18.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/1


Notifika tal-Kummissjoni dwar l-Aċċess għall-Ġustizzja fil-Liġi Ambjentali tal-UE

(2017/C 275/01)

WERREJ

A.

INTRODUZZJONI: AĊĊESS GĦALL-ĠUSTIZZJA FIL-LIĠI AMBJENTALI TAL-UE 2

B.

IL-KUNTEST LEGALI: IL-QRATI NAZZJONALI U L-LIĠI AMBJENTALI TAL-UE 4

C.

IL-GARANZIJA TAL-AĊĊESS GĦALL-ĠUSTIZZJA AMBJENTALI 6

1.

INTERESSI PUBBLIĊI. OBBLIGI U DRITTIJIET RILEVANTI GĦALL-EŻERĊIZZJU TAL-PROTEZZJONI ĠUDIZZJARJA 6

1.1.

Introduzzjoni 6

1.2

Interessi pubbliċi, obbligi u drittijiet 6

1.3.

L-iżgurar ta' rwol attiv tal-pubbliku, is-salvagwardja tad-drittijiet u l-ħarsien tal-obbligi 7

2.

LOCUS STANDI 11

2.1.

Introduzzjoni 11

2.2.

Talbiet għal informazzjoni ambjentali u intitolament għar-riċevuta ta' informazzjoni 11

2.3.

Attivitajiet speċifiċi li huma soġġetti għal rekwiżiti tal-parteċipazzjoni pubblika 12

2.4.

Talbiet għal azzjoni skont ir-regoli dwar ir-responsabbiltà għall-ħsara ambjentali 16

2.5.

Suġġetti oħra, bħal leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni nazzjonali, atti regolatorji ġenerali, pjanijiet u programmi u derogi 16

3.

KAMP TA' APPLIKAZZJONI TAR-RIEŻAMI ĠUDIZZJARJU 19

3.1.

Introduzzjoni 19

3.2.

Il-motivi possibbli tar-rieżami ġudizzjarju 20

3.3.

Intensità tal-iskrutinju/tal-istandard tar-rieżami 22

4.

RIMEDJI EFFETTIVI 27

4.1.

Introduzzjoni 27

4.2.

Rimedji fil-każ ta' difetti proċedurali minuri 27

4.3.

Sospensjoni, revoka jew tħassir ta' deċiżjonijiet jew ta' atti irregolari, inkluża d-diżapplikazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-atti regolatorji 28

4.4.

Struzzjonijiet dwar il-miżuri omessi li jridu jiġu adottati 29

4.5.

Ir-rimedjar ta' ħsara irregolari kkawżata minn deċiżjoni, minn att jew minn omissjoni irregolari 29

4.6.

Miżuri interim 30

5.

SPEJJEŻ 31

5.1.

Introduzzjoni 31

5.2.

Il-kriterji għall-valutazzjoni ta' jekk l-ispejjeż humiex projbittivi 32

5.3.

Għajnuna legali 34

6.

TERMINI PERENTORJI, TEMPESTIVITÀ U L-EFFIĊJENZA TAL-PROĊEDURI 34

7.

INFORMAZZJONI PRATTIKA 35

D.

KONKLUŻJONI 36
ANNESS I 37
ANNESS II 38

A.   INTRODUZZJONI: AĊĊESS GĦALL-ĠUSTIZZJA FIL-LIĠI AMBJENTALI TAL-UE

1.

L-ambjent hu dak li jagħtina l-ħajja u wirt kulturali. Il-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib huma valur Ewropew komuni, bil-liġi ambjentali tal-UE li tistabbilixxi qafas komuni ta' obbligi għall-awtoritajiet pubbliċi u ta' drittijiet għall-pubbliku.

2.

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni adottata riċentement “Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar” (1) tisħaq li, meta l-obbligi jew id-drittijiet skont id-dritt tal-UE jkunu affettwati f'livell nazzjonali, irid ikun hemm aċċess għall-qrati nazzjonali f'konformità mal-prinċipju ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva stipulat fit-Trattati tal-UE u mar-rekwiżiti mnaqqxin fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

3.

Id-dritt tal-UE jagħraf li, fil-qasam tal-ambjent, l-aċċess għall-ġustizzja jrid jirrifletti l-interessi pubbliċi li huma involuti.

4.

Il-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (2) (“il-Konvenzjoni ta' Aarhus”) tistabbilixxi li, f'ċerti każijiet, persuni fiżiċi u ġuridiċi (bħal organizzazzjonijiet nongovernattivi, “NGOs”) jistgħu jiftħu kawża quddiem qorti jew quddiem korp imparzjali ieħor sabiex ikunu jistgħu jiġu rieżaminati atti jew omissjonijiet ta' korpi pubbliċi jew privati (3). Din ġiet irratifikata mill-Istati Membri kollha u mill-UE (4).

5.

Minbarra li b'dan jiġi ssodisfat impenn internazzjonali, l-iżgurar li l-individwi u l-NGOs ikollhom aċċess għall-ġustizzja skont din il-Konvenzjoni hu mezz importanti wkoll ta' kif titjieb l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-liġijiet ambjentali tal-UE mingħajr ma jkollha bżonn tintervjeni l-Kummissjoni.

6.

Ir-Regolament ta' Aarhus, (KE) Nru 1367/2006 japplika l-Konvenzjoni ta' Aarhus għall-istituzzjonijiet u għall-korpi tal-UE. Għall-Istati Membri, ċerti siltiet mil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE fihom dispożizzjonijiet dwar l-aċċess veloċi għall-ġustizzja li jirriflettu dawk tal-Konvenzjoni (5).

7.

Barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni sekondarja armonizzata tal-UE, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi attwali fl-Istati Membri dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali jvarjaw b'mod konsiderevoli (6). Fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“QtĠ”) qatgħet sentenzi sinifikanti li ċċaraw ir-rekwiżiti tal-UE dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, kemm fi ħdan kif ukoll barra l-kuntest tal-leġiżlazzjoni sekondarja armonizzata. Ir-riżultat hu korp imdaqqas u siewi ta' ġurisprudenza tal-QtĠ li jkopri l-aspetti kollha tas-suġġett.

8.

F'dan l-isfond, ġew identifikati diversi problemi:

L-individwi u l-NGOs huma affettwati b'mod avvers minn ostakli għall-aċċess għall-qrati nazzjonali. Dan jgħin sabiex jispjega għaliex qrati nazzjonali differenti ppreżentaw fluss ta' referenzi preliminari lill-QtĠ sabiex ifittxu kjarifika dwar jekk jenħtieġx li jingħata l-aċċess u b'liema kundizzjonijiet. Il-pubbliku jkun affettwat b'mod iktar indirett meta l-aċċess ineffettiv għall-ġustizzja jikkontribwixxi għal nuqqasijiet fl-implimentazzjoni, eż. livelli ta' tniġġis fl-arja mhux tajbin għas-saħħa li jirriżultaw minn nuqqas ta' azzjoni amministrattiva.

L-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-qrati nazzjonali jaffaċċjaw piżijiet minħabba litigazzjoni ffokata fuq kwistjonijiet relatati mal-aċċess għall-ġustizzja. Jenħtieġ li l-forniment ta' iktar ċarezza fuq il-bażi tal-ġurisprudenza eżistenti tal-QtĠ jikkontribwixxi għall-amministrazzjoni pubblika kif ukoll għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

In-negozji huma affettwati b'mod negattiv minn dewmien fit-teħid ta' deċiżjonijiet amministrattivi relatat ma' litigazzjoni li tieħu fit-tul minħabba regoli mhux ċari dwar l-aċċess għall-ġustizzja, bħal rigward id-drittijiet relatati mal-locus standi u l-kamp ta' applikazzjoni tar-rieżami ġudizzjarju. Il-qrati nazzjonali qed jeliminaw dejjem iktar id-diskrepanzi fil-liġi proċedurali nazzjonali, b'mod partikolari fil-qasam tal-locus standi, iżda, minħabba li d-deċiżjonijiet tagħhom huma relatati ma' każijiet speċifiċi, ma jistgħux jipprovdu ċ-ċarezza u l-prevedibbiltà neċessarji sabiex jiggwidaw id-deċiżjonijiet relatati mal-investiment.

It-twaqqit u qafas legali ċar huma ta' rilevanza partikolari għal intrapriżi żgħar u medji (“SMEs”) li ma jistgħux jaffordjaw proċeduri ta' awtorizzazzjoni twal għalxejn u inċertezza dwar ir-riskji u l-ambitu tal-litigazzjoni. In-negozji jistgħu jbatu wkoll meta l-aċċess ineffettiv għall-ġustizzja jikkontribwixxi għal nuqqas milli jiġu pprovduti bl-ambjent nadif li fuqu ħafna minnhom jiddependu jew nuqqas mill-gvern milli jagħmel investimenti li huma tajbin għall-ekonomija ekoloġika.

9.

Wara li kkunsidrat diversi għażliet, il-Kummissjoni ddeċidiet li Komunikazzjoni Interpretattiva dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (jiġifieri din in-Notifika) tkun l-iktar mezz xieraq u effettiv biex jiġu indirizzati l-problemi. Billi tiġbor flimkien il-ġurisprudenza sostanzjali eżistenti kollha tal-QtĠ, u billi tislet bir-reqqa inferenzi minnha, din tkun qed tipprovdi ċarezza sinifikanti u sors ta' riferiment għal dawn li ġejjin: l-amministrazzjonijiet nazzjonali li huma responsabbli għall-iżgurar tal-applikazzjoni korretta tal-liġi ambjentali tal-UE; il-qrati nazzjonali, li jiggarantixxu rispett għad-dritt tal-UE u li huma kompetenti biex jirreferu mistoqsijiet dwar il-validità u l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE għall-QtĠ; il-pubbliku, b'mod partikolari l-individwi u l-NGOs ambjentali, li jeżerċitaw rwol ta' rappreżentanza tal-interess pubbliku; u l-atturi ekonomiċi, li jaqsmu interess fl-applikazzjoni prevedibbli tal-liġi. Il-proċedura ħafifa tal-adozzjoni tgħin lill-Kummissjoni twettaq inizjattiva effettiva fit-terminu qasir.

10.

L-għażla ta' tkomplija b'“żamma tal-istatus quo” u ta' bbażar biss fuq il-ġurisprudenza tal-QtĠ għall-evoluzzjoni ma tqisitx li kienet xierqa fid-dawl tal-ħtiġijiet individwati. Għażla leġiżlattiva fil-forma ta' strument legali ddedikat ta' aċċess għall-ġustizzja ma ġietx ikkunsidrata iktar minħabba l-esperjenza bi proposta tal-Kummissjoni tal-2003 (7) li baqgħet fil-Kunsill għal iktar minn deċennju mingħajr ma ntlaħaq xi qbil u lanqas ma jidher li hemm prospettiva li se jintlaħaq wieħed (8). Finalment, approċċ leġiżlattiv skont is-settur, li jiffoka fuq iż-żieda ta' dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja f'oqsma li fihom ġew individwati sfidi speċifiċi (bħan-natura, l-ilma, l-iskart u l-arja) ma jgħinx fit-terminu qasir u l-leġiżlatura tal-UE xorta waħda ma tidhirx li bħalissa hi riċettiva (9).

11.

In-Notifika hi bbażata fuq dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u fuq il-ġurisprudenza tal-QtĠ. Tindirizza kif il-pubbliku jista' jikkontesta deċiżjonijiet, atti jew omissjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi quddiem qorti jew korp simili, filwaqt li tkopri l-locus standi, l-intensità tal-iskrutinju u r-rimedji effettivi li jrid jipprovdi l-imħallef nazzjonali, u diversi salvagwardji oħra. B'dan il-mod, tipprovdi idea ċara ta' x'hemm bżonn f'livell nazzjonali sabiex tinżamm konformità ma' dawn ir-rekwiżiti.

12.

F'każ li l-Istati Membri jkollhom jieħdu miżuri biex jiżguraw il-konformità, dawn se jkunu megħjuna jagħmlu t-tibdiliet neċessarji, inkluż permezz ta' skambji skont ir-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali (“EIR”) adottat riċentement (10). Fis-6 ta' Frar 2017, il-Kummissjoni adottat l-ewwel ħarsa ġenerali komprensiva li qatt saret dwar kif il-politiki u l-liġijiet ambjentali tal-UE huma applikati fil-prattika. Dan juri li l-politiki u l-liġijiet ambjentali jaħdmu iżda li hemm diskrepanzi kbar f'kif inhuma mdaħħlin fis-seħħ fil-prattika madwar l-Ewropa. L-iktar diskrepanzi urġenti fl-implimentazzjoni bejn l-Istati Membri jinstabu fl-oqsma tal-politika ta' mmaniġġjar tal-iskart, tan-natura u tal-bijodiversità, tal-kwalità tal-arja, u tal-kwalità u tal-ġestjoni tal-ilma. Il-Komunikazzjoni dwar l-EIR u t-28 rapport speċifiku għall-pajjiżi jwittu t-triq għal approċċ pożittiv u kostruttiv sabiex titjieb l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE u din in-Notifika hi suppliment importanti għal dan.

13.

F'każ ta' nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti legali eżistenti skont l-acquis tal-UE, il-Kummissjoni se tibqa' tuża wkoll proċeduri ta' ksur biex tiżgura l-issodisfar tagħhom.

14.

Filwaqt li ffokat fuq l-ambjent, in-Notifika taqbel sew mal-ħidma usa' tal-Kummissjoni dwar l-aċċess għall-ġustizzja, b'mod partikolari t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, u mal-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u mal-Qafas tal-UE għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt (11). Sistemi ġudizzjarji effettivi jaqdu rwol kruċjali fiż-żamma tal-istat tad-dritt u tal-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fl-iżgurar tal-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-UE u tal-fiduċja reċiproka. Għalhekk, it-titjib fl-effikaċja tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali hu waħda mill-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, iċ-ċiklu annwali tal-UE tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tassisti lill-Istati Membri biex jiksbu ġustizzja iktar effettiva billi tipprovdi data komparattiva dwar il-kwalità, l-effiċjenza u l-indipendenza tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali (12). Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2014, il-Kummissjoni adottat qafas ġdid biex tindirizza t-theddidiet sistemiċi għall-istat tad-dritt fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tal-UE (13). Ir-rispett għall-istat tad-dritt hu prerekwiżit għall-protezzjoni tal-valuri fundamentali kollha elenkati fit-Trattati, inklużi d-drittijiet fundamentali.

15.

Il-kamp ta' applikazzjoni tan-Notifika hu limitat għall-aċċess għall-ġustizzja b'rabta ma' deċiżjonijiet, ma' atti u ma' omissjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri. Din ma tindirizzax il-litigazzjoni ambjentali bejn partijiet privati (14). Lanqas ma tikkonċerna r-rieżami ġudizzjarju tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-UE permezz tal-Qorti Ġenerali, li hu indirizzat mir-Regolament ta' Aarhus, 1367/2006. Barra minn hekk, filwaqt li l-Avviż hu allinjat mill-qrib mal-ġurisprudenza tal-QtĠ, il-QtĠ innifisha biss tista' tipprovdi interpretazzjonijiet definittivi.

16.

Fi ħdan dawn il-limiti, in-Notifika se tikkontribwixxi għal implimentazzjoni aħjar tal-liġi ambjentali tal-UE fl-Istati Membri billi tiċċara kif il-pubbliku jista' jibbaża fuq il-qrati nazzjonali, li spiss ikunu f'pożizzjoni aħjar li jidentifikaw soluzzjonijiet xierqa peress li huma eqreb għall-fatti u għall-kuntest tagħhom. B'dan il-mod, in-Notifika se tikkontribwixxi għall-istat tad-dritt ukoll, valur fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-UE.

B.   IL-KUNTEST LEGALI: IL-QRATI NAZZJONALI U L-LIĠI AMBJENTALI TAL-UE

17.

Il-qrati nazzjonali huma “l-qrati ordinarji” għall-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE fi ħdan l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri. (15) Għandhom is-setgħat li jirrieżaminaw deċiżjonijiet li huma inkompatibbli mad-dritt tal-UE u jordnaw kontibuzzjoni finanzjarja għad-dannu kkaġunat (16).

18.

L-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali hu intrinsiku għal-liġi ambjentali tal-UE, u hu msejjes fuq il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-UE li huma riflessi fid-dispożizzjonijiet tat-Trattati tal-UE, fil-Konvenzjoni ta' Aarhus u fil-leġiżlazzjoni sekondarja kif interpretata fil-ġurisprudenza tal-QtĠ.

19.

Il-liġi ambjentali tal-UE tkopri l-leġiżlazzjoni tal-UE li tikkontribwixxi għas-segwiment tal-objettivi li ġejjin tal-politika tal-UE dwar l-ambjent (17) stipulati fl-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE):

il-preżervazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent; il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem;

l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali; u

il-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali biex jitrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari li jiġġieldu t-tibdil fil-klima.

20.

Din il-leġiżlazzjoni toħloq firxa wiesgħa ta' obbligi li l-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri jridu jissodisfaw, u hi rilevanti għal kategoriji sinifikanti ta' deċiżjonijiet, ta' atti u ta' omissjonijiet taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

21.

Filwaqt li tisħaq li d-dritt tal-UE hu ordinament ġuridiku għalih u awtonomu, il-QtĠ approvat u żviluppat il-prinċipji ġenerali — bħal dawk ta' ekwivalenza u ta' effikaċja (18) — biex jiddefinixxuh u jappoġġjawh, filwaqt li tirrikonoxxi l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri (19), jiġifieri s-setgħa li jistabbilixxu l-ħtiġiet proċedurali dettaljati tagħhom stess.

22.

L-istat tad-dritt jinkludi protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-UE. Dan hu rifless fid-dritt primarju tal-UE. L-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jeħtieġ li “[l-]Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”. Barra minn hekk, meta jimplimentaw id-dritt tal-UE, l-Istati Membri huma marbuta bl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li fl-ewwel paragrafu tiegħu jnaqqax id-dritt ta' rimedju effettiv, billi jistabbilixxi li “[kull] persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi tal-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu”. Jenħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 19(1) tat-TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta japplikaw biss fil-qasam tad-dritt tal-UE. L-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6 u għall-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) li, rispettivament, inaqqxu d-dritt għal proċess ġust u d-dritt għal rimedju effettiv.

23.

Il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva hi marbuta mill-qrib mal-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE mill-QtĠ u mal-possibbiltà għall-qrati nazzjonali — u kultant ir-rekwiżit għal dawn — li jippreżentaw mistoqsijiet dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-UE lill-QtĠ permezz ta' referenza preliminari skont l-Artikolu 267 tat-TFUE. Ir-rwol tal-Artikolu 267 jista' jinxteħet f'dubju jekk l-aċċess għall-qrati nazzjonali jkun impossibbli jew isir estremament diffiċli.

24.

Kemm ilha li ġiet irratifikata mill-UE u ddaħlet fis-seħħ, il-Konvenzjoni ta' Aarhus saret parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-UE u vinkolanti fuq l-Istati Membri skont it-termini tal-Artikolu 216(2) tat-TFUE (20). Għalhekk, fi ħdan il-qafas ta' dak l-ordinament ġuridiku, il-QtĠ fil-prinċipju għandha ġurisdizzjoni li tieħu deċiżjonijiet preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' ftehim bħal dan (21).

25.

L-objettiv tal-Konvenzjoni hu li “tikkontribwixxi għall-protezzjoni tad-dritt ta' kull persuna tal-ġenerazzjonijiet attwali u futuri li tgħix f'ambjent adegwat għas-saħħa u għall-benesseri tagħha (22). Għal dak l-għan, tobbliga lill-partijiet kontraenti biex jiggarantixxu tliet kategoriji wisgħin ta' drittijiet għaċ-ċittadini u għall-assoċjazzjonijiet tagħhom, jiġifieri drittijiet ta' aċċess għall-informazzjoni, drittijiet ta' parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjonijiet, u drittijiet ta' aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali.

26.

L-aċċess għall-ġustizzja hu indirizzat fl-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni. Fl-istruttura tagħha, din id-dispożizzjoni tirrifletti t-tliet “pilastri” msemmija hawn fuq tal-Konvenzjoni u tenfasizza li d-drittijiet ta' aċċess għall-ġustizzja huma awżiljari għal drittijiet oħrajn u jappoġġjaw lil dawn (23). Il-Gwida dwar l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus (24) ippubblikata mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta' Aarhus tipprovdi gwida ulterjuri għall-partijiet kontraenti dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni, għad li ta' min ifakkar li “l-Gwida m'għandha ebda forza vinkolanti u m'għandhiex l-effett normattiv tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni (25).

27.

Il-QtĠ iddikjarat li hu f'idejn il-qorti nazzjonali li, bl-għan li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mil-liġi ambjentali tal-UE, tinterpreta l-liġi nazzjonali tagħha b'mod li jkun l-iktar konsistenti possibbli mal-objettivi stabbiliti fil-Konvenzjoni ta' Aarhus (26).

28.

L-UE adottat leġiżlazzjoni dwar l-ambjent li fiha rekwiżiti espliċiti dwar l-aċċess għall-ġustizzja (27).

29.

Il-korp imdaqqas ta' ġurisprudenza tal-QtĠ li nkiseb dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali hu primarjament ir-riżultat ta' referenzi preliminari mill-qrati nazzjonali skont l-Artikolu 267 tat-TFUE. Sehem sinifikanti jikkonċerna dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja fil-leġiżlazzjoni sekondarja. Hemm ukoll każijiet li jixħtu dawl fuq l-importanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE — b'mod partikolari l-prinċipju ta' effikaċja (28).

30.

Dan li ntqal hawn fuq jirrappreżenta l-qafas wiesa' għall-aċċess għall-ġustizzja fl-UE fi kwistjonijiet ambjentali fi ħdan l-Istati Membri. Filwaqt li l-qafas ġie stabbilit fil-livell tal-UE, hu fil-livell tal-Istati Membri — u b'mod partikolari, tal-qrati nazzjonali — li jikseb realtà u sinifikat prattiċi.

C.   IL-GARANZIJA TAL-AĊĊESS GĦALL-ĠUSTIZZJA AMBJENTALI

1.   INTERESSI PUBBLIĊI. OBBLIGI U DRITTIJIET RILEVANTI GĦALL-EŻERĊIZZJU TAL-PROTEZZJONI ĠUDIZZJARJA

1.1.   Introduzzjoni

L-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali għandu l-iskop li jippermetti lill-individwi u lill-assoċjazzjonijiet tagħhom jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom mil-liġi ambjentali tal-UE. Jgħin ukoll sabiex jiġi żgurat li jiġu ssodisfati l-għanijiet u l-obbligi tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE.

31.

Skont id-dritt tal-UE, l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali jirrappreżenta sett ta' drittijiet ta' sostenn li jservi żewġ skopijiet. Jippermetti lill-individwi u lill-assoċjazzjonijiet tagħhom jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt tal-UE, u jgħin biex jiġi żgurat li jinkisbu l-għanijiet u l-obbligi tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE (29).

1.2.   Interessi pubbliċi, obbligi u drittijiet

Il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE għandha l-għan li tiżgura l-interessi pubbliċi ġenerali bħall-arja nadifa, riżorsi tal-ilma sikuri u adegwati u bijodiversità f'saħħitha. L-involviment attiv tal-pubbliku hu interess ambjentali konkomitanti li jappoġġjahom.

32.

Fil-leġiżlazzjoni għall-preservazzjoni, għall-protezzjoni u għat-titjib tal-kwalità tal-ambjent, il-leġiżlatura tal-UE fil-parti l-kbira lleġiżlat favur l-interessi pubbliċi ġenerali bħall-arja nadifa, riżorsi tal-ilma sikuri u adegwati, bijodiversità f'saħħitha u l-evitar tal-iskart. Dawn huma interessi pubbliċi ġenerali għaliex il-benesseri soċjetali jiddependi fuqhom.

33.

Il-miżuri implimentati mil-leġiżlatura tal-UE għall-iżgurar ta' dawn l-interessi pubbliċi ġenerali jinkludu dawn li ġejjin:

objettivi u obbligi dwar il-kwalità ambjentali li l-Istati Membri jridu jirrispettaw (30);

dmirijiet għall-Istati Membri li jissorveljaw il-qagħda tal-ambjent (31);

rekwiżiti għall-awtoritajiet pubbliċi li jħejju pjanijiet u programmi sabiex inaqqsu t-tniġġis u l-iskart (32);

rekwiżiti li ċerti attivitajiet jenħtieġ li jsiru biss wara li l-ewwel ikun inkiseb permess jew kunsens mingħand awtorità pubblika (33); u

rekwiżiti li, qabel ma jingħataw kunsensi għal ċerti tipi ta' pjanijiet u ta' proġetti, jenħtieġ li jitħejjew valutazzjonijiet ambjentali (34).

Dawn il-miżuri jridu jiġu ssupplimentati fil-livell tal-Istati Membri b'leġiżlazzjoni nazzjonali ta' implimentazzjoni u b'atti reoglatorji ġenerali u b'deċiżjonijiet individwali u b'atti tal-awtoritajiet pubbliċi.

34.

Permezz ta' sensiela ta' stadji mis-snin tmenin 'l hawn, l-UE implimentat ukoll miżuri għar-rikonoxximent ta' interess pubbliku awżiljarju ta' involviment attiv tal-pubbliku f'dawn il-miżuri (35). Il-QtĠ innutat ir-rabta bejn l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali u “[r-]rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jippriserva, jipproteġi u jtejjeb il-kwalità tal-ambjent u li jagħti lill-pubbliku rwol attiv għal dan il-għan”. (36)

1.3.   L-iżgurar ta' rwol attiv tal-pubbliku, is-salvagwardja tad-drittijiet u l-ħarsien tal-obbligi

Il-pubbliku u interessi oħra stabbiliti fil-liġi ambjentali tal-UE u l-obbligi relatati fuq l-awtoritajiet pubbliċi jġibu magħhom drittijiet proċedurali u sostantivi għall-individwi u għall-assoċjazzjonijiet tagħhom. Dawn id-drittijiet iridu jkunu protetti mill-qrati nazzjonali.

35.

Il-QtĠ irrikonoxxiet li l-interessi pubbliċi msemmija hawn fuq u l-obbligi imposti fuq l-awtoritajiet pubbliċi jġibu magħhom drittijiet għall-individwi u għall-assoċjazzjonijiet tagħhom, li jridu jiġu protetti mill-qrati nazzjonali. Dawn id-drittijiet huma proċedurali kif ukoll sostantivi fin-natura tagħhom. Jistgħu jkunu involuti diversi drittijiet proċedurali u sostantivi fl-istess ħin, bħal meta deċiżjoni, att jew omissjoni ta' awtorità pubblika jkunu jinvolvu kwistjonijiet ta' parteċipazzjoni tal-pubbliku kif ukoll l-issodisfar ta' obbligi sostantivi tal-protezzjoni ambjentali.

36.

F'LZ II, il-QtĠ iddikjarat fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, 92/43/KEE, li “[madankollu], ikun inkompatibbli mal-effett vinkolanti li l-Artikolu 288 TFUE jattribbwixxi lil direttiva, li jiġi eskluż, fil-prinċipju, li l-obbligi li hija timponi jiġu invokati mill-persuni kkonċernati”. (37)

37.

Dan jenfasizza li l-ħsieb wara l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali jinkludi l-bżonn li jiġi żgurat li jiġu ssodisfati l-obbligi maħluqa mil-liġi ambjentali tal-UE. Madankollu, il-kundizzjonijiet għall-preżentazzjoni ta' kawża quddiem qorti nazzjonali jistgħu jvarjaw skont min jitqies li hu kkonċernat. F'dan il-kuntest, hemm bżonn li ssir distinzjoni bejn NGOs ambjentali u individwi.

L-NGOs ambjentali jaqdu rwol importanti fl-iżgurar tal-konformità mal-obbligi tal-liġi ambjentali tal-UE u jgawdu minn dritt ġenerali ta' protezzjoni tal-ambjent li l-qrati nazzjonali jridu jżommu.

38.

L-involviment tal-pubbliku ġie previst sabiex ikopri mhux biss ir-rwol tal-individwi iżda anki dak tal-assoċjazzjonijiet tagħhom (38). Tabilħaqq, il-ġurisprudenza tal-QtĠ tagħraf li l-assoċjazzjonijiet ambjentali — “organizzazzjonijiet nongovernattivi ambjentali jew NGOs ambjentali” — jaqdu rwol vitali fl-iżgurar tal-konformità mal-obbligi skont il-liġi ambjentali tal-UE.

39.

F'LZ I (magħrufa wkoll bħala “Slovak Brown Bears”), il-QtĠ iddikjarat li “hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta, sa fejn ikun possibbli, id-dritt proċedurali li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi eżerċitat rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju kemm skont l-għanijiet tal-Artikolu 9(3) ta' din il-konvenzjoni kif ukoll skont l-għan ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta' drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, sabiex tippermetti lil organizzazzjoni għall-ħarsien tal-ambjent, bħal-Lesoochranárske zoskupenieK, li tikkontesta quddiem qorti deċiżjoni adottata wara proċedura amministrattiva li tista' tkun kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni tal-ambjent. (39)

40.

Is-sentenza f'LZ I hi notevoli wkoll għax kienet tikkonċerna deċiżjoni minn awtorità pubblika li tawtorizza l-kaċċa ta' orsijiet kannella f'deroga mid-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ispeċijiet stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Ħabitats, 92/43/KEE. Id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ispeċijiet ta' din id-direttiva m'għandhomx l-għan li jipproteġu lill-individwi iżda lill-ambjent, u dan hu fl-interess ġenerali tal-pubbliku. Għalhekk, il-QtĠ għarfet li l-NGO ambjentali rikorrenti kellha dritt li kien jistħoqqlu protezzjoni ġudizzjarja fil-każ speċifiku, bħal dak li jirrendi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, 92/43/KEE, infurzabbli.

41.

Dan hu partikolarment importanti fil-qasam tal-protezzjoni tan-natura, għaliex f'dan il-qasam jista' jkun diffiċli li wieħed jargumenta li deċiżjonijiet u atti ta' omissjonijiet ta' awtoritajiet pubbliċi jistgħu jaffettwaw drittijiet speċifiċi tal-individwi, bħal dawk relatati mas-saħħa tal-bniedem.

42.

Il-pożizzjoni tal-QtĠ f'LZ I hi konsistenti wkoll mas-seba', mat-tlettax u mat-tmintax-il premessa tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, li għarfu r-rwol importanti li jaqdu l-NGOs ambjentali fil-ħarsien tal-ambjent. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-QtĠ f'LZ I mhix waħda iżolata. Hi konsistenti mad-deċiżjoni preċedenti f'Janecek li persuni ġuridiċi kif ukoll fiżiċi jistgħu jinvokaw il-liġi ambjentali tal-UE li għandha l-għan li tħares is-saħħa tal-bniedem (40).

43.

Minbarra d-dritt tal-NGOs ambjentali li l-QtĠ irrikonoxxiet f'LZ I u f'Janecek  (41), diversi atti leġiżlattivi tal-UE rrikonoxxew ir-rwol tal-NGOs ambjentali billi pprovdew għal locus standi de lege għalihom b'rabta ma' attivitajiet speċifiċi li jeħtieġu l-parteċipazzjoni pubblika kif ukoll sitwazzjonijiet ta' ħsara ambjentali. Dawn huma eżaminati f'iktar dettall fit-Taqsima C.2.

Il-liġi ambjentali tal-UE tagħti drittijiet proċedurali u sostantivi lill-individwi. Dawn huma relatati b'mod partikolari mar-rekwiżiti għall-awtoritajiet pubbliċi li jsegwu kif xieraq proċedura maħsuba biex tinvolvi lill-pubbliku kif ukoll dispożizzjonijiet li jikkonċernaw is-saħħa tal-bniedem u l-proprjetà.

(a)   Id-drittijiet proċedurali

44.

Il-“pubbliku” skont l-Artikolu 2(4) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus jinkludi anki individwi u dawn ukoll għandhom rwol rikonoxxut fil-preservazzjoni, fil-protezzjoni u fit-titjib tal-kwalità tal-ambjent. Madankollu, id-dritt li jibbażaw fuq obbligi imposti fuq l-awtoritajiet nazzjonali mil-liġi ambjentali tal-UE quddiem qorti nazzjonali jista' jkun ristrett mil-liġi nazzjonali għal ċirkustanzi li fihom ikun jista' jintwera interess suffiċjenti jew indeboliment tad-drittijiet (42). Għalhekk, l-aċċess għal qorti nazzjonali jista' jkun ristrett għall-infurzar ta' dawk id-dispożizzjonijiet li ma jimponux biss obbligi fuq l-awtoritajiet pubbliċi iżda jagħtu wkoll drittijiet lill-individwi.

45.

Id-drittijiet proċedurali normalment ikunu relatati mal-parteċipazzjoni pubblika. Tipikament, dawn ikollhom x'jaqsmu mal-arranġamenti prattiċi li skont dawn awtorità pubblika tgħarraf lill-pubbliku dwar deċiżjoni proposta, tirċievi kwalunkwe sottomissjoni, li tieħu f'kunsiderazzjoni, u tħabbar b'mod pubbliku d-deċiżjoni tagħha. Il-parteċipazzjoni pubblika hi prevista fil-Konvenzjoni ta' Aarhus għal:

deċiżjonijiet dwar attivitajiet speċifiċi (43);

pjanijiet, programmi u politiki relatati mal-ambjent (44) u

regolamenti eżekuttivi u/jew strumenti normattivi legalment vinkolanti ġeneralment applikabbli (45).

46.

Id-dispożizzjonijiet espliċiti relatati mal-parteċipazzjoni pubblika jinsabu primarjament — iżda mhux esklużivament — fid-direttivi ambjentali tal-UE li ġejjin: id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE, id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, 2010/75/UE; id-Direttiva dwar il-Parteċipazzjoni Pubblika, 2003/35/KE; u d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika, 2001/42/KE. Min-naħa l-oħra, f'LZ II, il-QtĠ stabbilixxiet b'mod ġenerali r-rekwiżiti obbligatorji ta' parteċipazzjoni pubblika tal-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus u qrathom flimkien mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, 92/43/KEE.

47.

Barra minn hekk, hekk kif il-QtĠ osservat fi Kraaijeveld, id-drittijiet proċedurali jservu għall-fini li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-liġi ambjentali tal-UE: “B'mod partikolari, meta l-Awtoritajiet tal-Komunità jkunu, permezz ta' direttiva, imponew fuq l-Istati Membri l-obbligu li jimxu bi proċedura partikolari, l-effett utli ta' att bħal dan ikun imxekkel jekk l-individwi ma jitħallewx jibbażaw fuqu quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom”. (46) Il-proċedura partikolari li sar riferiment għaliha f'dak il-każ kienet it-twettiq ta' valutazzjoni tal-impatt ambjentali, li kienet tinkludi konsultazzjoni pubblika. L-istess ħsieb hu minnu għal dispożizzjonijiet oħra tal-liġi ambjentali tal-UE li jeħtieġu konsultazzjoni pubblika, bħal dawk li jinsabu fid-Direttiva dwar il-Valutazzjoni ambjentali Strateġika, 2001/42/KE (47).

(b)   Id-drittijiet sostantivi

48.

Minbarra d-drittijiet proċedurali, il-QtĠ irrikonoxxiet ukoll li ċerta leġiżlazzjoni sekondarja ambjentali tal-UE tagħti drittijiet sostantivi lill-individwi u lill-assoċjazzjonijiet tagħhom.

49.

F'Janecek il-QtĠ iddikjarat li “f'kull każ fejn in-nuqqas ta' osservazzjoni tal-miżuri meħtieġa mid-direttivi li jirrigwardaw il-kwalità tal-arja u dik tal-ilma tax-xorb, u li huma intiżi sabiex jipproteġu s-saħħa pubblika, jista' jipperikola s-saħħa tal-persuni, dawn tal-aħħar għandhom ikunu jistgħu jibbażaw ruħhom fuq ir-regoli imperattivi inklużi fid-direttivi. (48)

50.

Hemm żewġ raġunijiet għaliex id-dritt sostantiv rikonoxxut f'Janecek — jiġifieri li s-saħħa ta' individwu tiġi protetta permezz tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE — għandu rilevanza ġenerali.

51.

L-ewwel nett, il-QtĠ stess fil-kawża sussegwenti, Stichting Natuur en Milieu  (49), applikat l-istess raġunar għal-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja li topera f'livell usa' mil-livell lokali rilevanti f'Janecek. Dan jindika li l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem m'għandhiex tiġi kkunsidrata bħala waħda limitata għal theddidiet immedjati u lokali (50).

52.

It-tieni, il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE spiss tinkludi l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fost l-objettivi tagħha, f'konformità mal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (51). Is-saħħa tal-bniedem tissemma b'mod speċifiku f'uħud mill-iktar siltiet importanti tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, bħad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, 2008/98/KE (52), id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma 2000/60/KE (53) u d-Direttiva dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet (UE) 2016/2284 (54). Għaldaqstant, ir-raġunar f'Janecek jista' jkun rilevanti ferm lil hinn mil-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja u l-ilma tax-xorb.

53.

Ksur possibbli tad-drittijiet dwar il-proprjetà, u d-dannu pekunarju relatat, li jirriżulta minn deċiżjoni, minn att jew minn omissjoni ta' awtorità pubblika li jiksru l-liġi ambjentali, jista' jintitola lil individwu sabiex jinvoka l-liġi ambjentali quddiem qorti wkoll.

54.

F'Leth, il-QtĠ iddikjarat li “l-prevenzjoni tad-danni patrimonjali, sa fejn dawn ikunu konsegwenzi ekonomiċi diretti tal-effetti fuq l-ambjent ta' proġett pubbliku jew privat, hija koperta mill-iskop ta' protezzjoni mfittex mid-Direttiva 85/337 [issa d-Direttiva 2011/92/UE]”. (55) Ir-raġunar ta' Leth japplika wkoll għal siltiet oħra tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE bħad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika, 2001/42/KE.

55.

Il-liġi ambjentali tal-UE ma tistabbilixxix dritt ġenerali għal ambjent f'saħħtu u intatt għal kull individwu. Madankollu, persuna fiżika jew ġuridika tista' tkun kisbet id-dritt li tuża l-ambjent għal attività ekonomika jew mingħajr skop ta' qligħ speċifika. Eżempju jista' jkun dritt allokat u miksub tas-sajd f'ilmijiet speċifiċi (56). Dan jista' jwassal għal bżonn li jiġu kkontestati kwalunkwe deċiżjoni, att jew omissjoni li jħallu impatt fuq dak id-dritt allokat b'mod speċifiku ta' użu tal-ambjent.

56.

Dan hu partikolarment rilevanti għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma u n-natura. F'dan ir-rigward, l-istrument globali għall-ilma, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, 2000/60/KE, jiddefinixxi t-“tniġġiż” f'termini tal-introduzzjoni ta' sustanzi jew ta' sħana li “titfixkel jew titħawwad ma' amenitajiet u użi leġittimi oħra tal-ambjent”. Kemm id-Direttiva dwar l-Għasafar Selvaġġi, 2009/147/KE, kif ukoll id-Direttiva dwar il-Ħabitats, 92/43/KEE, jirreferu għal firxa wiesgħa ta' użi possibbli tan-natura, inklużi skopijiet rikreazzjonali (bħall-kaċċa), ir-riċerka u l-edukazzjoni. Għal dawn l-użi differenti, hu raġonevoli li wieħed jassumi li, apparti interessi, jistgħu jqumu wkoll kwistjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet.

57.

F'dan l-isfond, it-taqsimiet li jifdal ta' din in-Notifika jeżaminaw l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali minn diversi perspettivi differenti:

il-bażi preċiża u l-kundizzjonijiet li fuqhom individwu u NGOs ambjentali jistgħu jistennew li jiksbu locus standi;

il-kamp ta' applikazzjoni tar-rieżami, jiġifieri r-raġunijiet tar-rieżami u l-intensità tal-iskrutinju li jenħtieġ li japplikaw għad-deċiżjonijiet, għall-atti u għall-omissjonijiet ikkontestati;

ir-rimedji effettivi għall-indirizzar ta' deċiżjonijiet, ta' atti u ta' omissjonijiet li jinstab li huma legalment żbaljati;

l-ispejjeż tal-litigazzjoni u l-fatturi li jridu jiġu kkunsidrati sabiex jiġi evitat milli dawn ikunu projbittivi; u

it-tempestività tal-proċeduri u l-bżonn li l-pubbliku jiġu pprovdut b'informazzjoni prattika.

2.   LOCUS STANDI

2.1.   Introduzzjoni

Il-locus standi hu l-intitolament li bih wieħed jista' jieħu passi legali quddiem qorti jew quddiem korp indipendenti u imparzjali ieħor sabiex jipproteġi dritt jew interess tiegħu bħala rikorrent rigward il-legalità ta' deċiżjoni, ta' att jew ta' omissjoni ta' awtorità pubblika. Il-locus standi jista' jvarja skont is-suġġett tad-deċiżjoni, tal-att jew tal-omissjoni kkontestati. Jista' jvarja wkoll skont jekk ir-rikorrent huwiex individwu jew NGO ambjentali rikonoxxuta.

58.

Il-locus standi hu l-intitolament li wieħed jieħu passi legali quddiem qorti jew quddiem korp indipendenti u imparzjali ieħor biex jipproteġi dritt jew interess tiegħu bħala rikorrent. L-intitolament għall-kontestazzjoni hu fir-rigward ta' deċiżjonijiet, ta' atti u ta' omissjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi, li jistgħu jiksru tali dritt jew interess. Deċiżjonijiet, atti u omissjonijiet jirrappreżentaw il-modi li bihom l-awtoritajiet pubbliċi jissodisfaw — jew jieħdu pożizzjoni fuq — dmirijiet imposti fuqhom mil-liġi ambjentali tal-UE, pereżempju li jiżguraw li l-faċilitajiet tal-iskart u l-installazzjonijiet industrijali joperaw b'permess (57). Apparti li hu mezz kif tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-interessi, il-locus standi jirrappreżenta mezz kif tiġi żgurata responsabbiltà fir-rigward ta' deċiżjonijiet, ta' atti jew ta' omissjonijiet bħal dawn.

59.

Hemm ftit direttivi ambjentali tal-UE li fihom dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja li jeħtieġu b'mod espliċitu li l-Istati Membri jipprovdu locus standi  (58). Madankollu, dispożizzjonijiet espliċiti dwar l-aċċess għall-ġustizzja, inkluż il-locus standi, huma niqsin f'ħafna mil-leġiżlazzjoni ambjentali sekondarja tal-UE. Minkejja dan, għad li hemm nuqqas ta' dispożizzjonijiet leġiżlattivi espliċiti, ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-locus standi jridu jiġu interpretati fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-QtĠ.

60.

Il-bażi għal-locus standi tvarja skont is-suġġett tad-deċiżjoni, tal-att jew tal-omissjoni fil-mira tal-kontestazzjoni. It-taqsimiet li ġejjin jagħmlu distinzjoni bejn deċiżjonijiet, atti u omissjonijiet li jikkonċernaw:

Talbiet għal informazzjoni ambjentali u intitolament għar-riċevuta ta' informazzjoni (Taqsima C.2.2)

Attivitajiet speċifiċi li huma soġġetti għal rekwiżiti tal-parteċipazzjoni pubblika (Taqsima C.2.3)

Talbiet għal azzjoni skont ir-regoli dwar ir-responsabbiltà għall-ħsara ambjentali (Taqsima C.2.4);

Suġġetti oħra, bħal leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni nazzjonali, atti regolatorji ġenerali, pjanijiet u programmi u derogi (Taqsima C.2.5).

61.

Għall-ewwel tliet kategoriji, drittijiet espliċiti dwar il-locus standi jistgħu jinsabu fil-parti l-kbira fil-leġiżlazzjoni ambjentali sekondarja tal-UE (59). Għall-aħħar kategorija, il-locus standi jiddependi mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-locus standi kif interpretat mill-QtĠ.

62.

Il-firxa tal-locus standi tvarja wkoll skont jekk il-persuna li qed tfittex li tikkontesta hijiex individwu, NGO ambjentali jew entità oħra. Dan l-aspett hu kkunsidrat fit-taqsimiet differenti t'hawn taħt.

2.2.   Talbiet għal informazzjoni ambjentali u intitolament għar-riċevuta ta' informazzjoni

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tippreżenta talba għal informazzjoni tgawdi minn locus standi biex tikkontesta deċiżjoni, att jew omissjoni tal-awtorità pubblika responsabbli għall-indirizzar ta' dik it-talba. Id-drittijiet ta' riċevuta tal-informazzjoni permezz ta' tixrid attiv jistgħu jintitolaw lill-individwi u lill-assoċjazzjonijiet ukoll biex jippreżentaw kontestazzjonijiet legali.

63.

Il-liġi ambjentali tal-UE tagħti drittijiet lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi sabiex jitolbu informazzjoni ambjentali (60). Id-Direttiva dwar l-Aċċess għat-Tagħrif Ambjentali, 2003/4/KE, tipprovdi b'mod espliċitu fl-Artikolu 6 tagħha għal proċedura ta' rieżami ġudizzjarju għall-eżaminar ta' atti jew ta' omissjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi relatati ma' talbiet għal informazzjoni ambjentali li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva. Id-dritt ta' rieżami hu bbażat fuq ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus u hu maħsub għall-protezzjoni tad-dritt li wieħed jagħmel talba għal informazzjoni (61). Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tippreżenta talba għal informazzjoni tgawdi minn locus standi  (62).

64.

Il-liġi ambjentali tal-UE tagħti drittijiet lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi sabiex mhux biss jitolbu iżda anki jirċievu informazzjoni ambjentali (63). Mid-deċiżjoni tal-QtĠ f'East Sussex jidher ċar li d-drittijiet tal-applikanti għal informazzjoni ambjentali jinkludu d-dritt li dawn jinqdew minn awtorità pubblika kompetenti li tissodisfa kif xieraq il-kundizzjonijiet relatati mal-provvista tal-informazzjoni (64). Dak il-każ kien jikkonċerna d-drittijiet ta' riċevuta tal-informazzjoni fuq talba iżda l-pubbliku hu intitolat li jirċievi wkoll informazzjoni permezz ta' tixrid attiv mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti (65). L-issodisfar mill-awtoritajiet pubbliċi tal-obbligi tagħhom sabiex ixerrdu b'mod attiv informazzjoni ambjentali jista', fost l-oħrajn, ikun importanti għas-salvagwardja tad-dritt li wieħed jiżgura li tkun protetta saħħtu (66).

2.3.   Attivitajiet speċifiċi li huma soġġetti għal rekwiżiti tal-parteċipazzjoni pubblika

Ir-rekwiżiti dwar il-parteċipazzjoni pubblika li japplikaw għal attivitajiet speċifiċi jagħtu drittijiet lil dawk li huma kkonċernati u jintitolawhom biex jitolbu rieżami ġudizzjarju tad-deċiżjoni, tal-att jew tal-omissjoni inkwistjoni.

65.

Il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE fiha numru sinifikanti ta' obbligi li jeħtieġu li l-awtoritajiet pubbliċi jieħdu deċiżjonijiet dwar attivitajiet speċifiċi li jista' jkollhom effetti fuq l-ambjent. Pereżempju, awtostrada proposta teħtieġ deċiżjoni ta' awtorità pubblika li tagħti l-kunsens għaliha qabel ma jibda l-bini. B'mod simili, attività industrijali proposta tista' teħtieġ it-teħid ta' deċiżjoni minn awtorità pubblika dwar kwota ta' emissjoni industrijali qabel ma tkun tista' tibda topera. Barra minn hekk, ħafna mil-leġiżlazzjoni ambjentali sekondarja tal-UE teħtieġ konsultazzjoni pubblika matul il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet. (67) Konsultazzjoni obbligatorja tagħti drittijiet ta' parteċipazzjoni lil dawk il-membri tal-pubbliku li huma intitolati jieħdu sehem.

66.

Il-locus standi għall-kontestazzjoni ta' deċiżjonijiet, ta' atti u ta' omissjonijiet li jikkonċernaw attivitajiet speċifiċi li huma soġġetti għal rekwiżiti tal-parteċipazzjoni pubblika hu bbażat fuq dispożizzjonijiet dwar il-locus standi li jinsabu fl-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus u l-leġiżlazzjoni sekondarja relatata tal-UE (68) kif ukoll fuq il-ġurisprudenza tal-QtĠ. B'mod partikolari, il-QtĠ ikkonfermat fi Kraaijeveld  (69) li deċiżjoni, att jew omissjoni ta' awtorità pubblika li jxekklu d-drittijiet ta' parteċipazzjoni jirriżultaw f'intitolament għal tfittxija ta' rieżami ġudizzjarju.

67.

Mindu nqatgħet is-sentenza Kraaijeveld, fil-Konvenzjoni ta' Aarhus ġie inkorporat dritt espliċitu ta' locus standi bbażat fuq id-dritt ta' parteċipazzjoni. B'mod partikolari, l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus jeħtieġ proċedura ta' rieżami quddiem qorti u/jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit bil-liġi (70) biex tiġi kkontestata l-legalità sostantiva u proċedurali ta' kwalunkwe deċiżjoni, att jew omissjoni, soġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni pubblika tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

68.

Siltiet relatati ta' leġiżlazzjoni ambjentali sekondarja tal-UE (71) fihom dispożizzjonijiet ibbażati fuq it-test tal-Artikolu 9(2). Madankollu, din il-leġiżlazzjoni sekondarja ma tkoprix il-proċessi kollha tat-teħid ta' deċiżjoni koperti mill-Artikolu 6 — u b'estensjoni l-Artikolu 9(2) — tal-Konvenzjoni. Peress li l-Artikolu 9(2) jirreferi għal sitwazzjonijiet li fihom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni pubblika tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, l-Istati Membri huma obbligati jimplimentaw reġim ta' rieżami ġudizzjarju kull meta l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprevedi obbligu dwar il-parteċipazzjoni pubblika.

69.

F'LZ II  (72) il-QtĠ iddikjarat li r-rekwiżiti dwar il-parteċipazzjoni pubblika tal-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus japplikaw ukoll fil-kuntest tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats 92/43/KEE, f'sitwazzjonijiet li fihom awtorità pubblika hi obbligata mil-liġi nazzjonali li tiddetermina jekk twettaqx valutazzjoni xierqa fuq proġett li jista' jkollu effett sinifikanti fuq l-integrità ta' sit protett ta' Natura 2000. Barra minn hekk, iddikjarat li, minħabba li r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni japplikaw għal sitwazzjonijiet bħal dawn, dawk tal-Artikolu 9(2) japplikaw għal dawn is-sitwazzjonijiet ukoll.

70.

B'din is-sentenza, il-QtĠ iċċarat li r-rekwiżiti tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistgħu japplikaw ukoll għal dawk l-oqsma tal-liġi ambjentali li ma fihom ebda rekwiżit speċifiku dwar l-aċċess għall-ġustizzja. Tabilħaqq, filwaqt li LZ II kienet tikkonċerna d-Direttiva dwar il-Ħabitats, 92/43/KEE, ir-raġunar wara l-interpretazzjoni tal-QtĠ jista' jiġi applikat b'analoġija għal proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet f'setturi oħra tal-liġi ambjentali tal-UE bħall-ilma u l-iskart.

71.

Hu l-“pubbliku kkonċernat” li jibbenefika mid-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni pubblika tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus u, b'estensjoni, mid-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja tal-Artikolu 9(2) u l-leġiżlazzjoni sekondarja korrispondenti tal-UE. Dan hu ddefinit bħala “[l-]pubbliku affettwat jew x'aktarx li jiġi affettwat bil-proċeduri dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent […] jew li għandu interess fihom (73). “Il-pubbliku” hu ddefinit bħala “tfisser persuna jew iktar naturali jew legali, u, skont il-leġiżlazzjoni jew il-prassi nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom (74).

72.

Madankollu, la l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus u lanqas id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE ma jagħtu aċċess mhux kondizzjonat għall-ġustizzja lill-membri tal-pubbliku. Il-Konvenzjoni u l-leġiżlazzjoni jippermettu lill-partijiet kontraenti u lill-Istati Membri jimponu ċerti kundizzjonijiet u, b'hekk, li jevitaw locus standi ġenerali għal kulħadd (actio popularis) fi kwistjonijiet ambjentali (75). Barra minn hekk, kemm il-Konvenzjoni ta' Aarhus kif ukoll il-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE dderivata minnha jipprovdu għal differenzazzjoni fid-drittijiet ta' locus standi. Id-differenzazzjoni hi bejn, minn naħa, individwi, assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u gruppi u, min-naħa l-oħra, NGOs ambjentali rikonoxxuti.

2.3.1.    Individwi

Għall-individwi, il-prekundizzjoni ta' ħtieġa ta' wiri tal-“indeboliment ta' dritt” jew ta' interess suffiċjenti biex jinkiseb locus standi biex tiġi kkontestata attività speċifika trid tiġi interpretata u applikata fid-dawl tal-obbligu li jingħata aċċess wiesa' għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. Id-drittijiet li jistgħu jkunu indeboliti jinkludu drittijiet proċedurali tal-individwu li jirriżultaw mil-liġi ambjentali tal-UE (eż. id-drittijiet ta' parteċipazzjoni pubblika) kif ukoll id-drittijiet sostantivi mogħtijin lill-individwu (eż. protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, drittijiet tal-proprjetà).

73.

Skont l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus kif ukoll l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE, u l-Artikolu 25 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, 2010/75/UE, il-partijiet kontraenti u l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-aċċess għall-qrati għal dawk l-individwi li juru interess suffiċjenti jew, inkella, l-indeboliment ta' dritt. Il-kunċett ta' “indeboliment ta' dritt” hu spjegat f'iktar dettall fit-taqsima C.2.5.3.

2.3.2.    NGOs ambjentali b'locus standi de lege

2.3.2.1.   Prinċipju Ġenerali

NGOs ambjentali rikonoxxuti jgawdu minn locus standi de lege biex jikkontestaw deċiżjonijiet, atti jew omissjonijiet minn awtoritajiet pubbliċi fuq attivitajiet speċifiċi li huma soġġetti għal rekwiżiti tal-parteċipazzjoni pubblika skont id-dritt tal-UE.

74.

L-Artikoli 2(5) u 9(2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus u l-leġiżlazzjoni relatata tal-UE li tagħtiha effett jagħrfu r-rwol importanti ta' atturi bħall-NGOs ambjentali billi jagħtuhom forma ta' locus standi de lege bis-suppożizzjoni li dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fil-liġi nazzjonali. Għal dawn l-NGOs, il-prekundizzjonijiet għal-locus standi bbażat fuq interess suffiċjenti jew indeboliment ta' dritt huma meqjusa ssodisfati (76). Dan il-locus standi de lege għandu implikazzjonijiet mhux biss għall-ammissibilità ta' pretensjoni iżda anki għall-kamp ta' applikazzjoni tar-rieżami eżerċitat mill-imħallef nazzjonali (ara t-Taqsima C.3.2.2.2).

75.

Il-QtĠ iċċarat kemm mir-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali l-NGOs jistgħu jkunu mistennija jissodisfaw sabiex jiksbu dan il-locus standi. Iddikjarat li, għad li hu f'idejn l-Istati Membri li jagħmlu regoli li jiddefinixxu tali rekwiżiti, dawn ma jistgħux jiġu stabbiliti b'mod li jagħmilha impossibbli għall-NGOs li jeżerċitaw dritt li jieħdu passi bil-qorti biex jipproteġu l-interess ġenerali. Ir-regoli nazzjonali “għandhom […] jiżguraw aċċess [wiesa'] […] quddiem qorti tal-ġustizzja (77).

76.

Il-QtĠ iddikjarat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tikser l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE, meta ma tippermettix lill-NGOs skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) ta' dik id-direttiva jibbażaw, quddiem il-qrati, f'kawża ta' kontestazzjoni ta' deċiżjoni li tawtorizza proġetti “li aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent” għall-finijiet tal-Artikolu 1(1) ta' dik id-direttiva, fuq il-ksur ta' regola dderivata mil-liġi ambjentali tal-UE u maħsuba biex tħares l-ambjent, fuq il-bażi li dik ir-regola tipproteġi biss l-interessi tal-pubbliku ġenerali, u mhux l-interessi ta' individwi. (78)

77.

Dan ir-raġunar japplika fil-każijiet kollha li jinvolvu locus standi de lege, jiġifieri dawk fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

2.3.2.2.   Kriterji speċifiċi għal- locus standi de lege

Il-kriterji li l-NGOs ambjentali jridu jissodisfaw biex jikkwalifikaw għal-locus standi de lege ma jistgħux ikunu diffiċli wisq biex jiġu ssodisfati u jenħtieġ li jqisu l-interessi ta' NGOs żgħar u lokali.

78.

Ir-regoli nazzjonali jistgħu jiddefinixxu r-rekwiżiti li l-NGOs iridu jissodisfaw sabiex jikkwalifikaw għal-locus standi de lege. Il-ġurisprudenza tal-QtĠ tixħet dawl fuq kemm jistgħu jkunu strinġenti dawn ir-regoli.

(a)   Attivi fil-qasam ambjentali

79.

Involviment fil-qasam tal-ambjent jgħin sabiex jiġi żgurat li NGO għandha kompetenzi u għarfien utli. Fi Djurgården, il-QtĠ tikkonferma li “liġi nazzjonali tista' teżiġi li t-tali assoċjazzjoni, li jkollha l-intenzjoni li tikkontesta b'mod ġudizzjarju proġett li jaqa' taħt id-Direttiva 85/337 [issa d-Direttiva 2011/92/UE], ikollha għan soċjali marbut mal-protezzjoni tan-natura u tal-ambjent (79) Minn din il-formulazzjoni ma jistax jiġi inferit li l-QtĠ approvat rekwiżit li l-NGO jrid ikollha għan esklużiv ta' protezzjoni tal-ambjent. Madankollu, jidher permissibbli li Stat Membru jitlob li l-protezzjoni tal-ambjent tikkostitwixxi objettiv dominanti jew sostanzjali ta' NGO.

(b)   Rekwiżit għas-sħubija

80.

In-numru ta' membri li jkollha NGO jista' jkun indikatur importanti li hi attiva. Fi Djurgården, il-QtĠ ħarset lejn rekwiżit tal-liġi nazzjonali li NGO kellu jkollha ċertu numru ta' membri. Il-QtĠ iddikjarat li n-numru ta' membri meħtieġa ma jistax jiġi stabbilit f'livell tali li jmur kontra l-objettiv ta' ffaċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja. (80) Saħqet ukoll fuq l-importanza ta' ffaċilitar ta' NGOs ibbażati lokalment, peress li dawn jistgħu jkunu l-iktar probabbli li jikkontestaw proġetti fuq skala iżgħar li ma jkollhomx importanza nazzjonali jew reġjonali iżda li xorta jkollhom effett sinifikanti fuq l-ambjent (81). Ta' min jgħid li mhux l-NGOs kollha li jibbenefikaw minn locus standi de lege fl-Istati Membri huma bbażati fuq is-sħubijiet. Uħud minnhom huma fundazzjonijiet tal-karità. Tabilħaqq, pretensjonijiet minn fundazzjonijiet bħal dawn wasslu għal ġurisprudenza importanti tal-QtĠ.

(c)   Kriterji oħra

81.

Fil-prattika, xi Stati Membri jeħtieġu li NGO tissodisfa kriterji oħra biex tikseb locus standi de lege. Dawn jistgħu jkunu relatati mal-indipendenza jew mal-karattru mingħajr skop ta' qligħ tal-NGO jew mal-personalità ġuridika distinta li din ikollha skont il-liġi nazzjonali. Jew jistgħu jinvolvu l-forniment ta' prova mill-NGO li din ikollha bażi finanzjarja solida sabiex twettaq objettiv ta' promozzjoni tal-ħarsien tal-ambjent. Jew jistgħu jikkonsistu f'durata minima ta' eżistenza qabel ma jingħata l-locus standi de lege. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li jittieħed kont tar-raġunament tal-QtĠ fi Djurgården dwar ir-rekwiżiti ta' sħubija, imfakkra fil-paragrafu preċedenti. (82)

2.3.3.    Nondiskriminazzjoni kontra NGOs barranin

Il-kundizzjonijiet li jridu jissodisfaw l-NGOs ambjentali biex jiksbu locus standi de lege ma jistgħux ikunu inqas favorevoli għal NGOs barranin meta mqabbla ma' dawk domestiċi.

82.

L-NGOs ambjentali ta' Stati Membri ġirien jistgħu jkunu jixtiequ jieħdu sehem fi proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet għal attività speċifika jew ikunu attivi b'xi mod ieħor b'rabta ma' din. Dan hu partikolarment minnu meta attività speċifika jista' jkollha impatti ambjentali transkonfinali. L-Artikolu 3(9) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus jistipula li “[l-]pubbliku għandu jkollu aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta' ċittadinanza, ta' nazzjonalità jew ta' domiċilju u, fil-każ ta' persuna ġuridika, mingħajr diskriminazzjoni dwar fejn hija reġistrata jew fejn ikun iċ-ċentru effettiv tal-attivitajiet tagħha”. B'hekk, meta NGO barranija tfittex locus standi, ma tistax tiġi ttrattata b'mod inqas favorevoli minn NGOs domestiċi b'rabta mal-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati għal-locus standi de lege.

83.

L-Artikolu 3(9) jipprojbixxi d-diskriminazzjoni biss, u b'hekk Stat Membru jista' jeħtieġ li NGOs barranin jissodisfaw l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għal dawk domestiċi. Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet, b'mod partikolari l-proċedura sabiex jinkiseb l-istatus ta' NGO b'locus standi de lege, ma jistgħux jipprevjenu jew jagħmluha diffiċli b'mod eċċessiv għal NGO barranija sabiex tikseb dak l-istatus (83).

2.3.4.    Assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u gruppi oħra

Filwaqt li dawn ma jgawdux minn locus standi de lege, assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u gruppi oħra jistgħu, soġġetti għal-liġi nazzjonali, igawdu minn locus standi fuq l-istess bażi bħall-individwi.

84.

Kif diġà ntqal iktar 'il fuq, “il-pubbliku” skont il-Konvenzjoni ta' Aarhus jista' jinkludi “persuna jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, u, skont il-leġiżlazzjoni jew il-prassi nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi ta' dawn”. B'hekk, anki jekk ma jkunux intitolati għal locus standi de lege, assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u gruppi jistgħu jkunu intitolati għal locus standi fuq l-istess bażi bħall-individwi. Dan jista' jiffaċilita l-ġbir flimkien ta' pretensjonijiet li, kieku, ikollhom jitfittxu b'mod separat minn rikorrenti individwali, u b'hekk jinkisbu vantaġġi kemm għall-pubbliku kkonċernat (permezz tal-qsim tal-piż tal-litigazzjoni) kif ukoll għall-awtorità pubblika (billi jitnaqqas ir-riskju li din ikollha tittratta diversi kontestazzjonijiet legali separati).

2.3.5.    Parteċipazzjoni minn qabel

L-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu l-locus standi għall-kontestazzjoni ta' deċiżjoni ta' awtorità pubblika għal dawk il-membri tal-pubbliku kkonċernat li ħadu sehem fil-proċedura amministrattiva preċedenti għall-adozzjoni ta' dik id-deċiżjoni.

85.

Nuqqas ta' parteċipazzjoni fil-proċedura amministrattiva għall-adozzjoni ta' deċiżjoni jista' jkun problema għall-ammissibilità ta' kontestazzjoni legali eventwali għal dik id-deċiżjoni (84). Il-ġurisprudenza tal-QtĠ tisħaq ir-rwol tal-qrati nazzjonali fil-protezzjoni tad-drittijiet sostantivi mogħtija lil individwi u lil assoċjazzjonijiet skont id-dritt tal-UE u, fl-istess ħin, li l-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji jservu skopijiet differenti. Pereżempju, id-deċiżjoni ta' awtorità pubblika tista' twassal għal ksur potenzjali tad-dritt ta' rikorrent li jkollu saħħtu protetta indipendentement minn kwalunkwe dritt proċedurali tar-rikorrent.

86.

F'dan ir-rigward, fi Djurgarden, il-QtĠ iddikjarat li, fil-kuntest ta' deċiżjoni rilevanti għad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, “[proċedura] deċiżjonali fil-qasam tal-ambjent […] hija separata u għandha għan differenti minn rikors ġudizzjarju, fejn dan tal-aħħar jista', jekk ikun il-każ, jiġi ppreżentat kontra deċiżjoni meħuda fi tmiem dan il-proċess (85). Għalhekk, “[il-]membri tal-pubbliku kkonċernat […]għandhom ikollhom il-possibbiltà li jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha, tribunal, li jappartjeni għall-organizzazzjoni ġudizzjarja ta' Stat Membru, ikun iddeċieda dwar talba għal awtorizzazzjoni ta' proġett, ikun liema jkun ir-rwol li seta' kellhom fl-eżami ta' din it-talba billi jkunu ħadu sehem fil-proċedura quddiem dan it-tribunal u billi jkunu sostnew il-pożizzjoni tagħhom f'din l-okkażjoni

2.4.   Talbiet għal azzjoni skont ir-regoli dwar ir-responsabbiltà għall-ħsara ambjentali

87.

Id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, 2004/35/KE, għandha l-għan, fost l-oħrajn, li tħeġġeġ lil persuni fiżiċi u ġuridiċi sabiex jaqdu rwol fl-għoti ta' assistenza lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jindirizzaw sitwazzjonijiet ta' ħsara ambjentali koperti mir-regoli dwar ir-responsabbiltà għall-ħsara ambjentali (86). Tippermetti lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi affettwati minn ħsara bħal din jew li għandhom interess suffiċjenti fil-ħsara jew li jallegaw l-indeboliment ta' dritt ikkaġunat mill-ħsara sabiex jagħmlu sottomissjonijiet u talbiet lill-awtorità nazzjonali kompetenti biex din tieħu l-miżuri neċessarji. Tipprevedi li ċerti NGOs se jitqiesu li għandhom interess jew drittijiet suffiċjenti li jistgħu jiġu indeboliti, u b'hekk tintitolahom biex jitolbu t-teħid ta' azzjoni. L-awtorità kompetenti hi meħtieġa tieħu deċiżjoni fuq it-talba għal azzjoni (87).

88.

L-intitolament biex wieħed jagħmel sottomissjonijiet u jitlob azzjoni hu fformulat b'mod li jqarreb ħafna għal dak li jingħad fl-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus u fid-dispożizzjonijiet relatati tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE. Tabilħaqq, dawk intitolati li jagħmlu sottomissjonijiet u jitolbu azzjoni huma intitolati wkoll li jikkontestaw legalment il-legalità proċedurali u sostantiva ta' deċiżjoni, ta' att jew ta' nuqqas ta' azzjoni ta' awtorità kompetenti fuq il-bażi tas-sottomissjonijiet u tat-talba (88).

89.

Is-similarità fit-test, inkluż fir-rigward tal-intitolament privileġġat ta' NGOs ambjentali, tfisser li l-ġurisprudenza tal-QtĠ dwar il-locus standi deskritta fit-Taqsima C.2.3 tista' titqies ukoll fl-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, 2004/35/KE.

2.5.   Suġġetti oħra, bħal leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni nazzjonali, atti regolatorji ġenerali, pjanijiet u programmi u derogi

2.5.1.    Bażi ġenerali għal-locus standi

Il-bażi ġenerali għal-locus standi għall-kontestazzjoni ta' deċiżjonijiet, ta' atti u ta' omissjonijiet tal-Istati Membri fl-oqsma koperti mil-liġi ambjentali tal-UE hi stabbilita fil-liġi nazzjonali, iżda trid tiġi interpretata b'mod konsistenti mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus u tal-Artikoli 19(1) tat-TUE u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

90.

L-Artikolu 19(1) tat-TUE, li jikkodifika l-prinċipju stabbilit ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva (89), jeħtieġ li “[l-]Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”. Fl-istess ħin, l-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-Istati Membri huma marbuta jirrispettaw meta jimplimentaw id-dritt tal-UE, jipprovdi li “[kull] persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi tal-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu”.

91.

Fil-qasam speċifiku tal-ambjent, l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus jipprovdi li l-partijiet kontraenti għandhom jiżguraw li, meta jissodisfaw il-kriterji, jekk jeżistu, stabbiliti fil-liġi nazzjonali tagħhom, il-membri tal-pubbliku jkollhom aċċess għal proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw atti u omissjonijiet minn persuni privati u minn awtoritajiet pubbliċi li jiksru d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tagħhom relatata mal-ambjent. Kif osservat iktar 'il fuq, id-definizzjoni ta' “[l-]pubbliku” tinkludi NGOs ambjentali.

92.

L-Artikolu 9(3) hu usa' mill-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus peress li l-benefiċjarju tal-locus standi hu “[il-]pubbliku”, li skont id-definizzjoni tiegħu stess fil-Konvenzjoni ta' Aarhus hu usa' mill-“pubbliku kkonċernat”. L-Artikolu 9(3) jirreferi wkoll għal atti u għal omissjonijiet minn persuni privati, filwaqt li l-Artikolu 9(2) hu limitat għal deċiżjonijiet, għal atti u għal omissjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi (90). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9(3) iħalli f'idejn il-partijiet kontraenti l-għażla bejn proċedura ta' rieżami amministrattiv u proċedura ta' rieżami ġudizzjarju. Barra minn hekk, ma jagħmel ebda referenza għal kriterji tal-aċċess bħall-indeboliment ta' dritt jew is-suffiċjenza ta' interess, u lanqas ma jipprovdi għal locus standi de lege għal NGOs ambjentali.

93.

Konsegwentement, f'LZ I il-QtĠ iċċarat li l-Artikolu 9(3) ma fih ebda obbligu ċar u preċiż li kapaċi jirregola direttament il-pożizzjoni ġuridika tal-individwi, peress li hu soġġett għall-adozzjoni ta' miżuri sussegwenti minn partijiet kontraenti. (91) Madankollu, il-QtĠ iddikjarat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3), għad li huma abbozzati f'termini ġeneriċi, huma maħsuba biex jiżguraw ħarsien tal-ambjent effettiv (92) u li “ma jistax jiġi pprevedut […] li tingħata interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta' Århus li tirrendi prattikament impossibli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta' drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni.” (93)

94.

Permezz tal-Artikolu 216(2) tat-TFUE, il-Konvenzjoni ta' Aarhus hi parti mill-ordinament ġuridiku tal-UE (94). Ir-rekwiżiti tal-ordinament ġuridiku tal-UE, li huma vinkolanti għall-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni, jinkludu l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE. Mekkaniżmu importanti għall-iżgurar ta' dan hu l-possibbiltà għall-qrati nazzjonali — u kultant id-dmir ta' dawn — li jitolbu deċiżjoni mill-QtĠ skont l-Artikolu 267 tat-TFUE dwar il-validità jew l-interpretazzjoni ta' rekwiżiti speċifiċi tad-dritt tal-UE. Dan jeħtieġ aċċess għall-qrati nazzjonali.

95.

Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-Istati Membri huma obbligati jipprovdu għal-locus standi biex jiżguraw aċċess għal rimedju effettiv għall-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali u sostantivi mogħtija mil-liġi ambjentali tal-UE anki jekk il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE inkwistjoni ma jkunx fiha dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kwistjoni.

2.5.2.    Locus standi għall-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali skont il-liġi ambjentali tal-UE

Il-locus standi jrid jingħata lil individwi u lil NGOs ambjentali biex jiġi żgurat ir-rispett għad-dispożizzjonijiet proċedurali ambjentali tal-UE, bħal dawk li jistabbilixxu proċeduri għat-teħid ta' deċiżjonijiet li jinvolvu l-parteċipazzjoni pubblika, pereżempju fi proċeduri li jikkonċernaw pjanijiet u programmi.

96.

Id-drittijiet proċedurali huma partikolarment importanti fil-każ ta' pjanijiet u ta' programmi. Ħafna siltiet mil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE jeħtieġu li jiġu adottati pjanijiet u programmi sabiex jiġi żgurat li jinkisbu l-objettivi ambjentali. Dawn id-dokumenti jistgħu jservu bħala mezz kif jiġu ġestiti l-interventi maż-żmien (eż. pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara) (95) jew kif jiġu stabbiliti azzjonijiet bħala tweġiba għal problemi speċifiċi (eż. pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja sabiex jitbaxxew il-livelli eċċessivi ta' tniġġis tal-arja) (96). Minbarra li teħtieġ l-adozzjoni ta' ċerti tipi ta' pjan u ta' programm, il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE tistabbilixxi wkoll rekwiżiti għall-valutazzjoni ambjentali tal-pjanijiet u tal-programmi (eż. pjanijiet ta' użu tal-art) li jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent (97).

97.

Ħafna mil-leġiżlazzjoni kkonċernata tipprevedi stadju ta' konsultazzjoni pubblika obbligatorja matul il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet. F'dan ir-rigward, l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta' Aarhus teħtieġ konsultazzjoni pubblika għal pjanijiet u għal programmi li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni wiesa' tagħha. Fuq din il-bażi, il-pjanijiet u l-programmi relatati mal-ambjent li huma obbligatorji skont id-dritt tal-UE, iżda li għalihom ma ġiet stabbilita l-ebda dispożizzjoni espliċita dwar il-parteċipazzjoni pubblika,xorta waħda jista' jkollhom bżonn jinkludu konsultazzjoni pubblika.

98.

Il-locus standi għall-kontestazzjoni ta' deċiżjonijiet, ta' atti u ta' omissjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi rigward pjanijiet u programmi koperti mill-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni jista' jiġi ddefinit fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-QtĠ dwar il-parteċipazzjoni pubblika. Bl-applikazzjoni tar-raġunar tas-sentenza fi Kraaijeveld  (98) (li kienet tikkonċerna proġett u mhux pjan jew programm), il-benefiċjarji tad-drittijiet ta' parteċipazzjoni huma intitolati jitolbu rieżami minn qorti dwar jekk ġietx rispettata l-proċedura meħtieġa fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet għal pjan jew għal programm.

99.

Il-ġurisprudenza tal-QtĠ tindika li l-locus standi mhuwiex rilevanti biss għal deċiżjonijiet, għal atti jew għal omissjonijiet fuq pjanijiet u fuq programmi individwali, iżda hu rilevanti wkoll għal-leġiżlazzjoni nazzjonali u għal atti regolatorji ġenerali li jistabbilixxu l-ħtiġiet proċedurali għal pjanijiet u programmi bħal dawn. Tabilħaqq, f'Terre Wallonne u Inter-Environnement Wallonie  (99), il-QtĠ iddikjarat li programm ta' azzjoni meħtieġ skont id-Direttiva dwar in-Nitrati, 91/676/KEE, fil-prinċipju jeħtieġ ukoll valutazzjoni ambjentali strateġika (li tinkludi konsultazzjoni pubblika) skont id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika, 2001/42/KE. Bħala riżultat ta' dan, qorti nazzjonali ħassret partijiet minn ordni nazzjonali li jistabbilixxi programm ta' azzjoni dwar in-nitrati fuq il-bażi li kien naqas milli jipprovdi għal valutazzjoni ambjentali strateġika. Fil-kawża sussegwenti, Inter-Environnement Wallonie, il-QtĠ ikkonfermat li t-tħassir kien xieraq f'dawn iċ-ċirkustanzi (100).

100.

Hu ċar li kemm l-individwi kif ukoll l-NGOs ambjentali jistgħu jibbenefikaw minn locus standi sabiex jipproteġu drittijiet proċedurali. Dan għaliex it-tnejn huma intitolati jeżerċitaw dawn id-drittijiet.

2.5.3.    Locus standi għall-protezzjoni ta' drittijiet sostantivi

L-Istati Membri jridu jiżguraw locus standi biex jikkontestaw kategoriji ġenerali ħafna ta' deċiżjonijiet, ta' atti u ta' omissjonijiet sabiex jiżguraw li jkun jista' jiġi eżerċitat sett eżawrijenti ta' drittijiet sostantivi.

101.

Hu ċar mill-ġurisprudenza tal-QtĠ li l-locus standi jrid jingħata lil individwi u lil NGOs ambjentali sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem permezz tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, id-drittijiet tal-proprjetà koperti mill-objettivi tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, u, fil-każ ta' NGOs ambjentali, biex jiġi protett l-ambjent permezz tar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE.

102.

L-applikazzjoni tal-“kunċett ta' indeboliment tad-drittijiet” (jiġifieri l-kunċett segwit minn ċerti Stati Membri li skont dan individwu jrid juri lil qorti li dritt li jgawdi minnu ġie indebolit) ippreżentat sfidi minħabba li l-ħarsien tal-ambjent normalment taqdi l-interess pubbliku ġenerali, u normalment ma jkollhiex l-għan li tagħti drittijiet lill-individwu b'mod espliċitu. L-approċċ alternattiv ta' ħtieġa ta' interess suffiċjenti jidher li jqajjem inqas sfidi, iżda jenħtieġ li japplikaw mutatis mutandiskunsiderazzjonijiet simili għal dawk deskritti għall-kunċett ta' indeboliment tad-drittijiet.

103.

Il-QtĠ ikkonfermat li hu f'idejn l-Istati Membri li jiddefinixxu x'jikkostitwixxu l-indeboliment ta' dritt (101). Madankollu, ġie ċċarat ukoll li t-test tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE, u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus ifissru li din id-diskrezzjoni hi kkwalifikata mill-ħtieġa li jiġi rrispettat l-objettiv ta' żgurar ta' aċċess wiesa' għall-ġustizzja għall-pubbliku kkonċernat (102). Barra minn hekk, id-diskrezzjoni tal-Istati Membri dwar x'jikkostitwixxi l-indeboliment ta' dritt ma tistax tagħmilha diffiċli wisq li jiġu protetti d-drittijiet mogħtijin mid-dritt tal-UE. Għalhekk, il-locus standi ta' membri tal-pubbliku kkonċernat mid-deċiżjonijiet, mill-atti jew mill-omissjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE — u l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus — ma jistax jiġi interpretat rispettivament (103).

104.

Il-QtĠ ikkonfermat dawn id-drittijiet fil-kuntest tad-deċiżjonijiet, tal-atti u tal-omissjonijiet li ġejjin tal-awtoritajiet pubbliċi: l-omissjoni ta' awtorità pubblika biex tħejji pjan meħtieġ bil-liġi dwar il-kwalità tal-arja (104), tadotta programmi dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali (105) u l-għoti ta' deroga skont il-leġiżlazzjoni dwar in-natura. (106) Għaldaqstant, il-ġurisprudenza tixħet dawl fuq il-bżonn li l-Istati Membri u l-qrati nazzjonali jiżguraw locus standi għall-kontestazzjoni ta' kategoriji ġenerali ħafna ta' deċiżjoni, ta' att u ta' omissjoni fuq il-bażi ta' sett estensiv tad-drittijiet sostantivi.

2.5.4.    Kriterji li l-individwi u l-NGOs iridu jissodisfaw biex jitolbu locus standi

L-Istati Membri jistgħu jadottaw kriterji li l-individwi u l-NGOs iridu jissodisfaw biex jiksbu locus standi, iżda dawn il-kriterji ma jistgħux jagħmluha impossibbli jew diffiċli wisq biex dawn jeżerċitaw id-drittijiet sostantivi u proċedurali mogħtija mid-dritt tal-UE.

105.

Il-kliem tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus (“meta tissodisfa l-kriterji, jekk jeżistu, stabbiliti fil-liġi nazzjonali tagħha”) jagħti lill-partijiet kontraenti ċertu grad ta' diskrezzjoni biex jistabbilixxu l-kriterji għal-locus standi.

106.

L-Istati Membri mhumiex obbligati jagħtu locus standi lil kwalunkwe membru tal-pubbliku (actio popularis) jew lil kwalunkwe NGO. Madankollu, skont il-Gwida dwar l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, kwalunkwe kriterju bħal dan jenħtieġ li jkun konsistenti mal-objettivi tal-Konvenzjoni rigward l-iżgurar tal-aċċess għall-ġustizzja (107). Il-partijiet ma jistgħux jużaw il-klawżola li tiddikjara “li jissodisfaw il-kriterji previsti mid-dritt intern tagħha, jekk ikun hemm” bħala skuża biex jintroduċu jew iżommu kriterji li tant ikunu stretti li effettivament jipprojbixxu lil kull, jew kważi kull, organizzazzjoni ambjentali milli tikkontesta atti jew omissjonijiet li jmorru kontra l-liġi nazzjonali relatata mal-ambjent (108). Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta' effikaċja, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw kriterji li jagħmlu impossibbli jew diffiċli wisq l-eżerċitar tad-drittijiet mogħtijin mid-dritt tal-UE.

107.

Kriterji xierqa stabbiliti mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus se jkunu xierqa f'kuntest tal-Artikolu 9(3) ukoll. Madankollu, għall-kuntrarju tal-Artikolu 9(2), l-Artikolu 9(3) ma jipprovdix b'mod espliċitu għal-locus standi de lege għall-NGOs ambjentali. Dan iqajjem il-kwistjoni ta' jekk l-Istati Membri humiex intitolati li japplikaw il-kunċett ta' indeboliment tad-drittijiet mingħajr ma jaħsbu għall-fatt li NGO mhix se tkun tista' turi indeboliment bl-istess mod bħall-individwu. F'dan ir-rigward, fid-dawl tar-rwol tal-NGOs ambjentali fil-protezzjoni tal-interessi ambjentali ġenerali bħall-kwalità tal-arja u l-bijodiversità, l-Istati Membri li japplikaw il-kunċett ta' indeboliment tad-drittijiet iridu jagħmlu dan b'tali mod li jiżguraw li l-NGOs ambjentali jingħataw locus standi biex jikkontestaw deċiżjonijiet, atti u omissjonijiet li jikkonċernaw dan ir-rwol.

3.   KAMP TA' APPLIKAZZJONI TAR-RIEŻAMI ĠUDIZZJARJU

3.1.   Introduzzjoni

Il-kamp ta' applikazzjoni tar-rieżami ġudizzjarju jiddetermina kif l-imħallfin nazzjonali jivvalutaw il-legalità tad-deċiżjonijiet, tal-atti u tal-omissjonijiet ikkontestati. Għandu żewġ aspetti. L-ewwel wieħed jikkonċerna l-motivi possibbli tar-rieżami ġudizzjarju, jiġifieri l-oqsma tal-liġi u l-argumenti legali li jistgħu jitqajmu. It-tieni jikkonċerna l-intensità tal-iskrutinju (jew l-istandard tar-rieżami).

108.

Il-kamp ta' applikazzjoni tar-rieżami ġudizzjarju hu element importanti ta' sistema effettiva tar-rieżami ġudizzjarju peress li dan jiddetermina kif l-imħallfin nazzjonali jivvalutaw il-legalità tad-deċiżjonijiet, tal-atti u tal-omissjonijiet ikkontestati. Għandu żewġ aspetti ewlenin. L-ewwel wieħed hu relatat mal-oqsma tal-liġi u mal-argumenti legali li jistgħu jitqajmu f'kontestazzjoni legali, b'mod partikolari fir-rigward ta' jekk rikorrent huwiex intitolat li jinvoka d-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tal-liġi ambjentali tal-UE biex jibni kawża. Dan hu indirizzat fit-Taqsima C.3.2. It-tieni aspett hu relatat mal-intensità tal-iskrutinju li jridu jeżerċitaw l-imħallfin meta jivvalutaw il-legalità u hu indirizzat fit-Taqsima C.3.3.

109.

Numru ta' direttivi tal-UE li jipprovdu b'mod espliċitu għall-aċċess għall-ġustizzja fih dispożizzjonijiet rilevanti għall-kamp ta' applikazzjoni tar-rieżami ġudizzjarju (109). Madankollu, ħafna mil-leġiżlazzjoni sekondarja ambjentali hi nieqsa minn dispożizzjonijiet bħal dawn u, biex jinftiehem il-kamp ta' applikazzjoni xieraq, hemm bżonn, bħal fil-każ tal-locus standi, li jsir riferiment għall-ġurisprudenza tal-QtĠ.

3.2.   Il-motivi possibbli tar-rieżami ġudizzjarju

110.

Dan l-aspett hu partikolarment rilevanti f'dawk il-ġurisdizzjonijiet li jagħtu locus standi biss fuq il-bażi li d-drittijiet tar-rikorrent ġew indeboliti. F'dawn, il-motivi possibbli tar-rieżami ġudizzjarju spiss ikunu tradizzjonalment ristretti għal dawk id-dispożizzjonijiet legali li jagħtu d-drittijiet individwali li jipprovdu l-bażi għal-locus standi invokat. Dan l-aspett hu rilevanti wkoll għar-restrizzjonijiet immirati għal-limitazzjoni tar-rikorrenti għal argumenti li jkunu qajmu fi proċedimenti amministrattivi preċedenti (preklużjoni) jew għall-prevenzjoni tar-rikorrenti milli jabbużaw proċessi ġudizzjarji billi jagħmlu sottomissjonijiet legali irrilevanti.

3.2.1.    Attivitajiet speċifiċi li huma soġġetti għal rekwiżiti tal-parteċipazzjoni pubblika

111.

Din il-kategorija hi koperta mill-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus. Kif intqal iktar 'il fuq, l-Artikolu 9(2) hu mmirat biex jipprovdi għall-aċċess għall-ġustizzja b'rabta mad-deċiżjonijiet, mal-atti jew mal-omissjonijiet f'attivitajiet speċifiċi koperti mir-rekwiżiti dwar il-parteċipazzjoni pubblika tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni.

112.

Kif intqal ukoll, l-Artikolu 9(2) jippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu l-locus standi fuq il-bażi ta' rikorrenti li huma individwi li jridu juru l-indeboliment ta' dritt jew interess suffiċjenti. F'termini tal-motivi possibbli tar-rieżami ġudizzjarju, dan iwassal għal differenza possibbli f'kif jistgħu jiġu ttrattati l-pretensjonijiet ta' individwi u ta' NGOs ambjentali. Dan hu speċjalment rilevanti għal deċiżjonijiet, għal atti u għal omissjonijiet li jikkonċernaw id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE, u d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, 2010/75/UE, is-siltiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE li jagħtu effett lill-Artikolu 9(2). Madankollu, f'LZ II  (110) il-QtĠ ikkonfermat li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta' Aarhus — u b'hekk tal-Artikolu 9(2) — hu usa' minn dak ta' dawn id-direttivi tal-UE.

3.2.1.1.   Individwi

Jekk jagħmel l-ammissibbiltà ta' kontestazzjonijiet legali ppreżentata minn individwi soġġetta għall-kundizzjoni ta' indeboliment ta' dritt individwali, Stat Membru hu awtorizzat jipprovdi wkoll li t-tħassir ta' deċiżjoni amministrattiva minn qorti nazzjonali jeħtieġ il-ksur ta' dritt individwali tar-rikorrent.

113.

F'Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, il-QtĠ iddikjarat li meta, skont id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE, u d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, 2010/75/UE, Stat Membru jillimita l-locus standi għall-individwi għal sitwazzjonijiet li fihom jiġu indeboliti d-drittijiet, dan “għandu wkoll is-setgħa li jipprovdi għall-annullament ta' deċiżjoni amministrattiva mill-qorti kompetenti li tirrikjedi l-ksur ta' dritt suġġettiv fir-rigward tar-rikorrent (111). Din l-interpretazzjoni tista' tapplika fir-rigward ta' deċiżjonijiet, ta' atti u ta' omissjonijiet oħra kkontestati koperti mill-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

114.

Dan ifisser li, skont reġim ta' indeboliment tad-drittijiet, f'applikazzjonijiet ippreżentati minn individwi, il-qorti nazzjonali tista' tillimita l-eżaminazzjoni tagħha għad-dispożizzjonijiet li intitolaw lill-individwu jippreżenta l-kontestazzjoni legali.

3.2.1.2.   NGOs ambjentali rikonoxxuti

Għal kontestazzjonijiet legali li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, NGOs ambjentali rikonoxxuti mhumiex ristretti fil-motivi legali li jistgħu jitolbu u huma intitolati jinvokaw kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE.

115.

Ir-restrizzjoni tat-talbiet deskritti fit-Taqsima C.3.2.1.1 ma tapplikax għal NGOs ambjentali li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-liġi nazzjonali sabiex jiksbu locus standi de lege.

116.

Fi Trianel, il-QtĠ iċċarat li dawn l-NGOs huma intitolati li jibbażaw fuq kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE li għandha effett dirett u fuq il-liġi nazzjonali li timplimenta d-dritt tal-UE. Iddikjarat li jekk “il-leġiżlatur nazzjonali jista' jillimita d-drittijiet li l-ksur tagħhom jista' jiġi invokat minn individwu partikolari fil-kuntest ta' rikors ġudizzjarju […] tali limitazzjoni ma tistax tapplika bħala tali għal assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent ħlief billi jiġu interpetati b'mod żbaljat l-għanijiet tal-aħħar sentenza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337”. (112)

117.

Dan ifisser li NGO ambjentali li fetħet proċedimenti fuq il-bażi ta' locus standi de lege hi intitolata tinvoka kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE li tqis li nkisret.

3.2.2.    Suġġett li jaqa' taħt l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus

Il-motivi li jridu jiġu eżaminati fir-rieżamijiet ġudizzjarji li jaqgħu taħt l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus jenħtieġ li, tal-inqas, ikopru d-dispożizzjonijiet tal-liġi li fuqhom hu bbażat l-intitolament tar-rikorrent għal-locus standi.

118.

L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus jipprovdi għal-locus standi għall-kontestazzjoni ta' atti u ta' omissjonijiet mhux koperti mill-Artikolu 9(1) jew (2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

3.2.2.1.   Individwi

119.

Skont l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, il-membri tal-pubbliku ikollhom aċċess għal proċedimenti ġudizzjarji meta dawn jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-liġi nazzjonali. B'hekk, skont approċċ ta' indeboliment tad-drittijiet, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-kamp ta' applikazzjoni tar-rieżami għal talbiet relatati mad-drittijiet li r-rikorrent jargumenta li ġew indeboliti.

3.2.2.2.   NGOs ambjentali

120.

Fin-nuqqas ta' locus standi de lege, NGOs ambjentali huma intitolati għal, tal-inqas, rieżami ġudizzjarju fir-rigward ta' dawk id-dispożizzjonijiet tal-liġi li jwasslu għal drittijiet u għal interessi li dwarhom jistgħu jittieħdu passi legali. Kif inhu evidenti mit-Taqsimiet C.1 u 2, u b'mod partikolari mis-sentenza tal-QtĠ f'LZ II, l-NGOs ambjentali jgawdu minn dritt ġenerali ta' ħarsien tal-ambjent u jinvokaw l-obbligi ambjentali quddiem il-qrati nazzjonali.

3.2.3.    Preklużjoni u restrizzjonijiet oħra

Il-kamp ta' applikazzjoni tar-rieżami minn qorti nazzjonali ma jistax jitnaqqas għall-oġġezzjonijiet li diġà jkunu tqajmu fi ħdan il-limitu ta' żmien stipulat matul il-proċedura amministrattiva. Madankollu, il-qrati jistgħu jittrattaw bħala inammissibbli argumenti ppreżentati b'mod abużiv jew f'mala fede.

121.

F'Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, il-QtĠ iddikjarat li mhuwiex possibbli li tiġi ristretta “l-firxa tal-istħarriġ ġudizzjarju għall-oġġezzjonijiet li diġà ġew prodotti matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni”. Il-QtĠ iġġustifikat il-pożizzjoni tagħha billi indikat l-obbligu li jiġi żgurat rieżami kemm tal-legalità sostantiva kif ukoll proċedurali tad-deċiżjoni kkontestata fis-sħuħija tagħha (113). Din is-sentenza hi rilevanti għal deċiżjonijiet, għal atti u għal omissjonijiet koperti mill-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE u mill-Artikolu 25 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, 2010/75/UE u għal deċiżjonijiet, għal atti u għal omissjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus. Hi applikabbli wkoll għal atti u għal omissjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni, għaliex il-kontestazzjonijiet legali għal dawn ikopru wkoll il-legalità sostantiva u proċedurali (ara t-Taqsima C.3.3.3).

122.

Filwaqt li l-preklużjoni mhix permessa, il-QtĠ indikat li “huwa permess, għall-leġiżlatur nazzjonali, li jipprevedi regoli proċedurali speċifiċi, bħall-inammissibbiltà ta' argument ippreżentat b'mod mhux xieraq jew in mala fide, li jikkostitwixxu mekkaniżmi xierqa sabiex jiżguraw l-effettività tal-proċedura legali”. (114) F'dan ir-rigward, hu f'idejn l-Istati Membri li jistabbilixxu regoli li huma konformi mar-rekwiżit ġenerali li jipprovdu għal rieżami ġudizzjarju tal-legalità sostantiva u proċedurali ta' deċiżjonijiet, ta' atti u ta' omissjonijiet.

3.3.   Intensità tal-iskrutinju/tal-istandard tar-rieżami

Skont l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, l-Istati Membri jridu jiżguraw rieżami ġudizzjarju effettiv tal-legalità sostantiva u proċedurali ta' deċiżjonijiet, ta' atti u ta' omissjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet, anki jekk il-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE ma tagħmel ebda referenza espliċita għal standard tar-rieżami li jkopri dawn iż-żewġ aspetti tal-legalità.

Jenħtieġ li, fejn hemm bżonn, l-iskrutinju jestendi għal-legalità tal-leġiżlazzjoni u tal-atti regolatorji meta dawn inaqqsu jew jindebolixxu d-drittijiet proċedurali u sostantivi.

123.

L-intensità tal-iskrutinju jew tal-istandard tar-rieżami tiddetermina f'liema dettall il-qorti nazzjonali hi obbligata tivvaluta l-legalità tad-deċiżjoni, tal-att jew tal-omissjoni inkwistjoni. L-approċċi jvarjaw b'mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri. Jistgħu jestendu minn enfasi fuq kwistjonijiet proċedurali sa rieżami sħiħ tad-deċiżjonijiet, tal-atti jew tal-omissjonijiet ikkontestati, b'possibbiltà għall-imħallfin li jbiddlu s-sejbiet tal-amministrazzjoni mal-valutazzjoni tagħhom stess.

124.

L-intensità tal-iskrutinju jew tal-istandard tar-rieżami mhijiex stabbilita f'dettall fil-Konvenzjoni ta' Aarhus jew fil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE. Madankollu, il-ġurisprudenza tal-QtĠ tixħet dawl fuq ir-rekwiżiti minimi li jridu jiġu ssodisfati sabiex ir-rieżami ġudizzjarju jitqies effettiv.

3.3.1.    Talbiet għal informazzjoni ambjentali

L-Istati Membri jridu jiżguraw rieżami ġudizzjarju effettiv tad-dritt li tintalab informazzjoni ambjentali li tkopri l-prinċipji u r-regoli rilevanti tad-dritt tal-UE. Dawn tal-aħħar jinkludu kundizzjonijiet speċifiċi li awtorità pubblika trid tissodisfa skont dispożizzjonijiet vinkolanti tal-UE dwar l-aċċess għall-informazzjoni ambjentali.

125.

Il-kontestazzjonijiet legali għal deċiżjonijiet li jikkonċernaw talbiet għal informazzjoni ambjentali jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus. Id-Direttiva dwar l-Aċċess għat-Tagħrif Ambjentali, 2003/4/KE, fiha aċċess għal dispożizzjonijiet dwar il-ġustizzja (115) li jirriflettu r-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1). Jipprovdu li l-Istati Membri jridu jiżguraw li kwalunkwe persuna li titlob informazzjoni skont id-direttiva jkollha aċċess għal proċedura ta' rieżami quddiem qorti jew quddiem korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit bil-liġi, li fihom l-atti jew l-omissjonijiet tal-awtorità pubblika kkonċernata jistgħu jiġu rieżaminati u li d-deċiżjonijiet tagħhom isiru finali. Madankollu, dawn ma jiddeterminawx il-firxa tar-rieżami ġudizzjarju meħtieġa mid-direttiva.

126.

F'East Sussex, il-QtĠ intalbet tinterpreta l-kamp ta' applikazzjoni tar-rieżami meħtieġ skont id-Direttiva dwar l-Aċċess għat-Tagħrif Ambjentali, 2003/4/KE. Iddikjarat li “[fl-]assenza ta' preċiżjoni fid-dritt tal-Unjoni, id-determinazzjoni ta' din il-portata tirriżulta mill-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri, bla ħsara għall-prinċipji ta' ekwivalenza u ta' effettività (116). Fil-kuntest speċifiku tad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja tad-direttiva, il-QtĠ iċċarat li rieżami effettiv irid jissodisfa l-objettiv ta' forniment ta' skema ġenerali biex jiġi żgurat li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika fi Stat Membru jkollha dritt li taċċessal-informazzjoni ambjentali miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi jew f'isimhom, mingħajr ma dik il-persuna jkollha tiddikjara interess (117). Fir-rigward tad-deċiżjoni amministrattiva kkontestata sabiex applikant jintalab iħallas għal ċerti spejjeż għat-tweġib ta' talba għal informazzjoni, il-QtĠ f'East Sussex iddikjarat li l-qorti nazzjonali tal-inqas trid teżamina jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti fid-direttiva. (118)

3.3.2.    Suġġett ieħor bħal attivitajiet speċifiċi li jeħtieġu parteċipazzjoni pubblika; responsabbiltà għall-ħsara ambjentali; pjanijiet u programmi; u derogi; leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni nazzjonali u atti regolatorji

Il-ġurisprudenza tal-QtĠ tipprovdi gwida dwar kif jenħtieġ li jsir l-iskrutinju ta' deċiżjonijiet, ta' atti u ta' omissjonijiet skont il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE.

3.3.2.1.   Il-bżonn li tiġi skrutinizzata l-legalità proċedurali u sostantiva

127.

Ir-rieżami ġudizzjarju stabbilit fl-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus — u fil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE li tittrasponiha — hu meħtieġ biex tiġi vvalutata l-legalità sostantiva u proċedurali tad-deċiżjonijiet, tal-atti u tal-omissjonijiet ikkontestati. Madankollu, la l-Konvenzjoni ta' Aarhus u lanqas il-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE ma jispeċifikaw il-firxa tar-rieżami tal-legalità sostantiva u proċedurali li jrid isir.

128.

Fuq nota simili, l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus ma jipprovdix obbligu espliċitu li tiġi stabbilita sistema ta' rieżami li fiha tiġi vvalutata l-legalità sostantiva u proċedurali ta' att jew ta' omissjoni. Fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE, id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, 2004/35/KE, biss bħalissa tipprovdi b'mod espliċitu għal dan. Minkejja dan, il-ġurisprudenza tal-QtĠ, b'mod partikolari East Sussex u Janecek, tindika li prinċipju tal-UE ta' rieżami ġudizzjarju effettiv li jkopri l-legalità sostantiva u proċedurali japplika għal atti u għal omissjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus. Inkella ma jistax jiġi żgurat li l-objettivi tal-liġi ambjentali tal-UE, u d-drittijiet mogħtija minn din, jistgħu jiġu protetti b'mod suffiċjenti mill-qrati nazzjonali. Skont il-Gwida dwar l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, l-istandard tar-rieżami li jrid jiġi applikat fil-kuntest tal-Artikolu 9(3) hu l-istess bħal dak li jrid jiġi applikat fil-kuntest tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni, li jfisser li jenħtieġ li qorti nazzjonali teżamina kemm il-legalità sostantiva kif ukoll dik proċedurali (119).

129.

Il-ġurisprudenza tal-QtĠ tagħmilha ċara li rieżami limitat għal-legalità proċedurali ma jkunx konformi mal-obbligi skont l-Artikolu 9(2) u l-leġiżlazzjoni sekondarja relatata tal-UE. F'Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, il-QtĠ iddikjarat li “l-għan stess segwit mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u mill-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75 jikkonsisti mhux biss f'li jiġi żgurat lill-parti fil-kawża l-ikbar aċċess possibbli għall-istħarriġ ġudizzjarju, iżda wkoll sabiex jippermetti li dan l-istħarriġ jikkonċerna l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-mertu jew dwar il-proċedura, fl-intier tagħha”. (120)

130.

B'mod iktar ġenerali, f'East Sussex  (121) il-QtĠ iddikjarat li sistema ta' rieżami ġudizzjarju tikkonforma mal-prinċipju ta' effikaċja “sakemm il-qorti adita b'rikors għal annullament ta' tali deċiżjoni tapplika effettivament, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tagħha, il-prinċipji u r-regoli rilevanti tad-dritt tal-Unjoni rilevanti”.

131.

Il-konklużjoni li trid tittieħed minn East Sussex hi li, anki jekk l-istandard tar-rieżami ma tkunx speċifikata fid-dritt tal-UE, il-mod li bih isir rieżami jrid ikun effettiv fiż-żamma tad-drittijiet u fl-iżgurar li nkisbu l-objettivi tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.

3.3.2.2.   Il-legalità proċedurali

132.

Il-Gwida dwar l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus tiddefinixxi l-illegalità proċedurali bħala każ li fih l-awtorità pubblika tkun kisret il-proċeduri stabbiliti bil-liġi (122).

133.

Nuqqasijiet proċedurali li jistgħu jwasslu għall-illegalità ta' deċiżjoni, ta' att jew ta' omissjoni jistgħu jkunu relatati ma' (1) il-kompetenza tal-awtorità sabiex tieħu d-deċiżjoni jew l-att inkwistjoni, (2) proċedura obbligatorja stabbilita għall-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet (eż. konsultazzjoni pubblika jew it-twettiq ta' valutazzjoni tal-impatt ambjentali) jew (3) il-forma li fiha jinstabu deċiżjoni, att jew omissjoni.

134.

Filwaqt li (1) u (3) normalment jiġu ddeterminati mill-Istati Membri f'konformità mal-awtonomija proċedurali tagħhom, (2) aktarx li tkun iddeterminata mid-dritt tal-UE fejn ir-rekwiżiti obbligatorji dwar il-parteċipazzjoni pubblika huma stabbiliti fil-Konvenzjoni ta' Aarhus u fil-leġiżlazzjoni sekondarja relatata tal-UE. Pereżempju, id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE, tistabbilixxi r-rekwiżiti formali tal-konsultazzjoni pubblika li awtorità pubblika trid tissodisfa meta twettaq valutazzjoni tal-impatt ambjentali. L-issodisfar ta' dawn ir-rekwiżiti hu essenzjali sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni pubblika effettiva fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet. Konsegwentement, fl-applikazzjoni tal-approċċ imsemmi hawn fuq, il-qorti nazzjonali trid tingħata s-setgħa li teżamina l-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti formali u tiddeċiedi dwar rimedji adegwati fil-każ ta' nuqqasijiet fil-proċedura. Ir-rekwiżiti formali obbligatorji mhumiex għad-diskrezzjoni tal-awtorità pubblika.

135.

L-iskrutinju tal-legalità proċedurali jista' jikkonċerna l-kamp ta' applikazzjoni għar-regolarizzazzjoni tal-miżuri irregolari ta' parti privata jew ta' awtorità pubblika. Il-QtĠ ippermettiet il-possibbiltà ta' regolarizzazzjoni iżda rabtet ma' din kundizzjonijiet għall-użu tagħha (123). Fi Križan, fil-kuntest ta' proċedura ta' awtorizzazzjoni għal miżbla, il-QtĠ intalbet tikkunsidra l-kamp ta' applikazzjoni għar-rettifika ta' żball li għamlet awtorità pubblika (speċifikament, nuqqas milli tqiegħed għad-dispożizzjoni ċerta informazzjoni fi proċedura għall-approvazzjoni ta' miżbla) fl-istadju ta' appell amministrattiv kontra d-deċiżjoni ta' dik l-awtorità. Il-QtĠ ikkonfermat li r-regolarizzazzjoni kienet possibbli, dment li l-għażliet u s-soluzzjonijiet meħtieġa kollha jibqgħu possibbli fl-istadju tal-appell (124). Din kienet kwistjoni li kellha tiġi ddeterminata mill-qorti nazzjonali (125).

3.3.2.3.   Il-legalità sostantiva

136.

L-illegalità sostantiva hi ddefinita mill-Gwida dwar l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus bħala każ li fih tkun inkisret is-sustanza tal-liġi (126).

(a)   Il-fatti tal-kawża

137.

L-ewwel aspett tar-rieżami tal-legalità sostantiva jikkonċerna l-fatti tal-kawża. Miġbura mill-amministrazzjoni u eventwalment emendati fi proċess ta' konsultazzjoni pubblika, dawn huma l-bażi li fuqha l-awtorità kompetenti tiddeċiedi jekk tiħux xi deċiżjoni jew azzjoni u b'liema kontenut u ġustifikazzjoni. Meta l-fatti jkunu inkompluti jew żbaljati, jew interpretati ħażin, l-iżball ikollu konsegwenza diretta fuq il-kwalità tad-deċiżjoni amministrattiva meħuda u jista' jxekkel l-objettivi tal-liġi ambjentali tal-UE.

138.

F'East Sussex, il-QtĠ ikkonfermat li, fin-nuqqas ta' regoli tal-UE, hi f'idejn l-ordinament ġuridiku ta' kull Stat Membru li jistabbilixxi r-regoli proċedurali dettaljati li jirregolaw azzjonijiet għas-salvagwardja ta' drittijiet li l-individwi jiksbu mid-dritt tal-UE. F'dan ir-rigward, ma jistax isir impossibbli fil-prattika jew diffiċli wisq li wieħed jeżerċita d-drittijiet mogħtijin mid-dritt tal-UE (il-prinċipju ta' effikaċja). (127)

139.

Il-qrati nazzjonali ġeneralment mhumiex meħtieġa jwettqu xi ġbir ta' informazzjoni jew investigazzjoni fattwali huma stess. Madankollu, biex jiġi żgurat rieżami effettiv tad-deċiżjonijiet, tal-atti jew tal-omissjonijiet inkwistjoni, irid jiġi applikat standard minmu għall-eżaminazzjoni tal-fatti sabiex jiġi żgurat li rikorrent jista' jeżerċita d-dritt tiegħu li jitlob rieżami b'mod effettiv anki f'dak li għandu x'jaqsam mal-eżaminazzjoni tal-fatti. Jekk qorti nazzjonali qatt ma tista' tirrieżamina l-fatti li fuqhom l-amministrazzjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha, din tista', mill-bidu nett, tipprevjeni milli rikorrent jippreżenta b'mod effettiv pretensjoni potenzjalment ġustifikata.

(b)   Valutazzjoni tal-merti ta' deċiżjoni, ta' att jew ta' omissjoni

140.

Meta joħorġu konklużjonijiet mill-fatti ta' kawża u mil-leġiżlazzjoni applikabbli, dawk li jieħdu deċiżjonijiet amministrattivi normalment igawdu minn diskrezzjoni wiesgħa. Il-QtĠ tagħraf li rieżami limitat tal-merti ta' deċiżjoni, ta' att jew ta' omissjoni jista' jkun kompatibbli mad-dritt tal-UE. Kif osservat iktar 'il fuq, il-QtĠ f'East Sussex iddikjarat li, filwaqt li rieżami ġudizzjarju limitat minnu nnifsu ma jagħmilhiex diffiċli wisq li wieħed jeżerċita d-drittijiet mogħtija bid-dritt tal-UE, bħala minimu dan irid jippermetti lill-qorti li tisma' t-talba tapplika b'mod effettiv il-prinċipji u r-regoli rilevanti tad-dritt tal-UE. (128)

141.

Dan ifisser li l-istandard tar-rieżami applikat irid jiżgura li l-objettivi u l-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-UE inkwistjoni huma ssalvagwardjati. Irid jitqies ukoll il-firxa tad-diskrezzjoni ta' min ħa d-deċiżjoni fl-evalwazzjoni tal-fatti u fil-ħruġ ta' konklużjonijiet u tas-sejbiet minnhom.

142.

Il-ġurisprudenza tal-QtĠ tipprovdi ċarezza dwar kif jenħtieġ li l-imħallfin nazzjonali jiskrutinizzaw id-diskrezzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi f'diversi kuntesti speċifiċi.

143.

Fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE, is-sentenzi tal-QtĠ f'Mello u fi Gruber  (129) jistabbilixxu li deċiżjoni meħuda minn amministrazzjoni li ma twettaqx valutazzjoni tal-impatt ambjentali fuq proġett tista' tiġi kkontestata quddiem qorti nazzjonali minn membru tal-pubbliku kkonċernat. B'mod partikolari, rieżami ġudizzjarju effettiv irid ikopri l-legalità tar-raġunijiet għad-deċiżjoni ta' kontroll ikkontestata (130). Dan jinkludi l-kwistjoni ta' jekk il-proġett għandux effett sinifikanti probabbli fuq l-ambjent. Barra minn hekk, fir-rigward tal-istess direttiva, il-QtĠ f'Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja ddikjarat li Stat Membru ma jistax jillimita l-kamp ta' applikazzjoni ta' rieżami ġudizzjarju għall-kwistjoni ta' jekk deċiżjoni li ma titwettaqx valutazzjoni tal-impatt ambjentali kinitx valida. Osservat li l-esklużjoni tal-applikabbiltà tar-rieżami ġudizzjarju f'każijiet li fihom, wara li titwettaq, jinstab li valutazzjoni tal-impatt ambjentali fiha difetti — anki difetti serji — tirrendi nulli d-dispożizzjonijiet tad-direttiva relatata mal-parteċipazzjoni pubblika (131).

144.

Fil-kuntest tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, 92/43/KEE, il-QtĠ iddikjarat f'Waddenzee  (132) li l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti jistgħu jawtorizzaw attività f'sit protett ta' Natura 2000 biss meta, b'kunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet ta' valutazzjoni xierqa, ma jifdal ebda dubju xjentifiku raġonevoli li, fid-dawl tal-objettivi ta' konservazzjoni tas-sit, l-attività mhix se taffettwa b'mod avvers l-integrità tas-sit. Dan ifisser li, meta jintalab jerġa' jeżamina deċiżjoni li tawtorizza attività bħal din, l-imħallef nazzjonali jrid jiddetermina jekk l-evidenza xjentifika li fuqha bbażat l-awtorità pubblika tħallix xi dubju raġonevoli.

145.

B'hekk, l-imħallef nazzjonali jista' jintalab jieħu kont tal-evidenza xjentifika rilevanti, li fuqha normalment ikunu bbażati l-miżuri ambjentali. Il-formulazzjoni tas-sentenza fil-Kawża Waddenzee tindika li t-test ta' jekk hemmx dubju raġonevoli hu wieħed oġġettiv u ma jistax jiġi ttrattat mill-qorti nazzjonali bħala wieħed suġġettiv li jaqa' biss taħt id-diskrezzjoni proprja tal-awtorità pubblika.

146.

Fil-kuntest ta' rekwiżit għat-tħejjija ta' pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja skont il-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja ambjentali, f'Janecek il-QtĠ iddikjarat li “għalkemm l-Istati għalhekk għandhom setgħa diskrezzjonali, l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 96/62 jipprovdi limiti għall-eżerċizzju tagħha, li jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta' Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C-72/95, [1996] Ġabra p. I-5403, punt 59) fir-rigward tal-idoneità tal-miżuri li l-pjan ta' azzjoni għandu jinkludi bl-għan li jitnaqqas ir-riskju li jinqabżu l-valuri limitu u/jew il-limiti ta' twissija u li jiġi limitat it-tul ta' tali okkorrenza, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-bilanċ li għandu jiġi assigurat bejn dan l-għan u d-diversi interessi pubbliċi u privati konfliġġenti (133). B'hekk, f'din is-sentenza, il-QtĠ tipprevedi li jenħtieġ li l-iskrutinju tal-imħallef nazzjonali jestendi għall-adegwatezza tal-miżuri fid-dawl tal-interessi rilevanti inkwistjoni f'dak il-każ. B'mod simili, fil-kuntest ta' rekwiżit fuq l-Istati Membri biex ifasslu programmi biex inaqqsu l-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa speċifiċi biex jikkonformaw mal-limiti fuq it-tali emissjonijiet stabbiliti mid-Direttiva dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet (NEC), 2016/2284 (134), fi Stichting Natuur en Milieu l-QtĠ iddikjarat li jenħtieġ li l-iskrutinju ġudizzjarju jestendi għal jekk il-programmi nazzjonali kienx fihom politiki u miżuri xierqa u koerenti li kapaċi jnaqqsu l-emissjonijiet għal-livelli meħtieġa mil-limiti tal-emissjonijiet (135).

147.

Fuq l-istess nota, l-intensità tal-iskrutinju ġudizzjarju li l-QtĠ kienet qed tistenna f'Janecek u Stichting Natuur en Milieu hi rilevanti fl-oqsma tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma u l-iskart, fejn ir-rekwiżiti għall-awtoritajiet pubbliċi kompetenti biex iħejju pjanijiet u programmi jaqdu rwol importanti fl-indirizzar tal-objettivi ambjentali.

148.

Fi Stichting Natuur en Milieu, il-QtĠ innutat l-obbligu ġenerali għall-Istati Membri sabiex iżommu lura milli jieħdu kwalunkwe miżura, ġenerali jew speċifika, li tista' xxekkel serjament il-kisba ta' riżultat meħtieġ minn direttiva (136). Dan hu rilevanti fejn ikun argumentat lill-imħallef nazzjonali li deċiżjoni mmirata lejn l-implimentazzjoni ta' liġi ambjentali waħda tal-UE se ttellef l-implimentazzjoni ta' oħra.

149.

Temi komuni msemmijin fil-kawżi ta' hawn fuq u f'East Sussex huma l-importanza tal-ispeċifiċitajiet tas-siltiet individwali tal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-UE matul il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet. Ħafna mill-ġurisprudenza msemmija tirriżulta minn referenzi preliminari mill-qrati nazzjonali bl-iskop li tippermettilhom jivverifikaw jekk min ħa d-deċiżjoni amministrattiva applikax interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-UE. F'dan il-kuntest, importanti wkoll li jitfakkar li l-qrati nazzjonali huma obbligati japplikaw id-dritt rilevanti tal-UE ex officio, irrispettivament minn dak li jinvokaw il-partijiet fil-proċedimenti jekk, permezz tad-dritt nazzjonali, dawn iridu jqajmu punti tal-liġi fuq il-bażi ta' regoli domestiċi vinkolanti li ma tqajmux mill-partijiet (137).

150.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità hu rilevanti wkoll meta jittieħed kont tal-ispeċifiċitajiet tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE (138).

(c)   Skrutinizzar tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-atti regolatorji

151.

Kif osservat fit-Taqsima C.1.2, il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE għas-salvagwardja tal-interessi pubbliċi — inkluż l-interess tal-involviment pubbliku — se tiddependi, minn naħa, fuq il-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni nazzjonali u fuq atti regolatorji ġenerali. Ma jistax jiġi eskluż li l-atti leġiżlattivi u regolatorji stess kultant jistgħu jkunu żbaljati, u iktar restrittivi fir-rikonoxximent tad-drittijiet imsemmija fit-Taqsima C.1 milli hu ġġustifikat mil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE kkonċernata. Leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni nazzjonali u atti regolatorji żbaljati jistgħu jirriżultaw f'nuqqas ta' applikazzjoni uniformi tal-liġi ambjentali tal-UE u, għalhekk, il-QtĠ irrikonoxxiet in-neċessità tal-għoti tal-possibbiltà tar-rieżami tagħhom f'ċerti ċirkustanzi.

152.

Il-Konvenzjoni ta' Aarhus teskludi atti leġiżlattivi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha (139) u d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE, teskludi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha “proġetti li d-dettalji tagħhom huma adottati b'att leġiżlattiv nazzjonali speċifiku”. Madankollu, f'Boxus u f'Solvay, il-QtĠ ikkonfermat li l-qrati nazzjonali jridu jkunu lesti li jiskrutinizzaw l-atti leġiżlattivi nazzjonali biex jiżguraw li jissodisfaw kwalunkwe kundizzjoni li tkun tiġġustifika l-esklużjoni tagħhom mir-rekwiżiti tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali. Dawn il-każijiet kienu relatati mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li kellha l-għan li tistabbilixxi rekwiżiti rigward elementi speċifiċi tal-infrastruttura tal-ajruporti u tal-ferroviji, indipendentement mill-proċeduri amministrattivi tas-soltu. Il-QtĠ qieset li l-eċċezzjoni għal atti leġiżlattivi tapplika biss meta jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, u osservat li l-aċċess rilevanti għad-dispożizzjonijiet dwar il-ġustizzja tal-Konvenzjoni ta' Aarhus u tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE, jitlef l-effikaċja kollha jekk is-sempliċi fatt li proġett jiġi adottat b'att leġiżlattiv kellu jagħmlu immuni għal kwalunkwe proċedura ta' rieżami għall-kontestazzjoni tal-legalità proċedurali u amministrattiva tiegħu (140). Għaldaqstant, il-qrati nazzjonali huma obbligati jirrieżaminaw jekk humiex issodisfati l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-esklużjoni (141).

153.

F'Inter-Environnement Wallonie, il-QtĠ saħqet fuq l-importanza tal-qrati nazzjonali li jiskrutinizzaw atti leġiżlattivi biex jiżguraw l-issodisfar tar-rekwiżiti tal-liġi ambjentali tal-UE dwar pjanijiet u programmi (142). Fi Stadt Wiener Neustadt, il-QtĠ irreferiet għar-rwol tal-qorti nazzjonali fl-iżgurar ta' jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali kinitx konformi mad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE b'rabta mar-regolarizzazzjoni tal-miżuri illegali (143). F'dak il-każ, iddikjarat li d-dritt tal-UE kien jipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tipprovdi li jrid jitqies li kienet saret valutazzjoni preċedenti tal-impatt ambjentali għal ċerti proġetti li, fil-verità, ma kinitx saritilhom valutazzjoni. Innutat li leġiżlazzjoni bħal din tista' tiffrustra l-possibbiltà li jinkiseb rimedju effettiv f'kundizzjonijiet raġonevoli (144).

(d)   L-eżaminar tal-validità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-UE

154.

L-Artikolu 267 tat-TFUE jipprovdi mezz li bih il-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu mistoqsijiet lill-QtĠ dwar il-validità ta' leġiżlazzjoni u ta' atti tal-UE. L-użu ta' din il-possibbiltà hu muri minn Standley, fejn, wara l-mistoqsijiet li għamlitilha qorti nazzjonali, il-QtĠ, fost l-oħrajn, eżaminat il-validità tad-Direttiva dwar in-Nitrati, 91/676/KEE fid-dawl tal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas stabbilit fl-Artikolu 191 tat-TFUE (145). B'mod simili, f'Safety Hi Tech, il-QtĠ eżaminat mill-ġdid il-validità tar-Regolament dwar l-Ożonu, (KE) Nru 3093/94 [issa (KE) Nru 2037/2000], fl-isfond tad-dikjarazzjoni fl-Artikolu 191 tat-TFUE li jenħtieġ li l-politika ambjentali tal-UE timmira lejn livell għoli ta' ħarsien tal-ambjent (146). Eco-Emballages SA, li fost l-oħrajn kien fiha mistoqsija dwar il-validità ta' direttiva tal-Kummissjoni adottata skont id-Direttiva dwar l-Iskart mill-Imballaġġ, 94/62/KE, turi kif l-Artikolu 267 tat-TFUE jista' jintuaż b'rabta ma' att sussidjarju adottat fil-livell tal-UE (147).

4.   RIMEDJI EFFETTIVI

4.1.   Introduzzjoni

Hemm rekwiżit ġenerali li kull korp ta' Stat Membru jrid jannulla l-konsegwenzi mhux regolari ta' ksur tal-liġi ambjentali tal-UE. L-Istati Membri jridu wkoll iżommu lura milli jieħdu xi miżura li tista' xxekkel serjament il-kisba ta' riżultat stipulat mil-liġi ambjentali tal-UE. L-Istati Membri għandhom id-diskrezzjoni fir-rigward tar-rimedji effettivi, dment li jikkonformaw mal-prinċipji ta' ekwivalenza u ta' effikaċja.

155.

Ġeneralment ma jkunx biżżejjed li rieżami ġudizzjarju jiddetermina jekk deċiżjoni, att jew omissjoni partikolari kinux skont il-liġi. Se jkun hemm bżonn li l-qrati nazzjonali jikkunsidraw ukoll ir-rimedji effettivi — kultant imsejħin ħelsien — meta jinstab li l-aġir tal-awtorità pubblika mar kontra d-dritt tal-UE. Il-QtĠ idderivat mill-prinċipju ta' kooperazzjoni bona fede, issa stabbilit fl-Artikolu 4(3) tat-TUE, rekwiżit li kull korp ta' Stat Membru jannulla l-konsegwenzi irregolari ta' ksur tad-dritt tal-UE (148). Id-dmir ta' kooperazzjoni jeħtieġ ukoll li l-ksur jiġi evitat qabel ma jseħħ, bl-Istati Membri li huma obbligati jżommu lura milli jieħdu xi miżura li tista' serjament ixxekkel il-kisba ta' riżultat stipulat mil-liġi ambjentali tal-UE (149). Għaldaqstant, l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri jridu jipprovdu għal rimedji effettivi li jikkonformaw ma' dawn ir-rekwiżiti.

156.

Ir-regoli proċedurali dettaljati applikabbli għar-rimedji effettivi huma kwistjoni għall-ordinament ġuridiku domestiku ta' kull Stat Membru, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. Dan dment li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet domestiċi simili (il-prinċipju ta' ekwivalenza) u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew diffiċli wisq l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-UE (il-prinċipju ta' effikaċja) (150). Fir-rigward ta' dan il-prinċipju msemmi l-aħħar, il-QtĠ ibbażat ukoll fuq standards derivati mill-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE li jnaqqax id-dritt għal rimedju effettiv (151).

157.

Il-Konvenzjoni ta' Aarhus tirreferi għar-rimedji effettivi wkoll. L-Artikolu 9(4) jeħtieġ li l-proċeduri ta' rieżami ġudizzjarju għall-kontestazzjoni ta' deċiżjonijiet, ta' atti u ta' omissjonijiet għandu jipprovdi rimedji adegwati u effettivi, inkluż “rimedju b'mandat ta' inibizzjoni” kif xieraq. Dan hu rekwiżit awżiljarju għal dawk tal-Artikolu 9(1), (2) u (3) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

4.2.   Rimedji fil-każ ta' difetti proċedurali minuri

Difetti proċedurali minuri ma jeħtiġux rimedji, dment li jista' jiġi stabbilit — mingħajr it-tqegħid ta' xi piż fuq l-applikant għal rieżami ġudizzjarju — li dawn ma ħallewx impatt fuq id-deċiżjoni kkontestata.

158.

F'Altrip, li kienet tikkonċerna mistoqsijiet ta' interpretazzjoni li rriżultaw minn irregolaritajiet allegati f'valutazzjoni tal-impatt ambjentali mwettqa fuq skema proposta ta' ritenzjoni tal-għargħar, il-QtĠ innutat li, “ma jistax jiġi kkontestat li kull difett proċedurali mhux neċessarjament iwassal għal konsegwenzi li jistgħu jaffettwaw is-sens ta' tali deċiżjoni.” (152) Iddikjarat li m'hemmx bżonn ta' rimedji effettivi bħar-revoka jekk deċiżjoni kkontestata ma kinitx tkun differenti mingħajr id-difett proċedurali invokat (153). Madankollu, iddikjarat ukoll li l-applikant għal rieżami ġudizzjarju ma jistax ikun meħtieġ jipprovdi rabta kawżali bejn id-difett proċedurali u d-deċiżjoni kkontestata (154). Minflok, kienet responsabbiltà tal-oħrajn li jipprovdu evidenza li d-difett proċedurali ma kien iġib ebda differenza fl-eżitu. (155)

4.3.   Sospensjoni, revoka jew tħassir ta' deċiżjonijiet jew ta' atti irregolari, inkluża d-diżapplikazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-atti regolatorji

Il-qrati nazzjonali jridu jikkunsidraw it-teħid ta' miżuri ġenerali jew partikolari biex jindirizzaw nuqqas ta' konformità mal-liġi ambjentali tal-UE. Dawn jista' jkollhom bżonn jinkludu s-sospensjoni, ir-revoka jew it-tħassir ta' deċiżjonijiet jew ta' atti irregolari, u d-diżapplikazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-atti regolatorji.

159.

F'Wells, li kienet tikkonċerna l-għoti ta' kunsens għal operazzjonijiet ta' tħaffir mingħajr ma l-ewwel saret valutazzjoni tal-impatt ambjentali, il-QtĠ qieset il-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligu għar-rimedju tan-nuqqas ta' twettiq ta' valutazzjoni tal-impatt ambjentali. Iddikjarat li “l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jieħdu, fi ħdan l-isfera tal-kompetenza tagħhom, il-miżuri ġenerali jew partikolari kollha biex jirrimedjaw in-nuqqas ta' twettiq ta' valutazzjoni tal-effetti ambjentali ta' proġett (156). Innutat ukoll li “hu f'idejn il-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk hux possibbli skont il-liġi domestika li kunsens mogħti diġà jiġi rrevokat jew sospiż sabiex il-proġett jiġi soġġett għal valutazzjoni tal-effetti ambjentali tiegħu (157). Il-QtĠ rat is-sospensjoni jew ir-revoka tal-kunsens ikkontestat bħala pass lejn l-ilħiq ta' rekwiżit omess, jiġifieri t-twettiq ta' valutazzjoni tal-impatt ambjentali (158).

160.

F'Boxus, u f'Sovay, il-QtĠ qieset kif qorti nazzjonali jenħtieġ li tindirizza sitwazzjoni li fiha l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tissodisfax il-kriterji għall-ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta' applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali. Iddikjarat li jenħtieġ li l-qorti nazzjonali tkun lesta li tinjora l-leġiżlazzjoni żbaljata (159). Fi Stadt Wiener Neustadt il-QtĠ qieset li leġiżlazzjoni nazzjonali li tista' tiffrustra l-possibbiltà li jinkiseb rimedju effettiv tat-tip imsemmi f'Wells kienet inkompatibbli mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE (160). Kien f'idejn il-qorti nazzjonali li tiżgura dan (161).

Ċerti qrati nazzjonali għandhom is-setgħa li jillimitaw l-effetti tat-tħassir tal-atti regolatorji li jinstabu li jmorru kontra l-liġi ambjentali tal-UE. Madankollu, din is-setgħa tista' tiġi eżerċitata biss jekk jiġu ssodisfati kundizzjonijiet strinġenti.

161.

Meta ksur tal-liġi ambjentali tal-UE jeħtieġ it-tħassir ta' atti regolatorji (f'konformità mas-setgħat mogħtija lill-qrati mil-liġi nazzjonali), il-qorti nazzjonali tista' taffaċċja dilemma: kif tillimita kwalunkwe effett ambjentali mhux mixtieq ikkaġunat mit-tħassir innifsu, speċjalment meta se jkun għadda ċertu żmien qabel ma jkunu jistgħu jiddaħħlu fis-seħħ dispożizzjonijiet sostituti? Il-QtĠ stabbilixxiet kriterji għall-indirizzar ta' din il-kwistjoni f'Inter-Environnement Wallonie  (162), li kienet tikkonċerna programm ta' azzjoni legalment żbaljat dwar in-nitrati, u f'Association France Nature Environnement  (163), li kienet tikkonċerna digriet legalment żbaljat dwar il-valutazzjoni strateġika tal-impatt ambjentali. Ikkonfermat li qorti nazzjonali hi intitolata tillimita l-effetti legali ta' tħassir, dment li tali limitazzjoni tkun iddettata minn kunsiderazzjoni prevalenti marbuta mal-ħarsien tal-ambjent.

162.

Madankollu, is-setgħa tal-qorti nazzjonali li tillimita l-effetti tat-tħassir tista' tiġi eżerċitata biss jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet (164):

id-dispożizzjoni kkontestata tal-liġi nazzjonali tikkostitwixxi miżura li tittrasponi korrettament id-dritt tal-UE dwar il-ħarsien tal-ambjent;

l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ ta' dispożizzjoni ġdida tal-liġi nazzjonali ma jagħmluhiex possibbli li jiġu evitati l-effetti ta' ħsara lill-ambjent li jirriżultaw mit-tħassir tad-dispożizzjoni kkontestat tal-liġi nazzjonali;

it-tħassir ikollu l-istess effett bħall-ħolqien ta' vojt ġuridiku rigward it-traspożizzjoni li jkun ta' ħsara ikbar għall-ambjent, fis-sens li t-tħassir jirriżulta f'inqas protezzjoni;

l-effetti ta' dispożizzjoni kkontestata miżmuma fis-seħħ b'mod eċċezzjonali idumu biss għall-perjodu strettament neċessarju sabiex jiġu adottati miżuri għar-rimedju tal-irregolarità.

4.4.   Struzzjonijiet dwar il-miżuri omessi li jridu jiġu adottati

L-awtoritajiet amministrattivi kompetenti jridu jikkunsidraw it-teħid ta' miżuri ġenerali jew partikolari biex jindirizzaw nuqqas ta' konformità mal-liġi ambjentali tal-UE. Jekk jonqsu milli jagħmlu dan, hu f'idejn il-qorti nazzjonali li jkollha ġurisdizzjoni li tieħu kwalunkwe miżura neċessarja.

163.

F'Janecek  (165), il-QtĠ ikkunsidrat in-nuqqas ta' awtorità pubblika milli tadotta pjan ta' azzjoni legalment meħtieġ dwar it-tniġġis tal-arja sabiex tindirizza problema ta' livelli għolja ta' materja partikolata, u kkonfermat li qorti nazzjonali tista' titlob lill-awtorità pubblika tadotta pjan bħal dan. Għalhekk, din il-kawża tindika r-rwol tal-qrati nazzjonali fl-ordni tal-adozzjoni ta' miżuri omessi.

164.

Janecek  (166) u Client Earth  (167) u Altrip  (168) ilkoll imorru lil hinn, u jindikaw li r-rwol tal-qorti nazzjonali jestendi għall-ivverifikar tal-kontenut tad-deċiżjonijiet u tal-atti biex jiżguraw li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-dritt tal-UE. Għaldaqstant, bħala korollari, ir-rimedji effettivi jridu jinkludu passi li jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-kontenut, pereżempju struzzjoni li teħtieġ li jiġi rivedut pjan ta' azzjoni diġà adottat dwar il-kwalità tal-arja (169).

4.5.   Ir-rimedjar ta' ħsara irregolari kkawżata minn deċiżjoni, minn att jew minn omissjoni irregolari

Jenħtieġ li r-rimedji jinkludu miżuri mmirati sabiex jirrimedjaw il-ħsara irregolari kkawżata minn deċiżjoni, minn att jew minn omissjoni irregolari. Hemm bżonn li dawn il-miżuri jkopru kemm kumpens għall-ħsara finanzjarja kif ukoll rimedju għall-ħsara ambjentali irregolari.

165.

Sakemm issir il-kontestazzjoni legali ta' deċiżjoni, ta' att jew ta' omissjoni, jista' jkun li diġà tkun laħqet seħħet il-ħsara. F'Wells, il-QtĠ iddikjarat li Stat Membru hu meħtieġ jirrimedja kwalunkwe ħsara kkawżata minn nuqqas ta' konformità mal-liġi ambjentali tal-UE (170). F'dak il-każ, il-QtĠ semmiet kontribuzzjoni finanzjarja għar-rikorrent ambjentali. Madankollu, kif jista' jiġi osservat mill-ġurisprudenza sussegwenti, b'mod partikolari fi Grüne Liga Sachsen  (171), il-possibbiltà ta' rimedju testendi wkoll għall-ambjent innifsu — b'mod partikolari meta l-konformità mar-rekwiżit miksur kienet tkun tinvolvi l-evitar jew l-ikkumpensar għall-ħsara ambjentali.

4.5.1.    Kumpens għall-ħsara finanzjarja

Skont il-kuċett ta' responsabbiltà tal-istat, ksur tar-rekwiżiti tal-liġi ambjentali tal-UE jista' jagħti lill-pubbliku kkonċernat dritt għal kumpens għall-ħsara finanzjarja. Hu f'idejn il-qrati nazzjonali li jiddeterminaw jekk humiex issodisfati t-tliet kundizzjonijiet għar-responsabbiltà tad-dritt tal-UE li għalih hu soġġett id-dritt għal kumpens.

166.

F'Leth, li kienet tikkonċerna talba għal kumpens għal devalwazzjoni allegata tal-proprjetà li tirriżulta mill-espansjoni ta' ajruport mingħajr valutazzjoni tal-impatt ambjentali, il-QtĠ xeħtet dawl fuq il-possibbiltà li jinkiseb kumpens finanzjarju għan-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' rekwiżit tal-liġi ambjentali tal-UE. Ikkonfermat li l-prevenzjoni ta' ħsara finanzjarja kienet koperta mill-objettiv ta' protezzjoni segwit mid-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE, u li kien f'idejn l-ordinament ġuridiku domestiku ta' kull Stat Membru li jipprovdi regoli proċedurali dettaljati li jkopru t-talbiet għal kumpens, soġġetti għall-prinċipji ta' ekwivalenza u ta' effikaċja (172). Fakkret fil-ġurisprudenza stabbilita li tistabbilixxi kunċett ta' responsabbiltà tal-istat li skont dan, persuni li saritilhom ħsara għandhom dritt għal kumpens jekk ikunu ssodisfati tliet kundizzjonijiet:

l-istat tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jrid ikun jagħtihom drittijiet;

il-ksur tar-regola jrid ikun serju biżżejjed; u

irid ikun hemm rabta kawżali bejn dak il-ksur u t-telf jew ħsara mġarrba mill-individwi (173).

Saħqet li n-natura tar-regola miksura trid tittieħed f'kunsiderazzjoni, filwaqt li ddubitat li n-nuqqas ta' twettiq ta' valutazzjoni tal-impatt ambjentali jista' minnu nnifsu jikkostitwixxi r-raġuni għat-tnaqqis fil-valur ta' proprjetà (174). Ikkonfermat ukoll li l-kwistjoni ta' jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet għall-kumpens kienet f'idejn il-qorti nazzjonali.

167.

Ir-raġunar wara s-sentenza f'Leth japplika għal ksur ieħor tal-liġi ambjentali tal-UE fejn il-leġiżlazzjoni inkwistjoni għandha l-għan li tħares jew tagħti drittijiet individwali, inklużi drittijiet ta' aċċess għall-ġustizzja.

4.5.2.    L-indirizzar ta' ħsara ambjentali irregolari

168.

Fi Grüne Liga Sachsen, il-QtĠ ġiet ippreżentata b'mistoqsijiet ta' interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, 92/43/KEE, f'sitwazzjoni li fiha diġà kien inbena pont f'sit protett skont dik id-direttiva mingħajr ma qabel kienu ġew adottati s-salvagwardji neċessarji. Il-QtĠ effettivament kienet teħtieġ li s-sitwazzjoni tiġi indirizzata b'mod retrospettiv b'tali mod li kien jikkorrispondi bl-eqreb mod possibbli għal dik li fiha kien ikun proġett mhux eżegwit. Kundizzjonijiet simili kellhom jiġu ssodisfati mutatis mutandis. B'hekk, l-impatt tal-pont kellu jiġi vvalutat kif xieraq, u anki l-possibbiltà ta' tkissir tal-pont ġiet ikkunsidrata bħala soluzzjoni possibbli għall-prevenzjoni tal-ħsara (175). Barra minn hekk, mis-sentenza jista' jiġi dedott li hemm bżonn li jiġi pprovdut kumpens għal kwalunkwe ħsara irregolari li diġà tkun saret għas-sit protett (176).

169.

Kwalunkwe ħsara ambjentali trid tiġi indirizzata b'mod effettiv li hu konformi mal-objettivi tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE kkonċernata (177).

4.6.   Miżuri interim

Qorti nazzjonali li tittratta tilwima rregolata mil-liġi ambjentali tal-UE trid tkun f'pożizzjoni li tordna miżuri interim.

170.

Miżuri interim — imsejħin “rimedju b'mandat ta' inibizzjoni” fl-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus — jippermettu lil qorti tordna li deċiżjoni jew att ikkontestati ma jiġux implimentati jew li tittieħed xi miżura pożittiva qabel ma l-qorti taqta' s-sentenza finali tagħha. L-għan hu li tiġi evitata ħsara li tirriżulta minn deċiżjoni jew minn att li finalment jistgħu jkunu irregolari.

171.

Fi Križan, li kienet tikkonċerna permess għal miżbla, il-QtĠ ġiet mistoqsija jekk id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja ta' dik li llum hi d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, 2010/75/UE, kinux jippermettu għat-teħid ta' miżuri interim (minkejja li din ma ssemmihomx speċifikament). Iddikjarat li “l-eżerċizzju tal-azzjoni prevista fl-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61 [dak iż-żmien] ma jippermettix li dan it-tniġġis jiġi pprevenut effettivament jekk ikun impossibbli li jiġi evitat li installazzjoni li għaliha kien inħareġ permess mogħti bi ksur ta' din id-direttiva tkompli tiffunzjona sakemm tingħata deċiżjoni definittiva dwar il-legalità ta' dan il-permess. Isegwi li l-garanzija tal-effettività tad-dritt li tiġi eżerċitata l-azzjoni prevista fl-Artikolu 15a teżiġi li l-membri tal-pubbliku kkonċernat ikollhom id-dritt li jitolbu lill-qorti jew lill-korp indipendenti u imparzjali kompetenti jadotta miżuri provviżorji ta' natura li jipprevjenu dan it-tniġġis, inkluża, jekk ikun il-każ, is-sospensjoni temporanja tal-permess ikkontestat (178).

172.

Fi Križan, il-QtĠ fakkret ukoll li l-possibbiltà ta' miżuri interim hi rekwiżit ġenerali tal-ordinament ġuridiku tal-UE. Fin-nuqqas ta' regoli tal-UE, u f'konformità mal-prinċipju ta' awtonomija proċedurali, hu f'idejn l-Istati Membri li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet dettaljati għall-għoti ta' miżuri interim.

173.

Il-QtĠ innifisha ddefinixxiet il-krierji għat-teħid ta' deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet għal miżuri interim meta jkollha ġurisdizzjoni hi stess. L-ordnijiet li għamlet, inkluż fil-qasam tal-liġi ambjentali tal-UE, jirreferu għall-bżonn li l-QtĠ tiġi ppreżentata b'każ prima facie, bl-urġenza tal-kwistjoni u bil-bilanċ tal-interessi (179).

5.   SPEJJEŻ

5.1.   Introduzzjoni

L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-proċeduri ta' rieżami ġudizzjarju għall-kontestazzjoni ta' deċiżjonijiet, ta' atti u ta' omissjonijiet relatati mal-liġi ambjentali tal-UE mhumiex għaljin b'mod projbittiv.

174.

L-ispejjeż ta' proċedura ta' rieżami ġudizzjarju jippreżentaw deterrent qawwi potenzjali għall-preżentazzjoni ta' kawżi quddiem qorti nazzjonali. Dan hu partikolarment minnu f'kawżi ambjentali, li spiss jinfetħu biex iħarsu l-interessi pubbliċi ġenerali u mingħajr ebda skop ta' qligħ finanzjarju. Tabilħaqq, wara li jiżen il-benefiċċji potenzjali ta' litigazzjoni kontra r-riskju li jġarrab spejjeż għaljin għal-litigazzjoni, il-pubbliku kkonċernat jista' jżomm lura milli jfittex rieżami ġudizzjarju anki f'każijiet iġġustifikati sew.

175.

Biex tindirizza l-effett dissważiv potenzjali tal-ispejjeż, fl-Artikolu 9(4) tagħha l-Konvenzjoni ta' Aarhus tipprovdi li l-proċeduri ta' rieżami koperti mill-Artikolu 9(1), (2) u (3) “m'għandhomx” ikunu għaljin b'mod projbittiv. Peress li hi rekwiżit awżiljari għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1), (2) u (3) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, id-dispożizzjoni dwar l-ispejjeż tal-Artikolu 9(4) hi rilevanti għat-tipi differenti ta' kontestazzjonijiet legali relatati mal-liġi ambjentali tal-UE li jkopru dawn id-dispożizzjonijiet (180).

176.

Ċerti direttivi tal-UE jinkludu rekwiżit espliċitu fuq l-ispejjeż fuq il-bażi tat-test tal-Artikolu 9(4) (181). Hemm ġurisprudenza eżistenti tal-QtĠ li tinterpreta d-dispożizzjonijiet dwar l-ispejjeż tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE, u d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, 2010/75/UE (182), li t-tnejn huma bbażati fuq id-dispożizzjoni dwar l-ispejjeż tal-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

177.

Barra minn hekk, f'Edwards u Pallikaropoulos, il-QtĠ iddikjarat li r-rekwiżit li l-ispiża ta' proċedura jenħtieġ li ma tkunx għalja wisq “jikkontribwixxi, fil-qasam tal-ambjent, għall-osservanza tad-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll għall-prinċipju ta' effettività li jipprovdi li l-modalitajiet proċedurali ta' azzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta' drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. (183). Għalhekk, reġim tal-ispejjeż irid jissawwar b'tali mod li jiggarantixxi li d-drittijiet mogħtija mill-UE jistgħu jiġu eżerċitati b'mod effettiv.

178.

F'dan ir-rigward, il-QtĠ żviluppat numru ta' kriterji mmirati biex jevitaw milli l-ispejjeż tal-litigazzjoni jsiru għaljin b'mod projbittiv.

5.2.   Il-kriterji għall-valutazzjoni ta' jekk l-ispejjeż humiex projbittivi

Ir-rekwiżit li l-proċeduri ta' rieżami ġudizzjarju ma jkunux għaljin b'mod projbittiv hu soġġett għall-interpretazzjoni fil-livell tal-UE. Hu relatat mal-ispejjeż kollha tal-parteċipazzjoni fi proċedura, inklużi garanziji finanzjarji li rikorrent jintalab jipprovdi, u japplika għall-istadji ġudizzjarji kollha. Ir-rikorrenti huma intitolati għal prevedibbiltà raġonevoli fir-rigward tal-esponiment tagħhom għall-ispejjeż. Meta qorti nazzjonali tingħata s-setgħa li tiddetermina xi spejjeż jenħtieġ li jħallas rikorrent li ma jirbaħx il-kawża, din tista' tieħu kont ta' kunsiderazzjonijiet soġġettivi relatati mar-rikorrent filwaqt li tiżgura wkoll li l-ispejjeż ma jkunux oġġettivament irraġonevoli.

(a)   Qrati nazzjonali u dispożizzjonijiet dwar l-ispejjeż

179.

L-Artikolu 3(8) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus jipprovdi li s-setgħat tal-qrati nazzjonali li jordnaw kumpens għal spejjeż raġonevoli fi proċedimenti ġudizzjarji m'għandhomx ikunu affettwati. Il-ġurisprudenza tal-QtĠ tikkonferma wkoll li d-dispożizzjoni dwar l-ispejjeż ma tipprevjenix lill-qrati nazzjonali milli jagħmlu ordnijiet dwar l-ispejjeż (184).

180.

Madankollu, skont l-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, l-ispejjeż ma jistgħux ikunu projbittivi. F'dan ir-rigward, il-QtĠ ikkonfermat li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta' spejjeż “projbittivi” ma jistax ikun kwistjoni li titħalla għal-liġi nazzjonali biss, u li, fl-interessi ta' applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE u tal-prinċipju ta' ugwaljanza, dan irid jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi madwar l-Unjoni Ewropea (185).

181.

Hi osservat li r-rekwiżit fid-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE, u fid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, 2010/75/UE, li skont dawn il-proċeduri ma jistgħux ikunu għaljin b'mod projbittiv, “jimplika li l-persuni hemm previsti ma jkunux preklużi milli jressqu jew ikomplu b'azzjoni ġudizzjarja li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn l-artikoli minħabba l-ispiża finanzjarja li tista' tirriżulta minnha.” (186)

182.

Il-QtĠ ħarset lejn kif il-kundizzjoni dwar l-ispejjeż hi mnaqqxa fil-liġi nazzjonali. Il-QtĠ iddikjarat li t-traspożizzjoni (187) jenħtieġ li tiżgura għar-rikorrent prevedibbiltà raġonevoli kemm fir-rigward ta' jekk l-ispejjeż tal-proċedimenti ġudizzjarji li jkun involut fihom huma pagabbli minnu kif ukoll fir-rigward tal-ammont ta' dawn (188).

183.

Il-QtĠ iddikjarat li l-kundizzjoni dwar l-ispejjeż trid tiġi interpretata fil-kuntest tal-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni fi proċedimenti ġudizzjarji (189). Għalhekk, irid jittieħed kont tal-ispejjeż kollha mġarrba mill-parti kkonċernata, bħall-ispejjeż tar-rappreżentanza legali, tal-miżati tal-qorti, u tal-ispejjeż tal-evidenza u tal-miżati tal-perizji.

184.

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-miżuri interim, il-QtĠ iċċarat li d-dispożizzjoni dwar l-ispejjeż tapplika wkoll għal spejjeż finanzjarji li jirriżultaw minn miżuri li l-qorti nazzjonali tista' timponi bħala kundizzjoni għall-għoti ta' miżuri interim fil-kuntest ta' tilwimiet li jirriżultaw mid-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE u mid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, 2010/75/UE. (190) B'mod iktar speċifiku, ħarset lejn l-ispejjeż relatati mal-garanziji finanzjarji (bħal bonds jew kontroimpenji fi ħsarat) li rikorrent jintalab jipprovdi biex jikkumpensa għad-dewmien fi proġett li jirriżulta minn kontestazzjoni legali li ma tirnexxix. Min-naħa l-oħra, iddikjarat li r-rekwiżit li l-proċedimenti ma jkunux għaljin b'mod projbittiv ma jistax jiġi interpretat bħala wieħed li jipprekludi b'mod immedjat l-applikazzjoni ta' garanzija finanzjarja meta l-garanzija tkun stabbilita bil-liġi nazzjonali (191). Min-naħa l-oħra, indikat li “hija l-qorti li tiddeċiedi fuq dan is-suġġett li għandha tiżgura li r-riskju finanzjarju li jirriżulta għar-rikorrent ikun ukoll inkluż fid-diversi spejjeż iġġenerati mill-każ meta din il-qorti tevalwa jekk l-ispiża tal-proċedura hijiex projbittiva.” (192)

185.

Kriterju ieħor hu relatat mal-istanzi ġudizzjarji li għalihom tapplika d-dispożizzjoni dwar l-ispejjeż. Il-QtĠ iċċarat li hi applikabbli fl-istadji kollha tal-proċedimenti, jiġifieri mhux biss fl-istadju tal-proċedimenti tal-ewwel istanza, iżda anki fl-istadji ta' appell jew tat-tieni appell (193).

(b)   L-applikazzjoni tal-“prinċipju li min jitlef iħallas” u approċċi oħra ta' allokazzjoni tal-ispejjeż meta tittieħed deċiżjoni dwar l-ispejjeż

186.

Il-QtĠ indirizzat kif jenħtieġ li l-qrati nazzjonali japplikaw il-“prinċipju ta' min jitlef iħallas” meta tagħmel ordnijiet dwar l-ispejjeż fir-rigward ta' rikorrenti ambjentali li jitilfu l-kawża. Skont dan il-prinċipju, qorti nazzjonali tista' tordna lill-parti li titlef kawża sabiex iġġarrab il-piż sħiħ tal-ispejjeż tal-proċedura, inklużi l-ispejjeż tal-parti opposta. Il-ġurisprudenza tistabbilixxi li, fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-qorti nazzjonali, kemm il-kunsiderazzjonijiet soġġettivi kif ukoll dawk oġġettivi huma rilevanti. Il-ġurisprudenza tiċħad ukoll il-proposta li, għaliex rikorrent jagħmel kontestazzjoni legali, l-ispejjeż żgur li ma kinux projbittivi għalih (194).

187.

L-elementi soġġettivi jinkludu:

is-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna kkonċernata;

jekk ir-rikorrent għandux prospettiva raġonevoli ta' suċċess;

l-importanza ta' x'inhu inkwistjoni għar-rikorrent u għall-ħarsien tal-ambjent;

il-kumplessità tal-liġi u tal-proċedura rilevanti u

in-natura potenzjalment frivola tat-talba fid-diversi stadji tagħha (195).

188.

Apparti l-kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tal-applikant (it-test soġġettiv) u l-fatti individwali tal-każ, jenħtieġ li qorti nazzjonali tapplika test oġġettiv immirat sabiex jiżgura li l-ispejjeż ma jkunux oġġettivament irraġonevoli. Il-QtĠ saħqet dan fil-kuntest ta' membri tal-pubbliku u tal-assoċjazzjonijiet tagħhom li jkollhom rwol attiv x'jaqdu fid-difiża tal-ambjent (196). Għalhekk, l-ispejjeż tal-proċedimenti la jridu jaqbżu r-riżorsi finanzjarji tal-persuna kkonċernata u lanqas ma jidhru, b'xi mod, li huma oġġettivament irraġonevoli (197).

189.

Meta japplika l-prinċipju ta' min jitlef iħallas, jista' jkun siewi li jintuża approċċ ta' allokazzjoni tal-ispejjeż li jinvolvi l-limitar tal-ispejjeż. Dan jipprovdi prevedibbiltà ikbar — u kontroll ikbar — fuq l-esponiment għall-ispejjeż. Jinvolvi mekkaniżmu — l-ordni protettiva tal-ispejjeż — li bih mill-bidu nett tal-proċedimenti jiġi stabbilit limitu dwar kemm rikorrent se jkollu jħallas spejjeż jekk jitlef — u, fil-limitar reċiproku tal-ispejjeż, kemm mill-ispejjeż jista' jirkupra jekk jirbaħ. B'limitar unidirezzjonali tal-ispejjeż, l-ispejjeż li jridu jiġġarrbu minn rikorrent jekk jitlef il-kawża huma limitati għal ċertu ammont, u b'hekk tiżdied il-prevedibbiltà tar-riskju finanzjarju. Madankollu, b'limitar reċiproku tal-ispejjeż, ir-responsabbiltà tal-awtorità pubblika li tħallas lil rikorrent li jirbaħ tiġi limitata wkoll u kwalunkwe eċċess ikollu jiġġarrab mir-rikorrent waħdu.

190.

Il-QtĠ ikkunsidrat sistema ta' limitar tal-ispejjeż f'Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, filwaqt li osservat li, fil-prinċipju, il-possibbiltà għall-qorti li tisma' kawża li tagħti ordni protettiva tal-ispejjeż tiżgura prevedibbiltà ikbar rigward l-ispejjeż tal-proċedimenti u tikkontribwixxi għall-konformità mar-rekwiżit dwar l-ispejjeż projbittivi (198). Madankollu, ikkunsidrat li diversi karatteristiċi speċifiċi tas-sistema ta' limitar tal-ispejjeż tal-Istati Membri — bħan-nuqqas ta' obbligu ta' għoti ta' protezzjoni meta l-ispiża tal-proċedimenti tkun oġġettivament irraġonevoli u l-esklużjoni ta' protezzjoni meta jkun involut biss l-interess partikolari tar-rikorrent — fissru li ma kinitx tipprovdi metodu li seta' jissodisfa r-rekwiżit li l-ispejjeż ma jkunux projbittivi.

191.

Ir-raġunar li l-QtĠ applikat għal sistema speċifika ta' limitar tal-ispejjeż f'Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit hu rilevanti b'analoġija għal approċċi oħra għall-allokazzjoni tal-ispejjeż. B'hekk, meta qorti nazzjonali tgawdi minn diskrezzjoni biex tordna lil kull parti, inkluż lir-rikorrent li jirbaħ il-kawża, tħallas l-ispejjeż tagħha stess (allokazzjoni tal-ispejjeż dahar ma' dahar), hemm bżonn li tieħu kont tal-kriterju tal-QtĠ li l-ispiża tal-proċedimenti ma tkunx oġġettivament irraġonevoli. L-istabbiliment li rikorrent ambjentali jkollu jħallas għall-ispejjeż tiegħu anki jekk jirbaħ kawża jista' jiġi argumentat li hu irraġonevoli u inkonsistenti b'mod inerenti mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus li l-proċeduri jridu jkunu ġusti u ekwitabbli.

192.

Il-“qlib tal-ispejjeż b'mod unilaterali” hu approċċ għall-allokazzjoni tal-ispejjeż li bih rikorrent ambjentali jista' jirkupa l-ispejjeż tiegħu stess (bħal bil-prinċipju ta' min jitlef iħallas) iżda min ma jirbaħx jiffranka milli jkollu jħallas, b'mod sħiħ jew parzjali, l-ispejjeż tal-parti l-oħra. Il-qlib tal-ispejjeż jista' jestendi għall-ħlas mill-istat ta' parti mill-ispejjeż ta' rikorrent li jitlef il-kawża — bħal meta l-litigazzjoni titqies li tirrifletti interess pubbliku qawwi. B'hekk, il-qlib unilaterali tal-ispejjeż jista' jippreżenta karatteristiċi li jindirizzaw nuqqasijiet potenzjali ta' approċċi oħra ta' allokazzjoni tal-ispejjeż (f'termini tal-bżonn li l-ispejjeż ma jkunux oġġettivament irraġonevoli u f'termini tal-proċeduri li jenħtieġ li jkunu ġusti u ekwitabbli).

193.

Ċerti reġimi ta' qlib tal-ispejjeż huma kundizzjonali biex jillimitaw l-użu tagħhom, bil-qorti nazzjonali inkarigata mill-allokazzjoni tal-ispejjeż li jkollha tapplika kriterji bħall-importanza tal-każ, l-impatt għall-ambjent, is-serjetà tal-ksur tal-liġi jew l-aġir tal-partijiet. Madankollu, diskrezzjoni li tkun wiesgħa wisq tista' ttellef il-prevedibbiltà tal-ispejjeż, aspett li l-ġurisprudenza tal-QtĠ tidentifika bħala wieħed importanti, speċjalment meta l-proċedimenti ġudizzjarji jinvolvu miżati għaljin tal-avukati. Dan jista' jwassal sabiex ir-reġim jonqos milli jissodisfa l-kriterju ġenerali li l-ispejjeż ma jkunux oġġettivament irraġonevoli (199).

5.3.   Għajnuna legali

194.

L-Artikolu 9(5) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus jeħtieġ li l-partijiet kontraenti jikkunsidraw l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' assistenza xierqa biex ineħħu jew inaqqsu ostakli finanzjarji oħrajn għall-aċċess għall-ġustizzja. Din id-dispożizzjoni ma teħtieġx li tiġi pprovduta skema ta' għajnuna legali u l-leġiżlazzjoni ambjentali sekondarja tal-UE ma ssemmix din il-kwistjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu jekk ikollhomx skema ta' għajnuna legali li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-riskju tal-ispejjeż tal-litigazzjoni f'kawżi ambjentali. Madankollu, l-eżsitenza ta' reġim ta' għajnuna legali ma jistax minnu nnifsu juri li l-ispejjeż mhumiex projbittivi, jekk l-aċċess għall-għajnuna legali jkun jinvolvi test tal-mezzi u jkun miftuħ għall-individwi biss. Dan għaliex ir-rekwiżit li l-ispejjeż ma jistgħux ikunu projbittivi japplika għal individwi b'kapaċità li jħallsu kif ukoll għal assoċjazzjonijiet.

195.

Fl-istess ħin, jenħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 47(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali teħtieġ li “[għandha] tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja”. Din id-dispożizzjoni tħalli f'idejn l-Istati Membri għażla libera dwar il-mezzi li jridu jużaw sabiex jiggarantixxu għajnuna legali lil-litiganti biex jiżguraw li dawn igawdu minn dritt effettiv ta' aċċess għal qorti. B'hekk, l-Istati Membri huma ħielsa li jistitwixxu l-iskemi ta' għajnuna legali tagħhom b'mod li jqisu xieraq. L-eżempji jinkludu aċċess għal konsulenza qabel il-litigazzjoni, assistenza legali u rappreżentanza legali, u eżenzjoni mill-ispejjeż tal-proċedimenti, jew assistenza f'dawn. Id-dritt għall-għajnuna legali mhuwiex assolut u jista' jkun soġġett għal restrizzjonijiet, bħalma hu d-dritt ta' aċċess għal qorti. Għaldaqstant, l-Istati Membri se jkunu liberi li jimponu kundizzjonijiet dwar l-għoti tal-għajnuna legali, ibbażati fuq, pereżempju, il-prospettivi ta' suċċess ta' applikant fil-proċedimenti. Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet ma għandhomx iċaħħdu lill-individwi mill- “aċċess prattiku u effettiv” għal qorti li huma intitolati għalih (200).

6.   TERMINI PERENTORJI, TEMPESTIVITÀ U L-EFFIĊJENZA TAL-PROĊEDURI

L-Istati Membri huma intitolati jeħtieġu li r-rikorrenti ambjentali japplikaw għal rieżami ġudizzjarju fi ħdan termini perentorji speċifikati li huma raġonevoli. Skont l-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-proċeduri ta' rieżami ġudizzjarju jsiru b'mod tempestiv.

196.

Hemm numru ta' kunsiderazzjonijiet temporali li huma rilevanti għall-aċċess għall-ġustizzja ambjentali: rekwiżiti li r-rikorrenti ambjentali jridu jippreżentaw il-kontestazzjonijiet tagħhom sa termini perentorji speċifikati, u rekwiżiti li jenħtieġ li l-proċeduri ta' rieżami ġudizzjarju jsiru b'mod tempestiv.

197.

Fi Stadt Wiener Neustadt, il-QtĠ ikkonfermat li hu kompatibbli mad-dritt tal-UE li jiġu stabbiliti termini perentorji raġonevoli għall-ftuħ ta' proċedimenti fl-interess taċ-ċertezza tad-dritt. Dan jipproteġi kemm lill-individwu kif ukoll lill-awtorità amministrattiva kkonċernata (201).

198.

It-tempestività tal-proċeduri tal-qorti hi garanzija importanti li r-rieżami ġudizzjarju se jkun effiċjenti. Kif xieraq, l-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus jeħtieġ li l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 9(1), (2) u (3) ikunu tempestivi.

199.

Proċeduri tempestivi jservu għal diversi skopijiet. Jippermettu li tiġi pprovduta ċarezza tad-dritt u li jiġu solvuti kontestazzjonijiet legali, mingħajr dewmien żejjed. Proċeduri fit-tul għandhom tendenza li jiġġeneraw spejjeż ta' litigazzjoni ikbar, u b'hekk iżidu l-piż finanzjarju fuq il-partijiet għal tilwima legali; jistgħu jikkawżaw ukoll dewmien fi proġetti u f'attivitajiet ekonomiċi oħra li finalment jiġu kkonfermati bħala regolari. B'hekk, il-proċeduri tempestivi mhumiex biss fl-interess tar-rikorrenti ambjentali iżda tal-partijiet kollha għal tilwimiet legali, inklużi l-atturi ekonomiċi.

200.

Ir-rekwiżit fl-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni li l-proċeduri jridu jkunu tempestivi mhuwiex ċar u mhux kondizzjonat biżżejjed biex ikun direttament applikabbli u, għalhekk, irid jiġi traspost fil-liġi nazzjonali sabiex jieħu effett.

201.

Obbligu ġenerali biex jiġi żgurat tul raġonevoli tal-proċedimenti hu mnaqqax ukoll fl-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-dritt għal proċess ġust.

7.   INFORMAZZJONI PRATTIKA

Trid tiġi pprovduta informazzjoni prattika lill-pubbliku dwar l-aċċess għal proċeduri ta' rieżami ġudizzjarju.

202.

Skont l-Artikolu 9(5) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, il-partijiet kontraenti “għandhom jiżguraw li l-informazzjoni tiġi pprovduta lill-pubbliku dwar l-aċċess għal […] proċeduri ta' rieżami ġudizzjarju”. L-obbligu li l-pubbliku jiġi informat dwar id-drittijiet tiegħu ta' aċċess għall-ġustizzja kien ikkunsidrat ukoll f'ċerta leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE li tittrasponi r-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta' Aarhus (202). L-obbligu li l-pubbliku jiġi informat japplika għal proċeduri skont l-Artikolu 9(1), (2) u (3) tal-Konvenzjoni.

203.

B'referenza għall-obbligu li issa jinsab fl-Artikolu 11(5) tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE (203), fis-sentenza tagħha f'Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, il-QtĠ saħqet li “l- obbligu li l-pubbliku jingħata informazzjoni prattika dwar l-aċċess għall-proċeduri ta' stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju […] għandu jiġi analizzat bħala obbligu li jinkiseb riżultat preċiż, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jintlaħaq”. (204) Iddikjarat ukoll li “[fin-]nuqqas ta' dispożizzjonijiet legali jew regolamentari speċifiċi li jirrigwardaw l-informazzjoni fuq id-drittijiet mogħtija lill-pubbliku, il-fatt biss li jkunu disponibbli, permezz ta' pubblikazzjoni jew b'mezzi elettroniċi, ir-regoli dwar il-proċeduri ta' stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju kif ukoll l-aċċess possibbli għad-deċiżjonijiet tal-qrati ma jistgħux ikunu kkunsidrati li jiggarantixxu b'mod suffiċjentement ċar u preċiż li l-pubbliku interessat ikun f'pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet tiegħu għall-aċċess għall-ġustizzja fir-rigward tal-ambjent (205)

204.

L-Istati Membri għandhom diskrezzjoni wiesgħa f'kif jissodisfaw ir-rekwiżit. Madankollu, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda tikkonferma li mhux biżżejjed li l-Istati Membri sempliċiment jibbażaw fuq il-pubblikazzjoni ta' regoli nazzjonali dwar l-aċċess għall-ġustizzja u fuq l-aċċessibilità tad-deċiżjonijiet tal-qrati reġjonali rilevanti. Ir-referenza tal-QtĠ għall-iżgurar li l-pubbliku kkonċernat jiġi mgħarraf dwar id-drittijiet tiegħu ta' aċċess għall-ġustizzja b'mod ċar u preċiż biżżejjed tindika l-bżonn li l-Istati Membri l-ewwel jikkunsidraw id-destinatarji tal-informazzjoni, it-tieni l-kontenut tal-informazzjoni u, it-tielet, il-mod kif jippreżentawha.

205.

F'termini tad-destinatarji, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-informazzjoni tista' tilħaq lil pubbliku ġenerali u rappreżentattiv. Il-forniment ta' informazzjoni prattika fuq sit web biss jista' ma jkunx biżżejjed, għaliex sehem konsiderevoli tal-popolazzjoni jista' ma jkollux aċċess għal riżorsi bbażati fuq il-web. Filwaqt li hi għodda effettiva u effiċjenti, jenħtieġ li din tkun ikkomplimentata minn miżuri oħra.

206.

F'termini tal-kontenut, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar il-proċedura ta' rieżami tinkludi l-aspetti rilevanti kollha biex tiġi ffaċilitata deċiżjoni ta' membru tal-pubbliku dwar jekk jiftaħx kawża l-qorti.

207.

Jenħtieġ li l-informazzjoni tkun kompluta, preċiża u aġġornata (206), filwaqt li tixħet dawl fuq it-tibdiliet rilevanti li jseħħu b'rabta mal-proċeduri ta' rieżami. L-użu ta' informazzjoni skaduta jew qarrieqa jista' jkollu konsegwenzi serji u jenħtieġ li jkun hemm arranġamenti fis-seħħ biex dan jiġi evitat. Jenħtieġ li s-sorsi kollha tal-liġi użati għad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' aċċess ikunu koperti, inkluża ġurisprudenza nazzjonali meta din tkun taqdi rwol importanti.

208.

Rigward il-mod kif għandha tiġi ppreżentata l-informazzjoni, jenħtieġ li l-informazzjoni tkun ċara u tinftiehem minn min mhuwiex avukat.

209.

F'dan il-kuntest hu rilevanti wkoll l-Artikolu 3(3) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus li jipprovdi li kull parti “għandha tippromwovi l-edukazzjoni ambjentali u s-sensibilizzazzjoni ambjentali fost il-pubbliku, speċjalment dwar kif jikseb aċċess għal informazzjoni, jieħu sehem fit-teħid ta' deċiżjonijiet u jikseb aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali”.

D.   KONKLUŻJONI

210.

L-analiżi turi li, kif interpretat il-QtĠ, ir-rekwiżiti eżistenti tal-acquis tal-UE, b'mod partikolari dawk li jirriżultaw mil-liġi ambjentali sekondarja u mill-impenji internazzjonali tal-UE, diġà jipprovdu qafas koerenti għall-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. Ir-rekwiżiti eżistenti jindirizzaw l-aspetti ewlenin kollha tas-suġġett, filwaqt li jiżguraw li l-membri tal-pubbliku, inklużi l-NGOs ambjentali, ikunu intitolati jiftħu kawżi quddiem qrati nazzjonali u jkollhom dawk il-kawżi eżaminati kif suppost u ssoġġettati għal rimedji effettivi. Barra minn hekk, sentenzi suċċessivi maqtugħin tul l-aħħar deċennju juru l-importanza li l-QtĠ tagħti lill-qrati nazzjonali bħala mezz kif tiġi żgurata l-effikaċja tad-dritt tal-UE. Kawżi ppreżentati quddiem qrati nazzjonali mhumiex biss mezz ta' kontestazzjoni ta' deċiżjonijiet, ta' atti u ta' omissjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri fuq il-bażi tal-liġi ambjentali tal-UE. Permezz ta' referenzi preliminari skont l-Artikolu 267 tat-TFUE, dawn jagħmluha possibbli wkoll biex il-QtĠ tiġġudika fuq l-interpretazzjoni u fuq il-validità tal-atti tal-UE.

211.

Din in-Notifika tiffaċilita l-aċċess għall-qrati nazzjonali billi tispjega u tinterpreta r-rekwiżiti legali eżistenti. B'dan il-mod, tikkontribwixxi għat-titjib tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE. Hi mmirata biex tgħin lill-Istati Membri, lill-qrati nazzjonali, lill-ġuristi u lill-pubbliku, u l-Kummissjoni se ssegwi b'interess kif dawn il-benefiċjarji fil-mira se jużawha, u kif l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali jevolvi madwar l-UE.

212.

Ir-rwol tal-QtĠ se jibqa' fundamentali fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE rilevanti għall-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, inkluż l-issodisfar tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 19(1) tat-TUE dwar il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva. F'dan ir-rigward, il-ġurisprudenza eżistenti turi r-riżultati siewja tal-kooperazzjoni bejn il-QtĠ u l-qrati nazzjonali fi ħdan il-kuntest tal-Artikolu 267 tat-TFUE. Din hi mistennija tkompli. Il-Kummissjoni se ssegwi u tivvaluta bir-reqqa l-ġurisprudenza l-ġdida rilevanti li tistabbilixxi l-QtĠ, u se tikkunsidra li taġġorna din in-Notifika jekk ikun hemm bżonn fil-ġejjieni.


(1)  C(2016)8600.

(2)  http://www.unece.org/fileadmin/DAM/env/pp/documents/cep43e.pdf.

(3)  Ara b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) u (3) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

(4)  Id-Deċiżjoni 2005/370/KE.

(5)  Pereżempju, id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE, u d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, 2010/75/UE.

(6)  http://ec.europa.eu/environment/aarhus/studies.htm

(7)  COM(2003) 624 final.

(8)  Għaldaqstant, din il-proposta ġiet irtirata mill-Kummissjoni fl-2014, ara Tneħħija ta' proposti tal-Kummissjoni li ma jkunux baqgħu applikabbli (ĠU C 153, 21.5.2014, p. 3).

(9)  Meta kienu qed jinnegozjaw id-Direttiva (UE) 2016/2284 dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet, il-Kunsill u l-Parlament ikkunsidraw li jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja, iżda ddeċidew li jillimitaw ir-riferiment għall-aċċess għall-ġustizzja għal premessa.

(10)  http://ec.europa.eu/environment/eir/country-reports/index_en.htm

(11)  COM(2014) 158 final

(12)  Fl-2008, il-Kummissjoni nediet ukoll programm għat-taħriġ tal-imħallfin fil-qasam tal-liġi ambjentali tal-UE. Permezz ta' moduli ta' taħriġ disponibbli online, l-imħallfin nazzjonali u l-istituti ta' taħriġ jistgħu jiksbu għarfien aġġornat u preċiż dwar suġġetti differenti tal-liġi ambjentali tal-UE, bħall-aċċess għall-ġustizzja, ir-responsabbiltà għall-ħsara ambjentali, l-ilma u l-iskart.

(13)  COM(2014) 158 final

(14)  Din hi indirizzata fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rimedju Kollettiv, 2013/396/UE.

(15)  Opinjoni 1/09, Ħolqien ta' Sistema Unifikata ta' Riżoluzzjoni ta' Tilwim fil-Qasam tal-Privattivi, EU:C:2011:123, raġuni 80.

(16)  C(2016)8600, p. 4.

(17)  Ara l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

(18)  Ara pereżempju l-Kawża C-115/09 Bund für Umwelt und Naturschutz, paragrafu 43 u l-Kawża C-570/13 Gruber, paragrafu 37.

(19)  Il-Kawża C-416/10 Križan, paragrafu 106.

(20)  Il-Kawża C-243/15 Lesoochranarske zoskupenie VLK II (LZ II), paragrafu 45.

(21)  Ara C-240/09 Lesoochranarske zoskupenie VLK I (LZ I), paragrafu 30, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

(22)  L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

(23)  L-Artikolu 9(1) jirreferi għad-dritt separat ta' aċċess għall-informazzjoni; L-Artikolu 9(2) hu relatat mad-drittijiet ta' parteċipazzjoni fi proċeduri tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar attivitajiet speċifiċi; L-Artikolu 9(3) ikopri atti u omissjonijiet li jiksru l-liġi ambjentali b'mod ġenerali. L-Artikolu 9(4) jindirizza r-rimedji u t-tempestività u l-ispejjeż tal-proċeduri fil-paragrafi preċedenti.

(24)  The Aarhus Convention: An Implementation Guide, second edition 2014 (Il-Konvenzjoni ta' Aarhus: Gwida ta' Implimentazzjoni, it-tieni edizzjoni 2014).

http://www.unece.org/env/pp/implementation_guide.html

(25)  Ara l-Kawża C-182/10 Solvay u oħrajn, paragrafu 27.

(26)  Ara l-Kawża C-240/09 LZ I, paragrafu 50. Din id-deċiżjoni kienet fil-kuntest tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

(27)  L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar l-Aċċess għat-Tagħrif Ambjentali, 2003/4/KE; L-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, 2004/35/KE; L-Artikolu 25 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, 2010/75/UE; L-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE; u l-Artikolu 23 tad-Direttiva Seveso III, 2012/18/UE. Ara wkoll il-premessa 27 tad-Direttiva dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet 2016/2284, li tagħmel referenza speċifika għall-ġurisprudenza tal-QtĠ dwar l-aċċess għall-ġustizzja.

(28)  Iktar ċarezza dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali tinkiseb ukoll minn azzjonijiet diretti meħuda mill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 258 tat-TFUE sabiex tindirizza problemi ta' traspożizzjoni bid-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE, u d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, 2010/75/UE. Ara, pereżempju, il-Kawża C-427/07 Il-Kummissjoni vs L-Irlanda u l-Kawża C-530/11 Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit.

(29)  Il-Kawża C-71/14 East Sussex, paragrafu 52, u l-Kawża C-72/95 Kraaijeveld, paragrafu 56.

(30)  Dawn jinkludu valuri ta' limitu għal sustanzi niġġiesa importanti bħad-diossidu tal-kubrit, il-materja partikolata u d-diossidu tan-nitroġenu skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja, 2008/50/KE; objettivi dwar kwalità tajba tal-ilma għal ilmijiet tal-wiċċ u ta' taħt l-art skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, 2000/60/KE; u status ta' konservazzjoni favorevoli għal firxa ta' speċijiet u ta' tipi ta' ħabitat naturali skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, 92/43/KEE.

(31)  L-eżempji jinkludu dmirijiet ta' monitoraġġ tal-ilmijiet għall-għawm skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-Ilma għall-Għawm, 2006/7/KE u jivvalutaw il-kwalità tal-arja skont l-Artikoli 5 sa 11 tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja, 2008/50/KE.

(32)  L-eżempji jinkludu rekwiżiti biex iħejju pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, 2000/60/KE, pjanijiet tal-kwalità tal-arja skont l-Artikoli 23 u 24 tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja, 2008/50/KE, u pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-iskart skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, 2008/98/KE.

(33)  L-eżempji jinkludu obbligi li wieħed ikollu permess tal-iskart skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, 2008/98/KE, ikollu permess skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, 2010/75/UE, u jikseb kunsens skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, 92/43/KEE.

(34)  L-eżempji jinkludu l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika, 2001/42/KE u l-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE.

(35)  Id-Direttiva oriġinali dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 85/337/KEE, kienet teħtieġ li l-pubbliku jingħata l-opportunità li jesprimi opinjoni dwar informazzjoni ambjentali ppreżentata mill-iżviluppaturi tal-proġetti bl-għan li jissupplimentawha. Id-Direttiva oriġinali dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni dwar l-Ambjent, 90/313/KEE, osservat fil-premessi tagħha li “l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent fil-pussess tal-awtoritajiet pubbliċi għandu jtejjeb il-protezzjoni ambjentali”. Dawn id-dispożizzjonijiet komplew jissaħħu bl-adozzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus u b'diversi siltiet ta' leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE.

(36)  Il-Kawża C-260/11 Edwards u Pallikaropoulos, paragrafu 32.

(37)  Il-Kawża C-243/15 LZ II, paragrafu 44.

(38)  Pereżempju, il-Konvenzjoni ta' Aarhus tiddefinixxi “l-pubbliku” bħala wieħed li jinkludi assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew gruppi ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

(39)  Il-Kawża C-240/09 LZ I, paragrafu 51.

(40)  C-237/07 Janecek, paragrafu 39.

(41)  C-237/07 Janecek, paragrafu 39.

(42)  Ara, pereżempju, l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE, u l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

(43)  L-Artikolu 6.

(44)  L-Artikolu 7.

(45)  L-Artikolu 8.

(46)  Il-Kawża C-72/95 Kraaijeveld, paragrafu 56.

(47)  Il-Kawża C-41/11 Inter-Environnement Wallonie, paragrafu 42.

(48)  Il-Kawża C-237/07 Janecek, paragrafu 38. Janecek kienet ippreċeduta minn numru ta' sentenzi li fihom il-QtĠ saħqet fuq il-bżonn ta' traspożizzjoni korretta tad-direttivi dwar l-arja u l-ilma tax-xorb sabiex jiġi żgurat li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jiżguraw is-saħħa sħiħa tad-drittijiet tagħhom, ara l-Kawżi C- 361/88 Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, paragrafu 24, u C-59/89, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, paragrafu 13.

(49)  Il-Kawżi Magħquda C-165 sa C-167/09 Stichting Natuur en Milieu, paragrafu 94.

(50)  Janecek kienet tikkonċerna miżuri lokali dwar il-kwalità tal-arja għall-belt ta' Munich, filwaqt li.Stichting Natuur en Milieu kienet tikkonċerna l-limitu nazzjonali ta' emissjonijiet għan-Netherlands.

(51)  Skont din, “[għandu] jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-linji ta' politika u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni”.

(52)  Ara l-Artikolu 13.

(53)  Ara d-definizzjoni ta' “tniġġis” fl-Artikolu 2(33).

(54)  Ara l-Artikolu 1.

(55)  Il-Kawża C-420/11 Leth, paragrafu 36.

(56)  Ara l-Kawża pendenti C-529/15 Folk.

(57)  Dmirijiet bħal dawn jinsabu fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, 2008/98/KE, u d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, 2010/75/UE.

(58)  L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar l-Aċċess għat-Tagħrif Ambjentali, 2003/4/KE; L-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, 2004/35/KE; L-Artikolu 25 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, 2010/75/UE; L-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE; u l-Artikolu 23 tad-Direttiva Seveso III, 2012/18/UE. Ara wkoll il-premessa 27 tad-Direttiva dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet 2016/2284, li tagħmel referenza speċifika għall-ġurisprudenza tal-QtĠ dwar l-aċċess għall-ġustizzja.

(59)  Ara wkoll il-Kawża C-243/15, LZ II. Il-QtĠ tistabbilixxi r-rekwiżiti dwar il-locus standi għal każijiet li jmorru lil hinn mil-liġi sekondarja tal-UE fuq il-bażi tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali flimkien mal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus għal deċiżjonijiet, għal atti u għal omissjoni li għalihom tapplika d-dispożizzjoni dwar il-parteċipazzjoni pubblika tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

(60)  Dawn jinsabu fid-Direttiva dwar l-Aċċess għat-Tagħrif Ambjentali, 2003/4/KE.

(61)  Id-dritt li wieħed jagħmel talba għal informazzjoni hu stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

(62)  Ara l-Gwida dwar l-Implimentazzjoni ta' Aarhus, paġna 191.

(63)  Dawn jinsabu fid-Direttiva dwar l-Aċċess għat-Tagħrif Ambjentali, 2003/4/KE, kif ukoll f'diversi siltiet tal-informazzjoni ambjentali settorjali.

(64)  Il-Kawża C-71/14 East Sussex, paragrafu 56.

(65)  Ara pereżempju l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-Aċċess għat-Tagħrif Ambjentali, 2003/4/KE u l-Artikolu 11 tad-Direttiva INSPIRE, 2007/2/KE.

(66)  Eżempji notevoli jinkludu l-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva dwar l-Ilma għall-Għawm, 2006/7/KE, li jeħtieġ li l-pubbliku jiġi informat kull meta l-għawm ikun ipprojbit jew mhux rakkomandat; u l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, 98/83/KEE, li jeħtieġ li l-konsumaturi jiġu informati minnufih dwar kontaminazzjoni ta' ilma tax-xorb li jkun ta' periklu għall-ħajja.

(67)  Eżempji notevoli huma l-Artikolu 24 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, 2010/75/UE, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE, u l-Artikolu 15 tad-Direttiva Sevezo III, 2012/18/UE. Hemm rekwiżit iktar vag ta' konsultazzjoni pubblika fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, 92/43/KEE, li, madankollu, irid jinqara flimkien mal-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, ara l-Kawża C-243/15 LZ II, paragrafu 45.

(68)  L-Artikolu 25 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, 2010/75/UE; L-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE; u l-Artikolu 23 tad-Direttiva Seveso III, 2012/18/UE.

(69)  Il-Kawża C-72/95 Kraaijeveld, paragrafu 56.

(70)  F'din in-Notifika, jenħtieġ li referenzi għall-qrati nazzjonali jiġu kkunsidrati bħala applikabbli, mutatis mutandis, għal korpi indipendenti u imparzjali oħra stabbiliti bil-liġi wkoll.

(71)  Ara l-Artikolu 25 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, 2010/75/UE; L-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE; u l-Artikolu 23 tad-Direttiva Seveso III, 2012/18/UE.

(72)  Il-Kawża C-243/15 LZ II.

(73)  Ara l-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus u l-Artikolu 1(2)(d) u (e) tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE.

(74)  Ara l-Artikolu 2(4) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

(75)  Ara wkoll il-Gwida dwar l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, p. 199

(76)  Ara l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE, u l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

(77)  Il-Kawża C-263/08 Djurgården, paragrafu 45.

(78)  Il-Kawża C-115/09 Bund für Umwelt und Naturschutz, paragrafu 59.

(79)  Il-Kawża C-263/08 Djurgården, paragrafu 46.

(80)  Il-Kawża C-263/08 Djurgården, paragrafu 47.

(81)  Fil-kuntest ta' dan il-każ partikolari, il-QtĠ qieset li rekwiżit ta' sħubija ta' 2 000 membru ma kienx konformi mal-objettivi tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE.

(82)  Il-Kawża C-263/08 Djurgården paragrafu 47.

(83)  Ara wkoll il-punt 18 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rimedju Kollettiv, 2013/396/UE, fejn jiġi rakkomandat mekkaniżmu differenti tal-għotja ta' locus standi lil NGOs minn Stat Membru ieħor. Dan il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq ir-rikonoxximent ta' locus standi mogħti fl-Istat Membru li fih għandha s-sede tagħha l-NGO. Dan ikun ikar favorevoli mill-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, b'mod partikolari għall-NGOS minn Stati Membri fejn il-kundizzjonijiet biex jingħata locus standi huma inqas stretti minn oħrajn. Għalhekk, fil-każijiet li jaqgħu kemm fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus u kemm fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni, l-applikazzjoni addizzjonali tal-mekkaniżmu tar-rikonoxximent reċiproku tar-Rakkomandazzjoni tkompli tiffaċilita l-attivitajiet tal-NGOs.

(84)  Ara wkoll il-Gwida dwar l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, p. 195.

(85)  C-263/08 Djurgarden, paragrafu 38.

(86)  Dawn ir-regoli jinkludu dispożizzjonijiet dettaljati dwar “miżuri ta' rimedju” għall-ħsara ambjentali li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva, ara l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, 2004/35/KE.

(87)  L-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, 2004/35/KE.

(88)  L-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, 2004/35/KE.

(89)  Ara pereżempju l-Kawża C-432/05 Unibet, paragrafu 37.

(90)  Għall-kamp ta' applikazzjoni ta' din in-Notifika, ara t-Taqsima A.

(91)  Il-Kawża C-240/09 LZ I, paragrafu 45.

(92)  Il-Kawża C-240/09 LZ I, paragrafu 46.

(93)  Il-Kawża C-240/09 LZ I, paragrafu 49.

(94)  Il-Kawża C-243/15 LZ II, paragrafu 45.

(95)  Ara l-Artikolu 13 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, 2000/60/KE.

(96)  Ara l-Artikolu 23 tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja, 2008/50/KE.

(97)  Ara l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika, 2001/42/KE.

(98)  Il-Kawża C-72/95 Kraaijeveld, paragrafu 56.

(99)  Il-Kawżi Magħquda C-105/09 u C-110/09 Terre Wallonne u Inter-Environnement Wallonie.

(100)  Il-Kawża C-41/11 Inter-Environnement Wallonie, paragrafu 46.

(101)  Il-Kawża C-115/09 Bund für Umwelt und Naturschutz, paragrafu 44.

(102)  Il-Kawża C-570/13 Gruber, paragrafu 39 u l-Kawża C-115/09 Bund für Umwelt und Naturschutz, paragrafu 44.

(103)  Il-Kawża C-570/13 Gruber, paragrafu 40.

(104)  Il-Kawża C-237/07 Janecek.

(105)  Il-Kawżi Magħquda C-165 sa C-167/09 Stichting Natuur en Milieu.

(106)  Il-Kawża C-240/09 LZ I.

(107)  Ara l-Gwida dwar l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, p. 198.

(108)  Ara l-Gwida dwar l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, p. 198.

(109)  L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar l-Aċċess għat-Tagħrif Ambjentali, 2003/4/KE; L-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, 2004/35/KE; L-Artikolu 25 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, 2010/75/UE; L-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE; u l-Artikolu 23 tad-Direttiva Seveso III, 2012/18/UE. Ara wkoll il-premessa 27 tad-Direttiva dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet 2016/2284, li tagħmel referenza speċifika għall-ġurisprudenza tal-QtĠ dwar l-aċċess għall-ġustizzja.

(110)  Il-Kawża C-243/15, LZ II.

(111)  Il-Kawża C-137/14, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, paragrafu 32.

(112)  Il-Kawża C-115/09, Bund für Umwelt und Naturschutz, paragrafu 45.

(113)  Il-Kawża C-137/14 Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, paragrafu 80.

(114)  Il-Kawża C-137/14 Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, paragrafu 81.

(115)  L-Artikolu 6(2).

(116)  Il-Kawża C-71/14 East Sussex, paragrafu 53.

(117)  Il-Kawża C-279/12 Fish Legal u Shirley, paragrafu 36.

(118)  Stabbilit fl-Artikolu 5(2).

(119)  Il-Gwida dwar l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, p. 199.

(120)  Il-Kawża C-137/14, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, paragrafu 80 (bl-enfasi miżjuda).

(121)  Il-Kawża C-71/14 East Sussex, paragrafu 58.

(122)  Ara l-paġna 196.

(123)  Fil-Kawża C-215/06, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, il-QtĠ iddikjarat fil-paragrafu 57 li “[madankollu], għalkemm id-dritt Komunitarju ma jistax jipprekludi li r-regoli nazzjonali applikabbli jippermettu, f'ċerti każijiet, li jiġu rregolarizzati operazzjonijiet jew atti irregolari fid-dawl ta' dan tal-aħħar, tali possibbiltà għandha tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li hija ma toffrix lill-individwi kkonċernati l-opportunità li jevitaw ir-regoli Komunitarji jew jaħarbu milli japplikawhom u li din tibqa' eċċezzjonali.

(124)  Il-Kawża C-416/10 Križan, paragrafi 87-91.

(125)  Il-Kawża C-416/10 Križan, paragrafu 91.

(126)  Ara l-paġna 196.

(127)  Il-Kawża C-71/14 East Sussex, paragrafu 52.

(128)  Il-Kawża C-71/14 East Sussex, paragrafu 58.

(129)  Il-Kawża C-570/13 Gruber, paragrafi 42-50.

(130)  Il-Kawża C-75/08 Mellor, paragrafu 59.

(131)  Il-Kawża C-137/14 Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, paragrafu 48; u l-Kawża C-72/12 Altrip, paragrafu 37.

(132)  Il-Kawża C- 127/02 Waddenzee, paragrafu 59.

(133)  Il-kawża C-237/07 Janecek, paragrafu 46.

(134)  Qabel 2001/81/KE.

(135)  Il-Kawżi C-165 sa C-167/09, Stichting Natuur en Milieu.

(136)  Il-Kawżi C-165 sa C-167/09, Stichting Natuur en Milieu, paragrafi 78 u 79.

(137)  Ara l-Kawża C-72/95 Kraaijeveld, paragrafu 57.

(138)  Fil-Kawżi Magħquda C-293/12, Digital Rights Ireland Ltd u C-594/12 dwar ir-regoli fuq ir-ritenzjoni ġenerali tal-metadata tal-komunikazzjoni, il-QtĠ iddikjarat fil-paragrafu 47 “Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta' dawn il-kundizzjonijiet, ġaladarba jinsabu inkwistjoni inġerenzi fi drittijiet fundamentali, il-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni tista' tirriżulta li hija limitata skont ċertu numru ta' elementi, fosthom, b'mod partikolari, il-qasam ikkonċernat, in-natura tad-dritt inkwistjoni ggarantit mill-Karta, in-natura u l-gravità tal-inġerenza kif ukoll l-għan tagħha”.

(139)  Dan għaliex id-definizzjoni ta' “awtorità pubblika” fl-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus teskludi korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu f'kapaċità ġudizzjarja jew leġiżlattiva.

(140)  Il-Kawżi Magħquda C-128/09 sa C-131/09, C-134/09 u C-135/09 Boxus, paragrafu 53.

(141)  Il-Kawżi Magħquda C-128/09 sa C-131/09, C-134/09 u C-135/09 Boxus.

(142)  Il-Kawża C-41/11, Inter-Environnement Wallonie, paragrafi 42 sa 47.

(143)  Il-Kawża C-348/15 Stadt Wiener Neustadt, paragrafu 38.

(144)  Il-Kawża C-348/15 Stadt Wiener Neustadt, paragrafi 47 u 48.

(145)  C-293/97 Standley, paragrafi 51 u 52.

(146)  C-284/95 Safety Hi Tech, paragrafi 33 sa 61.

(147)  Il-Kawżi Magħquda C-313/15 u C-530/15, Eco-Emballages SA.

(148)  Il-Kawża C-201/02 Wells, paragrafi 64-65.

(149)  Il-Kawża C-129/96 Inter-Environnement Wallonie, paragrafu 45.

(150)  Il-Kawża C-201/02 Wells, paragrafu 67, u l-Kawża C-420/11 Leth, paragrafu 38.

(151)  Il-Kawża C-71/14 East Sussex, paragrafu 52.

(152)  C-72/12 Altrip, paragrafu 49.

(153)  C-72/12 Altrip, paragrafu 51.

(154)  C-72/12 Altrip, paragrafi 52-54.

(155)  Madankollu, il-possibbiltà li jiġu injorati difetti proċedurali minuri għall-fini ta' rimedji effettivi ma tipprekludix lil imħallef milli jiddikjara li seħħ difett proċedurali.

(156)  Il-Kawża C-201/02 Wells, paragrafu 65.

(157)  Il-Kawża C-201/02 Wells, paragrafu 69.

(158)  Il-Kawża C-201/02 Wells, paragrafu 60.

(159)  Il-Kawżi Magħquda C-128/09 sa C-131/09, C-134/09 u C-135/09 Boxus, paragrafu 57; u l-Kawża C-182/10 Solvay u oħrajn, paragrafu 52.

(160)  Il-Kawża C-348/15 Stadt Wiener Neustadt, paragrafi 45 sa 48.

(161)  Il-Kawża C-348/15 Stadt Wiener Neustadt, paragrafu 31.

(162)  Il-Kawża C-41/11 Inter-Environnement Wallonie.

(163)  Il-Kawża C-379/15 Association France Nature Environnement.

(164)  Il-Kawża C-379/15 Association France Nature Environnement, paragrafu 38.

(165)  Il-Kawża C-237/07 Janecek, paragrafi 39-42.

(166)  Il-Kawża C-237/07 Janecek, paragrafu 46.

(167)  Il-Kawża 404/13 Client Earth, paragrafu 58. F'dan il-każ, meta l-kuntest kien jinvolvi valuri ta' limitu vinkolanti dwar il-kwalità tal-arja skont id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja, 2008/50/KE, il-QtĠ iddikjarat li “meta Stat Membru ma jkunx osserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50, filwaqt li ma jkunx talab il-posponiment tat-terminu taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22 ta' din id-direttiva, hija l-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni, li tiġi eventwalment adita, li għandha tieħu kwalunkwe miżura neċessarja, bħal ordni, fil-konfront tal-awtorità nazzjonali, bil-għan li din l-awtorità tistabbilixxi l-pjan li teżiġi l-imsemmija direttiva taħt il-kundizzjonijiet previsti minnha

(168)  Il-Kawża C-72/12 Altrip.

(169)  Ara n-nota 163 f'qiegħ il-paġna.

(170)  Il-Kawża C-201/02 Wells, paragrafu 66.

(171)  Il-Kawża C-399/14 Grüne Liga Sachsen.

(172)  Il-Kawża C-420/11 Leth, paragrafi 36 u 38.

(173)  Il-Kawża C-420/11 Leth, paragrafu 41.

(174)  Il-Kawża C-420/11 Leth, paragrafu 46.

(175)  Il-Kawża C-399/14 Grüne Liga Sachsen, paragrafu 75.

(176)  Dan għaliex il-QtĠ kienet teħtieġ li l-futur tal-pont jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, 92/43/KEE. Dan jeħtieġ miżuri ta' kumpens jekk il-proġett li jagħmel il-ħsara tħalla jipproteġi fuq il-bażi ta' nuqqas ta' soluzzjonijiet alternattivi u interess pubbliku prevalenti.

(177)  Ara wkoll il-Kawża C-104/15 Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija, paragrafu 95, fir-rigward tal-importanza tat-teħid f'kunsiderazzjoni tar-rekwiżiti tar-riżultati meta jiġi indirizzat nuqqas ta' konformità. Din il-kawża kienet tikkonċerna l-Artikoli 4 u 13(2) tad-Direttiva dwar l-Iskart mill-Estrazzjoni, 2006/21/KE.

(178)  Il-Kawża C-416/10 Križan, paragrafu 109.

(179)  Ara pereżempju Il-Kummissjoni vs Malta, C-76/08 R. Il-punt 21 jiddikjara li: “Hija l-ġurisprudenza stabbilita li l-imħallef li jisma' applikazzjoni għal miżuri interim jista' jordna rimedju interim biss jekk ikun stabbilit li tali ordni hi ġġustifikata, prima facie, fil-fatt u fil-liġi u li hi urġenti għaliex, biex tiġi evitata ħsara serja u irrekuperabbli lill-interessi tal-applikant, din trid issir u trid tipproduċi l-effetti tagħha qabel ma tintlaħaq deċiżjoni fil-kawża ewlenija. Meta xieraq, l-imħallef li jisma' applikazzjoni bħal din irid jiżen l-interessi involuti (ara, fost l-oħrajn, l-ordni fil-Kawża C-404/04 P-R Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni [2005] Ġabra I-3539, paragrafu 10, u l-kawża ċċitata)”. Il-Punt 22 jiddikjara li “[l-]kundizzjonijiet imposti b'riżultat ta' dan huma kumulattivi, b'tali mod li applikazzjoni għal miżuri interim trid tiġi injorata jekk waħda minnhom ma tiġix issodisfata (ara, fost l-oħrajn, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, paragrafu 11, u l-kawża ċċitata).

(180)  Ara wkoll il-Kawża C-268/06 Impact, paragrafu 51.

(181)  L-Artikolu 11(4) tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE; L-Artikolu 25(4) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, 2010/75/UE; u l-Artikolu 23 tad-Direttiva Seveso III, 2012/18/UE.

(182)  Il-Kawża C-427/07 Il-Kummissjoni vs L-Irlanda; C-260/11 Edwards u Pallikaropoulos; u l-Kawża C-530/11 Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit.

(183)  Il-Kawża C-260/11 Edwards u Pallikaropoulos, paragrafu 33.

(184)  Il-Kawża C-427/07 Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, paragrafu 92.

(185)  Il-Kawża C-260/11 Edwards u Pallikaropoulos, paragrafi 29-30.

(186)  Il-Kawża C-260/11 Edwards u Pallikaropoulos, paragrafu 35.

(187)  Il-ġurisprudenza tikkonċerna d-dispożizzjoni dwar l-ispejjeż kif stabbilita fid-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE, u fid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, 2010/75/UE, li huma soġġetti għad-dmir ta' traspożizzjoni applikabbli għad-direttivi.

(188)  Il-Kawża C-530/11 Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, paragrafu 58.

(189)  Il-Kawża C-427/07 Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, paragrafu 92.

(190)  Il-Kawża C-530/11 Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, paragrafu 66. B'analoġija, dan hu rilevanti wkoll għad-Direttiva Seveso III, 2012/18/UE.

(191)  Il-Kawża C-530/11 Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, paragrafu 67.

(192)  Il-Kawża C-530/11 Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, paragrafu 68.

(193)  Il-Kawża C-260/11 Edwards u Pallikaropoulos, paragrafi 45 u 48.

(194)  Il-Kawża C-260/11 Edwards u Pallikaropoulos, paragrafu 43.

(195)  Il-Kawża C-260/11 Edwards u Pallikaropoulos, paragrafu 42.

(196)  Il-Kawża C-260/11 Edwards u Pallikaropoulos, paragrafu 40.

(197)  Il-Kawża C-530/11 Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, paragrafu 47.

(198)  C-530/11 Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, paragrafu 54.

(199)  Il-Kawża C-530/11 Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, paragrafu 47.

(200)  Ara “Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”, l-Artikolu 47(3).

(201)  Il-Kawża C-348/15 Stadt Wiener Neustadt, paragrafu 41.

(202)  Pereżempju, l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, 2011/92/UE.

(203)  Preċedentement l-Artikolu 10(6) tad-Direttiva 85/337/KEE.

(204)  Il-Kawża C-427/07 Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, paragrafu 97 (enfasi miżjuda).

(205)  Il-Kawża C-427/07 Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, paragrafu 98.

(206)  Ara wkoll l-informazzjoni disponibbli dwar l-aċċess għall-ġustizzja permezz tal-portal tal-ġustizzja elettronika, li trid tiġi aġġornata b'mod regolari mill-Istati Membri. https://e-justice.europa.eu/content_access_to_justice_in_environmental_matters-300-mt.do


ANNESS I

Lista tal-ġurisprudenza rilevanti tal-QtĠ għall-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali

 

Is-Sentenza tat-30 ta' Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja C- 361/88, EU:C:1991:224

 

Is-Sentenza tas-17 ta' Ottubru 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja C-58/89, EU:C:1991:391

 

Is-Sentenza tal-24 ta' Ottubru 1996, KraaijeveldC-72/95, EU:C:1996:404

 

Is-Sentenza tal-14 ta' Lulju 1998, Safety Hi-Tech C-284/95, EU:C:1998:352

 

Is-Sentenza tad-29 ta' April 1999, Standley C-293/97, EU:C:1999:215

 

Is-Sentenza tas-7 ta' Diċembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza C-374/98, EU:C:2000:670

 

Is-Sentenza tas-7 ta' Jannar 2004, Wells C-201/02, EU:C:2004:12

 

Is-Sentenza tas-7 ta' Settembru 2004, Waddenzee C-127/02, EU:C:2004:482

 

Is-Sentenza tat-13 ta' Marzu 2007, Unibet C-432/05, EU:C:2007:163

 

Is-Sentenza tal-25 ta' Lulju 2008, Janecek C-237/07, EU:C:2008:447

 

Is-Sentenza tal-15 ta' April 2008, Impact C-268/06, EU:C:2008:223

 

Is-Sentenza tat-3 ta' Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda C-215/06, EU:C:2008:380

 

Is-Sentenza tas-16 ta' Lulju 2009Il-Kummissjoni vs L-Irlanda C-427/07, EU:C:2009:457

 

Is-Sentenza tat-30 ta' April 2009, Mellor C-75/08, EU:C:2009:279

 

Is-Sentenza tal-15 ta' Ottubru 2009, Djurgården C-263/08, EU:C:2009:631

 

Is-Sentenza tat-12 ta' Mejju 2011, Bund für Umwelt und Naturschutz C-115/09, EU:C:2011:289

 

Is-Sentenza tat-18 ta' Ottubru 2011, Boxus Il-Kawżi Magħquda C-128/09 sa C-131/09, C-134/09 u C-135/09, EU:C:2011:667

 

Is-Sentenza tat-8 ta' Marzu 2011LZ I C-240/09, EU:C:2011:125

 

Is-Sentenza tas-26 ta' Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu C-165 sa C-167/09, EU:C:2011:348

 

Is-Sentenza tas-16 ta' Frar 2012, Solvay u oħrajn C-182/10, EU:C:2012:82

 

Is-Sentenza tat-28 ta' Frar 2012Inter-Environnement Wallonie C-41/11, EU:C:2012:103

 

Is-Sentenza tal-15 ta' Jannar 2013, KrižanC-416/10, EU:C:2013:8

 

Is-Sentenza tal-14 ta' Marzu 2013, Leth C-420/11, EU:C:2013:166

 

Is-Sentenza tal-11 ta' April 2013, Edwards u Pallikaropoulos C-260/11, EU:C:2013:221

 

Is-Sentenza tat-3 ta' Ottubru 2013, Inuit C-583/11P, EU:C:2013:625

 

Is-Sentenza tas-7 ta' Novembru 2013, Altrip C-72/12, EU:C:2013:712

 

Is-Sentenza tad-19 ta' Diċembru 2013, Fish Legal u Shirley C-279/12, EU:C:2013:853

 

Is-Sentenza tat-13 ta' Frar 2014, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit C-530/11, EU:C:2014:67

 

Is-Sentenza tad-19 ta' Novembru 2014, Client Earth EU C-404/13, EU:C:2014:2382

 

Is-Sentenza tas-6 ta' Ottubru 2015, East Sussex C-71/14, EU:C:2015:656

 

Is-Sentenza tal-15 ta' Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja C-137/14, EU:C:2015:683

 

Is-Sentenza tal-14 ta' Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen C-399/14, EU:C:2016:10

 

Is-Sentenza tal-21 ta' Lulju 2016Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija C-104/15, EU:C:2016:581

 

Is-Sentenza tal-15 ta' Ottubru 2015, Gruber C-570/13, EU:C:2015:683

 

Is-Sentenza tat-28 ta' Ġunju 2016, Association France Nature Environnement — C-379/15 EU:C:2016:603

 

Is-Sentenza tat-8 ta' Novembru 2016, LZ II C-243/15, EU:C:2016:838

 

Is-Sentenza tal-10 ta' Novembru 2016, Eco-Emballages, C-313/15 u C-530/15 EU:C:2016:859

 

Is-Sentenza tas-17 ta' Novembru 2016, Stadt Wiener Neustadt C-348/15. EU:C:2016:882

 

L-Ordni tal-President tal-Qorti tal-24 ta' April 2008 f'Il-Kummissjoni vs Malta C-76/08 R EU:C:2008:252

 

Opinjoni 1/09, Ħolqien ta' Sistema Unifikata ta' Riżoluzzjoni ta' Tilwim fil-Qasam tal-Privattivi, EU:C:2011:123


ANNESS II

L-istrumenti attwali ċċitati tal-UE

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (“id-Direttiva dwar il-Ħabitats”) (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7);

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (“id-Direttiva dwar in-Nitrati”) (ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1);

Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (“id-Direttiva dwar l-Iskart mill-Imballaġġ”) (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10);

Id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta' Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (“id-Direttiva dwar l-Ilma Tax-Xorb”) (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32). Din tieħu post id-Direttiva 80/778/KEE;

Ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar sostanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (“ir-Regolament dwar l-Ożonu”) (ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1). Dan jieħu post ir-Regolament (KE) Nru 3093/94;

Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (“id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma”) (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1);

Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (“id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika” jew “id-Direttiva VAS” (ĠU L 197, 21.7.2001 p. 30;

Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE (“id-Direttiva dwar l-Aċċess għat-Tagħrif Ambjentali”) (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26);

Id-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Eewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta' ċerti pjani u programmi li għandhom x'jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (“id-Direttiva dwar il-Parteċipazzjoni Pubblika”) (ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17);

Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (“id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali”) (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56);

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall- ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (2005/370/KE) (ĠU L 124, 17.5.2005, p. 1);

Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (“ir-Regolament ta' Aarhus”) (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13);

Id-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2006 dwar l-immaniġġjar tal-kwalità tal-ilma għall-għawm u li tħassar id-Direttiva 76/160/KEE (“id-Direttiva dwar l-Ilma għall-Għawm”) (ĠU L 64, 4.3.2006, p. 37);

Id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-immaniġġjar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (“id-Direttiva dwar l-Iskart mill-Estrazzjoni”) (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15);

Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (“id-Direttiva INSPIRE”) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1);

Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU C 303, 14.12.2007, p. 17);

Id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (“id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja”) (ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1);

Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (“id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart”) (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3);

Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (“id-Direttiva dwar l-Għasafar Selvaġġi”) (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7);

Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (“id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali”) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17);

Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (“id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali”) (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1); din tieħu post id-Direttiva 85/337/KEE;

Id-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-kontroll ta' perikli ta' inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill Nru 96/82/KE (“id-Direttiva Seveso III” jew “id-Direttiva dwar Perikli ta' Inċidenti Kbar”) (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 1);

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar prinċipji komuni għal mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv ta' inġunzjoni u kumpensatorji fl-Istati Membri li jirrigwardaw il-ksur tad-drittijiet skont il-Liġi tal-Unjoni (2013/396/UE) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rimedju Kollettiv”) (ĠU L 201, 26.7.2013, p. 60);

Id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (“id-Direttiva dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet” jew id-“Direttiva NEC”) (ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1).