiet neċessarji għall-funzjonament tas-suq intern — Regoli proċedurali fil-qasam tal-kompetizzjoni — Inklużjoni

(Artikolu 3(1)(b) TFUE, 101 TFUE sa 103 TFUE, u 105 TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 14, u Nru 1/2003, Artikolu 20)

1.        L-interess ġuridiku jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ ammissibbiltà li għandha tissussisti sakemm tingħata d-deċiżjoni finali.

Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ appell, tali interess jeżisti sakemm l-appell jista’, permezz tal-eżitu tiegħu, iwassal għal benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu.

Fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-interess ġuridiku ta’ impriża fil-konfront ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tagħtiha lura dokumenti u li jiġu distrutti l-kopji eventwali, minħabba l-ksur tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti matul l-investigazzjonijiet, jkompli mill-inqas sakemm il-Kummissjoni żżomm id-dokumenti jew kopja ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, il-ksur eventwali tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti matul l-investigazzjonijiet iseħħ mhux meta l-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq dokument protett, iżda mill-mument meta tali dokument jiġi maqbud minn uffiċjal tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 22, 23, 25)

2.        Il-benefiċċju tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Minn naħa, l-iskambju mal-avukat għandu jkun marbut mal-eżerċizzju tad-dritt tad-difiża tal-klijent u, min-naħa l-oħra, għandu jkun skambju li joriġina minn avukati indipendenti, jiġifieri minn avukati mhux marbuta mal-klijent permezz ta’ relazzjoni ta’ impjieg.

Ir-rekwiżit ta’ indipendenza jimplika n-nuqqas ta’ kull relazzjoni ta’ impjieg bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, b’mod li l-protezzjoni abbażi tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità ma testendix għall-iskambji fi ħdan impriża jew grupp ma’ avukati interni.

Il-kunċett ta’ indipendenza tal-avukat huwa definit mhux biss b’mod pożittiv, jiġifieri permezz ta’ referenza għad-dixxiplina professjonali, iżda wkoll b’mod negattiv, jiġifieri permezz tan-nuqqas ta’ relazzjoni ta’ impjieg. Avukat intern, minkejja l-fatt li huwa membru tal-Kamra tal-Avukati u minkejja li huwa suġġett għar-regoli professjonali li jirriżultaw minn dan, ma għandux l-istess grad ta’ indipendenza minn min jimpjegah bħal avukat li jkun jaħdem f’ditta ta’ avukati esterna fil-konfront tal-klijenti tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa iktar diffiċli għal avukat intern milli għal avukat estern li jsib rimedju għal tensjonijiet eventwali bejn l-obbligi professjonali u l-għanijiet mixtieqa mill-klijent tiegħu.

L-avukat intern ma jistax, irrispettivament mill-garanziji li jgawdi fl-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu, jiġi mqabbel ma’ avukat estern minħabba s-sitwazzjoni ta’ impjegat li fiha jinsab, sitwazzjoni li, minħabba n-natura tagħha, ma tippermettix li l-avukat intern ma jsegwix l-istrateġiji kummerċjali adottati minn min jimpjegah u li tpoġġi wkoll inkwistjoni l-kapaċità tiegħu li jaġixxi b’indipendenza professjonali.

Għandu jingħad ukoll li, fil-kuntest tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu l-avukat intern jista’ jintalab jagħmel affarijiet oħra li jistgħu jkollhom effett fuq il-politika kummerċjali tal-impriża u li jistgħu jsaħħu r-rabtiet stretti tiegħu ma’ min jimpjegah.

Minn dan jirriżulta li, minħabba kemm id-dipendenza ekonomika tal-avukat intern kif ukoll ir-rabtiet stretti ma’ min jimpjegah, l-avukat intern ma jgawdix minn indipendenza professjonali simili għal dik ta’ avukat estern.

Peress li l-avukat intern jinsab f’pożizzjoni essenzjalment differenti minn dik ta’ avukat estern, b’mod li s-sitwazzjonijiet rispettivi tagħhom ma humiex paragunabbli, ma jirriżulta ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali mill-mod differenti li bih dawn il-professjonisti jiġu ttrattati fir-rigward tal-protezzjoni ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti.

Għandu jingħad ukoll li, anki li kieku jiġi kkunsidrat li l-konsultazzjoni ma’ avukati interni, impjegati mill-impriża jew mill-grupp, għandha taqa’ taħt id-dritt li jieħdu parir, ikollhom difiża u jkunu irrappreżentati, dan ma jeskludix l-applikazzjoni, fil-każ ta’ intervent mill-avukati interni, ta’ ċerti restrizzjonijiet u modalitajiet dwar l-eżerċizzju tal-professjoni, mingħajr ma dan jiġi kkunsidrat bħala li jikkawża preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża.

Konsegwentement, il-fatt li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, il-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet hija limitata għall-iskambji mal-avukati esterni, ma toħloq ebda preġudizzju għall-prinċipju ta’ ċertezza legali.

(ara l-punti 40, 41, 44, 45, 47-49, 58, 59, 95, 106)

3.        Il-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit mill-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(ara l-punti 54, 55)

4.        Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fis-sentenza tat-18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, 155/79, dwar il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità fil-proċeduri ta’ investigazzjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, li dan il-qasam tad-dritt tal-Unjoni għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-kunċetti komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-osservanza tal-kunfidenzjalità fir-rigward, b’mod partikolari, ċerti komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet studju komparattiv tal-liġijiet nazzjonali differenti. Hija osservat, abbażi ta’ dan l-istudju komparattiv, li, jekk ċerti kundizzjonijiet huma sodisfatti, il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom għandha tkun protetta abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

Matul is-snin li għaddew minn meta ngħatat is-sentenza AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, l-ebda tendenza dominanti favur protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet fi ħdan impriża jew grupp mal-avukati interni ma tista’ tiġi stabbilita għal dak li jirrigwarda s-sistemi legali tas-27 Stati Membri tal-Unjoni Ewropea. Is-sitwazzjoni legali fl-Istati Membri tal-Unjoni għalhekk ma evolvietx sal-punt li jiġi ġġustifikat żvilupp tal-ġurisprudenza fis-sens ta’ rikonoxximent, għall-avukati interni, tal-benefiċċju tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità.

Barra minn hekk, għalkemm ir-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, introduċa numru kbir ta’ tibdiliet fir-regoli proċedurali dwar id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, l-imsemmija regoli ma fihom l-ebda ħjiel li jista’ jistabbilixxi li dawn jimponu assimilazzjoni tal-avukati li jaħdmu għal rashom mal-avukati impjegati għal dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, billi dan il-prinċipju bl-ebda mod ma huwa s-suġġett tal-imsemmi regolament, li huwa intiż sabiex isaħħaħ l-estent tas-setgħat investigattivi tal-Kummissjoni, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda d-dokumenti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali miżuri. Il-bidla fir-regoli proċedurali fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari mir-Regolament Nru 1/2003, lanqas ma tista’ tiġġustifika bidla fil-ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza AM & S Europe vs Il-Kummissjoni.

(ara l-punti 69, 70, 74, 76, 83, 86, 87)

5.        Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal pagamenti ta’ penalità, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li ġie stabbilit fl-Artikolu 48(2) tal-Karta tad Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(ara l-punt 92)

6.        Is-setgħat li minnhom tiddisponi l-Kummissjoni permezz tar-Regolament Nru 17 u tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, huma distinti minn dawk f’investigazzjonijiet li jistgħu jitwettqu fuq livell nazzjonali. Iż-żewġ tipi ta’ proċedura huma bbażati fil-fatt fuq qsim ta’ kompetenzi bejn l-awtoritajiet differenti tal-kompetizzjoni. Ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn avukati u klijenti jistgħu, għaldaqstant, ivarjaw skont dan il-qsim ta’ kompetenzi u skont ir-regoli rispettivi.

Id-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni jikkunsidraw il-prattiki restrittivi minn aspetti differenti. Filwaqt li l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE jikkunsidrawhom fid-dawl tal-ostakoli li dawn jistgħu joħolqu għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, il-leġiżlazzjonijiet interni, ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet speċifiċi għal kull waħda minnhom, jikkunsidraw il-prattiki restrittivi biss f’dan il-kuntest.

F’dawn il-kundizzjonijiet, l-impriżi li fil-bini tagħhom issir tfittxija, fil-kuntest ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, jistgħu jiddeterminaw id-drittijiet u l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti u tad-dritt applikabbli, bħal, pereżempju, it-trattament ta’ dokumenti li jistgħu jiġu maqbuda matul investigazzjoni u l-kwistjoni dwar jekk l-impriżi inkwistjoni għandhomx id-dritt jinvokaw jew le l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet mal-avukati interni. L-impriżi jistgħu għalhekk jiggwidaw lilhom infushom skont il-kompetenzi tal-imsemmija awtoritajiet u s-setgħat konkreti tagħhom għal dak li jirrigwarda l-qbid ta’ dokumenti.

Il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jitlobx, għaldaqstant, li jsir rikors, għaż-żewġ tipi ta’ proċedura msemmija iktar ’il fuq, għal kriterji identiċi għal dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti.

(ara l-punti 102-105)

7.        Skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali nazzjonali, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandu jindika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u jirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni.

Dan il-prinċipju ma jistax jiġi invokat fil-konfront ta’ deċiżjoni meħuda minn istituzzjoni tal-Unjoni abbażi ta’ regolament adottat fuq il-livell tal-Unjoni, li, barra minn hekk, ma jagħmel ebda rinviju għad-dritt nazzjonali.

(ara l-punti 113, 114)

8.        L-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti fuq il-livell tal-Unjoni huma indispensabbli sabiex l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċeduri fil-qasam ta’ akkordji jistgħu jitwettqu f’kundizzjonijiet ta’ trattament ugwali għall-impriżi kkonċernati. Li kieku dan ma kienx il-każ, ir-rikors għar-regoli jew għal kunċetti legali tad-dritt nazzjonali u li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jkollu bħala effett li joħloq preġudizzju għall-unità tad-dritt tal-Unjoni. Tali interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi ta’ din is-sistema legali jistgħu jiddependu mill-post tal-investigazzjoni u mill-partikolaritajiet leġiżlattivi nazzjonali eventwali.

Meta jsiru investigazzjonijiet mill-Kummissjoni bħala awtorità Ewropea tal-kompetizzjoni, id-dritt nazzjonali jsir applikabbli biss meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jagħtuha assistenza, b’mod partikolari sabiex tingħeleb ir-reżistenza ta’ impriżi suġġetti għal investigazzjoni bl-użu ta’ miżuri diretti ta’ infurzar, skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 20(6) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat. Min-naħa l-oħra, id-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli biss sabiex jiġi stabbilit liema dokumenti u rekords tal-kumpannija l-Kummissjoni tista’ teżamina u tikkopja matul l-investigazzjonijiet tagħha fil-qasam ta’ akkordji.

(ara l-punti 115, 119)

9.        Ir-regoli proċedurali fil-qasam tal-kompetizzjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17 u fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, jagħmlu parti mid-dipożizzjonijiet neċessarji għall-funzjonament tas-suq intern li l-adozzjoni tagħhom hija parti minn kompetenza esklużiva mogħtija lill-Unjoni skont l-Artikolu 3(1)(b) TFUE.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 103 TFUE, hija l-Unjoni li għandha tistabbilixxi r-regolamenti u d-direttivi neċessarji sabiex jiġu applikati l-prinċipji li jinsabu fl-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi. Din il-kompetenza hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tiżgura l-osservanza tal-projbizzjonijiet imsemmija f’dawn l-artikoli permezz tal-iffissar ta’ multi u ta’ pagamenti ta’ penalità u sabiex jiġi ddefinit ir-rwol tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 105 TFUE jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu applikati l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE u tinvestiga l-każijiet preżunti ta’ ksur.

Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ kompetenzi ta’ attribuzzjoni ma jistax jiġi invokat kontra s-setgħat investigattivi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 116-118, 120)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Settembru 2010 (*)

“Appell – Kompetizzjoni – Miżuri istruttorji – Setgħat investigattivi tal‑Kummissjoni – Protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet – Relazzjoni ta’ impjieg bejn avukat u impriża – Skambji ta’ messaġġi elettroniċi”

Fil-Kawża C-550/07 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja, imressaq fit-30 ta’ Novembru 2007,

Akzo Nobel Chemicals Ltd, stabbilita fi Hersham (ir-Renju Unit),

Akcros Chemicals Ltd, stabbilita fi Hersham (ir-Renju Unit),

irrappreżentati minn M. Mollica, avukat, sussegwentement minn M. van der Woude, avukat, u minn C. Swaak, avukat,

rikorrenti,

sostnuti minn:

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn V. Jackson u E. Jenkinson, bħala aġenti, assistiti minn M. Hoskins, barrister,

L-Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn M. Collins, SC, b’indirizz għan-notifika fil‑Lussemburgu,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels, kif ukoll minn Y. de Vries u M. de Grave, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u X. Lewis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Conseil des barreaux européens, stabbilit fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn J. Flynn, QC,

Algemene Raad van de Nederlandse Orde van Advocaten, stabbilit f’Den Haag (il-Pajjizi l-Baxxi), irrappreżentat minn O. Brouwer u C. Schillemans, avukati,

European Company Lawyers Association, stabbilita fi Brussell, irrappreżentata minn M. Dolmans u K. Nordlander, avukati, u minn J. Temple Lang, solicitor,

American Corporate Counsel Association (ACCA) – European Chapter, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn G. Berrisch, avukat, f’isem D. Hull, solicitor,

International Bar Association, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn J. Buhart u I. Michou, avukati,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, R. Silva de Lapuerta (Relatur) u E. Levits, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, U. Lõhmus, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Frar 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ April 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħhom, Akzo Nobel Chemicals Ltd (iktar ’il quddiem “Akzo”) u Akcros Chemicals Ltd (iktar ’il quddiem “Akcros”) jitolbu l‑annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”), tas-17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (T‑125/03 u T‑253/03, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għal protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-korrispondenza mal-avukat intern ta’ Akzo.

I –  Id-dritt tal-Unjoni

2        L-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), jipprovdi:

“1.      Fit-twettiq tad-doveri mogħtija lilha mill-Artikolu [105 TFUE] u mid-dispożizzjonijiet adottati taħt l-Artikolu [103 TFUE], il-Kummissjoni tista’ twettaq l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa fl-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi.

Għal dan il-għan l-uffiċjali awtorizzati mill-Kummissjoni għandhom is-setgħa:

a)      li jeżaminaw il-kotba u dokumenti oħra tan-negozju;

b)      li jieħdu kopji jew biċċiet mill-kotba u d-dokumenti tan-negozju;

ċ)      li jitolbu spjegazzjonijiet orali fuq il-post;

d)      li jidħlu f’kull fond, art u mezzi tat-trasport ta’ l-impriżi.

2.      L-uffiċjali tal-Kummissjoni awtorizzati għall-għan ta’ dawn l‑investigazzjonijiet għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom mat-turija ta’ awtorizzazzjoni bil-miktub [...]

3.      Impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għandhom jissottomettu ruħhom għall-investigazzjonijiet ordnati mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett in materja u l-għan ta’ l-investigazzjoni, tappunta d-data li fiha għandha tibda u tindika l-penalitajiet […] u d-dritt li tieħu d-deċiżjoni għar-reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

[…]”

II –  Il-fatti li wasslu għall-kawża

3        Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet sintesi tal-fatti rilevanti kif ġej:

“1      Fl-10 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2003) 559/4, li temenda d-Deċiżjoni tagħha C (2003) 85/4, tat-30 ta’ Jannar 2003, li tordna, b’mod partikolari lil Akzo […] u lil Akcros […] kif ukoll lis-sussidjarji rispettivi tagħhom li jissottomettu ruħhom għal investigazzjoni skond l‑Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, […] u intiżi sabiex issir tfittxija għal provi ta’ eventwali prassi anti-kompetittivi (iktar’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjoni li tordna l-investigazzjoni”).

2      Fit-12 u t-13 ta’ Frar 2003, uffiċjali tal-Kummissjoni, assistiti minn rappreżentanti ta’ l-Office of Fair Trading (OFT, l-Awtorità Ingliża dwar il‑Kompetizzjoni), għamlu investigazzjoni, abbażi tad-deċiżjoni li tordna l‑investigazzjoni, fil-bini tar-rikorrenti li jinsabu f’Eccles, Manchester (ir‑Renju Uniti). Matul din l-investigazzjoni, l-uffiċjali tal-Kummissjoni għamlu kopja ta’ numru kunsiderevoli ta’ dokumenti.

3      Matul dawn l-operazzjonijiet, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti indikaw lill-uffiċjali tal-Kummissjoni li xi dokumenti setgħu kienu koperti mill-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti (legal professional privilege jew “LPP”).

4      Għaldaqstant, l-uffiċjali tal-Kummissjoni indikaw lir-rappreżentanti tar-rikorrenti li huma kellhom bżonn jikkonsultaw fil-qasir id-dokumenti in- kwistjoni, sabiex ikunu jistgħu jifformaw l-opinjoni tagħhom stess fuq il‑protezzjoni li kellhom eventwalment jibbenifikaw minnha d-dokumenti msemmija. Wara diskussjoni twila, u wara li l-uffiċjali tal-Kummissjoni u ta’ l-OFT fakkru lir-rappreżentanti tar-rikorrenti bil-konsegwenzi ta’ ostakolar ta’ l-operazzjonijiet ta’ investigazzjoni, ġie deċiż li l-persuna responsabbli mill-investigazzjoni tikkonsulta d-dokumenti in kwistjoni fil-qosor, filwaqt li rappreżentant tar-rikorrenti jkun fil-qrib.

5      Matul l-evalwazzjoni tad-dokumenti in kwistjoni, inħoloq nuqqas ta’ qbil fir-rigward ta’ ħames dokumenti, li finalment kienu suġġetti għal żewġ tipi ta’ trattament min-naħa tal-Kummissjoni.

[…]

8      It-tielet dokument li kien hemm kwistjoni dwaru huwa kompost minn grupp ta’ noti miktuba bl-idejn tad-Direttur Ġenerali ta’ Akcros […], li r-rikorrenti jsostnu li kienu nkitbu waqt diskussjonijiet ma’ xi impjegati u użati fil-kitba tal-memorandum ittajpjat li jikkostitwixxi s-serje A. Fl-aħħar, l-aħħar żewġ dokumenti in kwistjoni huma żewġ dokumenti ta’ posta elettronika, skambjati bejn id-Direttur Ġenerali ta’ Akcros […] u s-Sur S, il-koordinatur ta’ Akzo […] għad-dritt tal-kompetizzjoni. Dan ta’ l-aħħar huwa avukat membru tal-kamra ta’ l-avukati Olandiża li, fil-mument ta’ meta seħħew il‑fatti, kien membru tas-servizz legali ta’ Akzo […] u, konsegwentement, impjegat b’mod permanenti minn din l-impriża.

9      Wara li raw dawn it-tliet dokumenti u ġabru l-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-persuna responsabbli mill-investigazzjoni qieset li dawn ċertament ma kinux protetti mill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti. Konsegwentement, din għamlet kopja tagħhom u inkludiethom mal-bqija ta’ l-inkartament, mingħajr ma sseparathom f’envelop issiġillat. Ir‑rikorrenti mmarkaw dawn it-tliet dokumenti bħala appartenenti għas-“serje B”.

10      Fis-17 ta’ Frar 2003, ir-rikorrenti bagħtu ittra lill-Kummissjoni fejn esponew ir-raġunijiet għalfejn id-dokumenti […] tas-serje B kienu, skondhom, protetti mill-kunfidenzjalità.

11      Permezz ta’ ittra ta’ l-1 ta’ April 2003, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-argumenti mressqa fl-ittra tagħhom tas-17 ta’ Frar 2003 ma kinux iwassluwha sabiex tikkonkludi li d-dokumenti in kwistjoni kienu effettivament koperti mill-kunfidenzjalità. Madankollu, hija qalet li r-rikorrenti kellhom il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet fuq dawn il-konklużjonijiet preliminari tagħha f’terminu ta’ ħmistax u li kellha tadotta deċiżjoni finali wara li jiskadi dan it-terminu.

[…]

14      Fit-8 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2003) 1533 finali, li ċaħdet it-talba għall-protezzjoni tad-dokumenti in kwistjoni minħabba l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, abbażi ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17 (iktar’il quddiem id‑“deċiżjoni ta’ ċaħda tat-8 ta’ Mejju 2003”). Fl-Artikolu 1 ta’ din id‑deċiżjoni, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex id‑dokumenti […] tas-serje B jiġu rritornati lilhom u sabiex il-Kummissjoni tikkonferma d-distruzzjoni tal-kopji kollha ta’ dawn id-dokumenti li jinsabu fil-pussess tagħha. […]

[…]

18      Fit-8 ta’ Settembru 2003, […] fuq talba tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ppreżentat lill-President, taħt forma kunfidenzjali, kopja tad-dokumenti tas-serje B […]”

III –  Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

4        Iż-żewġ rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-11 ta’ April u fl-4 ta’ Lulju 2003 rispettivament, kellhom bħala suġġett, l-ewwel nett, talba intiża, minn naħa, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2003) 559/4, tal-10 ta’ Frar 2003, u, sa fejn neċessarju, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2003) 85/4, tat-30 ta’ Jannar 2003, li tordna lill-Akzo u lill-Akcros kif ukoll lis-sussidjarji tagħhom sabiex jissottomettu ruħhom għal investigazzjonijiet skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17 (każ COMP/E‑1/38.589), u, min-naħa l-oħra, sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata tagħti lura ċerti dokumenti maqbuda fil-kuntest tal-investigazzjoni inkwistjoni kif ukoll sabiex tiġi prekluża milli tuża l-kontenut (kawża T-125/03) u, it-tieni nett, talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-8 ta’ Mejju 2003 (Kawża T‑253/03).

5        Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni li tordna l-investigazzjoni (Kawża T‑125/03) bħala inammissibbli u r-rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni ta’ caħda tat-8 ta’ Mejju 2003 (Kawża T‑253/03) bħala mhux fondat.

IV –  It-talbiet tal-partijiet

6        Akzo u Akcros jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali caħdet it-talba għal protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet mal-avukat intern ta’ Akzo;

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ caħda tat-8 ta’ Mejju 2003, sa fejn din tirrifjuta li tingħata lura l-korrispondenza elettronika mal-avukat intern ta’ Akzo (li hija parti mid-dokumenti tas-serje B), u

–        tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell u tar-rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali, sa fejn jirrigwardaw l-aggravju mqajjem fil-preżenti appell.

7        Il-Conseil des barreaux européens, intervenjent fl-ewwel istanza, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali rrifjutat li l‑komunikazzjonijiet bejn Akzo u S. jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità, u tannulla d-deċiżjoni ta’ caħda tat-8 ta’ Mejju 2003 f’dan ir-rigward jew, sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjoni li l-kwistjoni ma tippermettix li hija tiddeċiedi dwar l-appell, tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minnu matul il‑proċedura ta’ appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn jirrigwardaw il-kwistjonijiet imqajma fl-appell.

8        L-Algemene Raad van de Nederlandse Orde van Advocaten, intervenjent fl-ewwel istanza, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali caħdet il-motiv imqajjem minn Akzo dwar in-nuqqas ta’ protezzjoni ta’ żewġ dokumenti ta’ posta elettronika skambjati bejn id-direttur ġenerali ta’ Akcros u l-avukat impjegat minn Akzo permezz tal-prinċipju ta’ dritt Komunitarju tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u klijent, minħabba r-relazzjoni ta’ impjieg bejn dan l-avukat u Akzo, u

–        tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minnu matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u fil-preżenti appell.

9        Il-European Company Lawyers Association, intervenjenti fl-ewwel istanza, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l‑komunikazzjonijiet skambjati bejn Akcros u l-membru tad-dipartiment legali ta’ Akzo ma kinux suġġetti għall-privileġġ tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti minnha.

10      L-American Corporate Counsel Association (ACCA) – European Chapter, intervenjenti fl-ewwel istanza, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-korrispondenza elettronika mal-avukat intern ta’ Akzo (parti mid-dokumenti tas-serje B);

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-8 ta’ Mejju 2003, sa fejn hija tirrifjuta li l‑kopja ta’ din il-korrispondenza elettronika tingħata lura lir-rikorrenti jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell u tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn jirrigwardaw l-aggravju mqajjem fil-preżenti appell.

11      L-International Bar Association, intervenjenti fl-ewwel istanza, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata, sa fejn tiċħad il-benefiċċju tal-kunfidenzjalità lid-dokumenti ta’ posta elettronika tas-serje B skambjati bejn Akzo u S., u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mill-International Bar Association fil-proċedura ta’ appell u fil-kuntest tal-proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali sa fejn l-ispejjeż jirrigwardaw il-kwistjonijiet eżaminati fil-kuntest tal-appell.

12      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, l-Irlanda kif ukoll ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, intervenjenti fil-proċedura ta’ appell, jibbażaw ruħhom fuq it‑talbiet imressqa minn Akzo u Akcros.

13      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

V –  Fuq l-appell

A –  Fuq is-suġġett tal-appell

14      L-appell jirrigwarda esklużivament parti tad-dokumenti tas-serje B, jiġifieri ż‑żewġ dokumenti ta’ posta elettronika skambjati bejn id-direttur ġenerali ta’ Akcros u S. Dan tal-aħħar kien, fil-mument meta saru l-investigazzjonijiet fil-bini tar-rikorrenti fir-Renju Unit, impjegat mas-servizz legali ta’ Akzo, impriża stabbilita taħt il-liġi Brittanika, u membru tal-kamra tal-avukati tal-Pajjiżi l-Baxxi. Il-Kummissjoni poġġiet il-kopji ta’ dawn il-messaġġi elettroniċi fil-proċess.

15      Il-Kummissjoni indikat, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li hija ma bbażatx ruħha fuq iż-żewġ messaġġi elettroniċi inkwistjoni fid-deċiżjoni tagħha tal-11 ta’ Novembru 2009, li timponi multi fil-kuntest tal-proċedura li kienet tat lok għall-investigazzjonijiet imwettqa fl-2003 fil-bini ta’ Akzo u ta’ Akcros [Każ COMP/38.589 – stabilizzanti għas-sħana; SEC (2009) 1559 u SEC (2009) 1560]. Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li ma seħħ ebda skambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal dak li jirrigwarda dawn il-messaġġi elettroniċi lanqas ma ġiet ikkontestata.

B –  Fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrenti

1.     L-argumenti tal-partijiet

16      Qabelxejn, il-Kummissjoni tistaqsi lilha nnifisha jekk Akzo u Akcros għandhomx interess ġuridiku. Fil-fatt, iż-żewġ messaġġi elettroniċi ma jissodisfawx l-ewwel kundizzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, stabbilita fil-punti 21 u 23 tas-sentenza tat-18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il-Kummissjoni (155/79, Ġabra p. 1575), li tgħid li għandha tintalab u tingħata opinjoni legali fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża. L-ewwel messaġġ elettroniku huwa biss talba għal kummenti dwar abbozz ta’ ittra biex tintbagħad lil terz. It-tieni messaġġ elettroniku fih sempliċi bidliet fl-użu tal-kliem.

17      Għaldaqstant, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, f’kull każ, iż-żewġ komunikazzjonijiet ma jistgħux jiġu protetti bħala korrispondenza legali bejn avukat u klijent.

18      Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma jallegawx li d‑dokumenti inkwistjoni jissodisfaw l-ewwel kundizzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, stabbilita fil-punti 21 u 23 tas-sentenza AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, imsemmija iktar ’il fuq.

19      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni żżid li l-interess ġuridiku ta’ Akzo u ta’ Akcros waqaf mhux iktar tard mid-data tad-deċiżjoni tagħha tal-11 ta’ Novembru 2009 li permezz tagħha imponiet fuqhom multi.

20      Akzo u Akcros iwieġbu li l-kontenut taż-żewġ messaġġi elettroniċi qatt ma ġie analizzat mill-Qorti Ġenerali. Din tal-aħħar ikkonfermat id-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-8 ta’ Mejju 2003, billi ddeċidiet li d-dokumenti inkwistjoni ma setgħux jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità, peress li ma jikkostitwixxux komunikazzjonijiet ma’ avukat estern. Barra minn hekk, l-imsemmija deċiżjoni eskludiet il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità, mhux minħabba l-kontenut tad-dokumenti inkwistjoni, iżda biss abbażi tal-istatus tal-avukat ikkonċernat.

21      Akzo u Akcros jikkonkludu li l-kwistjoni dwar jekk iż-żewġ messaġġi elettroniċi jissodisfawx l-ewwel kundizzjoni meħtieġa sabiex jibbenefikaw mill-protezzjoni abbażi tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità hija kwistjoni ta’ fatt li għadha ma ngħatatx risposta. Din il-kwistjoni ma tistax tiġi riżolta fil-preżenti proċedura, billi din hija limitata għal kwistjonijiet ta’ dritt.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

22      Sabiex tingħata risposta għall-eċċezzjoni mqajma mill-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li l-interess ġuridiku jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ ammissibbiltà li għandha tissussisti sakemm tingħata d-deċiżjoni finali (ara s-sentenza tas-17 ta’ April 2008, Flaherty et vs Il-Kummissjoni, C-373/06 P, C-379/06 P u C-382/06 P, Ġabra p. I‑2649, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li tali interess jeżisti sakemm l-appell jista’, permezz tal-eżitu tiegħu, iwassal għal benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenzi tat-3 ta’ April 2003, Il-Parlament vs Samper, C-277/01 P, Ġabra p. I-3019, punt 28, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra p. I-4333, punt 42, kif ukoll id-digriet tat-8 ta’ April 2008, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il-Kummissjoni, C-503/07 P, Ġabra p. I-2217, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Għal dak li jirrigwarda l-preżenti appell, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li ż-żewġ messaġġi elettroniċi skambjati bejn id-direttur ġenerali ta’ Akcros u S. ma jistgħux manifestament jibbenefikaw mill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, ma hijiex ta’ natura li taffettwa l-interess ġuridiku tar-rikorrenti. Fil-fatt, tali argument, intiż li juri li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod korrett li ż-żewġ messaġġi elettroniċi inkwistjoni ma jibbenefikawx mill-protezzjoni tal-kunfidenzjalità bejn avukati u klijenti, ma jirrigwardax l-ammissibbiltà, iżda l-fondatezza tal-appell.

25      Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Novembru 2009, imsemmija iktar ’il fuq, eliminat l-interess tar-rikorrenti fir-rigward tat-tkomplija tal-preżenti proċedura, għandu jiġi mfakkar li, permezz tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-8 ta’ Mejju 2003 li hija s-suġġett tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni rrifjutat li tilqa’ t-talba tar-rikorrenti intiża, fost affarijiet oħra, sabiex jingħataw lura ż-żewġ messaġġi elettroniċi skambjati bejn id-direttur ġenerali ta’ Akcros u S. u sabiex il-Kummissjoni tikkonferma li l-kopji kollha ta’ dawn id-dokumenti fil-pussess tagħha ġew distrutti. Il-ksur eventwali tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti matul l-investigazzjonijiet iseħħ mhux meta l-Kummissjoni tibbaża d‑deċiżjoni tagħha fuq dokument protett, iżda mill-mument meta tali dokument jiġi maqbud minn uffiċjal tal-Kummissjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-interess ġuridiku tar-rikorrenti jkompli mill-inqas sakemm il-Kummissjoni żżomm id‑dokumenti koperti mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-8 ta’ Mejju 2003 jew kopja ta’ dawn tal-aħħar.

26      F’dawn il-kundizzjonijiet, Akzo u Akros għandhom interess ġuridiku fil-kuntest tal-preżenti kawża.

C –  Fuq il-mertu

27      Akzo u Akcros iqajmu tliet aggravji insostenn tal-appell tagħhom, l-ewwel wieħed b’mod prinċipali u t-tieni u t-tielet b’mod sussidjarju.

28      L-aggravji kollha huma diretti kontra l-punti 165 sa 180 tas-sentenza appellata. Ir‑rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali rrifjutat b’mod inkorrett li tagħti l-benefiċċju tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti liż-żewġ messaġġi elettroniċi skambjati ma’ S.

29      Billi l-European Company Lawyers Association, intervenjenti fl-ewwel istanza, u l-Irlanda, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sostnew, permezz tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-proprjetà u tal-libertà professjonali, għandu jiġi kkonstatat li Akzo u Akcros ma qajmux l-imsemmija aggravji fl-ewwel istanza. F’dawn il-kundizzjonijiet, għandhom jiġu skartati bħala inammissibbli.

1.     Fuq l-ewwel aggravju

30      Akzo u Akcros jibbażaw l-ewwel aggravju fuq żewġ argumenti. Huma jsostnu, l‑ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni żbaljata tat-tieni kundizzjoni tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità li tirrigwarda l-istatus professjonali tal-avukat li miegħu ġew skambjati komunikazzjonijiet, kif stabbilita fis-sentenza AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u, it-tieni nett, li, permezz ta’ din l-interpretazzjoni, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

31      Il-Kummissjoni ssostni li l-aggravju huwa infondat.

a)      Fuq l-ewwel argument

i)      L-argumenti tal-partijiet

32      Akzo u Akcros isostnu li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 166 u 167 tas-sentenza appellata, tat b’mod żbaljat interpretazzjoni “litterali u parzjali” tas-sentenza AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, għal dak li jirrigwarda t‑tieni kundizzjoni tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità relatata mal-istatus tal-avukat. Il-Qorti Ġenerali kellha tagħti interpretazzjoni “teleoloġika” ta’ din il-kundizzjoni u tasal għall-konklużjoni li l-iskambji inkwistjoni kienu protetti mill-imsemmi prinċipju.

33      Akzo u Akcros isostnu li mill-qari tal-punti 21 u 24 tas-sentenza AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ekwiparatx l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg man-nuqqas ta’ indipendenza tal-avukat.

34      Akzo u Akcros, kif ukoll ċertu numru ta’ intervenjenti, jenfasizzaw li l-kriterju tal-indipendenza tal-avukat ma jistax jiġi interpretat b’mod li jiġu esklużi l-avukati interni. Fil-fatt, avukat ta’ kumpannija, membru tal-kamra tal-avukati, huwa, ukoll fid-dawl biss tal-obbligi ta’ deontoloġija u ta’ dixxiplina professjonali tiegħu, indipendenti daqs avukat estern. Barra minn hekk, il-garanziji ta’ indipendenza li minnhom igawdi “advocaat in dienstbetrekking”, jiġifieri avukat li għandu relazzjoni ta’ impjieg skont id-dritt Olandiż, għandhom rilevanza partikolari.

35      Akzo u Akcros josservaw li r-regoli ta’ deontoloġija u ta’ dixxiplina professjonali applikabbli f’dan il-każ irendu kompatibbli r-relazzjoni ta’ impjieg mal-kunċett ta’ avukat indipendenti. Fil-fatt, skonthom, il-kuntratt li jorbot S. mal-kumpannija li fuqha jiddependi jipprovdi li din tal-aħħar għandha tosserva l-eżerċizzju indipendenti tal-funzjonijiet ta’ avukat u toqgħod lura minn kull att li jista’ jinfluwenza tali kompitu. L-imsemmi kuntratt awtorizza wkoll lil S. sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligi professjonali kollha imposti mill-Ordni Olandiż tal-Avukati.

36      Akzo u Akcros iżidu li l-avukat impjegat li dwaru tittratta l-preżenti kawża huwa suġġett għal kodiċi ta’ kondotta u għas-sorveljanza mill-Ordni Olandiż tal-Avukati. Barra minn hekk, regolamenti jistabbilixxu ċertu numru ta’ garanziji supplementari intiżi sabiex isolvu b’mod imparzjali diverġenzi eventwali ta’ opinjoni bejn l-impriża u l-avukat intern tagħha.

37      Il-Kummissjoni ssostni li l-applikazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità kienet korretta. Fil-fatt, jirriżulta mill-punti 24 sa 26 tas-sentenza AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li l-kwalità fundamentali neċessarja sabiex il-komunikazzjonijiet ma’ avukat jistgħu jkunu protetti taħt l‑imsemmi prinċipju hija li l-avukat ma jkunx impjegat tal-klijent.

38      Konsegwentement, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja riedet li l-prinċipju ta’ kunfidenzjalità jkun japplika wkoll għall-komunikazzjonijiet skambjati ma’ avukati li huma impjegati mill-persuna li titlobhom parir, hija ma kinitx tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni kundizzjoni, kif stabbilita fil-punt 21 tas-sentenza AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

39      Il-Kummissjoni tenfasizza li, fis-sentenza AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja poġġiet l-avukati fiż-żewġ kategoriji segwenti, jiġifieri, minn naħa, l-avukati impjegati u, min-naħa l-oħra, l-avukati li ma humiex marbuta b’ebda kuntratt ta’ xogħol. Huma biss id-dokumenti redatti mill-avukati tat-tieni kategorija li ġew ikkunsidrati bħala protetti skont il-prinċipju ta’ kunfidenzjalità.

ii)    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40      Għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-kriterji komuni u tal-kundizzjonijiet simili li kienu jeżistu dak iż-żmien fil-liġijiet interni tal-Istati Membri, iddeċidiet, fil-punt 21 ta’ dik is-sentenza, li l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti kellhom ikunu suġġetti għal protezzjoni fuq il-livell tal-Komunità Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ppreċiżat li l-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni kien suġġett għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi.

41      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, minn naħa, l-iskambju mal-avukat għandu jkun marbut mal-eżerċizzju tad-“dritt tad-difiża tal-klijent” u, min-naħa l-oħra, għandu jkun skambju li joriġina “minn avukati indipendenti”, jiġifieri minn “avukati mhux marbuta mal-klijent permezz ta’ relazzjoni ta’ impjieg”.

42      Għal dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, fil-punt 24 tas-sentenza AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li r‑rekwiżit relatat mal-pożizzjoni u l-kwalità ta’ avukat indipendenti, li għandu jkollu l-avukat li minnu toriġina l-korrispondenza li tista’ tkun protetta, jirriżulta mill-kunċett tar-rwol tal-avukat, meqjus bħala kollaboratur tal-ġustizzja u msejjaħ sabiex jipprovdi, b’indipendenza sħiħa u fl-interess superjuri tal-ġustizzja, l‑assistenza legali li l-klijent għandu bżonn. Il-parti l-oħra ta’ din il-protezzjoni hija d-dixxiplina professjonali, imposta u kkontrollata fl-interess ġenerali. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll, fl-imsemmi punt ta’ din is-sentenza, li tali kunċett jirriżulta minn tradizzjonijiet legali komuni għall-Istati Membri u jinsab ukoll fis-sistema legali tal-Unjoni, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

43      Il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet tenniet dawn il-kunsiderazzjonijiet fil-punt 27 tal-imsemmija sentenza, li jgħid li l-korrispondenza li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni tal-kunfidenzjalità għandha tiġi skambjata ma’ “avukat indipendenti, jiġifieri mhux marbut mal-klijent permezz ta’ relazzjoni ta’ impjieg”.

44      Minn dan jirriżulta li r-rekwiżit ta’ indipendenza jimplika n-nuqqas ta’ kull relazzjoni ta’ impjieg bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, b’mod li l-protezzjoni abbażi tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità ma testendix għall-iskambji fi ħdan impriża jew grupp ma’ avukati interni.

45      Fil-fatt, u kif tosserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 60 u 61 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kunċett ta’ indipendenza tal-avukat huwa definit mhux biss b’mod pożittiv, jiġifieri permezz ta’ referenza għad-dixxiplina professjonali, iżda wkoll b’mod negattiv, jiġifieri permezz tan-nuqqas ta’ relazzjoni ta’ impjieg. Avukat intern, minkejja l-fatt li huwa membru tal-Kamra tal-Avukati u minkejja li huwa suġġett għar-regoli professjonali li jirriżultaw minn dan, ma għandux l-istess grad ta’ indipendenza minn min jimpjegah bħal avukat li jkun jaħdem f’ditta ta’ avukati esterna fil-konfront tal-klijenti tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa iktar diffiċli għal avukat intern milli għal avukat estern li jsib rimedju għal tensjonijiet eventwali bejn l-obbligi professjonali u l-għanijiet mixtieqa mill-klijent tiegħu.

46      Għal dak li jirrigwarda r-regoli professjonali invokati mir-rikorrenti sabiex juru l‑indipendenza ta’ S., għandu jiġi osservat li, għalkemm huwa veru li r-regoli ta’ organizzazzjoni professjonali fid-dritt Olandiż imsemmija minn Akzo u Akcros jistgħu jsaħħu l-pożizzjoni tal-avukat intern fi ħdan l-impriża, xorta jibqa’ l-fatt li ma humiex adatti sabiex jiżguraw indipendenza simili għal dik ta’ avukat estern.

47      Fil-fatt, minkejja s-sistema professjonali applikabbli f’dan il-każ permezz tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt Olandiż, l-avukat intern ma jistax, irrispettivament mill-garanziji li jgawdi fl-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu, jiġi mqabbel ma’ avukat estern minħabba s-sitwazzjoni ta’ impjegat li fiha jinsab, sitwazzjoni li, minħabba n-natura tagħha, ma tippermettix li l-avukat intern ma jsegwix l-istrateġiji kummerċjali adottati minn min jimpjegah u li tpoġġi wkoll inkwistjoni l-kapaċità tiegħu li jaġixxi b’indipendenza professjonali.

48      Għandu jingħad ukoll li, fil-kuntest tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu l-avukat intern jista’ jintalab jagħmel affarijiet oħra, pereżempju, bħal f’dan il-każ, li jkun koordinatur għal-liġi tal-kompetizzjoni, li jistgħu jkollhom effett fuq il-politika kummerċjali tal-impriża. Tali funzjonijiet jistgħu biss isaħħu r-rabtiet stretti tal-avukat ma’ min jimpjegah.

49      Minn dan jirriżulta li, minħabba kemm id-dipendenza ekonomika tal-avukat intern kif ukoll ir-rabtiet stretti ma’ min jimpjegah, l-avukat intern ma jgawdix minn indipendenza professjonali simili għal dik ta’ avukat estern.

50      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta applikat it-tieni kundizzjoni tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità stabbilita fis-sentenza AM & S Europe vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

51      Għaldaqstant, l-ewwel argument imqajjem minn Akzo u Akcros fil-kuntest tal-ewwel aggravju ma jistax jiġi milqugħ.

b)      Fuq it-tieni argument

i)      L-argumenti tal-partijiet

52      Akzo u Akcros isostnu li, fil-punt 174 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat l-ilment skont liema r-rifjut li jiġu protetti, abbażi tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità, il-komunikazzjonijiet skambjati ma avukat intern jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Fil-fatt, l-indipendenza ggarantita mir-regoli tad-deontoloġija u tad-dixxiplina professjonali applikabbli f’dan il-każ għandhom ikunu l-kriterju ta’ bażi għad-determinazzjoni tal-portata tal-imsemmi prinċipju. Skont dan il-kriterju, is-sitwazzjoni tal-avukati interni membri ta’ Kamra tal-Avukati jew ta’ assoċjazzjoni ta’ avukati ma hijix differenti minn dik tal-avukati esterni.

53      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kienet korretta meta kkonkludiet, fl-imsemmi punt tas-sentenza appellata, li l-avukati interni u l-avukati esterni jinsabu manifestament f’sitwazzjonijiet differenti, li ma humiex paragunabbli, minħabba b’mod partikolari l-integrazzjoni personali, funzjonali, strutturali u ġerarkiku tal-ewwel fi ħdan il-kumpanniji li jimpjegawhom.

ii)    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54      Għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit mill-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

55      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-imsemmi prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, Ġabra p. I-403, punt 95; tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, Ġabra p. I-3633, punt 56, kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, Ġabra p. I-9895, punt 23).

56      Għal dak li jirrigwarda l-karatteristiċi essenzjali taż-żewġ kategoriji ta’ avukat, jiġifieri l-istatus professjonali rispettiv tagħhom, jirriżulta mill-punti 45 sa 49 ta’ din is-sentenza li, minkejja li jkun membru tal-Kamra tal-Avukati u li huwa suġġett għal ċertu numru ta’ regoli professjonali, avukat impjegat ma għandux l‑istess grad ta’ indipendenza minn min jimpjegah bħal avukat li jkun jaħdem f’ditta ta’ avukati esterna fil-konfront tal-klijenti tiegħu.

57      Kif tenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tagħha, din id‑differenza ma ssirx irrilevanti għas-sempliċi fatt li l-leġiżlatur nazzjonali, f’dan il-każ dak Olandiż, poġġa fuq l-istess livell lill-avukati esterni u l-avukati interni. Fil-fatt, tali trattament ugwali jirrigwarda esklużivament l-att formali ta’ reġistrazzjoni ta’ avukat ta’ kumpannija mal-Kamra tal-Avukati kif ukoll l-obbligi professjonali li jirriżultaw minn tali reġistrazzjoni. Min-naħa l-oħra, tali kuntest ġuridiku ma għandux effett fuq id-dipendenza ekonomika u l-identifikazzjoni personali tal-avukat li jinsab f’relazzjoni ta’ impjieg mal-impriża tiegħu.

58      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-avukat intern jinsab f’pożizzjoni essenzjalment differenti minn dik ta’ avukat estern, b’tali mod li s-sitwazzjonijiet rispettivi tagħhom ma humiex paragunabbli fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 55 ta’ din is-sentenza.

59      Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet b’mod korrett li ma seta’ jiġi kkonstatat ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

60      Konsegwentement, it-tieni argument imqajjem fil-kuntest tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud ukoll.

61      Għaldaqstant, l-imsemmi aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

2.      Fuq it-tieni aggravju

62      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni korretta tas-sentenza AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u li, permezz ta’ din is-sentenza, mogħtija fl-1982, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l‑intenzjoni teskludi l-komunikazzjonijiet mal-avukati marbuta permezz ta’ relazzjoni ta’ impjieg mill-protezzjoni abbażi tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità, Akzo u Akcros jiżviluppaw, b’mod sussidjarju, it-tieni aggravju, li huwa bbażat fuq żewġ argumenti, li kull wieħed huwa maqsum f’żewġ partijiet.

63      Fil-kuntest tal-ewwel argument tagħhom, ir-rikorrenti, sostnuti minn ċertu numru ta’ intervenjenti, jibbażaw ruħhom fuq l-evoluzzjoni tas-sistemi legali nazzjonali, minn naħa, u tas-sistema legali tal-Unjoni, min-naħa l-oħra. Għal dak li jirrigwarda t-tieni argument tagħhom, Akzo u Akcros jibbażaw ruħhom, minn naħa, fuq id-drittijiet tad-difiża u, min-naħa l-oħra, fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

64      Il-Kummissjoni tikkunsidra li ebda wieħed mill-argumenti mqajma ma jistax ikun ta’ sostenn għall-aggravju.

a)      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel argument (evoluzzjoni tas-sistemi legali nazzjonali)

i)      L-argumenti tal-partijiet

65      Akzo u Akcros isostnu li, fir-rigward tal-iżviluppi sinjifikattivi fil-“panorama ġuridika” li bdew fis-sena 1982, il-Qorti Ġenerali kellha tagħti “interpretazzjoni mill-ġdid” tas-sentenza AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti.

66      Akzo u Akcros isostnu li, fil-punti 170 u 171 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrifjutat b’mod żbaljat li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità minħabba l-fatt li l-liġijiet nazzjonali ma jirrikonoxxux b’mod unanimu u ċar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet mal-avukati ta’ kumpannija. Minkejja n-nuqqas ta’ tendenza uniformi fuq livell nazzjonali, id-dritt tal-Unjoni tista’ tistabbilixxi kriterji legali għall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża li huma superjuri għal dawk stabbiliti f’ċerti sistemi legali nazzjonali.

67      Il-Kummissjoni tosserva li, permezz tal-aggravju tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja tbiddel il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

68      Il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li ma teżisti ebda tendenza maġġoritarja fil-liġijiet tal-Istati Membri intiża sabiex il-komunikazzjonijiet mal-avukati interni jkunu protetti abbażi tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità.

ii)    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

69      Għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fl-iżviluppi tagħha fis-sentenza AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, dwar il‑prinċipju ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità fil-proċeduri ta’ investigazzjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, li dan il-qasam tad-dritt tal-Unjoni għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-kunċetti komuni għall-liġijiet tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-osservanza tal-kunfidenzjalità fir-rigward, b’mod partikolari, ċerti komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom (ara l-punt 18 ta’ din is-sentenza). Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet studju komparattiv tal-liġijiet nazzjonali differenti.

70      Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, fil-punti 19 u 20 tas-sentenza AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li, għalkemm il-protezzjoni tal-korrispondenza bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom kienet ġeneralment rikonoxxuta, il-portata u l-kriterji tal-applikazzjoni tagħha jvarjaw skont il‑leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, abbażi ta’ dan l-istudju komparattiv, li l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom għandha tkun protetta abbażi tad-dritt tal-Unjoni, sakemm iż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 21 tal-imsemmija sentenza jiġu sodisfatti.

71      Għal dak li jirrigwarda l-Qorti Ġenerali, din ikkonstatat, fil-punt 170 tas-sentenza appellata, li għalkemm huwa minnu li r-rikonoxximent speċifiku tar-rwol ta’ avukat ta’ kumpannija u l-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet miegħu abbażi tal-kunfidenzjalità jinsab relattivament iktar mifrux illum milli kien meta ngħatat is‑sentenza AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma huwiex possibbli, madankollu, li jiġu identifikati tendenzi uniformi jew kjarament maġġoritarji f’dan ir-rigward fil-liġijiet tal-Istati Membri.

72      Barra minn hekk, jirriżulta mill-punt 171 tas-sentenza appellata li, skont l-istudju tad-dritt komparattiv imwettaq mill-Qorti Ġenerali, għadu jeżisti numru sinjifikattiv ta’ Stati Membri li jeskludu lill-avukati ta’ kumpannija mill-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti. Barra minn hekk, numru kbir ta’ Stati Membri ma jippermettux lill-avukati ta’ kumpanniji milli jkunu membri tal-Kamra tal-Avukati u, għaldaqstant, ma jagħtuhomx l-istatus ta’ avukat.

73      F’dan ir-rigward, Akzo u Akcros ammettew huma stess li ma tista’ tiġi stabbilita ebda tendenza ġenerali, fis-sistemi legali tal-Istati Membri, li l-avukati ta’ kumpanniji jitpoġġew fuq l-istess livell bħall-avukati li jaħdmu għal rashom.

74      Għaldaqstant, l-ebda tendenza dominanti favur protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet fi ħdan impriża jew grupp mal-avukati interni ma tista’ tiġi stabbilita għal dak li jirrigwarda s-sistemi legali tas-27 Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kuntrarjament għal dak li jipprovaw jistabbilixxu r‑rikorrenti, is-sistema legali li teżisti fil-Pajjiżi l-Baxxi ma tistax titqies bħala li turi tendenza li ser tiġi adottata fl-Istati Membri, u lanqas bħala element rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità.

76      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja hija tal-opinjoni li s-sitwazzjoni legali fl-Istati Membri tal-Unjoni ma evolvietx matul is-snin li għaddew minn meta ngħatat is‑sentenza AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, sal-punt li jiġi ġġustifikat żvilupp tal-ġurisprudenza fis-sens ta’ rikonoxximent, għall-avukati interni, tal-benefiċċju tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità.

77      L-ewwel parti tal-ewwel argument għandha għalhekk tiġi miċħuda.

b)      Fuq it-tieni parti tal-ewwel argument (evoluzzjoni tas-sistema legali tal-Unjoni)

i)      L-argumenti tal-partijiet

78      Akzo u Akcros isostnu li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 172 u 173 tas-sentenza appellata, ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rilevanza tal-evoluzzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li tirriżulta b’mod partikolari mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

79      Fil-fatt, fl-opinjoni ta’ Akzo u Akcros, il-“modernizzazzjoni” tar-regoli proċedurali fil-qasam tal-akkordji żiedu n-neċessità ta’ konsulenza legali interna, li l-funzjoni preventiva tagħha għall-finijiet li jiġi evitat ksur tal-leġiżlazzjoni dwar l-akkordji ma għandhiex tiġi injorata. Il-pariri legali tal-avukati tal-kumpanniji huma partikolarment prezzjużi fil-ħajja ta’ kuljum tal-impriża, peress li l-avukati impjegati jistgħu jibbażaw ruħhom fuq għarfien intimu tal-impriżi u tal-attivitajiet tagħhom.

80      Akzo u Akcros iżidu li l-implementazzjoni ta’ compliance programs, mixtieqa fid-dawl tal-applikazzjoni tajba tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, timplika li l‑iskambji fi ħdan impriża jew grupp mal-avukati interni jistgħu jsiru f’ambjent ta’ fiduċja.

81      Il-Kummissjoni ssostni li l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata dwar l-ilment imressaq minn Akzo u Akcros ma fihom ebda żball ta’ liġi.

82      Il-Kummissjoni tenfasizza li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 ma għandhom l-ebda effett fuq il-portata tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti.

ii)    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

83      Għandu jiġi osservat li, għalkemm huwa veru li r-Regolament Nru 1/2003 introduċa numru kbir ta’ tibdiliet fir-regoli proċedurali dwar id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, huwa wkoll minnu li l-imsemmija regoli ma fihom l‑ebda ħjiel li jista’ jistabbilixxi li dawn jimponu assimilazzjoni tal-avukati li jaħdmu għal rashom mal-avukati impjegati għal dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, billi dan il-prinċipju bl-ebda mod ma huwa s-suġġett tal-imsemmi regolament.

84      Fil-fatt, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 li l-Kummissjoni tista’ tagħmel kull investigazzjoni neċessarja tal-impriżi u, f’dan il-kuntest, teżamina l-kotba kif ukoll kull dokument professjonali ieħor, irrespettivament tal-mod kif inhu maħżun, kif ukoll li tieħu jew tikseb, fi kwalunkwe forma, kopja ta’ jew estratt minn dawn il-kotba jew minn dawn id‑dokumenti.

85      Dan ir-regolament, bħall-Artikolu 14(1)(b) tar-Regolament Nru 17, iddefinixxa għalhekk is-setgħat tal-Kummissjoni b’mod estiż. Kif jirriżulta mill-premessi ħamsa u għoxrin u sitta u għoxrin tar-Regolament Nru 1/2003, billi l‑identifikazzjoni ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni qed issir iktar u iktar diffiċli, huwa neċessarju li tiġi protetta b’mod effikaċi l-kompetizzjoni u, sabiex tinżamm l-effikaċja tal-investigazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha jkollha aċċess għall-bini kollu jew għad-dokumenti professjonali kollha li jistgħu jinżammu, inklużi l-indirizzi privati.

86      Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 1/2003, kuntrarjament għal dak li jipprovaw isostnu r-rikorrenti, ma huwiex intiż sabiex jimponi assimilazzjoni tal-avukati interni mal-avukati esterni għal dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet mal-klijenti tagħhom, iżda huwa intiż sabiex isaħħaħ l‑estent tas-setgħat investigattivi tal-Kummissjoni, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda d-dokumenti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali miżuri.

87      Konsegwentement, il-bidla fir-regoli proċedurali fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari mir-Regolament Nru 1/2003, lanqas ma tista’ tiġġustifika bidla fil-ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

88      It-tieni parti tal-ewwel argument għandha għalhekk tiġi miċħuda wkoll.

89      Minn dan jirriżulta li l-ewwel argument imqajjem fil-kuntest tat-tieni aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

c)      Fuq l-ewwel parti tat-tieni argument (drittijiet tad-difiża)

i)      L-argumenti tal-partijiet

90      Akzo u Akcros isostnu li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 176 tas-sentenza appellata, dwar il-portata tal-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, tnaqqas il-livell tal-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi. Fil-fatt, il-fatt li wieħed jirrikorri għall-pariri legali ta’ avukat intern ma jippreżentax l-istess interess u ma huwiex daqstant utli jekk l-iskambji fi ħdan impriża jew grupp ma’ tali avukat ma jistgħux jibbenefikaw mill-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet.

91      Il-Kummissjoni tikkunsidra li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, id‑drittijiet tad-difiża bl-ebda mod ma huma kkontestati mill-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali dwar il-portata tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità.

ii)    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

92      Għandu jiġi mfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal pagamenti ta’ penalità, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li ġie enfasizzat kemm-il darba mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C-194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 30; tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni, C-289/04 P, Ġabra p. I-5859, punt 68, u tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C-3/06 P, Ġabra p. I-1331, punt 68), u li ġie stabbilit fl-Artikolu 48(2) tal-Karta tad Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

93      Permezz tal-ilment imqajjem, ir-rikorrenti jipprovaw jistabbilixxu li d-drittijiet tad-difiża għandhom jinkludu l-fakultà li jieħdu parir, ikollhom difiża u jkunu rrappreżentati abbażi tal-għażla libera ta’ avukat u li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti jagħmlu parti minn dawn id-drittijiet, irrispettivament mill-istatus professjonali tal-avukat ikkonċernat.

94      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, meta impriża tirrikorri għall-avukat intern tagħha, hija ma tkunx qed tittratta ma’ terz indipendenti, iżda ma’ persuna li tagħmel parti mill-impjegati tagħha minkejja l-obbligi professjonali eventwali li jirriżultaw mill-fatt li huwa membru tal-Kamra tal-Avukati.

95      Għandu jingħad ukoll li, anki li kieku jiġi kkunsidrat li l-konsultazzjoni ma’ avukati interni, impjegati mill-impriża jew mill-grupp għandha taqa’ taħt id-dritt li jieħdu parir, ikollhom difiża u jkunu rrappreżentati, dan ma jeskludix l‑applikazzjoni, fil-każ ta’ intervent mill-avukati interni, ta’ ċerti restrizzjonijiet u modalitajiet dwar l-eżerċizzju tal-professjoni, mingħajr ma dan jiġi kkunsidrat bħala li jikkawża preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża. Għaldaqstant, l-avukati ta’ kumpannija ma għandhomx dejjem il-possibbiltà li jirrappreżentaw lil min jimpjegahom quddiem il-qrati nazzjonali kollha, billi tali regoli jillimitaw il‑possibilitajiet miftuħa għall-klijenti potenzjali fl-għażla tagħhom tal-avukat l‑iktar adatt.

96      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li kull parti f’kawża, li tixtieq parir ta’ avukat, għandha taċċetta tali restrizzjonijiet u kundizzjonijiet li huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ din il-professjoni. Il-modalitajiet tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità bejn avukati u klijenti huma parti minn dawn ir-restrizzjonijiet u kundizzjonijiet.

97      Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża huwa infondat.

d)      Fuq it-tieni parti tat-tieni argument (prinċipju ta’ ċertezza legali)

i)      L-argumenti tal-partijiet

98      Akzo u Akcros isostnu li l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali jwasslu wkoll għall-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, billi l-Artikolu 101 TFUE huwa spiss applikat b’mod parallel mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt intern. Il-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet mal-avukati interni ma tistax għalhekk tiddependi miċ-ċirkustanza li hija l-Kummissjoni jew awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li twettaq investigazzjoni.

99      Il-Kummissjoni tenfasizza li, għall-kuntrarju, li kieku l-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, applikabbli għall-investigazzjonijiet imwettqa minnha, ma kienx iktar definit fuq livell tal-Unjoni, iżda fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, dan kien jirriżulta f’sitwazzjonijiet kumplessi u inċerti għall-partijiet ikkonċernati kollha, liema fatt ikun ta’ preġudizzju għall-prinċipju ta’ ċertezza legali invokat minn Akzo u Akcros.

ii)    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

100    Għandu jiġi mfakkar li ċ-ċertezza legali tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġ, b’mod partikolari, li leġiżlazzjoni li tinvolvi konsegwenzi sfavorevoli fir-rigward ta’ individwi tkun ċara u preċiża u l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għaliha (ara s-sentenzi tal-14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-110/03, Ġabra p. I-2801, punt 30; tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-76/06 P, Ġabra p. I-4405, punt 79, u tal-14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg, C-226/08, Ġabra p. I‑131, punt 45).

101    Sabiex tingħata tweġiba għall-ilment ibbażat fuq il-prinċipju msemmi iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, skont liema l-iskambji fi ħdan impriża jew grupp ma’ avukati interni ma jibbenefikawx mill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet fil-kuntest ta’ investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, ma toħloq ebda inċertezza legali għal dak li jirrigwarda l-portata tal-imsemmija protezzjoni.

102    Fil-fatt, is-setgħat li minnhom tiddisponi l-Kummissjoni permezz tar-Regolament Nru 17 u tar-Regolament Nru 1/2003 huma distinti minn dawk f’investigazzjonijiet li jistgħu jitwettqu fuq livell nazzjonali. Iż-żewġ tipi ta’ proċedura huma bbażati fil-fatt fuq qsim ta’ kompetenzi bejn l-awtoritajiet differenti tal-kompetizzjoni. Ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn avukati u klijenti jistgħu, għaldaqstant, ivarjaw skont dan il‑qsim ta’ kompetenzi u skont ir-regoli rispettivi.

103    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni jikkunsidraw il-prattiki restrittivi minn aspetti differenti. Filwaqt li l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE jikkunsidrawhom fid-dawl tal-ostakoli li dawn jistgħu joħolqu għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, il-leġiżlazzjonijiet interni, ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet speċifiċi għal kull waħda minnhom, jikkunsidraw il-prattiki restrittivi biss f’dan il-kuntest (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 1992, Asociación Española de Banca Privada et, C-67/91, Ġabra p. I-4785, punt 11).

104    F’dawn il-kundizzjonijiet, l-impriżi li fil-bini tagħhom issir tfittxija, fil-kuntest ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, jistgħu jiddeterminaw id-drittijiet u l‑obbligi tagħhom fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti u tad-dritt applikabbli, bħal, pereżempju, it-trattament ta’ dokumenti li jistgħu jiġu maqbuda matul investigazzjoni u l-kwistjoni dwar jekk l-impriżi inkwistjoni għandhomx id-dritt jinvokaw jew le l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet mal-avukati interni. L-impriżi jistgħu għalhekk jiggwidaw lilhom infushom skont il‑kompetenzi tal-imsemmija awtoritajiet u s-setgħat konkreti tagħhom għal dak li jirrigwarda l-qbid ta’ dokumenti.

105    Il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jitlobx, għaldaqstant, li jsir rikors, għaż-żewġ tipi ta’ proċedura msemmija iktar ’il fuq, għal kriterji identiċi għal dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti.

106    Konsegwentement, il-fatt li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, il-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet hija limitata għall-iskambji mal-avukati esterni, ma toħloq ebda preġudizzju għall-prinċipju invokat minn Akzo u Akcros.

107    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-prinċipju taċ-ċertezza legali huwa infondat.

108    Minn dan isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

3.      Fuq it-tielet aggravju

a)      L-argumenti tal-partijiet

109    Iktar sussidjarjament, Akzo u Akcros isostnu li l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, meħuda fl-intier tagħhom, jiksru l-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali nazzjonali u l-prinċipju ta’ kompetenzi ta’ attribuzzjoni.

110    Akzo u Akcros jippreċiżaw li l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jesprimi l-prinċipju tal-awtonomija nazzjonali għal dak li jirrigwarda l-proċedura fil-qasam inkwistjoni. Il-leġiżlatur tal-Unjoni indika b’mod espliċitu li, anki fil-każ ta’ tfittxijiet imwettqa fuq talba tal-Kummissjoni sabiex jiġi stabbilit ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 102 TFUE, l-aġenti tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jeżerċitaw is-setgħat tagħhom skont il‑leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Il-leġiżlatur ma tax definizzjoni armonizzata tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u klijent, li jfisser li l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jiddeterminaw dan l-aspett speċifiku tal-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża.

111    Il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza appellata ma tikser bl-ebda mod il-prinċipji msemmija fit-tielet aggravju. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali nazzjonali jittratta sitwazzjonijiet li fihom il-qrati u l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri jiġu mitluba sabiex jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, iżda ma japplikax meta għandhom jiġu ddeterminati l-limiti legali tal-azzjoni tal-istituzzjonijiet stess.

112    Il-Kummissjoni tikkonkludi li d-definizzjoni ta’ kamp ta’ applikazzjoni uniformi tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti fl-Unjoni sħiħa għall-proċeduri intiżi sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE tikkostitwixxi applikazzjoni korretta tas-sentenza AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, mill-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, lanqas il-prinċipju ta’ kompetenzi ta’ attribuzzjoni ma ġie miksur.

b)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

113    Għandu jiġi mfakkar li, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali nazzjonali, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridku nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandu jindika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u jirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe, 33/76, Ġabra p. 1989, punt 5; tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et, C-213/89, Ġabra p. I-2433, punt 19; tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck, C‑312/93, Ġabra p. I-4599, punt 12, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2003, Safalero, C‑13/01, Ġabra p. I-8679, punt 49).

114    Madankollu, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ deċiżjoni meħuda minn istituzzjoni tal-Unjoni abbażi ta’ regolament adottat fuq il-livell tal-Unjoni, li, barra minn hekk, ma jagħmel ebda rinviju għad-dritt nazzjonali.

115    Fil-fatt, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti fuq il-livell tal-Unjoni huma indispensabbli sabiex l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċeduri fil-qasam ta’ akkordji jistgħu jitwettqu f’kundizzjonijiet ta’ trattament ugwali għall-impriżi kkonċernati. Li kieku dan ma kienx il-każ, ir-rikors għar-regoli jew għal kunċetti legali tad-dritt nazzjonali u li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jkollu bħala effett li joħloq preġudizzju għall-unità tad-dritt tal-Unjoni. Tali interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi ta’ din is-sistema legali jistgħu jiddependu mill-post tal-investigazzjoni u mill-partikolaritajiet leġiżlattivi nazzjonali eventwali.

116    Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ kompetenzi ta’ attribuzzjoni, għandu jiġi enfasizzat li r-regoli proċedurali fil-qasam tal-kompetizzjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17 u fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, jagħmlu parti mid-dipożizzjonijiet neċessarji għall-funzjonament tas-suq intern li l-adozzjoni tagħhom hija parti minn kompetenza esklużiva mogħtija lill-Unjoni skont l-Artikolu 3(1)(b) TFUE.

117    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 103 TFUE, hija l-Unjoni li għandha tistabbilixxi r-regolamenti u d-direttivi neċessarji sabiex jiġu applikati l-prinċipji li jinsabu fl-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi. Din il-kompetenza hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tiżgura l-osservanza tal-projbizzjonijiet imsemmija f’dawn l-artikoli permezz tal-iffissar ta’ multi u ta’ pagamenti ta’ penalità u sabiex jiġi ddefinit ir-rwol tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

118    F’dan il-kuntest, l-Artikolu 105 TFUE jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu applikati l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE u tinvestiga l-każijiet preżunti ta’ ksur.

119    Kif indikat l-Avukat Ġenerali fil-punt 172 tal-konklużjonijiet tagħha, meta jsiru investigazzjonijiet mill-Kummissjoni bħala awtorità Ewropea tal-kompetizzjoni, id-dritt nazzjonali jsir applikabbli biss meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jagħtuha assistenza, b’mod partikolari sabiex tingħeleb ir-reżistenza ta’ impriżi suġġetti għal investigazzjoni bl-użu ta’ miżuri diretti ta’ infurzar, skont l‑Artikolu 14(6) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 20(6) tar-Regolament Nru 1/2003. Min-naħa l-oħra, id-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli biss sabiex jiġi stabbilit liema dokumenti u rekords tal-kumpannija l-Kummissjoni tista’ teżamina u tikkopja matul l-investigazzjonijiet tagħha fil-qasam ta’ akkordji.

120    Konsegwentement, la l-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali nazzjonali u lanqas il-prinċipju ta’ kompetenzi ta’ attribuzzjoni ma jistgħu jiġu invokati kontra s‑setgħat li għandha l-Kummissjoni fil-qasam inkwistjoni.

121    Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud ukoll.

122    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-appell huwa infondat.

VI –  Fuq l-ispejjeż

123    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Akzo u Akcros tilfu l-kawża, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Billi ppreżentaw l-appell flimkien, huma għandhom ibatu l-ispejjeż in solidum.

124    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, l-Irlanda kif ukoll ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom, fil-kwalità ta’ intervenjenti fil-proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja, ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

125    Il-partijiet l-oħra fil-kawża, li intervenew insostenn tal-appell u li tilfu l-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom skont, b’analoġija, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, l-Irlanda kif ukoll ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

3)      Il-Conseil des barreaux européens, l-Algemene Raad van de Nederlandse Orde van Advocaten, il-European Company Lawyers Association, l-American Corporate Counsel Association – European Chapter u l-International Bar Association għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

4)      Għall-kumplament, Akzo Nobel Chemicals Ltd u Akcros Chemicals Ltd huma kkundannati in solidum għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.