SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

tal-5 ta' Ottubru 2000 (*)

"Direttiva 98/43/EC – Reklamar u sponsorizzar ta’ prodotti tat-tabakk – Bażi legali – Artikolu 100a tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, Artikolu 95 KE)"

Fil-kawża C-376/98,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn C.-D. Quassowski, Regierungsdirektor fil-Ministeru Federali tal-Finanzi, bħala aġent, assistit minn J. Sedemund, avukat f'Berlin, Ministeru Federali tal-Finanzi, Referat EC2 Graurheindorfer Straße 108, D-53117 Bonn,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn C. Pennera, Kap tad-Diviżjoni tas-Servizz Legali,u N. Lorenz, membru fl-istess servizz, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fis-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, Kirchberg,

u

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn R. Gosalbo Bono, Direttur tas-Servizz Legali, A. Feeney u S. Marquardt, membri ta' l-istess servizz, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu għand A. Morbilli, Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Kwistjonijiet Legali tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment, 100, Boulevard Konrad Adenauer,

konvenuti,

sostnuti minn

Ir-Repubblika Franċiża, inizjalment irrappreżentata minn J.-F. Dobelle, Viċi Direttur tad-Direttorat tal-Kwistjonijiet Legali tal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, u R. Loosli-Surrans, Assistent Speċjali fl-istess Direttorat, u wara minn K. Rispal-Bellanger, Assistent Direttur fl-istess direttorat, u R. Loosli-Surrans, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fis-sede ta' l-Ambaxxata Franċiża, 8 B Boulevard Joseph II,

minn

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn H. Rotkirch u T. Pynnä, valtionasiamiehet, fil-kwalità tagħhom bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fis-sede ta' l-Ambaxxata Finlandiża, 2 Rue Heinrich Heine,

minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn M. Ewing, tat-Treasury Solicitor's Department, fil-kwalità tagħha bħala aġent, assistita minn N. Paines QC, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fis-sede ta' l-Ambaxxata Ingliża, 14 Boulevard Roosevelt,

u minn

Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn I. Martínez del Peral u U. Wölker, membri fis-Servizz Legali, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu għand C. Gómez de la Cruz, membru fl-istess Servizz, Centre Wagner, Kirchberg,

intervenjenti

intiża għall-annulament tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/43/KE, tas-6 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mar-reklamar u l-isponsorizzar tal-prodotti tat-tabakk [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 213, p. 9),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G. C. Rodriguez Iglesias, President, J.C. Moitinho de Almeida (Relatur), D.A.O. Edward, L. Sevón, R. Schintgen, Presidenti ta' Awla, P.J.G. Kapteyn, C. Gulmann, A. La Pergola, J.-P. Puissochet, P. Jann, H. Ragnemalm, M. Wathelet u F. Macken, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Fennelly,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur, u L. Hewlett, Amministratur,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet it-trattazzjoni tal-partijiet fis-seduta tat-12 ta’ April 2000, li fiha r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet irrappreżentata minn C.-D. Quassowski, assistit minn J. Sedemund, il-Parlament minn C. Pennera u N. Lorenz, il-Kunsill minn R. Gosalbo Bono, A. Feeney u S. Marquardt, ir-Repubblika Franċiża minn R. Loosli-Surrans, ir-Repubblika tal-Finlandja minn T. Pynnä, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta’ Fuq minn G. Amodeo, tat-Treasury Solicitor's Department, bħala aġent, assistit mill-Professur R. Cranston QC, MP, Her Majesty's Solicitor General for England & Wales, u minn N. Paines, u l-Kummissjoni minn I. Martínez del Peral u U. Wölker,

wara li semgħet l-Opinjoni ta’ l-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2000,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ottubru 1998, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skond Artikolu 173 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 230 KE) talbet l-annulament tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/43/EC, tas-6 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mar-reklamar u l-isponsorizzar tal-prodotti tat-tabakk [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 213, p. 9, iktar 'il quddiem id-"Direttiva").

2        B'digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 1999, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta’ Fuq u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ġew ammessi jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea.

3        Id-Direttiva ġiet adottata fuq il-bażi ta’ Artikoli 57(2) tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 47(2) KE), 66 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 55 KE) u 100a tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 95 KE).

4        L-Artikolu 2 tad-Direttiva jipprovdi:

"Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva,

1)      "prodotti tat-tabakk": tfisser prodotti għall-għanijiet ta' tipjip, xamm, irdiegħ jew mastikar, sakemm ikunu, imqar parzjalment, magħmula minn tabakk;

2)      "reklamar": ifisser kull għamla ta' komunikazzjoni kummerċjali bil-għan jew l-effett dirett jew indirett li jippromwovi prodott mit-tabakk, inkluż reklamar li, mingħajr ma jsemmi direttament prodott mit-tabakk, jipprova jevita l-projbizzjoni ta' reklamar billi juża ismijiet, trade marks, simboli jew elementi distintivi oħra ta' prodotti mit-tabakk;

3)      "sponsorizzar" ifisser kull għamla ta' kontribuzzjoni pubblika jew privata għal okkażjoni jew għal attività, bil-għan jew l-effett li tippromwovi prodott mit-tabakk;

4)      "post tal-bejgħ tat-tabakk" ifisser kwalunkwe post fejn il-prodotti mit-tabakk jiqiegħdu għall-bejgħ." [traduzzjoni mhux uffiċjali];

5        Skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva:

"1.   Bla ħsara għad-Direttiva 89/552/KEE, il-forom kollha ta’ reklamar jew ta' sponsorizzar huma pprojbiti fil-Komunità.

2.     L-ewwel paragrafu ma jipprekludix lil Stat Membru milli jippermetti li isem li diġa huwa użat in bona fede kemm għal prodotti tat-tabakk u kemm għal prodotti jew servizzi oħra li ġew ikkummerċjalizzati jew offruti minn impriża waħda jew minn impriżi differenti qabel it-30 ta’ Lulju 1998 jiġi użat għar-reklamar għall-prodotti jew għas-servizzi l-oħra.

Madankollu, dan l-isem jista' jiġi użat biss b'mod kjarament distint minn dak użat għall-prodott tat-tabakk, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe sinjal distintiv ieħor li diġà huwa użat għall-prodott tat-tabakk.

3. a) L-Istati Membri għandhom jaraw li ebda prodott tat-tabakk ma jkollu l-isem, it-trade mark, is-simbolu jew kwalunkwe element distintiv ieħor ta' xi prodott jew servizz ieħor, sakemm dan il-prodott tat-tabakk ma jkunx diġà diġà kkummerċjalizzat taħt dan l-isem, din it-trade mark, dan is-simbolu jew kwalunkwe element distintiv ieħor fid-data msemmija fl-Artikolu 6(1).

b)     Il-projbizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu ma tistax tiġi evitata, minn ebda prodott jew servizz mqiegħed jew offrut fuq is-suq mid-data msemmija fl-Artikolu 6(1), bl-użu ta' ismijiet, trade marks, simboli jew elementi oħra distintivi diġà użati għal prodott tat-tabakk.

Għal dan il-għan, l-isem, it-trade mark, is-simbolu jew kwalunkwe element distintiv ieħor tal-prodott jew servizz għandhom jiġu ppreżentati taħt aspett kjarament distint minn dak użat għall-prodott tat-tabakk.

4. Kwalunkwe disttribuzzjoni bla ħlas li għandha l-iskop jew l-effett dirett jew indirett li tippromwovi prodott tat-tabakk hija pprojbita.

5. Din id-Direttiva ma tapplikax:

- għall-komunikazzjonijiet intiżi esklużivament għall-professjonijisti li jipparteċipaw fil-kummerċ tat-tabakk,- għall-preżentazzjoni tal-prodotti tat-tabakk mqiegħda għall-bejgħ u għall-indikazzjoni tal-prezzijiet tagħhom fil-postijiet tal-bejgħ tat-tabakk,- għar-reklamar intiż għax-xerrej fl-istabbilimenti speċjalizzati fil-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk u fil-vitrini tagħhom jew, fil-każ ta' stabbilimenti ta' bejgħ ta' prodotti jew servizzi diversi, fil-postijiet riservati għall-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk kif ukoll għall-postijiet ta' bejgħ li, fil-Greċja, huma suġġetti għal sistema speċifika ta' għoti ta' liċenzji għal raġunijiet soċjali (imsejħa 'periptera'),

- għall-bejgħ ta' pubblikazzjonijiet li jinkludu r-reklamar għall-prodotti tat-tabakk li huma pubblikati u stampati fil-pajjiżi terzi, fejn dawn il-pubblikazzjonijiet mhumiex intiżi prinċipalment għas-suq Komunitarju." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        Skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva:

"L-Istati Membri għandhom jaraw li jeżistu mezzi xierqa u effikaċi sabiex tiġi assigurata u kkontrollata l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fil-kuntest ta' din id-Direttiva. Dawn il-mezzi jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet li jippermettu lill-persuni jew organizzazzjonijiet li għandhom, skond il-liġi nazzjonali, interess leġittimu fit-twaqqif ta' reklamar li mhuwiex kompatibbli ma' din id-Direttiva li jieħdu proċedimenti legali kontra dan ir-reklamar jew li jadixxi l-korp amministrattiv kompetenti sabiex jiddeċiedi fuq l-ilmenti jew jibda l-proċeduri legali xierqa." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        L-Artikolu 5 ta' din id-Direttiva jipprovdi:

"Din id-Direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jistabbilixxu, b'mod konformi mat-Trattat, rekwiżiti iktar stretti li huma jqisu neċessarji sabiex jassiguraw il-ħarsien tas-saħħa tal-persuni fil-qasam ta' reklamar jew ta' sponsorizzar ta' prodotti tat-tabakk." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        Skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva:

"1. L-Istati Membri għandhom iqiegħdu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma' din id-Direttiva mhux iktar tard mit-30 ta' Lulju 2001. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'tali referenza mal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali ta' dritt nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

3.L-Istati Membri jistgħu jippostonu l-implementazzjoni ta' l-Artikolu 3(1):

- b'sena f'dak li jikkonċerna l-istampa

-b'sentejn f'dak li jikkonċerna l-isponsorizzar.

F'każijiet eċċezzjonali u għal raġunijiet debitament iġġustifikati, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jawtorizzaw l-isponsorizzar eżistenti ta' eventi jew attivatijiet organizzati fuq livell dinji għal perijodu addizzjonali ta' tliet snin li jintemm mhux iktar tard mill-1 ta' Ottubru 2006, sakemm:

- l-ammonti intiżi għal dan l-isponsorizzar jonqsu matul il-perijodu ta' tranżizzjoni,

- miżuri ta' restrizzjoni volontarja jiġu stabbiliti sabiex inaqqsu l-viżibbiltà tar-reklamar waqt l-okkażjonijiet jew attivitajiet ikkonċernati." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Sabiex issostni r-rikors tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka seba' motivi bbażati rispettivament fuq il-fatt li l-Artikolu 100 tat-Trattat ma jikkostitwixxix bażi ġuridika xierqa għad-Direttiva, fuq il-ksur ta' l-Artikoli 57(2), u 66 tat-Trattat, fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, fuq il-ksur tal-prinċipju ta' sussidjarjetà, fuq il-ksur ta' drittijiet fundamentali, fuq il-ksur ta' l-Artikoli 30 u 36 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikoli 28 KE u 30 KE) u fuq il-ksur ta' l-Artikolu 190 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 253 KE).

10      Ir-rikorrenti u l-konvenuti jqisu li l-kunsiderazzjonijiet tagħhom rigward l-Artikolu 100 japplikaw għall-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 57(2) u 66 tat-Trattat.

11      Għaldaqstant il-motivi bbażati fuq l-għażla żbaljata ta' l-Artikoli 100A, 57(2), u 66 tat-Trattat bħala bażi ġuridika tad-Direttiva għandhom jiġu evalwati flimkien.

Fuq il-motivi bbażati fuq l-għażla żbaljata tal-bażi ġuridika

L-argumenti tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti tqis li l-Artikolu 100A tat-Trattat ma jikkostitwixxix bażi ġuridika xierqa għad-Direttiva billi tibbaża ruħha, fl-istess waqt, fuq il-karatteristiċi tas-suq tar-reklamar tal-prodotti tat-tabakk u fuq l-analiżi ta' l-Artikolu 100A.

13      F'dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-karatteristiċi tas-suq, ir-rikorrenti ssostni li r-reklamar tal-prodotti tat-tabakk huwa, essenzjalment, attività li l-effetti tagħha ma jestendux barra mill-fruntieri ta' kull Stat Membru.

14      F'dan ir-rigward, hija tosserva li, minkejja li r-reklamar tal-prodotti tat-tabakk huwa spiss maħsub mill-produttur, il-preżentazzjoni konkreta tal-mezzi ta' reklamar lill-konsumatur tirriżulta minn strateġija bbażata fuq in-natura partikolari ta' kull suq. Huwa fuq livell nazzjonali li tiġi stabbilita l-forma li jieħdu konkretament ir-reklamar, l-isfond mużikali, l-għażla tal-kuluri kif ukoll elementi oħra tal-prodotti ta' reklamar adattati għall-karatteristiċi kulturali speċifiċi ta' kull Stat Membru.

15      Rigward il-mezzi ta' reklamar imsejħa "statiċi" bħall-kartelluni, iċ-ċinema u dawk użati fis-settur imsejjaħ "Horeca" (lukandi, ristoranti, kaffeteriji), bħall-umbrelel u l-ashtrays, din hija merkanzija li l-kummerċ tagħha bejn l-Istati Membri prattikament ma jeżistix u, sal-ġurnata tal-lum, ma ġie suġġett għall-ebda restrizzjoni. Għal raġunijiet fiskali, il-prassi tar-reklamar li jinvolvi distribuzzjoni b'xejn hija wkoll ristretta fis-swieq nazzjonali.

16      Rigward mezzi ta' reklamar imsejħa "mhux statiċi", hija biss l-istampa li għandha importanza fuq livell ekonomiku. Huwa minnu li l-magazins u l-gazzetti ta' kuljum jikkostitwixxu mezzi ta' reklamar tal-prodotti tat-tabakk, iżda l-kummerċ intra Komunitarju ta' dawn il-prodotti huwa baxx ħafna. Il-magazins huma esportati fi Stati Membri oħra biss f'perċentwali bil-wisq inqas minn 5%. Il-gazzetti ta' kuljum huma użati ħafna inqas mill-magazins biex juru dan it-tip ta' reklamar. Fil-Ġermanja, fl-1997, il-parti tar-reklamar tal-prodotti tat-tabakk fid-dħul globali mir-reklamar tal-gazzetti ta' kuljum kien ta' 0,04 %.

17      Il-firxa limita tal-kummerċ transkonfinali ta' l-istampa jispjega li huwa mhuwiex suġġett għal restrizzjonijiet min-naħa ta' l-Istati Membri li jipprojbixxu lill-istampa nazzjonali tagħhom milli jaċċettaw ir-reklamar tal-prodotti tat-tabakk. Il-liġijiet Belġjani u Irlandiżi jawtorizzaw espliċitament l-importazzjoni ta' prodotti ta' stampa li jinkludu tali reklamar u d-domandi ta' projbizzjoni ta' din l-importazzjoni quddiem il-qrati Franċiżi ma ġewx milqugħa.

18      Fir-rigward tal-prodotti msejħa ta' "diversifikazzjoni" li huma s-suġġett ta' l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, ir-rikorrenti ssostni li l-impreċiżjoni ta' din id-dispożizzjoni tista' tagħti lok għal interpretazzjonijiet differenti li jinvolvu restrizzjonijiet oħra għall-kummerċ. F'kull każ, id-Direttiva ma tipprovdix klawżola ta' kummerċ liberu li tipprekludi lill-Istati Membri li ma jeżerċitawx din il-possibbiltà offerta mill-imsemmija dispożizzjoni li jopponu l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti li ġejjin minn Stati Membri li eżerċitaw din il-possibbiltà.

19      Rigward il-provvista ta' servizzi minn aġenziji ta' reklamar, ir-rikorrenti ssostni li l-attività tikkonsisti fi tfassil ta' strateġiji ta' reklamar ċentralizzati kif ukoll li x-xogħol intelletwali li jippresupponi r-reklamar ma jaqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva. Fil-fatt, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva jiddefinixxi r-reklamar sempliċement bħala l-impjieg effettiv ta' mezzi ta' reklamar indirizzati għall-konsumatur.

20      Rigward l-isponsorizzar, minn naħa, ir-relazzjonijiet bejn l-isponsor u l-organizzatur isiru fil-biċċa l-kbira tagħhom fuq livell nazzjonali għaliex it-tnejn li huma jinsabu normalment stabbiliti fl-istess Stat Membru. Barra minn hekk, anki jekk dan ma jkunx il-każ, l-ebda restrizzjoni għall-isponsorizzar taħt il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma teżisti għaliex l-arranġamenti sabiex spazju għal reklamar isir disponibbli fil-post tal-manifestazzjoni jitwettqu fuq livell lokali. Min-naħa l-oħra, ix-xandir televiżiv ta' l-okkażjoni sponsorizzata lanqas ma hija suġġetta għal restrizzjonijiet.

21      Rigward id-distorsjoni ta' kompetizzjoni li tirriżulta mid-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl ta' l-ewwel premessa tad-Direttiva, din m'għandhiex l-għan li telimina tali distorsjonijiet fis-settur ta' l-industrija tat-tabakk.

22      Rigward il-fabbrikanti ta' prodotti ta' reklamar, dawn kienu joperaw b'mod negliġibbli barra mill-fruntieri u ebda rabta ta' kompetizzjoni ma teżisti bejniethom minħabba l-orjentazzjoni prinċipalment nazzjonali ta' l-istrateġiji ta' reklamar favur it-tabakk. Rigward l-istampa, il-prodotti importati ma jidħlux f'kompetizzjoni mal-prodotti lokali u ma jiksbux f'kwalunkwe każ, fl-Istat Membru ta' destinazzjoni, parti mis-suq li tista' titqies bħala importanti.

23      Rigward, fit-tieni lok, l-analiżi ta' l-Artikolu 100A tat-Trattat, ir-rikorrenti ssostni, qabel kollox, li dan l-Artikolu jagħti lil-leġiżlatur Komunitarju l-kompetenza sabiex jarmonizza l-liġijiet nazzjonali safejn l-armonizzazzjoni hija meħtieġa sabiex tiffavorixxi s-suq intern. Sempliċi riferiment għal dan l-Artikolu fil-premessi ta' l-att adottat mhuwiex suffiċjenti, inkella kull stħarriġ ġudizzjarju ta' l-għażla ta' l-Artikolu 100A bħala bażi ġuridika jsir impossibbli.

24      Dan mhuwiex il-każ f'din il-kawża. Peress li l-uniku reklamar ammess, jiġifieri dak fil-postijiet ta' bejgħ, jirrappreżenta biss 2 % ta' l-ispejjeż ta' reklamar ta' l-industrija tat-tabakk, id-Direttiva tinvolvi, fil-fatt, projbizzjoni totali ta' dan ir-reklamar. Għaldaqstant, minflok ma tiffavorixxi l-kummerċ tal-mezzi tar-reklamar tal-prodotti tat-tabakk u tal-provvista libera tas-servizzi f'dan il-qasam, id-Direttiva tiċħad kważi kompletament dawn il-libertajiet. Barra minn hekk, skond ir-rikorrenti, id-Direttiva toħloq ostakli ġodda għall-kummerċ li ma kinux jeżistu qabel. B'hekk, fis-suq tal-prodotti tat-tabakk, il-projbizzjoni tar-reklamar trendi kważi impossibbli l-importazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti ġodda u twassal għaldaqstant għal staġnar tal-kummerċ bejn l-Istati.

25      Rigward il-kwistjoni jekk l-armonizzazzjoni mfittxa mid-Direttiva kinitx neċessarja sabiex telimina distorsjonijiet ta' kompetizzjoni, ir-rikorrenti żżid mal-kunsiderazzjonijiet preċedenti relatati mas-suq tar-reklamar tal-prodotti tat-tabakk li d-Direttiva toħloq, barra minn hekk, distorsjoni ta' kompetizzjoni li, sa dak iż-żmien, ma kinitx teżisti fis-swieq barra mill-industrija tat-tabakk.

26      Dan huwa l-każ tal-prodotti ta' diversifikazzjoni msemmija mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva. Din id-dispożizzjoni timponi kundizzjonijiet daqstant restrittivi li l-impriżi li jipproduċu dawn il-prodotti jkollhom jagħlqu l-istabbilimenti tagħhom, jew isostnu spejjeż addizzjonali kunsiderevoli, li jista' jwassal għal trasferimenti importanti ta' ishma mis-suq favur il-kompetituri.

27      Huwa minnu li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-approssimazzjoni tal-liġijiet tista' leġittimament ikollha l-iskop ta' prevenzjoni ta' ostakli futuri għall-kummerċ li jirriżultaw minn żviluppi eteroġeni tal-liġijiet nazzjonali. Madankollu, id-Direttiva sempliċemet tintroduċi, b'mod definittiv u għall-ġejjieni, ostakli ġodda għall-kummerċ.

28      Rigward id-direttivi l-oħra li huma bbażati fuq l-Artikolu 100A tat-Trattat u li jipprojbixxu ċerti attivitajiet, ir-rikorrenti ssostni li dawn l-atti huma differenti mid-Direttiva kkontestata. B'hekk, il-projbizzjoni tar-reklamar qarrieqi hija intiża li tiffavorixxi l-kummerċ transkonfinali billi tiggarantixxi reklamar ġenwin fuq livell Komunitarju; bl-istess mod, il-projbizzjoni ta' użu ta' komponenti ta' prodotti, ta' metodi ta' fabbrikazzjoni jew ta' forom ta' kummerċjalizzazzjoni ta' ħsara għas-saħħa hija intiża li toħloq suq intern għall-prodotti kkonċernati, billi tippermetti li jiġu prodotti, ikkummerċjalizzati jew ikkunsmati mingħajr riskji għas-saħħa.

29      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-għażla ta' l-Artikolu 100A bħala bażi ġuridika għandha tkun possibbli biss fil-każ meta l-ostakli għal-libertajiet fundamentali u d-distorsjonijiet ta' kompetizzjoni huma kunsiderevoli. F'dan ir-rigward, hija tosserva li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-Artikoli 30 u 36 tat-Trattat li tgħid li dawn id-dispożizzjonijiet jipprojbixxu anki l-ostakli minimi għall-kummerċ ma tistax tiġi trasposta għal qasam fejn għandhom jiġu definiti l-kompetenzi rispettivi tal-Komunità u ta' l-Istati Membri. Jekk il-leġiżlatur Komunitarju seta' jarmonizza l-liġijiet nazzjonali anki fin-nuqqas ta' impatt kunsiderevoli fuq is-suq intern, huwa possibbli li jiġu adottati direttivi fi kwalunkwe qasam u l-istħarriġ ġudizzjarju ta' l-osservanza ta' l-Artikolu 100A jsir superfluwu.

30      Din l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 100A tat-Trattat hija sostnuta wkoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat-18 ta' Marzu 1980, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 91/79, Ġabra p. 1099, punt 8, u tal-11 ta' Ġunju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsejħa "Diossidu tat-titanju", C-300/89, Ġabra p. I-2867, punt 23).

31      Il-kunsiderazzjonijiet tar-rikorrenti li jinsabu fil-qosor fil-punti 13 sa 22 ta' din is-sentenza juru l-ineżistenza ta' ostakli kunsiderevoli għall-kummerċ tal-mezzi ta' reklamar għall-prodotti tat-tabakk u għall-provvista libera tas-servizzi mill-aġenziji ta' reklamar kif ukoll in-nuqqas ta' distorsjoni kunsiderevoli ta' kompetizzjoni bejniethom.

32      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 100A ma jistax jiġi invokat meta ċ-"ċentru ta' gravità" ta' miżura ma jiffavorixxix is-suq intern iżda jħares is-saħħa pubblika.

33      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-Komunità ma tistax tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 100A meta l-att li għandu jiġi adottat għandu biss sussidjarjament bħala effett li jarmonizza l-kundizzjonijiet tas-suq fi ħdan il-Komunità (sentenzi ta' l-4 ta' Ottubru 1991, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-70/88, Ġabra p. I-4529, punt 17; tas-17 ta' Marzu 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-155/91, Ġabra p. I-939, punt 19; tat-28 ta' Ġunju 1994, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-187/93, Ġabra p. I-2857, punt 25, u tat-12 ta' Novembru 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C-84/94, Ġabra p. I-5755, punt 45).

34      Kemm l-istorja leġiżlattiva tad-Direttiva, kemm l-analiżi tal-kontenut tagħha u ta' l-għan tagħha juru li ċ-"ċentru ta' gravità" ta' dan l-att huwa l-ħarsien tas-saħħa pubblika.

35      Rigward is-sentenza Diossidu tat-titanju, iċċitata iktar 'il fuq, ir-rikorrenti tosserva li d-Direttiva kkontestata hija differenti minn dik li kienet in kwistjoni fl-imsemmija sentenza. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, fil-kawża Diossidu tat-titanju, il-politika ta' l-ambjent u t-twettiq tas-suq intern ġew segwiti fuq l-istess livell u kull wieħed minn dawn l-għanijiet tal-Komunità għandu bażi ġuridika, rispettivament l-Artikolu 130 R tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 174 KE) u l-Artikolu 100A tat-Trattat, li tippermetti l-armonizzazzjoni tar-regolamenti nazzjonali. Dan mhuwiex il-każ f'din il-kawża, peress li l-politika ta' saħħa pubblika hija ċ-"ċentru ta' gravità" tad-Direttiva u l-miżuri ta' armonizzazzjoni f'dan il-qasam huma espliċitament ipprojbiti mill-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 129(4) tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 152(4) KE).

36      Il-Parlament, il-Kunsill u l-partijiet li jintervjenu in sostenn tagħhom iqisu li d-Direttiva ġiet adottata validament fuq il-bażi ta' l-Artikolu 100A tat-Trattat, billi jibbażaw ruħhom, minn naħa, fuq l-eżistenza ta' suq intern fis-settur tar-reklamar tal-prodotti tat-tabakk u, min-naħa l-oħra, fuq l-analiżi ta' l-Artikolu 100A.

37      Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li jeżisti suq intern fis-settur tar-reklamar tal-prodotti tat-tabakk li fih il-kampanji ta' reklamar huma ta' spiss ċentralizzati u maħsuba minn aġenziji stabbiliti fil-Komunità. Minkejja li l-implementazzjoni ta' l-istrateġiji ta' reklamar u tas-suġġetti tar-reklamar magħżula ssir fuq livell nazzjonali, l-għażla tas-suġġetti, l-għażla tas-simboli, tal-logos u ta' elementi oħra jsiru u jiġu offruti fuq livell transkonfinali u jilħqu l-konsumaturi f'diversi Stati Membri.

38      Fir-rigward tas-settur Horeca, il-Kunsill isostni li, anki jekk l-effett tar-reklamar huwa ristrett għall-pubbliku lokali, mezzi ta' reklamar identiċi jistgħu jiġu użati f'diversi Stati Membri, peress li l-lingwa użata hija ta' spiss l-Ingliż.

39      Rigward id-distribuzzjoni bla ħlas, il-Parlament u l-Kunsill jenfasizzaw l-aspetti transkonfinali ta' din l-għamla ta' reklamar, li taqa' taħt kunċett ta' reklamar iddefinit u implementat b'mod uniformi għal trade mark. Il-Parlament iżid li l-projbizzjoni tagħha hija ġġustifikata bin-neċessità li r-regoli ma jiġux evitati.

40      Il-moviment liberu ta' magazins, b'mod partikolari dawk li l-linji ta' l-ajru jqiegħu fid-dispożizzjoni tal-passiġġieri tagħhom fit-titjiriet intra-Komunitarji, bħal gazzetti, ippubblikati fi Stat Membru u ddistribwiti fi Stati Membri oħra, li jinkludu reklamar tal-prodotti tat-tabakk, ukoll għandu mnejn jiġi ostakolat minħabba d-differenzi leġiżlattivi eżistenti.

41      Rigward il-prodotti ta' diversifikazzjoni, il-Parlament u l-Kunsill josservaw li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva huwa dispożizzjoni preċiża u għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma jistax jipprekludi l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodott imqiegħed fuq is-suq fi Stat Membru ieħor li diġà uża l-possibbiltà li toffrilu din id-dispożizzjoni.

42      Il-Parlament u l-Kunsill isostnu li l-isponsorizzar jinvolvi wkoll elementi transkonfinali. F'dan ir-rigward, huma josservaw li l-mezzi ta' reklamar użati f'okkażjonijiet sponsorizzati, bħal vetturi, ħwejjeġ ta' sewwieqa u armar mal-ħitan tal-korsa, ma jilħqux biss il-pubbliku lokali. F'kull każ, skond il-Kunsill, sabiex jiġi stabbilit kuntest transkonfinali biżżejjed li l-isponsor u l-impriża sponsorizzata jkunu stabbiliti fi Stati Membri differenti.

43      Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jenfassizaw, fl-aħħar nett, li fid-dawl tad-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, l-aġenziji ta' reklamar ma jistgħux ifasslu u joffru kunċetti ta' reklamar uniformi fuq livell Komunitarju.

44      Fil-fehma tagħhom, id-Direttiva, li, bis-saħħa ta' l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, toħloq qafas uniformi għar-reklamar tal-prodotti tat-tabakk fis-suq intern, setgħet tiġi adottata validament fuq il-bażi ta' l-Artikolu 100A tat-Trattat.

45      F'dan ir-rigward, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li l-kompetenza attribwita minn din id-dispożizzjoni lill-Kunsill ma tirreferix neċessarjament għal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ iżda għar-regolazzjoni tas-suq. Dan jispjega għalfejn id-Direttivi li jinkludu ċerti projbizzjonijiet setgħu jiġu adottati fuq il-bażi ta' l-Artikolu 100A.

46      B'hekk, id-Direttiva tal-Kunsill 92/41/KEE, tal-15 ta' Mejju 1992, li temenda d-Direttiva 89/622/KEE, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li tikkonċerna l-ittikkettjar ta' prodotti tat-tabakk [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 158, p. 30), tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tat-tabakk għal użu orali u d-Direttiva tal-Kunsill 91/339/KEE, tat-18 ta' Ġunju 1991, li temenda għall-11-il darba d-Direttiva 76/769/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (ĠU L 186, p. 64), tinkludi l-projbizzjoni totali ta' l-użu tas-sustanzi msemmija fiha.

47      Fil-qasam tar-reklamar, direttivi bħad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/55/KE, tas-6 ta' Ottubru 1997, li temenda d-Direttiva 84/450/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi (ĠU L 290, p. 18), u d-Direttiva tal-Kunsill 92/28/KEE, tal-31 ta' Marzu 1992, dwar ir-reklamar ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 113, p. 13), lanqas ma għandhom bħala għan il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ. Din id-Direttiva ta' l-aħħar tinkludi, b'mod partikolari, projbizzjonjiet wiesa' tar-reklamar, b'mod partikolari dik tal-prodotti mediċinali li fir-rigward tagħhom ma nħarġitx awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq b'mod konformi mad-dritt Komunitarja (Artikolu 2(1)) u tal-prodotti mediċinali li jistgħu jingħataw biss fuq riċetta tat-tabib (l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 3(1)).

48      Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsemmu wkoll direttivi oħra, li jinkludu ċerti projbizzjonijiet parzjali, bħal dik tar-reklamar televiżiv tal-prodotti tat-tabakk [id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, p. 23), kif ukoll il-miżuri li huma indirettament marbuta mal-libertajiet fundamentali, bħal dik li tikkonċerna arranġamenti dwar ħin tas-sajf [is-seba' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/21/KE, tat-30 ta' Mejju, dwar arranġamenti dwar ħin tas-sajf [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 164, p. 1)] jew l-aċċess għan-netwerk internazzjonali tat-telefon fil-Komunità [id-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/264/KEE, tal-11 ta' Mejju 1992, dwar l-introduzzjoni ta' kodiċi ta' aċċess standard internazzjonali tat-telefon fil-Komunità [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 137, p. 21)].

49      Referenza għall-Artikolu 100A tat-Trattat ma tistax tiġi ristretta għall-każ fejn id-differenzi leġiżlattivi effettivament jagħtu lok għal ostakli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali jew għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat fis-sentenza tagħha tat-13 ta' Lulju 1995, Spanja vs Il-Kunsill (C0350/92, Ġabra p. I-1985, punt 33), biżżejjed li d-differenzi bejn is-sistemi legali ta' l-Istati Membri jkollhom mnejn jostakolaw il-liberatajiet fundamentali. Ir-referenza għall-Artikolu 100A hija possibbli wkoll għall-prevenzjoni ta' żvilupp eteroġenu tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jwasslu għal differenzi ġodda (sentenza Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35).

50      Fir-rigward ta' l-argument imressaq mir-rikorrenti li l-użu ta' l-Artikolu 100A bħala bażi ġuridika għandu jkun possibbli biss fil-każ meta d-differenzi leġiżlattivi jagħtu lok għal ostakli kunsiderevoli tal-kummerċ jew għal distorsjonijet kunsiderevoli tal-kompetizzjoni, il-Kunsill isostni li din id-distinzjoni, dedotta mid-dritt dwar il-kompetizzjoni, ma tistax tiġi użata fl-ambitu ta' l-Artikolu 100A. Id-definizzjoni tal-kompetenzi għandha tosserva kriterji oġġettivi u universali.

51      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li, f'dan il-kawża, hemm distorsjonijiet reali tal-kompetizzjoni. F'dan ir-rigward, hija tosserva li, fid-dawl tad-differenzi leġiżlattivi eżistenti, l-aġenziji tar-reklamar m'għandhomx l-istess opportunitajiet li jagħmlu qligħ, peress li dan ivarjaw skond il-post ta' stabbiliment tagħhom jew is-suq li fih huma jeżerċitaw l-attività tagħhom. F'każ ta' sempliċi tolleranza fir-rigward tal-gazzetti jew perijodiċi ta' Stati Membri oħra minkejja leġiżlazzjoni restrittiva għall-istampa ta' l-Istat Membru in kwistjoni, anki f'dan l-Istat ikun hemm distorsjonijiet.

52      Fir-rigward ta' l-isponsorizzar, differenzi bħal dawn jinfluwenzaw l-għażla tal-lok fejn jiġu organizzati l-manifestazzjonijiet sponsorizzati mill-prodotturi tat-tabakk, u dan jikkawża konsegwenzi ekonomiċi importanti fil-każ ta' kompetizzjonijiet sportivi bħat-tlielaq tal-Formula 1.

53      Fl-aħħar nett, il-produtturi u l-bejjiegħa tal-prodotti tat-tabakk ma jgawdux mill-istess kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni li għandhom influwenza fuq il-pożizzjoni tagħhom fis-suq. Fil-fatt, fl-Istati Membri li għandhom leġiżlazzjoni restrittiva, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jżommu jew itejbu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq biss b'kompetizzjoni fil-prezz.

54      Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li l-ħarsien tas-saħħa pubblika jikkostitwixxi ċ-"ċentru ta' gravità" tad-Direttiva, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaffermaw li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-element essenzjali li għandu jittieħed bħala bażi ta' evalwazzjoni ta' l-għażla tal-bażi ġuridika ta' att huwa t-test ta' l-att in kwistjoni. Mill-kliem u mill-post tat-tielet u r-raba' premessi tad-Direttiva jirriżulta li l-ħarsien tas-saħħa tal-persuni jikkostitwixxi objettiv ta' din id-Direttiva, li huwa mfittex fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3 u 4 ta' l-Artikolu 100A tat-Trattat, iżda li huwa mhuwiex l-għan prinċipali tagħha.

55      Bl-istess mod, it-tieni premessa u l-Artikolu 5 tad-Direttiva, billi jirrikonoxxu d-dritt ta' l-Istati Membri li jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti minn dawk previsti mid-Direttiva sabiex jiġu żgurat il-ħarsien tas-saħħa pubblika, juru wkoll b'mod ċar in-natura sussidjarja u subordinata ta' l-eżiġenza ta' ħarsien tas-saħħa tal-persuni.

56      Il-Kummissjoni tosserva, f'dan ir-rigward, li l-importanza kbira tal-ħarsien tas-saħħa pubblika fid-Direttiva hija spjegata bil-fatt li huwa jikkostitwixxi l-għan prinċipali, saħansitra l-uniku wieħed, tal-miżuri nazzjonali li ġew armonizzati, iżda li huwa jsir, fil-kuntest ta' din id-Direttiva, għan sekondarju.

57      Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu, fl-aħħar nett, li l-fatt li d-Direttiva timponi projbizzjoni wiesa' fuq ir-reklamar tal-prodotti tat-tabakk jirriżulta mill-obbligu impost mit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 100A li jittieħed bħala bażi livell ta' ħarsien għoli tas-saħħa tal-persuni kif ukoll il-ħtieġa ta' prevenzjoni tar-riskju li tiġi evitata l-projbizzjoni.

58      Il-Gvern tar-Renju Unit jikkontesta d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li d-Direttiva hija żbaljatament ibbażata fuq l-Artikolu 100A tat-Trattat minħabba li l-għan prinċipali tagħha mhuwiex l-eliminazzjoni ta' l-ostakli għall-kummerċ għall-mezzi tax-xandir u l-provvista ta' servizzi korrispondenti iżda l-ħarsien tas-saħħa tal-persuni.

59      F'dan ir-rigward, huwa josserva li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi ġuridika ta' att għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi, li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom, b'mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta' l-att.

60      Dan il-gvern iqis li, oġġettivament, id-Direttiva għandha għanijiet li huma marbuta b'mod inseparabbli mal-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u oħrajn li huma marbuta ma' l-eliminazzjoni tad-differenzi fil-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni u mal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ ekonomiku. L-approċċ tar-rikorrenti li huwa huwa juża sabiex jistabbilixxi liema wieħed minn dawn l-għanijiet huwa l-iktar importanti mhux biss imur kontra l-kriterju oġġettiv stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda lanqas jista' jitqiegħed fil-prattika.

61      Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-Artikolu 100A tat-Trattat jattribwixxi lill-Kunsill u lill-Parlament kompetenza sabiex jadottaw miżuri bil-għan ta' l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern u jqis li dan huwa l-każ f'din il-kawża.

62      Skond dan il-gvern, sabiex miżura tkun validament ibbażata fuq l-Artikolu 100A, mhuwiex neċessarju li jiġi stabbilit li hija għandha l-effett dirett li żżid il-volum tal-kummerċ transkonfinali. Biżżejjed li l-imsemmija miżura telimina d-differenzi fil-kundizzjonijiet tal-kummerċ.

63      Id-Direttiva hija intiża li telimina d-distorsjonijiet ta' kompetizzjoni mhux biss fis-suq tar-reklamar, iżda wkoll fis-suq tal-prodotti tat-tabakk, billi tarmonizza l-kundizzjonijiet li fihom il-produtturi jistgħu jippromwovu l-prodotti tagħhom. Hija tarmonizza wkoll il-kundizzjonijiet li fihom l-attivitajiet kulturali u sportivi jistgħu jiġu sponsorizzati mill-industrija tat-tabakk.

64      F'dan ir-rigward, il-Gvern tar-Renju Unit josserva li l-klabbs ta' sport professjonali huma impriżi f'kompetizzjoni bejniethom, u li l-kundizzjonijiet ta' din il-kompetizzjoni jiġu affettwati jekk il-klabbs tad-diversi Stati Membri ma jkunux jistgħu jirċievu l-istess sussidji mill-industrija tat-tabakk, li partikolarment għandha tendenza li tisponsorizza l-attivitajiet sportivi sabiex tiġġieled il-fatt li dawn il-prodotti huma assoċjati ma' mard.

65      Dan il-gvern iżid li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, att jista' jiġi adottat sabiex tiġi antiċipata l-adozzjoni ta' regoli nazzjonali differenti li jinvolvu riskrji ta' ostakli għall-kummerċ. Il-qagħda preżenti ta' tolleranza fir-rigward tal-pubblikazzjonijiet li jinkludu reklamar favur prodotti tat-tabakk tista' tinbidel fid-dawl ta' l-iżvilupp tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, li saru iktar u iktar stretti. Għaldaqstant, jeżisti riskju ta' żjieda fl-ostakli għall-kummerċ li d-Direttiva għandha l-intenzjoni li telimina.

66      Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li l-użu ta' l-Artikolu 100A tat-Trattat għandu jkun possibbli biss fil-każ ta' ostakli kunsiderevoli għal-libertajiet fundamentali jew ta' distorsjonijiet kunsiderevoli tal-kompetizzjoni, il-Gvern tar-Renju Unit josserva li ebda kriterju preċiż ma jippermetti li ssir tali definizzjoni.

67      Dan il-gvern jenfasizza li l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 100A li huwa jressaq hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li direttiva li sempliċement tipprojbixxi ċerti attivitajiet sabiex telimina distorsjonijiet tal-kompetizzjoni tista' tiġi adottata fuq il-bażi ta' dan l-Artikolu (sentenza Diossidu tat-titanju, iċċitata iktar 'il fuq).

68      Il-Gvern Franċiż iqis li d-Direttiva ġiet adottata validament fuq il-bażi ta' l-Artikolu 100A tat-Trattat. F'dan ir-rigward, huwa jressaq argumenti bbażati fuq preċedenti leġiżlattivi fil-qasam ta' armonizzazzjoni fis-settur tas-saħħa pubblika, tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 129 tat-Trattat u, fl-aħħar nett, fuq il-bażi legali magħżula għall-miżuri ġodda ta' armonizzazzjoni li jinsabu fil-proċess li jiġu adottati.

69      Bħala preċedenti leġiżlattivi, dan il-gvern jirreferi għad-direttivi dwar prodotti farmaċewtiċi, mid-Direttiva tal-Kunsill 65/65/KEE, tas-26 ta' Jannar 1965, dwar l-approssimazzjoni ta' dispożizzjonijiet stabbiliti b'liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva li għandhom x'jaqsmu ma' prodotti mediċinali [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 1965, 22, p. 369), sad-Direttiva tal-Kunsill 90/220, tat-23 ta' April 1990, fuq ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 117, p. 15), kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE, tas-27 ta' Lulju 1976, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-prodotti kosmetiċi (ĠU L 262, p. 169). F'dawn id-Direttivi, l-għanijiet ta' ħarsien tas-saħħa pubbliku jeżistu flimkien ma' l-għan tal-moviment liberu tal-prodotti u ta' l-eliminazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni l-validità tad-dispożizzjonijiet tagħhom li jarmonizzaw il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tas-saħħa pubblika ma ġietx ikkontestata.

70      Fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-Artikolu 129 tat-Trattat, il-Gvern Franċiż jikkwota s-sentenzi tal-5 ta' Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Kummissjoni (C-180/96, Ġabra p. I-2265), u ta' l-4 ta' April 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-269/97, Ġabra p. I-2257), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-eżiġenzi ta' ħarsien tas-saħħa tal-persuni huma parti mill-politiki l-oħra tal-Komunità u, b'mod partikolari, tal-politika tas-suq intern.

71      Fl-aħħar nett, il-Gvern josserva li l-bażi legali tal-proposta għal direttiva rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri fil-qasam ta' manifattura, ta' preżentazzjoni u ta' bejgħ tal-prodotti tat-tabakk hija l-Artikolu 100A tat-Trattat. Barra minn hekk, inbeda negozjar fl-ambitu ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa sabiex, b'mod partikolari, jiġi konkluż protokoll dwar ir-reklamar tal-prodotti tat-tabakk. Il-bażi legali ta' l-awtorità fdata lill-Kummissjoni sabiex tipparteċipa fin-negozjar huwa l-Artikolu 228 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 300 KE).

72      Il-Gvern tal-Finlandja jsostni li, fid-dawl ta' l-ostakli għall-kummerċ u tad-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni kkawżati mid-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, id-Direttiva setgħet tiġi adottata validament fuq il-bażi ta' l-Artikolu 100A tat-Trattat.

73      F'dan ir-rigward, huwa jenfasizza l-elementi transkonfinali tas-suq tar-reklamar kif ukoll ta' l-isponsorizzar favur il-prodotti tat-tabakk, imqajma mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, u jżid li l-internalizzazzjoni ta' dan is-suq hija intensifikata bil-komunikazzjoni elettronika, b'mod partikolari r-reklamar permezz ta' l-Internet. Peress li jgawdi minn mezzi ta' komunikazzjoni bħat-televixin, ir-reklamar tal-prodotti tat-tabakk jirnexxielu jidħol fl-Istati Membri fejn huwa pprojbit. B'hekk, fi Stat Membru bħall-Finlandja, fejn ir-reklamar dirett tal-prodotti tat-tabakk huwa pprojbit mill-1976, ċerti studji juru li, per eżempju, fl-1996, il-programmi sportivi mxandra fuq it-tliet stazzjonijiet televiżivi nazzjonali fuq perijodu ta' xahar jinkludu erba' sigħat ta' reklamar għal tali prodotti.

74      Il-Gvern Finlaniż isemmi wkoll id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fis-settur tal-prodotti tat-tabakk u ta' l-isponsorizzar. Dan il-metodu ta' marketing, li mhuwiex aċċessibbli għall-impriżi ż-żgħar, joħloq sitwazzjonijiet ta' inugwaljanza li mhumiex kompatibbli mas-suq komuni.

75      Fir-rigward ta' l-importanza tal-ħarsien fid-Direttiva, l-argument tal-Gvern Finlandiż huwa essenzjalment identiku għal dak magħmul mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni u li jinsab fil-qosor fil-punti 54 sa 57 ta' din is-sentenza.

L-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja

L-għażla ta’ l-Artikoli 100A, 57(2) u 66 tat-Trattat bħala bażi legali u l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha

76      Id-Direttiva tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mar-reklamar u ma' l-isponsorizzar tal-prodotti tat-tabakk. Dawn huma miżuri nazzjonali li, fil-biċċa l-kbira tagħhom, huma ispirati minn għanijiet ta' politika tas-saħħa pubblika.

77      L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 129(4) tat-Trattat jeskludi kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti ta' l-Istati Membri li huma intiżi għall-ħarsien u għat-titjib tas-saħħa tal-bniedem.

78      Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tfissirx li miżuri ta' armonizzazzjoni adottati fuq il-bażi ta' dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat ma jistax ikollhom impatt fuq il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem. It-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 129(1) jipprovdi wkoll li l-eżiġenzi tal-ħarsien tas-saħħa huma parti minn politiki oħra tal-Komunità.

79      Madankollu, l-użu ta' artikoli oħra tat-Trattat bħala bażi legali ma jistax jiġi użat sabiex tiġi evitata l-esklużjoni espliċita minn kwalunkwe armonizzazzjoni msemmija fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu(4) tat-Trattat.

80      F'dan il-każ, l-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali dwar reklamar u sponsorizzar ta' prodotti tat-tabakk, prevista mid-Direttiva, saret fuq il-bażi ta' l-Artikoli 100A, 57(2) u 66 tat-Trattat.

81      L-Artikolu 100A(1) tat-Tratat jagħti kompetenza lill-Kunsill li jadotta, filwaqt li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 189 B tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 251 KE) u wara li jkun ikkonsulta l-Kumitat ekonomiku u soċjali, il-miżuri għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li għandhom bħala għan l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern.

82      Skond l-Artikolu 3(ċ) tat-Trattat KE [li sar, wara emenda, l-Artikolu 3(1)(ċ) KE], is-suq intern huwa kkaratterizzat mit-tneħħija, bejn l-Istati Membri, ta' l-ostakli tal-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital. L-Artikolu 7 A tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 14 KE), li jipprovdi l-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiġi stabbilit is-suq intern, jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu, li dan is-suq jinvolvi żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital huwa żgurat skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

83      Meta dawn id-dispożizzjonijiet jinqraw flimkien, jirriżulta li l-miżuri msemmija fl-Artikolu 100A(1) tat-Trattat huma intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet ta' l-istabbiliment u tat-tħaddim tas-suq intern. Interpretazzjoni ta' dan l-Artikolu fis-sens li huwa jagħti lil-leġiżlatur Komunitarju kompetenza ġenerali sabiex jirregola s-suq intern mhux biss tmur kontra l-formulazzjoni nfisha tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar 'il fuq, iżda hija wkoll inkompatibbli mal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 3 B tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 5 KE) li jgħid li l-kompetenzi tal-Komunità huma kompetenzi ta' attribuzzjoni.

84      Barra minn hekk, att adottat fuq il-bażi ta' l-Artikolu 100A tat-Trattat għandu jkollu effettivament l-għan li jtejjeb kundizzjonijiet ta' l-istabbiliment u tat-tħaddim tas-suq intern. Jekk is-sempliċi konstatazzjoni ta' differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali kif ukoll tar-riskju astratt ta' ostakli għal-libertajiet fundamentali jew ta' distorsjonijiet ta' kompetizzjoni li għandhom mnejn jiġu kkawżati minnhom hija biżżejjed sabiex tiġġustifika l-għażla ta' l-Artikolu 100A bħala bażi ġuridika, l-istħarriġ ġudizzjarju tar-rispett tal-bażi ġuridika jista' jisfa mingħajr ebda effikaċja. Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista' teżerċita l-funzjoni, li hija imposta fuqha skond l-Artikolu 164 tat-Trattat KE (li wara sar l-Artikolu 220 KE), li tara li d-dritt jiġi osservat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattat.

85      Huwa b'dan il-mod li, fl-istarriġ tar-rispett tal-bażi ġuridika ta' l-Artikolu 100A, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tara jekk l-att li l-validità tiegħu tkun in kwistjoni għandux ġenwinament l-għanijiet invokati mil-leġiżlatur Komunitarju (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punti 25 sa 41, u tat-13 ta' Mejju 1997, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill, C-233/94, Ġabra p. I-2405, punti 10 sa 21).

86      Huwa minnu li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat fil-punt 35 tas-sentenza Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, l-użu ta' l-Artikolu 100A bħala bażi ġuridika huwa possibbli għall-prevenzjoni ta' ostakli futuri għall-kummerċ li jirriżultaw mill-iżvilupp eteroġenu tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali. Madankollu, għandha teżisti l-probbabiltà li jinqalgħu tali ostakli u l-miżura in kwistjoni għandu jkollha bħala għan il-prevenzjoni tagħhom.

87      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti japplikaw għall-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 57(2) tat-Trattat, moqri flimkien ma' l-Artikolu 66 tat-Trattat, li jirreferi espliċitament għall-miżuri intiżi sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għall-attivitajiet ta' provvista ta' servizzi u l-eżerċizzju ta' dawn. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ukoll l-iskop li jagħtu lil-leġiżlatur Komunitarju kompetenza speċifika sabiex jadotta miżuri intizi sabiex itejbu t-tħaddim tas-suq intern.

88      Minbarra dan, ladarba l-kundizzjonijiet ta' l-użu ta' l-Artikoli 100A, 57(2) u 66 bħala bażi ġuridika jiġu sodisfatti, il-leġiżlatur Komunitarji ma jistax jiġi pprojbit milli jibbaża ruħu fuq din il-bażi ġuridika minħabba li l-ħarsien tas-saħħa pubblika huwa fattur deċiżiv fl-għażliet li għandhom isiru. Min-naħa l-oħra, it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 129(1) jipprovdi li l-eżiġenzi fil-qasam tal-ħarsien tas-saħħa huma parti mill-politiki l-oħra tal-Komunità u l-Artikolu 100A(3) jeżiġi espliċitament li, fil-proċess ta' armonizzazzjoni, jiġi ggarantit livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa tal-persuni.

89      Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk, fid-dawl ta' dak li ntqal, id-Direttiva setgħetx tiġi adottata fuq il-bażi ta' l-Artikoli 100A, 57(2) u 66 tat-Trattat.

Id-Direttiva

90      Fl-ewwel premessa tad-Direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju josserva l-eżistenza ta' differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali dwar ir-reklamar u l-isponsorizzar tal-prodotti tat-tabakk u josserva li, minħabba li dan ir-reklamar u dan l-isponsorizzar jaqbżu l-fruntieri ta' l-Istati Membri, dawn id-differenzi huma tali li joħolqu ostakli għall-moviment tal-prodotti, li jservu bħala mezzi ta' l-imsemmija attivitajiet, u l-provvista ħielsa tas-servizzi fil-qasam, kif ukoll li jwasslu għal distorsjoni fil-kompetizzjoni, u li b'dan il-mod huma jfixklu t-tħaddim tas-suq intern.

91      Skond it-tieni premessa tad-Direttiva, dawn l-ostakli għandhom jiġu eliminati u, għal dan il-għan, ir-regoli dwar ir-reklamar u l-isponsorizzar tal-prodotti tat-tabakk għandhom jiġu approssimati, filwaqt li l-Istati Membri jitħallew il-possibbiltà li jistabbilixxu, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-eżiġenzi li huma jqisu neċessarji sabiex jiżguraw il-ħarsien tas-saħħa tal-persuni.

92      Id-Direttiva tipprojbixxi, fl-Artikolu 3(1) tagħha, kull għamla ta' reklamar jew ta' sponsorizzar tal-prodotti tat-tabakk u, fl-Artikolu 3(4) tagħha, kull distribuzzjoni bla ħlas li għandha bħala għan jew effett li tippromowovi dawn il-prodotti. Madankollu, il-komunikazzjonijiet bejn professjonisti li jipparteċipaw fil-kummerċ tat-tabakk, ir-reklamar fl-istabbilimenti ta' bejgħ u dak inkluż fil-pubblikazzjonijiet ippubblikati u stampati f'pajjiżi terzi li mhumiex intiżi prinċipalment għas-suq Komunitarju ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva (l-Artikolu 3(5)).

93      Id-Direttiva tipprjobixxi wkoll l-użu ta' l-istess isem kemm għall-prodotti tat-tabakk u ta' prodotti u servizzi oħra wara t-30 ta' Lulju 1998, ħlief għall-prodotti u s-servizzi kkummerċjalizzati qabel din id-data taħt isem użat ukoll għal prodott tat-tabakk, li għalihom l-użu ta' dan l-isem huwa awtorizzat taħt ċerti kundizzjonijiet (l-Artikolu 3(2)). Wara t-30 ta' Lulju 2001, il-prodotti tat-tabakk m'għandhomx ikollhom l-isem, it-trade mark, is-simbolu jew kwalunkwe element distintiv ieħor ta' xi prodott jew servizz, sakemm dan il-prodott tat-tabakk ma ġiex diġà kkummerċjalizzat taħt dan l-isem, din it-trade mark, dan is-simbolu jew kwalunkwe element ieħor qabel din id-data (l-Artikolu 3(3)(a)).

94      Skond l-Artikolu 5 tagħha, id-Direttiva ma taffettwax il-fakultà ta' l-Istati Membri li jistabbilixxu, b'mod konformi mat-Trattat, kundizzjonijiet iktar stretti li huma jqisu neċessarji sabiex jassiguraw il-ħarsien tas-saħħa tal-persuni fil-qasam ta' reklamar jew ta' sponsorizzar tal-prodotti tat-tabakk.

95      Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk id-Direttiva effettivament tikkontribwix għall-eliminazzjoni ta' l-ostakli tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-provvista libera tas-servizzi kif ukoll għat-tneħħija tad-distorsjoni fil-kompetizzjoni.

L-eliminazzjoni ta’ ostakli għall-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà ta' provvista ta' servizzi

96      Għandu jingħad li, minħabba d-differenzi li jeżistu bejn il-liġijiet nazzjonali dwar ir-reklamar tal-prodotti tat-tabakk, jeżistu jew hemm il-probbabiltà li jinqalgħu ostakli għall-moviment liberu tal-merkanzija jew għall-provvista libera tas-servizzi.

97      Per eżempju, fil-każ ta' rivisti, magazins u gazzetti li jinkludu reklamar tal-prodotti tat-tabakk, huwa minn li, bħalma uriet ir-rikorrenti, ebda ostakolu ma jeżisti fil-preżent għall-importazzjoni ta' tali prodotti ta' l-istampa fl-Istati Membri li jipprojbixxu tali reklamar. Madankollu, fid-dawl ta' l-iżvilupp tal-liġijiet nazzjonali f'sens iktar restrittiv rigward ir-reklamar tal-prodotti tat-tabakk, li jirrifletti l-fehma li dan ir-reklamar iwassal għal żjieda kunsiderevoli tal-konsum tat-tabakk, huwa probabbli li ostakli għall-moviment liberu tal-prodotti ta' l-istampa jistgħu jqumu fil-ġejjieni.

98      Bħala regola ġenerali, l-Artikolu 100A tat-Trattat jista' għaldaqstant jippermetti l-adozzjoni ta' direttiva li tipprjobixxi r-reklamar tal-prodotti tat-tabakk fir-rivisti, magazins u gazzetti, bil-għan li tassigura l-moviment liberu ta' dawn il-prodotti ta' l-istampa, bħalma tagħmel id-Direttiva 89/552, li tipprojbixxi, fl-Artikolu 13 tagħha, ir-reklamar televiżiv għall-prodotti tat-tabakk sabiex tippromwovi x-xandir liberu tal-programmi televiżivi.

99      Madankollu, għall-biċċa l-kbira tal-forom ta' reklamar tal-prodotti tat-tabakk, il-projbizzjoni tagħhom li tirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, ma tistax tiġi ġġustifikata bin-neċessità li jiġu eliminati l-ostakli għall-moviment liberu tal-mezzi ta' reklamar jew għall-provvista libera tas-servizzi fil-qasam tar-reklamar. Dan huwa l-każ, b'mod partikolari, tal-projbizzjoni tar-reklamar fuq posters, fuq umbrelel, fuq ashtrays u fuq oġġetti oħra użati fil-lukandi, ristoranti u kafetteriji, kif ukoll il-projbizzjoni tal-messaġġi ta' reklamar fiċ-ċinema, li huma projbizzjonijiet li bl-ebda mod ma jikkontribwixxu sabiex jiġi ffaċċilitat il-kummerċ tal-prodotti kkonċernati.

100    Huwa minnu li att adottat fuq il-bażi ta' l-Artikoli 100A, 57(2) u 66 tat-Trattat jista' jinkludi dispożizzjonijiet li ma jikkontribwux għall-eliminazzjoni ta' ostakli għal-libertajiet fundamentali jekk huma neċessarji sabiex jiġu żgurat li ċerti projbizzjonijiet li għandhom għan bħal dan ma jiġux evitati. Madankollu huwa ċar li dan mhuwiex il-każ fir-rigward tal-projbizzjonijiet in kwistjoni msemmija fil-punt preċedenti.

101    Barra minn hekk, id-Direttiva ma tiżgurax il-moviment liberu tal-prodotti li huma konformi mad-dispożizzjonijiet tagħha.

102    F'dan ir-rigward, bil-kontra ta' dak li jsostnu l-Parlament u l-Kunsill, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, rigward il-prodotti ta' diversifikazzjoni, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, meta l-kundizzjonijiet previsti fid-Direttiva jiġu sodisfatti, tali prodotti li l-kummerċ tagħhom huwa awtorizzat fi Stat Membru jistgħu jibbenefikaw minn moviment liberu fl-Istati Membri l-oħra, anki f'dawk li dawn il-prodotti huma pprojbiti.

103    Fil-fatt, skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva, l-Istati Membri jżommu s-setgħu li jistabbilixxu, b'mod konformi mat-Trattat, kundizzjonijiet iktar stretti li huma jqisu neċessarji sabiex jassiguraw il-ħarsien tas-saħħa tal-persuni fil-qasam tar-reklamar jew ta' l-isponsorizzar ta' prodotti tat-tabakk.

104    Barra minn hekk, id-Direttiva ma tinkludi l-ebda klawżola li tistabbilixxi l-moviment liberu tal-prodotti li huma konformi mad-dispożizzjonijiet tagħha, kuntrarjament għad-Direttivi l-oħra li jħallu lill-Istati Membri l-possibbiltà li jadottaw miżuri iktar stretti għall-ħarsien ta' interess ġenerali [ara, b'mod partikolari, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/239/KEE, tas-17 ta' Mejju 1990, dwar l-appossimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jikkonċernaw il-kontenut massimu ta' qatran fis-sigaretti [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 137, p. 36), u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/622, tat-13 ta' Novembru 1989, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li tikkonċerna l-ittikkettjar ta' prodotti tat-tabakk [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 359, p. 1)].

105    F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jingħad li l-leġiżlatur Komunitarju ma jistax jiġġustifika ruħu ruħu bin-neċessità li jiġu eliminati ostakli għall-moviment liberu tal-mezzi ta' reklamar u għall-provvista libera tas-servizzi sabiex jadotta d-Direttiva fuq il-bażi ta' l-Artikoli 100A, 57(2) u 66 tat-Trattat.

L-eliminazzjoni tad-distorsjoni fil-kompetizzjoni

106    Fil-kuntest ta' l-istħarriġ tal-legalità ta' direttiva adottata fuq il-bażi ta' l-Artikolu 100A tat-Trattat, il-Qorti għandha tara jekk id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni li l-att huwa intiż li jelimina humiex kunsiderevoli (sentenza Diossidu tat-Titanju, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23).

107    Fin-nuqqas ta' tali kundizzjoni, il-kompetenza tal-leġiżlatur Komunitarju prattikament ma jkollhiex limiti. Fil-fatt, il-liġijiet nazzjonali ta' spiss ivarjaw rigward il-kundizzjonijiet ta' eżerċizzju ta' l-attivitajiet li huma jirreferu għalihom, u dan ikollu direttament jew indirettament konsergwenzi fuq il-kundizzjonijet ta' kompetizzjoni ta' l-impriżi kkonċernati. Għaldaqstant interpretazzjoni ta' l-Artikolu 100A kif ukoll ta' l-Artikoli 57(2) u 66 tat-Trattat fis-sens li l-leġiżlatur Komunitarju jista' jibbaża ruħu fuq dawn l-Artikoli sabiex jelimina distorsjonijiet minimi fil-kompetizzjoni tkun inkompatibbli mal-prinċipju, li diġà ġie mfakkar fil-punt 83 ta' din is-sentenza, li l-kompetenzi tal-Komunità huma kompetenzi ta' attribuzzjoni.

108    Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk id-Direttiva effettivament tikkontribwix għall-eliminazzjoni ta' distorsjonijiet kunsiderevoli fil-kompetizzjoni.

109    Fl-ewwel lok, rigward l-aġenziji ta' reklamar u tal-produtturi ta' mezzi ta' reklamar, l-impriżi stabbiliti fit-territorju ta' l-Istati Membri li jimponu inqas restrizzjonijiet fir-rigward tar-reklamar tal-prodotti tat-tabakk huma ċertament f'vantaġġ fuq livell ta' ekonomija ta' skala u ta' żjieda tal-qligħ. Madankollu, l-effetti ta' dawn il-vantaġġi fuq il-kompetenzi huma mbiegħda u indiretti u ma jikkostitwixxux distorsjonijiet li jistgħu jiġu deskritti bħala kunsiderevoli. Huma mhumiex komparabbli mad-distorsjonijiet fil-kompetenzi kkawżati minn differenzi fi spejjeż ta' produzzjoni, bħal dawk li wasslu b'mod partikolari lil-leġiżlatur Komunitarju sabiex jadotta d-Direttiva tal-Kunsill 89/428, tal-21 ta' Ġunju 1989, li tistabbilixxi l-metodi ta' armonizzazzjoni tal-programmi ta' tnaqqis, bil-għan ta' l-eliminazzjoni, tat-tniġġiż ikkawżat mill-iskart ta' l-industrija tad-diossidu tat-titanju [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 201, p. 56).

110    Huwa minnu li d-differenzi li jeżistu bejn ċerti regolamenti dwar reklamar tat-tabakk jistgħu jikkawżaw distorsjonijiet kunsiderevoli fil-kompetizzjoni. Bħalma sostnew il-Kummissjoni u l-gvern Finlandiż u tar-Renju Unit, il-projbizzjoni ta' l-isponsorizzar f'ċerti Stati Membri u l-awtorizzazzjoni tiegħu f'oħrajn jagħtu lok għar-rilokazzjoni, b'mod partikolari, ta' ċerti kompetizzjoni sportivi, u jwasslu għal konsegwenzi importanti fuq il-kundizzjonijet ta' kompetizzjoni ta' l-impriżi marbuta ma' tali attivitajiet.

111    Madankollu, tali distorsjonijiet, li jistgħu jiġġustifikaw l-użu ta' l-Artikolu 100A tat-Trattat għall-projbizzjoni ta' ċerti forom ta' sponsorizzar, ma jippermettux l-użu ta' din il-bażi ġuridika għal projbizzjoni ġenerali tar-reklamar bħal dik li tistabbilixxi d-Direttiva.

112    Fit-tieni lok, fir-rigward ta' distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti tat-tabakk, u mingħajr ma jkun meħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwar il-kwistjoni mqajma mir-rikorrenti li tgħid li tali distorsjonijiet mhumiex imsemmija mid-Direttiva, għandu jiġi osservat li, f'dan is-settur, id-Direttiva lanqas ma hija tali li telimina distorsjonijiet kunsiderevoli fil-kompetizzjoni.

113    Huwa minnu, hekk kif il-Kummissjoni sostniet, li l-produtturi u l-bejjiegħa tal-prodotti tat-tabakk għandhom jinqdew bil-kompetizzjoni bil-prezzijiet sabiex ikollhom influwenza fuq il-pożizzjoni tagħhom fis-suq fl-Istati Membri li għandhom liġi restrittiva. Madankollu, dan il-fatt ma jikkostitwixxix distorsjoni fil-kompetizzjon iżda restrizzjoni tal-modi ta' kompetizzjoni li japplikaw bl-istess mod għall-operaturi ekonomiċi kollha fl-Istati Membri. Billi tipprojbixxi b'mod wiesa' r-reklamar tal-prodotti tat-tabakk, id-Direttiva tiġġeneralizza fil-ġejjieni tali restrizzjoni tal-modi ta' kompetizzjoni billi tillimita fl-Istati Membri l-mezzi li għandhom l-operaturi ekonomiċi sabiex ikollhom aċċess għas-suq jew sabiex jibqgħu fih.

114    F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jingħad li l-leġiżlatur Komunitarju ma jistax jibbaża ruħu fuq in-neċessità li jiġu eliminati distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, fis-settur tar-reklamar, jew fis-settur tal-prodotti tat-tabakk, sabiex jadotta d-Direttiva fuq il-bażi ta' l-Artikoli 100A, 57(2) u 66 tat-Trattat.

115    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, miżura bħad-Direttiva ma tistax tiġi adottata fuq il-bażi ta' l-Artikoli 100A, 57(2) u 66 tat-Trattat.

116    F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-motivi bbażati fuq il-fatt li l-Artikoli 100A, 57(2) u 66 tat-Trattat ma jikkostitwixxux bażi ġuridika xierqa għad-Direttiva huma fondati.

117    Hekk kif ġie osservat fil-punti 98 u 111 ta' din is-sentenza, l-Artikolu 100A tat-Trattat ippermetta l-adozzjoni ta' Direttiva li tipprojbixxi ċerti forom ta' reklamar u ta' sponsorizzar tal-prodotti tat-tabakk. Madankollu, fid-dawl tal-karattru ġenerali tal-projbizzjoni tar-reklamar u ta' l-isponsorizzar tal-prodotti tat-tabakk stabbilita mid-Direttiva, l-annullament parzjali ta' din tinvolvi l-modifika mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, modifika li hija fil-kompetenza tal-leġiżlatur Komunitarju. Għaldaqstant mhuwiex possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla parzjalment id-Direttiva.

118    Peress li l-motivi bbażati fuq in-natura żbaljata ta' l-għażla ta' l-Artikoli 100A, 57(2) u 66 tat-Trattat bħala bażi ġuridika ġew meqjusa bħala fondati, m'hemmx lok li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti. Id-Direttiva hija annullata kollha kemm hi.

 Fuq l-ispejjeż

119    Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Parlament u l-Kunsill tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Finlanda, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, skond l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja taqta' u tiddeciedi

1)      Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/43/KE, tas-6 ta' Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mar-reklamar u sponsorizzazzjoni l-isponsorizzar ta’ l-prodotti tat-tabakk hija annullata.

2)      Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea huma ordnati jbatu l-ispejjeż. Ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq u l-Kummissjoni tal-Komunitarjiet Ewropej għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Rodríguez Iglesias

Moitinho de Almeida

Edward

Sevón

Schintgen

Kapteyn

Gulmann

La Pergola      Puissochet

Jann

Ragnemalm

Wathelet

Macken

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta' Ottubru 2000.


R. Grass

 

      G.C.Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      Il-President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.