Brussell, 19.11.2020

COM(2020) 743 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija, l-Armenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eġittu, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Tuneżija u t-Turkija dwar kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ dawk l-Istati terzi


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAR-RAKKOMANDAZZJONI

F’dinja globalizzata fejn ir-reati serji u t-terroriżmu huma dejjem aktar transnazzjonali u polivalenti, jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji jkunu mgħammra bis-sħiħ biex jikkooperaw ma’ sħab esterni biex jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-Eurojust tkun tista’ tikkoopera u tiskambja data personali mal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ pajjiżi terzi sal-punt meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha. Bħalissa, il-Eurojust għandha ftehimiet ta’ kooperazzjoni fis-seħħ li jippermettu skambji ta’ data personali mal-Montenegro, l-Ukrajna, il-Moldova, il-Liechtenstein, l-Iżvizzera, il-Maċedonja ta’ Fuq, l-Istati Uniti, l-Iżlanda, in-Norveġja, il-Georgia, l-Albanija u s-Serbja. Skont l-Artikolu 80(5) tar-Regolament 2018/1727 1 (ir-Regolament dwar il-Eurojust), dawn il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni jibqgħu validi.

Sa minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament dwar il-Eurojust fit-12 ta’ Diċembru 2019 u skont it-Trattat, il-Kummissjoni hija responsabbli, f’isem l-Unjoni, għan-negozjar ta’ ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi terzi dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ data personali mal-Eurojust. Sa fejn ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha, f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Eurojust, il-Eurojust tista’ tistabbilixxi u żżomm relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni ma’ sħab esterni permezz ta’ arranġamenti ta’ ħidma. Madankollu, dawn waħedhom ma jistgħux ikunu bażi ġuridika għall-iskambju ta’ data personali.

Meta tqis l-istrateġija politika, il-ħtiġijiet operazzjonali tal-awtoritajiet ġudizzjarji madwar l-UE, u l-benefiċċji potenzjali ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib f’dan il-qasam, il-Kummissjoni tqis meħtieġ li jinbdew negozjati fit-terminu qasir ma’ għaxar pajjiżi terzi biex jiġi regolat il-mod kif il-Eurojust tista’ tikkoopera magħhom.

Il-Kummissjoni għamlet il-valutazzjoni tagħha tal-pajjiżi ta’ prijorità filwaqt li qieset il-ħtiġijiet operazzjonali tal-Eurojust. L-abbozz ta’ strateġija għar-relazzjonijiet esterni tal-Eurojust ippreżentat mill-Kummissjoni għal rieżami jindika li l-Eurojust identifikat li hemm ħtieġa operazzjonali partikolari għal kooperazzjoni mar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, ir-Repubblika tal-Arġentina, il-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Kolombja, ir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, l-Istat ta’ Iżrael, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, ir-Repubblika tal-Libanu, ir-Renju tal-Marokk, ir-Repubblika tat-Tuneżija u r-Repubblika tat-Turkija. Stati terzi oħra ta’ prijorità identifikati mill-Eurojust jinkludu r-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Kanada, l-Emirati Għarab Magħquda, ir-Repubblika Federali tan-Niġerja, ir-Repubblika tal-Panama, l-Istati Uniti tal-Messiku u l-Federazzjoni Russa.

Filwaqt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi dawn il-ħtiġijiet operazzjonali, huwa ċar li dawn mhumiex identiċi f’termini ta’ intensità. Il-livell attwali ta’ kooperazzjoni jiddependi fuq diversi fatturi, bħad-disponibbiltà ta’ Punt ta’ Kuntatt tal-Eurojust fil-pajjiż ikkonċernat. Minħabba l-limitazzjonijiet tar-riżorsi mhuwiex possibbli għall-Kummissjoni li tidħol f’negozjati ma’ dawn l-Istati terzi kollha fl-istess ħin – prijoritizzazzjoni ulterjuri titqies meħtieġa. Għall-Kummissjoni, jenħtieġ li l-ewwel prijorità tkun li ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi kandidati u dawk kandidati potenzjali, peress li dawn l-Istati terzi jenħtieġ li jkunu mħejjija bl-aħjar mod għal kooperazzjoni ġudizzjarja ta’ livell għoli f’materji kriminali bħala kwistjoni tal-acquis tal-UE. Il-fehma tal-Kummissjoni rigward il-Bożnija-Ħerzegovina u t-Turkija ġiet stabbilita fir-Rapporti Regolari tal-2020 tal-Kummissjoni 2 . Fiż-żewġ każijiet, il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, li jippermetti l-iskambju ta’ data personali mal-Eurojust, hija bil-kundizzjoni li ż-żewġ pajjiżi jagħmlu l-emendi meħtieġa għal-liġijiet rilevanti tagħhom dwar il-protezzjoni tad-data.

Jenħtieġ li t-tieni prijorità tkun li ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi oħra li ma applikawx għas-sħubija fl-Unjoni iżda li għandhom impatt potenzjalment għoli fuq is-sigurtà fl-Ewropa għal raġunijiet ġeografiċi, bħal pajjiżi fir-Reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq. Kif indikat hawn fuq, il-pajjiżi f’dan ir-Reġjun huma kollha pajjiżi terzi ta’ prijorità ewlenija għall-Eurojust għal raġunijiet operazzjonali. Din l-għażla hija wkoll f’konformità mal-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea 3 .

Jenħtieġ li t-tielet prijorità tkun li tiġi żgurata kemm jista’ jkun il-konsistenza fir-relazzjonijiet tal-aġenziji tal-ĠAI ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari bejn il-Europol u l-Eurojust, biex b’hekk jiġi żgurat segwitu possibbli bejn l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja. Bħalissa, il-Kummissjoni - f’isem l-Europol - tfittex li tikkonkludi ftehimiet ma’ tmienja mill-għaxar pajjiżi msemmija hawn fuq. Il-Kummissjoni tqis li huwa utli, sa fejn huwa possibbli u fattibbli, li tirsisti biex kemm il-Eurojust kif ukoll il-Europol jiġu inklużi f’dawn in-negozjati futuri, li jistgħu wkoll jagħmluhom aktar attraenti għall-pajjiżi terzi kkonċernati.

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni għalhekk tirrakkomanda lill-Kunsill li bħala l-ewwel pass, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata mandat biex tinnegozja mal-Istati terzi li ġejjin: l-Armenja, l-Alġerija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eġittu, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Tuneżija u t-Turkija. Reċentement l-Armenja indikat ix-xewqa tagħha li l-Eurojust tidħol f’relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni magħha.

Kuntest politiku

L-Armenja

L-Armenja hija pajjiż sieħeb importanti tal-UE fis-Sħubija tal-Lvant, li tinsab strateġikament fil-Kawkasu tan-Nofsinhar. Fl-2017, iffirmat Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ mal-UE, li jinkludi approssimazzjoni tal-liġijiet f’setturi importanti bħall-ambjent, l-enerġija, it-trasport u l-protezzjoni tal-konsumatur. L-Armenja u l-UE ffirmaw Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Viża fl-2012 u Ftehim ta’ Riammissjoni fl-2013. Wara rivoluzzjoni demokratika paċifika fl-2018, l-Armenja bdiet it-triq ta’ riforma biex ittejjeb l-istat ta’ dritt u l-istandards tal-għajxien, inkluż r-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-gvern il-ġdid saħaq fuq il-valuri komuni mal-UE u sejjaħ il-ftehim mal-UE blueprint għar-riforma domestika. L-Armenja hija membru tal-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika mmexxija mir-Russja u tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva. L-UE tappoġġa l-implimentazzjoni tar-riformi tal-ġustizzja u ta’ kontra l-korruzzjoni permezz ta’ djalogu ta’ politika bejn l-UE u l-Armenja dwar il-ġustizzja. B’riżultat ta’ dan, fl-2019 ġew adottati strateġiji ta’ riforma f’konformità mal-istandards Ewropej. Programm li jammonta għal EUR 30 miljun permezz tal-allokazzjoni tal-baġit tal-2020 se jappoġġa l-implimentazzjoni tagħhom.



L-Alġerija

L-Alġerija hija pajjiż sieħeb ta’ importanza strateġika għall-UE, kemm minħabba l-pożizzjoni tagħha fiż-żona tal-Magreb kif ukoll ir-rwol tagħha fil-livell reġjonali u tal-Unjoni Afrikana. Minn perspettiva strateġika, l-Alġerija hija punt fokali fil-Mediterran u attur ewlieni għall-istabbilizzazzjoni tar-reġjun tas-Saħara-Saħel. Il-pajjiż huwa attiv ħafna fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fit-territorju tiegħu.

Il-prijoritajiet tas-sħubija bejn l-UE u l-Alġerija adottati f’Marzu 2017 jinkludu l-migrazzjoni u s-sigurtà fost il-prijoritajiet identifikati. F’Ottubru 2017, l-UE u l-Alġerija stabbilew djalogu informali ta’ livell għoli dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u s-sigurtà reġjonali, fejn esprimew ir-rieda tagħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni bilaterali fil-qasam tas-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. B’mod partikolari, ġew identifikati l-oqsma kritiċi li ġejjin b’potenzjal għoli ta’ kooperazzjoni: id-deradikalizzazzjoni; il-kooperazzjoni bejn l-Europol u l-Alġerija; il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar u ċ-ċiberkriminalità; il-finanzjament għal kontra t-terroriżmu; u l-investigazzjonijiet forensiċi.

L-Alġerija u l-UE huma membri tal-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu. Wieħed miċ-Ċentri ta’ Eċċellenza reġjonali iffinanzjat mill-UE dwar il-Mitigazzjoni tar-Riskju Kimiku, Bijoloġiku, Radjoloġiku u Nukleari (CBRN CoE) huwa ospitat fl-Alġier.

Il-Bożnija-Ħerzegovina

Il-Bożnija-Ħerzegovina hija pajjiż sieħeb kruċjali għall-Unjoni Ewropea. Flimkien ma’ pajjiżi oħra tal-Balkani tal-Punent, il-Bożnija-Ħerzegovina ġiet identifikata bħala kandidat potenzjali għas-sħubija fl-UE waqt is-summit tal-Kunsill Ewropew ta’ Tessaloniki f’Ġunju 2003.

Fi Frar 2016, il-Bożnija-Ħerzegovina applikat għas-sħubija fl-UE u f’Settembru 2016 il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta l-opinjoni tagħha dwar il-merti tal-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina. F’Mejju 2019, il-Kummissjoni adottat l-Opinjoni tagħha u r-rapport analitiku li jakkumpanjaha dwar l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għas-sħubija fl-UE 4 . L-Opinjoni tidentifika 14-il prijorità ewlenija fl-oqsma tad-demokrazija/tal-funzjonalità, l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika li għandhom jiġu ssodisfati minn Bożnija-Ħerzegovina sabiex tiġi rakkomandata għall-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni.

Il-Bożnija-Ħerzegovina ffirmat il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fl-2018, li jistabbilixxi passi konkreti għal kooperazzjoni msaħħa fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni għas-sentejn ta’ wara 5 . F’dan il-kuntest, isir djalogu ta’ politika bejn l-UE u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu b’mod regolari. Dan jiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku u l-koordinazzjoni interna – b’mod partikolari dwar il-prevenzjoni ta’ estremiżmu vjolenti, il-kundanna xierqa għall-ġellieda terroristi barranin u r-riintegrazzjoni soċjali sussegwenti tagħhom, dwar it-traffikar tal-armi, il-kontroll fil-fruntiera, il-finanzjament tat-terroriżmu, u l-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali dwar l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehim mal-Europol kif ukoll il-konklużjoni ta’ ftehim mal-Eurojust.

L-ewwel, il-Bożnija-Ħerzegovina stabbiliet punti ta’ kuntatt għall-Eurojust fl-2014 biex tibda negozjati għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni. Aktar tard ġie wkoll stabbilit grupp ta’ esperti għat-tħejjija tal-ħidma fil-fażi ta’ qabel in-negozjar tal-ftehim ta’ kooperazzjoni. F’April 2020, wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament il-ġdid dwar il-Eurojust f’Diċembru 2019, l-awtoritajiet Bożnijaċi bagħtu ittra lill-Eurojust fejn esprimew l-intenzjoni tagħhom li jibdew il-formalizzazzjoni tal-kooperazzjoni tagħhom permezz ta’ arranġament ta’ ħidma.

L-Eġittu

L-Eġittu huwa pajjiż sieħeb importanti għall-UE, u jista’ jkollu rwol ċentrali fil-promozzjoni tal-paċi, il-prosperità u l-istabbiltà fir-reġjun tal-Viċinat tan-Nofsinhar. Il-qafas ġenerali għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu huwa pprovdut mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-seħħ mill-2004. Il-prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Eġittu għall-perjodu bejn l-2017 u l-2020 maqbula b’mod konġunt jidentifikaw l-oqsma ewlenin ta’ kooperazzjoni. Dawn jinkludu: 1) l-iżvilupp ta’ ekonomija sostenibbli u moderna u l-iżvilupp soċjali għall-Eġittu; 2) it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-politika esterna; 3) it-titjib tal-kooperazzjoni fil-proċess ta’ stabbilizzazzjoni, b’mod partikolari fl-oqsma tal-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà u l-migrazzjoni 6 .

Il-Prijoritajiet tas-Sħubija jirreferu għall-iżvilupp possibbli tal-kooperazzjoni ġudizzjarja dwar materji kriminali u ċivili. Fis-seba’ laqgħa tas-Sottokumitat dwar il-Ġustizzja u s-Sigurtà f’Novembru 2019, iż-żewġ naħat wettqu djalogu komprensiv li kopra diversi kwistjonijiet ta’ interess reċiproku b’mod partikolari l-kooperazzjoni ġudizzjarja, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, u l-ġlieda kontra d-droga u l-kriminalità organizzata 7 . Fit-tieni laqgħa tad-Djalogu bejn l-UE u l-Eġittu dwar il-Migrazzjoni f’Lulju 2019, il-Eurojust identifikat il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali bħala qasam potenzjali ta’ involviment mal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi tal-Eġittu.

L-UE tirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-Eġittu għas-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali, il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-isforzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u tfakkar fil-ħtieġa li dan jiġi ttrattat b’rispett għad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. Fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-NU fl-10 ta’ Marzu 2020, l-UE fakkret fl-importanza tar-rispett għal-libertà tal-espressjoni online u offline, il-midja, l-assemblea paċifika u l-assoċjazzjoni fl-Eġittu u l-ħtieġa li ma jibqax jiġi ristrett bla bżonn l-ispazju għas-soċjetà ċivili, inkluż permezz ta’ ffriżar tal-assi, projbizzjoni fuq vjaġġar u perjodi twal ta’ arrest preventiv 8 .

Iżrael

Il-qafas legali għar-relazzjonijiet bejn l-UE u Iżrael jipprovdih il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u Iżrael 9 , li ilu fis-seħħ mill-2000. Il-pjan ta’ azzjoni bejn l-UE u Iżrael, li jkopri l-oqsma kollha ta’ kooperazzjoni, imur lura għall-2005 u deċiżjoni unanima tal-Kunsill ġedditu fi tmiem l-2018 10 .

Kemm l-UE kif ukoll Iżrael iqisu l-ġlieda kontra t-theddid għas-sigurtà bħala prijorità u fid-djalogu tagħhom, jesprimu interess reċiproku f’kooperazzjoni effettiva. Qasam importanti ta’ kooperazzjoni huwa l-ġlieda kontra t-terroriżmu: diġà saru tliet Djalogi bejn l-UE u Iżrael dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u s-Sigurtà f’Marzu 2015, Settembru 2016 u Ġunju 2018, rispettivament. F’dawn il-laqgħat, il-partijiet qablu li jikkooperaw f’oqsma bħall-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti, il-finanzjament tat-terroriżmu, it-terroriżmu mhux konvenzjonali, is-sigurtà tal-avjazzjoni u tat-trasport kif ukoll iċ-ċiberkriminalità.

Iżrael esprima interess fit-titjib tal-kooperazzjoni mal-aġenziji tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni. L-UE u Iżrael jiddiskutu l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja f’Materji Ċivili u Kriminali fil-qafas tas-Sottokumitat annwali dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni. L-aħħar wieħed sar f’Diċembru 2019.

Iżrael huwa parti mill-Istrateġija ta’ Kooperazzjoni ta’ erba’ snin, li l-Eurojust sawret u qieset il-ħtiġijiet operazzjonali tal-Aġenzija. Fid-djalogu tiegħu mal-UE, Iżrael tenna l-fehma li n-network tal-Eurojust iservi bħala għodda importanti ħafna.

Skont il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2012 11 , fil-ftehimiet kollha ffirmati ma’ Iżrael għandha tiddaħħal “klawżola territorjali”, li tillimita b’mod espliċitu l-kamp ta’ applikazzjoni għal Iżrael innifsu u teskludi t-territorji okkupati: Il-ftehimiet kollha bejn l-Istat ta’ Iżrael u l-UE jridu jindikaw b’mod inekwivoku u espliċitu l-inapplikabbiltà tagħhom għat-territorji okkupati mill-Iżrael fl-1967 12 .

Il-Ġordan

Il-Ġordan huwa pajjiż sieħeb ewlieni għall-UE b’mod partikolari ir-rwol tiegħu fil-promozzjoni tal-istabbiltà, il-moderazzjoni u t-tolleranza bejn ir-reliġjonijiet fil-Lvant Nofsani. Il-Ġordan qed jiffaċċja sfidi ekonomiċi, soċjali u ta’ sigurtà diffiċli. B’mod partikolari, il-Ġordan qed jospita aktar minn 650 000 rifuġjat Sirjan irreġistrat (madwar 10 % tal-popolazzjoni tal-Ġordan qabel il-kriżi Sirjana), kif ukoll popolazzjonijiet oħra tar-refuġjati.

L-UE u l-Ġordan għandhom sħubija b’saħħitha f’ħafna setturi u ilhom marbuta bi Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mill-2002 (status avvanzat mill-2010).

L-UE u l-Ġordan adottaw f’Diċembru 2016 il-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Ġordan, bħala qafas tal-politika validu sal-31 ta’ Diċembru 2020, u l-Patt bejn l-UE u l-Ġordan għall-perjodu mill-2016 sal-2018 13 . Permezz tal-Prijoritajiet tas-Sħubija, l-UE u l-Ġordan ikkonfermaw l-ambizzjoni u komplew isaħħu l-kooperazzjoni fuq tliet pilastri ewlenin ta’ interess reċiproku: 1) Il-politika esterna u ta’ sigurtà, inklużi l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni tal-estremiżmu vjolenti; 2) Id-dominju ekonomiku, biex isostni l-istabbiltà makroekonomika tal-Ġordan u jsaħħaħ l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tiegħu; 3) It-tisħiħ tal-governanza, l-istat tad-dritt, ir-riforma demokratika u d-drittijiet tal-bniedem. Il-laqgħa tas-sottokumitat bejn l-UE u l-Ġordan dwar il-Ġustizzja u s-Sigurtà li saret fil-15 ta’ Frar 2018 f’Amman ipprovdiet opportunità biex jiġu diskussi aktar il-possibbiltajiet għat-titjib tal-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-UE u l-Ġordan.

Il-Patt bejn l-UE u l-Ġordan jinkludi impenji reċiproċi li permezz tiegħu ż-żewġ naħat iwettqu l-wegħdiet li għamlu fil-konferenza ta’ Londra fi Frar 2016 dwar l-appoġġ għas-Sirja u r-reġjun. Dawn l-impenji ġew imsaħħa fil-Konferenza ta’ Brussell dwar l-Appoġġ għall-Futur tas-Sirja u tar-Reġjun fil-5 ta’ April 2017, inkluż bil-ħsieb li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-Ġordan fid-dawl tal-impatt tal-kriżi tas-Sirja 14 .

Il-Ġordan jibqa’ pajjiż sieħeb għall-UE fil-Lvant Nofsani u huwa importanti li l-Ġordan ikompli jkollu rwol kostruttiv fl-istabbiltà tar-reġjun. Il-pajjiż jinsab taħt diversi pressjonijiet persistenti, inklużi ta’ natura reġjonali, ekonomiċi u soċjali. Huwa ilu jospita għadd kbir ta’ refuġjati Sirjani għal perjodu twil. Il-pandemija tal-COVID-19 żiedet pressjoni importanti fuq is-settur tas-saħħa u qed toħloq aktar sfidi soċjoekonomiċi sinifikanti.

Il-Libanu

L-UE u l-Libanu jiffaċċjaw sfidi komuni marbuta ma’ kriżijiet fit-tul u l-instabbiltà fir-reġjun. Is-sħubija bejn l-UE u l-Libanu hija b’saħħitha u tinkludi diversi setturi, kif stabbilit fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-seħħ mill-2006 15 . Il-Libanu qed jiffaċċja sfidi politiċi, ekonomiċi, soċjali u ta’ sigurtà serji, b’mod partikolari kriżi ekonomika u finanzjarja mingħajr preċedent aggravata mill-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. Flimkien ma’ dgħufijiet sistemiċi, il-kunflitt ta’ disa’ snin fis-Sirja qed ikompli jagħmel pressjoni fuq l-istituzzjonijiet u l-infrastruttura tal-Libanu u jaffettwa b’mod negattiv l-istabbiltà soċjoekonomika tiegħu. Il-Libanu jospita aktar minn miljun refuġjat Sirjan irreġistrat flimkien ma’ madwar 300 000 refuġjat Palestinjan li kienu diġà preżenti, u għalhekk huwa l-pajjiż bl-ogħla proporzjon per capita ta’ refuġjati fid-dinja.

Fl-2016, l-UE u l-Libanu ffirmaw ukoll Patt li fih impenji reċiproċi u azzjonijiet ta’ prijorità għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien kemm tar-refuġjati Sirjani kif ukoll tal-komunitajiet ospitanti, f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Intenzjoni li saret fil-Konferenza ta’ Londra tal-2016 16 . L-impenji mġedda, mogħtija fil-Konferenzi suċċessivi ta’ Brussell (mill-2017 sal-2020) dwar l-Appoġġ għall-Futur tas-Sirja u r-Reġjun saħħew dawn ir-responsabbiltajiet kondiviżi fl-indirizzar tal-impatt tal-kriżi Sirjana. L-UE u l-Libanu jgawdu sħubija b’saħħitha u jikkooperaw f’diversi setturi, kif definit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Fil-11 ta’ Novembru 2016, l-UE u l-Libanu adottaw il-Prijoritajiet tas-Sħubija li jistabbilixxu qafas tal-politika għas-snin mill-2016 sal-2020 17 .

Il-Prijoritajiet tas-Sħubija esprimew impenn biex isaħħu aktar ir-rabtiet, billi jibnu fuq tliet pilastri ewlenin ta’ interess u sfidi reċiproċi: 1) Is-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; 2) Il-governanza u l-istat tad-dritt; 3) It-trawwim tat-tkabbir u l-opportunitajiet tax-xogħol. Il-laqgħa ta’ raggruppament bejn l-UE u l-Libanu dwar is-Sigurtà u l-Ġustizzja li saret fit-3 ta’ Ottubru 2018 f’Bejrut fakkret fl-importanza tal-kwistjonijiet tas-sigurtà u l-ġustizzja bħala integrali għas-sħubija bejn l-UE u l-Libanu. Ġie maqbul li jkun hemm aktar kooperazzjoni ġudizzjarja, filwaqt li jiġu esplorati wkoll possibbiltajiet biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Eurojust għal dan il-għan.

Bħalissa, il-Libanu qed jiffaċċja sfidi soċjoekonomiċi kbar, li huma aggravati mill-kunflitt Sirjan u l-pandemija tal-COVID-19.

Il-Marokk

Il-Marokk huwa ġar ewlieni u pajjiż sieħeb tal-UE. F’kuntest reġjonali dejjem aktar volatili, huwa element ta’ stabbiltà fil-Magreb u potenzjalment pont bejn l-Ewropa u l-Afrika sub-Saħarjana. Għal aktar minn ħamsin sena, l-UE u r-Renju tal-Marokk bnew sħubija fit-tul, imsejsa fuq għadd ta’ ftehimiet politiċi u ekonomiċi. Fl-1996, il-Marokk u l-UE ffirmaw Ftehim Ewro-Mediterranju ta’ Assoċjazzjoni, li daħal fis-seħħ fl-2000 18 . Huma taw spinta lir-relazzjonijiet bilaterali f’għadd ta’ oqsma, inklużi l-kooperazzjoni politika u ta’ sigurtà, ir-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji u r-relazzjonijiet soċjali u umani. Barra minn hekk, il-Marokk ibbenefika minn status avvanzat mal-politika Ewropea tal-viċinat mill-2008. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Istatus Avvanzat għall-perjodu mill-2013 sal-2017, li ġie estiż fl-2018 u l-2019, ikopri firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ kooperazzjoni, inkluża l-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni bħall-ġlieda kontra n-networks tal-kriminalità organizzata, il-ġestjoni tal-fruntieri jew il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija.

Wara tnaqqis fir-ritmu tar-relazzjonijiet bilaterali li rriżulta mis-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ta’ Diċembru 2015 19 dwar l-ambitu ġeografiku tal-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, l-UE u l-Marokk innegozjaw mill-ġdid l-istrumenti legali kkonċernati fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti u qablu li jerġgħu jniedu s-sħubija tagħhom fil-bidu tal-2019. Din it-tnedija mill-ġdid ġiet approvata uffiċjalment matul l-14-il laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, fis-27 ta’ Ġunju 2019, li matulha ġiet adottata Dikjarazzjoni Politika Konġunta ambizzjuża 20 . Id-Dikjarazzjonijiet Konġunti jistabbilixxu għadd ta’ oqsma ewlenin fejn il-Marokk u l-UE beħsiebhom isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fis-snin li ġejjin. Dawn jinkludu speċifikament erba’ oqsma strateġiċi: il-valuri; il-koeżjoni ekonomika u soċjali; l-għarfien; is-sigurtà; u żewġ assi orizzontali ewlenin (mobbiltà/migrazzjoni u klima/ambjent).

It-tnedija mill-ġdid tar-relazzjonijiet ippermettiet ukoll it-tkomplija tal-istrutturi tad-djalogu li jirriżultaw mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li s-sottokumitati tiegħu jinkludu b’mod partikolari djalogu f’firxa wiesgħa ta’ oqsma bħall-ġustizzja u s-sigurtà jew il-kooperazzjoni politika. Fl-istess ħin, il-kooperazzjoni operazzjonali f’oqsma relatati mas-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri, inkluż il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali, it-traffikar tal-bnedmin u networks kriminali oħra, issaħħet ferm. Barra minn hekk, il-Marokk żviluppa kooperazzjoni bilaterali mill-qrib kontra t-terroriżmu ma’ Stati Membri tal-UE. Il-Marokk huwa membru tal-Koalizzjoni Globali kontra d-Da’esh u mill-2016 jikkopresiedi l-Forum Globali kontra t-Terroriżmu. Il-Marokk jospita wkoll wieħed miċ-Ċentri ta’ Eċċellenza CBRN reġjonali ffinanzjati mill-UE.

It-Tuneżija

It-Tuneżija hija pajjiż sieħeb kbir għall-UE, hija eżempju ta’ tranżizzjoni demokratika u pilastru ta’ stabilità fir-reġjun. Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Tuneżija jmorru lura għall-1976 u kisbu momentum sinifikanti meta t-Tuneżija u l-UE ffirmaw Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fl-1995, li stabbilixxa rabtiet aktar mill-qrib fis-setturi kollha ta’ kooperazzjoni 21 . Wara ir-rivoluzzjoni tal-2011, l-UE u t-Tuneżija kkonkludew Sħubija Privileġġjata (2012), li tinkludi integrazzjoni ekonomika u kummerċjali msaħħa u Sħubija għall-Mobbiltà 22 . Mill-2011, l-UE appoġġat b’mod sostanzjali lit-Tuneżija, kemm politikament kif ukoll finanzjarjament, u rduppjat l-assistenza finanzjarja tagħha, u b’hekk it-Tuneżija saret waħda mill-ewwel benefiċjarji tal-appoġġ tal-UE per capita. L-UE tappoġġa bil-qawwa l-konsolidazzjoni tat-tranżizzjoni demokratika fit-Tuneżija u l-implimentazzjoni tar-riformi politiċi u ekonomiċi pendenti rilevanti.

Madankollu, is-sitwazzjoni tas-sigurtà għadha delikata, b’mod partikolari bħala riżultat tal-ambjent reġjonali instabbli. L-UE impenjat ruħha li ssaħħaħ l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni estensiva tagħha mat-Tuneżija fis-settur tas-sigurtà, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti, inkluż permezz tat-tisħiħ ta’ kooperazzjoni tat-Tuneżija mal-aġenziji u l-korpi rilevanti tal-UE, b’mod partikolari l-Europol. F’dawn l-aħħar snin ġew żviluppati żewġ sħubijiet operattivi/strateġiċi, l-ewwel waħda bejn il-Garde Nationale Tuneżina u l-Forza tal-Ġendarmerija Ewropea (FEG) dwar il-kapaċitajiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; l-aħħar waħda bejn l-Akkademja tal-Pulizija ta’ Carthage Salamboand u l-Aġenzija tal-UE għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL).

L-attività organizzata ta’ faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali żdiedet mill-2017. Il-prosegwiment ta’ proċedimenti legali kontra l-faċilitaturi tal-immigrazzjoni illegali/it-traffikanti huwa kritiku u l-UE tibqa’ impenjata li toffri appoġġ speċjalizzat mill-Eurojust u l-Europol. Għal dan il-għan, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-analiżi jibqgħu importanti. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni fir-rigward tal-frodi tad-dokumenti, qasam tal-kriminalità marbut mal-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali, hija settur fejn il-kooperazzjoni msaħħa tkun ukoll ta’ benefiċċju kbir.

It-Turkija

It-Turkija hija pajjiż sieħeb kruċjali għall-Unjoni Ewropea. F’Diċembru 1999 il-Kunsill Ewropew ta lit-Turkija l-istatus ta’ pajjiż kandidat u tnedew in-negozjati tal-adeżjoni f’Ottubru 2005 23 .

Fis-Summit bejn l-UE u t-Turkija li sar fid-29 ta’ Novembru 2015, intlaħaq qbil biex id-djalogu politiku jespandi u jintensifika fl-oqsma kollha, inklużi l-politika estera u ta’ sigurtà, il-migrazzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu 24 . It-Turkija u l-UE tennew l-impenn tagħhom biex tiġi trattata t-theddida mid-Da’esh kif ukoll it-theddida li għadu qed joħloq il-PKK 25 . Id-Dikjarazzjoni UE-Turkija maqbula fit-18 ta’ Marzu 2016 indirizzat il-kriżi tal-migrazzjoni 26 . Fid-9 ta’ Marzu 2020, il-President tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni ltaqgħu mal-President tat-Turkija u qablu li jsaħħu l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija 27 .

L-approfondiment tal-kooperazzjoni mal-Eurojust hija relevanti fil-kuntest tal-issodisfar tar-rekwiżiti kollha li fadal fil-kuntest tal-Pjan Direzzjonali tal-Liberalizzazzjoni tal-Viża. L-Unjoni Ewropea nediet Djalogu mat-Turkija dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża fis-16 ta’ Diċembru 2013. Id-Djalogu dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża hu bbażat fuq il-Pjan Direzzjonali li jistabbilixxi r-rekwiżiti li t-Turkija jeħtieġ li tissodisfa sabiex titpoġġa fuq il-lista ta’ dawk eżenti mill-viża.

Sadanittant, it-Turkija u l-Eurojust stabbilew punti ta’ kuntatt għall-iffaċilitar ta’ skambju ta’ informazzjoni mhux sensittiva. Il-punti ta’ kuntatt Torok jieħdu sehem ukoll fil-laqgħat tan-Network Ġudizzjarju Ewropew. Il-Eurojust u l-awtoritajiet Torok skambjaw ittri dwar aktar kooperazzjoni prattika. L-awtoritajiet Torok kitbu lill-Eurojust fit-2 ta’ Mejju 2016 biex jaffermaw mill-ġdid formalment l-intenzjoni tagħhom li jikkonkludu ftehim ta’ kooperazzjoni malajr kemm jista’ jkun u li sadanittant iżidu l-kooperazzjoni prattika. Se jkun ta’ importanza kruċjali li l-punti ta’ kuntatt Torok iwieġbu malajr u jsegwu t-talbiet għal informazzjoni u kooperazzjoni mibgħuta lilhom permezz tal-Eurojust u li jipparteċipaw f’laqgħat strateġiċi dwar il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. Il-Eurojust wieġbet lill-awtoritajiet Torok fit-3 ta’ Mejju 2016 biex tistieden lit-Turkija għal-laqgħa tattika tal-Eurojust dwar it-terroriżmu u pproponiet ukoll parteċipazzjoni attiva tal-imħallfin u l-prosekuturi Torok fl-avvenimenti tal-Eurojust dwar kooperazzjoni msaħħa f’materji tal-ġustizzja kriminali u kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-aħjar prattika. F’dawn l-aħħar snin, it-taħditiet ma għamlux progress iżda l-kuntatti reġgħu ġew stabbiliti fl-2019.

2.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAR-RAKKOMANDAZZJONI

Ir-Regolament (UE) 2018/1727 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) jistabbilixxi qafas ġuridiku għal Eurojust, b’mod partikolari l-objettivi, il-kompiti, l-ambitu tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data u modi ta’ kooperazzjoni ma’ sħab esterni.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Eurojust.

L-objettiv ta’ din ir-rakkomandazzjoni huwa li tikseb l-awtorizzazzjoni mill-Kunsill biex il-Kummissjoni tinnegozja ftehimiet futuri f’isem l-UE. Il-bażi ġuridika għall-Kunsill biex jawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati hija l-Artikolu 218(3) u (4) tat-TFUE.

F’konformità mal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tiġi nnominata bħala n-negozjatur tal-Unjoni għall-ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi identifikati f’din ir-Rakkomandazzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali f’dawk il-pajjiżi terzi.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija, l-Armenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eġittu, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Tuneżija u t-Turkija dwar kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ dawk l-Istati terzi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 ġie adottat fl-14 ta’ Novembru 2019 u huwa applikabbli mit-12 ta’ Diċembru 2019.

(2)Dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-Artikolu 56 tiegħu, jistipula l-prinċipji ġenerali għat-trasferiment ta’ data personali mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) lil pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-Eurojust tista’ tittrasferixxi data personali lil pajjiż terz abbażi ta’ ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 218 tat-TFUE li jipprevedi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi.

(3)Jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġu konklużi tali Ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija, l-Armenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eġittu, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Tuneżija u t-Turkija.

(4)Fejn meħtieġ, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) ukoll matul in-negozjati tal-Ftehimiet u fi kwalunkwe avveniment, qabel ma jiġu konklużi l-Ftehimiet.

(5)Jenħtieġ li l-Ftehimiet jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u josservaw l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja privata u familjari, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust rikonoxxut mill-Artikolu 47 tal-Karta. Jenħtieġ li l-Ftehimiet jiġu applikati f’konformità ma’ dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

(6)Jenħtieġ li l-Ftehimiet ma jaffettwawx, u jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju, għat-trasferiment ta’ data personali jew forom oħra ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali.

(7)L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament (UE) 2018/1727 u għalhekk tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(8)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(9)L-EDPS u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġew ikkonsultati dwar din id-Deċiżjoni u l-Anness tagħha, u ħarġu opinjoni fi (data).

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

(1)Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tiftaħ in-negozjati għal Ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija, l-Armenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eġittu, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Tuneżija u t-Turkija dwar kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ dawk l-Istati terzi.

(2)In-negozjati għandhom jitwettqu abbażi tad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni hija b’dan innominata bħala n-negozjatur tal-Unjoni.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom jitwettqu f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma rilevanti tal-Kunsill u f’konformità mad-direttivi li jinsabu fl-Anness, soġġett għal kwalunkwe direttiva li l-Kunsill jista’ joħroġ sussegwentement lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta b’mod regolari lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-progress tan-negozjati u għandha tgħaddi d-dokumenti kollha tan-negozjati mingħajr dewmien.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-14 ta’ Novembru 2018, ĠU L 295, p. 138, 21.11.2018.
(2)    Brussell, 6.10.2020 COM(2020) 660 final Komunikazzjoni tal-2020 dwar il-politika tat-tkabbir tal-UE.
(3)     https://eeas.europa.eu/sites/eeas/files/eugs_review_web_0.pdf
(4)    https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/sites/near/files/20190529-bosnia-and-herzegovina-opinion.pdf
(5)    https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/news/docs/20181005_joint-action-plan-counter-terrorism-western-balkans.pdf
(6)     https://www.consilium.europa.eu/media/23942/eu-egypt.pdf  
(7)

    https://eeas.europa.eu/delegations/egypt/71267/eu-egypt-stability-and-social-development-7th-cluster-meeting_en  

(8)     https://eeas.europa.eu/delegations/un-geneva/75884/hrc43-item-4-human-rights-situations-require-councils-attention-eu-statement_en
(9)    http://www.eeas.europa.eu/archives/delegations/israel/documents/eu_israel/asso_agree_en.pdf
(10)    https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:32019D0105&from=EN
(11)    https://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/foraff/130195.pdf
(12)    https://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/EN/foraff/134152.pdf
(13)    https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-12384-2016-ADD-1/mt/pdf
(14)    https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2017/04/05/syria-conference-co-chairs-declaration/
(15)    https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/neighbourhood/countries/lebanon_en#:~:text=The%20partnership%20between%20the%20European,and%20economically%20strong%20neighbouring%20country.
(16)    http://www.businessnews.com.lb/download/LondonConferenceLebanonStatementOfIntent4Feb2016.pdf
(17)    https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/11/15/eu-lebanon-partnership/
(18)    https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/HTML/?uri=CELEX:22000A0318(01)&from=EN
(19)    http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf?docid=172870&doclang=MT
(20)    https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2019/06/27/joint-declaration-by-the-european-union-and-the-kingdom-of-morocco-for-the-fourteenth-meeting-of-the-association-council/
(21)    https://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:d3eef257-9b3f-4adb-a4ed-941203546998.0008.02/DOC_4&format=PDF
(22)    https://eeas.europa.eu/sites/eeas/files/plan_action_tunisie_ue_2013_2017_fr_0.pdf
(23)    https://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/ACFA4C.htm
(24)    https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2015/11/29/eu-turkey-meeting-statement/
(25)    Il-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (bil-Kurd: Partiya Karkerên Kurdistanê)‎.
(26)    https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/03/18/eu-turkey-statement/
(27)    https://www.consilium.europa.eu/mt/meetings/international-summit/2020/03/09/
(28)    Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138).

Brussell, 19.11.2020

COM(2020) 743 final

ANNESS

tar-

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija, l-Armenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eġittu, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Tuneżija u t-Turkija dwar kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ dawk l-Istati terzi































ANNESS

Direttiva għan-negozjar ta’ Ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija, l-Armenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eġittu, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Tuneżija u t-Turkija dwar kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ dawk l-Istati terzi

Matul in-negozjati, jenħtieġ li l-Kummissjoni timmira li tilħaq l-objettivi stabbiliti fid-dettall hawn taħt.

(1)L-objettiv tal-Ftehimiet għandu jkun li jipprovdi bażi ġuridika għall-kooperazzjoni bejn l-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi kkonċernati rispettivament, inkluż l-iskambju ta’ data personali operazzjonali, sabiex jappoġġa u jsaħħaħ l-azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn il-pajjiżi u l-Istati Membri kif ukoll il-kooperazzjoni reċiproka fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom ta’ kriminalità li l-Eurojust hija kompetenti għalihom f’konformità mar-Regolament dwar l-Eurojust, filwaqt li jiġu żgurati salvagwardji xierqa fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza, id-data personali u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi.

(2)Biex tiġi garantita l-limitazzjoni tal-iskop, il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ data skont il-Ftehimiet għandhom ikunu marbuta biss mal-kriminalità u r-reati relatati li jaqgħu fil-kompetenza tal-Eurojust f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1727 (flimkien “reati kriminali”). B’mod partikolari, jenħtieġ li l-kooperazzjoni timmira li tipprevjeni u tiġġieled it-terroriżmu, tfixkel il-kriminalità organizzata, b’mod partikolari t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar, it-traffikar tad-droga u t-traffikar tal-migranti, u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità. Il-Ftehimiet għandhom jispeċifikaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom u l-finijiet li għalihom il-Eurojust tista’ tittrasferixxi data lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi kkonċernati.

(3)Il-Ftehimiet għandhom jispjegaw b’mod ċar u preċiż is-salvagwardji u l-kontrolli meħtieġa fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, irrispettivament min-nazzjonalità u l-post ta’ residenza, fl-iskambju ta’ data personali bejn l-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi kkonċernati. Minbarra s-salvagwardji stabbiliti hawn taħt, dawn għandhom jinkludu l-ħtieġa li t-trasferiment ta’ data personali jkun soġġett għal obbligi ta’ kunfidenzjalità u li d-data personali ma tintużax biex tintalab, tingħata jew tiġi eżegwita piena tal-mewt jew kwalunkwe forma ta’ trattament krudili u inuman, mingħajr preġudizzju għal salvagwardji addizzjonali li jistgħu jkunu meħtieġa.

B’mod partikolari:

(a)Il-Ftehimiet għandhom ikun fihom definizzjonijiet ta’ termini ewlenin, inkluża definizzjoni ta’ data personali konformi mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2016/680.

(b)Il-Ftehimiet għandhom jirrispettaw il-prinċipju tal-ispeċifiċità, u jiżguraw li d-data ma tiġix ipproċessata għal finijiet oħra għajr għall-finijiet tat-trasferiment. Għal dan il-għan, il-finijiet tal-ipproċessar ta’ data personali bejn il-Partijiet fil-kuntest tal-Ftehimiet għandhom jiġu deskritti b’mod ċar u preċiż, u ma għandhomx ikunu usa’ minn dak li huwa meħtieġ f’każijiet individwali għall-finijiet tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra reati kriminali li magħhom huma relatati l-Ftehimiet.

(c)Id-data personali trasferita mill-Eurojust f’konformità mal-Ftehimiet għandha tiġi pproċessata b’mod ġust, fuq bażi leġittima u biss għall-finijiet li għalihom tkun ġiet trasferita. Il-Ftehimiet għandhom jipprovdu l-obbligu li l-Eurojust jindika, fil-mument tat-trasferiment tad-data, kwalunkwe restrizzjoni fuq l-aċċess għall-użu, inkluż rigward it-trasferiment, it-tħassir, il-qerda u l-ipproċessar ulterjuri tagħha. Il-Ftehimiet għandhom jobbligaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi kkonċernati biex jirrispettaw dawn ir-restrizzjonijiet u jispeċifikaw kif il-konformità ma’ dawn ir-restrizzjonijiet se tiġi infurzata fil-prattika. Id-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta ma’ dak l-għan. Għandha tkun preċiża u aġġornata. Ma għandhiex tinżamm għal żmien itwal minn dak li hu meħtieġ għall-finijiet li għalihom tkun ġiet trasferita. Il-Ftehimiet għandhom jipprovdu għar-rieżami perjodiku tal-ħtieġa għaż-żamma ulterjuri tad-data personali trasferita. Il-Ftehimiet għandhom ikunu akkumpanjati b’anness li jkun fih lista eżawrjenti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati terzi kkonċernati li lilhom l-Eurojust tista’ tittrasferixxi data personali kif ukoll deskrizzjoni qasira tal-kompetenzi tagħhom.

(d)It-trasferiment ta’ data personali mill-Eurojust li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija fi trade union, data ġenetika u data dwar is-saħħa u l-ħajja sesswali, għandu jkun ipprojbit, sakemm id-data ma tkunx strettament meħtieġa u proporzjonata f’każijiet individwali għall-prevenzjoni jew għall-ġlieda kontra r-reati kriminali koperti mill-Ftehimiet u soġġett għal salvagwardji xierqa. Jenħtieġ li l-Ftehimiet ikun fihom ukoll salvagwardji speċifiċi relatati mat-trasferiment ta’ data personali dwar il-vittmi ta’ reat kriminali, xhieda jew persuni oħra li tista’ tipprovdi informazzjoni rigward reati kriminali, kif ukoll minorenni.

(e)Il-Ftehimiet għandhom jiżguraw drittijiet infurzabbli minn individwi li d-data personali tagħhom tiġi pproċessata billi jiġu stabbiliti regoli dwar id-dritt ta’ aċċess, rettifika u tħassir, inkluż ir-raġunijiet speċifiċi li jistgħu jippermettu kwalunkwe restrizzjoni meħtieġa u proporzjonata. Il-Ftehimiet għandhom jiżguraw ukoll drittijiet infurzabbli ta’ rimedju amministrattiv u ġudizzjarju għal kwalunkwe persuna li d-data tagħha tiġi pproċessata skont il-Ftehimiet, u li jiggarantixxu rimedji effettivi.

(f)Il-Ftehimiet għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-ħażna, r-rieżami, il-korrezzjoni u t-tħassir ta’ data personali kif ukoll dwar iż-żamma tar-rekords għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni u dokumentazzjoni, kif ukoll fuq l-informazzjoni li tkun disponibbli għal individwi. Jenħtieġ ukoll li jipprevedu salvagwardji fir-rigward tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data personali. Il-Ftehimiet jenħtieġ ukoll jispeċifikaw il-kriterji li abbażi tagħhom il-preċiżjoni tad-data jenħtieġ li tiġi vvalutata.

(g)Il-Ftehimiet għandhom jinkludu l-obbligu li tiġi żgurata s-sigurtà ta’ data personali permezz ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, inkluż billi jippermetti li persuni awtorizzati biss ikollhom aċċess għad-data personali. Il-Ftehimiet għandhom jinkludu wkoll l-obbligu ta’ notifika f’każ ta’ ksur ta’ data personali li taffettwa d-data trasferita skont il-Ftehimiet.

(h)Trasferimenti ulterjuri ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi kkonċernati lil awtoritajiet oħra f’pajjiżhom stess, inkluż għall-użu fi proċedimenti ġudizzjarji, għandhom ikunu permessi biss għall-finijiet oriġinali tat-trasferiment mill-Eurojust u għandhom ikunu soġġetti għal kundizzjonijiet u salvagwardji xierqa, inkluż awtorizzazzjoni minn qabel mill-Eurojust.

(i)L-istess kundizzjonijiet kif indikati fil-punt (h) għandhom japplikaw għal trasferimenti ulterjuri ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ikkonċernat lill-awtoritajiet f’pajjiż terz ieħor, bir-rekwiżit addizzjonali ta’ tali trasferimenti ulterjuri għandhom ikunu permessi biss fir-rigward ta’ pajjiżi terzi li magħhom il-Eurojust hi intitolata li tittrasferixxi data personali abbażi tal-Artikolu 56(2) tar-Regolament 2018/1727.

(j)Il-Ftehimiet għandhom jiżguraw sistema ta’ superviżjoni minn awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar responsabbli għall-protezzjoni tad-data b’setgħat effettivi ta’ investigazzjoni u intervent sabiex isir monitoraġġ fuq l-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiżi terzi kkonċernati li jużaw data personali u informazzjoni oħra skambjata skont il-Ftehimiet, u biex jimpenjaw ruħhom fi proċedimenti legali. B’mod partikolari, l-awtoritajiet indipendenti għandu jkollhom is-setgħa li jisimgħu l-ilmenti mill-individwi dwar l-użu tad-data personali tagħhom. L-awtoritajiet pubbliċi li jużaw id-data personali għandhom ikunu responsabbli sabiex ikunu konformi mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali skont il-Ftehim.

(4)Il-Ftehimiet għandhom jipprovdu mekkaniżmu effettiv għas-soluzzjoni ta’ tilwim rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom biex jiżgura li l-partijiet josservaw ir-regoli miftehma reċiprokament.

(5)Il-Ftehimiet għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni perjodika tal-Ftehimiet.

(6)Kull Ftehim għandu jinkludi wkoll dispożizzjoni dwar id-dħul fis-seħħ u l-validità u dispożizzjoni li biha Parti tista’ ttemmu jew tissospendih, b’mod partikolari fejn il-pajjiż terz ikkonċernat ma jibqax jiżgura b’mod effettiv il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali meħtieġa skont dan il-Ftehim. Il-Ftehimiet għandhom jispeċifikaw ukoll jekk id-data personali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom u trasferita qabel is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tagħhom tistax tkompli tiġi pproċessata. L-ipproċessar kontinwu ta’ data personali, jekk dan ikun permess, għandu fi kwalunkwe każ ikun f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim fil-ħin ta’ sospensjoni jew terminazzjoni.

(7)Il-Ftehimiet għandhom jinkludu klawżola li tindirizza l-applikazzjoni territorjali tagħhom, jekk ikun meħtieġ.

(8)Il-Ftehimiet għandhom ikunu awtentiċi ugwalment bil-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan, u l-Ungeriż u għandu jinkludi klawżola lingwistika f’dan is-sens.