Brussell, 5.10.2017

COM(2017) 582 final

2017/0253(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fir-rigward ta' emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE

(Azzjoni preparatorja tal-Unjoni fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta) għandu l-għan li jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE sabiex tiġi estiża l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim ŻEE biex tinkludi l-parteċipazzjoni tal-Istati taż-ŻEE EFTA tal-Unjoni rigward l-Azzjoni Preparatorja għar-Riċerka dwar id-Difiża (minn hawn ’il quddiem “Azzjoni Preparatorja”). Billi l-Liechtenstein u l-Iżlanda ma esprimewx l-interess tagħhom li jipparteċipaw f’din l-Azzjoni Preparatorja, għaldaqstant l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jikkonċerna biss lin-Norveġja.

Konsistenza ma' dispożizzjonijiet ta' politika attwali fil-qasam tal-politika

Il-Ftehim taż-ŻEE jipprevedi fl-Artikolu 78 li l-Partijiet Kontraenti għandhom isaħħu u jwessgħu l-kooperazzjoni fil-qafas tal-attivitajiet tal-UE fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku. Il-Kummissjoni, li bħalissa tiffinanzja esklussivament ir-Riċerka u l-Iżvilupp ċivili jew b’użu doppju permezz tal-programm Orizzont 2020, tqis l-Azzjoni Preparatorja bħala strument ewlieni biex ikun eżaminat il-valur miżjud tar-riċerka relatata mad-difiża mill-baġit tal-UE 

Peress li n-Norveġja kkonkludiet Arranġament Amministrattiv mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u d-Direttiva dwar l-Akkwist tad-Difiża u s-Sigurtà relatata (2009/81/KE), li għandha tiżgura kompetizzjoni ġenwina u trattament ugwali f’dan il-qasam, ġiet inkorporata fil-Ftehim taż-ŻEE diġà fl-2014, il-parteċipazzjoni tan-Norveġja fl-Azzjoni Preparatorja hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika.

Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

Il-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka f’teknoloġiji, prodotti u servizzi innovattivi hija kruċjali biex tiġi salvagwardjata l-kompetittività fuq tul ta’ żmien twil tas-settur tad-difiża u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-awtonomija strateġika tal-Ewropa. Il-kooperazzjoni man-Norveġja se tikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-isforzi tal-UE f’dan il-qasam.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Azzjoni Preparatorja hija parti mill-politiki tagħha marbuta mas-suq intern, l-industrija u r-riċerka. Aktar tisħiħ tal-kooperazzjoni f’dan il-qasam huwa għalhekk konformi mal-għanijiet tal-Ftehim taż-ŻEE.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika hija l-Artikoli 54(2)(b), 84(2) u l-Artikolu 124 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 1 flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 2 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim taż-ŻEE li jipprovdi li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni dwar Deċiżjonijiet bħal dawn, fuq proposta mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tippreżenta, f'kooperazzjoni mas-SEAE, l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tittama li tkun fil-qagħda li tippreżentah fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE kemm jista’ ikun malajr.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà għar-raġuni li ġejja.

L-objettiv ta’ din il-proposta, partikolarment biex tiġi stabbilita kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka dwar id-difiża ma-Istati tal-EFTA taż-ŻEE permezz tal-parteċipazzjoni tagħha f’Azzjoni Preparatorja ffinanzjata mill-baġit tal-UE, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-effetti, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni.

Il-proporzjonalità

F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tagħha – li tissaħħaħ u titwessa’ l-kooperazzjoni fil-qafas tal-attivitajiet tal-UE fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku.

L-għażla tal-istrument

F'konformità mal-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, l-istrument magħżul huwa d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jiżgura l-implimentazzjoni u l-operat effettivi tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. Għal dan l-għan, għandu jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim ŻEE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Ġbir u użu tal-kompetenzi u l-valutazzjoni tal-impatt

Fl-2013, il-Kummissjoni qieset li tniedi Azzjoni Preparatorja 3 għar-Riċerka dwar id-Difiża f’appoġġ ta’ suq aktar kompetittiv u effiċjenti fis-settur tad-difiża u s-sigurtà 4 . Il-Parlament Ewropew 5 u l-Kunsill 6 laqgħu din l-inizjattiva u stiednu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa proposta biex timplimenta l-Azzjoni Preparatorja. Fl-2015, il-Kunsill Ewropew 7 innota l-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament adatt għall-Azzjoni Preparatorja, li jwitti t-triq għall-programm futur għar-riċerka u t-teknoloġija tad-difiża 8 .

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

In-Norveġja għandha tikkontribwixxi finanzjarjament għall-Linja tal-Baġit 02 04 77 03: “Azzjoni preparatorja fuq ir-riċerka dwar id-Difiża”. Il-kontribuzzjoni Norveġiża għall-2017 hija mistennija li tkun: EUR 585 000.

5.ELEMENTI OĦRA

Skont il-politika baġitarja tal-UE, kull parteċipazzjoni f’attività tal-UE tista’ sseħħ biss wara li jitħallsu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji korrispondenti. Il-ħlas jista’ madankollu jseħħ ladarba dan l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill jiġi adottat u wara li s-sejħa għal fondi tal-UE stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea tkun sottomessa lill-Istati tal-EFTA taż-ŻEE.

Għalhekk, sabiex jiġi inkluż il-perjodu bejn l-adozzjoni tad-“Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament tal- “Azzjoni preparatorja fuq ir-riċerka dwar id-Difiża” u l-użu tal-ispejjeż għal kull unità għas-sena 2017” fl-11 ta’ April 2017, u l-ilqugħ tal-ħlas rispettiv, l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għandha tkun applikabbli b’mod retroattiv mill-11 ta’ April 2017. L-istituzzjonijiet, l-impriżi, l-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini tan-Norveġja għandhom għalhekk ikunu intitolati li jipparteċipaw f’attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. L-ispejjeż sostnuti għall-parteċipazzjoni tagħhom għal dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-11 ta’ April 2017, għandhom jitqiesu bħala eliġibbli taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal spejjeż imġarrba minn istituzzjonijiet, impriżi, organizzazzjonijiet u ċittadini tal-Istati Membri tal-UE, sakemm din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ qabel it-tmiem tal-azzjoni preparatorja kkonċernata.

Ir-retroattività ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni kkonċernati u tirrispetta l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

Barra minn hekk, f'konformità mal-Protokoll 32, l-Artikolu 1(8) taż-ŻEE, Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li tistabbilixxi parteċipazzjoni tal-Istat tal-EFTA taż-ŻEE f'attività inkluża fl-Anness taż-ŻEE għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi adottata sal-10 ta’ Lulju. Jekk le, il-kooperazzjoni għandha tkun differita għas-sena ta’ wara, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor.

Minħabba l-importanza li l-kooperazzjoni tinbeda mill-bidu tal-Azzjoni Preparatorja, id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuża tipprevedi li l-kooperazzjoni għandha tibda mill-11 ta’ April 2017, anki jekk din id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tiġi adottata wara l-10 ta’ Lulju 2017.



2017/0253 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fir-rigward ta' emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE

(Azzjoni preparatorja tal-Unjoni fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 9 , u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 10 , u b'mod partikolari l-Artikoli 54(2), 84(2)(b) u l-Artikolu 124 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 11 (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 għall-Ftehim ŻEE (“Protokoll 31”).

(3)Il-Protokoll 31 għall-Ftehim ŻEE fih dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet.

(4)Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti mal-Ftehim ŻEE sabiex tinkludi l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-azzjoni preparatorja tal-Unjoni fuq ir-riċerka dwar id-Difiża li hija ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

(5)Huwa xieraq li l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-attivitajiet relatati ma’ din l-azzjoni preparatorja u ffinanzjati mil-linja tal-baġit 02 04 77 03 jibdew mill-11 ta’ April 2017 anki jekk id-deċiżjoni mehmuża tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tiġi adottata, jew jekk it-twettiq tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-deċiżjoni, jekk ikun hemm, jiġi nnotifikat wara l-10 ta’ Lulju 2017.

(6)L-istituzzjonijiet, l-impriżi, l-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini tal-Istati tal-EFTA għandhom ikunu intitolati li jipparteċipaw f’attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. L-ispejjeż sostnuti għall-parteċipazzjoni tagħhom f’dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-11 ta’ April 2017, għandhom jitqiesu bħala eliġibbli taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-ispejjeż imġarrba mill-istituzzjonijiet, l-impriżi, l-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-UE sakemm id-deċiżjoni mehmuża tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tidħol fis-seħħ qabel it-tmiem tal-azzjoni preparatorja kkonċernata.

(7)Il-Protokoll 31 għall-Ftehim dwar iż-ŻEE jenħtieġ li għalhekk jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista' tibda sseħħ mill-11 ta’ April 2017.

(8)Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta fil-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 248, 16.09.2002, p.1
(2) ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6-8
(3) Azzjonijiet ta’ tħejjija skont it-tifsira tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p.1).
(4) COM(2013)542: Lejn suq aktar kompetittiv u effiċjenti fis-settur tad-difiża u s-sigurtà.
(5) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Novembru 2013 dwar il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (2013/2125(INI)).
(6) Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-19-20 ta' Diċembru 2013 (EUCO 217/13)
(7) Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-25-26 ta’ Ġunju 2015 (EUCO 22/15)
(8) L-Aġenzija tad-Difiża Ewropea tiddefinixxi r-Riċerka u t-Teknoloġija bħala l-attivitajiet ta’ riċerka relatati mad-difiża b’livell ta’ tħejjija teknoloġika bejn il-1 u s-6.
(9) ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6-8.
(10) ĠU L 248, 16.09.2002, p.1
(11) ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

Brussell, 5.10.2017

COM(2017) 582 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE

(Azzjoni Preparatorja tal-Unjoni dwar ir-Riċerka dwar id-Difiża)


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru .../2017

ta’


li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE,

dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE sabiex tinkludi l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-azzjoni preparatorja tal-Unjoni fuq ir-riċerka dwar id-Difiża li hija ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

(2)Huwa xieraq li l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-attivitajiet relatati ma’ din l-azzjoni preparatorja u ffinanzjati mil-linja tal-baġit 02 04 77 03 jibdew mill-11 ta’ April 2017 anke jekk din id-Deċiżjoni tiġi adottata, jew jekk it-twettiq tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-Deċiżjoni, jekk ikun hemm, ikun innotifikat wara l-10 ta’ Lulju 2017.

(3)L-istituzzjonijiet, l-impriżi, l-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini tal-Istati tal-EFTA għandhom ikunu intitolati li jipparteċipaw f’attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. L-ispejjeż sostnuti għall-parteċipazzjoni tagħhom għal dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-11 ta’ April 2017, għandhom jitqiesu bħala eliġibbli taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-ispejjeż imġarrba minn istituzzjonijiet, impriżi, organizzazzjonijiet u ċittadini tal-Istati Membri tal-UE, sakemm din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ qabel it-tmiem tal-azzjoni preparatorja kkonċernata.

(4)Il-Protokoll 31 għall-Ftehim dwar iż-ŻEE jenħtieġ li għalhekk jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista' tibda sseħħ mill-11 ta' April 2017,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-paragrafu li ġej jiżdied fl-Artikolu 1 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE:

‘13.(a)L-Istati tal-EFTA, mill-11 ta' April 2017, jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Unjoni relatati mal-linja baġitarja li ġejja, imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017:

-Linja Baġitarja 02 04 77 03: “Azzjoni preparatorja fuq ir-riċerka dwar id-Difiża”.

(b)L-Istati tal-EFTA għandhom jikkontribwixxu finanzjarjament għall-attivitajiet li hemm referenza għalihom fil-punt (a) bi qbil mal-Artikolu 82(1)(a) tal-Ftehim.

(c)L-ispejjeż imġarrba mill-istituzzjonijiet, l-impriżi, l-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini tal-Istati tal-EFTA għall-parteċipazzjoni tagħhom għall-attivitajiet imsemmija fil-punt (a), li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-11 ta’ April 2017, jistgħu jitqiesu eliġibbli mill-bidu tal-azzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-ispejjeż imġarrba minn istituzzjonijiet, impriżi, organizzazzjonijiet u ċittadini tal-Istati Membri tal-UE u skont il-ftehim ta’ għotja jew id-deċiżjoni rilevanti dment li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru.../2017 ta’... [din id-Deċiżjoni] tidħol fis-seħħ qabel it-tmiem tal-azzjoni preparatorja.

(d)L-Iżlanda u l-Liechtenstein ma għandhomx jipparteċipaw f’din l-azzjoni preparatorja, u m’għandhomx jikkontribwixxu finanzjarjament għall-attivitajiet imsemmija fil-punt (a).”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE*.

1Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2017.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   Il-President
   
   
   
   Is-Segretarji
   tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
   



(1) [Ma hemm indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Hemm indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]

Brussell, 5.10.2017

COM(2017) 582 final

ANNESS

tad-

Deċiżjoni Nru …/… li temenda

Protokoll 31 għall-Ftehim taż-ŻEE sabiex tiġi estiża l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti biex tinkludi l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-azzjoni preparatorja tal-Unjoni dwar ir-riċerka dwar id-Difiża


Dikjarazzjoni mill-Istati tal-EFTA

Din id-Deċiżjoni testendi l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti sabiex tkun tinkludi l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA tal-Unjoni għal azzjoni preparatorja fuq ir-riċerka dwar id-Difiża. L-Istati tal-EFTA jaħsbu li kwistjonijiet ta’ difiża ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim taż-ŻEE, u għalhekk li l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim taż-ŻEE biex tinkludi kwistjonijiet ta’ difiża lil hinn mill-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA f’dik l-azzjoni preparatorja. L-Istati tal-EFTA jisħqu wkoll li l-Iżlanda u l-Liechtenstein ma għandhomx jipparteċipaw, jew jikkontribwixxu finanzjarjament, għal din l-azzjoni ta’ tħejjija.