7.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/11


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) No 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2017/C 218/02)

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (Packaged Retail and Insurance-based Investment Products, PRIIP) (minn hawn ’il quddiem “Ir-Regolament 1286/2014”) (1) jistabbilixxi regoli uniformi dwar il-format u l-kontenut tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija (minn hawn ’il quddiem “KID”, għal Key Information Document) li għandu jitfassal mill-manifatturi tal-PRIIP u dwar l-għoti tal-KID lill-investituri fil-livell ta’ konsumatur mill-manifatturi tal-PRIIP u dawk li jbigħu jew jagħtu pariri dwar dawn il-prodotti.

(2)

Il-KID jintroduċi standard komuni li jistabbilixxi l-informazzjoni tal-investituri fil-livell tal-konsumatur għal firxa wiesgħa ta’ PRIIP u li jippermetti lill-investituri fil-livell tal-konsumatur biex jifhmu u jqabblu l-karatteristiċi ewlenin, ir-riskji, il-prestazzjoni potenzjali futura u l-kostijiet tal-PRIIP, u b’hekk jippermetti lill-investituri fil-livell tal-konsumatur biex jieħdu deċiżjonijiet informati dwar l-investiment.

(3)

Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tiffaċilita aktar l-implimentazzjoni tar-Regolament 1286/2014 u l-konformità miegħu, billi tiffaċilita d-diverġenzi potenzjali ta’ interpretazzjoni fl-Unjoni kollha. Hija tibni fuq ir-rispons mill-partijiet ikkonċernati li ngħata f’sessjoni ta’ ħidma teknika dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-PRIIP organizzata mill-Kummissjoni fl-11 ta’ Lulju 2016, u fuq il-mistoqsijiet li waslu wara għand il-Kummissjoni, l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

(4)

Din il-Komunikazzjoni ma tinkludix regoli legali ġodda u lanqas toħloqhom. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija bla preġudizzju għal kwalunkwe interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tista’ tagħti għar-Regolament 1286/2014 fil-ġejjieni, jew għal kwalunkwe att delegat jew att ta’ implimentazzjoni adottat skont dan ir-Regolament.

2.   LINJI GWIDA

(5)

Il-prodotti koperti bir-Regolament 1286/2014

Il-manifatturi ta’ prodotti ta’ investiment għall-konsumatur u ta’ assigurazzjoni u l-persuni li jagħtu pariri dwar dawn il-prodotti jew ibigħuhom lil investituri fil-livell tal-konsumatur huma responsabbli biex jivvalutaw liema prodotti għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 1286/2014. Din il-valutazzjoni għandha tikkunsidra, b’mod partikolari, il-karatteristiċi ekonomiċi speċifiċi u t-termini u l-kundizzjonijiet kuntrattwali ta’ kull prodott.

(6)

Prodotti disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur mingħajr kunsiderazzjoni

Prodott li l-akkwist tiegħu ma jeħtieġx ħlas mill-investitur fil-livell tal-konsumatur, li jfisser li la jkun hemm ħlas inizjali u lanqas xi riskju ta’ impenji finanzjarji futuri mill-investitur fil-livell tal-konsumatur, ma jitqiesx bħala investiment fit-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament 1286/2014 u, għaldaqstant, ma jeħtieġ l-ebda KID.

(7)

PRIIP b’diversi opzjonijiet

Fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ PRIIP b’diversi opzjoni, jiġifieri meta l-informazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament 1286/2014 fir-rigward ta’ kull għażla ta’ investiment sottostanti ma tistax tiġi pprovduta f’dokument wieħed, konċiż u awtonomu, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament 1286/2014 jippermetti biss deroga mill-format tal-KID uniku. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deroga, il-manifatturi tal-PRIIP ta’ PRIIP b’diversi opzjonijiet bħal dawn għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet l-oħra kollha tar-Regolament 1286/2014. Għalhekk, il-KID prodott f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 10 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/653 (2) (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni”), kif ukoll flimkien mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni għandu jkun konformi mal-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament 1286/2014.

(8)

Prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni li għandhom il-PRIIP u prodotti diversi minn PRIIP, bħala opzjonijiet ta’ investiment sottostanti

Ir-Regolament 1286/2014 jirrikjedi li l-prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni jkunu soġġetti għar-rekwiżiti uniformi fir-rigward tal-provvediment tal-KID lill-investituri fil-livell tal-konsumatur, irrispettivament minn jekk l-opzjonijiet ta’ investiment sottostanti ta’ dawk il-PRIIP humiex innifishom PRIIP.

(9)

Bidliet fil-PRIIP eżistenti inklużi fid-definizzjoni ta’ “manifattur tal-PRIIP”

L-Artikolu 4(4) tar-Regolament 1286/2014 jiddefinixxi l-“manifattur tal-PRIIP” bħala entità li timmanifattura l-PRIIP jew entità li tagħmel tibdil fil-PRIIP eżistenti inkluż tibdil fil-profil tar-riskju jew tal-benefiċċji tagħhom jew il-kostijiet assoċjati ma’ investiment f’PRIIP, iżda mhux limitat għalih.

Din id-definizzjoni tinkludi eżempji ta’ bidliet f’PRIIP eżistenti, li jagħmlu entità ta’ “manifattur tal-PRIIP” għall-finijiet tar-Regolament 1286/2014, iżda mhijiex limitata għal dawn l-eżempji. L-objettiv tar-Regolament 1286/2014 huwa li jiġi żgurat li l-informazzjoni pprovduta fil-KID tkun preċiża, ġusta, ċara u mhux qarrieqa għall-investituri fil-livell tal-konsumatur u li jippermetti lill-investituri fil-livell tal-konsumatur biex iqabblu PRIIP differenti u jifhmu kompletament il-karatteristiċi individwali tagħhom. Madankollu, l-elenkar ta’ PRIIP eżistenti f’suq sekondarju ma jistax awtomatikament jimplika bidla li tbiddel il-profil tar-riskju u l-benefiċċji tiegħu jew il-kostijiet assoċjati ma’ dan il-PRIIP.

(10)

Applikazzjoni territorjali

Ir-Regolament 1286/2014 japplika għall-manifatturi tal-PRIIP kollha u l-persuni li jagħtu pariri dwar il-PRIIP disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur fit-territorju tal-Unjoni jew ibigħuhom, inklużi entitajiet u persuni bħal dawn minn pajjiżi terzi. Konsegwentement, meta investituri fil-livell tal-konsumatur fit-territorju tal-Unjoni jiddeċiedu li jissottoskrivu jew jixtru PRIIP ta’ pajjiż terz, japplikaw ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament 1286/2014. F’dawn il-każijiet, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1286/2014, persuna li tagħti pariri dwar PRIIP jew li tbiegħhom, għandha tipprovdi KID lill-investituri fil-livell tal-konsumatur.

Fejn applikabbli, ir-regoli settorjali li jistipulaw il-kundizzjonijiet li bihom il-manifatturi tal-PRIIP jew il-persuni li jagħtu pariri dwar il-PRIIP jew ibigħuhom minn pajjiżi terzi jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom fl-Unjoni, għandhom jiġu rrispettati u mħarsa (3).

Meta l-PRIIP ikun disponibbli biss għal investituri barra mill-Unjoni, ma jkunx meħtieġ KID.

(11)

Offerti miftuħin fl-1 ta’ Jannar 2018

Ir-Regolament 1286/2014 ma jipprevedix xi reġim legali tranżitorju speċifiku rigward il-PRIIP disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur qabel l-1 ta’ Jannar 2018, li jibqgħu jkunu disponibbli għal investituri fil-livell tal-konsumatur wara dik id-data u għalhekk japplika għal dawk il-PRIIP.

(12)

L-offerti li jkunu magħluqa sal-31 ta’ Diċembru 2017

Meta PRIIP ma jkunx għadu disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur sa mill-1 ta’ Jannar 2018 u l-bidliet fl-impenji eżistenti huma soġġetti biss għat-termini u l-kundizzjonijiet kuntrattwali miftiehma qabel dik id-data, ma jkunx meħtieġ KID.

Meta dawn it-termini u l-kundizzjonijiet kuntrattwali jippermettu l-ħruġ tal-PRIIP eżistenti, iżda dak il-PRIIP ma jkunx għadu disponibbli għal investituri fil-livell tal-konsumatur oħrajn wara l-1 ta’ Jannar 2018, ma jkunx meħtieġ KID.

(13)

L-użu ta’ KID minn UCITS

L-impriżi għal investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (minn hawn ’il quddiem “UCITS”) u l-fondi ta’ investiment alternattivi (minn hawn ’il quddiem “AIF”) li huma soġġetti għall-obbligu li jipproduċu d-Dokument bit-Tagħrif Ewlieni għall-Investituri (minn hawn ’il quddiem “KIID”) skont il-liġi nazzjonali huma eżentati mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament 1286/2014 bis-saħħa tal-Artikolu 32(1) tiegħu sal-31 ta’ Diċembru 2019. Ir-Regolament 1286/2014 ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tippermetti li jkun hemm sostituzzjoni tal-KIID mal-KID.

(14)

It-traduzzjonijiet tal-KID

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament 1286/2014, il-KID irid jingħata f’lingwa preskritta mill-Istat Membru fejn il-PRIIP jitqassam sabiex jiġi żgurat li l-investituri fil-livell tal-konsumatur jkunu jistgħu jifhmuh. Is-sempliċi fatt li s-sit web ta’ persuna li tagħti pariri dwar il-PRIIP jew li tbiegħhom jista’ jiġi aċċessat ukoll minn investituri fil-livell tal-konsumatur minn Stati Membri minbarra l-Istat Membru fejn il-PRIIP jitqassam minn dik il-persuna (jiġifieri ma jkunx disponibbli għal dawn l-investituri fil-livell tal-konsumatur), ma jimplikax l-obbligu li jiġi pprovdut il-KID fil-lingwi preskritti minn Stati Membri oħra.

Ir-Regolament 1286/2014 ma jispeċifikax b’mod espliċitu min għandu jittraduċi l-KID jekk il-PRIIP għandux jkun disponibbli f’livell transfruntier. Madankollu, mill-Artikolu 11 tar-Regolament 1286/2014 joħroġ ċar li l-manifattur tal-PRIIP huwa responsabbli għall-preċiżjoni tat-traduzzjoni. Bl-istess mod, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament 1286/2014 jistabbilixxi li l-KID għandu jiġi ppubblikati fuq is-sit web tal-manifattur tal-PRIIP.

(15)

Responsabbiltà ċivili għal informazzjoni dwar l-opzjonijiet ta’ investiment sottostanti

L-Artikolu 11 tar-Regolament 1286/2014 ma jeskludix ir-responsabbiltà ċivili li tista’ tiġġarrab mill-manifatturi tal-PRIIP għal dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni speċifika dwar opzjonijiet ta’ investiment differenti meta jirriżulta li dik l-informazzjoni hija qarrieqa, mhux preċiża jew inkonsistenti mal-partijiet rilevanti tad-dokumenti prekuntrattwali jew kuntrattwali legalment vinkolanti jew mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament 1286/2014 u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni.

(16)

Kanali ta’ distribuzzjoni

Ir-Regolament 1286/2014 ma jagħmilx distinzjoni bejn PRIIP li jinbiegħ b’parir mogħti lill-investitur fil-livell tal-konsumatur jew mingħajru, jew akkwistat mill-investitur fil-livell tal-konsumatur fuq inizjattiva tiegħu stess jew b’xi mod ieħor. Għal kull PRIIP disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, manifattur tal-PRIIP għandu jfassal u jippubblika KID għal dak il-prodott fuq is-sit web tiegħu filwaqt li persuna li tagħti pariri dwar il-PRIIP jew li tbigħu, għandha tipprovdi KID lill-investituri fil-livell tal-konsumatur.

(17)

PRIIP mibjugħa minn intermedjarji biss

Anki meta PRIIP ikun mibjugħ esklussivament minn persuni għajr il-manifattur tal-PRIIP, skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament 1286/2014, il-manifattur tal-PRIIP għandu jfassal u jippubblika KID għal dak il-prodott fuq is-sit web tiegħu.

(18)

It-tqassim ta’ PRIIP mingħajr KID

Persuna li tagħti pariri dwar il-PRIIP jew li tbigħu, għandha tipprovdi KID lill-investituri fil-livell tal-konsumatur skont l-Artikolu 13 tar-Regolament 1286/2014. It-tqassim ta’ PRIIP mingħajr KID huwa ksur tar-Regolament 1286/2014.

(19)

Prodott li mhuwiex PRIIP offrut flimkien ma’ PRIIP

Meta prodott li mhuwiex PRIIP jiġi offrut flimkien ma’ PRIIP u l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (h) tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament 1286/2014 ma tiġix affettwata mill-prodott li mhuwiex PRIIP, il-KID ta’ dak il-PRIIP jista’ jirreferi biss għall-prodott li mhuwiex PRIIP fit-taqsima “Informazzjoni rilevanti oħra”.

(20)

Adattamenti għall-KID

Ir-Regolament 1286/2014 ma jippermetti l-ebda adattament għall-KID, inklużi t-titoli u s-sekwenza tat-taqsimiet.

(21)

It-tul tal-KID

Ir-Regolament 1286/2014 jiddikjara b’mod ċar li l-KID għandu jitfassal bħala dokument qasir miktub b’mod konċiż u ta’ massimu ta’ tliet faċċati ta’ karta A4 stampata.

(22)

Speċifikazzjoni tal-awtorità kompetenti

Il-punt (a) tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament 1286/2014 jirrikjedi biss li l-informazzjoni dwar l-awtorità kompetenti tal-manifattur tal-PRIIP tkun inkluża fil-KID, jiġifieri, informazzjoni dwar l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-manifattur tal-PRIIP, irrispettivament minn jekk dan il-manifattur tal-PRIIP iwettaqx attivitajiet transfruntieri.

(23)

KID “Fuq talba” jew “ħin reali”

Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament 1286/2014, fil-każ li rieżami jindika li hemm bżonn isir tibdil, il-manifatturi tal-PRIIP għandhom jirrevedu l-KID. Il-KID rivedut għandu jsir disponibbli fil-pront. La r-Regolament 1286/2014 u lanqas ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni ma jirrikjedu li l-manifatturi tal-PRIIP jipprovdu KID “fuq talba” jew f’“ħin reali”. Sakemm ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni ma jispeċifikax mod ieħor, il-frekwenza li biha l-manifattur għandu jirrieżamina u jirrevedi l-KID jiddependi min-natura tal-PRIIP u sa liema punt l-informazzjoni pprovduta fil-KID tibqa’ preċiża u ma tkunx qarrieqa.

Fl-istess ħin, is-sistemi għall-produzzjoni tal-KID “fuq talba” jew f’“ħin reali” huma permessi, sakemm il-KID riveduti jikkonformaw mar-regoli tar-Regolament 1286/2014, inkluż il-pubblikazzjoni fuq is-sit web tal-manifattur tal-PRIIP.


(1)  ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/653 tat-8 ta’ Marzu 2017 jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs), billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji dwar il-preżentazzjoni, il-kontenut, ir-rieżami u r-reviżjoni tad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija u l-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jiġu pprovduti dawn id-dokumenti (ĠU L 100, 12.4.2017, p. 1.)

(3)  Pereżempju d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (ĠU L 26, 2.2.2016, p. 19), id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349), id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338), id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1), id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1), id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64).