8.7.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 220/29 |
Gwida tal-ESSA dwar l-iġjene fil-produzzjoni tan-nebbieta u taż-żrieragħ għat-tnibbit
(2017/C 220/03)
Sommarju
Is-suq tal-UE taż-żrieragħ imnibbta huwa qasam ġdid speċjalizzat ħafna tas-suq tal-prodotti friski b’madwar 120 stabbiliment ta’ produzzjoni professjonali fl-UE. Wara l-kriżi tal-EHEC fl-2011 u “l-Opinjoni Xjentifika dwar ir-riskju maħluq mill-Escherichia coli li tipproduċi t-tossina Shiga (STEC) u batterji patoġeniċi oħra fi żrieragħ u fi żrieragħ imnibbta” tal-EFSA, daħlet fis-seħħ leġiżlazzjoni ġdida tal-UE sabiex fl-Ewropa titjieb is-sikurezza ta’ dan il-qasam tal-prodotti. Biex jgħinu fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli speċifiċi nħolqu linji gwida nazzjonali differenti. L-iskop ta’ din il-linja gwida Ewropea, miktuba mill-Assoċjazzjoni Ewropea taż-Żrieragħ Imnibbta (European Sprouted Seeds Association - ESSA), hu li tagħti struzzjonijiet komprensivi dwar il-prattiki iġjeniċi għall-produzzjoni sikura tan-nebbieta u taż-żrieragħ għat-tnibbit, u biex din l-informazzjoni tkun għad-dispożizzjoni tal-produtturi tan-nebbieta fil-pajjiżi Ewropej u lil hinn.
Din il-linja gwida tista’ tintuża biex jinħolqu listi ta’ kontroll u skemi biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-linja gwida.
Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-gwida
Din il-linja gwida tirreferi għall-produzzjoni kummerċjali ta’ nebbieta u ta’ żrieragħ għat-tnibbit skont il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni Ewropea. Il-ġerminazzjoni taż-żrieragħ - l-umidifikazzjoni taż-żrieragħ, biex jiżdied il-kontenut tal-ilma fihom u ma jibqgħux reqdin, sakemm tibda tikber pjanta ġdida - hija produzzjoni primarja fl-UE. Din il-linja gwida dwar l-iġjene tkopri attivitajiet li jagħmlu parti mill-produzzjoni primarja. L-attivitajiet barra mill-ambitu tal-produzzjoni primarja mhumiex koperti, iżda jista’ jkun hemm gwida alternattiva disponibbli u elenkata fir-referenzi ta’ hawn taħt. Din il-linja gwida ma tkoprix il-produzzjoni ta’ żrieragħ imnibbta oħra, bħal ħxejjex żgħar ħafna (microgreens), rimi, krexxuni u prodotti li jiġu kkultivati f’medium ta’ tkabbir jew f’ħamrija fis-serer. Il-prodotti taż-żrieragħ imnibbta esklużi mill-ambitu ta’ din il-gwida huma koperti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni – Dokument ta’ gwida dwar l-indirizzar tar-riskji mikrobijoloġiċi fil-frott u fil-ħxejjex friski matul il-produzzjoni primarja permezz ta’ iġjene tajba (1).
Il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE għall-produzzjoni tan-nebbieta u taż-żrieragħ għat-tnibbit
Ir-rekwiżiti ġenerali għas-sikurezza alimentari inkluż l-obbligu li fis-suq jitqiegħed biss ikel sikur huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 178/2002. Il-produzzjoni iġjenika tal-oġġetti tal-ikel fl-UE hi koperta mir-Regolament (KE) Nru 852/2004 u b’mod partikolari mill-Parti A tal-Anness 1 ta’ dan ir-Regolament. Dan jobbliga lill-produtturi primarji sabiex jiżguraw li l-prodotti primarji jkunu protetti kontra l-kontaminazzjoni, pereżempju billi jdaħħlu miżuri fis-seħħ li jipprevjenu l-kontaminazzjoni mill-arja, mill-ħamrija, mill-ilma, mill-fertilizzanti, mill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u mill-prodotti bijoċidali u mill-ħżin, mill-immaniġġjar u mir-rimi ta’ skart. Dawn il-linji gwida jagħtu eżempji prattiċi biex jissuplimentaw dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali.
Rekwiżiti aktar speċifiċi għall-produzzjoni tan-nebbieta huma stabbiliti f’diversi regolamenti addizzjonali tal-UE: Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 208/2013 dwar ir-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà għan-nebbieta u ż-żrieragħ maħsubin għall-produzzjoni tan-nebbieta, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 209/2013 (li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2073/2005) fir-rigward tal-kriterji mikrobijoloġiċi għan-nibet, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 210/2013 dwar l-approvazzjoni tal-istabbilimenti li jipproduċu n-nebbieta u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 211/2013 (emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 704/2014) dwar ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għall-importazzjonijiet fl-UE tan-nebbieta u ż-żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta. Ir-rekwiżiti ta’ dawn ir-Regolamenti huma inklużi f’din il-linja gwida.
Il-partijiet kollha tal-leġiżlazzjoni tal-UE msemmija f’din il-gwida ssir referenza għalihom fl-Anness I ta’ din il-gwida. L-Anness II jipprovdi referenzi għal sorsi oħra ta’ informazzjoni rilevanti relatati mal-produzzjoni tan-nebbieta.
Din il-linja gwida tkopri r-rekwiżiti minimi għall-produzzjoni tan-nebbieta fl-UE. Xi Stati membri tal-UE jista’ jkollhom rekwiżiti aktar stretti għall-produtturi tan-nebbieta stabbiliti f’dawn l-Istati Membri. Ġeneralment huwa rakkomandat li l-produtturi tan-nebbieta jżommu kuntatt mal-awtorità kompetenti tagħhom biex jibqgħu infurmati dwar ir-regoli applikabbli fl-Istat Membru relattiv tagħhom.
Dokumenti addizzjonali li jmorru lil hinn minn dawn il-linji gwida
Gwida addizzjonali hija disponibbli permezz tal-pubblikazzjonijiet relevanti tal-Codex Alimentarius, il-prattiki agrikoli tajba (GAP) u l-prattiki ta’ iġjene tajba (GHP) ġenerali żviluppati minn awtoritajiet nazzjonali differenti kif ukoll minn linji gwida minn partijiet ikkonċernati privati u skemi ta’ ċertifikazzjoni differenti. L-informazzjoni li tirrigwarda d-dokumenti ta’ gwida magħrufa mal-Assoċjazzjoni Ewropea taż-Żrieragħ Imnibbta (ESSA) ġiet inkluża fir-referenzi u fl-annessi ta’ din il-linja gwida.
DIKJARAZZJONI TA’ ĊAĦDA TA’ RESPONSABBILTÀ
Din il-linja gwida hija rakkomandazzjoni li ma għandha l-ebda valur legalment vinkolanti. Ġiet stabbilita biss għal skopijiet ta’ informazzjoni. L-Assoċjazzjoni Ewropea taż-Żrieragħ Imnibbta (ESSA) ma tagħtix garanzija dwar l-eżatezza tal-informazzjoni pprovduta, u lanqas ma taċċetta r-responsabbiltà għal kwalunkwe użu li jista’ jsir minnha. Għalhekk, l-utenti għandhom jieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa qabel ma jużaw din l-informazzjoni, li huma jkunu qed jużaw biss għar-riskju tagħhom stess. L-obbligu li tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-sikurezza alimentari jaqa’ taħt il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE. Il-produtturi tan-nebbieta huma mitlubin jikkuntattjaw lill-awtorità kompetenti tagħhom biex jiksbu l-informazzjoni kollha dwar ir-rekwiżiti legali fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti.
Werrej
Lista ta’ akronimi | 31 |
DEFINIZZJONIJIET | 31 |
1. |
PRODUZZJONI TAN-NEBBIETA | 34 |
1.A. |
L-istabbiliment | 34 |
1.A.1. |
L-approvazzjoni tal-istabbilimenti li jipproduċu n-nebbieta | 34 |
1.A.2. |
Id-disinn u t-tqassim tal-faċilitajiet | 35 |
1.A.3. |
Is-sanitazzjoni | 36 |
1.A.4. |
Il-manutenzjoni | 36 |
1.A.5. |
L-istat tas-saħħa tal-ħaddiema | 36 |
1.A.6. |
Il-kontroll tal-organiżmi ta’ ħsara | 36 |
1.A.7. |
L-iġjene personali u l-lbies adattat | 37 |
1.A.8. |
It-trattament tal-iskart | 37 |
1.B. |
It-taħriġ | 38 |
1.C. |
Il-kontroll taż-żrieragħ li jkunu deħlin | 38 |
1.C.1. |
Iċ-ċertifikat tal-importazzjoni | 38 |
1.C.2. |
Ir-rekwiżiti ta’ traċċabilità relatati maż-żrieragħ li jkunu deħlin | 39 |
1.C.3. |
L-ispezzjoni viżwali | 39 |
1.D. |
Il-ħżin taż-żrieragħ | 39 |
1.E. |
L-analiżi tal-perikli u punti kritiċi ta’ kontroll | 40 |
1.F. |
L-użu tal-ilma | 40 |
1.G. |
Il-proċess tat-tnibbit | 40 |
1.G.1. |
It-tlaħliħ inizjali taż-żrieragħ | 40 |
1.G.2. |
Id-dekontaminazzjoni mikrobijoloġika taż-żrieragħ | 40 |
1.G.3. |
L-immersjoni qabel il-ġerminazzjoni | 41 |
1.G.4. |
Il-ġerminazzjoni, it-tkabbir u t-tisqija | 41 |
1.G.5. |
Il-ħsad | 41 |
1.H. |
L-ipproċessar, l-ippakkjar, il-ħażna u t-trasport | 41 |
1.H.1. |
It-tlaħliħa finali, it-tneħħija tal-qxur u t-tkessiħ | 41 |
1.H.2. |
Id-dekontaminazzjoni mikrobijoloġika tan-nebbieta | 41 |
1.H.3. |
Il-materjali u l-oġġetti maħsuba li jiġu f’kuntatt man-nebbieta | 41 |
1.H.4. |
Il-ħżin tan-nebbieta | 42 |
1.H.5. |
Informazzjoni dwar il-prodott u l-għarfien fost il-konsumaturi | 42 |
1.H.6. |
It-trasportazzjoni | 42 |
1.I. |
L-ittestjar mikrobijoloġiku taż-żrieragħ u tan-nebbieta | 42 |
1.I.1. |
Gwida għall-kampjunar taż-żrieragħ | 43 |
1.I.2. |
Il-frekwenza tal-kampjunar u tal-ittestjar tan-nebbieta tal-inqas 48 siegħa wara l-bidu tal-proċess tat-tnibbit | 43 |
1.I.3. |
Il-kampjunar tal-prodott finali | 44 |
1.I.4. |
Ir-riżultati tat-test | 44 |
1.I.5. |
Deroga mill-ittestjar preliminari tal-lottijiet kollha ta’ żrieragħ stabbilit f’1.I.1. | 44 |
1.I.6. |
L-ittestjar alternattiv mill-fornitur taż-żrieragħ | 45 |
1.J. |
Azzjoni f’każ ta’ kontaminazzjoni | 45 |
1.J.1. |
Id-detezzjoni ta’ kontaminazzjoni qabel ma l-ikel jitlaq minn taħt il-kontroll tal-produttur tan-nebbieta | 45 |
1.J.2. |
Id-detezzjoni tal-kontaminazzjoni wara li l-ikel ikun telaq minn taħt il-kontroll tal-produttur tan-nebbieta - l-irtirar u s-sejħa lura | 45 |
1.K. |
It-traċċabilità u ż-żamma ta’ rekords | 46 |
1.K.1. |
It-traċċabilità tal-proċess fl-istabbiliment tat-tnibbit | 46 |
1.K.2. |
Ir-rekwiżiti ta’ traċċabilità tal-prodott finali - in-nebbieta | 46 |
1.K.3. |
Eżenzjoni mir-rekwiżiti f’dan il-kapitolu | 47 |
1.L. |
Sommarju: L-obbligu taż-żamma ta’ rekords | 47 |
2. |
IL-PRODUZZJONI TAŻ-ŻRIERAGĦ | 48 |
2.A. |
Ġenerali | 48 |
2.B. |
It-trattamenti tal-ħamrija/l-art | 48 |
2.C. |
L-iġjene tal-ħaddiema | 49 |
2.D. |
It-tisqija | 49 |
2.E. |
Iż-żrieragħ | 49 |
2.F. |
It-tnixxif tal-pjanti/tal-imżiewed | 49 |
2.G. |
Id-dris | 49 |
2.H. |
Il-ħżin wara l-ħsad | 49 |
2.I. |
L-ipproċessar | 49 |
Anness I - il-leġiżlazzjoni ġenerali u l-leġiżlazzjoni speċifika dwar in-nebbieta | 51 |
Anness II - ir-referenzi għal sorsi ta’ informazzjoni rilevanti oħra | 52 |
Lista ta’ akronimi
CCP: punt kritiku ta’ kontroll
KE: Il-Komunità Ewropea
EFSA: L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel
ESSA: L-Assoċjazzjoni Ewropea taż-Żrieragħ Imnibbta
UE: L-Unjoni Ewropea
GAP: Prattiki Agrikoli Tajba
GHP: Prattiki ta’ Iġjene Tajba
HACCP: Analiżi tal-Perikli u Punti Kritiċi ta’ Kontroll
STEC: E.coli li tipproduċi t-tossina Shiga O157, O26, O111, O103, O145 u O104:H4
WHO: L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa
DEFINIZZJONIJIET
Lott (2) : kwantità ta’ nebbieta jew ta’ żrieragħ maħsubin għall-produzzjoni tan-nebbieta bl-istess isem tassonomiku, li tintbagħat mill-istess stabbiliment għall-istess destinazzjoni fl-istess jum. Lott wieħed jew aktar jistgħu jikkostitwixxu kunsinna. Madankollu, iż-żrieragħ b’isem tassonomiku differenti, li jitħalltu fl-istess pakkett u li jkunu maħsuba għal ġerminazzjoni flimkien, u n-nebbieta tagħhom ukoll huma kkunsidrati bħala lott wieħed.
Ilma nadif (3) : tfisser ilma baħar nadif u ilma ħelu ta’ kwalità simili.
Awtorità kompetenti (4) : awtorità ċentrali ta’ Stat Membru responsabbli għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali jew xi awtorità oħra li ngħatatilha dik ir-responsabbiltà; din għandha tinkludi wkoll, meta xieraq, l-awtorità korrispondenti ta’ pajjiż terz.
Kunsinna (5) : kwantità ta’ nebbieta jew ta’ żrieragħ intiża għall-produzzjoni tan-nebbieta u li: (i) toriġina mill-istess pajjiż terz; (ii) hi koperta mill-istess ċertifikat(i); (iii) li titwassal bl-istess mezz ta’ trasport.
Kontaminazzjoni (6) : tfisser il-preżenza jew l-introduzzjoni ta’ periklu.
Krexxuni (7) : żrieragħ imnibbta miksuba mill-ġerminazzjoni u mill-iżvilupp ta’ żrieragħ vera fil-ħamrija jew f’substrat idroponiku, biex jiġu prodotti rimi ħodor b’weraq żgħar ħafna u/jew kotiledoni. Il-krexxuni jinbiegħu bħala pjanta sħiħa fis-substrat jew fil-ħamrija tagħha.
Punt kritiku ta’ kontroll (CCP) (8) : stadju li fih jista’ jiġi applikat il-kontroll u li huwa essenzjali għall-prevenzjoni jew għall-eliminazzjoni ta’ periklu għas-sikurezza alimentari jew biex dan il-periklu jitnaqqas għal livell aċċettabbli.
Stabbiliment (9) : tfisser kull unità tan-negozju tal-ikel.
Prattiki agrikoli tajba (GAP) (10) : prattiki li jindirizzaw is-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali għall-proċessi fl-azjenda, u li jirriżultaw fi prodotti agrikoli tal-ikel u mhux tal-ikel ta’ kwalità.
Prattiki ta’ Iġjene Tajba (GHP) (11) : kundizzjonijiet ġenerali, bażiċi għall-produzzjoni iġjenika ta’ oġġetti tal-ikel, inklużi r-rekwiżiti għad-disinn, għall-kostruzzjoni u għall-operat iġjeniċi tal-istabbiliment, il-kostruzzjoni u l-użu iġjeniċi tat-tagħmir, il-manutenzjoni u t-tindif skedati, u t-taħriġ u l-iġjene tal-persunal. Programm ta’ GHP żviluppat u implimentat huwa prerekwiżit għas-sistema tal-HACCP.
Ikel (12) : tfisser kull sustanza jew prodott, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem.
Operatur ta’ negozju tal-ikel (13) : tfisser il-persuni naturali jew ġuridiċi responsabbli biex jiżguraw li r-rekwiżiti tal-liġi dwar l-ikel jiġu mħarsa fi ħdan in-negozju tal-ikel taħt il-kontroll tagħhom.
Iġjene tal-ikel (14) : minn hawn ‘il quddiem imsejħa “iġjene”, tfisser il-miżuri u l-kundizzjonijiet neċessarji għall-kontroll tal-perikli u sabiex tiġi żgurata l-idoneità tal-oġġetti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem billi jkun meqjus l-użu ntiż tagħhom.
Liġi dwar l-ikel (15) : tfisser il-liġijiet, ir-Regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirregolaw l-ikel b’mod ġenerali, u b’mod partikolari s-sikurezza alimentari, kemm jekk f’livell tal-Komunità jew nazzjonali; tkopri kull stadju tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ikel, kif ukoll tal-għalf li jiġi prodott għall-annimali li jipproduċu l-ikel jew li jingħata lilhom.
Periklu (16) : tfisser aġent bijoloġiku, kimiku jew fiżiku fl-ikel, jew kundizzjoni tal-ikel, bil-potenzjal li joħolqu effett avvers fuq is-saħħa.
Analiżi tal-perikli (17) : il-proċess ta’ ġbir u ta’ evalwazzjoni tal-informazzjoni dwar il-perikli u l-kundizzjonijiet li jwasslu għall-preżenza tagħhom biex jiġi deċiż liema huma sinifikanti għas-sikurezza alimentari u li għaldaqstant jenħtieġ li jiġu indirizzati fil-pjan tal-HACCP.
Analiżi tal-perikli u punti kritiċi ta’ kontroll (HACCP) (18) : sistema li tidentifika, tevalwa u tikkontrolla l-perikli li huma sinifikanti għas-sikurezza alimentari.
Tikkettar (19) : tfisser kwalunkwe kelma, dettall, trademark, isem tad-ditta, materjal jew simbolu bl-istampi marbut ma’ ikel u mqiegħed fuq xi pakkett, dokument, avviż, tikketta, ċirku jew għonq li jkun hemm ma’ dak l-ikel jew li jirreferi għalih.
Kriterju mikrobijoloġiku (20) : tfisser kriterju li jiddefinixxi l-aċċettabbiltà ta’ prodott, ta’ lott ta’ prodotti tal-ikel jew ta’ proċess, ibbażat fuq l-assenza, il-preżenza jew in-numru ta’ mikroorganiżmi, u/jew tal-kwantità tat-tossini/metaboliti tagħhom, għal kull unità ta’ massa, volum, superfiċje jew lott.
Monitoraġġ (21) : l-att tat-twettiq ta’ sekwenza ppjanata ta’ osservazzjonijiet jew ta’ kejl tal-parametri ta’ kontroll biex jiġi vvalutat jekk is-CCP (punt kritiku ta’ kontroll) ikunx taħt kontroll.
Kontrolli uffiċjali (22) : tfisser kull forma ta’ kontroll li l-awtorità kompetenti jew il-Komunità tagħmel għall-verifika tal-konformità mal-liġi dwar l-għalf u dwar l-ikel, u r-regoli dwar is-saħħa tal-annimali u dwar il-benesseri tal-annimali.
Ippakkjar (23) : tfisser it-tqegħid ta’ wieħed jew aktar oġġetti tal-ikel imgeżwra fit-tieni kontenitur, u l-kontenitur innifsu.
Produzzjoni primarja (24) : il-produzzjoni, it-trobbija, jew it-tkabbir ta’ prodotti primarji inkluż il-ħsad, l-annimali tal-ħalib u l-produzzjoni ta’ annimali fl-irziezet qabel il-qatla. Tinkludi wkoll il-kaċċa u s-sajd u l-ħsad ta’ prodotti selvaġġi.
Prodotti primarji (25) : prodotti tal-produzzjoni primarja inklużi prodotti mill-ħamrija, tat-trobbija tal-qobla, tal-kaċċa u tas-sajd.
Ilma tax-xorb (26) : ilma li jissodisfa r-rekwiżiti minimi stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem.
Ikel lest biex jittiekel (27) : tfisser ikel maħsub mill-produttur jew mill-manifattur għall-konsum dirett mill-bniedem mingħajr il-ħtieġa ta’ tisjir jew ta’ pproċessar effettiv ieħor sabiex il-mikroorganiżmi ta’ tħassib jiġu eliminati jew imnaqqsa għal livell aċċettabbli.
Kampjun rappreżentattiv (28) : tfisser kampjun li fih jinżammu l-karatteristiċi tal-lott minn fejn jittieħed. Dan huwa partikolarment il-każ ta’ kampjun aleatorju sempliċi li fih kull oġġett jew inkrement tal-lott ingħata l-istess probabbiltà li jidħol fil-kampjun.
Riskju (29) : tfisser funzjoni tal-probabbiltà ta’ effett negattiv fuq is-saħħa u s-severità ta’ dak l-effett, bil-konsegwenza ta’ periklu.
Analiżi tar-riskju (30) : tfisser proċess li jikkonsisti fi tliet komponenti interkonnessi: valutazzjoni tar-riskju, ġestjoni tar-riskju u komunikazzjoni tar-riskju.
Kampjun (31) : tfisser sett kompost minn unità jew bosta unitajiet jew minn porzjon ta’ materja magħżula permezz ta’ metodi differenti f’popolazzjoni jew fi kwantità importanti ta’ materja, li hu maħsub li jagħti informazzjoni dwar karatteristika speċifika tal-popolazzjoni jew materja taħt eżaminazzjoni u li jipprovdi bażi għal deċiżjoni dwar il-popolazzjoni jew il-materja kkonċernata jew dwar il-proċess li pproduċieha.
Żrieragħ għat-tnibbit (32) : iż-żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta.
Produttur taż-żrieragħ (33) : kull persuna responsabbli mill-ġestjoni tal-attivitajiet assoċjati mal-produzzjoni primarja taż-żrieragħ inklużi l-prattiki ta’ wara l-ħsad.
Distributur taż-żrieragħ (34) : kwalunkwe persuna responsabbli għad-distribuzzjoni taż-żrieragħ (immaniġġjar, ħażna u trasportazzjoni) lill-produtturi tan-nebbieta. Id-distributuri taż-żrieragħ jistgħu jinnegozjaw ma’ produtturi taż-żrieragħ individwali jew ma’ diversi u jistgħu jkunu produtturi huma stess.
Rimi (35) : żrieragħ imnibbta miksuba mill-ġerminazzjoni u mill-iżvilupp taż-żrieragħ biex tiġi prodotta rimja ħadra b’weraq żgħar ħafna u/jew kotiledoni. Ir-rimi u ż-żrieragħ jinħasdu fl-aħħar tal-proċess tal-produzzjoni u l-prodott finali ma jinkludix it-tegumenti taż-żrieragħ u l-għeruq.
Ilma użat għat-tisqija tan-nebbieta (36) : ilma li ġie f’kuntatt man-nebbieta waqt il-proċess tat-tnibbit.
Nebbieta (37) : tfisser il-produzzjoni mill-ġerminazzjoni taż-żrieragħ u l-iżvilupp tagħha fl-ilma jew f’materjal ieħor, maħsuda qabel l-iżvilupp ta’ weraq reali u li hija maħsuba biex tittiekel sħiħa biż-żerriegħa b’kollox.
Żerriegħa mnibbta (38) : tinkludi l-kategoriji segwenti: nebbieta, krexxuni u rimi.
Produttur tan-nebbieta (39) : kull persuna responsabbli mill-ġestjoni tal-attivitajiet assoċjati mal-produzzjoni taż-żrieragħ imnibbta.
Distributur taż-żrieragħ imnibbta (40) : kwalunkwe persuna responsabbli għad-distribuzzjoni taż-żrieragħ imnibbta (immaniġġjar, ħżin u trasportazzjoni) lix-xerrej/lill-klijent. Id-distributuri taż-żrieragħ imnibbta jistgħu jinnegozjaw ma’ produtturi taż-żrieragħ individwali jew ma’ diversi u jistgħu jkunu produtturi huma stess.
Sustanzi (41) : tfisser elementi kimiċi u l-komposti tagħhom, kif jeżistu b’mod naturali jew minħabba li ġew manifatturati, inkluża kwalunkwe impurità li tirriżulta mill-proċess tal-manifattura.
Traċċabilità (42) : tfisser il-kapaċità li jiġi traċċat u segwit ikel, għalf, annimal li jipproduċi l-ikel jew sustanza maħsuba biex tkun, jew mistennija li tkun inkorporata fl-ikel u fl-għalf, matul l-istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni.
1. PRODUZZJONI TAN-NEBBIETA
1.A. L-istabbiliment
1.A.1. L-approvazzjoni tal-istabbilimenti li jipproduċu n-nebbieta
Qabel ma jibdew il-produzzjoni tan-nebbieta, il-produtturi jeħtieġ li jirreġistraw mal-awtoritajiet nazzjonali. Fl-UE dan huwa rekwiżit legali skont ir-Regolament (KE) Nru 852/2004, l-Artikolu 6 li l-operaturi fin-negozju tal-ikel għandhom ikunu rreġistrati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Barra minn hekk, l-istabbilimenti li jipproduċu n-nebbieta li jinsabu f’pajjiż membru tal-UE jridu jkunu approvati mill-awtorità kompetenti tagħhom skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 210/2013. Biex produttur tan-nebbieta jiġi approvat, l-awtorità kompetenti jeħtieġ li tivverifika li l-operatur huwa konformi mal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel u mal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 210/2013. Il-produtturi tan-nebbieta jeħtieġ li jiżguraw li n-nebbieta li jipproduċu jkunu protetti kontra l-kontaminazzjoni.
Il-produtturi tan-nebbieta jridu jieħdu wkoll il-miżuri biex jikkontrollaw il-kontaminazzjoni li tirriżulta mill-arja, mill-ħamrija, mill-ilma, mill-fertilizzanti, mill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u mill-prodotti bijoċidali u mill-ħżin, mill-immaniġġjar u mir-rimi ta’ skart.
Fil-prattika, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreferu għal din il-linja gwida preżenti jew għal-lista ta’ linji gwida nazzjonali biex jivverifikaw jekk il-produtturi tan-nebbieta jissodisfawx id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 dwar ir-regoli ġenerali dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel.
1.A.2. Id-disinn u t-tqassim tal-faċilitajiet
Ir-rekwiżiti legali għall-approvazzjoni tal-istabbilimenti li jipproduċu n-nebbieta huma elenkati fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 210/2013. Ir-rekwiżiti elenkati fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 210/2013 huma dawn li ġejjin:
1. |
Il-mod kif ikunu mfassla u mqassma l-istabbilimenti għandu jippermetti prattiki tajba relatati mal-iġjene tal-ikel, inkluża l-protezzjoni kontra l-kontaminazzjoni bejn u waqt l-operat. B’mod partikolari, is-superfiċi (inklużi s-superfiċi tat-tagħmir) f’żoni fejn jiġi mmaniġġjat l-ikel u dawk f’kuntatt mal-ikel għandhom jinżammu f’kundizzjoni tajba u għandhom ikunu faċli biex jitnaddfu u, fejn neċessarju, biex jiġu diżinfettati. |
2. |
Għandu jkun hemm faċilitajiet adegwati għat-tindif, għad-diżinfettar u għall-ħżin tal-għodda u tat-tagħmir tax-xogħol. Dawn il-faċilitajiet għandhom ikunu faċli biex jitnaddfu u jkollhom provvista adegwata ta’ ilma sħun u kiesaħ. |
3. |
Fejn ikun neċessarju, għandu jkun hemm post adegwat fejn jinħasel l-ikel. Kull sink jew faċilità oħra għall-ħasil tal-ikel għandu jkollhom provvista adegwata ta’ ilma tax-xorb u jinżammu nodfa u, fejn ikun neċessarju, jiġu diżinfettati. |
4. |
It-tagħmir kollu li jiġi f’kuntatt maż-żrieragħ u man-nebbieta għandu jkun magħmul b’tali mod, minn tali materjal, u jinżamm fi stat u kundizzjoni tajbin, sabiex jitnaqqas kwalunkwe riskju ta’ kontaminazzjoni, u jkun jista’ jinżamm nadif u, fejn ikun neċessarju, jkun diżinfettat. |
5. |
Għandu jkun hemm proċeduri adegwati fis-seħħ biex jiġi żgurat li:
|
Barra minn hekk, għandhom jiġu segwiti wkoll ir-rekwiżiti li ġejjin:
— |
il-produzzjoni tan-nebbieta għandha ssir fuq ġewwa f’bini kompletament magħluq; |
— |
il-faċilitajiet għandhom ikunu ddisinjati b’tali mod li ż-żrieragħ u n-nebbieta jinżammu ‘l bogħod mill-oġġetti u mis-sustanzi li jistgħu joħolqu theddida ta’ kontaminazzjoni. Il-proċess ta’ produzzjoni u l-proċessi relatati oħra (immaniġġjar tal-iskart, sanità tal-ħaddiema eċċ.) għandhom ikunu mfassla b’tali mod li jitnaqqas kwalunkwe periklu ta’ kontaminazzjoni kroċjata. Fejn possibbli, għandu jkun hemm separazzjoni fiżika bejn iż-żoni fejn jaslu u jinħażnu ż-żrieragħ, iż-żoni fejn jitħejjew u jitlaħalħu ż-żrieragħ, iż-żoni fejn isseħħ il-ġerminazzjoni u ż-żoni fejn in-nebbieta jiġu mkessħa u ppakkjati. Fejn ikun possibbli, iż-żrieragħ u n-nebbieta ma għandhomx jintbagħtu lura f’kamra li diġà kienu fiha. Fejn xieraq, il-fluss tal-proċess tal-produzzjoni jista’ jiġi indikat lill-persunal permezz ta’ sinjali jew tikketti. Il-faċilitajiet għandhom ikunu faċli biex jitnaddfu u jinżammu fi stat tajjeb; |
— |
il-faċilitajiet sanitarji għandhom ikunu mgħammrin b’ilma ġieri jaħraq u nadif, b’dispensers tas-sapun u b’tagħmir għat-tnixxif tal-idejn (eż. xugamani mhux riutilizzabbli). Preferibbilment għandhom jiġu installati viti b’sensuri awtomatiċi. Fejn possibbli, jenħtieġ li dawn ikunu magħmula b’tali mod li ma jipprovdux aċċess dirett għaż-żona li fiha jsir il-proċess tal-produzzjoni. Il-faċilitajiet sanitarji għandhom ikunu mgħammra biex tkun żgurata t-tneħħija tal-iskart b’mod iġjeniku u għandhom jitnaddfu u ssirilhom manutenzjoni b’mod regolari kif xieraq; |
— |
il-ħaddiema għandu jkollhom kamra disponibbli fejn iħallu l-affarijiet tagħhom jew xi ħaġa simili (ara l-punt 1.A.7.); |
— |
biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni mill-arja, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari sabiex il-prodotti tal-ikel ma jiġux esposti direttament għall-arja minn sors li jista’ jkun ikkontaminat (eż. moffa, umdità eċċ.). L-arja kundizzjonata ma għandhiex tkun diretta fuq il-prodotti tal-ikel. Fejn ikun possibbli u fattibbli, jenħtieġ li jintuża tagħmir biex l-arja jitneħħielha ż-żejt, titnixxef u tiġi ffiltrata. Fejn neċessarju, dan it-tagħmir għandha ssirlu manutenzjoni regolari. |
Ċerti Stati Membri tal-UE jista’ jkollhom rekwiżiti aktar stretti għat-tfassil u għat-tqassim tal-faċilitajiet.
1.A.3. Is-sanitazzjoni
Fejn xieraq, jenħtieġ li jsir xogħol ta’ sanitazzjoni billi jitnaddfu u jiġu diżinfettati s-superfiċi u t-tagħmir. Il-faċilitajiet għat-tnibbit għandu jkollhom pjan ta’ tindif bil-miktub (li jindika l-metodi u l-iskeda tal-persunal) biex jiġi żgurat li ż-żoni relevanti kollha tal-faċilità jitnaddfu b’mod regolari. Il-pjan ta’ tindif għandu jsemmi l-frekwenza li biha jsir it-tindif. Dan il-pjan għandu jidentifika ż-żoni fejn l-umdità, il-moffa, il-ħmieġ, l-annimali, l-insetti jew il-batterji aktarx li jistabbilixxu rwieħhom, u jiddeskrivi kif dan jista’ jiġi evitat.
It-tagħmir kollu li jiġi f’kuntatt maż-żrieragħ jew man-nebbieta għandu jitnaddaf u jiġi diżinfettat b’mod regolari segwit minn tlaħliħa finali bl-ilma skont l-istruzzjonijiet tal-prodotti tat-tindif, jekk ikun hemm bżonn. Jenħtieġ li jintużaw biss prodotti tat-tindif approvati u għat-tindif u għad-diżinfezzjoni jista’ jintuża biss ilma tax-xorb jew ilma minn sors fdat. Fejn ikun possibbli, it-tagħmir għandu jkun jista’ jitnaddaf jew jiġi diżinfettat faċilment.
It-tindif u d-diżinfezzjoni għandhom isiru b’tali mod li jkun impossibbli li l-prodotti tal-ikel jiġu kkontaminati bil-prodotti tat-tindif (eż. billi jitnaddfu f’ħinijiet fejn ma jkunx hemm żrieragħ imnibbta). Jekk jintużaw prodotti bijoċidali, dawn il-prodotti bijoċidali jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti elenkati fir-Regolament Ewropew dwar il-prodotti bijoċidali (ir-Regolament Delegat (UE) Nru 1062/2014) u d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali.
Jenħtieġ li jingħata biżżejjed ħin skont l-istruzzjonijiet tal-prodott tat-tindif qabel ma s-superfiċi mnaddfin/diżinfettati jerġgħu jiġu f’kuntatt mal-prodotti tal-ikel.
Il-kumpaniji tat-tnibbit għandhom iżommu rekords dwar id-dati tat-tindif u tad-diżinfezzjoni u ż-żoni u l-biċċiet ta’ tagħmir li tnaddfu u l-kimiċi li ntużaw.
Kull periklu ta’ kontaminazzjoni minn biċċiet tal-ħġieġ u tal-metall, fdalijiet, sustanzi kimiċi, prodotti tat-tindif u tad-diżinfezzjoni jew oġġetti perikolużi oħrajn għandu jiġi mnaqqas billi dawn l-oġġetti jinżammu separati mill-proċess tal-produzzjoni. Il-prodotti tat-tindif u tad-diżinfezzjoni għandhom jinħażnu f’post jew f’kamra għall-ħażna apposta li jinżammu msakkrin u jkollhom is-sinjali jew it-tikketti xierqa.
1.A.4 Il-manutenzjoni
Meta jsir xogħol ta’ manutenzjoni, jenħtieġ li dan isir b’tali mod li tkun impossibbli li l-prodotti tal-ikel jiġu kkontaminati (eż. billi x-xogħol ta’ tiswija jsir barra miż-żona tal-produzzjoni jew f’ħinijiet meta ma tkunx għaddejja l-produzzjoni). Fejn xieraq, jenħtieġ li x-xogħol ta’ manutenzjoni jiġi segwit bit-tindif jew bid-diżinfezzjoni tas-superfiċi u tat-tagħmir li jiġu f’kuntatt mal-prodotti tal-ikel.
Jenħtieġ li jinżammu rekords tax-xogħol ta’ manutenzjoni, inklużi d-dati u l-identifikazzjoni tal-oġġetti li huma koperti.
1.A.5. L-istat tas-saħħa tal-ħaddiema
Dawk il-membri tal-persunal li jkun magħruf jew li jkun hemm suspett li dawn ikollhom marda li tista’ tiġi trażmessa lin-nebbieta ma għandhomx jitħallew fiż-żoni fejn jistgħu jiġu f’kuntatt dirett jew indirett maż-żrieragħ jew man-nebbieta.
Il-korrimenti tal-persunal li jistgħu jippreżentaw periklu ta’ kontaminazzjoni għandhom jiġu ttrattati b’mod adegwat billi jitgħattew bi protezzjoni impermeabbli li tkun tidher qabel ma l-ħaddiem ikun jista’ jiġi f’kuntatt maż-żrieragħ u man-nebbieta. Fejn possibbli, il-ħaddiema bi ġrieħi għandhom jevitaw il-kuntatt dirett maż-żrieragħ jew man-nebbieta li jkunu għall-konsum mill-bniedem.
1.A.6. Il-kontroll tal-organiżmi ta’ ħsara
Il-faċilità tal-produzzjoni għandha tinżamm f’kundizzjoni ġenerali tajba li tagħmilha diffiċli għall-organiżmi ta’ ħsara jew għall-annimali li jaċċessaw il-faċilità jew jistabbilixxu lilhom infushom fuq ġewwa.
L-aċċess tal-organiżmi ta’ ħsara u tal-annimali għandu jiġi evitat billi t-twieqi u l-passaġġi tad-dħul oħra jinżammu magħluqa u billi t-twieqi jiġu protetti b’xibka tal-ħadid jew b’materjali oħra fejn xieraq. Jenħtieġ li żbokki oħra li jistgħu jippermettu l-aċċess għall-organiżmi ta’ ħsara jew għall-annimali jinżammu magħluqin. L-infrastruttura relatata mal-proċess tal-produzzjoni (eż. pajpijiet jew kanali tal-arja) għandha tinbena jew tiġi installata b’tali mod li jipprevjeni l-aċċess lill-organiżmi ta’ ħsara jew lis-sustanzi ta’ kontaminazzjoni.
Għal raġunijiet ta’ prevenzjoni, sabiex jiġi evitat kull stabbiliment ta’ organiżmi ta’ ħsara fil-faċilitajiet, jenħtieġ li l-operaturi jistabbilixxu pjan ta’ kontroll tal-organiżmi ta’ ħsara u jipprovdu nases għalihom. Jenħtieġ li jiġi stabbilit kuntratt ma’ kumpanija għall-kontroll tal-organiżmi ta’ ħsara.
1.A.7. L-iġjene personali u l-lbies adattat
B’mod ġenerali, l-membri tal-persunal għandhom iżommu livell għoli ta’ iġjene personali.
Kull min jaħdem fiż-żona tal-preparazzjoni tal-ikel jeħtieġ li jħaddem prattika ta’ iġjene personali tajba. Il-ħaddiema kollha għandhom ikunu konxji tal-prinċipji tal-iġjene u tas-saħħa, u għandhom jiġu infurmati dwar il-perikli kollha li jistgħu jikkontaminaw il-prodott. Dawn għandhom jirċievu taħriġ dwar l-iġjene li jkun adatt għall-kompiti tagħhom u jiġu evalwati perjodikament. Dan it-taħriġ għandu jingħata f’lingwa u b’mod li jiżguraw il-fehim tal-prattiki iġjeniċi meħtieġa.
L-persunal u l-viżitaturi għandhom jilbsu lbies nadif u jilbsu għata tar-ras waqt li jkunu fil-faċilità tal-produzzjoni.
B’mod ġenerali, id-dħul tal-viżitaturi fiż-żoni tal-ipproċessar u tal-ħżin għandu jiġi pprojbit sakemm ma jkunux ġew infurmati dwar ir-rekwiżiti tal-iġjene. Il-viżitaturi li jidħlu f’dawn iż-żoni għandhom jiġu pprovduti b’uniformi xierqa u l-ismijiet tagħhom għandhom jiġu rreġistrati. Ir-rekords jenħtieġ li jinżammu għal ammont ta’ żmien xieraq.
Il-persunal li jaħdem fiż-żoni fejn jiġi mmaniġġjat l-ikel jeħtieġ li jipprattika l-iġjene tajba:
— |
jekk ikunu f’kuntatt dirett maż-żrieragħ u n-nebbieta, jeħtieġ li jkollhom idejhom nodfa jew jilbsu l-ingwanti; |
— |
ma jpejpux jew ma jobżqux fiż-żona fejn jiġi mmaniġġjat l-ikel; |
— |
jevitaw li jikkontaminaw in-nebbieta permezz ta’ sogħla jew għatis fuqhom; |
— |
jiżguraw li x-xagħar ma jkunx jirrappreżenta riskju ta’ kontaminazzjoni; |
— |
jgħattu l-qatgħat, il-feriti, il-ġilda li tkun qed tfiq jew kundizzjonijiet oħra tal-ġilda li aktarx li jikkawżaw kontaminazzjoni tal-ikel (fuq l-idejn jew partijiet esposti oħra tal-ġisem) b’faxex impermeabbli; |
— |
ma jilbsux ġojjellerija jew prodotti tas-sbuħija li jistgħu jippreżentaw riskju ta’ kontaminazzjoni; |
— |
Il-persunal għandu jżomm id-dwiefer qosra u nodfa. |
L-idejn jenħtieġ li jinħaslu:
— |
qabel ma jiġi mmaniġġjat l-ikel lest biex jittiekel; |
— |
wara waqfa għall-mistrieħ; |
— |
wara li jużaw it-tojlit; |
— |
wara li jnaddfu; |
— |
wara li jneħħu l-iskart. |
Għalkemm jista’ jkun hemm varjazzjonijiet żgħar fit-tekniki tal-ħasil tal-idejn, kollha jinkludu l-istadji li ġejjin:
— |
jixxarbu l-idejn qabel jiġi applikat is-sapun; |
— |
jingħorku l-idejn sewwa, biex titneħħa l-kontaminazzjoni mill-partijiet kollha tal-idejn; |
— |
jitlaħalħu l-idejn b’ilma tax-xorb jew b’ilma li ġej minn sors fdat; |
— |
tnixxif b’mod iġjeniku. |
Ir-regoli dwar l-iġjene tal-persunal għandhom jiġu stampati u jitwaħħlu mal-ħitan bil-miktub jew fil-forma ta’ sinjali jew ta’ tikketti.
1.A.8. It-trattament tal-iskart
L-iskart għandu jitneħħa mill-ewwel mill-viċinanza tal-prodotti tal-ikel.
Jekk ikun xieraq, il-kontenituri tal-iskart fiż-żona tal-produzzjoni għandhom jiġu mgħottija u jinżammu ‘l bogħod mill-prodotti tal-ikel u jitbattlu kuljum. Ammonti kbar ta’ skart għandhom jitneħħew minnufih miż-żona tal-produzzjoni.
Fejn ikun hemm bżonn kontenituri ikbar ta’ skart, dawn għandhom jinżammu barra miż-żona tal-produzzjoni, jekk ikun possibbli f’żona li ma tkunx aċċessibbli għal rodituri, annimali, insetti u organiżmi ta’ ħsara oħra.
Il-kontenituri tal-iskart għandhom jitnaddfu b’mod regolari u jiġu diżinfettati regolarment.
1.B. It-taħriġ
Il-persunal kollu li jkun f’kuntatt dirett jew indirett maż-żrieragħ jew man-nebbieta jeħtieġ li jirċievi taħriġ biex jikseb fehim aħjar dwar:
— |
l-implimentazzjoni u s-superviżjoni tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza alimentari; |
— |
il-proċeduri tas-sikurezza alimentari; |
— |
il-ġestjoni tal-allerġeni tal-ikel; |
— |
il-perikli tal-ikel u r-riskji assoċjati magħhom; |
— |
ir-riskji marbuta mal-kontaminazzjoni kroċjata; |
— |
l-importanza ta’ standards għoljin tal-indafa fiż-żoni tal-produzzjoni, tal-immaniġġjar u tal-ippakkjar; |
— |
it-tekniki involuti fil-kontroll u fil-monitoraġġ tas-sikurezza alimentari; |
— |
l-iġjene personali u l-ilbies adattat (ara l-punt 1.A.7.). |
Il-persunal kollu involut fis-sanitazzjoni għandu jirċievi taħriġ biex jifhem il-pjan ta’ tindif u ta’ diżinfezzjoni, l-immaniġġjar tas-sustanzi kimiċi u s-separazzjoni tal-prodotti tat-tindif mill-proċess tal-produzzjoni.
Il-produtturi tan-nebbieta għandhom iżommu rekords dwar id-dati tat-taħriġ, is-suġġetti li ġew koperti u l-impjegati li ħadu sehem.
1.C. Il-kontroll taż-żrieragħ li jkunu deħlin
Il-produtturi tal-ikel huma taħt l-obbligu tar-Regolament ġenerali tal-UE dwar il-liġi tal-ikel (ir-Regolament (KE) Nru 178/2002) li jqiegħdu biss fis-suq prodotti tal-ikel li jkunu sikuri. Dan ifisser li l-produtturi tan-nebbieta għandhom jinżammu responsabbli għal kwalunkwe kontaminazzjoni li setgħet isseħħ fi stadji aktar bikrin tal-katina tal-provvista tal-ikel qabel il-wasla tal-lottijiet taż-żrieragħ fil-faċilità tat-tnibbit. Għal din ir-raġuni, il-produtturi tan-nebbieta għandhom jixtru żrieragħ biss mingħand fornituri fdati li għandhom proċeduri fis-seħħ biex jiżguraw il-produzzjoni iġjenika tajba taż-żrieragħ u t-traċċabilità tal-lottijiet.
Il-produtturi tan-nebbieta għandhom jixtru biss żerriegħa li tkabbret b’tali mod li jnaqqas ir-riskju ta’ kontaminazzjoni b’patoġeni (iż-żrieragħ għandhom ikunu adegwati għall-iskop).
Dan il-kapitlu u d-dispożizzjonijiet dwar il-produzzjoni taż-żrieragħ li jinsabu fit-tieni kapitlu ta’ din il-linja gwida jipprovdu għajnuna biex jiġi ssodisfat dan ir-rekwiżit.
1.C.1. Iċ-ċertifikat tal-importazzjoni
Jekk iż-żrieragħ għall-fini ta’ tnibbit ikunu ġejjin minn pajjiżi mhux tal-UE, huwa obbligatorju li kull kunsinna ta’ żrieragħ tkun akkumpanjata minn ċertifikat tal-importazzjoni fl-istadji kummerċjali kollha kif mitlub mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 704/2014 (emenda tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 211/2013. Kopja ta’ dan iċ-ċertifikat trid titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-produttur tan-nebbieta u l-produttur tan-nebbieta jrid iżomm din il-kopja f’reġistru għal żmien biżżejjed sakemm in-nebbieta jkunu jistgħu jitqiesu li ġew ikkonsmati. Iċ-ċertifikat irid jinħareġ fil-lingwa jew fil-lingwi uffiċjali tal-pajjiż tal-ħruġ u fil-lingwa jew fil-lingwi tal-pajjiż riċevitur. Fejn dan ma jkunx possibbli, iċ-ċertifikat jista’ jkun akkumpanjat ukoll minn traduzzjoni ċċertifikata fil-lingwa tal-pajjiż riċevitur. Meta ż-żrieragħ jaslu fi Stat Membru tal-UE u mbagħad jintbagħtu fi Stat Membru tal-UE ieħor, l-awtorità kompetenti tal-pajjiż riċeventi tista’ titlob traduzzjonijiet iċċertifikati taċ-ċertifikat fil-lingwa tagħha stess. Fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 211/2013 jista’ jinstab kampjun taċ-ċertifikat tal-importazzjoni.
Jekk il-produtturi tan-nebbieta jbigħu lottijiet lill-produttur tan-nebbieta differenti bl-intenzjoni li jiġu mnibbta f’dak l-istabbiliment, kull lott ta’ żrieragħ irid ikun akkumpanjat minn kopja taċ-ċertifikat tal-importazzjoni korrispondenti u minn dokument bl-informazzjoni dwar it-traċċabilità mogħtija aktar ‘il fuq, inklużi l-isem u l-indirizz tal-fornitur taż-żrieragħ u tal-produttur tan-nebbieta li iniżjalment kien irċieva ż-żrieragħ. Jekk l-informazzjoni dwar il-fornitur taż-żrieragħ għat-tnibbit għal raġunijiet kummerċjali tkun moħbija fil-kopja taċ-ċertifikat tal-importazzjoni, din l-informazzjoni għandha tiġi żvelata lix-xerrej u lill-awtoritajiet kompetenti f’każ ta’ kontaminazzjoni taż-żrieragħ. Jekk in-negozjanti jkunu involuti fil-katina tal-provvista taż-żrieragħ għat-tnibbit, dawn jeħtieġ li jsegwu wkoll l-istess rekwiżiti ta’ traċċabilità.
Jekk lott ta’ żrieragħ li joriġina minn pajjiż terz ma jkunx akkumpanjat minn dan iċ-ċertifikat, dan ma jistax jintuża biex jiġu prodotti n-nebbieta għall-konsum mill-bniedem.
Iċ-ċertifikat tal-importazzjoni jrid ikun inħareġ mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż esportatur (normalment l-awtorità tas-saħħa jew l-awtorità dwar is-sigurtà fl-ikel jew il-ministeru tal-Agrikoltura). Billi tiffirma ċ-ċertifikat, l-awtorità kompetenti tkun qed tiċċertifika li ż-żrieragħ tkabbru f’konformità mar-rekwiżiti fil-Parti A tal-Anness 1 tar-Regolament (UE) Nru 852/2004 (jiġifieri l-prattiki tal-iġjene tajbin). It-tieni parti ta’ din il-linja gwida (ara l-Kapitlu 2. Il-produzzjoni taż-żrieragħ) fiha eżempji prattiki li jissuplimentaw ir-rekwiżiti ġenerali fir-Regolament (UE) Nru 852/2004. Għalhekk, il-Kapitlu 2 ta’ din il-linja gwida jista’ jagħti appoġġ siewi lill-awtoritajiet f’pajjiżi terzi kif ukoll fi ħdan l-UE biex jiddeterminaw jekk ir-rekwiżiti ġenerali fil-Parti A tal-Anness 1 tar-Regolament (UE) Nru 852/2004 għall-produzzjoni taż-żrieragħ humiex issodisfati jew le.
Meta lott ta’ żrieragħ għat-tnibbit jiġi ppakkjat u jinbiegħ fil-livell tal-konsumatur bl-intenzjoni ta’ tnibbit mill-konsumatur finali, il-lott irid ikun akkumpanjat ukoll minn kopja taċ-ċertifikat tal-importazzjoni. Il-kopji taċ-ċertifikat għandhom ikunu pprovduti lill-operaturi ta’ negozji li jintbagħtulhom iż-żrieragħ sakemm dawn jiġu ppakkjati għall-bejgħ fil-livell tal-konsumatur.
1.C.2. Ir-rekwiżiti ta’ traċċabilità relatati maż-żrieragħ li jkunu deħlin
Il-produtturi tan-nebbieta jeħtieġ li jiksbu dokument bl-informazzjoni li ġejja mingħand il-fornituri taż-żrieragħ tagħhom – irrispettivament minn jekk il-fornitur huwiex mill-UE jew minn pajjiż terz – għal kull lott ta’ żrieragħ (kunsinna tista’ tkun tikkonsisti f’diversi lottijiet):
— |
isem il-prodott inkluż l-isem Latin (l-isem tassonomiku); |
— |
in-numru ta’ identifikazzjoni jew ir-referenza ekwivalenti tal-lott; |
— |
isem il-fornitur; |
— |
l-isem u l-indirizz tar-riċevitur (jekk jintuża spedizjonier jew aġent: l-isem u l-indirizz tal-aġent jew tal-ispedizjonier); |
— |
id-data tal-kunsinna; |
— |
il-kwantità fornuta. |
Il-fornituri taż-żrieragħ għandhom iżommu rekord tal-kopja ta’ dan id-dokument.
Il-fornituri taż-żrieragħ u dawk involuti fl-istadji aktar bikrija fil-katina tal-provvista huma mitlubin iżommu rekord ta’ informazzjoni addizzjonali kif stipulat fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 208/2013.
Il-fornituri taż-żrieragħ u l-produtturi tan-nebbieta jeħtieġ li jżommu kopja ta’ dan id-dokument għal żmien biżżejjed sakemm in-nebbieta jkunu jistgħu jitqiesu li ġew ikkonsmati.
Jekk iż-żrieragħ inxtraw mingħand fornitur minn barra l-Unjoni Ewropea, il-lott ta’ żrieragħ irid ikun akkumpanjat minn ċertifikat tal-importazzjoni u jenħtieġ li jinżamm rekord taċ-ċertifikat. Ir-regoli rigward iċ-ċertifikat tal-importazzjoni huma elenkati fil-punt 1.Ċ.1.
Il-produtturi tan-nebbieta għandhom jistabbilixxu sistema biex jiżguraw it-traċċabilità tal-lottijiet mill-mument tal-wasla taż-żrieragħ sal-mument tad-dispaċċ tan-nebbieta. Ir-rekords għandhom jinżammu għal żmien biżżejjed sakemm in-nebbieta jkunu jistgħu jitqiesu li ġew ikkonsmati. Ir-rekwiżiti ta’ traċċabilità tal-prodott finali – in-nebbieta huma elenkati fil-punt 1.K.
1.C.3. L-ispezzjoni viżwali
Il-boroż/il-kontenituri u ż-żrieragħ għandhom jiġu kkontrollati b’mod viżwali (eż. għal kontaminazzjoni fiżika ma’ skart tal-bniedem jew tal-annimali, toqob mhux imraqqgħin f’boroż li ovvjament ma jkunux ġejjin minn sondi tal-kampjunar, tbajja’, materjal estern eċċ.) wara l-wasla jew qabel it-tnibbit. Jenħtieġ li jkun hemm dokumenti disponibbli biex jikkonfermaw li tkun saret l-ispezzjoni viżwali.
1.D. Il-ħżin taż-żrieragħ
Iż-żrieragħ għandhom jinħażnu f’boroż ġodda u b’saħħithom mingħajr toqob (bl-eċċezzjoni ta’ toqob imraqqgħin jew ekwivalenti li jiġu minn sondi tal-kampjunar jew minn elementi proċedurali oħra), u mhux f’boroż użati, biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni kimika jew mikrobijoloġika. Jenħtieġ li l-boroż jinżammu xotti. Fejn ikun possibbli, il-boroż ma għandhomx jinħażnu mal-art u ma għandhomx imissu mal-ħitan iżda għandhom jinżammu fuq palits u b’folji tal-kartun nodfa bejn il-boroż u l-palit. Il-produtturi għandhom jikkunsidraw ukoll jekk hemmx il-bżonn li jgħattu l-uċuħ tal-munzelli ta’ ħażniet b’materjal adattat biex jipproteġu l-oġġetti.
Iż-żoni u l-apparat tal-ħżin għandhom jinżammu nodfa u xotti. Jenħtieġ li jkun hemm fis-seħħ miżuri li jipprevjenu d-dħul u l-kontaminazzjoni mit-temp, mill-annimali u mill-organiżmi ta’ ħsara (ara l-punt 1.A.2).
Meta l-produtturi tan-nebbieta jimmaniġġjaw żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta kif ukoll żrieragħ mhux maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta, dawn għandhom jinżammu separati b’mod ċar u, fejn xieraq, ittikkettati b’mod ċar biex jiġi evitat kwalunkwe taħlit. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex ikun żgurat li l-lottijiet maħżuna jkunu jikkorrispondu mar-rekords u li dawn il-lottijiet jiġu traċċati tul il-proċess tal-produzzjoni kollu.
1.E. L-analiżi tal-perikli u punti kritiċi ta’ kontroll
It-tnibbit taż-żrieragħ jinvolvi pproċessar minimu tal-prodott oriġinali u għalhekk jista’ jitqies bħala produzzjoni primarja. Bħalissa, l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-analiżi tal-perikli u punti kritiċi ta’ kontroll (HACCP) għall-produzzjoni primarja mhijiex meħtieġa bil-liġi mil-leġiżlazzjoni Ewropea (ir-Regolament (KE) Nru 852/2004), iżda hija meqjusa essenzjali mill-ESSA.
L-“Avviż tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tas-sistemi għall-immaniġġjar tas-sikurezza tal-ikel li jkopru l-programmi prerekwiżiti (PRPs) u l-proċeduri bbażati fuq il-prinċipji tal-HACCP, inkluż il-faċilitazzjoni/il-flessibbiltà tal-implimentazzjoni f’ċerti negozji tal-ikel” (43) jipprovdi gwida dwar kif jiġu implimentati l-prattiki tal-iġjene tajba u l-proċeduri bbażati fuq l-HACCP.
1.F. L-użu tal-ilma
Waqt l-istadji kollha tal-proċess tal-produzzjoni, l-ilma li jiġi f’kuntatt maż-żrieragħ jew man-nebbieta għandu jkun ilma li jissodisfa r-rekwiżiti mikrobijoloġiċi tal-ilma tax-xorb elenkati fil-parti A tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE.
Jekk jintuża ilma nadif (li jissodisfa r-rekwiżiti mikrobijoloġiċi elenkati fil-Parti A tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE), il-proprjetajiet kimiċi tal-ilma minn dak is-sors għandhom jiġu analizzati abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju, għal tal-inqas darba fis-sena.
Is-sistemi ta’ provvista tal-ilma għandhom jinżammu u jitnaddfu sewwa (ara l-punt 1.A.3. u l-punt 1.A.4.) biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni tal-ilma mill-korrużjoni jew minn sorsi esterni. Jenħtieġ li jinżammu rekords tal-manutenzjoni.
Sistema ta’ riċiklaġġ tal-ilma tista’ tintuża biss waqt il-proċessi ta’ ġerminazzjoni, ta’ tkabbir u ta’ irrigazzjoni. Jekk l-ilma jiġi rriċiklat, hu rakkomandat li l-ilma jerġa’ jintuża fl-istess lott ta’ żrieragħ/nebbieta u mhux jinfirex fuq lottijiet oħrajn sabiex tiġi evitata l-kontaminazzjoni tal-produzzjoni sħiħa li għaddejja, minflok il-produzzjoni f’lott wieħed.
Kwalunkwe ilma, inkluż l-ilma rriċiklat, jenħtieġ li jkun issorveljat u analizzat regolarment abbażi ta’ analiżi tar-riskju (skont il-parti A tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE).
Jenħtieġ li jittieħdu miżuri biex jiġi evitat l-aċċess ta’ insetti, annimali, ħamrija, skart u sorsi oħra ta’ kontaminazzjoni fis-sors tal-ilma.
Jekk l-ilma jiġi ttrattat bi prodotti bijoċidali biex jissodisfa l-parametri mikrobijoloġiċi stabbiliti fil-parti A tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE, dawn it-trattamenti jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti elenkati fir-regolament Ewropew dwar il-prodotti bijoċidali (ir-Regolament Delegat (UE) Nru 1062/2014) u d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali.
1.G. Il-proċess tat-tnibbit
1.G.1. It-tlaħliħ inizjali taż-żrieragħ
Skont ir-riżultati tal-ispezzjoni viżwali, qabel it-tnibbit iż-żrieragħ għandhom jitlaħalħu sewwa biex jitneħħa l-ħmieġ. It-tneħħija tal-ħmieġ tista’ titjieb billi ż-żrieragħ jiġu mħawda sew fil-kontenitur tal-ħasil.
Għat-tlaħliħ taż-żrieragħ irid jintuża ilma tax-xorb jew ilma nadif li jissodisfa r-rekwiżiti mikrobijoloġiċi elenkati fil-Parti A tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE. Jenħtieġ li l-ilma li jintuża għall-ħasil taż-żrieragħ ma jerġax jintuża.
1.G.2. Id-dekontaminazzjoni mikrobijoloġika taż-żrieragħ
Ma hemm ebda armonizzazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea f’termini tal-użu ta’ trattamenti ta’ dekontaminazzjoni mikrobijoloġika fuq iż-żrieragħ. Madankollu, għad-dekontaminazzjoni mikrobijoloġika taż-żrieragħ huma permessi biss trattamenti awtorizzati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
Skont ir-rapport tal-EFSA “Opinjoni Xjentifika dwar ir-riskju ppreżentat mill-Escherichia coli li tipproduċi t-tossina Shiga (STEC) u batterji patoġeniċi oħra fi żrieragħ u fi żrieragħ imnibbta” (44), hemm informazzjoni limitata dwar l-effikaċja tat-trattamenti ta’ dekontaminazzjoni tan-nebbieta derivati miż-żrieragħ. Minkejja sforzi konsiderevoli, sal-lum l-ebda metodu kimiku, fiżiku jew bijoloġiku ta’ diżinfezzjoni ma rnexxielu jiżgura li ż-żerriegħa tkun ħielsa mill-patoġeni. It-trattamenti ta’ dekontaminazzjoni ma għandhomx joqtlu ż-żerriegħa jew inaqqsu r-rata ta’ ġerminazzjoni.
Jekk tintuża d-dekontamnazzjoni mikrobijoloġika, jenħtieġ li jkun hemm miżuri fis-seħħ biex jiġi żgurat li ma tistax terġa’ sseħħ kontaminazzjoni ladarba jiġu dekontaminati ż-żrieragħ. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari li l-kontenituri u t-tagħmir użati għad-dekontaminazzjoni jkunu ġew diżinfettati. Wara d-dekontaminazzjoni, iż-żrieragħ għandhom jitlaħalħu mill-ġdid b’ilma tax-xorb biex jiġu eliminati l-aġenti kimiċi.
1.G.3. L-immersjoni qabel il-ġerminazzjoni
Meta l-produtturi tan-nebbieta jużaw l-immersjoni qabel il-ġerminazzjoni, din għandha ssir f’ilma tax-xorb jew f’ilma nadif, li jissodisfa r-rekwiżiti mikrobijoloġiċi elenkati fil-Parti A tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE. Jenħtieġ li t-tagħmir u l-kontenituri użati għall-immersjoni jinħaslu, jiġu diżinfettati u jitlaħalħu sewwa qabel ma jintużaw u dawn għandhom ikunu adattati għall-produzzjoni tal-ikel. L-ilma użat għall-immersjoni ma għandux jerġa’ jintuża direttament.
1.G.4. Il-ġerminazzjoni, it-tkabbir u t-tisqija
Il-kamra tal-ġerminazzjoni għandha tinżamm f’kundizzjonijiet iġjeniċi tajbin. Il-kamra u t-tagħmir użat waqt il-proċess ta’ ġerminazzjoni għandhom jitnaddfu u jiġu diżinfettati qabel it-tnibbit ta’ lott ieħor ta’ żrieragħ.
Huwa strettament neċessarju li jintuża ilma jew ilma nadif li jissodisfa r-rekwiżiti mikrobijoloġiċi elenkati fil-Parti A tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE, bħala sors inizjali ta’ ilma għat-tisqija matul il-proċess tat-tnibbit biex jiġu evitati l-kontaminazzjoni u l-iżvilupp potenzjali ta’ patoġeni matul il-proċess tat-tnibbit.
Jekk jintuża ilma rriċiklat, dan għandu jissodisfa r-rekwiżiti elenkati fil-punt 1.F. dwar l-użu tal-ilma.
1.G.5. Il-ħsad
Għall-ħsad tan-nebbieta għandu jintuża biss tagħmir adattat għall-produzzjoni tal-ikel. It-tagħmir użat kollu għandu jitnaddaf u jiġi diżinfettat tal-inqas darba kuljum. Il-ħaddiema għandhom jieħdu ħsieb li huma u l-uniformi jew il-ħwejjeġ tagħhom ikunu f’kundizzjonijiet iġjeniċi tajba qabel ma jidħlu fil-kamra tal-ġerminazzjoni.
1.H. L-ipproċessar, l-ippakkjar, il-ħażna u t-trasport
1.H.1. It-tlaħliħa finali, it-tneħħija tal-qxur u t-tkessiħ
It-tagħmir użat għat-tlaħliħ tan-nebbieta u għat-tneħħija tan-nebbieta għandu jitnaddaf u jiġi diżinfettat tal-inqas darba kuljum.
Għat-tlaħliħa finali, għat-tneħħija tal-qxur u għat-tkessiħ, jenħtieġ li jintuża biss ilma tax-xorb jew ilma nadif li jissodisfa r-rekwiżiti mikrobijoloġiċi elenkati fil-Parti A tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE. Wara t-tlaħliħa u t-tneħħija tal-qxur, in-nebbieta għandhom jiġu mkessħa minnufih f’temperatura ta’ bejn 2-8 °C. Imbagħad, jenħtieġ li l-katina tal-kesħa tinżamm sakemm il-prodott jasal għand il-konsumatur finali. Għall-perjodu sħiħ tal-katina tal-kesħa (kamra kiesħa, trakk, eċċ.), jenħtieġ li jsir monitoraġġ tat-temperatura tal-katina tal-kesħa. Jistgħu japplikaw ir-rekwiżiti nazzjonali differenti tal-katina tal-kesħa.
1.H.2. Id-dekontaminazzjoni mikrobijoloġika tan-nebbieta
Ma hemm l-ebda armonizzazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea f’termini tal-użu ta’ trattamenti ta’ dekontaminazzjoni mikrobijoloġika fuq in-nebbieta. Madankollu, għad-dekontaminazzjoni mikrobijoloġika tan-nebbieta, huma permessi biss trattamenti awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti.
Japplikaw l-istess kundizzjonijiet li huma elenkati fil-punt 1.G.2. dwar id-dekontaminazzjoni bijoloġika.
1.H.3. Il-materjali u l-oġġetti maħsuba li jiġu f’kuntatt man-nebbieta
Matul il-proċess tal-produzzjoni, diversi materjali jiġu f’kuntatt man-nebbieta. Il-materjali u l-oġġetti kollha maħsuba li se jiġu f’kuntatt mal-ikel li jitqiegħed fis-suq għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004.
Jenħtieġ li tingħata attenzjoni parikolari li l-materjal tal-ippakkjar ikun nadif u li dan jinħażen b’tali mod li jagħmilha impossibbli li jiġi kkontaminat bi trab, ħmieġ jew materjal estern.
L-ippakkjar għandu jsir fuq ġewwa f’żoni magħluqa u xotti li jevitaw id-dħul ta’ trab, ħmieġ jew sorsi oħra ta’ kontaminazzjoni.
It-tagħmir użat għall-ippakkjar għandu jitnaddaf u jiġi diżinfettat b’mod regolari (ara l-punt 1.A.3).
1.H.4. Il-ħżin tan-nebbieta
Jenħtieġ li jiġi żgurat li n-nebbieta jinħażnu f’ambjenti magħluqin u protetti li jipprevjenu l-aċċess ta’ trab, ħmieġ jew sorsi oħra ta’ kontaminazzjoni. Iż-żoni tal-ħżin għandhom ikunu mgħammra b’tali mod li tkun tista’ tinżamm il-katina tal-kesħa għan-nebbieta (ara l-punt 1.H.1.).
1.H.5. Informazzjoni dwar il-prodott u l-għarfien fost il-konsumaturi
Il-klijent jew il-persuna li jmiss fil-katina tal-provvista għandhom jiġu pprovduti bl-informazzjoni relevanti kollha għalihom biex jimmaniġġjaw, jaħżnu, jipproċessaw, iħejju u jesponu l-prodott b’mod sikur u tajjeb. Fejn ikun xieraq u siewi, din l-informazzjoni tista’ tiġi inkluża fuq it-tikketta tal-pakkett.
Il-prodotti gġandhom ikunu ttikkettati b’mod sew biex tiġi ffaċilitata t-traċċabilità u s-sejħa lura jekk ikun hemm bżonn (ara l-punti 1.J. u 1.K.). In-numri ta’ identifikazzjoni jew tal-lott kif ukoll l-isem u l-indirizz tal-produttur fuq it-tikketta tal-pakkett jistgħu jiffaċilitaw it-traċċabilità u s-sejħa lura.
Jenħtieġ li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti legali kollha għat-ttikkettar stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 u jenħtieġ li l-informazzjoni obbligatorja kollha li hija meħtieġa f’dan ir-Regolament tkun ipprovduta fuq it-tikketta.
It-tikkettar, ir-reklamar, il-materjali ta’ informazzjoni għall-konsumatur u l-ippakkjar ma għandhomx iqarrqu bil-konsumatur.
1.H.6. It-trasportazzjoni
Il-faċilitajiet, it-tagħmir, il-kontenituri, il-kaxxi, il-vetturi u l-bastimenti użati għat-trasport tan-nebbieta u taż-żrieragħ għandhom jinżammu nodfa u, fejn possibbli, diżinfettati biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni mikrobijoloġika waqt it-trasport.
Iż-żmien meħud għat-trasport jagħmel parti mill-ħajja totali taż-żmien tal-ħżin tan-nebbieta u, għalhekk, irid jitqies bħala parti integrata tal-katina tal-kesħa (ara l-punt 1.H.1.).
1.I. L-ittestjar mikrobijoloġiku taż-żrieragħ u tan-nebbieta
Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005, emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 209/2013, il-produtturi tan-nebbieta jridu jagħmlu ttestjar preliminari ta’ kampjun rappreżentattiv ta’ kull lott ta’ żrieragħ. Dan l-ittestjar hu obbligatorju għall-E.coli li tipproduċi t-tossina Shiga (STEC) O157, O26, O111, O103, O145 u O104:H4 u s-Salmonella spp. l-għan ta’ dan it-test huwa li jintużaw biss lottijiet ta’ żrieragħ li jkunu għaddew mill-ittestjar b’riżultat pożittiv (ara l-punt 1.I.1.).
Il-produtturi tan-nebbieta għandhom jagħmlu t-testijiet fuq in-nebbieta għall-E.coli li tipproduċi t-tossina Shiga (STEC) O157, O26, O111, O103, O145 u O104:H4 u s-Salmonella spp. fl-istadju li fih il-probabbiltà li jinstabu dawn il-patoġeni tkun l-ogħla, fi kwalunkwe każ mhux qabel 48 siegħa wara l-bidu tal-proċess tat-tnibbit tal-inqas darba fix-xahar. Ma hemm l-ebda obbligu li jiġi ttestjat kull lott ta’ dawn iż-żrieragħ imnibbta billi l-għan huwa li jiġu vverifikati l-prattiki tajba u s-sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza aliimentari implimentati bħalissa (ara l-punt 1.I.2.).
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 jobbliga wkoll lill-produtturi biex jittestjaw in-nebbieta abbażi tal-kriterji ta’ sikurezza alimentari meta l-prodotti jitqiegħdu fuq is-suq matul iż-żmien tal-ħżin. In-nebbieta ttestjati għandhom jilħqu l-limiti stabbiliti fil-kategorija 1.18 għas-Salmonella spp. u fil-kategorija 1.29 għall-STEC. Barra minn hekk, prodotti lesti biex jittieklu bħan-nebbieta jeħtieġ li jkunu ttestjati għal Listeria monocytogenes (listerjożi). Dawn it-testijiet ma għandhomx għalfejn isiru għal kull lott, iżda jenħtieġ li jsiru f’intervalli regolari u jintużaw ukoll bħala verifika tal-prattiki tajba. Il-frekwenza tal-ittestjar għall-STEC, is-Salmonella spp. u l-L. monocytogenes (listerjożi) għandha tiġi stabbilita mill-operatur – jekk possibbli wara konsultazzjoni mal-awtorità kompetenti – u tkun ibbażata fuq ir-riskju. Biex in-nebbieta jiġu analizzati għal L. monocytogenes, irid jiġi applikat il-kriterju 1.3 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005.
Il-produtturi tan-nebbieta huma rakkomandati wkoll li jieħdu kampjun miż-żoni u mit-tagħmir tal-ipproċessar għal Listeria spp. bħala parti mill-iskema ta’ kampjunar tagħhom.
1.I.1. Gwida għall-kampjunar taż-żrieragħ
Dawn il-kampjuni għandhom jiġu trattati skont il-Kapitolu 3.3 fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 u jiġu analizzati skont ir-rekwiżiti fir-ringieli 1.18 u 1.29 tal-Kapitolu 1 tal-istess regolament. Għal kull lott ta’ żrieragħ għat-tnibbit, jenħtieġ li jsir ittestjar preliminari. Għall-fini tat-twettiq tal-ittestjar preliminari, l-operatur ta’ negozju tal-ikel għandu jinbet iż-żrieragħ fil-kampjun rappreżentattiv taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-bqija tal-lott ta’ żrieragħ għat-tnibbit. Lott rappreżentattiv għandu jinkludi tal-inqas 0,5 % tal-piż tal-lott ta’ żrieragħ f’subkampjuni ta’ 50 g. Il-kampjun rappreżentattiv jista’ jintgħażel ukoll abbażi ta’ strateġija strutturata ta’ kampjunar statistikament ekwivalenti, jekk din tkun ġiet ivverifikata mill-awtorità kompetenti. Fil-prinċipju, kull borża fil-lott għandha tiġi kampjunata u n-numru ta’ subkampjuni għal kull borża jkun deċiż skont il-kalkolu li ġej:
— |
il-piż totali tal-kampjun = il-piż totali tal-lott * 0,5 % (= 0,005), |
— |
in-numru totali tas-subkampjuni = il-piż totali tal-kampjun/50 g |
— |
in-numru ta’ boroż fil-lott = il-piż totali tal-lott/il-piż ta’ kull borża |
— |
in-numru ta’ subkampjuni ta’ 50 g għal kull borża = in-numru totali ta’ subkampjuni/in-numru ta’ boroż fil-lott |
Pereżempju, biex jittieħed kampjun ta’ lott ta’ 100 tunnellata, ippakkjat f’boroż ta’ 25 kg:
— |
il-piż totali tal-kampjun - 100 000 kg * 0,5 % = 500 kg |
— |
in-numru totali ta’ subkampjuni = 500 kg/50 g = 10 000 subkampjun. |
— |
in-numru ta’ boroż fil-lott = 100 000 kg/25 kg kull borża = 4 000 borża |
— |
in-numru ta’ subkampjuni ta’ 50 g għal kull borża = 10 000 subkampjun/4 000 borża = 2,5 subkampjuni/borża |
Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari li dan isir f’kundizzjonijiet iġjeniċi u b’tagħmir li jinsab f’kundizzjoni iġjenika tajba. Jenħtieġ li jinżammu rekords xierqa relatati mal-proċess tal-kampjunar biex tingħata prova tat-teħid xieraq tal-kampjunar lill-awtorità kompetenti.
Jenħtieġ li l-kampjunar isir mill-operaturi ta’ negozji tal-ikel li jipproduċu n-nebbieta u jista’ jsir manwalment jew b’mod mekkaniku mill-persuni involuti fit-tkabbir tan-nebbieta jew minn parti terza akkreditata. Xi kumpaniji jużaw apparati mekkaniċi ta’ kampjunar li jieħdu l-kwantitajiet rappreżentattivi ta’ żrieragħ eż. waqt ir-riforniment ta’ konsenji bl-ingrossa f’boroż iżgħar, soġġetti għal konferma mill-awtoritajiet kompetenti. Kumpaniji oħra jtaqqbu u jerġgħu jissiġillaw il-boroż jew l-ekwivalenti biex jieħdu l-kwantità rappreżentattiva ta’ żrieragħ.
Hija r-responsabbiltà tal-produttur tan-nebbieta li jiżgura li l-kampjun ikun rappreżentattiv u li l-ittestjar isir skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 209/2013.
Sakemm ikunu ssodisfati r-rekwiżiti tal-kampjunar, il-produtturi tan-nebbieta għandhom ikunu jistgħu jitolbu lill-fornituri taż-żrieragħ biex jagħmlu l-kampjunar fil-punt ta’ oriġini fil-mument tal-ippakkjar tal-boroż, u biex jibgħatu l-kampjun lill-produttur tan-nebbieta flimkien mal-lott, f’boroż separati u ttikkettati b’mod ċar (bit-tikketta “kampjun għall-ittestjar mikrobijoloġiku” jew ekwivalenti).
F’każ li l-kampjunar taż-żrieragħ isir minn parti terza, jenħtieġ li, preferibbilment, l-apparati mekkaniċi tal-kampjunar fil-punt ta’ oriġini jkunu parti integrali fil-proċess tal-ippakkjar tal-boroż. F’każ li l-persuni involuti fit-tkabbir tan-nebbieta ma jagħmlux il-kampjunar taż-żrieragħ huma stess, dawn għandhom jivverifikaw li l-kampjunar isir skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 209/2013.
Il-proċess tat-tnibbit għaż-żrieragħ l-oħra fil-kampjun tat-test rappreżentattiv jista’ jkompli bħas-soltu. Madankollu, jenħtieġ li la n-nebbieta li jkunu qed jikbru mill-koltura li jifdal wara l-kampjunar u lanqas iż-żrieragħ xotti li jifdal u li minnhom ittieħed il-kampjun ma jintużaw sakemm ma jkunux ġew irrapportati riżultati sodisfaċenti għall-kampjuni kollha mil-laboratorju. Dan hu l-prinċipju tal-ħruġ pożittiv ta’ lott.
1.I.2. Il-frekwenza tal-kampjunar u tal-ittestjar tan-nebbieta tal-inqas 48 siegħa wara l-bidu tal-proċess tat-tnibbit
Jenħtieġ li jittieħdu ħames kampjuni fl-istadju fejn ikun hemm l-ogħla probabbiltà li tinstab l-E.coli li tipproduċi t-tossina Shiga (STEC) O157, O26, O111, O103, O145 u O104:H4 u s-Salmonella spp., u fi kwalunkwe każ mhux qabel 48 siegħa wara l-bidu tal-proċess tat-tnibbit, tal-inqas darba fix-xahar biex jiġu vverifikati l-prattiki tajba u l-immaniġġjar tas-sikurezza alimentari. Ma hemm l-ebda bżonn ta’ kampjunar sistematiku tal-lottijiet.
Jenħtieġ li l-ħames kampjuni jinżammu separati minn xulxin u jintbagħtu f’laboratorju akkreditat (ISO 17025) għall-ittestjar tal-STEC u s-Salmonella spp.
Dawn il-kampjuni għandhom jiġu trattati skont il-Kapitolu 3.3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 u jiġu analizzati skont ir-rekwiżiti fir-ringieli 1.18 u 1.29 tal-Kapitolu 1 tal-istess Regolament.
Inkella, jekk il-produttur tan-nebbieta jkollu pjan ta’ kampjunar, inklużi proċeduri tal-kampjunar u punti tal-kampjunar tal-ilma użat għat-tisqija tan-nebbieta, l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizzahom biex jieħdu post ir-rekwiżit ta’ kampjunar tan-nebbieta b’età minima ta’ 48 siegħa skont il-pjanijiet tal-kampjunar stabbiliti fir-ringieli 1.18 u 1.29 tal-Kapitolu 1 fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 bl-analiżi ta’ ħames kampjuni ta’ 200 ml tal-ilma li ntuża għat-tisqija tan-nebbieta. Dan il-metodu jipprovdi kampjun aktar rappreżentattiv taż-żrieragħ li jridu jiġu ttestjati. Din hi r-raġuni għaliex l-ESSA tirrakkomanda bil-qawwa li jiġi analizzat l-ilma użat għat-tisqija li ġie f’kuntatt ma’ 100 % tan-nebbieta tal-lott ittestjat. Il-metodu tal-ittestjar huwa ferm inqas affidabbli u preċiż meta jiġu analizzati ħames kampjuni ta’ 25 gramma ta’ nebbieta mil-lott.
1.I.3. Il-kampjunar tal-prodott finali
Barra minn hekk, jenħtieġ li n-nebbieta, li jkunu l-prodott finali ppakkjat, jiġu kkampjunati (b’n = 5) u analizzati għall-STEC u s-Salmonella spp. skont ir-ringieli 1.18 u 1.29 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 (ara l-punt 1.I.2). Jenħtieġ li l-analiżi ssir wara li l-prodott jiġi ppakkjat. Il-frekwenza tal-kampjunar għandha tiġi ddefinita fuq bażi tar-riskju.
It-test ta’ kontestazzjoni għandu jindika kif jiġu analizzati l-L. monocytogenes (listerjożi), jiġifieri skont ir-ringiela 1.2 jew 1.3 fil-Kapitolu 1 tal-Anness 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 (ara wkoll 1.I.). L-analiżi għandha ssir skont ir-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni.
1.I.4. Ir-riżultati tat-test
Jista’ jkun li l-ebda wieħed mill-ħames kampjuni (kampjuni rappreżentattivi jew kampjuni tal-prodott finali) ma juri sejbiet pożittivi għall-STEC jew għas-Salmonella spp. Jekk in-nuqqas ta’ kontaminazzjoni mikrobijoloġika jkun ġiee ppruvat mil-laboratorju, in-nebbieta prodotti mil-lott analizzat jistgħu jitqiegħdu fis-suq.
L-azzjonijiet fil-każ ta’ kontaminazzjoni taż-żrieragħ jew tal-ikel/tan-nebbieta huma elenkati fil-punt 1.J.1.
F’każ li n-nebbieta jkunu kkontaminati b’L. monocytogenes (listerjożi), dawn in-nebbieta jistgħu jiġu sottomessi għal aktar ipproċessar; madankollu, għandu jiġi applikat trattament li jelimina l-periklu. Dan jista’ jiġi applikat ukoll għall-STEC u għas-Salmonella spp., dment li t-trattament jelimina r-riskju u jkun approvat mill-awtorità kompetenti. Dan it-trattament jista’ jsir biss minn operaturi ta’ negozji tal-ikel minbarra dawk tal-bejgħ bl-imnut (Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005).
1.I.5. Deroga mill-ittestjar preliminari tal-lottijiet kollha ta’ żrieragħ stabbilit f’1.I.1.
Skont il-Kapitolu 3, it-taqsima 3.3.B. tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 (kif emendata mir-Regolament tal-Kummisssjoni (UE) Nru 209/2013), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżentaw lill-produtturi tan-nebbieta mill-obbligu li jittestjaw kull lott ta’ żrieragħ, jekk il-faċilità tat-tnibbit timplimenta sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza alimnetari bi stadji li jnaqqsu r-riskju mikrobijoloġiku. Madankollu, din l-eżenzjoni tista’ tingħata biss f’ċerti kundizzjonijiet stabbiliti mill-awtorità kompetenti u jekk ikun hemm dejta storika disponibbli biex jiġi kkonfermat li l-lottijiet kollha tas-sitt xhur konsekuttivi qabel l-awtorizzazzjoni ma rriżultawx f’xi sejbiet ta’ STEC jew ta’ Salmonella spp. F’dan il-każ, il-produtturi tan-nebbieta jridu jżommu rekord tar-riżultati kollha tagħhom tal-ittestjar għal aktar minn sitt xhur.
L-Assoċjazzjoni Ewropea taż-Żrieragħ Imnibbta (ESSA) twissi lill-produtturi tan-nebbieta biex jiżnu bir-reqqa l-bilanċ bejn il-kost għoli tal-analiżi u l-konsegwenzi potenzjalment diżastrużi ta’ problema ta’ sikurezza alimentari li tista’ tirriżulta minn lott wieħed ikkontaminat ta’ żrieragħ. Għalhekk, meta ż-żrieragħ jinxtraw mingħand sors ġdid, huwa ferm rakkomandat li jsir l-ittestjar anki jekk tkun ingħatat deroga lill-produttur tan-nebbieta u anki jekk iż-żrieragħ jitwasslu mill-istess negozjant jew fornitur. Meta l-produtturi tan-nebbieta jkollhom raġuni biex jiddubitaw mill-integrità tal-prodott, huwa ferm rakkomandat li ssir analiżi bħala mezz ta’ prekawzjoni. Bħala konklużjoni, l-ESSA ma tirrakkomandax din id-deroga minħabba l-fatt li snin differenti ta’ ħsad ta’ żrieragħ aktarx li jirriżultaw f’riskji differenti ta’ kontaminazzjoni taż-żrieragħ.
L-eżenzjoni fil-Kapitolu 3 tat-Taqsima 3.3.B. tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 ma teżentax lill-produtturi tan-nebbieta mill-obbligu li jieħdu kampjuni tan-nebbieta jew tal-ilma għat-tisqija tan-nebbieta fl-istadju tal-prodott finali tal-inqas darba fix-xahar. Madankollu, huwa pprovdut fin-nota 23 f’qiegħ il-paġna fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 li n-nebbieta li rċevew trattament effettiv biex jiġu eliminati s-Salmonella spp. u l-STEC (jekk approvat mill-awtorità kompetenti) ma jeħtiġilhomx li jkunu soġġetti għall-obbligu ta’ ttestjar ta’ kull xahar.
1.I.6. L-ittestjar alternattiv mill-fornitur taż-żrieragħ
Huwa fid-diskrezzjoni tal-produttur tan-nebbieta li jitlob lill-fornitur taż-żrieragħ tiegħu għall-ittestjar preliminari tal-lott. Madankollu, dan ma jeżentax lill-produttur tan-nebbieta mill-obbligi tal-ittestjar spjegati f’dettall f’dan il-kapitolu.
1.J. Azzjoni f’każ ta’ kontaminazzjoni
1.J.1. Id-detezzjoni ta’ kontaminazzjoni qabel ma l-ikel jitlaq minn taħt il-kontroll tal-produttur tan-nebbieta
Il-lott ikkontaminat ta’ nebbieta jew ta’ żrieragħ għandu jiġi iżolat mill-oħrajn minnufih. Il-lott kollu għandu jitqies bħala mhux sikur għall-ikel/għat-tnibbit. Jekk hemm periklu li l-lottijiet l-oħra jistgħu jkunu kkontaminati, il-proċess tal-produzzjoni għandu jiġi interrott sal-punt li fih il-kontaminazzjoni tkun ġiet eliminata u l-linja tal-produzzjoni tkun fi stat nadif u iġjeniku.
In-nebbieta u ż-żrieragħ mil-lott jew mil-lottijiet ikkontaminati ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq għall-konsum mill-bniedem fl-istat attwali tagħhom. Madankollu, in-nebbieta kkontaminati jistgħu jiġu sottomessi għal aktar ipproċessar bi trattament li jelimina l-periklu kkonċernat. Dan it-trattament jista’ jsir biss minn operaturi ta’ negozji tal-ikel ħlief dawk tal-bejgħ bl-imnut.
Bħala eżempju, jekk il-fażola mung tkun ikkontaminata, huwa possibbli li tiġi manifatturata f’fażola mung maqsuma, li ma tiġġerminax u ma tipproduċix nebbieta. Bil-prekawzjonijiet xierqa, dak il-prodott jista’ jinbiegħ għat-“tisjir” (inkluż għall-konsum mill-bniedem).
B’mod aktar ġenerali, l-produttur tan-nebbieta jista’ juża l-lott ukoll għal skopijiet oħrajn għajr dawk li għalihom kienu oriġinarjament maħsubin, dment li dan l-użu ma jkunx ta’ riskju għas-saħħa pubblika jew tal-annimali u dment li dan l-użu jkun ġie deċiż fi ħdan il-proċeduri bbażati fuq il-prinċipji tal-HACCP u l-prattika tal-iġjene tajba u jkun ġie awtorizzat mill-awtorità kompetenti.
Huwa rakkomandat li l-produtturi tan-nebbieta jistabbilixxu proċeduri bil-miktub li jridu jiġu segwiti f’każijiet li fihom isseħħ kontaminazzjoni. Dawn ir-regoli għandhom ikunu faċilment aċċessibbli għall-impjegati kollha u jkunu koperti fil-programmi ta’ taħriġ għall-membri tal-persunal.
Il-fornitur taż-żrieragħ għandu jiġi kkuntattjat biex ikun jista’ jagħti segwitu tal-vjeġġi possibbli tal-istess lott ta’ żrieragħ lill-produtturi l-oħra tan-nebbieta. F’dan il-każ, jista’ jkun hemm bżonn li ż-żrieragħ jissejħu lura.
Il-produtturi tan-nebbieta għandhom jieħdu miżuri u jżidu l-monitoraġġ biex isibu l-kawża tal-kontaminazzjoni (l-ilma, l-ambjent, il-persunal, eċċ.). Il-produtturi tan-nebbieta għandhom iżommu rekord tar-riżultati tal-ittestjar għal żmien biżżejjed sakemm in-nebbieta jkunu jistgħu jitqiesu li ġew ikkonsmati. Huwa rakkomandat li jinżamm rekord tar-riżultati kollha tal-ittestjar għal biżżejjed żmien biex ikun jista’ jintwera lill-awtoritajiet kompetenti waqt kontrolli uffiċjali.
1.J.2. Id-detezzjoni tal-kontaminazzjoni wara li l-ikel ikun telaq minn taħt il-kontroll tal-produttur tan-nebbieta - l-irtirar u s-sejħa lura
L-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament (UE) Nru 178/2002 jistipulaw li l-operaturi ta’ negozji tal-ikel ikollhom fis-seħħ sistemi ta’ traċċabilità u ta’ sejħa lura. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex ikun żgurat li l-obbligi taż-żamma ta’ rekord u ta’ traċċabilità jinżammu tul il-proċess sħiħ tal-produzzjoni u li r-rekords jinżammu għal biżżejjed żmien sakemm in-nebbieta jkunu jistgħu jitqiesu li ġew ikkonsmati. Il-kodiċijiet u n-numri ta’ traċċabilità stampati fuq il-materjal tal-ippakkjar jistgħu jiffaċilitaw is-sejħiet lura fl-eventwalità li sseħħ il-kontaminazzjoni.
Jekk ikun magħruf jew preżunt li lott wieħed jew diversi lottijiet huma kkontaminati u li dawn il-lottijiet ma għadhomx taħt il-kontroll tal-produttur tan-nebbieta, il-produttur tan-nebbieta jrid minnufih jieħu l-inizjattiva li jikkuntattja lix-xerrejja li lilhom ġew forniti l-prodotti. Lottijiet magħrufa jew preżunti li huma kkontaminati jridu jiġu rtirati minnufih mill-katina tal-provvista. Il-produttur tan-nebbieta jrid jinnotifika wkoll lill-awtorità kompetenti.
Meta n-nebbieta diġà jkunu ġew distribwiti lill-konsumaturi, il-produtturi tan-nebbieta jridu jinfurmaw lil dawn il-konsumaturi li seta’ tqassmilhom ikel mhux sikur. Il-produtturi tan-nebbieta jridu jinfurmaw lill-konsumaturi bir-raġuni għas-sejħa lura u, fejn ikun hemm bżonn, isejħu l-ikel lura fiżikament mingħand il-konsumaturi finali. Madankollu, skont il-każ ikkonċernat, mhux dejjem ikun neċessarju li l-prodotti jissejħu lura b’mod fiżiku mingħand il-konsumaturi finali jekk ikun biżżejjed li jittieħdu miżuri oħra biex tiġi mħarsa s-saħħa pubblika.
Meta jimmaniġġjaw sitwazzjoni ta’ sejħa lura tal-ikel, il-produtturi tan-nebbieta jridu jikkolaboraw mal-awtoritajiet kompetenti dwar azzjonijiet meħuda biex jiġu evitati jew jitnaqqsu r-riskji maħluqa mill-provvista tan-nebbieta.
Huwa rakkomandat li l-produtturi tan-nebbieta jistabbilixxu proċeduri ta’ sejħa lura bil-miktub li jridu jiġu segwiti f’każijiet li fihom isseħħ kontaminazzjoni. Dawn ir-regoli għandhom ikunu faċilment aċċessibbli għall-impjegati kollha u jkunu koperti fil-programmi ta’ taħriġ għall-membri tal-persunal. Meta ma tkun teżisti l-ebda regola miktuba dwar is-sejħa lura, f’kull ħin għandu jkun hemm disponibbli membru tal-persunal li jkollu għarfien dwar il-proċeduri ta’ sejħa lura.
Il-fornitur taż-żrieragħ għandu jiġu kkuntattjat biex ikun jista’ jagħti segwitu tal-vjeġġi possibbli tal-istess lott ta’ żrieragħ lill-produtturi l-oħra tan-nebbieta. F’dan il-każ, jista’ jkun hemm bżonn li jissejħu lura ż-żrieragħ. Bl-istess mod, il-produtturi tan-nebbieta għandhom jieħdu miżuri u jżidu l-monitoraġġ biex isibu l-kawża tal-kontaminazzjoni (l-ilma, l-ambjent, il-persunal, eċċ.). Il-produtturi tan-nebbieta għandhom iżommu rekord tar-riżultati tal-ittestjar għal żmien biżżejjed sakemm in-nebbieta jkunu jistgħu jitqiesu li ġew ikkonsmati. Huwa rakkomandat li jinżamm rekord tar-riżultati kollha tal-ittestjar għal biżżejjed żmien biex ikun jista’ jintwera lill-awtoritajiet kompetenti waqt kontrolli uffiċjali.
1.K. It-traċċabilità u ż-żamma ta’ rekords
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 208/2013 jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi ta’ traċċabilità għaż-żrieragħ għat-tnibbit u għan-nebbieta. Jekk in-nebbieta jkunu eżentati mir-rekwiżiti elenkati f’dan ir-Regolament, xorta waħda japplika r-Regolament (KE) Nru 178/2002 (aktar fid-dettall fil-punt 1.K.3.)
Ir-regoli ta’ traċċabilità huma mfasslin biex iżidu s-sikurezza alimentari għaliex jippermettu t-traċċar ta’ prodotti tal-ikel fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni u jagħmluha possibbli li jkun hemm reazzjoni rapida f’każ ta’ tifqigħat ta’ marda li tittieħed mill-ikel.
1.K.1. It-traċċabilità tal-proċess fl-istabbiliment tat-tnibbit
Il-produtturi tan-nebbieta għandhom jimplimentaw sistema biex jiżguraw it-traċċabilità tal-lottijiet mill-mument tal-wasla taż-żrieragħ sal-mument tad-dispaċċ tan-nebbieta. Jenħtieġ li jkun possibbli li f’kull mument matul il-fluss fiżiku tal-proċess tal-produzzjoni, wieħed ikun jaf li tali lott ta’ nebbieta joriġina minn tali fornitur immedjat. Dan jista’ jinkiseb billi jiġu assenjati kodiċijiet jew numri lil-lottijiet taż-żrieragħ riċevuti, jew billi jiġu ddefiniti lottijiet iżgħar li għalihom jiġu assenjati kodiċijiet jew numri. Imbagħad jenħtieġ li dawn il-kodiċijiet jinżammu sakemm in-nebbieta jiġu ppakkjati u jintbagħtu. Jekk il-lottijiet jiġu riorganizzati jew konsolidati, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex ikun żgurat li tinżamm ir-rabta bejn il-lott oriġinali ta’ żrieragħ u l-lottijiet riorganizzati jew konsolidati. Jenħtieġ li jinżammu rekords xierqa għal biżżejjed żmien sakemm in-nebbieta jkunu jistgħu jitqiesu li ġew ikkonsmati.
1.K.2. Ir-rekwiżiti ta’ traċċabilità tal-prodott finali - in-nebbieta
Il-punt 1.C.2. jelenka r-rekwiżiti ta’ traċċabilità fir-rigward tal-kontrolli taż-żrieragħ li jkunu deħlin.
L-operatur ta’ negozju tal-ikel li jipproduċi ż-żrieragħ għat-tnibbit irid jittrażmetti informazzjoni lill-operatur ta’ negozju tal-ikel li jipproduċi n-nebbieta. L-operatur ta’ negozju tal-ikel li jinbet iż-żrieragħ irid iżomm rekords dwar l-oriġini taż-żrieragħ u jittrażmetti din l-informazzjoni lill-operaturi ta’ negozju tal-ikel li jmiss. Jenħtieġ li jinżammu rekords fl-istadji kollha.
Il-prodott finali, in-nebbieta, jeħtieġ li jkunu konformi mar-rekwiżiti legali dwar it-traċċabilità stabbiliti fi-Regolament (KE) Nru 178/2002.
Il-produttur tan-nebbieta jrid jiżgura li l-informazzjoni kollha meħtieġa fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 208/2013 tiġi trażmessa lill-operatur ta’ negozju tal-ikel li lilu jiġu forniti n-nebbieta. Jenħtieġ li jiġu indikati l-elementi segwenti:
— |
isem il-prodott inkluż l-isem Latin (l-isem tassonomiku); |
— |
in-numru ta’ identifikazzjoni jew ir-referenza ekwivalenti tal-lott; |
— |
isem il-fornitur; |
— |
l-isem u l-indirizz tar-riċevitur; |
— |
jekk jintuża spedizjonier jew aġent: l-isem u l-indirizz tal-aġent jew tal-ispedizjonier; |
— |
id-data tal-kunsinna; |
— |
il-kwantità fornita. |
Jenħtieġ li l-produtturi tan-nebbieta jżommu rekord ta’ kopja ta’ dan id-dokument għal biżżejjed żmien sakemm in-nebbieta jkunu jistgħu jitqiesu li ġew ikkonsmati. Jenħtieġ li tiġi pprovduta kopja tad-dokument lix-xerrej.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali f’ċerti Stati Membri tista’ timponi rekwiżiti ta’ traċċabilità addizzjonali li mhumiex imsemmija f’din il-linja gwida. F’każ ta’ dubju, huwa rakkomandat li l-produtturi tan-nebbieta jikkuntattjaw lill-awtorità kompetenti tagħhom biex jiksbu aktar informazzjoni dwar ir-rekwiżiti nazzjonali.
Ir-rekords kollha msemmijin f’dan il-kapitolu jridu jiġu aġġornati kuljum biex jiġu meqjusa il-vjeġġi l-aktar riċenti li jkunu deħlin u ħerġin. Ir-rekords jistgħu jinżammu f’kull forma xierqa dment li dawn ikunu jistgħu jinstabu u jiftiehmu faċilment mill-awtoritajiet kompetenti f’każijiet meta jkunu meħtieġa. Meta l-awtoritajiet jitolbu xi informazzjoni, din għandha tiġi pprovduta mingħajr dewmien.
Sistemi alternattivi jistgħu jkunu fattibbli wkoll biex tiġi żgurata t-traċċabilità xierqa. Dan l-aħħar ġew żviluppati xi skemi elettroniċi privati ta’ traċċabilità, inklużi Trace, IRIS, EPCIS, Fosstrak (Sors Miftuħ) u xi sistemi bbażati fuq SAP (applikazzjoni tas-sistema u prodott għall-ipproċessar tad-dejta).
1.K.3. Eżenzjoni mir-rekwiżiti f’dan il-kapitolu
Kif iddikjarat fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 208/2013, in-nebbieta soġġetti għal trattament li jelimina l-perikli mikrobijoloġiċi, kompatibbli mal-leġiżlazzjoni Ewropea, m’għandhomx bżonn li jkunu konformi ma’ dan ir-Regolament (aktar dwar id-dekontaminazzjoni mikrobijoloġika taż-żerriegħa fil-punt 1.G.2.). Madankollu, il-produtturi tan-nebbieta għadhom taħt l-obbligu skont il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel (l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002) li jkollhom sistemi u proċeduri fis-seħħ biex jidentifikaw negozji li ġew forniti bil-prodott tagħhom – anki għal dawk il-prodotti li ġew soġġetti għal trattament mikrobijoloġiku.
1.L. Sommarju: L-obbligu taż-żamma ta’ rekords
Matul il-proċess tal-produzzjoni, il-produtturi huma mitluba jżommu rekord u jkollhom l-informazzjoni segwenti disponibbli (fi kwalunkwe forma dment li tkun tista’ tinstab u tinftiehem faċilment mill-awtoritajiet kompetenti):
1. |
L-istabbiliment u l-manutenzjoni tal-faċilità tat-tnibbit:
|
2. |
Iż-żrieragħ li jkunu deħlin (ir-rekord irid jinżamm għal biżżejjed żmien sakemm il-prodott finali jkun jista’ jitqies li ġie kkonsmat):
|
3. |
L-ittestjar mikrobijoloġiku (rekord li jrid jinżamm għal biżżejjed żmien sakemm il-prodott finali jkun jista’ jitqies li ġie kkonsmat):
|
4. |
It-traċċabilità tal-proċess (rekord li jrid jinżamm għal biżżejjed żmien sakemm il-prodott finali jkun jista’ jitqies li ġie kkonsmat):
|
5. |
In-nebbieta li jkunu ħerġin (rekord li jrid jinżamm għal biżżejjed żmien sakemm il-prodott finali jkun jista’ jitqies li ġie kkonsmat):
|
6. |
L-irtirar u s-sejħa lura:
|
2. IL-PRODUZZJONI TAŻ-ŻRIERAGĦ
Kuntest
It-tiftix ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-bniedem huwa wieħed mill-objettivi fundamentali tar-Regolament (KE) Nru 852/2004. Dak ir-Regolament jikkostitwixxi bażi komuni għall-produzzjoni iġjenika tal-ikel kollu.
2.A. Ġenerali
Jenħtieġ li t-tagħmir kollu jitnaddaf regolarment biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni potenzjali minn trab, insetti u annimali (b’attenzjoni partikolari għall-feċi). Meta jkun possibbli, jenħtieġ li jinżamm djarju tal-manutenzjoni tat-tagħmir kollu.
Metodi differenti:
|
|
It-tħaffir mekkaniku jew bl-idejn It-tixrid taż-żrieragħ bl-idejn |
Il-ħsad ikkombinat Billi l-imżiewed misjura jinġibdu mill-pjanti bl-idejn Il-qtugħ tal-pjanti |
2.B. It-trattamenti tal-ħamrija/l-art
Jenħtieġ li jiġi evitat ir-ragħa jew id-dħul potenzjali ta’ annimali selvaġġi u domestiċi, u jenħtieġ li l-produtturi jimplimentaw miżuri preventivi bħal ċnut jew xbieki.
Il-fertilizzanti għandhom jiġu applikati biss f’ammonti li jkunu biżżejjed biex jissodisfaw il-bżonnijiet tat-tkabbir tal-pjanti għaż-żrieragħ. Il-fertilizzanti organiċi jiġu applikati b’mod wiesa’ u benefiku biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tan-nutrijenti taż-żrieragħ u jtejbu l-fertilità tal-ħamrija, iżda l-użu skorrett tagħhom jista’ jkun sors ta’ kontaminazzjoni mikrobijoloġika kif ukoll kimika. Il-patoġeni jistgħu jkunu preżenti fid-demel u f’fertilizzanti naturali oħra u jistgħu jippersistu għal ġimgħat jew saħansitra xhur, b’mod partikolari jekk it-trattament ta’ dawn il-materjali jkun inadegwat.
Il-metodi ta’ trattament fiżiku, kimiku jew bijoloġiku (eż. l-ikkompostjar, il-pasturizzazzjoni, it-tnixxif bis-sħana, l-irradjazzjoni bl-UV, id-diġestjoni bl-alkali, it-tnixxif bix-xemx jew taħlita ta’ dawn) jistgħu jintużaw biex jitnaqqas ir-riskju ta’ sopravivenza potenzjali ta’ patoġenu uman fid-demel, fil-ħama tad-drenaġġ u f’fertilizzanti organiċi oħra.
Għalhekk, il-fertilizzanti organiċi għandhom ikunu mingħajr kontaminanti mikrobjali, fiżiċi jew kimiċi f’livelli li jistgħu jaffettwaw b’mod avvers is-sikurezza tal-frott u l-ħxejjex friski u l-użu tagħhom irid ikun konformi mar-Regolamenti relevanti tal-UE u jagħti kont lil-linji gwida tad-WHO (45) dwar l-użu sikur tal-ilma mormi u tal-eskrementi fl-agrikoltura, kif xieraq.
Il-produtturi għandhom jużaw il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti f’konformità mal-istruzzjonijiet fuq it-tikketta tal-prodotti idividwali. Jenħtieġ li jintużaw biss prodotti awtorizzati għall-protezzjoni tal-pjanti.
Jenħtieġ li jinżamm djarju tat-trattamenti użati. Il-prodotti u l-pariri dwar kif tiġi trattata l-ħamrija/l-art għandhom jinkisbu mingħand professjonisti kwalifikati.
2.C. L-iġjene tal-ħaddiema
Il-ħaddiema kollha għandhom ikunu konxji tal-prinċipji bażiċi tal-iġjene u tas-saħħa, u jenħtieġ li jkunu infurmati dwar il-perikli kollha li jistgħu jikkontaminaw iż-żrieragħ.
Il-persunal għandu jżomm kundizzjonijiet tajba tal-iġjene personali fl-istadji kollha tal-ħsad u tal-ipproċessar. Dawk il-membri tal-persunal li jkun magħruf jew li jkun hemm suspett li dawn ikollhom marda li tista’ tiġi trażmessa lin-nebbieta ma għandhomx jitħallew fiż-żoni fejn jistgħu jiġu f’kunttat dirett jew indirett maż-żrieragħ jew man-nebbieta. Il-membri tal-persunal għandhom jinfurmaw minnufih lill-maniġment jekk jemmnu li jista’ jkollhom xi marda rilevanti jew jekk ikunu rkupraw minn marda infettiva rilevanti iżda għadhom mhumiex ħielsa mill-mikroorganiżmi.
Il-korrimenti tal-persunal li jistgħu jippreżentaw periklu ta’ kontaminazzjoni għandhom jiġu ttrattati b’mod adegwat billi jitgħattew bi protezzjoni impermeabbli li tkun tidher qabel ma l-ħaddiem ikun jista’ jiġi f’kuntatt maż-żrieragħ. Fejn possibbli, jenħtieġ li ħaddiema bi ġrieħi jevitaw il-kuntatt dirett maż-żrieragħ jew man-nebbieta li jkunu għall-konsum mill-bniedem.
Il-ħaddiema għandu jkollhom u jużaw faċilitajiet sanitarji adegwati (inkl. faċilitajiet għall-ħasil tal-idejn) disponibbli fejn dawn ikunu fattibbli u neċessarji, eż. meta ż-żrieragħ ma jkunux f’imżiewed u l-ħaddiema jkollhom kuntatt dirett magħhom. Meta jkun vijabbli, il-ħaddiema għandu jkollhom uniformijiet nodfa. Dawn iridu jaħslu jdejhom meta jibdew, meta jkun hemm bżonn matul il-ġurnata u tal-inqas kull dabra li jużaw it-tojlit.
2.D. It-tisqija
Diversi parametri jistgħu jinfluwenzaw ir-riskju ta’ kontaminazzjoni mikrobijoloġika taż-żrieragħ; is-sors tal-ilma, it-tip ta’ tisqija, l-metodu ta’ applikazzjoni ta’ trattament tal-ilma mill-persuni involuti fit-tkabbir, iż-żmien tat-tisqija fir-rigward tal-ħsad, l-aċċess possibbli tal-annimali għas-sors tal-ilma jew għaż-żona tal-produzzjoni.
Fejn jeżisti r-riskju li l-ilma tat-tisqija jiġi f’kuntatt mal-imżieweb, jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali biex jiġi żgurat li l-kwalità tal-ilma tal-inqas tkun l-istess bħal dik tal-ilma nadif.
Kwalunkwe aċċess tal-annimali għas-sorsi tal-ilma u għaż-żoni tal-pompi għandu jkun ikkontrollat.
2.E. Iż-żrieragħ
Il-produtturi jridu jużaw żerriegħa għaż-żrigħ minn sors rikonoxxut li jkun ippruvat li jkollu rekord tajjeb. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari liż-żrieragħ b’ġerminazzjoni tajba, li huma ħielsa minn mard, difetti fiżiċi jew effetti oħra li huma potenzjalment avversi għall-ħsad tajjeb ta’ fażola b’saħħitha. Meta dawn ikunu fattibbli u affordabbli, il-produtturi għandhom jagħmlu analiżijiet u pretrattamenti biex jiżguraw li ż-żrieragħ huma ta’ kwalità adattata.
2.F. It-tnixxif tal-pjanti/tal-imżiewed
Fost il-pajjiżi produtturi jiġu applikati prattiki differenti. F’xi pajjiżi, qabel id-dris jkun meħtieġ li l-imżiewed jitnixxfu. F’dan il-każ, jenħtieġ li jintuża tarpolin nadif bejn l-imżiewed li qed jinxfu u l-art. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni potenzjali waqt li l-imżiewed ikunu vulnerabbli u dan it-tnixxif għandu jsir f’żona speċifika li timpedixxi l-aċċess għall-annimali selvaġġi u għall-għasafar. F’pajjiżi oħra, il-pjanti jinħasdu u jindirsu b’mod mekkaniku u, għalhekk, jintużaw metodi differenti.
2.G. Id-dris
Dan jenħtieġ li jsir b’mod mekkaniku fuq tagħmir miżmum u mnaddaf kif xieraq. Il-makkinarju għandu jitnaddaf mill-ewwel wara t-tmiem tal-istaġun, u anki qabel il-bidu tal-istaġun li jmiss, u fejn vijabbli bejn kull lott. It-tagħmir għandu jinħażen f’żona mgħottija biex tiġi protetta l-integrità tat-tagħmir. Iż-żrieragħ għandhom jiġu ppakkjati matul id-dris jew eżatt wara.
2.H. Il-ħżin wara l-ħsad
Fejn vijabbli, l-oġġetti għandhom jinħażnu – b’mod prattiku u eknomiku – f’boroż ġodda b’saħħithom, u mhux f’boroż użati. Il-produtturi jridu jikkunsidraw ukoll jekk hemmx il-bżonn li jgħattu l-uċuħ tal-munzelli ta’ ħażniet b’folji tal-plastik biex jipproteġu l-oġġetti.
Iż-żoni u t-tagħmir tal-ħżin għandhom jitnaddfu u jiġu miżmuma tajjeb biex jiġu evitati d-dħul u l-kontaminazzjoni mit-temp, mill-annimali u mill-organiżmi ta’ ħsara.
Jekk jinħażnu bl-ingrossa, jenħtieġ li jintużaw tarpolini nodfa kemm taħt kif ukoll fuq l-oġġetti u bejn l-oġġetti u l-ħajt, jekk applikabbli.
2.I. L-ipproċessar
L-oġġetti għandhom jiġu pproċessati f’faċilitajiet professjonali għall-ipproċessar taż-żrieragħ b’tagħmir adattat, li għandu jinkludi:
— |
tagħmir li jissepara skont id-daqs, imwejjed tal-Gravità/Densimetriċi, tagħmir tat-tneħħija tal-ġebel, kalamiti jew detetturi tal-metall, u preferibbilment tagħmir li jissepara skont il-kuluri; |
— |
It-tagħmir kollu għandu jitnaddaf regolarment biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni kroċjata ta’ prodotti oħra, u tingħata attenzjoni partikolari għall-iġjene; |
— |
Il-persunal għandu jkollu faċilitajiet ta’ tojlits u ta’ ħasil tal-idejn disponibbli adegwati (inkl. is-sapun) u, fejn vijabbli, uniformijiet nodfa; |
— |
Iż-żona lokali għandha tiġi miżmuma biex jiġu evitati t-trab u l-ħmieġ, l-insetti, l-annimali u l-għasafar; |
— |
fejn vijabbli, il-proċessuri għandu jkollhom pjanijiet u jżommu rekords tal-prevenzjonijiet ta’ kontaminazzjoni. It-taħlit ta’ lottijiet jenħtieġ li jiġi limitat kemm jista’ jkun u, fejn ikun vijabbli, ikun ristrett għal reġjuni ta’ tkabbir simili; |
— |
Il-proċessuri għandu jkollhom rekords disponibbli dwar minn fejn ikunu oriġinaw iż-żrieragħ li jkunu deħlin. |
— |
Huwa rakkomandat reġim ta’ kwalità implimentat minn persunal imħarreġ skont l-istandard tal-HACCP. L-oġġetti lesti għandhom jiġu analizzati skont ir-rekwiżiti tax-xerrejja qabel il-vjeġġ. |
(1) Kummissjoni Ewropea, id-DĠ għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari. L-iġjene tal-ikel. Gwida
(2) Definizzjoni kif stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 208/2013
(3) Definizzjoni stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea fir-Regolament (UE) Nru 852/2004
(4) Ara n-nota 3
(5) Definizzjoni kif stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 211/2013
(6) Ara n-nota 3
(7) “L-Opinjoni Xjentifika dwar ir-riskju maħluq mill-Escherichia coli li tipproduċi t-tossina Shiga (STEC) u/jew batterji patoġeniċi oħra fiż-żrieragħ u fiż-żrieragħ imnibbta” tal-EFSA
(8) Definizzjoni stabbilita mill-Kummissjoni Codex Alimentarius. Sistema għall-Analiżi tal-Perikli u Punti Kritiċi ta’ Kontroll (HACCP) u Linji Gwida għall-Applikazzjoni tagħha
(9) Ara n-nota 3
(10) Definizzjoni stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea fir-Regolament (KE) Nru 396/2005
(11) Definizzjoni tal-ESSA bbażata fuq il-Kummissjoni fir-Regolament (KE) Nru 2073/2005
(12) Definizzjoni stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea fir-Regolament (KE) Nru 178/2002
(13) Ara n-nota 12
(14) Ara n-nota 3
(15) Ara n-nota 12
(16) Ara n-nota 12
(17) Ara n-nota 8
(18) Definizzjoni stabbilita mill-Kummissjoni Codex Alimentarius. Prinċipji ġenerali rakkomandati dwar l-iġjene tal-ikel tal-kodiċi tal-prattika internazzjonali
(19) Definizzjoni stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011
(20) Ara n-nota 11
(21) Ara n-nota 8
(22) Ara n-nota 3
(23) Ara n-nota 3
(24) Ara n-nota 3
(25) Ara n-nota 3
(26) Ara n-nota 3
(27) Ara n-nota 11
(28) Ara n-nota 11
(29) Ara n-nota 12
(30) Ara n-nota 12
(31) Ara n-nota 11
(32) Definizzjoni tal-ESSA bbażata fuq l-“Opinjoni Xjentifika dwar ir-riskju maħluq mill-Escherichia coli li tipproduċi t-tossina Shiga (STEC) u batterji patoġeniċi oħra fiż-żrieragħ u fi żrieragħ imnibbta” tal-EFSA
(33) Definizzjoni stabbilita mill-Kummissjoni Codex Alimentarius. Kodiċi ta’ prattika iġjenika għall-frott u l-ħxejjex friski
(34) Ara n-nota 7
(35) Ara n-nota 7
(36) Ara n-nota 7
(37) Ara n-nota 2
(38) Definizzjoni tal-ESSA bbażata fuq l-“Opinjoni Xjentifika dwar ir-riskju maħluq mill-Escherichia coli li tipproduċi t-tossina Shiga (STEC) u batterji patoġeniċi oħra fiż-żrieragħ u fi żrieragħ imnibbta” tal-EFSA
(39) Ara n-nota 33
(40) Id-definizzjoni tal-ESSA hija bbażata fuq id-definizzjoni ta’ “distributur taż-żrieragħ”
(41) Definizzjoni stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009
(42) Ara n-nota 12
(43) Avviż tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tas-sistemi għall-immaniġġjar tas-sikurezza tal-ikel li jkopru l-programmi prerekwiżiti (PRPs) u l-proċeduri bbażati fuq il-prinċipji tal-HACCP, inkluż il-faċilitazzjoni/il-flessibbiltà tal-implimentazzjoni f’ċerti negozji tal-ikel
(44) Ara n-nota 7
(45) Il-Linji Gwida tad-WHO dwar l-użu sikur tal-ilma mormi, tal-eskrementi u tal-ilma griż
ANNESS I
Il-leġiżlazzjoni ġenerali u l-leġiżlazzjoni speċifika dwar in-nebbieta
Leġiżlazzjoni ġenerali
Dawn id-dokumenti huma disponibbli fil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea:
— |
Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (Il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel). |
— |
Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 Dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel. |
— |
Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali. |
— |
Id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem. |
— |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta’ Novembru 2005 dwar il-kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel. |
— |
Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi. |
— |
Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. |
— |
Ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE |
Leġiżlazzjoni speċifika dwar in-nebbieta
Dawn id-dokumenti huma disponibbli fil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea:
— |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 08/2013 tal-11 ta’ Marzu 2013 dwar ir-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà għan-nebbieta u ż-żrieragħ maħsubin għall-produzzjoni tan-nebbieta. |
— |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 209/2013 tal-11 ta’ Marzu 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2073/2005 fir-rigward tal-kriterji mikrobijoloġiċi għan-nibet u r-regoli tal-kampjunar għall-karkassi tat-tjur u l-laħam frisk tat-tjur. |
— |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 210/2013 tal-11 ta’ Marzu 2013 dwar l-approvazzjoni tal-istabbilimenti li jipproduċu n-nebbieta skont ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. |
— |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 211/2013 tal-11 ta’ Marzu 2013 dwar ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għall-importazzjonijiet fl-Unjoni tan-nebbieta (sprouts) u ż-żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta, emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 704/2014 dwar ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għall-importazzjonijiet fl-Unjoni tan-nebbieta (sprouts) u ż-żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta. |
ANNESS II
Ir-referenzi għal sorsi ta’ informazzjoni rilevanti oħra
— |
Id-Dokument ta’ Gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri bbażati fuq il-prinċipji tal-HACCP, u dwar il-faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-HACCP f’ċerti negozji tal-ikel. |
— |
L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tas-sistemi għall-immaniġġjar tas-sikurezza tal-ikel li jkopru l-programmi prerekwiżiti (PRPs) u l-proċeduri bbażati fuq il-prinċipji tal-HACCP, inkluż il-faċilitazzjoni/il-flessibbiltà tal-implimentazzjoni f’ċerti negozji tal-ikel (2016/C 278/01). |
— |
Il-Prinċipji ġenerali tal-Codex dwar l-iġjene tal-ikel. Dan id-dokument jinkludi taqsima dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-HACCP. |
— |
Il-Kodiċi tal-Prattika Iġjenika għall-Frott u l-Ħxejjex Friski. L-Anness II għall-produzzjoni tan-nebbieta. |
— |
L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO). L-ISO 22000 - Ġestjoni tas-sikurezza alimentari. Gwida internazzjonali bir-rekwiżiti għal sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza alimentari. |
— |
International Featured Standards (IFS) |
— |
Id-Dokument ta’ Gwida tal-Kummissjoni Ewropea (Dokument ta’ ħidma tal-pesunal tal-Kummissjoni) dwar studji tal-Listeria monocytogenes (listerjożi) relatati maż-żmien tal-ħżin tal-ikel lest biex jittiekel, skont ir-Regolament (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta’ Novembru 2005 dwar il-kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel. Dan hu dokument informattiv mmirat għall-operaturi ta’ negozji tal-ikel fl-UE. |
— |
L-Opinjoni Xjentifika tal-EFSA dwar ir-riskju maħluq mill-Escherichia coli li tipproduċi t-tossina Shiga (STEC) u batterji patoġeniċi oħra fi żrieragħ u fi żrieragħ imnibbta. |
— |
Il-Linji Gwida tad-WHO dwar il-kwalità tal-ilma tax-xorb. |
— |
Il-Linji Gwida tad-WHO dwar l-użu sikur tal-ilma mormi, tal-eskrezzjonijiet u tal-ilma griż. |