3.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/16


Notifika ta’ bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri antidumping u kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew li huma kkunsinjati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(2017/C 67/10)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) iddeċidiet b’inizjattiva tagħha stess li tibda investigazzjoni ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri antidumping u kumpensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament antidumping bażiku”) u skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament antisussidji bażiku”).

Ir-rieżami interim parzjali huma limitat għall-għamla tal-miżuri.

1.   Il-prodott taħt rieżami

Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin jew pannelli u ċelloli tat-tip użat f’moduli jew pannelli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin (iċ-ċelloli għandhom ħxuna li ma taqbiżx l-400 mikrometru) (“il-prodott taħt rieżaminat”), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 8501 31 00, ex 8501 32 00, ex 8501 33 00, ex 8501 34 00, ex 8501 61 20, ex 8501 61 80, ex 8501 62 00, ex 8501 63 00, ex 8501 64 00 u ex 8541 40 90 u li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew li huma kkunsenjati minn hekk, sakemm ma jkunux fi tranżitu fis-sens tal-Artikolu V GATT.

It-tipi ta’ prodotti li ġejjin huma esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat:

ċarġers solari li jikkonsistu f’inqas minn sitt ċelloli, li huma portabbli u li jfornu l-elettriku għall-apparati jew li jiċċarġjaw il-batteriji,

prodotti fotovoltajċi b’film irqiq,

prodotti fotovoltajċi tas-siliċju kristallin li huma integrati b’mod permanenti fi prodotti elettriċi, li fihom il-funzjoni tal-prodotti elettriċi hija differenti mill-ġenerazzjoni tal-enerġija, u meta dawn il-prodotti elettriċi jikkunsmaw l-elettriku ġġenerat miċ-ċellola/i fotovoltajka/ċi integrata/i tas-siliċju kristallin,

moduli jew pannelli b’vultaġġ ta’ output li ma jaqbiżx 50 V DC u output ta’ enerġija li ma jaqbiżx 50 W unikament għall-użu dirett bħala ċarġers tal-batteriji f’sistemi bl-istess karatteristiċi ta’ vultaġġ u enerġija.

2.   Il-miżuri eżistenti

Il-miżuri li huma fis-seħħ bħalissa huma dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/367 (3) u dazju kumpensatorju definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/366 (4), estiżi għall-importazzjonijiet ikkunsenjati mill-Malasja u mit-Tajwan, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fil-Malasja u fit-Tajwan u kemm jekk le, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/185 (5) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/184 (6), rispettivament.

Fit-2 ta’ Awwissu 2013, il-Kummissjoni aċċettat impenn fuq il-prezz minn grupp ta’ produtturi esportaturi kooperanti flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta’ Makkinarju u Prodotti Elettroniċi (China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products, “CCCME”) permezz tad-Deċiżjoni 2013/423/UE (7). Fl-4 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni kkonfermat l-aċċettazzjoni tal-impenn offrut permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE (8). It-termini tal-implimentazzjoni tal-impenn imsemmi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE ġew iċċarati ulterjorment fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/657/UE (9). Bir-Regolamenti suċċessivi, għadd ta’ produtturi esportaturi ġew irtirati mill-impenn.

3.   Ir-raġunijiet għar-rieżami

Hemm evidenza prima facie li ċ-ċirkostanzi li abbażi tagħhom il-miżuri eżistenti ġew imposti nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta’ natura dejjiema.

L-evidenza hija relatata mal-iżvilupp teknoloġiku u l-kisbiet fl-effiċjenza min-naħa tal-industrija u mal-kwistjoni li tirrigwarda kif l-għamla attwali tal-miżuri, jiġifieri impenn fuq il-prezz ibbażat fuq prezz ta’ importazzjoni minimu (MIP — minimum import price) li huwa soġġett għal mekkaniżmu ta’ adattament perjodiku, tqis biżżejjed l-impatt ta’ dawn l-aspetti fuq il-prezzijiet tal-importazzjoni tal-prodott taħt rieżami fl-Unjoni. Minn barra dan, il-fatt li għadd kbir ta’ produtturi esportaturi ġew irtirati mill-impenn (jew volontarjament jew inkella minħabba ksur jew imprattikabbiltà) minn mindu daħal fis-seħħ, jagħti lok għall-kwistjoni dwar jekk l-impenn jistax jibqa’ jiġi kkunsidrat bħala għamla xierqa għall-miżuri.

L-esperjenza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-impenn permezz ta’ MIP li ġie stabbilit f’ċirkostanzi ekonomiċi li evolvew f’dawn l-aħħar tliet snin tindika li hemm bżonn li l-għamla tal-miżuri tiġi kkunsidrata mill-ġdid.

Għaldaqstant, jidher li huwa xieraq li ssir analiżi dwar jekk l-għamla tal-miżuri għadhiex l-aktar waħda xierqa. L-evidenza prima facie tissuġġerixxi li kemm il-miżuri antidumping kif ukoll dawk kumpensatorji jaf jirrifletti ċ-ċirkostanzi mibdula b’mod aktar xieraq billi jieħdu l-għamla ta’ dazju varjabbli, abbażi ta’ MIP għall-importazzjonijiet kollha tal-prodott taħt rieżami. Dan ifisser li l-importazzjonijiet kollha b’valur dikjarat fil-livell tal-MIP jew aktar minnu ma jibqgħux aktar soġġetti għal dazji. MIP varjabbli bħal dan ikun aġġustat regolarment biex jirrifletti żviluppi tekniċi ulterjuri u kisbiet fl-effiċjenza fis-settur solari.

4.   Il-proċedura

Wara li infurmat lill-Istati Membri, il-Kummissjoni ddeterminat li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-ftuħ ta’ rieżami interim parzjali limitat għall-għamla tal-miżuri u b’hekk qiegħda tagħti bidu għal rieżami f’konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament antidumping bażiku u mal-Artikolu 19 tar-Regolament antisussidji bażiku. L-investigazzjoni se tanalizza jekk, meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi mibdula, l-għamla tal-miżuri għadhiex jew le l-aktar waħda xierqa.

Il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ġie mistieden għal konsultazzjonijiet.

4.1.    Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2016 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”).

4.2    Il-kwestjonarji

Il-Kummissjoni, biex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, tista’ tibgħat kwestjonarji lill-partijiet interessati li jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-preżenza tagħhom fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. It-tweġibiet għal dawn il-kwestjonarji jridu jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

4.3.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-istadju inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

4.4.    L-istruzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u sabiex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li huma soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ partijiet terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti espliċitament (a) lill-Kummissjoni li tuża l-informazzjoni u d-data għall-finijiet ta’ dan il-proċediment għad-difiża tal-kummerċ u (b) li l-informazzjoni u/jew id-data jkunu provduti lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Kull sottomissjoni bil-miktub, kwestjonarju mimli u korrispondenza pprovduti mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati “Limited” (10). Kull talba għal trattament kunfidenzjali trid tiġi ġustifikata kif dovut.

Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Limited” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 29(2) tar-Regolament antisussidji bażiku, li jkunu mmarkati bil-kliem “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati tant li jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali tinftiehem raġonevolment. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ ittra elettronika inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li għandhom jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew DVD personalment jew permezz ta’ ittra reġistrata. Permezz tal-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/june/tradoc_152577.pdf

Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali operattiv u ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta reġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta elettronika: TRADE-SOLAR-INJURY@ec.europa.eu

5.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet li fihom xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti konklużjonijiet, pożittivi jew negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 28 tar-Regolament antisussidji bażiku.

Meta jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment, u l-konklużjonijiet ikunu għalhekk ibbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 28 tar-Regolament antisussidji bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal din il-parti milli kieku din tkun ikkooperat.

Jekk ma tintbagħatx tweġiba bil-kompjuter, dan ma għandux jitqies bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif intalab kienet twassal għal piż żejjed mhux raġonevoli jew għal spejjeż żejda mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni immedjatament.

6.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ punt ta’ kuntatt bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u t-talbiet għal smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jiġu eżerċitati kompletament.

It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika x’inhuma r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-istadju inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta jagħti wkoll opportunitajiet għal smigħ li jinvolvi l-partijiet u li jippermetti li jitressqu fehmiet differenti u argumenti kuntrarji.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/

7.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se titwettaq skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 22(1) tar-Regolament antisussidji bażiku. Il-Kummissjoni hija impenjata li ttemm l-investigazzjoni fi żmien sitt (6) xhur u mhux aktar tard minn disa’ (9) xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

8.   L-ipproċessar ta’ data personali

Id-data personali kollha miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data  (11).


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(3)  ĠU L 56, 3.3.2017, p. 131.

(4)  ĠU L 56, 3.3.2017, p. 1.

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/185 tal-11 ta’ Frar 2016 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1238/2013 fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkunsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) ikkunsinjati mill-Malasja u t-Tajwan, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fil-Malasja jew fit-Tajwan kif ukoll jekk le (ĠU L 37, 12.2.2016, p. 76).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/184 tal-11 ta’ Frar 2016 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2013 fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkunsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) ikkunsinjati mill-Malasja u t-Tajwan, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fil-Malasja jew fit-Tajwan kif ukoll jekk le (ĠU L 37, 12.2.2016, p. 56).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/423/UE tat-2 ta’ Awwissu 2013 li taċċetta impenn offrut b’rabta mal-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 209, 3.8.2013, p. 26).

(8)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/707/UE tal-4 ta’ Diċembru 2013 li tikkonferma l-aċċettazzjoni ta’ impenn offrut b’rabta mal-proċedimenti ta’ antidumping u antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ miżuri definittivi (ĠU L 325, 5.12.2013, p. 214).

(9)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/657/UE tal-10 ta’ Settembru 2014 li taċċetta proposta minn grupp ta’ produtturi esportaturi flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta’ Makkinarju u Prodotti Elettroniċi għal kjarifiki rigward l-implimentazzjoni tal-impenn imsemmi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE (ĠU L 270, 11.9.2014, p. 6).

(10)  Dokument “Limited” (Ristrett) huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21), l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55), l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Antidumping) u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji. Dan huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(11)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.