Brussell, 13.9.2017

COM(2017) 481 final

2017/0219(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Id-demokrazija hija wieħed mill-valuri fundamentali li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament ta' demokrazija rappreżentattiva fuq livell Ewropew, it-trattati jistabbilixxu li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea huma direttament rappreżentati fil-Parlament Ewropew.

Id-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni u d-dritt għal-libertà ta' espressjoni huma drittijiet fundamentali ta' kull ċittadin fl-Unjoni.

Il-partiti politiċi għandhom rwol essenzjali fid-demokrazija rappreżentattiva u joħolqu rabta diretta bejn iċ-ċittadini u s-sistema politika, filwaqt li b'hekk itejbu l-leġittimità tas-sistema. L-istess iseħħ fuq livell Ewropew: skont l-Artikolu 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, "il-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni ta' l-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini ta' l-Unjoni". L-Artikolu 12(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jesprimi l-istess prinċipju.

It-trawwim ta' dibattitu politiku dwar kwistjonijiet Ewropej fl-Ewropa kollha permezz ta' partiti politiċi Ewropej vibranti huwa għan tal-Kummissjoni li ilu jeżisti.

Fiż-żmien ta' qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, il-Kummissjoni ħarġet Rakkomandazzjoni 1 , fejn stiednet lill-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali, bl-appoġġ tal-istituzzjonijiet u l-Istati Membri, biex jieħdu għadd ta' passi biex isaħħu r-rwol tal-partiti politiċi Ewropej billi jikkontribwixxu għall-formazzjoni ta' sensibilizzazzjoni politika Ewropea u jesprimu r-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni. Wieħed minn dawn il-passi kienet dak ta' "Spitzenkandidat".

Il-partiti politiċi Ewropej wieġbu għas-sejħa tal-Kummissjoni u l-elezzjonijiet tal-2014 tal-Parlament Ewropew kienu fundamentalment differenti minn dawk preċedenti. Għall-ewwel darba, huma stabbilixxew rabta bejn ir-riżultati tal-elezzjonijiet u l-għażla tal-President attwali tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker. Permezz ta' programmi politiċi differenti, l-i"Spitzenkandidaten" jew il-kandidati għal President tal-Kumissjoni Ewropea ppermettew lill-votanti jagħmlu għażla informata bejn il-pjattaformi politiċi alternattivi għall-Ewropa, aktar milli fuq kwistjonijiet politiċi esklussivament nazzjonali, u b'hekk l-elezzjonijiet "jiġu ewropizzati".

Ir-Regolament Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej 2 ġie introdott biex iżid il-viżibilità, ir-rikonoxximent, l-effikaċja, it-trasparenza u r-responsabilità tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi affiljati tagħhom.

Il-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi li jissodisfaw numru ta' kundizzjonijiet ġew offruti l-opportunità li jsiru entitajiet ġuridiċi Ewropej billi jirreġistraw fuq livell Ewropew, u b'hekk itejbu l-aċċess għall-appoġġ finanzjarju Ewropew. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu r-rappreżentanza f'għadd kbir biżżejjed ta' Stati Membri tal-UE u r-rispett, kemm fil-programm tagħhom kif ukoll fl-attivitajiet tagħhom, tal-valuri li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea - jiġifieri r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.

Inħolqot awtorità indipendenti għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ("l-Awtorità), bil-għan li tirreġistra, tikkontrolla u jekk ikun meħtieġ, timponi sanzjonijiet fuq partiti u fondazzjonijiet politiċi Ewropej, inkluż biex tikkunsidra każijiet fejn tali entitajiet allegatament jonqsu milli jirrispettaw dawn il-valuri fundamentali Ewropej. Meta jqumu dubji dwar jekk partit jew fondazzjoni humiex qed josservaw dan ir-rekwiżit fil-prattika, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jippreżentaw talba lill-Awtorità għal partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej biex tivverifika s-sitwazzjoni; Qabel tasal għal deċiżjoni dwar jekk il-partit jew il-fondazzjoni jinqatgħux mir-reġistru, l-Awtorità trid tikkonsulta Kumitat ta' persuni eminenti indipendenti.

Minkejja dan, ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 3 sab li għad hemm xi jsir sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-inklussività tal-elezzjonijiet, titjieb id-dimensjoni Ewropea tad-dibattitu politiku, titreġġa' lura t-tendenza ta' rata ta' parteċipazzjoni baxxa, tkompli titjieb il-leġittimità demokratika tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, jiġu enfasizzati l-affiljazzjonijiet bejn partiti nazzjonali u Ewropej u tiġi promossa r-responsabilità politika.

Barra minn hekk, minkejja l-progress li sar permezz tar-Regolament Nru 1141/2014, ir-regoli eżistenti għad għandhom lakuni li jeħtieġ li jiġu indirizzati.

Il-Parlament Ewropew, kif ukoll għadd ta' partiti politiċi Ewropej, talbu li jsir titjib u jiġu aġġustati dawn ir-regoli. Is-servizzi tal-Parlament Ewropew li huma inkarigati mill-amministrazzjoni ta' dan ir-Regolament ħadmu fuq għadd ta' każijiet li jirriżultaw minn użu mhux xieraq tal-finanzjament.

F'Marzu tal-2017, il-Parlament organizza dibattitu plenarju u ppreżenta mistoqsija orali li fiha stieden lill-Kummissjoni twieġeb kemm għat-twaqqit ta' xi bidliet, kif ukoll għal ċerti bidliet speċifiċi rigward il-livell ta' kofinanzjament, il-possibilità ta' sħubija tal-Membri tal-Parlament Ewropew f'aktar minn partit wieħed, l-għadd ta' membri meħtieġa għall-finanzjament, il-finanzjament ta' kampanji ta' referendum, l-introduzzjoni ta' kriterju ta' kapaċità finanzjarja u l-permess ta' bini ta' riżervi finanzjarji.

F'dan id-dibattitu, il-Kummissjoni esprimiet ir-rieda tagħha li timpenja ruħha mal-Parlament, flimkien mal-Kunsill, fil-monitoraġġ tal-istadji bikrin tal-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda. Fil-15 ta' Ġunju 2017, il-Parlament adotta riżoluzzjoni 4 li tistieden lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tal-qafas ġuridiku attwali mill-aktar fis possibbli biex tindirizza n-nuqqasijiet tiegħu, speċjalment fir-rigward tal-livell ta' kofinanzjament mitlub, u fir-rigward tal-possibilità ta' sħubija tal-Membri tal-Parlament Ewropew f'aktar minn partit wieħed.

Il-Parlament u l-partiti politiċi tiegħu kitbu lill-Kummissjoni biex jerġgħu jiddikjaraw it-talba tagħhom għal bidliet; talba li ġiet elaborata f'rapport komprensiv pprovdut lill-Kummissjoni.

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq u fuq il-bażi ta' input wiesa' miksub minn diversi partijiet ikkonċernati (ara t-taqsima 3), il-Kummissjoni, għalhekk, iddeċidiet li tipproponi għadd limitat ta' emendi mmirati ta' dan ir-Regolament. Dawn għandhom l-għan li jnaqqsu d-distakki, itejbu t-trasparenza, sabiex jiżguraw l-allokazzjoni u n-nefqa xierqa ta' riżorsi limitati mill-baġit tal-UE, u b'hekk isaħħu r-rappreżentazzjoni elettorali ġenwina taċ-ċittadini Ewropej mill-partiti politiċi Ewropej. L-emendi se jiżguraw li r-regoli eżistenti ma jiġux evitati jew li d-dispożizzjonijiet tiegħu ma jintużawx ħażin.

Jenħtieġ li l-bidliet iffokati jkunu fis-seħħ qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019. Huma se jgħinu biex jindirizzaw l-isfidi identifikati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, b'mod partikolari fir-rigward tal-affiljazzjonijiet bejn il-partiti nazzjonali u l-partiti Ewropej u biex iżidu r-responsabilità politika.

Kwistjonijiet speċifiċi indirizzati

L-ewwel nett, ir-regoli attwali huma suxxettibbli għal abbuż fir-rigward tal-kwistjoni ta' min jista' jisponsorizza r-reġistrazzjoni ta' partit politiku Ewropew, għax huma jippermettu li jiġi ssodisfat il-livell ta' rappreżentanza li huwa mitlub (jiġifieri f'seba' Stati Membri) (i) permezz tal-appoġġ minn partiti membri rappreżentati f'parlamenti reġjonali, Parlament nazzjonali jew fil-Parlament Ewropew; (ii) permezz tal-appoġġ minn membri individwali ta' dawn il-parlamenti jew (iii) permezz ta' taħlita tat-tnejn.

Fl-ewwel snin wara l-introduzzjoni tal-finanzjament għal partiti politiċi Ewropej, il-maġġoranza tal-benefiċjarji kienu alleanzi magħmula minn partiti nazzjonali li ġejjin mill-istess familja politika. Madankollu, diversi partiti politiċi Ewropej li nħolqu fis-snin riċenti huma magħmula prinċipalment minn politikanti individwali u/jew iddominati b'mod qawwi minn partit politiku nazzjonali wieħed jew tnejn. Hemm diversi każijiet ta' membri differenti ta' partit nazzjonali wieħed li jisponsorizzaw aktar minn partit politiku wieħed Ewropew; f'xi każijiet estremi, membru uniku sponsorizza aktar minn partit wieħed.

L-Awtorità kellha taffaċċja wkoll problemi prattiċi marbuta mas-sħubija f'aktar minn partit wieħed. Spiss mhuwiex ċar kif wieħed jista' jevita l-għadd doppju fir-rappreżentanza, kif jistgħu jiġu indirizzati sħubiji preċedenti, u kif wieħed jista' jorbot ir-rappreżentanza mal-kriterji ta' finanzjament - inkluża l-kwistjoni ta' Membru tal-Parlament Ewropew li jingħadd f'partiti politiċi Ewropej differenti fir-rigward tar-reġistrazzjoni min-naħa u tal-finanzjament, min-naħa l-oħra.

It-tieni kwistjoni ta' tħassib tirrigwarda l-proporzjonalità tal-finanzjament tal-UE b'rabta mar-rappreżentanza fi ħdan il-Parlament Ewropew. Fil-preżent, il-partiti politiċi Ewropej jistgħu japplikaw għal finanzjament jekk ikunu rappreżentati fil-Parlament Ewropew b'mill-anqas Membru wieħed. Għadd ta' partiti politiċi Ewropej, kif ukoll l-amministrazzjoni tal-Parlament Ewropew, talbu biex il-livell limitu tar-rappreżentanza jiżdied għal tliet Membri, biex jiġi evitat l-użu ħażin ta' finanzjamenti pubbliċi minn "partiti b'membru wieħed".

Madankollu, l-impatt prattiku ta' bidla bħal din ikun minimu, peress li fil-preżent anki l-partiti politiċi Ewropej l-inqas rappreżentati li huma eliġibbli għal finanzjament attwalment għandhom tliet (3) Membri 5 (ara l-graff). Aktar importanti minn dan, bidla bħal din tista' tqajjem tħassib ġuridiku serju rigward id-drittijiet fundamentali tal-libertà ta' assoċjazzjoni u l-ugwaljanza tal-opportunitajiet għal partiti li jippreżentaw kandidati għal elezzjonijiet u tista' tillimita n-natura pluralistika tal-politika Ewropea b'mod mhux xieraq.

Hemm mod ieħor kif jiġi indirizzat dan it-tħassib billi ssir bidla fil-formola ta' distribuzzjoni tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej eliġibbli. Attwalment, 15 % tat-total tal-ammont disponibbli huwa mqassam b'mod ugwali lill-partiti kollha li jissodisfaw il-livell limitu ta' Membru wieħed, li jħalli 85 % jitqassmu proporzjonalment għal kull sehem ta' Membri eletti tal-Partit (l-istess formola ta' distribuzzjoni tintuża għall-fondazzjonijiet). Dan iwassal għal riflessjoni pjuttost żbilanċjata tar-rappreżentanza elettorali fil-Parlament. It-tabelli ta' hawn isfel 6 , ipprovduti mill-amministrazzjoni tal-Parlament Ewropew, juru l-effett tal-bidla tal-parti fissa tal-finanzjament meta mqabbla mal-parti relatata mal-livell ta' rappreżentanza fil-Parlament. It-tnaqqis tal-ammont imwarrab għal 5 % jista' jgħin biex jirrestawra bilanċ aktar xieraq u b'hekk iwassal għal riflessjoni aktar ġusta u aħjar tar-rappreżentanza elettorali fil-Parlament.



It-tielet, apparti kwistjonijiet ta' abbuż u ta' proporzjonalità, il-partiti politiċi Ewropej u – iktar minn dawn – il-fondazzjonijiet politiċi għandhom diffikultajiet biex jilħqu l-livell limitu ta' kofinanzjament ta' 15%. Is-servizzi tal-Parlament Ewropew kellhom iħabbtu wiċċhom ukoll ma' xi prattiki dubjużi f'dan ir-rigward, bħal xi partiti li jipprovaw jissodisfaw ir-rekwiżit ta' kofinanzjament permezz ta' flussi finanzjarji ċirkolari. Fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja, fis-sena finanzjarja 2015, l-awditur estern tal-Parlament innota tħassib fi 8 minn 28 rapport. Dan jindika li r-riżorsi proprji tal-benefiċjarji mhumiex suffiċjenti.

F'diversi każijiet, in-nuqqas ta' riżorsi proprji minn kontribuzzjonijiet u donazzjonijiet ta' sħubija jistgħu jiġu bbilanċjati bl-użu ta' kontribuzzjonijiet in natura. Fl-2015, il-partiti rċevew kontribuzzjonijiet in natura li jammontaw għal EUR 238 009 u l-fondazzjonijiet għal EUR 283 649. L-evalwazzjoni oġġettiva ta' dawn il-kontribuzzjonijiet toħloq problemi sinifikanti. F'diversi każijiet, l-amministrazzjoni tal-Parlament ma setgħetx tivverifika din il-valutazzjoni fid-dettall u taċċerta jekk il-kontribuzzjonijiet kinux fil-fatt meħtieġa u direttament relatati mal-attività msemmija, u tiddetermina jekk l-attivitajiet sottostanti kinux fl-interess tal-partit Ewropew b'mod esklussiv jew possibilment kondiviżi ma' organizzazzjoni sieħba.

Ir-raba', hemm nuqqas ta' ċarezza u trasparenza fir-regoli eżistenti rigward il-passi li għandhom jittieħdu f'każijiet fejn partit jew fondazzjoni ma jibqgħux konformi mal-kriterji ta' reġistrazzjoni jew jinsabu li ġew reġistrati fuq il-bażi ta' informazzjoni inkorretta.

Il-ħames, fuq il-bażi tal-esperjenza tal-amministrazzjoni tal-Parlament, hemm bżonn li jiġi estiż l-iskop ta' miżuri possibbli biex jirkupraw fondi minfuqa ħażin minn partiti u fondazzjonijiet.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Fir-Rapport tagħha tal-2017 dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadinanza tal-UE 7 , il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-funzjonament tal-UE huwa msejjes fuq demokrazija rappreżentattiva. Dan jitlob trasparenza u kultura politika responsabbli u aċċessibbli, appoġġata minn sistema elettorali effettiva u elettorat impenjat u infurmat. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tintensifika d-Djalogi taċ-Ċittadini u li tieħu azzjoni ulterjuri biex tispjega l-politiki tagħha liċ-ċittadini, kif ġie enfasizzat mill-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker fid-diskors tiegħu fl-2016 dwar l-Istat tal-Unjoni; li twettaq, qabel l-elezzjonijiet tal-2019, kampanja ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni mal-UE kollha dwar id-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE, inkluż dwar id-drittijiet elettorali; li fl-2018 torganizza avveniment ta' livell għoli dwar il-parteċipazzjoni demokratika b'enfasi fuq l-inkoraġġiment tal-aħjar prattiki biex iżżid il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u gruppi vulnerabbli u sottorappreżentati; u li tippromwovi l-aħjar prattiki li jgħinu liċ-ċittadini jivvutaw u joħorġu għall-elezzjonijiet tal-UE, inklużi prattiki li jippermettu liċ-ċittadini jżommu d-dritt tal-vot meta jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor, jiffaċilitaw l-aċċess transfruntier għall-aħbarijiet politiċi, u jappoġġaw it-turnout u l-parteċipazzjoni demokratika wiesgħa fil-perspettiva tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 8 . Il-proposta attwali hija allinjata ma' dawn il-prijoritajiet u tikkomplementahom, u għalhekk, minbarra l-kwistjonijiet stabbiliti fit-taqsima preċedenti, tinkludi xi bidliet biex ittejjeb it-trasparenza tar-rabta bejn il-partiti fil-livell tal-Istati Membri u l-partiti Ewropej li kienu affiljati magħhom.

Hemm għadd ta' inizjattivi li huma marbuta b'mod indirett ma' din ir-reviżjoni, b'mod partikolari r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 9 dwar it-titjib tal-imġiba demokratika u effiċjenti tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u r-riforma tal-Att Elettorali Ewropew tal-1976 u tad-deiċżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew 10 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 224 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jiddikjara li “Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu, permezz ta’ Regolament, ir-regoli li jiggwidaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew imsemmija fl-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u partikolarment ir-regoli li jirrigwardaw il-finanzjament tagħhom” kif ukoll fuq l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika 11 .

Sussidjarjetà

Peress li r-Regolament eżistenti jipprevedi sistema fil-livell tal-UE, inkluż personalità ġuridika Ewropea speċifika għal partiti u fondazzjonijiet u finanzjament mill-baġit tal-UE, kwalunkwe nuqqas f'din is-sistema jista' jiġi rrimedjat biss permezz ta' leġiżlazzjoni tal-UE. Azzjoni mill-Istati Membri waħedhom, għalhekk, mhijiex opzjoni rilevanti.

Il-bidliet iffokati proposti, għalhekk, jikkonformaw bis-sħiħ mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-livell tal-UE huwa l-uniku wieħed li fih jistgħu jiġu stabbiliti r-regoli dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Fit-tfassil ta' miżuri possibbli ta' riforma, il-Kummissjoni qagħdet attenta li tirrifletti l-prinċipji li jinsabu fil-Protokoll Nru 2 tat-Trattati.

Proporzjonalità

Kif spjegat fit-Taqsima 5, il-miżuri mmirati proposti ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv fit-tul tal-iżvilupp u t-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea u l-leġittimità tal-istituzzjonijiet tal-UE, billi jipprovaw jagħmlu l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej atturi demokratiċi aktar effettivi u responsabbli. B'mod partikolari, il-proposta, għalhekk, tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

Għażla tal-istrument

Regolament biss jista' jemenda r-Regolament eżistenti.

3.KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u ġbir u użu tal-kompetenzi

Fit-tħejjija tal-proposta attwali, il-Kummissjoni kienet fi djalogu u konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati rilevanti. Hija kellha diversi laqgħat mar-rappreżentanti tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew, il-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew, il-Membri tal-Parlament Ewropew, is-servizzi tal-Parlament Ewropew, l-Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej kif ukoll l-esperti nazzjonali.

Fit-12 ta' Lulju 2017, kien hemm seduta ta' smigħ fil-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament Ewropew 12 . Il-membri tal-Kumitat, flimkien mad-Direttur tal-Awtorità, id-Direttur Ġenerali għall-Finanzi tal-Parlament Ewropew u rappreżentant tal-Kummissjoni ddiskutew il-bidliet possibbli tar-Regolament attwali. Kien hemm kunsens wiesa' li hemm bżonn li jitnaqqsu ċerti distakki fir-Regolament qabel l-elezzjonijiet li jmiss tal-Parlament Ewropew. Il-bidliet iffokati jistgħu jżidu l-livell ta' trasparenza u jgħinu jnaqqsu d-distakki li jippermettu l-objettivi tar-Regolament attwali li qed jiġu evitati jew id-dispożizzjonijiet tiegħu li qed jintużaw ħażin.

Il-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, is-servizzi tal-Parlament, kif ukoll l-Awtorità identifikaw ukoll nuqqasijiet potenzjali oħrajn tar-Regolament attwali, madankollu dawn ġew ikkunsidrati inqas urġenti.

Il-partijiet interessati pprovdew materjal fuq il-bażi tal-esperjenza u l-kompetenza tagħhom fir-rigward tar-regoli attwali li jirregolaw il-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet politiċi, kemm taħt ir-Regolament (KE) Nru 1141/2014, kif ukoll taħt ir-Regolament Finanzjarju.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta hija mistennija ttejjeb l-effikaċja li biha r-Regolament 1141/2014 jikseb l-objettivi tiegħu billi jnaqqas uħud mid-distakki eżistenti. Hija bbażata fuq materjal estensiv li nkiseb minn diversi partijiet ikkonċernati kif stabbilit hawn fuq u fuq l-analiżi ta' għadd limitat ta' soluzzjonijiet immirati.

Din il-proposta mhijiex akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt speċifika peress li mhux mistenni li se jkollha impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali sinifikanti.

Drittijiet fundamentali

L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprevedi li “L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.”

L-Artikolu 10(1) u (2) TUE jipprevedi li “Il-funzjonament ta' l-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva” u li “Fil-livell ta' l-Unjoni, iċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fil-Parlament Ewropew”. Is-subparagrafu 4 tal-istess dispożizzjoni jistipola: “Il-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni ta' l-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini ta' l-Unjoni”. L-Artikoli 11 u 12 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-UE jnaqqxu d-dritt tal-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni. B'mod partikolari l-Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jaqra li “Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u għal-libertà ta' assoċjazzjoni f'kull livell, b'mod partikolari fil-qasam politiku, tat-trade unions, u ċiviku, li jimplika d-dritt ta' kull persuna li tifforma trade unions flimkien ma' oħrajn u li tissieħeb magħhom għall-protezzjoni ta' l-interessi tagħha. Il-partiti politiċi fil-livell ta' l-Unjoni jikkontribwixxu għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini ta' l-Unjoni”.

L-emendi li huma soġġetti għal din il-proposta jsegwu l-objettivi ta' dawn id-dispożizzjonijiet, u għalhekk huma kompatibbli mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikolu 12 tal-Karta u jagħtuhom effett.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-finanzjament tal-UE pprovdut lill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej se jkompli jiġi mill-baġit tal-Parlament Ewropew. Ma hija proposta ebda bidla fl-ammonti allokati bis-saħħa ta' din il-proposta. Il-proposta attwali ma għandha ebda implikazzjoni sinifikanti għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Evalwazzjoni u arranġamenti ta' rappurtar

Il-proposta attwali tipproponi riforma limitata u ffokata tar-Regolament eżistenti, li hi stess tipprevedi rieżami aktar komprensiv. Huwa propost li l-iskeda għal dan ir-rieżami tinbidel biex tippermettilu jkun ibbażat fuq evidenza sostanzjali tal-operazzjoni fil-prattika kemm tar-Regolament eżistenti kif ukoll tal-emendi proposti hawnhekk.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Sabiex tkompli tipprevedi dimensjoni Ewropea ġenwina għall-partiti politiċi Ewropej u żżid it-trasparenza filwaqt li tiżgura li l-finanzjament Ewropew jintefaq tajjeb, il-Kummissjoni tipproponi sett limitat ta' emendi ffokati tar-Regolament (KE) Nru 1141/2014 biex tindirizza lil min jista' jisponsorizza r-reġistrazzjoni ta' partit politiku, biex ikun hemm allokazzjoni tal-finanzjament li tkun aktar proporzjonata mar-rappreżentanza tal-partiti politiċi Ewropej fil-Parlament Ewropew u biex tindirizza d-diffikultajiet li jaffaċċaw il-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej biex jilħqu l-livell limitu ta' kofinanzjament. Bidliet bħal dawn se jnaqqsu d-distakki tar-regoli eżistenti li jagħmluhom suxxettibbli għall-abbuż.

Sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' "sħubija f'iktar minn partit wieħed", diversi opzjonijiet ġew ikkunsidrati: (i) li jiġi evitat li Membri tal-Parlament Ewropew mill-istess partit nazzjonali jisponsorjaw partiti Ewropej differenti; (ii) li parlamentari reġjonali ma jibqgħux jitħallew jisponsorizzaw ir-reġistrazzjoni u (iii) li jiġi permess biss sponsorizzar għall-partiti nazzjonali. Din tal-aħħar ġiet ikkunsidrata bħala l-aktar opzjoni effettiva peress li tikseb l-istess objettiv bħall-opzjoni (i) iżda b'mod li huwa aktar objettiv u ġust, u li huwa aktar faċli li jiġi infurzat.

Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi emendat l-Artikolu 3(1)b biex jiġu permessi biss partiti, u mhux aktar individwi, biex jisponsorizzaw il-ħolqien ta' partit politiku Ewropew. Dan jagħmilha iktar diffiċli li entitajiet mingħajr rappreżentanza sostanzjali fl-Istati Membri, jinħolqu bħala partiti fil-livell Ewropew, u li jirċievu finanzjament Ewropew ladarba jilħqu l-livell limitu ta' Membru wieħed tal-Parlament Ewropew.

Din il-bidla ma tipprekludix lil partiti Ewropej milli jippermettu s-sħubija individwali, iżda tipprekludi biss li tali sħubija ma tibqax rilevanti għall-kriterji ta' reġistrazzjoni. Għalhekk, ma hi proposta ebda bidla fid-definizzjoni ta' partit jew alleanza politiċi.

Sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet tal-partiti u fondazzjonijiet politiċi Ewropej biex jilħqu l-livell limitu ta' kofinanzjament attwali ta' 15 %, jenħtieġ li dan jitbaxxa u jippermetti li aktar mill-finanzjament pubbliku jiġi mwarrab għal partiti u fondazzjonijiet Ewropej u jiġi dirett b'mod xieraq, pereżempju f'kampanji ta' elezzjoni. Dan inaqqas ukoll l-inċentiv għal prattiki dubjużi. Wara li kkunsidrat diversi opzjonijiet, il-Kumissjoni ddeċidiet li tipproponi li jitnaqqas ir-rekwiżit ta' kofinanzjament previst fl-Artikolu 17.4 għal 10 % għal partiti politiċi Ewropej u 5 % għal fondazzjonijiet politiċi Ewropej.

Il-livell ta' trasparenza fl-elezzjonijiet Ewropej dejjem kien fattur vitali għall-Kummissjoni. Jekk ikun hemm rabta aktar ċara bejn il-partiti politiċi nazzjonali u Ewropej, iċ-ċarezza u t-trasparenza jistgħu jiżdiedu. Dan huwa partikolarment importanti, peress li din il-proposta timmira li tippermetti sponsorizzar ta' partiti politiċi Ewropej biss minn partiti. Jenħtieġ li ċ-ċittadini jiġu offruti informazzjoni ċara u rilevanti bil-quddiem, inkluż fir-rigward ta' affiljazzjonijiet ta' partiti, sabiex jifhmu l-impatt tal-voti tagħhom fil-livell tal-partit Ewropew. Qed jiġi propost li tintalab kundizzjoni addizzjonali għal partit politiku Ewropew li jirċievi l-finanzjament, billi jiddaħħal Artikolu 18.3a ġdid li jkun jitolbu jirraporta dwar il-pubblikazzjoni, dwar is-siti web tal-partiti membri tiegħu, il-programm politiku, il-logo, kif ukoll l-informazzjoni tiegħu dwar ir-rappreżentanza tal-ġeneri fost il-kandidati fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-membri tiegħu tal-Parlament Ewropew.

Huwa propost li l-proporzjonalità tal-finanzjament tal-UE titjieb billi tiġi marbuta mar-rappreżentanza fil-Parlament b'mod aktar ċar, permezz tal-emendar tal-formola ta' distribuzzjoni għal finanzjament previst fl-Artikolu 19.1. Huwa propost li l-ammont fiss jitbaxxa għal 5 % filwaqt li b'hekk jiżdied is-sehem li jiġi distribwit b'mod proporzjonali skont il-membri eletti fil-Parlament. Għar-raġunijiet elenkati hawn fuq, l-opzjoni alternattiva li l-livell limitu ta' rappreżentanza meħtieġ għal eliġibilità għall-finanzjament jiżdied, ġiet rifjutata.

Meta partit jew fondazzjoni politika Ewropea ma jibqgħux konformi ma' xi wieħed mill-kriterji ta' reġistrazzjoni, inkluż b'mod partikolari r-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni f'elezzjonijiet Ewropej, jew fejn ir-reġistrazzjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni mhux korretta/qarrieqa, jenħtieġ li l-Awtorità tingħata s-setgħa li taqtagħhom mir-reġistru. Il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tammetti l-possibilità li att amministrattiv favorevoli jiġi rtirat b'mod retroattiv fi żmien perjodu raġonevoli, filwaqt li tirrispetta l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-att li seta' jafda fil-legalità tiegħu. L-emendi li saru fl-Artikolu 27 jiċċaraw dan, sabiex jippermettu lill-Awtorità tinforza r-regoli b'mod aktar effettiv.

Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-UE u r-reputazzjoni tal-Unjoni, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni tal-Parlament Ewropew jrid ikun jista' jirkupra ammonti mħallsa b'mod mhux dovut minn individwi li wettqu attivitajiet illegali ta' detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea għall-benefiċċju tagħhom stess, jew għall-benefiċċju ta' entitajiet jew individwi oħrajn. Għalhekk, il-Kummissjoni tintroduċi emendi għall-Artikolu 30.

Fl-aħħar, flimkien ma' miżuri tranżizzjonali, il-Kummissjoni tipproponi li l-klawsola ta' reviżjoni fir-Regolament attwali jenħtieġ li tiġi adatta biex tippermetti li r-rapport ta' evalwazzjoni jiġi ppubblikat fl-ewwel parti tal-2022 u b'hekk ukoll biex biex tevalwa l-emendi proposti fir-Regolament attwali.

2017/0219 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 224 tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 13 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 14 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri 15 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 jistabbilixxi status ġuridiku Ewropew speċifiku biex jibbenefikaw minnu partiti politiċi u fondazzjonijiet politiċi Ewropej u jipprevedi l-finanzjament tagħhom mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

(2)Ġie identifikat il-bżonn li jiġi emendat ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 sabiex jintlaħaq aħjar l-objettiv tal-inkoraġġiment u l-assistenza lil partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom fl-isforz tagħhom biex jipprovdu rabta qawwija bejn is-soċjetà ċivili Ewropea u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Parlament Ewropew.

(3)Jeħtieġ li d-dimensjoni transnazzjonali ġenwina tal-partiti politiċi u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej tkun żgurata aktar fir-rigward tal-akkwist tagħhom tal-istatus ġuridiku speċifiku Ewropew permezz tar-reġistrazzjoni. Barra minn hekk, sabiex tissaħħaħ ir-rabta bejn il-politika fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni u sabiex jiġi evitat li l-istess partit nazzjonali joħloq diversi partiti politiċi Ewropej artifiċjalment permezz ta' tendenzi politiċi simili jew identiċi, jenħtieġ li jiġi eskluż li l-membri tal-istess partit politiku nazzjonali jiġu kkunsidrati fir-rigward ta' alleanzi politiċi differenti, għall-fini tar-rekwiżiti minimi ta' rappreżentanza ta' dawk l-alleanzi li għandhom jiġu rreġistrati bħala partit Ewropew. Għalhekk, jenħtieġ li l-partiti politiċi biss u mhux aktar l-individwi jiġu kkunsidrati għall-fini ta' dawn ir-rekwiżiti ta' rappreżentanza minima.

(4)Jenħtieġ li l-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jiġu permessi jassorbu parti kbira mill-approprjazzjonijiet iddedikati għall-finanzjament tagħhom fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, is-sehem massimu ta' kontribuzzjonijiet jew għotjiet finanzjarji mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fin-nefqa rimborsabbli annwali indikata fil-baġit ta' partit politiku Ewropew u fil-kostijiet eliġibbli sostnuti mill-fondazzjoni politika Ewropea, jenħtieġ li jiżdiedu.

(5)Għal raġunijiet ta' trasparenza u sabiex jissaħħu l-iskrutinju u r-responsabilità demokratika tal-partiti politiċi Ewropej u r-rabta bejn is-soċjetà ċivili Ewropea u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Parlament Ewropew, jenħtieġ li l-aċċess għall-finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jsir kondizzjonali fuq il-pubblikazzjoni tal-partiti tal-membri tal-programm u tal-logo tal-partit politiku Ewropew ikkonċernat, kif ukoll fuq l-informazzjoni rigward ir-rappreżentanza tal-ġeneri fost il-kandidati fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u fost il-membri tal-Parlament Ewropew.

(6)Sabiex tiġi stabbilita allokazzjoni iktar proporzjonali tar-riżorsi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li oġġettivament jiġi rifless l-appoġġ elettorali ġenwin ta' partit politiku Ewropew, jenħtieġ li l-finanzjament ta' partiti politiċi Ewropej u, b'estenjoni, tal-fondazzjonijiet politiċi affiljati rispettivi tagħhom ikun marbut aktar mill-qrib ma' livell ta' appoġġ elettorali li jista' jintwera. Għaldaqstant, ir-regoli dwar id-distribuzzjoni tal-finanzjament jenħtieġ li jiġu adatti sabiex iqisu aktar is-sehem ta' membri eletti fil-Parlament Ewropew ta' kull partit politiku Ewropew.

(7)Meta partit politiku jew fondazzjoni politika Ewropea, minħabba bidla fiċ-ċirkostanzi, ma jibqgħux jissodisfaw kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni, jenħtieġ li dawn jitneħħew mir-Reġistru.

(8)Għal raġunijiet ta' ċertezza ġuridika u trasparenza, jenħtieġ li jiġi pprovdut espliċitament li partit politiku jew fondazzjoni politika Ewropea jistgħu jinqatgħu mir-Reġistru, fi żmien perjodu raġonevoli, meta l-partit jew il-fondazzjoni jkunu pprovdew informazzjoni falza jew mhux kompluta fuq il-bażi ta' liema tkun ittieħdet deċiżjoni biex jiġi reġistrat dak il-partit jew dik il-fondazzjoni.

(9)Jenħtieġ li l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE tissaħħaħ billi jiġi pprovdut li, f'każijiet ta' ksur, l-irkupru effettiv tal-finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jkun żgurat permezz tal-irkupru ta' ammonti mħallsa indebitament anki minn persuni fiżiċi responsabbli mill-ksur inkwistjoni.

(10)Sabiex jiġu evalwati l-implikazzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) Nru. 1141/2014 kif emendat mir-Regolament fuq il-bażi ta' evidenza sostanzjali tal-operat prattiku tiegħu, jenħtieġ li d-data tar-rieżami komprensiv propost tiġi posposta.

(11)Ir-rekwiżiti l-ġodda rigward il-pubbliċità tal-programm u l-logo tal-partiti politiċi Ewropej u l-informazzjoni rigward ir-rappreżentanza tal-ġeneri jenħtieġ li kemm jista' jkun japplikaw diġà għall-applikazzjonijiet għall-finanzjament għall-2019, is-sena li fiha se jseħħu l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Għalhekk, jenħtieġ li jkun hemm provvedimenti għall-arranġamenti tranżizzjonali.

(12)Għalhekk, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru. 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej huwa emendat kif ġej.

(1) Fl-Artikolu 3(1)b, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

"il-partiti membri tagħha jridu jkunu rappreżentati f’mill-inqas kwart tal-Istati Membri, minn membri tal-Parlament Ewropew, ta' Parlamenti nazzjonali, ta' parlamenti reġjonali jew ta' assemblej reġjonali, jew"

(2) L-Artikolu 17(4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

"4. Kontribuzzjonijiet finanzjarji jew għotjiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx jaqbżu d-90 % tan-nefqa rimborsabbli annwali indikata fil-baġit ta' partit politiku Ewropew u l-95 % tal-kosti eliġibbli mġarrba minn fondazzjoni politika Ewropea. Il-partiti politiċi Ewropej jistgħu jużaw kwalunkwe parti mhux użata tal-kontribuzzjoni tal-UE mogħtija biex ikopru nefqa rimborsabbli fi żmien sena finanzjarja wara l-għoti tagħha. L-ammonti mhux użati wara dik is-sena finanzjarja għandhom jiġu rkuprati skont ir-Regolament Finanzjarju."

(3) Fl-Artikolu 18

, jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

"3a. Partit politiku Ewropew għandu jinkludi fl-applikazzjoni tiegħu evidenza li turi li l-partiti membri tiegħu ppubblikaw kontinwament fis-siti web tagħhom, matul it-12-il xahar li jippreċedu l-mument li fih issir l-applikazzjoni, il-programm politiku u l-logo tal-partit politiku Ewropew kif ukoll l-informazzjoni, fir-rigward ta' kull wieħed mill-partiti membri tal-partit politiku Ewropew, dwar ir-rappreżentanza tal-ġeneri fost il-kandidati fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u fost il-membri tal-Parlament Ewropew."

(4) L-Artikolu 19(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

"1. L-approprjazzjonijiet rispettivi għad-dispożizzjoni ta' dawk il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li jkunu ngħataw kontribuzzjonijiet jew għotjiet skont l-Artikolu 18 għandhom jiġu distribwiti kull sena abbażi tal-formula ta' distribuzzjoni segwenti:

— 5 % għandhom jitqassmu f'ishma ndaqs fost il-partiti politiċi Ewropej benefiċjarji,

— 95 % għandhom jitqassmu fi proporzjon mas-sehem tagħhom ta’ membri eletti tal-Parlament Ewropew fost il-partiti politiċi Ewropej benefiċjarji.

L-istess formola ta' distribuzzjoni għandha tintuża biex tagħti finanzjament lil fondazzjonijiet politiċi Ewropej, abbażi tal-affiljazzjoni tagħhom ma’ partit politiku Ewropew."

(5) L-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-Paragrafu 1(b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

"(b) meta jiġi stabbilit, skont il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 10(2) sa (5), li ma jkunux għadhom jissodisfaw waħda jew iżjed mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1) jew fl-Artikolu 3(2); jew"

(b) Fil-paragrafu 1, jiddaħħal is-subparagrafu (ba) li ġej:

"(ba) meta l-partit jew il-fondazzjoni inkwistjoni ma jissodisfawx waħda jew iżjed mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1) jew l-Artikolu 3(2) fil-mument tar-reġistrazzjoni tagħhom u meta l-partit jew il-fondazzjani tkun ipprovokat id-deċiżjoni biex tiġi rreġistrata permezz ta' informazzjoni falza jew mhux kompluta relatata ma' dawn il-kondizzjonijiet; deċiżjoni li l-partit jew il-fondazzjoni jinqatgħu mir-Reġistru għandha tiġi adottata f'perjodu ta' żmien raġonevoli mill-mument li fih l-Awtorità setgħat aċċertat li l-partit jew il-fondazzjonijiet inkwistjoni ma ssodisfawx il-kundizzjoni jew il-kundizzjonijiet ikkonċernati;"

(c) Għandu jiddaħħal il-paragrafu 5a li ġej:

"5a. Meta l-Awtorità timponi sanzjoni finanzjarja fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2(a) (v) jew (vi) għall-fini tal-irkupru skont l-Artikolu 30(2), tistabbilixxi li persuna fiżika li tkun membru tal-korp amministrattiv, tal-ġestjoni jew superviżorju tal-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea, jew li jkollha s-setgħat ta' rappreżentanza, deċiżjoni jew kontroll fir-rigward tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea tkun ukoll responsabbli għall-ksur fil-każijiet li ġejjin:

a.    Fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 (a) (v) meta, fis-sentenza msemmija f'din id-dispożizzjoni, il-persuna fiżika nstabet ukoll li hi responsabbli għall-attivitajiet illegali inkwistjoni;

b.    Fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 (a) (vi) meta l-persuna fiżika tkun ukoll responsabbli għall-imġiba jew l-ineżattezzi inkwistjoni."

(6) Fl-Artikolu 30(2), tiżdied is-sentenza li ġejja:

"L-Uffiċjal tal-Awtorizzazzjoni tal-Parlament Ewropew għandu wkoll ikopri ammonti mħallsa indebitament permezz ta' kontribuzzjoni jew ftehim ta' għotja jew deċiżjoni mill-persuna fiżika li tkun ittieħdet deċiżjoni skont l-Artikolu 27 (5a) fir-rigward tagħha."

(7) L-Artikolu 38 jiġi sostitwit b'li ġej:

"Artikolu 38

Evalwazzjoni

Il-Parlament Ewropew għandu, wara konsultazzjoni mal-Awtorità, jippubblika ħames snin wara l-mument li fih dan ir-Regolament isir applikabbli, rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u dwar l-attivitajiet iffinanzjati. Ir-rapport għandu jindika, meta jkun xieraq, emendi li jistgħu jsiru fis-sistema tal-istatut u tal-finanzjament.

Mhux aktar minn sitt xhur wara l-pubblikazzjoni tar-rapport mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, flimkien ma' proposta leġislattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament, jekk ikun xieraq."

(8) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 40a li ġej:

"Artikolu 40a

Dispożizzjoni tranżitorja

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 18(3a) u fir-rigward tal-applikazzjonijiet għal finanzjament għas-sena finanzjarja 2019, l-Uffiċjal tal-Awtorizzazzjoni tal-Parlament Ewropew għandu, qabel jiddeċiedi dwar applikazzjoni dwar finanzjament, jitlob evidenza mill-partit politiku Ewropew li turi li l-partiti membri tiegħu ppubblikaw kontinwament fuq is-siti web tagħhom, għal perjodu li jibda xahar wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE, EURATOM) Nru. XX/2018, il-programm politiku u l-logo tal-partit politiku Ewropew kif ukoll informazzjoni, fir-rigward ta' kull wieħed mill-partiti membri tal-partit politiku Ewropew, dwar ir-rappreżentanza tal-ġeneri fost il-kandidati fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u fost il-membri tal-Parlament Ewropew."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Ir-Rakkomandazzjoni tat-12.3.2013 dwar it-tisħiħ tal-kondotta demokratika u effiċjenti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew C(2013)1303 final http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=OJ:L:2013:079:TOC  
(2) ĠU L 317 tal-4.11.2017, p. 1-27.
(3) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Rapport fuq l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2014 COM/2015/0206 final http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2015:0206:FIN .
(4) Ara http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2017-0274+0+DOC+XML+V0//MT  
(5) Alleanza għall-Paċi u l-Libertà (APF- Alliance for Peace and Freedom), Alliance européenne des Mouvements Nationaux (EANM), Alleanza Ewropea għal-Liberta (EAF - European Alliance for Freedom) u Europeans United for Democracy (EUD). Il-Partit Politiku Ewropew Coalition pour la vie et la Famille (CVF) ma għandu l-ebda MEP u għalhekk ma huwiex eliġibbli għal finanzjament wara l-2017, l-aħħar sena ta' applikazzjoni tar-regoli preċedenti mir-Regolament tal-2004.
(6) Fuq il-bażi tal-finanzjament fl-2017, taħt ir-regoli tar-Regolament tal-2004, u b'hekk mingħajr kunsidrazzjoni tar-rekwiżit tar-Regolament tal-2014 ta' minimu ta' membru wieħed tal-Parlament Ewropew biex jirċievi l-fondi.
(7) COM(2017)30 final
(8) Dawn l-aħjar prattiki se jindirizzaw ukoll l-istrumenti tad-demokrazija elettronika, l-arranġamenti għall-votazzjoni mill-bogħod (e.ż. il-votazzjoni elettronika) u l-aċċess transfruntier għall-informazzjoni politika, u se timmira li ttejjeb it-turnout baxx tal-votanti.
(9) http://ec.europa.eu/justice/citizen/document/files/c_2013_1303_en.pdf .
(10) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=uriserv:OJ.L_.2013.181.01.0057.01.ENG.
(11) https://europa.eu/european-union/sites/europaeu/files/docs/body/consolidated_version_of_the_treaty_establishing_the_european_atomic_energy_community_mt.pdf  
(12) L-aġenda, il-lista tal-kelliema u l-konklużjonijiet huma disponibbli hawn: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+COMPARL+AFCO-OJ-20170712-1+01+DOC+PDF+V0//MT  
(13) ĠU C , , p. .
(14) ĠU C , , p. .
(15) ĠU C , , p. .