Brussell, 26.4.2017

COM(2017) 253 final

2017/0085(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE

{SWD(2017) 202 final}
{SWD(2017) 203 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.    KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Wara l-irtirar tal-proposta tal-2008 tal-Kummissjoni biex issir reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (minn hawn ’il quddiem id-Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità), il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tħejji inizjattiva ġdida li tieħu approċċ usa’ li jikkunsidra l-iżviluppi li seħħew fis-soċjetà fl-aħħar deċennju 1 .

Din il-proposta għal Direttiva hi parti minn pakkett ta’ miżuri għat-twettiq tal-impenn tal-Kummissjoni. Il-pakkett jimmira li jindirizza s-sottorappreżentazzjoni tan-nisa fl-impjieg u jappoġġa l-progressjoni fil-karriera tagħhom permezz ta’ kundizzjonijiet imtejba biex id-dmirijiet tax-xogħol u dawk privati tagħhom jiġu rikonċiljati. Jibni fuq id-drittijiet u l-politiki eżistenti u ma jnaqqasx il-livell ta’ protezzjoni offruta mill-acquis tal-UE u jippreserva d-drittijiet eżistenti mogħtija mil-liġi tal-Unjoni Ewropea eżistenti. Barraminhekk, itejjeb drittijiet eżistenti u jintroduċi drittijiet ġodda kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, u b’hekk jindirizza t-trattament u l-opportunitajiet ugwali fis-suq tax-xogħol tal-lum, jippromwovi n-nondiskriminazzjoni u jrawwem l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Fl-2015, ir-rata ta’ impjieg għan-nisa (eta’ bejn 20 u 64) laħqet 64.3% meta mqabbla ma’ 75.9% għall-irġiel. Id-disparità tal-impjiegi bejn l-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol hija iktar akuta għall-ġenituri u għall-persuni li għandhom responsabbiltajiet oħrajn ta’ indukrar. Bħala medja fl-2015, ir-rata ta’ impjieg tan-nisa b’wild wieħed taħt is-6 snin hija kważi 9% inqas minn dik tan-nisa mingħajr tfal żgħar, u f’diversi pajjiżi din id-differenza titla’ għal iktar minn 30% 2 . B’mod simili, in-nisa huma ferm iktar probabbli li jassumu r-rwol ta’ persuni li jindukraw b’mod informali għal qraba anzjani jew dipendenti meta mqabbla mal-irġiel3. In-nisa huma wkoll ferm iktar probabbli li jaħdmu part-time minħabba responsabbiltajiet ta’ indukrar. Dan jikkontribwixxi b’mod sostanzjali għad-disparità bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa (li tammonta għal 28% f’ċerti Stati Membri), li tul il-ħajja tax-xogħol takkumula f’disparità fil-pensjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel (medja ta’ 40% fl-UE) u tirriżulta f’riskju ogħla ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali fost in-nisa, speċjalment fix-xjuħija. Il-projjezzjonijiet fuq ix-xenarju bażi juru li l-isfidi msemmija hawn fuq mhumiex se jiġu indirizzati biżżejjed mingħajr azzjoni mill-UE. Id-disparità bejn is-sessi fl-impjiegi hi mistennija tibqa’ tammonta għal 9 punti perċentwali fl-2055.

Waħda mill-kawżi ewlenin għal din il-problema hi politika inadegwata dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Tfassil żbilanċjat ta’ liv bejn is-sessi, inċentivi insuffiċjenti għall-irġiel biex jieħdu l-liv għall-indukrar tat-tfal u/jew qraba dipendenti, possibbiltajiet limitati biex isir użu minn arranġamenti tax-xogħol flessibbli, servizzi insuffiċjenti għall-indukrar formali u diżinċentivi ekonomiċi lkoll intwerew li jkomplu jgħarrqu l-isfidi relatati mal-impjieg tan-nisa.

Il-qafas legali attwali fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri jipprovdi dispożizzjonijiet limitati biex l-irġiel jassumu sehem tar-responsabbiltajiet ta’ indukrar daqs in-nisa. Pereżempju, bħalissa m’hemm ebda leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-liv tal-paternità jew il-liv għall-indukrar ta’ qarib marid jew dipendenti, bl-eċċezzjoni ta’ assenza għal force majeure. F’ħafna Stati Membri, hemm nuqqas ta’ arranġamenti tal-liv imħallas għall-missirijiet meta mqabbla mal-ommijiet. L-iżbilanċ fit-tfassil tad-dispożizzjonijiet dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata bejn in-nisa u l-irġiel jista’ b’hekk iżid id-differenzi bejn is-sessi fix-xogħol u fl-indukrar. Għall-kuntrarju, l-użu mill-missirijiet ta’ arranġamenti relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata bħal-liv intwera li għandu impatt pożittiv fuq l-involviment tagħhom fit-trobbija tat-tfal iktar tard, biex b’hekk jonqos l-ammont relattiv ta’ xogħol tal-familja mhux imħallas imwettaq min-nisa u n-nisa jifdlilhom iżjed żmien għal xogħol imħallas.

L-objettiv ġenerali ta’ din id-Direttiva hu li tiżgura l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol u fir-rigward tat-trattament fuq ix-xogħol. Billi tadatta u timmodernizza l-qafas legali tal-UE, id-Direttiva se tippermetti lill-ġenituri u lin-nies b’responsabbiltajiet ta’ indukrar biex jirrikonċiljaw aħjar ix-xogħol u d-dmirijiet ta’ indukrar tagħhom. Id-Direttiva tibni fuq id-drittijiet eżistenti u ssaħħaħhom f’ċerti aspetti jew tintroduċi drittijiet ġodda. Ma tnaqqasx il-livell ta’ protezzjoni diġà offrut mill-acquis tal-UE.

L-objettivi speċifiċi tad-Direttiva huma definiti kif ġej:

li ttejjeb l-aċċess għal arranġamenti relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata – bħal-liv u l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli;

li żżid l-użu mill-irġiel tal-liv relatat mal-familja u tal-arranġamenti tax-xogħol flessibbli.

Intwera li d-disponibbiltà tal-liv u l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli itaffu ferm l-effett tar-responsabbiltajiet ta’ indukrar fuq l-eżiti tal-impjieg tan-nisa. Billi tipprovdi lill-ġenituri u lill-persuni li jindukraw b’għażla ikbar f’kif jorganizzaw ix-xogħol u r-responsabbiltajiet ta’ indukrar, din tgħin biex jiġi evitat milli jitilqu mis-suq tax-xogħol għalkollox. Barra minn hekk, peress li l-opportunitajiet u l-inċentivi għall-irġiel biex jużaw l-arranġamenti relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata ġeneralment huma skarsi u b’hekk l-użu tagħhom hu baxx f’ħafna mill-Istati Membri, it-titjib tat-tfassil ibbilanċjat skont is-sessi ta’ dawn l-arranġamenti jista’ jgħin għar-riekwilibriju tad-distribuzzjoni tal-indukrar fi ħdan l-unità domestika 3 .

Hu previst li din il-proposta se tibbenefika ħafna lill-individwi, lill-kumpaniji u lis-soċjetà usa’. Filwaqt li l-ġenituri u l-persuni li jindukraw se jibbenefikaw minn bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata adattat aħjar għall-ħtiġijiet tal-familji tal-lum, żieda fl-impjieg tan-nisa, il-qligħ ikbar u l-progressjoni tal-karriera tagħhom se jħallu impatt pożittiv fuq il-prosperità ekonomika, l-inklużjoni soċjali u s-saħħa tagħhom u ta’ familthom. Il-kumpaniji se jibbenefikaw minn ammont ikbar ta’ talenti u minn forza tax-xogħol iktar motivata u produttiva, kif ukoll minn inqas persuni assenti. Iż-żieda fir-rata ta’ impjieg tan-nisa sejra tikkontribwixxi wkoll sabiex tiġi indirizzata l-isfida tat-tixjiħ demografiku u tiżgura l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-politika

L-acquis tal-UE fih diversi atti ta’ leġiżlazzjoni sekondarja li huma rilevanti għall-qasam tal-politika li fil-qafas tiegħu qed issir din il-proposta. L-iktar importanti huma dawn li ġejjin:

Id-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (ĠU L 180, tal-15.07.2010, p. 1).

Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas biex fl-Istati Membri jiddaħħal fis-seħħ il-prinċipju ta’ trattament indaqs bejn l-irġiel u n-nisa attivi f’kapaċità ta’ impjieg indipendenti, jew li jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ attività bħal din. B’mod partikolari tiżgura li n-nisa li jaħdmu għal rashom u l-konjuġi u s-sħab nisa jingħataw biżżejjed konċessjoni tal-maternità li tagħti l-possibbiltà ta’ interruzzjonijiet fl-attività okkupazzjonali tagħhom minħabba tqala jew maternità għal tal-inqas 14-il ġimgħa.

Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (riformulazzjoni) (ĠU L 204, tas-26.07.2006, p. 23).

Din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura li jiġi implimentat il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u tan-nisa f'impjiegi u xogħol u fiha dispożizzjoni dwar paga ndaqs, trattament ugwali fi skemi okkupazzjonali tas-sigurtà soċjali, trattament ugwali fir-rigward tal-aċċess għal impjieg, taħriġ vokazzjonali, promozzjoni u kundizzjonijiet tax-xogħol, akkumpanjata minn regoli dwar rimedji u infurzar u l-promozzjoni ta’ trattament ugwali permezz ta’ djalogu.

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 348, tat-28.11.1992, p. 1).

Tistabbilixxi d-drittijiet bażiċi tan-nisa qabel u wara t-tqala, inkluż id-dritt għal 14-il ġimgħa liv tal-maternità bi ħlas. Tistabbilixxi wkoll il-miżuri biex jiġu żgurati s-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali tan-nisa tqal u tipprovdi għal protezzjoni speċjali kontra s-sensja mill-bidu tat-tqala sa tmiem il-liv tal-maternità.

Id-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU L 14, tal-20.01.1998, p.9).

Tipprojbixxi d-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part-time u tipprovdi li l-impjegaturi għandhom jieħdu f’kunsiderazzjoni t-talba tal-ħaddiema għal xogħol part-time. Madankollu, id-Direttiva ma tipprovdix għad-dritt li jintalbu tipi oħra ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli li huma importanti għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta’ Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU L 68, tat-18.03.2010, p. 13).

Din id-Direttiva (“id-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri”) tipprovdi lill-ħaddiema bi dritt individwali għal-liv tal-ġenituri ta’ minn tal-inqas erba’ xhur għal raġunijiet ta’ twelid jew ta’ adozzjoni ta’ tifel/tifla. Minn tal-inqas għandu jiġi pprovdut xahar liv tal-ġenituri fuq bażi li mhix trasferibbli. Id-Direttiva ma timponi ebda obbligu b’rabta mal-paga matul il-liv tal-ġenituri u tħalli f’idejn l-Istati Membri jew is-Sħab Soċjali li jiddefinixxu r-regoli dettaljati u l-kundizzjonijiet għat-tali liv. Id-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri tipprovdi għal protezzjoni kontra s-sensja u trattament inqas favorevoli minħabba applikazzjoni għal-liv tal-ġenituri jew it-teħid ta’ dan, għad li l-arranġamenti dettaljati għall-protezzjoni mhumiex speċifikati.

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/241/KEE, tal-31 ta’ Marzu 1992, dwar l-indukrar tat-tfal (ĠU L 123, tat-8.05.1992, p. 16).

Hija tirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu inizjattivi biex jipprovdu liv speċjali għall-ġenituri li jaħdmu, biex jinkoraġġixxu żieda fil-parteċipazzjoni tal-irġiel fir-responsabbiltajiet tal-indukrar tat-tfal, biex joħolqu ambjent tax-xogħol li jappoġġa ġenituri li jaħdmu u biex jiġu pprovduti servizzi tal-indukrar tat-tfal affordabbli u ta’ kwalità.

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/112/UE tal-20 ta' Frar 2013 L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ (ĠU L 59, 2.3.2013, p. 5-16)

Tirrakkomanda li l-Istati Membri jappoġġaw l-aċċess tal-ġenituri għas-suq tax-xogħol u tiżgura li x-xogħol iħallas għalihom. Ir-Rakkomandazzjoni tpoġġi enfażi wkoll fuq il-ħtieġa li jitjieb l-aċċess għal edukazzjoni bikrija tat-tfal u għal servizzi ta’ indukrar li jkunu affordabbli u li jiġi pprovdut appoġġ adegwat għad-dħul bħall-benefiċċji tat-tfal u l-familja.

Il-kontenut tal-atti msemmija hawn fuq ġie analizzat u kkunsidrat kif xieraq matul il-proċess ta’ tħejjija ta’ din il-proposta. B’riżultat ta’ dan, il-proposta, minn naħa, hi koerenti mad-dispożizzjonijiet eżistenti u, min-naħa l-oħra, tintroduċi żviluppi leġiżlattivi fiha fejn ġie kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni attwali hija insuffiċjenti u teħtieġ li tevolvi skont it-tibdiliet fis-soċjetà.

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni jirrapporta dwar il-konsultazzjoni pubblika li takkumpanja d-dokument Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 4 .

Ir-rapport iqis ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Rigward il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, kien hemm kunsens wiesa' li l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun appoġġat permezz ta' qafas leġiżlattiv rivedut u koerenti li jkopri liv tal-maternità, liv tal-ġenituri, liv tal-ġenituri u liv ta’ persuni li jindukraw, li jinkoraġġixxi teħid ugwali ta’ arranġamenti tal-liv minn irġiel u nisa sabiex jitjieb l-aċċess tan-nisa kif ukoll il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

Fir-rigward tad-Direttiva tal-2010 dwar il-Liv tal-Ġenituri, din il-proposta għandha l-għan li tirrevoka l-att sħiħ u tissostitwixxih bid-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dan it-test, filwaqt li tippreserva d-drittijiet u l-obbligi eżistenti. Kif spjegat fil-preambolu, xejn fid-Direttiva proposta ma għandu jiġi interpretat bħala li jnaqqas drittijiet li kienu jeżistu qabel taħt id-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri. Din id-Direttiva tibni fuq dawk id-drittijiet u ssaħħaħhom. Id-Direttiva dwar il-Liv tal-ġenituri għandha tiġi revokata, minn naħa, minħabba n-natura legali speċifika u l-bażi ġuridika (Artikolu 155(2) tat-TFUE) tad-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri, li ddaħħal fis-seħħ ftehim mis-sħab soċjali Ewropej u, min-naħa l-oħra, għal raġunijiet ta’ trasparenza, ta’ simplifikazzjoni (att uniku li jirregola b’mod komprensiv drittijiet speċifiċi relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata), ta’ ċertezza legali u ta’ infurzabbiltà tad-drittijiet.

Konsistenza mal-politiki l-oħrajn tal-Unjoni

Din l-inizjattiva se tikkontribwixxi għall-għanijiet ibbażati fuq it-Trattati ta’ ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol, ta’ trattament indaqs fuq ix-xogħol u ta’ promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg fl-UE. Skont it-Trattat, l-UE għandha l-għan telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-attivitajiet kollha tagħha. L-ugwaljanza bejn is-sessi tinsab fil-qalba tal-politiki tal-UE: peress li d-disparità bejn is-sessi fir-rati ta’ impjieg tan-nisa bit-tfal u tal-irġiel bit-tfal hi wiesgħa, it-tnaqqis ta’ dik id-disparità hu vitali jekk il-mira tal-UE għar-rata ta’ impjieg trid tintlaħaq. It-tnaqqis tad-disparità huwa kruċjali wkoll għall-kisba ta’ iktar ugwaljanza bejn is-sessi.

Dan jikkontribwixxi wkoll għall-prijoritajiet tal-Kummissjoni dwar l-impjiegi u t-tkabbir, kif spjegat fil-linji gwida politiċi tal-President Juncker għall-Kummissjoni Ewropea. Din l-inizjattiva hija wkoll marbuta mal-inizjattiva li ġejja tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li għandha l-għan li ssaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni u ssaħħaħ il-konverġenza ’l fuq tal-Istati Membri fil-prestazzjoni soċjali.

2.    BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hi bbażata fuq l-Artikolu 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). B’mod iktar preċiż:

l-Artikolu 153(1)(i) tat-TFUE jipprevedi li "(B)l-għan li jinkisbu l-għanijiet tal-Artikolu 151, l-Unjoni għandha ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri f’dawn l-oqsma: (…)

i) l-ugwaljanza bejn irġiel u nisa rigward l-opportunitajiet u t-trattament fis-suq tax-xogħol;”

L-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE jistabbilixxi li “(G)ħal dan l-għan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill: (…)

b) jistgħu jadottaw fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (i), permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi applikabbli progressivament, meħud qies tal-kondizzjonijiet tekniċi li jkunu jinsabu f’kull wieħed mill-Istati Membri. Direttivi bħal dawn għandhom jevitaw li jdaħħlu rabtiet amministrattivi finanzjarji u ġuridiċi li jistgħu jxekklu l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u medji.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u tal-Kumitat tar-Reġjuni. (…)"

Sussidjarjetà

Diġà hemm qafas leġiżlattiv tal-UE fis-seħħ fir-rigward tal-politiki ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata li jinkludi d-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE, tat-8 ta’ Marzu 2010. Dan juri l-ftehim komuni li hemm bżonn ta' azzjoni fil-livell tal-UE f'dan il-qasam, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Kif spjegat f’Taqsima 1, dawk il-miżuri leġiżlattivi eżistenti mhumiex suffiċjenti biex jindirizzaw l-isfidi li jikkombinaw l-obbligi bejn ix-xogħol u l-familja kif suppost fl-ambjenti ekonomiċi u soċjali tal-lum u l-iżgurar ta’ ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol u t-trattament fuq ix-xogħol.

Il-piż tal-indukrar xorta għadu jaqa’ prinċipalment fuq in-nisa, hekk kif il-qafas legali attwali mhuwiex suffiċjenti fl-inkoraġġiment u fl-iffaċilitar ta’ sehem aktar ugwali tar-responsabbiltajiet tal-familja u x-xogħol bejn l-irġiel u n-nisa. Fir-rigward tal-liv tal-paternità, il-liv għall-indukrar (fejn bħalissa ma jeżistu l-ebda dispożizzjonijiet fil-livell tal-UE) u arranġamenti tax-xogħol flessibbli, hemm ħafna Stati Membri fejn ma teżisti l-ebda miżura, jew fejn il-miżuri fis-seħħ huma insuffiċjenti. Barra minn hekk, meta Stati Membri għandhom dispożizzjonijiet legali fis-seħħ, dawn ivarjaw fir-rigward ta’ kundizzjonijiet (eż. paga) li jirriżultaw fi drittijiet mhux indaqs, protezzjoni inugwali taċ-ċittadini tal-UE madwar l-UE u differenzi fil-funzjonament tas-swieq tax-xogħol.

B'hekk, il-modernizzazzjoni tal-qafas legali eżistenti li għandu l-għan li jipprovdi standards minimi komuni għall-politiki ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jistgħu jintlaħqu biss minn azzjoni fil-livell tal-UE iktar milli minn Stati Membri individwali waħedhom.

L-analiżi tal-problema li trid tiġi indirizzata u l-informazzjoni disponibbli bħalissa fuq dan is-suġġett juru biċ-ċar li:

hu biss meta tidħol fis-seħħ leġiżlazzjoni tal-UE li jkun hemm leġiżlazzjoni fis-seħħ f’kull Stat Membru wkoll;

azzjoni mill-UE biss tiżgura li jinkiseb biżżejjed progress fl-Istati Membri kollha;

intervent fil-livell tal-UE biss għandu l-potenzjal li jimmitiga x-xejriet li bħalissa huma preżenti f’ċerti Stati Membri li jnaqqsu d-dispożizzjonijiet dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

azzjoni fil-livell tal-UE biss tindirizza d-differenzi bejn id-dispożizzjonijiet legali nazzjonali eżistenti dwar il-paternità il-liv tal-ġenituri u tal-persuni li jindukraw u dwar l-arranġamenti ta’ xogħol flessibbli. filwaqt li azzjoni fil-livell tal-UE mhix se twaqqaf lill-Istati Membri milli joffru livelli ogħla ta’ protezzjoni.

azzjoni fil-livell tal-UE biss se tipprovdi rekwiżiti minimi komuni għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata li jappoġġaw l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol u t-trattament fuq ix-xogħol; L-istandards minimi komuni huma partikolarment rilevanti fil-kuntest tal-moviment ħieles tal-ħaddiema u tal-libertà li jipprovdu servizzi fis-Suq Intern tal-UE. 

Fid-dawl tal-argumenti t’hawn fuq, hu ġġustifikat li tittieħed azzjoni leġiżlattiva u politika tal-UE f’dan il-qasam.

Proporzjonalità

Wara li ġie stabbilit il-valur miżjud għal intervent fil-livell tal-UE, l-istrument legali magħżul, li jipprovdi standards minimi, biex jiġi implimentat (ara iktar ’il quddiem) jiżgura li l-grad ta’ intervent se jinżamm għall-minimu neċessarju biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi tal-proposta.

Id-Direttiva tirrispetta arranġamenti nazzjonali stabbiliti sew għal-liv u arranġamenti tax-xogħol flessibbli u l-possibbiltà għall-Istati Membri u s-sħab soċjali biex jiddeterminaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi tagħhom. Stati Membri li diġà għandhom fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk ippreżentati f’din id-Direttiva, mhux se jkollhom jibdlu l-leġiżlazzjoni tagħhom. L-Istati Membri jistgħu wkoll jiddeċiedu li jmorru lil hinn mill-istandards minimi stipulati f’din id-Direttiva.

Id-Direttiva tirrispetta bis-sħiħ il-libertà u l-preferenzi ta’ individwi u familji li jorganizzaw ħajjithom u ma timponi ebda obbligu fuqhom biex jużaw il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tagħha.

B’hekk, l-azzjoni ppjanata tal-Unjoni tħalli kemm jista’ jkun kamp ta’ applikazzjoni għal deċiżjonijiet individwali u nazzjonali, filwaqt li xorta tilħaq l-objettivi taż-żieda tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-prinċipju tal-proporzjonalità huwa osservat filwaqt li jitqies kemm id-daqs kif ukoll in-natura tal-problemi identifikati.

Għażla tal-istrument

L-Artikolu 153(2)(b) flimkien ma’ 153(1)(i) tat-TFUE jipprevedi b’mod espliċitu li d-Direttiva se tkun l-istrument legali użat biex jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi li jridu jiġu implimentati b’mod gradwali mill-Istati Membri.

3.    RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Bħala parti mill-ħidma tal-Valutazzjoni tal-Impatt, l-informazzjoni disponibbli dwar il-funzjonament tal-qafas attwali dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata ġiet ikkonsolidata u vvalutata.

Din l-analiżi saret fuq il-bażi ta’:

studju mill-kuntrattur estern, ikkummissjonat f’nofs l-2016 għall-finijiet ta’ tħejjija tal-Valutazzjoni tal-Impatt, kif ukoll evalwazzjoni ħafifa tal-qafas tal-bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata;

ir-riċerka rilevanti disponibbli bħar-rapporti tal-Kummissjoni Ewropea u ta’ Istituzzjonijiet Ewropej oħra kif ukoll tan-Netwerk Ewropew ta’ Esperti Legali, u, fejn disponibbli, ir-rapporti nazzjonali u l-informazzjoni kkumpilata mill-korpi tal-Ugwaljanza;

id-dejta miġbura bl-immappjar tal-leġiżlazzjoni dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll il-ġbir tal-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati.

Tnejn mid-Direttivi msemmija hawn fuq, jiġifieri d-Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità (92/85/KEE) u d-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri (2010/18/UE), ġew evalwati f’termini tal-effikaċja, tal-effiċjenza, tal-koerenza, tar-rilevanza u tal-valur miżjud tal-UE.

L-evalwazzjoni kkonkludiet li l-qafas eżistenti mhuwiex, fil-parti l-kbira tiegħu, għodda effettiva biex jinkisbu l-objettivi mfittxija li, konsegwentement, ma ntlaħqux bis-sħiħ. 

Fir-rigward tad-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri (2010/18/UE) l-objettiv li jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata permezz ta’ sehem aktar ugwali ta’ xogħol u indukrar bejn l-irġiel u n-nisa ma ntlaħaqx b'mod suffiċjenti. It-tfassil attwali tal-liv tal-ġenituri ma jwassalx għal teħid ugwali bejn il-ġenituri, b’maġġoranza vasta tan-nisa jieħdu l-liv. Din is-sitwazzjoni hija prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ pagament matul il-liv f’ħafna Stati Membri u r-regola li tippermetti lill-ġenituri jittrasferixxu ħafna mill-intitolament tagħhom lill-ġenitur l-ieħor. Fil-prattika, l-irġiel ħafna drabi jittrasferrixu s-sehem tagħhom tal-liv tal-ġenituri lill-mara.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Saret konsultazzjoni pubblika bejn Novembru tal-2015 u Frar tal-2016 biex jinstemgħu l-fehmiet ta’ diversi partijiet ikkonċernati u ċittadini 5 . Firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati esprimew l-opinjonijiet tagħhom: L-Istati Membri; l-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali; l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; il-korpi tal-ugwaljanza; u organizzazzjonijiet oħrajn, kif ukoll individwi. Kien hemm minn tal-inqas tweġiba waħda riċevuta minn kull Stat Membru. B’kollox waslu 786 kontribuzzjoni, b’229 mill-organizzazzjonijiet u 557 mingħand l-individwi. Ir-riżultati ewlenin f’dak li jikkonċerna l-għażliet ta’ politika għall-futur kienu:

- konverġenza ta’ opinjonijiet bejn il-partijiet ikkonċernati fir-rigward tal-importanza dwar azzjonijiet tal-UE fil-qasam tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

- konverġenza ta’ opinjonijiet dwar il-ħtieġa li jitjiebu l-possibbiltajiet u/jew l-inċentivi għall-ġenituri u oħrajn b’dipendenti li jerfgħu responsabbiltajiet li jindukraw u miżuri ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

- konverġenza ta’ opinjonijiet dwar il-bżonn li jiġi pprovdut indukrar tat-tfal disponibbli u affordabbli;

- konverġenza ta’ opinjonijiet dwar aktar gwida, monitoraġġ u skambju ta’ prattika tajba fil-politika fil-livell tal-UE;

- ċerta konverġenza ta’ opinjonijiet dwar il-ħtieġa ta’ azzjonijiet leġiżlattivi mill-UE.

Il-Kumitat Konsultattiv tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel ġie kkonsultat ukoll u dan ippreżenta l-fehmiet tiegħu f’laqgħa tal-Kumitat fit-8 ta’ Diċembru 2016.

Skont it-TFUE, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni fuq żewġ stadji mas-sħab soċjali dwar l-isfidi relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Filwaqt li s-sħab soċjali fil-parti l-kbira qablu dwar l-isfidi relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u dwar l-objettiv ta’ titjib tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, il-fehmiet tagħhom varjaw dwar il-bżonn ta’ iktar azzjoni leġiżlattiva u s-sħab soċjali ma esprimewx ix-xewqa komuni li jidħlu f’negozjati diretti għall-konklużjoni ta’ ftehim fil-livell tal-Unjoni. Huwa madankollu importanti li titjieb il-protezzjoni f’dan il-qasam billi jiġi mmodernizzat u adattat il-qafas legali attwali, filwaqt li jitqies ir-riżultat ta’ dawk il-konsultazzjonijiet. It-trade unions indikaw xewqa għal leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE dwar il-liv tal-paternità u l-liv tal-persuni li jindukraw; żieda fit-tul, l-ammont ta’ paga u protezzjoni kontra s-sensja għal-liv tal-maternità; dritt li jitolbu arranġamenti ta’ xogħol flessibbli; u li jemendaw id-direttiva tal-liv tal-ġenituri biex jiġu estiżi t-tul u n-nontransferabbiltà kif ukoll jiġi introdott pagament għal-liv. It-trade unions saħqu li jenħtieġ li dawn il-miżuri jiġu kkombinati flimkien ma’ servizzi għall-indukrar formali disponibbli, aċċessibbli, affordabbli u ta’ kwalità. L-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi ma kinux favur ta’ aktar azzjoni leġiżlattiva tal-UE, iżda kienu favur miżuri nonleġiżlattivi għall-iżvilupp ta’ servizzi tal-indukrar formali.

Il-Parlament Ewropew talab biex jittawwlu l-liv tal-maternità imħallas u l-protezzjoni kontra s-sensja, l-estensjoni tad-durata tal-liv tal-ġenituri u l-introduzzjoni ta’ pagament; l-introduzzjoni tal-liv tal-paternità u tal-liv tal-persuni li jindukraw; l-aġġornament tal-miri ta’ Barċellona għall-kura tat-tfal u l-introduzzjoni ta’ miri għal servizzi ta’ kura fit-tul.

Ħafna partijiet ikkonċernati oħrajn talbu wkoll għal iżjed azzjoni leġiżlattiva u nonleġiżlattiva tal-UE fil-qasam tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

Ġbir u użu tal-kompetenzi

Il-Kummissjoni tat kuntratt għall-analiżi tal-ispejjeż u tal-benefiċċji tal-miżuri possibbli tal-UE biex jiġi ffaċilitat il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw.

Il-Kummissjoni użat ukoll il-kuntratti eżistenti tagħha biex tiġbor evidenza li ntużat b’appoġġ għal din il-valutazzjoni tal-impatt. Din kienet tinkludi:

rapport tematiku mħejji min-Netwerk Ewropew tal-Politika Soċjali (ESPN) dwar il-miżuri relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għal persuni bi qraba dipendenti;

saret reviżjoni tar-riċerka storika disponibbli dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata mir-riċerkaturi tal-London School of Economics;

għadd ta’ studji rilevanti oħrajn fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali, inkluż l-evidenza pprovduta mill-EIGE.

Barra minn hekk, in-Netwerk Ewropew għall-Korpi tal-Ugwaljanza ħejja stħarriġ fost il-membri tiegħu dwar inċidenti rrapportati ta’ diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u sensji relatati ma’ meta persuna ssir ġenitur.

Valutazzjoni tal-impatt

Skont ir-rekwiżiti tar-Regolamentazzjoni Aħjar, f’Settembru 2015 twaqqaf grupp ta’ tmexxija interservizz tal-Kummissjoni (ISG), ippresedut mis-Segretarjat Ġenerali, biex jaħdem fuq it-tħejjija ta’ din l-inizjattiva. L-ISG iltaqa’ 5 darbiet fil-perjodu bejn Settembru 2015 u Marzu 2017.

Il-Valutazzjoni tal-Impatt ġiet ippreżentata lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) u diskussa miegħu fit-18 ta’ Jannar 2017. Verżjoni riveduta tal-Valutazzjoni tal-Impatt, li tindirizza kif xieraq il-kwistjonijiet imqajma mill-RSB, reġgħet ġiet sottomessa fit-8 ta’ Marzu 2017. Fl-20 ta’ Marzu, l-RSB ħareġ opinjoni pożittiva b’kummenti li ngħataw kunsiderazzjoni fil-valutazzjoni tal-impatt finali.

Tul il-ħidma ta’ Valutazzjoni tal-Impatt, ġew ikkunsidrati firxa ta’ miżuri nonleġiżlattivi u leġiżlattivi fost l-oqsma kollha li ntwerew li huma importanti għall-indirizzar tas-sottorappreżentazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, jiġifieri; liv tal-maternità , liv tal-paternità, liv tal-ġenituri, liv tal-persuni li jindukraw, arranġamenti tax-xogħol flessibbli.

Wara valutazzjoni tal-effikaċja, tal-effiċjenza u tal-koerenza ta’ kull għażla, ġiet identifikata kombinazzjoni ppreferuta ta’ għażliet. Il-kombinazzjoni ppreferuta tinkludi:

Liv tal-maternità: miżuri mhux leġiżlattivi biex jissaħħaħ l-infurzar tal-leġiżlazzjoni attwali dwar il-protezzjoni kontra s-sensji, sensibilizzazzjoni dwar is-sensji lil nisa tqal u tingħata gwida dwar il-politika fuq l-iffaċilitar ta’ tranżizzjonijiet b’suċċess bejn il-liv tal-maternità u l-impjieg (inklużi faċilitajiet u pawżi għat-treddigħ)

Liv tal-paternità: l-introduzzjoni ta’ intitolament individwali għal 10 ijiem tax-xogħol, imħallsa tal-inqas fil-livell tal-paga tal-liv minħabba mard.

Liv tal-ġenituri: reviżjoni tal-intitolament eżistenti bħalissa biex jipprovdi (i) għad-dritt għal użu flessibbli (jiġifieri part-time, imqassam maż-żmien), (ii) għal 4 xhur mhux trasferibbli bejn il-ġenituri, u (iii) għal paga għal 4 xhur, tal-inqas fil-livell tal-liv minħabba mard.

Liv għall-persuni li jindukraw: l-introduzzjoni ta’ intitolament individwali għal 5 ijiem fis-sena, imħallsa tal-inqas fil-livell tal-paga tal-liv minħabba mard.

Arranġamenti tax-xogħol flessibbli: id-dritt għall-ġenituri ta’ tfal li għandhom sa 12-il sena u għall-persuni li jindukraw biex jitolbu flessibilità fis-sigħat tax-xogħol, fl-iskeda jew fil-post tax-xogħol għal perjodu stabbilit ta’ żmien, b’ebda obbligu għall-impjegatur li jaqbel għat-tibdil mitlub.

Fir-rigward tal-impatt mistenni tal-kombinazzjoni ta’ għażliet preferuti, l-analiżi kwantitattiva mwettqa fil-Valutazzjoni tal-Impatt turi li l-kombinazzjoni ta’ għażliet preferuti għandha impatt pożittiv fuq il-PDG (+ EUR 840 biljun, NPV 2015-2055), impjieg (+ 1.6 miljun fl-2050) u l-forza tax-xogħol (+ 1.4 miljun fl-2050). L-analiżi turi li ż-żidiet fl-impjieg u l-parteċipazzjoni fil-forza tax-xogħol prinċipalment se tikkonċerna lin-nisa. Id-dħul reali huwa wkoll mistenni li jiżdied b’0.52% fl-2050. Minkejja li relattivament żgħira, il-kombinazzjoni tirrappreżenta spiża għall-kumpaniji. Madankollu, il-maġġoranza ta’ din l-ispiża hija xprunata mill-għażla ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli li tassumi livell ferm għoli tad-domanda għal u akkomodazzjoni ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli għalkemm l-impjegaturi jistgħu jirrifjutaw talbiet għal xogħol flessibbli, partikolarment fejn tikkawża spiża eċċessiva għall-kumpanija. B’hekk, l-ispiża totali għal kumpaniji tal-kombinazzjoni tista’ tkun ferm aktar baxxa.

Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li l-għażliet preferuti tal-kombinazzjoni għandhom sinerġiji b’saħħithom u li l-ispejjeż tal-kombinazzjoni tal-għażliet preferuti jistgħu jkunu inqas mit-total tal-ispejjeż individwali għal kull għażla.

Drittijiet fundamentali

L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hi prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 3(3), il-paragrafu 2, tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE) 6 , il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hi waħda mill-għanijiet tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddikjara wkoll li l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tinkoraġixxi ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-azzjonijiet kollha tagħha.

Il-proposta tiffaċilita wkoll l-eżerċizzju tad-drittijiet rikonoxxuti fl-Artikoli 23 7 u 33 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jirreferu b’mod speċifiku għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u dik professjonali.

4.    IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma tirrikjedix riżorsi addizzjonali mill-baġit tal-Unjoni Ewropea.

5.    ELEMENTI OĦRAJN

Arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rapportar

L-Istati Membri jridu jittrasponu d-Direttiva, sentejn wara l-adozzjoni u jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri ta’ eżekuzzjoni nazzjonali permezz tad-Bażi tad-Dejta MNE. Skont l-Artikolu 153(4) tat-TFUE huma jistgħu jafdaw lis-sħab soċjali biex jagħmlu dan permezz ta’ ftehim.

Biex tivvaluta l-effikaċja fl-ilħuq tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-inizjattiva, il-Kummissjoni identifikat indikaturi ewlenin tal-progress biex tissorvelja l-implimentazzjoni b’suċċess 9 . Dawn l-indikaturi se jiġu ssorveljati b’mod regolari mill-Kummissjoni u jservu bħala l-bażi għall-evalwazzjoni tal-inizjattiva. Abbażi ta’ dawn l-indikaturi u l-informazzjoni li jridu jipprovdu l-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ tirrapporta b’mod regolari l-progress lill-istituzzjonijiet ewlenin l-oħrajn tal-UE, inkluż lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Il-Kummissjoni fi kwalunkwe każ sejra tevalwa l-impatt tal-proposti leġiżlattivi ħames snin wara d-dħul fis-seħħ u sejra tipproduċi rapport ta’ evalwazzjoni.

Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja b’mod regolari wkoll l-impjieg tan-nisa u d-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, inkluż fir-Rapport Konġunt Annwali dwar l-Impjiegi u r-Rapporti tal-Pajjiżi tas-Semestru Ewropew.

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Artikolu 1 – Suġġett

Din id-dispożizzjoni tindika s-suġġett tad-Direttiva u tenumera d-drittijiet individwali li għalihom huma stabbiliti r-rekwiżiti minimi fil-livell tal-Unjoni.

Artikolu 2 – Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi min huma l-individwi intitolati biex jibbenefikaw mid-drittijiet irregolati f’din id-Direttiva.

Artikolu 3 – Definizzjonijiet

Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi għadd ta’ termini u ta’ kunċetti sabiex tagħmilha ċara minn qabel kif jenħtieġ li jiġu interpretati meta jissemmew fit-test tad-Direttiva.

Artikolu 4 – Liv tal-paternità

Bħalissa m’hemm l-ebda standard minimu għal-liv tal-paternità fil-livell tal-UE.

Din id-dispożizzjoni tintroduċi d-dritt għall-missirijiet biex jieħdu l-liv tal-paternità fil-forma ta’ perjodu qasir ta’ liv, mhux inqas minn 10 ijiem tax-xogħol, fl-okkażjoni tat-twelid ta’ wliedhom. Dan il-liv huwa maħsub li jittieħed madwar iż-żmien tat-twelid u jrid ikun marbut b’mod ċar ma’ dan l-avveniment.

L-introduzzjoni tad-dritt għal-liv tal-paternità jenħtieġ li jgħin fl-indirizzar tal-problema ta’ possibbiltajiet mhux indaqs għan-nisa u għall-irġiel li jieħdu liv madwar iż-żmien tat-twelid ta’ wild u tħeġġeġ lill-irġiel iġorru sehem iktar indaqs mir-responsabbiltajiet ta’ indukrar, u b’hekk tippermetti li tinħoloq rabta bikrija bejn il-missirijiet u t-tfal.

Sabiex tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni bejn koppji miżżewġin u mhux miżżewġin u bejn koppji eterosesswali u omosesswali, id-dritt għal-liv tal-paternità jeħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-istat ta' żwieġ jew tal-familja kif iddefinit mil-liġi nazzjonali.

Artikolu 5 – Liv tal-ġenituri

Id-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri (2010/18/UE) diġà tipprovdi għad-drittijiet individwali ta’ minn tal-inqas erba’ xhur għal-liv tal-ġenituri abbażi tat-twelid jew tal-adozzjoni ta’ wild għall-indukrar ta’ dak il-wild. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tibni fuq id-drittijiet eżistenti għall-ġenituri u ttejjeb dawk id-drittijiet kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel.

Wara l-analiżi li saret fil-fażi preparatorja, hu kkunsidrat li d-Direttiva attwali dwar il-Liv tal-ġenituri m’għamlitx biżżejjed biex tippermetti liż-żewġ ġenituri jagħmlu użu ndaqs mill-intitolamenti tagħhom. Minħabba l-fatt li ma tagħtix garanzija ta’ benefiċċju matul il-liv tal-ġenituri, ħafna familji ma għandhomx il-mezzi biex jagħmlu dan. Id-Direttiva ma rnexxiliex ukoll tippromwovi involviment ikbar tal-missirijiet fir-responsabbiltajiet tal-indukrar. L-evidenza turi li l-maġġoranza tal-missirijiet ma jagħmlux użu mid-dritt tagħhom għal-liv tal-ġenituri u jittrasferixxu sehem konsiderevoli mill-intitolament għal-liv tagħhom lill-ommijiet. Dan wassal għal differenzi li jispikkaw bejn ir-rati medji ta’ użu tal-liv tal-ġenituri bejn l-ommijiet u l-missirijiet, li għal dawn tal-aħħar għadhom baxxi wisq f’ħafna Stati Membri.

Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tindirizza n-nuqqasijiet identifikati billi (i) tistabbilixxi perjodu minimu tal-liv tal-ġenituri ta’ minn tal-inqas erba’ xhur ta’ liv tal-ġenituri li ma jistawx jiġu ttrasferiti bejn il-ġenituri, (ii) tintroduċi iktar flessibilità fir-rigward tal-forom li bihom jista’ jittieħed il-liv tal-ġenituri (bażi full-time jew part-time, jew f’forom flessibbli oħra), peress li l-flessibilità tagħmilha iktar probabbli li l-ġenituri, b’mod partikolari il-missirijiet, jużaw l-intitolament tagħhom għat-tali liv. Dispożizzjoni oħra f’din id-Direttiva tindirizza l-kwistjoni ta’ remunerazzjoni waqt il-liv hekk għaliex din għandha impatt kbir fuq it-teħid tal-liv mill-missirijiet.

Id-dispożizzjoni tħalli f’idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar (i) it-tul tal-perjodu ta’ avviż formali li jrid jingħata mill-ħaddiem, u (ii) jekk id-dritt għal-liv tal-ġenituri jistax ikun, jew ma jkunx, soġġett għal kwalifikazzjoni tal-perjodu ta’ xogħol u/jew għal kwalifikazzjoni tat-tul tas-servizz, u (iii) dwar id-definizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom l-impjegatur jista’ jkun permess li jipposponi l-għoti ta’ liv tal-ġenituri b’perjodu raġonevoli. Finalment, din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiżgura li Stati Membri għandhom jivvalutaw il-ħtieġa għal aġġustament tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess u arranġamenti dettaljati ta’ liv tal-ġenituri għall-bżonnijiet speċifiċi ta’ ġenituri f’sitwazzjonijiet partikolarment żvantaġġati relatati mad-diżabilità jew ma' mard fit-tul u ġenituri adottivi.

Artikolu 6 – Liv għall-persuni li jindukraw

Din id-dispożizzjoni tintroduċi d-dritt annwali ġdid għall-ħaddiema li jieħdu perjodu ta’ liv mix-xogħol f’każ ta’ mard serju jew ta’ dipendenza ta’ qarib, kif iddefiniti mid-Direttiva nfisha. Biex l-impjegatur jiġi protett kontra abbuż ta’ dan id-dritt, tista’ tintalab prova tal-marda jew tas-sitwazzjoni ta’ dipendenza qabel l-għoti tal-liv.

Il-ħsieb wara l-introduzzjoni ta’ dan id-dritt hu li t-titjib tal-possibbiltajiet għall-ħaddiema li jieħdu perjodu qasir ta’ ħin liberu mix-xogħol biex jindukraw qarib jista’ jgħin biex jitjieb il-bilanċ tagħhom bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u, fl-istess ħin, jiġi evitat milli jitilqu mis-suq tax-xogħol għalkollox.

Artikolu 7 – Ħin liberu mix-xogħol minħabba force majeure

Din id-dispożizzjoni żżomm id-dritt eżistenti tal-ħaddiema li jieħdu ħin liberu mix-xogħol fil-każ ta’ force majeure.

Dan id-dritt, diġà stabbilit mid-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri 10 , jista’ jintuża mill-ħaddiema kollha (mhux biss mill-ġenituri jew mill-persuni li jindukraw skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva) għal raġunijiet urġenti relatati mal-familja.

Artikolu 8 - Dħul adegwat

Id-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri (2010/18/UE) ma tistabbilixxix rekwiżiti minimi relatati ma’ konċessjoni adegwata.

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi d-dritt għall-ħaddiema li qed jagħmlu użu mit-tipi differenti ta’ liv li jirċievu benefiċċju adegwat tul il-perjodu minimu ta’ liv previst f'din id-Direttiva. Il-livell tal-benefiċċju għandu jkun minn tal-inqas ekwivalenti mal-livell tal-liv minħabba mard.

Artikolu 9 – Arranġamenti tax-xogħol flessibbli

Id-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri diġà tipprovdi għall-possibbiltà li jintalbu żewġ tipi ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli (skedi tax-xogħol u sigħat tax-xogħol) għall-ġenituri li jirritornaw mil-liv tal-ġenituri. Il-proposta attwali testendi dawn iż-żewġ forom eżistenti għat-tielet forma ta’ arranġament tax-xogħol flessibbli (possibbiltajiet ta’ telexogħol) u tkompli testendi l-kamp ta' applikazzjoni personali ta’ dawk id-drittijiet għall-persuni li jindukraw u għall-ħaddiema kollha bi tfal sa ċerta età, li tal-inqas għandha tkun tnax-il sena.

Biex il-ġenituri li jaħdmu u li għandhom tfal żgħar u l-persuni li jindukraw jiġu mħeġġa jibqgħu fis-suq tax-xogħol, jenħtieġ li dawn ikunu jistgħu jadattaw l-iskedi tax-xogħol tagħhom għall-ħtiġijiet u għall-preferenzi personali tagħhom.

Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tintroduċi l-possibbiltà għall-ħaddiema msemmija hawn fuq li jużaw (i) tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol, (ii) skedi tax-xogħol flessibbli, u (iii) possibbiltajiet ta’ telexogħol.

Sabiex tieħu f’kunsiderazzjoni l-ħtiġijiet tal-impjegatur u tal-ħaddiema, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jillimitaw id-durata tal-arranġamenti tax-xogħol flessibbli. Din il-possibbiltà hija partikolarment rilevanti għax-xogħol part-time. Filwaqt li ntwera li x-xogħol part-time hu utli biex ċerti nisa jibqgħu fis-suq tax-xogħol wara li jkollhom it-tfal, intwera wkoll li perjodi twal ta’ sigħat tax-xogħol imnaqqsa jistgħu jwasslu għal inqas kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jsarrfu f’inqas intitolamenti tal-pensjoni jew f’ebda intitolament tal-pensjoni aktar 'il quddiem.

Artikolu 10 – Drittijiet tax-xogħol

Id-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri (2010/18/UE) diġà tipprovdi għal ċerti drittijiet tax-xogħol u tiżgura t-trattament mhux favorevoli sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-liv tal-ġenituri 11 . Dan jinkludi d-dritt ta’ ritorn għall-istess xogħol jew, jekk dan ma jkunx possibbli, għal xogħol ekwivalenti jew simili, id-dritt għaż-żamma tad-drittijiet miksuba jew fil-proċess li jinkisbu mill-ħaddiem fid-data li fiha jibda l-liv tal-ġenituri. Finalment, tħeġġeġ ukoll lill-ħaddiema u lill-impjegaturi biex iżommu kuntatt matul il-perjodu tal-liv u jagħmlu arranġamenti għal kwalunkwe miżuri xierqa ta’ integrazzjoni mill-ġdid.

Il-forniment tal-liv huwa maħsub biex jappoġġa lill-ġenituri u lill-persuni li jindukraw li jaħdmu matul perjodi speċifiċi ta’ żmien; dan huwa mmirat lejn iż-żamma u l-promozzjoni tar-rabta kontinwata tagħhom mas-suq tax-xogħol filwaqt li jaffaċċaw ir-responsabbiltajiet id-dar.

Biex tagħmel dan possibbli, din id-dispożizzjoni tibni fuq id-drittijiet eżistenti u bl-istess mod tipprevedi l-protezzjoni minima tad-drittijiet tax-xogħol tal-ġenituri u tal-persuni li jindukraw billi tippermettilhom jirritornaw għax-xogħol (ekwivalenti) tagħhom, jibbenefikaw minn kwalunkwe titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol matul l-assenza tagħhom, li jżommu d-drittijiet miksuba tagħhom u li jżommu r-relazzjoni tal-impjieg tagħhom waqt li qegħdin bil-liv.

Artikolu 11 – Nondiskriminazzjoni

Id-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri diġà tipproteġi lill-ħaddiema kontra trattament inqas favorevoli abbażi ta’ applikazzjoni jew it-teħid tal-liv tal-ġenituri. Barra minn hekk, l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54/KE jpoġġi l-oneru tal-prova fuq l-impjegatur f’każ ta’ ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali. L-Artikolu 19(4) tad-Direttiva 2006/54 jispeċifika li din ir-regola dwar l-oneru tal-prova japplika wkoll għad-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri; ir-referenza fid-Direttiva 2006/54 għad-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri tibqa intatta għaliex din id-Direttiva tippreskrivi li r-referenzi għad-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għad-Direttiva preżenti.

Il-protezzjoni pprovduta preżentement fid-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri hija miżmuma u estiża biex il-ħaddiema li jagħmlu użu minn tipi oħra ta’ liv jew arranġamenti tax-xogħol flessibbli jkunu protetti wkoll kontra trattament inqas favorevoli u diskriminazzjoni abbażi tal-fatt li jkunu applikaw għad-drittijiet mogħtija minn din id-Direttiva jew għaliex ikunu użawhom.

Artikolu 12 – Protezzjoni kontra s-sensja u l-oneru tal-prova

Id-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri (2010/18/UE) diġà tipprovdi protezzjoni kontra sensja abbażi ta’ applikazzjoni jew it-teħid tal-liv tal-ġenituri.

Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li żżomm il-protezzjoni eżistenti u testendiha, billi tipprovdi protezzjoni kontra s-sensja għall-ħaddiema li jużaw il-liv tal-paternità 12 , il-liv tal-ġenituri 13 , il-liv tal-persuni li jindukraw u l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli kontra s-sensja matul il-perjodu li fih japplikaw għal dawn id-drittijiet jew jużawhom.

Jekk, minkejja din il-protezzjoni, ħaddiem iqis li hu jew hi ngħata s-sensja minħabba li applika għal jew gawda mid-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 4, 5 jew 6 jew għaliex qed jeżerċita id-dritt għal talba ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli msemmija fl-Artikolu 9, din id-dispożizzjoni tixħet fuq l-impjegatur l-oneru tal-prova li juri, bil-miktub, li s-sensja kienet dovuta għal raġunijiet oġġettivi oħra.

Artikolu 13 – Penali

Din id-dispożizzjoni tirrikjedi lill-Istati Membri jipprovdu għal penali effettivi, proporzjonati u dissważivi, kemm jekk ikunu ammendi u/jew kumpensi, għall-ksur tal-obbligi skont din id-Direttiva, u li jaraw li jiġu applikati.

Artikolu 14 – Protezzjoni kontra trattament jew konsegwenzi avversi

Din id-dispożizzjoni tirrikjedi lill-Istati Membri jipprovdu lill-ħaddiema li jilmentaw dwar ksur ta’ dispożizzjoni nazzjonali adottata skont din id-Direttiva bi protezzjoni ġudizzjarja adegwata kontra kwalunkwe trattament jew konsegwenza avversa mill-impjegatur, li mingħajrha l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ trattament indaqs ma tkunx possibbli.

Artikolu 15 – Korpi tal-ugwaljanza

Id-Direttiva 2006/54/KE diġà tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jaħtru korp jew korpi għall-promozzjoni, għall-analiżi, għall-monitoraġġ u għall-appoġġ tat-trattament indaqs tal-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni abbażi tas-sess, inkluż kwalunkwe trattament inqas favorevoli ta’ mara minħabba tqala jew maternità.

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li jenħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza nazzjonali jkunu kompetenti fl-oqsma koperti f’din id-Direttiva. Minn naħa, jenħtieġ li din issaħħaħ il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet ipprovduti f’din id-Direttiva u, min-naħa l-oħra, il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha.

Artikolu 16 – Livell ta’ protezzjoni

Fid-dawl tal-acquis eżistenti tal-UE li ġie traspost mill-Istati Membri u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari b’rabta mal-liv tal-ġenituri, jenħtieġ li jiġi enfasizzat li din il-proposta tippreserva d-drittijiet eżistenti mogħtija skont id-direttivi eżistenti Ewropej dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, u tibni fuqhom biex ittejjeb id-drittijiet kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel.

Din hija dispożizzjoni standard li tippermetti lill-Istati Membri jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni minn dak garantit mid-Direttiva.

Artikolu 17 – Disseminazzjoni ta’ informazzjoni

Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiżgura s-sensibilizzazzjoni fl-Istati Membri dwar id-drittijiet mogħtija minn din id-Direttiva, kif ukoll dwar drittijiet oħra diġà eżistenti fl-istess qasam.

Artikolu 18 – Rapportar u reviżjoni

Din hi dispożizzjoni standard li tistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri biex jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, għall-Kummissjoni biex tirrapporta lill-koleġiżlatur dwar dan il-punt u, jekk ikun meqjus neċessarju, tagħmel proposti għar-reviżjoni u għall-aġġornament tad-Direttiva.

Artikolu 19 – Tħassir

L-Anness tad-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri (2010/18/UE) fih it-test ta’ ftehim qafas bejn is-sħab soċjali li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għal-liv tal-ġenituri. Peress li s-sħab soċjali ma setgħux jaslu għal qbil dwar in-negozjar mill-ġdid ta’ dak il-ftehim qafas sabiex jintroduċu t-titjib neċessarju fir-reġim attwali dwar il-liv tal-ġenituri, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi tibdiliet leġiżlattivi fuq l-inizjattiva tagħha stess.

Peress li emenda ta’ att trid issir bl-użu tal-istess bażi ġuridika li ntużat għall-adozzjoni tal-att oriġinali, li ma kinitx possibbli f’dan il-każ minħabba l-bażi ġuridika speċifika użata għal-leġiżlazzjoni bbażata fuq il-ftehimiet tas-sħab soċjali, hu kkunsidrat li l-iktar għażla legali xierqa disponibbli hi li titħassar u tiġi sostitwita d-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri. Att komprensiv uniku fil-qasam ikkonċernat hu kkunsidrat ukoll bħala l-aħjar għażla għal raġunijiet ta’ trasparenza, ta’ simplifikazzjoni taċ-ċertezza tad-dritt u ta’ infurzabbiltà tad-drittijiet.

Jenħtieġ li jiġi osservat li din il-proposta bl-ebda mod ma tnaqqas id-drittijiet eżistenti bħalissa, iżda tibni fuq l-acquis eżistenti tal-UE u għandha l-għan li testendi jew issaħħaħ id-drittijiet tal-ġenituri u tal-persuni li jindukraw li jaħdmu.

Konsegwentement, din id-dispożizzjoni tistipula d-data li fiha d-Direttiva 2010/18/UE hija revokata, filwaqt li fl-istess ħin tispeċifika li r-referenzi kollha għad-Direttiva revokata għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għall-ġdida.

Artikolu 20 – Traspożizzjoni

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-perjodu massimu li għandhom l-Istati Membri biex jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali u biex jikkomunikaw it-testi rilevanti lill-Kummissjoni. Dan il-perjodu hu stabbilit għal sentejn. Barra minn hekk, tenfasizza li skont l-Artikolu 153(3) tat-TFUE, l-Istati Membri jistgħu jafdaw lis-Sħab Soċjali bl-implimentazzjoni tad-Direttiva, fejn is-Sħab Soċjali flimkien jitolbu li jagħmlu dan u sakemm l-Istati Membri jieħdu l-passi neċessarji kollha biex jiżguraw li fi kwalunkwe mument jistgħu jiggarantixxu r-riżultati mitluba skont din id-Direttiva.

Artikolu 21 – Dħul fis-seħħ

Din hi dispożizzjoni standard li tistipula li d-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali.

Artikolu 22 – Destinatarji

Din hi dispożizzjoni standard dwar d-destinatarji, li tagħmilha ċara li d-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

2017/0085 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli153(1)(i) u (2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li ntbagħat l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 14 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 15 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-Artikolu 153(1)(i) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jippermetti lill-Unjoni tappoġġa u tikkumplimenta l-attivitajiet tal-Istati Membri, fil-qasam tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol u t-trattament fuq ix-xogħol.

(2)L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hi prinċipju fundamentali tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hi waħda mill-għanijiet tal-Unjoni. B’mod simili, l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrikjedi li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż fl-impjieg, fix-xogħol u fil-paga.

(3)L-Artikolu 33 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi għad-dritt għall-protezzjoni kontra s-sensja għal xi raġuni konnessa mal-maternità, u d-dritt għal liv tal-maternità mħallas u għal liv tal-ġenituri wara t-twelid jew wara l-adozzjoni ta’ wild, għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u dik professjonali.

(4)L-Unjoni hija parti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità. Id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-Konvenzjoni huma b'hekk, mad-dħul fis-seħħ tagħha, parti integrali tal-ordni legali tal-Unjoni Ewropea u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha sa fejn hu possibbli tkun interpretata b’mod konsistenti mal-Konvenzjoni. Il-Konvenzjoni, fl-Artikolu 7 tagħha, tipprovdi, fost affarijiet oħra, li l-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw it-tgawdija bis-sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha mit-tfal b’diżabbiltajiet fuq bażi ugwali ma’ tfal oħra.

(5)Jenħtieġ li l-politiki relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jikkontribwixxu għall-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi, billi jippromwovu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, billi jagħmluha eħfef għall-irġiel li jikkondividu r-responsabbiltajiet ta’ indukrar fuq bażi ugwali man-nisa, u billi jeliminaw id-disparitajiet bejn is-sessi fil-qligħ u fil-paga. Tali politiki għandhom jieħdu f’kunsiderazzjoni tibdiliet demografiċi inkluż l-effetti fuq il-popolazzjoni li qed tixjiħ.

(6)Fil-livell tal-Unjoni, diversi Direttivi fl-oqsma tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol diġà jindirizzaw uħud mill-kwistjonijiet li huma rilevanti għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b’mod partikolari d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 16 , id-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 17 , id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE 18 , id-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE 19 u d-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE 20 .

(7)Madankollu, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għadu sfida konsiderevoli għal ħafna ġenituri u ħaddiema b’responsabbiltajiet ta’ indukrar, b’impatt negattiv fuq l-impjieg tan-nisa. Fattur kbir li jikkontribwixxi għas-sottorappreżentazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol hu d-diffikultà li jibbilanċjaw ix-xogħol mal-obbligi tal-familja. Meta jkollhom it-tfal, in-nisa għandhom tendenza li jaħdmu inqas sigħat f’impjieg bi ħlas u jqattgħu iktar ħin jaqdu responsabbiltajiet ta’ indukrar mhux imħallsa. Intwera li sitwazzjoni li fiha n-nisa jkollhom qarib marid jew dipendenti jkollha impatt negattiv fuq l-impjieg tan-nisa, u twassal sabiex xi nisa jitilqu mis-suq tax-xogħol għalkollox.

(8)Il-qafas legali attwali tal-Unjoni jipprovdi inċentivi limitati għall-irġiel biex jassumu sehem indaqs tar-responsabbiltajiet ta’ indukrar. In-nuqqas ta’ liv tal-paternità u tal-ġenituri mħallas f’ħafna Stati Membri jikkontribwixxi għall-użu baxx tat-tali liv mill-missirijiet. L-iżbilanċ fit-tfassil tal-politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata bejn in-nisa u l-irġiel jirrinforza d-differenzi bejn ix-xogħol u l-indukrar għas-sessi. Għall-kuntrarju, l-użu ta’ arranġamenti relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata mill-missirijiet, bħal-liv jew l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli, intwera li għandu impatt pożittiv fit-tnaqqis tal-ammont relattiv ta’ xogħol tal-familja mhux imħallas imwettaq min-nisa u jagħti lil dawn iktar ħin għall-impjieg bi ħlas.

(9)Il-Kummissjoni għamlet konsultazzjoni fuq żewġ stadji mas-sħab soċjali dwar l-isfidi relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, f’konformità mal-Artikolu 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Ma kienx hemm qbil mis-sħab soċjali li jidħlu f’negozjati dwar dawk il-kwistjonijiet, inkluż dwar il-liv tal-ġenituri. Huwa madankollu importanti li tittieħed azzjoni f’dan il-qasam billi jiġi modernizzat u adattat il-qafas legali attwali, filwaqt li jittieħed f’kunsiderazzjoni kemm ir-riżultat ta’ dawk il-konsultazzjonijiet, kif ukoll il-konsultazzjonijiet tal-pubbliku miftuħin imwettqa biex jiksbu l-fehmiet ta’ diversi partijiet ikkonċernati u ċittadini.

(10)Huwa xieraq li tiġi revokata u sostitwita d-Direttiva 2010/18/UE li attwalment tirregola l-liv tal-ġenituri billi jiġi implimentat ftehim qafas konkluż bejn is-sħab soċjali. Din id-Direttiva tibni, b’mod partikolari, fuq ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2010/18/UE u tikkomplimentahom billi ssaħħaħ id-drittijiet eżistenti u billi tintroduċi drittijiet ġodda.

(11)Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi relatati mal-liv tal-paternità, tal-ġenituri u tal-persuni li jindukraw u mal-arranġamenti tax-xogħol flessibbli għall-ġenituri u għall-ħaddiema b’responsabbiltajiet ta’ indukrar. Billi tiffaċilita r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u tal-ħajja tal-familja għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw, jenħtieġ li din id-Direttiva tikkontribwixxi għall-għanijiet ibbażati fuq it-Trattati tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol, tat-trattament indaqs fuq ix-xogħol u tal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg fl-Unjoni.

(12)Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħaddiema kollha li għandhom kuntratti ta’ impjieg jew relazzjonijiet ta’ impjieg oħrajn. Hekk kif huwa attwalment il-każ skont il-Klawżola 2(3) tal-Anness tad-Direttiva 2010/18/UE, din għandha tinkludi kuntratti li jirrelataw mal-impjieg jew relazzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema part-time, ħaddiema b'kuntratt għal żmien fiss jew persuni b'kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni ta' impjieg ma' aġenzija ta' xogħol temporanju.

(13)Biex titħeġġeġ il-kondiviżjoni iktar indaqs tar-responsabbiltajiet ta’ indukrar bejn in-nisa u l-irġiel, jenħtieġ li jiġi introdott id-dritt għal-liv tal-paternità għall-missirijiet li jrid jittieħed fl-okkażjoni tat-twelid ta’ wliedhom. Biex jitqiesu d-differenzi bejn l-Istati Membri, jenħtieġ li d-dritt għal-liv tal-paternità jingħata rrispettivament mill-istat ċivili jew tal-familja kif definit fil-liġi nazzjonali.

(14)Minħabba l-fatt li l-maġġoranza tal-missirijiet ma jużawx id-dritt tagħhom għal-liv tal-ġenituri jew jittrasferixxu sehem konsiderevoli mill-intitolament għal-liv tagħhom lill-ommijiet, biex tinkoraġġixxi lit-tieni ġenitur jieħu l-liv tal-ġenituri, din id-Direttiva, filwaqt li żżomm id-dritt ta’ kull ġenitur għal mill-inqas erba’ xhur ta’ liv tal-ġenituri attwalment provdut mid-Direttiva 2010/18/UE, testendi minn xahar wieħed għal erba’ xhur il-perjodu ta’ liv tal-ġenituri li ma jistax jiġi trasferit minn ġenitur għall-ieħor.

(15) Biex il-ġenituri jiġu pprovduti b’iktar possibbiltajiet li jieħdu l-liv tal-ġenituri waqt li t-tfal tagħhom ikunu qed jikbru, jenħtieġ li d-dritt għal-liv tal-ġenituri jingħata sakemm it-tfal jagħlqu tal-inqas tnax-il sena. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jispeċifikaw il-perjodu ta’ avviż formali li l-ħaddiem irid jagħti lill-impjegatur meta japplika għal-liv tal-ġenituri u jiddeċiedu jekk id-dritt għal-liv tal-ġenituri jistax ikun soġġett għal ċertu perjodu ta’ servizz. Fid-dawl tad-diversità dejjem ikbar tal-arranġamenti kuntrattwali, jenħtieġ li s-somma tal-kuntratti suċċessivi b’terminu fiss mal-istess impjegatur tiġi kkunsidrata għall-fini tal-kalkolu tal-perjodu ta’ servizz. Biex jibbilanċjaw il-ħtiġijiet tal-ħaddiema ma’ dawk tal-impjegaturi, l-Istati Membri għandhom ukoll ikunu jistgħu jiddeċiedu jiddefinixxux jekk l-impjegatur jistax ikun permess jipposponi l-għoti ta’ liv tal-ġenituri taħt ċerti ċirkostanzi. F'każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-impjegatur jipprovdi ġustifikazzjoni għall-posponiment.

Peress li l-flessibilità tagħmilha iktar probabbli li t-tieni ġenitur, b’mod partikolari l-missirijiet, jieħdu l-intitolament tagħhom għat-tali liv, jenħtieġ li l-ħaddiema jkunu jistgħu jitolbu li jieħdu l-liv tal-ġenituri fuq bażi full-time jew part-time jew f’xi forom flessibbli oħra. Għandu jkun f’idejn l-impjegatur jaċċettax jew le t-tali talba għal-liv tal-ġenituri f’forom flessibbli oħra għajr full-time. L-Istati Membri għandhom jivvalutaw ukoll jekk il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti dettaljati tal-liv tal-ġenituri għandhomx jiġu adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-ġenituri f’sitwazzjonijiet partikolarment żvantaġġati.

(16)Biex ikun iffaċilitat ir-ritorn għax-xogħol wara l-liv tal-ġenituri, il-ħaddiema u l-impjegaturi jenħtieġ li jkunu mħeġġa jżommu kuntatt matul il-perjodu tal-liv u jistgħu jagħmlu arranġamenti għal kwalunkwe miżura xierqa ta’ integrazzjoni mill-ġdid, li għandhom jiġu deċiżi bejn il-partijiet ikkonċernati, b’kunsiderazzjoni għal-liġi, għall-ftehimiet kollettiv u għall-prattika nazzjonali.

(17)Sabiex jingħataw opportunitajiet akbar lill-irġiel u n-nisa li jkunu qed jieħdu ħsieb membru tal-familja anzjan u/jew qraba oħra bi bżonn ta’ indukrar biex jibqgħu fil-forza tax-xogħol, ħaddiema b’qarib marid serjament jew dipendenti jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jieħdu ħin frank mix-xogħol fil-forma ta’ liv għall-indukrar biex jieħdu ħsieb dak il-qarib. Biex jiġi evitat l-abbuż ta’ dak id-dritt, jista’ jkun hemm bżonn ta’ prova tal-marda serja jew tad-dipendenza qabel ma jingħata l-liv.

(18)Minbarra d-dritt għal-liv għall-indukrar ipprovdut f’din id-Direttiva, jenħtieġ li l-ħaddiema kollha jżommu d-dritt tagħhom li jieħdu ħin liberu mix-xogħol minħabba force majeure għal raġunijiet familjari urġenti u mhux mistennija, bħalissa pprovdut mid-Direttiva 2010/18/UE, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri.

(19)Bl-għan li jiżdiedu l-inċentivi għall-ħaddiema bi tfal u b'responsabbiltajiet ta’ indukrar, speċjalment fost l-irġiel, biex jieħdu l-perjodi tal-liv stipulati f’din id-Direttiva, jenħtieġ li dawn ikollhom id-dritt għal konċessjoni adegwata matul il-perjodu tal-liv. Il-livell tal-benefiċċju jenħtieġ li jkun minn tal-inqas ekwivalenti għal dak li l-ħaddiem konċernat jieħu fil-każ ta’ liv minħabba l-mard. L-Istati Membri għandhom iqisu l-importanza tal-kontinwità tal-intitolamenti tas-sigurtà soċjali, inkluż il-kura tas-saħħa.

(20)Skont id-Direttiva 2010/18/UE, l-Istati Membri huma meħtieġa jiddefinixxu l-istat tal-kuntratt tal-impjieg jew ir-relazzjoni tal-impjieg għall-perjodu tal-liv tal-ġenituri. Skont il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-relazzjoni tal-impjieg bejn il-ħaddiem u l-impjegatur hija b’hekk miżmuma waqt il-perjodu tal-liv u, b’riżultat ta' dan, il-benefiċċjarju tat-tali liv, jibqa’, matul dak il-perjodu, ħaddiem għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni. Meta jkunu qed jiddefinixxu l-istatus tal-kuntratt tal-impjieg jew ir-relazzjoni tal-impjieg matul il-perjodu tal-liv kopert minn din id-Direttiva, inkluż fir-rigward tal-intitolamenti għas-sigurtà soċjali, l-Istati Membri għandhom għalhekk jiżguraw li r-relazzjoni tal-impjieg tinżamm.

(21)Biex il-ġenituri li jaħdmu u l-persuni li jindukraw jitħeġġu jibqgħu fil-forza tax-xogħol, jenħtieġ li dawk il-ħaddiema ikunu jistgħu jadattaw l-iskedi tax-xogħol tagħhom għall-ħtiġijiet u għall-preferenzi personali tagħhom. B'hekk, ġenituri li jaħdmu u persuni li jindukraw għandhom ikunu jistgħu jitolbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli, jiġifieri l-possibbiltà li l-ħaddiema jaġġustaw l-iskedi tax-xogħol tagħhom, inkluż bl-użu ta’ arranġamenti tat-telexogħol, ta’ skedi tax-xogħol flessibbli, jew tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol, għall-finijiet ta’ indukrar. Sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-ħaddiema u l-impjegaturi, għandu jkun possibbli li Stati Membri jillimitaw it-tul tal-arranġamenti tax-xogħol flessibbli, inkluż tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol. Filwaqt li ntwera li x-xogħol part-time hu utli biex ċerti nisa jibqgħu fis-suq tax-xogħol wara li jkollhom it-tfal, perjodi twal ta’ sigħat tax-xogħol imnaqqsa jistgħu jwasslu għal inqas kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jsarrfu f’inqas intitolamenti tal-pensjoni jew f’ebda intitolament tal-pensjoni. Jenħtieġ li d-deċiżjoni finali dwar jekk tiġix aċċettata talba ta’ ħaddiem għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-impjegatur. Ċirkostanzi speċifiċi li jwasslu għall-bżonn ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli jistgħu jinbidlu. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-ħaddiema ma jkollhomx biss id-dritt li jirritornaw għall-iskedi tax-xogħol oriġinali tagħhom fi tmiem perjodu partikolari maqbul, iżda jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu wkoll li jagħmlu dan fi kwalunkwe ħin meta bidla fiċ-ċirkustanzi sottostanti tkun teħtieġ hekk.

(22)L-arranġamenti tal-liv huma maħsuba biex jappoġġaw lill-ġenituri u lill-persuni li jindukraw li jaħdmu matul perjodu speċifiku ta’ żmien, u huma mmirati biex iżommu u jippromwovu l-involviment kontinwat tagħhom fis-suq tax-xogħol. Għaldaqstant, xieraq li jiġi pprovdut b’mod espliċitu għall-protezzjoni tad-drittijiet tax-xogħol tal-ħaddiema li jieħdu liv kopert minn din id-Direttiva u b’mod partikolari d-dritt ta’ dawn li jirritornaw għall-istess kariga jew waħda ekwivalenti, u li ma jġarrbu ebda ħsara fit-termini u fil-kundizzjonijiet tagħhom minħabba l-assenza tagħhom. Jenħtieġ li l-ħaddiema jżommu l-intitolament tagħhom għad-drittijiet rilevanti diġà miksuba, jew fil-proċess li jinkisbu, sa tmiem it-tali liv.

(23)Jenħtieġ li l-ħaddiema li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal-liv jew li jitolbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli jkunu protetti kontra diskriminazzjoni jew kontra kwalunkwe trattament inqas favorevoli għal dik ir-raġuni.

(24)Jenħtieġ li l-ħaddiema li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jieħdu l-liv jew li jitolbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli kif imsemmi f’din id-Direttiva jgawdu minn protezzjoni kontra s-sensja u kwalunkwe preparament għal sensja possibbli għaliex applikaw jew ħadu liv bħal dan, jew eżerċitaw id-dritt li jitolbu t-tali arranġamenti tax-xogħol flessibbli. Meta l-ħaddiema jqisu li jkunu ngħataw is-sensja għal dawn ir-raġunijiet, jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu lill-impjegatur jipprovdi raġunijiet sostanzjati kif xieraq għas-sensja tagħhom.

(25)L-oneru tal-prova li ma kienx hemm sensja abbażi ta’ ħaddiema li applikaw għal, jew ħadu, il-liv imsemmi fl-Artikolu 4, 5 jew 6 jew li eżerċitaw id-dritt li jitolbu għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli msemmija fl-Artikolu 9 għandu jkun fuq l-impjegatur meta l-ħaddiema jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom wieħed jista’ jassumi li dawn ingħataw is-sensja fuq tali bażi.

(26)L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal penali effettivi, proporzjonati u dissważivi f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva jew id-dispożizzjonijiet rilevanti diġà fis-seħħ li jikkonċernaw id-drittijiet li huma fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ trattament ugwali teħtieġ protezzjoni ġudizzjarja adegwata tal-ħaddiema kontra trattament avvers jew konsegwenzi avversi li jirriżultaw minn ilment jew proċedura li jirrelataw mad-drittijiet f’din id-Direttiva. Il-vittmi jistgħu jaqtgħu qalbhom milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom minħabba r-riskju ta’ ritaljazzjoni u, għalhekk, jenħtieġ li jkunu protetti kontra kwalunkwe trattament avvers meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ipprovduti minn din id-Direttiva. Tali Protezzjoni hi partikolarment rilevanti fir-rigward tar-rappreżentanti tal-ħaddiema meta jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom.

(27)Bl-għan li jkompli jitjieb il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet ipprovdut f’din id-Direttiva, jenħtieġ li l-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza jkunu kompetenti wkoll fl-oqsma koperti f’din id-Direttiva.

(28)Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi, u b'hekk tagħti lill-Istati Membri l-għażla li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli. Jenħtieġ li d-drittijiet miksuba skont il-qafas legali eżistenti jibqgħu japplikaw, sakemm ma jiddaħħlux dispożizzjonijiet iktar favorevoli minn din id-Direttiva. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma tistax tintuża biex tnaqqas id-drittijiet eżistenti stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni eżistenti f’dan il-qasam u lanqas ma tista’ tikkostitwixxi raġunijiet validi għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

(29)B’mod partikolari, m’hemm xejn f’din id-Direttiva li jenħtieġ li jiġi interpretat bħala li qed inaqqas id-drittijiet eżistenti preċedenti skont id-Direttiva 2010/18/UE u d-Direttiva 2006/54/KE, inkluż l-Artikolu 19 tagħha. Ir-Referenzi kollha għad-Direttiva 2010/18/UE revokata għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

(30)Din id-Direttiva għandha tevita li ddaħħal rabtiet amministrattivi, finanzjarji u ġuridiċi li jistgħu jxekklu l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u medji. B’hekk l-Istati Membri huma mistiedna jivvalutaw l-impatt tal-att ta’ traspożizzjoni tagħhom fuq l-SMEs sabiex ikunu ċerti li l-SMEs mhumiex affetwati b’mod sproporzjonat, b’attenzjoni speċifika għal mikrointrapriżi u għal piż amministrattiv.

(31)L-Istati Membri jistgħu jafdaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, fejn is-sħab soċjali flimkien jitolbu li jagħmlu dan u sakemm l-Istati Membri jieħdu l-passi neċessarji kollha biex jiżguraw li fi kwalunkwe mument jistgħu jiggarantixxu r-riżultati mitluba skont id-Direttiva.

(32)Peress li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tiżgura l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol u tat-trattament fuq ix-xogħol madwar l-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi mfassla biex tintlaħaq l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol u t-trattament fuq ix-xogħol permezz tal-iffaċilitar tar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja tal-familja għal ġenituri u persuni li jindukraw li jaħdmu.

Għal dak il-fini, tipprovdi għal drittijiet individwali relatati ma’:

(a) liv tal-paternità, liv tal-ġenituri u liv tal-persuni li jindukraw;

(b) arranġamenti tax-xogħol flessibbli għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw li jaħdmu.

Artikolu 2

Kamp ta’ Applikazzjoni

Din id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema kollha, irġiel u nisa, li għandhom kuntratt tal-impjieg jew relazzjoni tal-impjieg.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(a) “liv tal-paternità” tfisser liv mix-xogħol għall-missirijiet li jrid jittieħed fl-okkażjoni tat-twelid ta’ wild;

(b) “liv tal-ġenituri” tfisser liv mix-xogħol minħabba t-twelid jew l-adozzjoni ta’ wild għall-indukrar ta’ dak il-wild;

(c) “persuna li tindokra” tfisser ħaddiem li jipprovdi indukrar jew appoġġ personali f’każ ta’ marda serja jew dipendenza ta’ qarib;

(d) “qarib” tfisser iben, bint, omm, missier, konjuġi jew sieħeb/sieħba fi sħubija ċivili, fejn tali sħubijiet ikunu previsti mil-liġi nazzjonali, ta’ ħaddiem;

(e) “dipendenza” tfisser sitwazzjoni li fiha persuna hi, b’mod temporanju jew permanenti, fil-bżonn ta’ indukrar minħabba diżabbiltà jew kundizzjoni medika serja differenti minn marda serja;

(f) “arranġamenti tax-xogħol flessibbli” tfisser il-possibbiltà li l-ħaddiema jaġġustaw l-iskedi tax-xogħol tagħhom, inkluż bl-użu ta’ arranġamenti tat-telexogħol, ta’ skedi tax-xogħol flessibbli, jew tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol.

Artikolu 4

Liv tal-paternità

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-missirijiet ikollhom id-dritt li jieħdu tal-inqas għaxart ijiem xogħol liv tal-paternità fl-okkażjoni tat-twelid ta’ wild.

2. Id-dritt għal-liv tal-paternità msemmi fil-paragrafu 1 għandu jingħata indipendentement mill-istat ċivili jew tal-familja fil-liġi nazzjonali.

Artikolu 5

Liv tal-ġenituri

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema għandhom dritt individwali għal tal-inqas erba’ xhur liv tal-ġenituri li jridu jittieħdu qabel mal-wild jilħaq età partikolari li tal-inqas għandha tkun ta’ tnax-il sena.

2. Meta l-Istati Membri jippermettu lil ġenitur wieħed jittrasferixxi l-intitolament tiegħu għal-liv tal-ġenituri lill-ġenitur l-ieħor, dawn għandhom jiżguraw li tal-inqas erba’ xhur liv tal-ġenituri ma jkunux jistgħu jiġu ttrasferiti.

3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-perjodu ta’ avviż li għandu jingħata mill-ħaddiema lill-impjegaturi meta jeżerċitaw id-dritt għal-liv tal-ġenituri. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jieħdu f’kunsiderazzjoni l-ħtiġijiet kemm tal-impjegaturi kif ukoll tal-ħaddiema. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talba tal-ħaddiem tispeċifika l-bidu maħsub u tmiem tal-perjodu tal-liv.

4. L-Istati Membri jistgħu jissoġġettaw id-dritt għal-liv tal-ġenituri għal kwalifikazzjoni tal-perjodu tax-xogħol jew għal kwalifikazzjoni tat-tul tas-servizz li m’għandux ikun itwal minn sena. Fil-każ ta’ kuntratti suċċessivi b’terminu fiss, skont it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE 21 , mal-istess impjegatur, it-total ta’ dawk il-kuntratti għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-perjodu li jikkwalifika.

5. L-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu ċ-ċirkustanzi li fihom l-impjegatur, wara konsultazzjoni skont id-dritt nazzjonali, ftehimiet kollettivi u/jew prattika, jista’ jitħalla jipposponi l-għoti tal-liv tal-ġenituri għal perjodu ta’ żmien raġonevoli jekk dan ikun ixekkel serjament il-funzjonament tajjeb tal-istabbiliment. L-impjegaturi għandhom jiġġustifikaw kwalunkwe posponiment tal-liv tal-ġenituri bil-miktub.

6. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema għandhom id-dritt li jitolbu liv tal-ġenituri fuq bażi part-time, fi blokok separati minn perjodi tax-xogħol jew f’forom flessibbli oħra. L-impjegaturi għandhom jikkunsidraw u jwieġbu għal dawn it-talbiet, b’konsiderazzjoni kemm għall-bżonnijiet tal-impjegaturi kif ukoll tal-ħaddiem. L-impjegaturi għandhom jiġġustifikaw kwalunkwe rifjut ta’ talba bħal din bil-miktub.

7. L-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-ħtieġa għall-kundizzjonijiet ta’ aċċess u arranġamenti dettaljati għall-applikazzjoni tal-liv tal-ġenituri li jkunu adattati għall-ħtiġijiet tal-ġenituri adottivi, tal-ġenituri b’diżabilità, u tal-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità jew b’marda fit-tul.

Artikolu 6

Liv għall-persuni li jindukraw

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema għandhom id-dritt għal-liv għall-persuni li jindukraw ta’ mill-inqas ħamest ijiem xogħol fis-sena, għal kull ħaddiem. Dan id-dritt jista’ jkun soġġett għal sostanzjar xieraq tal-kundizzjoni medika tal-qarib tal-ħaddiem.

Artikolu 7

Ħin liberu mix-xogħol minħabba force majeure

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema għandhom id-dritt għal ħin liberu mix-xogħol minħabba force majeure għal raġunijiet familjari urġenti f’każijiet ta’ mard jew ta’ aċċident li jagħmlu l-preżenza immedjata tal-ħaddiem indispensabbli. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw id-dritt għal ħin liberu mix-xogħol minħabba force majeure għal ċertu ammont ta’ żmien fis-sena jew għal kull każ, jew it-tnejn.

Artikolu 8

Dħul adegwat

F’konformità maċ-ċirkostanzi nazzjonali, bħad-dritt nazzjonali, ftehimiet kollettivi u/jew prattika, b’kunsiderazzjoni tas-setgħat delegati lis-sħab soċjali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħaddiema li jeżerċitaw id-drittijiet għal-liv imsemmija fl-Artikolu 4, 5 jew 6 jirċievu pagament jew konċessjoni adegwata tal-inqas ekwivalenti għal dak li l-ħaddiem ikkonċernat jirċievi li kieku jieħu liv minħabba l-mard.

Artikolu 9

Arranġamenti tax-xogħol flessibbli

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema bi tfal sa ċerta età, li tal-inqas ikunu ta’ tnax-il sena, u l-persuni li jindukraw, ikollhom id-dritt li jitolbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli għal finijiet ta’ indukrar. Id-durata ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli bħal dawn tista’ tkun soġġetta għal limitazzjoni raġonevoli.

2. L-impjegaturi għandhom jikkunsidraw u jwieġbu għal talbiet għall-arranġamenti tax-xogħol flessibbli msemmija fil-paragrafu 1, b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet kemm tal-impjegaturi kif ukoll tal-ħaddiema. L-impjegaturi għandhom jiġġustifikaw kwalunkwe rifjut ta’ talba bħal din.

3. Meta l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli msemmija fil-paragrafu 1 ikunu limitati fid-durata tagħhom, il-ħaddiem għandu jkollu d-dritt li jirritorna għall-iskeda tax-xogħol oriġinali fi tmiem il-perjodu maqbul. Il-ħaddiem għandu wkoll ikollu d-dritt li jitlob li jirritorna għall-iskeda tax-xogħol oriġinali kull meta bidla fiċ-ċirkustanzi tiġġustifika dan. L-impjegaturi għandhom ikunu obbligati jikkunsidraw u jwieġbu għal dawn it-talbiet, b’kunsiderazzjoni kemm għall-ħtiġijiet tal-impjegaturi kif ukoll tal-ħaddiema.

Artikolu 10

Drittijiet tax-xogħol

1. Id-drittijiet miksuba jew fil-proċess li jinkisbu mill-ħaddiema fid-data li fiha jibda l-liv imsemmi fl-Artikolu 4, 5, 6 għandhom jinżammu sa tmiem it-tali liv. Fit-tmiem tat-tali liv, għandhom ikunu japplikaw dawk id-drittijiet, inkluż kwalunkwe tibdil li jirriżulta mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika nazzjonali.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi tmiem il-liv imsemmi fl-Artikolu 4, 5 jew 6, il-ħaddiema jkunu intitolati jirritornaw għall-impjiegi tagħhom jew għal karigi ekwivalenti b’termini u b’kundizzjonijiet li mhumiex inqas favorevoli għalihom, u li jibbenefikaw minn kwalunkwe titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol li jkunu intitolati għalihom matul l-assenza tagħhom.

3. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-istatus tal-kuntratt tal-impjieg jew ir-relazzjoni tal-impjieg għall-perjodu tal-liv li hemm referenza għalih fl-Artikolu 4, 5, 6, inkluż fir-rigward tal-intitolamenti għas-sigurtà soċjali, filwaqt li jiżguraw li r-relazzjoni tal-impjieg tinżamm matul dak il-perjodu.

Artikolu 11

Nondiskriminazzjoni

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprojbixxu trattament inqas favorevoli tal-ħaddiema minħabba li applikaw għal-liv jew għaliex ħadu l-liv imsemmi fl-Artikolu 4, 5 jew 6, jew minħabba li eżerċitaw id-dritt tagħhom għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli msemmija fl-Artikolu 9.

Artikolu 12

Protezzjoni kontra s-sensja u l-oneru tal-prova

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprojbixxu s-sensja u l-preparamenti kollha għas-sensja tal-ħaddiema, minħabba li applikaw għal-liv jew għaliex ħadu l-liv imsemmi fl-Artikolu 4, 5 jew 6, jew minħabba li eżerċitaw id-dritt għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli msemmija fl-Artikolu 9.

2. Il-ħaddiema li jikkunsidraw li ngħataw is-sensja minħabba li applikaw għal-liv jew għaliex ħadu l-liv imsemmi fl-Artikolu 4, 5 jew 6 jew għaliex eżerċitaw id-dritt għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli msemmija fl-Artikolu 9 jistgħu jitolbu lill-impjegatur jipprovdi raġunijiet sostanzjati kif xieraq għas-sensja. L-impjegatur għandu jipprovdi dawk ir-raġunijiet bil-miktub.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, meta l-ħaddiema msemmija f’Paragrafu 2 jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm tali sensja, għandu jkun f’idejn il-konvenut li juri li s-sensja kienet ibbażata fuq raġunijiet differenti minn dawk imsemmija f'paragrafu 1.

4. Il-Paragrafu 3 m’għandux jipprevjeni lil Stati Membri milli jintroduċu regoli ta’ evidenza li huma aktar favorevoli għall-atturi.

5. L-Istati Membri m’għandhomx għaliex japplikaw il-paragrafu 3 għall-proċedimenti, li fihom, huwa f'idejn il-qorti jew il-korp kompetenti li jinvestigaw il-fatti tal-każ.

6. Il-paragrafu 3 m'għandux jiġi applikat għal proċeduri kriminali, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor mill-Istati Membri.

Artikolu 13

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva jew id-dispożizzjonijiet rilevanti li diġà huma fis-seħħ li jikkonċernaw id-drittijiet li jaqgħu fi ħdan l-ambitu ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw li dawk il-penali jiġu applikati. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Jistgħu jieħdu l-forma ta’ ammenda. Jistgħu jinvolvu wkoll il-ħlas ta’ kumpens.

Artikolu 14

Protezzjoni kontra trattament jew konsegwenzi avversi

L-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri neċessarji biex jipproteġu lill-ħaddiema, inkluż ħaddiema li huma rappreżentanti tal-impjegati, kontra kwalunkwe trattament avvers mill-impjegatur jew konsegwenzi avversi li jirriżultaw minn ilment li ppreżentaw fi ħdan l-intrapriża jew kwalunkwe proċediment legali li nedew bl-għan li jinfurzaw il-konformità mad-drittijiet ipprovduti f’din id-Direttiva.

Artikolu 15

Korpi tal-ugwaljanza

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp jew il-korpi maħturin, skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE, għall-promozzjoni, għall-analiżi, għall-monitoraġġ u għall-appoġġ tat-trattament indaqs tal-ġenituri u tal-persuni li jindukraw mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess huma kompetenti wkoll għal kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 16

Livell ta’ protezzjoni

L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva. Madankollu, għandhom jiżguraw li mill-inqas erba' xhur ta’ liv tal-ġenituri jibqgħu nontransferibbli skont l-Artikolu 5(2).

Artikolu 17

Disseminazzjoni ta’ informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti li diġà huma fis-seħħ li jirrelataw mas-suġġett kif stipulat fl-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva, jinġiebu permezz tal-mezzi kollha adatti għall-attenzjoni tal-persuni kkonċernati fit-territorju kollu tagħhom.

Artikolu 18

Rapportar u reviżjoni

1. Mhux iktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha rilevanti dar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva neċessarja għall-Kummissjoni biex din tfassal rapport għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri skont paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jirrevedi l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, akkumpanjata, jekk xieraq, bi proposta leġiżlattiva.

Artikolu 19

Tħassir

Id-Direttiva 2010/18/UE titħassar b’effett minn sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.

Artikolu 20

Traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, minn tal-inqas sentejn wara li tidħol fis-seħħ. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir dik ir-referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3. L-Istati Membri jistgħu jafdaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, fejn is-sħab soċjali flimkien jitolbu li jagħmlu dan u sakemm l-Istati Membri jieħdu l-passi neċessarji kollha biex jiżguraw li fi kwalunkwe mument jistgħu jiggarantixxu r-riżultati mitluba skont id-Direttiva.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 22

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Ara l-Istqarrija għall-Istampa tal-2015 tal-Kummissjoni Ewropea: Għall-benefiċċju tal-ġenituri; il-Kummissjoni tirtira l-proposta staġnata dwar il-liv tal-maternità u twitti t-triq għal approċċ ġdid.
(2) Id-differenzi bejn is-sessi fid-dinja tax-xogħol huma ta’ 24.7 pp fost dawk b’wild 1 ta’ inqas minn 6 snin, ta’ 25.6 pp fost dawk b’żewġt itfal (l-iżgħar b’inqas minn 6 snin) u ta’ 35.4 pp għal dawk bi tlett itfal jew iktar.
(3) OECD (2013) Innaqqsu d-Disparità bejn is-Sessi.
(4) SWD(2017) 206
(5) http://ec.europa.eu/justice/newsroom/gender-equality/opinion/1511_roadmap_reconciliation_en.htm
(6) “Għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u għandha tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal.”
(7)

   “Artikolu 23 – L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż l-impjieg, ix-xogħol u l-paga.

Il-prinċipju ta' ugwaljanza m'għandux jimpedixxi li jinżammu fis-seħħ jew jiġu adottati miżuri maħsuba biex jagħtu vantaġġi speċifiċi lis-sess l-anqas irrappreżentat.”

(8)

   “Artikolu 33 – Il-ħajja tal-familja u professjonali

“1. Il-familja għandha tgawdi minn protezzjoni legali, ekonomika u soċjali.

2. Sabiex wieħed jirrikonċilja l-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali, kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni mit-tkeċċija għal xi raġuni konnessa mal-maternità, u d-dritt għal leave tal-maternità mħallas u għal leave parentali wara t-twelid jew l-adozzjoni ta' tifel jew tifla.”

(9) L-indikaturi ċentrali magħżula huma derivati primarjament minn sorsi ta’ dejta komparattiva (Eurostat, OECD) iżda fejn ma jeżistux indikaturi, l-informazzjoni tista’ tittieħed mid-dejta nazzjonali. Il-lista dettaljata ta’ indikaturi tinsab fil-Valutazzjoni tal-Impatt.
(10) Klawżola 7
(11) Klawżola 5.
(12) L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/54 jikkonċerna l-protezzjoni kontra s-sensji f’każ tal-liv tal-paternità previst taħt id-dritt nazzjonali
(13) Ara l-Klawżola 5(4) tad-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri.
(14) ĠU C , , p. .
(15) ĠU C , , p. .
(16) Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23).
(17) Id-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1).
(18) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1).
(19) Id-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC - Anness: Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time (ĠU L 14, 20.1.1998, p. 9).
(20) Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta’ Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU L 68, tat-18.03.2010, p. 13).
(21) Id-Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tikkonċerna l-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU L 175, 10.7.1999, p.43).

Brussell, 26.4.2017

COM(2017) 253 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE

{SWD(2017) 202 final}
{SWD(2017) 203 final}


ANNESS

tal-

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE

Tabella ta’ korrelazzjoni

Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU L 68, 18.03.2010, p. 13)

Din id-Direttiva

Klawżola 1(1)

Artikolu 1

Klawżola 1(2)

Artikolu 2

Klawżola 1(3)

Artikolu 2

Klawżola 2(1)

Artikolu 5(1) u (2)

Klawżola 2(2)

Artikolu 5(1) u (2)

Klawżola 3(1)(a)

Artikolu 5(5)

Klawżola 3(1)(b)

Artikolu 5(4)

Klawżola 3(1)(c)

Artikolu 5(6)

Klawżola 3(1)(d)

---

Klawżola 3(2)

Artikolu 5(3)

Klawżola 3(3)

Artikolu 5(7)

Klawżola 4(1)

Artikolu 5(7)

Klawżola 5(1)

Artikolu 10(2)

Klawżola 5(2)

Artikolu 10(1)

Klawżola 5(3)

Artikolu 10(3)

Klawżola 5(4)

Artikolu 11

Klawżola 5 (5), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 10(3)

Klawżola 5 (5), it-tieni subparagrafu

Artikolu 8(3)

Klawżola 6(1)

Artikolu 9

Klawżola 6(2)

---

Klawżola 7(1)

Artikolu 7

Klawżola 7(2)

Artikolu 7

Klawżola 8(1)

Artikolu 16

Klawżola 8(2)

---

Klawżola 8(3)

---

Klawżola 8(4)

---

Klawżola 8(5)

---

Klawżola 8(6)

---

Klawżola 8(7)

---