SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

13 ta’ Jannar 2004 (*)

“Laħam tat-tjur – Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni – Nuqqas ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari – Deċiżjoni amministrattiva definittiva – Effett ta’ sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja wara din id-deċiżjoni – Ċertezza legali – Supremazija tad-dritt Komunitarju – Prinċipju ta’ kooperazzjoni – Artikolu 10 KE”

Fil-Kawża C-453/00,

li għandha bħala suġġett talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (l-Pajjiżi l-Baxxi) u li hija intiża sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn

Kühne & Heitz NV

u

Productschap voor Pluimvee en Eieren,

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, C. Gulmann u J. N. Cunha Rodrigues, Presidenti ta’ Awla, A. La Pergola, J.-P. Puissochet u R. Schintgen, F. Macken u N. Colneric (Relatur), u S. von Bahr, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–        għal Kühne & Heitz NV, minn A. J. Braakman, advocaat,

–        għall-Productschap voor Pluimvee en Eieren, minn C. M. den Hoed, segretarju ġenerali konġunt,

–        għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u C. Vasak, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn T. van Rijn, bħala aġent,

–        għall-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA, minn B. Eiríksdóttir, bħala aġent,

wara li rat ir-rapport tas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ Kühne & Heitz NV, irrappreżentata minn A. J. Braakman, tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn H. G. Sevenster u J. G. M. van Bakel, bħala aġent, tal-Gvern Franċiż, irrappreżentat minn R. Abraham u C. Isidoro, bħala aġenti, tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn T. van Rijn, u ta’ l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA, irrappreżentata minn B. Eiríksdóttir, fis-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2002,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’digriet ta’ l-1 ta’ Novembru 2000, li wasal għand il-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Diċembru segwenti, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven għamlet, skond l-Artikolu 234 KE, domanda preliminari rigward l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE.

2        Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta’ kawża bejn Kühne & Heitz NV (iktar ’il quddiem “Kühne & Heitz”) u l-Productschap voor Pluimvee en Eieren (iktar ’il quddiem il-“Productschap”) dwar il-ħlas ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 10 KE jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa ġenerali jew speċjali biex jassiguraw it-twettiq ta’ l-obbligi li jirrizultaw minn dan it-Trattat jew mid-deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità, u għandhom jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità.

Huma m’għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista’ tipperikola r-realizzazzjoni ta’ l-għanjiet ta’ dan it-Trattat.”

4        Fir-rigward tad-dritt Olandiż, l-Artikoli 4:6 u 8:88 ta’ l-Algemene wet bestuursrecht (Liġi ġenerali fil-qasam amministrattiv) ta’ l-4 ta’ Ġunju 1992 (Stbl. 1992, p. 315), emendata l-aħħar fit-12 ta’ Diċembru 2001 (Stbl. 2001, p. 664), jipprovdu:

“Artikolu 4:6

1.      Meta talba, fl-intier tagħha jew parzjalment, tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda, ma tistax issir talba ġdida sakemm ir-rikorrent ma jistabbilixix fatti ġodda jew bidla fiċ-ċirkustanzi.

2.      Jekk ma jiġi invokat l-ebda fatt ġdid jew bidla fiċ-ċirkustanzi, il-korp amministrattiv jista’, mingħajr ma japplika l-Artikolu 4:5, jiċħad it-talba b’referenza għad-deċiżjoni ta’ ċaħda preċedenti tiegħu.

[…]

Artikolu 8:88

1.      Il-qorti tista’, fuq it-talba ta’ parti, tistħarreġ mill-ġdid sentenza li saret definittiva filwaqt li tikkunsidra l-fatti jew iċ-ċirkustanzi li:

a)      seħħew qabel is-sentenza;

b)      ma kinux magħrufa, u li ma setgħux raġonevolment ikunu magħrufa, mir-rikorrent qabel ma ngħatat is-sentenza u

c)      setgħu jwasslu, li kieku kienet taf bihom il-qorti, biex din tagħti sentenza differenti.

2.      Fejn ikun meħtieġ, il-Kapitolu 6 u l-Artikoli 8.2 u 8.3 huma applikabbli mutatis mutandis.”

 Il-kawża prinċipali

5        Matul il-perijodu ta’ bejn Diċembru 1986 u Diċembru 1987, Kühne & Heitz esportat ċerti kwantitajiet ta’ partijiet ta’ laħam tat-tjur lejn pajjiżi terzi. Fid-dikjarazzjonijiet tagħha lill-awtoritajiet doganali Olandiżi, hija ddeskriviet din il-merkanzija bħala li taqa’ taħt is-subintestatura 02.02 B II e) 3 (“saqajn u partijiet mis-saqajn ta’ tjur oħrajn”) tat-Tariffa Doganali Komuni. Fuq il-bażi ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Productschap tat ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondu għal din is-subintestatura u ħallset l-ammonti rilevanti.

6        Wara verifika, il-Productschap ikklassifikat mill-ġdid l-imsemmija merkanzija taħt is-subintestatura 02.02 B II ex g (“oħrajn”). Wara din il-klassifikazzjoni mill-ġdid, hija eżiġiet ir-rimbors ta’ NLG 970 950.98.

7        Billi l-ilment tagħha kontra din it-talba għal rimbors ġie miċħud, Kühne & Heitz appellat minn din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven. Din ta’ l-aħħar, bis-sentenza tat-22 ta’ Novembru 1991 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tat-22 ta’ Novembru 1991”), ċaħdet l-appell minħabba li l-merkanzija in kwistjoni ma kinitx taqa’ taħt il-kunċett ta’ “saqajn” fis-sens tas-subintestatura 02.02 B II e) 3. F’din il-kawża, Kühne & Heitz ma kinitx talbet li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

8        Sussegwentement, fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Ottubru 1994, Voogd Vleesimport en ‑export (C-151/93, Ġabra p. I-4915), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li:

“20      Għaldaqstant, sieq li magħha tibqa’ mqabbda biċċa mid-dahar għandha tiġi kklassifikata bħala sieq fis-sens tas-subintestatura 02.02 B II e) 3 tan-Nomenklatura l-qadima u 0207 41 51 000 ta’ dik ġdida, jekk l-imsemmija parti mid-dahar ma tkunx kbira biżżejjed biex tagħti lill-prodott in-natura essenzjali tiegħu.

21      Biex ikun evalwat jekk dan ikunx il-każ, fin-nuqqas, f’dak iż-żmien, ta’ regoli Komunitarji, għandha tkun il-qorti nazzjonali li tikkunsidra l-użanzi tal-kummerċ nazzjonali u l-metodi tradizzjonali ta’ qtugħ.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Wara s-sentenza Voogd Vleesimport en -export, iċċitata iktar ’il fuq, Kühne & Heitz ressqet quddiem Productschap talba għall-ħlas tar-rifużjonijiet li, skondha, ir-rimbors tagħhom kien intalab b’mod żbaljat minn din ta’ l-aħħar kif ukoll għall-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għall-ikbar ammont li setgħet tikseb, bħala rifużjoni, li kieku s-saqajn tat-tiġieġ, esportati wara x-xahar ta’ Diċembru 1987, kienu ġew ikklassifikati skond l-imsemmija sentenza.

10      Productschap ma laqgħetx dawn it-talbiet u, rigward l-ilment li tressaq quddiemha, hija sostniet id-deċiżjoni ta’ ċaħda preċedenti tagħha permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Lulju 1997. Għaldaqstant, Kühne & Heitz ressqet appell minn din l-aħħar deċiżjoni aħħarija li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali.

 Id-digriet tar-rinviju u d-domanda preliminari

11      Fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven ċaħdet it-tieni talba li saritilha minn Kühne & Heitz, rigward il-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għall-ikbar ammont li din il-kumpannija tikkunsidra li għandha dritt għalih fejn għandhom x’jaqsmu l-esportazzjonijiet tagħha li saru wara x-xahar ta’ Diċembru 1987.

12      Rigward l-ewwel talba mressqa minn Kühne & Heitz dwar il-ħlas tar-rifużjonijiet fejn ir-rimbors tagħhom minn din ta’ l-aħħar intalab b’mod żbaljat, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven tippreċiża li, fil-prinċipju, fid-dritt Olandiż, korp amministrattiv dejjem għandu s-setgħa li jirrivedi deċiżjoni definittiva. L-eżistenza ta’ tali setgħa tista’, skond iċ-ċirkustanzi, timplika l-obbligu li tali deċiżjoni tiġi rtirata.

13      Skond il-College van Beroep voor het bedrijfsleven, il-Productschap ma kkunsidratx dawn il-fatturi meta sostniet li Kühne & Heitz kellha biss rikors wieħed għal reviżjoni tas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 1991 quddiem din l-istess qorti. Konsegwentement, il-Productschap ibbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt.

14      Madankollu, l-imsemmija qorti tikkunsidra li, minkejja li fil-prinċipju huwa possibbli li għal din ir-raġuni tiġi annullata d-deċiżjoni tal-21 ta’ Lulju 1997, tali annullament ma jkunx ta’ utilità u ma jagħmilx sens ħlief jekk ma jkunx hemm iċ-ċertezza li l-Productschap mhux biss għandha s-setgħa li tirrivedi d-deċiżjoni preċedenti tagħha, imma anki l-obbligu li teżamina mill-ġdid jekk għal kull merkanzija esportata hemmx dritt għal rifużjoni u, jekk dan huwa minnu, li tiddetermina l-ammont ta’ din ir-rifużjoni.

15      Rigward tali obbligu ta’ eżami mill-ġdid, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven tosserva li wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li jgħid li ġurisprudenza sussegwenti għal deċiżjoni amministrattiva definittiva ma tistax per se taffettwa n-natura definittiva ta’ din id-deċiżjoni. Dan huwa wkoll il-każ fir-rigward tad-deċiżjonijiet preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’tali mod li d-dritt missu ġie applikat b’mod konformi għall-interpretazzjoni mogħtija minn din ta’ l-aħħar mid-dħul fis-seħħ tar-regola interpretata, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx iddeċidiet espressament mod ieħor. Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-kunċett li jistabbilixxi r-regola li deċiżjonijiet li saru definittivi għandhom jiġu mmodifikati sabiex isiru konformi ma’ ġurisprudenza sussegwenti – f’dan il-każ, Komunitarja – joħloq sitwazzjoni ta’ kaos amministrattiv, jagħmel ħsara kbira liċ-ċertezza legali u għalhekk mhux aċċettabbli.

16      Madankollu, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven tosserva li d-dritt Olandiż jammetti, f’ċerti każijiet, li ġurisprudenza sussegwenti jista’ jkollha konsegwenzi f’kawżi fejn ir-rimedji ġuridiċi jkunu ġew eżawriti. Hija tfakkar, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Hoge Raad der Nederlanden (l-Pajjiżi l-Baxxi) dwar l-effetti fil-kawżi kriminali tas-sentenzi mogħtija mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. B’hekk, il-Hoge Raad der Nederlanden ikkunsidrat, f’sentenza ta’ l-1 ta’ Frar 1991 (Nederlandse Jurisprudentie ─ NJ ─ 1991, p. 413), li l-iskoperta sussegwenti ta’ ksur ta’ dritt fundamentali, stabbilit mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, hija raġuni determinanti li tista’ tipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija f’materja kriminali li ma tistax tkun appellata.

17       Il-College van Beroep voor het bedrijfsleven tistaqsi jekk, f’każ bħal dan li għandha quddiemha, in-natura definittiva tad-deċiżjoni amministrattiva għandhiex tiġi injorata, fejn, l-ewwel nett, Kühne & Heitz eżawriet ir-rimedji ġuridiċi li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, it-tieni nett, l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tat irriżulta li kienet tmur kontra sentenza li ngħatat sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja u, it-tielet nett, il-parti kkonċernata kkuntattjat lill-korp amministrattiv immedjatament wara li saret taf b’din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

18      Din id-domanda hija ġġustifikata fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ l-Artikolu 234 KE, li jipprovdi li qorti li ma jkun hemm l-ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali kontra d-deċiżjonijiet tagħha, għandha tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-1991, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven ħasbet, b’mod żbaljat, li ma kinitx suġġetta għal dak l-obbligu billi, skond is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, Ġabra p. 3415), hija kienet ikkunsidrat li l-interpretazzjoni tas-subintestaturi tariffarji kkonċernati ma tagħti lok għall-ebda dubju. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-implementazzjoni effettiva u sħiħa tad-dritt Komunitarju tfissirx li, f’kawża bħal din li qed tidher quddiemha, għandha tittaffa r-regola tan-natura definittiva ta’ deċiżjoni amministrattiva.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari l-prinċipju tal-lealtà Komunitarja ta’ l-Artikolu 10 KE, jimponi fuq korp amministrattiv, fiċ-ċirkustanzi deskritti f’dan id-digriet, li jirrivedi deċiżjoni li saret definittiva b’tali mod li jkun iggarantit li d-dritt Komunitarju, li għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ deċiżjoni preliminari sussegwenti, ikollu effett sħiħ?”

 Fuq id-domanda preliminari

20      Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa obbligu ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri kollha li jiżguraw ir-rispett tar-regoli tad-dritt Komunitarju fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 1990, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-8/88, Ġabra p. I-2321, punt 13).

21      L-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ta’ regola tad-dritt Komunitarju, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha mogħtija lilha mill-Artikolu 234 KE, tikkjarifika u tispeċifika, meta jkun neċessarju, is-sinjifikat u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew missha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana, 61/79, Ġabra p. 1205, punt 16; u ta’ l-10 ta’ Frar 2000, Deutsche Telekom, C-50/96, Ġabra p. I-743, punt 43).

22      Minn dan jirriżulta li regola tad-dritt Komunitarju hekk interpretata għandha tiġi applikata minn korp amministrattiv fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu anki għal relazzjonijiet ġuridiċi maħluqa u kkostitwiti qabel l-intervent tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni.

23      Il-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni jekk dan l-obbligu għandux jiġi rrispettat minkejja n-natura definittiva li deċiżjoni amministrattiva tkun kisbet qabel ma tintalab ir-reviżjoni tagħha biex tittieħed in kunsiderazzjoni sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari rigward interpretazzjoni.

24      Għandu jitfakkar li ċ-ċertezza legali hija fost in-numru ta’ prinċipji ġenerali rrikonoxxuti fid-dritt Komunitarju. In-natura definittiva ta’ deċiżjoni amministrattiva, miksuba ma’ l-iskadenza ta’ termini raġonevoli li fihom jista’ jitressaq rikors jew billi jiġu eżawriti r-rimedji ġuridiċi, tikkontribwixxi għall-imsemmija ċertezza, u minn dan jirriżulta li d-dritt Komunitarju ma jeħtieġx li korp amministrattiv ikun, bħala prinċipju, obbligat li jmur lura fuq deċiżjoni amministrattiva li tikseb tali natura definittiva.

25      Madankollu, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, fid-dritt Olandiż, sakemm ma jiġux leżi l-interessi ta’ terzi, korp amministrattiv dejjem ikollu s-setgħa li jirrivedi deċiżjoni amministrattiva definittiva u li, skond iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ tali setgħa tista’ timplika l-obbligu li tali deċiżjoni tiġi rtirata, anki jekk dan id-dritt ma jeżiġix li l-korp kompetenti jirrivedi b’mod sistematiku d-deċiżjonijiet amministrattivi definittivi sabiex ikun hemm konformità ma’ ġurisprudenza sussegwenti għalihom. Id-domanda ta’ din il-qorti hija intiża sabiex tkun taf jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, jirriżultax obbligu ta’ reviżjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva definittiva mid-dritt Komunitarju.

26      B’hekk kif jirriżulta mill-proċess, iċ-ċirkustanzi msemmija huma dawn li ġejjin. L-ewwel nett, il-korp amministrattiv għandu jkollu, skond id-dritt nazzjonali, il-poter li jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali li saret definittiva. It-tieni nett, id-deċiżjoni amministrattiva in kwistjoni trid tkun saret definittiva biss permezz ta’ sentenza ta’ qorti nazzjonali li ma tistax tiġi appellata. It-tielet nett, din is-sentenza għandha, fid-dawl ta’ deċiżjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja sussegwenti għaliha, tkun ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju li ġiet adottata mingħajr ma tkun saret talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fiċ-ċirkustanzi stabbiliti fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE. Ir-raba’ nett, il-persuna kkonċernata trid tkun għamlet ilment lill-korp amministrattiv immedjatament wara li tkun saret taf bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-korp amministrattiv ikkonċernat huwa fl-obbligu, skond il-prinċipju ta’ kooperazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE, li jeżamina mill-ġdid l-imsemmija deċiżjoni sabiex tiġi kkunsidrata l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti tad-dritt Komunitarju adottata f’dan iż-żmien mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-imsemmi korp għandu jiddetermina, abbażi tar-riżultati ta’ dan l-eżami mill-ġdid, sa fejn huwa obbligat li jmur lura, mingħajr ma jippreġudika l-interessi ta’ terzi, fuq id-deċiżjoni in kwistjoni.

28      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata r-risposta li ġejja għad-domanda magħmula: il-prinċipju ta’ kooperazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE jimponi fuq korp amministrattiv, li quddiemu tressqet talba f’dan is-sens, l-obbligu li jeżamina mill-ġdid deċiżjoni amministrattiva definittiva sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti adottata sadanittant mill-Qorti tal-Ġustizzja meta:

–        jiddisponi, skond id-dritt nazzjonali, mis-setgħa li jbiddel din id-deċiżjoni;

–        id-deċiżjoni in kwistjoni tkun saret definittiva permezz ta’ sentenza ta’ qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza;

–        l-imsemmija sentenza hija, fid-dawl ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sussegwenti għaliha, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju adottata mingħajr ma jkun sar rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE, u

–        il-persuna kkonċernata tkun ikkuntattjat lill-korp amministrattiv immedjatament wara li tkun saret taf bl-imsemmija ġurisprudenza.

 Fuq l-ispejjeż

29      L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Olandiż u minn dak Franċiż, kif ukoll mill-Kummissjoni u mill-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

b’risposta għad-domanda magħmula lilha mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven, permezz tad-deċiżjoni ta’ l-1 ta’ Novembru 2000, taqta’ u tiddeċiedi:

Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE jimponi fuq korp amministrattiv, li quddiemu tressqet talba f’dan is-sens, l-obbligu li jeżamina mill-ġdid deċiżjoni amministrattiva definittiva sabiex jieħu in kunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti adottata sadanittant mill-Qorti tal-Ġustizzja meta:

–        jiddisponi, skond id-dritt nazzjonali, mis-setgħa li jbiddel din id-deċiżjoni;

–        id-deċiżjoni in kwistjoni tkun saret definittiva permezz ta’ sentenza ta’ qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza;

–        l-imsemmija sentenza hija, fid-dawl ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sussegwenti għaliha, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju adottata mingħajr ma jkun sar rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE, u

–        il-persuna kkonċernata tkun ikkuntattjat lill-korp amministrattiv immedjatament wara li tkun saret taf bl-imsemmija ġurisprudenza.

Skouris

Jann

Timmermans

Gulmann

Cunha Rodrigues

La Pergola

Puissochet

Schintgen

Macken

Colneric

 

      von Bahr

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu 13 ta’ Jannar 2004.

Reġistratur

 

      Il-President

R. Grass

 

      V. Skouris


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.