12.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 342/10


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-PAK wara l-2020

(2017/C 342/02)

Relatur:

Is-Sur Guillaume Cros (FR/PSE) Viċi President tal-Kunsill Reġjonali ta’ Occitanie

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)

I.   KUMMENTI ĠENERALI

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea li tinvolvi lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fl-eżerċizzju ta’ prospettiva li jirrigwarda l-PAK wara l-2020; u josserva li l-agrikoltura, l-ikel u ż-żoni rurali qed jiffaċċjaw sfidi kbar, u dan jagħmel ir-riforma tal-PAK waħda essenzjali;

2.

jenfasizza li l-PAK kellha, u għandu jkompli jkollha, rwol fundamentali fil-proġett Ewropew; l-għanijiet rikonoxxuti fl-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għadhom totalment validi fil-qafas tal-proċess ta’ reviżjoni li ninsabu għaddejjin minnu;

3.

jinnota li s-settur agrikolu huwa t-tieni l-akbar settur ta’ impjieg industrijali fl-UE li jimpjega 22 miljun bidwi, u 44 miljun ruħ fil-bqija tal-katina agroalimentari, u jipprovdi ikel tal-aqwa kwalità bi prezzijiet affordabbli lil aktar minn 500 miljun Ewropew; l-impatt tal-agrikoltura fuq l-impjieg huwa iżjed sostanzjali meta wieħed iqis il-produzzjoni, it-tiswija u l-kummerċjalizzazzjoni tal-makkinarju agrikolu, kif ukoll il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-inputs agrikoli;

4.

jitlob li l-PAK tissawwar f’politika agrikola ġusta, sostenibbli, u ta’ solidarjetà u kwalità tajba għall-benefiċċju tal-bdiewa, it-territorji, il-konsumaturi u ċ-ċittadini; huwa tal-fehma li hija biss politika Ewropea agrikola u tal-ikel b’saħħitha u komuni li tista’ tiggarantixxi s-sigurtà tal-ikel fil-livell Ewropew, u territorji rurali dinamiċi;

5.

jinnota li l-bdiewa u dawk li jrabbu l-bhejjem huma l-protagonisti u d-destinatarji ewlenin tal-PAK. Mingħajr il-kooperazzjoni tagħhom ma jkunx possibbli li jiġu applikati l-miżuri li permezz tagħhom beħsiebna nilħqu l-għanijiet mixtieqa. Jeħtieġ li l-PAK tqis ir-rwol u l-kontribut tagħhom, b’mod partikolari l-ħtieġa li l-azjendi agrikoli u tat-trobbija tal-bhejjem ikunu sostenibbli ekonomikament sabiex ikunu jistgħu jkunu mezz ta’ għajxien deċenti, filwaqt li jinżamm ambjent rurali ħaj b’livell adegwat ta’ impjieg;

6.

josserva li, fit-tiswir tal-PAK futura, għandhom jitqiesu l-konsumaturi Ewropej. L-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku dwar il-benefiċċji tal-PAK, l-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel u tal-ħarsien tal-ambjent huma sfidi li għandhom jiġu kondiviżi mill-konsumaturi Ewropej;

7.

jinsab konvint li, sabiex il-biedja ssir attraenti bħala professjoni u tiżgura agrikoltura Ewropea sigura u ta’ kwalità għolja, is-swieq regolati jagħmluha possibbli li l-bdiewa jirċievu rimunerazzjoni akbar, permezz tat-teħid ta’ miżuri u l-użu ta’ għodod ta’ ġestjoni, fil-livell pubbliku u privat, li jistabbilizzaw il-prezzijiet agrikoli u jimpedixxu l-prattiki kummerċjali inġusti; jinsab konvint ukoll li jeħtieġ li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-konfront tal-atturi l-oħra tas-settur;

8.

jirrikonoxxi li l-leġittimità ekonomika, soċjali, ambjentali, territorjali u internazzjonali tal-PAK hija fundamentali għas-sopravivenza tagħha. Is-settur agrikolu Ewropew iħaddan ċerti kwalitajiet ewlenin li fuqhom tissejjes il-kompetittività tiegħu: il-kapaċità innovattiva, loġistika u infrastruttura b’saħħithom, id-diversità kbira, il-kwalitajiet naturali u kulturali u storiċi importanti taż-żoni agrikoli, l-għadd kbir ta’ azjendi agrikoli tal-familja u kultura żviluppata ħafna ta’ intraprenditorija, kif ukoll prodotti li jikkonformaw ma’ regoli ambjentali u tas-saħħa stretti. Dawn il-kwalitajiet kollha joffru potenzjal u jeħtieġ li nużaw PAK immirata biex insaħħu aktar iż-żoni agrikoli u rurali;

9.

huwa konvint li hija meħtieġa riforma urġenti tal-PAK sabiex din tkun aktar konformi mal-aspettattivi taċ-ċittadini u sabiex il-baġit tagħha jkun leġittimu f’kuntest fejn, f’xenarju b’riżorsi baġitarji kostanti, dan jiġbed ħafna attenzjoni;

10.

huwa konvint li s-suċċess tal-PAK huwa bbażat fuq l-għaqda u li fil-futur ma għandux ikun hemm ċaqliq favur ir-rinazzjonalizzazzjoni, filwaqt li huwa favur it-tisħiħ tar-reġjuni skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà; filwaqt li żżomm in-natura tagħha ta’ politika komuni, il-PAK għandha tkun flessibbli u tikkunsidra ċ-ċirkustanzi agrikoli differenti, b’mod partikolari dawk fir-reġjuni tal-Mediterran u r-reġjuni ultraperiferiċi;

11.

jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-interess dejjem jikber fost il-konsumaturi għal ikel prodott lokalment, ta’ kwalità għolja u bi prezz ġust li jirrispetta r-regoli dwar il-benessri tal-annimali u li għandu valur ambjentali u soċjali għoli, kif ukoll li joħloq l-impjiegi u l-valur miżjud; dan huwa wkoll evidenti miż-żieda fid-domanda;

12.

iqis li għandha tissaħħaħ u tiġi appoġġjata t-traċċabbiltà tal-ikel tal-metodi ta’ produzzjoni, li hija garanzija ta’ sigurtà għall-konsumaturi u għall-produtturi;

13.

josserva li, f’bosta setturi u sottosetturi produttivi, ix-xogħol ta’ bidwi mhuwiex ekonomikament attraenti, li jaggrava l-piramida tal-etajiet, li ma tiffavorixxi xejn it-tiġdid tal-azjendi agrikoli (1); huwa tal-fehma li n-nuqqas ta’ żgħażagħ li jiddedikaw ruħhom għall-agrikoltura huwa theddida għall-preżervazzjoni tal-agrikoltura Ewropea tal-familja u l-vitalità taż-żoni rurali. Fil-fehma tiegħu, huwa essenzjali li jittieħdu miżuri li jappoġġjaw liż-żgħażagħ bdiewa biex jibdew jaħdmu f’dan is-settur;

14.

josserva li l-PAK, minkejja baġit sostanzjali, wasslet għal tnaqqis konsiderevoli fl-impjieg agrikolu (l-għadd ta’ azjendi agrikoli Ewropej fl-UE naqas b’20 % bejn l-2007 u l-2013), u josserva li l-baġit tal-PAK naqas matul dawn l-aħħar 30 sena minn 75 % għal 40 % tal-baġit tal-UE;

15.

jiġbed l-attenzjoni li l-produzzjoni agrikola għandha tiġi promossa mill-PAK, kif previst fit-Trattat, billi l-bdiewa jingħataw il-mezzi biex jiksbu d-dħul tagħhom essenzjalment mis-suq, bi spiża raġonevoli u ġġustifikata miċ-ċittadini u l-konsumaturi Ewropej; jenfasizza li bosta studji wrew li l-PAK ikkontribwixxiet biex tiffoka l-produzzjoni agrikola f’ċerti reġjuni għad-detriment tal-oħrajn, li jmur kontra l-għan Ewropew tal-koeżjoni territorjali;

16.

huwa tal-fehma li l-PAK għandha tirrifletti b’mod ċar iċ-ċirkustanzi agrikoli u klimatiċi tal-Ewropa, b’mod partikolari dawk taż-żoni żvantaġġati, pereżempju l-agrikoltura tal-bwar fuq l-għoljiet, l-agrikoltura tal-muntanji, dik tal-baċir tal-Mediterran, ir-reġjuni tat-Tramuntana u dawk ultraperiferiċi; jeħtieġ li l-PAK tikkunsidra l-funzjoni li jwettqu biex jipproteġu l-art u l-ħamrija, u biex jappoġġjaw il-ħarisen tal-komunitajiet rurali u l-valuri kulturali tagħhom, kif ukoll ir-rwol li jaqdu fiż-żamma ta’ sistema soċjali attiva f’dawn ir-reġjuni;

17.

ifakkar li, minkejja t-twissijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, id-distribuzzjoni tal-appoġġ pubbliku għadha inugwali ħafna fost l-azjendi agrikoli u fost l-Istati Membri; jinnota li l-għoti tal-pagamenti diretti abbażi tal-medda tal-art wassal għal konċentrazzjoni qawwija tal-art agrikola u tal-pagamenti diretti, mentri dawn il-pagamenti għandhom iqisu iżjed id-diversità ta’ mudelli agrikoli, il-livell tad-dħul, il-valur miżjud iġġenerat u l-postijiet tax-xogħol okkupati, u jiżguraw li l-agrikoltura tinżamm fit-territorji kollha;

18.

josserva li numru kbir ta’ bdiewa għandhom dħul baxx ħafna, iktar baxx mil-limitu tal-faqar, u dan jikkontradixxi l-għan tat-Trattat ta’ Ruma li l-politika agrikola “tassigura (…) livell ġust ta’ għajxien għall-popolazzjoni agrikola” (Artikolu 39), u li jeħtieġ li jiġi żgurat id-dħul finanzjarju agrikolu (prezzijiet, għajnuniet diretti);

19.

iqis li l-appoġġ tal-PAK għandu jiġi allokat biss lill-produtturi li tassew jeżerċitaw l-attività agrikola, u li ma għandux jingħata lil azjendi inattivi li għalihom id-dħul agrikolu għas-sidien ikun insinifikanti;

20.

josserva li l-bdiewa ta’ spiss ikunu obbligati jbigħu l-prodotti tagħhom bi prezzijiet orħos mill-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom, u dan iwassal għal tnaqqis kontinwu fl-ispejjeż u fil-prezzijiet;

21.

jappoġġa l-konklużjonijiet tat-Task Force tas-Swieq Agrikoli tal-KE ta’ Novembru 2016 u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi proposta leġislattiva għall-ġlieda kontra prattiki kummerċjali inġusti;

22.

jinnota li l-esportazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi Ewropej, b’mod partikolari r-razez tal-annimali, qed tikkontribwixxi għall-erożjoni ġenetika ta’ razez indiġeni importanti, b’mod partikolari fil-pajjiżi terzi, u tikkontradixxi l-Għan 15 ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU biex tiġi ppreservata l-bijodiversità, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-riżorsi ġenetiċi b’implikazzjonijiet għas-sigurtà alimentari;

23.

huwa tal-fehma li r-regolazzjoni tas-suq, kif wera l-istudju tal-KtR dwar il-Programm ta’ Responsabbiltà tas-Suq fis-settur tal-ħalib, hija, għal bosta setturi, ħafna aktar effiċjenti u irħas milli jiġu skattati miżuri ta’ kriżi a posteriori, u b’hekk isir użu aħjar mill-baġit tal-PAK;

24.

huwa tal-fehma li l-iskemi tal-assigurazzjoni tad-dħul jistgħu jibbenefikaw lill-fornituri tal-assigurazzjoni pjuttost milli lill-bdiewa u jistgħu jiswew lill-kontribwenti ħafna flus f’każ ta’ tnaqqis qawwi tal-prezzijiet, mingħajr ma tiġi indirizzata l-volatilità tal-prezzijiet; jixtieq li jitwettaq studju u ssir valutazzjoni tal-iskema tal-assigurazzjoni stabbilita fl-Istati Uniti, u għandu jiġi studjat ukoll il-każ speċifiku tar-reġjuni ultraperiferiċi, li japplikaw għalihom kundizzjonijiet partikolari tas-suq;

25.

huwa tal-fehma li jeħtieġ li jkun hemm qafas leġislattiv ċar u stabbli li jiggarantixxi lill-bdiewa u lil dawk li jrabbu l-bhejjem iċ-ċarezza legali li għandhom bżonn biex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta’ natura ekonomika fuq perjodu medju u twil ta’ żmien;

26.

jenfasizza li l-UE, li saret l-akbar importatur u esportatur globali tal-ikel, żiedet id-dipendenza tagħha mill-pajjiżi terzi u żviluppat strateġija kummerċjali li tikkontradixxi l-għanijiet tagħha tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra;

27.

jinnota li proporzjon dejjem akbar ta’ prodotti agrikoli li qabel kienu jiġu prodotti fl-Ewropa issa qed jiġi impurtat minn pajjiżi bi spejjeż baxxi ta’ manodopera, li jfisser li l-prodotti tal-ikel fl-UE jkollhom żvantaġġ kompetittiv sostanzjali mil-lat tal-prezz;

28.

jinnota wkoll l-aspetti pożittivi li l-esportazzjonijiet tal-UE jikkostitwixxu għall-ekonomija, meta dawn ikunu prodotti agrikoli u tal-ikel b’valur miżjud għoli, li jiġġeneraw id-dħul u joħolqu l-impjieg fis-settur agrikolu u agroalimentari Ewropew;

29.

jinnota li l-kooperattivi, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u ċerti tipi ta’ integrazzjoni tal-produtturi jista’ jkollhom rwol importanti fis-setturi agroalimentari li jippermetti lill-bdiewa jikkonċentraw il-provvista, inaqqsu l-ispejjeż, jipprovdu għadd ta’ servizzi u jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fil-katina alimentari;

30.

jinnota li l-esportazzjonijiet Ewropej ta’ kwantitajiet żejda (trab tal-ħalib, tiġieġ, konċentrat tat-tadam, eċċ.) bi prezzijiet orħos mill-ispejjeż ta’ produzzjoni Ewropej u l-ispejjeż ta’ produzzjoni Afrikani jdgħajfu l-kapaċità produttiva tal-pajjiżi Afrikani u jħeġġu l-emigrazzjoni tal-popolazzjonijiet rurali, għall-kuntrarju tal-impenn tal-UE biex tqis l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) adottati min-Nazzjonijiet Uniti fl-2015 fil-“politika ta’ koerenza għall-iżvilupp” li tħaddan; jinnota wkoll li l-Unjoni Ewropea hija l-akbar importatur tal-ikel mill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, u dan joħloq impjiegi fis-settur agroalimentari ta’ dawn il-pajjiżi; jinnota madankollu li l-importazzjonijiet Ewropej (frott, ħaxix, laħam tal-ħaruf, eċċ.) bi prezzijiet orħos mill-ispejjeż ta’ produzzjoni Ewropej idgħajfu l-kapaċitajiet produttivi fl-UE u jistgħu jinvolvu riskji mil-lat tas-sigurtà tal-ikel;

31.

jinnota li l-prezzijiet agrikoli fl-Ewropa qed isiru dejjem aktar marbuta mal-prezz tal-irħas offerent fis-suq dinji u li l-bdiewa Ewropej huma għalhekk soġġetti għal kompetizzjoni akbar, minkejja li huma obbligati jirrispettaw standards ambjentali u sanitarji aktar stretti;

32.

jenfasizza li l-valur miżjud tax-xogħol ta’ produzzjoni agrikola fil-biċċa l-kbira kien prodott iktar ’il fuq u aktar ’l isfel fil-katina tal-attivitajiet, peress li, ta’ spiss, il-pożizzjoni tal-produtturi agrikoli tkun dgħajfa wisq meta mqabbla mal-pożizzjoni tal-industrija agrikola u l-kummerċ; konsultazzjoni aħjar bejn is-settur agrikolu, l-industrija agroalimentari u s-settur kummerċjali għandha twassal għal distribuzzjoni aħjar tal-marġnijiet tal-profitti;

33.

josserva li ż-żoni rurali qed jaqgħu lura meta mqabbla maż-żoni urbani u li dan id-distakk huwa ħafna aktar inkwetanti għax qed ikompli jikber, b’mod partikolari bħala riżultat tar-ritmu rapidu tal-iżvilupp tal-bliet il-kbar u l-bliet kapitali (2);

34.

jiddeplora l-qerda b’ritmu mgħaġġel tal-bijodiversità agrikola u selvaġġa, li tipperikola r-reżiljenza tas-sistemi agrikoli u l-ispazji naturali tagħna;

35.

jinsab imħasseb li l-erożjoni u d-degradazzjoni tal-ħamrija minħabba prattiki agrikoli ftit li xejn sostenibbli jipperikolaw il-fertilità tal-ħamrija u li ż-żieda tal-ħamrija agrikola artifiċjali qed teqred l-ispazji meħtieġa għas-sigurtà alimentari Ewropea;

36.

jinnota t-tniġġis agrikolu tal-uċuħ tal-ilma ta’ taħt l-art u tax-xmajjar, kif ukoll l-użu tiegħu, li xi kultant ikun eċċessiv, għat-tisqija;

37.

jenfasizza li t-tisħin globali diġà ħalla xi effetti agrikoli sinifikanti, li jsaħħu l-urġenza u l-fatt li l-metodi tal-produzzjoni għandhom jiġu orjentati mill-ġdid;

38.

jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fl-innovazzjoni diġitali li jista’ jkollha impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà, is-sigurtà alimentari, l-effiċjenza fir-riżorsi, it-tnaqqis tal-iskart, iċ-ċirkwiti qosra, eċċ.; jenfasizza, fl-istess ħin, l-importanza li jiġu studjati bir-reqqa l-effetti ekonomiċi u soċjali ta’ dawn l-iżviluppi fuq l-agrikoltura tal-familja, u jinsab imħasseb dwar l-użu potenzjali tal-“big data” minn kumpaniji privati li jfisser li hemm il-periklu li l-azjendi agrikoli jaqgħu taħt superviżjoni teknika u finanzjarja;

39.

jinnota li d-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea tirriskja li twassal għal tnaqqis fir-riżorsi għall-PAK kif ukoll telf ta’ swieq tal-UE għar-Renju Unit; jitlob lir-Renju Unit u lill-UE biex iżommu kooperazzjoni kummerċjali mill-qrib fir-rigward tal-agrikoltura u tal-ikel;

40.

ifakkar li l-proporzjon tal-baġit tal-UE ddedikat għall-agrikoltura, stabbilit fuq livell ta’ 0,70 % biss tal-PDG Ewropew fl-2014, huwa biżżejjed biss biex isostni politika Ewropea komuni ġenwina ta’ importanza strateġika għas-sigurtà tal-ikel, iżda f’dak li jirrigwarda l-iżvilupp rurali u t-tieni pilastru, f’għadd ta’ oqsma ma hemmx riżorsi biżżejjed, u jfakkar ukoll li jeħtieġ li jitqiesu l-għanijiet il-ġodda tal-PAK fil-baġit futur;

41.

jirrifjuta l-idea li l-kofinanzjament tal-ewwel pilastru tal-PAK, li jixħet dubju fuq il-fatt li l-PAK hija l-unika politika integrata tal-UE, joħloq effettivament rinazzjonalizzazzjoni tal-PAK u jkun ta’ żvantaġġ għall-agrikoltura tal-iżjed Stati Mmebri foqra tal-UE li l-livell ta’ dipendenza tagħhom mill-finanzi Ewropej huwa akbar;

42.

jinnota li l-ispiża għas-saħħa pubblika ta’ ċerti dieti li jwasslu għall-obeżità, id-dijabete, eċċ., u ta’ ċerti prattiki agrikoli (użu eċċessiv tal-antibijotiċi f’ċerti tipi ta’ trobbija tal-bhejjem, cocktails ta’ pestiċidi, eċċ.) hija ħafna akbar mill-baġit tal-PAK; jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politika agrikola u tal-ikel; jitlob koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki agrikoli u tal-ikel;

43.

jirrakkomanda li jingħata tagħrif dwar u jiġi promoss il-konsum ta’ prodotti tal-ikel li jiffurmaw parti minn dieti tajbin għas-saħħa, bħal dik Mediterranja, bi programmi speċifiċi ta’ appoġġ għall-inbid, il-frott, il-ħxejjex u l-produzzjoni tal-għasel, filwaqt li jissaħħu l-kwalità u l-valur miżjud ta’ dawn il-prodotti;

44.

fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi, u peress li t-traspożizzjoni tal-mudell Ewropew tal-agrikoltura għar-reġjuni ultraperiferiċi mhijiex fattibbli, l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) b’mod espliċitu jippermetti lill-Kunsill jadotta dispożizzjonijiet speċifiċi bil-għan li tiġi adattata l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE, inkluża l-PAK, għar-reġjuni ultraperiferiċi. F’dan il-kuntest, il-PAK wara l-2020 għandha żżomm trattament differenzjat għar-reġjuni ultraperiferiċi, billi jsiru l-aġġustamenti meħtieġa għall-FAEŻR, il-POSEI, l-għajnuna mill-Istat u strumenti oħra disponibbli;

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

45.

jipproponi li l-politika futura agrikola tal-UE wara l-2020 tissejjes fuq dawn l-għanijiet, li huma kondiviżi b’mod wiesa’:

a)

li tibqa’ tiġi kkunsidrata bħala politika ewlenija tal-proġett Ewropew;

b)

it-tilħiq tal-għanijiet stabbiliti fit-TFUE u d-disponibbiltà ta’ pakkett finanzjarju adegwat;

c)

l-iżvilupp ta’ agrikoltura sostenibbli u prospera bbażata fuq id-diversità tat-territorji rurali;

d)

l-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel tal-popolazzjoni li tgħix fit-territorju Ewropew bi prezzijiet ġusti;

e)

il-forniment ta’ ikel tajjeb għas-saħħa, nutrittiv, varjat u ta’ kwalità għolja, billi jiġu promossi l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-katini lokali u billi tingħata attenzjoni partikolari lill-atturi involuti fil-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel u s-solidarjetà soċjali;

f)

l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari u tal-bijoekonomija sabiex ikunu jistgħu jsiru attivitajiet ekonomikament profittabbli fl-ambjent rurali;

g)

l-istabbilizzazzjoni tas-swieq u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bdiewa fis-swieq;

h)

l-iżgurar ta’ standard ġust tal-għajxien għall-bdiewa, b’mod partikolari permezz ta’ dħul ġust u stabbli biżżejjed;

i)

l-iżgurar tat-tiġdid tal-akbar numru possibbli ta’ azjendi agrikoli, li jfisser ukoll l-iżgurar ta’ territorji rurali dinamiċi, billi jiġu appoġġjati l-bdiewa żgħażagħ, b’mod partikolari;

j)

l-iżgurar tal-aċċess għall-finanzjament, it-trasferiment tal-għarfien, it-taħriġ vokazzjonali, u t-tnaqqis tal-ostakli amministrattivi;

k)

l-evitar tad-destabilizzazzjoni tal-ekonomiji agrikoli tal-pajjiżi terzi għall-UE;

l)

l-orjentazzjoni tal-mezzi kollha tal-produzzjoni agrikola lejn prattiki li jieħdu ħsieb is-saħħa kemm tal-bdiewa kif ukoll tal-konsumaturi, kif ukoll li jipproteġu r-riżorsi ġenetiċi agrikoli, l-ambjent, inkluż l-ambjent akkwatiku, permezz tat-tisħiħ tal-bijodiversità kemm dik selvaġġa kif ukoll dik fuq l-art agrikola, li jirrispettaw il-benessri tal-annimali u jillimitaw it-tisħin globali;

m)

iż-żamma u l-preservazzjoni tul iż-żminijiet tal-ħamrija agrikola mil-lat ta’ kwantità, biex jiġi indirizzat b’mod deċiż l-isfruttament eċċessiv tal-ħamrija, u tiżdied il-kwalità, il-fertilità u l-bijodiversità permezz ta’ prattiki agrikoli adatti;

n)

il-promozzjoni tal-prodotti ta’ oriġini (DOP, IĠP) jew sistemi oħrajn ta’ kwalità li jiġġeneraw valur miżjud għall-katina u t-territorju, sabiex jinżammu ħajjin is-sistemi ta’ produzzjoni lokali u jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-identità rurali u l-wirt kulturali u gastronomiku;

o)

id-distribuzzjoni iżjed ġusta tal-fondi pubbliċi tal-politika agrikola u tal-ikel komuni fost l-azjendi agrikoli u fost l-Istati Membri skont kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, b’rabta mal-kapaċità tagħhom li jikkontribwixxu għall-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tal-UE (inkluż li titħaffef il-konverġenza tal-pagamenti diretti bejn l-Istati Membri);

p)

l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità għas-sistema ta’ monitoraġġ li huma soġġetti għaliha l-bdiewa;

q)

it-tisħiħ tat-tieni pilastru tal-PAK bil-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien fiż-żoni urbani u tissaħħaħ il-kompetittività ġenerali;

r)

il-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali tat-territorji rurali kollha;

s)

l-indirizzar tal-isfida tad-depopolazzjoni u t-tixjiħ f’ħafna żoni rurali, bħala konsegwenza tan-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ għajxien u impjieg, b’mod speċjali għaż-żgħażagħ u n-nisa;

46.

josserva li l-PAK hija kumplessa, u dan jagħmilha diffiċli u saħansitra ta’ riskju għall-intraprendituri individwali u għall-bdiewa biex japplikaw għas-sussidji. Is-semplifikazzjoni hija essenzjali sabiex il-PAK tibqa’ tiġi aċċettata u tibqa’ attraenti. Ikun utli li jiġi ssemplifikat u jitħaffef il-pass tal-proċess, b’mod partikolari għat-tranżazzjonijiet ta’ valur baxx, anke billi jiġu ssemplifikati l-proċeduri amministrattivi;

47.

jittama li l-baġit tal-PAK jinżamm f’livell għoli biżżejjed, f’konformità mal-prinċipji definiti fit-trattati Ewropej u li jissodisfa l-istatus tagħha bħala l-unika politika integrata tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-agrikoltura Ewropea, u taż-żoni u l-komunitajiet rurali, u b’mod li jiġu ssodisfati d-domandi tas-soċjetà;

48.

josserva li għadd kbir ta’ sfidi msemmija hawn fuq dwar il-klima, l-enerġija, il-produzzjoni tal-ikel, u l-bijodiversità jistgħu jiġu indirizzati mis-settur agrikolu. Madankollu, dan jitlob li jiġu appoġġjati finanzjarment l-inizjattivi tekniċi u l-approċċi innovattivi ta’ natura intraprenditorjali jew kooperativa, bil-għan li jitħaffef il-pass tat-tranżizzjoni;

49.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa, fir-rigward tal-pagamenti diretti u l-pagamenti skont l-erja, li r-riżorsi jiġu kkonċentrati l-iktar fuq l-azjendi agrikoli ż-żgħar u dawk tal-familja, filwaqt li jiġu privileġġjati s-soluzzjonijiet finanzjarji għall-azjendi agrikoli l-kbar affettwati mil-limitu massimu tal-għajnuna;

50.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex twettaq valutazzjoni preċiża tar-riżultati tal-PAK attwali meta mqabbla mal-applikazzjoni tal-għanijiet assenjati lilha fit-Trattati Ewropej fil-qasam tad-dħul tal-azjendi agrikoli u l-istabbilizzazzjoni tas-swieq;

51.

jirrakkomanda li tiġi miġġielda l-volatilità tal-prezzijiet agrikoli, li jiġu pprovduti opportunitajiet ta’ dħul lill-bdiewa mis-suq, u li l-katini alimentari jsiru aktar ġusti (3);

52.

jitlob li jinżamm it-trattament tal-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi, abbażi tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, permezz tal-iskema POSEI, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni Ewropea stess fir-rapport tagħha COM(2016) 797 tal-15 ta’ Diċembru 2016 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill;

53.

jitlob aktar appoġġ għat-tkabbir tad-dwieli u taż-żebbuġ u t-trobbija tal-annimali pprattikati fuq artijiet b’pendil qawwi jew dawk f’żoni muntanjużi, kif ukoll f’żoni żvantaġġati b’rendiment baxx, kif ukoll fir-reġjuni ultraperiferiċi, u appoġġ għall-modi ta’ ġestjoni agrikola li jikkontribwixxu għat-titjib tal-bijodiversità tal-bwar u l-mergħat tal-muntanji;

54.

jitlob lill-UE tuża l-influwenza tagħha bħala l-akbar importatur u esportatur globali tal-ikel biex jiġu emendati r-regoli tal-kummerċ internazzjonali agrikolu introdotti fl-1994 (WTO) bil-għan li jkun hemm relazzjonijiet kummerċjali aktar ġusti u b’aktar solidarjetà; jinnota li l-volatilità tal-prezzijiet hija sfida għall-agrikoltura Ewropea, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tqis miżuri sabiex jitnaqqsu r-riskji marbutin ma’ żieda fl-esponiment għas-suq dinji;

55.

huwa tal-fehma li approċċ fejn id-dħul agrikolu jkun ibbażat aktar fuq is-suq milli fuq is-sussidji jista’ jsaħħaħ ir-rikonoxximent ekonomiku tal-impjieg tal-biedja, u b’hekk jagħmlu iżjed attraenti; għal dan il-għan, jirrakkomanda li l-UE tirregola s-swieq agrikoli tagħha sabiex tevita nuqqasijiet jew eċċessi u tistabilizza l-prezzijiet agrikoli għal livelli sodisfaċenti;

56.

jipproponi li jiġi stabbilit fond annwal tat-tfaddil ta’ prekawzjoni, li għandu jiġi riportat kull sena jekk ma jintużax kollu (4);

57.

jitlob lill-UE biex tiggarantixxi kundizzjonijiet ġusti fil-ftehimiet kummerċjali u s-sħubijiet bilaterali konklużi mal-pajjiżi terzi; għal dan il-għan huwa tal-fehma li l-obbligu li ma jibqgħux jiġu esportati prodotti agrikoli u tal-ikel bi prezzijiet orħos mill-ispejjeż medji tal-produzzjoni fl-Ewropa huwa marbut mad-dritt li l-produzzjoni Ewropea tiġi protetta minn importazzjonijiet bi prezzijiet irħas wisq li jeqirdu l-kapaċità tal-produzzjoni tagħha jew li ma jirrispettawx l-istandards Ewropej tal-produzzjoni;

58.

jappoġġja l-importanza ta’ katini tal-provvista qosra reġjonali u lokali, kemm minħabba s-sostenibbiltà ambjentali akbar tagħhom minħabba t-tnaqqis fit-tniġġis li jirriżulta mill-mezzi ta’ trasport, kif ukoll minħabba l-fatt li jippromovu agrikoltura b’aċċenn fuq il-kwalità tipika, it-tradizzjoni u l-wirt ekonomiku u kulturali;

59.

jitlob lill-UE tirrevedi l-komponenti agrikoli tal-ftehimiet bilaterali ta’ kummerċ “ħieles” jew ta’ “sħubija” ekonomika ma’ pajjiżi terzi, b’riżorsi adegwati u li jagħtu prijorità lill-azjendi agrikoli tal-familja li jirrikjedu ħafna ħaddiema, li jiffukaw l-ewwel u qabel kollox fuq is-swieq lokali u reġjonali, u lill-katini tal-provvista qosra; jitlob ukoll lill-UE biex tirrifletti sew dwar l-interessi tas-settur agrikolu tagħha fil-ftehimiet kummerċjali sabiex jiġu minimizzati r-riskji għall-produzzjoni Ewropea billi telenka lista strateġika ta’ prodotti li jistgħu jkunu suxxettibbli għal pressjoni eċċessiva; jitlob li dawn il-prodotti li jistgħu jkunu sensittivi għal-liberalizzazzjoni jingħataw trattament speċjali u differenzjat fil-ftehimiet kummerċjali;

60.

jissuġġerixxi reviżjoni tal-liġi Ewropea dwar il-kompetizzjoni li tippermetti lill-atturi kollha f’settur partikolari, inklużi l-konsumaturi u l-awtoritajiet pubbliċi, li jiddeċiedu dwar distribuzzjoni ġusta tal-valur miżjud u tal-marġnijiet tul il-katina ta’ valuri u tippermetti lill-bdiewa javvanzaw lejn pożizzjoni aktar ġusta fil-katina alimentari, u jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq;

61.

jitlob reviżjoni tal-liġi Ewropea dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fis-settur tal-forniment kollettiv tal-ikel u x-xorb (mass catering), biex tinkludi klawżola marbuta mal-lokalità tal-provvista tal-ikel, bil-għan li tiġi promossa l-provvista tal-ikel lokali; jappella wkoll għal skambju akbar tal-prattiki tajbin bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, għal suq lokali għall-produzzjoni agrikola organika u għall-ipproċessar fuq skala żgħira li jipprovdi impjiegi rurali;

62.

jitlob li r-riċerka ffinanzjata mill-baġits Ewropej u tal-BEI fil-qasam agrikolu u rurali tkun orjentata b’mod partikolari lejn:

a)

l-effiċjenza sostenibbli tal-proċessi tal-produzzjoni u tal-azjendi agrikoli;

b)

metodi ta’ produzzjoni ta’ kwalità għolja u li jirrispettaw l-ambjent, l-agroekoloġija;

c)

ir-riġenerazzjoni tal-fertilità tal-ħamrija agrikola degradata u tal-bijodiversità;

d)

l-innovazzjoni soċjali tat-territorji rurali: servizzi pubbliċi lokali għall-metodi ta’ produzzjoni agrikola, ipproċessar fuq skala żgħira u distribuzzjoni lokali tal-prodotti agrikoli;

e)

l-innovazzjoni teknika li ssaħħaħ l-awtonomija u r-reżiljenza tal-azjendi agrikoli;

f)

il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

g)

il-prattiki agrikoli li jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima;

h)

il-benessri tal-annimali u soluzzjonijiet sostenibbli għall-mard tal-pjanti u tal-annimali;

i)

l-applikazzjonijiet teknoloġiċi għall-kontrolli fuq il-post bil-għan li l-metodoloġiji jiġu ssemplifikati u jsiru aktar effiċjenti;

63.

jitlob li l-pagamenti diretti għal kull ettaru jinbidlu f’pagamenti diretti għal kull ettaru b’ limitu massimu u modulati għal kull ħaddiem agrikolu – li għandu jinftiehem bħala bidwi attiv – sabiex:

a)

tinżamm u tiġi żviluppata l-agrikoltura fiż-żoni bi żvantaġġi agrikoli u klimatiċi, b’mod partikolari ż-żoni tal-muntanji, li għandhom spejjeż ogħla tal-produzzjoni jew għandhom żvantaġġi ġeografiċi, bħar-reġjuni ultraperiferiċi;

b)

jiġu appoġġjati azjendi agrikoli żgħar tal-familja li jkollhom ta’ spiss volum ta’ produzzjoni baxx wisq biex irendu dħul finanzjarju agrikolu suffiċjenti, iżda li huma importanti biex jagħtu ħajja lit-territorji rurali, filwaqt li jiġi enfasizzat li appoġġ akbar għall-ewwel ettari huwa ta’ importanza kbira għall-azjendi agrikoli ż-żgħar, speċjalment fil-qasam tal-biedja fil-muntanji;

c)

jiġi appoġġjat ir-reklutaġġ ta’ bdiewa żgħażagħ;

d)

tiġi appoġġjata fir-reġjuni kollha t-tranżizzjoni gradwali għal metodi ta’ produzzjoni iktar reżiljenti, aktar awtonomi, li jitolbu anqas inputs u mingħajr pestiċidi kimiċi, li jipproteġu s-saħħa, li jnaqqsu t-tisħin tal-klima, jiffavorixxu l-bijodiversità, itejbu l-kwalità tal-ilma u jirrispettaw il-benessri tal-annimali;

e)

jissaħħaħ l-iżvilupp tal-agrikoltura organika;

f)

tissaħħaħ l-agrikoltura fiż-żoni b’valur ambjentali għoli;

g)

jiġi promoss l-użu ta’ razez u varjetajiet indiġeni biex jiġu appoġġjati prodotti tal-ikel artiġjanali u speċjalizzati ta’ valur miżjud għoli;

h)

jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ katini reġjonali ta’ kwalità għolja b’valur miżjud għoli;

64.

jappella, bħala parti minn approċċ aktar ekoloġiku, għat-tisħiħ gradwali tal-prattiki li huma ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent permezz tal-aspetti li ġejjin:

a)

ir-rotazzjoni tal-uċuħ tar-raba’, inklużi l-pjanti leguminużi, sabiex it-trobbija tal-bhejjem fil-livell Ewropew tkun inqas dipendenti mill-importazzjonijiet ta’ proteini veġetali u sabiex jitnaqqsu l-influssi ta’ fertilizzanti tan-nitroġenu, li jużaw ħafna enerġija u huma produtturi kbar ta’ gassijiet b’effett ta’ serra;

b)

iż-żamma tal-projbizzjoni tal-ħrit ta’ bwar permanenti, sabiex jiġi promoss is-sekwestru tal-karbonju fil-ħamrija u l-bijodiversità;

c)

iż-żamma taż-żoni ta’ interess ekoloġiku, mingħajr kultivazzjoni jew użu ta’ prodotti fitosanitarji, bil-għan li jgħinu biex tittaffa l-qerda tal-bijodiversità, iżda filwaqt li jkun permess ragħa estensiv limitat, li jikkontribwixxi għall-arrikament tal-ħamrija u huwa ta’ benefiċċju għal dawk li jrabbu l-bhejjem;

d)

id-disponibbiltà ta’ strumenti speċifiċi għall-prevenzjoni tar-riskji marbutin mat-tibdil fil-klima;

e)

l-introduzzjoni ta’ għajnuniet ta’ kumpens, li jkunu faċilment aċċessibbli u li jinkoraġġixxu l-impenji addizzjonali fiż-żoni Natura 2000 f’każ ta’ impenji addizzjonali marbutin mal-bijodiversità, fiż-żoni ta’ valur naturali għoli, kif ukoll fit-territorji fejn huma preżenti predaturi kbar protetti;

f)

miżuri oħra ta’ approċċ aktar ekoloġiku fil-livell reġjonali;

65.

jirrakkomanda li jitnaqqas l-għoti ta’ kwalunkwe pagament dirett lil azjendi agrikoli li ma jirrispettawx l-istandards soċjali fis-seħħ fl-Istati Membri tagħhom, bil-għan li jiġu protetti d-drittijiet tal-impjegati agrikoli;

66.

jitlob għat-tisħiħ tat-tieni pilastru tal-PAK u għal żieda fil-baġits dedikati għall-iżvilupp rurali; jitlob ukoll għal sussidjarjetà akbar sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jittrasferixxu fondi mill-ewwel għat-tieni pilastru;

67.

jiġbed l-attenzjoni għall-kontribut sostanzjali – bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-PAK fil-livell lokali u reġjonali – tal-approċċ hekk imsejjaħ “Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità” (CLLD) u dak tal-LEADER, u għalhekk jirrakkomanda li, fil-qafas tal-programmi nazzjonali u reġjonali għall-implimentazzjoni tal-PAK, dawn l-approċċi jiġu allokati sa 20 % tar-riżorsi previsti għall-implimentazzjoni tat-tieni pilastru;

68.

itenni li l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jingħataw aktar setgħa sabiex jirregolaw l-art agrikola u jistabbilixxu restrizzjonijiet għal dan l-għan, b’mod partikolari biex jiġi indirizzat il-fenomenu fl-Ewropa tal-ħtif tal-art u tal-konċentrazzjoni, li qed jillimita l-għażliet għall-bdiewa żgħażagħ biex jistabbilixxu negozju agrikolu (5);

69.

iħeġġeġ li jiġi rriservat persentaġġ suffiċjenti mill-fondi għall-iżvilupp taż-żoni rurali, billi tingħata spinta lill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), biex jiġi żgurat l-iżvilupp armonjuż u integrat ta’ dawn iż-żoni, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ infrastruttura lokali; l-għajnuna lill-SMEs, it-tiġdid rurali u diversifikazzjoni ekonomika usa’;

70.

jirrakkomanda li l-UE tagħti attenzjoni partikolari lir-reġjuni ultraperiferiċi, fejn is-settur agrikolu huwa essenzjali għall-ħolqien tal-impjiegi u l-ġid, kif ukoll għall-promozzjoni tal-iżvilupp tal-industrija agroalimentari, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-ħarsien u l-promozzjoni ta’ spazji ġestiti ta’ kwalità għolja, kif ukoll għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

71.

jipproponi li l-fondi tat-tieni pilastru għandhom jiffukaw l-iżjed fuq:

a)

it-qarrib tal-bdiewa u l-konsumaturi lejn xulxin permezz ta’ ktajjen qosra tal-provvista;

b)

l-appoġġ lill-bdiewa li l-metodi ta’ produzzjoni tagħhom imorru lil hinn mill-istandards ambjentali, għal agrikoltura b’valur ekoloġiku għoli;

c)

l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ prattiki ta’ kultivazzjoni li jirrispettaw l-ambjent, filwaqt li jiġu ppreservati l-ekosistemi ta’ valur ambjentali għoli u filwaqt li titħeġġeġ l-afforestazzjoni ta’ art bħala bir tal-karbonju;

d)

l-appoġġ għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u r-riċerka favur metodi ta’ produzzjoni u pproċessar aktar sostenibbli;

e)

l-adattament tal-bdiewa għas-swieq (pereżemju, servizzi ta’informazzjoni, ta’ konsulenza, servizzi ta’ ġestjoni tal-azjendi agrikoli, taħriġ, eċċ.);

f)

l-appoġġ għall-modernizzazzjoni sostenibbli tas-setturi tal-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli organizzati f’kożvilupp mal-katini tal-produzzjoni u filwaqt li jiġu rispettati l-ambjent, is-saħħa tal-konsumaturi, u distribuzzjoni ġusta tal-valur miżjud;

g)

inizjattivi li jippromovu l-bdiewa li jwaqqfu kooperattivi jew organizzazzjonijiet tal-produtturi;

h)

il-konsulenza dwar il-ġestjoni tar-riskji fil-ġlieda kontra l-perikli marbuta mal-klima u s-saħħa;

i)

l-investimenti sostenibbli sabiex il-provvista ta’ azjendi agrikoli tal-familja tiġi adattata għad-domanda tal-konsumaturi;

j)

l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ settur b’tikketta uffiċjali ta’ kwalità;

k)

l-ipproċessar fuq skala żgħira ta’ prodotti agrikoli lokali;

l)

il-forniment kollettiv tal-ikel u x-xorb abbażi ta’ prodotti organiċi u lokali;

72.

jipproponi li minn approċċ imsejjes fuq “punt li jipprovdi servizz” nimxu għal wieħed imsejjes fuq “kuntratt”, b’ċerti tipi ta’ intrapriżi, setturi u reġjuni; abbażi ta’ għadd żgħir ta’ objettivi (il-kwalità, il-produttività, is-sostenibbiltà); jipproponi li jiġu ffinanzjati proġetti ta’ innovazzjoni maħsuba għal dan il-għan u li jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq l-impjieg;

Sinerġiji bejn il-Fondi tal-UE għall-iżvilupp rurali

73.

jipproponi li jiżdied l-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-iżvilupp rurali li naqas b'mod sinifikanti meta mqabbel mal-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti billi jinżammu biżżejjed fondi disponibbli fl-ewwel pilastru;

74.

jipproponi li jkun hemm appoġġ sostanzjali u sod għall-investimenti sostenibbli fil-manutenzjoni tal-azjendi agrikoli tal-familja, b’mod partikolari fl-oqsma tal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u d-diversifikazzjoni;

75.

jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ strateġija rurali sabiex jiġi żgurat li l-politiki kollha tal-UE jikkontribwixxu iżjed għall-innovazzjoni u l-kooperazzjoni b’rabta maż-żoni rurali u l-iżvilupp tagħhom b’konformità mal-għanijiet tal-koeżjoni territorjali (6);

76.

jipproponi li tiġi ssemplifikata l-integrazzjoni tar-riżorsi tal-fondi differenti li jiffinanzjaw l-iżvilupp rurali mhux agrikolu, sabiex jiġu appoġġjati:

a)

l-inizjattivi lokali għall-iżvilupp tal-impjieg rurali;

b)

it-taħriġ vokazzjonali għall-professjonijiet rurali;

c)

l-innovazzjoni teknika u soċjali għas-servizz ta’ ekonomija li ma tużax karbonju, u li hija diġitali, ċirkolari u faċli għall-utent;

d)

l-irkupru ekonomiku, ekoloġiku u rikreattiv taż-żoni forestali;

e)

il-promozzjoni ta’ sħubijiet u alleanzi bejn is-settur agrikolu u l-amministraturi taż-żoni protetti;

f)

it-tneħħija tad-distakk rurali mil-lat tal-konnettività diġitali;

g)

iż-żamma u l-iżvilupp ta’ servizzi pubbliċi lokali;

h)

iż-żamma u l-iżvilupp ta’ pajsaġġi u rħula attraenti;

i)

it-turiżmu rurali;

j)

l-iżvilupp ta’ sorsi lokali ta’ enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira;

k)

l-investiment pubbliku lokali fuq skala żgħira bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet rurali u l-vijabbiltà tal-intrapriżi, tal-anqas fir-reġjuni li għadhom lura ħafna meta mqabbla mal-medja tal-Istati Membri;

77.

jixtieq ukoll li jiġi sfruttat iktar il-potenzjal usa’ taż-żoni agrikoli u tal-foresti – speċjalment iż-żoni periurbani – għal skopijiet ekonomiċi, ekoloġiċi, klimatiċi, enerġetiċi u ta’ rikreazzjoni, bħall-produzzjoni tal-ikel u l-enerġija lokali u t-turiżmu rurali. Minħabba f’hekk, jeħtieġ li l-PAK ma tiffokax biss fuq il-bdiewa. L-inizjattivi LEADER huma u għandhom jibqgħu opportunità ta’ kollaborazzjonijiet u ta’ innovazzjonijiet għall-atturi rurali u periurbani;

78.

jitlob valutazzjoni rigoruża tal-Fondi Strutturali biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp taż-żoni rurali u jiġu promossi strateġiji globali biex tingħata spinta lil dawn iż-żoni billi tittejjeb il-konnettività tagħhom kemm mil-lat tat-trasport kif ukoll tal-broadband diġitali, filwaqt li jitħares l-ambjent, permezz tal-implimentazzjoni tat-“test rurali”, kif rakkomandat fid-Dikjarazzjoni ta’ Cork 2.0 (7);

79.

jenfasizza li l-iżvilupp territorjali bbilanċjat għandu jipprovdi appoġġ adegwat għaż-żoni rurali u periurbani fir-reġjuni li jinsabu fl-intern tal-pajjiż, u li huma żvantaġġjati (pereżempju, ir-reġjuni muntanjużi jew mal-fruntiera u reġjuni oħra bi żvantaġġi naturali jew demografiċi), sabiex jiġu żgurati l-investimenti meħtieġa fit-tkabbir, l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u s-sostenibbiltà ambjentali;

80.

jitlob li jittejbu r-rabtiet bejn il-bliet u ż-żoni rurali, billi l-bliet iżgħar u l-muniċipalitajiet rurali jkunu involuti b’mod sħiħ, sabiex il-politiki tal-UE ma jħeġġux relazzjoni kompetittiva bejn id-dimensjonijiet urbani, kostali u rurali;

81.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea favur Irħula Intelliġenti u l-kontribut tal-Parlament Ewropew biex il-proċess jirnexxi, u jipproponi li dan il-kunċett jiġi estiż għal dak ta’ Territorji Rurali Intelliġenti; barra minn hekk, jitlob li jkun jista’ jaqdi l-iżjed rwol wiesa’ possibbli fid-diskussjonijiet marbutin mal-ħolqien ta’ qafas ta’ azzjoni lokali u reġjonali b’rabta ma’ din l-inizjattiva;

82.

jinsisti dwar il-bżonn ta’ aktar armonizzazzjoni tar-regoli operattivi tal-Fondi Strutturali permezz ta’ qafas strateġiku komuni, sabiex jiġu ffaċilitati t-tfassil u l-ġestjoni tal-programmi tal-iżvilupp rurali u sabiex jiġu promossi approċċi integrati u bbażati fuq il-post (8);

83.

jipproponi li jissaħħaħ l-approċċ tal-fondi ewlenin sabiex tiġi armonizzata l-ġestjoni ta’ proġetti ffinanzjati minn diversi fondi;

84.

jissuġġerixxi li ssir diskussjoni dwar ir-rikonċiljazzjoni tal-fondi differenti għall-iżvilupp reġjonali mhux agrikolu.

Brussell, 12 ta’ Lulju 2017.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “L-appoġġ għal bdiewa żgħażagħ Ewropej” (ĠU C 207, 30.6.2017, p. 57).

(2)  “Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi. Il-promozzjoni tal-iżvilupp u ta’ governanza tajba f’reġjuni u bliet tal-UE: is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”, Kummissjoni Ewropea, 23 ta’ Lulju 2014.

(3)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-regolazzjoni tal-volatilità tal-prezzijiet agrikoli” (ĠU C 185, 9.6.2017, p. 36).

(4)  Opinjoni tal-KtR (ĠU C 185, 9.6.2017, p. 36).

(5)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “L-appoġġ għal bdiewa żgħażagħ Ewropej” (ĠU C 207, 30.6.2017, p. 57).

(6)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “L-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-ekonomija rurali” (ĠU C 120, 5.4.2016, p. 10).

(7)  Dikjarazzjoni ta’ Cork 2.0 dwar “Għajxien aħjar fiż-żoni rurali”, Kummissjoni Ewropea, Settembru 2016.

(8)  ĠU C 120, 5.4.2016, p. 10.