Strasburgu, 16.1.2018

COM(2018) 33 final

2018/0012(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti, li tħassar id-Direttiva 2000/59/KE u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE u d-Direttiva 2010/65/UE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2018) 21 final}
{SWD(2018) 22 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

·Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Ir-rimi ta’ skart minn bastimenti huwa theddida dejjem tikber għall-ambjent tal-baħar, b’konsegwenzi ambjentali u ekonomiċi kbar. Dan l-aħħar, il-problema tal-iskart fil-baħar ħadet prominenza, hekk kif numru dejjem jikber ta’ studji xjentifiċi qed jipprovdu xhieda tal-effetti devastanti fuq l-ekosistemi tal-baħar u l-impatti fuq is-saħħa tal-bniedem. Minkejja li l-biċċa l-kbira tas-sorsi ta’ skart fil-baħar jinsabu fuq l-art, it-trasport marittimu għandu wkoll rwol importanti fir-rimi ta’ skart domestiku u operazzjonali fil-baħar. Hemm ukoll tħassib kbir fuq l-effetti ta’ ewtrofikazzjoni tal-iskariku ta’ drenaġġ minn bastimenti, b’mod partikolari minn bastimenti kbar tal-passiġġieri, f’ċerti żoni tal-baħar bħall-Baħar Baltiku, kif ukoll fuq l-effetti tar-rimi ta’ skart żejtni fuq il-ħajja u l-ħabitats tal-baħar.

Ir-raġunijiet tal-okkorrenza tal-iskariki illegali fil-baħar jistgħu jinsabu kemm fuq il-bastimenti nfushom, b’mod partikolari prattiki ħżiena fl-immaniġġjar tal-iskart abbord, kif ukoll fuq l-art, minħabba nuqqas ta’ faċilitajiet adegwati fil-portijiet biex jirċievu l-iskart minn bastimenti.

Id-Direttiva 2000/59/KE 1 tirregola n-naħa tax-xatt permezz ta’ dispożizzjonijiet li jiżguraw id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet għall-iskart (PRF) u t-twassil tal-iskart lejn dawk il-faċilitajiet. Din timplimenta n-normi internazzjonali rilevanti, jiġifieri dawk li jinsabu f’MARPOL 2 . Madankollu, filwaqt li d-Direttiva tiffoka fuq l-operazzjonijiet fil-portijiet, MARPOL tiffoka l-aktar fuq operazzjonijiet fuq il-baħar. B’dan il-mod, id-Direttiva tikkonforma ma' MARPOL u tikkomplementaha, billi tirregola r-responsabbiltajiet legali, prattiċi u finanzjarji fuq l-interfaċċja xatt-baħar. Għalkemm MARPOL tipprovdi qafas komprensiv li jindirizza t-tniġġis minn bastimenti minn sustanzi li jniġġsu differenti, ma tipprevedix mekkaniżmu ta’ infurzar effettiv. Għalhekk, l-inkorporazzjoni tal-kunċetti u l-obbligi ewlenin ta’ MARPOL fil-liġi tal-UE tfisser li dawn jistgħu jiġu infurzati b’mod effettiv permezz tas-sistema legali tal-UE.

Madwar 17-il sena wara d-dħul fis-seħħ tagħha, id-Direttiva teħtieġ reviżjoni fil-fond. Il-qagħda attwali issa hija konsiderevolment differenti minn kif kienet meta d-Direttiva ġiet adottata fl-2000. Minn dak iż-żmien ’il hawn, MARPOL issaħħet permezz ta’ emendi sussegwenti, filwaqt li l-kamp ta’ applikazzjoni u d-definizzjonijiet tad-Direttiva attwali m’għadhomx konformi mal-qafas internazzjonali. Bħala konsegwenza, l-Istati Membri qed jiddependu dejjem aktar fuq il-qafas MARPOL, u b'hekk l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ din id-Direttiva saru problematiċi. Barra minn hekk, l-Istati Membri japplikaw interpretazzjonijiet differenti tal-kunċetti ewlenin tad-Direttiva, u joħolqu konfużjoni fost l-bastimenti, il-portijiet u l-operaturi.

Ir-reviżjoni għandha l-għan li tilħaq livell ogħla ta’ protezzjoni tal-ambjent tal-baħar billi jitnaqqas ir-rimi tal-iskart fil-baħar, kif ukoll titjieb l-effiċjenza tal-operazzjonijiet marittimi fil-portijiet billi jitnaqqas il-piż amministrattiv u jiġi aġġornat il-qafas regolatorju. Minħabba li l-proposta taqa’ taħt il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), din għandha l-għan li tkun skont il-prinċipji REFIT ta’ simplifikazzjoni u kjarifikazzjoni.

Għal raġunijiet ta’ ċarezza, il-proposta tħassar id-Direttiva attwali, u tissostitwixxiha b’Direttiva unika ġdida. Din tinkludi wkoll bidliet anċillari għad-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port 3 , kif ukoll id-Direttiva 2010/65/UE 4 .

·Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta’ politika

It-tnaqqis tat-tniġġis tal-ibħra huwa qasam importanti ta’ azzjoni tal-UE fit-trasport marittimu. Dan ġie mtenni fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018 5 , li tappella għall-eliminizzjoni tal-iskart mit-traffiku marittimu. Dan il-għan jista’ jinkiseb permezz ta’ konformità mal-konvenzjonijiet u l-istandards internazzjonali. MARPOL, il-qafas internazzjonali rilevanti, għaddiet minn serje ta’ emendi, inklużi normi ġodda jew aktar stretti dwar ir-rimi għall-bastimenti. Dawn għandhom ikunu riflessi kif suppost fid-Direttiva.

Il-forniment ta’ faċilitajiet għar-rimi tal-iskart fil-portijiet jikkwalifika bħala servizz li port jipprovdi lill-utenti tiegħu, kif definit fir-Regolament dwar is-Servizzi tal-Portijiet 6 . Id-Direttiva proposta tqis il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet rilevanti kif inklużi f’dan ir-regolament, iżda tmur lilhinn mir-rekwiżiti tagħha billi tipprevedi l-istrutturi tal-kostijiet u t-trasparenza tagħhom. Dan għandu jservi l-għan ġenerali tad-Direttiva proposta, li huwa li jitnaqqas ir-rimi ta’ skart fil-baħar. Barra minn hekk, ir-Regolament dwar is-Servizzi tal-Portijiet japplika biss għall-portijiet TENT, filwaqt li d-Direttiva proposta tkopri l-portijiet kollha, inklużi dawk iżgħar, bħalma huma l-portijiet tas-sajd u l-marini.

Id-Direttiva 2010/65/KE tinkludi n-notifika tal-iskart bil-quddiem fi ħdan l-informazzjoni li trid tiġi rrappurtata elettronikament permezz tas-sistema msejħa “national single window”. Għal dan il-għan, issawwar messaġġ elettroniku dwar l-iskart. L-informazzjoni rrappurtata f’dan il-messaġġ hija sussegwentement skambjata permezz tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni marittima tal-Unjoni (SafeSeaNet) u tixxandar lejn il-modulu ta’ rappurtar fil-Bażi tad-Dejta ta’ Kontroll mill-Istat tal-Port stabbilita skont id-Direttiva 2009/16/KE biex jiġu ffaċilitati l-konformità, il-monitoraġġ u l-infurzar.

·Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Id-Direttiva fis-seħħ u l-proposta attwali huma konformi mal-prinċipji tal-liġi ambjentali tal-UE, b’mod partikolari: (i) il-prinċipju ta’ prekawzjoni; (ii) il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”; u (iii) il-prinċipju li tittieħed azzjoni preventiva f’ras il-għajn fejn ikun possibbli. Tikkontribwixxi wkoll lejn l-għanijiet tad-Direttiva dwar il-Qafas ta’ Strateġija Marina 7 , li tfittex li tħares l-ambjent tal-baħar u tappella għal status ambjentali tajjeb tal-ilmijiet tal-baħar kollha tal-UE sal-2020. Id-Direttiva proposta tagħti wkoll effett lid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart 8  billi tipprevedi prattiki ta’ mmaniġġjar tal-iskart imtejba fil-portijiet b’mod konformi mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas u l-ġerarkija tal-iskart tal-UE. Fl-aħħar nett, id-Direttiva proposta hija konformi mad-Direttiva dwar il-Kubrit 9 , li tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tat-trasport marittimu billi jitnaqqas il-kontenut ta’ kubrit fil-fjuwils marini. Madankollu, l-applikazzjoni tar-reġim impost mid-Direttiva dwar il-Kubrit m’għandux jirriżulta f’bidla minn emissjonijiet fl-arja għal rimi ta’ skart fil-baħar, jew f’korpi tal-ilma oħra, bħal portijiet u estwarji, bħala konsegwenza sekondarja tat-teknoloġiji ta’ tnaqqis applikati, bħas-sistemi tat-tindif tal-gass tal-egżost.

Id-Direttiva proposta se tkun ukoll strumentali fil-kisba tal-mira stabbilita fl-Istrateġija tal-Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni 10 li sal-2020 l-ammont ta’ skart fil-baħar li jinsab fuq il-bajjiet u l-irkaptu tas-sajd mitluf misjub fuq il-baħar jitnaqqas bi 30%. L-Istrateġija tal Ekonomija Ċirkolari tirrikonoxxi wkoll li r-reviżjoni tad-Direttiva PRF l-antika tista’ tagħti kontribut dirett u sinifikanti biex jitnaqqas l-iskart tal-baħar iġġenerat mill-bastimenti. Fl-Istrateġija tal-Kummissjoni dwar il-Plastik 11 , jiġu eżaminati miżuri addizzjonali għat-tnaqqis ta’ rkaptu tas-sajd mitluf jew abbandunat, bħar-responsabbiltà estiża tal-produttur u skemi ta’ rifużjoni tad-depożitu għal irkaptu tas-sajd li spiss jintrema, kif ukoll skambju akbar ta’ informazzjoni dwar skemi bħal dawn.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

·Bażi ġuridika

Billi l-proposta tissostitwixxi d-Direttiva attwali, il-bażi ġuridika tibqa’ l-Artikolu 100(2) tat-TFUE (ex. Artikolu 80(2) TEC), li jinkludi l-adozzjoni tar-regoli komuni għat-trasport bil-baħar. Minkejja li d-Direttiva għandha l-għan li tipproteġi l-ambjent tal-baħar minn skariki ta’ skart fil-baħar, l-objettiv ġenerali tal-politika huwa li tiffaċilita t-trasport marittimu u tikkontribwixxi għar-realizzazzjoni tas-suq intern tat-trasport.

·Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

It-tbaħħir huwa settur internazzjonali, b’operazzjonijiet li jseħħu fl-ibħra internazzjonali u fil-portijiet fid-dinja kollha. Għalhekk, dan is-settur jeħtieġ regoli internazzjonali, li fil-każ tat-tniġġis ikkawżat mill-bastimenti, huma pprovduti minn MARPOL. Madankollu, il-problemi prinċipali fir-reġim internazzjonali mhumiex marbutin ma standards insuffiċjenti, iżda mal-fatt li dawn mhumiex implimentati u infurzati b’mod xieraq. Li jsiru sforzi għal implimentazzjoni armonizzata tar-regoli maqbula internazzjonalment, fejn meħtieġ, flimkien ma’ rekwiżiti speċifiċi tal-UE, huwa wieħed mill-pilastri fundamentali tal-politika marittima tal-UE. Dan huwa rifless ukoll fil-bażi ġuridika tad-Direttiva, jiġifieri l-Artikolu 100(2) tat-TFUE, li jinkludi l-adozzjoni ta’ regoli komuni għat-trasport bil-baħar. Billi d-Direttiva tittrasponi l-Konvenzjoni MARPOL fil-liġi tal-UE, din tikkondividi l-istess objettiv bħall-Konvenzjoni, jiġifieri l-protezzjoni tal-ambjent tal-ibħra mit-tniġġis mill-bastimenti. Il-problema tat-tniġġis marittimu tipikament isseħħ fl-ilmijiet tal-UE kollha u għalhekk teħtieġ approċċ komuni tal-UE biex il-kwistjonijiet jiġu trattati b’mod effettiv, peress li dawn ma jistgħux jiġu solvuti permezz ta’ azzjoni minn Stati Membri individwali.

Biex tiġi evitata litanija ta’ politiki differenti fil-portijiet għall-konsenja tal-iskart mill-bastimenti, u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi kemm għall-portijiet kif ukoll għall-utenti tal-portijiet, hemm il-bżonn ta’ aktar armonizzazzjoni fil-livell tal-UE. Qafas issimplifikat u għalhekk implimentazzjoni aktar armonizzata tal-obbligi differenti fil-livell tal-UE se jtejbu l-kompetittività u l-effiċjenza ekonomika tas-settur tat-trasport marittimu, filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet bażiċi fil-portijiet. Dan għandu jevita effetti negattivi bħal dak li jissejjaħ “PRF shopping”, meta l-bastimenti jżommu l-iskart abbord sakemm ikunu jistgħu jwassluh sal-port fejn dan huwa ekonomikament l-aktar vantaġġuż. Aktar armonizzazzjoni tar-reġimi ta’ eżenzjonijiet għal bastimenti fi traffiku skedat u regolari għandha wkoll tindirizza l-ineffiċjenzi min-naħa tal-bastimenti u tal-portijiet.

Fl-istess ħin, l-Istati Membri jżommu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-regoli u l-prinċipji komuni fil-livell lokali/tal-portijiet. Bid-Direttiva l-ġdida, huma se jkomplu jiddeċiedu dwar it-tfassil u l-operat ta’ sistemi ta’ rkupru tal-ispejjeż, il-livell tat-tariffi u l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ akkoljenza u ġestjoni tal-iskart għall-portijiet fit-territorju tagħhom. L-awtoritajiet tal-Istati Membri huma fl-aħjar pożizzjoni biex jiddeterminaw il-livell ta’ dettall u kopertura tal-pjanijiet ta’ akkoljenza u ġestjoni tal-iskart, filwaqt li jqisu d-daqs u l-lokalità ġeografika tal-portijiet u tal-ħtiġijiet tal-bastimenti li jżuruhom.

·Il-proporzjonalità

Il-proposta għandha żewġ għanijiet: (i) it-titjib tal-protezzjoni tal-ambjent marittimu kontra r-rimi ta’ skart minn bastimenti, filwaqt li (ii) tiġi żgurata l-effiċjenza tal-operazzjonijiet tat-trasport marittimu fil-portijiet. Il-valutazzjoni tal-impatt uriet li l-iskart għadu jintrema fil-baħar, b’effetti diżastrużi fuq l-ekosistemi tal-baħar, speċjalment minħabba r-rimi ta’ żibel. Fl-istess ħin, is-sistema attwali toħloq piż amministrattiv mhux meħtieġ fuq il-portijiet u l-utenti tal-portijiet, ikkawżata l-aktar minn inkonsistenzi bejn l-obbligi skont id-Direttiva u l-qafas internazzjonali (jiġifieri l-Konvenzjoni MARPOL). L-istima tal-impatt uriet il-proporzjonalità tal-alternattiva ppreferuta biex jiġu indirizzati l-problemi, skont il-kummenti li waslu għand il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju rigward il-valutazzjoni tal-impatt.

Il-proposta għandha l-għan li tindirizza dawn il-problemi billi tfittex aktar allinjament mal-MARPOL, b’mod partikolari fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, id-definizzjonijiet u l-formoli. Id-Direttiva proposta timmira wkoll għal aktar konsistenza ma’ atti oħra tal-UE, billi tinkorpora l-ispezzjonijiet kompletament fi ħdan il-qafas tal-Kontroll tal-Istat tal-Portijiet u tallinja mad-Direttiva 2002/59/KE rigward l-obbligi ta’ monitoraġġ u rappurtar. Dan l-approċċ ġdid jistrieħ b’mod sinifikanti fuq sistema elettronika ta’ rappurtar u skambju ta’ informazzjoni, ibbażat fuq sistemi elettroniċi eżistenti, u fuq il-prinċipju li l-informazzjoni għandha tiġi rrappurtata darba biss. Dan għandu jiffaċilita l-monitoraġġ u l-infurzar, filwaqt li jimminimizza l-piż amministrattiv assoċjat.

Il-problema tal-iskart fil-baħar teħtieġ miżuri addizzjonali, li għandhom jirriżultaw f’aktar tnaqqis ta’ rimi ta’ żibel minn bastimenti. Dan għandu jinkiseb permezz ta’ kombinament ta’ inċentivi u miżuri ta’ infurzar. Minħabba li s-setturi tas-sajd u tar-rikreazzjoni wkoll jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-problema tal-iskart fil-baħar, dawn ġew integrati b’mod aktar sistematiku fis-sistema, b’mod partikolari fir-rigward ta’ inċentivi għall-konsenja ta’ skart fuq ix-xatt. Madankollu, peress li l-obbligi ta’ notifikazzjoni u spezzjoni jqiegħdu piż sproporzjonat fuq bastimenti u portijiet iżgħar, jiġi applikat approċċ differenzjat ibbażat fuq it-tul u t-tunnellaġġ gross. Dan l-approċċ se jikkonsisti f’dawn li ġejjin:

Ir-rappurtar tal-informazzjoni misjuba fin-notifika tal-iskart bil-quddiem u t-twassil tal-iskart se jkun meħtieġ biss minn bastimenti ta’ 45 metru u itwal, b’konformità mad-Direttiva 2002/59/KE.

Il-mira ta’ 20 % għall-bastimenti tas-sajd u l-opri tal-baħar ta’ rikreazzjoni se tapplika biss għal bastimenti ta’ aktar minn 100 tunnellata gross, b'mod konsistenti mar-rekwiżiti tal-IMO għal pjan ta’ amministrazzjoni taż-żibel li għandu jinżamm abbord.

Il-bastimenti merkantili se jiġu spezzjonati bħala parti mill-Kontroll tal-Istat tal-Portijiet, bl-użu ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju, li għandu jagħmel is-sistema aktar effiċjenti u effettiva.

Għalkemm id-Direttiva għandha l-għan li tkompli tarmonizza l-kunċetti ewlenin ta’ reġim PRF biex jiġi żgurat approċċ komuni tal-UE fuq il-bażi tan-normi internazzjonali relevanti, din tħalli marġni ta’ diskrezzjoni għall-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar miżuri operattivi applikabbli fuq il-livell tal-portijiet, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet lokali u tal-portijiet, l-istruttura amministrattiva u l-istruttura tas-sjieda. L-adegwatezza tal-faċilitajiet tal-akkoljenza tal-iskart tiġi determinata abbażi tad-daqs, il-post ġeografiku u t-tip ta’ traffiku li jżur il-port, li min-naħa tagħhom jiddeterminaw il-livell ta’ detall u l-firxa ta’ applikazzjoni ta’ pjan tal-akkoljenza u t-tqandil tal-iskart min-naħa ta’ port. Dawn il-pjanijiet jistgħu wkoll jiġu żviluppati fil-kuntest ġeografiku, biex b’hekk jaqdu l-interessi ta’ portijiet ta’ prossimità reġjonali, kif ukoll dawk ta’ traffiku reġjonali.

Għalkemm l-Istati Membri se jkollhom jiżguraw li s-sistemi ta’ rkupru tal-ispejjeż jinkorporaw il-prinċipji stipulati fid-Direttiva, b’mod partikolari għal tariffi indiretti u l-livelli ta’ trasparenza, huma jibqgħu liberi li jfasslu s-sistemi tal-imposti u jiddeċiedi dwar il-livell preċiż tat-tariffi, b’konsiderazzjoni tat-tip ta’ traffiku fil-portijiet. Din is-setgħa se tkun aktar limitata għaż-żibel — l-aktar komponent importanti ta’ skart fil-baħar — li għalih l-ispejjeż għandhom jiġu rkuprati bis-sħiħ permezz tat-tariffa indiretta. Minħabba l-effetti partikolarment negattivi fuq l-ambjent marittimu li joħolqu l-plastik u komponenti oħrajn ta’ żibel mill-bastimenti, hemm il-ħtieġa ta’ inċentiva finanzjarja massima biex jiġi żgurat li ż-żibel jiġi konsenjat f’kull port, minflok jintrema fil-baħar.

·Għażla tal-istrument

Fl-interess ta’ abbozzar legali ċar u konsistenti, instab li l-aktar soluzzjoni legali adegwata hija l-proposta għal Direttiva waħda ġdida. L-għażla alternattiva li jiġi propost sett ta’ emendi għad-Direttiva attwali twarrbet minħabba li kieku din tkun teħtieġ għadd kbir ta’ bidliet. L-għażla ta’ regolament ġdid ġiet skartata wkoll minħabba li din ma tagħtix biżżejjed flessibbiltà lill-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar l-aħjar politiki ta’ implimentazzjoni fil-portijiet tagħhom, li jvarjaw ħafna f’termini ta’ daqs, lokalità, sjieda u struttura amministrattiva.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

·L-evalwazzjonijiet ex post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-evalwazzjoni ex-post uriet li d-Direttiva kienet rilevanti biex jinkiseb l-objettiv tat-tnaqqis tar-rimi tal-iskart fil-baħar u għandha valur miżjud ċar tal-UE. Madankollu, filwaqt li l-volumi ta’ skart ikkonsenjat fuq l-art żdiedu, ix-xejriet mhumiex uniformi bejn id-diversi kategoriji ta’ skart. Barra minn hekk, ammont sinifikanti ta’ skart għadu jintrema fil-baħar. Dan huwa prinċipalment minħabba differenzi fil-mod kif huma interpretati u implimentati l-obbligi ewlenin tad-Direttiva attwali, bħalma huma l-provvista ta’ faċilitajiet adegwati ta’ akkoljenza fil-portijiet, id-disinn u t-tħaddim ta’ sistemi ta’ rkupru ta’ spejjeż u l-infurzar ta’ l-obbligu tal-kunsinna obbligatorja.

Il-kunċett tal-adegwatezza tal-faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet għall-iskart ma kienx definit b’mod ċar fid-Direttiva l-antika, u b’hekk inħolqot konfużjoni fost l-utenti u l-operaturi tal-portijiet. B’konsegwenza ta’ dan, in-nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-utenti tal-portijiet, kif ukoll in-nuqqas ta’ konsistenza mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-aspetti terrestri, irriżultaw f’sitwazzjonijiet fejn mhux dejjem ikun hemm disponibbli faċilitajiet adegwati fil-portijiet. Pereżempju, waqt il-konsultazzjoni l-partijiet ikkonċernati lmentaw dwar in-nuqqas ta’ ġbir tal-iskart separat fil-portijiet ta’ skart li kien diġà separat abbord skont l-istandards internazzjonali. Barra minn hekk, kien hemm konfużjoni rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-konsenja obbligatorja fid-dawl tan-normi dwar l-iskariku ta' MARPOL, inkluża d-definizzjoni ta’ kapaċità suffiċjenti ta’ ħżin abbord bħala l-unika eċċezzjoni għal bastiment li jitlaq mingħajr ma jkun ikkonsenja l-iskart tiegħu.

Il-qafas legali u amministrattiv għall-ispezzjonijiet tal-PRF ma kienx ċar ukoll, bħalma lanqas kienet il-bażi għal dawn l-ispezzjonijiet u r-regolorità tagħhom. Fl-aħħar nett, l-eżenzjonijiet għal bastimenti fi traffiku skedat ġew applikati minħabba raġunijiet varji u f’kundizzjonijiet differenti, u dan joħloq piż amministrattiv żejjed. Dawn il-kwistjonijiet wasslu għal reġim anqas effikaċi fil-kisba tal-għan ewlieni tiegħu: jiġifieri li jitnaqqas ir-rimi ta’ skart fil-baħar.

Kwistjonijiet oħra li ġew enfasizzati mill-valutazzjoni ex post:

·Id-Direttiva mhix kompletament koerenti mal-politiki rilevanti tal-UE, bħalma huma l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart u l-prinċipji ewlenin tagħha, li ma ġewx implimentati b’mod sħiħ fil-portijiet.

·Bidliet sinifikanti fil-qafas legali internazzjonali (MARPOL) ma ġewx inkorporati fid-Direttiva.

·In-nuqqas ta’ reġistrazzjoni sistematika ta’ skart ikkonsenjat fil-portijiet u n-nuqqas ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri fixklu s-sorveljanza u l-infurzar effiċjenti tad-Direttiva u rriżultaw f’nuqqasijiet sinifikanti fid-dejta dwar il-flussi tal-iskart fil-portijiet tal-UE.

·Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Saru konsultazzjonijiet regolari ma’ firxa wiesgħa ta’ gruppi ta’ partijiet ikkonċernati fil-kuntest tas-Sottogrupp tal-PRF stabbilit fil-qafas tal-Forum Ewropew dwar Trasport Marittimu Sostenibbli biex jgħin fil-proċess ta’ reviżjoni. Is-Sottogrupp, li jgħaqqad il-gruppi ewlenin tal-partijiet ikkonċernati, jiġifieri lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, il-portijiet, is-sidien tal-bastimenti, l-operaturi tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart u l-NGOs ambjentali, ilaqqa’ flimkien livell għoli ta’ għarfien espert dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-immaniġġjar tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti. Matul diversi laqgħat, is-Sottogrupp eżamina u ddiskuta l-miżuri proposti u l-għażliet għar-reviżjoni, u s-suġġerimenti tiegħu ġew evalwati b’mod xieraq u tqiesu fl-abbozzar tal-proposta. Sommarju tal-eżitu tad-diskussjonijiet tas-Sottogrupp huwa inkluż fl-annessi tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal 12 .

Ġeneralment, il-partijiet ikkonċernati huma favur ir-reviżjoni, li tfittex aktar allinjament mal-MARPOL, b’mod partikolari fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit tal-konsenja obbligatorja, u tipprevedi miżuri speċifiċi li jindirizzaw il-problema tal-iskart fil-baħar. Is-Sottogrupp enfasizza f’diversi okkażjonijiet il-ħtieġa ta’ implimentazzjoni xierqa tal-prinċipji tal-UE dwar l-iskart, fil-kuntest tar-reġim PRF, kif ukoll għal aktar armonizzazzjoni tar-reġim ta’ eżenzjoni u s-sistemi ta’ rkupru tal-ispejjeż, mingħajr l-impożizzjoni ta’ approċċ ta’ “sistema waħda adattata għal kulħadd” għall-portijiet tal-UE. Barra minn hekk, is-Sottogrupp iddiskuta modi biex jittejbu l-monitoraġġ u l-infurzar, u dwar kif ir-rappurtar elettroniku u l-iskambju tad-dejta jistgħu jħaffu l-proċess.

Fil-kuntest tal-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt, ġiet organizzata konsultazzjoni pubblika miftuħa, li skattat reazzjonijiet minn firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati. Dan kien segwit minn konsultazzjoni mmirata lejn il-partijiet ikkonċernati kollha tal-portijiet. Dawn il-konsultazzjonijiet urew li n-nuqqas ta’ inċentivi u l-eżekuzzjoni huma fost il-fatturi l-aktar importanti li jikkawżaw il-problemi globali tal-iskart mormi fil-baħar. Barra minn hekk, fiż-żewġ konsultazzjonijiet ġie indikat li l-inkonsistenza fid-definizzjonijiet u l-formoli u r-reġimi differenti ta’ eżenzjoni huma l-bażi tal-piż amministrattiv barra minn loku.

·Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

Din il-proposta hija bbażata fuq l-informazzjoni miġbura u analizzata matul il-proċess tal-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatt, li għalihom saru studji esterni. Barra minn hekk, assistenza teknika u speċifika waslu mingħand l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA).

L-istudju ta’ valutazzjoni ex post tal-2015 stħarreġ dejta li waslet minn 40 port kummerċjali kbar li fuqha ssejset serje taż-żmien dwar il-konsenji tal-iskart għall-perjodu 2004-2013. Parti mid-dejta oriġinat minn studji li l-EMSA kienet wettqet qabel b'rabta mal-implimentazzjoni tad-Direttiva, u li kienu ssupplimentati minn stħarriġ tal-partijiet ikkonċernati.

L-istudju ta’ appoġġ li sar fl-2016 biex jassisti l-valutazzjoni tal-impatt tar-reviżjoni tad-Direttiva kellu l-għan li jissupplimenta d-dejta dwar il-volumi tal-iskart ikkonsenjati fil-portijiet identifikati fl-istudji preċedenti (Ramboll 2012 u Panteia 2015) għall-perjodu 2013-2015. Dejta dwar il-konsenja tal-iskart aġġornata għal dan il-perjodu waslet minn 29 minn fost l-40 port evalwati qabel. Barra minn hekk, l-istudju ta’ appoġġ għall-valutazzjoni tal-impatt applika mudell biex jikkalkula d-differenza, magħruf bħala il-mudell MARWAS, li jkejjel: (i) id-differenza bejn l-iskart li hija mistennija li tiġi kkonsenjata fil-portijiet li għalihom id-dejta tkun ġiet riċevuta, abbażi tat-traffiku lejn dawn il-portijiet matul qafas ta’ żmien speċifikat; u (ii) x’ġie konsenjat f’volumi assoluti f’dawn il-portijiet matul dan il-perjodu. Id-dejta dwar iċ-ċaqliq tal-bastimenti inkisbet minn EMSA għal 29 portijiet taħt reviżjoni u ddaħħlet fil-mudell. L-istudju ta’ appoġġ żviluppa wkoll il-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà ambjentali ta’ żoni tal-baħar reġjonali differenti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kategoriji differenti ta’ skart mill-bastimenti. Il-metodoloġija hija spjegata fid-dettall fl-anness rilevanti tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja din il-proposta 13 .

Ingħata appoġġ kontinwu matul il-proċess kollu permezz tas-Sottogrupp PRF msemmi hawn fuq.

·Valutazzjoni tal-impatt

Il-valutazzjoni tal-impatt eżaminat id-diversi alternattivi ta’ politika għar-reviżjoni tad-Direttiva, imsejsa fuq il-prinċipji ta’ gwida li ġejjin:

(1)L-ambitu tar-reviżjoni, l-estent tal-bidliet leġiżlattivi u l-iżvilupp ta’ gwida mhux vinkolanti;

(2)Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit tal-konsenja obbligatorja għall-iskart. L-għażla għall-allinjament man-normi ta’ skariku tal-MARPOL jew il-mira tal-eliminazzjoni tal-iskariku tal-iskart permezz ta’ konsenja totali fil-portijiet. Dan għandu wkoll impatt fuq aspetti oħra bħalma huma l-applikazzjoni ta’ sistemi ta’ rkupru ta’ spejjeż u l-infurzar;

(3)Il-potenzjal li tiġi indirizzata l-problema speċifika tar-rimi tal-iskart fil-baħar mill-bastimenti (l-aktar f’dak li huwa żibel mill-bastimenti);

(4)Il-potenzjal għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv u s-simplifikazzjoni tas-sistema skont l-għanijiet tal-programm REFIT tal-proposta.

Dawn il-prinċipji huma riflessi fl-objettivi ta’ politika deskritti hawn taħt.

OPZJONI 1: Xenarju bażi. Skont din l-għażla l-ebda bidla leġiżlattiva tad-Direttiva ma hija ppjanata. Minflok, tiġi żivluppata gwida mhux vinkolanti, kif ukoll espansjoni ulterjuri tas-sistema elettronika ta’ rappurtar u monitoraġġ stabbilita skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva attwali, li hija bbażata fuq ir-rappurtar elettroniku fis-SafeSeaNet u l-Bażi tad-Dejta ta’ Kontroll tal-Istat tal-Port (THETIS).

OPZJONI 2: Reviżjoni minima. Din l-għażla tipprevedi inizjattivi mmirati u aġġustamenti legali konċiżi b’rabta mal-Konvenzjoni MARPOL kif ukoll mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, u tibni fuq ix-xenarju tal-linja bażi. B’mod partikolari, din l-għażla twassal għal applikazzjoni konformi mal-Konvenzjoni MARPOL billi tinkludi l-iskart kopert mill-Anness VI tal-Konvenzjoni, u taġġorna r-referenzi għal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni.

OPZJONI 3: Allinjament tal-Konvenzjoni MARPOL. Din l-għażla tfittex approssimazzjoni ulterjuri mal-Konvenzjoni MARPOL, b’mod partikolari fid-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ konsenja obbligatorja b’konformità man-normi dwar l-iskariku tal-MARPOL, li tindirizza r-rimi illegali ta’ skart fil-baħar. Din l-għażla tinkludi wkoll li l-ispezzjonijiet tal-PRF jiddaħħlu fil-Kontroll mill-Istat tal-Portijiet, u tinkludi l-firxa sħiħa ta’ miżuri li jtejbu l-adegwatezza tal-faċilitajiet u l-inċentivi ekonomiċi għall-bastimenti biex jikkonsenjawlhom l-iskart.

OPZJONI 4: Reġim PRF tal-UE lil hinn mill-MARPOL. Din l-għażla għandha l-għan li ssaħħaħ is-sistema attwali skont id-Direttiva, li tmur lil hinn mill-Konvenzjoni MARPOL. Tkun japplika il-konsenja obbligatorja tal-iskart mill-bastimenti, inkluż l-iskart li jista’ jintrema fil-baħar skont MARPOL. Din l-għażla tinkludi wkoll firxa sħiħa ta’ miżuri għat-titjib tal-adegwatezza tal-faċilitajiet u tipprovdi inċentivi favur il-konsenja.

OPZJONIJIET 3B u 4B: Varjanti fl-għażliet dwar ir-rimi fil-baħat taħt l-għażliet 3 u 4 hawn fuq. Dawn l-għażliet varjanti jindirizzaw b’mod speċifiku l-problema tal-iskart fil-baħar mill-bastimenti (l-aktar ir-rimi taż-żibel). Huma inklużi kemm l-inċentivi kif ukoll il-miżuri tal-infurzar, u hemm anki proposta biex il-bastimenti tas-sajd u l-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni jiddaħħlu kompletament fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, għalkemm b’approċċ ta’ infurzar differenzjat fuq il-bażi tat-tunnellaġġ gross.

Il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li l-għażla ppreferuta hija l-għażla ta’ politika 3B, għax din tirrikonċilja l-għanijiet tat-tnaqqis tar-rimi tal-iskart fil-baħar, b’mod partikolari r-rimi taż-żibel (rimi fil-baħar), mat-tnaqqis maħsub tal-piż amministrattiv permezz ta’ allinjament ulterjuri mal-Konvenzjoni MARPOL.

L-għażla ta' politika ppreferuta hija mistennija li:

·tiġġenera impatti ambjentali pożittivi, peress li għandha tirriżulta fi tnaqqis sostanzjali fir-rimi illegali fil-baħar ta’ skart żejtni, drenaġġ, żibel u skart mill-impuritajiet;

·tagħti kontribut importanti lejn ekonomija ċirkolari permezz ta’ miżuri speċjali ffukati fuq it-tnaqqis tal-iskart tal-baħar, inkluż skart li joriġina fis-settur tas-sajd u dak rikreattiv, u ttejjeb il-prattiki fl-immaniġġjar tal-iskart fil-portijiet;

·tirriżulta fi tnaqqis fl-ispejjeż tal-infurzar u fi tnaqqis sostanzjali tal-ispejjeż amministrattivi;

·tiġġenera aktar impjiegi, speċjalment għal dawk li jimmaniġġjaw l-iskart u fis-settur tat-turiżmu fiż-żoni kostali;

·twassal għal żieda fl-għarfien ambjentali fl-ambitu tal-problema tal-iskart fil-baħar, kemm fuq l-art u abbord.

L-għażla ppreferuta mistennija li tiġġenera spejjeż addizzjonali ta’ konformità u oħrajn operazzjonali, b’mod partikolari minn investimenti fil-ġbir tal-iskart fil-portijiet, spejjeż tal-allinjament tas-sistemi tal-irkupru u tal-iżvilupp ta’ kapaċità ġdida għall-akkoljenza u t-trattament ta’ flussi tal-iskart ġodda. Madankollu, dawn l-ispejjeż huma mistennija li jkunu limitati. Il-livell antiċipat ta’ dawn l-ispejjeż huwa deskritt fil-valutazzjoni tal-impatt inkluża fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja l-proposta 14 . Madankollu, kwantifikazzjoni eżatta tal-ispejjeż ġenerali ta’ konformità ma setgħetx tiġi pprovduta minħabba nuqqas ta’ dejta.

Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet sottomessa lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju għall-approvazzjoni f'Mejju 2017. Il-Bord ippubblika opinjoni pożittiva b’riżervi 15 . Fl-opinjoni tiegħu, il-Bord esprimea tħassib dwar il-valur miżjud tad-Direttiva meta mqabbla mal-Konvenzjoni MARPOL, u talab għal aktar spjegazzjonijiet dwar ir-relazzjoni bejn iż-żewġ sistemi u kif l-għażliet proposti huma konformi ma’ jew imorru lil hinn mill-Konvenzjoni. F’dan il-kuntest il-Bord staqsa wkoll xi mistoqsijiet li jirrigwardaw il-proporzjonalità tal-alternattiva ppreferuta, b’mod partikolari peress li din tinkludi rekwiżiti iżjed speċifiċi għal bastimenti iżgħar, u għax għad hemm xi ftit inċertezza rigward il-konformità eżatta u l-ispejjeż ta’ investiment relatati ma’ din l-għażla. Dawn il-kummenti ġew indirizzati f’dawn il-modi li ġejjin:

Spjegazzjoni addizzjonali ġiet inkluża dwar kif id-Direttiva għandha l-għan li tittrasponi l-obbligi rilevanti tal-Konvenzjoni MARPOL permezz ta’ approċċ imsejjess fuq il-portijiet, u mhux biss għandha l-għan li tipprevedi l-eżekuzzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti permezz ta’ sistema legali tal-UE, iżda toffri wkoll valur miżjud rigward l-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri, b’mod partikolari permezz ta’ elementi addizzjonali bħal pereżempju l-pjanijiet għall-akkoljenza u l-ġestjoni tal-iskart, is-sistemi ta’ rkupru tal-ispejjeż fil-portijiet u r-reġim dwar eżenzjonijiet għal bastimenti fi traffiku skedat. Ġiet inkluża tabella li toffri tqabbil bejn iż-żewġ strumenti, flimkien ma’ ħarsa ġenerali lejn l-iktar emendi rilevanti għall-Konvenzjoni MARPOL f’dawn l-aħħar 15-il sena.

Ġiet inkluża tabella li tqabel l-alternattivi politiċi differenti mal-Konvenzjoni MARPOL. Ġie spjegat ukoll li l-għażla ppreferuta ibbażata fuq allinjament mal-MARPOL mhix l-istess bħal allinjament sħiħ, peress li dan ikun ifisser li jitneħħew xi obbligi fundamentali, li wrew li huma ferm rilevanti u utli, kif intwera fl-evalwazzjoni ex post (REFIT) tad-Direttiva. Spjegazzjonijiet addizzjonali ġew inklużi biex juru l-proporzjonalità ta’ kull waħda mill-għażliet, u ġiet ipprovduta aktar informazzjoni dwar kif l-alternattivi preferuti jipproponu li tiġi definita mill-ġdid il-pożizzjoni ta’ bastimenti iżgħar, jiġifieri l-bastimenti tas-sajd u l-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni, bl-utilizzazzjoni ta’ approċċ divrenzjat għal eżekuzzjoni fuq il-bażi tat-tunnellaġġ gross u t-tul kollu tagħhom.

Fl-aħħar nett, saru sforzi addizzjonali biex tinkiseb dejta kwantitattiva mill-portijiet fir-rigward ta’ xi wħud mill-obbligi prinċipali inklużi fl-alternattiva preferuta. Madankollu, peress li d-dejta hija kummerċjalment sensittiva, il-feedback li wasal kien limitat, u d-deskrizzjoni tal-konformità u tal-ispejjeż tal-investiment għadha fil-biċċa l-kbira kwalitattiva.

·Valutazzjoni tal-impatt territorjali

Ir-reviżjoni proposta għandha dimensjoni reġjonali importanti minħabba baċiri tal-baħar differenti fl-UE u l-ispeċifiċitajiet lokali tal-portijiet. Għal din ir-raġuni, twettqet valutazzjoni tal-impatt territorjali. Il-valutazzjoni ġibdet l-attenzjoni għall-isfidi speċifiċi li portijiet li jinsabu fi gżejjer żgħar u żoni remoti jistgħu jħabbtu wiċċhom magħhom meta jkunu qed jimplimentaw ir-reġim PRF, iżda kkonkludiet wkoll li d-Direttiva l-ġdida tista’ tipprovdi benefiċċji għal dawn ir-reġjuni, b’mod partikolari fl-iżvilupp tat-turiżmu, l-impjiegi u l-governanza. Madankollu, minkejja d-differenzi reġjonali, l-valutazzjoni tal-impatt żvelat li hemm appell qawwi għall-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti essenzjali tad-Direttiva. Ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt territorjali ġew miġbura fil-qosor fir-rapport sommarju mehmuż mad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja l-proposta.

·Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Meta jitqies li l-proposta hija inizjattiva REFIT, hija għandha l-għan li tissimplifika l-qafas regolatorju u tnaqqas il-piż amministrattiv.

Billi tallinja aħjar id-definizzjonijiet mal-MARPOL, il-formoli standard żviluppati mill-IMO għan-notifika u l-konsenja tal-iskart jistgħu jiġi inkorporati bis-sħiħ fid-Direttiva. B’hekk, il-formoli u s-sistemi paralleli jistgħu jiġu evitati kemm jista’ jkun. Barra minn hekk, huwa propost li jiġu inklużi l-ispezzjonijiet tal-PRF fir-reġim tal-Kontroll tal-Istati tal-Portijiet u li tintuża sistema ta’ informazzjoni u monitoraġġ, li ġiet żviluppata fuq il-bażi tad-Direttiva attwali (l-Artikolu 12(3) u li ssejset fuq ir-rappurtar elettroniku fis-SafeSeaNet u t-THETIS, biex jiġu ffaċilitati l-monitoraġġ u l-infurzar. Dawn il-miżuri mistennija li jiġġeneraw EUR 7.1 miljun fi tnaqqis fi spejjeż amministrattivi billi jirriżultaw fi spezzjonijiet aktar effettivi. Ir-reviżjonijiet proposti mistennija wkoll li jżidu l-opportunitajiet ta’ negozju għall-operaturi tal-iskart fil-portijiet, kif ukoll għall-operaturi fis-setturi tat-turiżmu u r-rikreazzjoni, li ħafna minnhom huma kwalifikati bħala SMEs, filwaqt li iktar skart għandu jinħatt l-art fil-portijiet, li jirriżulta f’ambjent tal-baħar aktar nadif, b’effetti pożittivi għat-turiżmu lokali u reġjonali.

Il-proposta għal Direttiva ġdida tħalli marġni konsiderevoli ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri biex: (i) jorganizzaw il-faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet tagħhom, kif rifless fil-pjanijiet għall-akkoljenza u l-ġestjoni tal-iskart; u (ii) ifasslu sistemi tal-ħlas ta’ tariffi xierqa, filwaqt li jqisu id-daqs u l-lokalità ġeografika tal-portijiet, kif ukoll it-tip ta’ traffiku lejn dawn il-portijiet.

Ir-reviżjoni proposta tipprevedi l-iżvilupp u t-tħaddim ulterjuri tas-sistema tal-informazzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar li kienet diġà stabbilita taħt id-Direttiva attwali sabiex jiġu ffaċilitati l-monitoraġġ u l-infurzar tad-Direttiva. Is-sistema se tkun ibbażata fuq is-Sistema ta’ Informazzjoni u ta’ Skambju Marittimi tal-Unjoni previsti mid-Direttiva 2002/59/KE u fuq il-Bażi tad-Dejta għall-Ispezzjonijiet imwaqqfa skont id-Direttiva 2009/16/KE. Id-dejta tiġi rrapportata b’mod elettroniku permezz tas-sistema hekk imsejħa “single window” nazzjonali, b’konformità mad-Direttiva 2010/65/UE, u tiġi skambjata bejn l-Istati Membri għal għanijiet ta’ monitoraġġ u infurzar. Il-proposta se tkompli tistandardizza l-formati tar-rappurtar elettroniku għal skart konsenjat, tan-notifika tal-iskart u tal-eżenzjonijiet għal bastimenti fi traffiku skedat.

·Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRAJN

·Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Il-proposta hija akkompanjata minn pjan ta’ implimentazzjoni li jelenka l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu implimentati l-miżuri u tidentifika t-theddid prinċipali tal-implimentazzjoni mil-lat ta’ sfidi tekniċi, legali u dawk marbuta maż-żmien.

Arranġamenti adegwati għall-monitoraġġ u r-rapportar ġew identifikati. L-EMSA għandha rwol importanti f’dan il-proċess, peress li l-Aġenzija hija responsabbli mill-iżvilupp u l-operazzjoni ta’ sistemi ta’ dejta elettronika għat-trasport marittimu.

Id-Direttiva fis-seħħ diġà tirrikjedi l-istabbiliment ta’ skema komuni ta’ informazzjoni u sistema ta’ monitoraġġ li: (i) tidentifika l-bastimenti li ma jikkonsjawx l-iskart tagħhom; u (ii) taċċerta jekk l-għanijiet tad-Direttiva jkunux intlaħqu. Fis-snin riċenti, din is-sistema ġiet żviluppata abbażi tal-bażijiet tad-deta eżistenti: b’mod partikolari is-SafeSeaNet pprovdiet rappurtar elettroniku u skambju ta’ informazzjoni min-notifika tal-iskart bil-quddiem, u modulu separat tal-UE ġie żviluppat fi ħdan il-Bażi tad-Dejta għall-Ispezzjonijiet (THETIS) għar-rappurtar tar-riżultati mill-ispezzjonijiet tal-PRF. Barra minn hekk, ittieħdu passi biex jiġi żgurat li l-informazzjoni maħżuna fis-SafeSeaNet hija trażmessa b’mod sistematiku lil THETIS-UE sabiex l-obbligu tal-konsenja obbligatorja jkun jista’ jiġi mmonitorjat u infurzat. Bid-Direttiva proposta, is-sistemi se jiġu mtejba aktar u għandhom jinkludu wkoll informazzjoni bażika dwar id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet tal-UE. Din l-informazzjoni se tiġi trasmessa wkoll lill-GISIS, is-sistema ta’ informazzjoni globali integrata għall-bastiment tal-IMO, u jiġi żgurat li l-Istati Membri, permezz ta’ rappurtar skont id-Direttiva, jissodisfaw l-obbligi ta’ rapportar internazzjonali tagħhom fl-istess ħin.

Barra minn hekk, l-EMSA se tgħin fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva proposta. Billi ċ-ċiklu sħiħ taż-żjarat ta’ implimentazzjoni previsti tal-EMSA huwa skedat li jdum ħames (5) snin 16 , iċ-ċiklu ta’ evalwazzjoni tad-Direttiva huwa stabbilit f’intervalli ta’ seba’ snin.

Fl-aħħar nett, huwa wkoll previst li jiġi stabbilit grupp ta’ esperti, li jkun jikkonsisti minn rappreżentanti mill-Istati Membri u minn setturi rilevanti oħra. Il-grupp se jiskambja informazzjoni u esperjenza dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva u jipprovdi l-gwida meħtieġa lill-Kummissjoni.

·Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Id-dokumenti ta’ spjegazzjoni mhumiex meħtieġa għaliex il-proposta għandha l-għan li tissimplifika u tiċċara l-iskema eżistenti.

6.Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Id-Direttiva proposta se tallinja r-reġim tal-UE kemm jista’ jkun possibbli mal- MARPOL, b’mod partikolari rigward il-kamp ta’ applikazzjoni, id-definizzjonijiet u l-formoli. L-allinjament sħiħ, madankollu, mhuwiex possibbli, għaliex il-fokus tad-Direttiva huwa fuq l-operazzjonijiet fil-portijiet, filwaqt li l-MARPOL huwa ffukat fuq operazzjonijiet fuq il-baħar. Għalkemm id-Direttiva tibni fuq obbligi li l-Istati Membri assumew taħt il-MARPOL, hija tmur pass aktar billi tindirizza fid-dettall ir-responsabbiltajiet legali, operazzjonali u finanzjarji tal-operaturi kollha. Barra minn hekk, id-Direttiva proposta, bħal dak ta’ qabilha, għandu kamp ta’ applikazzjoni aktar wiesa’ billi tkopri kull bastimenti tal-baħar u l-portijiet tal-UE kollha li jżuru dawn il-bastimenti.

L-oqsma prinċipali fejn id-Direttiva u l-MARPOL se jkomplu jkunu differenti jikkonċernaw dan li ġej:

·l-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ akkoljenza u ta’ ġestjoni tal-iskart;

·l-iżvilupp u t-tħaddim ta’ sistemi ta’ rkupru ta’ spejjeż;

·ir-rappurtar obbligatorju ta’ informazzjoni tan-notifika tal-iskart bil-quddiem u tal-konsenja tal-iskart;

·ir-reġim ta’ spezzjoni;

·ir-reġim ta’ eżenzjonijiet għal bastimenti fi traffiku skedat.

Ħafna minn dawn id-differenzi fir-reġim tal-UE jservu biex jimplimentaw u jinfurzaw aħjar ir-reġim previst mill-MARPOL.

Il-bidliet l-aktar importanti introdotti permezz tad-Direttiva l-ġdida huma deskritti hawn taħt.

Titolu, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet:

It-titolu għandu jinbidel biex jirreferi espressament għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti, biex b’hekk ikun jirrifletti aħjar l-għan ewlieni tad-Direttiva.

L-Artikolu 2 se jissostitwixxi d-definizzjoni ta’ “skart iġġenerat mill-bastimenti” b'wieħed iktar ġeneriku“skart mill-bastimenti”, iddefinit b’rabta mal-Annessi rilevanti tal-MARPOL. Dan ser jinkludi wkoll il-kategorija ta’ “fdalijiet ta’ merkanzija”, kif ukoll skart li jaqa’ taħt l-Anness VI tal-MARPOL, jiġifieri fdalijiet minn sistemi ta’ tindif tal-gass tal-egżost, li jinkludu skariki ta’ ħama u ilma minn dawn is-sistemi. Billi titħassar id-distinzjoni bejn skart iġġenerat mill-bastimenti u r-residwi tal-merkanzija, u tiġi żgurata konformità sħiħa mad-definizzjonijiet tal-MARPOL, l-allinjament ulterjuri maċ-ċertifikati u l-formoli standard IMO isir possibbli. L-iskart mistad b’mod passiv, jiġifieri skart miġbur fix-xbieki matul l-operazzjonijiet tas-sajd, ġie inkluża fid-definizzjoni ta’ skart minn bastimenti biex jiżgura li jsiru arranġamenti xierqa għall-konsenja ta’ dan it-tip ta’ skart mis-settur tas-sajd fil-faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, minħabba r-rilevanza tiegħu fil-kuntest tal-iskart fil-baħar. Referenzi ċari u aġġornati ġew miżjuda mal-biċċiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

L-adegwatezza tal-faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet għall-iskart:

Il-kunċett ta’ “faċilitajiet adegwati tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart” ġie deskritt b’mod aktar ċar b’konformità mal-linji gwida tal-IMO. Ir-rekwiżit għall-ġbir separat tal-iskart li jirriżulta mid-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart ġie inkluż b’mod espliċitu fl-Artikolu 4 li għandu jiġi applikat fil-portijiet. Dan huwa rilevanti b’mod speċjali f’każijiet fejn l-iskart ikun ġie ssegregat qabel b’konformità ma’ normi u standards internazzjonali.

Fir-rigward ta’ pjanijiet ta’ akkoljenza u ġestjoni tal-iskart, li huma strumentali biex tinkiseb l-adegwatezza tal-faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, tpoġġiet enfasi akbar fl-Artikolu 5 u l-Anness 1 fuq ir-rekwiżiti ta’ konsultazzjoni. Ġew ipprovduti wkoll kjarifiki tal-kunċett ta’ x’jikkostitwixxi “pjan xieraq”, il-“bidliet sinifikanti” għal pjan bħal dan u “il-kuntest reġjonali” li fihom jista’ jiġi żviluppat.

Inċentivi għall-konsenja:

Biex jiġi żgurat li jingħataw inċentivi tajbin għall-konsenja ta’ tipi differenti ta’ skart fil-faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, l-Artikolu 8 jistabbilixxi l-prinċipji ewlenin li għandhom jiġu inkorporati u użati f’kull sistema ta’ tariffi stabbilita skont id-Direttiva. Dan jinkludi r-relazzjoni bejn it-tariffi u l-ispejjez tal-PRF, il-kalkolu tal-“kontribut sinifikanti” li jkun kopert mit-tariffa indiretta, u r-rekwiżiti ewlenin ta’ trasparenza. Anness 4 ġdid huwa inkluż fid-Direttiva, biex jipprovdi ħarsa ġenerali lejn it-tipi differenti ta’ spejjeż ta’ sistema PRF, b’distinzjoni bejn l-ispejjeż diretti u indiretti.

Għalkemm l-Artikolu 8 ma jippreskrivix sistema waħda partikolari li għandha tiġi applikata fil-portijiet tal-UE, is-sistema ta’ rkupru tal-ispejjeż proposta hija aktar stretta f’dak li għandu x’jaqsam mal-prinċipji li għandhom jiġu applikati meta tiġi stabbilita t-tariffa indiretta għaż-żibel, inkluż skart mistad b’mod passiv. Billi r-rimi taż-żibel jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-problema tal-iskart fil-baħar, hija proposta sistema ta’ “ebda tariffa speċjali”, li biha l-ħlas tat-tariffa indiretta jagħti lill-bastimenti d-dritt li jikkonsenjaw ż-żibel abbord kollu tagħhom, mingħajr ma jkollhom iħallsu xi tariffi diretti addizzjonali (fuq il-bażi ta’ volumi). Peress li l-bastimenti tas-sajd u l-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni, se jiġu inklużi wkoll fis-sistema ta’ imposti indiretti, din għandha tindirizza wkoll ir-rimi ta’ xbieki tas-sajd qosma u l-iskart mistad b’mod passiv.

L-Artikolu 8 isaħħaħ ukoll il-kunċett ta’ “bastiment ekoloġikament sensittiv”, kif diġà żviluppat u applikat minn portijiet individwali b’konformità mal-istandards u l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni internazzjonali. Skont dan il-kunċett, tariffa mnaqqsa ta’ skart għandha tiġi applikata għal bastimenti li jistgħu juru ġestjoni sostenibbli tal-iskart abbord, li l-kriterji tagħha għad iridu jkomplu jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni f’att delegat.

L-infurzar tar-rekwiżit ta’ konsenja obbligatorja:

Il-formola tan-notifika tal-iskart bil-quddiem msemmija fl-Artikolu 6 ġiet kompletament allinjata maċ-Ċirkolari tal-OMI MEPC/834 u hija pprovduta fl-Anness 2 il-ġdid tad-Direttiva. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ konsenja tal-iskart kollu ġie stabbilit skont il-MARPOL, sabiex id-Direttiva PRF tirrifletti r-reġim ta’ skariku tal-MARPOL: fejn il-MARPOL jipprojbixxi l-iskart li jintrema fil-baħar, id-Direttiva PRF teħtieġ il-konsenja ta’ dan l-iskart lejn il-faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet għall-iskart fuq l-art, inklużi r-residwi tal-merkanzija. B’dan l-approċċ, mhi meħtieġa l-ebda dispożizzjoni speċifika għall-konsenja tal-fdalijiet mill-merkanzija, kif kien il-każ taħt is-sistema tad-Direttiva l-antika. Barra minn hekk, l-Artikolu 7 jirrikjedi l-ħruġ ta’ irċevuta tal-iskart lill-bastiment hekk kif jitwassal l-iskart, bl-informazzjoni li għandha tiġi rrappurtata elettronikament mill-bastiment lis-sistema tal-informazzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar, jiġifieri s-sistema SafeSeaNet, qabel it-tluq.

L-Artikolu 7 jillimita l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-kapaċità ta’ ħażna suffiċjenti għal sitwazzjonijiet fejn il-port tal-waqfa li jmiss ikun jinsab fl-Unjoni u fejn ma hemm l-ebda inċertezza dwar id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet adegwati ta’ akkoljenza fil-portijiet għall-iskart. Din il-valutazzjoni għandha ssir fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli fis-sistema tal-informazzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar li tkun integrata fis-SafeSeaNet, dwar faċilitajiet ta’ akkoljenza adegwati fil-portijiet għall-iskart tal-UE. Barra minn hekk, din il-proposta tipprevedi l-adozzjoni ta’ metodi speċifiċi għall-kalkolu ta’ kapaċità suffiċjenti ta’ ħżin abbord mill-Kummissjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni.

Dwar ir-reġim ta’ spezzjoni, l-Artikolu 10 jispeċifika li l-ispezzjonijiet tal-PRF għandhom jiġu integrati b’mod sħiħ fir-reġim tal-Kontroll mill-Istati tal-Portijiet stabbilit skont id-Direttiva 2009/16/KE u jsegwu approċċ ibbażat fuq ir-riskju, meta l-bastiment jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Biex jiġi żgurat li kull spezzjoni tal-Kontroll tal-Istati tal-Portijiet tivverifika wkoll il-konformità mar-rekwiżiti tal-PRF, hemm bżonn ta’ ċerti bdiliet fid-Direttiva 2009/16/KE, kif jistipula l-Artikolu 21. Fl-istess waqt, għall-bastimenti tas-sajd, tar-rikreazzjoni u dawk domestiċi b’tunnellaġġ groos ta’ aktar minn 100 huwa pprovdut reġim ta’ spezzjoni seperat, peress li dawn il-bastimenti mhumiex koperti mid-Direttiva dwar il-Kontroll mill-Istati tal-Portijiet. Ir-riżultati tal-ispezzjonijiet imwettqa fuq dawn il-bastimenti se jkollhom jiġu rreġistrati f’sistema ta’ informazzjoni, monitoraġġ u infurzar, b’modulu speċifiku tal-UE fi ħdan it-THETIS.

Reġim ta’ eżenzjoni għal bastimenti fi traffiku skedat u regolari:

L-Artikolu 9 tal-proposta jipprevedi armonizzazzjoni ulterjuri tal-kriterji ta’ eżenzjoni, b’mod partikolari dawk li jikkostitwixxu “bastiment fi traffiku skedat” li jagħmel “żjarat frekwenti u regolari f’portijiet”, kif ukoll dak li jikkostitwixxi “biżżejjed evidenza ta’ arranġament” għal konsenja u ħlas tat-tariffa. Iddaġġal standard ta’ ċertifikat ta’ eżenzjoni, li għandu jiġi inkluż fis-sistema tal-informazzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar permezz ta’ rappurtar elettroniku fis-SafeSeaNet, b’tali mod li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni li tinsab fiċ-ċertifikat.

Il-bastimenti tas-sajd u l-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni:

Il-pożizzjoni tal-bastimenti tas-sajd u l-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni żgħar ġiet definita mill-ġdid fid-Direttiva, minħabba l-importanza relattiva tagħhom fil-kontribut għall-problema tal-iskart fil-baħar. Billi skont id-Direttiva attwali kemm il-bastimenti tas-sajd u l-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni żgħar huma eżentati minn xi wħud mill-obbligi prinċipali, dawn l-eżenzjonijiet ġew definiti mill-ġdid, b’tali mod li bastimenti akbar huma inklużi abbażi tat-tul u t-tunnellaġġ gross sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità tas-sistema.

Rigward is-sistemi ta’ rkupru tal-ispejjeż, il-bastimenti tas-sajd u l-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni ser ikunu soġġetti għal tariffa indiretta. Simili għal bastimenti oħra, il-bastimenti tas-sajd u l-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni b’hekk ikunu meħtieġa li jħallsu tariffa lill-portijiet irrispettivament minn jekk dawn jikkonsenjawx xi skart jew le. Madankollu, dan għandu jagħti wkoll lil dawn il-bastimenti d-dritt li jikkunsinjaw l-iskart tagħhom mingħajr ma jkollhom iħallsu ebda tariffa addizzjonali, inkluż għal kwalunkwe rkaptu tas-sajd qadim jew skart mistad passivament. Fir-rigward tat-tipi ta’ skart oħrajn, l-obbligi ġenerali tal-applikazzjoni ta’ rata minima ta’ 30% tat-tariffa indiretta se japplikaw ukoll għall-konsenja ta’ skart fis-settur tas-sajd u l-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni.

Ir-rappurtar tal-informazzjoni min-notifikazzjoni tal-iskart u l-irċevuta tal-iskart se jintalbu biss fil-każ ta’ bastimenti tas-sajd u opri tal-baħar għar-rikreazzjoni ta’ 45 metru u aktar. Ikun sproporzjonat li kieku l-bastimenti taħt dan il-limitu jkunu meħtieġa li jirrappurtaw b’mod elettroniku qabel il-wasla u t-tluq, peress li dawn il-bastimenti ġeneralment mhumiex mgħammra għar-rappurtar elettroniku u lanqas il-portijiet kollha li jilqgħuhom ma huma kapaċi jipproċessaw notifiki elettroniċi. Dan kien muri wkoll fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta 17 .

Dwar l-infurzar, id-Direttiva tistipula li l-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu għal mill-inqas 20% tal-bastimenti kollha tas-sajd u l-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni ta’ aktar minn 100 tunnellata gross li jidħlu fil-portijiet ta’ Stat Membru rilevanti kull sena. Dan il-limitu jikkoinċidi mar-rekwiżit tal-MARPOL għal ġarr ta’ ktieb tar-reġistrar tal-iskart abbord għal bastimenti ta’ aktar minn 100 tunnellata gross.

2018/0012 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti, li tħassar id-Direttiva 2000/59/KE u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE u d-Direttiva 2010/65/UE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 18 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 19 ,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Il-politika marittima tal-Unjoni timmira lejn livell għoli ta’ sigurtà u ta’ ħarsien tal-ambjent. Dan jista' jinkiseb permezz tat-tħaris tal-konvenzjonijiet, il-kodiċijiet u r-riżoluzzjonijiet internazzjonali filwaqt li tinżamm il-libertà tan-navigazzjoni pprovduta mill-Konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS).

(2)Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Prevenzjoni ta’ Tniġġis mill-Bastimenti (il- “Konvenzjoni MARPOL”) tipprevedi projbizzjonijiet ġenerali dwar ir-rimi minn bastimenti fuq il-baħar, imma tirregola wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom ċerti tipi ta’ skart jistgħu jintremew fl-ambjent tal-baħar. Il-Konvenzjoni MARPOL teħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw il-provvediment ta’ faċilitajiet adegwati ta’ akkoljenza fil-portijiet.

(3)L-Unjoni imxiet fuq l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni MARPOL permezz tad-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill 20 , billi segwiet approċċ imsejjes fuq il-portijiet. Id-Direttiva 2000/59/KE għandha l-għan ukoll li tirrikkonċilja l-interessi ta’ operat bla xkiel tat-trasport marittimu mal-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar.

(4)F’dawn l-aħħar żewġ deċennji, il-Konvenzjoni MARPOL u l-Annessi tagħha għaddew emendi importanti, li jistabbilixxu normi u projbizzjonijiet aktar stretti ta’ rimi ta’ skart minn bastimenti fuq il-baħar.

(5)L-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL daħħal normi dwar ir-rimi tal-iskart ġodda, b’mod partikolari, għall-kategoriji ta’ fdalijiet minn sistemi ta’ tindif tal-gass tal-egżost, magħmula kemm mill-flus tal-ħama u l-ilma. Dawk il-kategoriji tal-iskart għandhom jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

(6)Fil-15 ta’ April 2014, l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) adottat Gwida Konsolidata għall-fornituri u għall-utenti tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart (MEPC.1/Ċirkulari 834), li tinkludi l-format standard tan-notifika tal-iskart, il-konsenja tal-iskart, u r-rapportar tal-inadegwatezzi allegati fil-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart.

(7)Minkejja dawn l-iżviluppi regolatorji, ir-rimi ta’ skart fil-baħar għadu jseħħ. Dan hu dovut għal taħlita ta’ fatturi, jiġifieri faċilitajiet adegwati tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart li mhumiex dejjem disponibbli, l-infurzar li ħafna drabi huwa insuffiċjenti u n-nuqqas ta’ inċentivi biex l-iskart jiġi konsenjat fuq l-art.

(8)Id-Direttiva 2000/59/KE kkontribwixxiet għal volumi dejjem akbar ta’ skart li qed jiġu kkonsinjati lill-faċilitijatiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart sa mid-dħul fis-seħħ tagħha, u bħala tali kienet strumentali biex jitnaqqas l-iskart fil-baħar, kif ħareġ fid-deher fl-Evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva.

(9)L-Evalwazzjoni REFIT uriet ukoll li d-Direttiva 2000/59/KE ma kinetx effettiva kompletament minħabba nuqqas ta’ konsistenza mal-qafas tal-MARPOL. Barra minn hekk, l-Istati Membri żviluppaw interpretazzjonijiet differenti ta’ kunċetti ewlenin tad-Direttiva, bħall-adegwatezza tal-faċilitajiet, in-notifika tal-iskart bil-quddiem u l-konsenja obbligatorja tal-iskart fil-faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, u l-eżenzjonijiet għal bastimenti fi traffiku skedat. L-evalwazzjoni appellat għal aktar armonizzazzjoni ta’ dawn il-kunċetti u aktar allinjament mal-Konvenzjoni MARPOL sabiex jiġi evitat piż amministrattiv żejjed fuq il-portijiet u l-utenti tal-portijiet.

(10)Id-Direttiva hija strumentali wkoll għall-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni u prinċipji ambjentali ewlenin fil-kuntest tal-portijiet u l-immaniġġar ta’ skart minn bastimenti. B’mod partikolari, id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill 21 , kif ukoll id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill 22 , huma strumenti rilevanti f’dan ir-rigward.

(11)Id-Direttiva 2008/98/KE tistabbilixxi l-prinċipji ewlenin tal-immaniġġjar tal-iskart, inkluż il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” u l-ġerarkija tal-iskart, li titlob preċedenza tal-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart fuq tipi oħra ta’ rkupru u rimi tal-iskart u tesiġi l-istabbiliment ta’ sistemi għall-ġbir separat tal-iskart. Dawn l-obbligi japplikaw ukoll għall-immaniġġjar ta’ skart minn bastimenti.

(12)Il-ġbir separat ta’ skart mill-bastimenti, inkluż l-irkaptu tas-sajd qadim, huwa meħtieġ biex jiżgura l-irkupru tiegħu aktar ’l isfel fil-katina tal-immaniġġjar tal-iskart. Iż-żibel spiss huwa segregat abbord ta’ bastimenti b’konformità ma’ normi u standards internazzjonali u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tiżgura li dawn l-isforzi ta’ segregazzjoni tal-iskart abbord ma jkunux kompromessi minn nuqqas ta’ arranġamenti għal ġbir separat fuq l-art.

(13)Għalkemm il-maġġoranza tal-iskart fil-baħar ġejja minn attivitajiet fuq l-art, l-industrija tat-tbaħħir, inklużi s-setturi tas-sajd u l-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni, hija wkoll kontributur importanti, b’rimi ta’ żibel, inkluż plastik u rkaptu tas-sajd qadim, li jisfaw direttament fil-baħar.

(14)L-Istrateġija għal Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni 23 stabbilixxiet mira ta’ tnaqqis tal-iskart fil-baħar ta’ 30% sal-2020 u rrikonoxxiet ir-rwol speċifiku li d-Direttiva 2000/59/KE għandha f’dan ir-rigward, billi tiżgura d-disponibbiltà ta’ faċilitajiet adegwati ta’ akkoljenza tal-iskart, u tipprevedi kemm livell tajjeb ta’ inċentivi kif ukoll infurzar tal-konsenja tal-iskart fil-faċilitajiet fuq l-art.

(15)Faċilità tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart tiġi kkunsidrata adegwata jekk tkun kapaċi tissodisfa l-ħtiġijiet tal-bastimenti li normalment jużaw il-port mingħajr ma tikkawża dewmien mhux xieraq. L-adegwatezza tirrigwarda kemm il-kundizzjonijiet operazzjonali tal-faċilità fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-utenti, kif ukoll l-ġestjoni ambjentali tal-faċilitajiet skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskart.

(16)Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 jirrikjedi li l-iskart internazzjonali mill-industrija tal-ikel jiġi inċinerat jew jintrema permezz ta’ dfin f’miżbla awtorizzata, inkluż skart minn bastimenti li jidħlu f’portijiet tal-Unjoni li potenzjalment ġew f’kuntatt ma’ prodotti sekondarji tal-annimali abbord. Sabiex dan ir-rekwiżit ma jillimitax il-promozzjoni ta’ aktar użu mill-ġdid u riċiklaġġ ta’ skart minn bastimenti, għandhom isiru sforzi aħjar biex jiġi sseparat l-iskart abbord b’tali mod li l-kontaminazzjoni potenzjali tal-iskart, bħal skart mill-imballaġġ, tkun tista’ tiġi evitata.

(17)Biex tiġi żgurata l-adegwatezza tal-faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, l-iżvilupp u l-valutazzjoni mill-ġdid tal-pjan tal-akkoljenza u t-tqandil tal-iskart huma essenzjali, abbażi ta’ konsultazzjoni mal-utenti tal-portijiet rilevanti kollha. Għal raġunijiet prattiċi u ta’ organizzazzjoni, portijiet ġirien fl-istess reġjun jaf ikunu jixtiequ jiżviluppaw pjan konġunt, li jkopri d-disponibbiltà tal-faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet għall-iskart f’kull wieħed mill-portijiet koperti mill-pjan, filwaqt li jipprovdu qafas amministrattiv komuni.

(18)Biex jindirizzaw il-problema tal-iskart fil-baħar b’mod effettiv, huwa fundamentali jiġi pprovdut livell ġust ta’ inċentivi għall-konsenja tal-iskart fil-faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, b’mod partikolari ż-żibel. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ sistema ta’ rkupru tal-ispejjeż, li tirrikjedi l-applikazzjoni ta’ tariffa indiretta, li tkun dovuta irrispettivament minn jekk jiġix konsenjat skart jew le u li għandha tagħti dritt ta’ konsenja ta’ skart mingħajr l-ebda spejjeż diretti addizzjonali. Is-settur tas-sajd u tar-rikreazzjoni, minħabba l-kontribut tagħhom fl-okkorrenza ta’ skart tal-baħar, għandhom jiġu inklużi wkoll f’din is-sistema.

(19)Il-kunċett ta' “Bastiment ekoloġikament sensittiv” għandu jiġi żviluppat aktar fir-rigward tal-ġestjoni tal-iskart, b’mod sistema effettiva ta’ premjazzjoni tkun tista’ tiġi implimentata għal dawk il-bastimenti li jnaqqsu l-iskart tagħhom abbord.

(20)Il-fdalijiet tal-merkanzija jibqgħu l-proprjetà ta’ sid il-merkanzija wara l-ħatt tal-merkanzija fit-terminal, u ta’ spiss ikollhom valur ekonomiku. Għal din ir-raġuni, il-fdalijiet tal-merkanzija m’għandhomx jiġu inklużi fis-sistemi għall-irkupru tal-ispejjeż u fl-applikazzjoni ta’ tariffa indiretta; it-tariffa għall-kunsinja ta’ fdalijiet ta’ merkanzija għandha titħallas mill-utent tal-faċilità ta’ akkoljenza,kif speċifikat fl-arranġamenti tal-ftehim kontrattwali bejn il-partijiet involuti jew f'arranġamenti oħra lokali.

(21)Ir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 , jinkludi d-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet għall-iskart bħala servizz fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Dan jipprovdi regoli dwar it-trasparenza tal-istrutturi tat-tariffi applikati għall-użu ta’ servizzi portwarji, il-konsultazzjoni tal-utenti tal-portijiet u l-manipulazzjoni tal-proċeduri ta’ lment. Id-Direttiva tmur lil hinn mill-qafas ipprovdut mir-Regolament (UE) 2017/352 billi tipprovdi rekwiżiti aktar dettaljati għat-tħaddim u t-tfassil ta’ sistemi ta’ rkupru ta’ spejjeż għal faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet għall-iskart minn bastimenti u trasparenza tal-istruttura tal-ispejjeż.

(22)Barra li jiġu pprovduti inċentivi għall-konsenja, l-infurzar effettiv tal-obbligu ta’ konsenja huwa kruċjali u għandu jsegwi approċċ ibbażat fuq ir-riskju b’konformità mad-Direttiva 2009/16/KE 26 , li m’għadhiex konsistenti mal-mira ta’ 25% għal spezzjonijiet fid-Direttiva 2000/59/KE għal bastimenti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

(23)Wieħed mill-ostakoli prinċipali għall-infurzar effettiv tal-konsenja obbligatorja kien l-interpretazzjoni u implimentazzjoni differenti mill-Istati Membri tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-kapaċità suffiċjenti ta’ ħżin abbord. Sabiex jiġi evitat li l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni tippreġudika l-għan ewlieni tad-Direttiva, din għandha tiġi speċifikata aktar, b’mod partikolari fir-rigward tal-port tal-waqfa li jmiss, u l-kapaċità suffiċjenti ta’ ħżin għandha tiġi ddeterminata b’mod armonizzat fil-portijiet tal-Unjoni, abbażi ta’ metodoloġija u kriterji komuni.

(24)Il-monitoraġġ u l-infurzar għandhom jiġu ffaċilitati permezz ta’ sistema elettronika ta’ rappurtar u skambju ta’ informazzjoni. Għal dan il-għan, l-informazzjoni eżistenti u s-sistema ta’ monitoraġġ imwaqqfa skont id-Direttiva 2000/59/KE għandhom jiġu żviluppati aktar, u għandhom jiġu mħaddma fuq bażi ta’ dejta elettronika eżistenti, b’mod partikolari s-sistemi ta’ Informazzjoni u ta’ Skambju Marittimi tal-Unjoni (SafeSeaNet) u l-Bażi tad-Dejta tal-Ispezzjoni (THETIS). Is-sistema għandha tinkludi wkoll l-informazzjoni dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart li jkunu disponibbli fil-portijiet differenti.

(25)Il-Konvenzjoni MARPOL titlob lill-partijiet kontraenti li jżommu informazzjoni aġġornata dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza għall-iskart fil-portijiet tagħhom u li jikkomunikaw din l-informazzjoni lill-IMO. Għal dan il-għan l-IMO stabbiliet Bażi tad-Dejta dwar il-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet għall-Iskart fi ħdan is-Sistema ta’ Informazzjoni Globali Integrata dwar il-bastimenti tagħha (“GISIS”). Billi jirrappurtaw din l-informazzjoni lis-Sistema tal-Informazzjoni, il-Monitoraġġ u l-Infurzar stabbilita mid-Direttiva, u permezz tat-trażmissjoni sussegwenti ta’ din l-informazzjoni permezz tas-sistema GISIS, l-Istati Membri ma jkollhomx għalfejn aktar jirrapportaw din l-informazzjoni separatament lill-IMO.

(26)Hemm il-ħtieġa għal aktar armonizzazzjoni tar-reġim ta’ eżenzjonijiet għal bastimenti fi traffiku skedat b’waqfiet frekwenti u regolari fil-portijiet, b’mod partikolari kjarifika tat-termini użati u l-kundizzjonijiet li jirregolaw dawk l-eżenzjonijiet. L-Evalwazzjoni tar-REFIT u l-Valutazzjoni ta’ l-Impatt urew li n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet u l-applikazzjoni ta’ eżenzjonijiet irriżultaw f’piż amministrattiv żejjed għall-bastimenti u l-portijiet.

(27)Is-Sottogrupp dwar il-Faċilitajiet ta’ Akkoljenza fil-Portijiet għall-Iskart, li kien twaqqaf fil-qafas tal-Forum Ewropew dwar Trasport Marittimu Sostenibbli, u li jgħaqqad flimkien firxa wiesgħa ta’ esperti fil-qasam tat-tniġġis minn bastimenti u l-immaniġġar ta’ skart minn bastimenti, ipprovda gwida u kompetenza lill-Kummissjoni. Ikun mixtieq li dan il-grupp jinżamm bħala grupp separat ta’ esperti biex jaqsam l-esperjenzi dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva.

(28)Is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni biex timplimenta id-Direttiva 2000/59/KE għandhom jiġu aġġornati b’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(29)Sabiex tipprevedi metodoloġija għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq kapaċità suffiċjenti ta’ ħżin, u għall-iżvilupp ulterjuri tas-sistema tal-informazzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar stabbilita skont din id-Direttiva, is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu konferiti lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-atti ta' implimentazzjoni jiġu adottati b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(30)Sabiex jitqiesu l-iżviluppi fil-livell internazzjonali, u biex jittħeġġu prattiki ta’ ġestjoni tal-iskart ekoloġiċi abbord, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar ta’ din id-Direttiva sabiex taġġorna r-referenzi għal strumenti internazzjonali u l-Annessi u biex tibdel r-referenzi għal strumenti internazzjonali, ħalli jiġu evitati, jekk meħtieġ, bidliet għal dawk l-istrumenti internazzjonali milli japplikaw għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, u biex tiżviluppa kriterji komuni għall-għarfien ta’ “bastimenti ekoloġikament sensittivi” bil-għan tal-għoti ta’ tariffa tal-iskart imnaqqsa lil dawk il-bastimenti. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, ukoll fil-livell tal-esperti. Meta tiġi biex tħejji u tfassal atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(31)Minħabba li l-objettiv tad-Direttiva li tipproteġi l-ambjent tal-baħar minn rimi ta’ skart ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri waħedhom, imma b’mod aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-objettivi.

(32)L-Unjoni hija karatterizzata minn differenzi reġjonali fuq il-livell tal-portijiet, kif muri wkoll fil-Valutazzjoni tal-Impatt Territorjali. Il-portijiet huma differenti abbażi tal-lokalità ġeografika, id-daqs, l-istruttura, l-amministrattiva u s-sjieda, u huma kkaratterizzati mit-tip tal-bastimenti li normalment iżuruhom. Barra minn hekk, is-sistemi ta’ ġestjoni tal-iskart jirriflettu d-differenzi fil-livell muniċipali u l-infrastruttura aktar ’l isfel fil-katina tal-immaniġġjar tal-iskart.

(33)Id-Direttiva 2000/59/KE għandha għalhekk titħassar.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Taqsima 1: Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1
Suġġett

Din id-Direttiva għandha l-għan li tipproteġi l-ambjent marittimu kontra l-effetti negattivi minn rimi ta’ skart minn bastimenti li jużaw il-portijiet li jinsabu fl-Unjoni, waqt li jiġi żgurat l-operat mingħajr xkiel tat-traffiku marittimu, billi ttejjeb id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet adegwati ta’ akkoljenza fil-portijiet u l-konsenja ta’ skart lejn dawk il-faċilitajiet.

Artikolu 2
Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ din id-Direttiva:

(a)“bastiment” tfisser bastiment ta’ kull tip li jaħdem fl-ambjent tal-baħar, inklużi l-bastimenti tas-sajd u l-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni li mhumiex impenjati fil-kummerċ, dgħajjes tal-hydrofoil, il-vetturi li jimxu fuq kuxxina tal-arja, il-vetturi li jimxu taħt l-ilma u dawk li li jżommu f'wiċċ l-ilma;

(b)“il-Konvenzjoni MARPOL” tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti, fil-verżjoni aġġornata tagħha;

(c)“skart minn bastimenti” tfisser kull skart, inkluż il-fdalijiet tal-merkanzija, li huma ġġenerati matul is-servizz ta’ bastiment jew matul it-tagħbija, ħatt jew operazzjonijiet ta’ tindif, jew skart li jinġabar fix-xbieki matul l-operazzjonijiet tas-sajd, u li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Annessi I, II, IV, V u VI tal-MARPOL;

(d)“fdalijiet tal-merkanzija” tfisser il-fdalijiet ta’ kwalunkwe materjal tal-merkanzija abbord li jibqgħu fuq il-gverta jew fl-istivi wara t-tagħbija u l-ħatt tal-merkanzija, inklużi it-tixrid, it-tagħbija u l-ħatt eċċessiv, sew jekk imxarrab jew niexef, inkorporat fl-ilma tal-ħasil, bl-esklużjoni tat-trab li jifdal fuq il-gverta wara knis jew trab mal-uċuħ ta’ barra tal-bastiment;

(e) “faċilitajiet tal-akkoljenza tal-portijiet għall-iskart” tfisser kull faċilità, fissa, mobbli jew li żżomm f'wiċċ l-ilma li kapaċi li tirċievi l-iskart mill-bastimenti;

(f)“bastiment tas-sajd” tfisser kull bastiment imgħammar jew użat kummerċjalment għall-qbid tal-ħut jew ta' risorsi oħra ħajjin mill-baħar;

(g)“opra tal-baħar għar-rikreazzjoni” tfisser bastiment ta’ kull tip, b’buq ta’ tul ta’ 2.5 metru u aktar, ikunu xi jkunu l-mezzi tal-propulsjoni tiegħu, maħsub għall-isport jew għal raġunijiet ta’ divertiment, u li mhux involut fil-kummerċ;

(h)“bastiment domestiku” tfisser bastiment li jtajjar bandiera ta’ Stat Membru involut biss fi vjaġġi domestiċi f’dak l-Istat Membru;

(i)“vjaġġ domestiku” tfisser vjaġġ f'żoni tal-baħar minn port ta' Stat Membru lejn l-istess port jew port ieħor f'dak l-Istat Membru;

(j)“port” tfisser post jew żona ġeografika li permezz ta’ ħidma ta’ titjib u ta’ tagħmir isservi ta’ akkoljenza għall-bastimenti, inkluża ż-żona ta’ ankraġġ fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-port;

(k)“skart mill-industrija tal-ikel” tfisser l-iskart kollu tal-ikel, inklużi żejt tat-tisjir użat li joriġina minn restoranti, faċilitajiet tal-kejtering u kċejjen”;

(l)“kapaċità suffiċjenti ta’ ħżin” tfisser biżżejjed kapaċità ta’ ħżin ta’ skart abbord mill-mument tat-tluq sal-port tal-waqfa li jkun imiss li jiġi miżjur, inkluż l-iskart li x’aktarx jiġi ġġenerat matul il-vjaġġ;

(m)“traffiku skedat” tfisser traffiku bbażat fuq lista ppubblikata jew ippjanata tal-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, bejn il-portijiet jew traġitti identifikati li jkunu jikkostitwixxu skeda rikonoxxuta;

(n)“waqfiet regolari fil-port” tfisser vjaġġi ripetuti mill-istess bastiment li jiffurmaw xejra identifikata kostanti bejn il-portijiet jew serje ta’ vjaġġi minn u lejn l-istess port mingħajr waqfiet intermedjarji;

(o)“żjajjar frekwenti f’port” tfisser żjajjar minn bastiment lejn l-istess port, li jseħħu tal-anqas darba kull ġimagħtejn;

(p)“GISIS” tfisser is-sistema Globali Integrata ta’ Informazzjoni tal-Bastimenti stabbilita mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.

“Skart minn bastimenti”, kif definit fil-punti (c) u (d) għandu jitqies bħala skart skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98/KE 27 .

Artikolu 3
Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva tapplika għal:

(a)il-bastimenti kollha, irrispettivament mill-bandiera tagħhom, li jidħlu f'port ta' Stat Membru jew joperaw fih, bl-eċċezzjoni ta' kull bastiment tal-gwerra, navali awżiljari jew bastiment ieħor ippossedut jew imħaddem minn Stat u, f'dan iż-żmien, użat fis-servizz tal-gvern jew fuq bażi mhux kummerċjali biss;

(b)il-portijiet kollha tal-Istati Membri li normalment iżuruhom bastimenti li jaqgħu taħt l-iskop tal-punt (a).

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li, fejn ikun possibbli, bastimenti li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jikkunsinjaw l-iskart tagħhom b’mod konsistenti ma’ din id-Direttiva.

Taqsima 2: Dispożizzjoni ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza adegwati fil-portijiet

Artikolu 4
Il-faċilitajiet tal-akkoljenza tal-portijiet għall-iskart

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà tal-faċilitajiet adegwati tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart sabiex jilħqu mal-ħtieġa tal-bastimenti li normalment jużaw il-port mingħajr ma jikkawżaw dewmien mhux xieraq lill-bastimenti.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)Il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart jkollhom il-kapaċità li jirċievu t-tipi u l-kwantitajiet tal-iskart mill-bastiment li normalment jużaw il-port, filwaqt li jqisu l-ħtiġiet tal-utenti tal-port, id-daqs u l-lokalità ġeografika tal-port, it-tip tal-bastimenti li jidħlu fil-port u l-eżenzjonijiet ipprovduti skont l-Artikolu 9;

(b)Il-formalitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-użu tal-faċilitajiet huma sempliċi u veloċi u t-tariffi mitluba għall-konsenja ma joħolqux diżinċentiv għall-bastimenti milli jużaw il-faċilitajiet tal-akkoljenza tal-port;

(c)Il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart jippermettu l-immaniġġjar tal-iskart tal-bastimenti b’mod ambjentalment xieraq skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/98/KE u leġiżlazzjoni oħra rilevanti tal-Unjoni dwar l-iskart. Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jipprevedu l-ġbir separat ta’ skart minn bastimenti f’portijiet kif meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskart, b’mod partikolari d-Direttiva 2008/98/KE, id-Direttiva 2012/19/UE u d-Direttiva 2006/66/KE. Il-punt (c) għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti aktar stretti imposti permezz tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 għall-ġestjoni ta’ skart mill-industrija tal-ikel minn trasport internazzjonali.

3.L-Istati Membri għandhom jużaw il-formoli u l-proċeduri stabbiliti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), sabiex jirrappurtaw lill-awtoritajiet tal-Istat tal-port l-inadegwatezzi allegati fil-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart.

Kwalunkwe informazzjoni li tkun waslet permezz ta’ din il-proċedura ta’ rappurtar għandha tiġi trażmessa wkoll b’mod elettroniku lill-parti tas-sistama tal-informazzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar imsemmija fl-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva.

4.L-Istati Membri għandhom jinvestigaw il-każijiet kollha rrapportati ta’ inadegwatezzi allegati u jiżguraw li kull parti involuta fil-konsenja jew fl-akkoljenza ta’ skart minn bastimenti tkun tista’ tippretendu kumpens għal xi ħsara kkawżata minn dewmien mhux xieraq.

Artikolu 5
L-akkoljenza tal-iskart u l-pjani tat-tqandil

1.Pjan xieraq għall-akkoljenza u t-tqandil tal-iskart għandu jiġi stabbilit u implimentat għal kull port wara konsultazzjoni kontinwa mal-partijiet rilevanti, b’mod partikolari mal-utenti tal-port jew mar-rappreżentanti tagħhom. Dawk il-konsultazzjonijiet għandhom isiru kemm matul l-abbozzar inizjali tal-pjanijiet kif ukoll wara l-adozzjoni tagħhom, b’mod partikolari fejn ikunu seħħu bidliet sinifikanti, fir-rigward tar-rekwiżiti fl-Artikoli 4, 6 u 7. Il-ħtiġiet iddettaljati għall-iżvilupp ta' dawn il-pjani huma ddikjarati fl-Anness 1.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjon segwenti mill-pjanijiet għall-akkoljenza u l-immaniġġjar tal-iskart dwar id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet adegwati ta’ akkoljenza fil-portijiet tagħhom u l-ispejjeż assoċjati għandha tiġi kkomunikata b’mod ċar lill-operaturi tal-bastimenti u ssir pubblikament disponibbli permezz tal-websajt tal- portijiet jew f’forma stampata:

(a)il-lokalità tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart li tapplika għal kull irmiġġ;

(b)lista ta’ skart minn bastimenti li normalment jiġi mmaniġġjat mill-port innifsu;

(c)lista tal-punti tal-kuntatt, tal-operaturi u tas-servizzi offruti;

(d)deskrizzjoni tal-proċeduri tal-konsenja tal-iskart;

(e)deskrizzjoni tas-sistemi ta’ rkupru tal-ispejjeż; kif ukoll

(f)deskrizzjoni tal-proċeduri sabiex jiġu rrappurtati l-inadegwatezzi allegati fil-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart.

Din l-informazzjoni għandha tkun ukoll irrapportata elettronikament fil-parti tas-sistema tal-informazzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar imsemmija fl-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva, b’konformità mad-Direttiva 2002/59/KE.

3.Il-pjani għall-akoljenza u t-tqandil referiti fil-paragrafu 1, jistgħu, fejn meħtieġ għal raġunijiet ta' effiċjenza, jiġu żviluppati b’mod konġunt minn żewġ portijiet ġirien jew aktar fl-istess reġjun ,bl-involviment xieraq ta' kull port, sakemm jiġu speċifikati l-ħtieġa tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart u d-disponibbiltà tagħhom f'kull port.

4.L-Istati Membri għandhom jevalwaw u japprovaw il-pjan tal-akkoljenza u t-tqandil tal-iskart, jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tiegħu u jiżguraw l-approvazzjoni mill-ġdid mill-inqas kull tliet snin wara li jkun ġie approvat jew approvat mill-ġdid u wara li jkunu seħħew bidliet sinifikanti fit-tħaddim tal-port. Dawn il-bidliet għandhom jinkludu, iżda ma jkunux limitati għal, bidliet strutturali fit-traffiku lejn il-port, l-iżvilupp ta’ infrastruttura ġdida, bidliet fid-domanda u l-provvista ta’ faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, u tekniki ġodda tat-trattament abbord.

Taqsima 3
Il-konsenja tal-iskart mill-bastimenti

Artikolu 6
Notifika bil-quddiem dwar l-iskart

1.L-operatur, l-aġent jew il-kaptan ta’ bastiment li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 , għajr bastiment tas-sajd jew opra tal-baħar għar-rikreazzjoni b’tul totali ta’ inqas minn 45 metru, li jkun destinat lejn port li jinsab fl-UE għandu jimla b’mod korrett il-formola fl-Anness 2 u jinnotifika lill-awtorità jew lill-korp assenjat għal dan il-għan mill-Istat Membru li fih ikun jinsab dan il-port:

(a)mill-inqas 24 siegħa qabel tkun magħrufa l-wasla, jekk il-port tal-waqfa jkun magħruf;

(b)hekk kif il-port tal-waqfa jiġi magħruf, jekk dan it-tagħrif ikun disponibbli f'inqas minn 24 siegħa qabel il-wasla;

(c)minn tal-inqas mat-tluq mill-port ta' qabel, jekk it-tul tal-vjaġġ ikun inqas minn 24 siegħa.

2.L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ukoll irrapportata elettronikament lill-parti tas-sistema tal-informazzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar imsemmija fl-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva, b’konformità mad-Direttiva 2010/65/UE u d-Direttiva 2002/59/KE.

3.L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinżamm abbord għall-inqas sa meta l-port tal-waqfa li jkun imiss jiġi miżjur, u għandha tkun disponibbli fuq talba tal-awtoritajiet tal-Istati Membri.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li tkun innotifikata skont dan l-Artikolu tkun eżaminata b’mod xieraq u tiġi kondiviża mal-awtoritajiet rilevanti ta’ infurzar mingħajr dewmien.

Artikolu 7
Il-konsenja tal-iskart mill-bastimenti

1.Il-kaptan ta’ bastiment li jidħol f’port tal-Unjoni għandu, qabel iħalli l-port, jikkunsinja l-iskart abbord tal-bastiment lil faċilità tal-akkoljenza fil-port għall-iskart skont in-normi dwar ir-rimi stabbiliti fil-Konvenzjoni MARPOL.

2.Mal-konsenja, l-operatur tal-iskart jew l-awtorità tal-port fejn ġie kkonsenjat l-iskart għandha timla b’mod preċiż il-formola fl-Anness 3 u toħroġ l-irċevuta lill-bastiment.

Dan ir-rekwiżit ma għandux japplika għall-portijiet żgħar mingħajr persunal jew dawk li jinsabu f’postijiet remoti, sakemm l-Istat Membru ta’ fejn dan ikun jinsab il-port ta’ dan it-tip ikun irrapporta dan it-tagħrif b’mod elettroniku fil-parti tas-sistema tal-informazzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar imsemmija fl-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva.

3.Qabel it-tluq, l-operatur, l-aġent jew il-kaptan ta’ bastiment li jaqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/59/KE, għandu jirrapporta b’mod elettroniku l-informazzjoni fl-irċevuta tal-iskart lill-parti tas-sistema tal-informazzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar imsemmija fl-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva, b’konformità mad-Direttiva 2010/65/UE u d-Direttiva 2002/59/KE.

4.L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tinżamm abbord għal tal-anqas sentejn u għandha tkun disponibbli fuq talba mill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

5.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, bastiment jista’ jipproċedi lejn il-port tal-waqfa li jmiss mingħajr ma jikkonsenja l-iskart, jekk:

(a)il-bastiment jankra għal inqas minn 24 siegħa jew f’kundizzjonijiet tat-temp ħżiena;

(b)l-informazzjoni pprovduta skont l-Annessi 2 u 3 turi li hemm biżżejjed kapaċità ddedikata ta’ ħżin għall-iskart kollu li ġie akkumulat u li se jiġi akkumulat matul il-vjaġġ maħsub tal-bastiment sa meta jiġi miżjur il-port tal-waqfa li jkun imiss.

6.Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq biżżejjed kapaċità ddedikata għall-ħżin, is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni biex tiddefinixxi l-metodi li għandhom jintużaw għall-kalkolu ta’ biżżejjed kapaċità ddedikata għall-ħżin abbord. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 20(2).

7.Jekk il-port tal-waqfa li jmiss ikun jinsab barra l-Unjoni, jew ikun hemm raġunijiet li jagħtu lil wieħed x'jifhem li dak il-port ma għandux disponibbli faċilitajiet xierqa, jew dak il-port ma jkunx magħruf, l-Istat Membru għandu jirrikjedi lill-bastiment li jikkonsenja l-iskart tiegħu qabel it-tluq.

8.Il-paragrafu 2 għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-ħtiġiet iktar restringenti għall-bastimenti addottati skont il-liġijiet internazzjonali.

Artikolu 8
Sistemi ta’ rkupru tal-ispejjeż

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispejjeż tal-operat ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza tal-portijiet għall-akkoljenza u l-ipproċessar tal-iskart mill-bastimenti, għajr il-fdalijiet tal-merkanzija, għandhom ikunu koperti permezz tal-ġbir ta’ tariffa mill-bastimenti. Dawk l-ispejjeż jinkludu l-elementi elenkati fl-Anness 4.

2.Is-sistemi ta’ rkupru tal-ispejjeż ma għandhom jipprovdu l-ebda inċentiv għall-bastimenti li jarmu l-iskart fil-baħar. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin fit-tfassil u t-tħaddim ta’ sistemi ta’ rkupru ta’ spejjeż fil-portijiet:

(a)parti mit-tariffa li għandha titħallas mill-bastimenti għandha titqies bħala tariffa indiretta, li għandha titħallas irrispettivament minn jekk issirx konsenja ta’ skart lil faċilità tal-akkoljenza f'port għall-iskart;

(b)it-tariffa indiretta għandha tkopri l-ispejjeż amministrattivi indiretti, kif ukoll parti sinifikanti mill-ispejjeż operattivi diretti, kif jiddetermina l-Anness 4. Il-parti sinifikanti mill-ispejjeż operattivi diretti għandha tirrappreżenta tal-anqas 30% tal-ispejjeż annwali diretti totali fil-każ tal-konsenja effettiva tal-iskart;

(c)sabiex tipprovdi inċentiv massimu għall-konsenja tal-iskart kif definit fl-Anness V tal-Konvenzjoni MARPOL, inkluż l-iskart li jkun inġabar fix-xbieki matul l-operazzjonijiet tas-sajd, it-tariffa li għandha titħallas għandha tkopri l-ispejjeż kollha tal-faċilitajiet tal-akkoljenza tal-port għall-iskart għal dan l-iskart, sabiex tiżgura d-dritt ta’ konsenja mingħajr l-ebda spejjeż diretti addizzjonali;

(d)It-tariffa indiretta m’għandhiex tkopri skart mis-sistemi tat-tindif tal-gass tal-egżost, li l-ispejjeż tagħhom għandhom ikunu koperti fuq il-bażi tat-tipi u tal-kwantitajiet ta’ skart ikkonsenjati.

3.Il-parti tal-ispejjeż li ma tkunx koperta bl-imposta referita fis-subparagrafu (b), jekk ikun hemm, għandha tkun koperta fuq il-bażi tat-tipi u tal-kwantitajiet ta' skart li fil-fatt ikun ikkunsinjat mill-bastiment.

4.It-tariffi jistgħu ivarjaw rigward, fost ħwejjeġ oħra, il-kategorija, it-tip u d-daqs tal-bastiment u t-tip ta’ traffiku li l-bastiment ikun involut fih, kif ukoll fir-rigward ta’ servizzi pprovduti barra l-ħin normali tal-ħidma fil-port.

5.It-tariffi għandhom jiġu mnaqqsa jekk id-disinn, it-tagħmir u l-operat tal-bastiment huma tali li jkun jista’ jintwera li l-bastiment jipproduċi kwantitajiet imnaqqsa ta’ skart, u jimmaniġġja l-iskart tiegħu b’mod sostenibbli u li jirrispetta lill-ambjent. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 19, sabiex tiddefinixxi l-kriterji sabiex jiġi stabbilit bastiment li jkun jissodisfa r-rekwiżiti ddikjarati f’dan il-paragrafu fir-rigward tal-ġestjoni tal-iskart abbord tal-bastiment.

6.Sabiex jiġi żgurat illi l-imposti huma xierqa, trasparenti, mhux diskriminatorji u li jirriflettu l-ispejjeż tal-faċilitajiet u tas-servizzi magħmula disponibbli u, fejn xieraq, użati, l-ammont tal-imposti u l-bażi li fuqhom kienu kkalkolati għandhom ikunu disponibbli għall-utenti tal-portijiet.

Artikolu 9
Eżenzjonijiet

1.L-Istati Membri jistgħu jeżentaw bastiment li jidħol fil-portijiet tagħhom mill-obbligi fl-Artikoli 6, 7(1) u 8 b’mod kumulattiv, fejn ikun hemm biżżejjed evidenza li:

(a)il-bastiment ikun involut fi traffiku skedat b’portijiet tad-dħul frekwenti u regolari;

(b)hemm arranġament li jiżguraw il-konsenja tal-iskart u l-ħlas tat-tariffi f’port tul ir-rotta tal-bastiment;

(c)l-arranġament skont il-punt (b) ikun evidenzjat b’kuntratt iffirmat ma’ port jew ma’ kuntrattur tal-iskart, b’irċevuti tal-konsenja tal-iskart u b’konferma li l-arranġament ġie aċċettat mill-portijiet kollha tul ir-rotta tal-bastiment. L-arranġament għall-konsenja u għall-ħlas tat-tariffa jrid isir f’port li jkun jinsab fl-Unjoni sabiex jikkostitwixxu biżżejjed evidenza skont dan il-paragrafu.

2.Jekk l-eżenzjoni tingħata, l-Istat Membru fejn jinsab il-port, għandu joħroġ ċertifikat ta’ eżenzjoni, abbażi tal-format stabbilit fl-Anness 5, li jikkonferma li l-bastiment jissodisfa l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti meħtieġa għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni u li jiddikjara t-tul taż-żmien tal-eżenzjoni.

3.L-Istat Membru għandu jirrapporta l-informazzjoni miċ-ċertifikat tal-eżenzjoni elettronikament lill-parti tas-sistema tal-informazzjoni u l-monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/59/KE.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw monitoraġġ u infurzar effikaċi tal-arranġamenti tal- konsenja u tal-ħlas fis-seħħ għall-bastimenti eżentati li jżuru l-portijiet tagħhom.

Taqsima 4: Infurzar

Artikolu 10
Spezzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull bastiment ikun suġġett għal spezzjoni sabiex jiġi vverifikat illi jħares ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 11
Spezzjonijiet ta’ Kontroll mill-Istat tal-Port

Għandhom jitwettqu spezzjonijiet skont id-Direttiva 2009/16/KE għal bastimenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva, sabiex kull spezzjoni bħal din tinkludi verifika li l-bastiment huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Artikoli 6, 7, u 9.

Artikolu 12
Spezzjonijiet barra l-Kontroll mill-Istat tal-Port

1.Fir-rigward ta’ spezzjonijiet ta’ bastimenti li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispezzjonijiet jitwettqu f’mill-anqas 20 % tan-numru totali ta’ bastimenti individwali għal kull kategorija elenkata hawn taħt:

(a)bastimenti domestiċi li jtajru l-bandiera tagħhom ta’ 100 tunnellata metrika gross u aktar li jagħmlu waqfa fl-Istat Membru rilevanti kull sena;

(b)bastimenti tas-sajd ta’ 100 tunnellata metrika gross u aktar li jagħmlu waqfa fl-Istat Membru rilevanti kull sena;

(c)opri tal-baħar għar-rikreazzjoni ta’ 100 tunnellata metrika gross u aktar li jagħmlu waqfa fl-Istat Membru rilevanti kull sena.

2.Ir-riżultati tal-ispezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rreġistrati fil-parti tas-sistema tal-informazzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar imsemmija fl-Artikolu 15 ta’ din id-Direttiva.

3.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri għal spezzjonijiet ta’ bastimenti tas-sajd ta’ inqas minn 100 tunnellata gross kif ukoll għal opri tal-baħar għar-rikreazzjoni ta’ inqas minn 100 tunnellata gross, li jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti applikabbli ta’ din id-Direttiva.

4.Jekk l-awtorità tal-Istat Membru relevanti ma tkunx ssodisfata bir-riżultati ta’ din l-ispezzjoni, għandha, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-penali msemmija fl-Artikolu 16, tiżgura li l-bastiment ma jitlaqx mill-port sakemm jikkonsenja l-iskart tiegħu lil faċilità tal-akkoljenza tal-port għall-iskart skont l-Artikolu 7.

Artikolu 13
Is-sistema ta’ Informazzjoni, Monitoraġġ u Infurzar

L-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ din id-Direttiva għandu jiġi ffaċilitat bir-rappurtar elettroniku u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri skont l-Artikoli 14 u 15.

Artikolu 14
Ir-rappurtar u l-iskambju ta’ informazzjoni

1.Ir-rappurtar u l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jkun ibbażat fuq s-Sistema ta’ Skambju u Informazzjoni Marittima tal-Unjoni (SafeSeaNet), imsemmija fl-Artikolu 22a(3) u l-Anness III tad-Direttiva 2002/59/KE.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dejta li ġejja tkun irrappurtata b’mod elettroniku u fi żmien raġonevoli skont id-Direttiva 2010/65/KE:

(a)l-informazzjoni dwar il-ħin reali tal-wasla u l-ħin tat-tluq ta’ kull bastiment, li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/59/KE, li jidħol f’port tal-UE, flimkien ma’ identifikatur tal-port ikkonċernat;

(b)l-informazzjoni minn-notifikazzjoni tal-iskart kif tinsab fl-Anness 2;

(c)l-informazzjoni mill-irċevuta tal-iskart kif tinsab fl-Anness 3;

(d)l-informazzjoni miċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni kif jinsab fl-Anness 5.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw, sa fejn ikun possibbli, li l-bastimenti tas-sajd u l-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni ta’ aktar minn 100 tunnellata gross li jidħlu f’xi port tal-Unjoni, għandhhom jirrapportaw ukoll l-informazzjoni dwar il-ħin reali tal-wasla u tat-tluq.

4.L-informazzjoni rrapportata għall-finijiet tal-Artikoli 4 u 5(2) għandha sussegwentement tiġi trasmessa mill-Kummissjoni fil-Bażi tad-Dejta tal-IMO dwar il-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet għall-Iskart fi ħdan il-GISIS.

Artikolu 15
Id-dokumentazzjoni tal-ispezzjonijiet

1.Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa, iżżomm u taġġorna bażi tad-data għall-ispezzjonijiet li l-Istati Membri kollha għandhom ikunu konnessi magħha u li jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-ispezzjoni prevista minn din id-Direttiva. Din il-bażi tad-dejta ser tkun ibbażata fuq il-bażi tad-data ta' spezzjoni msemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2009/16/KE u għandha jkollha funzjonalitajiet simili għal dik il-bażi tad-data.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni relatata mal-ispezzjonijiet skont din id-Direttiva, inkluża informazzjoni dwar nuqqasijiet u projbizzjoni tal-ordnijiet tat-tluq, tiġi ttrasferita mingħajr dewmien fil-bażi tad-dejta tal-ispezzjonijiet ladarba r-rapport tal-ispezzjoni jkun tlesta, jew l-ordni ta’ projbizzjoni tat-tluq tkun tneħħiet, jew tkun ingħatat eżenzjoni.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni trasferita fil-bażi tad-dejta tal-ispezzjonijiet hija validata fi żmien 72 siegħa.

4.Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-bażi tad-dejta tal-ispezzjonijiet tagħmilha possibbli li tiġi rkuprata kwalunkwe dejta rilevanti rrappurtata mill-Istati Membri għall-fini ta’ monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva.

5.F’kull ħin, l-Istati Membri għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni rreġistrata.

Artikolu 16
Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Taqsima 5: Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 17
Skambju ta' esperjenza

Il-Kummissjoni għandha tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ skambji ta’ esperjenza bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u l-esperti, inklużi dawk mis-settur privat, dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fil-portijiet tal-Unjoni.

Artikolu 18
Proċedura ta’ emenda

1.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 19 sabiex temenda l-Annessi għal din id-Direttiva u r-referenzi għal strumenti tal-IMO sa fejn dan ikun meħtieġ sabiex jinġiebu konformi mal-liġi tal-Unjoni jew sabiex jitqiesu l-iżviluppi fil-livell internazzjonali, b’mod partikolari fl-IMO.

2.L-Annessi jistgħu jiġu emendati wkoll meta dan ikun meħtieġ sabiex jiġu mtejba l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ stabbiliti b’din id-Direttiva, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikoli 6, 7 u 9, sabiex tkun żgurata l-effikaċja ta’ notifika u konsenja ta’ skart, u l-applikazzjoni xierqa ta’ eżenzjonijiet.

3.F'ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn ikun debitament ġustifikat minn analiżi adatta mill-Kummissjoni u sabiex tiġi evitata theddida serja u inaċċettabbli lis-sikurezza marittima, is-saħħa, l-għajxien abbord il-bastiment jew il-kondizzjonijiet tax-xogħol jew l-ambjent tal-baħar, jew biex tiġi evitata inkompatibbiltà mal-leġiżlazzjoni marittima tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 19, li jemendaw din id-Direttiva sabiex ma tiġix applikata, għall-finijiet ta' din id-Direttiva, emenda għall-Konvenzjoni MARPOL.

4.Dawk l-atti delegati għandhom jiġu adottati tal-inqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perijodu stabbilit internazzjonalment għall-aċċettazzjoni taċita tal-emenda kkonċernata jew id-data prevista għad-dħul fis-seħħ ta' din l-emenda. Fil-perijodu ta' qabel id-dħul fis-seħħ ta' dawk l-att delegati, l-Istati Membri għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe inizjattiva maħsuba biex tintegra l-emenda fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew biex tapplika l-emenda għall-istrument internazzjonali kkonċernat. .

Artikolu 19
Eżerċizzju ta’ delega

1.Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati msemmija fl-Artikolu 8(5), l-Artikolu 18(1), l-Artikolu 18(2) u l-Artikolu 18(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin minn [the date of entry into force]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport b’rabta mad-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel ma jintemm il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perijodi ta' żmien identiċi sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

2.Id-delega tista’ tiġi revokata f’kull mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

3.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.L-att delegat għandhom jidħlu fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet imfissra l-ebda oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma dak il-perjodu jiskadi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Artikolu 20
Kumitat

1.Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti (COSS), stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 21
Emendi għad-Direttiva 2009/16/KE

Id-Direttiva 2009/16/KE hija emendata kif ġej:

(1)L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)Fil-paragrafu (1), jiddaħħal il-punt (d) li ġej:

(d)“jivverifika li l-bastiment jikkonforma mal-Artikolu 6, l-Artikolu 7 u l-Artikolu 9, fejn applikabbli, tad-Direttiva 201X/XX/UE dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti.”

(b)Fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (3), id-dispożizzjoni li ġejja hija miżjuda fit-tmiem tal-paragrafu:

“... jew tad-Direttiva 201X/XX/UE”.

(c)Jiżdied dan il-paragrafu:

(4)“Jekk wara l-ispezzjoni msemmija fil-punt 1(d) jew imsemmija fil-paragrafu 3, l-ispettur ma jkunx sodisfatt li l-bastiment kien konformi mad-Direttiva 201X/XX/UE, il-bastiment ma għandux jitħalla jħalli l-port, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-penali msemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 201X/XX/UE, sakemm il-bastiment jikkonsenja l-iskart tiegħu lil faċilità tal-akkoljenza fil-port għall-iskart.”

(2)Fl-Anness I.II.2B, l-inċiż li ġej għandu jiżdied fl-aħħar tal-lista ta’ fatturi mhux mistennija:

“Bastimenti li ġew irrappurtati bħala li ma jikkonformawx mal-obbligu li jikkonsenjaw l-iskart tagħhom skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 201X/XX/UE jew li fil-każ tagħhom l-informazzjoni rrapportata skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 201X/XX/UE żvelat evidenza ta’ nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva 201X/XX/UE”.

(3)Fl-Anness IV, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

(51)Kopja tad-dokumenti tan-notifika bil-quddiem tal-iskart miżmuma abbord skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 201X/XX/UE

(52)Il-formoli tal-irċevuti standard tal-iskart maħruġa skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 201X/XX/UE.

(53)Iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni maħruġ skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 201X/XX/UE.

Artikolu 22
Emendi għad-Direttiva 2010/65/UE

Id-Direttiva 2010/65/UE hija emendata kif ġej:

Fil-punt A tal-Anness, il-punt (4) huwa emendat kif ġej:

“4. In-notifika tal-iskart mill-bastimenti, inklużi residwi

L-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 201X/XX/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”.

Artikolu 23
Tħassir

Id-Direttiva 2000/59/KE hija imħassra.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 24
Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tevalwa din id-Direttiva u tissottometti r-riżultati tal-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard minn seba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha.

Artikolu 25
Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 26
Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 27
Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija, ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81.
(2)    Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn bastimenti (verżjoni konsolidata).
(3)    Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port, ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57.
(4)    Id-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta' rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri, ĠU L 283, 29.10.2010, p. 1.
(5)    COM(2009)8 “L-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018”.
(6)    Ir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet, ĠU L 57, 3.3.2017, p. 1-18.
(7)    Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin, ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19-40.
(8)    Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi, ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3-30.
(9)    Id-Direttiva 2005/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2005 dwar il-kontenut ta' kubrit f'karburanti għal użu marittimu, ĠU L 191, 22.7.2005, p. 59.
(10)    COM(2015) 614 final, “L-għeluq taċ-ċirku - Pjan ta' azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari”.
(11)    Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, SWD(2018)16
(12)    L-Anness 2, il-paġna 7, ir-Rapport fil-Qosor ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
(13)    L-Anness 4, il-paġna 23, Mudelli analitiċi li jintużaw fil-preparazzjoni tal-Valutazzjoni tal-Impatt.
(14)    Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni — Valutazzjoni tal-Impatt, paġna 60 (spejjeż tal-konformità), u l-paġna 73 (konklużjoni).
(15)    Opinjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt/Il-faċilitajiet tal-akkoljenza tal-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-fdalijiet mill-merkanzija, 23 ta’ Ġunju 2017, http://ec.europa.eu/transparency/regdoc/ [...]
(16)    Skont il-Metodoloġija tal-EMSA għal żjarat fl-Istati Membri, http://emsa.europa.eu/implementation-tasks/visits-and-inspections/items.html?cid=89&id=3065
(17)    Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni — Valutazzjoni tal-Impatt, kapitolu 5.2.5, paġna 46.
(18)    ĠU C , , p. .
(19)    ĠU C , , p. .
(20)    Id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81).
(21)    Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).
(22)    Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).
(23)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM/2015/0614 “L-għeluq taċ-ċirku - Pjan ta' azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari”, it-taqsima 5.1.
(24)    Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) 1774/2002 (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).
(25)    Ir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet (ĠU L 57, 3.3.2017, p. 1).
(26)    Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).
(27)    Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi, ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3-30.
(28)    Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10).

Strasburgu,16.1.2018

COM(2018) 33 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti, li tħassar id-Direttiva 2000/59/KE u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE u d-Direttiva 2010/65/UE

{SWD(2018) 21 final}

{SWD(2018) 22 final}


ANNESS 1

IL-ĦTIĠIJIET TAL-PJANIJIET TAL-AKKOLJENZA U T-TQANDIL TAL-ISKART FIL-PORTIJIET

Il-pjanijiet għandhom ikopru t-tipi kollha ta’ skart li joriġinaw mill-bastimenti li normalment iżuru l-port u għandhom jiġu żviluppati skont id-daqs tal-port u t-tipi ta’ bastimenti li jidħlu f’dak il-port.

L-elementi li ġejjin għandhom ikunu inklużi fil-pjanijiet:

a) stima tal-ħtieġa għall-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, fid-dawl tal-ħtieġa tal-bastimenti li normalment iżuru l-port;

b) deskrizzjoni dwar it-tip u l-kapaċità tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart;

c) deskrizzjoni tal-proċeduri għall-akkoljenza u l-ġbir tal-iskart minn bastimenti;

d) deskrizzjoni tas-sistema tal-irkupru tal-ispejjeż;

e) deskrizzjoni tal-proċedura sabiex jiġu rrappurtati l-inadegwatezzi allegati fil-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart;

f) deskrizzjoni tal-proċedura tal-konsultazzjonijiet li jkunu għaddejjin mal-utenti tal-port, il-kuntratturi tal-iskart, l-operaturi tat-terminals u partijiet oħra ikkonċernati; kif ukoll

g) ħarsa ġenerali tat-tip u l-kwantitajiet ta’ skart li jasal mill-bastimenti u li jiġi mqandel fil-faċilitajiet.

Il-pjanijiet jistgħu jinkludu wkoll:

a) sommarju tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti u l-proċedura u l-formalitajiet għall-konsenja ta’ skart fil-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart;

b) l-identifikazzjoni ta’ punt ta’ kuntatt fil-port; c) deskrizzjoni tat-tagħmir tal-proċessi ta’ qabel it-trattament għal flussi speċifiċi ta’ skart fil-port, jekk ikun hemm;

d) deskrizzjoni tal-metodi dwar ir-reġistrazzjoni tal-użu attwali tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart;

e) deskrizzjoni tal-metodi tar-reġistrazzjoni tal-ammonti tal-iskart minn bastimenti;

f) deskrizzjoni ta’ kif jiġu ġestiti flussi ta’ skart differenti fil-port.

Il-proċeduri għall-akkoljenza, il-ġbir, il-ħażna u l-qerda għandhom jikkonformaw f'kull rispett ma' skema ta' maniġġjar ambjentali xierqa għat-tnaqqis b'mod progressiv tal-impatt fuq l-ambjent minn dawn l-attivitajiet. Din il-konformità hija preżunta jekk il-proċeduri jħarsu r-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali.



ANNESS 2

FORMAT STANDARD TAL-FORMOLA GĦAN-NOTIFIKA BIL-QUDDIEM GĦALL-KONSENJA TA’ SKART

FIL-FAĊILITAJIET TAL-AKKOLJENZA FIL-PORTIJIET GĦALL-ISKART

Notifika ta’ Konsenja ta’ Skart lil:    (daħħal isem il-port ta’ destinazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Direttiva XXXX/XX/UE)

Din il-formola għandha tinżamm abbord il-bastiment flimkien mal-Ktieb tad-Dokumentazzjoni taż-Żejt , il-Ktieb tad-Dokumentazzjoni tal-Merkanzija jew il-Ktieb tad-Dokumentazzjoni taż-Żibel kif xieraq, kif mitlub mill-Konvenzjoni Marpol.

1.    ID-DETTALJI TAL-BASTIMENT

1.1

Isem il-bastiment:

1.5 Is-sid jew l-operatur:

1.2

In-numru tal-IMO:

1.6 Numru jew ittri distintivi:

1.3

It-tunnellaġġ gross:

1.7 Stat tal-Bandiera:

1.4

It-tip ta’ bastiment:

☐Tanker taż-żejt _

☐Bastiment ta’ merkanzija oħra

Tanker tas-sustanzi kimiċi

Vapur tal-passiġġieri

Trasportatur ta’ tagħbija bl-ingrossa

Ro-ro

☐Kontejner

☐Ieħor (speċifika)

2.    ID-DETTALJI TAL-PORT U L-VJAĠĠ

2.1 Isem il-Post/it-Terminal:

2.6 L-aħħar Port li fih ġie kkonsenjat l-iskart:

2.2 Data u Ħin tal-Wasla:

2.7 Data tal-Aħħar Konsenja:

2.3 Data u Ħin tat-Tluq:

2.8 Il-Port tal-Konsenja li Jmiss:

2.4 L-Aħħar Port u Pajjiż:

2.9 Il-persuna li qed tippreżenta din il-formola hija (jekk mhix il-kaptan):

2.5 Il-Port u Pajjiż li Jmiss (jekk magħrufin):

3.    TIP U AMMONT TA’ SKART U KAPAĊITÀ TA’ ĦAŻNA

Tip

Skart li jrid jiġi konsenjat (m3)

Kapaċità ta' ħażna massima dedikata

(m3)

Ammont ta' skart li nżamm abbord

(m3)

Port fejn se jiġi konsenjat l-iskart li fadal

Ammont stmat

ta' skart iġġenerat bejn in-notifika u l-port ta' żjara li jmiss 

(m3)

MARPOL Anness I- Żejt

Ilma żejtni tas-sentina

Fdalijiet żejtnin (ħama)

Likwidi żejtnin mill-ħasil ta’ tankijiet

Ġebla u ħama mit-tindif ta’ tankijiet

Oħrajn (jekk jogħġbok speċifika)

MARPOL Anness II- NLS 1

Sustanza tal-Kategorija X

Sustanza tal-Kategorija Y

Sustanza tal-Kategorija Z

OS- sustanzi oħra

MARPOL Anness IV - Drenaġġ

MARPOL Anness V - Żibel

Plastiks

Skart tal-Ikel

Skart domestiku (pereżempju prodotti tal-karta, ċraret, ħġieġ, metall, fliexken, ċaqquf, eċċ.)

Żejt tat-Tisjir

Irmied tal-inċinerazzjoni

Fdalijiet tal-merkanzija 2

Skart operattiv

Karkassa/i tal-annimali

Irkaptu tas-sajd

MARPOL Anness VI - relatat mat-Tniġġis tal-Arja

Sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu u tagħmir li jkun fih sustanzi bħal dawn 3

Fdalijiet tat-tindif tal-gass tal-egżost

Noti

1.Din l-informazzjoni għandha tintuża għall-kontroll mill-Istat tal-portijiet u għal skopijiet oħrajn ta' spezzjoni.

2.Din il-formola għandha timtela sakemm il-bastiment ma jkunx kopert b'eżenzjoni skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva XXXX/XXXX/UE

ANNESS 3

IL-FORMAT STANDARD TAL-IRĊEVUTA TAL-KONSENJA TAL-ISKART

Ir-rappreżentant maħtur tal-fornitur tal-faċilità tal-akkoljenza fil-port għall-iskart għandu jipprovdi l-formola li ġejja lill-kaptan ta’ bastiment li jkun ikkonsenja l-iskart b’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva XXXX/XX/UE.

Din il-formola għandha tinżamm abbord il-bastiment flimkien mal-Ktieb tad-Dokumentazzjoni taż-Żejt, il-Ktieb tad-Dokumentazzjoni tal-Merkanzija jew il-Ktieb tad-Dokumentazzjoni taż-Żibel kif xieraq, kif mitlub mill-MARPOL.

1.dettalji tal-port u tal-faċilità tal-akkoljenza fil-port għall-iskart

1.1.Isem il-post/it-terminal:

1.2.Il-fornitur(i) ta’ faċilità tal-akkoljenza fil-port għall-iskart

1.3.Fornitur(i) tal-faċilità tat-trattament - jekk differenti minn ta’ hawn fuq:

1.4.Data u Ħin tal-Konsenja tal-Iskart minn: lil:

2.Id-dettalji tal-bastiment

2.1.Isem il-bastiment:

2.5. Is-sid jew l-operatur:

2.2.In-numru tal-IMO:

2.6. Numru jew ittri distintivi:

2.3.It-tunnellaġġ gross:

2.7. L-Istat tal-Bandiera:

2.4.It-tip ta’ bastiment: Tanker taż-żejt Tanker tas-sustanzi kimiċi Trasportatur ta’ tagħbija bl-ingrossa Kontejner

☐Vapur tal-merkanzija ieħor ☐Vapur tal-passiġġieri ☐Ro-ro ☐Ieħor (speċifika)

3.TIP U AMMONT TA’ SKART RIĊEVUT

MARPOL Anness I - Żejt

Kwantità (m3)

MARPOL Anness V - Żibel

Kwantità (m3)

Ilma żejtni tas-sentina

A. Plastiks

Fdalijiet żejtnin (ħama)

B. Skart tal-Ikel

Likwidi żejtnin mill-ħasil ta’ tankijiet

C. Skart domestiku (pereżempju prodotti tal-karta, ċraret, ħġieġ, metall, fliexken, ċaqquf, eċċ.)

L-ilma tas-saborra maħmuġ

D. Żejt tat-Tisjir

Ġebla u ħama mit-tindif ta’ tankijiet

E. Irmied tal-inċinerazzjoni

Oħrajn (jekk jogħġbok speċifika)

F. Skart operattiv

MARPOL Anness II - NLS

Kwantità(m3)/Isem5

G. Fdalijiet tal-merkanzija6

Sustanza tal-Kategorija X

H. Karkassa/i tal-annimali

Sustanza tal-Kategorija Y

I. Irkaptu tas-sajd

Sustanza tal-Kategorija Z

MARPOL Anness VI - relatat mat-Tniġġis tal-Arja

Kwantità (m3)

OS - sustanza oħra

Sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu u tagħmir li jkun fih sustanzi bħal dawn

MARPOL Anness IV - Drenaġġ

Kwantità (m3)

Fdalijiet tat-tindif tal-gass tal-egżost

5    Indika l-isem proprju tat-tbaħħir tal-NLS involuti

6    Indika l-isem proprju tat-tbaħħir tal-merkanzija xotta

ANNESS 4

Il-kategoriji tal-ispejjeż għall-operat u l-amministrazzjoni ta’ PRF

Spejjeż diretti

L-ispejjeż operattivi li jirriżultaw mill-konsenja attwali ta’ skart minn bastimenti, inklużi elementi ta’ spejjeż elenkati hawn taħt.

Spejjeż indiretti


L-ispejjeż amministrattivi li jirriżultaw mill-konsenja attwali ta’ skart minn bastimenti, inklużi l-elementi ta’ spejjeż elenkati hawn taħt.

·Il-provvista ta’ faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart tal-infrastruttura, inkluż kontejners, tankijiet, għodda ta’ pproċessar, braken, trakkijiet, akkoljenza tal-iskart, stallazzjonijiet tat-trattament;

·Konċessjonijiet għal twellija tas-sit, jekk applikabbli, jew għat-twellija tal-apparat meħtieġ għat-tħaddim tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart;

·L-operazzjoni attwali tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-port għall-iskart: ġbir ta’ skart mill-basiment, trasport ta’ skart minn faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart għat-trattament aħħari, manutenzjoni u tindif tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, spejjeż għal persunal, inkluża s-sahra, il-provvista tal-elettriku, l-analiżi tal-iskart u l-assigurazzjoni;

·L-użu mill-ġdid aħħari, ir-riċiklaġġ jew ir-rimi tal-iskart mill-bastimenti, inkluż il-ġbir separat tal-iskart;

·Amministrazzjoni: fatturazzjoni, ħruġ ta’ riċevuti tal-iskart għall-bastimenti, ir-rappurtar.

·L-iżvilupp u l-approvazzjoni tal-pjan tal-akkoljenza u t-tqandil tal-iskart, inkluż kwalunkwe verifika tal-pjan u l-implimentazzjoni tiegħu;

·L-aġġornament tal-pjan tal-akkoljenza u t-tqandil tal-iskart, inkluż l-ispejjeż tax-xogħol u l-ispejjeż ta’ konsulenza, fejn applikabbli;

·L-organizzazzjoni tal-proċeduri ta’ konsultazzjoni għar-(ri)evalwazzjoni tal-pjan tal-akkoljenza u t-tqandil tal-iskart;

·In-notifika u l-ġestjoni ta’ sistemi ta’ rkupru tal-ispejjeż, inkluża l-applikazzjoni ta’ tariffi mnaqqsa għal “bastimenti sensittivi ekoloġikament”, il-provvediment ta’ sistemi tal-IT fil-livell tal-port, analiżi statistika u spejjeż tax-xogħol assoċjati;

·L-organizzazzjoni ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku għall-forniment ta’ faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, kif ukoll il-ħruġ ta-awtorizzazzjonijiet neċessarji għall-forniment ta’ faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart;

·Komunikazzjoni ta’ informazzjoni li jużaw il-portijiet permezz ta’ tqassim ta’ fuljetti, tqegħid ta’ sinjali u posters fil-port, jew il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni fuq is-sit web tal-port) u r-rappurtar elettroniku tal-informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 5. .

·Spejjeż amministrattivi oħra: eżenzjonijiet mill-monitoraġġ u r-rappurtar elettroniku ta’ din l-informazzjoni kif meħtieġ fl-Artikolu 9.

ANNESS 5

Ċertifkat ta' eżenzjoni

ĊERTIFIKAT TA’ EŻENZJONI SKONT L-ARTIKOLU 9

B’RABTA MAL-ĦTIĠIJIET SKONT L-ARTIKOLU 6,

L-ARTIKOLU 7 U L-ARTIKOLU 8 TAD-DIRETTIVA XXXX/XX/KE

FIL-PORT[IJIET] TA’ [IKTEB ISEM IL-PORT] FI [IKTEB ISEM L-ISTAT MEMBRU] 4  

Isem il-bastiment Numri jew ittri distintivi    Stat tal-Bandiera

[ikteb isem il-bastiment] [ikteb in-numru tal-IMO]    [ikteb isem l-Istat tal-Bandiera]

           

huwa fi traffiku skedat bi żjarat frekwenti u regoli fil-port(ijiet) li jinsab(u) fi [ikteb isem l-Istat Membru] skont skeda jew rotta predeterminata:

[ ]

u jżur dawn il-portijiet mill-inqas darba kull ġimgħatejn:

[ ]

u għamel arranġament biex jiġu żgurati l-ħlas tat-tariffa u l-konsenja tal-iskart lill-port, jew lil parti terza fil-port ta’:

[ ]

u huwa għalhekk eżentat, skont [Niżżel l-artikolu rilevanti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż], mir-rekwiżiti dwar il-konsenja obbligatorja ta’ skart minn bastimenti, notifika bil-quddiem tal-iskart, u l-ħlas ta’ tariffa obbligatorja, fil-port(ijiet) li ġej(jin):

[ ]

Dan iċ-ċertifikat huwa validu sa [niżżel id-data], sakemm ir-raġunijiet li fuqhom inħareġ iċ-ċertifikat ma jinbidlux qabel dik id-data.

Il-Post u d-Data                

   ……………………………………

   Isem
   Titlu

(1)    Indika l-isem proprju tat-tbaħħir tal-NLS involuti
(2)    Jistgħu jkunu stimi; indika l-isem proprju tat-tbaħħir tal-merkanzija xotta
(3)    Li jirriżultaw minn attivitajiet normali ta’ manutenzjoni abbord
(4)    Ħassar jekk mhux xieraq