Brussell, 16.1.2018

COM(2018) 35 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-impatt tal-użu tal-plastik ossodegradabbli, inklużi l-basktijiet tal-plastik ossodegradabbli, fuq l-ambjent


1.Introduzzjoni

Fid-29 ta’ April 2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva (UE) 2015/720 1 li temenda d-Direttiva 94/62/KE 2 rigward it-tnaqqis tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief.

L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa li tnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief u b'hekk tnaqqas ir-rimi ta’ dawn il-basktijiet u l-akkumulazzjoni tagħhom fl-ambjent, fejn dawn jiggravaw il-problema mifruxa tal-iskart tal-plastik fl-ambjent u b'mod partikolari t-tniġġis tal-baħar.

L-Artikolu 20a (2) tad-Direttiva dwar l-Imballaġġ jesiġi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jeżamina l-impatt tal-użu ta’ basktijiet tal-plastik ossodegradabbli fuq l-ambjent u, jekk xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva.

L-iskop tar-rapport attwali huwa li jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-segwitu tal-Kummissjoni għall-mandat.

Il-Kummissjoni eżaminat l-impatt tal-hekk imsejjaħ plastik ossodegradabbli fuq l-ambjent lil hinn mill-basktijiet tal-plastik u bbażat il-valutazzjoni tagħha fuq studju li ġie ppubblikat f'April 2017 3 , filwaqt li indirizzat it-tliet kwistjonijiet ewlenin li ġejjin:

·il-bijodegradabilità tal-plastik ossodegradabbli f’ambjenti diversi,

·l-impatti ambjentali fir-rigward tar-rimi tal-iskart, u

·kwistjonijiet relatati mar-riċiklaġġ.

F’dawn l-oqsma ġew iddefiniti għadd ta’ ipoteżijiet distinti, li jirrelataw mad-dikjarazzjonijiet u s-suppożizzjonijiet mill-industrija ossodegradabbli dwar il-materjal. Abbażi tal-evidenza li nġabret fir-rigward tal-ipoteżijiet, dawn ġew analizzati sabiex jiġi vverifikat jekk dawn jistgħux jiġu appoġġjati jew miċħuda.

L-istudju huwa bbażat fuq evalwazzjoni tal-istudji dwar dan is-suġġett, inklużi rapporti xjentifiċi, u informazzjoni minn partijiet ikkonċernati u esperti tekniċi.

2.Bijodegradazzjoni, kompostjar u ossodegradazzjoni

Sabiex ikun hemm fehim tajjeb tal-kwistjonijiet diskussi, huwa meħtieġ li l-proċessi tal-bijodegradazzjoni, tal-ikkompostjar u tal-ossodegradazzjoni jiġu ddefiniti u spjegati.

“Bijodegradazzjoni” hija proċess li bih materjal jiddiżintegra u jiġi dekompost minn mikroorganiżmi f’elementi li jinsabu fin-natura, bħas-CO2, l-ilma u l-bijomassa. Il-bijodegradazzjoni tista’ sseħħ f'ambjent rikk fl-ossiġenu (bijodegradazzjoni aerobika) jew fqir fl-ossiġenu (bijodegradazzjoni anaerobika).

L-“ikkompostjar” huwa bijodegradazzjoni msaħħa f’kundizzjonijiet ikkontrollati, ikkaratterizzat fil-biċċa l-kbira minn arjazzjoni sfurzata u minn produzzjoni tas-sħana naturali li joriġinaw mill-attività bijoloġika li sseħħ ġewwa l-materjal. Il-materjal ta’ output li jirriżulta, il-kompost, fih nutrijenti importanti u jista’ jaġixxi bħala tejjieb tal-ħamrija.

Fit-teorija, kważi l-materjali 4 kollha finalment jistgħu jgħaddu minn proċess ta’ bijodegrazzjoni, anki fl-ambjent miftuħ, għalkemm f’xi każijiet dan kultant isir wara mijiet ta’ snin jew aktar. Għaldaqstant, li l-bijodegradazzjoni tal-plastik titqies bħala mezz biex jiġi evitat it-tniġġis jagħmel sens prattiku biss jekk din tkun marbuta ma’ qafas ta’ żmien “raġonevoli” 5 . Jenħtieġ li tiġi vvaluata billi jitqiesu l-kunizzjonijiet speċifiċi u/jew l-ambjent, bħalma huwa l-ambjent tal-baħar, li ma jiffavorixxix dan il-proċess.

Il-bijopolimeri jsiru bijodegradabbli malajr, kemm taħt kundizzjonijiet ikkontrollati kif ukoll fl-ambjent miftuħ.

Il-bijodegradazzjoni ta’ materjali li tirriżulta minn sinteżi artifiċjali, bħall-plastik konvenzjonali, hija teoretikament possibbli meta l-materjal jitkisser fi frak żgħar u l-massa tal-molekula tal-materjal titnaqqas biżżejjed sabiex tippermetti l-bijodegradazzjoni. Fatturi bħad-dawl, l-umdità, l-ossiġenu u t-temperatura jiddeterminaw ir-rata tad-degradazzjoni. Fl-ambjent miftuħ dan jista’ jieħu ħafna żmien, sa mitt sena, biex il-plastik konvenzjonali jsir bijodegradabbli. Il-plastik immarkat bħala “bijodegradabbli” jkun bijodegradabbli biss f’kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi. Il-bijodegradazzjoni ma tiddependix fuq il-bażi tar-riżorsi ta’ materjal: il-plastik bijodegradabbli (bħall-plastik konvenzjonali) jista’ jkun ibbażat fuq il-fossili jew bijoloġiku 6 .

L-hekk imsejjaħ ossoplastik jew plastik ossodegradabbli huwa plastik konvenzjonali li jkun fih addittivi sabiex tiġi aċċellerata l-framentazzjoni tal-materjal f’biċċiet żgħar ħafna, li tinbeda mir-radjazzjoni UV jew mill-esponiment għas-sħana. Minħabba dawn l-addittivi, maż-żmien, il-plastik jifframmenta fi frak tal-plastik, u fl-aħħar mill-aħħar f’mikroplastiċi, b’karatteristiċi simili għall-mikroplastiċi li joriġinaw mill-frammentazzjoni ta’ plastik konvenzjonali.

Din il-frammentazzjoni aċċellerata taċċellera wkoll il-bijodegradazzjoni. Xi partijiet ikkonċernati jippreżentaw l-“ossobijodegradazzjoni” bħala s-soluzzjoni għall-impatti ambjentali tal-plastik fl-ambjent miftuħ. Dawn isostnu li anki meta jintrema, il-plastik ossodegradabbli jifframmenta u jkun bijodegradabbli fl-ambjent miftuħ mingħajr ma jħalli warajh ebda residwu tossiku jew framment tal-platik.

Madankollu, il-kwistjoni hija jekk f’kundizzjonijiet mhux ikkontrollati fl-ambjent miftuħ, fil-miżbliet jew fl-ambjent marittimu, il-frammenti tal-plastik humiex ser ikunu kompletament bijodegradabbli f’perjodu ta’ żmien raġjonevoli. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-plastik ossodegradabbli se jikkontribwixxi għar-rilaxx tal-mikroplastiċi fl-ambjent (tal-baħar) filwaqt li jqarraq bil-konsumaturi. Riċerka li saret riċentement turi li l-mikroplastiċi rilaxxati fl-ambjent tal-baħar jidħlu fil-katina alimentari u jispiċċaw ikkunsmati mill-bnedmin.

Hemm ukoll kwistjoni dwar jekk il-bijodegradazzjoni ddikjarata tal-plastik ossodegradabbli jistax ikollha impatt fuq l-imġiba tal-konsumaturi fejn għandu x’jaqsam ir-rimi tal-iskart.

Barra minn hekk, jinħolqu kwistjonijiet relatati mal-proċess tar-riċiklaġġ, peress li l-frammentazzjoni inerenti u saħansitra pprogrammata permezz ta’ aġenti ossidanti fil-flussi tal-iskart tal-plastik jista’ jkollha impatt negattiv fuq ir-riċiklaġġ tal-plastik.

3.Kwistjonijiet relatati mal-bijodegradabbiltà tal-plastik ossodegradabbli, inklużi l-basktijiet tal-plastik

3.1Frammentazzjoni u bijodegradazzjoni fl-ambjent miftuħ

Għadd konsiderevoli ta’ studji wrew li l-plastik ossodegradabbli fl-ambjent miftuħ, meta jkun espost għal perjodu estiż ta’ sħana u/jew dawl UV, effettivament jossidizza sal-punt fejn il-plastik jitfarrak u jsir frammenti 7 .

L-ewwel stadju tad-degradazzjoni jħejji l-plastik ossodegradabbli għall-bijodegradazzjoni billi jnaqqas il-piż molekulari tal-plastik sal-punt fejn dan ikun jista’ jiġi kkunsmat minn organiżmi bijoloġiċi 8 .

Filwaqt li, f'ambjent miftuħ, l-addittivi ossidanti jaċċelleraw il-frammentazzjoni ta’ polimeri tradizzjonali, ir-ritmu tal-frammentazzjoni jvarja b’mod sinifikanti skont il-kundizzjonijiet iddeterminati mit-temperatura, l-intensità tad-dawl u l-umdità. Huwa evidenti li l-plastik ossodegradabbli huwa pprojbit mid-degradazzjoni jekk l-ewwel ma jiġix espost għar-radjazzjoni UV u, sa ċertu punt, għas-sħana. Peress li dawn il-kundizzjonijiet ivarjaw minn ġurnata għal oħra u skont il-kundizzjonijiet lokali, huwa diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli, li jiġu speċifikati perjodi ta’ żmien li fihom, pereżempju basket tal-plastik ossodegradabbli ser jifframmenta fl-ambjent miftuħ. Għalhekk, ma hemm l-ebda evidenza konklużiva ta’ grad ta’ frammentazzjoni li jirriżulta f’piż molekulari baxx biżżejjed tal-plastik li jista’ jippermetti l-possibbiltà ta’ bijodegradazzjoni.

Kwistjoni ewlenija għall-plastik ossodegradabbli hija l-kompromess bejn il-ħajja operattiva ppjanata u l-perjodu li jista’ jkun meħtieġ għad-degradazzjoni fl-ambjent miftuħ. Anke jekk il-bijodegradazzjoni tista’ tiġi ffaċilitata permezz ta’ tfassil bir-reqqa tal-pakkett kimiku, ma hemmx evidenza disponibbli li definittivament tikkonkludi li dan se jiġri f’sitwazzjonijiet reali. Jekk iċ-ċirkostanzi sabiex issir il-frammentazzjoni jkunu neqsin jew insuffiċjenti, il-bijodegradazzjoni mhux se sseħħ 9 .

3.2Kompostjar

L-ikkompostjar jeħtieġ materjal mhux biss biex dan ikun bijodegradabbli, iżda anke biex isir parti minn kompost li jkun jista’ jintuża u jipprovdi lill-ħamrija b’nutrijenti. L-evidenza tissuġġerixxi li l-plastik ossodegradabbli mhuwa adegwat għall-ebda forma ta’ kompostjar jew diġestjoni anaerobika u mhux ser jissodisfa l-istandards attwali għall-imballaġġ li jista’ jiġi rkuprat permezz tal-ikkompostjar fl-UE 10 . Il-frammenti tal-plastik li jifdal u l-mikroplastiċi potenzjalment iġġenerati jistgħu jaffettwaw b’mod ħażin il-kwalità tal-kompost.

3.3Frammentazzjoni u bijodegradazzjoni fil-miżbliet

Il-frammentazzjoni tal-plastik ossodegradabbli teħtieġ l-ossiġenu. Fil-maġġoranza tal-partijiet ta’ miżbla, b’mod partikolari l-partijiet ta’ ġewwa, ikun hemm ftit ossiġenu. L-evidenza li nġabret sal-lum tissuġġerixxi li fis-saffi l-aktar fondi ta’ miżbla (fejn il-materjal ma jkollu l-ebda aċċess għal ammont suffiċjenti ta’ arja u hija possibbli biss degradazzjoni anaerobika) hemm ftit jew l-ebda bijodegradazzjoni ta’ plastik ossodegradabbli. Fis-saffi ta’ barra ta’ miżbla, fejn il-materjal ikollu aċċess għall-arja, hija possibbli d-degradazzjoni aerobika.

Id-distinzjoni ewlenija mil-lat ta’ protezzjoni ambjentali hija li d-degradazzjoni aerobika tipproduċi s-CO2 filwaqt li d-degradazzjoni anaerobika tipproduċi l-metan, li huwa gass serra li jagħmel 25 darba aktar ħsara (fuq medda ta’ żmien ta’ 100 sena) mis-CO2.

Għaldaqstant, jekk kellha seħħ xi bijodegradazzjoni fis-saffi l-aktar fondi ta’ miżbla, il-plastik ossodegradabbli jkun marġinalment agħar mill-plastik konvenzjonali mil-lat ta’ gassijiet serra, għaliex il-plastik konvenzjonali ma jkunx bijodegradabbli f’dawn il-kundizzjonijiet.

3.4Frammentazzjoni u bijodegradazzjoni fl-ambjent tal-baħar

Attwalment, ma hemmx biżżejjed evidenza li tiżgura li l-plastik ossodegradabbli, inklużi l-basktijiet tal-plastik, se jsir bijodegradabbli fl-ambjent tal-baħar fi żmien raġjonevoli.

Twettqu ftit testijiet, u attwalment ma jeżisti l-ebda standard rikonoxxut li jista’ jservi bħala punt ta’ riferiment u jippermetti ċertifikazzjoni.

Anke jekk jiġi preżunt li l-plastik ossodegradabbli jista’ jifframmenta fl-ambjent tal-baħar sa livell fejn il-bijodegradazzjoni tista’ tkun possibbli, huwa mistenni li kwalunkwe bijodegradazzjoni fl-ambjent tal-baħar iddum ferm aktar milli fl-ambjenti miftuħa bbażati fuq l-art, minħabba l-konċentrazzjonijiet aktar baxxi tal-ossiġenu u l-batterji preżenti. Barra minn hekk, qabel ma basket tal-plastik jifframmenta, il-ħsara kkawżata lill-fawna tal-ekosistema tal-baħar (eż. il-fkieren, l-għasafar tal-baħar jew il-baleni) tista’ tkun sostanzjali.

Ma hemm l-ebda evidenza konklużiva dwar iż-żmien meħtieġ għall-plastik ossodegradabbli biex jifframmenta fl-ambjenti tal-baħar, u lanqas dwar il-grad tal-frammentazzjoni. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ kwalunkwe plastik ieħor li jispiċċa fl-ambjent tal-baħar, hemm ir-riskju li l-frammenti tal-plastik jibqgħu f’dak l-ambjent għal perjodu twil ħafna u jikkawżaw ħsara ambjentali sinifikanti u jħallu impatti negattivi potenzjali fuq is-saħħa.

3.5Konklużjonijiet dwar il-bijodegradazzjoni u l-ikkompostjar tal-plastik ossodegradabbli, inklużi l-basktijiet tal-plastik, f’kundizzjonijiet mhux ikkontrollati f’ambjenti differenti

Hemm qbil ġenerali kemm fost il-komunità xjentifika kif ukoll fl-industrija li f'ambjenti miftuħa, l-addittivi ossidanti se jaċċelleraw il-frammentazzjoni tal-polimeri tradizzjonali.

Madankollu, għadu ma ġie ddokumentat l-ebda proċess sħiħ tal-bijodegradazzjoni għal xi wieħed minn dawn l-ambjenti. Il-maġġoranza tal-esperimenti twettqu fuq perjodu ta’ żmien qasir wisq biex tintwera l-bijodegradazzjoni sħiħa u r-riżultati tal-kejl tat-tnaqqis fil-piż molekulari fl-istadju inizjali tal-frammentazzjoni ġew estrapolati skont ċerti mudelli. Għalhekk, attwalment ma hemm l-ebda evidenza konklużiva disponibbli li tikkonferma li l-frammentazzjoni hija rapida biżżejjed u twassal għal tnaqqis fil-piż molekulari li jippermetti bijodegradazzjoni sussegwenti li sseħħ fi ħdan perjodu ta’ żmien raġonevoli.

L-evidenza tissuġġerixxi wkoll li l-plastik ossodegradabbli mhuwa adattat għall-ebda forma ta’ kompostjar jew diġestjoni anaerobika.

4.Kwistjonijiet relatati mar-rimi tal-iskart

4.1Effetti tossiċi potenzjali tal-addittivi ossidanti

L-effetti tossiċi potenzjali fuq il-ħamrija ta’ addittivi residwi minn plastik ossodegradabbli ġew identifikati bħala tħassib 11 .

Madankollu, għad ma jistgħux jinsiltu konklużjonijiet validi għall-addittivi ossidanti użati, minħabba li f’konċentrazzjonijiet differenti jintużaw addittivi ossidanti differenti.

Mill-evidenza disponibbli jidher li l-industrija tal-plastik ossodegradabbli tista’ toħloq prodotti b’impatt tossiku minimu fuq il-flora u l-fawna; madankollu, ma ġiex ippruvat b’mod konklużiv li ma hemm l-ebda effett negattiv.

Xi ftit standards tat-testijiet għall-plastik ossodegradabbli jispeċifikaw xi forma ta’ test tat-tossiċità, iżda dawn l-istandards mhumiex obbligatorji għall-prodotti fis-suq tal-UE; barra minn hekk, uħud mill-istandards jiddeskrivu listi ta’ kontroll mingħajr ma jiddefinixxu kriterji ta’ suċċess/falliment għar-riżultati tat-test tossikoloġiku.

Fin-nuqqas ta’ standards adegwati fl-UE, ma hemm l-ebda garanzija li l-plastik ossodegradabbli kollu fis-suq jevita effetti tossiċi negattivi u tibqa’ l-inċertezza dwar l-impatti tossikoloġiċi fuq id-dinja reali.

4.2Żieda potenzjali fir-rimi tal-iskart

Minkejja li attwalment mhija disponibbli ebda informazzjoni konklużiva dwar ir-rimi tal-plastik skont it-tip ta’ plastik, jew dwar l-influwenza tal-kummerċjalizzazzjoni tal-plastik ossodegradabbli fuq l-imġiba tar-rimi tal-konsumaturi, il-preżentazzjoni tal-plastik ossodegradabbli bħala s-soluzzjoni għall-iskart tal-plastik fl-ambjent tista’ tinfluwenza l-imġiba tar-rimi tal-iskart billi żżid il-probabbiltà li dan jintrema b'mod inadegwat 12 . Għal prodotti ossodegradabbli speċifiċi, bħall-mulches agrikoli, il-kwistjoni dwar ir-rimi tal-iskart hija ovvja peress li dawk il-prodotti jinbiegħu lill-bdiewa bl-għan li ma jinġabrux wara li jintużaw (ara l-iskemi ta’ teħid lura għall-plastik konvenzjonali) iżda li jitħallew fuq l-art.

4.3Skart fil-baħar

L-ambjent tal-baħar huwa fejn potenzjalment tista’ sseħħ l-aktar ħsara mill-iskart tal-plastik, inklużi plastik u mikroplastiċi fframmentati; fl-istess ħin, il-ġbir jew l-irkupru sussegwenti tal-plastik huma l-inqas probabbli.

Peress li l-plastik ossodegradabbli huwa magħmul biex jifframmenta aktar malajr mill-plastik konvenzjonali, hemm inqas ċans li jiġi rkuprat matul eżerċizzji tat-tindif tal-iskart, u probabbiltà akbar li jiġi trasportat faċilment mir-riħ u l-ilma. Peress li dawn il-fatturi jistgħu jikkontribwixxu għat-trasportazzjoni aktar faċli tal-plastik ossodegradabbli fl-ambjent tal-baħar milli tal-plastik konvenzjonali, jista’ jingħad li l-plastik ossodegradabbli jikkontribwixxi għat-tniġġis tal-mikroplastiċi u b’hekk jimponi riskji ambjentali.

Ma hemm l-ebda evidenza konklużiva ta’ bijodegradazzjoni sħiħa fi żmien raġjonevoli ta’ plastik ossodegradabbli fl-ambjent tal-baħar.

Barra minn hekk, ma hemmx biżżejjed evidenza biex jiġi konkluż jekk il-plastik ossodegradabbli jżidx jew inaqqasx kwantitajiet assoluti ta’ plastik fl-ambjent tal-baħar. Fl-ipoteżi li l-bijodegradazzjoni sħiħa ssir fuq l-art, il-kwantità li b’xi mod tista’ tittrasferixxi għall-ambjent tal-baħar titnaqqas. Madankollu, mhuwiex ippruvat li l-bijodegradazzjoni sħiħa ssir fuq l-art. Konsegwentement, hemm riskju li l-imġiba tal-frammentazzjoni tal-plastik ossodegradabbli tiggrava kwistjonijiet relatati mal-preżenza tal-mikroplastiċi fl-ambjent tal-baħar.

Barra minn hekk, filwaqt li l-frammentazzjoni rapida tista’ tirriżulta f’inqas taħbil tal-annimali fil-plastik, fl-istess ħin din iżżid l-inġestjoni fiżika tal-mikroplastiċi mill-annimali tal-baħar.

Peress li l-plastik ossodegradabbli x’aktarx jifframmenta aktar malajr mill-plastik konvenzjonali, l-impatti negattivi assoċjati mal-preżenza tal-mikroplastiċi fl-ambjent tal-baħar huma kkonċentrati f’perjodu iqsar ta’ żmien. Fl-aħħar mill-aħħar, dan jista’ jkun agħar mit-tifrix tal-impatti fuq perjodu itwal, minħabba żieda fil-proporzjon ta’ individwi, speċi u ħabitats affettwati, kif ukoll il-piż tal-impatti għal individwu.

5.Kwistjonijiet relatati mal-proċess tar-riċiklaġġ

5.1Identifikazzjoni ta’ plastik ossodegradabbli

Il-frammentazzjoni inerenti u pprogrammata kif intenzjonata mal-addittivi ossidanti mhijiex mixtieqa għal bosta prodotti magħmula minn plastik riċiklat. Għalhekk, jenħtieġ li l-plastik ossodegradabbli jkun jista’ jiġi identifikat u separat minn plastik ieħor miġbur għar-riċiklaġġ.

Madankollu, attwalment, it-teknoloġija disponibbli ma tistax tiżgura l-identifikazzjoni u s-separazzjoni individwali tal-plastik ossodegradabbli permezz ta’ riproċessuri. Konsegwentement, ir-riċiklaġġ ta’ plastik ossodegradabbli se jsir flimkien ma’ plastik konvenzjonali.

5.2Kwistjonijiet dwar il-kwalità u l-kummerċjabbiltà tal-materjali riċiklati

Jeżisti tħassib sinifikanti fi ħdan l-industrija tar-riċiklaġġ li l-plastik ossodegradabbli jaffettwa b’mod negattiv il-kwalità tal-plastik riċiklat. It-testijiet urew li l-preżenza tal-plastik ossodegradabbli f’sistema konvenzjonali tar-riċiklaġġ tal-plastik tista’ twassal għal materjal riċklat ta’ kwalità fqira. Għalkemm jidher ukoll li l-produzzjoni ta’ materjal riċiklat ta’ kwalità għolja hija possibbli, ma hemm l-ebda ċertezza dwar in-nuqqas ta’ impatt negattiv tal-plastik ossodegradabbli fuq il-materjal riċiklat 13 .

L-evidenza tissuġġerixxi li l-impatti tal-addittivi ossidanti fuq il-materjali riċklati jistgħu, taħt ċerti ċirkostanzi, jiġu evitati bl-inklużjoni ta’ stabilizzaturi. Il-kwantità u l-kimika adegwati tal-istabbilizzatur jiddependu fuq il-konċentrazzjoni u n-natura tal-addittivi ossidanti fil-materja prima. Madankollu, peress li f’sitwazzjonijiet reali, il-konċentrazzjoni tal-plastik ossodegradabbli fil-materjal riċiklat mhijiex magħrufa, huwa diffiċli li wieħed isir jaf id-dożaġġ korrett ta’ stabbilizzaturi.

Kwistjoni oħra ewlenija timplika li huwa impossibbli li jiġi kkontrollat bis-sħiħ il-livell ta’ tixjiħ esperjenzat mill-plastik ossodegradabbli matul il-fażi tal-użu tal-prodott, qabel ma l-prodotti jsiru skart u jibdew il-proċessi ta’ riċiklaġġ.

L-eżistenza ta’ plastik ossodegradabbli u n-natura globali tas-swieq għal materjali sekondarji jippreżentaw riskji għal użu aktar ġeneralizzat ta’ plastik irkuprat fi prodotti b’ħajja twila. L-inċertezza ta’ jekk il-materjal riċiklat jistax ikun fih plastik ossodegradabbli u tal-grad ta’ ossidazzjoni u degradazzjoni li setgħu jseħħu qabel l-irkupru, tillimita l-użu finali għall-materjal riċiklat, filwaqt li jkollha impatt negattiv fuq il-prezz tal-materjal riċiklat u fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija tar-riċiklaġġ tal-plastik.

6.Konklużjonijiet

Filwaqt li jitqiesu s-sejbiet ewlenin tal-istudju ta’ appoġġ kif ukoll rapporti oħra disponibbli 14 , ma hemm l-ebda evidenza konklużiva rigward għadd ta’ kwistjonijiet importanti li jirrelataw mal-effetti ta’ benefiċċju tal-plastik ossodegradabbli fuq l-ambjent.

Ma hemm l-ebda dubju li l-plastik ossodegradabbli, inklużi l-basktijiet tal-plastik, jistgħu jiddegradaw aktar malajr fl-ambjent miftuħ mill-plastik konvenzjonali. Madankollu, ma hemm l-ebda evidenza li turi li sussegwentement, il-plastik ossodegradabbli se jsir kompletament bijodegradabbli fi żmien raġjonevoli fl-ambjent miftuħ, fil-miżbliet jew fl-ambjent tal-baħar. Bijodegradazzjoni rapida biżżejjed hija, b'mod partikolari, mhux murija għall-miżbliet u għall-ambjent tal-baħar.

Għalhekk, firxa wiesgħa ta’ xjenzati, istituzzjonijiet internazzjonali u governattivi, laboratorji ta’ ttestjar, assoċjazzjonijiet kummerċjali ta’ manifatturi tal-plastik, riċiklaturi u esperti oħra waslu għall-konklużjoni li l-plastik ossodegradabbli mhuwiex soluzzjoni għall-ambjent u li l-plastik ossodegradabbli mhuwiex adattat għal użu fit-tul, għar-riċiklaġġ jew għall-ikkompostjar.

Hemm riskju konsiderevoli li l-plastik ifframmentat mhux se jsir kompletament bijodegradabbli, kif ukoll riskju sussegwenti ta’ ammont aċċellerat u akkumulattiv ta’ mikroplastiċi fl-ambjent, b’mod partikolari fl-ambjent tal-baħar. Il-kwistjoni tal-mikroplastiċi ilha magħrufa bħala problema globali li teħtieġ azzjoni urġenti, mhux biss f'termini ta’ tindif tal-iskart iżda wkoll f’termini ta’ prevenzjoni ta’ tniġġis tal-plastik.

Id-dikjarazzjonijiet li jippreżentaw il-plastik ossodegradabbli bħala soluzzjoni “ossobijodegradabbli” għar-rimi tal-iskart bl-ebda impatt negattiv fuq l-ambjent, b’mod partikolari billi ma jħallix warajh frammenti tal-plastik jew residwi tossiċi, mhumiex sostnuti b'evidenza.

Fin-nuqqas ta’ evidenza konklużiva ta’ effett ta’ benefiċċju fuq l-ambjent u effettivament indikazzjonijiet għall-kuntrarju, minħabba d-dikjarazzjonijiet qarrieqa relatati mogħtija lill-konsumaturi u r-riskji li jirriżultaw mill-imġiba tar-rimi tal-iskart, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati miżuri mifruxa mal-UE kollha. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-istrateġija Ewropea dwar il-plastik, se jinbeda proċess biex jirrestrinġi l-użu tal-plastik ossodegradabbli fl-UE.

(1)    Id-Direttiva (UE) 2015/720. ĠU L 115, 6.05.2015, p. 11
(2)    Id-Direttiva 94/62/KE tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ. ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10
(3)    Rapport finali tal-istudju dwar l-impatt tal-użu tal-plastik “ossodegradabbli” fuq l-ambjent disponibbli fuq il-paġna web tal-Kummissjoni: https://publications.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/bb3ec82e-9a9f-11e6-9bca-01aa75ed71a1/language-en/format-PDF/source-56357670
(4)    Dawn jinkludu materjali li jirriżultaw minn proċessi ta’ sinteżi artifiċjali (eż. il-plastik) u dawk li jirriżultaw minn proċessi ta’ sinteżi naturali (“il-bijopolimeri”, bħaċ-ċelluloża u l-proteina), ħlief il-ġebel u l-metalli.
(5)    Id-definizzjoni ta’ qafas ta’ żmien “raġonevoli” tista’ tvarja minn prodott għall-ieħor, anki skont l-użu tal-prodott u l-impatt tiegħu fuq l-ambjent; l-impatt ambjentali huwa korrelatat maż-żmien meħtieġ għad-dekompożizzjoni sħiħa tal-polimeru.
(6)    Il-plastik bijoloġiku għandu l-istess karatteristiċi bħall-plastik konvenzjonali iżda huwa dderivat mill-bijomassa, kif iddefinit fl-Istandard Ewropew EN 16575.
(7)    Rapport finali, in-nota 3 f’qiegħ il-paġna supra, it-Tabella 3, p.21
(8)    DEFRA: Review of standards for biodegradable plastic carrier bags, Diċembru 2015, analiżi tal-evidenza mil-Loughborough University, iċċitata fir-Rapport finali, in-nota 3 f’qiegħ il-paġna supra, p.16
(9)    Rapport finali, in-nota 3 f’qiegħ il-paġna supra, Sommarju eżekuttiv, E.1.1, ii
(10)    Rapport finali, in-nota 3 f’qiegħ il-paġna supra, 4.1.2.1. p.31
(11)    Għalkemm mhuwiex mifrux, l-użu tal-kobalt ġie osservat f’xi studji u għad hemm il-possibbiltà li l-produtturi jistgħu jinkorporaw il-kobalt, jew il-manganiż, jew sustanzi oħra ta’ tħassib, fl-addittivi tagħhom fin-nuqqas ta’ regolamentazzjoni dwar l-ekotossiċità li tipprevjeni dan.Rapport finali, in-nota 3 f’qiegħ il-paġna supra, p. 59-60
(12)    Ara wkoll, għall-kwistjoni dwar l-imġiba tar-rimi tal-iskart u l-bijodegradabilità, UNEP: Biodegradable plastics and marine litter: misconceptions, concerns, and impacts on marine environments (2015), p. 29
(13)    Rapport finali, in-nota 3 f’qiegħ il-paġna supra, p. 97-101
(14)

   Ara UNEP: Biodegradable plastics and marine litter: misconceptions, concerns, and impacts on marine environments (Il-plastik bijodegradabbli u l-iskart fil-baħar: kunċetti żbaljati, tħassib u impatti fuq ambjenti tal-baħar) (2015); OWS: Benefits and challenges of oxo-biodegradable plastics (Il-benefiċċji u l-isfidi tal-plastik ossobijodegradabbli) (2013); Bijoplastik Ewropew: ‘Oxo-biodegradable’ plastics (Il-plastik “ossobijodegradabbli”) (2009). Bijoplastik Ewropew: ‘Oxo-biodegradable’ plastics and other plastics with additives for degradation (Il-plastik “ossobijodegradabbli u plastik ieħor b'addittivi għad-degradazzjoni) (2015); Il-Fondazzjoni Ellen MacArthur: The new Plastics Economy: rethinking the future of plastics (L-Ekonomija l-ġdida tal-Plastik: konsiderazzjoni mill-ġdid tal-ġejjieni tal-plastik) (2016); Il-Fondazzjoni Ellen MacArthur: The new Plastics Economy: oxo-degradable plastic packaging is not a solution to plastic pollution, and does not fit in a circular economy (2017 – dikjarazzjoni approvata minn aktar minn 150 organizzazzjoni madwar id-dinja, inklużi n-negozji u l-assoċjazzjonijiet tal-industrija, l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet nongovernattivi, l-organizzazzjonijiet ta’ riċkera u x-xjenzati).; EPA Network: Recommendations towards the EU Plastics Strategy (2017 - Dokument ta’ diskussjoni mill-Grupp ta’ Interess “Plastik” tan-Netwerk Ewropew tal-Kapijiet tal-Aġenziji għall-Ħarsien tal-Ambjent mill-Awstrija, mid-Danimarka, mill-Finlandja, mill-Iżlanda, mill-Ġermanja, min-Netherlands, min-Norveġja, mill-Portugall, mir-Rumanija, mill-Iskozja, mis-Slovenja, minn Spanja u mill-Iżvizzera)