SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

16 ta' Ġunju 1998 (*)

"Ftehim ta’ kooperazzjoni KEE/Jugoslavja – Sospensjoni ta’ konċessjonijiet kummerċjali – Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-liġi tat-trattati – Kompatibbiltà mad-dritt internazzjonali"

Fil-kawża C-162/96

li għandha bħala suġġet talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu177 tat-Trattat KEE, mill-Bundesfinanzhof u li hija intiża sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn

A. Racke GmbH & Co. OHG

vs

Hauptzollamt Mainz

deċiżjoni preliminari fuq il-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) nru 3300/91, tal-11 ta’ Novembru 1991, li jissospendi l-konċessjonijiet kummerċjali previsti mill-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja (ĠU L 315, p.1),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G.C. Rodríguez Iglesias, President, C. Gulmann, H. Ragnemalm u M. Wathelet, Presidenti ta’ Awla, J.C. Moitinho de Almeida, P.J.G. Kapteyn (Relatur), J. L. Murray, , D.A.O. Edward, G. Hirsch, P. Jann u L. Sevón,, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F.G. Jacobs,

Reġistratur: D. Louterman-Hubeau, amministratur prinċipali,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–        għal A. Racke GmbH & Co., minn D. Ehle, Rechtsanwalt,

–        għall-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, minn J. Huber, u M. Vitsentzatos, bħala konsulenti legali, kif ukoll minn A. Tanca, membru tas-servizz ġuridiku, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Sack, bħala konsulent legali u B. Brandtner, membru tas-servizz ġuridiku, bħala aġent,

wara li rat ir-rapport tas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ A. Racke GmbH & Co., tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fis-seduta tal-15 ta’ Lulju 1997,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-4 ta' Diċembru 1997,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta' digriet tas-7 ta’ marzu 1996, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Mejju ta’ wara, il-Bundesfinanzhof ressqet, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KE, żewġ domandi preliminari dwar il-validità tar-Regolament tal-Kunsill Nru 3300/91 (KEE), tal-11 ta’ Novembru 1991, li jissospendi l-konċessjonijiet kummerċjali previsti mill-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja (ĠU L 315, p.1, iktar ‘il quddiem ir-"Regolament ikkontestat" ).

2        Dawn id-domandi ġew imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn A.Racke GmbH & Co. (iktar ‘il quddiem "Racke") u Hauptzollamt Mainz dwar dejn doganali, li nħoloq fil-kuntest ta’ l-importazzjoni fil-Ġermanja ta’ ċerti kwantitajiet ta’ nbid li joriġinaw mir-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja.

 Kuntest ġuridiku

3        Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja (iktar ‘il quddiem il-"Ftehim ta’ Kooperazzjoni") ġie ffirmat fit-2 ta’ April 1980 f’Belgrade, minn naħa, mill-Istati Membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea u mill-Komunità, u min-naħa l-oħra, mir-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja (iktar ‘il quddiem il-"Jugoslavja"), u approvat għan-nom tal-Komunità mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 314/83, ta’ l-24 ta’ Jannar 1983 (ĠU L 41, p.1).

4        L-Artikolu 22 tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali ma’ dan il-ftehim, li jistabbilixxi sistema kummerċjali ġdida (iktar ‘il quddiem il-"protokoll addizzjonali") approvat għan-nom tal-Komunità fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/605/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1987 (ĠU L 389, p.72) hu fformulat kif ġej:

"1. Għal inbejjed ta’ għeneb frisk li jinsabu fis-subintestaturi 22.05 u ex Ċ II tat-Tariffa Doganali Komuni u ppreżentati f’reċipjenti ta’ żewġ litri jew anqas, li joriġinaw mill-Jugoslavja, id-dazji fuq l-importazzjoni fil-Komunità għandhom ikunu mnaqqsa bi 30% fil-limitu ta’ kwota tarriffarja komunitarja annwali ta’ 12 000 ettolittri. Għall-kwantitajiet importati lil hinn mill-kontinġent, il-Komunità għandha tapplika d-dazji li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4.

[…]

3. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 għandom jibqgħu fis-seħħ sakemm il-livelli tad-dazji previsti fil-kuntest tat-tneħħija progressiva msemmija fil-paragrafu 4, għall-inbejjed msemmija fil-paragrafu 1, jilħqu r-rata ta’ riduzzjoni ta’ 30% prevista fil-paragrafu 1.

4. Għall-inbejjed ta’ għeneb frisk li jinsabu fis-subintestaturi 22.05 u ex Ċ II tat-Tariffa Doganali Komuni, li joriġinaw mill-Jugoslavja, id-dazji fuq l-importazzjoni fil-Komunità għandhom jiġu aboliti skond il-modalitajiet imiżżla fl-AArtikolu 2(1) u (2) tal-protokoll addizzjonali li joħloq is-sistema kummerċjali l-ġdida. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika fil-limitu ta’ kwota tariffarja komunitarja annwali ta’ 545 000 ettolitri. Għall-kwantitajiet importati lil hinn mill-kwota, il-Komunità għandha tapplika d-dazju tat-tariffa doganali komuni.

[…]". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Fid-dawl ta’ l-Artikolu 2(1), paragrafu 1, tal-protokoll addizzjonali, id-dazji fuq l-importazzjoni fil-Komunità applikabbli skond il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni huma progressivament aboliti matul l-istess perijodi u bl-istess ritmi bħal dawk previsti fl-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża u l-emendi tat-Trattati (ĠU 1985, L 302, p.23) għall-istess prodotti importati minn dawn l-Istati fil-Komunità fil-kompożizzjoni tagħha fil-31 ta’ Diċembru 1985. Meta d-dazji applikati fuq l-importazzjoni fil-Komunità, fil-kompożizzjoni tagħha tal-31 ta’ Diċembru 1985, ta’ prodotti ta’ Spanja u tal-Portugall huma differenti għaż-żewġ Stati, id-dazju l-aktar għoli mit-tnejn kellu jiġi applikat għall-prodotti li joriġinaw mill-Jugoslavja. Skond l-Artikolu 2(2), meta l-Jugoslavja tibbenefika mid-dazji anqas għoljin minn dawk applikati għal Spanja u għall-Portugall jew għaż-żewġ pajjiżi, id-demolizzjoni hi mibdija hekk kif id-dazji applikati għall-istess prodotti ta’ Spanja u tal-Portugall jilħqu livell inferjuri għal dawk applikati għal prodotti li joriġinaw mill-Jugoslavja.

6        Skond l-ewwel Artikolu tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) nru 3413/90, tad-19 ta’ Novembru 1990, li jirrigwarda l-ftuħ u l-metodu ta’ kwoti tariffarji komunitarji ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Jugoslavja (1991) (ĠU L 335, p.26), id-dazji għall-importazzjoni fil-Komunità ta’ nbejjed ta’ għeneb frisk li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2204 21 u 2204 29 li joriġinaw mill-Jugoslavja kienu sospiżi mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 1991 fil-livelli ta’ 3.6, 4.4, 4,.8 jew 5.6 ECU/HL u fil-limiti ta’ kwota ta’ 545 000 HL. Barra minn hekk, l-Artikoli 2 sa 4 tar-Regolament nru 3413/90 jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ aċċess ta’ importaturi ta’l-imsemmija prodotti għall-kwota.

7        Skond l-Artikolu 60 tiegħu, il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni għandu tul taż-żmien limitat. Kull parti tista’ madankollu toħroġ mill-ftehim tal-kooperazzjoni permezz ta’ notifika lill-parti l-oħra. Il-validità ta’ dan il-ftehim tintemm sitt xhur wara d-data ta’ l-imsemmija notifika.

8        Bid-Deċiżjoni 91/586/KEFA, KEE, tal-11 ta’ Novembru 1991, li tissospendi l-applikazzjoni tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea, l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja (ĠU L 315, p.47), il-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri, mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, issospendew l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni b’effett immedjat, minħabba r-raġunijiet li ġejjin, ppreċiżati fit-tieni, t-tielet, ir-raba’u l-ħames premessi tad-deċiżjoni:

"[…] Billi, fid-dikjarazzjonijiet tagħhom tal-5 u tat-28 ta' Ottubru 1991, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, [li] iltaqgħu fil-parametri ta' Koperazzjoni Politika Ewropea, taw każ il-kriżi fil-Jugoslavia; billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti esprimew, fir-reżoluzzjoni 713 (1991), il-biża' li d-dewmien f'din is-sitwazzjoni toħloq theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali;

Billi l-insegwiment ta' ostilitajiet u l-konsegwenzi tagħhom fuq ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali, kemm bejn ir-Repubbliki tal-Jugoslavia kif ukoll mal-Komunità, joħolqu bidla radikali fil-kondizzjonijet taħt liema l-Ftehim dwar il-Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Federali Soċjalista tal-Jugoslavia [1] u l-Protokolli tagħha, kif ukoll il-Ftehim dwar il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, kienu konklużi; billi dawn iqajmu l-kwistjoni dwar l-applikazzjoni ta' Ftehim u Protokolli bħal dawn;

Billi l-appell mitfuħ mill-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, [li] iltaqgħu fil-parametri tal-Koperazzjoni Politika Ewropea fis-6 ta' Ottubru 1991 f'Haarzuilens, sejħu għall-ħarsien tal-ftehim tal-waqfien mill-ġlied milħuq f'The Hague fl-4 ta' Ottubru 1991, ma ġiex imħares;

Billi, fid-dikjarazzjoni tas-6 ta' Ottubru 1991, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, [li] iltaqgħu fil-parametri tal-Koperazzjoni Politika Ewropea, ħabbru d-deċiżjoni tagħhom biex itemmu l-Ftehim bejn il-Komunità u l-Jugoslavia jekk il-ftehim milħuq f'The Hague fl-4 ta' Ottubru 1991 bejn il-partijiet involuti fil-konflitt, fil-preżenza tal-President tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropew u l-President tal-Konferenza dwar il-Jugoslavja, ma jiġix osservat."

9        Ir-Regolament ikkontestat, jgħid, fl-ewwel Artikolu tiegħu, li l-konċessjonijiet kummerċjali mogħtija mill-Ftehim ta’ Kooperazzjoni jew taħt dan il-ftehim huma sospiżi. Skond l-Artikolu 3 tiegħu, dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, jiġifieri fil-15 ta’ Novembru 1991.

10      L-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ premessi ta’ dan ir-Regolament jirrepetu r-raġunijiet msemmija fil-preambolu tad-deċiżjoni 91/586, iċċitati hawn fuq.

11      Skond l-Artikolu 60 tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 91/602/KEE, tal-25 ta’ Novembru 1991, li tirrigwarda t-terminazzjoni tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja (ĠU L 325, p.23). Skond l-Artikolu 2, din id-deċiżjoni li tittermina l-ftehim kif ukoll il-protokolli kollha u atti relatati magħha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom, jiġifieri fis-27 ta’ Novembru 1991.

12      Għal ċerti prodotti, li fosthom madanakollu ma jinsabux l-inbejjed, il-Kunsill, permezz tar-Regolament nru 3567/91 (KEE), tat-2 ta’ Diċembru 1991, li jikkonċerna s-sistema applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mir-Repubbliki ta’ Bosnija Herzegovina, tal-Kroazja, tal-Maċedonja u tas-Slovenja (ĠU L 342, p.1), ta lil dawn l-istati l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet kummerċjali essenzjalment l-istess bħal dawk tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni sospiż mill-Komunità.

13      Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) nru 545/92, tat-3 ta’ Frar 1992, li jikkonċerna s-sistema applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mir-Repubbliki tal-Kroazja u tas-Slovenja u mir-Repubbliki Jugoslavi tal-Bosnija Herzegovina, tal-Maċedonja u tal-Montenegro (ĠU L 63, p.1), żamm dawn il-miżuri għas-sena 1992 u estendihom għal ċerti prodotti agrikoli, inklużi l-inbejjed ta’ għeneb frisk li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2204 21 u 2204 29 li joriġinaw mill-imsemmija repubbliki. B’hekk, l-Artikolu 6 tar-Regolament nru 545/92 jgħid illi, għal dawn l-inbejjed, id-dazji għall-importazzjoni huma mnaqqsa bir-rata ta’ 3.2 ECU/HL jew 3.7 ECU/HL fil-limiti ta’ kwota annwali ta’ 545 000 HL.

14      Skond l-ewwel Artikolu tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) nru 547/92, tat-3 ta’ Frar 1992, li jikkonċerna l-ftuħ u metodu ta’ ġestjoni ta’ kwoti tariffarji komunitarji ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mir-Repubbliki tal-Kroazja u tas-Slovenja u mir-Repubbliki Jugoslavi tal-Bosnija Herzegovina, tal-Maċedonja u ta’ Montenegro (ĠU L 63, p.41), id-dazji għall-importazzjoni fil-Komunità ta’ nbejjed ta’ għeneb frisk li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2204 21 u 2204 29 li joriġinaw minn dawn ir-repubbliki huma sospiżi mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 1992 fil-livelli ta’ 2.4, 2.9, 3.2 jew 3,7 ECU/HL u fil-limitu ta’ kwota ta’ 545 000 HL. L-Artikoli 2 sa 4 ta’ dan ir-Regolament jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ aċċess ta’ l-importaturi ta’ l-imsemmija prodotti għall-kwota.

 Il-kawża prinċipali

15      Bejn is-6 ta’ Novembru 1990 u s-27 ta’ April 1992, Racke m’għadditx mid-dwana fil-Ġermanja nbejjed importati miż-żona ta’ produzzjoni tal-Kosovo billi poġġihom taħt is-sistema ta’ depożitu doganali f’maħżen privat. Fis-7 ta’ Mejju 1992, hi ddikjarat li l-lottijiet f’ċirkulazzjoni libera taħt is-sistema ta’ dazji b’rata preferenzjali, prevista fil-Ftehim ta’ Kooperazzjoni.

16      B’deċiżjoni tas-27 ta’ Mejju 1992, Hauptzollamt Mainz madankollu talab id-differenza bejn ir-rata tad-dazji applikabbli għal pajjiżi terzi u r-rata preferenzjali għall-fatt li l-inbejjed ikunu ġew importati mis-Serbja.

17      Sussigwentement, Racke ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht, li laqgħatu għal inbejjed importati qabel il-15 ta’ Novembru 1991, iżda ċaħditu fir-rigward tal-bqija peress li s-sospensjoni, mir-Regolament ikkontestat, tal-konċessjonijiet kummerċjali mogħtija mill-Ftehim ta’ Kooperazzjoni kienet iġġustifikata mill-ħolqien ta’ bidla fundamentali tas-sitwazzjoni, il-gwerra tal-Jugoslavja.

18      Racke ressqet appell fuq punt ta’ dritt ("Reviżjoni") kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesfinanzhof li tistaqsi l-ewwel nett jekk is-sospensjoni unilaterali tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 62(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tat-23 ta’ Mejju 1969 fuq il-Liġi tat-Trattati (iktar ‘il quddiem il-"Konvenzjoni ta’ Vjenna").

19      L-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jgħid b’mod preċiż :

"1. Bidla fundamentali ta’ ċirkustanzi li saħħet fir-rigward ta’ dawk li kienu jeżistu qabel fil-mument tal-konklużjoni ta’ trattat u li ma kinitx prevista mill-partijiet ma tistax tkun invokata bħala raġuni biex jintemm trattat jew biex wieħed jirtira minnu, sakemm:

a)      l-eżistenza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi ma kkostitwitx bażi essenzjali tal-kunsens tal-partijiet sabiex jintrabtu mit-trattat; u sakemm

b) din il-bidla ma kellhiex l-effet li tittrasforma b’mod radikali l-portata ta’ l-obbligi li għad iridu jitwettqu skond it-trattat.

[…]

3. Jekk parti tista’, skond il-paragrafi preċedenti, tinvoka bidla fundamentali taċ-ċirkustanzi bħala raġuni sabiex jintemm trattat jew sabiex wieħed jirtira minnu, hi tista’ wkoll tinvokha biss sabiex tissospendi l-applikazzjoni tat-trattat." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20      Skond il-qorti tar-rinviju, id-diviżjoni tal-Jugoslavja f’diversi Stati ġodda u l-ostilitajiet ġewwa l-Jugoslavja li jistgħu jitqabblu ma’ bidla politika jinvolvu bidla fundamentali taċ-ċirkustanzi materjali li abbażi tagħhom ingħata l-kunsens tal-partijiet kontrattwali marbuta mill-Ftehim ta’ Kooperazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-bidla li saret ma tidhirx li bidlet b’mod radikali l-portata ta’ l-obbligi li joħorġu mill-Ftehim ta’ Kooperazzjoni, li kien essenzjalment trattat kummerċjali.

21      Il-Bundesfinanzhof tistaqsi sussigwentement jekk, fir-rigward ta’ l-Artikolu 65 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, wieħed setax jipproċedi għas-sospensjoni tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni mingħajr notifika minn qabel u mingħajr preavviż, jekk kien hemm urġenza partikolari u jekk iż-żmien li għadda qabel il-mument tal-ħlas tad-dazji in kwistjoni kienx jippermetti li wieħed jirrimedja l-iżbalji eventwali tal-proċedura.

22      L-Artikolu 65(1), tal-konvenzjoni ta’ Vjenna jipprevedi li l-parti li, abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, tinvoka raġuni għat-tmiem ta’ trattat, għall-irtirar jew għas-sospensjoni ta’ l-applikazzjoni għandha tinnotifika lill-partijiet l-oħra fl-imsemmija konvenzjoni. Din in-notifika għandha tindika l-miżura maħsuba fir-rigward tat-trattat u r-raġunijiet tagħha. L-Artikolu 65(2) tal-konvenzjoni ta’ Vjenna jgħid barra minn hekk li, jekk, wara terminu li, ħlief f’każ ta’ urġenza partikolari, ma jistax ikun inferjuri għal perijodu ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri mid-data meta tiġi rċevuta n-notifika, l-ebda parti m’għamlet oġġezzjoni, il-parti li għamelt in-notifika tista’ tieħu, fil-formi previsti mill-Artikolu 67, il-miżura proposta minnha. L-Artikolu 65(3) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jipprevedi li, jekk oġġezzjoni hi mqajma minn parti oħra, il-partijiet għandhom ifittxu soluzzjoni permezz tal-mezzi indikati fl-Artikolu 33 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

23      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Bundesfinanzhof ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) nru 3300/91, tal-11 ta’ Novembru 1991, li jissospendi l-konċessjonijiet kummerċjali previsti mill-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-KEE u r-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja (ĠU L 315, p.1), huwa validu?

2) F’każ ta’ risposta negattiva għad-domanda nru 1:

Liema huma l-konsegwenzi ta’ l-invalidità fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ dazji fil-bidu ta’ Mejju 1992 fuq inbejjed ta’ oriġini Serba importati minn nofs Novembru sa April 1992 u sottomessi għas-sistema ta’ depożitu doganali?

It-trattament doganali preferenzjali, marbut mal-kwoti, mogħti fl-1992 għal inbejjed li ġejjin mill-exJugoslavja, bl-eċċezzjoni tas-Serbja, huwa applikabbli?"

 Fuq l-ewwel domanda

24      Għandu jiġi kkonstatat, b’mod preliminari, li, għalkemm hi la jorbtu l-Komunità u lanqas l-Istati Membri kollha, sensiela ta’ dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni ta’ Vjenna, inkluż l-Artikolu 62 tagħha, jirriflettu r-regoli tad-dritt internazzjonali li jistabbilixxxu, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-prinċipju li bidla ta’ ċirkustanzi tista’ twassal għan-nullità jew għas-sospensjoni ta’ trattat. B’hekk, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja qalet li “Dan il-prinċipju u l-kundizzjonijiet eċċezzjonali li għalihom hu sottomess ġew stabbiliti fl-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-liġi tat-trattati li tista’, f’diversi aspetti, tkun ikkunsidrata bħala kodifikazzjoni tad-dritt konswetudinarju eżistenti f’dak li għandu x’jaqsam mat-terminazzjoni ta’ relazzjonijiet li jirriżultaw mit-trattati minħabba bidla ta’ ċirkustanzi (sentenza tat-2 ta’ Frar 1973, każ tal-kompetenza fil-qasam tal-pixkeriji, ir-Renju Unit vs l-Islanda, ġabra ta’ sentenzi, avviżi konsultattivi u digrieti, 1973, p.3, punt 36).

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

25      Il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha rigward il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi fuq l-ewwel domanda, peress li din tikkonċerna l-validità tar-Regolament ikkontestat fir-rigward tar-regoli ta’ dritt konswetudinarju internazzjonali. Anki jekk dan ir-Regolament jikkonstitwixxi att meħud mill-Komunità fis-sens ta’ l-Artikolu 177(1)(b) tat-Trattat, il-proċedura għal deċiżjoni preliminarja ma tippermettix madanakollu l-iżvilupp ta’ argument bbażat biss fuq id-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari fuq il-prinċipji li jirregolaw it-terminazzjoni ta’ trattati u s-sospensjoni ta’ l-applikazzjoni tagħhom.

26      Għandu jiġi mfakkar li, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et (21/72 sa 24/72, Ġabra p. 1219, punt 5), il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi, skond l-Artikolu 177 tat-trattat, fuq il-validità ta’ atti meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Komunità ma tistax tiġi limitata bil-motivi li abbażi tagħhom il-validità ta’ l-atti tista’ tkun ikkontestata.

27      Peress li din il-kompetenza testendi għat-total ta’ motivi ta’ invalidità li jistgħu jinvalidaw dawn l-atti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata teżamina jekk il-validità tagħhom tistax tiġi affettwata mill-fatt li huma jmorru kontra regoli ta’ dritt internazzjonali (sentenza Internation Fruit Company, iċċitata hawn fuq, punt 6).

28      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja hi kompetenti biex tiddeċiedi fuq l-ewwel domanda preliminari.

 Fuq il-validità tar-Regolament ikkontestat

29      Hemm lok li wieħed jinnota li l-kwistjoni ta’ validità tar-Regolament ikkontestat fir-rigward tad-dritt konswetudinarju internazzjonali tqum, b’mod inċidentali, f’kontroversja li fiha Racke titlob l-applikazzjoni tas-sistema tad-dazji b’rata preferenzjali prevista fl-Artikolu 22 tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni.

30      Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett jekk l-Artikolu 22(4), li japplika f’dan il-każ, kif jindika ukoll l-għan tar-Regolament fuq il-kwoti msemmija fid-digriet tar-rinviju, hu ta’ natura li jagħti drittijiet għal trattament doganali prefenzjali direttament lil individwi

31      Skond il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, dispożizzjoni ta’ ftehim stipulata mill-Komunità ma’ pajjiżi terzi għandha tkun ikkunsidrata bħala direttament applikabbli meta, fid-dawl tat-termini tagħha kif ukoll ta’ l-għan u tan-natura tal-ftehim, hi fiha obbligu ċar u preċiż li mhuwiex suggett, fl-applikazzjoni jew fl-effetti tiegħu, għall-adozzjoni ta’ xi att ulterjuri (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel, 12/86, Ġabra p.3719, punt 14).

32      Sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 22(4) tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tissodisfax dawn il-kriterji, għandhom jiġi esaminati, qabel kollox, it-termini tagħha.

33      Din id-dispożizzjoni għandha, minħabba t-termini tagħha stess, tiġi implementata minn Atti Komunitarji sabiex jinfetaħ, skond il-modalitajiet stabbiliti mill-Artikolu 2(1) u (2) tal-protokoll addizjonali, l-imsemmi kwota annwali tariffarju komuntarju, peress li l-Komunità ma tiddisponi minn l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. Il-Komunità għandha fil-fatt tipproċedi fi żmien utli għal kalkolu eżatt tad-dazji skond dawn id-dispożizzjonijiet.

34      Jidher li l-Artikolu 22(4) tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni hu jista’ joħloq, fir-rigward tat-trattament doganali preferenzjali previst minnu, xi drittijiet li jistgħu jiġu sostnuti minn individwi quddiem il-qrati nazzjonali.

35      Din il-konstatazzjoni mhix, barra minn hekk, kontradetta mill-eżami ta’ l-għan u tan-natura tal-ftehim li l-Artikolu 22(4) hu parti minnu.

36      Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni għandu, fil-fatt, bħala għan li jippromwovi l-iżvilupp tal-kummerċ bejn il-partijiet kuntrattwali u li jelimina progressivament l-ostakoli li jaffettwaw il-biċċa l-kbira tal-kummerċ tagħhom. Wara t-tmiem ta’ l-ewwel stadju ta’ din il-liberalizzazzjoni, fit-30 ta’ Ġunju 1985, il-protokoll addizzjonali stabilixxa s-sistema ulterjuri tal-kummerċ. Hu f’dan il-kuntest li l-Artikolu 22(4), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 4 tal-protokoll addizzjonali, jistabilixxi, għal ċerti nbejjed, kwota tariffarja komunitarja fil-limitu ta’ liema għandhom jiġu aboliti d-dazji għall-importazzjoni fil-Komunità.

37      Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk, meta hu jagħmel użu tat-trattatament doganali preferenzjali li jagħtih l-Artikolu 22(4) tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni, emendat, individwu jistax jikkontesta l-validità, fir-rigward ta’ regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, tar-Regolament ikkontestat, li jissospendi, mill-15 ta’ Novembru 1991, l-konċessjonijiet kummerċjali mogħtija minn dan il-ftehim.

38      F’dan ir-rigward, il-Kunsill isostni li l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat kien ippreċedut, mill-aspett loġiku u ġuridiku, mill-adozzjoni tad-deċiżjoni 91/586 li tikkonċerna, fuq il-pjan internazzjonali, is-sospensjoni ta’ l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni. L-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, fiha nnifisha, saret neċessarja hekk kif il-konċessjonijiet kummerċjali previsti mill-imsemmi ftehim daħlu fis-seħħ fil-passat b’regola komunitarja interna.

39      Issa, skond il-Kunsill, peress li d-dritt internazzjoni li ma joħloqx b’mod vinkolanti l-metodi ta’ rimedi f’każ ta’ ksur tar-regoli ta’ dritt internazzjonali, il-ksur eventwali ta’ dawn ir-regoli bid-deċiżjoni 91/586 ma jwassalx neċessarjament għas-seħħ mill-ġdid tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni, u bħala konsegwenza, fuq livell komunitarju, għall-invalidità tar-Regolament ikkontestat minħabba li dan imur kontra l-ftehim li jkun reġa’ daħal fis-seħħ. B’hekk, il-ksur tad-dritt internazzjonali jista’ jiġi wkoll sanzjonat permezz tad-danni b’mod li l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni jibqa’ sospiż. Għaldaqstant, sabiex tiġi apprezzata l-validità tar-Regolament ikkontestat, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex bżonn teżamina jekk is-sospensjoni tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bid-deċiżjoni 91/586 tiksirx ir-regoli ta’ dritt internazzjonali.

40      Għandu jiġi kkonstatat li d-domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju taffettwa biss il-validità tar-Regolament ikkontestat fir-rigward ta’ regoli ta’ dritt konswetudinarju internazzjonali.

41      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li ftehim ma’ pajjiż terz, konkluż mill-Kunsill, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEE, jikkostitwixxi, għal dak li għandu x’jaqsam mal-Komunità, att meħud minn istituzzjoni tal-Komunità u l-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim jagħmlu parti integrali mid-dritt komunitarju (sentenza Demirel, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 7)

42      Issa, kieku r-Regolament kellu jkun iddikjarat invalidu, il-konċessjonijiet kummerċjali mogħtija mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni jibqgħu fis-seħħ fl-ordni ġuridiku komunitarju, sad-data li fiha l-Komunità tkun, skond ir-regoli tad-dritt komunitarju applikabbli, temmet dan il-ftehim.

43      Jidher li dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-Regolament ikkontestat minħabba li dan imur kontra r-regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju tippermetti lil individwi jinvokaw direttament id-drittijiet għal trattament preferenzjali li hu mogħti lilhom mill-Ftehim ta’ Kooperazzjoni.

44      Il-Kummissjoni, minn naħa tagħha, tiddubita li r-regoli ta’ dritt internazzjonali li għalihom tirreferi d-digriet tar-rinviju jistgħux ikunu kkunsidrati, fin-nuqqas ta’ klawsola espliċita fit-Trattat KEE, li jagħmlu parti mill-ordni ġuridiku komunitarju. Issa, biex jikkuntesta l-validità ta’ Regolament, individwu jista’ jibbaża ruħu fuq ir-rapport eżistenti bejnu u bejn il-Komunità iżda ma jkollux, imbagħad, id-dritt li jinvoka xi motivi bbażati fuq ir-rapport ġuridiku bejn il-Komunità u Stat terz, li jaqa’ fl-ambitu tad-dritt internazzjonali.

45      Għal dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat, kif, bħal ma jidher mis-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C-286/90), il-kompetenzi tal-Komunità għandhom ikunu eżerċitati fir-rispett tad-dritt konswetudinarju internazzjonali meta hi tadotta Regolament li jissospendi l-konċessjonijiet kummerċjali mogħtija mill-ftehim jew taħt il-ftehim li hi laħqet ma’ pajjiż terz.

46      Minn dan isegwi li r-regoli tad-dritt komuntarji internazzjonali li jikkonċernaw t-terminazzjoni u s-sospensjoni tar-relazzjonijiet li jirriżultaw mit-trattati fid-dawl ta’ bidla fundamentali ta’ ċirkustanzi jorbtu l-istituzzjonijiet tal-Komunità u jifformaw parti mill-ordni ġuridiku komunitarju.

47      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-individwu qed jikkontesta, b’mod inċidentali, il-validità tar-Regolament komunitarju fir-rigward ta’ dawn ir-regoli sabiex isostni d-drittijiet li joħorġu direttament minn ftehim tal-Komunità ma’ pajjiżi terzi. Dan il-każ ma jikkonċernax għalhekk l-effett dirett ta’ l-imsemmija regoli.

48      Fil-fatt, l-individwu qed jinvoka r-regoli tad-dritt konswetudinarju internazzjonali ta’ natura fundamentali kontra r-Regolament ikkontestat, li ttieħed skond dawn ir-regoli u jipprivah mid-drittijiet tiegħu għat-trattament preferenzjali li l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni jagħtih (ara, għal sitwazzjoni simili mar-regoli bażiċi ta’ natura kuntrattwali, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs il-Kunsill, C-69/89, Ġabra p. I-2069, punt 31)

49      Ir-regoli invokati mill-individwu jifformaw eċċezzjoni għall-prinċipju pacta sunt servanda li tikkostitwixxi prinċipju fundamentali ta’ kull ordni ġuridiku u, b’mod partikolari, ta’ l-ordni ġuridiku internazzjonali. Applikat għad-dritt internazzjonali, dan il-prinċipju jitlob li kull trattat jorbot lill-partijiet u li jkun implementat minnhom b’mod sinċier (ara Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna).

50      L-importanza ta’ dan il-prinċipju ġiet imfakkra wkoll mill-Qorti internazzjonali tal-Ġustizzja, li qalet li "l-istabilità tar-relazzjonijiet li jirriżultaw mit-trattati titlob li l-motiv ta’ bidla fundamentali ta’ ċirkustanzi jiġi applikat biss f’każi eċċezzjonali (sentenza tal-25 ta’ Settembru 1997, każ relatat mal-proġett Gabcíkovo-Nagymaros, l-Ungerija vs l-Islovenja, punt 104, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra ta’ sentenzi, avviżi konsultattivi u digrieti).

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, individwu, li fi proċeduri legali jibbaża ruħu fuq drittijiet li jkollu direttament minn ftehim ma' pajjiż terz ma jistax jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jikkontesta l-validità ta’ Regolament li, billi jissospendi l-konċessjonijiet kummerċjali mogħtija mill-ftehim, ma jħalliehx jibbaża ruħu fuqu, u jinvoka, sabiex jikkontesta l-validità tar-Regolament ta' sospensjoni, obbligi li joħorġu mir-regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li jirregolaw t-terminazzjoni u s-sospensjoni tar-relazzjonijiet li jirriżultaw mit-trattati.

52      Madankollu, fid-dawl tal-kumplessità tar-regoli in kwistjoni u ta’ l-ineżattizza ta’ ċerti kunċetti li għalihom huma jirreferu, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu neċessarjament, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità, għandu jkum limitat għall-kwistjoni dwar jekk, billi adottata r-Regolament tas-sospensjoni, il-Kunsll wettaqx xi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni rigward il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli.

53      Sabiex t-terminazzjoni jew is-sospensjoni ta’ ftehim jista’ jkun jittieħed in kunsiderazzjoni minħabba bidla fundamentali ta’ ċirkustanzi, id-dritt internazzjonali konswetudinarju, hekk kif ikkodifikat fl-Artikolu 62(1) tal-konvenzjoni ta’ Vjenna, jimponi żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, l-eżistenza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kellhom jikkostitwixxu bażi essenzjali ta’ kunsens mill-partijiet sabiex ikunu marbuta mill-ftehim; it-tieni nett, din il-bidla għandha jkollha bħala effett it-tibdil b’mod radikali tal-portata ta’ dawn l-obbligi li għad iridu jiġu soddisfatti skond il-ftehim.

54      Fir-rigward ta’ l-ewwel kundizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, skond il-preambolu tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni, il-partijiet kontrattwali huma determinati “li jippromwovu l-iżvilupp u d-diversifikazzjoni ta' koperazzjoni ekonomika, finanzjarja u ta' kummerċ, sabiex jitrabba bilanċ aħjar, isir titjib fl-istruttura tal-kummerċ tagħhom, u jespandu l-volum u jtejbu l-benesseri tal-popolazzjonijiet tagħhom” u li huma konxji “dwar in-neċessità li jittieħed in kunsiderazzjoni s-sinjifikant tas-sitwazzjoni ġdida maħluqa mit-tkabbir tal-Komunità u li jsir tisħiħ tal-kuntatti eżistenti mal-ġirien għall-organizzazjoni ta’ relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali aktar armonjużi bejn il-Komunità u r-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja”[traduzzjoni mhux uffiċjali]. Abbażi ta’ tali kunsiderazzjonijiet, l-Artikolu 1 ta’ dan il-ftehim jistipula li l-għan ta’ dan “hu li tiġi promossa koperazzjoni komprensiva bejn il-partijiet kontraenti, sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku ta' l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, partikolarment għall-iżvilupp ta' ekonomija tas-suq, u sabiex jissaħħu iktar ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet contraenti”.

55      Fid-dawl tal-portata wiesgħa ta’ l-għan, iż-żamma ta’ sitwazzjoni ta’ paċi fil-Jugoslavja, indispensabbli għar-relazzjonijiet tajba mal-ġirien, u l-eżistenza ta’ istituzzjonijiet kapaċi li jiżguraw l-implementazzjoni ta’ kooperazzjoni prevista mill-ftehim fit-territorju kollu tal-Jugoslavja jikkostitwixxu kundizzjoni essenzjali sabiex wieħed jibda u jsegwi l-kooperazzjoni prevista mill-ftehim.

56      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, ma jidhirx li l-Kunsill, billi jikkonstata, fit-tieni premessa tar-Regolament ikkontestat, li “l-insegwiment ta' ostilitajiet u l-konsegwenzi tagħhom fuq ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali, kemm bejn ir-Repubbliki tal-Jugoslavia kif ukoll mal-Komunità, joħolqu bidla radikali fil-kondizzjonijet taħt liema l-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Federali Soċjalista tal-Jugoslavia u l-Protokolli tagħha ġew konklużi” u “li huma jqajmu in kwistjoni l-applikazzjoni tagħhom”, wettaq żball manifest ta’evalwazzjoni.

57      Filwaqt li huwa veru, hekk kif jisħaq Racke, li ċertu volum ta’ kummerċ kellu jitkompla mal-Jugoslavja u li l-Komunità setgħet tkompli tagħti konċessjonijiet tariffarji, il-fatt jibqa, kif jgħid l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konlużjonijiet tiegħu, li l-applikazzjonijiet tar-regoli ta’ dritt internazzjonali konswetudinarju in kwistjoni, mhuwiex suġġett għall-impossibilità ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu u li l-kontinwazzjoni ta’ preferenzi, bil-għan li jitqanqal il-kummerċ ma kienx jagħmel aktar sens mill-mument li l-Jugoslavja kienet fi stat ta’ diviżjoni.

58      Rigward il-mistoqsija, imqajma fid-digriet tar-rinviju, dwar jekk, fir-rigward ta’ l-Artikolu 65 tal-konvenzjoni ta’ Vjenna, kienx leċitu li wieħed jipproċedi għas-sospensjoni tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni mingħajr notifika u mingħajr avviż, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dikjarazzjonijiet komuni tal-5, 6 u 28 ta’ Ottubru 1991, il-Komunità u l-Istati Membri ħabbru li kienu se jadottaw miżuri restrittivi kontra dawk il-partijiet li ma jirrispettawx il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied ta’ l-4 ta’ Ottubru 1991 li huma jkunu ffirmaw fil-preżenza tal-President tal-Kunsill u tal-President tal-konferenza fuq il-Jugoslavja; barra minn hekk, waqt il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, il-Komunità għarrfet li hija ser twaqqaf il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-waqfien mill-ġlied (Bull. KE 10-1991, punti 1.4.6, 1.4.7 u 1.4.16).

59      Jekk dikjarazzjonijiet tali ma jissodisfawx l-esiġenzi formali mressqa minn din id-dispożizzjoni, hemm lok li jiġi mfakkar li l-istruzzjonijiet speċifiċi ta’ natura proċedurali li huma previsti ma jifformawx parti mir-regoli ta’ dritt internazzjonali konswetudinarju.

60      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami ta’ l-ewwel domanda m’għandha ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tar-Regolament ta’ sospensjoni.

61      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari, m’hemmx lok li wieħed jiddeċiedi fuq it-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

62      L-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill u mill-Kummissjoni għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti nazzjonali, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja

bħala risposta għad-domandi mressqa lilha mill-Bundesfinanzhof, b’digriet tas-7 ta’ Marzu 1996, taqta’ u tiddeċiedi:

Mill-eżami tad-domandi mressqa ma rriżulta l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) nru 3300/91, tal-11 ta’ Novembru 1991, li jissospendi l-konċessjonijiet kummerċjali previsti mill-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.