Brussell, 12.3.2018

COM(2018) 96 final

2018/0044(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet

{SWD(2018) 52 final}
{SWD(2018) 53 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Il-prijorità tal-Kummissjoni hija li tkompli ssaħħaħ l-ekonomija Ewropea u li tistimula l-investiment biex jinħolqu l-impjiegi u jiġi sostnut it-tkabbir. Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv hemm bżonn ta’ swieq kapitali aktar b’saħħithom, aktar profondi u aktar integrati. L-infrastrutturi effiċjenti u sikuri ta’ wara n-negozjar huma elementi kruċjali ta' swieq tal-kapital bħal dawn li jiffunzjonaw tajjeb. B’segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni tal-2015 dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (Capital Markets Union, CMU), f’Mejju 2017 ir-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tal-Kummissjoni stabbilixxa l-azzjonijiet li fadal jittieħdu sabiex jitqiegħdu f'posthom l-elementi kostitwenti tas-CMU sal-2019, bl-objettiv li jitneħħew l-ostakoli għall-investiment transfruntier u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-finanzjament. It-tlestija tas-CMU hija prijorità urġenti.

Bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni tas-CMU u r-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu, il-Kummissjoni ħabbret azzjoni mmirata fir-rigward tar-regoli dwar is-sjieda tat-titoli u l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni ta’ pretensjonijiet sabiex titnaqqas l-inċertezza legali għat-tranżazzjonijiet transfruntiera ta' titoli u ta' pretensjonijiet. Din il-proposta u l-Komunikazzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-effetti proprjetarji tat-tranżazzjonijiet ta' titoli 1 , ippreżentati b’mod parallel, jimplimentaw dan l-impenn. Il-Komunikazzjoni tiċċara l-fehmiet tal-Kummissjoni dwar aspetti importanti tal-acquis tal-Unjoni eżistenti fir-rigward tal-liġi applikabbli għall-effetti proprjetarji ta’ tranżazzjonijiet f’titoli, u takkumpanja din il-proposta leġiżlattiva dwar l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet. Il-kwistjonijiet li huma rregolati mid-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju 2 , id-Direttiva dwar il-Finalità tas-Settlement 3 , id-Direttiva dwar l-Istralċ 4 u r-Regolament dwar ir-Reġistru 5 ma humiex affettwati minn din il-proposta leġiżlattiva 6 .

L-objettiv ġenerali ta’ din il-proposta, f’konformità mal-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni tas-CMU, huwa li jistimula investiment transfruntier fl-UE u, għaldaqstant, jiġi ffaċilitat għad-ditti l-aċċess għall-finanzi, inklużi għall-SMEs, u għall-konsumaturi. L-għan speċifiku ta’ din il-proposta huwa li tgħin sabiex jiżdiedu t-tranżazzjonijiet transfruntiera ta' pretensjonijiet permezz tal-għoti ta’ ċertezza legali bl-adozzjoni ta’ regoli uniformi dwar il-kunflitt tal-liġijiet fil-livell tal-Unjoni.

Tabilħaqq, sabiex jiżdiedu t-tranżazzjonijiet transfruntiera ta' pretensjonijiet u ta' titoli, iċ-ċarezza u l-prevedibbiltà fir-rigward ta’ liema liġi ta’ pajjiż tapplika sabiex jiġi ddeterminat min hu s-sid ta’ pretensjoni jew titolu wara tranżazzjoni transfruntiera huma essenzjali. L-inċertezza legali fir-rigward ta’ liema liġi nazzjonali tiddetermina min hu s-sid tal-assi wara tranżazzjoni transfruntiera tfisser li, skont liema qrati jew awtoritajiet ta’ Stat Membru jiġġudika tilwima li tikkonċerna s-sjieda ta’ pretensjoni jew titolu, it-tranżazzjoni transfruntiera jista’ jkun li tikkonferixxi t-titolu legali mistenni jew le. Fil-każ ta’ insolvenza, meta l-kwistjonijiet ta’ drittijiet ta’ sjieda u nfurzar ta' drittijiet li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet transfruntiera jitqiegħdu taħt skrutinju ġudizzjarju, ir-riskji legali li jirriżultaw mill-inċertezza legali jistgħu jwasslu għal telf mhux mistenni.

Ir-regoli uniformi stipulati f’din il-proposta jindikaw liema liġi nazzjonali jenħtieġ li tiddetermina s-sjieda ta’ pretensjoni wara li tkun ġiet ċeduta fuq bażi transfruntiera u, għaldaqstant, jiġu eliminati ir-riskju legali u l-konsegwenzi sistemiċi potenzjali. L-introduzzjoni taċ-ċertezza legali se tippromwovi l-investiment transfruntier, aċċess għal kreditu aktar irħis u l-integrazzjoni tas-suq.

Iċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet hija mekkaniżmu użat mill-kumpaniji sabiex jiksbu l-likwidità u jkollhom aċċess għall-kreditu, bħall-fatturament u l-kollateralizzazzjoni, u mill-banek u l-kumpaniji sabiex jottimizzaw l-użu tal-kapital tagħhom, bħat-titolizzazzjoni.

Il-fatturament huwa sors kruċjali ta’ likwidità għal ħafna ditti. Fil-fatturament, kumpanija (iċ-ċedent, ħafna drabi SME) iċċedi (tbigħ) ir-riċevibbli tagħha lil fattur (ċessjonarju, ġeneralment bank) bi prezz imnaqqas biex iċ-ċedent ikun jista’ jikseb flus kontanti b’mod immedjat. Il-fattur jiġbor il-flus dovuti għall-fatturi u jaċċetta r-riskju ta’d-djun irrekuperabbli. Il-maġġoranza tal-utenti tal-fatturament huma SMEs: Iż-żgħar jirrappreżentaw 76 %, il-Medji 11 % u l-Kbar 13 %. Il-fatturament għall-SMEs huwa għaldaqstant meqjus mill-industrija bħala l-bażi għat-tkabbir ekonomiku, peress li l-SMEs jistgħu jsibuha aktar diffiċli biex jiksbu self tradizzjonali 7 . L-Ewropa bħala reġjun hija l-akbar suq ta’ fatturament fid-dinja u tirrappreżenta 66 % tas-suq dinji 8 .

Eżempju ta’ fatturament

SME C teħtieġ immedjatament flus kontanti sabiex tħallas lill-fornituri tagħha. Il-fatturi tal-klijenti tagħha għad iridu jitħallsu biss fi żmien tliet xhur. SME C (ċedent) tiddeċiedi li ċċedi (tbigħ) il-fatturi tagħha lil fattur (ċessjonarju), il-bank B, bi prezz imnaqqas sabiex tikseb flus kontanti b’mod immedjat mingħand B. Il-prezz skontat li bih SME C tbigħ il-fatturi tagħha lil B jjikkumpensa l-miżati u l-ħlasijiet ta’ B.

Fil-kollateralizzazzjoni, pretensjonijiet bħal flus ikkreditati f’kont bankarju (fejn il-konsumatur ikun il-kreditur u l-bank id-debitur) jew talbiet ta’ kreditu (jiġifieri self mill-bank) jistgħu jintużaw bħala kollateral finanzjarju sabiex jintlaħaq ftehim ta’ self (pereżempju, konsumatur jista’ juża l-flus kontanti mitfugħin f’kont bankarju bħala kollatteral sabiex jikseb il-kreditu, u bank jista’ juża self ta’ keditu bħala kollateral sabiex jikseb il-kreditu). Il-kollateralizzazzjoni tat-talbiet ta’ kreditu hija tassew importanti għall-industrija finanzjarja. Madwar 22 % tal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema 9 jiġu ggarantiti minn talbiet ta’ kreditu bħala kollateral 10 .

Eżempju ta’ kollateralizzazzjoni

SME C (ċedent) ikollha bżonn tissellef mingħand bank A (ċessjonarju) sabiex tibni maħżen akbar, bl-użu tal-pretensjonijiet li huma marbutin mal-klijenti tagħha bħala kollateral (jew garanzija). Jekk SME C tfalli u ma tkunx tista’ tħallas il-kreditu lura, bank A (li jieħu l-kollateral) ikun jista’ jirkupra d-dejn tiegħu billi jinforza l-pretensjonijiet li SME C kellha marbutin mal-klijenti tagħha.

It-titolizzazzjoni tippermetti li ċ-ċedent, imsejjaħ “oriġinatur” (pereżempju, kumpanija jew bank), jirrifinanzja ġabra mill-pretensjonijiet tiegħu (pereżempju, il-keri ta’ vetturi, riċevibbli ta’ karti tal-kreditu, ħlas ta’ self ipotekarju) billi jċedihom lil “entità bi skop speċjali” (special purpose vehicle, SPV). L-entità bi skop speċjali (ċessjonarju) imbagħad toħroġ titolizzazzjonijiet ta’ dejn (pereżempju, bonds) fis-swieq kapitali li jirriflettu r-rikavat minn dawn il-pretensjonijiet. Billi l-ħlasijiet isiru skont il-pretensjonijiet sottostanti, l-entità bi skop speċjali tuża r-rikavati li tirċievi biex tagħmel il-ħlasijiet fuq it-titoli lill-investituri. It-titolizzazzjoni tista’ tbaxxi l-ispejjeż tal-finanzjament minħabba li l-entità bi skop speċjali hija strutturata b’tali mod li fil-każ tal-insolvenza tagħha l-impatt ikun minimu. Għall-kumpaniji, it-titolizzazzjoni tista’ tipprovdi aċċess għall-kreditu b’kost aktar baxx mis-self tal-bank. Għall-banek, it-titolizzazzjoni hija mod kif jużaw l-assi tagħhom aħjar u jilliberaw il-karti ta’ bilanċ tagħhom sabiex jippermettu li jingħata aktar self lill-ekonomija 11 . Bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-Unjoni adottat leġiżlazzjoni biex tippromwovi suq tat-titolizzazzjoni sikur u likwidu. Dawn ir-regoli għandhom l-għan li jistabbilixxu mill-ġdid suq tat-titolizzazzjoni sikur fl-UE billi jiddifferenzjaw prodotti ta’ titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzati minn oħrajn li huma aktar opaki u li jiswew il-flus. Għal kull tip ta’ titolizzazzjoni, iċ-ċertezza legali dwar min huwa s-sid tal-pretensjoni ċeduta hija kruċjali.

Eżempju ta’ titolizzazzjoni

Katina kbira ta’ bejgħ bl-imnut C (ċedent) iċċedi r-riċevibbli tagħha li jirriżultaw mill-użu min-naħa tal-konsumaturi tal-karta ta’ kreditu azjendali tagħha lil entità bi skop speċjali (A) (ċessjonarju) 12 . A mbagħad toħroġ it-titoli ta’ dejn għall-investituri fis-swieq kapitali. Dawn it-titoli ta’ dejn jiġu garantiti mill-fluss ta’ introjtu li jirriżulta mir-riċevibbli tal-karti ta’ kreditu li jkunu ġew ċeduti lil A. Billi l-ħlasijiet isiru skont ir-riċevabbli, A tuża r-rikavati li tirċievi biex tagħmel il-ħlasijiet fuq it-titoli ta’ dejn.

Għaliex hija importanti ċ-ċertezza legali?

L-iżgurar tal-akkwist ta’ titolu legali fuq il-pretensjoni ċeduta huwa importanti għaċ-ċessjonarju (pereżempju, fattur, riċevitur tal-kollateral jew oriġinatur) minħabba li partijiet terzi jistgħu jitolbu li jingħataw titolu legali fuq l-istess pretensjoni. Dan jista’ jagħti lok għal kunflitt prijoritarju, jiġifieri sitwazzjoni li fiha jkun jeħtieġ li jiġi ddeterminat liema wieħed miż-żewġ drittijiet, id-dritt taċ-ċessjonarju jew id-dritt tal-pretendent kompetitur, jenħtieġ li jipprevali. Kunflitt prijoritarju bejn iċ-ċessjonarju tal-pretensjoni(jiet) u parti terza jista’ essenzjalment jirriżulta f’żewġ sitwazzjonijiet:

-    jekk pretensjoni tkun ġiet ċeduta darbtejn (sew jekk b’mod aċċidentali jew le) miċ-ċedent lil ċessjonarji differenti, it-tieni ċessjonarju jista’ jitlob li jingħata titolu legali fuq l-istess pretensjoni. Il-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet tirriżolvi l-kunflitt prijoritarju bejn iż-żewġ ċessjonarji tal-istess pretensjoni;

-    f’każ ta’ insolvenza taċ-ċedent, il-kredituri taċ-ċedent ikollhom bżonn ikunu jafu jekk il-pretensjoni ċeduta tkunx għadha tifforma parti mill-proprjetà tal-insolvenza jew le, jiġifieri jekk iċ-ċessjoni kinitx effettiva jew le, u għaldaqstant, iċ-ċessjonarju akkwistax t-titolu legali fuq il-pretensjoni. Il-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet se tirriżolvi l-kunflitt prijoritarju bejn iċ-ċessjonarju u l-kredituri taċ-ċedent.

F’ċessjonijiet tal-pretensjonijiet purament domestiċi, huwa ċar li l-liġi nazzjonali sostantiva tkun dik li tiddetermina l-effetti fuq partijiet terzi (jew proprjetarji) fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet, jiġifieri liema rekwiżiti jridu jiġu ssodisfati miċ-ċessjonarju sabiex jiġi żgurat li huwa jakkwista t-titolu legali fuq il-pretensjonijiet ċeduti f’każ li jinqala’ kunflitt prijoritarju. Madankollu, f’xenarju transfruntier, diversi liġijiet nazzjonali jistgħu potenzjalment japplikaw u ċ-ċessjonarji jkunu jeħtieġu ċarezza dwar ma’ liema waħda minn dawn il-liġijiet għandhom jikkonformaw sabiex jakkwistaw titolu legali fuq il-pretensjonijiet ċeduti.

Riskji legali

Il-liġi applikabbli, jiġifieri l-liġi nazzjonali li tapplika għal sitwazzjoni partikolari b’element transfruntier, hija ddeterminata mir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet. Fin-nuqqas ta’ regoli uniformi tal-Unjoni dwar il-kunflitt tal-liġijiet, il-liġi applikabbli tiġi ddeterminata mir-regoli nazzjonali dwar il-kunflitt tal-liġijiet.

Ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet rigward l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet attwalment huma stabbiliti fil-livell tal-Istati Membri. Ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet tal-Istati Membri huma inkonsistenti billi huma bbażati fuq fatturi ta’ konnessjoni differenti sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli: pereżempju, ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ Spanja u l-Polonja huma bbażati fuq il-liġi tal-pretensjoni ċeduta, ir-regoli dwar il-kunflitt tal-Belġju u Franza huma bbażati fuq il-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent u r-regoli dwar il-kunflitt tan-Netherlands huma bbażati fuq il-liġi dwar il-kuntratt taċ-ċessjoni. Ir-regoli nazzjonali dwar il-kunflitt tal-liġijiet mhumiex ċari wkoll, partikolarment meta ma jkunux stipulati fil-liġi statutorja.

L-inkonsistenza fir-regoli tal-Istati Membri dwar il-kunflitt tal-liġijiet tfisser li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu l-liġi ta’ pajjiżi differenti bħala l-liġi li jenħtieġ li tirregola l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet. In-nuqqas ta’ ċertezza legali fir-rigward ta’ liema liġi nazzjonali tapplika għal effetti fuq partijiet terzi joħloq riskju legali f’ċessjonijiet transfruntiera li ma jeżistix f’ċessjonijiet domestiċi. Meta jiltaqa’ ma’ dan ir-riskju legali, ċessjonarju jista’ jirreaġixxi bi tliet modi differenti:

(i)    jekk iċ-ċessjonarju ma jkunx konxju mir-riskju legali jew jagħżel li jinjorah, jista’ jispiċċa jġarrab telf finanzjarju mhux mistenni jekk jinqala’ kunflitt prijoritarju u jitlef it-titolu legali fuq il-pretensjonijiet ċeduti. Ir-riskju legali li jirriżulta mill-inċertezza legali dwar is-sjieda ta’ pretensjoni wara ċessjoni transfruntiera nħoloq waqt il-kriżi finanzjarja tal-2008, pereżempju fil-kollass ta’ Lehman Brothers International (l-Ewropa), fejn l-inkjesta dwar is-sjieda legali tal-assi għadha għaddejja sal-lum il-ġurnata 13 . L-inċertezza dwar is-sjieda tal-pretensjonijiet għaldaqstant jista’ jkollha effetti sekondarji u taggrava u ttawwal l-impatti ta’ kriżi finanzjarja.

(ii)    jekk iċ-ċessjonarju jiddeċiedi li jimmitiga r-riskju legali billi jfittex parir legali speċifiku dwar liema liġijiet nazzjonali jistgħu potenzjalment japplikaw għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet transfruntiera, u jimxi f’konformità mar-rekwiżiti stipulati f'dawn il-liġijiet kollha sabiex jiżgura t-titolu legali fuq il-pretensjonijiet ċeduti, huwa jġarrab spejjeż ta’ tranżazzjoni ta’ bejn 25 % u 60 % 14 ogħla li mhumiex meħtieġa għaċ-ċessjonijiet domestiċi;

(iii)    jekk iċ-ċessjonarju jkun skoraġġut mir-riskju legali u jagħżel li jevitah, jista’ jċedi xi opportunitajiet ta' negozju u l-integrazzjoni fis-suq tista’ titnaqqas. Minħabba n-nuqqas attwali ta’ regoli komuni dwar il-kunflitt tal-liġijiet fir-rigward tal-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet, iċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet issiru prinċipalment fuq bażi nazzjonali aktar milli transfruntiera: pereżempju, it-tip dominanti ta’ fatturament huwa domestiku u, fl-2016, irrappreżenta madwar 78 % tal-fatturat totali. 15 .

Jekk iċ-ċessjonarju jiddeċiedi li jwettaq iċ-ċessjoni, l-inkonsistenza bejn ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet tal-Istati Membri tfisser li r-riżultat ta’ kunflitt prijoritarju fir-rigward tas-sjieda ta’ pretensjoni wara ċessjoni transfruntiera jvarja skont il-liġi nazzjonali applikata mill-qorti tal-Istat Membru jew l-awtorità li tiġġudika t-tilwima. Skont liema liġi nazzjonali tiġi applikata, jista’ jkun li ċ-ċessjoni transfruntiera tikkonferixxi jew ma tikkonferixxix it-titolu legali mistenni fuq il-pretendenti.

Il-valur miżjud tar-regoli uniformi

Attwalment, ir-regoli uniformi tal-Unjoni dwar il-kunflitt tal-liġijiet jiddeterminaw il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali tat-tranżazzjonijiet tal-pretensjonijiet u tat-titoli. B’mod partikolari, ir-Regolament Ruma I 16 jiddetermina l-liġi applikabbli għar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-partijiet fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet (bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju u bejn iċ-ċessjonarju u d-debitur) u bejn il-kreditur/iċ-ċedent u d-debitur. Ir-Regolament Ruma I jiddetermina wkoll il-liġi applikabbli għar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-bejjiegħ u x-xerrej fit-tranżazzjonijiet tat-titoli.

Ir-regoli uniformi tal-Unjoni dwar il-kunflitt tal-liġijiet jiddeterminaw ukoll il-liġi applikabbli għall-effetti proprjetarji fi tranżazzjonijiet ta’ titoli b’entrati fil-kotba u ta’ strumenti li l-eżistenza jew it-trasferiment tagħhom jassumu minn qabel l-elenkar tagħhom f’reġistru, kont jew sistema ta’ depożitu ċentralizzata fit-tliet Direttivi, jiġifieri id-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju, id-Direttiva dwar il-Finalità ta’ Settlement u d-Direttiva dwar l-Istralċ. Madankollu, l-ebda regola uniformi tal-Unjoni dwar il-kunflitt tal-liġijiet ma ġiet adottata għall-liġi applikabbli għall-effetti proprjetarji taċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet. Dan ir-Regolament propost għandu l-għan li jindirizza din il-lakuna.

Ir-regoli komuni dwar il-kunflitt tal-liġijiet elenkati fir-Regolament propost jistipulaw li, bħala regola ġenerali, il-liġi tal-pajjiż fejn iċ-ċedent ikollu r-residenza abitwali tiegħu tirregola l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet. Madankollu, ir-Regolament propost jistipula wkoll l-eċċezzjonijiet li jissoġġettaw lil ċerti ċessjonijiet għal-liġi dwar il-pretensjonijiet ċeduti meta r-regola ġenerali ma tkunx adattata u anki għażla ta’ possibbiltà ta’ liġijiet għat-titolizzazzjonijiet immirati lejn l-espansjoni tas-suq tat-titolizzazzjoni.

L-adozzjoni ta’ regoli uniformi dwar il-kunflitt tal-liġijiet fil-livell tal-Unjoni marbutin mal-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet se ġġib valur miżjud sinifikanti lis-swieq finanzjarji.

L-ewwel nett, iċ-ċertezza legali miġjuba mir-regoli uniformi se tippermetti liċ-ċessjonarji jkunu konformi mar-rekwiżiti ta’ liġi nazzjonali waħda biss sabiex jiġi żgurat l-akkwist tat-titolu legali fuq il-pretensjonijiet ċeduti. Din iċ-ċertezza legali se telimina r-riskju legali li attwalment huwa marbut maċ-ċessjonijiet transfruntiera tal-pretensjonijiet f’termini ta’ telf mhux mistenni u l-effetti sekondarji possibbli, l-ispejjeż ogħla tat-tranżazzjonijiet, l-opportunitajiet ta’ negozju mitlufin u l-integrazzjoni tas-suq imnaqqsa. Ir-regoli uniformi dwar il-kunflitt tal-liġijiet stipulati b’mod partikolari għat-titolizzazzjoni jirrikonoxxu l-prattika ta’ operaturi kbar li japplikaw il-liġi tal-pretensjoni ċeduta għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet, iżda fl-istess ħin għandhom l-għan li jippermettu lil operaturi iżgħar li jidħlu fis-suq tat-titolizzazzjoni jew li dawn isaħħu l-preżenza tagħhom fih billi jagħmlu l-effetti fuq il-partijiet terzi fiċ-ċessjoni tagħhom soġġetti għal-liġi tar-residenza abitwali taċ-ċedent. Il-flessibbiltà fir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet applikabbli għat-titolizzazzjoni se tiffaċilita l-espansjoni tas-suq tat-titolizzazzjoni b’parteċipanti ġodda fis-suq u l-ħolqien ta’ opportunitajiet tan-negozju ġodda.

It-tieni, l-uniformità tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet fost l-Istati Membri se tiżgura li l-istess liġi nazzjonali tapplika biex jiġi solvut kwalunkwe kunflitt prijoritarju li jinħoloq bejn iċ-ċessjonarju u l-pretendent kompetitur, irrilevanti minn liema qorti jew awtorità tal-Istat Membru teżamina t-tilwima.

L-introduzzjoni taċ-ċertezza legali b’dan il-mod se tippromwovi l-investiment transfruntier, li huwa l-għan aħħari ta' dan ir-Regolament propost skont il-Pjan ta’ Azzjoni dwar Unjoni tas-Swieq Kapitali.

X’inhi pretensjoni?

Pretensjoni hija d-dritt ta’ kreditur fil-konfront ta’ debitur għall-ħlas ta’ somma flus (pereżempju, riċevibbli) jew it-twettiq ta’ obbligu (pereżempju, obbligu ta’ provvediment ta' assi sottostanti skont il-kuntratti tad-derivattivi).

Il-pretensjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati fi tliet kategoriji:

(i)    L-ewwel kategorija tkopri l-“pretensjonijiet tradizzjonali” jew ir-riċevibbli, bħal flus li għandhom jitħallsu għal tranżazzjonijiet pendenti (pereżempju, flus li għandhom jitħallsu lil kumpanija mingħand klijent għal fatturi mhux imħallsin).

(ii)    L-istrumenti finanzjarji kif definiti fil-MiFID II 17 jinkludu titoli u d-derivattivi nnegozjati fis-swieq finanzjarji. Filwaqt li t-titoli huma assi, id-derivattivi huma kuntratti li jinkludu kemm drittijiet (jew pretensjonijiet) u kemm obbligi għall-partijiet fil-kuntratt. It-tieni kategorija ta’ pretensjonijiet hija l-pretensjonijiet li jirriżultaw minn strumenti finanzjarji (xi drabi magħrufin bħala “pretensjonijiet finanzjarji”), bħall-pretensjonijiet li jirriżultaw mill-kuntratti tad-derivattivi (pereżempju, l-ammont dovut wara l-kalkolu tal-għeluq f’kuntratt tad-derivattivi).

(iii)    It-tielet kategorija ta’ pretensjonijiet hija l-flus ikkreditati f’kont f’istituzzjoni ta’ kreditu (bħal bank), fejn id-detentur tal-kont (pereżempju, konsumatur) huwa l-kreditur u l-istituzzjoni ta’ kreditu hija d-debitriċi.

Din il-proposta tikkonċerna l-effetti tal-parti terza (jew proprjetarji) taċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet imsemmijin hawn fuq. Din ma tkoprix it-trasferiment tal-kuntratti (pereżempju kuntratti tad-derivattivi), li fihom kemm id-drittijiet (jew il-pretensjonijiet) kif ukoll l-obbligi huma inklużi, jew in-novazzjoni ta’ kuntratti li jinkludu t-tali drittijiet u obbligi. Billi din il-proposta ma tkoprix it-trasferiment jew in-novazzjoni tal-kuntratti, in-negozjar fl-istrumenti finanzjarji, kif ukoll l-ikklerjar u s-saldu ta’ dawn l-istrumenti, se jibqgħu jiġu regolati mil-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali kif inhu stipulat fir-Regolament Ruma I. Din il-liġi normalment tintgħażel mill-partijiet kontraenti jew tintgħażel permezz ta’ regoli mhux diskrezzjonali applikabbli għas-swieq finanzjarji.

Il-pretensjonijiet li jirriżultaw minn strumenti finanzjarji kif definiti fil-MiFID II, bħal pretensjonijiet li jirriżultaw minn kuntratti tad-derivattivi, huma rilevanti għall-funzjonament tajjeb tas-swieq finanzjarji. Simili għat-titoli, in-negozjar fl-istrumenti finanzjarji bħad-derivattivi jiġġenera volumi kbar ta’ tranżazzjonijiet transfruntiera. L-istrumenti finanzjarji bħad-derivattivi ħafna drabi jiġu rreġistrati f’forma ta’ entrati fil-kotba.

Il-forma ta’ reġistrazzjoni tal-eżistenza jew it-trasferiment tal-istrumenti finanzjarji bħad-derivattivi, sew jekk f’forma ta’ entrata fil-kotba jew f’forma oħra, hija rregolata mil-liġi tal-Istati Membri. F’ċerti Stati Membri, ċerti tipi ta’ derivattivi jiġu rreġistrati f’forma ta’ entrati fil-kotba u jitqiesu bħala titoli, filwaqt li fi Stat Membri oħrajn ma jitqisux b’dan mod. Abbażi ta’ jekk, skont il-liġi nazzjonali, strument finanzjarju bħal kuntratt tad-derivattivi jiġix irreġistrat b’entrata fil-kotba u jitqiesx bħala titolu jew le, l-awtorità jew il-qorti li tkun qed tittratta tilwima fir-rigward ta’ min għandu t-titolu legali fuq l-istrument finanzjarju jew fuq il-pretensjoni li tirriżulta minn dan l-istrument finanzjarju, tapplika r-regola dwar il-kunflitt tal-liġijiet fuq l-effetti proprjetarji tat-trasferiment tat-titoli b’entrati fil-kotba jew tapplika r-regola dwar il-kunflitt tal-liġijiet fuq l-effetti proprjetarji taċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet.

Din il-proposta tikkonċerna r-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet dwar l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni ta “pretensjonijiet tradizzjonali”, “pretensjonijiet finanzjarji” (jiġifieri pretensjonijiet li jirriżultaw minn strumenti finanzjarji bħal derivattivi li ma jiġux irreġistrati f’forma ta’ entrata fil-kotba u li ma jitqisux bħala titoli skont il-liġi nazzjonali) u “flus ikkreditati lil istituzzjoni ta’ kreditu”, li kollha jissejħu “pretensjonijiet”.

L-effetti fuq partijiet terzi tat-tranżazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji bħal derivattivi rreġistrati f’forma ta’ entrata fil-kotba u meqjusin bħala titoli skont il-liġi nazzjonali huma rregolati mir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet applikabbli għall-effetti proprjetarji ta’ tranżazzjonijiet f’titoli b’entrati fil-kotba u għal strumenti li l-eżistenza jew it-trasferiment tagħhom jassumu minn qabel li huma rreġistrati f’reġistru, kont jew sistema ta’ depożitu ċentralizzata stipulati, b’mod partikolari, fid-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju, id-Direttiva dwar il-Finalità tas-Settlement u d-Direttiva dwar l-Istralċ. Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet f’din il-proposta u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet f’dawn it-tliet Direttivi, għalhekk, ma jikkonċidux minħabba li dawk tal-ewwel japplikaw għall-pretensjonijiet u dawk tal-aħħar japplikaw għal titoli b’entrati fil-kotba u għal strumenti li l-eżistenza jew it-trasferiment tagħhom jassumu minn qabel li huma rreġistrati f’reġistru, kont jew sistema ta’ depożitu ċentralizzata 18 . It-tliet Direttivi huma ċċarati mill-Komunikazzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-effetti proprjetarji ta’ tranżazzjonijiet fit-titoli adottata llum.

X’inhi ċ-ċessjoni ta’ pretensjoni?

F’ċessjoni ta’ pretensjoni, kreditur (“ċedent”) jittrasferixxi d-dritt tiegħu għal pretensjoni fil-konfront ta' debitur fuq persuna oħra (“ċessjonarju”).

Ċarezza dwar is-sjieda ta’ pretensjoni wara ċ-ċessjoni transfruntiera tagħha hija rilevanti għall-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u anki għall-ekonomija reali. Dan huwa minħabba li ċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet ħafna drabi tintuża mid-ditti bħala mekkaniżmu biex jiksbu l-likwidità jew aċċess għall-kreditu.

F’każ ta’ fatturament, pereżempju, kumpanija (iċ-ċedent) tbigħ il-pretensjonijiet tagħha bi prezz skontat lil fattur (iċ-ċessjonarju), ħafna drabi bank, bi skambju għal flus immedjati. Il-maġġoranza tal-utenti tal-fatturament huma SMEs (87 %) 19 .

Iċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet tintuża wkoll mill-konsumaturi, il-kumpaniji u l-banek biex ikollhom aċċess għall-kreditu, pereżempju fil-kollateralizzazzjoni. F’każ ta’ kollateralizzazzjoni, pretensjonijiet bħal flus ikkreditati f’kont bankarju jew talbiet ta’ kreditu (jiġifieri, self mill-bank) jistgħu jintużaw bħala kollateral finanzjarju sabiex jiġi garantit ftehim ta’ self (pereżempju, konsumatur jista’ juża l-flus ikkreditati f’kont bankarju bħala kollateral sabiex jikseb il-kreditu, u bank jista’ juża self ta’ kreditu bħala kollateral sabiex jikseb il-kreditu).

Fl-aħħar nett, iċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet tintuża wkoll mill-kumpaniji u l-banek sabiex jissellfu l-flus mis-swieq kapitali permezz taċ-ċessjoni ta’ pretensjonijiet simili multipli lil entità bi skop speċjali u t-titolizzazzjoni sussegwenti ta’ pretensjonijiet bħal dawn bħala titoli ta’ dejn (pereżempju bonds).

Il-partijiet ikkonċernati milqutin b’mod dirett mir-riskju legali fi tranżazzjonijiet transfruntiera ta' pretensjonijiet huma l-mutwarji (klijenti u kumpaniji fil-livell tal-konsumaturi, inklużi SMEs), l-istituzzjonijiet finanzjarji (bħal banek involuti fis-self, il-fatturament, il-kollateralizzazzjoni u t-titolizzazzjoni), l-intermedjarji finanzjarji li jagħmlu tranżazzjonijiet ta’ pretensjonijiet u investituri aħħarin (fondi, investituri fil-livell tal-konsumatur).

L-iżvilupp tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet rigward iċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet

B’interkonnettività tas-swieq nazzjonali mtejba, iċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet ħafna drabi jinvolvu element transfruniter (pereżempju, iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju, jew iċ-ċessjonaru u d-debitur, ikunu jinsabu f’pajjiżi differenti). Il-liġijiet ta’ diversi pajjiżi jistgħu, għalhekk, potenzjalment japplikaw għaċ-ċessjoni Ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet stipulati fil-livell tal-Unjoni jew tal-Istati Membri jridu jiddeterminaw liema liġi nazzjonali tapplika għad-diversi elementi taċ-ċessjoni transfruntiera tal-pretensjonijiet.

Ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet dwar iċ-ċessjonijiet transfruntiera tal-pretensjonijiet jikkonċernaw żewġ elementi: (1) l-element kuntrattwali, li jirreferi għall-obbligi tal-partijiet lejn xulxin; u (2) l-element proprjetarju, li jirreferi għat-trasferiment tad-drittijiet proprjetarji fuq pretensjoni u li, għalhekk, jistgħu jaffettwaw lil partijiet terzi.

Ir-Regolament Ruma I dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali armonizza r-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tal-elementi kuntrattwali taċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet. Ir-Regolament, għalhekk, jistipula regoli uniformi dwar il-kunflitt tal-liġijiet fir-rigward ta’ (i) ir-relazzjoni bejn il-partijiet fil-kuntratt ta’ ċessjoni - iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju 20 , u (ii) ir-relazzjoni bejn iċ-ċessjonarju u d-debitur 21 . Ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet tar-Regolament Ruma I japplikaw ukoll għar-relazzjoni bejn il-kreditur oriġinali (iċ-ċedent) u d-debitur 22 .

B’kuntrast għal dan, ma jeżistux regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tal-elementi proprjetarji taċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet. L-elementi proprjetarji jew l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet jirreferu, b’mod ġenerali, għal min għandu s-sjieda fuq pretensjoni u, b’mod partikolari, għal: (i) liema rekwiżiti iridu jiġu ssodisfati miċ-ċessjonarju sabiex jiġi żgurat li huwa jakkwista t-titolu legali fuq il-pretensjoni wara ċ-ċessjoni (pereżempju, ir-reġistrazzjoni taċ-ċessjoni f’reġistru pubbliku, notifika bil-miktub taċ-ċessjoni lid-debitur), u (ii) kif jiġu riżolti l-kunflitti prijoritarji, jiġifieri kunflitti bejn diversi pretendenti kompetituri fir-rigward tas-sjieda ta’ pretensjoni wara ċessjoni transfruntiera (pereżempju, bejn żewġ ċessjonarji fejn l-istess pretensjoni tkun ġiet ċeduta darbtejn, jew bejn ċessjonarju u kreditur taċ-ċedent).

Il-kwistjoni dwar liema liġi jenħtieġ li tirregola l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet ġiet ikkunsidrata l-ewwel darba meta l-Konvenzjoni ta’ Ruma tal-1980 kienet qed tiġi mibdula fir-Regolament Ruma I 23 u mbagħad waqt in-negozjati leġiżlattivi li wasslu għall-adozzjoni tar-Regolament Ruma I. Il-proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament Ruma I għażlet il-liġi tar-residenza abitwali taċ-ċedent bħala l-liġi li jenħtieġ li tapplika għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet 24 . Fl-aħħar mill-aħħar, l-ebda regola dwar il-kunflitt tal-liġijiet rigward l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet ma ġiet inkluża fir-Regolament 25 minħabba l-kumplessità tal-kwistjoni u nuqqas ta’ ħin sabiex din tiġi trattata fil-livell ddettaljat meħtieġ.

Madankollu, l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Ruma I rrikonoxxa s-sinifikat ta’ din il-kwistjoni mhux solvuta billi esiġa li l-Kummissjoni tippreżenta rapport fuq il-kwistjoni tal-effettività taċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet fil-konfront ta' partijiet terzi, akkumpanjat jekk ikun il-każ, minn proposta biex jiġi emendat ir-Regolament 26 . Għal dan il-għan, il-Kummissjoni kkummissjonat studju estern 27 u, fl-2016, adottat rapport li jippreżenta l-approċċi possibbli għall-kwistjoni 28 . Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni nnutat li n-nuqqas ta’ regoli uniformi dwar il-kunflitt tal-liġijiet li jiddeterminaw liema liġi tirregola l-effettività taċ-ċessjoni ta’ pretensjoni fil-konfront ta' partijiet terzi u l-kwistjonijiet ta' prijorità bejn pretendenti kompetituri jdgħajfu iċ-ċertezza legali, joħolqu problemi prattiċi u jirriżultaw fi spejjeż legali ogħla 29 .

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 27(2) tar-Regolament Ruma I li l-Kummissjoni jenħtieġ li tippubblika rapport u, jekk ikun xieraq, proposta dwar l-effettività ta’ ċessjoni ta’ pretensjoni fil-konfront ta' partijiet terzi u l-prijorità taċ-ċessjonarju fuq id-dritt ta’ persuna oħra. Il-proposta tarmonizza r-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet rigward dawn il-kwistjonijiet kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni, jiġifieri, il-kwistjonijiet li jenħtieġ li jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali magħżula bħala dik applikabbli mill-proposta.

Il-proposta hija konsistenti mal-istrumenti eżistenti tal-Unjoni dwar il-liġi applikabbli fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, b’mod partikolari mar-Regolament Ruma I fir-rigward ta’ pretensjonijiet koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ strumenti.

Il-proposta hija konsistenti wkoll mar-Regolament dwar l-Insolvenza 30 fir-rigward tal-fattur ta’ konnessjoni li jiddetermina l-liġi applikabbli għall-proċedimenti ta’ insolvenza. Il-liġi tar-residenza abitwali taċ-ċedent magħżula mill-proposta bħala l-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet tikkonċidi mal-liġi applikabbli għall-insolvenza taċ-ċedent minħabba li, skont ir-Regolament tal-Insolvenza, il-proċedimenti ta’ insolvenza prinċipali jridu jinfetħu fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu (COMI). Ħafna mill-kwistjonijiet relatati mal-effettività taċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet magħmulin miċ-ċedent jirriżultaw f'każ ta' insolvenza taċ-ċedent. L-assi ta’ insolvenza taċ-ċedent jvarjaw skont jekk it-titolu legali tal-pretensjonijiet ċeduti jkunx ġie trasferit liċ-ċessjonarju jew le, u għaldaqstant, skont jekk iċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet magħmula miċ-ċedent tistax titqies bħala effettiva fil-konfront ta' partijiet terzi (pereżempju, il-kredituri tiegħu) jew le. Il-kwistjonijiet prijoritarji u l-effettività taċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet fil-konfront ta' partijiet terzi, bħal kredituri taċ-ċedent, meta jkunu suġġetti għall-istess liġi li tirregola l-insolvenza taċ-ċedent, għandhom l-għan li jiffaċilitaw r-riżoluzzjoni tal-insolvenza taċ-ċedent.

•Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

L-għanijiet tal-inizjattiva huma koerenti mal-politiki tal-Unjoni dwar ir-regolamentazzjoni tas-suq finanzjarju.

Sabiex l-investiment transfruntier jiġi ffaċilitat, il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali jipprevedi azzjoni mmirata dwar ir-regoli tas-sjieda tat-titoli u l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet. Il-Pjan ta’ Azzjoni jkompli jispeċifika li l-Kummissjoni jenħtieġ li tipproponi inizjattiva leġiżlattiva sabiex tiddetermina b’ċertezza legali liema regola nazzjonali jenħtieġ li tapplika għas-sjieda tat-titoli u l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet.

Billi tnaqqas l-inċertezza legali li tista’ tiskoraġġixxi ċ-ċessjonijiet transfruntiera ta’ pretensjonijiet jew twassal għal spejjeż addizzjonali għal dawn it-tranżazzjonijiet, din il-proposta se tikkontribwixxi biex jiġi mħeġġeġ l-investiment transfruntier. Il-proposta, bit-tnaqqis tat-telf li jista’ jirriżulta meta l-parteċipanti tas-suq ma jkunux konxji mir-riskju legali li jirriżulta mill-inċertezza legali, qed tkun kompletament konsistenti mal-għan li tipproteġi lill-investituri kif stabbilit f’għadd ta’ regolamenti tal-Unjoni dwar is-swieq finanzjarji. Fl-aħħar nett, billi tarmonizza r-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet rigward l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni ta’ pretensjonijiet, il-proposta se tipprovdi ċertezza legali lill-partijiet involuti fil-fatturament, il-kollateralizzazzjoni u t-titolizzazzjoni u, għaldaqstant, tiffaċilita l-aċċess għal finanzjament aktar irħis għall-SMEs u l-konsumaturi.

F’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, din il-proposta dwar il-pretensjonijiet hija kkumplimentata minn inizjattiva mhux leġiżlattiva dwar il-liġi applikabbli għall-effetti proprjetarji tat-tranżazzjonijiet fit-titoli. Attwalment, ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet rigward l-effetti proprjetarji tat-tranżazzjonijiet transfruntiera fit-titoli huma stipulati fid-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju, id-Direttiva dwar il-Finalità tas-Settlement u d-Direttiva dwar l-Istralċ. Kif indikat, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet f’din il-proposta u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet f’dawn it-tliet Direttivi ma jikkonċidux minħabba li dawk tal-ewwel japplikaw għall-pretensjonijiet u dawk tal-aħħar japplikaw għal titoli b’entrati fil-kotba u għal strumenti li l-eżistenza jew it-trasferiment tagħhom jassumu minn qabel li huma rreġistrati f’reġistru, kont jew sistema ta’ depożitu ċentralizzata 31 .

Għalkemm ġew adottati regoli uniformi dwar il-kunflitt tal-liġijiet fir-rigward tat-titoli fit-tliet Direttivi msemmijin hawn fuq, dawn ir-regoli ma jużawx testijiet identiċi u jiġu interpretati u applikati b’modi differenti fl-Istati Membri.

Il-Valutazzjoni tal-Impatt imwettqa fir-rigward tal-pretensjonijiet u t-titoli wriet li n-nuqqas totali ta’ regoli komuni dwar il-kunflitt tal-liġijiet fir-rigward tal-effetti proprjetarji taċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet huwa wieħed mill-fatturi li jwassal biex iċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet jitwettqu fuq bażi nazzjonali minflok fuq bażi transfruntiera. B’kuntrast ma’ dan, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet fit-titoli, l-inċertezza legali residwa li tirriżulta mill-interpretazzjonijiet differenti tad-Direttivi eżistenti ma jidhirx li xxekkel l-iżvilupp ta’ swieq transfruntiera sostanzjali. Dan, flimkien ma’ ftit li xejn evidenza tanġibbli ta’ riskju materjali fir-rigward tat-titoli, sostna l-għażla ta’ inizjattiva mhux leġiżlattiva bħala l-għażla politika preferuta għat-titoli.

Fil-qosor, id-differenza prinċipali bejn l-oqsma tal-pretensjonijiet u t-titoli hija li, filwaqt li hemm nuqqas totali ta’ regoli tal-UE dwar il-kunflitt tal-liġijiet rigward l-effetti proprjetarji taċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet, li jimplika li hemm bżonn ta’ miżura leġiżlattiva sabiex jitneħħa r-riskju legali miċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet transfruntiera, tliet Direttivi diġà jinkludu regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet rigward l-effetti proprjetarji tat-tranżazzjonijiet f’titoli li, anki jekk mhumiex ifformulati b'mod uniformi, jirrikjedu biss l-adozzjoni ta’ miżuri nonvinkolanti.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika tal-proposta hija l-Artikolu 81(2)(c) tat-TFUE li, fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili b’implikazzjonijiet transfruntiera, jagħtu s-setgħa b’mod speċifiku lill-Parlament u lill-Kunsill sabiex jadottaw miżuri mmirati sabiex jiżguraw “il-kompatibbiltà tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri dwar il-kunflitt tal-liġijiet (...)”.

Permezz tal-Protokoll Nru 22 tat-TFUE, il-miżuri ġuridiċi adottati fl-oqsma tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, bħar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet, ma humiex vinkolanti u ma japplikawx fid-Danimarka. Permezz tal-Protokoll Nru 21 tat-TFUE, lanqas ir-Renju Unit u l-Irlanda ma huma marbutin b’tali miżuri. Madankollu, ladarba proposta tiġi ppreżentata f’dan il-qasam, dawn l-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tal-miżura u, ladarba l-miżura tiġi adottata, jistgħu jinnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jaċċettaw din il-miżura.

Sussidjarjetà

L-inċertezza legali attwali u r-riskju legali li jirrżulta minnha huma kkawżati minn regoli sostantivi diverġenti tal-Istati Membri li jirregolaw l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet. Il-ħidma individwali tal-Istati Membri ma tistax tneħħi b’mod sodisfaċenti r-riskju legali u l-ostakoli għaċ-ċessjoni ta’ pretensjonijiet transfruntiera, minħabba li l-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali jkun hemm bżonn li jkunu l-istess jew tal-anqas kompatibbli sabiex jiffunzjonaw f’sitwazzjoni transfruntiera. Hemm bżonn ta' azzjoni fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat li, fl-Unjoni, l-istess liġi tintgħażel bħala l-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet ta’ pretensjonijiet, irrilevanti minn liema qorti jew awtorita' ta' Stat Membru tiġi ġġudikata t-tilwima dwar is-sjieda ta’ pretensjoni ċeduta.

Proporzjonalità

Attwalment, kull Stat Membru għandu (i) ir-regoli sostantivi tiegħu li jirregolaw l-effetti fuq parti terza fiċ-ċessjonijiet ta' pretensjonijiet, u (ii) ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet tiegħu li jiddeterminaw liema liġi sostantiva nazzjonali tirregola t-tali effetti fuq partijiet terzi. Kemm ir-regoli sostantivi kif ukoll ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet tal-Istati Membri huma differenti u, f’għadd ta’ każijiet, ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet ma jkunux ċari jew ma jkunux stipulati fil-leġiżlazzjoni statutorja. Dawn id-differenzi joħolqu inċertezzi legali li jirriżultaw f’riskju legali, minħabba li l-liġijiet sostantivi ta’ diversi pajjiżi jistgħu potenzjalment japplikaw għal ċessjoni tranfruntiera waħda.

Sabiex tipprovdi ċertezza legali, l-UE tista’ tipproponi li (i) jiġu armonizzati r-regoli sostantivi tal-Istati Membri kollha li jirregolaw l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet, jew (ii) li jiġu armonizzati r-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet. Is-soluzzjoni proposta hija mmirata li tipprovdi ċertezza legali permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet. Teżisti soluzzjoni aktar proporzjonata f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà minħabba li ma tinterferixxix mal-liġi nazzjonali sostantiva u tapplika biss għaċ-ċessjonijiet ta’ pretensjonijiet b’element transfruntier.

Azzjoni bħal din marbuta mal-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet hija adattata sabiex jintlaħaq l-għan li tingħata ċertezza legali u jitneħħa r-riskju legali miċ-ċessjonijiet ta’ pretensjonijiet transfruntiera, u b’hekk jiġu ffaċilitati l-investiment transfruntier, l-aċċess għal-kreditu aktar irħis u l-integrazzjoni tas-suq, mingħajr ma jsir aktar milli hu neċessarju sabiex tintlaħaq il-mira.

L-għażla tal-istrument

L-uniformità mixtieqa tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet tista’ tintlaħaq biss permezz ta’ Regolament, minħabba li Regolament biss jista’ jiżgura interpretazzjoni u applikazzjoni konsistenti tar-regoli. F’konformità ma’ strumenti tal-Unjoni preċedenti dwar ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet, l-istrument legali preferut huwa Regolament.

3.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u l-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni hija involuta b’mod attiv mal-partijiet ikkonċernati kollha u wettqet konsultazzjonijiet komprensivi tul il-proċess ta’ valutazzjoni tal-impatt kollu. L-istrateġija ta’ konsultazzjoni stabbilixxiet għadd ta’ azzjonijiet li għandhom jiġu organizzati mill-Kummissjoni, b’mod partikolari konsultazzjoni pubblika onlajn; żewġ laqgħat ma’ esperti mill-Istati Membri, waħda ma’ esperti dwar il-kunflitti tal-liġijiet u oħra ma’ esperti fis-swieq finanzjarji; u Grupp ta’ Esperti ta' livell għoli magħmul minn persuni akkademiċi, prattikanti legali u membri tal-industrija b’għarfien espert kemm dwar ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet u s-swieq finanzjarji. L-istrateġija ta’ konsultazzjoni inkludiet ukoll studju kkummissjonat mill-Kummissjoni u mwettaq mill-British Institute of International and Comparative Law (BIICL) dwar il-kwistjoni tal-effettività taċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet fil-konfront ta' partijiet terzi u l-kunflitti prijoritarji bejn pretendenti kompetituri. Il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Inċepiment, ippubblikata fit-28 ta’ Frar 2017, ma kien hemm l-ebda rispons mill-partijiet ikkonċernati.

L-istudju kkummissjonat mill-Kummissjoni wera li l-liġijiet li l-aktar li jiġu applikati llum il-ġurnata sabiex jiġu riżolti l-kunflitti rigward l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet huma l-liġi tar-residenza abitwali taċ-ċedent (pereżempju, il-Belġju, Franza, il-Lussemburgu fir-rigward tat-titolizzazzjoni), il-liġi li tirregola l-pretensjoni ċeduta (pereżempju Spanja, il-Polonja) u l-liġi dwar il-kuntratt bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju (pereżempju, in-Netherlands).

Il-konsultazzjoni pubblika onlajn infetħet fis-7 ta’ April 2017 u ngħalqet fit-30 ta’ Ġunju 2017, li jikkonforma mal-istandard ta’ minimu ta’ 12-il ġimgħa għall-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni. L-għan tal-konsultazzjoni pubblika kien li tirċievi l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha kkonċernati, partikolarment dawk involuti fil-fatturament, it-titolizzazzjoni, il-kollateralizzazzjoni u l-innegozjar tal-istrumenti finanzjarji, kif ukoll min-naħa tal-prattikanti legali u l-esperti rigward ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet marbutin mal-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet.

Il-Kummissjoni waslulha 39 rispons mill-konsultazzjoni pubblika. Fost ir-rispondenti kien hemm ħames gvernijiet, 15-il assoċjazzjoni tal-industrija, erba’ kumpaniji, żewġ ditti legali, żewġ gruppi ta' riflessjoni u ħames individwi privati. Mis-settur finanzjarju, l-interessi tal-banek, tal-maniġers tal-fondi, tas-swieq regolati, tal-kontropartijiet ċentrali (central counterparties, CCPs), tad-depożitorji tat-titli ċentralizzati (central security depositories, CSDs), tal-emittenti tat-titoli u l-investituri kienu rrappreżentati. Ma waslet l-ebda tweġiba mingħand organizzazzjonijiet tal-konsumatur.

F’termini ta’ kopertura ġeografika, ir-rispons wasal min Stati Membri differenti: tlettax-il tweġiba mingħand partijiet ikkonċernati fir-Renju Unit, disa’ tweġibiet minn Franza u l-Belġju, tliet tweġibiet mill-Ġermanja u n-Netherlands, żewġ tweġibiet minn Spanja, tweġiba mill-Finlandja, tweġiba mir-Repubblika Ċeka u tweġiba mill-Isvezja.

B’mod ġenerali, meta l-partijiet ikkonċernati ġew mistoqsijin jekk fil-ħames snin ta’ qabel kinux iltaqgħu ma’ diffikultajiet biex tiġi ggarantita l-effettività taċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet transfruntiera fil-konfront ta' partijiet terzi apparti d-debitur, aktar minn żewġ terzi tal-partijiet ikkonċernati qalu li kienu ltaqgħu ma’ diffikultajiet. Mill-partijiet ikkonċernati li wieġbu għall-mistoqsija dwar jekk azzjoni tal-Unjoni ġġibx valur miżjud fl-indirizzar tad-diffikultajiet affaċċjati, 59 % wieġbu fil-pożittiv u 22 % wieġbu fin-negattiv.

Fir-rigward tal-liġi li għandha tintgħażel f’inizjattiva leġiżlattiva tal-Unjoni, il-partijiet ikkonċernati ntalbu jindikaw il-preferenzi tagħhom fi tliet mistoqsijiet separati. Mill-partijiet ikkonċernati li rrispondew għal kull waħda mit-tliet mistoqsijiet separati, 57 % tal-partijiet ikkonċernati kienu favur il-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent, 43 % kienu favur il-liġi tal-pretensjoni ċeduta u 30 % kienu favur il-liġi tal-kuntratt ta’ ċessjoni. Xi wħud minn dawk li wieġbu ibbażaw it-tweġibiet tagħhom fuq ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet applikabbli fl-Istat Membru tagħhom, filwaqt li oħrajn ibbażaw it-tweġibiet tagħhom fuq il-liġi li japplikaw fil-prattika attwali tagħhom.

B’sostenn għar-residenza abitwali taċ-ċedent, il-partijiet ikkonċernati argumentaw li din il-liġi tista’ tiġi determinata faċilment, tipprovdi aktar ċertezza legali u tirrispetta l-loġika ekonomika ta’ prattiki tan-negozju importanti aktar minn kwalunkwe soluzzjoni oħra. Il-partijiet ikkonċernati li kienu favur il-liġi tal-pretensjoni ċeduta argumentaw li din il-liġi tirrispetta l-prinċipju tal-awtonomija tal-partijiet u potenzjalment tbaxxi l-ispejjeż tat-tranazzjonijiet.

Il-valutazzjoni tal-impatt

L-għażliet analizzati fil-Valutazzjoni tal-Impatt kienu dawn:

✓ Għażla 1: Il-liġi applikabbli għall-kuntratt taċ-ċessjoni.

Skont dan il-fattur ta’ konnessjoni, il-liġi li tirregola l-kuntratt taċ-ċessjoni bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju tirregola wkoll l-effetti proprjetarji taċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet. Iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju jistgħu jagħżlu kwalunkwe liġi biex tirregola l-kuntratt ta’ ċessjoni tagħhom.

✓ Għażla 2: Il-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent

Skont dan il-fattur ta’ konnessjoni, l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet ikunu rregolati mil-liġi tal-pajjiż li fih iċ-ċedent ikollu r-residenza abitwali tiegħu.

✓ Għażla 3: Il-liġi li tirregola l-pretensjoni ċeduta

Skont dan il-fattur ta’ konnessjoni, l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet ikunu rregolati mil-liġi li tirregola l-pretensjoni ċeduta, jiġifieri, il-kreditu fil-kuntratt oriġinali bejn il-kreditur u d-debitur li sussegwentement jiġi ċedut mill-kreditur (ċedent) lil kreditur ġdid (ċessjonarju). Il-partijiet fil-kuntratt oriġinali jistgħu jagħżlu kwalunkwe liġi sabiex tirregola l-kuntratt li jinkludi l-pretensjoni ċeduta sussegwentement.

✓ Għażla 4: Approċċ imħallat li jikkumbina l-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent u l-liġi dwar il-pretensjoni ċeduta

Din l-għażla mħallta tikkombina l-applikazzjoni tal-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent bħala regola ġenerali u l-applikazzjoni tal-liġi tal-pretensjoni ċeduta għal ċerti eċċezzjonijiet, jiġifieri (i) iċ-ċessjoni ta’ flus ikkreditati f’kont f’istituzzjoni ta’ kreditu (pereżempju bank fejn il-konsumatur ikun il-kreditur u l-istituzzjoni ta’ kreditu id-debitur), u (ii) iċ-ċessjoni ta’ pretensjonijiet li jirriżultaw minn strumenti finanzjarji. L-għażla mħallta tistabbilixxi wkoll il-possibbiltà li ċ-ċedent u ċ-ċessjonarju jagħżlu l-liġi tal-pretensjoni ċeduta sabiex tapplika għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet fil-kuntest ta’ titolizzazzjoni. Il-possibbiltà għall-partijiet f’titolizzazzjoni li jibqgħu suġġetti għar-regola ġenerali abbażi tal-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent jew jagħżlu l-liġi tal-pretensjoni ċeduta li għandha l-għan li tissodisfa l-bżonnijiet ta’ operaturi tat-titolizzazzjoni kemm kbar u kemm żgħar.

✓ Għażla 5: Approċċ imħallat li jikkumbina l-liġi tal-pretensjoni ċeduta u l-liġi tar-residenza abitwali taċ-ċedent.

Din l-għażla mħallta tikkumbina l-applikazzjoni tal-liġi tal-pretensjoni ċeduta bħala regola ġenerali u l-applikazzjoni, bħala eċċezzjoni, tal-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent għaċ-ċessjoni ta’ pretensjonijiet multipli u futuri. Skont din l-għażla, l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni ta’ riċevibbli tan-negozju minn kumpanija mhux finanzjarja (pereżempju, SME) fil-kuntest tal-fatturament jibqgħu soġġetti għal-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent. L-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni ta’ pretensjonijiet multipli minn kumpanija finanzjarja (pereżempju, bank) fil-kuntest ta’ titolizzazzjoni wkoll jiġu suġġetti għal-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent.

Din il-proposta hija bbażata fuq l-għażla 4, li tagħżel il-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent bħala r-regola ġenerali iżda b’ċerti ċessjonijiet soġġetti, bħala eċċezzjoni, għal-liġi tal-pretensjoni ċeduta u b’għażla ta’ possibiltà ta’ liġijiet għat-titolizzazzjoni. Minħabba li l-proposta ma tittrattax ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet kontraenti iżda tittratta d-drittijiet ta’ partijiet terzi, l-applikazzjoni tal-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent bħala regola ġenerali hija l-aktar għażla adattata minħabba li:

-    hija l-unika liġi li tista’ tiġi prevista ul-partijiet terzi kkonċernati dwar iċ-ċessjoni, bħall-kredituri ta’ ċedent, faċilment isibuha. B’kuntrast, il-liġi li tirregola l-pretensjoni ċeduta u l-liġi li tirregola l-kuntratt taċ-ċessjoni ma jistgħux jiġu previsti minn partijiet terzi, minħabba li t-tali liġijiet, ħafna drabi, jintgħażlu mill-partijiet kontraenti;

-    fil-każ ta’ ċessjonijiet ta’ pretensjonijiet fi kwantitajiet, hija l-unika liġi li tissodisfa l-bżonnijiet tal-fatturi u ta' operaturi iżgħar tat-titolizzazzjoni, li mhux dejjem ikunu mgħammrin sabiex jivverifikaw ir-rekwiżiti tas-sjieda skont il-liġijiet ta’ diversi pajjiżi li jirregolaw id-diversi pretensjonijiet ċeduti fl-iggruppar;

-    hija l-unika liġi li tagħmilha possibbli li tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli meta pretensjonijiet futuri jiġu ċeduti, prattika komuni fil-fatturament;

-    hija l-unika liġi li hija konsistenti mal-acquis tal-Unjoni dwar l-insolvenza, jiġifieri, ir-Regolament dwar l-Insolvenza. L-applikazzjoni tal-istess liġi għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet u għall-insolvenza tiffaċilita r-riżoluzzjoni tal-insolvenza taċ-ċedent 32 ;

-    hija l-unika liġi li hija konsistenti mas-soluzzjoni internazzjonali mnaqqxa fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2001 dwar iċ-Ċessjoni ta’ Riċevibbli fil-Kummerċ Internazzjonali. Dan jista’ joħloq sinerġiji u jiffranka spejjeż ta’ diliġenza dovuta u litigazzjoni għall-parteċipanti tas-suq li joperaw fuq bażi globali.

Barra minn hekk, anki meta, attwalment, il-partijiet jagħżlu li japplikaw il-liġi tal-pretensjoni ċeduta għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni transfruntiera tagħhom, ħafna mid-drabi dawn iqisu wkoll il-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent sabiex jiġi aċċertat li l-akkwist tat-titolu legali fuq il-pretensjonijiet ċeduti ma jiġix prevenut minn regoli obbligatorji prevalenti tal-pajjiż ta’ residenza abitwali taċ-ċedent, partikolarment ir-regoli li jistabbilixxu rekwiżiti ta’ pubbliċità bħall-obbligu li tiġi rreġistrata ċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet f’reġistru pubbliku sabiex din tkun magħrufa u effettiva għall-partijiet terzi 33 .

Min-naħa l-oħra, in-natura mħallta ta’ din l-għażla tipprovdi eċċezzjoni bbażata fuq il-liġi tal-pretensjoni ċeduta biex tapplika għal ċerti ċessjonijiet speċifiċi, jiġifieri ċ-ċessjoni ta’ flus ikkreditati f’kont f’istituzzjoni ta’ kreditu u ċ-ċessjoni ta’ pretensjonijiet li jirriżultaw minn strumenti finanzjarji, u dan jakkomoda l-bżonnijiet tal-parteċipanti tas-suq f’dawn l-oqsma speċifiċi. Din l-għażla mħallta toffri flessibbiltà addizzjonali billi tistabbilixxi l-possibbiltà għaċ-ċedent u ċ-ċessjonarju li fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet f’titolizzazzjoni jagħżlu l-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni, u b’hekk tippermetti kemm lil operaturi kbar kif ukoll lil dawk iżgħar biex jinvolvu ruħhom f’titolizzazzjonijiet transfruntiera.

Rapport konġunt dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt li jkopri kemm il-liġi applikabbli għas-sjieda tat-titoli u l-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet kien ippreżentat lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (Regulatory Scrutiny Board, RSB) fit-8 ta’ Novembru 2017. L-RSB ta opinjoni negattiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt u għamel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet komuni għal titjib. Fir-rigward tal-pretensjonijiet, l-RSB talab għal informazzjoni aktar dettaljata dwar l-għażliet li kienu qed jiġu kkunsidrati fir-rigward tal-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet. Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet riveduta u ppreżentata mill-ġdid lill-RSB fit-18 ta’ Jannar 2018. Fl-1 ta’ Frar 2018, l-RSB ta’ opinjoni pożittiva b’xi riżervi. Fir-rigward tal-pretensjonijiet, l-RSB irrakkomanda li tingħata aktar informazzjoni dwar il-kostijiet ta’ darba li xi parteċipanti tas-suq iġarrbu minħabba l-adozzjoni ta’ regoli uniformi dwar il-kunflitt tal-liġijiet. Ir-rakkomandazzjonijiet għal titjib ġew ikkunsidrati fil-valutazzjoni tal-impatt sakemm kien possibbli.

Drittijiet fundamentali

L-objettivi ta’ din l-inizjattiva jappoġġaw bi sħiħ id-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 34 . Din il-proposta permezz tal-iċċarar ta' liema liġi tirregola l-effetti proprjetarji fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet tikkontribwixxi sabiex jiġi rrispettat id-dritt għall-proprjetà peress li tnaqqas ir-riskju li tiġi mxekkla s-sjieda tal-investituri jew ta' dawk li jieħdu l-kollateral fuq il-pretensjonijiet.

Billi tnaqqas il-każijiet ta’ riżultati ħżiena u telf finanzjarju minħabba n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet uniformi dwar il-liġi applikabbli għall-effetti proprjetarji taċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet, din il-proposta jkollha impatt pożittiv fuq il-libertà li wieħed jinvolvi ruħu fin-negozju stipulata fl-Artikolu 16 tal-Karta.

Bl-armonizzazzjoni tar-regoli rigward il-kunflitt tal-liġijiet dwar l-effetti proprjetarji taċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet, din il-proposta tiskoraġġixxi l-prattika tal-forum shopping minħabba li kwalunkwe qorti jew awtorità tal-Istat Membru li quddiemha titressaq tilwima tibbaża s-sentenza tagħha fuq l-istess liġi nazzjonali sostantiva. Dan jiffaċilita d-dritt għal rimedju effettiv stipulat fl-Artikolu 47 tal-Karta.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta mhux se jkollha impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni u l-arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Il-Kummissjoni se timmonitorja l-impatt tal-inizjattiva proposta permezz ta’ kwestjonarju mibgħut lill-partijiet ikkonċernati prinċipali. Il-kwestjonarju għandu l-għan li jiġbor informazzjoni dwar it-tendenzi f'għadd ta’ ċessjonijiet transfruntiera, tendenzi fil-kostijiet tad-diliġenza dovuta wara l-adozzjoni ta’ regola uniformi dwar il-kunflitt tal-liġijiet u l-kostijiet ta’ darba relatati ma’ bidliet fid-dokumentazzjoni legali. L-impatt tas-soluzzjoni proposta se jiġi evalwat f’rapport imħejji mill-Kummissjoni ħames snin wara d-data ta’ applikazzjoni tal-istrument propost.

Il-monitoraġġ tal-impatt tal-adozzjoni ta’ regola uniformi dwar il-kunflitt tal-liġijiet ser ikopri l-oqsma tal-fatturament, il-kollateralizzazzjoni, it-titolizzazzjoni u ċ-ċessjonijiet speċifiċi ta’ flus ikkreditati f’kont f’istituzzjoni ta’ kreditu u ċ-ċessjoni ta’ pretensjonijiet li jirriżultaw minn strumenti finanzjarji bħal kuntratti ta’ derivattivi.

L-analiżi se tikkunsidra li l-volum ta’ ċessjonijiet, l-sipejjeż tat-tranżazzjonijiet u n-natura ta’ riskji moħbijin fiċ-ċessjonijiet ta’ pretensjonijiet transfruntiera huma influwenzati minn għadd ta’ fatturi ekonomiċi, legali jew regolatorji differenti li mhumiex relatati maċ-ċertezza legali dwar il-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi tat-tali ċessjonijiet.

Spjegazzjoni dettaljata dwar id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Artikolu 1:    Kamp ta’ applikazzjoni

Dan l-artikolu jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament propost filwaqt li jieħu inkonsiderazjoni l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u, partikolarment, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma I.

L-Artikolu 1(2) fih lista ta’ esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament propost. Dawn il-kwistjonijiet se jkunu rregolati mil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni jew minn regoli nazzjonali dwar il-kunflitt tal-liġijiet.

Artikolu 2:    Definizzjonijiet

Dan l-artikolu l-ewwel jiddefinixxi l-kunċetti prinċipali li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament, jiġifieri “iċ-ċessjoni”, “il-pretensjoni” u “l-effetti fuq partijiet terzi”. Id-definizzjoni ta’ “ċessjoni” hija allinjata ma’ dik stipulata fir-Regolament Ruma I. Din tirreferi biss għal transferiment volontarju ta’ pretensjoni, inkluża surroga kuntrattwali. Din tkopri kemm it-trasferimenti diretti ta’ pretensjoni u kemm it-trasferiment ta’ pretensjoni bħala kollateral jew titolu.

Id-definizzjoni ta’ “pretensjoni” fir-Regolament propost tikkodifika l-fehim ġenerali ta’ x’inhi pretensjoni skont ir-Regolament Ruma I, jiġifieri kunċett wiesa’ li jirreferi għal dejn ta’ kull xorta ta’ natura, sew jekk monetarju kif ukoll mhux monetarju, u sew jekk jirriżulta minn obbligu kuntrattwali regolat mir-Regolament Ruma I jew obbligu mhux kuntrattwali rregolat mir-Regolament Ruma II. Id-definizzjoni ta’ “effetti fuq partijiet terzi” hija ddeterminata mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament propost.

L-artikolu jiddefinixxi r-”residenza abitwali” skont id-definizzjoni fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament Ruma I, jiġifieri bħala l-post tal-amministrazzjoni ċentrali għall-kumpaniji u bħala l-post prinċipali tan-negozju għal persuna fiżika li tkun qed taġixxi bħala parti mill-attività tan-negozju. Ir-Regolament propost ma jinkludix definizzjoni tar-residenza abitwali ekwivalenti għad-definizzjoni fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Ruma I, jiġifieri bħala l-post fejn tinsab fergħa, minħabba l-inċertezza li tali regola kieku toħloq jekk l-istess pretensjoni tiġi ċeduta mill-ġestjoni ċentrali taċ-ċedent u anki mill-ġestjoni ta’ fergħa li tinsab f’pajjiż differenti.

Il-kunċett ta’ “residenza abitwali” ġeneralment jikkonċidi maċ-ċentru ta’ interess prinċipali (centre of main interest, COMI) użat fir-Regolament dwar l-Insolvenza.

L-artikolu jiddefinixxi “istituzzjoni ta’ kreditu” skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tirregola l-istituzzjonijiet ta’ kreditu; “flus” skont id-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju; u “strument finanzjarju” skont il-MiFID II.

Artikolu 3:    Applikazzjoni universali

Dan l-artikolu jistabbilixxi l-karattru universali tar-Regolament propost billi jipprevedi li l-liġi nazzjonali magħżula bħala applikabbli mir-Regolament propost tista’ tkun il-liġi ta’ Stat Membru jew il-liġi ta’ pajjiż terz.

Artikolu 4:    Liġi applikabbli

Dan l-artikolu jipprevedi regoli unformi dwar il-kunflitt tal-liġijiet marbutin mal-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet. Dan l-artikolu jistipula fil-paragrafu 1 regola ġenerali bbażata fuq il-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent, żewġ eċċezzjonijiet fil-paragrafu 2 ibbażati fuq il-liġi dwar il-pretensjoni ċeduta u fil-paragrafu 3, il-possibbiltà li ċ-ċedent u ċ-ċessjonarju f’titolizzazzjoni jagħżlu l-liġi tal-pretensjoni ċeduta bħala l-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni. Regola applikabbli għall-kunflitti prijoritarji bejn iċ-ċessjonarji li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent u l-liġi rigward il-pretensjoni ċeduta dwar l-effetti fuq partijiet terzi f'żewġ ċessjonijiet tal-istess pretensjoni hija stipulata fil-paragrafu 4.

Skont ir-regola ġenerali, il-liġi li tirregola l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet ta’ pretensjonijiet hija l-liġi tal-pajjiż fejn iċ-ċedent jkollu r-residenza abitwali tiegħu fid-data tal-fatti.

L-artikolu jindirizza wkoll, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-hekk imsejjaħ kunflitt mobbli, jiġifieri l-okkorrenza rari li fiha ċ-ċedent jibdel ir-residenza abitwali bejn żewġ ċessjonijiet tal-istess pretensjoni minħabba li, f’każijiet bħal dawn, ċessjonijiet kompetituri jistgħu jkunu soġġetti għal liġijiet nazzjonali differenti. Ir-regola dwar il-kunflitt mobbli tipprevedi li l-liġi applikabbli tkun il-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent fiż-żmien li fih waħda miż-żewġ ċessjonijiet jkollha effett fil-konfront ta' partijiet terzi għall-ewwel darba; fi kliem ieħor, fiż-żmien li fih wieħed miċ-ċessjonarji jissodisfa għall-ewwel darba r-rekwiżiti sabiex iċ-ċessjoni tkun effettiva fil-konfront ta' partijiet terzi.

Meta, bħal fil-każ ta’ self issindikat (self offrut minn grupp ta’ selliefa - imsejħin sindikat - lil individwu wieħed li jkun qed jissellef għal proġetti kbar), kull kreditur fil-grupp ta’ kredituri jkollu sehem mill-istess pretensjoni, il-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent tirregola l-effetti fuq partijiet terzi f'ċessjoni magħmula minn kreditur bis-sehem tiegħu stess tal-pretensjoni.

Il-paragrafu 2 tal-artikolu jistipula li l-effetti fuq partijiet terzi f’ċerti ċessjonijiet, jkunu bħala eċċezzjoni, suġġetti għal-liġi tal-pretensjoni ċeduta. Il-liġi tal-pretensjoni ċeduta tirreferi għal-liġi li tirregola l-kuntratt bejn il-kreditur/ċedent oriġinali u d-debitur li minnu tirriżulta l-pretensjoni. B’din l-eċċezzjoni, ir-Regolament propost jistipula regola dwar il-kunflitt tal-liġijiet li tadatta ruħha għall-bżonnijiet tal-parteċipanti tas-suq involuti f’dawn iċ-ċessjonijiet speċifiċi. Iċ-ċessjonijiet li l-effetti fuq il-partijiet terzi tagħhom jiġu suġġetti għal-liġi tal-pretensjoni ċeduta huma: (i) iċ-ċessjoni ta’ flus ikkreditati f’kont f’istituzzjoni ta’ kreditu; u (ii) iċ-ċessjoni ta’ pretensjonijiet li jirriżultaw minn strumenti finanzjarji.

Dwar l-ewwel eċċezzjoni: Meta detentur ta’ kont (pereżempju, konsumatur) iqiegħed flus f’kont f’istituzzjoni ta’ kreditu (pereżempju, bank), ikun hemm kuntratt inizjali bejn id-detentur tal-kont (il-kreditur) u l-istituzzjoni ta’ kreditu (id-debitur). Id-detentur tal-kont huwa l-kreditur ta’ pretensjoni marbut mal-istituzzjoni ta’ kreditu, mad-debitur, għall-ħlas ta’ flus ikkreditati fil-kont fl-istituzzjoni ta’ kreditu. Detentur ta’ kont jista’ jkun jixtieq jċedi l-flus kkreditati fil-kont tiegħu f’istituzzjoni ta’ kreditu lil istituzzjoni ta’ kreditu oħra bħala garanzija sabiex jingħata l-kreditu. F’każijiet bħal dawn, il-liġi li tirregola min għandu jkollu s-sjieda fuq il-pretensjoni ladarba l-flus kontanti jiġu ċeduti bħala kollateral mhijiex il-liġi dwar ir-residenza abitwali tad-detentur tal-kont (iċ-ċedent) iżda l-liġi li tirregola l-pretensjoni ċeduta, jiġifieri, il-liġi li tirregola l-kuntratt bejn id-detentur tal-kont u l-ewwel istituzzjoni ta’ kreditu li minnha tirriżulta l-pretensjoni. Għal partijiet terzi bħal kredituri taċ-ċedent u ċessjonarji kompetituri, tingħata aktar prevedibbiltà jekk il-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-flus kontanti kkreditati f’kont f’istituzzjoni ta’ kreditu tkun il-liġi applikabbli għall-pretensjoni tal-flus kontanti. Dan minħabba li, b’mod ġenerali, jiġi preżunt li l-pretensjoni li jkollu detentur ta’ kont fuq il-flus ikkreditati f’kont f’istituzzjoni ta’ kreditu tkun irregolata mil-liġi tal-pajjiż fejn tkun tinsab l-istituzzjoni ta’ kreditu. Din il-liġi normalment tintgħażel fil-kuntratt tal-kont bejn id-detentur tal-kont u l-istituzzjoni ta’ kreditu.

Dwar it-tieni eċċezzjoni: L-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet li jirriżultaw minn strumenti finanzjarji, bħal kuntratti ta’ derivattivi, jenħtieġ li jiġu soġġetti għal-liġi li tirregola l-pretensjoni ċeduta, jiġifieri, il-liġi li tirregola l-istrument finanzjarju bħal kuntratt tad-derivattivi. Pretensjoni li tirriżulta minn strument finanzjarju tista’ tkun, pereżempju, l-ammont dovut wara l-kalkolu ta’ għeluq f’kuntratt tad-derivattivi. Il-fatt li l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet li jirriżultaw minn strumenti finanzjarji jiġu soġġetti għal-liġi tal-pretensjoni ċeduta minflok il-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent huwa essenzjali sabiex jinżammu kemm l-istabbiltà kif ukoll il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, u l-aspettattivi tal-parteċipanti tas-suq. Dawn jinżammu minħabba li l-liġi li tirregola l-istrument finanzjarju li minnu tirriżulta l-pretensjoni, bħal kuntratt tad-derivattivi, hija l-liġi magħżula mill-partijiet jew il-liġi ddeterminata skont ir-regoli mhux diskrezzjonarji applikabbli għas-swieq finanzjarji.

It-tielet paragrafu tal-artikolu jittratta l-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet skont titolizzazzjoni. It-titolizzazzjoni tippermetti li ċ-ċedent, imsejjaħ “oriġinatur” (pereżempju, bank jew kumpanija) jiffinanzja mill-ġdid grupp ta' pretensjonijiet tiegħu (pereżempju, kera ta’ vetturi, riċevibbli ta’ karti tal-kreditu, pagamenti ta’ self ipotekarju) billi jiġu ċeduti lil “entità bi skop speċjali” (SPV). L-entità bi skop speċjali (ċessjonarju) imbagħad toħroġ titolizzazzjonijiet ta’ dejn (pereżempju, bonds) fis-swieq kapitali li jirriflettu r-rikavat minn dawn il-pretensjonijiet. Minħabba li l-pagamenti jsiru skont il-pretensjonijiet sottostanti, l-entità bi skop speċjali tuża r-rikavat li tirċievi sabiex tagħmel pagamenti fuq it-titoli lill-investituri. It-titolizzazzjoni tista’ tbaxxi l-kost tal-finanzjament minħabba li l-entità bi skop speċjali hija strutturata b’tali mod li f’każ tal-insolvenza tagħha l-impatt ikun minimu. Għall-korporazzjonijiet, it-titolizzazzjoni tista’ tipprovdi aċċess għall-kreditu b’kost aktar baxx mis-self tal-banek. Għall-banek, it-titolizzazzjoni hija mod kif jużaw l-assi tagħhom aħjar u jilliberaw il-karti ta’ bilanċ tagħhom sabiex jippermettu li jingħata aktar self lill-ekonomija.

Attwalment, ċedenti u ċessjonarji kbar (pereżempju, banek kbar) involuti fit-titolizzazzjonijiet japplikaw il-liġi tal-pretensjoni ċeduta għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni. Dan ifisser li ċ-ċessjonarju (l-entitià bi skop speċjali) jkollu jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fil-liġi li tirregola l-pretensjonijiet ċeduti (jiġifieri, il-kuntratt bejn il-kreditur/ċedent oriġinali u d-debitur) sabiex jiżgura li jakkwista t-titolu legali fuq il-pretensjonijiet ċeduti. Dan inaqqas il-kostijiet għall-operaturi li jkunu kapaċi jistrutturaw it-titolizzazzjonijiet tagħhom b’tali mod li l-pretensjonijiet kollha inklużi fil-pakkett li jkun se jiġi ċedut lill-entità bi skop speċjali jiġu soġġetti għal-liġi ta’ pajjiż wieħed. L-entità bi skop speċjali mbagħad trid tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fil-liġi ta’ pajjiż wieħed biss sabiex tiżgura li takkwista t-titolu legali fuq il-grupp ta’ pretensjonijiet ċeduti. Minħabba li l-operaturi l-kbar, ħafna drabi jwettqu t-titolizzazzjonijiet fuq bażi transfruntiera, jiġifieri, bl-oriġinaturi li jkunu jinsabu fi Stati Membri differenti, l-applikazzjoni tal-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent għall-effetti fuq il-partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet f’dawn il-każijiet tkun ta’ xkiel akbar għaċ-ċessjonarju minħabba li dan ikollu jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fil-liġijiet ta’ diversi pajjiżi, jiġifieri, il-liġijiet ta’ kull wieħed mill-pajjiżi fejn jinsab oriġinatur.

B’kuntrast ma’ dan, operaturi żgħar (pereżempju, banek u korporazzjonijiet iżgħar) ħafna drabi jkun jeħtiġilhom li japplikaw il-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent għall-effetti fuq il-partijiet terzi fiċ-ċessjoni ta’ pretensjonijiet f’titolizzazzjoni minħabba li l-pretensjonijiet inklużi fil-pakkett li jkun se jiġi ċedut lil entità bi skop speċjali huma rregolati mil-liġijiet ta’ pajjiżi differenti. F’każijiet bħal dawn, ċessjonarji iżgħar ma setgħux japplikaw il-liġi dwar il-pretensjoni ċeduta għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni minħabba li ma jkunux mgħammrin sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti sabiex jakkwistaw titolu legali fuq il-pretensjonijiet ċeduti skont kull waħda mil-liġijiet li jirregolaw kull waħda mill-pretensjonijiet inklużi fil-pakkett. Minflok, huwa aktar faċli għal ċessjonarji iżgħar li jikkonformaw mar-rekwiżiti skont liġi waħda biss, jiġifieri l-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent.

Fil-qosor, bl-għoti ta’ għażla ta’ liġijiet, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu għandu l-għan li ma jaffettwax il-prattika attwali ta’ banek kbar li japplikaw il-liġi tal-pretensjoni ċeduta għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni ta' titolizzazzjonijiet, fejn il-pretensjonijiet ċeduti kollha jiġu soġġetti għal-liġi tal-istess pajjiż iżda ċ-ċedenti (oriġinaturi) jkunu jinsabu f’diversi Stati Membri. Fl-istess waqt, il-paragrafu 3 għandu l-għan li jagħmilha possibbli għal banek iżgħar u għall-korporazzjonijiet li jidħlu jew isaħħu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tat-titolizzazzjonijiet billi jkunu jistgħu jsiru ċessjonarji ta’ pretensjonijiet multipli suġġetti għal-liġijiet ta’ pajjiżi differenti.

Fi kwalunkwe każ, il-flessibbiltà offruta mill-paragrafu 3 tippermetti lill-operaturi tat-titolizzazzjoni li jiddeċiedu għal kull titolizzazzjoni jekk jagħżlux il-liġi tal-pretensjoni ċeduta jew jibqgħux soġġetti għar-regola ġenerali bbażata fuq il-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent skont l-istruttura tat-titolizzazzjoni tagħhom, partikolarment skont jekk il-pretensjonijiet ċeduti jkunux soġġetti għal-liġi ta’ pajjiż wieħed jew diversi pajjiżi, u skont ikunx hemm oriġinatur wieħed jew aktar u jekk ikunux jinsabu f’pajjiż wieħed jew diversi pajjiżi. Il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jistipula regola dwar il-kunflitt tal-liġijiet sabiex jiġu riżolti l-kunflitti prijoritarji bejn iċ-ċessjonarji tal-istess pretensjoni meta l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjoni jkunu ġew soġġetti għal-liġi tal-pretensjoni ċeduta f’ċessjoni waħda u għal-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent f’ċessjoni oħra. Din is-sitwazzjoni tista’ tirriżulta (normalment aċċidentalment u fl-ebda ordni partikolari) f’każ fejn pretensjoni l-ewwel tiġi ċeduta fil-fatturament, fil-kollateralizzazzjoni jew (l-ewwel) f'titolizzazzjoni fejn ma tintgħażel l-ebda liġi u, sussegwentement, (fit-tieni) f'titolizzazzjoni fejn il-partijiet jagħżlu l-liġi tal-pretensjoni ċeduta bħala l-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi taċ-ċessjoni. L-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet fil-fatturament, il-kollateralizzazzjoni jew (l-ewwel) it-titolizzazzjoni fejn l-ebda liġi ma tkun intgħażlet, kollha jiġu soġġetti għal-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent. B’kuntrast, l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet f'titolizzazzjoni (it-tieni) fejn il-partijiet ikunu għażlu l-liġi tal-pretensjoni ċeduta jiġu soġġetti għal-liġi tal-pretensjoni ċeduta. Ir-Regolament propost jipprevedi fattur oġġettiv sabiex jiġi ddeterminat liema liġi jenħtieġ li tapplika sabiex jiġi riżolt il-kunflitt prijoritarju bejn iċ-ċessjonarji: Il-liġi li jenħtieġ li tapplika tkun il-liġi applikabbli għall-effetti fuq il-partijiet terzi fiċ-ċessjoni ta’ pretensjonijiet li jkunu saru effettivi għall-ewwel darba fil-konfront ta' partijiet terzi skont il-liġi applikabbli tagħhom. Din ir-regola hija konsistenti mar-regola applikabbli għall-kunflitt mobbli fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u, bħal dik ir-regola, hija bbażata fuq iż-żmien li fih iċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet issir effettiva għall-ewwel darba fil-konfront ta' partijiet terzi minħabba li r-Regolament propost jikkonċerna l-effetti fuq partijiet terzi.

Artikolu 5:    Il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi applikabbli

Dan l-artikolu jarmonizza lista mhux eżawrjenti ta’ kwistjonijiet li jenħtieġ li jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali sostantiva magħżula bħala l-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet. Dan l-artikolu għaldaqstant jissimplifika l-kontenut tal-kunċett “l-effetti fuq partijiet terzi” (jew l-effetti proprjetarji) fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet. B’mod ġenerali, il-liġi applikabbli tiddetermina min ikun akkwista t-titolu legali fuq il-pretensjoni ċeduta. B’mod partikolari, il-liġi applikabbli jenħtieġ li tirregola ż-żewġ kwistjonijiet prinċipali sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna tkunx akkwistat it-titolu legali fuq il-pretensjoni ċeduta:

(i)    l-effettività taċ-ċessjoni ta’ pretensjoni fil-konfront ta' partijiet terzi: jiġifieri, il-passi li għandhom jittieħdu miċ-ċessjonarju sabiex ikun jista’ jasserixxi d-dritt tiegħu fuq il-pretensjoni fir-rigward ta’ partijiet terzi - pereżempju, ir-reġistrazzjoni ta’ ċessjoni ma’ awtorità pubblika jew reġistru, jew in-notifika bil-miktub lid-debitur dwar iċ-ċessjoni; kif ukoll

(ii)    kwistjonijiet prijoritarji; jiġifieri, jiġi ddeterminat id-dritt ta’ min għandu prijorità f’każijiet ta’ kunflitt bejn pretendenti kompetituri - pereżempju, bejn ċessjonarji kompetituri fejn l-istess ċessjoni tkun ġiet ċeduta aktar minn darba, jew bejn ċessjonarju u detentur ta’ dritt ieħor, pereżempju kreditur taċ-ċedent jew iċ-ċessjonarju f’każijiet ta’ insolvenza.

It-terminu “partijiet terzi” jenħtieġ li jinftiehem bħala partijiet terzi minbarra d-debitur, minħabba li l-aspetti kollha li jaffettwaw lid-debitur huma, skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Ruma I, regolati mil-liġi tal-pretensjoni ċeduta (jiġifieri, il-liġi li tirregola l-kuntratt oriġinali li minnu tirriżulta l-pretensjoni ċeduta). 

Il-modalitajiet għall-ħolqien tad-drittijiet u t-trasferiment tad-drittijiet jistgħu jvarjaw skont l-ordnijiet legali tal-Istati Membri. Minħabba li r-Regolament propost għandu karattru universali u għalhekk jista’ jiddetermina bħala l-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet il-liġi ta’ kull pajjiż, ir-Regolament propost għandu l-għan li jkopri varjetà ta’ kunflitti prijoritarji possibbli bejn il-pretendenti kompetituri. Ir-Regolament propost ikopri l-kunflitti prijoritarji li jirriżultaw mhux biss minn ċessjonijiet ta’ pretensjonijiet (pereżempju, bejn żewġ ċessjonarji tal-istess pretensjoni) iżda anki minn mekkaniżmi legalment jew funzjonalment ekwivalenti, b'mod partikolari it-trasferiment ta’ kuntratt u n-novazzjoni ta’ kuntratt, li jistgħu jintużaw sabiex jingħadda kuntratt u, għaldaqstant, kemm id-drittijiet (il-pretensjoni) kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw minn dak il-kuntratt. Il-liġi magħżula bħala applikabbli mir-Regolament propost jenħtieġ li għaldaqstant tirregola mhux biss il-kunflitti prijoritarji bejn ċessjonarji kompetituri iżda anki l-kunflitti prijoritarji bejn ċessjonarju u pretendent kompetitur li jkun sar il-benefiċjarju ta’ pretensjoni wara t-trasferiment ta’ kuntratt jew in-novazzjoni ta’ kuntratt. Jenħtieġ li jiġi enfasizzat li l-proposta ma tagħżilx il-liġi applikabbli għat-trasferiment tal-kuntratti jew għan-novazzjoni tal-kuntratti (pereżempju, il-liġi applikabbli għan-novazzjoni ta’ kuntratti derivattivi), iżda biss il-liġi applikabbli għal kunflitti prijoritarji possibbli fuq pretensjoni li l-ewwel tiġi ċeduta u mbagħad terġa’ tiġi tfrasferita (l-istess pretensjoni jew pretensjoni ekonomikament ekwivalenti) permezz ta’ trasferiment ta’ kuntratt jew novazzjoni ta’ kuntratt. Li kieku r-Regolament propost ma kopriex il-kunflitti prijoritarji bejn iċ-ċessjonarju u benefiċjarju ta’ pretensjoni wara t-trasferiment ta’ kuntratt jew in-novazzjoni ta’ kuntratt, setgħet tirriżulta sitwazzjoni ta’ inċertezza legali fejn kemm iċ-ċessjonarju kif ukoll il-benefiċjarju kompetitur tal-pretensjoni wara t-trasferiment jew in-novazzjoni ta’ kuntratt jirrikjedu pagament mid-debitur u l-ebda regola komuni dwar il-kunflitt tal-liġijiet ma tkun tista’ tapplika biex jirriżolva dan il-kunflitt.

Artikolu 6:    Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti / l-Artikolu 7: Politika pubblika

Dawn l-artikoli jipprevedu l-possibbiltajiet li tiġi applikata l-liġi tal-forum minflok il-liġi magħżula bħala applikabbli bl-Artikolu 4. Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti jistgħu jirreferu għal, pereżempju, l-obbligu li ċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet tiġi rreġistrata f’reġistru pubbliku.

Artikoli minn 8 sa 12:    Kwistjonijiet ġenerali rigward l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet

Dawn l-artikoli jittrattaw kwistjonijiet ġenerali rigward l-applikazzjoni ta’ regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet f’konformità ma’ strumenti oħrajn tal-Unjoni dwar il-liġi applikabbli, partikolarment ir-Regolament Ruma I.

Artikolu 10:    Ir-relazzjoni ma' dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni

Dan l-artikolu għandu l-għan li jissalvagwardja l-applikazzjoni ta’ lex specialis li tistabbilixxi regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet marbutin mal-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet b’rabta ma’ kwistjonijiet partikolari.

2018/0044 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikulari, l-Artikolu 81(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 35 ,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)L-Unjoni stabbilixxiet l-objettiv li żżomm u tiżviluppa spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Sabiex dan l-ispazju jiġi stabbilit gradwalment, l-Unjoni għandha tadotta miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili li għandhom implikazzjonijiet transfruntiera, sal-punt meħtieġ biex is-suq intern jaħdem sew.

(2)Skont l-Artikolu 81 tat-Trattat, dawn il-miżuri għandhom jinkludu dawk immirati sabiex jiżguraw il-kompatibbiltà tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri li jikkonċernaw il-kunflitt tal-liġijiet.

(3)Il-funzjonament tajjeb tas-suq intern jirrikjedi li, sabiex tittejjeb il-prevedibbiltà tar-riżultati tal-litigazzjoni, għandu jkun hemm ċertezza dwar il-liġi applikabbli u l-moviment liberu tas-sentenzi, sabiex ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet fl-Istati Membri jagħżlu bħala l-liġi applikabbli l-istess liġi nazzjonali, irrispettivament mill-Istat Membru tal-qorti li fiha tinfetaħ il-kawża.

(4)Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) ma tkoprix kwistjonijiet dwar l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet. Madankollu, l-Artikolu 27(2) ta' dan ir-Regolament jirrikjedi li l-Kummissjoni tissottometti quddiem il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar il-kwistjoni tal-effettività ta’ ċessjoni jew surroga ta’ pretensjoni fil-konfront ta' partijiet terzi u l-prijorità tal-pretensjoni ċeduta jew surrogata fuq id-dritt ta’ persuna oħra, li jenħtieġ li jkun akkumpanjat, jekk ikun il-każ, minn proposta sabiex jiġi emendat dak ir-Regolament, u l-valutazzjoni tal-impatt tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu introdotti.

(5)Fit-18 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni adottat Green Paper dwar il-Bini ta’ Unjoni ta’ Swieq Kapitali 36 li kienet tiddikjara li l-kisba ta’ aktar ċertezza legali f’każijiet ta’ trasferiment ta’ pretensjonijiet transfruntiera u l-ordni tal-prijorità ta' dawn it-trasferimenti, b'mod partikolari f'każijiet ta’ insolvenza, huma aspett importanti fl-iżvilupp ta’ suq pan-Ewropew fit-titolizzazzjoni u fl-arranġamenti kollaterali finanzjarji, u anki f'attivitajiet oħrajn bħall-fatturament.

(6)Fit-30 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni bi Pjan ta' Azzjoni dwar il-Bini ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali 37 . Dan il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali juri li d-differenzi fit-trattament nazzjonali tal-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet ta’ debitu jikkumplikaw l-użu ta’ dawn l-istrumenti bħala kollateral transfruntier, u kkonkluda li din l-inċertezza legali toħloq frustrazzjoni għal operazzjonijiet finanzjarji ekonomikament sinifikanti, bħat-titolizzazzjonijiet. Fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali hemm imħabbar li l-Kummissjoni se tipproponi regoli uniformi biex jiġi determinat b’ċertezza legali liema liġi nazzjonali jenħtieġ li tapplika rigward l-effetti fuq parti terza fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet.

(7)Fid-29 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni adottat rapport dwar l-adegwatezza tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/47/KE dwar l-arranġamenti kollaterali finanzjarji 38 fejn iffukat fuq il-kwistjoni dwar jekk din id-Direttiva taħdimx b'mod effettiv u effiċjenti fir-rigward tal-atti formali meħtieġa sabiex il-pretensjonijiet ta’ kreditu jiġu pprovduti bħala kollateral. Ir-rapport ikkonkluda li l-proposta għal regoli uniformi rigward l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet tippermetti d-determinazzjoni b’ċertezza legali ta’ liema liġi nazzjonali jenħtieġ li tapplika rigward l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet, u dan jikkontribwixxi għal ċertezza legali akbar f’każijiet ta’ mobilizzazzjoni transfruntiera tal-pretensjonijiet ta’ kreditu bħala kollateral.

(8)Fid-29 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni adottat rapport dwar il-kwistjoni tal-effettività ta’ ċessjoni jew surroga ta’ pretensjoni fil-konfront ta' partijiet terzi, u l-prijorità tal-pretensjoni ċeduta jew surrogata fuq id-dritt ta’ persuna oħra Ir-rapport ikkonkluda li regoli uniformi dwar il-kunflitt tal-liġijiet li jirregolaw l-effettività taċ-ċessjonijiet fil-konfront ta' partijiet terzi kif ukoll kwistjonijiet ta’ prijorità bejn ċessjonarji f’kompetizzjoni bejniethom jew bejn ċessjonarji u detenturi oħrajn tad-drittijiet itejbu ċ-ċertezza legali u jnaqqsu l-problemi prattiċi u l-ispejjeż ġuridiċi marbuta mal-approċċi differenti attwalment fl-Istati Membri.

(9)Il-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 864/2007 dwar il-liġi applikabbli għal obbligi mhux kuntrattwali (Ruma II), 39 ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I), 40 ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformolazzjoni), 41 u r-Regolament (UE) 2015/848 dwar proċedimenti ta' insolvenza 42 . Jenħtieġ kemm jista' jkun li l-interpretazzjoni ta' dan ir-Regolament tevita lakuni regolatorji bejn iż-żewġ strumenti.

(10)Dan ir-Regolament jimplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Huwa jissodisfa wkoll ir-rekwiżit stipulat fl-Artikolu 27(2) tar-Regolament Ruma I li l-Kummissjoni jenħtieġ li tippubblika rapport u, jekk ikun xieraq, proposta dwar l-effettività ta’ ċessjoni ta’ pretensjoni fil-konfront ta' partijiet terzi u l-prijorità taċ-ċessjonarju fuq id-dritt ta’ persuna oħra.

(11)Attwalment fil-livell tal-Unjoni ma jeżistux regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet li jirregolaw l-effetti fuq partijiet terzi (jew proprjetarji) fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet. Dawn ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet huma stabbiliti fil-livell tal-Istati Membri, iżda huma inkonsisteni u ħafna drabi mhumiex ċari. F’ċessjonijiet ta’ pretensjonijiet transfruntiera, l-inkonsistenza tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet twassal għal inċertezza legali dwar liema liġi tapplika għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni. In-nuqqas ta’ ċertezza legali joħloq riskju legali fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet transfruntierta li ma jeżistix f’ċessjonijiet domestiċi minħabba li regoli nazzjonali sostantivi differenti jistgħu jiġu applikati skont l-Istat Membru, li l-qrati jew l-awtoritajiet tiegħu jistgħu jiġġudikaw tilwima dwar it-titolu legali fuq il-pretensjonijiet.

(12)Jekk iċ-ċessjonarji ma jkunux konxji mir-riskju legali jew jagħżlu li jinjorawh, jistgħu jaffaċċjaw telf finanzjarju mhux mistenni. L-inċertezza dwar min għandu t-titolu fuq il-pretensjonijiet ċeduti fuq bażi transfruntiera jista’ jkollha effetti sekondarji u l-impatt tal-kriżi finanzjarja jista' jiggrava u jittawwal. Jekk iċ-ċessjonarji jiddeċiedu li jimmitigaw ir-riskju legali billi jfittxu parir legali speċifiku, jispiċċaw sabiex iġarrbu kostijiet tat-tranżazzjonijiet ogħla li mhumiex meħtieġa għaċ-ċessjonijiet domestiċi. Jekk iċ-ċessjonarji jiġu skoraġġuti mir-riskju legali u jagħżlu li jevitawh, jistgħu jitilfu opportunitajiet ta’ negozju u l-integrazzjoni tas-suq tista’ titnaqqas.

(13)L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jipprovdi ċertezza legali billi jistabbilixxi regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet li jiddeterminaw liema liġi nazzjonali tapplika rigward l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet.

(14)Pretensjoni tagħti lill-kreditur id-dritt għall-pagament ta' somma flus jew it-twettiq ta’ obbligu mid-debitur. Iċ-ċessjoni ta’ pretensjoni tippermetti lill-kreditur (ċedent) li jittrasferixxi d-dritt tiegħu li jitlob id-dejn fil-konfront ta' debitur fuq persuna oħra (ċessjonarju). Il-liġijiet li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-kreditur u d-debitur, bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju u bejn iċ-ċessjonarju u d-debitur jiġu ddeterminati mir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet stipulati fir-Regolament Ruma I 43 .

(15)Ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet stipulati f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jirregolaw l-effetti proprjetarji taċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet bejn il-partijiet kollha involuti fiċ-ċessjoni (jiġifieri bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju u bejn iċ-ċessjonarju u d-debitur) kif ukoll fir-rigward ta’ partijiet terzi (pereżempju, il-kreditur taċ-ċedent).

(16)Il-pretensjonijiet koperti minn dan ir-Regolament huma riċevibbli tan-negozju, pretensjonijiet li jirriżultaw mill-istrumenti finanzjarji kif definit fid-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji 44 u l-flus ikkreditati f’kont f’istituzzjoni ta’ kreditu. L-istrumenti finanzjarji kif definiti fid-Direttiva 2014/65/UE jinkludu titoli u derivattivi nnegozjati fis-swieq finanzjarji. Filwaqt li t-titoli huma assi, id-derivattivi huma kuntratti li jinkludu kemm drittijiet (jew pretensjonijiet) u kemm obbligi għall-partijiet kontraenti.

(17)Dan ir-Regolament jirrigwarda l-effetti fuq il-partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet. Dan ma jkoprix it-trasferiment tal-kuntratti (bħall-kuntratti ta’ derivattivi), li fihom ikun hemm inklużi kemm id-drittijiet (jew il-pretensjonijiet) u l-obbligi, jew in-novazzjoni ta’ kuntratti li jinkludu t-tali drittijiet u obbligi. Billi dan ir-Regolament ma jkoprix it-trasferiment jew in-novazzjoni tal-kuntratti, in-negozjar fl-istrumenti finanzjarji, kif ukoll l-ikklerjar u s-saldu ta’ dawn l-istrumenti, ser ikomplu jiġu regolat mil-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali kif inhu stipulat fir-Regolament Ruma I. Din il-liġi normalment tintgħażel mill-partijiet kontraenti jew tintgħażel permezz ta’ regoli mhux diskrezzjonali applikabbli għas-swieq finanzjarji.

(18)Il-kwistjonijiet li huma regolati mid-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju 45 , id-Direttiva dwar il-Finalità tas-Settlement 46 , id-Direttiva dwar l-Istralċ 47 u r-Regolament dwar ir-Reġistru 48 jenħtieġ li ma jiġux affettwati minn dan ir-Regolament.

(19)Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun universali: il-liġi ddeterminata minn dan ir-Regolament jenħtieġ li tapplika anke jekk ma tkunx il-liġi ta' Stat Membru.

(20)Il-prevedibbiltà hija essenzjali għal partijiet terzi interessati fl-akkwist ta’ titolu legali fuq il-pretensjoni ċeduta. L-applikazzjoni tal-liġi tal-pajjiż fejn iċ-ċedent ikollu r-residenza abitwali tiegħu rigward l-effetti fuq il-partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet tippermetti lill-partijiet terzi kkonċernati li jkunu jafu faċilment bil-quddiem liema liġi nazzjonali tkun se tirregola d-drittijiet tagħhom. Il-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent jenħtieġ għalhekk li tapplika bħala regola rigward l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet. Din ir-regola jenħtieġ li tapplika, b’mod partikolari, għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet fil-fatturament, il-kollateralizzazzjoni u, fejn il-partijiet ma jkunux għażlu l-liġi tal-pretensjoni ċeduta, it-titolizzazzjoni.

(21)Il-liġi magħżula bħala regola biex tapplika għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet jenħtieġ li tippermetti d-determinazzjoni tal-liġi applikabbli fejn pretensjonijiet futuri jiġu ċeduti, prattika komuni fejn jiġu ċeduti pretensjonijiet multipli, bħal fil-fatturament. L-applikazzjoni tal-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent tippermetti li tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet futuri.

(22)Il-bżonn li jiġi ddeterminat min għandu t-titolu legali fuq il-pretensjoni ċeduta ħafna drabi jirriżulta meta tkun qed tiġi ddefinita l-proprjetà tal-insolvenza meta ċ-ċedent isir insolventi. Għaldaqstant hija mixtieqa koerenza bejn ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet f’dan ir-Regolament u dawk stipulati fir-Regolament (UE) 2015/848 dwar il-proċedimenti tal-insolvenza. Il-koerenza jenħtieġ li tintlaħaq bl-applikazzjoni ta' regola tal-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet, minħabba li l-użu tar-residenza abitwali taċ-ċedent bħala fattur ta’ konnessjoni tikkonċidi maċ-ċentru ta’ interess prinċipali tad-debitur użat bħala fattur ta’ konnessjoni għal finijiet ta’ insolvenza.

(23)Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2001 dwar iċ-Ċessjoni tar-Riċevibbli fil-Kummerċ Internazzjonali tistipula li l-prijorità tad-dritt ta’ ċessjonarju fir-riċevibbli ċeduti fuq id-dritt ta’ pretendent kompetitur hija rregolata mil-liġi tal-Istat li fih jinsab iċ-ċedent. Il-kompatibbiltà bejn ir-regoli tal-Unjoni dwar il-kunflitt tal-liġijiet stipulati f’dan ir-Regolament u s-soluzzjoni ffavorita fil-livell nazzjonali mill-Konvenzjoni jenħtieġ li tiffaċilita r-riżoluzzjoni tat-tilwim internazzjonali.

(24)Fejn iċ-ċedent jibdel ir-residenza abitwali tiegħu bejn ċessjonijiet multipli tal-istess pretensjoni, il-liġi applikabbli jenħtieġ li tkun il-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent fiż-żmien meta wieħed miċ-ċessjonarji jagħmel iċ-ċessjoni tiegħu effettiva għall-ewwel darba fil-konfront ta' partijiet terzi billi jissodisfa r-rekwiżiti skont il-liġi applikabbli abbażi tar-residenza abitwali taċ-ċedent f’dak iż-żmien.

(25)F’konformità mal-prattika tas-suq u l-bżonnijiet tal-parteċipanti tas-suq, l-effetti fuq partijiet terzi ta’ ċerti ċessjonijiet ta’ pretensjonijiet jenħtieġ li, bħala eċċezzjoni, jiġu rregolati mil-liġi tal-pretensjoni ċeduta, jiġifieri, il-liġi li tirregola l-kuntratt inizjali bejn il-kreditur u d-debitur li minnu tirriżulta l-pretensjoni.

(26)Il-liġi tal-pretensjoni ċeduta jenħtieġ li tirregola l-effetti fuq partijiet terzi ta’ ċessjoni minn detentur ta’ kont ta’ flus ikkreditati f’kont f’istituzzjoni ta' kreditu, fejn id-detentur tal-kont ikun il-kreditur/ċedent u l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun id-debitur. Prevedibbiltà akbar tiġi pprovduta lil partijiet terzi, bħall-kredituri taċ-ċedent u ċ-ċessjonarji kompetituri, jekk il-liġi tal-pretensjoni ċeduta tapplika għall-effetti fuq partijiet terzi ta’ dawn iċ-ċessjonijiet minħabba li ġeneralment jiġi preżunt li l-pretensjoni li jkollu detentur ta’ kont fuq il-flus ikkreditati f’kont f’istituzzjoni ta’ kreditu tkun irregolata mil-liġi tal-pajjiż fejn tinsab l-istituzzjoni ta’ kreditu (u mhux bil-liġi tar-residenza abitwali tad-detentur tal-kont/taċ-ċedent). Din il-liġi normalment tintgħażel fil-kuntratt tal-kont bejn id-detentur tal-kont u l-istituzzjoni ta’ kreditu.

(27)L-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet li jirriżultaw minn strumenti finanzjarji jenħtieġ li jkunu wkoll suġġetti għal-liġi li tirregola l-pretensjoni ċeduta, jiġifieri, il-liġi li tirregola l-kuntratt li minnu tirriżulta l-pretensjoni (bħal kuntratt tad-derivattivi). Il-fatt li l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet ta’ pretensjonijiet li jirriżultaw minn strumenti finanzjarji jiġu soġġetti għal-liġi tal-pretensjoni ċeduta minflok għal-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent huwa essenzjali sabiex jinżammu l-istabbiltà u l-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji. Dawn jinżammu minħabba li l-liġi li tirregola l-istrument finanzjarju li minnu tirriżulta l-pretensjoni hija l-liġi magħżula mill-partijiet għall-kuntratt jew il-liġi ddeterminata f’konformità mar-regoli mhux diskrezzjonarji applikabbli għas-swieq finanzjarji.

(28)Jenħtieġ li fid-determinazzjoni tal-liġi applikabbli rigward l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet fil-kuntest ta’ titolizzazzjoni tiġi pprovduta l-flessibbiltà, sabiex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet tat-titolizzaturi kollha u sabiex tiġi ffaċilitata l-espansjoni tas-suq tat-titolizzazzjoni transfruntier għal operaturi iżgħar. Filwaqt li l-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent jenħtieġ li tapplika bħala r-regola prestabbilita rigward l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet ta’ pretensjonijiet fil-kuntest ta’ titolizzazzjoni, iċ-ċedent (l-oriġinatur) u ċ-ċessjonarju (l-entità bi skop speċjali) jenħtieġ li jkollhom l-għażla li l-liġi tal-pretensjoni ċeduta tapplika rigward l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet. Iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu li l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet fil-kuntest ta’ titolizzazzjoni għandhom jibqgħu soġġetti għar-regola ġenerali tar-residenza abitwali taċ-ċedent, jew li jagħżlu l-liġi tal-pretensjoni ċeduta fid-dawl tal-istruttura u l-karatteristiċi tat-tranżazzjoni, pereżempju, l-għadd u l-lokazzjoni tal-oriġinaturi u l-għadd ta’ liġijiet li jirregolaw il-pretensjonijiet ċeduti.

(29)Kunflitti prijoritarji bejn ċessjonarji tal-istess pretensjoni jistgħu jirriżultaw meta l-effetti fuq partijiet terzi taċ-ċessjoni jkunu ġew soġġetti għal-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent f’ċessjoni waħda u għal-liġi tal-pretensjoni ċeduta f’ċessjoni oħra. F’każijiet bħal dawn, il-liġi applikabbli sabiex jiġi riżolt il-kunflitt prijoritarju jenħtieġ li tkun il-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjoni li l-ewwel tkun ġiet effettiva fil-konfront ta' partijiet terzi skont il-liġi applikabbli tagħha.

(30)Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi nazzjonali magħżula minn dan ir-Regolament bħala l-liġi applikabbli għall-effetti fuq il-partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet jenħtieġ li jkun uniformi. Il-liġi nazzjonali magħżula bħala applikabbli jenħtieġ li tirregola b’mod partikolari (i) l-effettività taċ-ċessjoni fil-konfront ta' partijiet terzi, jiġifieri, il-passi li jeħtieġ li jittieħdu miċ-ċessjonarju sabiex jiżgura li jakkwista t-titolu legali fuq il-pretensjoni ċeduta (pereżempju, ir-reġistrazzjoni ta’ ċessjoni ma’ awtorità jew reġistru pubbliku, jew in-notifika bil-miktub ta’ ċessjoni lid-debitur); u (ii) kwistjonijiet prijoritarji, jiġifieri, kunflitti bejn diversi pretendenti dwar min għandu t-titolu fuq il-pretensjoni (pereżempju, bejn żewġ ċessjonarji fejn l-istess ċessjoni tkun ġiet ċeduta darbtejn, jew bejn ċessjonarju u kreditur taċ-ċedent).

(31)Fid-dawl tal-karattru universali ta’ dan ir-Regolament, il-liġijiet tal-pajjiżi bi tradizzjonijiet legali differenti jistgħu jintgħażlu bħala l-liġi applikabbli. Fejn, wara ċ-ċessjoni ta’ pretensjoni, il-kuntratt li minnu tirriżulta l-pretensjoni jiġi ttrasferit, il-liġi magħżula minn dan ir-Regolament bħala l-liġi applikabbli rigward l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni ta’ pretensjoni, jenħtieġ li tirregola wkoll kunflitt prijoritarju bejn iċ-ċessjonarju tal-pretensjoni u l-benefiċjarju l-ġdid tal-istess pretensjoni wara t-trasferiment tal-kuntratt li minnu tirriżulta l-pretensjoni. Għall-istess raġuni, il-liġi magħżula minn dan ir-Regolament bħala l-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni ta’ pretensjoni jenħtieġ li tapplika wkoll, fejn in-novazzjoni tintuża bħala ekwivalenti funzjonali għat-trasferiment ta’ kuntratt, sabiex jiġi solvut kunflitt prijoritarju bejn ċessjonarju ta’ pretensjoni u l-benefiċjarju l-ġdid tal-pretensjoni ekwivalenti funzjonalment wara n-novazzjoni tal-kuntratt li minnu tirriżulta l-pretensjoni.

(32)Konsiderazzjonijiet ta' interess pubbliku jiġġustifikaw li l-qrati tal-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, jiġu applikati eċċezzjonijiet ibbażati fuq l-ordni pubbliku u fuq dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti, li jenħtieġ li jiġu interpretati b’mod restrittiv.

(33)Ir-rispett tal-impenji internazzjonali li jkunu daħlu għalihom l-Istati Membri jfisser li dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jaffettwax konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom Stati Membri jkunu parti fil-mument meta dan ir-Regolament jiġi adottat. Sabiex ir-regoli jsiru iktar aċċessibbli, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippubblika lista tal-konvenzjonijiet rilevanti fi Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri.

(34)Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, dan ir-Regolament jara li jippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 17 u 47 li jirrigwardaw rispettivament id-dritt tal-proprjetà u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust.

(35)Ġaladarba l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jintlaħqu għalkollox mill-Istati Membri u jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. L-uniformità mixtieqa tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet marbutin mal-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet tista’ tintlaħaq biss permezz ta’ Regolament, minħabba li Regolament biss jista’ jiżgura interpretazzjoni u applikazzjoni konsistenti tar-regoli fil-livell nazzjonali. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan,

(36)F'konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward taż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-[Renju Unit] [u] l-[Irlanda] [innotifikaw/innotifika/innotifikat ix-xewqa tagħhom/tiegħu/tagħha li jieħdu/jieħu/tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni tar-Regolament preżenti] [mhux se jieħdu/jieħu/tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhumiex/mhux/mhix marbutin/marbut/marbuta bih jew suġġetti/suġġett/suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu].

(37)Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhux qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.    Dan ir-Regolament għandu japplika, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt ta’ liġijiet, għall-effetti fuq il-partijiet fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali.

M'għandux japplika, b'mod partikolari, għal kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi.

2.    Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament:

(a)iċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet li jirriżultaw minn relazzjonijiet familjari u relazzjonijiet li huma meqjusin mil-liġi bħala applikabbli għal dawn ir-relazzjonijiet li jkollhom effetti kumparabbli, inklużi obbligi ta’ manteniment;

(b)iċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet li jirriżultaw minn reġimi ta' proprjetà matrimonjali, reġimi ta' proprjetà ta' relazzjonijiet meqjusa mil-liġi applikabbli għal dawn ir-relazzjonijiet bħala li għandhom effett komparabbli ma' dak taż-żwieġ u tas-suċċessjoni;

(c)iċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet li jirriżultaw minn kambjali, ċekkijiet, u noti promettenti u minn strumenti negozjabbli oħra sa fejn l-obbligi li jirriżultaw minn dawn l-istrumenti negozjabbli oħra jirriżultaw min-natura negozjabbli tagħhom;

(d)iċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet li jirriżultaw minn kwistjonijiet irregolati mil-liġi tal-kumpaniji u korpi oħra, korporattivi jew mhux korporattivi, bħalma huma l-ħolqien, b’reġistrazzjoni jew b'mod ieħor, il-kapaċità ġuridika, l-organizzazzjoni interna jew l-istralċ ta' kumpaniji u korpi oħra, korporattivi jew mhux korporattivi, u r-responsabbiltà personali ta' uffiċjali u membri, bħala tali, għall-obbligi tal-kumpanija jew tal-korp;

(e)iċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet li jirriultaw mill-kostituzzjoni ta' trusts u r-relazzjoni bejn il-kostitwenti, il-fiduċjarji u l-benefiċjarji;

(f)iċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet li jirriżultaw minn kuntratti ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja li jirriżultaw minn operazzjonijiet imwettqa minn organizzazzjonijiet differenti mill-impriżi imsemmijin fl-Artikolu 2(1) u (3) tad-Direttiva 2009/138/KE dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) 49 , li jkollhom l-għan li jipprovdu benefiċċji lil persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom u li jkunu parti minn impriża jew minn grupp ta' impriżi, jew assoċjati ma' sengħa jew ma' grupp ta' snajja', fil-każ ta' mewt jew ta' sopravvivenza jew fil-każ li l-attività titwaqqaf jew tiġi ridotta, jew f'każ ta' mard relatat max-xogħol, jew mal-inċidenti fuq ix-xogħol.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament,

(a)“ċedent” tfisser persuna li titrasferixxi d-dritt tagħha li titlob id-dejn fil-konfront ta' debitur fuq persuna oħra;

(b)“ċessjonarju” tfisser persuna li tikseb id-dritt li titlob id-dejn fil-konfront ta’ debitur mingħand persuna oħra;

(c)“ċessjoni” tfisser it-trasferiment volontarju tad-dritt li jintalab id-dejn mingħand debitur. Dan jinkludi t-trasferimenti diretti ta’ pretensjonijiet, tas-surrogi kuntrattwali, tat-trasferimenti ta’ pretensjonijiet permezz ta’ garanzija u rahan jew drittijiet ta’ garanzija oħrajn fuq il-pretensjonijiet;

(d)“pretensjoni” tfisser d-dritt li jintalab dejn ta’ kwalunkwe natura, sew jekk monetarju jew nonmonetarju, u sew jekk jirriżulta minn obbligi kuntrattwali jew mhux kuntrattwali;

(e)“effetti fuq partijiet terzi” tfisser effetti proprjetarji, jiġifieri, id-dritt taċ-ċessjonarju li jasserixxi t-titolu legali tiegħu fuq pretensjoni ċeduta lilu fil-konfront ta’ ċessjonarji jew benefiċjarji oħrajn tal-istess pretensjoni jew ta’ pretensjoni ekwivalenti funzjonalment, kredituri taċ-ċedent u partijiet terzi oħrajn;

(f)“residenza abitwali” tfisser, għal kumpaniji u korpi oħra, korporattivi jew mhux korporattivi, il-post tal-amministrazzjoni ċentrali; għal persuna fiżika fil-kors tal-eżerċizzju tal-attività tan-negozju tagħha, il-post prinċipali tan-negozju tagħha;

(g)“istituzzjoni ta’ kreditu” tfisser impriża kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 50 , inkluż fergħat, skont it-tifsira tal-punt (17) tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament, ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkollhom l-uffiċċji prinċipali tagħhom fl-Unjoni, jew f’konformità mal-Artikolu 47 tad-Direttiva 2013/36/UE 51 , barra mill-Unjoni fejn tali fergħat ikunu jinsabu fl-Unjoni.

(h)“flus” tfisser flus kkreditati f’kont f’istituzzjoni ta’ kreditu fi kwalunkwe valuta;

(i)“strument finanzjarju” tfisser dawk l-istrumenti speċifikati fit-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE 52 .

KAPITOLU II

REGOLI UNIFORMI

Artikolu 3

Applikazzjoni universali

Kwalunkwe liġi speċifikata minn dan ir-Regolament għandha tiġi applikata, kemm jekk hi l-liġi ta’ Stat Membru kif ukoll jekk mhix.

Artikolu 4

Liġi applikabbli

1.    Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor f’dan l-Artikolu, l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet għandhom ikunu rregolati mil-liġi tal-pajjiż li fih iċ-ċedent jkollu r-residenza abitwali tiegħu fid-data tal-fatti.

Fejn iċ-ċedent jibdel ir-residenza abitwali tiegħu bejn żewġ ċessjonijiet tal-istess pretensjoni indirizzati lil ċessjonarji differenti, il-prijorità tad-dritt ta’ ċessjonarju fuq id-dritt ta’ ċessjonarju ieħor għandha tiġi regolata mil-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent fiż-żmien meta ċ-ċessjoni tkun saret effettiva għall-ewwel darba fil-konfront ta’ partijiet terzi skont il-liġi magħżula bħala applikabbli skont l-ewwel subparagrafu.

2.    Il-liġi applikabbli għall-pretensjoni ċeduta għandha tirregola l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni ta’:

(a)flus ikkreditati f’kont f’istituzzjoni ta’ kreditu;

(b)pretensjonijiet li jirriżultaw minn strument finanzjarju.

3.    Iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għall-pretensjoni ċeduta bħala l-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni ta’ pretensjonijiet fid-dawl ta’ titolizzazzjoni.

L-għażla tal-liġi għandha ssir b’mod ċar fil-kuntratt ta’ ċessjoni jew permezz ta’ ftehim separat. Il-validità sostantiva u formali tal-att li bih saret l-għażla tal-liġi għandha tkun irregolata mil-liġi magħżula.

4.    Kunflitt prijoritarju bejn iċ-ċessjonarji tal-istess pretensjoni fejn l-effetti fuq partijiet terzi ta’ waħda miċ-ċessjonijiet ikunu rregolati mil-liġi tal-pajjiż li fih iċ-ċedent ikollu r-residenza abitwali tiegħu u l-effetti fuq partijiet terzi f’ċessjonijiet oħrajn li jkunu rregolati mil-liġi tal-pretensjoni ċeduta, għandhom ikunu rregolati mil-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjoni li tkun saret effettiva għall-ewwel darba fil-konfront ta’ partijiet terzi skont il-liġi applikabbli tagħha.

Artikolu 5

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi applikabbli

Il-liġi applikabbli rigward l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet skont dan ir-Regolament għandha tirregola b’mod partikolari:

(a)    ir-rekwiżiti sabiex tiġi żgurata l-effettività taċ-ċessjoni fil-konfront ta’ partijiet terzi apparti d-debitur, bħal pereżempju l-formalitajiet ta’ reġistrazzjoni jew pubblikazzjoni;

(b)    il-prijorità tad-drittijiet taċ-ċessjonarju fuq id-drittijiet ta’ ċessjonarju ieħor tal-istess pretensjoni;

(c)    il-prijorità tad-drittijiet taċ-ċessjonarju fuq id-drittijiet tal-kredituri taċ-ċedent;

(d)    il-prijorità tad-drittijiet taċ-ċessjonarju fuq id-drittijiet tal-benefiċjarju ta’ trasferiment ta’ kuntratt fir-rigward tal-istess pretensjoni;

(e)    Il-prijorità tad-drittijiet taċ-ċessjonarju fuq id-drittijiet tal-benefiċjarju ta’ novazzjoni ta’ kuntratt fil-konfront ta’ debitur fir-rigward ta’ pretensjoni ekwivalenti.

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti

1.    Dan ir-Regolament huwa mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-liġi tal-forum.

2.    Id-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti huma dispożizzjonijiet li r-rispett tagħhom ikun meqjus bħala kruċjali minn Stat Membru għas-salvagwardja tal-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli għal kull sitwazzjoni li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, irrispettivament mil-liġi li b'xi mod ieħor tkun applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni ta’ pretensjonijiet skont dan ir-Regolament.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET OĦRAJN

Artikolu 7

Ordni pubbliku (ordre public)

L-applikazzjoni ta' dispożizzjoni tal-liġi, ta' kwalunkwe pajjiż, speċifikata minn dan ir-Regolament tista' tiġi miċħuda biss jekk tali applikazzjoni tkun manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku (ordre public) tal-forum.

Artikolu 8

Esklużjoni ta’ renvoi

L-applikazzjoni tal-liġi ta' kwalunkwe Stat speċifikata minn dan ir-Regolament tfisser l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi fis-seħħ f'dak l-Istat minbarra r-regoli tad-dritt internazzjonali privat tiegħu.

Artikolu 9

Stati b'aktar minn sistema ġuridika waħda

1.    Meta Stat ikun fih diversi unitajiet territorjali, li kull waħda minnhom ikollha r-regoli tal-liġi proprji tagħha fir-rigward tal-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet, kull unità territorjali għandha titqies bħala Pajjiż, bl-għan li tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli skont dan ir-Regolament.

2.    Stat Membru li jkollu diversi unitajiet territorjali, li kull waħda minnhom ikollha r-regoli tal-liġi proprji tagħha fir-rigward tal-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet, ma għandux ikun meħtieġ li japplika dan ir-Regolament għal kunflitti fil-liġijiet li jirriżultaw bejn dawn l-unitajiet territorjali biss.

Artikolu 10

Relazzjoni ma' dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni

Dan ir-Regolament ma għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni li, b’rabta ma’ kwistjonijiet partikolari, jistabbilixxu regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet relatati mal-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet.

Artikolu 11

Relazzjonijiet mal-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti

1.    Dan ir-Regolament ma għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom Stat Membru wieħed jew aktar ikunu partijiet fiż-żmien meta jiġi adottat dan ir-Regolament u li jistabbilixxu regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet relatati mal-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet ta’ pretensjonijiet.

2.    Madankollu, dan ir-Regolament għandu, bħal bejn l-Istati Membri, jieħu preċedenza fuq konvenzjonijiet konklużi esklussivament bejn żewġ Stati Membri jew aktar, sa fejn dawn il-konvenzjonijiet ikunu jikkonċernaw kwistjonijiet irregolati minn dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Lista ta' Konvenzjonijiet

1.    Sa [id-data ta’ applikazzjoni], l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11(1). Wara din id-data, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-denunzji kollha ta' dawn il-konvenzjonijiet.

2.    Fi żmien sitt xhur mill-wasla tan-notifiki msemmijin fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea:

(a)    lista tal-konvenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1;

(b)    id-denunzji msemmiija fil-paragrafu 1.

Artikolu 13

Klawsola ta' rieżami

Sa [ħames snin wara d-data tal-applikazzjoni], il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jekk ikun il-każ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti sabiex dan ir-Regolament jiġi emendat.

Artikolu 14

Applikazzjoni fil-ħin

1.    Dan ir-Regolament għandu japplika għal ċessjonijiet ta’ pretensjonijiet konklużi fi [data ta’ applikazzjoni] jew wara.

2.    Il-liġi applikabbli skont dan ir-Regolament għandha tiddetermina jekk id-drittijiet ta’ parti terza fir-rigward ta’ pretensjoni ċeduta wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jieħdux prijorità fuq id-drittijiet ta’ terza persuna oħra akkwistati qabel ma dan ir-Regolament isir applikabbli.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika sa [18-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    COM (2018) 89.
(2)    Id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2002 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali, ĠU L 168, 27.6.2002, p. 43-50.
(3)    Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar finalità ta' Settlement fis-sistemi ta' settlement ta' pagamenti u titoli, ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45-50.
(4)    Id-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ tal-istituzzjonijiet tal-kreditu, ĠU L 125, 5.5.2001, p. 15-23.
(5)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nru 280/2004/KE u Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2010 u (UE) Nru 1193/2011, ĠU L 122, 3.5.2013, p. 1-59.
(6)    Ara l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-Kollatral Finanzjarju (Financial Collateral Directive, FCD), l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva dwar il-Finalità tas-Settlement (Settlement Finality Directive, SFD) u l-Artikolu 24 tad-Direttiva dwar l-Istralċ (Winding-Up Directive, WUD). Filwaqt li l-FCD u l-SFD jirreferu għal titoli b’entrati fil-kotba, id-WUD tirreferi għal strumenti li l-eżistenza jew it-trasferiment tagħhom jassumu minn qabel li huma rreġistrati f’reġistru, kont jew sistema ta’ depożitu ċentralizzata (WUD).
(7)    Factoring and Commercial Finance: Whitepaper, p. 20 tal-Federazzjoni tal-UE għall-Industrija tal-Fatturament u l-Finanzjament Kummerċjali (EUF).
(8)    Il-fatturament fl-Ewropa bħala reġjun ammonta għal EUR 1,566 biljun fl-2015. Is-swieq Ewropej ewlenin huma r-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, l-Italja u Spanja. Is-suq globali tal-fatturament laħħaq l-EUR 2,373 biljun fl-2015. Sors: Factors Chain International FCI.
(9)    L-Eurosistema hija komposta mill-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li adottaw l-ewro.
(10)    Madwar 22 % tal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema jiġu ggarantiti minn talbiet ta’ kreditu bħala kollateral, li kien jammonta għal madwar EUR 380 biljun sat-tieni trimestru tal-2017, li minnhom madwar EUR 100 biljun irrappreżentaw talbiet ta’ kreditu mmobilizzati fuq bażi transfruntiera. B’mod ġenerali, l-Eurosistema kienet immobilizzat madwar EUR 450 biljun f’kollateral transfruntier sal-aħħar ta’ Ġunju 2017.
(11)    Il-volum tas-suq ta’ ħruġ ta’ titolizzazzjonijiet kien ta’ EUR 237,6 biljun fl-UE fl-2016, b’EUR 1,27 triljun ikunu pendenti fl-aħħar tal-2016 - Rapport ta’ Dejta dwar it-Titolizzazzjoni għar-Raba’ Trimestru tal-2016 tal-AFME.
(12)    Dan l-eżempju huwa adattament tal-illustrazzjoni użata fil-Gwida Leġiżlattiva UNCITRAL dwar it-Tranżazzjonijiet Garantiti, p. 16-17.
(13)    Amministraturi Konġunti ta’ Lehman Brothers International Europe (LBIE), Il-Ħmistax-il Rapport ta’ Progress, it-12.4.2016 Ara http://www.pwc.co.uk/services/business-recovery/administrations/lehman/lehman-brothers-international-europe-in-administration-joint-administrators-15th-progress-report-12-april-2016.html
(14)    Ara t-tweġibiet għall-Mistoqsija 23 tal-konsultazzjoni pubblika mill-Federazzjoni tal-Industrija tal-Fatturament u l-Finanzjament Kummerċjali tal-UE (EUF); il-Federazzjoni tal-Banek Franċiża (Franza); l-Assoċjazzjoni b'Responsabbiltà Limitata tal-Finanzjament Abbażi tal-Assi (Asset Based Finance Association Limited, ABFA) (Ir-Renju Unit).
(15)    Il-Federazzjoni tal-Industrija tal-Fatturament u l-Finanzjament Kummerċjali tal-UE - Ktejjeb Annwali tal-EUF, 2016-2017, p. 13.
(16)    Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6-16.
(17)    L-istrumenti finanzjarji huma elenkati fit-Taqsima C tal-Anness 1 tad-Direttiva MiFID II 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE, ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349-496.
(18)    Ara l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju (Financial Collateral Directive, FCD), l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva dwar il-Finalità tas-Settlement (SFD) u l-Artikolu 24 tad-Direttiva dwar l-Istralċ (WUD). Filwaqt li l-FCD u l-SFD jirreferu għal titoli b’entrati fil-kotba, id-WUD tirreferi għal strumenti li l-eżistenza jew it-trasferiment tagħhom jassumu minn qabel li huma rreġistrati f’reġistru, kont jew sistema ta’ depożitu ċentralizzata (WUD).
(19)    Factoring and Commercial Finance (Il-Fatturament u l-Finanzjament Kummerċjali): Whitepaper, p. 20, tal-Federazzjoni tal-UE għall-Industrija tal-Fatturament u l-Finanzjament Kummerċjali (EUF).
(20)    L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Ruma I.
(21)    L-Artikolu 14(2) tar-Regolament Ruma I.
(22)    L-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament Ruma I.
(23)    Il-mistoqsija 18 tal-Green paper dwar il-konverżjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma 1980 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali fi strument tal-Komunità u l-immodernizzar tagħha, COM(2002) 654 finali , p. 39–41.
(24)    L-Artikolu 13(3) tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I), COM(2005) 650 final.
(25)    Ara l-Artikolu 13(3) tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, COM(2005) 650 final u l-Artikolu 14 tar- Regolament Ruma I .
(26)    L-Artikolu 27(2) tar-Regolament Ruma I.
(27)    British Institute of International and Comparative Law BIICL), Studju dwar il-kwistjoni tal-effettività ta’ ċessjoni jew surrogra ta’ pretensjoni fil-konfront ta' partijiet terzi u l-prijorità tal-pretensjoni ċeduta jew surrogata fuq id-dritt ta’ persuna oħra, 2011 (‘ Studju tal-BIICL ʼ).
(28)    Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-kwistjoni tal-effettività ta’ pretensjoni ċeduta jew surrogata fil-konfront ta' partijiet terzi u l-prijorità tal-pretensjoni ċeduta jew surrogata fuq id-dritt ta’ persuna oħra, COM(2016) 626 finali (" Rapport tal-Kummissjoni ").
(29)    Rapport tekniku p. 12.
(30)    Ir-Regolament (UE) Nru 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta' insolvenza, ĠU L 141, 5.6.2015, p. 19–72
(31)    Ara l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-Kollatral Finanzjarju (FCD), l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva dwar il-Finalità tas-Settlement (SFD) u l-Artikolu 24 tad-Direttiva dwar l-Istralċ (WUD). Filwaqt li l-FCD u l-SFD jirreferu għal titoli b’entrati fil-kotba, id-WUD tirreferi għal strumenti li l-eżistenza jew it-trasferiment tagħhom jassumi minn qabel li huma rreġistrati f’reġsitru, kont jew sistema ta’ depożitu ċentralizzata (WUD).
(32)    Pereżempju, il-Federazzjoni tal-Banek Franċiża (FBF) tiddikjara fir-risposta tagħha, għall-konsultazzjoni pubblika, li bħala parti mid-dilġenza dovuta l-banek Franċiżi ġeneralment jivverifikaw il-liġi applikabbli għall-insovenza taċ-ċedent.
(33)    Pereżempju, il-Kumitat tal-Industrija tal-Banek Ġermaniża jgħid fir-risposta tiegħu għall-konsultazzjoni pubblika li, fi tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni, il-partijiet jeħtieġ li jivverifikaw ir-rekwiżiti ta’ notifika jew ta' reġistrazzjoni. L-Assoċjazzjoni tas-Swieq Finanzjarji fl-Ewropa (AFME) tiddikjara fir-risposta tagħha li l-partijiet iridu jivverifikaw jekk iċ-ċessjoni hix se tkun effettiva skont il-liġi taċ-ċedent.
(34)    Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 326, tas-26.10.2012, p. 391.
(35)    ĠU C , , p.
(36)    COM(2015) 63 finali.
(37)    COM(2015) 468 finali.
(38)    COM(2016) 430 final
(39)    Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40-49.
(40)    Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6-16.
(41)    Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1-32
(42)    Ir-Regolament (UE) Nru 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta' insolvenza, ĠU L 141, 5.6.2015, p. 19–72.
(43)    B’mod partikolari l-Artikoli 3, 4 u 14.
(44)    Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE, ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349-496.
(45)    Id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2002 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali, ĠU L 168, 27.6.2002, p. 43-50.
(46)    Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar finalità ta' settlement fis-sistemi ta' settlement ta' pagamenti u titoli, ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45-50.
(47)    Id-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ tal-istituzzjonijiet tal-kreditu, ĠU L 125, 5.5.2001, p. 15-23.
(48)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nru 280/2004/KE u Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2010 u (UE) Nru 1193/2011, ĠU L 122, 3.5.2013, p. 1-59.
(49)    Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II), ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1–155.
(50)    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1-337.
(51)    Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE, ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338-436
(52)    Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE, ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349-496.