SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

9 ta' Novembru 2004 (*)

"Direttiva 96/9/KE – Protezzjoni legali tad-databases – Dritt sui generis – Kunċett ta' investiment marbut mal-kisba, mal-verifika jew mal-preżentazzjoni tal-kontenut ta' database – Kalendarji ta' kampjonati tal-futbol – Imħatri"

Fil-kawża C-46/02,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,

imressqa mill-Vantaan käräjäoikeus (Il-Finlandja), permezz ta' deċiżjoni ta' l-1 ta' Frar 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta' Frar 2002, fil-proċedura

Fixtures Marketing Ltd

vs

Oy Veikkaus Ab,

 IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, u K. Lenaerts (Relatur), Presidenti ta' Awli, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistraturi: M. Múgica Arzamendi u M.-F. Contet, Amministraturi prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta' Marzu 2004,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Fixtures Marketing Ltd, minn R. Kurki-Suonio, asianajaja,

–       għal Oy Veikkaus Ab, minn S. Kemppinen u K. Harenko, asianajajat,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn E. Bygglin u T. Pynnä, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Belġjan, minn J. Devadder, bħala aġent, assistit minn P. Vlaemminck, advocaat,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing, bħala aġent,

–       għall-Gvern Franċiż, minn C. Isidoro, bħala aġent,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,

–       għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u A. P. Matos Barros, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Huttunen u N. B. Rasmussen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta' Ġunju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta' databases (ĠU L 77, p. 20, aktar 'il quddiem id-"Direttiva").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Fixtures Marketing Ltd (aktar 'il quddiem "Fixtures") u l-kumpannija Oy Veikkaus Ab (aktar 'il quddiem "Veikkaus"). Il-kawża tikkonċerna l-użu minn Veikkaus, għall-finijiet ta' l-organizzazzjoni ta' imħatri, ta' data dwar il-logħbiet tal-futbol tal-kampjonati Ingliżi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Skond l-Artikolu 1(1) tagħha, l-għan tad-Direttiva huwa l-protezzjoni legali tad-databases ta' kull xorta. Fl-Artikolu 1(2) ta' l-istess direttiva, database hija definita bħala "kollezzjoni ta' xogħlijiet […], data jew materjali [indipendenti] oħra rranġati b'mod sistematiku jew metodiku u aċċessibbli individwalment b'mezzi elettroniċi jew b'mezzi oħra".

4       L-Artikolu 3 tad-Direttiva jistabblixxi protezzjoni taħt id-dritt ta' l-awtur favur "databases li, minħabba l-għażla jew l-arranġament tal-kontenut tagħhom, jikkostitwixxu kreazzjoni intelletwali ta' l-awtur innifsu".

5       L-Artikolu 7 tad-Direttiva jistabbilixxi dritt sui generis bit-termini segwenti:

"Għan tal-protezzjoni

1.      Stati Membri għandhom jipprovdu għal dritt għal min jagħmel database li juri li jkun sar investiment sostanzjali kwalitattiv u/jew kwantitattiv fil-kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut biex ma titħalliex li ssir estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tiegħu kollu jew parti sostanzjali minn, valutat b’mod kwalitattiv u/jew kwantitattiv, tal-kontenut ta’ dik id- database.

2.       Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu:

a)      ‘estrazzjoni’ tfisser it-trasferiment permanenti jew temporanju tal-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database lil apparat ieħor b’kull mezz jew f’kull forma;

b)      ‘użu mill-ġdid’ tfisser kull mod li jagħmel disponibbli lill-pubbliku l-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database permezz tad-distribuzzjoni ta’ kopji, kiri, trasmissjoni on-line jew modi oħra ta’ trasmissjoni. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ kopja tad-database mit-titulari tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jkun hemm kontroll tal-bejgħ mill-ġdid ta’ dik il-kopja fil-Komunità;

Self pubbliku mhux att ta’ estrazzjoni jew użu mill-ġdid.

3.      Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jkun trasferit, assenjat jew mogħti permezz ta’ liċenza kuntrattwali.

4.      Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu japplika wkoll jekk dik id-database ma tkunx eliġibbli għal protezzjoni bid-dritt ta’ l-awtur jew bi drittijiet oħra. Barra dan, dan għandu japplika wkoll jekk il-kontenut ta’ dik id-database ma jkunx eliġibbli għall-protezzjoni bid-dritt ta’ l-awtur jew bi drittijiet oħra. Il-protezzjoni ta’ databases skond id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun bla ħsara għal drittijiet li jkun hemm fir-rigward tal-kontenut tagħhom.

5.      L-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid ta’ sikwit u sistematika ta’ partijiet żgħar tal-kontenut tad-database li jġibu magħhom atti kuntrarji għall-użu normali ta’ dik id-database jew li jagħmlu ħsara rraġonevoli lill-interessi leġittimi ta’ min ikun għamel id-database m’għandhomx jitħallew isiru."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6       Fil-verżjoni tiegħu ta' qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva, l-Artikolu 49(1) tat-tekijänoikeuslaki (404/1961) (liġi dwar id-dritt ta' l-awtur), kif emendat mil-Liġi Nru 34/1991, kien jipprovdi li l-listi, it-tabelli, il-programmi u dokumenti oħra simili li jiġbru kwantità kbira ta' data ma jistgħux jiġu riprodotti mingħajr il-kunsens ta' l-awtur tagħhom matul perijodu ta' għaxar snin li jiddekorri mis-sena tal-pubblikazzjoni tagħhom.

7       Id-Direttiva ġiet trasposta fid-dritt Finlandiż permezz tal-Liġi Nru 250/1998, tat-3 ta' April 1998, li emendat il-Liġi Nru 404/1961.

8       L-Artikolu 49(1) tal-Liġi Nru 404/1961, kif emendat mil-Liġi Nru 250/1998, jipprovdi kif ġej:

"L-awtur

1) ta' listi, tabelli, programmi u ta' xogħlijiet oħra simili li jiġbru kwantità kbira ta' data, jew

2) ta' database li l-kisba, l-verifika jew il-preżentazzjoni tal-kontenut tagħha kienu jeħtieġu investiment sostanzjali,

għandu d-dritt esklużiv li jiddisponi mill-kontenut kollu jew minn parti sostanzjali minnu, evalwata b'mod kwalitattiv jew kwantitattiv, tax-xogħol tiegħu billi jipproduċih u billi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku".

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9       Fl-Ingilterra, l-organizzazzjoni tal-kampjonati tal-futbol professjonali hija r-responsabbiltà tal-Football Association Premier League Ltd u tal-Football League Ltd. Din l-organizzazzjoni tinvolvi l-preparazzjoni ta' kalendarji tal-logħob li jkunu ser jintlagħbu matul l-istaġun ikkonċernat, jiġifieri madwar 2000 logħba kull staġun mqassma fuq 41 ġimgħa.

10     Il-preparazzjoni ta' dawn il-kalendarji teħtieġ li jittieħdu in kunsiderazzjoni numru ta' fatturi, bħalma huma r-rispett ta' l-alternazzjoni bejn il-logħbiet li tim jilgħab f'daru u barra minn daru, il-bżonn li jkun evitat li diversi timijiet mill-istess belt jilagħbu ġewwa darhom fl-istess jum, l-eżiġenzi marbuta mal-kalendarji internazzjonali, iż-żamma ta' manifestazzjonijiet pubbliċi oħra u d-disponibbiltà tas-servizzi taż-żamma ta' l-ordni.

11     Ix-xogħol dwar il-preparazzjoni tal-kalendarji tal-logħob jibda sena qabel il-bidu ta' l-istaġun ikkonċernat. Dan ix-xogħol huwa fdat f'idejn grupp ta' ħidma li jinkludi, b'mod partikolari, rappreżentanti tal-kampjonati professjonali u tal-klabbs tal-futbol u jeżiġi li jinżammu numru ta' laqgħat li jinvolvu, minbarra dawn ir-rappreżentanti, rappreżentanti ta' l-għaqdiet tal-partitarji u tal-forzi taż-żamma ta' l-ordni. Dan ix-xogħol huwa bbażat fuq l-użu ta' programm tal-kompjuter mixtri mingħand il-kumpannija Sema.

12     Matul l-istaġun il-kalendarji jkunu adattati skond bidliet eventwali li jkunu meħtieġa minħabba, per eżempju, l-bżonnijiet ta' l-istazzjonijiet tat-televiżjoni jew il-posponiment tal-logħbiet ta' ġurnata tal-kampjonat minħabba raġunijiet klimatiċi.

13     Il-kampjonati professjonali huma responsabbli wkoll għall-verifika taż-żamma tal-logħbiet, għall-eżami tal-liċenzji tal-plejers kif ukoll għall-kontroll u għad-dikjarazzjoni tar-riżultati tal-logħbiet.

14     L-attivitajiet kollha tal-Football League Ltd jinvolvu spiża ta' madwar GBP 2.3 miljuni fis-sena.

15     Fil-Finlandja, Veikkaus tgawdi minn dritt esklużiv fuq l-organizzazzjoni ta' logħob bil-flus. Dan il-logħob jikkonċerna, b'mod partikolari, il-logħbiet tal-futbol. F'dan il-kuntest, Veikkaus tuża, għal diversi imħatri, data dwar il-logħbiet tal-kampjonati Ingliżi tal-futbol, prinċipalment dawk li jikkonċernaw il-kampjonat premier u ta' l-ewwel diviżjoni. L-imħatri jkopru madwar 200 logħba tal-futbol fil-ġimgħa. Għall-finijiet ta' l-organizzazzjoni ta' dawn l-imħatri, kull ġimgħa, Veikkaus tiġbor minn fuq l-Internet, mill-gazzetti jew mingħand il-klabbs informazzjoni dwar madwar 400 logħba tal-futbol, informazzjoni li hija mbagħad tivverifika l-eżattezza tagħha permezz ta' diversi sorsi. Kull sena, mill-imħatri fuq il-logħbiet tal-kampjonati tal-futbol Ingliż Veikkaus tiġġenera fatturat ta' diversi għexieren ta' miljuni ta' Euro.

16     Permezz ta' deċiżjoni tas-17 ta' Ġunju 1996 (S 94/8994 Nru 5507), il-Vantaan käräjäoikeus ikkwalifikat il-programm tal-logħbiet tal-futbol bħala lista li tiġbor kwantità kbira ta' data fis-sens ta' l-Artikolu 49 tal-liġi dwar id-dritt ta' l-awtur u ddeċidiet li l-azzjonijiet ta' Veikkaus huma kuntrarji għall-protezzjoni li tgawdi minnha lista bħal din. Din id-deċiżjoni ġiet mibdula permezz ta' sentenza tad-9 ta' April 1998 tal-Helsingin hovioikeus (Qorti ta' l-Appell ta' Helsinki) (Il-Finlandja) (S 96/1304 Nru 1145), li eskludiet l-eżistenza ta' ksur ta' din il-protezzjoni. Il-Korkein oikeus (Qorti Suprema) ma awtorizzatx appell kontra s-sentenza tal-Helsingin hovioikeus.

17     Wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, Fixtures ressqet azzjoni quddiem il-Vantaan käräjäoikeus kontra Veikkaus għall-użu illeċitu li din ta' l-aħħar kienet ilha tagħmel mill-1 ta' Jannar 1998 tad-database komposta mill-programm tal-logħbiet tal-kampjonati tal-futbol ippreparat mill-kampjonati Ingliżi.

18     It-tekijänoikeusneuvosto (kunsill dwar id-drittijiet ta' l-awtur), li kien mitlub mill-qorti tar-rinviju sabiex jagħti l-opinjoni tiegħu dwar din il-kawża, enfasizza li għall-protezzjoni stabbilita mil-leġiżlazzjoni Finlandiża mhuwiex meħtieġ li d-database tissodisfa d-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva. Filwaqt li bbaża ruħu fuq is-sentenza tal-Helsingin hovioikeus, iċċitata aktar 'il fuq, huwa kkunsidra li l-programm tal-logħbiet tal-kampjonati tal-futbol jammonta għal database fis-sens ta' l-Artikolu 49 tal-Liġi Nru 404/1961, kif emendata mil-Liġi Nru 250/1998, u li l-kisba, il-verifika jew il-preżentazzjoni tal-kontenut ta' l-imsemmija database involvew investiment sostanzjali. Madankollu, huwa qies li l-prattiċi ta' Veikkaus mhumiex kuntrarji għall-protezzjoni li tgawdi din id-database.

19     Minħabba li ma kinitx ċerta dwar il-kwistjoni ta' jekk il-programm tal-logħbiet in kwistjoni huwiex database protetta u, jekk dan ikun il-każ, liema tip ta' prattiċi jammontaw għal ksur tal-protezzjoni stabbilita mid-Direttiva, il-Vantaan käräjäoikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Il-kundizzjoni ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar ir-rekwiżit ta' relazzjoni bejn l-investimenti u l-ħolqien tad-database tista' tiġi interpretata fis-sens li, f'din il-kawża, fil-kuntest tal-'kisba' u tal-'kisba li turi investiment', l-investiment għandu jkun relatat mad-determinazzjoni stess tad-dati tal-logħbiet u tat-timijiet li ser jilagħbu kontra xulxin u li uħud mill- investimenti, ikkunsidrati bħala rrelevanti għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni ta' jekk il-kriterji meħtieġa għall-protezzjoni humiex sodisfatti, jagħmlu parti mill-preparazzjoni tal-programmi tal-logħbiet?

2)      L-għan tad-Direttiva huwa li twaqqaf persuni oħra li ma jkunux l-awturi tal-programm tal-logħbiet milli jużaw, mingħajr awtorizzazzjoni, id-data li tinsab f'dan il-programm bil-għan li jorganizzaw imħatri jew għal finijiet kummerċjali oħra?

3)      Fis-sens tad-Direttiva, l-użu tad-database minn Veikkaus jikkonċerna parti sostanzjali tagħha, evalwata b'mod kwalitattiv u/jew kwantitattiv, fid-dawl tal-fatt li, fost id-data relatata mal-logħbiet ippjanati, hija użata biss dik li tikkonċerna l-logħbiet li jkunu s-suġġett ta' imħatri għal ġimgħa u li jkunu mniżżla fl-iskeda ta' l-imħatri għal dik il-ġimgħa, u li d-data relatata mal-logħbiet tinkiseb u tkun ivverifikata permezz ta' sorsi oħra għajr il-persuna li tkun bniet id-database, u dan b'mod kontinwu matul l-istaġun sportiv kollu?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

20     Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tqajjem xi dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Hija ssostni, minn naħa, li d-digriet tar-rinviju la jispjega r-relazzjoni li teżisti bejn il-kampjonati Ingliżi tal-futbol u Fixtures u lanqas il-motivi u l-kundizzjonijiet ta' l-għoti lil Fixtures ta' dritt ta' aċċess għad-database apparentament maħluqa minn dawn il-kampjonati. Hija tenfasizza, min-naħa l-oħra, li l-qorti tar-rinviju ma ppreċiżatx il-pożizzjoni tagħha dwar il-kwistjoni ta' jekk Veikkaus ħarġitx u/jew użatx mill-ġdid il-kontenut ta' din id-database fis-sens ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva.

21     Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-bżonn li tingħata interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun utli għall-qorti nazzjonali jeżiġi li din il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u legali tad-domandi magħmula minnha jew li, minn ta' l-anqas, hija tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi (sentenza tal-21 ta' Settembru 1999, Albany, C-67/96, Ġabra p. I-5751, punt 39).

22     L-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjonijiet ta' rinviju għandha mhux biss tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli iżda wkoll għandha tagħti lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet interessati l-oħra l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skond l-Artikolu 20 ta' l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tassigura li din il-possibbiltà tkun imħarsa, fid-dawl tal-fatt li, bis-saħħa tad-dispożizzjoni msemmija, id-deċiżjonijiet ta' rinviju biss huma nnotifikati lill-partijiet interessati (sentenza Albany, iċċitata aktar 'il fuq, punt 40).

23     F'din il-kawża, mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, skond l-Artikolu 20 ta' l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-indikazzjonijiet fid-digriet tar-rinviju kienu biżżejjed sabiex jifhmu li t-tilwima fil-kawża prinċipali tnisslet mill-użu minn Veikkaus, għall-finijiet ta' l-organizzazzjoni ta' mħatri dwar l-isports, ta' informazzjoni meħuda minn kalendarji ta' kampjonati ppreparati mill-kampjonati Ingliżi tal-futbol u li, f'dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-portata tad-dritt sui generis stabbilit mill-Artikolu 7 tad-Direttiva.

24     Barra minn hekk, l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja għarfien suffiċjenti dwar il-kuntest fattwali u legali tat-tilwima fil-kawża prinċipali sabiex tkun tista' tinterpreta d-dispożizzjonijiet Komunitarji li huma kkonċernati fir-rigward tas-sitwazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

25     Fir-rigward tan-nuqqas, fid-digriet tar-rinviju, ta' indikazzjoni dwar il-relazzjonijiet li jeżistu bejn il-kampjonati Ingliżi tal-futbol u Fixtures, għandu jiġi osservat li, kif jikkonferma l-kontenut ta' l-osservazzjonijiet ippreżentati f'din il-kawża, dan in-nuqqas ma żammx lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membru u lill-Kummissjoni milli jifhmu b'mod korrett is-suġġett u l-importanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja u milli jieħdu pożizzjoni effettiva f'dan ir-rigward. Dan in-nuqqas lanqas ma affetwa l-kapaċità tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi risposti utli dwar dawn id-domandi lill-qorti nazzjonali.

26     Fir-rigward tal-fatt li fid-digriet tar-rinviju l-qorti tar-rinviju ma ħaditx pożizzjoni dwar il-kwalifikazzjoni ta' l-azzjonijiet ta' Veikkaus fir-rigward tal-kunċetti ta' estrazzjoni u ta' użu mill-ġdid, it-tieni domanda tagħha għandha tinftiehem, fid-dawl tal-kuntest li fih tqajmet, bħala intiża sabiex tinkiseb kjarifika dwar il-portata ta' dawn iż-żewġ kunċetti li hija meħtieġa sabiex tkun definita l-portata tal-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) u (5) tad-Direttiva.

27     Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

28     Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, skond id-digriet tar-rinviju, id-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali huma bbażati fuq il-premessa li kalendarju ta' logħbiet ta' kampjonati tal-futbol jammonta għal database fis-sens tal-punt 2 ta' l-Artikolu 49(1) tal-Liġi Nru 404/1961, kif emendata mil-Liġi Nru 250/1998.

29     Peress li din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-benefiċċju tal-protezzjoni li hija tistabbilixxi għall-kundizzjoni li l-kisba, il-verifika jew il-preżentazzjoni tal-kontenut tad-database kienu jeħtieġu investiment sostanzjali, il-qorti tar-rinviju, permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, qiegħda sostanzjalment tistaqsi x'inhu kopert mill-kunċett ta' kisba tal-kontenut ta' database fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva minħabba li dan il-kunċett jagħmel parti mid-dispożizzjoni Finlandiża ċċitata aktar 'il fuq. B'mod aktar preċiż, l-ewwel domanda hija intiża sabiex tingħata risposta dwar jekk l-investimenti ddedikati mill-persuna li tibni database għall-ħolqien stess tad-data għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-karattru sostanzjali ta' l-investiment marbut mal-ħolqien ta' din id-database.

30     Minkejja li din id-domanda tikkonċerna biss il-kunċett ta' investiment marbut mal-kisba tal-kontenut ta' database, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-Vantaan käräjäoikeus qiegħda b'mod ġenerali tistaqsi dwar il-kunċett ta' database protetta fir-rigward ta' kalendarju ta' logħbiet ta' kampjonati tal-futbol, kif jirriżulta mill-punt 19 ta' din is-sentenza.

31     Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandha tingħata deċiżjoni aktar wiesgħa dwar il-portata ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva li jiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni tal-protezzjoni taħt id-dritt sui generis.

32     L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jirriżerva l-benefiċċju tal-protezzjoni taħt id-dritt sui generis għad-databases li jissodisfaw kriterju preċiż, jiġifieri li l-kisba, il-verifika jew il-preżentazzjoni tal-kontenut tagħhom juru li kien sar investiment sostanzjali mill-aspett kwalitattiv jew kwantitattiv.

33     Skond id-disa', l-għaxar u t-tnax-il premessa tad-Direttiva, l-għan tad-Direttiva huwa li tinkoraġġixxi u tipproteġi l-investimenti f'sistemi ta' "ħażna" jew ta' "proċessar" ta' data li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq ta' l-informazzjoni f'kuntest ikkaratterizzat minn tkabbir esponenzjali fil-volum ta' data maħluqa u pproċessata kull sena fl-oqsma kollha ta' attività. Minn dan isegwi li l-kunċett ta' investiment marbut mal-kisba, mal-verifika jew mal-preżentazzjoni tal-kontenut ta' database għandu jinftiehem, b'mod ġenerali, bħala li jkopri l-investiment magħmul fir-rigward tal-ħolqien tad-database bħala tali.

34     F'dan il-kuntest, il-kunċett ta' investiment marbut mal-kisba tal-kontenut ta' database għandu, kif jenfasizzaw Veikkaus, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Olandiż, jinftiehem fis-sens li jirreferi għall-mezzi użati fir-riċerka ta' materjal eżistenti u għall-ġabra tiegħu fl-imsemmija database, bl-esklużjoni tar-riżorsi użati fil-ħolqien stess ta' materjal. Kif josserva l-Gvern Ġermaniż, l-għan tal-protezzjoni mid-dritt sui generis prevista mid-Direttiva huwa, fil-fatt, li jistimula l-istabbiliment ta' sistemi ta' ħażna u ta' pproċessar ta' informazzjoni eżistenti u mhux il-ħolqien ta' materjal li sussegwentament jista' jinġabar f'database.

35     Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mid-disa' u tletin premessa tad-Direttiva li tipprovdi li l-għan tad-dritt sui generis huwa li jiggarantixxi protezzjoni kontra l-użu tar-riżultati miksuba mill-investiment finanzjarju u professjonali magħmul "għall-kisba u kollezzjoni tal-kontenut" ta' database. Kif tosserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 61 sa 66 tal-konklużjonijiet tagħha, minkejja varjazzjonijiet żgħar fit-terminoloġija użata, il-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta' din id-disa' u tletin premessa jsostnu interpretazzjoni li teskludi l-ħolqien tal-materjal li jinsab f'database mill-kunċett ta' kisba.

36     Id-dsatax-il premessa tad-Direttiva, li tipprovdi li l-kumpilazzjoni ta' diversi reġistrazzjonijiet ta' eżekuzzjonijiet mużikali fuq CD ma tirrappreżentax investiment sostanzjali biżżejjed biex tkun eliġibbli għad-dritt sui generis, tipprovdi argument addizzjonali in sostenn ta' din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, minn dan jirriżulta li l-mezzi użati għall-ħolqien stess tax-xogħlijiet jew tal-materjal li jkun jinsab f'database, f'dan il-każ fuq CD, m'għandhomx jiġu assimilati ma' investiment marbut mal-kisba tal-kontenut ta' l-imsemmija database u għaldaqstant ma jistgħux jitqiesu fl-evalwazzjoni tal-karattru sostanzjali ta' l-investiment marbut mal-ħolqien ta' din id-database.

37     Il-kunċett ta' investiment marbut mal-verifika tal-kontenut tad-database għandu jinftiehem fis-sens li jkopri l-mezzi użati matul il-ħolqien tad-database kif ukoll matul il-perijodu ta' operazzjoni tagħha għall-kontroll ta' l-eżattezza tal-materjal riċerkat sabiex ikun assigurat li l-informazzjoni inkluża fl-imsemmija database tkun informazzjoni li ta' min joqgħod fuqha. Il-kunċett ta' investiment marbut mal-preżentazzjoni tal-kontenut tad-database jikkonċerna, min-naħa tiegħu, il-mezzi intiżi sabiex jikkonferixxu lil din id-database l-funzjoni tagħha ta' pproċessar ta' l-informazzjoni, jiġifieri dawk użati għall-arranġament sistematiku jew metodiku tal-materjal li jinsab f'din id-database kif ukoll għall-organizzazzjoni ta' l-aċċessibbiltà individwali tiegħu.

38     L-investiment marbut mal-ħolqien tad-database jista' jikkonsisti fl-użu ta' riżorsi jew mezzi umani, finanzjarji jew tekniċi, iżda għandu jkun sostanzjali mill-aspett kwantitattiv jew kwalitattiv. L-evalwazzjoni kwantitattiva tirreferi għal mezzi li jistgħu jkunu kkwantifikati u l-evalwazzjoni kwalitattiva tirreferi għal sforzi li ma jistgħux ikunu kkwantifikati, bħalma huwa sforz intelletwali jew użu ta' enerġija, kif jirriżulta mis-seba', mid-disa' u tletin u mill-erbgħin premessi tad-Direttiva.

39     F'dan il-kuntest, il-fatt li l-ħolqien ta' database jkun marbut ma' l-eżerċizzju ta' attività prinċipali li, fil-kuntest tagħha, il-persuna li tibni d-database tkun ukoll il-persuna li ħolqot il-materjal li jkun jinsab f'din id-database, ma jeskludix, fih innifsu, li din il-persuna tkun tista' titlob il-benefiċċju tal-protezzjoni mid-dritt sui generis, sakemm hija tistabbilixxi li l-kisba, il-verifika jew il-preżentazzjoni ta' l-imsemmi materjal, fis-sens ippreċiżat fil-punti 34 sa 37 ta' din is-sentenza, kienu jinvolvu investiment sostanzjali fuq livell kwantitattiv jew kwalitattiv, li kien indipendenti mill-mezzi użati għall-ħolqien ta' dan il-materjal.

40     F'dan ir-rigward, minkejja li r-riċerka tad-data u l-verifika ta' l-eżattezza tagħha fil-mument tal-ħolqien tad-database ma tirrikjedix, fil-prinċipju, l-użu ta' mezzi partikolari mill-persuna li tibni din id-database minħabba li hija involuta data li tkun ħolqot hija stess u li hija għad-dispożizzjoni tagħha, jibqa' l-fatt li l-kollezzjoni ta' din id-data, l-arranġament sistematiku jew metodiku tagħha fid-database, l-organizzazzjoni ta' l-aċċessibbiltà individwali tagħha u l-verifika ta' l-eżattezza tagħha matul il-perijodu kollu ta' operazzjoni tad-database jistgħu jeħtieġu investiment sostanzjali, fuq livell kwantitattiv u/jew kwalitattiv, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

41     Fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li l-mezzi umani u tekniċi deskritti mill-qorti tar-rinviju, u riprodotti fil-punt 11 ta' din is-sentenza, huma intiżi għad-determinazzjoni, fil-kuntest ta' l-organizzazzjoni ta' kampjonati tal-futbol, tad-dati, tal-ħinijiet u tat-timijiet, kemm dawk li jkunu ser jilagħbu f'darhom u dawk li jkunu ser jilagħbu barra minn darhom, fir-rigward tal-logħbiet tal-ġranet differenti ta' dawn il-kampjonati skond numru ta' kriterji bħal dawk imsemmija fil-punt 10 ta' din is-sentenza.

42     Kif isostnu Veikkaus, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Portugiż, dawn il-mezzi jikkorrispondu għal investiment marbut mal-ħolqien tal-kalendarju tal-logħbiet tal-futbol. Investiment bħal dan, li huwa relatat ma' l-organizzazzjoni stess tal-kampjonati, huwa marbut mal-ħolqien tad-data li tkun tinsab fid-database in kwistjoni, jiġifieri dik relatata ma' kull logħba tal-kampjonati differenti. Għaldaqstant, dan l-investiment ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

43     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat, filwaqt li jkun injorat l-investiment imsemmi fil-punt preċedenti, jekk il-kisba, il-verifika jew il-preżentazzjoni tal-kontenut ta' kalendarju ta' logħbiet tal-futbol jinvolvux investiment sostanzjali mill-aspett kwalitattiv jew kwantitattiv.

44     Ir-riċerka u l-kollezzjoni tad-data li tikkostitwixxi l-kalendarju tal-logħbiet tal-futbol ma jeħtieġux sforz partikolari min-naħa tal-kampjonati professjonali. Fil-fatt, dawn l-operazzjonijiet ma jistgħux jiġu sseparati mill-ħolqien ta' din id-data, li fih għandhom sehem dirett l-imsemmmija kampjonati bħala l-entitajiet responsabbli mill-organizzazzjoni tal-kampjonati tal-futbol. Għaldaqstant, il-kisba tal-kontenut ta' kalendarju ta' logħbiet tal-futbol ma teħtieġ l-ebda investiment indipendenti minn dak meħtieġ għall-ħolqien tad-data li tinsab f'dan il-kalendarju.

45     Il-kampjonati professjonali tal-futbol m'għandhom bżonn jagħmlu l-ebda sforz partikolari sabiex jivverifikaw l-eżattezza tad-data dwar il-logħbiet tal-kampjonati meta jkun qiegħed jitħejja l-kalendarju peress li l-imsemmija kampjonati huma direttament involuti fil-ħolqien ta' din id-data. Fir-rigward tal-verifika ta' l-eżattezza tal-kontenut tal-kalendarji tal-logħbiet matul l-istaġun, din tinvolvi, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ta' Fixtures, l-aġġustament ta' ċerta data f'dawn il-kalendarji fid-dawl tal-possibbiltà ta' posponiment ta' logħba jew ta' ġurnata tal-kampjonat deċiżi minn jew b'kollaborazzjoni mal-kampjonati professjonali. Kif tenfasizza Veikkaus, verifika bħal din ma tistax titqies li tammonta għal investiment sostanzjali.

46     Il-preżentazzjoni ta' kalendarju ta' logħbiet tal-futbol hija wkoll marbuta mill-qrib mal-ħolqien stess tad-data li tikkostitwixxi dan il-kalendarju, kif jikkonferma n-nuqqas ta' referenza, fid-digriet tar-rinviju, għal xogħlijiet jew mezzi ddedikati speċjalment għal preżentazzjoni bħal din. Għaldaqstant, din il-preżentazzjoni ma tistax titqies li teżiġi investiment indipendenti mill-investiment marbut mal-ħolqien tad-data li tikkostitwixxi l-kalendarju.

47     Minn dan isegwi li la l-kisba, la l-verifika u lanqas il-preżentazzjoni tal-kontenut ta' kalendarju ta' logħbiet tal-futbol ma jinvolvu investiment sostanzjali ta' natura li jiġġustifika l-benefiċċju tal-protezzjoni mid-dritt sui generis stabbilt mill-Artikolu 7 tad-Direttiva.

48     Fir-rigward ta' l-attivitajiet deskritti fil-punt 13 ta' din is-sentenza, dawn mhumiex relatati mal-preparazzjoni tal-kalendarji ta' kampjonati. Għaldaqstant, kif tindika Veikkaus, il-mezzi użati għal dawn l-attivitajiet m'għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta' l-eżistenza ta' investiment sostanzjali marbut mal-kisba, mal-verifika jew mal-preżentazzjoni tal-kontenut ta' dawn il-kalendarji.

49     Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta' investiment marbut mal-kisba tal-kontenut ta' database fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għall-mezzi użati fir-riċerka ta' materjal eżistenti u għall-ġabra tiegħu fl-imsemmija database. Dan il-kunċett ma jinkludix il-mezzi użati fil-ħolqien tal-materjal li jikkostitwixxi l-kontenut ta' database. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-ħolqien ta' kalendarju ta' logħbiet għall-finijiet ta' l-organizzazzjoni ta' kampjonati tal-futbol, dan il-kunċett ma jkoprix il-mezzi użati sabiex jiġu ddeterminati d-dati, il-ħinijiet u ż-żewġ timijiet fir-rigward tad-diversi logħbiet ta' dawn il-kampjonati.

50     Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, m'hemmx bżonn li jingħataw risposta għad-domandi l-oħra.

 Fuq l-ispejjeż

51     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta' u tiddeċiedi li:

Il-kunċett ta' investiment marbut mal-kisba tal-kontenut ta' database fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta' databases, għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għall-mezzi użati fir-riċerka ta' materjal eżistenti u għall-ġabra tiegħu fl-imsemmija database. Dan il-kunċett ma jinkludix il-mezzi użati fil-ħolqien tal-materjal li jikkostitwixxi l-kontenut ta' database. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-ħolqien ta' kalendarju ta' logħbiet għall-finijiet ta' l-organizzazzjoni ta' kampjonati tal-futbol, dan il-kunċett ma jkoprix il-mezzi użati sabiex jiġu ddeterminati d-dati, il-ħinijiet u ż-żewġ timijiet fir-rigward tad-diversi logħbiet ta' dawn il-kampjonati.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż