Brussell, 26.1.2017

COM(2017) 38 final

2017/0013(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2011/65/UE dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2017) 22 final}
{SWD(2017) 23 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Id-Direttiva 2011/65/UE (RoHS 2) tistabbilixxi regoli dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE ). Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva RoHS 2 japplikaw għall-EEE kollu mqiegħed fis-suq tal-UE, irrispettivament minn jekk jiġix prodott fl-UE jew f’pajjiżi terzi. Id-Direttiva RoHS 2 taffettwa prinċipalment il-manifatturi industrijali, l-importaturi u d-distributuri tal-EEE, kif ukoll il-konsumaturi tal-EEE.

Id-Direttiva RoHS 2 tindirizza l-ogħla prijorità tal-ġerarkija tal-iskart li hija l-prevenzjoni tal-iskart. Il-prevenzjoni tal-iskart tinkludi miżuri li jnaqqsu l-kontenut ta’ sustanzi ta’ ħsara fil-materjali u fil-prodotti. B'riżultat ta' dan, it-tnaqqis tal-ammont ta’ sustanzi perikolużi fl-iskart elettriku u elettroniku jkun ta’ benefiċċju għall-immaniġġar ta’ tali skart. Dan jippromwovi l-użu mill-ġdid tal-prodotti u r-riċiklaġġ ta’ materjali użati, li jappoġġja l-ekonomija ċirkolari.

Id-Direttiva RoHS 2 hija meħtieġa biex jiġu evitati ostakoli għall-kummerċ u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fl-UE, li jista’ jiġri f’każ ta’ diskrepanzi bejn il-liġijiet jew il-miżuri amministrattivi dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) fi Stati Membri differenti. Hija tikkontribwixxi wkoll għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u għall-irkupru u r-rimi bla ħsara għall-ambjent tal-iskart elettriku u elettroniku.

Id-Direttiva RoHS 2 hija riformulazzjoni tad-Direttiva RoHS preċedenti 2002/95/KE (RoHS 1). Iż-żewġ Direttivi RoHS wasslu għal tnaqqis ta' materjali perikolużi fid-dinja kollha: bosta pajjiżi, fosthom iċ-Ċina, il-Korea u l-Istati Uniti żviluppaw leġiżlazzjoni li tixbah lid-Direttiva RoHS.

Id-Direttiva RoHS 2 introduċiet definizzjonijiet ġodda u wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni biex tkopri apparat mediku u strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll. L-impatt ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ġie vvalutat mal-proposta tal-Kummissjoni fl-2008. Madankollu, id-Direttiva RoHS 2 introduċiet ukoll bidliet oħra: l-“ambitu mhux ristrett” permezz ta’ kategorija ġdida 11: “EEE ieħor mhux kopert minn kwalunkwe kategorija oħra”. B'dawk il-bidliet id-Direttiva tapplika għall-EEE kollu (minbarra tagħmir li hu eskluż b’mod espliċitu) u jagħtu interpretazzjoni usa’ tal-EEE, ibbażata fuq definizzjoni ġdida tad-dipendenza fuq l-elettriku. Dawn id-dispożizzjonijiet dwar “l-ambitu mhux ristrett” ma ġewx speċifikament evalwati meta ġew introdotti fid-Direttiva RoHS 2.

Il-Kummissjoni għandha mandat biex teżamina l-ħtieġa li jiġi emendat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fir-rigward tad-definizzjoni tal-EEE u ta’ esklużjonijiet addizzjonali ta’ gruppi ta’ prodotti koperti mid-Direttiva RoHS 2 minħabba l-ambitu mhux ristrett introdott bir-riformulazzjoni tal-2011. Il-Kummissjoni wettqet din l-evalwazzjoni u identifikat numru ta’ kwistjonijiet marbuta mal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva RoHS 2 li jeħtieġ li jiġu indirizzati biex tkun evitata leġiżlazzjoni b’effetti mhux intenzjonati.

Fin-nuqqas ta’ proposta mill-Kummissjoni, dawn il-problemi jistgħu jinqalgħu wara t-22 ta’ Lulju 2019:

il-projbizzjoni ta’ operazzjonijiet tas-suq sekondarju (eż. il-bejgħ mill-ġdid, is-suq tal-affarijiet użati) għal EEE b’ambitu ġdid. Dan huwa magħruf bħala “hard-stop”;

il-waqfien tal-possibbiltà li subsett ta’ tagħmir EEE b’ambitu ġdid jissewwa bi spare parts ladarba jitqiegħed fis-suq b’mod legali qabel dik id-data;

it-trattament differenti (falsifikazzjoni) ta’ makkinarju mobbli mhux maħsub biex jintuża fit-triq bil-kejbil b’paragun ma’ makkinarju li jidher identiku mħaddem b’batterija jew b’magna (attwalment eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva RoHS);

il-projbizzjoni de facto tat-tqegħid fis-suq tal-UE ta’ orgnijiet bil-kanen (bħala mhux konformi mad-Direttiva RoHS minħabba ċ-ċomb li jintuża biex jipproduċi l-ħoss mixtieq).

Dawn l-erba’ problemi jistgħu jaffettwaw is-suq tal-UE, il-manifatturi u ċ-ċittadini u jagħtu lok għal impatti negattivi soċjali u kulturali, fuq l-ekonomija, fuq l-ambjent.

Il-proposta tal-Kummissjoni għalhekk tindirizza l-problemi ta’ ambitu li ma jistgħux jiġu solvuti la permezz tas-sostituzzjoni tas-sustanza u lanqas b’eżenzjonijiet u bi gwida, pereżempju għal gruppi speċifiċi ta’ prodotti bi problema ta’ konformità permanenti jew fejn id-dispożizzjonijiet dwar l-ambitu jiġġeneraw distorsjonijiet fis-suq, jiġifieri:

l-operazzjonijiet tas-suq sekondarju għal EEE tad-Direttiva RoHS 2 li waqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva RoHS 1;

spare parts għal EEE tad-Direttiva RoHS 2 li waqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva RoHS 1;

makkinarju mobbli mhux maħsub biex jintuża fit-triq, bil-kejbil u b’mekkaniżmu ta’ trazzjoni;

orgnijiet bil-kanen.

Il-proposta tindirizza wkoll it-tagħlimiet miksuba mill-implimentazzjoni tad-Direttiva RoHS 2, skont l-għanijiet ġenerali u r-rekwiżiti taċ-ċarezza ġuridika.

Din l-inizjattiva mhix parti mill-aġenda REFIT.

Il-konsistenza ma’ dispożizzjonijiet tal-politika eżistenti

Bl-indirizzar tal-operazzjonijiet tas-suq sekondarju, il-proposta għandha l-għan li terġa’ ddaħħal koerenza sħiħa tad-Direttiva RoHS 2 mal-prinċipji ġenerali tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti. B’mod partikolari, kif stabbilit fil-Gwida Blu li tipprovdi gwida orizzontali dwar ir-rwol tat-tqegħid fis-suq fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti 1 : “Meta jkunu magħmula disponibbli fis-suq, il-prodotti għandhom ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni applikabbli fil-mument li jitqiegħdu fis-suq. Għaldaqstant, prodotti ġodda manifatturati fl-Unjoni kif ukoll il-prodotti kollha importati minn pajjiżi terzi, ġodda jew użati, jridu jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni meta jitqiegħdu fis-suq, jiġifieri meta jiġu magħmula disponibbli għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni. Prodotti konformi, ġaladarba jkunu tqiegħdu fis-suq, jistgħu sussegwentement jiġu magħmula disponibbli tul il-katina tal-konsenja mingħajr kunsiderazzjonijiet addizzjonali, anki fil-każ ta’ reviżjonijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli jew l-istandards armonizzati rilevanti, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fil-leġiżlazzjoni”. “tagħmel disponibbli fis-suq” u “tqegħid fis-suq” huma definiti fid-Direttiva RoHS 2. L-operazzjonijiet tas-suq sekondarju, bħalma huma l-bejgħ mill-ġdid tal-EEE, li jistgħu jinvolvu wkoll tiswija, sostituzzjoni ta’ spare parts, rinnovazzjoni u użu mill-ġdid, huma diġà permessi fil-parti l-kbira (iżda mhux kollha) tal-EEE.

(1)Id-Direttiva RoHS 2 tippermetti li l-EEE li kien barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva RoHS 1, iżda li ma jkunx konformi mad-Direttiva RoHS 2, jibqa’ disponibbli fis-suq sat-22 ta’ Lulju 2019. Iżda, wara dik id-data, kemm l-ewwel tqegħid fis-suq kif ukoll l-operazzjonijiet tas-suq sekondarju (eż. bejgħ mill-ġdid) ta’ EEE li ma jkunx konformi se jkunu pprojbiti. L-EEE affettwat minn dan il-“hard-stop” ta’ operazzjonijiet tas-suq sekondarju huwa apparat mediku, strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll u tagħmir ieħor EEE b’ambitu ġdid. Dan l-ostaklu għall-operazzjonijiet tas-suq sekondarju mhux konsistenti mal-armonizzazzjoni ġenerali tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tipproponi li tneħħi l-hard-stop tal-operazzjonijiet tas-suq sekondarju.

(2)Id-Direttiva RoHS 2 toħloq eċċezzjoni (għar-restrizzjoni tas-sustanzi ġenerali) għal kejbils u spare parts għat-tiswija, għall-użu mill-ġdid, għall-aġġornar tal-funzjonalitajiet jew għat-titjib tal-kapaċità ta’ dawn il-gruppi ta’ EEE li bil-mod il-mod isiru suġġetti għall-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Iżda, tagħmir EEE b’ambitu ġdid għajr apparat mediku u strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll mhuwiex elenkat. Dan iwassal għall-impossibbiltà li jintużaw spare parts wara t-22 ta’ Lulju 2019 u għal differenza fit-trattament mhux iġġustifikata. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li tiddaħħal dispożizzjoni speċifika biex jiġu esklużi l-ispare parts mir-restrizzjoni tas-sustanzi, b’mod li tista’ ssir it-tiswija fi kwalunkwe mument tat-tagħmir EEE kollu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva RoHS 2, li tqiegħed fis-suq tal-UE.

(3)Id-Direttiva RoHS 2 telenka għaxar (10) tipi speċifiċi ta’ tagħmir li huwa eskluż mid-dispożizzjonijiet ta’ “ambitu mhux ristrett”. Tip wieħed ta’ tagħmir li hu eskluż (“makkinarju mobbli mhux tat-triq esklussivament disponibbli għall-użu professjonali”) jinkludi biss makkinarju b’sors ta’ enerġija fuqu. Permezz ta’ din id-dispożizzjoni tipi ta’ makkinarju li huma identiċi jispiċċaw jaqgħu taħt żewġ reġimi regolatorji differenti minħabba li xejn ħlief is-sors ta’ enerġija tagħhom biss huwa differenti (fuqhom stess jew estern). Il-Kummissjoni tipproponi li tiġi emendata d-definizzjoni ta’ “makkinarju mobbli mhux tat-triq esklussivament disponibbli għall-użu professjonali” biex tinkludi wkoll makkinarju b’mekkaniżmu ta’ trazzjoni.

(4)Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jiżdiedu l-orgnijiet bil-kanen mal-lista ta’ tagħmir eskluż minħabba n-nuqqas ta’ alternattivi ta’ sostituzzjoni.

Skont id-Direttiva RoHS 2, l-eżenzjonijiet għal restrizzjoni ta’ sustanzi għandu jkollhom durata definita ta’ żmien limitat u għalhekk għall-eżenzjonijiet jingħataw dati ta’ bidu u dati ta’ tmiem, jew espliċitament fl-entrati tal-Annessi III u IV, jew impliċitament permezz tal-perjodu massimu ta’ validità fl-Artikolu 5(2). Skont l-Artikolu 5(2) attwali, madankollu, ma hemm l-ebda perjodu ta’ validità massimu speċifikat għall-kategorija 11.

Għalkemm l-Artikolu 5(5) ma jipprovdix skadenza speċifika għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjonijiet għal eżenzjonijiet ġodda, l-iskeda ta’ żmien għall-Kummissjoni biex tiddeċiedi dwar applikazzjonijiet ta’ tiġdid ta’ eżenzjoni hija ffissata għal mhux aktar minn 6 xhur qabel tiskadi l-eżenzjoni, u dan irriżulta li ma kienx fattibbli fil-prattika. Flimkien mar-rekwiżit li applikazzjoni għat-tiġdid trid issir sa mhux aktar tard minn 18-il xahar qabel tiskadi l-eżenzjoni, l-iskadenza timplika li l-Kummissjoni trid tieħu d-deċiżjoni tagħha dwar l-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-eżenzjonijiet eżistenti fi żmien tnax-il xahar minn meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni, sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi speċifiċi li jiġġustifikaw skadenza differenti. Il-konformità ma’ din l-iskadenza hija de facto impossibbli minħabba bosta passi proċedurali obbligatorji meħtieġa għall-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal tiġdid. Id-data ta’ skadenza ma ġġib l-ebda valur addizzjonali lil hinn mill-proċedura trasparenti attwali għall-valutazzjoni ta’ talbiet għal tiġdid u li tinżamm skadenza li fil-prattika ma kinitx fattibbli ma jikkontribwixxix għal prevedibbiltà għan-negozju u għall-partijiet ikkonċernati. Il-kontinwità tan-negozju fi kwalunkwe każ tiġi żgurata peress li l-operaturi tas-suq jistgħu jafdaw fuq il-fatt li eżenzjoni eżistenti tibqa’ valida sakemm tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għat-tiġdid. Għalhekk, id-dispożizzjoni li tiffissa skeda ta’ żmien għall-Kummissjoni biex tiddeċiedi dwar applikazzjoni għat-tiġdid ta’ eżenzjoni għandha titneħħa.

Il-konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-UE

Il-bidliet soġġetti għal din il-proposta ma jibdlux l-approċċ fundamentali tad-Direttiva RoHS 2 u l-konsistenza tagħha ma’ leġiżlazzjoni oħra. Id-Direttiva RoHS 2 u r-Regolament REACH huma konsistenti f’termini ta’ interazzjoni ta’ politika. B’mod partikolari, hija prevista dispożizzjoni dwar il-koerenza mar-Regolament REACH kemm biex tirristrinġi sustanzi ġodda kif ukoll biex tagħti eżenzjonijiet minn restrizzjoni.

Id-Direttiva RoHS 2 hija wkoll konsistenti ma’ leġiżlazzjoni relatata mal-prodott, bħal pereżempju d-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku u d-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vetturi li ma għadhomx jintużaw (endoflife). Leġiżlazzjoni oħra tal-UE, pereżempju dwar l-apparati mediċi jew is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, jista’ jkun fiha obbligi indipendenti f’dak li jirrigwarda l-fażi tal-użu fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-EEE, iżda ma hemm ebda trikkib ma’ rekwiżiti tad-Direttiva RoHS 2.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ, IL-PROPORZJONALITÀ U L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Il-bażi ġuridika tad-Direttiva RoHS 2 u ta’ din l-inizjattiva hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li l-għan tiegħu hu li jiżgura l-funzjonament tas-suq intern billi jagħmel approssimazzjoni ta’ dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar il-funzjonament tas-suq intern.

Il-problemi indirizzati minn din il-proposta ma jistgħux jiġu solvuti mingħajr ma jinbidel il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva RoHS 2, peress li joriġinaw mill-formulazzjoni legali attwali tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva RoHS 2 u tad-dispożizzjonijiet relatati. Soluzzjoni fil-livell tal-UE biss tista’ ssolvi l-problemi, peress li d-dispożizzjonijiet rigward ir-restrizzjoni tal-użu ta’ sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) li jitqiegħed fis-suq tal-UE għandhom impatt dirett fuq is-suq uniku tal-UE u ma jistgħux jitfasslu fil-livell tal-Istati Membri mingħajr ma dan iwassal għal distorsjoni.

Il-proposti huma l-uniċi għażliet ta’ politika li jistgħu jindirizzaw bis-sħiħ il-problemi identifikati li jaffettwaw is-suq uniku tal-UE kollu kemm hu. L-għażliet ta’ politika possibbli kollha l-oħra mhux se jsolvu l-problemi identifikati b’mod permanenti u fl-intier tagħhom, u lanqas ma jiżguraw ċertezza legali.

Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt jinkludi indikazzjonijiet ulterjuri dwar il-proporzjonalità tal-miżuri proposti.Din l-inizjattiva tikkonċerna reviżjoni li hi meħtieġa mid-Direttiva. Ir-reviżjoni tad-Direttiva qed tiġi introdotta permezz ta’ Direttiva ta’ emenda, li l-kontenut tagħha huwa spjegat hawn taħt:

Minflok l-iskadenza ta’ tranżizzjoni speċifikata fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva RoHS attwali fir-rigward tat-tqegħid fis-suq tal-UE ta’ tagħmir EEE b’ambitu ġdid, l-Artikoli 1(1)(a) u 1(3)(a) jistipulaw data ta’ konformità għat-tqegħid fis-suq tal-UE tal-istess tagħmir EEE speċifikat fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva RoHS. Dan jimxi fuq l-istess approċċ bħal dak tal-gruppi ta’ prodotti l-oħra diġà inkluża f’din id-dispożizzjoni. L-emenda tiżgura ċ-ċarezza legali u l-konsistenza u tevita l-“hard-stop” għal operazzjonijiet tas-suq sekondarju, u li skont din l-emenda dawn l-operazzjonijiet ma setgħux jibqgħu aktar possibbli wara t-22 ta’ Lulju 2019 għall-prodotti kkonċernati.

L-Artikolu 1(1)(b) jeskludi l-orgnijiet bil-kanen mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva RoHS 2.

L-Artikolu 1(2) jwessa’ d-definizzjoni ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq u jinkludi makkinarju mħaddem b’mekkaniżmu ta’ trazzjoni bil-kejbil, flimkien ma’ makkinarju simili li jaħdem b’sors ta’ enerġija fuqu stess. Bħala konsegwenza, makkinarju mobbli mhux tat-triq li jaħdem permezz ta’ mekkaniżmu ta’ trazzjoni se jkun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva RoHS 2.

L-Artikolu 1(3)(b) jiddikjara li kejbils jew spare parts, għat-tiswija, l-użu mill-ġdid, l-immodernizzar tal-funzjonalitajiet jew it-tkabbir tal-kapaċità huma eżentati minn restrizzjonijiet għat-tagħmir EEE kollu b’ambitu ġdid. Japplika l-istess approċċ segwit għal gruppi ta’ prodotti oħra.

L-Artikolu 1(4)(a) jistabbilixxi perjodu massimu ta’ validità għall-eżenzjonijiet applikabbli għall-kategorija 11 ta’ "ambitu mhux ristrett” (jiġifieri tagħmir EEE ieħor mhux kopert minn ebda kategorija oħra). Il-perjodu ta’ validità għall-eżenzjonijiet huwa diġà speċifikat għall-kategoriji l-oħra.

L-Artikolu 1(4)(b) jħassar id-data ta’ skadenza għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-eżenzjonijiet eżistenti, li jirrifletti l-esperjenza prattika u l-fatt li din id-data ta’ skadenza fil-prattika ma tagħti ebda ċertezza addizzjonali lill-applikanti.

3.IL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati fit-twettiq ta’ tliet studji ta’ tħejjija tal-Kummissjoni 2 permezz ta’ siti web speċifiċi; bejn l-2015 u 2012 kien hemm tliet konsultazzjonijiet miftuħa mal-partijiet ikkonċernati ta’ 12-il ġimgħa u erba’ laqgħat mal-partijiet ikkonċernati.

Ġew ikkuntattjati madwar tliet mitt espert, rappreżentanti mill-Istati Membri, mill-assoċjazzjonijiet tal-industrija, mill-produtturi ta’ tagħmir EEE, mill-NGOs ambjentali, mill-istituti u mill-kumpaniji ta’ konsulenza, u minn tipi oħra ta’ organizzazzjonijiet (eż. Universitajiet). Waslu tweġibiet minn madwar erbgħin parteċipant u dawn saru disponibbli pubblikament. Dawk li wieġbu jirrappreżentaw l-aktar in-negozju u l-awtoritajiet pubbliċi.

Meta ġew mistoqsija dwar il-preferenzi tagħhom biex jiġu indirizzati l-problemi kkonċernati, il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu ppreferew:

għall-problema dwar is-suq sekondarju, it-tneħħija tal-“hard stop” għall-operazzjonijiet tas-suq sekondarju għal kull tagħmir EEE b’ambitu ġdid u t-trasformazzjoni tal-perjodu ta’ tranżizzjoni f’rekwiżit ta’ konformità sal-istess data;

għall-problema dwar l-ispare parts, l-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni “tiswija skont il-produzzjoni” (repair-as-produced);

għall-problema dwar il-makkinarju mobbli mhux tat-triq, l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva l-RoHS ta’ makkinarju tewmi bil-kejbil;

għall-problema dwar l-orgni bil-kanen, esklużjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni għall-orgni bil-kanen.

Dawk l-għażliet huma meqjusa bħala effiċjenti, effettivi u bħala soluzzjonijiet siguri, u ġew riflessi fil-proposta tal-Kummissjoni.

Il-valutazzjoni tal-impatt

Tliet studji tal-Kummissjoni saru bejn l-2012-2015. Ġew ikkunsidrati wkoll studji relatati mill-Istati Membri. Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt irċieva opinjoni pożittiva mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju u huwa deskritt fis-sommarju tal-valutazzjoni tal-impatt.

Il-miżuri proposti mill-Kummissjoni se jsolvu l-erba’ problemi identifikati u jwasslu għal benefiċċji diskussi hawn taħt; Kull impatt negattiv se jkun limitat jew negliġibbli.

L-irkupru tas-suq sekondarju u ż-żieda tad-disponibbiltà tal-ispare parts ta’ ċertu tagħmir EEE se jkollu l-impatti pożittivi li ġejjin:

Tnaqqis tal-ispejjeż u tal-piż amministrattiv kemm għan-negozji, inkluż l-SMEs, kif ukoll għall-awtoritajiet pubbliċi;

Impatt ekonomiku pożittiv f’termini ta’ żieda fl-opportunitajiet tas-suq mogħtija lill-industriji tat-tiswija u tal-bejgħ sekondarju;

Impatt soċjali pożittiv, inkluż għall-isptarijiet tal-UE, li jiffrankaw madwar EUR 170 miljun wara l-2019, minħabba li tinżamm il-possibbiltà ta’ bejgħ u xiri ta’ tagħmir mediku użat;

Benefiċċji ambjentali mil-lat ta’ tnaqqis tal-ġenerazzjoni tal-iskart inġenerali: il-possibbiltà li testendi l-użu tal-EEE se tipposponi t-tmiem taċ-ċiklu tal-użu u tar-rimi tagħhom, b’hekk tiddewwem il-ġenerazzjoni ta’ skart perikoluż (WEEE). F’ħafna każijiet, l-impatt ambjentali ta’ produzzjoni addizzjonali ta’ spare parts huwa negliġibbli meta mqabbel mal-vantaġġ li jibqa' fl-użu t-tagħmir kollu. Din il-miżura għandha tevita l-ħolqien ta’ aktar minn 3000 tunnellata ta’ skart perikoluż kull sena fl-UE, li tappoġġa l-inizjattiva favur ekonomija ċirkolari. Iċ-ċiklu itwal ta’ ħajja tat-tagħmir EEE għandu jwassal wkoll għal iffrankar addizzjonali tal-enerġija u tal-materja prima.

L-esklużjoni tal-orgnijiet bil-kanen mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva se tgħin biex jiġi evitat telf massimu ta’ 90% tal-impjiegi fis-settur u telf annwali massimu ta’ EUR 65 miljun sal-2025. Jiġi evitat ukoll telf kulturali sinifikanti — il-manifattura, il-manutenzjoni tal-orgnijiet bil-kanen kif ukoll li l-użu tagħhom jiġi bil-mod il-mod abbandunat.

L-esklużjoni ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jaħdem b’mekkaniżmu ta’ trazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva se tappoġġa l-iżvilupp tal-industrija fis-settur billi titneħħa d-distorsjoni fit-trattament tal-makkinarju. Pereżempju, fis-settur tat-tindif ta’ makkinarju tal-UE, bis-saħħa tal-proposta 14 000 unità bil-kejbil se jitqiegħdu fis-suq kull sena (b’fatturat ta’ EUR 300 miljun), u b’hekk jitneħħa kull riskju li dawn il-mudelli ta’ makkinarju jispiċċaw mis-suq tal-UE. Dan se jnaqqas ukoll l-ispejjeż u l-piż amministrattiv bla bżonn kemm għan-negozji, inkluż l-SMEs, kif ukoll għall-awtoritajiet pubbliċi.

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI U ELEMENTI OĦRA

Din il-proposta leġiżlattiva ma għandha ebda implikazzjoni baġitarja.

2017/0013 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2011/65/UE dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 3 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 4 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) jitlob li l-Kummissjoni teżamina l-ħtieġa li jiġi emendat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/65/KE fir-rigward tal-EEE kopert hemmhekk u, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva fir-rigward ta’ kwalunkwe esklużjoni addizzjonali fir-rigward ta’ dak l-EEE.

(2)L-operazzjonijiet tas-suq sekondarju għal tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) li jinvolvu tiswija, bdil ta’ spare parts, rinnovazzjoni u użu mill-ġdid, għandhom jiġu ffaċilitati biex tiġi promossa ekonomija ċirkolari fl-Unjoni. Għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluż permezz tal-irkupru u tar-rimi mingħajr preġudizzju għall-ambjent ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku. Għandu jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn fuq l-operaturi tas-suq. Id-Direttiva 2011/65/UE tippermetti li t-tagħmir EEE li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/95/KE preċedenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 , iżda li ma jkunx konformi mad-Direttiva 2011/65/UE, jibqa’ magħmul disponibbli fis-suq sat-22 ta’ Lulju 2019. Madankollu, wara dik id-data, kemm l-ewwel tqegħid fis-suq kif ukoll l-operazzjonijiet tas-suq sekondarju tal-EEE li ma jkunux konformi huma pprojbiti. Din il-projbizzjoni ta’ operazzjonijiet tas-suq sekondarju hija inkonsistenti mal-prinċipji ġenerali li fuqhom huma bbażati l-miżuri tal-Unjoni dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet rigward prodotti u għalhekk għandha titneħħa.

(3)Ċerti gruppi ta’ prodotti niċċa għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/65/UE minħabba li l-inklużjoni tagħhom iġġib benefiċċji ambjentali jew tas-saħħa negliġibbli u tintroduċi problemi ta’ konformità li ma jistgħux jiġu solvuti jew distorsjoni li ma tistax tiġi indirizzata effettivament permezz ta’ mekkaniżmu ta’ eżenzjoni previst f’din id-Direttiva.

(4)Il-kanen fl-orgnijiet huma mibnija bl-użu ta’ tip speċifiku ta’ liga msejsa fuq iċ-ċomb, li għaliha ebda alternattiva ma nstabet s’issa. Il-biċċa l-kbira tal-orgnijiet jinżammu fl-istess post għal sekli sħaħ u rata ta’ fatturat tagħhom hija negliġibbli. L-orgnijiet bil-kanen għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/65/UE minħabba li l-inklużjoni tagħhom iġġib benefiċċji negliġibbli fir-rigward tas-sostituzzjoni taċ-ċomb.

(5)Id-Direttiva 2011/65/UE ma tapplikax għal makkinarju mobbli mhux tat-triq b’sors ta’ enerġija fuqu stess u li jkun magħmul disponibbli biss għall-użu professjonali. Madankollu, għal ċerti tipi ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, żewġ verżjonijiet jiġu prodotti fl-istess linja ta’ produzzjoni, bis-sors tal-enerġija (fuqhom stess jew esterna) bħala l-unika differenza. Dawk il-verżjonijiet għandhom ikunu ttrattati bl-istess mod skont dik id-Direttiva. Makkinarju mobbli mhux tat-triq b’mekkaniżmu ta’ trazzjoni minn sors tal-enerġija esterna b’hekk għandu jiġu eskluż wkoll mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/65/UE.

(6)Billi l-eżenzjonijiet mir-restrizzjoni fuq l-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi għandu jkollhom tul ta’ żmien limitat, il-perjodu ta’ validità massima ta’ eżenzjonijiet għandu jiġi definit b’mod ċar, għall-kategoriji tal-EEE kollha rilevanti, inkluż għall-kategorija 11 kif stipulat fl-Anness I tad-Direttiva 2011/65/UE.

(7)Meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għal tiġdid ta’ eżenzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni mhux aktar tard minn 6 xhur qabel id-data ta’ meta tiskadi l-eżenzjoni eżisteni, sakemm ċirkostanzi speċifiċi ma jiġġustifikawx skadenzi differenti. L-ebda skadenza ma hija speċifikata biex il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet għal eżenzjonijiet ġodda. Skont ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2011/65/UE 7 , dik l-iskadenza rriżultat li ma kinitx fattibbli fil-prattika, minħabba diversi passi proċedurali obbligatorji meħtieġa għall-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal tiġdid. Filwaqt li l-iskadenza ma ġġib l-ebda valur addizzjonali għall-proċedura eżistenti ta’ eżaminazzjoni tat-talbiet għal tiġdid, hija tinvolvi inċertezzi għan-negozji u għal partijiet ikkonċernati oħra minħabba l-imprattikabbiltà tagħha. Il-kontinwità tan-negozju tiġi żgurata billi l-operaturi tas-suq jistgħu jafdaw fuq il-fatt li eżenzjoni eżistenti tibqa’ valida sakemm tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għat-tiġdid. Għalhekk, id-dispożizzjoni dwar l-iskadenza għandha titneħħa

(8)Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva biex tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u għall-irkupru u għar-rimi bla ħsara għall-ambjent tal-iskart tat-tagħmir elettriku u elettroniku permezz ta’ restrizzjoni fuq l-użu ta’ sustanzi perikolużi f’tagħmir elettriku u elettroniku ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri billi d-differenzi bejn il-liġijiet jew il-miżuri amministrattivi adottati mill-Istati Membri jistgħu joħolqu ostakoli għall-kummerċ u jgħawġu l-kompetizzjoni fl-Unjoni u b’hekk ikollhom impatt dirett fuq is-suq intern, iżda pjuttost jistgħu, minħabba d-daqs tal-problema u l-implikazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar l-irkupru u r-rimi tal-iskart u oqsma ta’ interess komuni, bħalma hija l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2011/65/UE hija emendata kif ġej:

(1) L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 2 jitħassar;

(b) fil-paragrafu 4, għandu jiżdied il-punt (k) li ġej:

   “(k) orgnijiet bil-kanen.”;

(2) fl-Artikolu 3, il-punt (28) jinbidel b'dan li ġej:

“(28)    "makkinarju mobbli mhux għal fuq it-triq li jkun disponibbli esklussivament għall-użu professjonali" tfisser makkinarju b’sors ta’ enerġija fuqu jew b’mekkaniżmu ta’ trazzjoni, li l-operat tiegħu jirrikjedi jew mobilità jew ċaqliq kontinwu jew semikontinwu bejn suċċessjoni ta’ postijiet fissi tax-xogħol waqt li jkun qed jaħdem u li jkun magħmul disponibbli biss għall-użu professjonali.”;

(3) L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(A) Il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“3. Il-paragrafu 1 għandu japplika għal apparat mediku u strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll li jitqiegħdu fis-suq mit-22 ta’ Lulju 2014, għal apparat mediku dijanjostiku in vitro li jitqiegħed fis-suq mit-22 ta’ Lulju 2016, għal strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll li jitqiegħdu fis-suq mit-22 ta’ Lulju 2017 u għall-bqija tal-EEE li kien barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/95/KE li jitqiegħed fis-suq mit-22 ta’ Lulju 2019.”;

(b) fil-paragrafu 4, jiddaħħal il-punt (ea) li ġej:

“(ea) l-EEE l-ieħor kollu li kien barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/95/KE u li jitqiegħed fis-suq qabel it-22 ta’ Lulju 2019; ”;

(4) L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 2, it-tieni sottoparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Għall-eżenzjonijiet elenkati fl-Anness III nhar il-21 ta’ Lulju 2011, sakemm ma jiġix speċifikat perjodu iqsar, il-perjodu ta’ validità massima li jista’ jiġġedded huwa:

(a) għall-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10 tal-Anness I, ħames (5) snin mill-21 ta’ Lulju 2011;

(b) għall-kategoriji 8 u 9 tal-Anness I, seba’ (7) snin mid-dati rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 4(3);

(c) għall-kategorija 11 tal-Anness I, ħames (5) snin mit-22 ta’ Lulju 2019.”;

(b) fil-paragrafu ħamsa (5), l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu hija mħassra.

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [insert date ten months after the entry into force of this Directive]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta dawk id-dispożizzjonijiet ikunu ġew adottati mill-Istati Membri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-kamp kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=OJ:C:2016:272:TOC  
(2) http://ec.europa.eu/environment/waste/rohs_eee/studies_rohs4_en.htm
(3) ĠU C , , p. .
(4) ĠU C , , p. .
(5) Id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88).
(6) Id-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 2003 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi ta' riskju fit-tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 37, 13.2.2003, p. 19).
(7) COM(2016) 215 final tat-18 ta' April 2016.