SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

20 ta’ Settembru 2001 (*)

“Artikoli 6, 8 u 8a tat-Trattat KE (li wara emendi saru l-Artikoli 12 KE, 17 KE u 18 KE) ─ Direttiva tal-Kunsill 93/96/KEE ─ Dritt ta’ residenza għall-istudenti ─ Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiggarantixxi allowance minimu għall-għixien, magħrufa bħala ‘minimex’, għaċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru partikolari, għall-persuni li jibbenefikaw mill-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68, għall-persuni apolidi u għar-refuġjati biss ─ Student barrani li kien jaqla’ l-għixien tiegħu matul l-ewwel snin ta’ l-istudji tiegħu”

Fil-kawża C-184/99,

li għandha bħala suġġett talba magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, mit-Tribunal du travail ta’ Nivelles (Il-Belġju) għal deċiżjoni preliminari fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn

Rudy Grzelczyk

vs

Centre public d’aide sociale d’Ottignies Louvain la Neuve,

dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 6, 8 u 8a tat-Trattat KE (li wara emendi saru l-Artikoli 12 KE, 17 KE u 18 KE), kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 93/96/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1993, dwar id-dritt ta’ residenza għall-istudenti (ĠU L 317, p. 59),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, C. Gulmann, M. Wathelet u V. Skouris, Presidenti ta’ Awla, D. A. O. Edward (Relatur), P. Jann, L. Sevón, R. Schintgen u F. Macken, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: S. Alber,

Reġistratur: D. Louterman-Hubeau, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–       għas-Centre public d’aide sociale d’Ottignies-Louvain-la-Neuve, minn B. Liétar, avocat,

–       għall-Gvern Belġjan, minn A. Snoecx, bħala aġent, assistita minn C. Doutrelepont u M. Uyttendaele, avocats,

–       għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent,

–       għall-Gvern Franċiż, minn K. Rispal Bellanger u C. Bergeot, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u A. C. Pedroso, bħala aġenti,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Magrill, bħala aġent, assistita minn P. Sales u J. Coppel, barristers,

–       għall-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, minn E. Karlsson u F. Anton, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn P. van Nuffel, bħala aġent,

wara li rat ir-rapport tas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali tal-Gvern Belġjan, irrappreżentat minn C. Doutrelepont, tal-Gvern Franċiż, irrappreżentat minn C. Bergeot, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn K. Parker, QC, tal-Kunsill, irrappreżentat minn E. Karlsson, kif ukoll tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn M. Wolfcarius u D. Martin, bħala aġenti, fis-seduta ta’ l-20 ta’ Ġunju 2000,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Settembru 2000,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Mejju 1999, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Mejju ta’ wara, it-Tribunal du travail ta’ Nivelles għamel żewġ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, dwar l-interpretazzjoni ta’ Artikoli 6, 8 u 8a tat-Trattat KE (li wara emendi saru l-Artikoli 12 KE, 17 KE u 18 KE), kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 93/96 KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1993, dwar id-dritt ta’ residenza għall-istudenti (ĠU L 317, p.59).

2       Dawn id-domandi ġew imqajma fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Sur Grzelczyk u s-Centre public d’aide sociale d’Ottignies-Louvain-la-Neuve (iktar ‘il quddiem is-“CPAS”) dwar id-deċiżjoni ta’ dan ta’ l-aħħar li jirrevokalu l-benefiċċju tal-ħlas ta’ allowance minimu għall-għixien (iktar ‘il quddiem il-“minimex”).

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 6 tat-Trattat jipprovdi li:

“Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, u bla ħsara għad-disposizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita”.

4       L-Artikolu 8 tat-Trattat jipprovdi li:

“1.      Iċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni qegħda hawn tiġi stabbilita.

Kull min għandu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru għandu jkun ċittadin ta’ l-Unjoni.

2.      Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet mogħtija minn dan it-Trattat u jkunu marbutin bid-dmirijiet imposti minnu”.

5       L-Artikolu 8a tat-Trattat jistabbilixxi:

“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu jkollu d-dritt tal-moviment u tar-residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri, suġġett għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti fit-Trattat u fil-miżuri adottati biex jagħtuh effett.

2. Il-Kunsill jista’ jadotta dispożizzjonijiet bl-iskop li jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1; ħlief kif xorta oħra provdut f’dan it-Trattat, il-Kunsill għandu jaġixxi unanimament fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jkollu l-kunsens tal-Parlament Ewropew.”

6       Ir-raba’ premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar id-dritt ta’ residenza (ĠU L 180, p. 26), u d-Direttiva tal-Kunsill 90/365/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar id-dritt ta’ residenza għall-impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom li waqqfu mix-xogħol tagħhom (ĠU L 180, p.28), kif ukoll is-sitt premessa tad-Direttiva 93/96 – li ssostitwiet, essenzjalment, id-Direttiva tal-Kunsill 90/366/KEE, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar id-dritt ta’ residenza għall-istudenti (ĠU L 180, p.30), li ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-295/90, Ġabra p. I-4193) – jindikaw li dawk li jibbenefikaw minn dawn id-direttivi m’għandhomx isiru ta’ piż mhux raġonevoli fuq il-finanzi pubbliċi ta’ l-Istat Membru ospitanti.

7       Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/96:

“Sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċitar tad-dritt tar-residenza u bil-ħsieb li jiġi ggarantit l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali b’mod mhux diskriminatorju għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jkun ġie aċċettat sabiex jattendi kors ta’ taħriġ vokazzjonali fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu d-dritt tar-residenza għal kull student li jkun ċittadin ta’ Stat Membru u li ma jgawdix dak id-dritt taħt dispożizzjonijiet l-oħra tal-liġi Komunitarja, u għall-konjugi ta’ l-istudent u t-tfal dipendenti tagħhom, meta l-istudent jassigura lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew bill-mezzi alternattivi li l-istudent jagħżel li jkunu mill-anqas ekwivalenti, li jkollu biżżejjed riżorsi sabiex jevita li jsir piż fuq is-sistema ta’ l-assistenza soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu ta’ residenza tagħhom, dment li l-istudent ikun irreġistrat fi stabbiliment edukattiv rikonoxxut għall-fini prinċipali li jsegwi kors ta’ taħriġ vokazzjonali hemmhekk u li jkun kopert minn assigurazzjoni fuq il-mard fir-rigward tar-riskji kollha fl-Istat Membru ospitanti.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8       L-Artikolu 1 tal-Ligi tas-7 ta’ Awwissu 1974 li tistabbilixxi d-dritt għal allowance minimu għall-għixien (Moniteur belge tat-18 ta’ Settembru 1974, p. 11363) jipprovi li:

“1. Kull Belġjan li jilħaq l-eta’ ta’ maġġorenni, li huwa residenti fil-Belġju u li m’għandux riżorsi adegwati u mhuwiex f’pożizzjoni li jikseb dawn ir-riżorsi b’ħiltu jew minn sorsi oħra, għandu d-dritt għal allowance minimu għall-għixien.

Ir-Re għandu jiddetermina t-tifsira ta’ residenza effettiva.

L-istess dritt huwa rikonoxxut għall-minuri emanċipati permezz taż-żwieġ, kif ukoll għall-persuni mhux miżżewġa, li huma responsabbli għal tifel/tifla jew diversi tfal.

2. Ir-Re jista’, permezz ta’ digriet deliberat mill-Kunsill tal-Ministri, jestendi l-applikazzjoni ta’ din il-liġi, taħt il-kundizzjonijiet imposti mil-ligi, għall-kategoriji oħra ta’ minuri, kif ukoll għal persuni illi m’għandhomx nazzjonalità Belġjana.”

9       Skond l-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali tas-27 ta’ Marzu 1987 (Moniteur belge tas-7 ta’ April 1987, p. 5086), li jestendi l-applikazzjoni tal-Ligi tas-7 ta’ Awwissu 1974, għal persuni illi m’għandhomx nazzjonalità Belġjana:

“Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ligi tas-7 ta’ Awwissu 1974 li tistabbilixxi d-dritt għal allowance minimu għall-għixien huwa estiż għall-persuni li ġejjin:

(i) dawk li jibbenefikaw mill-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Kommunità;

(ii) persuni apolidi li jaqgħu taħt l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta’ Persuni Apolidi, iffirmata f’New York fit-28 ta’ Settembru 1954 u approvata permezz tal-Liġi tat-12 ta’ Mejju 1960;

(iii) ir-refuġjati fis-sens ta’ l-Artikolu 49 tal-Liġi tal-15 ta’ Dicembru 1980 dwar id-dħul fit-territorju Belġjan, ir-residenza, l-istabbiliment u l-espulsjoni tal-barranin”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10     Fl-1995, is-Sur Grzelczyk, ta’ nazzjonalita Franċiża, beda kors universitarju dwar l-edukazzjoni fiżika fl-Università Kattolika ta’ Louvain-le-Neuve u għal dan il-għan huwa beda joqgħod il-Belġju. Matul l-ewwel tliet snin ta’ l-istudji tiegħu, huwa ħa ħsieb iħallas l-ispejjeż għall-manteniment, l-akkomodazzjoni u l-istudji tiegħu billi għamel diversi xogħlijiet żgħar bi ħlas u billi kiseb faċilitajiet ta’ kreditu.

11     Fil-bidu tar-raba’ u l-aħħar sena ta’ l-istudji tiegħu, huwa talab lis-CPAS il-ħlas tal-minimex. Fir-rapport tiegħu, dan ta’ l-aħħar osserva li s-Sur Grzelczyk ħadem ħafna sabiex iħallas l-istudji tiegħu, iżda l-aħħar sena, li kienet tinvolvi l-kitba ta’ teżi u perijodu ta’ taħriġ prattiku, kienet iktar diffiċli mis-snin ta’ qabel. Din kienet ir-raġuni li għaliha, permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 1998, is-CPAS ta lis-Sur Grzelczyk il-benefiċċju tal-minimex, ikkalkulat abbażi tar-rata ta’ “persuna waħedha”, għall-perijodu ta’ bejn il-5 ta’ Ottubru 1998 u t-30 ta’ Ġunju 1999.

12     Is-CPAS talab ir-rimbors mingħand l-Istat Belġjan għas-somma ta’ minimex mħallsa lis-Sur Grzelczyk. Peress li l-Ministru Federali kompetenti rrifjuta li jipprovdi dan ir-rimbors għar-raġuni li l-kundizzjonijiet legali rikjesti għall-għoti tal-minimex, partikolarment il-kundizzjoni tan-nazzjonalità, ma kinux issodisfati, is-CPAS, permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 1999, irtira l-benefiċċju tal-minimex ipprovdut lis-Sur Grzelczyk mill-1 ta’ Jannar 1999, abbażi ta’ din ir-raguni: “Il-persuna kkonċernata hija ċittadina tal-KEE rreġistrata bħala student”.

13     Is-Sur Grzelczyk ikkontesta din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal du travail ta’ Nivelles. Din il-qorti sostniet li skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-minimex jikkostitwixxi vantaġġ soċjali skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p.2), u li, taħt id-dritt Belġjan, il-benefiċċju tal-minimex kien estiż għall-persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, hija tfakkar li s-CPAS sostna li s-Sur Grzelczyk ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikollu dritt għall-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-minimex, peress li l-kwalità tiegħu ta’ student ma tippermettix li jiġi kkunsidrat bħala ħaddiem u r-residenza tiegħu fil-Belġju mhijiex riżultat ta’ l-implementazzjoni tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema. Barra minn hekk, din il-qorti, b’riferiment għas-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala (C-85/96, Ġabra p. I-2691) tistaqsi jekk il-prinċipji taċ-ċittadinanza Ewropea u ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni jipprekludux l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

14     F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal du travail ta’ Nivelles, fid-dawl ta’ l-urġenza tas-sitwazzjoni li fiha kien jinsab is-Sur Grzelczyk, minn naħa, irrikonoxxa li dan ta’ l-aħħar għandu d-dritt għal assistenza soċjali taħt forma ta’ għajnuna materjali ta’ benefiċċju b’rata fissa ta’ BEF 20,000 fix-xahar, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 1999, u, min-naħa l-oħra, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       Id-dritt Komunitarju – partikolarment il-prinċipji ta’ ċittadinanza Ewropea u ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 6 u 8 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea – jipprekludi li d-dritt għal benefiċċju soċjali, taħt sistema mhux kontributtiva, bħal dik stabbilita mil-Ligi Belġjana tas-7 ta’ Awwissu 1974 dwar l-allowance minimu għall-għixien, jkun mogħti biss liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li jibbenefikaw mill-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, u mhux liċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni?

2)       Sussidjarjament, l-Artikoli 6 u 8a tat-Trattat u d-Direttiva [93/96], tad-29 ta’ Ottubru 1993, dwar id-dritt ta’ residenza għall-istudenti għandhom ikunu interpretati fis-sens li jippermettu li, wara li student jingħata d-dritt ta’ residenza, huwa jista’ jiġi eskluż mid-dritt għall-benefiċċji ta’ sistema soċjali mhux kontributtiva, bħall-allowance minimu għall-għixien, imħallsa mill-Istat ospitanti, u jekk iva, in-natura ta’ din l-esklużjoni hija definittiva u ġenerali?”

 Osservazzjonijiet preliminari

15     Il-partijiet fil-kawża prinċipali, l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet u l-Kummissjoni ddedikaw parti sostanzjali ta’ l-osservazzjonijiet tagħhom, bil-miktub u kif ukoll orali, għall-kwistjoni dwar jekk il-fatt li s-Sur Grzelczyk għamel diversi xogħlijiet bi ħlas matul l-ewwel tliet snin ta’ l-istudji tiegħu, jippermettix li, bħala ħaddiem fis-sens tad-dritt Komunitarju, jaqa’ taħt il-kamp ta’ l-applikazzjoni tad-Digriet Irjali tas-27 ta’ Marzu 1987.

16     Madankollu, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-qorti nazzjonali adottat l-analiżi tas-CPAS, skond liema, is-Sur Grzelczyk ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkwalifika bħala ħaddiem fis-sens tad-dritt Komunitarju. Huwa fid-dawl ta’ din il-bażi ta’ dritt u ta’ fatt li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-liġi Belġjana applikabbli f’dan il-każ mad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari, ma’ l-Artikoli 6, 8 u 8a tat-Trattat.

17     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi tal-qorti nazzjonali kif ġew mistoqsija u fil-limiti stabbiliti minn din ta’ l-aħħar.

18     Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, jekk il-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jippermettux li s-Sur Grzelczyk jiġi meqjus jew le bħala ħaddiem fis-sens tad-dritt Komunitarju.

 Fuq l-ewwel domanda

19     Permezz ta’ l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 6 u 8 tat-Trattat jipprekludux li d-dritt għal benefiċċju soċjali, taħt sistema mhux kontributtiva, bħall-minimex, ikun suġġett, għal dak li jikkonċerna ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra barra dawk ta’ l-Istat Membru ospitanti fejn jirrisjedu legalment dawn iċ-ċittadini, għall-kundizzjoni li dawn ta’ l-aħħar jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1612/68, meta l-ebda kundizzjoni ta’ dan it-tip ma tapplika għaċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru ospitanti.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

20     Is-CPAS jargumenta li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, ma jistax jiġi kkunsidrat li ċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni Ewropea jista’ jkollhom dritt għal benefiċċju soċjali, taħt sistema mhux kontributtiva, bħall-minimex. Fil-fatt, mill-Artikolu 8a(1) tat-Trattat jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tipproduċix effetti diretti u li l-implementazzjoni tagħha għandha dejjem tirrispetta l-limiti stabbiliti fit-Trattat u ppreċizati fil-leġiżlazzjoni sekondarja. Fosthom insibu, b’mod partikolari, id-Direttivi 90/364, 90/365 u 93/96, li jissuġġettaw l-eżerċizzju tal-moviment liberu għall-ħtieġa li jiġi muri li l-persuna kkonċernata tibbenefika minn riżorsi biżżejjed u minn assigurazzjoni soċjali.

21     Il-Gvern Belġjan u dak Daniż isostnu li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat ta’ Amsterdam mhuwiex tali li jbiddel din l-interpretazzjoni. Skond dawn, iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni ma timplikax li ċ-ċittadini tagħha jiksbu drittijiet ġodda u iktar estizi minn dawk li jirriżultaw diġà mit-Trattat KE u mill-leġiżlazzjoni sekondarja. Il-prinċipju taċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni m’għandux kontenut awtonomu, iżda huwa marbut unikament ma’ dispożizzjonijiet oħra ta’ l-imsemmi Trattat.

22     Il-Gvern Franċiż isostni li l-idea li l-prinċipju ta’ trattatment ugwali fir-rigward tal-vantaġġi soċjali jiġi estiż għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni, filwaqt li l-benefiċċju ta’ dan il-prinċipju attwalment huwa rriżervat għall-ħaddiema u għall-membri tal-familja tagħhom, twassal biex tiġi stabbilita ugwaljanza totali bejn iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni stabbiliti fi Stat Membru u ċ-ċittadini ta’ dan l-Istat, li jkun diffiċli li tiġi rrikonċiljata ma’ drittijiet li huma marbuta maċ-ċittadinanza.

23     Il-Gvern Portugiż josserva li, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fid-dritt Komunitarju, iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri m’għadhomx jiġu meqjusa prinċipalment bħala fatturi ekonomici f’komunità li għandha karattru essenzjalment ekonomiku. Skond dan il-Gvern, il-konsegwenza ta’ l-introduzzjoni taċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni hija li l-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti mid-dritt Komunitarju, li għalihom huwa suġġett l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri, ma jistgħux ikomplu jiġu interpretati bħala li jirrigwardaw dritt ta’ natura purament ekonomika li jirriżulta mit-Trattat KE, iżda huma jikkonċernaw biss l-eċċezzjonijiet ibbażati fuq motivi ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika u saħħa pubblika. Barra minn hekk, jekk jiġi kkunsidrat li mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri kisbu l-istat ta’ ċittadini tagħha u m’għadhomx jiġu kkunsidrati bħala aġenti ekonomiċi, isegwi li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1612/68 ukoll għandha tiġi estiża għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni, irrispettivament mill-fatt jekk jikkwalifikawx jew le bħala ħaddiema skond dan ir-Regolament.

24     Filwaqt li jirreferi għas-sentenza Martínez Sala, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li, għalkemm is-Sur Grzelczyk qed isofri minn diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità tiegħu, l-Artikolu 6 tat-Trattat KE ma japplikax għas-sitwazzjoni tiegħu peress li kull diskriminazzjoni eventwali fil-konfront ta’ dan ta’ l-aħħar ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmi Trattat. L-imsemmija dispożizzjoni ma jistax ikollha l-effett li telimina l-limitazzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1612/68, kemm jekk tinqara waħedha u kemm jekk tinqara flimkien ma’ l-Artikolu 8 tat-Trattat.

25     Il-Gvern Belġjan iżid jgħid li, fil-kawża prinċipali, ir-rikorrent qiegħed jitlob il-benefiċċju tal-minimex meta fil-fatt dan it-tip ta’ finanzjament jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6 tat-Trattat, kif ukoll minn dak ta’ l-Artikoli 126 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 149 KE) u 127 tat-Trattat KE (li wara emendi sar l-Artikolu 150 KE). Fil-fatt, dan il-finanzjament huwa strument ta’ politika soċjali li ma jinvolvi ebda rabta speċifika mat-taħriġ professjonali u li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Komunità.

26     Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Artikoli 6 u 8 tat-Trattat għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni d-dritt li, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat, ma jkunux suġġetti għal diskriminazzjoni mwettqa minn Stat Membru minħabba n-nazzjonalità tagħhom, sakemm is-sitwazzjoni taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jkollha xi rabta rilevanti ma’ l-Istat Membru kkonċernat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

27     Sabiex il-problema legali mqajma fil-kawża prinċipali tiġi mqiegħda fil-kuntest tagħha, huwa xieraq li jiġi mfakkar li fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Marzu 1985, Hoeckx (249/83, Ġabra p. 973), li kienet tirrigwarda ċittadina Olandiża li ma kellhiex xogħol u li marret toqgħod il-Belġju fejn talbet il-benefiċċju minimex, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li benefiċċju soċjali li jiggarantixxi, b’mod ġenerali, allowance minimu għall-għixien, bħal dak previst mil-Ligi Belġjana tas-7 ta’ Awwissu 1974, jikkostitwixxi vantaġġ soċjali skond ir-Regolament Nru 1612/68.

28     Fid-data li fiha seħħew il-fatti tal-kawża li tat lok għas-sentenza Hoeckx, iċċitata iktar ‘il fuq, iċ-ċittadini kollha tal-Komunità Ewropea kienu jibbenefikaw mid-dritt għal minimex, iżda ċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri kollha barra dawk tar-Renju tal-Belġju kellhom jissodisfaw il-kundizzjoni supplementari li kienet teħtieġ li jkunu jirrisjedu effettivament fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għal matul l-aħħar ħames snin qabel id-data ta’ l-għoti tal-minimex (ara l-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali tat-8 ta’ Jannar 1976, Moniteur belge tat-13 ta’ Jannar 1976, p. 311). Kien permezz tad-Digriet Irjali tas-27 ta’ Marzu 1987, li ħassar id-Digriet Irjali tat-8 ta’ Jannar 1976, li d-dritt għall-minimex għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri l-oħra kien ġie limitat għall-benefiċjarji tar-Regolament Nru 1612/68 biss. Il-kundizzjoni ta’ residenza, li sadanittant kienet ġiet emendata, ġiet finalment imneħħija wara rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressaq mill-Kummissjoni kontra r-Renju tal-Belġju (ara s-sentenza ta’ l-10 ta’ Novembru 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-326/90, Ġabra p. I-5517).

29     Mill-atti tal-kawża jirriżulta li student ta’ nazzjonalità Belġjana, iżda li mhuwiex ħaddiem skond ir-Regolament Nru 1612/68, li seta’ jsib ruħu f’sitwazzjoni identika għal din tas-Sur Grzelczyk jissodisfa l-kundizzjonjiet neċessarji sabiex jikseb il-benefiċċju tal-minimex. Il-fatt li s-Sur Grzelczyk m’għandux ċittadinanza Belġjana jikkostitwixxi l-uniku ostaklu għall-għoti tal-minimex lil dan ta’ l-aħħar, u għaldaqstant, huwa paċifiku li dan huwa każ ta’ diskriminazzjoni abbażi biss tan-nazzjonalità.

30     Fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat, diskriminazzjoni bħal din hija, bħala prinċipju, ipprojbita mill-Artikolu 6 ta’ l-istess Trattat. F’dan il-każ, dan l- Artikolu għandu jiġi moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni.

31     Fil-fatt, iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni hija intiża sabiex tkun l-istat fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri, u tippermetti lil dawk li jkunu fl-istess sitwazzjoni jingħataw, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku.

32     B’hekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 63 tas-sentenza Martínez Sala, iċċitata iktar ‘il fuq, ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi legalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti jista’ jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 6 tat-Trattat fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt Komunitarju.

33     Dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu, b’mod partikolari, dawk li jinvolvu l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza fuq it-territorju ta’ l-Istati Membri, kif ipprovdut fl-Artikolu 8a tat-Trattat (ara s-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 1998, Bickel u Franz, C-274/96, Ġabra p. I-7636, punti 15 u 16).

34     Huwa veru li fil-punt 18 tas-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1988, Brown (197/86, Ġabra p. 3205), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, fl-istadju attwali ta’ l-evoluzzjoni tad-dritt Komunitarju, għajnuna mogħtija lill-istudenti għall-manteniment u għat-taħriġ tagħhom, bħala prinċipju, taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEE fis-sens ta’ l-Artikolu 7 tiegħu (li sar l-Artikolu 6 tat-Trattat KE).

35     Madankollu, mis-sentenza Brown ‘l hawn, iċċitata iktar ‘il fuq, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea introduċa ċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni fit-Trattat KE u fit-tielet parti tiegħu, jiġifieri fit-Titolu VIII, żied Kapitolu 3 li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali. Xejn fit-test tat-Trattat, kif emendat, ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-istudenti li huma ċittadini ta’ l-Unjoni, meta jmorru fi Stat Membru ieħor sabiex jistudjaw hemmhekk, huma miċħuda mid-drittijiet mogħtija mit-Trattat liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni. Barra minn hekk, mis-sentenza Brown ‘l hawn, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Kunsill adotta d-Direttiva 93/96 li tipprovdi li l-Istati Membri jirrikonoxxu d-dritt ta’ residenza lill-istudenti ċittadini ta’ Stat Membru li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet.

36     Għalhekk, il-fatt li ċittadin ta’ l-Unjoni jagħmel studji universitarji fi Stat Membru differenti minn dak li huwa ċittadin tiegħu ma jistax, minnu nnifsu, iċaħħdu mill-possibbiltà li jibbaża ruħu fuq il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, kif ipprovduta fl-Artikolu 6 tat-Trattat.

37     F’dan il-każ, din il-projbizzjoni għandha tinqara, kif ipprovdut fil-punt 30 iktar ‘il fuq, flimkien ma’ l-Artikolu 8a(1) tat-Trattat li jistabbilixxi li “d-dritt tal-moviment u tar-residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri, suġġett għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti fit-Trattat u fil-miżuri adottati biex jagħtuh effett”.

38     Għal dak li jirrigwarda dawn il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet, mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/96 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-istudenti ċittadini ta’ Stat Membru li jixtiequ jibbenefikaw mid-dritt ta’ residenza fuq it-territorju tagħhom, l-ewwelnett, jassiguraw lill-awtorità nazzjonali kkonċernata li jkollhom riżorsi biżżejjed sabiex jevitaw li matul ir-residenza tagħhom isiru ta’ piż għall-assistenza soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti, u t-tieninett, ikunu rreġistrati f’istituzzjoni edukattiva rikonoxxuta bil-għan prinċipali li jsegwu kors ta’ taħriġ professjonali u, fl-aħħar, li jkollhom assigurazzjoni fuq il-mard li tkopri r-riskji kollha fl-Istat Membru ospitanti.

39     L-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/96 jippreċiża li hija ma tikkostitwixxix bażi ta’ dritt għall-ħlas, mill-Istat Membru ospitanti, ta’ boroż għall-manteniment ta’ l-istudenti li jibbenefikaw mid-dritt ta’ residenza. Min-naħa l-oħra, l-ebda dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva ma teskludi li l-benefiċjarji tagħha jingħataw benefiċċji soċjali.

40     Għal dak li jirrigwarda, b’mod aktar partikolari, il-kwistjoni tar-riżorsi, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/96 ma jirrikjedix ammont partikolari ta’ riżorsi u lanqas jirrikjedi li l-eżistenza ta’ dawn ir-riżorsi tkun iġġustifikata permezz ta’ dokumenti speċifiċi. Kull ma huwa meħtieġ hija sempliċement dikjarazzjoni jew kwalunkwe mod ieħor ekwivalenti li jippermetti lill-istudent jassigura lill-awtorità nazzjonali kkonċernata li għandu, għalih innifsu u, jekk ikun il-każ, għall-konjuga tiegħu u għat-tfal li jkun responsabbli għalihom, riżorsi biżżejjed sabiex jevita li, matul ir-residenza, isir ta’ piż għall-assistenza soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti (sentenza tal-25 ta’ Mejju 2000, Kummissjoni vs L-Italja, C-424/98, Ġabra p. I-4001, punt 44).

41     Billi tirrikjedi biss din id-dikjarazzjoni, id-Direttiva 93/96 hija differenti mid-Direttivi 90/364 u 90/365, li jindikaw il-livell minimu ta’ dħul li għandu jkollhom il-benefiċjarji ta’ dawn iż-żewġ Direttivi. Dawn id-differenzi huma spjegati permezz tal-karatteristiċi speċjali tar-residenza ta’ l-istudenti meta mqabbla ma’ dawk tal-persuni li għalihom japplikaw id-Direttivi 90/364 u 90/365 (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 45).

42     Din l-interpretazzjoni ma teskludix li l-Istat Membru ospitanti jikkunsidra li student, li jirrikorri għall-assistenza soċjali, ma jissodisfax aktar il-kundizzjonijiet li fuqhom jiddependi d-dritt ta’ residenza u jieħu, fil-limiti imposti f’dan ir-rigward mid-dritt Komunitarju, miżuri sabiex jirtira l-permess ta’ residenza ta’ dan iċ-ċittadin, jew sabiex ma jġeddidx dan il-permess.

43     Madankollu, dawn il-miżuri fl-ebda każ ma jistgħu jsiru l-konsegwenza awtomatika tar-rikors għall-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti minn student ċittadin ta’ Stat Membru ieħor.

44     Huwa veru li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/96 jipprovdi li d-dritt ta’ residenza jeżisti sakemm il-benefiċjarji ta’ dan id-dritt jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva. Madankollu, mis-sitt premessa ta’ din id-Direttiva jirriżulta li l-benefiċjarji tad-dritt ta’ residenza m’għandhomx isiru ta’ piż “mhux raġonevoli” fuq il-finanzi pubbliċi ta’ l-Istat Membru ospitanti. Id-Direttiva 93/96, bħad-Direttivi 90/364 u 90/365, b’hekk taċċetta ċerta solidarjetà finanzjarja taċ-ċittadini ta’ dan l-Istat ma’ dawk ta’ Stati Membri oħra, b’mod partikolari, jekk id-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom il-benefiċjarju tad-dritt ta’ residenza huma ta’ natura temporanja.

45     Barra minn dan, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ student tista’ tinbidel matul iż-żmien għal raġunijiet li jmorru lilhinn mill-kontroll tiegħu. Il-verità dwar id-dikjarazzjoni tiegħu tista’ tiġi evalwata biss fil-mument meta saret.

46     Minn dak kollu li ngħad preċedentement jirriżulta li l-Artikoli 6 u 8 tat-Trattat jipprekludu li d-dritt għal benefiċċju soċjali, taħt sistema mhux kontributtiva, bħalma hija l-minimex, ikun suġġett, għal dak li jikkonċerna ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra barra dawk ta’ l-Istat Membru ospitanti fejn jirrisjedu legalment dawn iċ-ċittadini, għall-kundizzjoni li dawn ta’ l-aħħar jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1612/68, meta l-ebda kundizzjoni ta’ dan it-tip ma tapplika għaċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru ospitanti.

 Fuq it-tieni domanda preliminari

47     Fid-dawl tat-tweġiba għall-ewwel domanda, u peress li t-tieni domanda kienet magħmula sussidjarjament, mhuwiex neċessarju li tingħata risposta għal din id-domanda.

 Fuq l-effetti fiż-żmien ta’ din is-sentenza

48     Fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub, il-Gvern Belġjan jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, fil-każ li hija tikkunsidra li persuna bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali jista’ jibbenefika mill-minimex, tillimata fiż-żmien l-effetti ta’ din is-sentenza.

49     In sostenn ta’ din it-talba, il-Gvern Belġjan isostni li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kien ikollha effetti retroattivi li jqiegħdu fid-dubju r-relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fede u skond il-leġiżlazzjoni sekondarja. B’mod aktar partikolari, dan il-Gvern jibża’ li s-sistemi ta’ assistenza soċjali għall-istudenti jiġu mħawda jekk il-leġiżlazzjoni sekondarja tiġi mibdula bħala riżultat ta’ interpretazzjoni ġdida tad-dritt Komunitarju li tippermetti lill-istudenti jibbażaw ruħhom fuq l-Artikoli 6 u 8 tat-Trattat, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi li l-effetti tas-sentenza jkunu limitati fiż-żmien.

50     Huwa xieraq li jiġi mfakkar li kull ma tagħmel l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju huwa li tikkjarifika u tippreċiża d-definizzjoni u l-iskop tagħha, kif kellha tiġi mifhuma u applikata mill-mument li fih daħlet fis-seħħ (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Awwissu 1995, Roders et, C-367/93 sa C-377/93, Ġabra p. I-2229, punt 42, u ta’ l-24 ta’ Settembru 1998, Kummissjoni vs Franza, C-35/97, Ġabra p. I-5325, punt 46).

51     Huwa biss f’każ eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, skond il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fis-sistema ġuridika Komunitarja, tasal sabiex tillimita l-possibbiltà għal kwalunkwe persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija interpretat bil-għan li tqiegħed in kwistjoni relazzjonijiet ġuridiċi magħmula in bona fede (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2000, Buchner et, C-104/98, Ġabra p. I-3625, punt 39).

52     Barra minn dan, skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw minn deċiżjoni preliminari għal Stat Membru ma jiggustifikawx, minnhom infushom, il-limitazzjoni ta’ l-effetti fiż-żmien ta’ din is-sentenza (ara, b’mod partikolari, sentenza Buchner et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 41).

53     Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni f’ċirkustanzi partikolari biss, meta, minn naħa, kien jeżisti riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi gravi partikolarment dovuti għan-numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi magħmula in bona fede abbażi tal-leġiżlazzjoni meqjusa bħala validament fis-seħħ u, min-naħa l-oħra, meta jidher li kemm l-individwi kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imwassla jadottaw prattiċi li ma kinux konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikanti dwar l-implikazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet Komunitarji, inċertezza li setgħet ikkontribwiet għaliha l-imġiba ta’ Stati Membri oħra jew tal-Kummissjoni (ara, is-sentenza Roders et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 43).

54     F’din il-kawża, in sostenn tat-talba tiegħu għal-limitazzjoni fiż-żmien ta’ l-effetti ta’ din is-sentenza, il-Gvern Belġjan ma ressaq ebda prova li turi li kwalunkwe inċertezza oġġettiva u sinjifikanti fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1993, kienet wasslet lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jadottaw prattiċi li ma kinux konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet.

55     Konsegwentement, m’hemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati fiż-żmien.

 Fuq l-ispejjeż

56     L-ispejjeż magħmula mill-Gvern Belġjan, Daniż, Franċiż, Portugiż u tar-Renju Unit, kif ukoll dawk magħmula mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

b’risposta għad-domandi li sarulha mit-Tribunal du travail ta’ Nivelles, permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Mejju 1999, taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikoli 6 u 8 tat-Trattat KE (li wara emendi saru l-Artikoli 12 KE u 17 KE) jipprekludu li d-dritt għal benefiċċju soċjali, taħt sistema mhux kontributtiva, bħalma huwa l-allowance minimu għall-għixien stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Liġi Belġjana tas-7 ta’ Awwissu 1974, ikun suġġett, għal dak li jikkonċerna ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra barra dawk ta’ l-Istat Membru ospitanti fejn jirrisjedu legalment dawn iċ-ċittadini, għall-kundizzjoni li dawn ta’ l-aħħar jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, meta l-ebda kundizzjoni ta’ dan it-tip ma tapplika għaċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru ospitanti.

Rodríguez Iglesias

Gulmann

Wathelet

Skouris

Edward

Jann

Sevón

Schintgen

Macken

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-20 ta’ Settembru 2001.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.