14.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/12


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2017/C 383/11)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TA’ DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“MOULES DE BOUCHOT DE LA BAIE DU MONT-SAINT-MICHEL”

Nru tal-UE: PDO-FR-0547-AM01 — 5.4.2017

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Kumitat DOP “Moules de bouchot de la Baie du Mont-Saint-Michel”

Le Port Est

35960 Le Vivier-sur-Mer

FRANCE

Tel. +33 299163840

Posta elettronika: contact@moules-aop.com

Il-grupp huwa ffurmat minn bejjiegħa, operaturi u kumpaniji li jippakkjaw il-“Moules de bouchot de la baie du Mont-Saint-Michel”. Għaldaqstant, għandu d-dritt leġittimu li jipproponi emendi.

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Franza

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn: Aġġornament tad-dettalji, tipi ta’ operaturi, kontrolli.

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP rreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Emenda tal-Ispeċifikazzjoni ta’ DOP jew IĠP rreġistrata li għaliha ma jkun ġie rreġistrat l-ebda dokument uniku (jew ekwivalenti) u li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

5.   Emenda/i

It-Taqsima: “Żona ġeografika”

Tiżdied il-frażi “L-istadji kollha tal-produzzjoni tal-‘Moules de bouchot de la baie du Mont-Saint-Michel’, mit-trobbija tal-maskli sal-ippakkjar, iseħħu fiż-żona”.

Din l-emenda għandha l-għan li tiċċara aħjar l-istadji li għandhom iseħħu bilfors fiż-żona ġeografika tad-DOP.

Estensjoni taż-żona għas-sezzjonijiet katastali AM u ZC tal-komun ta’ Dol-de-Bretagne. Din il-parti komuni tissodisfa l-kriterji tad-delimitazzjoni taż-żona rreġistrata attwalment u tinsab f’kontinwità immedjata maż-żona attwali. Din it-talba għall-estensjoni taż-żona ġeografika hija ġustifikata minħabba d-diffikultajiet ta’ kostruzzjoni fil-komuni fiż-żona ġeografika minħabba n-nuqqas ta’ żoni residenzjali. Madankollu, huwa indispensabbli li jkunu jeżistu faċilitajiet ta’ preparazzjoni u ta’ ppakkjar viċin il-post tat-trobbija sabiex il-maskli jitħejjew malajr.

Żieda tal-komun ta’ Hirel mal-lista tal-muniċipalitajiet taż-żona ġeografika.

Din l-emenda għandha l-għan li tikkoreġi żball. Dan il-komun jissemma’ fid-dokument uniku, iżda kien tħalla barra mill-ispeċifikazzjonijiet.

Intestatura “Prova tal-oriġini”

Fir-rigward tar-regoli ta’ dikjarazzjoni tal-identifikazzjoni tal-operaturi sabiex jipproduċu bid-denominazzjoni, il-kjarifiki “permezz ta’ ittra rreġistrata flimkien ma’ talba ta’ avviż ta’ riċevuta postali jew kwittanza” u “skont mudell ivvalidat mid-Direttur tal-Istituzzjoni nazzjonali tal-oriġini u l-kwalità (INAO)” huma mħassra.

Dawn l-elementi proċedurali huma tabilħaqq tal-pjan ta’ kontroll assoċjat mal-ispeċifikazzjoni u mhux tal-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni stess.

Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ identifikazzjoni tal-operaturi differenti, l-ispeċifikazzjoni rreġistrata ssemmi biss li r-referenzi tal-faċilitajiet ta’ preparazzjoni u ppakkjar għandhom jiġu indikati “inkluż, fejn xieraq, dawk użati għat-trattament tal-maskli ta’ oriġini oħra”. Huwa propost li l-elementi dwar maskli ta’ oriġini oħra jitneħħew.

Din id-dikjarazzjoni għandha l-għan li tiddeskrivi l-modalitajiet tal-produzzjoni sostenibbli li għandu aċċess għalihom l-operatur. Madankollu, l-użu tal-faċilitajiet jista’ jevolvi maż-żmien. Din il-kjarifika mhijiex xierqa fil-livell ta’ dikjarazzjoni ta’ identifikazzjoni u tista’ tinvolvi ħafna emendi ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet.

It-traċċabbiltà tal-maskli DOP u tal-maskli li mhumiex eliġibbli għad-DOP hija żgurata wkoll.

Għaż-żamma tar-reġistri li l-operaturi għandhom jimlew, huwa previst li: “Reġistru tal-ħżin jinkludi, għal kull riżerva u għal kull baċir, pjan ta’ tqassim tal-kontejners jew tal-mannes (qfief) u, għal kull wieħed minnhom, il-linji tal-bouchot tal-oriġini, id-data tad-dħul u d-data tal-ħruġ u d-destinazzjoni tal-maskli.”. Dan il-paragrafu huwa emendat kif ġej “Ir-reġistru tal-ħżin jispeċifika, partikolarment għal kull riżerva u għal kull baċir:

il-linji tal-bouchot tal-oriġini,

id-data tad-dħul u

id-data tal-ħruġ.”

Diversi snin tal-ħidma tad-DOP urew li d-diċitura preżenti fl-ispeċifikazzjoni mhijiex xierqa għaliex l-iskema ta’ tqassim tal-kontejners u tal-ħwat mhijiex prattika ta’ kuljum u d-destinazzjoni tal-maskli ma tkunx magħrufa fil-mument tal-ħżin. Id-destinazzjoni u t-traċċabbiltà jiġu kkonfermati fl-istadju tal-kunsinna.

Fir-rigward tat-trasport tal-maskli lesti biex jiġu ppakkjati, in-nota ta’ trasferiment diġà prevista fl-ispeċifikazzjonijiet għandha tiġi ssupplimentata biż-żieda ta’ “l-akronimu ‘Moules BMSM DOP’”.

Sabiex tittejjeb it-traċċabbiltà tal-maskli ġewwa ż-żona, iż-żieda ta’ dan l-akronimu ntgħażlet minflok l-isem sħiħ biex ikun jista’ jinqara bil-ħeffa. L-akronimu jista’ jintuża biss b’dan il-mod biex tiġi evitata kull ambigwità fit-tikkettar tal-prodotti offruti għall-bejgħ.

Barra minn hekk, il-paragrafu “In-nota ta’ trasferiment għandha titwaħħal mal-kontejner b’faxxa ta’ kulur differenti minn dak għall-kummerċjalizzazzjoni. Għandu jkollha l-akronimu ‘DOP’ u r-referenzi tal-impriża li ħaslet u għażlet il-maskli skont id-daqs.” tinbidel bi: “In-nota ta’ trasferiment għandha takkumpanja l-kontenitur li fuqu tkun imwaħħla faxxa ta’ kulur differenti minn dawk għall-kummerċjalizzazzjoni. Din il-faxxa jkun fiha l-akronimu ‘DOP’ kif ukoll in-numru ta’ referenza tal-grupp.”

Fuq il-faxxa, ir-referenzi tal-impriża li tkun ħaslet u għażlet il-maskli skont id-daqs jiġu sostitwiti b’numru tal-ordni li jagħmel referenza għalih il-grupp, li hu stess jiżgura t-traċċabbiltà bejn in-numri tal-faxex u l-operaturi. Din l-emenda tippermetti monitoraġġ aħjar maż-żmien.

Fil-livell għat-tikkettar tal-unitajiet għall-bejgħ, il-frażi “Barra minn hekk, kull pakkett jiġi identifikat b’sistema ta’ marki maqbula mill-istitut nazzjonali tal-oriġini u l-kwalità u distribwiti mill-grupp.” hija sostitwita b’ “Din it-tikketta titwaħħal immedjatament wara l-ippakkjar, u b’tali mod li jiżgura li ma tistax tinfired minn mal-prodott.”

Minħabba l-varjetà ta’ tipi ta’ pakketti, il-grupp għażel tikkettar inseparabbli mill-prodott, skont l-għażla tal-operatur, minflok sistema ta’ marki. It-tikketta għandha tinkludi l-informazzjoni obbligatorja li ma tinbidilx.

Il-frażi “Il-qfief jiġu identifikati permezz tal-isem tad-denominazzjoni tal-oriġini miktuba minn qabel fuq il-kontenitur.” hija sostitwita b’ “Din it-tikketta titwaħħal immedjatament wara l-ippakkjar, u b’tali mod li żgur ma tkunx tista’ tinfired minn mal-prodott.”

Issa jintużaw forom ġodda ta’ imballaġġ. L-obbligu fuq il-qfief jista’ jkun diffiċli biex jiġi implimentat minħabba l-ġestjoni tal-istokkijiet ta’ imballaġġ u l-ispejjeż addizzjonali li dan jinvolvi. L-identifikazzjoni tad-DOP, issir permezz ta’ tikkettar inseparabbli u li jitqiegħed immedjatament wara l-ippakkjar, u dan jindirizza l-obbjettiv ta’ traċċabbiltà u joffri ftit flessibbiltà fl-għażla tal-kontenituri.

Fl-istess spirtu, l-obbligu għall-basktijiet “identifikati bl-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini stampat minn qabel fuq il-kontenitur” għandu jitneħħa wkoll. It-traċċabbiltà tiġi żgurata permezz tat-twaħħil tal-faxxa b’numru tas-serje li għamel referenza għaliha l-grupp, bħalma jsir għat-trasport tal-maskli lesti għall-ippakkjar.

Barra minn hekk, hemm bidliet ta’ abbozzar li għandhom isiru għal finijiet ta’ ċarezza u ta’ komprensjoni aħjar. Il-partijiet li ma għadhomx validi fil-konfront tar-regolamenti ġenerali tħassru wkoll.

Intestatura “Metodu ta’ produzzjoni”

Fir-rigward tal-metodi tal-ġbir tal-maskli, ġie miżjud li dan huwa “qbid fl-ambjent naturali”. Din il-prattika kienet parti impliċita mill-produzzjoni tal-maskli li jibbenefikaw mid-DOP. Din il-kjarifika għandha tippermetti li l-ispeċifikazzjoni tkun konformi ma’ dik tal-“Moules de Bouchot” STG.

Fir-rigward tal-propagazzjoni tal-bouchots, il-frażijiet “Il-frieħ jistgħu jibqgħu fis-sit tal-frieħ sa mhux iktar mill-31 ta’ Ottubru tas-sena tar-ripatrijazzjoni tal-larvi” u “Il-maskli u l-ħbula għandhom jitneħħew mis-sit tal-frieħ sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru.” tneħħew.

Fl-ispeċifikazzjoni, huwa wkoll previst li dawk il-puntali miżrugħa sal-31 ta’ Ottubru biss huma intitolati għad-denominazzjoni. Għalhekk din id-dispożizzjoni mhijiex relevanti għall-produzzjoni maħsuba għad-DOP. Barra minn hekk, minħabba maltempati fil-ħarifa u fix-xitwa, il-ħbula li jitħallew fis-siti aktarx jinqerdu.

Il-frażi “jitħalla għoli minimu ta’ 30 ċentimetru bejn l-art u tarf il-ħabel jew il-kolja.” hija sostitwita bi “jitħalla għoli minimu bejn il-qiegħ u n-naħa t’isfel tal-ħabel jew tal-kolja sabiex il-maskli ma jkunux f’kuntatt mal-qiegħ.”.

In-nuqqas ta’ kuntatt mal-qiegħ huwa kundizzjoni essenzjali għall-kultivazzjoni fuq il-bouchots. Il-kuntatt mal-qiegħ ikollu effett fuq it-togħma tal-maskli u, ukoll, tinħtieġ distanza minima bejn il-qiegħ u n-naħa t’isfel tal-ħbula għall-użu tal-pêcheuse, għodda li tintuża biex tiġbor il-maskli u sabiex ikun żgurat li l-maskli kollha jinqalgħu minn mal-bouchot. Jekk jibqa’ xi maskli wara l-ġbir, dawn jistgħu ikunu sorsi ta’ kontaminazzjoni għal ċerti parassiti tal-maskli. Inevitabbilment, il-produtturi josservaw id-distanza minima sabiex iqisu dawn ir-restrizzjonijiet tekniċi. Madankollu, id-distanza bejn in-naħa t’isfel tal-ħabel jew tal-kolja u l-qiegħ tista tvarja wara ż-żrigħ minħabba l-movimenti tar-ramel.

Ir-referenza għar-regoli nazzjonali għall-iffissar tar-rata taż-żrigħ tal-puntali - “Skont id-Digriet tat-22 ta’ Marzu 1983 emendat biex jiffissa s-sistema ta’ awtorizzazzjoni tal-azjendi agrikoli tal-baħar, ir-rata ffissata għad-denominazzjoni” - tneħħiet, peress li dan it-test huwa mħassar.

Ir-rata massima ta’ żrigħ tal-bouchot, stabbilita fl-ispeċifikazzjoni attwali skont is-settur ta’ installazzjoni tal-puntali fil-bajja ġie emendat kif ġej:

Il-paragrafu:

“—

65 % għal kull linja ta’ 100 metru lineari fil-parti fil-Lvant tal-bief ta’ Vivier-sur-Mer f’Cherrueix u l-parti fil-Majjistral u fil-Grigal tal-banc ta’ Hermelles;

55 % għal kull linja ta’ 100 metru lineari fil-bqija taż-żona tat-trobbija demarkata”.

għandu jinbidel bi:

“—

65 % għal kull linja ta’ 100 metru lineari fil-parti fil-Lvant tal-bief ta’ Vivier-sur-Mer f’Cherrueix u l-parti fil-Majjistral tal-banc ta’ Hermelles u d-99 linja li jinsabu l-aktar fin-Nofsinhar tal-parti fil-Grigal tal-banc ta’ Hermelles;

55 % għal kull linja ta’ 100 metru lineari fil-bqija taż-żona tat-trobbija.”.

L-emenda għandha tneħħi l-ambigwità, billi d-definizzjoni ta’ dawn is-setturi kienet inkluża b’mod inkomplet u kienet tinftiehem li r-rata ta’ 65 % hija applikabbli għaż-żona kollha (iż-żona tat-tħawwil tal-bouchots) fil-parti tal-Grigal tal-banc ta’ Hermelles, filwaqt li dan hu biss għall-parti l-aktar fin-Nofsinhar ta’ din iż-żona.

Fir-rigward tat-tul tal-puntali, il-kliem “ta’ għoli massimu ta’ 5,5 m” għandhom jitħassru.

It-tul tal-puntali ġie stabbilit fiż-żmien tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-DOP, fuq il-bażi tal-użijiet identifikati. Madankollu, ma hemmx ġustifikazzjoni teknika għal-limitu fuq it-tul tal-puntali. Barra minn hekk, puntali itwal għandhom il-vantaġġ li jistgħu jindifnu aktar fil-fond u għalhekk il-puntali jkunu jifilħu iktar għall-kurrenti tal-baħar li jista’ jaqilgħuhom. L-għoli taz-żrigħ tal-puntali huwa limitat għal 3,5 metri u dan ma nbidilx.

Il-kliem “fuq il-bouchots” żdiedu mal-frażi “Wara l-perjodu tat-trobbija fuq il-bouchots ta’ iktar minn erbgħa u għoxrin xahar, il-maskli ma jibqgħux eliġibbli għad-denominazzjoni ta’ oriġini ‘Moules de bouchot de la baie du Mont Saint-Michel’”.

Din il-kjarifika għandha tkun fornuta għall-finijiet ta’ kontroll biex jiġi ċċarat il-perjodu ta’ referenza li fih il-maskli ma jistgħu jinbiegħu bħala DOP. Il-perjodu tat-trobbija fis-siti tal-frieħ ma għandux jitqies.

Fil-frażi, “Ir-redditu annwali medju massimu ta’ 60 kg maskli ikkummerċjalizzati għal kull puntal huwa ffissat għat-totalità tal-konċessjonijiet […]”, l-aġġettiv “medju” huwa miżjud.

Din l-emenda għandha l-għan li tispjega s-suġġett tal-ispezzjoni. Ir-redditu annwali massimu jiġi kkontrollat fuq il-bażi tal-medja tal-konċessjoni, mhux għal kull puntal.

Fir-rigward tal-perjodu tal-ġbir, il-frażi “Il-perjodu tal-ġbir tal-maskli huwa stabbilit bejn il-15 ta’ Ġunju u l-15 ta’ Frar tas-sena ta’ wara dik għaż-żrigħ tal-puntali kkonċernati.” hija sostitwita b’ “Il-perjodu tal-ġbir tal-maskli huwa stabbilit bejn il-15 ta’ Ġunju tas-sena wara s-sena taż-żrigħ tal-puntali kkonċernati u l-15 ta’ Frar ta’ wara.”

Din l-emenda tikkoreġi żball ta’ abbozzar. Fil-fatt, il-puntali jinżergħu fl-ewwel sena (N) sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru. Il-ġbir isir fis-sena ta’ wara (N+1) mhux qabel il-15 ta’ Ġunju u għandu jseħħ sal-15 ta’ Frar ta’ wara, jiġifieri s-sena N+2.

Il-kliem “tas-sena ta’ wara s-sena taż-żrigħ” jirreferu għalhekk għall-15 ta’ Ġunju u mhux għall-15 ta’ Frar kif tgħid il-verżjoni fis-seħħ.

Il-frażi “Il-maskli mrobbija għal perjodu minimu ta’ tmintax-il xahar jistgħu jinġabru mill-15 ta’ Ġunju sal-31 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara dik għaż-żrigħ tal-bouchots kkonċernati.” hija kkoreġuta kif ġej: “Il-maskli mrobbija fuq il-bouchots għal perjodu ta’ bejn 19-il xahar u nofs u 24 xahar jistgħu jinġabru mill-15 ta’ Ġunju sal-31 ta’ Lulju.”

Il-paragrafu emendat jirreferi għall-maskli komunement magħrufa bħala “ta’ sentejn” u jispeċifika li dawn għandhom jiġu miġbura fil-bidu tal-istaġun. L-abbozzar fl-ispeċifikazzjoni attwali huwa żbaljat billi l-maskli fuq bouchots miżrugħa f’sena partikolari (N) ma jistgħux ikollhom 18 xhur ta’ trobbija fuq il-bouchot fis-sena ta’ wara (N+1) fil-bidu tal-istaġun tal-ġbir.

Il-perjodu tat-trobbija tal-maskli kkonċernati ġie kkalkulata mill-ġdid mid-dati ta’ żrigħ possibbli:

Għaż-żrigħ sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru tas-sena N, mill-inqas 19-il xahar u nofs sal-15 ta’ Ġunju tas-sena N+2;

Il-maskli ta’ aktar minn 24 xahar ma jistgħux jiġu kkummerċjalizzati bħala DOP.

It-termini u l-kundizzjonijiet għall-ftuħ u l-għeluq tal-ġbir huma stipulati f’żewġ paragrafi separati sabiex jiffaċilitaw il-fehim u l-applikazzjoni tagħhom.

Fir-rigward tal-possibilità li jirriservaw il-maskli wara l-ġbir, l-ispeċifikazzjoni reġistrata tipprevedi li dawn jistgħu jiġu riservati jekk “jitqiegħdu f’kontenituri magħluqa”. L-aġġettiv “clos” huwa mħassar. Fil-fatt, il-kontenituri ma għandhomx bżonn ikunu magħluqa meta l-maskli jitqiegħdu f’kontenitur. Il-kontenituri li minnhom tgħaddi l-arja jippermettu l-flussi tal-ilma. Il-maskli ma jistgħux jitneħħew mir-reċipjenti.

Il-kontenituri tal-maskli riservati f’konċessjonijiet f’nofs il-baħar ma jkunux issiġillati iżda jridu jitqiegħdu ġo faċilità magħluqa biex il-maskli ma jinġarrux mill-kurrent tal-baħar.

Il-frażi “Il-ħxuna minima bejn l-iżbarri tal-grilji użati għall-għarbiel tal-maskli hija ta’ 12 mm.” tinbidel bi “Tintuża grilja bi spazji minimi ta’ 12 mm biex il-maskli jitqassmu skont id-daqs.”

Din l-emenda għandha l-għan li tippreċiża li huwa obbligatorju li l-maskli jitqassmu skont it-daqs. Billi t-tekniki qed jevolvu, ir-referenza għal “żbarri fil-grilja” tħassret biex tippermetti lill-produtturi jużaw kwalunkwe tip ta’ għarbiel. Din l-emenda tikkonċerna biss il-metodu u għalhekk, il-valur ta’ mira għall-għarbiel għadu ta’ 12 mm. Barra minn hekk, il-kelma “criblées”, li tiddeskrivi maskli fil-frażi “il-maskli jiġu maħsula, criblées u magħżula skont id-daqs”, għandha tiżdied biex tiċċara li din l-operazzjoni hija obbligatorja.

Fir-rigward tal-fażi tal-ippakkjar tal-maskli, il-frażi “Il-lottijiet ta’ maskli lesti għall-ippakkjar għandhom jinkludu proporzjon ta’ massimu ta’ 20 % tal-maskli ta’ inqas minn 4 cm” hija sostitwita b’ “Il-lottijiet ta’ maskli lesti għall-ippakkjar jista’ jkun fihom proporzjon massimu ta’ 20 % bil-piż ta’ maskli iżgħar minn 4 cm”. Il-kelma “għandhom” hija sostitwita bil-kelma “jistgħu” billi din hija firxa ta’ tolleranza, mhux obbligu. Huwa ppreċiżat li l-proporzjon ta’ maskli iżgħar minn 4 cm huwa espress bħala piż sabiex il-metodu tal-kontroll ikun ċar.

Il-paragrafu “Ir-rata ta’ mili tal-maskli lesti għall-ippakkjar tista’ tiġi emendata b’deċiżjoni ministerjali f’ċirkostanzi eċċezzjonali, għal ġbir partikolari, determinata fuq proposta tal-Kumitat Nazzjonali kompetenti tal-INAO. Madankollu, dawn il-valuri ma jistgħu fl-ebda każ ikunu anqas minn 5 % tal-proporzjon minimu stipulat fil-punt 2 ‘Deskrizzjoni tal-prodott’.”

għandu jinbidel bi:

“Jekk, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, il-grupp jitlob emenda temporanja tal-kondizzjonijiet ta’ produzzjoni għal ċirkostanzi eċċezzjonali, il-proporzjon tal-laħam mal-qoxra ma għandux ikun inqas minn 114, jiġifieri tnaqqis ta’ 5 %, sabiex tinżamm l-ispeċifiċità tal-maskli li jikkwalifikaw għad-denominazzjoni tal-oriġini.”

Dan il-paragrafu għandu jiġi aġġornat biex jittieħed kont tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u r-regolamenti ta’ implimentazzjoni tiegħu. Il-grupp jixtieq iżomm valur minimu għall-proporzjon tal-laħam mal-qoxra. Fil-fatt, huwa wieħed mill-kriterji li fuqhom hija bbażata l-ispeċifiċità tad-DOP “Moules de bouchot de la baie du Mont-Saint-Michel” u li kkontribwixxa għar-reputazzjoni tagħha. Il-grupp iqis li maskli li ma jistgħux jiksbu l-indiċi 114 ma għandhomx jitħallew jiġu kkumerċjalizzati bħala DOP, anki f’każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali.

Il-kwalifika “finali” żdiedet fil-frażi “L-ippakkjar finali u l-kummerċjalizzazzjoni tal-maskli isiru f’kontenituri li jesgħu massimu ta’ 15 kg.”. Din l-emenda għandha l-għan li tippreċiża l-kapaċità massima ta’ 15 kg u ma tapplikax għal kontenituri użati għat-trasport fiż-żona tal-maskli lesti biex jiġu ppakkjati iżda biss għall-ippakkjar finali.

Il-frażi “L-ippakkjar finali jista’ jsir fi xkejjer ta’ 2 sa 15-il kilogramm jew fi qfief ta’ 0,5 sa 7 kilogrammi.” titħassar. Din il-frażi tippreżenta t-tipi ta’ kontenituri li jistgħu jintużaw iżda ma tistabbilixxix obbligu.

Barra minn hekk, saru xi bidliet fl-abbozzar biex it-test jinqara u jinftiehem aħjar. Il-partijiet li jinsabu wkoll fir-regolamenti ġenerali u l-informazzjoni deskrittiva li hija rrelevanti għad-deskrizzjoni tal-prodott huma mħassra.

L-intestatura “Tikkettar”

Id-dispożizzjoni dwar l-indikazzjoni tal-isem tad-denominazzjoni hija emendata sabiex ikun hemm obbligu li t-tipa tkun identika għad-denominazzjoni kollha u ta’ daqs akbar mill-elementi l-oħra preżenti fuq it-tikketta. Il-grupp jixtieq jenfasizza aktar l-isem tad-denominazzjoni fuq it-tikketti.

It-tneħħija tal-frażi “sar-reġistrazzjoni Komunitarja, il-logo ‘DOP’, għandu jitqiegħed ħdejn l-isem tad-denominazzjoni, mingħajr kliem ieħor bejniethom”. Din hija dispożizzjoni tranżitorja, u din ir-regola ma għadhiex rilevanti, billi l-“Moules de bouchot de la baie du Mont-Saint-Michel” ġiet irreġistrata bħala DOP f’Ġunju 2011.

Fir-rigward tal-elementi li jidhru fuq kull imballaġġ individwali, iż-żieda ta’ “il-piż tal-prodott ippakkjat; l-isem tal-operatur; ir-referenzi taċ-ċentru tal-ippakkjar; id-data tal-ippakkjar; in-numru ta’ referenza tal-imballaġġ.”

Din l-emenda tirriproduċi l-obbligi tal-parti “Prova tal-oriġini” u għandha l-għan li tiċċara l-informazzjoni li għandha tidher fuq it-tikketta.

Fir-rigward tal-obbligu li jiġi inkluż l-isem tad-denominazzjoni tal-oriġini, jitneħħa r-rekwiżit għal “dokumenti ta’ sostenn”.

Skont il-modifika tal-intestatura “Prova tal-oriġini” li tawtorizza l-użu tal-akronimu “Moules BMSM DOP” għad-dokumenti ta’ akkumpanjament tal-maskli, l-obbligu li jissemma isem sħiħ tneħħa.

Sabiex il-komunikazzjoni dwar id-DOP “Moules de bouchot de la baie du Mont Saint-Michel” tkun iktar konsistenti, ġie miżjud li “Fuq il-materjal ta’ komunikazzjoni, l-isem tad-denominazzjoni għandu jidher flimkien mal-kliem ‘Appellation d’origine protégée’ jew ‘AOP’ (DOP) u s-simbolu AOP (DPO) tal-Unjoni Ewropea.”

L-intestatura “Oħrajn”

“Aġġornament tad-dettalji”: Il-koordinati tas-servizz kompetenti tal-Istat kif ukoll dawk tal-grupp ġew aġġornati. L-isem tal-grupp ġie mibdul wara li saret ir-reġistrazzjoni tad-DOP, u ġie aġġornat.

“Tipi ta’ operaturi”: Biex tiġi evitata kull ambigwità u biex jintuża l-vokabularju tal-professjonisti tal-maskli, il-mod kif jiġu indikati t-tipi ta’ operaturi stabbiliti fl-intestatura “Evidenza li l-prodott joriġina miż-żona ġeografika” huwa emendat: it-terminu “produttur” huwa sostitwit b’“operatur” u “ċentru ta’ spedizzjoni” b’“ċentru tal-ippakkjar”.

“Kontroll”: Id-dettalji ta’ kuntatt tal-korp ta’ kontroll ġew mibdula b’dawk tal-awtorità kompetenti ta’ kontroll. L-għan ta’ din l-emenda huwa li tiġi evitata l-emenda tal-Ispeċifikazzjoni fil-każ ta’ bidla fil-korp ta’ kontroll.

It-tabella bil-punti prinċipali li jridu jiġu kkontrollati ġiet aġġornata biex jitqiesu l-bidliet ippreżentati.

DOKUMENT UNIKU

“MOULES DE BOUCHOT DE LA BAIE DU MONT-SAINT-MICHEL”

Nru tal-UE: PDO-FR-0547-AM01 — 5.4.2017

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   Isem/Ismijiet

“Moules de Bouchot de la Baie du Mont-Saint-Michel”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.7. Ħut, molluski u krustaċji friski, flimkien ma’ prodotti derivati minnhom.

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’1

Il-“Moules de bouchot de la baie du Mont-Saint-Michel” huma “moules de bouchot” ħajjin tal-ispeċi Mytilus edulis essenzjalment (inqas minn 5 % tal-maskli Mytilus galloprovincialis jew forom ibridi galloprovincialis-edulis). Dawn huma kkaratterizzati minn qoxra lixxa u skura, ta’ forma regolari u b’laħam ta’ kulur isfar fl-oranġjo, mingħajr granċijiet jew ramel. Il-konsistenza tal-laħam hija ratba u tarija u t-togħma tiegħu hija pjuttost ħelwa.

It-tul medju tal-maskli huwa ta’ 4 cm jew aktar, u huma jkollhom kontenut ta’ karboidrati ta’ aktar minn 4 % tal-laħam imsajjar u rata minima tal-laħam ta’ 120 skont l-Indiċi ta’ Lawrence u Scott.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-produzzjoni u l-preparazzjoni tal-“Moules de bouchot de la baie du Mont-Saint-Michel” isiru fiż-żona ġeografika.

3.5.   Regolamenti speċifiċi applikabbli għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.

L-ippakkjar isir fiż-żona ġeografika ddefinita. L-ippakkjar tal-maskli huwa operazzjoni importanti li tista’ taffettwa l-kwalità, l-awtentiċità u, sussegwentement, il-fama tad-denominazzjoni jekk ir-rekwiżiti ta’ hawn fuq ma jiġux osservati.

Minħabba li l-maskli jitħassru malajr, jeħtieġ li ma jkunx hemm dewmien wara l-kultivazzjoni tal-maskli u li jkun hemm ċirkwiti rapidi ta’ kummerċjalizzazzjoni. Dan il-perjodu ma jistax jaqbeż it-18-il siegħa wara l-ħasil u l-klassifikazzjoni tal-maskli, l-ippakkjar fiż-żona demarkata għalhekk jippermetti li jiġu ppreservati l-kwalitajiet u l-karatteristiċi tal-prodott.

Il-maskli jiġu ttrasportati u kkummerċjalizzati f’pakketti ta’ kapaċità massima ta’ 15-il kilogramma.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Fuq kull imballaġġ individwali, ikun hemm l-informazzjoni segwenti:

l-isem tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Moules de bouchot de la baie du Mont-Saint-Michel”, miktub b’ittri identiċi li d-dimensjonijiet tagħhom jeċċedu dawk tal-ikbar ittri fuq it-tikketta,

il-kliem “appellation d’origine protégée” (denominazzjoni tal-oriġini protetta),

is-simbolu tal-Unjoni Ewropea għad-DOP immedjatament qabel jew wara d-denominazzjoni tal-oriġini, mingħajr test bejniethom,

il-piż tal-prodott bl-imballaġġ,

isem il-produttur,

ir-referenzi taċ-ċentru tal-imballaġġ,

id-data tal-ippakkjar u

in-numru ta’ referenza tal-imballaġġ.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika testendi mill-parti tax-xatt tal-Bajja ta’ Mont-Saint-Michel fin-Nofsinhar tal-linja bejn il-kampnar ta’ Carolles u l-Pointe de la Chaîne sal-Punent tal-limitu interdipartimentali bejn Ille u Vilaine/Manche, u tinkludi l-muniċipalitajiet ta’ Cancale, Cherrueix, Le Vivier-sur-Mer, Mont-Dol, Hirel, Saint-Benoît-des-Ondes, Saint-Méloir-des-Ondes et Dol-de-Bretagne (fis-sezzjonijiet katastali AM u CA biss).

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Speċifiċità taż-żona ġeografika

Il-muniċipalitajiet ikkonċernati mid-denominazzjoni tal-oriġini “Moules de bouchots de la baie du Mont-Saint-Michel” jinsabu mal-kosta tal-bajja ta’ Mont-Saint-Michel, fit-tarf tal-golf tan-Normandija u l-Brettanja.

Il-bajja ta’ Mont-Saint-Michel, li hija kkaratterizzata mix-xtajta vasta tagħha b’inklinazzjoni baxxa ferm u mill-akbar meded ta’ marea tal-kosti Franċiżi, għandha diversi ekosistemi (“polders”, bwar salmastri, meded tal-art mimlija tajn li jibqgħu mikxufin meta l-marea tkun baxxa, estwarji, eċċ.) li huma kkaratterizzati mill-interazzjoni ta’ ambjenti terrestri, marittimi u ta’ tranżizzjoni bejn l-art u l-baħar.

Il-mases tal-ilma li jkopru din il-medda kbira ta’ ilma baxx jisħnu sew mir-rebbiegħa u, minħabba r-ramel fin jew fin sa medju, ikollhom depożitu kbir ta’ sedimenti. Ladarba jidħlu fil-bajja, dawn jiċċaqalqu bil-mod ħafna, ħlief għal ċaqliq marbut mal-marea u mar-riħ.

Barra minn hekk, il-bajja ta’ Mont-Saint-Michel hija kkaratterizzata mill-fatt li m’għandhiex popolazzjonijiet endemiċi sinifikanti ta’ Mytilidae. Il-Mytilus galloprovincialis huwa preżenti biss f’dan l-ambjent f’ammonti żgħar u l-Mytilus edulis ma jirnexxilux jirriproduċi fih.

Huma dawn il-kundizzjonijiet naturali eċċezzjonali li wasslu lil għadd ta’ professjonisti minn Charentes biex jintroduċu, fl-aħħar tas-snin ħamsin, it-trobbija tal-maskli fuq il-puntali. Dawn il-produtturi, li kienu konxji mir-riskji li l-produzzjoni żejda setgħet titfa’ fuq l-ambjent u fuq il-prodott, ħeġġew l-istabbiliment ta’ regolamenti stretti dwar l-istallazzjoni tal-puntali. Fl-aħħar nett, dawk li jrabbu l-maskli implimentaw proċedura għall-ftuħ u għall-għeluq tal-ġbir fid-dawl tat-testijiet analitiċi u organolettiċi sabiex jiġi evitat li l-maskli jinġabru meta jkun għadu kmieni wisq, jiġifieri meta jkun għadhom ma kibrux biżżejjed.

Speċifiċitajiet tal-prodott

Il-“Moule de Bouchot de la Baie du Mont-Saint-Michel” huwa masklu tal-ispeċi Mytilus edulis, imrobbi fuq il-puntali u li jingħaraf sew mill-maskli tal-istess speċi u tal-istess mod ta’ trobbija li jkunu ġejjin minn baċiri oħrajn, l-aktar minħabba l-qoxra mimlija ħafna, il-kontenut għoli ta’ karboidrati u l-laħam safrani fl-oranġjo tiegħu, kif ukoll minħabba l-konsistenza ratba u tarija tiegħu u t-togħma pjuttost ħelwa tiegħu.

Minħabba dawn il-karatteristiċi, il-maskli mrobbija fuq il-puntali tal-bajja ta’ Mont-Saint-Michel iservu bħala punt ta’ referenza fis-suq, b’mod partikulari permezz tal-prezz tal-bejgħ tagħhom li huwa ogħla mill-prodotti ta’ ċentri oħrajn ta’ produzzjoni.

Rabta kawżali

Fis-snin ħamsin, dawk li kienu jrabbu l-maskli li kienu ġejjin mill-bajja ta’ Aiguillon, li kienu qed ifittxu siti ġodda adattati għall-produzzjoni tal-maskli fuq il-puntali sabu fil-bajja ta’ Mont-Saint-Michel kundizzjonijiet partikolarment favorevoli minħabba l-inklinazzjoni baxxa ħafna u regolari ħafna tax-xtajta tagħha u t-toroq ta’ aċċess tradizzjonali għaliha bil-baħar jew bl-art.

Il-kundizzjonijiet batimetriċi jgħinu sabiex il-maskli jibbenefikaw ferm mill-vantaġġi tat-trobbija fuq il-puntali. Huma jwasslu wkoll għall-karatteristiċi termiċi u għas-sedimentazzjoni tal-mases tal-ilma li jiffavorixxu l-abbondanza ta’ riżorsi nutrittivi, u b’hekk l-ebda ikel addizzjonali ma huwa meħtieġ għall-maskli. Barra minn hekk, it-tul ta’ żmien li l-mases tal-ilma jagħmlu fil-qiegħ tal-bajja jippermetti li l-ġenerazzjonijiet suċċessivi ta’ fitoplankton jibqgħu f’kuntatt fit-tul mal-maskli u b’hekk jitimgħuhom b’mod abbondanti.

Riżorsi abbondanti oħrajn tal-ikel ġejjin mill-ekosistemi differenti tal-bajja u jikkontribwixxu għar-rata kbira tal-mili kif ukoll għall-karatteristiċi organolettiċi speċifiċi tal-“Moules de bouchot de la Baie du Mont-Saint-Michel”. Fost dawn ir-riżorsi differenti, il-mikroalka li hemm fil-wiċċ tal-meded tal-art mimlija tajn li jibqgħu mikxufin meta l-marea tkun baxxa li hemm fix-xtajta għandhom rwol importanti għaliex ġie nnutat li 96 % tal-iskeletri siliċiċi misjuba fil-kontenut tal-istonku tal-“Moules de bouchot de la Baie du Mont-Saint-Michel” jappartjenu għal 4 speċijiet ta’ dijatomi li jikkolonizzaw dawn is-sedimenti.

Barra minn hekk, il-karatteristiċi tal-mases tal-ilma, minħabba li jipprojbixxu l-preżenza tal-Mytilus galloprovincialis u r-riproduzzjoni tal-Mytilus edulis, iħarsu lill-maskli mrobbija fil-bajja minn kwalunkwe kompetizzjoni għall-ispazju u għall-ikel u jippermettulhom jikbru b’rata mgħaġġla.

Fl-aħħar nett, huwa minħabba l-miżuri differenti implimentati mill-professjonisti biex din ir-riżorsa tkun ikkontrollata u biex jitħares dan l-ambjent li din ir-riżorsa tista’ tintuża mill-“Moules de bouchot de la Baie du Mont-Saint-Michel”.

Għaldaqstant, l-ambjent ġeografiku tal-bajja ta’ Mont-Saint-Michel, permezz tal-komponenti naturali tiegħu, sfruttati bil-galbu mill-professjonisti sa minn meta nbdiet din il-produzzjoni, jagħti lill-maskli tal-ispeċi Mytilus edulis imrobbija fuq il-puntali karatteristiċi speċifiċi.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-ac05965a-3df9-44d9-91fb-c7f52e9e6f0f/telechargement


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.