Brussell, 2.5.2018

COM(2018) 249 final

2018/0117(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-
Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżwali u soċjetà tal-informatika)
u l-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE

(Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-FMT:ItalicData/FMT)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

L-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta) għandu l-għan li jemenda l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżwali u soċjetà tal-informatika) u l-Protokoll 37 (li jinsab fil-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE sabiex jinkorpora r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (ir-Regolament (UE) 2016/679) 1 .

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt anness jestendi l-politika diġà eżistenti tal-UE għall-Istati taż-ŻEE-EFTA (in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein).

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-estensjoni tal-acquis tal-UE għall-Istati taż-ŻEE-EFTA, permezz tal-inkorporazzjoni tagħhom fil-Ftehim ŻEE titwettaq f’konformità mal-objettivi u l-prinċipji ta’ dan il-Ftehim, li jimmira li jistabbilixxi Żona Ekonomika Ewropea dinamika u omoġena, ibbażata fuq regoli komuni u kondizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-leġiżlazzjoni li se tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE hija bbażata fuq l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 2 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ŻEE jipprevedi li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fir-rigward ta’ Deċiżjonijiet bħal dawn, wara proposta mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mas-SEAE, tippreżenta l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tittama li tkun fil-qagħda li tippreżentah fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fl-eqreb opportunità possibbli.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà għar-raġuni li ġejja.

L-għan ta’ din il-proposta, jiġifieri li tiġi żgurata l-omoġeneità tas-Suq Intern, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba l-effetti, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni.

Il-proċess tal-inkorporazzjoni tal-acquis tal-UE fil-Ftehim ŻEE jitwettaq f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea li jikkonferma l-approċċ li ttieħed.

   Proporzjonalità

F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tagħha.

Għażla tal-istrument

F'konformità mal-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, l-istrument magħżul huwa d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jiżgura l-implimentazzjoni u l-operat effettivi tal-Ftehim ŻEE. Għal dan l-għan, għandu jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim ŻEE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Mhux applikabbli

4.IMPLIKAZZJONI GĦALL-BAĠIT

Ma hemm l-ebda implikazzjoni għall-baġit mistennija bħala riżultat tal-inkorporazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 fil-Ftehim ŻEE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Ġustifikazzjoni tal-adattamenti prinċipali proposti

Klawżola ta’ parteċipazzjoni (adattament (a) u (k))

B’riżultat tal-inkorporazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) fil-Ftehim ŻEE, l-awtoritajiet superviżorji tal-Istati taż-ŻEE-EFTA għandhom jieħdu sehem bl-ikbar mod possibbli fil-punt uniku ta’ servizz u l-mekkaniżmu ta’ konsistenza u għandhom, apparti mid-dritt għall-vot u li joħorġu għal elezzjoni bħala l-president jew viċi presidenti tal-Bord, ikollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri tal-UE fil-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (“il-Bord”). Il-pożizzjonijiet tal-awtoritajiet superviżorji tal-Istati tal-EFTA għandhom ukoll jiġu mniżżla separatament.

L-adattament (a) jiżgura wkoll li r-regoli ta’ proċedura tal-Bord għandhom jagħtu effett sħiħ għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet superviżorji tal-Istati taż-ŻEE-EFTA u l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA bl-eċċezzjoni tad-drittijiet tal-vot u tal-kandidatura għall-presidenza jew il-viċi presidenza tal-Bord.

Minħabba li l-GDPR jagħti kompetenzi lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali biex jiġu eżerċitati fil-livell nazzjonali u jeħtieġ koordinazzjoni u konverġenza tal-prassi internazzjonali, is-sehem pariġġ tal-awtoritajiet superviżorji tal-Istati taż-ŻEE-EFTA fil-mekkaniżmu tal-punt uniku ta' servizz huwa neċessarju għall-kooperazzjoni u l-konverġenza superviżorja koerenti fiż-ŻEE.

Sabiex jiffaċilita u jiżgura l-infurzar konsistenti tar-regoli taż-ŻEE mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA rigward l-Istati taż-ŻEE-EFTA u biex jippermetti t-twettiq tal-funzjonijiet tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA skont l-Artikolu 108 tal-Ftehim ŻEE, l-adattament (k) jipprevedi li l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandu jkollha d-dritt li tieħu sehem fil-laqgħat tal-Bord mingħajr drittijiet tal-vot u li l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għandha taħtar rappreżentant għall-Bord. Barra minn hekk, kif intqal iktar ’il fuq, l-adattament (a) jipprevedi li r-regoli ta’ proċedura tal-Bord għandhom jagħtu l-effett sħiħ lis-sehem tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.

Informazzjoni dwar negozjati ma’ pajjiżi terzi (adattament (f)) 

L-adattament jipprevedi li l-Istati taż-ŻEE-EFTA jinżammu infurmati dwar il-konsultazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi bl-għan li jadottaw deċiżjoni ta’ adegwatezza f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 93(3). Kif żgurat mill-Artikolu 100 tal-Ftehim ŻEE, l-Istati tal-EFTA jieħdu sehem b’mod sħiħ fil-Kumitat stabbilit bis-saħħa tal-Artikolu 93, ħlief għad-dritt tal-vot.

L-adattament jispeċifika wkoll li f’każijiet fejn il-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali jkunu daħlu għal obbligi speċifiċi rigward l-ipproċessar ta’ data personali mill-Istati Membri, l-UE għandha tqis is-sitwazzjoni tal-Istati taż-ŻEE-EFTA u tiddiskuti flimkien ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali mekkaniżmi possibbli għall-applikazzjoni possibbli sussegwenti mill-Istati taż-ŻEE-EFTA.

Artikolu 45(1) – It-trasferiment ta’ data lil pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali (adattament (e))

Trasferiment ta’ data personali minn pajjiż ŻEE-EFTA għal pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jista’ jsir abbażi ta’ att ta' implimentazzjoni (deċiżjoni ta’ adegwatezza) adottata mill-Kummissjoni li jkun ġie inkorporat fil-Ftehim ŻEE skont il-proċeduri normali deskritti fil-Ftehim ŻEE. L-għan tal-adattament (e) huwa li jippermeti trasferiment ta’ data wkoll meta d-deċiżjoni ta’ adegwatezza tkun applikata minn Stat taż-ŻEE-EFTA, sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li dik id-deċiżjoni ta’ adegwatezza tiġi inkorporata. L-adattament (e) jipprevedi wkoll li qabel tidħol fis-seħħ deċiżjoni ta’ adegwatezza, kull Stat taż-ŻEE-EFTA għandu jiddeċiedi u jinforma lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jekk huwiex se japplika tali deċiżjoni ta’ adegwatezza fl-istess ħin bħall-Istati Membri tal-UE jew le. Jekk Stat tal-EFTA ma jinfurmax lill-Kummissjoni u lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, dan għandu japplika l-miżuri fl-istess ħin tal-Istati Membri tal-UE.

Jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq ftehim fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-inkorporazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza fil-Ftehim ŻEE fi żmien tnax-il xahar mindu tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni ta’ adegwatezza, kull Stat taż-ŻEE-EFTA jista’ jieqaf milli jkompli l-applikazzjoni ta’ tali miżuri, sakemm id-deċiżjoni ta’ adegwatezza tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE, u għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA dwar dan mingħajr dewmien. Dan l-adattament ma jeskludix l-użu tal-Artikolu 102 tal-Ftehim ŻEE, kif speċifikat fl-adattament.

Jekk Stat taż-ŻEE-EFTA jiddeċiedi li ma jkomplix japplika miżuri adottati bis-saħħa tal-Artikolu 45(5) (miżuri rigward pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat wieħed jew iktar f’pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali, li ma għadhomx joffru livell adegwat ta’ protezzjoni) il-Partijiet Kontraenti l-oħra għall-Ftehim ŻEE għandhom jipprojbixxu l-fluss liberu tad-data personali lejn dak l-Istat taż-ŻEE-EFTA.

Artikolu 46(2) – Applikazzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni rigward klawżoli standard tal-protezzjoni tad-data (adattament (h))

Dan l-adattament huwa mibni fuq l-istess prinċipju bħall-adattament (e) (ara iktar ’il fuq). L-adattament jagħmilha possibbli għall-kontrolluri tal-EFTA jew il-proċessuri tal-EFTA li jużaw klawżoli standard tal-protezzjoni ta’ data fl-istess waqt li tidħol fis-seħħ fl-UE, sakemm Stat tal-EFTA ma jiddeċidix li japplika l-miżura fl-istess waqt bħall-Istati Membri tal-UE.

Id-diżapplikazzjoni tar-referenza għall-“Karta” (adattament (i))

F’konformità mal-Artikolu 7 tal-Ftehim ŻEE, huma biss l-atti li ġew inkorporati fil-Ftehim ŻEE li huma vinkolanti għall-Istati tal-EFTA. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija strument ta’ liġi primarja tal-UE li mhijiex vinkolanti fuq dawk li mhumiex Stati Membri u mhijiex rilevanti fil-kuntest taż-ŻEE. Għalhekk, l-adattament (i) tal-GDPR tiddiżapplika r-referenza għall-Karta li tinsab fl-Artikolu 58(4).

L-Artikoli 63, 64(2), 65(1)c u 70(1)(e) – talbiet mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għal pariri jew opinjoni mill-Bord (adattament (l))

Skont l-adattament (1) l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għandu jkollha d-dritt li titlob pariri jew opinjonijiet mingħand, u li tikkomunika kwistjonijiet lill-Bord bis-saħħa tal-Artikolu 63, 64(2), 65(1)(c) u 70(1)(e). Artikli li fihom tali drittijiet u obbligi għandhom japplikaw, u li huma relevanti għat-twettiq tal-funzjonijiet tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA skont l-Artikolu 109 tal-Ftehim, huma ddefiniti fl-adattament.

2018/0117 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-

Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżwali u soċjetà tal-informatika)

u l-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE


(Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-
Data)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 3 , u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 4 ("il-Ftehim ŻEE") daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

(2)Bis-saħħa tal-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżwali u soċjetà tal-informatika) u l-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE.

(3)Ir-Regolament (KE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 irid jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(4)Ir-Regolament (UE) 2016/679 iħassar[b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018,] id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 , li hija inkorporata fil-Ftehim ŻEE u li konsegwentement għandha titħassar skont il-Ftehim ŻEE [b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018].

(5)Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness XI u l-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE jiġu emendati skont dan.

(6)Għaldaqstant jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Anness XI u l-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(2)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6-8
(3)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
(4)    ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
(5)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(6)    ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

Brussell,2.5.2018

COM(2018) 249 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-
Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżwali u soċjetà tal-informatika)
u l-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE

(Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)


ANNESS I
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru

ta’

li temenda l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżwali u soċjetà tal-informatika) u l-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) 1 għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(2)Filwaqt li jirrikonoxxi li l-protezzjoni tad-data hija dritt fundamentali mħares f’bosta ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem.

(3)Filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza tad-drittijiet u l-obbligi indaqs tal-kontrolluri u l-proċessuri tad-data fiż-ŻEE.

(4)Din id-Deċiżjoni tipprevedi li l-awtoritajiet superviżorji tal-Istati tal-EFTA għandhom jieħdu sehem bl-ikbar mod possibbli fil-punt uniku ta’ servizz u l-mekkaniżmu ta’ konsistenza u, apparti mid-dritt għall-vot u li joħorġu għal elezzjoni bħala l-president jew viċi presidenti tal-Bord, għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri tal-UE fil-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (“il-Bord”), imwaqqaf bir-Regolament (UE) 2016/679. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet superviżorji tal-Istati tal-EFTA jenħtieġ li jkunu inklużi fl-attivitajiet tal-Bord, inkluż l-attivitajiet ta’ kwalunkwe sottogrupp li l-Bord jista’ jistabbilixxi biex iwettaq ħidmietu, u li jirċievu kull informazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jieħdu sehem b’mod effettiv inkluża, skont kif ikun meħtieġ, permezz ta’ aċċess sħiħ għal kwalunkwe sistema elettronika għall-iskambju tal-informazzjoni li l-Bord jista’ jwaqqaf.

(5)Ir-Regolament (UE) 2016/679 iħassar[, b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018,] id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , li hija inkorporata fil-Ftehim ŻEE u li konsegwentement għandha titħassar skont il-Ftehim ŻEE [b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018].

(6)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Anness XI u l-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-test tal-punt 5e (id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Anness XI tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi mibdul b’dan li ġej b’[effett mill-25 ta’ Mejju 2018]:

32016 R 0679: Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)L-awtoritajiet superviżorji tal-Istati tal-EFTA għandhom jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘il-Bord’. Għal dan il-għan, apparti mid-dritt għall-vot u li joħorġu għal elezzjoni bħala l-president jew viċi presidenti tal-Bord, huma għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri tal-UE fil-Bord, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan il-Ftehim. Il-pożizzjonijiet tal-awtoritajiet superviżorji tal-Istati tal-EFTA għandhom jiġu mniżżla separatament mill-Bord.

Ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord għandhom jagħtu effett sħiħ għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet superviżorji tal-Istati tal-EFTA u l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA bl-eċċezzjoni tad-drittijiet tal-vot u tal-kandidatura għall-presidenza jew il-viċi presidenza tal-Bord.

(b)Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 ta’ dan il-Ftehim, u sakemm mhux previst mod ieħor f’dan il-Ftehim, it-termini ‘Stat/i Membru/i’ u ‘awtoritajiet superviżorji’ għandhom jiġu mifhuma li jinkludu, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament, l-Istati tal-EFTA u l-awtoritajiet superviżorji tagħhom, rispettivament.

(c)Ir-referenzi għad-dritt tal-Unjoni jew id-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-data tal-Unjoni għandhom jinftiehmu li qed jirreferu għall-Ftehim taż-ŻEE jew id-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-data li hemm fih, rispettivament.

(d)Fl-Artikoli 13(1)(f) u 14(1)(f), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem ‘applikabbli skont il-Ftehim ŻEE’ għandhom jiddaħħlu wara l-kliem ‘deċiżjoni ta’ adegwatezza mill-Kummissjoni’.

(e)Fl-Artikolu 45, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, dan li ġej għandu jiddaħħal wara l-paragrafu 1:

‘1a. Sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE biex jiġi inkoporat fil-Ftehim ŻEE att ta’ implimentazzjoni adottat bis-saħħa tal-paragrafi 3 jew 5 ta’ dan l-Artikolu, Stat tal-EFTA jista’ jiddeċiedi li japplika l-miżuri li hemm fih.

Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ kull att ta' implimentazzjoni adottat bis-saħħa tal-paragrafi 3 jew 5 ta’ dan l-Artikolu, kull Stat tal-EFTA għandu jiddeċiedi u jinforma lill-Kummissjoni u lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jekk huwiex, sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li l-att ta’ implimentazzjoni jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE, se japplika l-miżuri li jkun hemm fih fl-istess ħin bħall-Istati Membri tal-UE jew le. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni bil-kontra, kull Stat tal-EFTA għandu japplika l-miżuri li jkun hemm f'att ta' implimentazzjoni adottat bis-saħħa tal-paragrafi 3 jew 5 ta’ dan l-Artikolu fl-istess ħin bħall-Istati Membri tal-UE.

Minkejja l-Artikolu 102 ta’ dan il-Ftehim, jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq ftehim dwar l-inkorporazzjoni fil-Ftehim ŻEE ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat bis-saħħa tal-paragrafi 3 jew 5 ta’ dan l-Artikolu fi żmien tnax-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att ta’ implimentazzjoni, kull Stat tal-EFTA jista’ jieqaf japplika tali miżuri u għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA b’dan mingħajr dewmien.

Il-Partijiet Kontraenti l-oħra tal-Ftehim ŻEE għandhom, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 1(3), jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-fluss liberu tad-data personali lejn Stat tal-EFTA li ma japplikax il-miżuri li jkun hemm f'att ta’ implimentazzjoni adottat bis-saħħa tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu bl-istess mod kif dawn il-miżuri jipprevjenu t-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz jew lejn organizzazzjoni internazzjonali.’

(f)Kull meta l-UE tidħol f’konsultazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali bl-għan li tadotta deċiżjoni ta’ adegwatezza skont l-Artikolu 45, l-Istati tal-EFTA għandhom jinżammu infurmati kif xieraq. F’każijiet fejn il-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali jkunu daħlu għal obbligi speċifiċi rigward l-ipproċessar ta’ data personali mill-Istati Membri, l-UE se tqis is-sitwazzjoni tal-Istati tal-EFTA u tiddiskuti flimkien ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali mekkaniżmi possibbli għall-applikazzjoni possibbli sussegwenti mill-Istati tal-EFTA.

(g)Fl-Artikolu 46(2)(d) għandu jiżdied dan li ġej:

‘L-awtoritajiet superviżorji tal-Istati tal-EFTA għandu jkollhom l-istess dritt bħall-awtoritajiet superviżorji tal-UE li jippreżentaw klawżoli tal-protezzjoni tad-data standard lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).’

(h)Fl-Artikolu 46, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, għandu jiddaħħal dan il-paragrafu li ġej wara l-paragrafu 2:

‘2a. Sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li jinkorpora att ta' implimentazzjoni fil-Ftehim ŻEE, is-salvagwardji xierqa msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu previsti minn klawżoli standard ta’ protezzjoni tad-data msemmija fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 46(2) meta Stat tal-EFTA japplika l-miżuri li jkun hemm fihom.

Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ atti ta' implimentazzjoni adottati bis-saħħa tal-punti (c) u (d) tal-Artikolu 46(2), kull Stat tal-EFTA għandu jiddeċiedi u jinforma lill-Kummissjoni u lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jekk huwiex, sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li l-att ta’ implimentazzjoni jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE, se japplika l-miżuri li jkun hemm fih fl-istess ħin bħall-Istati Membri tal-UE jew le. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni bil-kontra, kull Stat tal-EFTA għandu japplika l-miżuri li jkun hemm f'att ta' implimentazzjoni adottat bis-saħħa tal-punti (c) u (d) tal-Artikolu 46(2) fl-istess ħin bħall-Istati Membri tal-UE.

Minkejja l-Artikolu 102 ta’ dan il-Ftehim, jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq ftehim dwar l-inkorporazzjoni fil-Ftehim ŻEE ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat bis-saħħa tal-punti (c) u (d) tal-Artikolu 46(2) fi żmien tnax-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att ta’ implimentazzjoni, kull Stat tal-EFTA jista’ jieqaf japplika tali miżuri u għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA b’dan mingħajr dewmien.’

(i)Fl-Artikolu 58(4), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem ‘f’konformità mal-Karta’ ma għandux japplika.

(j)Fl-Artikolu 59, il-kliem ‘lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘lill-Kummissjoni’.

(k)L-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għandu jkollha d-dritt li tieħu sehem fil-laqgħat tal-Bord mingħajr id-dritt tal-vot. L-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għandha taħtar rappreżentant.

(l)Meta dan ikun relevanti għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 109 ta’ dan il-Ftehim, l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għandu jkollha d-dritt li titlob pariri jew opinjonijiet mingħand, u li tikkomunika kwistjonijiet lill-Bord bis-saħħa tal-Artikoli 63, 64(2), 65(1)(c) u 70(1)(e). Fl-Artikoli 63, 64(2), 65(1)(c) u 70(1)(e), il-kliem ‘u, fejn relevanti, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘il-Kummissjoni’.

(m)Il-President tal-Bord, jew is-segretarjat, għandu jikkomunika lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA l-attivitajiet tal-Bord, fejn dan ikun relevanti skont l-Artikoli 64(5) (a) u (b), 65(5), u 75(6)(b). Fl-Artikoli 64(5) (a) u (b), 65(5), u 75(6)(b), il-kliem ‘u, fejn relevanti, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘il-Kummissjoni’.

Meta dan ikun relevanti għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 109 ta’ dan il-Ftehim, l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għandu jkollha d-dritt li tirċievi informazzjoni mingħand awtorità superviżorja ta’ wieħed mill-Istati tal-EFTA kkonċernati bis-saħħa tal-Artikolu 66(1). Fl-Artikolu 66(1), il-kliem ‘u, fejn relevanti, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘il-Kummissjoni’.

(n)Fl-Artikolu 71(1), il-kliem ‘, lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA, lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ għandhom jiddaħħlu wara l-kelma ‘il-Kunsill’.

(o)Is-sentenza li ġejja għandha tiżdied fl-Artikolu 73(1):

‘Il-membri tal-Bord mill-Istati tal-EFTA ma għandhomx ikunu eliġibbli li jkunu eletti bħala president jew viċi presidenti.’”

Artikolu 2

It-test tal-punt 13 (Grupp ta’ Ħidma għall-Protezzjoni ta’ Individwi fl-Ipproċessar ta’ Data Personali) tal-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE għandu jitħassar.

Artikolu 3

It-testi tar-Regolament (UE) Nru 2016/679 bil-lingwa Iżlandiża u b'dik Norveġiża, li għandhom jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ikunu awtentiċi.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi [...], bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE*.

3Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   Il-President
   
   
   
   Is-Segretarji
   għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
   

ANNESS II

Dikjarazzjoni Konġunta mill-Partijiet Kontraenti


tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru XX ta’ JJ.XX.SS li tinkorpora r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta'
data personali u dwar il- moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il- Protezzjoni tad-Data) fil-Ftehim ŻEE.

Konxji tas-sistema ta’ żewġ pilastri tal-Ftehim ŻEE u b’konsiderazzjoni għall-effett vinkolanti dirett tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fir-rigward tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali fl-Istati taż-ŻEE-EFTA il-Partijiet Kontraenti:

jieħdu nota tal-fatt li d-deċiżjonijiet tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data huma diretti lejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali,

jirrikonoxxu li din is-soluzzjoni ma toħloqx preċedent għal adattamenti futuri ta’ atti tal-UE li għandhom jiġu inkorporati fil-Ftehim ŻEE.

(1)    ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(2)    ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(3) * [L-ebda rekwiżit kostituzzjonali ma huwa indikat.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]