Brussell, 10.1.2017

COM(2017) 10 final

2017/0003(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni ta’ data personali f’komunikazzjoni elettronika u li jħassar id-Direttiva 2002/58/KE (Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjoni Elettronika)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2017) 3 final}
{SWD(2017) 4 final}
{SWD(2017) 5 final}
{SWD(2017) 6 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

L-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa (“Strateġija DSM”, Digital Single Market Strategy) 1 għandha objettiv li żżid il-fiduċja fis-servizzi diġitali u fis-sigurtà tagħhom. Ir-riforma tal-qafas dwar il-protezzjoni tad-data, u b’mod partikolari l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (“GDPR”, General Data Protection Regulation) 2 , kienet azzjoni ewlenija għal dan il-għan. L-Istrateġija DSM ħabbret ukoll ir-reviżjoni tad-Direttiva 2002/58/KE (“id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika”) 3 sabiex jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni tal-privatezza għall-utenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u kundizzjonijiet ekwi għall-atturi kollha tas-suq. Din il-proposta tirrevedi d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika, prevista fl-objettivi tal-Istrateġija DSM u bl-iżgurar tal-konsistenza mal-GDPR.

Id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari r-rispett għall-ħajja privata, il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u l-protezzjoni ta’ data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika. Din tiggarantixxi wkoll il-moviment liberu ta’ data, tagħmir u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni. Id-Direttiva timplimenta fil-liġi sekondarja tal-Unjoni d-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, fir-rigward tal-komunikazzjoni, kif minqux fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“Il-Karta”).

F’konformità mar-rekwiżiti ta’ “Regolamentazzjoni Aħjar”, il-Kummissjoni wettqet Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (“evalwazzjoni REFIT”) ex post tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika. Mill-evalwazzjoni rriżulta li l-objettivi u l-prinċipji tal-qafas attwali għadhom tajbin. Madankollu, mill-aħħar reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika fl-2009 seħħew żviluppi teknoloġiċi u ekonomiċi importanti fis-suq. Il-konsumaturi u n-negozji qed iserrħu dejjem iżjed fuq servizzi ġodda bbażati fuq l-Internet li jippermettu komunikazzjoni interpersonali bħal Vuċi fuq IP (Voice over IP), messaġġi instantanji u servizzi ta’ posta elettronika bbażati fuq il-web, minflok servizzi ta’ komunikazzjonijiet tradizzjonali. Dawn is-servizzi ta’ komunikazzjoni Over-the-Top (“OTTs”) in ġenerali mhumiex suġġetti għall-qafas attwali tal-komunikazzjoni elettronika tal-Unjoni, inkluża d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika. Għaldaqstant, id-Direttiva ma żammitx il-pass mal-iżviluppi teknoloġiċi, u dan irriżulta f’lakuna ta’ protezzjoni tal-komunikazzjoni mwassla permezz ta’ servizzi ġodda.

1.2.Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

Din il-proposta hija lex specialis għall-GDPR u ser tippartikularizzah u tikkomplementah fir-rigward ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika li tikkwalifika bħala data personali. Il-kwistjonijiet kollha dwar l-ipproċessar ta’ data personali li mhumiex speċifikament indirizzati mill-proposta huma koperti mill-GDPR. L-allinjament mal-GDPR irriżulta fit-tħassir ta’ xi dispożizzjonijiet, bħall-obbligi ta’ sigurtà fl-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika.

1.3.Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika hija parti mill-qafas regolatorju għall-komunikazzjoni elettronika. Fl-2016, il-Kummissjoni adottat il-proposta għal Direttiva li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjoni Elettronika (“EECC”, European Electronic Communications Code) 4 , li tirrevedi l-qafas. Filwaqt li din il-proposta mhix parti integrali mill-EECC, hija sserraħ parzjalment fuq definizzjonijiet ipprovduti fih, inkluż dik ta’ “servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika”. Bħall-EECC, din il-proposta tinkludi wkoll lill-fornituri ta’ OTT fl-ambitu tagħha biex tirrifletti r-realtà tas-suq. Barra minn hekk, l-EECC jikkomplementa din il-proposta billi jiżgura s-sigurtà tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika.

Id-Direttiva 2014/53/UE dwar it-Tagħmir tar-Radju (“RED”, Radio Equipment Directive) 5 tiżgura suq uniku għat-tagħmir tar-radju. B’mod partikolari, din tirrikjedi li, qabel ma jitqiegħed fis-suq, it-tagħmir tar-radju għandu jinkorpora salvagwardji biex jiġi żgurat li d-data personali u l-privatezza tal-utent huma protetti. Skont l-RED u r-Regolament (UE) 1025/2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea 6 , il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta miżuri. Din il-proposta ma taffettwax lill-RED.

Il-proposta ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni speċifika fil-qasam taż-żamma ta’ data. Hija żżomm is-sustanza tal-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika u tallinjah ma’ kliem speċifiku tal-Artikolu 23 tal-GDPR, li jipprovdi l-bażi biex l-Istati Membri jirrestrinġu l-ambitu tad-drittijiet u l-obbligi f’Artikoli speċifiċi tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika. Għalhekk, l-Istati Membri huma ħielsa li jżommu jew joħolqu oqfsa nazzjonali ta’ żamma ta’ data li jipprevedu, inter alia, miżuri ta’ żamma mmirata, sa fejn oqfsa ta' dan it-tip jikkonformaw mal-liġijiet tal-Unjoni, b’kont meħud tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali 7 .

Finalment, il-proposta ma tapplikax għal attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni. Madankollu, il-prinċipji u l-obbligi rilevanti tagħha fir-rigward tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u l-komunikazzjonijiet b’rabta mal-ipproċessar ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika ġew inklużi fil-Proposta għal Regolament li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 8 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

2.1.Bażi ġuridika

L-Artikolu 16 u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) huma l-bażijiet ġuridiċi rilevanti għall-proposta.

L-Artikolu 16 tat-TFUE jintroduċi bażi ġuridika speċifika għall-adozzjoni ta’ regoli relatati mal-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, mill-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-liġi tal-Unjoni, u regoli relatati mal-moviment liberu ta' din id-data. Peress li komunikazzjoni elettronika li tinvolvi persuna fiżika normalment tikkwalifika bħala data personali, il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-privatezza ta’ komunikazzjonijiet u pproċessar ta’ data ta' dan it-tip għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 16.

Barra minn hekk, il-proposta timmira lejn il-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet u l-interessi leġittimi relatati ta’ persuni ġuridiċi. It-tifsira u l-ambitu tad-drittijiet stipulati fl-Artikolu 7 tal-Karta għandhom, f’konformità mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, ikunu l-istess bħal dawk imniżżla fl-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (“KEDB”). Fir-rigward tal-ambitu tal-Artikolu 7 tal-Karta, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“QtĠ”) 9 u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem 10 tikkonferma li l-attivitajiet professjonali ta’ persuni ġuridiċi ma jistgħux jiġu esklużi mill-protezzjoni tad-dritt garantit mill-Artikolu 7 tal-Karta u l-Artikolu 8 tal-KEDB.

Peress li l-inizjattiva għandha għan doppju u li l-komponent dwar il-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet ta’ persuni ġuridiċi u l-għan li jinkiseb is-suq uniku għal dawk il-komunikazzjonijiet elettroniċi u jiġi żgurat il-funzjonament tiegħu f’dan ir-rigward ma jistgħux jiġu meqjusa sempliċiment inċidentali, l-inizjattiva għandha, għalhekk, tkun ibbażata wkoll fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE.

2.2.Sussidjarjetà

Ir-rispett għall-komunikazzjonijiet huwa dritt fundamentali rikonoxxut fil-Karta. Il-kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika jista’ jiżvela informazzjoni sensittiva ħafna dwar l-utenti aħħarin involuti fil-komunikazzjoni. B’mod simili, metadata meħuda minn komunikazzjoni elettronika tista’ wkoll tiżvela informazzjoni sensittiva u personali ħafna, kif espressament rikonoxxut mill-QtĠ 11 . Il-maġġoranza tal-Istati Membri jirrikonoxxu wkoll il-ħtieġa li l-komunikazzjonijiet ikunu protetti bħala dritt kostituzzjonali distint. Filwaqt li huwa possibbli li l-Istati Membri jadottaw politiki li jiżguraw li dan id-dritt ma jkunx miksur, dan ma jiġix miksub b’mod uniformi fin-nuqqas ta’ stat tad-dritt u jkun joħloq restrizzjonijiet fuq il-flussi transkonfini ta’ data personali u nonpersonali relatata mal-użu ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Finalment, biex tinżamm konsistenza mal-GDPR, jeħtieġ li tiġi rriveduta d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika u jiġu adottati miżuri biex dawn iż-żewġ strumenti jiġu aġġornati.

L-iżviluppi teknoloġiċi u l-ambizzjonijiet tal-istrateġija DSM saħħew il-każ għal azzjoni fil-livell tal-Unjoni. Is-suċċess tad-DSM tal-UE jiddependi fuq kemm effettivament l-UE teqred is-silos u l-ostakli nazzjonali u taħkem il-vantaġġi u l-ekonomiji ta’ suq uniku diġitali Ewropew. Barra minn hekk, peress li l-Internet u t-teknoloġiji diġitali ma għandhomx fruntieri, id-dimensjoni tal-problema tmur lil hinn mit-territorju ta’ Stat Membru uniku. L-Istati Membri ma jistgħux isolvu b’mod effettiv il-problemi fis-sitwazzjoni attwali. Kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi ekonomiċi li jipprovdu servizzi sostitwibbli u protezzjoni ugwali għall-utenti aħħarin fil-livell tal-Unjoni huma rekwiżiti biex id-DSM jaħdem sew.

2.3.Proporzjonalità

Biex tiġi żgurata l-protezzjoni legali effettiva tar-rispett għall-privatezza u l-komunikazzjonijiet, hija meħtieġa estensjoni tal-ambitu biex ikunu koperti l-fornituri ta’ OTT. Filwaqt li diversi fornituri ta’ OTT popolari diġà jikkonformaw, jew jikkonformaw parzjalment mal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ma tistax titħalla għal awtoregolamentazzjoni mill-industrija. Barra minn hekk, l-importanza tal-protezzjoni effettiva tal-privatezza ta’ tagħmir terminali qed tiżdied peress li dan sar indispensabbli fil-ħajja personali u professjonali għall-ħżin ta’ informazzjoni sensittiva. L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika ma kinetx effettiva għall-awtonomizzazzjoni tal-utenti aħħarin. Għaldaqstant l-implimentazzjoni tal-prinċipju permezz taċ-ċentralizzazzjoni tal-kunsens f’softwer u billi l-utenti jingħataw informazzjoni dwar is-settings tal-privatezza tiegħu, hija neċessarja biex jinkiseb l-għan. Fir-rigward tal-infurzar ta’ dan ir-Regolament, dan iserraħ fuq l-awtoritajiet superviżorji u l-mekkaniżmu ta’ konsistenza tal-GDPR. Barra minn hekk, il-proposta tippermetti lill-Istati Membri jieħdu miżuri derogatorji nazzjonali għal finijiet leġittimi speċifiċi. Għalhekk, il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet u tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif imniżżel fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-obbligi mqiegħda fuq is-servizzi affettwati huma miżmuma f’livell kemm jista’ jkun minimu, filwaqt li ma jxekklux id-drittijiet fundamentali kkonċernati.

2.4.Għażla tal-istrument

Il-Kummissjoni tressaq proposta għal Regolament sabiex tiżgura l-konsistenza mal-GDPR u ċ-ċertezza legali għall-utenti u n-negozji bl-istess mod billi tiġi evitata interpretazzjoni diverġenti fl-Istati Membri. Regolament jista’ jiżgura livell ta’ protezzjoni ugwali mal-Unjoni kollha għall-utenti u spejjeż ta’ konformità aktar baxxi għan-negozji li joperaw bejn fruntiera u oħra.

3.RIŻULTATI TA’ EVALWAZZJONIJIET EX POST, KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

3.1.Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-evalwazzjoni REFIT eżaminat kemm kienet effiċjenti d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika fil-kontribut tagħha għal protezzjoni adegwata tar-rispett għall-ħajja privata u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet fl-UE. Din fittxet ukoll li tidentifika nuqqasijiet possibbli.

L-evalwazzjoni REFIT ikkonkludiet li l-objettivi ta’ hawn fuq tad-Direttiva għadhom rilevanti. Filwaqt li l-GDPR jiżgura l-protezzjoni ta’ data personali, id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika tiżgura l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, li jistgħu ukoll ikun fihom data nonpersonali u data relatata ma’ persuna ġuridika. Għalhekk, strument separat għandu jiżgura protezzjoni effettiva tal-Artikolu 7 tal-Karta. Dispożizzjonijiet oħra, bħar-regoli dwar meta jintbagħtu komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni mhux solleċitati, irriżultaw li għadhom rilevanti ukoll.

F’termini ta’ effettività u effiċjenza, l-evalwazzjoni REFIT sabet li d-Direttiva ma laħqitx kompletament l-objettivi tagħha. L-abbozzar mhux ċar ta’ ċerti dispożizzjonijiet u l-ambigwità f’kunċetti legali pperikolaw l-armonizzazzjoni, u b’hekk ħolqu sfidi għan-negozji biex joperaw bejn il-fruntieri. L-evalwazzjoni wriet ukoll li xi dispożizzjonijiet ħolqu piż bla bżonn fuq in-negozji u l-konsumaturi. Pereżempju, ir-regola dwar il-kunsens biex tiġi protetta l-kunfidenzjalità ta’ tagħmir terminali naqset milli tilħaq l-objettivi tagħha peress li l-utenti aħħarin iħabbtu wiċċhom ma’ talbiet biex jaċċettaw cookies ta’ traċċar mingħajr ma jifhmu s-sens tagħhom u, f’xi każijiet, saħansitra jiġu f’pożizzjoni fejn jitqiegħdu cookies mingħajr il-kunsens tagħhom. Ir-regola dwar il-kunsens hija sovrainklużiva, peress li tkopri wkoll prattiki intrużivi mhux tal-privatezza, u sottoinklużiva, peress li ma tkoprix b’mod ċar xi tekniki ta’ traċċar (eż. teħid tal-marki tas-swaba’ b’apparat) li jistgħu ma jinvolvux l-aċċess/il-ħżin fl-apparat. Finalment, l-implimentazzjoni tagħha tista’ tkun għalja għan-negozji.

L-evalwazzjoni kkonkludiet li r-regoli dwar il-Privatezza Elettronika xorta għandhom valur miżjud tal-UE biex jinkiseb aħjar l-objettiv li tiġi żgurata l-privatezza onlajn fid-dawl ta’ suq tal-komunikazzjoni elettronika dejjem aktar transnazzjonali. Din uriet ukoll li b’mod ġenerali r-regoli huma koerenti ma’ leġiżlazzjoni rilevanti oħra, għalkemm ġew identifikati xi nuqqasijiet vis-à-vis il-GDPR il-ġdid (ara fit-Taqsima 1.2).

3.2.Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika bejn it-12 ta’ April u l-5 ta’ Lulju 2016 u rċeviet 421 tweġiba 12 . Is-sejbiet ewlenin huma dawn li ġejjin 13 :

Il-ħtieġa għal regoli speċjali għas-settur tal-komunikazzjoni elettronika dwar il-kunfidenzjalità ta’ komunikazzjoni elettronika: 83.4 % taċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u tas-soċjetà ċivili li wieġbu u 88.9 % tal-awtoritajiet pubbliċi jaqblu, filwaqt li 63.4 % ta’ dawk li wieġbu mill-industrija ma jaqblux.

Estensjoni tal-ambitu għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika ġodda (OTTs): 76 % taċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili u 93.1 % tal-awtoritajiet pubbliċi jaqblu, filwaqt li 36.2 % biss ta’ dawk li wieġbu mill-industrija huma favur estensjoni tali.

Emenda tal-eżenzjonijiet għal kunsens għall-ipproċessar ta’ data dwar it-traffiku u l-post: 49.1 % taċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u tas-soċjetà ċivili u 36 % tal-awtoritajiet pubbliċi jippreferu li ma jwessgħux l-eżenzjonijiet, filwaqt li 36 % tal-industrija huma favur eżenzjonijiet estiżi u 2/3 tal-industrija jappoġġjaw is-sempliċi tħassir tad-dispożizzjonijiet.

Appoġġ għas-soluzzjonijiet proposti għall-kwistjoni tal-kunsens għall-cookies: 81.2 % taċ-ċittadini u 63 % tal-awtoritajiet pubbliċi jappoġġjaw l-impożizzjoni ta’ obbligi fuq il-manifatturi ta’ tagħmir terminali biex jikkummerċjalizzaw prodotti b’issettjar privatezza awtomatika (privacy-by-default) attivat, filwaqt li 58.3 % tal-industrija huma favur l-opzjoni li tiġi appoġġjata l-awto/koregolamentazzjoni.

Barra minn hekk, f’April 2016 il-Kummissjoni Ewropea organizzat żewġ workshops, wieħed miftuħ għall-partijiet ikkonċernati kollha u wieħed miftuħ għall-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, li indirizzaw il-kwistjonijiet prinċipali tal-konsultazzjonijiet pubbliċi. Il-fehmiet espressi waqt il-workshops irriflettew l-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika.

Biex jinġabru l-opinjonijiet taċ-ċittadini sar stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar il-Privatezza Elettronika 14 fl-UE kollha. Is-sejbiet ewlenin huma dawn li ġejjin 15 :

78 % jgħidu li huwa importanti ħafna li informazzjoni personali fuq il-kompjuter, l-ismartphone jew it-tablet tagħhom tkun tista’ tiġi aċċessata biss bil-permess tagħhom.

72 % jiddikjaraw li huwa importanti ħafna li l-kunfidenzjalità tal-posta elettronika u l-messaġġi instantanji onlajn tagħhom tiġi garantita.

89 % jaqblu mal-opzjoni ssuġġerita li l-issettjar awtomatiku tal-brawżer tagħhom għandu jwaqqaf il-kondiviżjoni tal-informazzjoni tagħhom.

3.3.Ġbir u użu ta’ ħila esperta

Il-Kummissjoni serrħet fuq il-parir ta’ espert estern li ġej:

Konsultazzjonijiet immirati ta’ gruppi ta’ esperti tal-UE: Opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29; Opinjoni tal-KEPD; Opinjoni tal-Pjattaforma REFIT; fehmiet tal-BEREC; fehmiet ta’ ENISA u fehmiet ta’ membri tan-Netwerk ta’ Protezzjoni u Kooperazzjoni tal-Konsumatur.

Ħila esperta esterna, b’mod partikolari ż-żewġ studji li ġejjin:

Studju “ePrivacy Directive: assessment of transposition, effectiveness and compatibility with proposed Data Protection Regulation” (“Id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika: valutazzjoni tat-traspożizzjoni, l-effettività u l-kompatibilità mar-Regolament propost dwar il-Protezzjoni tad-Data” (SMART 2013/007116).

L-Istudju “Evaluation and review of Directive 2002/58 on privacy and the electronic communication sector” (“Evalwazzjoni u reviżjoni tad-Direttiva 2002/58 dwar il-privatezza u s-settur tal-komunikazzjoni elettronika”) (SMART 2016/0080).

3.4.Valutazzjoni tal-impatt

Saret valutazzjoni tal-impatt dwar din il-proposta li dwarha fit-28 ta’ Settemru 2016, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ta opinjoni pożittiva 16 . Biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord, il-valutazzjoni tal-impatt tispjega aħjar l-ambitu tal-inizjattiva, il-koerenza tagħha ma’ strumenti legali oħra (GDPR, EECC, RED) u l-ħtieġa għal strument separat. Ix-xenarju tal-linja ta’ bażi huwa żviluppat u ċċarat b’mod ulterjuri. L-analiżi tal-impatti hija msaħħa u magħmula aktar ibbilanċjata, fejn tiċċara u tirrinforza d-deskrizzjoni tal-kostijiet u l-benefiċċji mistennija.

L-opzjonijiet ta’ politika li ġejjin ġew eżaminati mal-kriterji ta’ effettività, effiċjenza u koerenza:

Opzjoni 1: Miżuri nonleġiżlattivi (“liġi mhux vinkolanti”);

Opzjoni 2: Rinforz limitat ta’ privatezza/kunfidenzjalità u simplifikazzjoni;

Opzjoni 3: Rinforz imkejjel ta’ privatezza/kunfidenzjalità u simplifikazzjoni;

Opzjoni 4: Rinforz estensiv ta’ privatezza/kunfidenzjalità u simplifikazzjoni;

Opzjoni 5: Revoka tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika.

L-Opzjoni 3 ġiet, fil-biċċa l-kbira tal-aspetti, identifikata bħala l-opzjoni ppreferuta biex jinkisbu l-objettivi, filwaqt li jiġu meqjusa l-effiċjenza u l-koerenza tagħha. Il-benefiċċji prinċipali huma:

It-titjib tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni elettronika billi jiġi estiż l-ambitu tal-istrument legali biex jiġu inklużi servizzi ġodda ta’ komunikazzjoni elettronika funzjonalment ekwivalenti. Barra minn hekk, ir-Regolament itejjeb il-kontroll tal-utent aħħari billi jiċċara li l-kunsens jista’ jiġi espress permezz ta’ ssettjar tekniku adatt.

It-titjib tal-protezzjoni kontra komunikazzjonijiet mhux solleċitati, bl-introduzzjoni ta’ obbligu li tiġi pprovduta l-identifikazzjoni tal-linja ta’ telefonata jew prefiss obbligatorju għal telefonati ta’ kummerċjalizzazzjoni u l-possibbiltajiet imtejba biex jiġu bblukkati telefonati minn numri mhux mixtieqa.

Is-simplifikazzjoni u l-iċċarar tal-ambjent regolatorju, billi jitnaqqas il-marġni ta’ manuvra f’idejn l-Istati Membri, ir-revoka ta’ dispożizzjonijiet skaduti u t-twessigħ tal-eċċezzjonijiet għar-regoli ta’ kunsens.

L-impatt ekonomiku tal-Opzjoni 3 huwa mistenni li globalment ikun proporzjonat għall-miri tal-proposta. Opportunitajiet ta’ negozju relatati mal-ipproċessar ta’ data tal-komunikazzjoni huma miftuħa għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika tradizzjonali, filwaqt li l-fornituri ta’ OTT isiru soġġetti għall-istess regoli. Dan jimplika xi spejjeż ta’ konformità addizzjonali għal dawn l-operaturi. Madankollu, din il-bidla mhux ser taffettwa sostanzjalment dawk l-OTTs li diġà joperaw fuq il-bażi ta’ kunsens. Finalment, l-impatt tal-opzjoni ma jkunx jinħass fl-Istati Membri li jkunu diġà estendew dawn ir-regoli għall-OTTs.

Biċ-ċentralizzazzjoni tal-kunsens f’softwer bħall-brawżers tal-Internet u l-istedina lill-utenti biex jagħżlu s-settings tal-privatezza tagħhom u l-espansjoni tal-eċċezzjonijiet għar-regoli ta’ kunsens għal cookies, proporzjon sinifikanti ta’ negozji jkunu jistgħu jneħħu l-banners u l-avviżi ta’ cookies, u dan potenzjalment jirriżulta f’iffrankar tal-ispejjeż u simplifikazzjoni sinifikanti. Madankollu, jista’ jsir aktar diffiċli biex dawk li jirreklamaw b’mod immirat onlajn jiksbu l-kunsens jekk proporzjon kbir ta’ utenti jagħżlu settings “irrifjuta cookies ta’ parti terza”. Fl-istess ħin, iċ-ċentralizzazzjoni tal-kunsens ma ċċaħħadx lill-operaturi ta’ siti web mill-possibbiltà li jiksbu kunsens permezz ta’ talbiet individwali lill-utenti aħħarin u hekk iżommu l-mudell ta’ negozju attwali tagħhom. Għal xi fornituri ta’ brawżers jew softwer simili jkun hemm spejjeż addizzjonali peress li dawn ikollhom jiżguraw settings favur il-privatezza.

L-istudju estern identifika tliet xenarji distinti ta’ implimentazzjoni tal-Opzjoni 3, skont l-entità li ser tistabbilixxi l-kaxxa ta’ djalogu bejn l-utent li jkun għażel settings “irrifjuta cookies ta’ parti terza” jew settings “tittraċċax” u siti web miżjura u li jkunu jixtiequ lill-utent tal-Internet jerġa’ jikkunsidra l-għażla tiegħu/tagħha. L-entitajiet li jistgħu jingħataw ir-responsabbiltà għal dan il-kompitu tekniku huma: 1) softwer bħal brawżers tal-Internet; 2) it-traċċatur ta’ parti terza; 3) is-siti web individwali (jiġifieri s-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni mitlub mill-utent). L-Opzjoni 3 tkun twassal għal iffrankar ġenerali f’termini tal-kost tal-konformità meta mqabbel max-xenarju ta’ linja ta’ bażi ta’ 70 % (iffrankar ta’ EUR 948.8 miljun) fl-ewwel xenarju (soluzzjoni tal-brawżer), implimentat f’din il-proposta. L-iffrankar tal-ispejjeż ikun iktar baxx f’xenarji oħra. Peress li l-iffrankar ġenerali fil-biċċa l-kbira jiġi minn tnaqqis sinifikanti ħafna tan-numru ta’ negozji affettwati, l-ammont individwali tal-ispejjeż tal-konformità li negozju wieħed mistenni jagħmel - bħala medja - ikun ogħla milli hu llum.

3.5.Idoneità u simplifikazzjoni regolatorja

Il-miżuri ta’ politika proposti taħt l-opzjoni ppreferuta jindirizzaw l-objettiv ta’ simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piż amministrattiv, f’konformità mas-sejbiet tal-evalwazzjoni REFIT u l-Opinjoni tal-Pjattaforma REFIT 17 .

Il-Pjattaforma REFIT ħarġet tliet settijiet ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni:

Il-protezzjoni tal-ħajja privata taċ-ċittadin għandha tissaħħaħ permezz ta’ allinjament tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data;

L-effettività tal-protezzjonijiet taċ-ċittadini kontra kummerċjalizzazzjoni mhux solleċitata għandha tittejjeb billi jiżdiedu eċċezzjonijiet għar-regola ta’ “kunsens” għall-cookies;

Il-Kummissjoni tindirizza problemi ta’ implimentazzjoni nazzjonali u tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattika fost l-Istati Membri.

Din il-proposta tinkludi speċifikament:

L-użu ta’ definizzjonijiet teknoloġikament newtrali biex jinftehmu servizzi u teknoloġiji ġodda biex ikun żgurat li r-Regolament ikun tajjeb għall-ġejjieni;

Revoka tar-regoli ta’ sigurtà biex tiġi eliminata duplikazzjoni regolatorja;

Kjarifika tal-ambitu biex jiġu megħjuna l-eliminazzjoni/it-tnaqqis tar-riskju ta’ implimentazzjoni diverġenti mill-Istati Membri (punt 3 tal-Opinjoni);

Kjarifika u simplifikazzjoni tar-regola ta’ kunsens għall-użu ta’ cookies u identifikaturi oħra, kif spjegat fit-Taqsimiet 3.1 u 3.4 (punt 2 tal-Opinjoni);

Allinjament tal-awtoritajiet superviżorji mal-awtoritajiet kompetenti biex jinfurzaw il-GDPR u dipendenza fuq il-mekkaniżmu ta’ konsistenza tal-GDPR.

3.6.Impatt fuq id-drittijiet fundamentali

Il-proposta timmira li żżid il-livell ta’ protezzjoni tal-privatezza u ta’ data personali pproċessata, u li tirrendih aktar effettiv, fir-rigward ta’ komunikazzjoni elettronika f’konformità mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta u li tiżgura ċertezza legali akbar. Il-proposta tikkomplementa u tippartikolarizza l-GDPR. Il-protezzjoni effettiva tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet hija essenzjali għall-eżerċitar tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u informazzjoni u drittijiet relatati oħra, bħad-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali jew għal-libertà ta’ ħsieb, kuxjenza u reliġjon.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

5.1.Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rappurtar

Il-Kummissjoni ser tissorvelja l-applikazzjoni tar-Regolament u kull tliet snin tippreżenta rapport dwar l-evalwazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dawn ir-rapporti ser ikunu pubbliċi u għandhom jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar l-applikazzjoni u l-infurzar effettivi ta’ dan ir-Regolament.

5.2.Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-Kapitolu I fih id-dispożizzjonijiet ġenerali: is-suġġett (Artikolu 1), l-ambitu (Artikoli 2 u 3) u d-definizzjonijiet tiegħu, inklużi referenzi għal definizzjonijiet rilevanti minn strumenti tal-UE oħra, bħall-GDPR.

Il-Kapitolu II fih id-dispożizzjonijiet ewlenin li jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni elettronika (Artikolu 5) u l-finijiet u l-kundizzjonijiet permessi limitati għall-ipproċessar tat-tali data tal-komunikazzjonijiet (Artikoli 6 u 7). Dan jindirizza wkoll il-protezzjoni ta’ tagħmir terminali, billi (i) jiggarantixxi l-integrità tal-informazzjoni maħżuna fih u (ii) jipproteġi l-informazzjoni meħuda mit-tagħmir terminali, peress li din tista’ tippermetti l-identifikazzjoni tal-utent aħħari tagħha (Artikolu 8). Finalment, l-Artikolu 9 jispjega fid-dettall il-kunsens tal-utenti aħħarin, bażi legali ċentrali ta’ dan ir-Regolament, li fih espressament hemm referenza għad-definizzjoni u l-kundizzjonijiet tiegħu kif ipprovdut mill-GDPR, filwaqt li l-Artikolu 10 jimponi obbligu fuq il-fornituri ta’ softwer li jippermettu l-komunikazzjonijiet elettroniċi biex jgħinu lill-utenti aħħarin jagħmlu għażliet effettivi dwar is-settings tal-privatezza. L-Artikolu 11 jispjega fid-dettall il-finijiet u l-kundizzjonijiet biex l-Istati Membri jirrestrinġu d-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq.

Il-Kapitolu III jikkonċerna d-drittijiet tal-utenti aħħarin biex jikkontrollaw meta jintbagħtu u jiġu riċevuti komunikazzjonijiet elettroniċi biex jipproteġu l-privatezza tagħhom: (i) id-dritt tal-utenti aħħarin li jipprevjenu l-preżentazzjoni tal-identifikazzjoni tal-linja ta’ telefonata biex tiġi ggarantita l-anonimità (Artikolu 12), bil-limitazzjonijiet tiegħu (Artikolu 13); u (ii) l-obbligu li l-fornituri ta’ komunikazzjoni interpersonali bbażata fuq numru disponibbli pubblikament jipprevedu l-possibbiltà li jkun limitat ir-riċeviment ta’ telefonati mhux mixtieqa (Artikolu 14). Dan il-Kapitolu jirregola wkoll l-kundizzjonijiet li taħthom l-utenti aħħarin jistgħu jiġu inklużi f’direttorji disponibbli pubblikament (Artikolu 15) u l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jsiru komunikazzjonijiet mhux solleċitati għal kummerċjalizzazzjoni diretta (Artikolu 17). Għandu x’jaqsam ukoll mar-riskji ta’ sigurtà u jipprevedi obbligu fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li jwissu lill-utenti aħħarin fil-każ ta’ riskju partikolari li jista’ jikkomprometti s-sigurtà tan-netwerks u s-servizzi. L-obbligi ta’ sigurtà fil-GDPR u fl-EECC ser japplikaw għall-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika.

Il-Kapitolu IV jistabbilixxi s-superviżjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament u jagħtihom f’idejn l-awtoritajiet superviżorji responsabbli mill-GDPR, fid-dawl tas-sinerġiji b’saħħithom bejn il-kwistjonijiet ġenerali ta’ protezzjoni tad-data u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet (Artikolu 18). Is-setgħat tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data huma estiżi (Artikolu 19) u l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u konsistenza previst taħt il-GDPR ser japplika f’każ ta’ kwistjonijiet transkonfinali relatati ma’ dan ir-Regolament (Artikolu 20).

Il-Kapitolu V jispjega fid-dettall id-diversi rimedji disponibbli għall-utenti aħħarin (Artikoli 21 u 22) u l-penali li jistgħu jiġu imposti (Artikolu 24), inklużi l-kundizzjonijiet ġenerali għall-impożizzjoni ta’ multi amministrattivi (Artikolu 23).

Il-Kapitolu VI huwa relatat mal-adozzjoni ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni skont l-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat.

Finalment, il-Kapitolu VII fih id-dispożizzjonijiet finali ta’ dan ir-Regolament: Ir-revoka tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika, il-monitoraġġ u r-reviżjoni, id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni. Fir-rigward tar-reviżjoni, il-Kummissjoni beħsiebha tevalwa, inter alia, jekk għadux neċessarju att legali separat fid-dawl ta’ żviluppi legali, tekniċi jew ekonomiċi u b’kont meħud tal-ewwel evalwazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 li hija mistennija għall-25 ta’ Mejju 2020.

2017/0003 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni ta’ data personali f’komunikazzjoni elettronika u li jħassar id-Direttiva 2002/58/KE (Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjoni Elettronika)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 16 u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 18 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 19 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data 20 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) jipproteġi d-dritt fundamentali ta’ kulħadd għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dar u l-komunikazzjonijiet tiegħu jew tagħha. Ir-rispett għall-privatezza tal-komunikazzjonijiet tal-persuna huwa dimensjoni essenzjali ta’ dan id-dritt. Il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni elettronika tiżgura li l-informazzjoni skambjata bejn il-partijiet u l-elementi esterni ta’ tali komunikazzjoni, inkluż meta l-informazzjoni ġiet mibgħuta, minn fejn, lil min, ma għandha tiġi żvelata lil ħadd aktar minbarra lill-partijiet involuti f’komunikazzjoni. Il-prinċipju ta’ kunfidenzjalità għandu japplika għal mezzi ta’ komunikazzjoni attwali u tal-ġejjieni, inklużi telefonati, aċċess għall-Internet, applikazzjonijiet ta’ messaġġi instantanji, posta elettronika, telefonati bl-Internet u messaġġi personali pprovduti permezz il-midja soċjali.

(2)Il-kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika jista’ jiżvela informazzjoni sensittiva ħafna dwar il-persuni fiżiċi involuti fil-komunikazzjoni, minn esperjenzi u emozzjonijiet personali sa kundizzjonijiet mediċi, preferenzi sesswali u opinjonijiet politiċi, li l-iżvelar tagħha jista’ jirriżulta f’dannu pesonali u soċjali, telf ekonomiku jew mistħija. B’mod simili, metadata meħuda minn komunikazzjoni elettronika tista’ wkoll tiżvela informazzjoni sensittiva u personali ħafna. Din il-metadata tinkludi n-numri li wieħed ċempel, is-siti web miżjura, il-post ġeografiku, il-ħin, id-data u d-dewmien meta dan għamel telefonata, eċċ., li tagħmilha possibbli li jsiru konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajjiet privati tal-persuni involuti fil-komunikazzjoni elettronika, bħar-relazzjonijiet soċjali tagħhom, l-abitudnijiet u l-attivitajiet tagħhom tal-ħajja ta’ kuljum, l-interessi u l-gosti tagħhom, eċċ.

(3)Id-data ta’ komunikazzjoni elettronika tista’ tiżvela wkoll informazzjoni dwar entitajiet ġuridiċi, bħal sigrieti ta’ negozju jew informazzjoni sensittiva oħra li għandha valur ekonomiku. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw kemm għal persuni fiżiċi kif ukoll għal persuni ġuridiċi. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jiżgura li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 21 , japplikaw ukoll għal utenti aħħarin li huma persuni ġuridiċi. Dan jinkludi d-definizzjoni ta’ kunsens taħt ir-Regolament (UE) 2016/679. Meta ssir referenza għal kunsens minn utent aħħari, inklużi persuni ġuridiċi, din id-definizzjoni għandha tapplika. Flimkien ma’ dan, persuni ġuridiċi għandu jkollhom l-istess drittijiet bħal utenti aħħarin li huma persuni fiżiċi fir-rigward tal-awtoritajiet superviżorji; barra minn hekk, l-awtoritajiet superviżorji taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu wkoll responsabbli mill-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi.

(4)Skont l-Artikolu 8(1) tal-Karta u l-Artikolu 16(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kulħadd għandu d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali dwaru jew dwarha. Ir-Regolament (UE) 2016/679 jistabbilixxi regoli relatati mal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u regoli relatati mal-moviment liberu ta’ data personali. Data ta’ komunikazzjoni elettronika tista’ tinkludi data personali kif definit fir-Regolament (UE) 2016/679.

(5)Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jippartikolarizzaw u jikkomplementaw ir-regoli ġenerali dwar il-protezzjoni ta’ data personali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 fir-rigward ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika li tikkwalifika bħala data personali. Dan ir-Regolament għalhekk ma jbaxxix il-livell ta’ protezzjoni li jgawdu minnu persuni fiżiċi taħt ir-Regolament (UE) 2016/679. L-ipproċessar ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika għandu jkun permess biss f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

(6)Filwaqt li l-prinċipji u d-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 għadhom ġeneralment tajba, dik id-Direttiva ma żammitx kompletament il-pass mal-evoluzzjoni tar-realtà teknoloġika u tas-suq, u dan irriżulta fi protezzjoni effettiva inkonsistenti jew insuffiċjenti tal-privatezza u l-kunfidenzjalità fir-rigward tal-komunikazzjoni elettronika. Dawk l-iżviluppi jinkludu d-dħul fis-suq ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li mill-perspettiva tal-konsumatur jistgħu jissostitwixxu servizzi tradizzjonali, iżda ma għandhomx għalfejn jikkonformaw mal-istess sett ta’ regoli. Żvilupp ieħor jikkonċerna tekniki ġodda li jippermettu l-ittraċċar ta’ imġiba onlajn ta’ utenti aħħarin, li mhumiex koperti mid-Direttiva 2002/58/KE. Id-Direttiva 2002/58/KE għandha għalhekk titħassar u tiġi sostitwita b'dan ir-Regolament.

(7)L-Istati Membri għandhom jitħallew, fi ħdan il-limiti ta’ dan ir-Regolament, li jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali biex jispeċifikaw u jiċċaraw ulterjorment l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan ir-Regolament sabiex jiżguraw applikazzjoni u interpretazzjoni effettivi ta’ dawk ir-regoli. Għaldaqstant, il-marġni ta’ diskrezzjoni, li l-Istati Membri għandhom f’dan ir-rigward, għandu jżomm bilanċ bejn il-protezzjoni tal-ħajja privata u d-data personali u l-moviment liberu ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika.

(8)Dan ir-Regolament għandu japplika għal fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, għal fornituri ta’ direttorji disponibbli pubblikament, u għal fornituri ta’ softwer li jippermetti komunikazzjoni elettronika, inklużi l-irkupru u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni fuq l-Internet. Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal persuni fiżiċi u ġuridiċi li jużaw servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika biex jibagħtu komunikazzjoni kummerċjali ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta jew jiġbru informazzjoni relatata ma’ jew maħżuna f’tagħmir terminali tal-utenti aħħarin.

(9)Dan ir-Regolament għandu japplika għal data ta’ komunikazzjoni elettronika pproċessata b’konnessjoni mal-forniment u l-użu ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni, irrispettivament minn jekk l-ipproċessar iseħħx fl-Unjoni jew le. Barra minn hekk, biex l-utenti aħħarin fl-Unjoni ma jiġux imċaħħda minn protezzjoni effettiva, dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal data ta’ komunikazzjoni elettronika pproċessata b’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika minn barra l-Unjoni għal utenti aħħarin fl-Unjoni.

(10)It-tagħmir tar-radju u s-softwer tiegħu li jitqiegħdu fis-suq intern fl-Unjoni, għandhom jikkonformaw mad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 23 . Dan ir-Regolament ma għandu jaffettwa l-applikabbiltà tal-ebda wieħed mir-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/53/UE u lanqas is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta atti delegati skont id-Direttiva 2014/53/UE li tirrikjedi li kategoriji jew klassijiet speċifiċi ta’ tagħmir tar-radju jinkorporaw salvagwardji biex jiżguraw li d-data personali u l-privatezza tal-utenti aħħarin ikunu protetti.

(11)Is-servizzi użati għal finijiet ta’ komunikazzjoni, u l-mezzi tekniċi tal-forniment tagħhom, evolvew b’mod konsiderevoli. L-utenti aħħarin qed jissostitwixxu dejjem aktar it-telefonija bil-vuċi tradizzjonali, il-messaġġi testwali (SMS) u servizzi biex tintbagħat il-posta elettronika b’servizzi onlajn funzjonalment ekwivalenti bħal Vuċi fuq IP (Voice over IP), servizzi ta’ messaġġi u servizzi ta’ posta elettronika bbażati fuq il-web. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva u ugwali tal-utenti aħħarin meta jkunu qed jużaw servizzi funzjonalment ekwivalenti, dan ir-Regolament juża d-definizzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika kif imniżżla fid-[Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjoni Elettronika 24 ]. Dik id-definizzjoni tinkludi mhux biss servizzi ta’ aċċess għall-Internet u servizzi li jikkonsistu kompletament jew parzjalment fit-twassil ta’ sinjali iżda anki servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali, li jistgħu jew jistgħu ma jkunux ibbażati fuq numri, bħal pereżempju, Vuċi fuq IP, servizzi ta’ messaġġi u servizzi ta’ posta elettronika bbażati fuq il-web. Il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni hija kruċjali anki fir-rigward ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali li hija anċillari għal servizz ieħor; għaldaqstant, dan it-tip ta’ servizzi li għandhom ukoll funzjonalità ta’ komunikazzjoni għandu jkun kopert minn dan ir-Regolament.

(12)Apparati u makkinarji konnessi qed jikkomunikaw dejjem aktar ma’ xulxin bl-użu ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika (Internet tal-Oġġetti). It-trażmissjoni ta’ komunikazzjonijiet minn magna għal magna tinvolvi t-twassil ta’ sinjali fuq netwerk u, għalhekk, normalment tikkostitwixxi servizz ta’ komunikazzjoni elettronika. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni sħiħa tad-drittijiet għall-privatezza u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, u biex jiġi promoss Internet tal-Oġġetti fdat u sigur fis-suq uniku diġitali, jeħtieġ li jiġi ċċarat li dan ir-Regolament għandu japplika għat-trażmissjoni ta’ komunikazzjonijiet minn magna għal magna. Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ kunfidenzjalità minqux f’dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għat-trażmissjoni ta’ komunikazzjonijiet minn magna għal magna. Salvagwardji speċifiċi jistgħu jiġu adottati wkoll taħt leġiżlazzjoni settorjali, bħal pereżempju d-Direttiva 2014/53/UE.

(13)L-iżvilupp ta’ teknoloġiji mingħajr wajers rapidi u effiċjenti rawwem id-disponibbiltà li qed tiżdied għall-pubbliku ta’ aċċess għall-Internet permezz ta’ netwerks mingħajr wajers aċċessibbli minn kwalunkwe peruna fi spazji pubbliċi u semiprivati bħal “hotspots” f’postijiet differenti ġewwa belt, stabbilimenti, ċentri kummerċjali u sptarijiet. Peress li dawk in-netwerks ta’ komunikazzjoni huma pprovduti lil grupp mhux definit ta’ utenti aħħarin, il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet trażmessi permezz ta’ netwerks tali għandha tkun protetta. Il-fatt li servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika mingħajr wajers jistgħu jkunu anċillari għal servizzi oħra ma għandux ifixkel milli tiġi żgurata l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tad-data tal-komunikazzjonijiet u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika għal data ta’ komunikazzjoni elettronika li tuża servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u netwerks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi. B’kuntrast, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal gruppi magħluqa ta’ utenti aħħarin bħal netwerks korporattivi, li l-aċċess għalihom huwa limitat għal membri tal-korporazzjoni.

(14)Data ta’ komunikazzjoni elettronika għandha tiġi ddefinita b’mod suffiċjentement wiesa’ u teknoloġikament newtrali biex tiġi inkluża kwalunkwe informazzjoni dwar il-kontenut trażmess jew skambjat (kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika) u l-informazzjoni dwar utent aħħari ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika pproċessata għall-finijiet tat-trażmissjoni, id-distribuzzjoni jew il-faċilitazzjoni tal-iskambju ta’ kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika; inkluża data biex jiġu ttraċċati u identifikati s-sors u d-destinazzjoni ta’ komunikazzjoni, post ġeografiku u d-data, il-ħin, it-tul u t-tip ta’ komunikazzjoni. Jekk dawn is-sinjali u d-data relatata jitwasslux b’wajer, radju, mezzi ottiċi jew elettromanjetiċi, inklużi netwerks satellitari, netwerks bil-kejbil, netwerks terrestri fissi (trażmessi b’ċirkwit u trażmessi b’pakkett, inkluż l-Internet) u mobbli, sistemi bil-kejbil tal-elettriku, id-data relatata ma’ sinjali tali għandha titqies bħala metadata ta’ komunikazzjoni elettronika u għaldaqstant tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-metadata ta’ komunikazzjoni elettronika tista’ tinkludi informazzjoni li hija parti mill-abbonament għas-servizz meta tali informazzjoni tiġi pproċessata għall-finijiet tat-trażmissjoni, id-distribuzzjoni jew l-iskambju ta’ kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika.

(15)Data ta’ komunikazzjoni elettronika għandha tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali. Dan ifisser li kwalunkwe interferenza fit-trażmissjoni ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika, kemm jekk direttament b’intervent uman kif ukoll jekk permezz tal-intermedjazzjoni ta’ pproċessar awtomatizzat b’magni, mingħajr il-kunsens tal-partijiet kollha għall-komunikazzjoni għandha tiġi pprojbita. Il-projbizzjoni tal-interċezzjoni ta’ data ta’ komunikazzjonijiet għandha tapplika waqt li tkun qed tintbagħat, jiġifieri sakemm l-indirizzat maħsub tal-komunikazzjoni elettronika ikun irċieva l-kontenut. L-interċezzjoni ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika tista’ sseħħ, pereżempju, meta xi ħadd ieħor minbarra l-partijiet għall-komunikazzjoni, jisma’ t-telefonati, jaqra, jiskennja jew jaħżen il-kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika, jew il-metadata assoċjata għal finijiet oħra minbarra għall-iskambju ta’ komunikazzjonijiet. L-interċezzjoni sseħħ ukoll meta partijiet terzi jissorveljaw siti web miżjura, il-ħin taż-żjarat, l-interazzjoni mal-oħrajn, eċċ., mingħajr il-kunsens tal-utent aħħari kkonċernat. Hekk kif it-teknoloġija tevolvi, il-modi tekniċi ta’ kif issir l-interċezzjoni żdiedu ukoll. Modi tali jistgħu jvarjaw mill-installazzjoni ta’ tagħmir li jiġbor data minn tagħmir terminali fuq żoni mmirati, bħall-hekk imsejħa IMSI (Identità Internazzjonali ta’ Abbonati tal-Mowbajl) catchers, sa programmi u tekniki li, pereżempju, jissorveljaw bil-moħbi l-attitudnijiet ta’ bbrawżjar bil-għan li joħolqu profili tal-utenti aħħarin. Eżempji oħra ta’ interċezzjoni jinkludu l-ħtif ta’ data ta’ payload jew data ta’ kontenut minn netwerks u ruters mingħajr wajers mhux kriptati, inklużi l-attitudnijiet ta’ bbrawżjar mingħajr il-kunsens tal-utenti aħħarin.

(16)Il-projbizzjoni ta’ ħżin ta’ komunikazzjonijiet mhix maħsuba biex jiġi pprojbit kwalunkwe ħżin awtomatiku, intermedju u tranżitorju ta’ din l-informazzjoni sa fejn dan iseħħ għall-uniku għan li ssir it-trażmissjoni fin-netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika. Ma għandu jipprojbixxi la l-ipproċessar ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-kontinwità tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, inkluż l-ikkontrollar ta’ theddid għas-sigurtà bħall-preżenza ta’ malwar jew l-ipproċessar ta’ metadata biex tiġi żgurata l-kwalità meħtieġa ta’ rekwiżiti ta’ servizz, bħall-latenza, jitter, eċċ.

(17)L-ipproċessar ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika jista’ jkun utli għan-negozji, il-konsumaturi u s-soċjetà in ġenerali. Vis-à-vis id-Direttiva 2002/58/KE, dan ir-Regolament iwessa’ l-possibbiltajiet għall-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika biex jipproċessaw metadata ta’ komunikazzjoni elettronika, abbażi tal-kunsens ta’ utenti aħħarin. Madankollu, l-utenti aħħarin jagħtu importanza kbira lill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet tagħhom, inklużi l-attivitajiet onlajn tagħhom, u li jridu jikkontrollaw l-użu ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika għall-finijiet oħra minbarra biex titwassal il-komunikazzjoni. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jirrikjedi li l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jiksbu l-kunsens tal-utenti aħħarin biex jipproċessaw metadata ta’ komunikazzjoni elettronika, li għandha tinkludi data dwar fejn jinsab l-apparat iġġenerata għall-għan li jingħataw u jinżammu l-aċċess u l-konnessjoni mas-servizz. Id-data dwar il-lok iġġenerata barra mill-kuntest tal-forniment ta’ servizzi ta' komunikazzjoni elettronika m’għandhiex titqies bħala metadata. Eżempji ta’ użi kummerċjali ta’ metadata ta’ komunikazzjoni elettronika minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jistgħu jinkludu l-forniment ta’ heatmaps; rappreżentazzjoni grafika ta’ data bl-użu ta’ kuluri biex tiġi indikata l-preżenza ta’ individwi. Biex jintwerew il-movimenti tat-traffiku f’ċerti direzzjonijiet waqt ċertu perjodu ta’ ħin, huwa neċessarju identifikatur biex iqabbel il-pożizzjonijiet tal-individwi f’ċerti intervalli ta’ ħin. Dan l-identifikatur ikun nieqes kieku kellha tintuża data anonima u moviment tali ma jkunx jista’ jintwera. Użu tali ta’ metadata ta’ komunikazzjoni elettronika jista’, pereżempju, ikun ta’ benefiċċju għall-awtoritajiet pubbliċi u operaturi ta’ trasport pubbliku biex jiddefinixxu fejn għandhom jiżviluppaw infrastruttura ġdida, abbażi tal-użu ta’ u l-pressjoni fuq l-istruttura eżistenti. Fejn tip ta’ pproċessar ta’ metadata ta’ komunikazzjoni elettronika, b’mod partikolari bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda, u b’kont meħud tan-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar, x’aktarx jirriżulta f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi, qabel l-ipproċessar għandhom isiru valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data, u skont ma jkun il-każ, konsultazzjoni mal-awtorità superviżorja, skont l-Artikoli 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2016/679.

(18)L-utenti aħħarin jistgħu jagħtu l-kunsens għall-ipproċessar tal-metadata tagħhom biex jirċievu servizzi speċifiċi bħal servizzi ta’ protezzjoni kontra attivitajiet frodulenti (permezz tal-analizzar tad-data ta’ użu, il-post u l-kont tal-klijent fi żmien reali). Fl-ekonomija diġitali, is-servizzi ta’ spiss huma fornuti b’kontra-prestazzjoni li ma tkunx flus, pereżempju billi l-utenti aħħarin ikunu esposti għal reklami. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kunsens ta’ utent aħħari, irrispettivament minn jekk dan tal-aħħar ikunx persuna fiżika jew ġuridika, għandu jkollu l-istess tifsira u jkun soġġett għall-istess kundizzjonijiet bħall-kunsens tas-suġġett ta’ data taħt ir-Regolament (UE) 2016/679. Aċċess għall-internet broadband bażiku u servizzi ta’ komunikazzjonijiet bil-vuċi għandhom jiġu meqjusa bħala servizzi essenzjali biex l-individwi jkunu jistgħu jikkomunikaw u jieħdu sehem fil-benefiċċji tal-ekonomija diġitali. Il-kunsens għall-ipproċessar ta’ data mill-użu tal-Internet jew tal-komunikazzjoni bil-vuċi mhux ser ikun validu jekk is-suġġett tad-data ma jkollux għażla ġenwina u libera, jew jekk ma jkunx jista’ jirrifjuta jew jirtira l-kunsens tiegħu mingħajr dannu.

(19)Il-kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika jappartjeni għall-essenza tad-dritt fundamentali għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dar u l-komunikazzjonijiet protett taħt l-Artikolu 7 tal-Karta. Kwalunkwe interferenza fil-kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika għandha titħalla biss taħt kundizzjonijiet iddefiniti ċari ħafna, għal finijiet speċifiċi u tkun soġġetta għal salvagwardji adegwati kontra abbuż. Dan ir-Regolament jipprevedi l-possibbiltà li l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jipproċessaw data ta’ komunikazzjoni elettronika fi tranżitu, bil-kunsens infurmat tal-utenti aħħarin ikkonċernati kollha. Pereżempju, il-fornituri jistgħu joffru servizzi li jinvolvu l-iskennjar ta’ posta elettronika biex ineħħu ċertu materjal iddefinit minn qabel. Minħabba s-sensittività tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet, dan ir-Regolament jistabbilixxi preżunzjoni li l-ipproċessar ta’ tali data ta’ kontenut ser jirriżulta f’riskji għolja għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi. Fl-ipproċessar ta’ tip ta’ data tali, il-fornitur tas-servizz ta’ komunikazzjoni elettronika għandu dejjem jikkonsulta l-awtorità superviżorja qabel l-ipproċessar. Konsultazzjoni tali għandha tkun skont l-Artikolu 36 (2) u (3) tar-Regolament (UE) 2016/679. Il-preżunzjoni ma tinkludix l-ipproċessar ta’ data ta’ kontenut biex jiġi pprovdut servizz mitlub mill-utent aħħari meta l-utent aħħari jkun ta l-kunsens tiegħu għal ipproċessar tali u jitwettaq għall-finijiet u t-tul ta’ żmien strettament neċessarju u proporzjonat għal servizz tali. Wara li kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika jkun intbagħat mill-utent aħħari u ġie riċevut mill-utent aħħari jew l-utenti aħħarin maħsuba, dan jista’ jiġi rrekordjat jew maħżun mill-utent aħħari, l-utenti aħħarin jew minn parti terza mogħtija l-kompiti minnhom li tirrekordja jew taħżen tali data. Kwalunkwe pproċessar ta’ data tali għandu jkun konformi mar-Regolament (UE) 2016/679.

(20)Tagħmir terminali ta’ utenti aħħarin ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika u kwalunkwe informazzjoni relatata mal-użu ta’ tagħmir terminali tali, kemm jekk maħżuna f’tali tagħmir jew emessa minnu, mitluba minn jew ipproċessata sabiex ikun jista’ jagħmel konnessjoni ma’ apparat ieħor u jew tagħmir tan-netwerk, huma parti mill-isfera privata tal-utenti aħħarin li jirrikjedu protezzjoni taħt il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali. Peress li tagħmir tali fih jew jipproċessa informazzjoni li tista’ tiżvela dettalji ta’ kumplessitajiet emottivi, politiċi u soċjali ta’ individwu, inkluż il-kontenut ta’ komunikazzjonijiet, ritratti, il-post tal-individwi billi jkun hemm aċċess għall-kapaċitajiet ta’ GPS tal-apparat, listi ta’ kuntatt, u informazzjoni oħra diġà maħżuna fl-apparat, l-informazzjoni relatata ma’ tagħmir tali tirrikjedi protezzjoni tal-privatezza mtejba. Barra minn hekk, l-hekk imsejjaħ spyware, web bugs, identifikaturi moħbija, cookies ta’ traċċar u għodda ta’ traċċar mhux mixtieqa simili oħra jistgħu jidħlu fit-tagħmir terminali tal-utent aħħar mingħajr ma jkunu jafu sabiex jiksbu aċċess għal informazzjoni, biex jaħżnu informazzjoni moħbija u biex jitraċċaw l-attivitajiet. Informazzjoni relatata mal-apparat tal-utent aħħari tista’ tinġabar ukoll mill-bogħod għall-fini tal-identifikazzjoni u l-ittraċċar, bl-użu ta’ tekniki bħall-hekk imsejħa “magna għat-teħid tal-marki tas-swaba’”, ta’ spiss mingħajr ma jkun jaf l-utent aħħari, u tista’ tkun ta’ intrużjoni serja fil-privatezza ta’ dawn l-utenti aħħarin. Tekniki li jissorveljaw bil-moħbi l-azzjonijiet tal-utenti aħħarin, pereżempju bl-ittraċċar tal-attivitajiet tagħhom onlajn jew tal-post tat-tagħmir terminali tagħhom, jew jaqilbu l-ħidma tat-tagħmir terminali tal-utenti aħħarin huma ta’ theddida serja għall-privatezza tal-utenti aħħarin. Għaldaqstant, kwalunkwe interferenza tali mat-tagħmir terminali tal-utent aħħari għandha titħalla biss bil-kunsens tal-utent aħħari u għal finijiet speċifiċi u trasparenti.

(21)Eċċezzjonijiet għall-obbligu li jinkiseb kunsens biex isir użu mill-kapaċitajiet ta’ pproċessar u ħżin ta’ tagħmir terminali jew biex ikun hemm aċċess għal informazzjoni maħżuna f’tagħmir terminali għandhom ikunu limitati għal sitwazzjonijiet li ma jinvolvu l-ebda intrużjoni tal-privatezza jew intrużjoni limitata ħafna biss. Pereżempju, ma għandux jintalab il-kunsens għall-awtorizzazzjoni tal-ħżin tekniku jew l-aċċess strettament meħtieġa u proporzjonati għall-fini leġittimu li jsir possibbli l-użu ta’ servizz speċifiku espliċitament mitlub mill-utent aħħari. Dan jista’ jinkludi l-ħżin ta’ cookies għat-tul ta’ sessjoni stabbilita unika fuq sit web biex jinżamm rekord tal-input tal-utent aħħari meta jkunu qed jimtlew formoli onlajn fuq diversi paġni. Il-cookies jistgħu wkoll ikunu għodda leġittima u utli, pereżempju, biex jitkejjel it-traffiku fuq il-web għal sit web. Fornituri tas-soċjetà tal-informazzjoni li jkunu involuti f’ikkontrollar tal-konfigurazzjoni biex jipprovdu s-servizz f’konformità mas-settings tal-utent aħħari u s-sempliċi lloggjar tal-fatt li l-apparat tal-utent aħħari ma jistax jirċievi kontenut mitlub mill-utent aħħari ma għandhomx jikkostitwixxu aċċess għal apparat tali jew l-użu tal-kapaċitajiet ta’ pproċessar tal-apparat.

(22)Il-metodi użati għall-forniment ta’ informazzjoni u biex jinkiseb il-kunsens tal-utent aħħari għandhom ikunu kemm jista’ jkun faċli għall-utent. Minħabba l-użu persistenti ta’ cookies ta’ traċċar u tekniki ta’ traċċar oħra, l-utenti aħħarin huma dejjem aktar mitluba jipprovdu l-kunsens biex jinħażnu cookies ta’ traċċar tali fit-tagħmir terminali tagħhom. B’riżultat, l-utenti aħħarin huma mgħobbija żżejjed b’talbiet biex jipprovdu kunsens. L-użu ta’ mezzi tekniċi biex jiġi pprovdut kunsens, pereżempju, permezz ta’ settings trasparenti u faċli għall-utent, jista’ jindirizza din il-problema. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-possibbiltà li jiġi espress kunsens bl-użu ta’ settings adatti ta’ brawżer jew applikazzjoni oħra. L-għażliet magħmula mill-utenti aħħarin meta jkunu qed jistabbilixxu s-settings ta’ privatezza ġenerali tagħhom ta’ brawżer jew applikazzjoni oħra għandhom ikunu vinkolanti fuq, u infurzabbli kontra, kwalunkwe parti terza. Il-brawżers tal-web huma tip ta’ applikazzjoni ta’ softwer li jippermetti l-irkupru u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni fuq l-Internet. Tipi oħra ta’ applikazzjonijiet, bħal dawk li jippermettu telefonati u messaġġi jew jipprovdu gwida tar-rotta, ukoll għandhom l-istess kapaċitajiet. Il-brawżers tal-web jimmedjaw ħafna minn dak li jiġri bejn l-utent aħħari u s-sit web. Minn din il-perspettiva, huma jinsabu f’pożizzjoni privileġġata biex ikollhom rwol attiv biex jgħinu lill-utent aħħari jikkontrolla l-fluss ta’ informazzjoni lejn u mit-tagħmir terminali. B’mod aktar partikolari, il-brawżers tal-web jistgħu jintużaw bħala gwardjani, u hekk jgħinu lill-utenti aħħarin biex jipprevjenu l-aċċess jew il-ħżin ta’ informazzjoni mit-tagħmir terminali tagħhom (pereżempju smart phone, tablet jew kompjuter).

(23)Il-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ data bid-disinn u b’mod awtomatiku ġew ikkodifikati taħt l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2016/679. Attwalment, is-settings awtomatiċi għal cookies fil-biċċa l-kbira tal-brawżers attwali huma stabbiliti fuq “aċċetta l-cookies kollha”. Għaldaqstant il-fornituri ta’ softwer li jippermetti l-irkupru u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni fuq l-Internet għandu jkollhom obbligu li jikkonfiguraw s-softwer b’tali mod li joffri l-opzjoni li partijiet terzi ma jitħallewx jaħżnu informazzjoni fuq it-tagħmir terminali; din ta’ spiss tiġi ppreżentata bħala “irrifjuta cookies ta’ parti terza”. L-utenti aħħarin għandhom jiġu offruti sett ta’ opzjonijiet ta’ settings tal-privatezza, li jvarjaw minn aktar għolja (pereżempju, “taċċetta qatt cookies”) sa aktar baxxi (pereżempju, “dejjem aċċetta cookies”) u intermedji (pereżempju, “irrifjuta cookies ta’ parti terza” jew “aċċetta biss cookies tal-ewwel parti”). Settings tal-privatezza tali għandhom jiġu ppreżentati b’mod faċilment viżibbli u intelliġibbli.

(24)Biex brawżers tal-web ikunu jistgħu jiksbu l-kunsens tal-utenti aħħarin kif iddefinit taħt ir-Regolament (UE) 2016/679, pereżempju, għall-ħżin ta’ cookies ta’ traċċar ta’ parti terza, dawn għandhom, fost oħrajn, jirrikjedu azzjoni affermattiva ċara mill-utent aħħari ta’ tagħmir terminali biex juri l-qbil tiegħu jew tagħha mogħti liberalment, infurmat speċifiku, u mhux ambigwu għall-ħżin u l-aċċess ta’ tali cookies fit-tagħmir terminali u minnu. Azzjoni tali tista’ tiġi kkunsidrata li hi affermattiva, pereżempju, jekk l-utenti aħħarin huma rikjesti li jagħżlu b’mod attiv “aċċetta cookies ta’ parti terza” biex jikkonfermaw il-qbil tagħhom u huma mogħtija l-informazzjoni neċessarja biex jagħmlu l-għażla. Għal dan il-għan, jeħtieġ li l-fornituri ta’ softwer li jippermetti aċċess għall-Internet ikunu rikjesti li, fil-mument tal-installazzjoni, jinfurmaw lill-utenti aħħarin dwar il-possibbiltà li jagħżlu s-settings ta’ privatezza fost id-diversi opzjonijiet u jitolbuhom jagħmlu għażla. L-informazzjoni pprovduta ma għandhiex tiddiswadi lill-utenti aħħarin milli jagħżlu settings ta’ privatezza aktar għoljin u għandha tinkludi informazzjoni rilevatni dwar ir-riskji assoċjati ma’ li cookies ta’ parti terza jitħallew jinħażnu fil-kompjuter, inkluż il-ġabra ta’ rekords fuq perjodu fit-tul tal-istejjer tal-ibbrawżjar tal-individwi u l-użu ta’ tali rekords biex jintbagħat reklamar immirat. Il-brawżers tal-web huma mħeġġa biex jipprovdu modi faċli biex l-utenti aħħarin jibdlu s-settings tal-privatezza fi kwalunkwe ħin waqt l-użu u biex jippermettu lill-utent jagħmel eċċezzjonijiet għal, jew li jistabbilixxi “lista bajda” ta’ ċerti siti web jew li jispeċifika għal liema siti web cookies ta’ parti (terza) huma dejjem permessi jew ma huma qatt permessi.

(25)L-aċċess għal netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika jirrikjedi l-emissjoni regolari ta’ ċerti pakketti ta’ data sabiex tkun skoperta jew miżmuma konnessjoni man-netwerk jew apparti oħra fuq in-netwerk. Barra minn hekk, l-apparti għandu jkollhom indirizz uniku assenjat sabiex ikunu identifikabbli fuq dak in-netwerk. Standards tal-telefonija mingħajr wajers u ċellulari bl-istess mod jinvolvu l-emissjoni ta’ sinjali attivi li jkun fihom identifikaturi uniċi bħal indirizz MAC, l-IMEI (International Mobile Station Equipment Identity - Identità tat-Tagħmir ta’ Stazzjon Mobbli Internazzjonali), l-IMSI, eċċ. Stazzjon ta’ bażi mingħajr wajers unika (jiġifieri trażmettitur u riċevitur), bħal punt ta’ aċċess mingħajr wajers, għandha firxa speċifika li fiha tista’ tinqabad informazzjoni tali. Tfaċċaw fornituri ta’ servizzi li joffru servizzi ta’ traċċar ibbażati fuq l-iskennjar ta’ informazzjoni relatata ma’ tagħmir b’funzjonalitajiet diversi, inkluż li jiġu magħduda n-nies, li tiġi pprovduta data dwar in-numru ta’ persuni li jkunu qed jistennew fil-kju, il-konferma tan-numru ta’ persuni f’żona speċifika, eċċ. Din l-informazzjoni tista’ tintuża għal finijiet aktar intrużivi, bħal biex jintbagħtu messaġġi kummerċjali lil utenti aħħarin, pereżempju meta jidħlu fi ħwienet, b’offerti personalizzati. Filwaqt li xi wħud minn dawn il-funzjonalitajiet ma jinvolvux riskji għall-privatezza għoljin, xi oħrajn jinvolvu riskji għall-privatezza għoljin, pereżempju dawk li jinvolvu l-ittraċċar ta’ individwi fuq perjodu ta’ żmien, inklużi żjarat ripetuti f’postijiet speċifikati. Il-fornituri involuti f’prattiki tali għandhom juru avviżi prominenti li jkunu jinsabu fix-xifer taż-żona ta’ kopertura li jinfurmaw lill-utenti aħħarin qabel ma jidħlu fiż-żona ddefinita li qed titħaddem it-teknoloġija f’perimetru partikolari, l-għan tal-ittraċċar, il-persuna responsabbli minnu u l-eżistenza ta’ kwalunkwe miżura li l-utent aħħari tat-tagħmir terminali jista’ jieħu biex jimminizza jew iwaqqaf il-ġbir. Informazzjoni addizzjonali għandha tiġi pprovduta fejn data personali hija miġbura skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/679.

(26)Meta l-ipproċessar ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jaqa’ fl-ambitu tiegħu, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-possibbiltà li l-Unjoni jew l-Istati Membri taħt kundizzjonijiet speċifiċi jirrestrinġu bil-liġi ċerti obbligi u drittijiet meta restrizzjoni tali tikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex jiġu ssalvagwardjati interessi pubbliċi speċifiċi inklużi s-sigurtà nazzjonali, id-difiża, is-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika u objettivi importanti oħra ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, jew funzjoni ta’ monitoraġġ, spezzjoni jew regolatorja marbuta mal-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali għal interessi tali. Għaldaqstant, dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-abbiltà tal-Istati Membri li jwettqu interċettazzjoni legali ta’ komunikazzjoni elettronika jew li jieħdu miżuri oħra, jekk neċessarji u proporzjonati biex jissalvagwardjaw l-interessi pubbliċi msemmija hawn fuq, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika għandhom jipprevedu proċeduri adatti biex jiffaċilitaw talbiet leġittimi ta’ awtoritajiet kompetenti, u fejn rilevanti għandu jiġi meqjus ukoll ir-rwol tar-rappreżentant maħtur skont l-Artikolu 3(3).

(27)Fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-linja ta’ telefonata, jeħtieġ li jiġi mħares id-dritt tal-parti li tagħmel it-telefonata li tiċħad il-preżentazzjoni tal-identifikazzjoni tal-linja li minnha tkun qed issir it-telefonata u d-dritt tal-parti li saritilha t-telefonata li tirrifjuta telefonati minn linji mhux identifikati. Ċerti utenti aħħarin, b’mod partikolari linji ta’ għajnuna, u organizzazzjonijiet simili, għandhom interess li jiggarantixxu l-anonimità ta' min jagħmlilhom it-telefonata. Fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ linja konnessa, jeħtieġ li jiġi protett id-dritt u l-interess leġittimu tal-parti li saritilha t-telefonata li tiċħad il-preżentazzjoni tal-identifikazzjoni tal-linja li magħha hija fil-fatt konnessa l-parti li tagħmel it-telefonata.

(28)Hemm ġustifikazzjoni biex tiġi prijoritizzata l-eliminazzjoni tal-preżentazzjoni tal-identifikazzjoni tal-linja ta’ telefonata f'każijiet speċifiċi. Id-drittjiet tal-utenti aħħarin għall-privatezza fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-linja ta’ telefonata għandhom jiġu ristretti fejn dan huwa neċessarju biex jiġu ttraċċati telefonati malizzjużi u fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-linja ta’ telefonata u d-data dwar il-post fejn dan huwa neċessarju biex servizzi tal-emerġenza, bħall-eCall, ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom bl-aktar mod effettiv possibbli.

(29)Teżisti teknoloġija li tippermetti lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li jillimitaw b’modi differenti r-riċeviment ta’ telefonati mhux mixtieqa mill-utenti aħħarin, inkluż li jiġu bblokkati telefonati silenzjużi u telefonati frodulenti u malizzjużi oħra. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq numru li huma pubblikament disponibbli għandhom jagħmlu użu minn din it-teknoloġija u jipproteġu lill-utenti aħħarin minn telefonati malizzjużi u mingħajr ħlas. Il-fornituri għandhom jiżguraw li l-utenti aħħarin ikunu konxji tal-eżistenza ta’ funzjonalitajiet tali, pereżempju, billi jippubbliċizzaw il-fatt fuq il-paġna web tagħhom.

(30)Direttorji pubblikament disponibbli ta’ utenti aħħarin ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika huma mqassma b’mod wiesa’. Direttorji pubblikament disponibbli jfisser kwalunkwe direttorju jew servizz li jkun fih informazzjoni dwar utenti aħħarin bħal numri tat-telefown (inklużi numri tal-mowbajl), id-dettalji ta’ kuntatt tal-indirizz tal-posta elettronika u jinkludi servizzi ta’ indaġni. Id-dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali ta’ persuna fiżika jirrikjedi li l-utenti aħħarin li huma persuni fiżiċi jintalbu l-kunsens qabel ma d-data personali tagħhom tiġi inkluża f’direttorju. L-interess leġittimu ta’ entitajiet ġuridiċi jirrikjedi li l-utenti aħħarin li huma entitajiet ġuridiċi jkollhom id-dritt li joġġezzjonaw għall-fatt li d-data relatata magħhom tiġi inkluża f’direttorju.

(31)Jekk l-utenti aħħarin li huma persuni fiżiċi jagħtu l-kunsens tagħhom biex id-data tagħhom tiġi inkluża f’direttorji tali, dawn għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw fuq bażi ta’ kunsens liema kategoriji ta’ data personali huma inklużi fid-direttorju (pereżempju isem, indirizz tal-posta elettronika, indirizz tad-dar, isem tal-utent, numru tat-telefown). Barra minn hekk, il-fornituri ta’ direttorji pubblikament disponibbli għandhom jinfurmaw lill-utenti aħħarin bl-għanijiet tad-direttorju u bil-funzjonijiet ta’ tfittxija tad-direttorju qabel ma jinkluduhom f’dak id-direttorju. L-utenti aħħarin għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw b’kunsens fuq il-bażi ta’ liema kategoriji ta’ data personali jistgħu jiġu mfittxija d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom. Il-kategoriji ta’ data personali inklużi fid-direttorju u l-kategoriji ta’ data personali abbażi ta’ liema dettalji ta’ kuntatt tal-utent aħħari jistgħu jiġu mfittxija ma għandhomx neċessarjament ikunu l-istess.

(32)F’dan ir-Regolament, kummerċjalizzazzjoni diretta tirreferi għal kwalunkwe forma ta’ reklamar li permezz tiegħu persuna fiżika jew ġuridika tibgħat komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta direttament lil utent aħħari wieħed jew aktar identifikat(i) jew identifikabbli bl-użu ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Minbarra l-offerta ta’ prodotti u servizzi għal finijiet kummerċjali, dan għandu jinkludi wkoll messaġġi mibgħuta minn partiti politiċi li jagħmlu kuntatt ma’ persuni fiżiċi permezz ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika biex jippromwovu l-partiti tagħhom. L-istess għandu japplika għal messaġġi mibgħuta minn organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ oħra biex jappoġġjaw il-finijiet tal-organizzazzjoni.

(33)Għandhom jiġu pprovduti salvagwardji biex l-utenti aħħarin jiġu protetti minn komunikazzjonijiet mhux solleċitati għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, li jistgħu jkunu ta’ intrużjoni fil-ħajja privata tal-utenti aħħarin. Il-livell ta’ intrużjoni fil-privatezza u malizzja huwa meqjus relattivament simili indipendentement mill-firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji u modi użati biex issir din il-komunikazzjoni elettronika, kemm jekk jintużaw sistemi ta’ telefonati u komunikazzjoni awtomatizzati, applikazzjonijiet ta’ messaġġi instantanji, posta elettronika, SMS, MMS, Bluetooth, eċċ. Huwa għaldaqstant iġġustifikat li jkun rikjest li jinkiseb il-kunsens tal-utent aħħari qabel ma tintbagħat komunikazzjoni elettronika kummerċjali għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta lill-utenti aħħarin sabiex jiġu effettivament protetti l-individwi mill-intrużjoni fil-ħajja privata tagħhom kif ukoll l-interess leġittimu ta’ persuni ġuridiċi. Iċ-ċertezza legali u l-ħtieġa li jiġi żgurat li r-regoli li jipproteġu kontra komunikazzjoni elettronika mhux solleċitata jibqgħu tajbin fil-ġejjieni jiġġustifikaw il-ħtieġa li jiġi ddefinit sett uniku ta’ regoli li ma jvarjax skont it-teknoloġija użata biex titwassal din il-komunikazzjoni mhux solleċitata, filwaqt li fl-istess ħin jiġi ggarantit livell ekwivalenti ta’ protezzjoni liċ-ċittadini kollha fl-Unjoni kollha. Madankollu, huwa raġonevoli li jitħalla l-użu tad-dettalji ta’ kuntatt tal-posta elettronika fil-kuntest ta’ relazzjoni eżistenti ma’ klijent biex jiġu offruti prodotti jew servizzi simili. It-tali possibbiltà għandha tapplika biss għall-istess kumpanija li tkun kisbet id-dettalji ta’ kuntatt elettroniċi skont ir-Regolament (UE) 2016/679.

(34)Meta l-utenti aħħarin ikunu pprovdew il-kunsens tagħhom biex jirċievu komunikazzjonijiet mhux solleċitati għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, dawn għandhom xorta waħda jkunu jistgħu jirtiraw il-kunsens tagħhom fi kwalunkwe ħin b’mod faċli. Biex jiġi ffaċilitat l-infurzar effettiv tas-stat tad-dritt dwar messaġġi mhux solleċitati għal kummerċjalizzazzjoni diretta, jeħtieġ li jiġi pprojbit il-ħabi tal-identità u l-użu ta’ identitajiet foloz, indirizzi jew numri tar-ritorn foloz meta jkunu qed jintbagħtu komunikazzjonijiet kummerċjali mhux solleċitati għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta. Komunikazzjonijiet kummerċjali mhux solleċitati għandhom għalhekk ikunu rikonoxxibbli b’mod ċar bħala tali u għandhom jindikaw l-identità tal-persuna ġuridika jew fiżika li tkun qed tittrażmetti l-komunikazzjoni jew f’isem min il-komunikazzjoni qed tiġi trażmessa u tiġi pprovduta l-informazzjoni neċessarja lir-riċevituri biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jopponu li jirċievu messaġġi ta’ kummerċjalizzazzjoni bil-miktub u/jew orali oħra.

(35)Sabiex ikun faċli li l-kunsens jiġi rtirat, il-persuni ġuridiċi jew fiżiċi li jkunu qed iwettqu komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta b’posta elettronika għandhom jippreżentaw link, jew indirizz ta’ posta elettronika validu, li jistgħu jintużaw faċilment mill-utenti aħħarin biex jirtiraw il-kunsens tagħhom. Persuni ġuridiċi jew fiżiċi li jkunu qed iwettqu komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta permezz ta’ telefonati vuċi għal vuċi u permezz tal-awtomatizzazzjoni ta’ sistemi ta’ telefonati u komunikazzjoni għandhom juru l-linja ta’ identità tagħhom li fuqha wieħed jista’ jċempel lill-kumpanija jew jippreżentaw kodiċi speċifiku li jidentifika l-fatt li t-telefonata hija telefonata ta’ kummerċjalizzazzjoni.

(36)Telefonati ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta vuċi għal vuċi li ma jinvolvux l-użu ta’ sistemi awtomatizzati ta’ telefonati u komunikazzjoni, peress li huma aktar għaljin għal min jibgħathom u ma jimponu l-ebda spejjeż finanzjarji fuq l-utenti aħħarin. L-Istati Membri għandhom għalhekk ikunu jistgħu jistabbilixxu u jew iżommu sistemi nazzjonali li jippermettu biss telefonati tali lil utenti aħħarin li ma oġġezzjonawx.

(37)Il-fornituri ta’ servizzi li joffru servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika għandhom jinfurmaw lill-utenti aħħarin b’miżuri li jistgħu jieħdu biex jipproteġu s-sigurtà tal-komunikazzjonijiet tagħhom pereżempju billi jużaw tipi speċifiċi ta’ softwer jew teknoloġiji ta’ kriptaġġ. Ir-rekwiżit li l-utenti aħħarin jiġu infurmati b'riskji ta’ sigurtà partikolari ma jeħlisx lil fonitur ta’ servizz mill-obbligu li jieħu, bi spejjez tiegħu, miżuri adatti u immedjati biex jirrimedja kwalunkwe riskju ta' sigurtà ġdid u imprevist u li jistabbilixxi mill-ġdid il-livell ta' sigurtà normali tas-servizz. Il-forniment ta’ informazzjoni dwar ir-riskji ta’ sigurtà għall-abbonat għandu jkun mingħajr ħlas. Is-sigurtà hija evalwata fid-dawl tal-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/679.

(38)Biex tkun żgurata konsistenza sħiħa mar-Regolament (UE) 2016/679, l-infurzar tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi fdat f’idejn l-istess awtoritajiet responsabbli mill-infurzar tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 u dan ir-Regolament iserraħ fuq il-mekkaniżmu ta’ konsistenza tar-Regolament (UE) 2016/679. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jkollhom aktar minn awtorità superviżorja waħda, biex jirriflettu l-istruttura kostituzzjonali, organizzattiva u amministrattiva tagħhom. L-awtoritajiet superviżorji għandhom ikunu responsabbli wkoll mill-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika għal entitajiet ġuridiċi. Kompiti addizzjonali tali ma għandhomx jipperikolaw l-abbiltà tal-awtorità superviżorja li twettaq il-kompiti tagħha fir-rigward tal-protezzjoni ta’ data personali taħt ir-Regolament (UE) 2016/679 u dan ir-Regolament. Kull awtorità superviżorja għandha tiġi pprovduta bir-riżorsi finanzjarji u umani addizzjonali, il-post u l-infrastruttura meħtieġa għat-twettiq effettiv tal-kompiti taħt dan ir-Regolament.

(39)Kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti fit-territorju tal-Istat Membru proprju tagħha biex teżerċita s-setgħat u biex twettaq il-kompiti stabbliti f’dan ir-Regolament. Sabiex jiġu żgurati l-monitoraġġ u l-infurzar konsistenti ta’ dan ir-Regolament fl-Unjoni kollha, l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom l-istess kompiti u setgħat effettivi f’kull Stat Membru, mingħajr ħsara għas-setgħat tal-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni taħt il-liġi tal-Istat Membru, biex iressqu ksur ta’ dan ir-Regolament għall-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji u biex jibdew proċedimenti legali. L-Istati Membri u l-aworitajiet superviżorji tagħhom huma mħeġġa jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(40)Sabiex jissaħħaħ l-infurzar tar-regoli ta’ dan ir-Regolament, kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħa timponi penali inklużi multi amministrattivi għal kwalunkwe ksur ta’ dan ir-Regolament, flimkien, jew minflok kwalunkwe miżura adatta oħra skont dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament għandu jindika l-ksur u l-limitu massimu u l-kriterji biex jiġu stabbiliti l-multi amministrattivi relatati, li għandhom jiġu ddeterminati mill-awtorità superviżorja kompetenti f'kull każ individwali, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni speċifika, filwaqt li jittieħed kont dovut b'mod partikolari għan-natura, il-gravità u t-tul taż-żmien tal-ksur u tal-konsegwenzi tiegħu u l-miżuri meħudin biex tiġi żgurata konformità mal-obbligi taħt dan ir-Regolament u għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tal-konsegwenzi tal-ksur. Bil-għan li tiġi stabbilita multa taħt dan ir-Regolament, intrapriża għandha tkun mifhuma bħala intrapriża skont l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat.

(41)Sabiex jiġu ssodisfati l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi u b'mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali u biex jiġi żgurat il-moviment liberu ta' data personali fl-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tkun delegata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat biex jissupplimentaw dan ir-Regolament. B’mod partikolari, atti delegati għandhom jiġu adottati fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata, inkluż permezz ta’ ikoni standardizzati sabiex tingħata ħarsa ġenerali faċilment viżibbli u intelliġibbli tal-ġabra ta’ informazzjoni maħruġa b’tagħmir terminali, il-finijiet tagħha, il-persuna responsabbli minnha u ta’ kwalunkwe miżura li l-utent aħħari tat-tagħmir terminali jista’ jieħu biex jimminimizza l-ġabra. Atti delegati huma wkoll neċessarji biex jiġi speċifikat kodiċi biex jiġu identifikati telefonati ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta inklużi dawk magħmula permezz ta’ sistemi awtomatizzati ta’ telefonati u komunikazzjoni. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’April 2016 25 . B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom sistematikament għandhom aċċess għal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li jieħdu ħsieb it-tħejjija ta' atti delegati. Barra minn hekk, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat implimentattivi meta previst minn dan ir-Regolament. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(42)Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi żgurat livell ekwivalenti ta' protezzjoni tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi u l-fluss liberu ta' data ta’ komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni kollha, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(43)Id-Direttiva 2002/58/KE għandha titħassar.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:


KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1
Suġġett

1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi fil-forniment u l-użu ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, u b’mod partikolari, id-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u l-komunikazzjonijiet u l-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.

2.Dan ir-Regolament jiżgura l-moviment liberu ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika u ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni, li la għandu jkun ristrett u lanqas ipprojbit għal raġunijiet relatati mar-rispett għall-ħajja privata u l-komunikazzjonijiet ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi u l-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.

3.Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jippartikularizzaw u jikkomplementaw ir-Regolament (UE) 2016/679 billi jistabbilixxu regoli speċifiċi għall-finijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni materjali

1.Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika mwettqa b’konnessjoni mal-forniment u l-użu ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u għal informazzjoni relatata mat-tagħmir terminali ta’ utenti aħħarin.

2.Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a)attivitajiet li jaqgħu barra l-ambitu tal-liġi tal-Unjoni;

(b)attivitajiet tal-Istati Membri li jaqgħu taħt l-ambitu tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

(c)servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li mhumiex pubblikament disponibbli;

(d)attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inklużi s-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika;

3.L-ipproċessar ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni huwa rregolat mir-Regolament (UE) 00/0000 [Regolament ġdid li jissostitwixxi r-Regolament 45/2001]

4.Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31/KE 26 , b’mod partikolari tar-regoli ta’ responsabbiltà ta’ fornituri ta’ servizz intermedjarju fl-Artikoli 12 sa 15 ta’ dik id-Direttiva.

5.Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/53/UE.

Artikolu 3
Kamp ta’ applikazzjoni u rappreżentant territorjali

1.Dan ir-Regolament japplika għal:

(a)il-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika lil utenti aħħarin fl-Unjoni, irrispettivament minn jekk hux meħtieġ pagament tal-utent aħħari;

(b)l-użu ta' servizzi tali;

(c)il-protezzjoni ta’ informazzjoni relatata mat-tagħmir terminali ta’ utenti aħħarin li jkunu jinsabu fl-Unjoni.

2.Fejn il-fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika mhux stabbilit fl-Unjoni huwa għandu jaħtar bil-miktub rappreżentant fl-Unjoni.

3.Ir-rappreżentant għandu jkun stabbilit f’wieħed mill-Istati Membri fejn ikunu jinsabu l-utenti aħħarin ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika tali.

4.Ir-rappreżentant għandu jkollu s-setgħa li jwieġeb mistoqsijiet u jipprovdi informazzjoni minbarra jew minflok il-fornitur li jirrappreżenta, b’mod partikolari, lill-awtoritajiet superviżorji, u lill-utenti aħħarin, dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-ipproċessar ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika għall-finijiet tal-iżgurar tal-konformità ma’ dan ir-Regolament.

5.Il-ħatra ta’ rappreżentant skont il-paragrafu 2 għandha tkun mingħajr ħsara għal azzjonijiet legali, li jistgħu jinbdew kontra persuna fiżika jew ġuridika li tipproċessa data ta’ komunikazzjoni elettronika b’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika minn barra l-Unjoni lil utenti aħħarin fl-Unjoni.

Artikolu 4
Definizzjonijiet

1.Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)id-definizzjonijiet fir-Regolament (UE) 2016/679;

(b)Id-definizzjonijiet ta’ “netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika”, “servizz ta’ komunikazzjoni elettronika”, “servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali”, “servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali bbażat fuq numru”, “servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti minn numru”, “utent aħħari” u “telefonata” fil-punti (1), (4), (5), (6), (7), (14) u (21) rispettivament tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew dwar Komunikazzjoni Elettronika];

(c)id-definizzjoni ta’ “tagħmir terminali” fil-punt (1) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/63/KE 27 .

2.Għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 1, id-definizzjoni ta’ “servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali” għandha tinkludi servizzi li jippermettu komunikazzjoni interpersonali u interattiva sempliċiment bħala karatteristika anċillari minuri li hija intrinsikament marbuta ma’ servizz ieħor.

3.Barra minn hekk, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)“data ta’ komunikazzjoni elettronika” tfisser kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika u metadata ta’ komunikazzjoni elettronika;

(b)“kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika” tfisser il-kontenut skambjat permezz ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, bħal test, vuċi, vidjows, immaġni, u ħoss;

(c)“metadata ta’ komunikazzjoni elettronika” tfisser data pproċessata f’netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika għall-finijiet tat-trażmissjoni, id-distribuzzjoni jew l-iskambju ta’ kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika; inkluża data użata biex jiġu ttraċċati u identifikati s-sors u d-destinazzjoni ta’ komunikazzjoni, data dwar il-post tal-apparat iġġenerata fil-kuntest tal-forniment ta’ servizzi ta' komunikazzjoni elettronika, u d-data, il-ħin, it-tul u t-tip ta’ komunikazzjoni;

(d)“direttorju pubblikament disponibbli” tfisser direttorju ta’ utenti aħħarin ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, kemm jekk stampat jew f’forma elettronika, li huwa ppubblikat jew imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jew lil sezzjoni tal-pubbliku, inkluż b’mezzi ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar id-direttorju;

(e)“posta elettronika” tfisser kwalunkwe messaġġ elettroniku li jkun fih informazzjoni bħal test, vuċi, vidjo, ħoss jew immaġni mibgħuta fuq netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika li jista’ jinħażen fin-netwerk jew f’faċilitajiet ta’ kompjuters relatati, jew fit-tagħmir terminali ta’ min jirċevih;

(f)“komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta” tfisser kwalunkwe forma ta’ reklamar, kemm jekk bil-miktub jew orali, mibgħut lil utent wieħed jew aktar identifikat(i) jew identifikabbli ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, inkluż l-użu ta’ sistemi awtomatizzati ta’ telefonati u komunikazzjoni b’interazzjoni umana jew mingħajrha, posta elettronika, SMS, eċċ.; 

(g)“telefonati vuċi għal vuċi ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta” tfisser telefonati live, li ma jinkludux l-użu ta’ sistemi ta’ telefonati awtomatizzati u sistemi ta’ komunikazzjoni;

(h)“sistemi awtomatizzati ta’ telefonati u komunikazzjoni” tfisser sistemi li kapaċi awtomatikament jibdew telefonati lil riċevitur wieħed jew aktar skont l-istruzzjonijiet stabbiliti għal dik is-sistema, u li jittrażmettu ħsejjes li mhumiex taħdit live, inklużi telefonati magħmula bl-użu ta’ sistemi awtomatizzati ta’ telefonati u komunikazzjoni li jqabbdu lill-persuna li saritilha t-telefonata ma’ individwu.

KAPTOLU II
PROTEZZJONI TA’ KOMUNIKAZZJONI ELETTRONIKA TA’ PERSUNI FIŻIĊI U ĠURIDIĊI U TA’ INFORMAZZJONI MAĦŻUNA FIT-TAGĦMIR TERMINALI TAGĦHOM

Artikolu 5
Kunfidenzjalità ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika

Id-data ta’ komunikazzjoni elettronika għandha tkun kunfidenzjali. Kwalunkwe interferenza ma’ data ta’ komunikazzjoni elettronika, bħal smigħ, itteppjar, ħżin, monitoraġġ, skennjar jew tipi oħra ta’ interċettazzjoni, sorveljanza jew ipproċessar ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika, minn persuni oħra għajr l-utenti aħħarin, għandha tkun ipprojbita, ħlief meta permessa minn dan ir-Regolament.

Artikolu 6
Proċessar permess ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika

1.Il-fornituri ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi jistgħu jipproċessaw data ta’ komunikazzjoni elettronika jekk:

(a)dan ikun neċessarju biex jiksbu t-trażmissjoni tal-komunikazzjoni, għat-tul ta’ żmien neċessarju għal dak il-għan; jew

(b)dan ikun neċessarju biex tinżamm jew terġa’ tiġi stabbilita s-sigurtà ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, jew biex jinkixfu ħsarat tekniċi u/jew żbalji fit-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni elettronika, għat-tul ta’ żmien neċessarju għal dak il-għan.

2.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jistgħu jipproċessaw metadata ta’ komunikazzjoni elettronika jekk:

(a)dan ikun neċessarju biex tintlaħaq il-kwalità obbligatorja ta’ rekwiżiti ta’ servizz skont [id-Direttiva li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjoni Elettronika] jew ir-Regolament (UE) 2015/2120 28 għat-tul ta’ żmien neċessarju għal dak il-għan; jew

(b)dan huwa neċessarju għal ħruġ ta’ kontijiet, kalkolu ta’ pagamenti ta’ interkonnessjoni, is-sejbien jew it-twaqqif ta’ abbonament frodulenti għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew tal-użu abbużiv tagħhom; jew

(c)l-utent ikkonċernat ta(t) (i)l-kunsens tiegħu jew tagħha għall-ipproċessar tal-metadata ta’ komunikazzjonijiet tiegħu jew tagħha għal fini(jiet) speċifikat(i) wieħed jew aktar, inkluż għall-forniment ta’ servizzi speċifiċi lil utenti aħħarin tali, diment li l-fini jew il-finijiet ikkonċernat(i) ma setax/setgħux jiġi/u ssodisfat(i) bl-ipproċessar ta’ informazzjoni li hija magħmula anonima.

3.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jistgħu jipproċessaw kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika biss:

(a)għall-uniku fini tal-forniment ta’ servizz speċifiku lil utent aħħari, jekk l-utent aħħari jew l-utenti aħħarin ikkonċernat(i) ikun(u) ta(w) (i)l-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tal-kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika tiegħu jew tagħha u l-forniment ta’ dak is-servizz ma jistax jiġi ssodisfat mingħajr l-ipproċessar ta’ kontenut tali; jew

(b)jekk l-utenti aħħarin ikkonċernati kollha taw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tal-kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika tagħhom għal fini(jiet) speċifikat(i) wieħed jew aktar li ma jistax/jistgħux jiġi/u ssodisfat(i) bl-ipproċessar ta’ informazzjoni li hija magħmula anonima, u l-fornitur ikkonsulta l-awtorità superviżorja. Il-punti (2) u (3) tal-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom japplikaw għall-konsultazzjoni tal-awtorità superviżorja.

Artikolu 7
Ħażna u tħassir ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika

1.Mingħajr ħsara għall-punt (b) tal-Artikolu 6(1) u l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 6(3), il-fornitur tas-servizz ta’ komunikazzjoni elettronika għandu jħassar il-kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika jew irendi dik id-data anonima wara li r-riċevitur jew ir-riċevituri maħsuba jkunu rċevew il-kontenut tal-komunikazzjoni elettronika. Data tali tista’ tiġi rrekordjata jew maħżuna mill-utenti aħħarin jew minn parti terza fdata minnhom biex tirrekordja, taħżen jew tipproċessa b’xi mod ieħor data tali, skont ir-Regolament (UE) 2016/679.

2.Mingħajr ħsara għall-punt (b) tal-Artikolu 6(1) u l-punti (a) u (c) tal-Artikolu 6(2), il-fornitur tas-servizz ta’ komunikazzjoni elettronika għandu jħassar il-metadata ta’ komunikazzjoni elettronika jew irendi dik id-data anonima meta ma tkunx aktar meħtieġa għall-fini tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni.

3.Fejn l-ipproċessar ta’ metadata ta’ komunikazzjoni elettronika jseħħ għall-fini tal-ħruġ tal-kontijiet skont il-punt (b) tal-Artikolu 6(2), il-metadata rilevanti tista’ tinżamm sa tmiem il-perjodu li matulu kont jista’ jiġi legalment ikkontestat jew li matulu jista’ jibqa’ jintalab pagament skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 8
Protezzjoni ta’ informazzjoni maħżuna fi u relatata ma’ tagħmir terminali ta’ utenti aħħarin

1.L-użu ta’ kapaċitajiet ta’ pproċessar u ħżin ta’ tagħmir terminali u l-ġbir ta’ informazzjoni mit-tagħmir terminali tal-utenti aħħarin, inkluż dwar is-softwer u l-ħardwer tiegħu, minbarra l-utent aħħari kkonċernat għandu jkun ipprojbit, ħlief għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)dan ikun neċessarju għall-fini uniku tat-twettiq tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni elettronika fuq netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika; jew

(b)l-utent aħħari jkun ta l-kunsens tiegħu jew tagħha; jew

(c)dan ikun neċessarju għall-forniment ta’ servizz ta’ soċjetà tal-informazzjoni mitlub mill-utent aħħari; jew

(d)jekk dan ikun neċessarju għall-kejl tal-udjenza tal-web, diment li tali kejl isir mill-fornitur tas-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni mitlub mill-utent aħħari.

2.Il-ġbir ta’ informazzjoni maħruġa minn tagħmir terminali biex dan ikun jista’ jagħmel konnessjoni ma’ apparat ieħor u, jew ma’ tagħmir tan-netwerk għandu jkun ipprojbit, ħlief jekk:

(a)dan isir esklużivament biex, għall-ħin neċessarju għal, u għall-fini tal-istabbiliment ta’ konnessjoni; jew

(b)jiġi muri avviż ċar u prominenti li jipprovdi informazzjoni dwar, mill-inqas, il-modalitajiet tal-ġbir, l-għanijiet tiegħu, il-persuna responsabbli minnu u l-informazzjoni l-oħra meħtieġa taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/679 fejn tinġabar data personali, kif ukoll kwalunkwe miżura li l-utent aħħari tat-tagħmir terminali jista’ jieħu biex iwaqqaf jew jimminimizza l-ġbir.

Il-ġbir ta’ informazzjoni tali għandu jkun kundizzjonali fuq l-applikazzjoni ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiġi żgurat livell ta’ sigurtà adatt għar-riskji, kif imniżżel fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/679, ġew applikati.

3.L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont il-punt (b) tal-paragrafu 2 tista’ tiġi pprovduta flimkien ma’ ikoni standardizzati sabiex tingħata spjegazzjoni ġenerali sinifikattiva tal-ġbir b’mod faċilment viżibbli, intelliġġibbli u leġġibbli b’mod ċar.

4.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 27 li jiddeterminaw l-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata mill-ikona standardizzata u l-proċeduri għall-forniment ta' ikoni standardizzati.

Artikolu 9
Kunsens

1.Id-definizzjoni ta’ u l-kundizzjonijiet għal kunsens previsti taħt l-Artikoli 4(11) u 7 tar-Regolament (UE) 2016/679/UE għandhom japplikaw.

2.Mingħajr ħsara għall-paragrafu 1, fejn ikun teknikament possibbli u fattibbli, għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 8(1), il-kunsens jista’ jiġi espress bl-użu tas-settings tekniċi adatti ta’ applikazzjoni ta’ softwer li tippermetti l-aċċess għall-Internet.

3.L-utenti aħħarin li jkunu taw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika kif imniżżel fil-punt (c) tal-Artikolu 6(2) u l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 6(3) għandhom jingħataw il-possibbiltà li jirtiraw il-kunsens tagħhom fi kwalunkwe ħin kif stabbilit taħt l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 u jkunu mfakkra dwar din il-possibbiltà f’intervalli perjodiċi ta’ 6 xhur, sakemm l-ipproċessar jitkompla.

Artikolu 10
Informazzjoni u opzjonijiet biex jiġu pprovduti s-settings tal-privatezza

1.Softwer imqiegħed fis-suq li jippermetti komunikazzjoni elettronika, inkluż l-irkupru u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni fuq l-Internet, għandu joffri l-opzjoni li partijiet terzi ma jitħallewx jaħżnu informazzjoni fuq it-tagħmir terminali ta’ utent aħħari jew jipproċessaw informazzjoni diġà maħżuna fuq dak it-tagħmir.

2.Mal-installazzjoni, is-softwer għandu jinforma lill-utent aħħari dwar l-opzjonijiet tas-settings tal-privatezza u, biex ikompli bl-installazzjoni, għandu jirrikjedi l-kunsens tal-utent aħħari għal setting.

3.Fil-każ ta’ softwer li jkun diġà ġie installat fil-25 ta’ Mejju 2018, ir-rekwiżiti taħt il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu rrispettati fil-mument tal-ewwel aġġornament tas-softwer, iżda mhux aktar tard mill-25 ta’ Awwissu 2018.

Artikolu 11
Restrizzjonijiet

1.Il-liġi tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tista’ tirrestrinġi bis-saħħa ta’ miżura leġiżlattiva l-ambitu tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 5 sa 8 fejn restrizzjoni tali tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura neċessarja, adatta u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’ wieħed jew aktar mill-interessi pubbliċi ġenerali msemmija fl-Artikolu 23(1)(a) sa (e) tar-Regolament (UE) 2016/679 jew funzjoni ta’ monitoraġġ, spezzjoni jew regolatorja marbuta mal-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali għal interessi tali.

2.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika għandhom jistabbilixxu proċeduri interni biex iwieġbu għal talbiet għal aċċess għal data ta’ komunikazzjoni elettronika tal-utenti aħħarin abbażi ta’ miżura leġiżlattiva adottata skont il-paragrafu 1. Huma għandhom jipprovdu lill-awtorità superviżorja kompetenti, fuq talba, b’informazzjoni dwar dawk il-proċeduri, in-numru ta’ talbiet li jkunu waslu, il-ġustifikazzjoni legali invokata u t-tweġibiet tagħhom.

KAPITOLU III
DRITTIJIET TA’ PERSUNI FIŻIĊI U ĠURIDIĊI LI JIKKONTROLLAW KOMUNIKAZZJONI ELETTRONIKA

Artikolu 12
Preżentazzjoni u restrizzjoni ta' identifikazzjoni tal-linja konnessa u ta’ telefonata

1.Fejn il-preżentazzjoni tal-identifikazzjoni tal-linja konnessa u ta’ telefonata hija offruta skont l-Artikolu [107] tad-[Direttiva li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjoni Elettronika], il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq numru pubblikament disponibbli għandhom jipprovdu dan li ġej:

(a)l-utent aħħari li jkun qed jagħmel it-telefonata bil-possibbiltà li jipprevjeni l-preżentazzjoni tal-identifikazzjoni tal-linja ta’ telefonata fuq bażi ta’ kull telefonata, ta’ kull konnessjoni jew permanenti;

(b)l-utent aħħari li saritlu t-telefonata bil-possibbiltà li jipprevjeni l-preżentazzjoni tal-identifikazzjoni tal-linja ta’ telefonata ta’ telefonati li jkunu deħlin;

(c)l-utent aħħari li saritlu t-telefonata bil-possibbiltà li jirrifjuta telefonati li jkunu deħlin fejn il-preżentazzjoni tal-identifikazzjoni tal-linja ta’ telefonata tkun ġiet prevenuta mill-utent aħħari li jkun qed jagħmel it-telefonata;

(d)l-utent aħħari li saritlu t-telefonata bil-possibbiltà li jipprevjeni l-preżentazzjoni tal-identifikazzjoni tal-linja konnessa lill-utent aħħari li jkun qed jagħmel it-telefonata.

2.Il-possibbiltajiet imsemmija fil-punti (a), (b), (c) u (d) tal-paragrafu 1 għandhom jiġu pprovduti lill-utenti aħħarin b’mezzi sempliċi u mingħajr ħlas.

3.Il-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu japplika ukoll fir-rigward ta’ telefonati lil pajjiżi terzi li joriġinaw fl-Unjoni. Il-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għal telefonati li jkunu deħlin li joriġinaw f’pajjiżi terzi.

4.Fejn il-preżentazzjoni tal-identifikazzjoni tal-linja konnessa jew ta’ telefonata hija offruta, il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq numru pubblikament disponibbli għandhom jipprovdu informazzjoni lill-pubbliku dwar l-opzjonijiet imniżżla fil-punti (a), (b), (c) u (d) tal-paragrafu 1.

Artikolu 13
Eċċezzjonijiet għall-preżentazzjoni u restrizzjoni tal-identifikazzjoni tal-linja ta’ telefonata u dik konnessa

1.Irrispettivament minn jekk l-utent aħħari li jkun jagħmel it-telefonata jkunx ipprevjena l-preżentazzjoni tal-identifikazzjoni tal-linja ta’ telefonata, fejn issir telefonata lil servizzi tal-emerġenza, il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq numru pubblikament disponibbli għandhom jinjoraw l-eliminazzjoni tal-preżentazzjoni tal-identifikazzjoni tal-linja ta’ telefonata u ċ-ċaħda jew in-nuqqas ta’ kunsens ta’ utent aħħari għall-ipproċessar ta’ metadata, fuq bażi ta’ kull linja għal organizzazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza, inklużi punti ta’ rispons ta’ sigurtà pubblika, bil-għan li jkun hemm rispons għal komunikazzjonijiet tali. 

2.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi fir-rigward tal-istabbiliment ta’ proċeduri u ċ-ċirkostanzi fejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq numru pubblikament disponibbli għandhom jinjoraw l-eliminazzjoni tal-preżentazzjoni tal-identifikazzjoni tal-linja ta’ telefonata fuq bażi temporanja, fejn l-utenti aħħarin jitolbu l-ittraċċar ta’ telefonati malizzjużi jew disturbanti.

Artikolu 14
Ibblukkar ta’ telefonati li jkunu deħlin

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq numru pubblikament disponibbli għandhom jużaw l-aqwa miżuri biex jillimitaw it-telefonati mhux mixtieqa li jirċievu l-utenti aħħarin u għandhom ukoll jipprovdu lill-utent aħħari li saritlu t-telefonata l-possibbiltajiet li ġejjin, mingħajr ħlas:

(a)li jibblokka telefonati li jkunu deħlin minn numri speċifiċi jew minn sorsi anonimi;

(b)li jwaqqaf it-trasferiment awtomatiku ta’ telefonati minn parti terza għat-tagħmir terminali tal-utent aħħari.

Artikolu 15
Direttorji pubblikament disponibbli

1.Il-fornituri ta’ direttorji pubblikament disponibbli għandhom jiksbu l-kunsens tal-utenti aħħarin li huma persuni fiżiċi biex jinkludu d-data personali tagħhom fid-direttorju u, b’konsegwenza, għandhom jiksbu l-kunsens minn dawn l-utenti aħħarin għall-inklużjoni ta’ data skont il-kategorija ta’ data personali, sa fejn data tali tkun rilevanti għall-fini tad-direttorju kif iddeterminat mill-fornitur tad-direttorju. Il-fornituri għandhom jagħtu lill-utenti aħħarin li huma persuni fiżiċi l-mezzi biex jivverifikaw, jikkoreġu u jħassru data tali.

2.Il-fornituri ta’ direttorju pubblikament disponibbli għandhom jinfurmaw lill-utenti aħħarin li huma persuni fiżiċi li d-data personali tagħhom tinsab fid-direttorju bil-funzjonijiet ta’ tfittxija disponibbli tad-direttorju u jiksbu l-kunsens tal-utenti aħħarin qabel ma jippermettu funzjonijiet ta’ tfttxija tali relatati mad-data proprja tagħhom.

3.Il-fornituri ta’ direttorji pubblikament disponibbli għandhom jipprovdu lill-utenti aħħarin li huma persuni ġuridiċi bil-possibbiltà li joġġezzjonaw għall-fatt li data relatata magħhom tiġi inkluża fid-direttorju. Il-fornituri għandhom jagħtu lil utenti aħħarin tali li huma persuni ġuridiċi l-mezzi biex jivverifikaw, jikkoreġu u jħassru data tali.

4.Il-possibbiltà għall-utenti aħħarin li ma jiġux inklużi f’direttorju pubblikament disponibbli, jew li jivverifikaw, jikkoreġu u jħassru kwalunkwe data relatata magħhom għandha tiġi pprovduta mingħajr ħlas.

Artikolu 16
Komunikazzjonijiet mhux solleċitati

1.Persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jużaw servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika bil-għan li jibagħtu komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta lil utenti aħħarin li huma persuni fiżiċi li taw il-kunsens tagħhom.

2.Fejn persuna fiżika jew ġuridika tikseb id-dettalji ta’ kuntatt elettroniċi għal posta elettronika mill-klijent tagħha, fil-kuntest tal-bejgħ ta’ prodott jew servizz, skont ir-Regolament (UE) 2016/679, dik il-persuna fiżika jew ġuridika tista’ tuża dawn id-dettalji ta’ kuntatt elettroniċi għall-kummerċjalizzazzjoni diretta ta’ prodotti jew servizzi simili proprji tagħha biss jekk il-klijenti b’mod ċar u distintivament jingħataw l-opportunità li joġġezzjonaw, mingħajr ħlas u b’mod faċli, għal użu tali. Id-dritt ta' oġġezzjoni għandu jingħata fil-mument tal-ġbir u kull darba li jintbagħat messaġġ.

3.Mingħajr ħsara għall-paragrafi 1 u 2, persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jużaw servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika għall-finijiet li jsiru telefonati ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta għandhom:

(a)jippreżentaw l-identità ta’ linja li fuqha jistgħu jiġu kkuntattjati; jew

(b)jippreżentaw kodiċi/jew prefiss speċifiku li jidentifika l-fatt li t-telefonata hija telefonata ta’ kummerċjalizzazzjoni.

4.Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu bil-liġi li telefonati vuċi għal vuċi ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta lil utenti aħħarin li huma persuni fiżiċi jistgħu jsiru biss fir-rigward ta’ utenti aħħarin li huma persuni fiżiċi li ma esprimewx l-oġġezzjoni tagħhom li jirċievu dawk il-komunikazzjonijiet.

5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw, fil-qafas tal-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali applikabbli, li l-interess leġittimu ta’ utenti aħħarin li huma persuni ġuridiċi fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet mhux solleċitati mibgħuta b’mezzi stabbiliti taħt il-paragrafu 1 ikun suffiċjentement protett.

6.Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun qed tuża servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika biex tittrażmetti komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta għandha tinforma lill-utenti aħħarin bin-natura ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-komunikazzjoni u bl-identità tal-persuna ġuridika jew fiżika f’isem min qed tiġi trażmessa l-komunikazzjoni u għandha tipprovdi l-informazzjoni neċessarja biex ir-riċevituri jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jirtiraw il-kunsens tagħhom, b’mod faċli, biex jirċievu komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni oħra.

7.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta miżuri implimentattivi skont l-Artikolu 26(2) li jispeċifikaw il-kodiċi/jew il-prefiss biex ikunu identifikati telefonati ta’ kummerċjalizzazzjoni, skont il-punt (b) tal-paragrafu 3.

Artikolu 17
Informazzjoni dwar riskji ta’ sigurtà skoperti

Fil-każ ta’ riskju partikolari li jista’ jikkomprometti s-sigurtà tan-netwerks u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, il-fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika għandu jinforma lill-utenti aħħarin dwar riskju tali u, fejn ir-riskju jaqa’ barra l-ambitu tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-fornitur tas-servizz, jinforma lill-utenti aħħarin bi kwalunkwe rimedju possibbli, inkluża indikazzjoni tal-ispejjeż probabbli involuti.

KAPITOLU IV
AWTORITAJIET SUPERVIŻORJI INDIPENDENTI U INFURZAR

Artikolu 18
Awtoritajiet superviżorji indipendenti

1.L-awtorità superviżorja indipendenti jew l-awtoritajiet responsabbli mill-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom ikunu responsabbli wkoll mill-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-Kapitoli VI u VII tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom japplikaw mutatis mutandis. Il-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji għandhom ikunu eżerċitati fir-rigward tal-utenti aħħarin.

2.L-awtorità superviżorja jew l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkooperaw kull meta jkun il-każ mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali stabbiliti skont id-[Direttiva li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjoni Elettronika]. 

Artikolu 19
Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, stabbilit skont l-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 2016/679, għandu jkollu l-kompetenza li jiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jeżerċita l-kompiti mniżżla fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) 2016/679. Il-Bord għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a)jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe emenda proposta ta’ dan ir-Regolament;

(b)jeżamina, fuq inizjattiva tiegħu stess, fuq talba ta' wieħed mill-membri tiegħu jew fuq talba tal-Kummissjoni, kwalunkwe kwistjoni li tkopri l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki sabiex iħeġġeġ l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 20
Proċeduri ta’ kooperazzjoni u konsistenza

Kull awtorità superviżorja għandha tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament fl-Unjoni kollha. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni skont il-Kapitolu VII tar-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.

KAPITOLU V
RIMEDJI, RESPONSABBILTÀ U PENALI

Artikolu 21
Rimedji

1.Mingħajr ħsara għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, kull utent aħħari ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika għandu jkollu l-istess rimedji previsti fl-Artikoli 77, 78, u 79 tar-Regolament (UE) 2016/679.

2.Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika minbarra utenti aħħarin affettwata b’mod negattiv minn ksur ta’ dan ir-Regolament u li għandha interess leġittimu fil-waqfien jew il-projbizzjoni tal-ksur allegat, inkluż fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li jkun qed jipproteġi l-interessi kummerċjali leġittimi tiegħu, għandu jkollha dritt li tressaq proċedimenti legali fir-rigward tat-tali ksur.

Artikolu 22
Dritt għal kumpens u responsabbiltà

Kwalunkwe utent aħħari ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li sofra dannu materjali jew nonmaterjali bħala riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament għandu jkollu d-dritt li jirċievi kumpens mingħand il-kontraventur għad-dannu soffert, diment li l-kontraventur ma jurix li ma huwa bl-ebda mod responsabbli għall-avveniment li wassal għad-dannu skont l-Artikolu 82 tar-Regolament (UE)2016/679.

Artikolu 23
Kundizzjonijiet ġenerali biex jiġu imposti multi amministrattivi

1.Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, il-Kapitolu VII tar-Regolament (UE) 2016/679 għandu japplika għal ksur ta’ dan ir-Regolament.

2.Il-ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dan ir-Regolament għandu, skont il-paragrafu 1, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 10 000 000, jew fil-każ ta' impriża, sa 2 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla:

(a)l-obbligi ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tipproċessa data ta’ komunikazzjonijiet skont l-Artikolu 8;

(b)l-obbligi tal-fornitur ta’ softwer li jippermetti komunikazzjoni elettronika, skont l-Artikolu 10;

(c)l-obbligi tal-fornituri ta’ direttorji pubblikament disponibbli skont l-Artikolu 15;

(d)l-obbligi ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tuża servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika skont l-Artikolu 16.

3.Il-ksur tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, ipproċessar permess ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika, limiti ta’ żmien għat-tħassir skont l-Artikoli 5, 6, u 7 għandu, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 20 000 000, jew fil-każ ta' impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla.

4.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali għal ksur tal-Artikoli 12, 13, 14, u 17.

5.In-nonkonformità ma’ ordni minn awtorità superviżorja kif imsemmi fl-Artikolu 18, għandha tkun soġġetta għal multi amministrattivi sa EUR 20 000 000, jew fil-każ ta' impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla.

6.Mingħajr ħsara għas-setgħat korrettivi tal-awtoritajiet superviżorji skont l-Artikolu 18, kull Stat Membru jista' jistabbilixxi r-regoli dwar jekk u sa liema punt multi amministrattivi jistgħu jiġu imposti fuq l-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi stabbiliti f'dak l-Istat Membru.

7.L-eżerċizzju mill-awtorità superviżorja tas-setgħat tagħha taħt dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għal salvagwardji proċedurali adatti skont il-liġi tal-Unjoni u tal-Istati Membri, inklużi rimedju ġudizzjarju u proċess dovut effettivi.

8.Fejn is-sistema legali tal-Istat Membru ma tipprevedix multi amministrattivi, dan l-Artikolu jista' jiġi applikat b'tali mod li l-multa tinbeda mill-awtorità superviżorja kompetenti u tiġi imposta minn qrati nazzjonali kompetenti, filwaqt li jiġi żgurat li dawk ir-rimedji legali jkunu effettivi u jkollhom effett ekwivalenti għal multi amministrattivi imposti minn awtoritajiet superviżorji. Fi kwalunkwe każ, il-multi imposti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawk l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet tagħhom li jadottaw skont dan il-paragrafu sa [xxx] u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe liġi ta' emenda jew emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 24
Penali

1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali oħra applikabbli għal ksur ta' dan ir-Regolament b'mod partikolari għal ksur li mhux soġġett għal multi amministrattivi skont l-Artikolu 23, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu implimentati. Tali penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet tal-liġi tiegħu li jadotta skont il-paragrafu 1, sa mhux aktar tard minn 18-il xahar wara d-data stabbilita taħt l-Artikolu 29(2) u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

KAPITOLU VI
ATTI DELEGATI U ATTI TA’ IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 25
Eżerċitar tad-delega

1.Is-setgħa li jiġu adottati atti delgati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.Is-setgħa li jiġu adottati atti delgati msemmija fl-Artikolu 8(4) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat minn [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 8(4) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni għal revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tieħu effett fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat diġà fis-seħħ.

4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

5.Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 8(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 26
Kumitat

1.Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Komunikazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 110 tad-[Direttiva li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjoni Elettronika]. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 29 .

2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 għandu japplika.

KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 27
Revoka

1.Id-Direttiva 2002/58/KE hija mħassra b'effett mill-25 ta’ Mejju 2018.

2.Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jiftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 28
Klawżola ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni

Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm iddettaljat għall-monitoraġġ tal-effettività ta’ dan ir-Regolament.

Sa mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, u kull tliet snin minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta s-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. L-evalwazzjoni għandha, fejn ikun il-każ, tinforma proposta biex jiġi emendat jew revokat dan ir-Regolament fid-dawl ta’ żviluppi legali, tekniċi jew ekonomiċi.

Artikolu 29
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.Huwa għandu japplika mill-25 ta’ Mejju 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa, COM(2015) 192 final.
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1-88).
(3) Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).
(4) Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjoni Elettronika (Riformulazzjoni) (COM/2016/0590 final - 2016/0288 (COD)).
(5) Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62-106).
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12–33).
(7) Ara l-Kawżi Konġunti C-293/12 u C-594/12 Digital Rights Ireland u Seitlinger et., ECLI:EU:C:2014:238; Il-Kawżi Konġunti C-203/15 u C-698/15 Tele2 Sverige AB u Secretary of State for the Home Department, ECLI:EU:C:2016:970.
(8) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1-22).
(9) Ara C-450/06 Varec SA, ECLI:EU:C:2008:91, §48.
(10) Ara, inter alia, KEDB, sentenzi Niemietz v Germany, sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1992, Serje A nru. 251-B, §29; Société Colas Est et. v France, nru. 37971/97, §41; ECHR 2002-III; Peck v The United Kingdom nru. 44647/98, §57, ECHR 2003-I; u anki Vinci Construction and GTM Génie Civil et Services v. France, nri. 63629/10 u 60567/10, § 63, 2 ta’ April 2015.
(11) Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 7.
(12) 162 kontribut minn ċittadini, 33 minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-konsumatur; 186 mill-industrija u 40 minn awtoritajiet pubbliċi, inklużi awtoritajiet kompetenti li jinfurzaw id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika.
(13) Ir-rapport sħiħ huwa disponibbli fi: https://ec.europa.eu/digital-single-market/news-redirect/37204.
(14) Stħarriġ tal-Ewrobarometru 2016 (EB) 443 dwar il-Privatezza Elettronika (SMART 2016/079).
(15) Ir-rapport sħiħ huwa disponibbli: https://ec.europa.eu/digital-single-market/news-redirect/37205.
(16) http://ec.europa.eu/transparency/regdoc/?fuseaction=ia.
(17) http://ec.europa.eu/smart-regulation/refit/refit-platform/docs/recommendations/opinion_comm_net.pdf.
(18) ĠU C , , p. .
(19) ĠU C , , p. .
(20) ĠU C , , p. .
(21) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1-88).
(22) Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).
(23) Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).
(24) Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjoni Elettronika (Riformulazzjoni) (COM/2016/0590 final - 2016/0288 (COD)).
(25) Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1-14).
(26) Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”)( ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1-16).
(27) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/63/KE tal-20 ta’ Ġunju 2008 dwar il-kompetizzjoni fis-swieq ta’ tagħmir tat-terminals tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 162, 21.6.2008, p. 20-26).
(28) ir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 310, 26.11.2015, p. 1-18).
(29) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13-18).