23.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 200/10


Sommarju tal-Opinjoni dwar il-Proposta għal Direttiva dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-provvediment ta’ kontenut diġitali

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bil-Franċiż, bil-Ġermaniż u bl-Ingliż fuq is-sit elettroniku tal-KEPD www.edps.europa.eu)

(2017/C 200/07)

Il-KEPD jirrikonoxxi l-importanza tal-ekonomija xprunata mid-data għat-tkabbir fl-UE u l-prominenza tagħha fl-ambjent diġitali kif stabbilit fl-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali. Aħna argumentajna b’mod konsistenti favur is-sinerġiji u l-kumplimentarjetà bejn il-liġi għall-protezzjoni tal-konsumatur u tad-data. Aħna għalhekk nappoġġjaw l-għan tal-proposta tad-Direttiva tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2015 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-provvediment ta’ kontenut diġitali biex intejbu l-protezzjoni tal-konsumaturi li huma meħtieġa li jiżvelaw xi data bħala kundizzjoni għall-provvediment ta’ “merkanzija diġitali”.

Madankollu, aspett wieħed tal-Proposta huwa problematiku, peress li se jkun applikabbli għal sitwazzjonijiet meta jitħallas prezz għall-kontenut diġitali, iżda wkoll meta l-kontenut diġitali jkun ipprovdut bi skambju għal eżekuzzjoni korrispettiva li mhix flus fil-forma ta’ data personali jew kwalunkwe data oħra. Il-KEPD iwissi kontra kwalunkwe dispożizzjoni ġdida li tintroduċi l-idea li n-nies jistgħu jħallsu bid-data tagħhom bl-istess mod kif iħallsu bil-flus. Id-drittijiet fundamentali bħad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ma tistax titnaqqas għas-sempliċi interessi tal-konsumatur, u d-data personali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sempliċi komodità.

Il-qafas tal-protezzjoni tad-data li ġie adottat reċentement (il-“GDPR”) għadu mhux kompletament applikabbli u l-proposta għal leġiżlazzjoni ġdida dwar il-Privatezza elettronika attwalment qed tiġi diskussa. Għaldaqstant, l-UE għandha tevita kull proposta ġdida li ttellef il-bilanċ delikat innegozjat mil-leġiżlatur tal-UE dwar ir-regoli tal-protezzjoni tad-data. Inizjattivi li jikkoinċidu jistgħu involontarjament iqiegħdu f’riskju l-koerenza tas-Suq Uniku Diġitali, li jirriżulta fil-frammentazzjoni regolatorja u l-inċertezza legali. Il-KEPD jirrakkomanda li l-UE tapplika l-GDPR bħala l-mezz biex jiġi regolat l-użu tad-data personali fl-ekonomija diġitali.

Il-kunċett ta’ “data bħala eżekuzzjoni korrispettiva” — li mhux definit fil-proposta — jista’ jikkawża konfużjoni dwar il-funzjoni eżatta tad-data fi tranżazzjoni partikolari. In-nuqqas ta’ informazzjoni ċara mill-fornituri f’dan ir-rigward tista’ żżid aktar diffikultajiet. Aħna għalhekk nissuġġerixxu, bħala mezz kif insolvu din il-problema, li jiġi kkunsidrat l-użu tad-definizzjoni ta’ servizzi skont it-TFUE jew id-dispożizzjoni użata mill-GDPR sabiex tiddefinixxi l-ambitu territorjali tiegħu.

Din l-Opinjoni teżamina bosta interazzjonijiet potenzjali tal-proposta mal-GDPR.

L-ewwel, id-definizzjoni wiesgħa ta’ “data personali” skont il-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data jista’ jkollha l-effett li d-data kollha soġġetta għad-Direttiva proposta titqies bħala “data personali” skont il-GDPR.

It-tieni, il-kundizzjonijiet stretti li taħthom jista’ jsir l-ipproċessar huma diġà stabbiliti fil-GDPR u ma jeħtiġux emenda jew addizzjoni skont id-direttiva proposta. Filwaqt li l-proposta tidher li tikkunsidra bħala leġittimu l-użu tad-data bħala eżekuzzjoni korrispettiva, il-GDPR jipprovdi, pereżempju, sett ġdid ta’ kundizzjonijiet li jevalwaw il-validità tal-kunsens u li jiddeterminaw jekk tistax tiġi kkunsidrata bħala mogħtija liberament fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet diġitali.

Fl-aħħar nett, id-drittijiet proposti mogħtija lill-konsumaturi biex tinkiseb id-data tagħhom mill-fornitur fi tmiem il-kuntratt u l-obbligu tal-fornitur li joqgħod lura milli juża d-data potenzjalment jikkoinċidu mad-drittijiet ta’ aċċess u tal-portabbiltà u mal-obbligu tal-fornitur li joqgħod lura milli juża l-obbligi tad-data u tal-kontrollur tad-data skont il-GDPR. Dan jista involontarjament iwassal għal konfużjoni dwar ir-reġim applikabbli.

1.   INTRODUZZJONI U SFOND

1.1.   Il-konsultazzjoni tal-KEPD mill-Kunsill

1.

Fid-9 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat żewġ proposti leġiżlattivi għal regoli kuntrattwali ġodda għall-bejgħ online. Ir-regoli proposti dwar il-kuntratti diġitali jinkludu abbozzi ta’ żewġ biċċiet ta’ leġiżlazzjoni:

Proposta għal Direttiva dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-provvediment ta’ kontenut diġitali (1);

Proposta għal Direttiva dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ online ta’ merkanzija (tanġibbli) (2).

2.

Iż-żewġ proposti għandhom jitqiesu bħala pakkett b’għanijiet komuni, b’mod partikolari biex jitneħħa x-xkiel ewlieni għall-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE (3). Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-Proposta għal Direttiva dwar il-kuntratti għall-provvediment ta’ kontenut diġitali lill-konsumaturi (iktar ‘il quddiem “il-Proposta”), l-intenzjoni tagħha huwa li jkun hemm sett wieħed ta’ regoli li jkopru kuntratti għall-bejgħ u l-kiri ta’ kontenut diġitali kif ukoll kuntratti għas-servizzi diġitali (4). Fiż-żmien tal-adozzjoni tal-Proposta, il-KEPD ma ġiex ikkonsultat mill-Kummissjoni.

3.

Fil-21 ta’ Novembru 2016, il-Kumitat LIBE ħareġ Opinjoni dwar il-Proposta (5). Fis-7 ta’ Novembru 2016, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (IMCO) tal-Parlament Ewropew u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (JURI) ħarġu abbozz ta’ rapport konġunt dwar il-Proposta (6).

4.

Attwalment, il-Kunsill qed jiddiskuti l-Proposta fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma dwar Materji ta’ Dritt Ċivili (Dritt Kuntrattwali). F’dan il-kuntest, fl-10 ta’ Jannar 2017, il-Kunsill iddeċieda li jikkonsulta l-KEPD dwar il-Proposta. Il-KEPD jilqa’ l-inizjattiva tal-Kunsill li jikkonsulta l-KEPD dwar din il-leġiżlazzjoni importanti li tqajjem bosta mistoqsijiet fir-rigward tal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali. Din l-Opinjoni hija r-risposta tal-KEPD għat-talba tal-Kunsill.

1.2.   Il-Proposta

5.

Attwalment, il-provvediment ta’ kontenut diġitali fil-livell tal-UE huwa parzjalment regolat mid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (7), id-Direttiva dwar Termini Inġusti (8), u d-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku (9). Id-Direttiva dwar il-Bejgħ lill-Konsumatur mhix applikabbli, peress li d-definizzjoni ta’ “oġġetti tal-konsumatur” f’dik id-Direttiva testendi biss għal “oġġetti tanġibbli li jiċċaqalqu”.

6.

Bosta Stati Membri diġà adottaw regoli speċifiċi dwar il-kontenut diġitali, li joħolqu differenzi fil-kamp ta’ applikazzjoni u fil-kontenut bejn ir-regoli nazzjonali li jirregolaw dawn il-kuntratti (10). Il-Proposta għalhekk biħsiebha tipprovdi protezzjoni armonizzata tal-konsumaturi fejn hu kkonċernat il-kontenut diġitali. F’dan il-kuntest, il-Proposta tipprevedi livell massimu ta’ armonizzazzjoni.

7.

Rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Proposta, dan ikopri mhux biss prodotti diġitali (bħal films jew mużika, programmi tal-kompjuter, applikazzjonijiet tal-mowbajl, kotba elettroniċi) iżda wkoll servizzi diġitali (bħal pjattaformi tal-midja soċjali u s-servizzi ta’ cloud computing). Biex kuntratt diġitali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva proposta, għandu jew jipprovdi prezz li għandu jitħallas mill-konsumatur, jew il-konsumatur għandu “jipprovdi b’mod attiv data personali jew data oħra bħala eżekuzzjoni korrispettiva” (11).

8.

Il-Proposta tintroduċi “ġerarkija ta’ rimedji” fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz ipprovdut mill-bejjiegħ, u tipprevedi d-dritt tal-konsumatur li jerġa’ jieħu pussess tad-data fi tmiem il-kuntratt f’“format tad-data li jintuża b’mod komuni” (12). Il-Proposta timponi wkoll l-obbligu għall-fornituri biex iżommu lura milli jagħmlu użu mid-data pprovduta bħala eżekuzzjoni korrispettiva wara t-terminazzjoni tal-kuntratt (13).

9.

Il-Proposta tirreferi għall-kunċett ta’ data personali fi tliet sitwazzjonijiet:

l-użu ta’ data (inkluża data personali) bħala “eżekuzzjoni korrispettiva li mhijiex flus” (14);

referenza għal data li hija “strettament neċessarja għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt” (15);

referenza għal “data oħra prodotta jew iġġenerata permezz tal-użu min-naħa tal-konsumatur tal-kontenut diġitali” (16).

10.

Ir-referenza għall-kunċett tad-data personali toħloq interazzjoni potenzjali bejn il-Proposta u r-regoli għall-protezzjoni tad-data, kif stipulat, fost oħrajn, fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data 95/46/KE (17) u l-GDPR (18). Barra minn hekk, kif iddikjarat fil-Proposta, id-Direttiva hija maħsuba biex tkun mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni ta’ individwi rigward l-ipproċessar ta’ data personali (19). Għalhekk, din l-Opinjoni se tindirizza l-interazzjoni bejn il-Proposta u l-qafas attwali u futur dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE (20).

KONKLUŻJONI

79.

Il-KEPD jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li għandha l-intenzjoni li tagħti protezzjoni wiesgħa lill-konsumaturi fl-UE, billi testendi din il-protezzjoni għall-“merkanzija diġitali”, u billi tinkludi l-każijiet fejn il-konsumaturi ma jħallsux prezz fi flus.

80.

Il-KEPD jirrikonoxxi l-importanza li jkun hemm regoli ċari u aġġornati li jistgħu jakkumpanjaw u jrawmu l-iżvilupp tal-ekonomija diġitali. F’dan ir-rigward, il-KEPD ikompli jsegwi attivament l-inizjattivi tal-Kummissjoni dwar is-Suq Uniku Diġitali peress li l-importanza tad-data bħala sors ta’ tkabbir u innovazzjoni hija fil-qalba ta’ dawn l-inizjattivi.

81.

F’dan il-kuntest, aħna nilqgħu l-inizjattiva tal-Kunsill li jikkonsulta lill-KEPD. Din hija għall-KEPD opportunità biex jiġu indirizzati bosta rakkomandazzjonijiet u messaġġi lil-leġiżlaturi, fid-diskussjoni tal-Proposta sottomessa lill-KEPD.

82.

Dwar l-interazzjoni tal-Proposta mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data:

il-Proposta tqajjem numru ta’ kwistjonijiet minħabba n-natura tad-drittijiet fundamentali ta’ din id-data u l-protezzjoni speċifika mogħtija lil din id-data skont il-qafas tal-protezzjoni tad-data tal-UE;

il-Proposta għandha tevita li tinkludi dispożizzjonijiet li jistgħu jolqtu l-qafas tal-protezzjoni tad-data, peress li l-Proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE, li ma għadux il-bażi xierqa biex jiġi rregolat l-ipproċessar tad-data;

il-Proposta ma għandha bl-ebda mod tbiddel il-bilanċ misjub mill-GDPR rigward iċ-ċirkostanzi li fihom l-ipproċessar tad-data personali jista’ jsir fis-suq diġitali.

83.

Dwar l-użu tad-data bħala eżekuzzjoni korrispettiva:

il-KEPD iqis li t-terminu “data bħala eżekuzzjoni korrispettiva” għandu jiġi evitat;

f’dan is-sens il-KEPD joffri alternattivi:

l-użu tal-kunċett ta’ “servizzi” fil-liġi tal-UE jista’ jkun utli meta jiġi kkunsidrat kif jiġu koperti servizzi meta ma jitħallasx prezz;

il-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR li jkopri l-offerta ta’ oġġetti u servizzi irrispettivament minn jekk ħlas hux mitlub jista’ wkoll ikun konsiderazzjoni utli.

84.

Dwar l-interazzjoni tal-Proposta mal-GDPR:

b’konsiderazzjoni tad-definizzjoni wiesgħa ta’ data personali, huwa probabbli li kważi d-data kollha pprovduta mill-konsumatur lill-fornitur tal-kontenut diġitali se tiġi kkunsidrata bħala data personali;

il-KEPD jirrakkomanda li jiġi evitat li wieħed jirreferi għad-data pprovduta (attivament) mill-konsumatur peress li tikkontradixxi r-regoli eżistenti u futuri dwar il-protezzjoni tad-data;

il-Proposta għandha tiddikjara b’mod espliċitu li d-data pproċessata mill-fornituri għandha tintuża biss sakemm dan huwa konformi mal-qafas tal-protezzjoni tad-data tal-UE, inkluż il-GDPR u l-leġiżlazzjoni dwar il-Privatezza elettronika;

il-KEPD jirrakkomanda li l-Artikoli 13 u 16 tal-Proposta jirreferu għall-GDPR meta jkunu involuti d-drittijiet għat-tħassir u d-dritt għall-aċċess tad-data tal-persuna stess, sal-punt li d-data personali hija kkonċernata. Jekk data mhux personali (“data oħra”) tiġi pproċessata, il-KEPD jirrakkomanda li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 13 u 16 għandhom ikunu allinjati mar-reġim ipprovdut fil-GDPR għall-finijiet ta’ konsistenza.

Brussell, l-14 ta’ Marzu 2017.

Giovanni BUTTARELLI

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali, COM/2015/0634, Disponibbli fuq http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?qid=1450431933547&uri=CELEX:52015PC0634

(2)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ online u bejgħ ieħor b’distanza ta’ prodotti, COM/2015/0635 final.

(3)  Għal aktar informazzjoni, ara http://ec.europa.eu/justice/contract/digital-contract-rules/index_en.htm.

(4)  F’dan il-kuntest, diġà kien sar tentattiv mill-Kummissjoni: ara l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, COM/2011/0635 final; din il-proposta kienet abbandunata mill-Kummissjoni.

(5)  Disponibbli fuq http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-%2f%2fEP%2f%2fNONSGML%2bCOMPARL%2bPE-582.370%2b03%2bDOC%2bPDF%2bV0%2f%2fEN

(6)  Disponibbli fuq http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-%2f%2fEP%2f%2fNONSGML%2bCOMPARL%2bPE-592.444%2b01%2bDOC%2bPDF%2bV0%2f%2fEN

(7)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).

(9)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (‘Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku’) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(10)  Ara l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-Proposta, paġna 3.

(11)  Ara l-Artikolu 3 (1) tal-Proposta.

(12)  Ara l-Artikolu 13 (2) (c) tal-Proposta.

(13)  Ara l-Artikolu 13 (2) (b) tal-Proposta.

(14)  Ara l-Artikolu 3 (1) u (4), l-Artikolu 13(2) (b), l-Artikolu 15(2)(c) u l-Artikolu 16(4)(a) tal-Proposta.

(15)  Ara l-Artikolu 3(4) tal-Proposta.

(16)  L-Artikolu 13(2) (b) u l-Artikolu 16(4) (b) tal-Proposta.

(17)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(18)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(19)  L-Artikolu 3 (8) tal-Proposta.

(20)  Attwalment, fil-kuntest tal-analiżi tal-Proposta, it-testijiet ewlenin applikabbli huma d-Direttiva 95/46/KE li se titħassar u tiġi sostituta mir-Regolament (UE) 2016/679, u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37) (imsejħa wkoll “Id-Direttiva dwar il-Privatezza elettronika”). Jenħtieġ li d-Direttiva dwar il-Privatezza elettronika titħassar mill-Proposta riċenti għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-ħarsien tad-data personali f’komunikazzjonijiet elettroniċi u li jħassar id-Direttiva 2002/58/KE, l-10 ta’ Jannar 2017, COM (2017) 10 final (Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjonijiet Elettroniċi).