SENTENZA TAL-QORTI (it-Tieni Awla)

10 ta' Jannar 2006 (*)

"Rikors għal annullament – Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/106/KE li tikkonċerna l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam – Proċedura għal kunsens infurmat bil-quddiem – Prodotti kimiċi u pestiċidji perikolużi li huma suġġett ta' kummerċ internazzjonali – Għażla ta' bażi ġuridika – L-Artikoli 133 KE u 175 KE"

Fil-kawża C-94/03

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fit-28 ta' Frar 2003,

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. zur Hausen kif ukoll minn L. Ström van Lier u E. Righini, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn B. Hoff-Nielsen u M. Sims-Robertson, imbagħad minn din ta' l-aħħar u K. Michoel, bħala aġenti,

konvenut

sostnut minn:

ir-Repubblika Franciża, irrappreżentata minn G. de Bergues, F. Alabrune u E. Puisais, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

ir-Renju ta' l-Olanda, irrappreżentat H. G. Sevenster u S. Terstal kif ukoll minn N. A. J. Bel, bħala aġenti,

ir-Repubblika ta' l-Awstrija, irrappreżentata minn E. Riedl, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn T. Pynnä, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentat minn R. Caudwell, bħala aġent, assistit minn A. Dashwood, barrister, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

il-Parlament Ewropew, inizjalment irrappreżentat minn C. Pennera u M. Moore, imbagħad minn dan ta' l-aħħar u K. Bradley, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

partijiet intervenjenti

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta' l-Awla, J. Makarczyk, C. Gulmann, P. Kūris u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta' April 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tas- 26 ta' Mejju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2002 li tikkonċerna l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal ċerti prodotti kimiċi u pestiċidji perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (2003/106/KE) (ĠU 2003, L 63, p. 27, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), safejn hija bbażata fuq l-Artikolu 175(1) KE u mhux fuq l-Artikolu 133 KE.

 Il-Kuntest Ġuridiku

2       Adottata fl-10 ta' Settembru 1998 u miftuħa mill-għada għall-firma ta' l-Istati kollha u ta' l-organizzazzjonijiet reġjonali ta' l-integrazzjoni ekonomika, l-imsemmija Konvenzjoni ta' Rotterdam (iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni") għandha bħala għan skond l-Artikolu 1 tagħha "li tippromwovi r-responsabbiltà komuni u l-kooperazzjoni bejn partijiet fil-kummerċ internazzjonali ta' ċerti prodotti kimiċi perikolużi, sabiex tkun imħarsa s-saħħa umana u l-ambjent mid-danni potenzali u sabiex tikkontribwixxi għall-użu ambjentalment għaqli ta’ tali sostanzi" [Traduzzjoni mhux Uffiċjali]. L-istess Artikolu jippreċiża li dan l-għan għandu jintlaħaq "billi jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni fuq il-karatteristiċi ta' l-imsemmija prodotti, billi tiġi stabbilita proċedura nazzjonali ta' teħid ta' deċiżjoni applikabbli għall-importazzjoni u l-esportazzjoni tagħhom u billi tiġi zgurata l-komunikazzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet lill-partijiet". [Traduzzjoni mhux Uffiċjali]

3       Skond l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni, dwar il-kamp ta' applikazzjoni tagħha, din ta' l-aħħar tapplika "għall-prodotti kimiċi projbiti jew strettament regolati" kif ukoll "għall-preparazzjonijiet ta' pestiċidji perikolużi ħafna", bl-esklużjoni madankollu, ta' ċertu numru ta' prodotti msemmija fil-paragrafu 2 ta' l-imsemmi Artikolu. Il-prodotti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Konvenzjoni huma definiti, b'aktar preċiżjonijiet fl-Artikolu 2 ta' din l-istess Konvenzjoni.

4       Għaldaqstant minn dan l-Artikolu 2(b) u (c) jirriżulta li t-termini "prodotti kimiċi" "projbit[i]" jew "strettament regolat[i]" jirreferu għall-prodotti kimiċi "kollha" jew "prattikament kollha", respettivament, li "l-użu tagħhom […] huwa pprojbit minn miżura ta' leġiżlazzjoni finali sabiex tiġi mħarsa is-saħħa umana u l-ambjent" [Traduzzjoni mhux Uffiċjali]. Inkwantu għall-"preparazzjoni ta' pestiċidji perikolużi ħafna", din il-frażi hija definita fis-subinċiż d) ta' l-istess Artikolu, bħala "prodotti kimiċi ppreparat sabiex jintuża bħala pestiċidju li fil-kundizzjonijiet li fihom huwa wżat, jipproduċi fuq is-saħħa jew fuq l-ambjent, effetti serji li jistgħu jiġu osservati fi żmien qasir wara l-espożizzjoni unika jew ripetuta". Il-proċeduri applikabbli għal dawn iż-żewġ tipi ta' prodotti huma deskritti rispettivament fl-Artikoli 5 u 6 tal-Konvenzjoni.

5       Għalhekk, f'dak li jirrigwarda l-prodotti kimiċi pprojbiti jew strettament regolati, l-Artikolu 5 (1) sa (3) tal-Konvenzjoni jipprevedi, fis-sustanza li, meta parti fil-Konvenzjoni tkun adottat miżura ta' leġiżlazzjoni finali – definita fl-Artikolu 2(e) tal-Konvenzjoni bħala "miżura meħuda minn parti li ma tirrikjedix mizura leġiżlattiva sussegwenti minn dik il-parti u li għandha bħala għan li tipprojbixxi jew li tirregola strettament prodotti kimiku" – hija għandha malli jkun possibli s-Segretarjat stabbilit mill-Konvenzjoni, li mbagħad għandu jivverifika jekk in-notifika li rċieva tinkludix l-informazzjoni kollha prevista fl-Anness I tal-Konvenzjoni dwar, b'mod partikolari, l-identifikazzjoni tal-prodott kimiku kkonċernat u l-karatteristiċi fiżiko-kimiċi, tossikoloġiċi u ekotossikoloġiċi tiegħu kif ukoll ir-raġunijiet marbuta mas-saħħa tal-persuni jew ta' l-ambjent li wasslu għall-adozzjoni tal-miżura ta' leġiżlazzjoni finali. Jekk dan huwa l-każ, is-Segretarjat għandu jibgħat mill-ewwel lill-partijiet kollha tal-Konvenzjoni sommarju ta' l-informazzjoni li rċieva. Fil-każ kuntrarju, is-Segretarjat għandu jinforma l-parti li ssottomettiet in-notifika inkompleta b'dan sabiex din tibgħat mingħajr dewmien l-informazzjoni nieqsa. L-Artikolu 5(4) tal-Konvenzjoni jipprovdi, f'kull każ, li s-Segretarjat għandu jibgħat lill-partijiet, kull sitt xhur, sommarju ta' l-informazzjoni li ntbagħtitlu skond l-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu, "flimkien ma' l-informazzjoni li tidher fin-notifiki li ma fihomx l-informazzjoni kollha rikjesta mill-Anness I".

6       Skond l-Artikolu 5(5) tal-Konvenzjoni "[m]eta s-Segretarjat ikun irċieva, għal prodott kimiku partikolari, mill-inqas notifika waħda minn żewġ reġjuni differenti li huma meqjusa għall-finijiet tal-proċedura għal kunsens infurmat tal-fatti kollha bil-quddiem [magħrufa wkoll bħala "proċedura tal-kunsens infurmat minn qabel", iktar 'il quddiem il-"proċedura PIC", huwa għandu jibgħat dawn in-notifiki lill-Kumitat ta' l-Istħarriġ Prodotti Kimiċi wara li jkun ivverifika li huma jikkonformaw ma' l-Anness I. […]". Skond il-paragrafu 6 ta' l-istess Artikolu, l-imsemmi Kumitat imbagħad jeżamina l-informazzjoni li tinstab fin-notifiki rċevuti u skond il-kriterji elenkati fl-Anness II tal-Konvenzjoni – essenzjalment dwar il-bażi u l-ġustifikazzjoni tal-miżuri leġislattivi finali kif ukoll l-effetti reali jew mistennija tagħhom fuq is-saħħa tal-persuni jew fuq l-ambjent – jirrakkomanda lill-konferenza tal-partijiet jekk il-prodott kimiku in kwistjoni għandux jiġi soġġett għall-proċedura PIC u, għalqadstant jekk għandux jitniżżel jew le fl-Anness III.

7       Proċedura simili hija prevista fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni f'dak li jikkonċerna l-preparazzjonijiet pestiċidji perikolużi ħafna. Skond il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, fil-fatt, "kull parti li hija pajjiż li qiegħed jiżviluppa jew pajjiż b'ekonomija fi tranżizzjoni u li jkollha problemi minħabba preparazzjoni pestiċida perikoluża ħafna fil-kundizzjonijiet li fihom hija wżata fit-territorju tagħha, tista' tipproponi lis-Segretarjat sabiex iniżżel din il-preparazzjoni fl-Anness III". Deskritta fil-paragrafi 2 sa 5 ta' l-imsemmi Artikolu, il-proċedura li għandha tiġi segwita, f'cirkustanza bħal din, hija simili ħafna għal dik deskritta fil-punti 5 u 6 ta' din is-sentenza, li tapplika għall-prodotti kimiċi pprojbiti jew strettament regolati.

8       L-Artikoli 7 u 9 tal-Konvenzjoni jiddeskrivu l-proċedura li għandha tkun segwita sabiex, rispettivament, jiġi elenkat jew imħassar prodott kimiku mill-Anness III ta' l-imsemmija Konvenzjoni, waqt li l-Artikolu 8 jippreċiża l-kundizzjonijiet sabiex jiġu elenkati, f'dan l-istess Anness, prodotti kimiċi assoġġetti, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni , għall-proċedura fakultattiva ta' informazzjoni u kunsens bil-quddiem stabbilita fl-1989 mill-programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (iktar 'il quddiem l-"UNEP") u l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ikel u l-Agrikultura (iktar 'il quddiem "FAO"). Il-proċedura PIC stabbilita mill-Konvenzjoni hija deskritta bi preċiżjoni fl-Artikoli 10 u 11 tagħha, liema Artikoli huma dwar l-obbligi fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' prodotti kimiċi elenkati fl-imsemmi Anness III.

9       Skond l-Artikolu 10:

"1.      Kull parti għandha tapplika miżuri leġiżlattivi jew amministrattivi xierqa sabiex tiżgura it-teħid ta' deċiżjoni fuq l-importazzjoni ta' prodotti kimiċi elenkati fl-Anness III fiż-żmien mixtieq.

2.      Għal prodott partikolari, kull parti għandha tibgħat lis-Segretarjat, minn malli jkun possibli, u f'kull każ mhux iktar tard minn disa' xhur wara d-data li fiha jintbagħat id-dokument ta' gwida tad-deċiżjonijiet [li jakkumpanja l-elenkar, mill-konferenza tal-partijiet, ta' prodott kimiku ġdid fl-Anness III], risposta dwar l-importazzjoni futura tal-prodott. Jekk hija temenda din ir-risposta, hija għandha tippreżenta immedjatament ir-risposta emendata lis-Segretarjat.

3.      Is-Segretarjat għandu, ma' l-iskadenza tat-terminu indikat fil-paragrafu 2, jindirizza immedjatament lil parti li ma tkunx issottomettiet risposta, talba bil-miktub sabiex tagħmel dan. Fil-każ li din il-parti ma tkunx f'pożizzjoni li tagħti risposta, is-Segretarjat għandu, jekk ikun il-każ, jgħinha sabiex tibgħat ir-risposta fit-terminu indikat fl-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 11(2).

4.      Ir-risposta prevista fil-paragrafu 2 tikkonsisti:

a)       jew f'deċiżjoni finali, konformi mal-miżuri leġiżlattivi jew amministrattivi:

i)       li tagħti kunsens għall-importazzjoni;

ii)       li ma tagħtix kunsens għall-importazzjoni, jew

iii)  li ma tagħti biss il-kunsens għall-importazzjoni taħt kundizzjonijiet preċiżi;

b)      jew f'risposta provviżorja, li tista' tinkludi:

i)       dikjarazzjoni provviżorja li tindika l-kunsens għall-importazzjoni taħt ċerti kondizzjonijiet jew mingħajr kundizzjonijiet, jew li tindika li m'hemmx kunsens għall-importazzjoni matul il-perijodu provviżorju;

ii)      dikjarazzjoni li tindika li deċiżjoni finali qed tiġi studjata b'mod attiv;

iii)      talba għal informazzjoni addizzjonali, indirizzata lis-Segretarjat jew lill-parti li nnotifikat il-miżura leġiżlattiva finali;

iv)      talba għal għajnuna indirizzata lis-Segretarjat għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal- prodott kimiku.

5.      Risposta skond il-punti a) jew b) tal-paragrafu 4 tapplika għall-kategorija jew għall-kategoriji indikati fl-Anness III għall-prodott kimiku kkunsidrat.

[…]

8.      Kull parti għandha tagħmel ir-risposta tagħha taħt dan l-Artikolu disponibbli għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi interessati li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, skond il-miżuri leġiżlattivi jew amministrattivi tagħha.

9.      Kull parti li, skond il-paragrafi 2 u 4 li jinstabu hawn fuq u skond l-Artikolu 11(2), tieħu d-deċiżjoni li ma tagħtix il-kunsens tagħha għall-importazzjoni ta' prodott kimiku jew tagħti l-kunsens tagħha biss taħt kundizzjonijiet preċiżi għandha, jekk mhux diġà għamlet hekk, simultanjament tipprojbixxi jew tassoġġetta għall-istess kundizzjonijiet:

a)      l-importazzjoni ta' prodott kimiku kkunsidrat minn kull sors;

b)      il-produzzjoni nazzjonali tal-prodott kimiku għall-konsum intern.

10.       Kull sitt xhur, is-Segretarjat għandu jinforma l-partijiet kollha bir-risposti li huwa rċieva. Huwa għandu jibgħat b'mod partikolari l-informazzjoni dwar il-miżuri leġiżlattivi jew amministrattivi li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet meta din l-informazzjoni tkun disponibbli. Is-Segretarjat għandu, barra minn dan, jinforma lill-partijiet b'kull każ ta' fejn ma ngħatatx risposta." [Traduzzjoni mhux Uffiċjali]

10     L-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni dwar l-obbligi fuq l-esportazzjoni ta' prodotti kimiċi elenkati fl-Anness III tagħha, jipprevedi li:

"1.      Kull parti li tesporta għandha:

a)      tapplika miżuri leġiżlattivi jew amministratttivi xierqa sabiex tikkomunika lill-partijiet kkonċernati li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, ir-risposti mibgħuta mis-Segretarjat skond l-Artikolu 10(10);

b)      tieħu l-miżuri leġiżlattivi jew amministratttivi xierqa sabiex tassigura li l-esportaturi fil-ġurisdizzjoni tagħha josservaw id-deċiżjonijiet li jidhru f'kull risposta fi żmien fis-sitt xhur li jsegwu d-data li fiha s-Segretarjat ikkommunika għall-ewwel darba din ir-risposta lill-partijiet skond l-Artikolu 10(10);

c)      tagħti parir u tgħin lill-partijiet li jimportaw fuq talba tagħhom u b'mod approprjat, sabiex:

i)      huma jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni addizzjonali sabiex tgħinhom jieħdu l-miżuri skond l-Artikolu 10 (4) u (2)(c), iktar 'l isfel;

ii)      jiżviluppaw il-kapaċitajiet u l-mezzi tagħhom sabiex jamministraw il-prodotti kimiċi fis-sigurtà kollha matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

2.      Kull parti għandha tiżgura li ebda prodott kimiku elenkat fl-Anness III ma jiġi esportat mit-territorju tagħha lil parti li timporta li, minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali, ma kkomunikatx ir-risposta tagħha jew li kkomunikat risposta provviżjorja li ma tinkludix deċiżjoni provvżorja, ħlief jekk:

a)      huwa prodott kimiku li, fid-data ta' l-importazzjoni kien reġistrat bħala prodott kimiku fil-parti li timporta, jew

b)      huwa prodott kimiku li hemm evidenza li diġà kien ġie wżat jew importat fil-parti li qed timporta u li għalih ma ttieħdet ebda miżura leġiżlattiva sabiex tipprojbixxi l-użu tiegħu, jew

c)      jekk min jesporta talab u rċieva kunsens espliċitu għall-importazzjoni mingħand awtorità nazzjonali maħtura mill-parti li timporta. Il-parti li qed timporta għandha tagħti risposta għat-talba ta' kunsens fi żmien sittin ġurnata u għandha tinnotifika lis-Segretarjat malajr bid-deċiżjoni tagħha.

L-obbligi tal-partijiet li jesportaw taħt dan il-paragrafu jidħlu fis-seħħ ma' l-iskandenza ta' terminu ta' sitt xhur mid-data li fiha s-Segretarjat informa lill-partijiet għall-ewwel darba, skond l-Artikolu 10(10) li parti ma bagħtix ir-risposta tagħa jew li bagħtet risposta provviżorjs li ma tinkludix deċiżjoni provviżorja u dawn jibgħu japplikaw għal sena."

11     Filwaqt li l-Artikoli 10 u 11 tal-Konvenzjoni jsemmu l-obbligi relatati ma' l-importazzjoni u ma' l-esportazzjoni ta' prodotti kimiċi elenkati fl-Anness III ta' din il-Konvenzjoni, l-Artikolu 12 ta' din ta' l-aħħar jirregola, min-naħa tiegħu, il-każ speċifiku ta' prodotti li għadhom mhumiex elekati fl-imsemmi Anness. Dan l-Artikolu jipprevedi, fis-sustanza, li meta prodott kimiku pprojbit jew strettament regolat minn parti huwa esportat mit-territorju tagħha, din il-parti għandha tibgħat notifika ta' esportazzjoni lill-parti li qed timporta, li għandha tibgħat dikjarazzjoni ta' rċevuta. Din in-notifika għandha tinkludi, b'mod partikolari, l-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-prodott kimiku kkonċernat u dwar il-miżuri ta' kawtelatorji li għandhom jittieħdu sabiex titnaqqas l-espożizzjoni għal dan il-prodott u l-emissjonijiet kif ukoll l-informazzjoni supplimentari kollha l-awtorità nazzjonali kompetenti maħtura mill-parti li timporta għandha. Skond Artikolu 12(12) l-obbligu ta' notifika ta' esportazzjoni hekk previst jispiċċa meta t-tliet kundizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti: il-prodott kimiku in kwistjoni kien ġie elenkat fl-imsemmi Anness III, il-parti li qed timporta indirizzat lis-Segretarjat risposta dwar l-importazzjoni fil-futur ta' l-imsemmi prodott skond l-Artikolu 10(2) tal-Konvenzjoni u s-Segretarjat ikkomunika din ir-risposta lill-partijiet l-oħra skond l-Artikolu 10(10).

12     L-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni jirrigwarda l-informazzjoni li għandha takkumpanja l-prodotti kimiċi exportati. Skond il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, "il-konferenza tal-partijiet għandha tinkoraġġixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana biex tassenja lil kull prodott kimiku jew gruppi ta' prodtti kimiċi kodiċi stabbilit tas-Sistema Armonizzata ta' Kodifikazzjoni". Meta kodiċi bħal dan jiġi assenjat, dan għandu allura jkun muri fid-dokument ta' l-imbark li jakkumpanja l-esportazzjoni tal-prodott kimiku in kwistjoni. Il-paragrafi 2 u 3 ta' l-istess Artikolu jipprevedu, barra minn dan, l-obbligu għall-partijiet fil-Konvenzjoni li jirrikjedu li kemm il-prodotti kimiċi elenkati fl-Anness III u prodotti kimiċi pprojbiti jew strettament regolati, fit-territorju tagħhom, (l-Artikolu 13(2)) kif ukoll il-prodotti kimiċi li huma diġà is-suġġett, fit-territorju tagħhom, ta' regoli ta' tikkettar dwar is-saħħa jew l-ambjent (l-Artikolu 13(3)) ikunu suġġetti meta jiġu esportati "għal regoli ta' tikkettar xierqa sabiex tiġi assigurata l-firxa ta' l-informazzjoni rikjesta dwar ir-riskji u/jew il-perikoli għas-saħħa tal-persuni jew għall-ambjent filwaqt li jitqiesu r-regoli internazzjonali applikabbli fil-qasam". L-Artikolu 34(4) tal-Konvenzjoni jistieden lill-partijiet li jesportaw biex jgħassu li l-formola teknika tas-sigurtà mħejjija skond mudell magħruf internazzjonalment u li fiha l-iktar informazzjoni riċenti disponibbli tkun indirizzata lil kull importatur, għall-inqas f'dak li jikkonċerna l-prodotti kimiċi imsemmija fl-Artikolu 13(2) u destinati li jkunu użati għal skopijiet professjonali. Fl-aħħarnett, skond Artikolu 13(5), l-informazzjoni li tidher fuq it-tiketta u fil-formola teknika ta' sigurtà li tkun mal-prodott kimiku kkonċernat għandha safejn ikun possibbli, tkun mill-inqas f'waħda mill-lingwi uffiċjali tal-parti li qed timporta.

13     Bl-istess mod, l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni jistieden lill-partijiet biex iwettqu skambju ta' l-informazzjoni xjentifika, teknika, ekonomika u ġuridika kollha li għandhom fuq il-prodotti kimiċi li jaqgħu fl-iskop ta' applikazzjoni tal-Konvenzjoni kif ukoll fuq il-miżuri leġiżlattivi nazzjonali li jirrestrinġu, b'mod partikolari wieħed jew iktar mill-użu ta' dawn il-prodotti filwaqt li l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni jirrigwarda, min-naħa tiegħu, l-assistenza teknika. F'dan ir-rigward, il-partijiet li għandhom programmi iktar avvanzati ta' leġiżlazzjoni ta' prodotti kimiċi huma mistiedna li jagħtu għajnuna lill-partijiet l-oħra fil-Konvenzjoni b'mod partikolari lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jew lill-pajjiżi b'ekonomija fi transizzjoni sabiex dawn ikunu jistgħu jkollhom l-infrastrutturi u l-kapaċitajiet rikjesti sabiex jamministraw il-prodotti kimiċi "matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom".

14     Fl-aħħarnett, mill-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni jirriżulta li l-partijiet tagħha għandhom jieħdu l-miżuri kollha li jistgħu jirriżultaw neċessarji għall-applikazzjoni effikaċi tal-Konvenzjoni, inklużi l-istabbiliment jew ir-rinforzar ta' infrastrutturi u ta' istituzzjonijiet nazzjonali kif ukoll l-adozzjoni, jekk dan ikun il-każ, ta' miżuri bħall-istabbiliment ta' databases jew ta' reġistri nazzjonali li fihom informazzjoni fuq is-sigurtà tal-prodotti kimiċi, is-sostenn ta' l-inizzjattivi ta' l-industrija jew il-promozzjoni ta' ftehim volontarji għal għajnuna teknika. Jirriżulta, barra minn dan, mill-paragrafu 2 ta' l-imsemmi Artikolu 15 li "[k]ull parti għandha tiżgura li, safejn hu possibbli, il-pubbliku jkollu aċċess xieraq għall-informazzjoni fuq l-immaniġġjar tal-prodotti kimiċi u l-ġestjoni ta' inċidenti u fuq is-soluzzjonijiet alternattivi inqas perikolużi għas-saħħa tal-persuni u għall-ambjent mill-prodotti kimiċi elenkati fl-Anness III", filwaqt li skond il-paragrafu 4 ta' l-istess Artikolu "[e]bda dispożizzjoni tal- […] Konvenzjoni ma tista' tiġi interpretata bħala li tillimita d-dritt tal-partijiet li jieħdu, sabiex jipproteġu aħjar is-saħħa tal-persuni u ta' l-ambjent miżuri iktar stretti minn dawk previsti fil-Konvenzjoni, sakemm dawn ikunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni u konformi mar-regoli tad-dritt internazzjonali".

15     Id-dispożizzjonijiet sussegwenti tal-Konvenzjoni jittrattaw, essenzjalment, fuq ir-rwol u l-funzjonijiet tal-korpi u l-istituzzjonijiet responsabbli li jsegwu u jevalwaw l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni (l-Artikoli 18 u 19), ir-regoli applikabbli fil-każ ta' nuqqas ta' rispett ta' l-obbligi previsti minnha jew għal kontroversji fuq l-interpretazzjoni tagħha (l-Artikoli 17 u 20) kif ukoll il-proċedura li għandha tiġi segwita fil-każ ta' emendi lill-Konvenzjoni, jew l-annessi tagħha kif ukoll l-adozzjoni ta' Annessi addizjonali (l-Artikoli 21 u 22).

16     Skond l-Artikolu 25(1) tal-Konvenzjoni, din għandha tkun soġġetta għar-ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika u hija miftuħa għall-adeżjoni ta' l-Istati u l-imsemmija organizzazzjonijiet mill-ġurnata meta hija ma tibqax miftuħa għall-firma. F'dak li jirrigwarda l-istess organizzazzjonijiet, il-paragrafu 2 ta' l-imsemmi Artikolu jippreċiża li "[k]ull l-organizzazzjoni reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika li ssir parti […] fil-Konvenzjoni, mingħajr ma ebda mill-Istati Membri tagħha ma jkunu parti minnha, hija marbuta mill-obbligi kollha msemmija fil-Konvenzjoni". Minn naħa l-oħra "[m]eta Stat Membru wieħed jew iktar ta' dawn l-organizzazzjonijiet huma partijiet f'din il-Konvenzjoni, l-organizzazzjoni u l-Istat Membri tagħha għandhom jiddeċiedu fuq ir-responsabbilitajiet rispettivi tagħhom għat-twettiq ta' l-obbigi tagħhom bis-saħħa ta' din il-Konvenzjoni." Fl-aħħarnett, mill-istess Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni jirriżulta li f'każ bħal dan "l-organizzazzjoni u l-Istati Membri tagħha mhumiex intitolati li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bis-saħħa ta' din il-Konvenzjoni fl-istess ħin ". Skond l-Artikolu 25(3) tal-Konvenzjoni, l-organizzazzjonijiet reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika huma mistiedna sabiex jindikaw fl-istrument tagħhom ta' ratifika, ta' aċċettazzjoni, ta' approvazzjoni jew ta' adeżjoni "il-portata tal-kompetenza tagħhom fir-rigward tal-kwistjonijiet regolati minn din il-Konvenzjoni."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

17     Wara l-firma tal-Konvenzjoni, f'isem il-Komunità, fil-11 ta' Settembru 1998 f'Rotterdam (l-Olanda), il-Kummissjoni ppreżentat, fl-24 ta' Jannar 2002, proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova, f'isem il-Komunità, din il-Konvenzjoni (ĠU C 126 E, p. 274) u li tindika, skond l-Artikolu 25(3) ta' l-imsemmija Konvenzjoni, il-portata tal-kompetenza Komunitarja rigward il-kwistjonijiet regolati minn din il-Konvenzjoni. Abbażi ta' l-Artikolu 133 KE flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) KE u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300 KE, din il-proposta għal deċiżjoni kienet tipprevedi, fl-Artikolu 2(2) tagħha, li "il-Komunità hija kompetenti fir-rigward ta' l-oqsma kollha regolati mill-Konvenzjoni".

18     Wara li l-Parlament kien ġie kkonsultat skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikoli 300(2) KE, il-Kunsill madankollu ddeċieda, unanimament, li ma jsegwix din il-proposta u li jissostitwixxi l-Artikolu 133 KE bl-Artikolu 175(1) KE. Adottata mingħajr diskussjoni matul is-sessjoni tal-Kunsill "Ġustizzja u Affarijiet Interni" tad-19 ta' Diċembru 2002, id-deċiżjoni kkontestata ġiet għalhekk ibbażata fuq l-Artikolu 175(1) KE flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikoli 300 (2) KE u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3) KE. Id-dikjarazzjoni ta' kompetenza rikjesta mill-Artikolu 25(3) tal-Konvenzjoni tinstab fl-Anness B ta' l-imsemmija deċiżjoni u hija fformulata kif ġej:

"Il-Komunità Ewropea tiddikjara, skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u, b'mod partikolari, skond l-Artikolu 175(1) tiegħu, li hija kompetenti sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali u sabiex tiżgura r-rispett ta' l-obbligi li jirriżultaw minnhom sabiex jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin:

–       il-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità ta' l-ambjent,

–       il-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni,

–       l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali,

–       il-promozzjoni, fuq livell internazzjonali, ta' miżuri intiżi biex jaffaċċjaw il-problemi reġjonali jew globali ta' l-ambjent.

Il-Komunità Ewropea tiddikjara qabel kollox li hija diġà adottat l-istrumenti ġuridiċi inkluż ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 304/2003 [tat-28 ta' Jannar 2003 ] dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' prodotti kimiċi perikolużi [ĠUL 63, p. 1], li jorbot lill-Istati Membri tagħha, fl-oqsma regolati minn din il-Konvenzjoni li hi ser tissottometti u taġġorna, f'waqtu, lista ta' strumenti ġuridiċi għas-Segretarjat tal-Konvenzjoni.

Il-Komunità Ewropea hija responsabbli għat-twettiq ta' l-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni li jagħmlu parti mid-dritt komunitarju fis-seħħ.

L-eżerċizzju tal-kompetenzi komunitarji huwa, minħabba n-natura tiegħu, soġġett għal żvilupp kontinwu."

19     Peress illi qieset, f'dawn iċ-ċirkustanzi, li l-att tal-konklużjoni tal-Konvenzjoni huwa vvizzjat b'illegalità, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

20     B'digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Lulju 2003, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq kif ukoll il-Parlament Ewropew ġew awtorizzati jintervjenu f'din il-kawża sabiex isostnu t-talbiet tal-Kunsill.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

21     Il-Kummissjoni tqajjem raġuni waħda biss sabiex issostni r-rikors tagħha, bbażata fuq il-ksur tat-Trattat KE minħabba l-għażla ta' bażi ġuridika żbaljata. Fil-fatt safejn il-Konvenzjoni hija strument li huwa essenzjalment maħsub biex jirregola l-kummerċ internazzjonali ta' ċerti prodotti kimiċi perikolużi, hija taqa' fl-iskop tal-politika kummerċjali komuni u mhux tal-politika komunitarja ta' l-ambjent. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata kellha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 133 KE – flimkien ma' l-Artikolu 300 KE – u mhux fuq l-Artikolu 175(1) KE – flimkien ma' l-istess Artikolu 300 KE.

22     F'dan ir-rigward il-Kummissjoni bbażat ruħha b'mod partikolari fuq l-għan u l-iskopijiet tal-Konvenzjoni li jenfasizzaw b'mod ċar il-volontà tal-partijiet li jistabbilixxu kooperazzjoni mill-qrib fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali tal-pestiċidji u prodotti kimiċi perikolużi oħra, iżda wkoll fuq l-istess test ta' din il-Konvenzjoni, li d-dispożizzjonijiet tagħha jirriflettu b'mod ċar l-iskop kummerċjali predominanti ta' dan l-istrument.

23     Dan ikun il-każ, l-ewwelnett, ta' l-istess titolu u ta' l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni li jirreferi, espressament għall-"kummerċ internazzjonali" ta' ċerti prodotti kimiċi u pestiċidji perikolużi kif ukoll l-"importazzjoni" u l-"esportazzjoni" tagħhom. Dan huwa wkoll il-każ ta' l-Artikoli 5 sa 9 tal-Konvenzjoni li jinkludu r-regoli essenzjali dwar l-elenkar – jew it-tħassir – tal-prodotti kimiċi partikolarment perikolużi ta' l-Anness III tal-Konvenzjoni. Dan huwa wkoll il-każ, fl-aħħarnett u qabel kollox, ta' l-Artikoli 10 u 11 tal-Konvenzjoni, li għandhom rwol deċiżiv fis-sistema ta' l-imsemmija Konvenzjoni billi jinkludu l-obbligi prinċipali relatati ma' l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta' prodotti kimiċi elenkati fl-imsemmi Anness u billi jiddefinixxu b'mod preċiż id-dettalji prinċipali tal-proċedura PIC. Dawn iż-żewġ Artikoli għandhom portata kummerċjali evidenti safejn, b'mod partikolari, huma jippermettu lill-esportaturi, minħabba s-sistema ta' notifika tar-risposti dwar l-importazzjonijiet fil-futur ta' prodotti kimiċi, li jkunu jafu preċiżament liema swieq huma miftuħa għall-prodotti tagħhom u taħt liema kundizzjonijiet.

24     Bl-istess mod, ir-regoli mniżżla fl-Artikoli 12 sa 16 tal-Konvenzjoni għandhom impatt li ma jistax jinċaħad fuq il-kummerċ ta' prodotti kimiċi għax huma joffru lill-pajjiżi li jimportaw l-għodda u l-informazzjoni neċessarja sabiex jidentifikaw il-perikoli potenzjali marbuta ma' l-użu ta' dawn il-prodotti u għaldaqstant sabiex jirrifjutaw jew jirrestrinġu d-dħul fit-territorju tagħhom ta' prodotti li huma stess ipprojbixxew jew li strettament irregolaw jew, jekk ikun il-każ, li huma ma jistgħux jamministraw u jużaw b'sigurtà kompleta.

25     Il-Kummissjoni tosserva wkoll, li l-fatt li r-raġunijiet bbażati fuq il-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni jew ta' l-ambjent setgħu ispiraw il-konklużjoni tal-Konvenzjoni, mhuwiex ta' natura li jostakola l-approvazzjoni ta' din ta' l-aħħar fuq il-bażi ta' l-Artikolu 133 KE safejn min-naħa, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-politika kummerċjali komuni għandha , minnha nfisha, tkun is-suġġett ta' interpretazzjoni estensiva, li tiżboq il-qafas strett tal-kummerċ. Din il-politika tista' għalhekk tiġbor miżuri oħra barra minn miżuri doganali jew ta' tariffi u ssegwi objettivi oħra minbarra l-leġiżlazzjoni tal-kummerċ ma' l-Istati terzi biss, bħall-għajnuna għall-iżvilupp ta' dawn l-Istati, l-implimentazzjoni ta' politika barranija u ta' sigurtà jew preċiżament, il-protezzjoni ta' l-ambjent u tas-saħħa. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi, b'mod partikolari, għas-sentenzi tas-26 ta' Marzu 1987, il-Kummissjoni/il-Kunsill (45/86, Ġabra p. 1493), u tad-29 ta' Marzu 1990, il-Greċja/il-Kunsill, imsejjħa "Chernobyl" (C-62/88, Ġabra p. I-1527), kif ukoll is-sentenza tat-12 ta' Diċembru 2002, il-Kummissjoni/il-Kunsill (C-281/01, Ġabra p. I-12049), fejn il-Qorti annullat id-deċiżjoni tal-Kunsill 2001/469/KE ta' l-14 ta' Mejju 2001, dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-ftehim bejn il-Gvern ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika u l-Komunità Ewropea fuq il-Koodinazzjoni ta' programmi ta' tikkettar li jirrigwardaw l-effiċjenza eneġetika tat-tagħmir ta' l-uffiċċju (ĠU L 172, p. 1).

26     Min-naħa l-oħra, mill-kliem stess tat-Trattat u b'mod partikolari mill-Artikolu 6 KE u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 152(1) jirriżulta wkoll li l-ħtiġiet tal-protezzjoni ta' l-ambjent, min-naħa waħda u tal-protezzjoni tas-saħħa umana, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet kollha tal-Komunità msemmija fl-Artikolu 3 KE. Ftehim internazzjonali jista' għalhekk jkun approvat fuq il-bażi ta' Artikolu bħall-Artikolu 133 KE, anki meta jsegwi, prinċipalment jew b'mod sekondarju l-għanijiet ta' natura ambjentali. F'dan il-każ, l-użu ta' dan l-aħħar Artikolu huwa partikolarment neċessarju minħabba li l-Konvenzjoni tikkonċerna essenzjament ir-regoli tal-kummerċ internazzjonali tal-prodotti kimiċi perikolużi u mhux il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-produzzjoni tagħhom jew tat-tqegħid fis-suq tagħhom li huma aspetti sekondarji fir-rigward ta' l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta' l-imsemmija prodotti. Kif iddeċidiet il-Qorti fil-każ ta' l-imsemmi ftehim bejn il-Gvern ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika u l-Komunità (iktar 'il quddiem il-"ftehim Energy Star", il-Konvenzjoni hija għaldaqstant strument li għandu impatt "dirett u immedjat" fuq il-kummerċ tal-prodotti kimiċi perikolużi, filwaqt li l-effetti ta' benefiċċju fuq is-saħħa umana u l-ambjent ikunu biss "indiretti u distanti".

27     Din il-konklużjoni hija kkontestat bil-qawwa mill-Kunsill kif ukoll mill-partijiet intervenjenti kollha. Dawn fil-fatt isostnu li safejn il-Konvenzjoni ma tistabbilixxi ebda sistema ta' rikonoxximent reċiproku tar-regoli ta' tikkettar tal-prodotti kimiċi perikolużi u hija intiża aktar sabiex tikkontrolla u saħansitra tirrestrinġi l-kummerċ ta' tali prodotti milli tippromwovihom, hija tixbah iktar lill-Protokoll ta' Cartagena fuq il-prevenzjoni tar-riskji bijoteknoloġiċi milli l-ftehim Energy Star li, min-naħa tiegħu, kien speċifikament intiż sabiex jippremetti lill-manifatturi li jużaw bis-saħħa tal-proċedura ta' rikonoxxenza reċiproka tar-reġistrazzjonijiet minn logo komuni u, għalhekk, sabiex jippromwovi l-offerta u d-domanda ta' prodotti enerġetikament effiċjenti. Madankollu, meta ġiet imsejħa biex tiddeċiedi, b'mod partikolari, fuq il-bażi ġuridika xierqa sabiex jiġi konkluż l-imsemmi Protokoll li jistabbilixxi wkoll proċedura "ftehim infurmat bil-quddiem", il-Qorti ddeċidiet fil-punt 33 ta' l-Opinjoni 2/00 tas-6 ta' Diċembru 2001 (Ġabra p. I-9713), li din il-proċedura tikkostitwixxi strument tipiku ta' politika ta' l-ambjent, b'mod illi l-użu ta' l-Artikolu 175(1) huwa neċessarju sabiex dan il-Protokoll jiġi konkluż f'isem il-Komunità. Kunsiderazzjonijiet simili japplikaw għal dan il-każ f'dak li jirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni.

28     Għaldaqstant f'dak li jirrigwarda l-iskopijiet infushom tal-Konvenzjoni, il-Kunsill u l-partijiet intervenjenti jagħmlu referenza għal ħafna premessi tal-preambolu tagħha li jevokaw il-perikli u l-impatti dannużi tal-prodotti kimiċi u tal-pestiċidji fuq is-saħħa tal-persuni u l-ambjent kif ukoll għall-Artikolu 1 tagħha li jixhed il-volontà tal-partijiet li jinkoraġġixxu mhux il-kummerċ internazzjonali ta' l-imsemmija prodotti iżda t-tqassim tar-responsabbilitajiet u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali ta' dawn il-prodotti sabiex is-saħħa tal-persuni u l-ambjent jiġu protetti mid-danni eventwali u sabiex jikkontribwixxu għall-użu ekoloġikament razjonali ta' l-imsemmija prodotti. Il-qari ta' dan l-Artikolu għaldaqstant jikkonferma sewwa l-iskop tan-neċessità ambjentali ta' l-imsemmija Konvenzjoni, bħal ma jagħmel il-qari ta' l-Artikolu 29(f) tagħha li jipprovdi li l-"esportazzjonijiet" u l-"importazzjonijiet" ta' prodotti kimiċi jinkludu l-movimenti kollha ta' dawn il-prodotti bejn il-partijiet fil-Konvenzjoni, bl-eċċezzjoni ta' operazzjonijiet ta' transitu, indipendentament mill-għan li għalih ikunu mwettqa.

29     Bl-istess mod, ħafna dispożizzjonijiet ċentrali tal-Konvenzjoni jenfasizzaw b'mod ċar is-supremazija ta' l-għanijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u ta' l-ambjent meta mqabbla mal-volontà attribwita mill-Kummissjoni lill-partijiet tal-Konvenzjoni, li jiġi inkoraġġut, iffaċilitat jew irregolat il-kummerċ internazzjonali tal-prodotti in kwistjoni. Barra mill-Artikoli 10 u 11 tal-Konvenzjoni dwar il-proċedura PIC infisha, il-Kunsill u l-partijiet intervenjenti jsemmu f'dan ir-rigward, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet dwar in-notifika tal-miżuri ta' regolazzjoni nazzjonali intiżi sabiex jipprojbixxu jew jirregolaw b'mod strett il-prodotti kimiċi (l-Artikolu 5), il-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex prodotti kimiċi jiġu elenkati fl-Anness III tal-Konvenzjoni jew sabiex jiġu mħassra (l-Artikolu 7 sa 9), ir-regoli dwar it-tikkettar ta' dawn il-prodotti (Artikolu 13) l-iskambju ta' informazzjoni ta' kull tip fuq il-prodotti kimiċi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Konvenzjoni (Artikolu 14), il-ħolqien jew it-tisħiħ ta' infrastrutturi u l-istituzzjonijiet nazzjonali sabiex japplikaw il-Konvenzjoni b'mod effettiv, b'mod partikolari l-istabbiliment ta' reġistri u ta' databases li jkun fihom l-informazzjoni fuq is-sigurta tal-prodotti kimiċi (l-Artikolu 15 u l-għajnuna teknika li għandha tingħata lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jew lill-pajjiżi b'ekonomija fi transizzjoni (l-Artikolu 16).

30     Fl-aħħarnett, għall-Kunsill u l-partijiet intervenjenti, in-natura ambjentali fundamentali tal-Konvenzjoni tirriżulta b'mod ċar mill-kuntest li fih ġiet adottata. Il-Kunsill jossserva qabel kollox, f'dan ir-rigward, li l-Konvenzjoni hija ispirata direttament mill-proċedura fakultattiva ta' informazzjoni u ta' kunsens bil-quddiem stabbilita mill-UNEP u mill-FAO – jiġifieri f'kuntest mhux kummerċjali – u li huma l-korpi ta' tmexxija ta' dawn il-programm u organizzazzjoni li sejħu l-konferenza tal-partijiet sabiex tiġi ppreparata u adottata l-Konvenzjoni u li assumew, barra min dan, rwol essenzjali fit-tmexxija tagħha billi, skond l-Artikolu 19(3) tal-Konvenzjoni "[i]l-funzjonijiet tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni huma eżeċitati mid-direttur eżekuttiv tal-[UNEP] u d-direttur ġenerali tal- [FAO] flimkien, soġġetti għal dispożizzjonijiet miftehma u li jkunu ġew approvati mill-konferenza tal-partijiet".

31     Il-Kunsill imbagħad ifakkar wara li l-Konvenzjoni tirreferi wkoll għall-Kapitolu 19 tal-programm "Action 21" adottat matul il-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti fuq l-ambjent u l-iżvilupp li nżammet f'Rio de Janeiro (Brażil) mit-3 sa l-14 ta' Ġunju 1992. Intitolat "Ġestjoni ekoloġikament razjonali tas-sostanzi kimiċi tossiċi li tinkludi l-prevenzjoni tat-traffiku internazzjonali illegali tal-prodotti tossiċi u perikolużi", dan il-Kapitolu jevoka espressament il-ġeneralizzazzjoni tal-proċedura PIC sabiex tiġi msaħħa t-tmexxija razzjonali tal-prodotti kimiċi tossiċi.

32     Fl-aħħarnett, il-Konvenzjoni hija ukoll fost il-ftehim essenzjali evokati waqt is-summit mondjali fuq l-iżvilupp sostenibbli li nżammet f'Johannesburg (l-Affrika ta' Isfel) mis-26 ta' Awwissu sa l-4 ta' Settembru 2002. Issa, il-pjan ta' azzjoni adottat b'riżultat ta' dan is-summit, jistieden b'mod espliċitu, fil-punt 23(a) tiegħu, lill-partijiet kollha biex jinkoraġġixxu r-ratifika u l-implimentazzjoni rapida ta' dan l-istrument minħabba l-effetti siewja tiegħu fuq is-saħħa umana u l-ambjent.

33     Dawn il-fatturi kollha għalhekk jaħdmu kjarament favur l-użu ta' l-Artikolu 175(1) KE. Il-Kunsill u l-partijiet intervenjenti jirreferu, f'dan ir-rigward, għal diversi ftehim jew regolamenti komunitarji li fihom dispożizzjonijiet ta' natura kummerċjali li mandankollu huma bbażati, minħabba l-għan ambjentali predominanti tagħhom fuq dan l-aħħar Artikolu, fuq l-Artikolu 130 S tat-Trattat KE (li, wara emenda, sar l-Artikolu 175 S tat-Trattat KE) jew fuq l-Artikolu 130S tat-Trattat KEE (li wara emenda, sar l-Artikolu 130S tat-Trattat KE). Dan ikun il-każ, b'mod partikolari, tad-deċiżjoni 93/98/KEE tal-Kunsill ta' l-1 ta' Frar 1993, dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni fuq il-kontroll tal-movimenti transkonfinanti ta' skart perikoluż u l-eleminazzjoni tiegħu (Konvenzjoni ta' Basel) [Traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 39, p. 1), kif ukoll ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 2455/92 tat-23 ta' Lulju 1992, dwar l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet ta' ta’ ċerti prodotti kimiċi perikolużi (ĠU L 251, p. 13), 259/93 tal-Kunsill ta' l-1 ta' Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta' vjaġġi bil-baħar ta' skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU L 30, p. 1) u (KE) Nru 338/97 tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU 1997, L 61, p. 1).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti

34     Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi ġuridika ta' att komunitarju, inkluż dak adottat bl-għan li jiġi konkluż ftehim internazzjonali, għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom, b'mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta' l-att (ara s-sentenzi tas-26 ta' Marzu 1987, il-Kummissjoni/il-Kunsill, iċċitat iktar 'il fuq, punt 11; tal-11 ta' Ġunju 1991, il-Kummissjoni/il-Kunsill, imsejħa "Diossidu tat-Titanju", C-300/89, Ġabra p. I‑2867, punt 10; tat-3 ta' Diċembru 1996, il-Portugall/il-Kunsill, C-268/94, Ġabra p. I-6177, punt 22; l-Opinjoni 2/00, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22 u s-sentenza tat-13 ta' Settembru 2005, il-Kummissjoni/il-Kunsill, C-176/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45).

35     Jekk l-eżami ta' att Komunitarju juri li huwa għandu żewġ għanijiet jew li għandu komponent doppju u jekk wieħed minn dawn tista' tiġi identifikata bħala prinċipali jew predominanti filwaqt li l-ieħor huwa biss sekondarju, l-att għandu jkun fondat fuq bażi ġuridika waħda biss, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent prinċipali jew predominanti (ara s-sentenzi tat-30 ta' Jannar 2001, Spanja/Kunsill, C-36/98, Ġabra p. I-779, punt 59; tal-11 ta' Settembru 2003, il-Kummissjoni/il-Kunsill, C-211/01, Ġabra p. I-8913, punt 39, u tad-29 ta' April 2004, il-Kummissjoni/il-Kunsill, C-338/01, Ġabra p. I-4829, punt 55).

36     Eċċezzjonalment, jekk huwa stabbilit, min-naħa l-oħra, li l-att għandu diversi għanijiet fl-istess ħin jew li għandu diversi komponenti, li huma marbuta b'mod li ma jistgħux jiġu separati mingħajr ma wieħed ma jkun sekondarju jew indirett fil-konfront ta' l-ieħor, att bħal dab għandu jkun ibbażat fuq il-bażi ġuridiċi diversi li jikkorrispondu (ara, f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta' Settembru 2002, Huber, C-336/00, Ġabra p. I‑7699, punt 31; tat-12 ta' Diċembru 2002, il-Kummissjoni/il-Kunsill , iċċitata iktar 'il fuq, punt 35, u tal-11 ta' Settembru 2003, il-Kummissjoni/il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 40).

37     F'dan il-każ, u hekk kif osservaw il-Kunsill u l-intervenjenti kollha f'osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom, ma jistax jiġi miċħud li l-protezzjoni tas-saħħa umana u ta' l-ambjent kienet l-iktar ħaġa importanti għall-firmatarji tal-Konvenzjoni. Dan l-għan, fil-fatt, joħroġ b'mod ċar mhux biss mill-qari tal-preambolu ta' din il-Konvenzjoni iżda wkoll mill-istess test tagħha billi diversi dispożizzjonijiet jikkonfermaw mingħajr ekwivoku l-importanza ta' l-imsemmi għan.

38     Dan huwa l-każ, b'mod partikolari ta' l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni li jistabbilixxi proċedura għall-iskambju ta' informazzjoni dwar miżuri adottati mill-partijiet fil-Konvenzjoni sabiex jipprojbixxu jew strettamemt jirregolaw l-użu ta' prodotti kimiċi fuq it-territorju tagħhom u ta' l-Artikolu 12 ta' l-istess Konvenzjoni li jipprevedi, min-naħa tiegħu, l-obbligu fuq l-istess partijiet li jibgħatu notifika ta' esportazzjoni lill-parti li tkun qed timporta meta prodott kimiku projbit jew strettament regolat huwa esportat mit-territorju tagħhom u sabiex tiġi assigurata t-trasparenza, jistiednu wkoll din l-aħħar parti ta' l-aħħar sabiex tibgħat dikjarazzjoni ta' rċevuta. Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-Konklużjonijiet tagħha, dawn l-Artikoli huma intiżi, fis-sustanza li jassiguraw li l-ebda parti, b'mod partikolari, pajjiż li qiegħed jiżviluppa ma tkun ikkonfrontata b'importazzjoni ta' prodotti kimiċi perikolużi mingħajr ma jkollha, minn qabel, il-possibbiltà li tieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa sabiex tipproteġi s-saħħa umana u l-ambjent.

39     Bl-istess mod, wieħed għandu jsemmi l-Artikoli 10 u 11 tal-Konvenzjoni li, filwaqt li jistabbilixxu l-obbligi relatati ma' l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-prodotti kimiċi elenkati fl-Anness III tal-Konvenzjoni, fihom ukoll ċerti regoli bħal dawk li jinstabu fl-Artikolu 10(9)(b) tal-Konvenzjoni jew l-Artikolu 11(1)(c) tagħha – dwar il-produzzjoni u l-amministrazzjoni interna ta' dawn il-prodotti – intiżi sabiex jassiguraw livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u ta' l-ambjent, indipendentament mill-oriġini jew il-provenjenza tal-prodotti kimiċi in kwistjoni.

40     Fl-aħħarnett, f'dan il-kuntest għandha wkoll issir referenza għall-Artikoli 13 sa 16 tal-Konvenzjoni fejn jevokaw, b'mod partikolari, l-istabbiliment ta' formula teknika ta' sigurtà (l-Artikolu 13(4)), l-iskambju ta' informazzjoni ta' kull tip fuq prodotti li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Konvenzjoni, inkluża l-informazzjoni ta' natura tossikoloġika u ekotossikoloġika jew fuq is-sigurtà ta' l-imsemmija prodotti [l-Artikolu 14(1)(a)] u l-aċċess xieraq tal-pubbliku għall-informazzjoni fuq l-immaniġġjar tal-prodotti kimiċi u l-ġestjoni ta' inċidenti kif ukoll fuq is-soluzzjonijiet alternattivi "inqas perikolużi għas-saħħa tal-persuni u għall-ambjent" [Traduzzjoni mhux uffiċjali] (l-Artikolu 15(2)). Dawn id-dispożizzjonijiet differenti kif ukoll, barra minn dan, l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni dwar l-għajnuna favur il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jew favur pajjiżi b'ekonomija fi transizzjoni, jenfasizzaw b'mod ċar il-ħtieġa li tiġi żgurata s-sigurtà tal-prodotti kimiċi u li tiġi assigurata amministrazzjoni soda u sostenibbli tagħhom. Barra minnn dan, il-Konvenzjoni tawtorizza espressament lill-partijiet tagħha biex jieħdu miżuri iktar stretti minn dawk previsti minnha sabiex jipproteġu aħjar is-saħħa tal-persuni u ta' l-ambjent, sakemm dawn il-miżuri jkunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tagħha u konformi mar-regoli tad-dritt internazzjonali (l-Artikolu 15(4)).

41     Il-qari tad-dispożizzjonijiet li jippreċedu għalhekk juri l-importanza tal-komponenti ambjentali u ta' saħħa fis-sistema tal-Konvenzjoni. Kif ġustament osserva l-Kunsill importanza bħal din tidher ukoll fl-isferi internazzjonali li fihom ġiet diskussa jew negozjata din il-Konvenzjoni (il-UNEP u l-FAO, kif ukoll il-Konferenza ta' Rio de Janeiro ta' l-1992 u s-summit ta' Johannesburg fl-2002) kif ukoll fid-diskussjonijiet li għaddejjin f'livell Komunitarju, bir-ratifika rapida tal-Konvenzjoni li tidher fost l-azzjonijiet prijoritarji identifikati mill-Artikolu 7(2)(d) tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1600/2002/KE tat-22 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Komunità (ĠU L 242, p. 1).

42     Għaldaqstant, mill-punti preċedenti wieħed ma jistax jiddeduċi li l-komponent kummerċjali tal-Konvenzjoni huwa purament sekondarju. Qari tad-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni u, b'mod aktar partikolari, ta' l-Artikoli dwar il-proċeduri PIC iwassal fil-fatt għall-konklużjoni li l-imsemmija Konvenzjoni fiha wkoll regoli li jirregolaw il-kummerċ tal-prodotti kimiċi perikolużi u li għandhom effetti diretti u immedjati fuq dan il-kummerċ (ara, f'dan is-sens, l-Opinijoni 2/00, iċċitata iktar 'il fuq, punt 37, u s-sentenza tat-12 ta' Diċembru 2002, il-Kummissjoni/il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punti 40 u 41).

43     Evidenza tal-preżenza ta' tali regoli tinsab fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni, li jipprovdi li l-partijiet tagħha jaffermaw li għandhom l-għan li jippromwovu r-responsabbiltà komuni u l-kooperazzjoni "fil-kummerċ internazzjonali ta' ċerti prodotti kimiċi perikolużi" iżda wkoll fid-deċiżjoni infisha li hija s-suġġett ta' dan ir-rikors. Fil-fatt, il-Kunsill jirrikonoxxi b'mod espliċitu, fit-tielet premessa tal-preambolu tagħha li l-Konvenzjoni "hija pass importanti għat-titjib tal-leġiżlazzjoni internazzjonali tal-kummerċ ta' ċerti prodotti kimiċi u pestiċidji perikolużi sabiex tiġi protetta s-saħħa umana u l-ambjent minn danni potenzjali u sabiex jiġi inkorraġut l-użu ambjentali tajjeb ta' dawn is-sostanzi". Huwa għaldaqstant permezz ta l-adozzjoni ta' miżuri ta' natura kummerċjali relatati mal-kummerċ ta' ċerti prodotti kimiċi u pestiċidji perikolużi li l-partijiet fil-Konvenzjoni jaspiraw li jiksbu l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa umana u ta' l-ambjent.

44     F'dan il-kuntest, għandu jiġi wkoll osservat li jekk, kif il-Kunsill u diversi intervenjenti sostnew fl-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub, il-proċedura tal-kunsens infurmat minn qabel hija fil-fatt strument tipiku tal-politika ambjentali, l-implimentazzjoni tagħha, fil-kuntest ta' din il-Konvenzjoni, hija rregolata minn dispożizzjonijiet li jirregolaw direttament il-kummerċ tal-prodotti koperti minnha. Fil-fatt kemm mill-istess titolu ta’ din il-Konvenzjoni kif ukoll milll-Artikolu 5(6) ta’ din – moqri flimkien ma’ l-Anness II(c)(iv) ta' l-istess Konvenzjoni – jirriżulta li din ta’ l-aħħar tapplika biss għal ċerti prodotti kimiċi u pestiċidji perikolużi li huma s-suġġett ta’ kummerċ internazzjonali, li jikkostitwixxi, nin-naħa tiegħu, kundizzjoni sina qua non ta’ l-elenkar ta’ l-imsemmija prodotti fl-Anness III tal-Konvenzjoni u, għalhekk, tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura PIC. Rabta daqshekk espliċita bejn il-kummerċ u l-ambjent kienet nieqsa mill-Protokoll ta’ Kartagena eżaminat mill-Qorti fl-Opinjoni 2/00, iċċitata iktar ’il fuq.

45     Sussegwentement għall-Konvenzjoni fuq id-diversità bijoloġika iffirmata mill-Komunità u l-Istati Membri kollha tagħha f’Ġunju 1992, u approvata mid-Deċiżjoni mill-Kunsill 93/626/KEE tal-25 ta’ Ottubru 1993 (ĠU 1993 L 309, p.1), il-Protokoll ta’ Kartagena għandu fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat fil-punt 34 ta' l-Opinjoni 2/00, iċċitata iktar 'il fuq, bħala skop prinċipali il-protezzjoni tad-diversità bijoloġika kontra l-effetti dannużi li jistgħu jirriżultaw mill-attivitajiet li jinvolvu t-trattament ta’ organiżmi ħajjin immodifikati, b’mod partikolari, l-moviment transkonfini tagħhom. Il-kummerċ ta’ organiżmi bħal dawn huwa għalhekk biss wieħed mill-aspetti regolat minn dan il-Protokoll, filwaqt li, fis-sistema tal-Konvenzjoni, huwa jikkostitwixxi l-element li jikkundizzjona l-applikazzjoni tal-proċedura PIC.

46     Kif definita fil-Konvenzjoni, din il-proċedura tinvolvi wkoll numru ta’ mizuri li għandhom ikunu kklassifikati bħala miżuri li "jikkontrollaw" jew "jirregolaw" il-kummerċ internazzjonali tal-prodotti kkonċernati u li għalhekk jifformaw parti mill-Politika Kummerċjali Komuni. Jistgħu jissemmew, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, l-obbligu tal-partijiet fil-Konvenzjoni li jistabbilixxu sistema ta’ importazzjoni applikabbli għall-prodotti li huma soġġetti għal din il-proċedura (l-Artikolu 10(1) sa (5)), il-komunikazzjoni ta’ l-elementi essenzjali ta’ din is-sistema lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha interessati (l-Artikolu 10(8)) jew l-obbligu fuq il-partijiet li qed jesportaw li jiżguraw l-osservanza mill-esportaturi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, tas-sistemi stabbiliti mill-partijiet li qed jimportaw u, b’mod partikolari, li jipprojbixxu, barra għal xi eċċezzjonijiet stabbiliti b'mod ċar, l-esportazzjoni kollha ta’ prodotti elenkati fl-Anness III tal-Konvenzjoni lil parti fil-Konvenzjoni li tkunx innotifikat lis-Segretarjat is-sistema ta’ importazzjoni applikabbli għal dawn il-prodotti jew li tkun innotifikatlu biss risposta provviżorja li ma jkunx fiha deċiżjoni dwar is-sistema ta’ importazzjoni [l-Artikolu 11(1)(b) u (2)].

47     L-Artikolu 10(9) tal-Konvenzjoni – li jobbliga l-partijiet tagħha li jkunu ħadu d-deċiżjoni li ma jagħtux il-kunsens tagħhom għall-importazzjoni ta’ prodott kimiku partikolari jew li jagħtu biss il-kunsens tagħhom taħt ċerti kundizzjonijiet li jipprojbixxu jew jirrestrinġu simultanjament l-importazzjoni ta’ dan il-prodott, tkun xi tkun il-provenjenza tieħu kif ukoll il-produzzjoni nazzjonali ta’ l-imsemmi prodott – huwa, f’dan ir-rigward, partikolarment indikattiv tar-rabtiet mill-qrib li jeżistu f'dan il- ftehim bejn il-politika kummerċjali u ambjentali. Fil-fatt safejn dan l-Artikolu jipprovdi wkoll għall-produzzjoni nazzjonali tal-prodotti kimiċi kkonċernati, ma jistax jiġi miċħud li huwa jagħmel parti mill-politika ta' protezzjoni tas-saħħa umana u ta' l-ambjent. Fl-istess ħin, madankollu ma jistax jiġi miċħud li dispożizzjoni bħal din għandha portata kummerċjali evidenti minħabba li l-miżura ta' projbizzjoni jew ta' restrizzjoni meħuda mill-partijiet li qed jimportaw għandha tapplika għall-importazzjoni kollha tal-prodotti kkonċernati, indipendentement mill-provenjenza tagħhom. Il-pajjiżi li ma ffirmawx il-Konvenzjoni huma għalhekk ukoll koperti minn din id-dispożizzjoni, li tista' jkollha effett dirett fuq il-kummerċ li ġej jew li hu destinat għall-imsemmija pajjiżi.

48     Fl-aħħarnett, l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni u, b’mod partikolari, il-paragrafi 2 u 3 tiegħu li jimponi obbligu ta’ tikkettar meta il-prodotti kimiċi perikolużi huma esportati jista' wkoll ikun inkluż fost ir-regoli tal-Konvenzjoni li "jikkontrollaw" jew "jirregolaw" il-kummerċ internazzjonali tal-prodotti in kwistjoni. Barra min dan, l-impatt tal-Konvenzjoni fuq il-kummerċ internazzjonali huwa wkoll ikkonfermat mill-paragrafu 1 ta' l-istess Artikolu, li jipprovdi li l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana għandha tassenja lil kull prodott jew grupp ta' prodotti, elenkat fl-Anness III tal-Konvenzjoni, kodiċi stabbilit li jagħmel parti mis-Sistema Armonizzata ta' Kodifikazzjoni liema kodiċi għandu bil-fors jitniżżel fid-dokument ta' imbark li għandu jakkumpanja l-esportazzjoni tal-prodott kimiku in kwistjoni.

49     Dawn il-konstatazzjonijiet fuq il-komponent kummerċjali tal-Konvenzjoni ma jistgħux jiġu kkontestati minħabba l-fatt li l-Konvenzjoni iktar għandha tendenza li tirrestrinġi l-kummerċ ta’ dawn il-prodotti milli tinkoraġġih. Kif osservat ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħa, ħafna miżuri Komunitarji ġew fil-fatt adottati abbażi ta’ l-Artikolu 133 KE jew preċedentement abbażi ta’ l-Artikolu 113 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 133 KE) anki jekk huma kienu espressament maħsuba sabiex jirristrinġu, jew anki li jipprojbixxu kompletament l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti (ara f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1995, Werner, C-70/94, Ġabra p. 1-3189, punt 10; Leifer, C-83/94, Ġabra p. I-3231, punt 10 u ta’ l-14 ta’ Jannar 1997, Centro-Com, C-124/95, Ġabra p. I-81, punt 26).

50     Rigward il-fatt evokat minn ħafna intervenjenti, li diversi ftehim jew regolamenti komunitarji simili oħra huma bbażati fuq l-Artikolu 130 S tat-Trattat KEE jew KE jew fuq l-Artikolu 175 KE, dan huwa kompletament irrilevanti fil-kuntest ta' din il-kawża. Fil-fatt il-bażi ġuridika ta’ att għandha tiġi stabbilita fil-dawl ta’ l-għan u l-konenut tiegħu nnifsu u mhux rigward il-bażi ġuridika użata għall-adozzjoni ta’ atti komunitarji oħra li jistgħu jkollhom skond il-każ, karatteristiċi simili (ara b’mod partikolari, s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 1994, il-Parlament/il-Kunsill, C-187/93, Ġabra p. I-2857, punt 28, li kienet tirrigwarda, preċiżament, l-għażla tal-bażi ġuridika tar-Regolament Nru 259/93, invokata mill-Kunsill u ħafna partijiet intervenjenti f’din il-kawża sabiex isostnu l-użu ta’ l-Artikolu 175 KE).

51     Rigward l-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu u kif jirriżulta wkoll espliċitament mit-tmien premessa tal-preambolu tal-Konvenzjoni, li tipprovdi li l-politika kummerċjali u ambjentali tal-partijiet tal-Konvenzjoni għandhom ikunu komplementari sabiex jassiguraw il-kisba ta’ żvilupp sostenibbli, għandu għaldaqstant jiġi konkluż li din tinkludi, kemm rigward l-għanijiet segwiti u rigward il-kontenut tagħha żewġ komponenti marbuta b'mod li ma jistax jiġi diviż mingħajr ma wieħed jista' jiġi kkunsidrat bħala sekondarju jew indirett meta mqabbel ma' l-ieħor peress li wieħed jagħmel parti mill-politika kummerċjali komuni u l-ieħor minn dik tas-saħħa umana u ta' l-ambjent. Skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni li tapprova din il-Konvenzjoni f’isem il-Komunità kellha għalhekk tkun ibbażata fuq żewġ bażijiet ġuridiċi, jiġifieri, f’dan il-każ, l-Artikolu 133 KE u l-Artikolu 175(1) KE flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ l-Artikolu 300 KE.

52     Ċertament, u hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sustanza fil-punti 17 sa 21 tas-sentenza Diossidu tat-Titanju, iċċitata iktar 'il fuq, l-użu ta' bażi ġuridika doppja huwa eskluż meta l-proċeduri previsti għal waħda jew l-oħra ta' dawn il-bażijiet huma inkompatibbli u/jew meta l-użu taż-żewġ bażijiet ġuridiċi jista’ jnaqqas mid-drittijiet tal-Parlament (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, il-Parlament/il-Kunsill, C-164/97 u C-165/97, Ġabra p. I-1139, punt 14, u tad-29 ta' April 2004, il-Kummissjoni/il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 57). F'dan il-każ, madankollu ebda minn dawn il-konsegwenzi ma tirriżulta minn użu konġunt ta' l-Artikoli 133 KE u 175(1) KE.

53     Fil-fatt, min-naħa waħda, il-Konvenzjoni ma taqax fil-kategorija ta' ftehim li bis-saħħa ta' l-Artikolu 133(5) KE jirrikjedu l-unanimità fi ħdan il-Kunsill b'mod li użu addizzjonali ta' l-Artikolu 133 KE ma jistax, f'dan il-każ, ikollu xi impatt fuq ir-regoli ta' votazzjoni applikabbli fi ħdan il-Kunsill, peress li din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi, fil-prinċipju, bl-istess mod bħall-Artikolu 175(1) KE, l-użu tal-maġġoranza kkwalifikata.

54     Min-naħa l-oħra, l-użu konġunt ta' l-Artikoli 133 KE u 175(1) KE probabbli ukoll mhuwiex ta' natura li jdgħajjef id-drittijiet tal-Parlament billi, għalkemm l-ewwel artikolu ta' dawn iż-żewġ Artikoli, moqri flimkien ma' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) KE ma jipprovdix għal konsultazzjoni ta' dik l-istituzzjoni qabel il-konklużjoni ta' ftehim fil-qasam tal-politika kummerċjali, it-tieni Artikolu, min-naħa l-oħra, iwassal għal riżultat bħal dan. Bil-kuntrarju għas-sitwazzjoni in kwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Diossidu tat-Titanju ċċitata iktar 'il fuq l-użu ta' diversi bażijiet ġuridiċi ma jinvolvix għalhekk, f'din il-kawża, xi tnaqqis mid-drittijiet tal-Parlament.

55     Fl-aħħarnett, għandhu jiġi osservat li, billi bbażat id-deċiżjoni ta' approvazzjoni tal-Konvenzjoni fuq il-bażi ġuridika doppja ta' l-Artikoli 133 KE u 175 KE, il-Komunità qiegħda wkoll tagħti xi indikazzjonijiet lill-partijiet oħra fil-Konvenzjoni kemm f'dak li jirrigwarda l-portata tal-kompetenza komunitarja dwar din il-Konvenzjoni li, kif diġà intwera' qabel, tagħmel parti kemm mill-qasam ta' politika kummerċjali komuni kif ukoll fil-qasam tal-politika komunitarja ta' l-ambjent u dwar id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn il-komunità u l-Istati Membritagħha, liema diviżjoni għandha wkoll titqies fl-istadju ta' l-implimentazzjoni tal-ftehim fuq livell Komunitarju.

56     Għaldaqstant, fid-dawl ta' dak kollu li jippreċedi, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata safejn hija fondata biss fuq l-Artikolu 175(1) KE, flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 u l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta' l-Artikolu 300 KE, tiġi annullata.

 Dwar l-ispejjeż

57     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 69(3) ta' l-istess Regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' madankollu tqassam l-ispejjeż jew tista' tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap wieħed jew aktar jew għal raġunijiet eċċezzjonali. Peress li f'din il-kawża kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Kunsill tilfu parzjalment, hemm lok li jiġi deċiż li huma għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. Skond l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kunsill 2003/106/KE tad-19 ta' Diċembru 2002 li tikkonċerna l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal ċerti prodotti kimiċi u pestiċidji perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (2003/106/KE) hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

3)      Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq kif ukoll il-Parlament Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.