Brussell, 29.11.2017

COM(2017) 713 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI EMPTY

Il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja


Il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja



Werrej

1.Kuntest ġdid

2.Għal mudell ġdid tal-implimentazzjoni u għal PAK aktar sempliċi

3.PAK aktar intelliġenti, moderna u sostenibbli

3.1.Bir-riċerka u l-innovazzjoni nġonġu aħjar dak li nafu ma’ dak li nkabbru

3.2.Inrawmu settur agrikolu reżiljenti u intelliġenti

3.2.1.Appoġġ għal dħul ġust biex il-bdiewa jaqilgħu l-għajxien

3.2.2.Ninvestu biex il-bdiewa jmorru aħjar fis-suq

3.2.3.Il-Ġestjoni tar-Riskju

3.3.Intejbu l-kura ambjentali u l-azzjoni klimatika, u nagħtu sehemna biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali u klimatiċi tal-UE

3.4.Insaħħu n-nisġa soċjoekonomika taż-żoni rurali

3.4.1.It-tkabbir u l-impjiegi fiż-żoni rurali

3.4.2.Nattiraw bdiewa ġodda

3.5.Nindirizzaw it-tħassib taċ-ċittadini b’rabta mal-produzzjoni agrikola sostenibbli, inkluż is-saħħa, in-nutrizzjoni, il-ħela tal-ikel u t-trattament xieraq tal-annimali.

4.Id-dimensjoni globali tal-PAK

4.1.Il-kummerċ

4.2.Il-migrazzjoni



1.Kuntest ġdid

Is-settur tal-biedja u ż-żoni rurali tal-UE huma atturi ewlenin fejn jidħlu l-benessri tal-Unjoni u l-ġejjieni tagħha. L-agrikoltura tal-UE hi waħda mill-produtturi ewlenin tal-ikel fid-dinja u tiżgura s-sigurtà tal-ikel lil aktar minn 500 miljun ċittadin Ewropew. Il-bdiewa tal-UE huma wkoll l-ewwel protetturi tal-ambjent naturali għax dawn jieħdu ħsieb ir-riżorsi naturali tal-ħamrija, l-ilma, l-arja u l-bijodiversità fi 48% tal-art tal-UE (il-forestiera jipprovdu 36% oħra) u jipprovdu bjar tal-karbonju essenzjali u l-provvista ta’ riżorsi rinnovabbli għall-industrija u l-enerġija. Dawn ukoll jiddependu direttament minn dawn ir-riżorsi naturali. Għadd kbir ta’ impjiegi jiddependu mill-biedja, fis-settur innifsu (li jipprovdi xogħol regolari għal 22 miljun ħaddiem) jew fis-settur usa’ tal-ikel (l-agrikoltura, l-ipproċessar tal-ikel u l-bejgħ bl-imnut relatat u s-servizzi, ilkoll flimkien jipprovdu madwar 44 miljun impjieg). Kollha f’daqqa, fiż-żoni rurali tal-UE jgħixu 55 % taċ-ċittadini tal-Unjoni 1 u huma art fertili għall-impjiegi, ir-rikreazzjoni u t-turiżmu.

Il-Grafika 1

Iżda kull wieħed minn dawn il-benefiċċji jrid jingħata l-apprezzament li jixraqlu. B’differenza minn ħafna mis-setturi ekonomiċi l-oħra, il-biedja jintlaqat bil-qawwa mit-temp; sikwit iġġarrab ukoll prezzijiet volatili, diżastri naturali, organiżmi ta’ ħsara u diżastri – u minħabba f’hekk, kull sena, mill-anqas 20 % tal-bdiewa jitilfu aktar minn 30 % tad-dħul tagħhom meta mqabbel mal-medja tal-aħħar tliet snin. Fl-istess ħin, huwa ċar li għadha qed issir pressjoni fuq ir-riżorsi naturali, parzjalment minħabba xi attivitajiet tal-biedja. It-tibdil fil-klima qed jhedded li jkompli jtaqqal dawn il-problemi kollha li qed insemmu. Għaldaqstant, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) jenħtieġ tmexxi t-tranżizzjoni lejn agrikoltura aktar sostenibbli.

Permezz tal-PAK seta’ jiżviluppa l-aktar suq uniku integrat. Minbarra dan, bil-PAK, is-settur tal-biedja tal-UE jista’ jwieġeb għad-domanda taċ-ċittadini fejn jidħlu s-sigurtà, is-sikurezza, il-kwalità u s-sostenibbiltà tal-ikel. Iżda fl-istess waqt, is-settur qed jaffaċċja l-isfidi ta’ nuqqas ta’ qligħ – fost l-oħrajn, minħabba l-istandards għoljin tal-produzzjoni tal-UE, l-ispejjeż għoljin tal-fatturi tal-produzzjoni u l-istruttura frammentata tas-settur primarju. Issa s-settur qed jikkompeti bil-prezzijiet tas-suq dinji f’ħafna setturi, jinsab minn ta’ quddiem fejn jidħlu l-kwalità u d-diversità tal-prodotti tal-ikel, u għandu l-akbar esportazzjonijiet agroalimentari fid-dinja (b’valur ta’ EUR 131 biljun fl-2016 2 ).

Il-prestazzjoni hi tajba iżda l-ħidma trid tissokta

Bħalissa, il-pagamenti diretti qed issaħħu r-reżiljenza ta’ 7 miljun azjenda agrikola, li jkopru 90 % tal-art użata għall-biedja. Dawn jirrappreżentaw madwar 46 % tad-dħul tal-komunità agrikola tal-UE iżda f’ħafna reġjuni u setturi, il-proporzjon hu ħafna akbar. B’hekk, dawn jipprovdu ċerta stabbiltà lid-dħul relattiv tal-bdiewa li qed iġarrbu volatilità sinifikanti fil-prezzijiet u fil-produzzjoni, u dan jgħin biex il-bażi tal-produzzjoni tal-UE ta’ ikel vitali ta’ kwalità kbira tinfirex madwar l-Unjoni 3 . L-impatt tagħhom jissupplimentawh l-istrumenti tas-suq. Anki ż-Żoni b’Limitazzjonijiet Naturali jingħataw appoġġ speċifiku.

Il-politika dwar l-iżvilupp rurali tagħti kontribut sostanzjali lill-ekonomija agrikola u lill-għajxien rurali vitali b’diversi modi. Din tappoġġa l-investimenti; it-tiswir tal-għarfien; l-organizzazzjoni tal-katina tal-provvista; il-ħarsien tal-ambjent u l-azzjoni klimatika. Il-programmi tal-iżvilupp rurali ta’ bejn l-2014 u l-2020 qed isejsu fuq dan u jwessgħu l-kontribut tagħhom għall-innovazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju. It-tiswir u l-qsim tal-għarfien ingħataw spinta bit-twaqqif tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-Produttività u s-Sostenibbiltà Agrikola (EIP-AGRI). Iżda għad isiru jsiru ċerti sforzi importanti biex jeħfief l-aċċess tal-bdiewa għall-għarfien 4 .

Irridu niġbru t-tagħlimiet li ħarġu mill-konsultazzjoni pubblika tal-ewwel nofs tal-2017 dwar “l-immodernizzar u s-simplifikazzjoni tal-PAK” 5 li kkonfermat il-kunsens wiesa’ li l-għodod attwali tal-PAK jirnexxilhom jegħlbu l-isfidi attwali sa ċertu punt biss. Din tkopri wkoll ċerti sfidi ambjentali u klimatiċi, fejn maġġoranza tal-bdiewa u ta’ partijiet konċernati oħrajn jidhrilhom li l-PAK jenħtieġ tagħmel aktar. Fl-istess ħin, wieħed mill-ostakli prinċipali li ħareġ fid-dieher kien il-burokrazija żejda għax din ixxekkel lill-politika attwali milli tilħaq l-għanijiet tagħha.

Il-Grafika 2

Il-miżuri bbażati fuq l-art huma kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali u klimatiċi tal-UE, u l-bdiewa huma l-aġenti ekonomiċi ewlenin biex jintlaħqu dawn il-miri soċjetali importanti. F’dan il-kuntest, jeħtiġilna nħarsu lejn il-pagamenti diretti biex niżguraw li porzjon kbir taż-żona attiva tal-UE użata għall-biedja jitmexxa bi prattiki favur l-ambjent. Il-pagamenti attwali tal-Iżvilupp Rurali bbażati fuq l-erja huma msejsa fuq dan il-pedament. Il-biedja organika kibret ġmielu, parzjalment bis-saħħa tal-PAK, tant li fl-2015 kienet tkopri 6 % tal-erja agrikola użata meta mqabbel mat-2 % fl-2000.

L-implimentazzjoni tal-hekk imsejħa “ekoloġizzazzjoni” 6 hi xi drabi meqjusa inqas ambizzjuża milli kien maħsub, u fil-konsultazzjoni pubblika ġiet identifikata bħala l-aktar element peżanti u kumpless tal-PAK li jillimita l-effettività tagħha. Fil-frattemp, it-tibdil fil-klima sar prijorità ferm aktar urġenti, u fil-ġejjieni l-komunità tal-biedja se jkollha ġġarrab ċerti spejjeż importanti 7 .

Din il-fehma enfasizzatha wkoll il-Pjattaforma REFIT, li xeħtet l-attenzjoni fuq il-piż amministrattiv żejjed tal-miżuri attwali ta’ ekoloġizzazzjoni, is-sistema tal-kontroll u tal-awditjar, u d-duplikazzjoni dejjem akbar bejn il-Pilastru I u II 8 . Kif ħareġ fid-dieher bil-Pjattaforma REFIT, jeħtieġ jonqos il-piż regolatorju tal-PAK u jitjieb il-valur tagħha għall-flus filwaqt li jkun żgurat li jintlaħqu l-għanijiet u tiżdied l-integrazzjoni tagħha f’oqsma oħra tal-politika.

L-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tal-qafas komuni attwali ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-PAK, inkluż l-ewwel riżultati tal-prestazzjoni, se jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-2018. Il-Valutazzjoni tal-Impatt li se tirfed il-proposta tal-Kummissjoni għal Politika Agrikola Komuni wara l-2020 se tqis l-evidenza disponibbli kollha b’rabta mal-prestazzjoni tal-politika s’issa (fosthom ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet u l-kontribut tal-Pjattaforma REFIT), u din l-informazzjoni se tużaha meta tiġi biex tanalizza s-soluzzjonijiet speċifiċi għall-ġejjieni.



PAK rilevanti għall-ġejjieni

Hija u tindirizza l-għanijiet tat-Trattat fil-PAK, il-PAK baqgħet tevolvi u żżid il-valur miżjud tal-UE. Din żiedet sostanzjalment l-enfasi tagħha fuq l-ambjent u l-klima u fuq il-kuntest rurali usa’ fejn issir il-biedja. B’hekk is-settur seta’ jżid il-produttività tiegħu bi kważi 9 % mill-2005 sal-lum filwaqt li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) naqsu b’24 % mill-1990 ’l hawn u naqas ukoll l-użu tal-fertilizzanti li ħalla impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-ilma. Madankollu, jekk ma jingħatax appoġġ aktar b’saħħtu u ambizzjuż tal-politika, aktarx li l-emissjonijiet agrikoli tal-UE mhux se jkomplu jonqsu bl-istess ritmu. Il-PAK trid tibqa’ żżid ir-rispons tagħha għal dawn l-isfidi, u trid tagħti kontribut importanti biex jitwettqu l-prijoritajiet tal-President Juncker b’mod koerenti għalkollox ma’ politiki oħrajn, b’mod speċjali:

·li tagħti spinta lill-impjiegi ta’ kwalità, it-tkabbir u l-investiment;

·tisfrutta l-potenzjal tal-Unjoni tal-Enerġija, tal-ekonomija ċirkolari u tal-bijoekonomija filwaqt li ssaħħaħ il-kura ambjentali, u titħabat kontra t-tibdil fil-klima u tadatta għalih;

·toħroġ ir-riċerka u l-innovazzjoni mil-laboratorji u tħaddimhom fl-għelieqi u fis-swieq;

·toħloq rabta soda bejn il-bdiewa u l-kampanja u l-ekonomija diġitali; u

·tagħti kontribut lill-aġenda tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-migrazzjoni.

Fl-istess ħin, l-UE hi impenjata bis-sħiħ li tieħu azzjoni fuq il-Ftehim ta’ Pariġi tal-COP21 u fuq l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti. B’mod partikolari, il-PAK tirfed il-politiki spjegati fil-Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, li jappella lis-settur agrikolu biex jagħti sehmu għall-mira ta’ tnaqqis ta’ 40 % fl-emissjonijiet mal-ekonomija kollha sal-2030 u għall-Istrateġija ta’ Adattament tal-UE. Il-biedja Ewropea teħtieġ ukoll iżżid il-kontribut tagħha għall-għanijiet ambjentali tal-UE. Dawn l-impenji ma jistgħux jitwettqu mingħajr il-bdiewa, il-forestiera u atturi rurali oħrajn li jmexxu nofs l-art tal-UE, li huma utenti ewlenin u kustodji tar-riżorsi naturali relatati u li jipprovdu bjar kbar tal-karbonju u riżorsi rinnovabbli għall-industrija u l-enerġija. Din hi r-raġuni għalfejn jenħtieġ li PAK modernizzata ttejjeb il-valur miżjud tal-UE billi tikseb livell ogħla ta’ ambizzjoni ambjentali u klimatika u tindirizza t-tħassib taċ-ċittadini rigward il-produzzjoni agrikola sostenibbli.

Id-Dikjarazzjoni Cork 2.0 tal-2016 imsejħa “A Better Life in Rural Areas” (Ħajja Aħjar fiż-Żoni Rurali) tleħħen aspirazzjonijiet ambizzjużi biex l-agrikoltura u l-kampanja tal-UE jirnexxu fil-ġejjieni, u l-kontributi li dawn jistgħu jagħtu lis-soċjetà kollha kemm hi. Din tippreżenta aġenda għal riforma tal-PAK ħalli tkun tista’ timplimentaha aħjar u taġġornaha skont l-isfidi ta’ żmienna; b’mod partikolari hemm bżonn isir investiment fil-ħiliet, fis-servizzi pubbliċi, fl-infrastruttura u fit-tiswir tal-kapaċitajiet biex ikollna komunitajiet rurali vibranti.

Il-Grafika 3

Il-konsultazzjoni pubblika saħqet fuq l-importanza tat-tliet dimensjonijiet tas-sostenibbiltà (id-dimensjoni ekonomika, ambjentali u soċjali) u rabtithom mal-ħtieġa akbar li l-politika tiġi modernizzata u ssimplifikata.

Il-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa datata l-1 ta’ Marzu 2017 fetħet dibattitu wiesa’ dwar l-UE ta’ għada u appellat lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha biex jibnu kuntatt aħjar maċ-ċittadini, biex jagħtuhom kont aħjar ta’ għemilhom u biex iwettqu aħjar u aktar malajr dak li ntlaħaq ftehim kollettiv dwaru, bħal pereżempju l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Id-Dokument ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni dwar il-Ġejjieni tal-Finanzi tal-UE, datat it-28 ta’ Ġunju 2017, ikompli jħeġġeġ dan id-dibattitu u jistabbilixxi ċerti alternattivi u xenarji għad-direzzjoni futura tal-baġit tal-UE, fosthom l-alternattiva ta’ grad ta’ kofinanzjament tal-PAK u l-implikazzjonijiet tagħha. Kif jappella d-Dokument ta’ Riflessjoni, jenħtieġ li l-baġit tal-UE jibqa’ jindirizza x-xejriet attwali li se jsawru l-UE fis-snin li ġejjin. Hemm għadd ta’ sfidi ġodda li l-baġit tal-UE jeħtieġ jagħtihom aktar attenzjoni. F’dan il-kuntest, kull strument eżistenti, inkluż il-PAK, jeħtieġ ikun ikkonsidrat. Għalhekk, din il-Komunikazzjoni la tantiċipa r-riżultat ta’ dan id-dibattitu u lanqas ma tantiċipa l-proposti għall-qafas finanzjarju pluriennali (il-QFP) li jmiss.

Id-Dokument ta’ Riflessjoni dwar il-Ġejjieni tal-Finanzi tal-UE appella biex issir tranżizzjoni lejn tkabbir sostenibbli ġdid li tqis ċerti konsiderazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali b’mod integrat u ħolistiku u li tixħet enfasi akbar fuq il-provvista tal-beni pubbliċi.

Dan hi l-art għammiela fejn il-PAK trid tagħmel il-passi li jmiss biex tevolvi – il-modernizzazzjoni, is-simplifikazzjoni u l-ħidma id f’id ma’ politiki oħrajn tal-UE – biex tegħleb firxa wiesgħa ta’ sfidi urġenti u tikseb l-aqwa riżultati li jistgħu jagħtu s-settur tal-biedja u ż-żoni rurali tal-Unjoni, b’attenzjoni akbar fuq l-istandards għoljin u r-riżultati reali, u biex lill-bdiewa tgħinhom ibassru u jindirizzaw l-isfidi u l-iżviluppi rilevanti tal-ġejjieni.

2.Għal mudell ġdid tal-implimentazzjoni u għal PAK aktar sempliċi

Il-PAK trid tevolvi b’diversi modi u ssaħħaħ ir-rispons tagħha għall-isfidi u l-opportunitajiet skont kif ifeġġu fil-livell tal-UE, fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u anki fil-livell tal-azjendi agrikoli. Importanti wkoll li l-PAK tissimplifika l-governanza tagħha, ittejjeb l-implimentazzjoni tagħha fejn jidħlu l-għanijiet tal-UE u tnaqqas il-burokrazija u l-piż amministrattiv b’mod sinifikanti.

Is-sistema attwali tal-implimentazzjoni tal-PAK tistrieħ fuq rekwiżiti dettaljati fil-livell tal-UE, u fiha arranġamenti stretti għall-kontroll, il-penali u l-awditjar. Ħadna drabi, dawn ir-regoli preskrittivi ’l isfel lejn il-livell tal-azjendi agrikoli. Iżda fl-ambjent klimatiku u tal-biedja tant diversifikat tal-Unjoni, la approċċ minn fuq għal isfel u lanqas approċċ ta’ universalità mhuma adattati biex jinkisbu r-riżultati mixtieqa u l-valur miżjud tal-UE.

Fil-mudell tal-implimentazzjoni tal-PAK futura, l-Unjoni jenħtieġ tistabbilixxi parametri bażiċi ta’ politika (għanijiet tal-PAK, tipi ġenerali ta’ intervent, rekwiżiti bażiċi), filwaqt li l-Istati Membri jenħtieġ jerfgħu responsabbiltà akbar u jkunu aktar kontabbli fuq kif jilħqu l-għanijiet u l-miri miftiehma. L-għanijiet tal-PAK jissodisfaw l-obbligi tat-Trattat tal-UE iżda anki l-għanijiet u l-miri maqbula dwar, pereżempju, l-ambjent, it-tibdil fil-klima (COP 21), u għadd ta’ SDGs. Meta jiġu biex iħejju l-pjanijiet strateġiċi tal-PAK, l-Istati Membri se jqisu l-għodod tal-ippjanar tagħhom li adottaw mil-leġiżlazzjoni u l-politiki ambjentali u klimatiċi tal-UE 9 . Fl-istess ħin, l-Istati Membri jkunu responsabbli biex jipprovdu monitoraġġ u rappurtar kredibbli tal-prestazzjoni, li huma l-bażi tal-garanzija tal-baġit.

Jekk tiżdied is-sussidjarjetà, ikunu jistgħu jitqiesu aħjar il-kundizzjonijiet u l-ħtiġijiet lokali, skont dawk l-għanijiet u l-miri. L-Istati Membri jkunu responsabbli biex ifasslu inverventi tal-PAK biex isaħħu kemm jista’ jkun il-kontribut tagħhom lill-għanijiet tal-UE. Filwaqt li jżommu l-istrutturi attwali ta’ governanza – li jridu jibqgħu jiżguraw monitoraġġ u infurzar effettiv tal-kisba ta’ kull għan ta’ politika – l-Istati Membri se jkollhom ukoll vuċi akbar fit-tfassil tal-qafas tal-konformità u l-kontroll applikabbli għall-benefiċjarji (inkluż il-kontrolli u l-penali).

Biex jitjieb il-valur miżjud tal-UE u jitħares is-suq intern agrikolu li qed jiffunzjona, l-Istati Membri mhux se jiddeċiedu għal rashom, iżda fil-kuntest ta’ proċess strutturat bi pjan strateġiku tal-PAK li jkopri l-interventi tal-Pilastru I u II, u b’hekk tkun żgurata l-koerenza tal-politika fi ħdan il-PAK tal-futur u ma’ politiki oħrajn. B’hekk, il-mudell tal-implimentazzjoni se jibqa’ jiżgura livell ekwu u jżomm in-natura komuni u ż-żewġ pilastri tal-politika. Il-Kummissjoni se tivvaluta u tapprova dawn il-pjanijiet bil-ħsieb li żżid kemm jista’ jkun il-kontribut tal-PAK għall-għanijiet u l-prijoritajiet tal-UE u biex jintlaħqu l-miri tal-Istati Membri dwar il-klima u l-enerġija. Dan hu importanti biex ikun żgurat li l-Istati Membri jħaddmu approċċ komuni biex jimplimentaw l-għanijiet ambjentali u klimatiċi. Iż-żieda fl-ambizzjoni hi l-unika alternattiva ta’ politika vijabbli f’dan ir-rigward.

Jenħtieġ li l-proċess tal-ippjanar jitfassal b’mod aktar sempliċi biex jibqa’ biċ-ċar taħt il-livelli ta’ kumplessità murija fil-programmazzjoni attwali tal-iżvilupp rurali. B’mod partikolari, dan ifisser li jenħtieġ jitneħħew ċerti elementi preskrittivi tal-konformità bħalma huma d-dettalji tal-miżuri u r-regoli tal-eliġibbiltà fil-livell tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Din is-simplifikazzjoni taqbel ukoll ma’ approċċi integrati u innovattivi u tagħmel il-qafas ta’ politika aktar adattabbli u aktar favur l-innovazzjoni.

Dan ifisser li l-PAK u l-pjanijiet tal-Istati Membri jenħtieġ jiffukaw qabelxejn fuq l-għanijiet u r-riżultati mistennija, filwaqt li jħallu biżżejjed lok għall-Istati Membri u r-reġjuni biex jindirizzaw l-ispeċifiċitajiet tagħhom. Bi qbil mal-loġika tal-approċċ tal-Kummissjoni ta’ “Baġit iffukat fuq ir-riżultati”, jenħtieġ li s-sistema futura tal-implimentazzjoni tkun aktar immexxija mir-riżultati, tixpruna s-sussidjarjetà għax tagħti rwol akbar lill-Istati Membri biex jimplimentaw l-iskemi tal-PAK, twettaq il-miri realistiċi u xierqa li jkunu miftiehma, u tgħin biex il-benefiċjarji jonqsilhom il-piż amministrattiv relatat mal-UE. F’dan il-kuntest, il-possibbiltajiet simplifikati tal-ispejjeż u t-teknoloġiji moderni jiftħu opportunitajiet kbar ħafna biex jonqos dan il-piż, l-aktar fejn jidħlu l-kontrolli. Jenħtieġ li l-bdiewa u ċ-ċittadini jkunu jistgħu jaħsdu l-frott ta’ dawn l-avvanzi b’qafas inqas preskrittiv.

B’dan il-mod, kif issemmi d-Dikjarazzjoni Cork 2.0, l-istruttura tal-PAK b’mod ġenerali tipprevedi interventi mmirati għall-għanijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali ddefiniti sew u tirrifletti l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tat-territorji kkonċernati.

Bla dubju, il-Kummissjoni taqdi funzjoni kruċjali oħra li tgħasses il-kisba tar-riżultati u r-rispett tar-regoli bażiċi tal-UE u l-impenji internazzjonali fil-qafas ta’ sistema tal-assigurazzjoni u tal-awditjar imfassla sew. Għal dan il-għan, il-proċess tal-assigurazzjoni jeħtieġ jiġi adattat skont ir-rekwiżiti ta’ tfassil tal-politika mmexxi mir-riżultati, fosthom l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ indikaturi solidi u li jistgħu jitkejlu u ta’ monitoraġġ u rappurtar kredibbli tal-prestazzjoni.

3.PAK aktar intelliġenti, moderna u sostenibbli

Jenħtieġ li ċ-ċittadini Ewropej jibqa’ jkollhom aċċess għal ikel sikur, ta’ kwalità kbira, affordabbli u nutrittiv u varjat. Il-mod kif dan l-ikel jiġi magħmul u kummerċjalizzat jenħtieġ jadatta skont l-aspettattiva taċ-ċittadini, l-aktar fejn jidħol l-impatt fuq saħħithom, l-ambjent u l-klima. Biex dan ikun żgurat f’kuntest ta’ popolazzjoni dinjija dejjem akbar, ta’ aktar pressjoni ambjentali u tat-tibdil fil-klima, il-PAK trid tibqa’ tevolvi, iżżomm l-orjentazzjoni tagħha fis-suq u tibqa’ tappoġġa l-mudell tal-azjendi agrikoli tal-familja tal-UE fir-reġjuni kollha tal-Unjoni. Bl-istess mod, il-PAK jeħtieġ tappoġġa u tkun kompatibbli mal-isforzi li jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni lejn l-UE.

Il-Grafika 4

Dawn l-għanijiet ikunu jistgħu jintlaħqu jekk il-PAK tissejjes fuq dak li diġà kisbet permezz tal-għanijiet ta’ politika tagħha, f’kuntest ekonomiku, soċjali, klimatiku, ambjentali, teknoloġiku, industrijali u politiku ġdid. It-Taqsima ta’ hawn taħt tistabbilixxi l-għanijiet ewlenin tal-PAK tal-futur, biex:

·jitrawwem settur agrikolu reżiljenti u intelliġenti;

·jissaħħu l-kura ambjentali u l-azzjoni klimatika u biex jingħata kontribut lill-għanijiet ambjentali u klimatiċi tal-UE; u

·tissaħħaħ in-nisġa soċjoekonomika taż-żoni rurali.

Biex jilħqu dawn l-għanijiet, is-settur agrikolu u ż-żoni rurali tal-UE jeħtieġ jintabtu aħjar mar-riċerka u l-iżvilupp fil-kapital uman, u jeħtieġ jiżdied l-appoġġ għall-innovazzjoni.

Il-PAK tal-futur jeħtieġ ukoll tissokta tirreaġixxi għall-aspettattivi tas-soċjetà fejn tidħol il-produzzjoni alimentari sostenibbli, l-aktar rigward is-sikurezza tal-ikel, il-kwalità tal-ikel, l-istandards ambjentali u tat-trattament xieraq tal-annimali.

3.1.Bir-riċerka u l-innovazzjoni nġonġu aħjar dak li nafu ma’ dak li nkabbru

F’diversi oqsma (l-agronomija bħal soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, it-trobbija, il-biedja vertikali, iż-żooteknika, u fuq l-oqsma tal-bijoloġija, tat-teknoloġija, tal-organizzazzjoni u dak relatat mal-prodotti), ċerti innovazzjonijiet jistgħu jitwettqu u jistgħu jservu lill-multifunzjonalità tas-sistemi agrikoli u alimentari tal-UE. Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma parti mill-bażi tal-progress fejn jidħlu l-isfidi kollha li qed isibu s-settur tal-biedja u ż-żoni rurali tal-UE: ekonomiċi, ambjentali u soċjali. Jenħtieġ li l-ħtiġijiet u l-kontribut taż-żoni rurali jiġu riflessi b’mod ċar fl-aġenda tar-riċerka tal-Unjoni Ewropea, u l-PAK tal-futur jeħtieġ ittejjeb iżjed is-sinerġiji mal-Politika dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni biex titrawwem l-innovazzjoni.

Bis-saħħa tal-iżvilupp teknoloġiku u tad-diġitalizzazzjoni jkunu jistgħu jsiru qabżiet kbar fl-effiċjenza tar-riżorsi biex l-agrikoltura intelliġenti tissaħħaħ fejn jidħlu l-ambjent u l-klima, u b’hekk jonqsu l-impatti ambjentali/klimatiċi fuq il-biedja, tiżdied ir-reżiljenza u s-saħħa tal-ħamrija u jonqsu l-ispejjeż għall-bdiewa. Iżda l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda fil-biedja ma laħaqx l-aspettattivi u mhux mifrux b’mod uniformi madwar l-UE; u hemm bżonn partikolari li jiġi indirizzat l-aċċess tal-azjendi agrikoli żgħar u medji għat-teknoloġija.

Mhux biss it-teknoloġija, iżda anki l-aċċess għal għarfien ġdid, plawżibbli u rilevanti għadu frammentat wisq fl-Unjoni. Dan ifixkel il-prestazzjoni ta’ ċerti strumenti tal-PAK u l-kompetittività ġenerali u l-potenzjal ta’ żvilupp tas-settur tal-biedja. B’kuntrast ma’ dan, il-kapaċità tal-PAK biex iżżid il-fluss tal-għarfien bejn l-imsieħba minn bnadi differenti tal-UE toffri valur miżjud qawwi għax din tiffranka l-ispejjeż, iżżid l-impatt tal-finanzjament tal-UE u tħaffef l-innovazzjoni fi bnadi differenti tal-UE.

Il-Grafika 5

L-appoġġ għall-għarfien, l-innovazzjoni u t-teknoloġija se jkun kruċjali biex il-PAK tibqa’ rilevanti għall-ġejjieni. Ċerti skemi li għandhom l-għan li jtejbu l-prestazzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali u l-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima se jintrabtu ma’ servizzi ta’ konsulenza li jipprovdu għarfien, pariri, ħiliet u innovazzjoni.

Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-Produttività u s-Sostenibbiltà Agrikola (EIP-AGRI) u s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar l-Ilma wrew il-valur tagħhom fil-mobilizzazzjoni tas-settur agrikolu għall-innovazzjoni. Din iffinanzjat proġetti pilota b’diversi parteċipanti u qed tagħmel netwerking madwar l-Ewropa biex l-għarfien il-ġdid ikun ġeneralment disponibbli. Is-suċċess tagħha jiddependi fuq il-prestazzjoni kkombinata tal-konsulenti, it-taħriġ agrikolu u s-sistemi edukattivi, ir-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa li ħafna drabi jissejħu s-Sistema tal-Għarfien u l-Innovazzjoni Agrikoli (AKIS) u li jvarjaw ħafna fil-mod kif jaħdmu fl-Istati Membri differenti. Ir-rwol tal-konsulent tal-azjenda agrikola jispikka bħala wieħed partikolarment importanti. Jenħtieġ li PAK moderna tappoġġa t-tisħiħ tas-servizzi ta’ konsulenza lill-azjendi agrikoli fi ħdan is-sistemi AKIS. Dan jenħtieġ isir waħda mill-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK. Dan jenħtieġ jiġi ffaċilitat billi jissaħħaħ l-appoġġ għal skambju bejn il-pari, jinħolqu netwerks u ssir koperazzjoni bejn il-bdiewa, fosthom permezz tal-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi (“POs”) għax dawn jistgħu jkunu mezzi importanti ta’ qsim tal-għarfien, ta’ innovazzjoni, u ta’ ffrankar fl-ispejjeż lill-bdiewa b’mod regolari ħafna.

3.2.Inrawmu settur agrikolu reżiljenti u intelliġenti

3.2.1.Appoġġ għal dħul ġust biex il-bdiewa jaqilgħu l-għajxien

Bħalma jenfasizza d-Dokument ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni dwar il-Ġejjieni tal-Finanzi tal-UE, il-pagamenti diretti jxejnu parzjalment id-distakk bejn id-dħul agrikolu u d-dħul f’setturi ekonomiċi oħra. Dawn jipprovdu lqugħ importanti għad-dħul, jiżguraw li jkun hemm attività agrikola fil-partijiet kollha tal-Unjoni, inkluż fiż-żoni b’restrizzjonijiet naturali (li jirċievu pagamenti tad-dħul ukoll mill-Politika tal-Iżvilupp Rurali) u li jinkisbu diversi benefiċċji ekonomiċi, ambjentali u soċjali assoċjati, inkluż il-provvista tal-beni pubbliċi. Għalhekk, il-pagamenti diretti jibqgħu parti essenzjali mill-PAK b’konformità mal-obbligi tat-Trattat tal-UE.

Il-Grafika 6

Għalkemm b’mod ġenerali, ir-rwol tal-pagamenti diretti biex ikun stabbilizzat id-dħul tal-bdiewa hu aċċettat, xi drabi l-fatt li 20 % tal-bdiewa jirċievu 80 % tal-pagamenti jqanqal akkużi ta’ “inġustizzja”. Dawn iċ-ċifri juru li f’din is-sistema, il-pagamenti huma marbuta mal-art li hija kkonċentrata fost minoranza ta’ bdiewa. Nofs il-benefiċjarji tal-PAK huma azjendi agrikoli żgħar ħafna, u ħafna mill-pagamenti jirċevuhom l-azjendi agrikoli professjonali tal-familja ta’ daqs medju; madankollu, jenħtieġ titħeġġeġ distribuzzjoni aktar bilanċjata tal-appoġġ. Il-pagamenti diretti jwettqu l-missjoni tagħhom b’mod aktar effettiv u effiċjenti jekk jiġu ssimplifikati u mmirati aħjar. Iżda l-bidla trid tħares waħda mill-assi ewlenin tal-politika: il-protezzjoni tas-suq intern li l-PAK ħolqot matul is-snin u li qed jiffunzjona sew.


Il-Grafika 7

Biex il-pagamenti diretti jiġu mmirati b’mod aktar effettiv ħalli jkun żgurat dħul lill-bdiewa kollha madwar l-UE, kif jiddikjara d-Dokument ta’ Riflessjoni msemmi hawn fuq, jenħtieġ li jiġu mistħarrġa dawn il-possibbiltajiet li ġejjin, li mhumiex eżawrjenti,, ħalli jkun żgurat appoġġ ġust u mmirat aħjar għad-dħul tal-bdiewa:

Limitu massimu obbligatorju għall-pagamenti diretti b’mod li jitqies is-suq tax-xogħol ħalli jkunu evitati l-effetti negattivi fuq l-impjiegi;

Jistgħu jiddaħħlu wkoll xi pagamenti digressivi bħala mezz biex jonqos l-appoġġ lil azjendi agrikoli akbar;

Enfasi akbar fuq pagament ridistributtiv ħalli jkun jista’ jingħata appoġġ b’mod immirat, pereżempju, lill-azjendi agrikoli żgħar u medji;

Ikun żgurat li l-appoġġ hu mmirat lejn bdiewa ġenwini, b’enfasi fuq dawk li huma attivi fil-biedja biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom.

Fl-istess ħin, il-PAK jeħtieġ taqdi r-rwol tagħha skont il-prinċipji ta’ “Ugwaljanza bejn il-Membri tagħha, kbar jew żgħar, fil-Lvant jew fil-Punent, tat-Tramuntana jew tan-Nofsinhar”, li kien fakkar il-President Juncker fid-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017. F’dan is-sens, fl-appoġġ tal-PAK jenħtieġ tnaqqas id-differenzi bejn l-Istati Membri. Għalkemm jenħtieġ li jingħarfu d-diversità wiesgħa tal-ispejjeż relattivi tax-xogħol u tal-art u l-potenzjali agronomiċi differenti madwar l-UE, il-bdiewa kollha tal-UE qed jaffaċċjaw sfidi simili.

3.2.2.Ninvestu biex il-bdiewa jmorru aħjar fis-suq 

Il-PAK jenħtieġ taqdi rwol akbar biex tgħin lill-bdiewa jaqilgħu aktar flus mis-suq. Hu ċar li hemm bżonn tingħata spinta lill-investimenti fl-azjendi agrikoli għal ristrutturar, modernizzazzjoni, innovazzjoni, diversifikazzjoni u użu ta’ teknoloġiji ġodda u opportunitajiet diġitali, bħalma huma l-agrikoltura ta’ preċiżjoni, l-użu tal-big data u l-enerġija nadifa ħalli jitjiebu s-sostenibbiltà, il-kompetittività u r-reżiljenza tal-azjendi agrikoli individwali, fosthom kontra l-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima. Il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-ikel hi fattur importanti li se jiġi indirizzat ukoll bil-proposta skedata għal titjib fil-katina tal-provvista tal-ikel tal-UE 10 . Barra minn hekk, hemm bżonn ċerti riflessjonijiet oħra dwar ir-rwol u l-funzjonament effiċjenti fejn jidħlu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi agrikoli. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi li huma rikonoxxuti jistgħu jkunu mezz siewi biex il-bdiewa jsaħħu l-pożizzjoni ta’ negozjar tagħhom fil-katina tal-valur u biex jikkoperaw bejniethom ħalli jnaqqsu l-ispejjeż u jtejbu l-kompetittività tagħhom u jmorru aħjar fis-suq. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi huma rilevanti, b’mod partikolari għall-bdiewa żgħar, u għalhekk hu importanti li dawn ikunu organizzati biex joffrulhom l-opportunitajiet. Il-ktajjen tal-valur rurali sostenibbli emerġenti f’ċerti oqsma bħalma huma l-industriji b’bażi bijoloġika, il-bijoenerġija u l-ekonomija ċirkolari, kif ukoll l-ekoturiżmu, joffru opportunitajiet lill-bdiewa u lin-negozji rurali biex jiddiversifikaw in-negozju tagħhom, jipproteġu lilhom infushom mir-riskji u jiksbu dħul addizzjonali: il-politika jenħtieġ tiffoka dejjem aktar fuq l-appoġġ lil sforzi bħal dawn.

Jenħtieġ li l-prestazzjoni tal-appoġġ għall-investimenti bil-PAK titjieb ukoll permezz ta’ integrazzjoni aħjar tal-pariri kummerċjali u l-promozzjoni tal-investimenti u l-mekkaniżmi kollettivi biex jinħolqu sinerġiji effettivi mar-riċerka u l-innovazzjoni. Id-distakk attwali fl-investiment fl-agrikoltura jeħtieġ jiġi indirizzat, anke b’aktar użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi tal-biedja kif ukoll aktar proġetti integrati li jgħaqqdu diversi strumenti tal-UE (il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej). Il-ħidma li tissokta mal-Bank Ewropew tal-Investiment (il-BEI) tista’ twitti t-triq.

3.2.3.Il-Ġestjoni tar-Riskju

Peress li l-PAK għandha aktar orjentazzjoni tas-suq, iż-żieda fl-esponiment tas-suq wasslet għal aktar riskji ta’ volatilità fil-prezzijiet u pressjoni dejjem akbar fuq id-dħul. Ir-riskji ġejjin ukoll mit-tibdil fil-klima, miż-żieda fil-frekwenza u fis-severità tal-avvenimenti estremi assoċjati u miż-żieda fil-frekwenza tal-kriżijiet sanitarji u fitosanitarji li jolqtu lill-bhejjem u l-assi agronomiċi tal-UE. Filwaqt li l-bdiewa, bħala intraprendituri, huma fl-aħħar mill-aħħar responsabbli biex ifasslu l-istrateġiji fl-azjendi tagħhom stess, hu importanti li jinħoloq qafas sod għas-settur tal-biedja biex jevita u jindirizza r-riskji u l-kriżijiet, bil-għan li tiżdied ir-reżiljenza tiegħu u fl-istess waqt jingħataw l-inċentivi t-tajba biex jittieħdu bosta inizjattivi privati.

Il-Grafika 8

Il-PAK diġà toffri sett ta’ għodda fl-għamla ta saffi biex lill-bdiewa jgħinuhom jevitaw u jimmaniġġaw ir-riskji, li jvarjaw minn pagamenti diretti u intervent fis-suq għal kumpensi ta’ wara l-kriżijiet, u l-miżuri attwali tat-tieni pilastru, b’mod partikolari l-Għodda għall-Istabbilizzazzjoni tad-Dħul (IST) u appoġġ ta’ assigurazzjoni. Pereżempju, l-għodod għall-istabbilizzazzjoni li jkunu speċifiċi għas-setturi u li jkollhom livell ta’ attivazzjoni ta’ 20 % għat-telf fid-dħul, jistgħu jkunu effettivi. Hu importanti li jitqies jekk għandhiex tibqa’ taġġusta t-tfassil tagħha biex tiffunzjona aħjar. Minbarra dan, jenħtieġ jiġi esplorat kif il-possibbiltajiet eżistenti fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskju jistgħu jiġu sfruttati aħjar, pereżempju permezz ta’ indiċijiet li jkejlu t-telf fid-dħul tal-azjendi agrikoli, biex jonqsu l-burokrazija u l-ispejjeż.

Jista’ jitjieb il-mod kif il-komunità tal-biedja tifhem u tikkunsidra l-istrumenti tal-ġestjoni tar-riskji inġenerali u b’mod partikolari tal-assigurazzjoni agrikola. It-taħriġ fl-iżvilupp rurali, l-inizjattivi tat-trasferiment tal-għarfien u l-inklużjoni fis-servizz ta’ konsulenza jagħtu l-opportunità biex jiżdied l-għarfien dwar il-benefiċċji ta’ dawk is-sistemi.

Fi żmien qasir se titwaqqaf pjattaforma permanenti fil-livell tal-UE dwar il-ġestjoni tar-riskji biex il-bdiewa, l-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet konċernati jkollhom forum biex jaqsmu l-esperjenzi u l-aqwa prattiki bejnietom bil-għan li titjieb l-implimentazzjoni tal-għodod attwali u li jinġabar tagħrif għall-iżviluppi tal-politika futura.

Fl-istess ħin, ta’ min wieħed jesplora kif jista’ jiġi żviluppat aktar approċċ integrat u koerenti għall-prevenzjoni, il-ġestjoni u r-reżiljenza tar-riskji, li b’mod kumplimentari tħallat l-interventi fil-livell tal-UE mal-istrateġiji tal-Istati Membri u l-istrumenti tas-settur privat li jindirizzaw l-istabbiltà fid-dħul u r-riskji klimatiċi. F’dan il-kuntest, approċċ flessibbli hu kundizzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jitfasslu soluzzjonijiet apposta skont it-tipi differenti ta’ ħtiġijiet reġjonali u settorjali tal-bdiewa u biex jingħata appoġġ lill-orjentazzjoni tas-suq tagħhom.

Iżda jenħtieġ jiġu esplorati mogħdijiet ġodda. L-istrumenti finanzjarji li jistimolaw il-fluss tal-kapital privat jistgħu jgħinu biex jixxejjen in-nuqqas temporanju ta’ flussi ta’ flus. Jistgħu ikunu previsti wkoll xi miżuri kumplimentari oħra għall-għodod attwali tal-ġestjoni tar-riskju, fosthom appoġġ għar-riassigurazzjoni ta’ fondi mutwi jew inċentivi għal tfaddil ta’ prekawzjoni.

Lil hinn mill-għodod tal-PAK, ċerti azzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri jistgħu jgħinu diment li jkunu kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Pereżempju, dan jikkonċerna xi dispożizzjonijiet fil-politika dwar it-tassazzjoni, li bħalissa qed jaqtgħu qalb il-bdiewa milli jfaddlu waqt siegħa tajba biex jaħsbu għal żmien iebes.

3.3.Intejbu l-kura ambjentali u l-azzjoni klimatika, u nagħtu sehemna biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali u klimatiċi tal-UE

It-tibdil fil-klima u r-restrizzjonijiet fuq ir-riżorsi naturali se jkomplu jaffettwaw lill-biedja u joħolqu sfidi għas-sigurtà tal-ikel. Il-miri għall-klima u l-enerġija għall-2030 jistabbilixxu għanijiet ambizzjużi. Bħal kull settur ieħor, l-agrikoltura jenħtieġ tagħti kontribut ġust biex jintlaħqu dawn il-miri, kif jispjegaw il-proposti tal-Kummissjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi u l-Użu tal-Art, it-Tibdil tal-Użu tal-Art u tal-Forestrija (LULUCF). Fl-istess waqt, l-agrikoltura hi wieħed mill-aktar setturi vulnerabbli għat-tibdil fil-klima. L-iskarsezza tal-ilma, it-tibdil fit-tendenzi tax-xita, iż-żidiet u l-varjazzjoni fit-temperatura globali, iż-żieda fl-intensità u l-frekwenza ta’ estremi relatati mal-klima, il-preżenza u l-persistenza ta’ pesti u mard (ġodda), u r-riskji ta’ nirien diġà huma sfida għall-prattiki u l-produzzjoni attwali tal-agrikoltura u tal-forestrija. Madankollu, il-bdiewa u l-forestiera mhumiex biss utenti tar-riżorsi naturali iżda amministraturi indispensabbli tal-ekosistemi, tal-ħabitats u tal-pajsaġġi. Jenħtieġ li PAK ġdida tkun tixhed ambizzjoni akbar u tiffoka iżjed fuq ir-riżultati b’rabta mal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, il-ħarsien tal-ambjent u l-azzjoni klimatika.

Il-PAK tal-futur jenħtieġ tuża s-sejbiet tar-riċerka bl-aqwa mod, tiżgura li l-għarfien jixtered u jitwettaq, u tappoġġa l-proliferazzjoni tat-teknoloġiji moderni biex iżżid kemm jista’ jkun il-kontribut tal-agrikoltura għall-għanijiet tal-UE u dinjin. Parti mit-tweġiba hi biedja intelliġenti fejn tidħol il-klima, imwieżna b’taħriġ, pariri u innovazzjoni; iżda din teħtieġ politika agrikola b’impenn sod biex jinħolqu beni pubbliċi u servizzi tal-ekosistema relatati mal-ħamrija, l-ilma, il-bijodiversità, il-kwalità tal-arja, l-azzjoni klimatika u l-għoti ta’ faċilitajiet tal-pajsaġġ. Hu importanti wkoll li l-kontribut tal-PAK għal dawn l-għanijiet ikun strateġiku u jkun jista’ jitkejjel.

L-arkitettura ekoloġika attwali tal-PAK, li qabelxejn tistrieħ fuq l-implimentazzjoni kumplimentari ta’ tliet strumenti ta’ politika distinti – il-kundizzjonalità, il-pagamenti diretti ekoloġiċi u l-miżuri agroambjentali u klimatiċi volontarji, se tinbidel u kull operazzjoni se tiġi integrata f’approċċ aktar immirat, aktar ambizzjuż u daqstant ieħor flessibbli. Bil-mudell il-ġdid tal-implimentazzjoni, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jfasslu taħlita ta’ miżuri obbligatorji u fakultattivi fil-Pilastru I u fil-Pilastru II biex jilħqu l-għanijiet ambjentali u klimatiċi ddefiniti fil-livell tal-UE. L-Istati Membri se jkun jeħtiġilhom jiddefinixxu miri kwantifikati li jiżguraw li jintlaħqu l-għanijiet ambjentali u klimatiċi ddefiniti fil-livell tal-UE. L-Istati Membri se jkollhom il-flessibbiltà li jifformulaw pjanijiet strateġiċi biex ikunu jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet ambjentali u klimatiċi fil-livell lokali. Jenħtieġ jiġi mistħarreġ kif ir-riżultati jistgħu jittejbu permezz ta’ rekwiżit obbligatorju għall-UE kollha li jiġi stabbilit pjan ta’ ġestjoni tan-nutrijenti u li jingħataw inċentivi għall-agrikoltura ta’ preċiżjoni, bħala parti minn pjan strateġiku tal-PAK tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tesplora, fost l-oħrajn, kif se tipprevedi miżuri li jagħtu valur ambjentali miżjud kbir lill-UE, bħal pereżempju l-konservazzjoni tal-mergħat permanenti, u l-ħolqien u ż-żamma tal-karatteristiċi tal-pajsaġġi, l-agrikoltura fiż-żoni b’limitazzjonijiet naturali, il-biedja organika, u skemi individwali jew kollettivi mmirati għas-saħħa tal-ħamrija, il-bijodiversità u l-ġestjoni tal-baċiri idrografiċi.

L-għoti ta’ appoġġ għad-dħul lill-bdiewa se jsir bil-patt u l-kundizzjoni li l-impriża tagħhom tħaddem prattiki klimatiċi u ambjentali, li jsiru r-referenza għal aktar prattiki volontarji ambizzjużi. Din il-kundizzjonalità l-ġdida se tiddependi fuq l-implimentazzjoni ta’ sett issimplifikat ta’ kundizzjonijiet ambjentali u klimatiċi, li jipprovdu beni pubbliċi ambjentali u klimatiċi. Dawn il-prattiki jiġu ddefiniti iżjed mill-Istati Membri biex jitqiesu aħjar is-sitwazzjoni speċifika, ir-riskji klimatiċi u l-ħtiġijiet tagħhom, filwaqt li jkun żgurat li dawn il-prattiki jikkontribwixxu kif jixraq għall-għanijiet miftiehma fil-livell tal-UE. L-Istati Membri jridu jiżguraw li jintlaħqu l-miri miftiehma u jissorveljaw il-prestazzjoni b’mod sod u kredibbli. Aktar benefiċċji ambjentali/klimatiċi se jinkisbu bi skemi volontarji fil-livell tad-dħul u bi skemi agroambjentali klimatiċi aktar ambizzjużi li bihom l-Istati Membri/ir-reġjuni jkunu jistgħu jimmiraw it-tħassib speċifiku tagħhom.

Approċċ bħal dan se jwassal għal simplifikazzjoni – saff wieħed ta’ rekwiżiti għall-pagamenti diretti, sett uniku ta’ regoli tal-ġestjoni u tal-kontroll, u inqas piż amministrattiv lill-Istat Membru u lill-bidwi. B’aktar sussidjarjetà se jitneħħa l-approċċ ta’ universalità u se tkun żgurata rabta ambjentali ċara għall-azzjonijiet meħuda. Madankollu, biex tkun żgurata l-koerenza mal-għanijiet ġenerali tal-UE, kull azzjoni u mira tal-Istat Membru se tapprovaha l-Kummissjoni fil-qafas tal-UE maqbul bħala parti mill-pjan strateġiku tal-PAK.

Il-prestazzjoni ġenerali tal-arkitettura ekoloġika l-ġdida jenħtieġ tħeġġeġ approċċi koperattivi/kollettivi, li jinvolvu lill-Bdiewa u lill-Partijiet Konċernati f’implimentazzjoni orjentata lejn ir-riżultati ta’ beni pubbliċi ambjentali u klimatiċi u li jiżviluppaw skemi li jintegraw il-provvista ta’ investimenti fl-għarfien u fl-ambjent.

3.4.Insaħħu n-nisġa soċjoekonomika taż-żoni rurali

3.4.1.It-tkabbir u l-impjiegi fiż-żoni rurali

Ħafna żoni rurali fl-UE jġarrbu problemi strutturali, fosthom in-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ impjiegi attraenti, in-nuqqas tal-ħiliet, in-nuqqas ta’ investimenti fil-konnettività u fis-servizzi bażiċi u l-eżodu sinifikanti taż-żgħażagħ. F’Unjoni ta’ ugwaljanza, il-politiki tal-UE jridu jindirizzaw aħjar il-potenzjal u l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini u tal-komunitajiet rurali. Il-PAK, u b’mod partikolari l-Politika tal-Iżvilupp Rurali, taqdi rwol importanti li tippromwovi l-impjiegi u t-tkabbir u tħares il-kwalità ambjentali taż-żoni rurali.

Hu essenzjali li jsiru investimenti tal-UE u nazzjonali konġunti fl-infrastruttura u fl-iżvilupp naturali u tal-kapital uman ħalli jingħata appoġġ għal impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità fiż-żoni rurali. Jenħtieġ li l-komunitajiet rurali jkollhom aċċess aħjar għas-servizzi pubbliċi, il-kura tas-saħħa, it-taħriġ vokazzjonali, il-programmi tal-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda speċjalment fil-qasam diġitali, l-edukazzjoni ta’ kwalità u l-konnettività.

Il-PAK hi waħda mill-bosta politiki tal-UE li tikkontribwixxi għall-prosperità fiż-żoni rurali u din għandha ttejjeb il-kumplimentarjetà tagħha ma’ politiki oħrajn tal-UE bħall-Politika ta’ Koeżjoni – li tipprovdi wkoll finanzjament sostanzjali tal-UE fiż-żoni rurali – u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa kif ukoll fondi u strateġiji nazzjonali. Koordinazzjoni aħjar bejn dawn il-politiki twassal għal mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni aktar sempliċi u anqas burokrazija għall-amministrazzjonijiet u ċ-ċittadini.

Bi ktajjen tal-valur rurali ġodda, bħall-enerġija nadifa, il-bijoekonomija emerġenti, l-ekonomija ċirkolari u l-ekoturiżmu, hemm il-potenzjal għal tkabbir u impjiegi fiż-żoni rurali. Il-prodotti sekondarji tas-settur agroalimentari u tal-forestrija jistgħu jagħtu valur ġdid bħala kontribut għall-industriji tal-bijoenerġija u għall-industriji b’bażi bijoloġika, filwaqt li d-demel jista’ jsir bijogass u fertilizzant, u b’hekk jappoġġa t-tranżizzjoni tal-enerġija u r-riċiklaġġ usa’ tan-nutrijenti. Dan jikkontribwixxi wkoll għas-sostituzzjoni tar-riżorsi u l-materjali li jniġġsu aktar u li mhumiex rinnovabbli, u jgħin biex jonqsu t-telf u l-ħela tal-ikel. L-agrikoltura u l-forestrija sostenibbli huma żewġ setturi strateġiċi biex jissawwar dan il-potenzjal.

Għalhekk jenħtieġ li t-tkabbir tal-bijoekonomija b’mudell tan-negozju sostenibbli jsir prijorità għall-pjanijiet strateġiċi tal-PAK, u jappoġġa l-istrateġija tal-ekonomija ċirkolari tal-UE u l-iżvilupp ta’ mudelli tan-negozju ġodda li minnhom jibbenefikaw il-bdiewa u l-forestiera filwaqt li joħolqu impjiegi ġodda. Barra minn hekk, dan jixpruna l-potenzjal tal-PAK li tikkontribwixxi għall-Unjoni tal-Enerġija u għall-Politika Industrijali tal-UE billi tippromwovi l-produzzjoni ta’ enerġija nadifa u effiċjenti, inkluż il-mobilizzazzjoni ta’ bijomassa sostenibbli fir-rigward tal-prinċipji ewlenin tal-istrateġija tal-ekonomija ċirkolari tal-UE. Jenħtieġ li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u strumenti finanzjarji oħra jingranaw aktar appoġġ minn Programmi tal-Iżvilupp Rurali ħalli jipprovdu self fuq terminu taż-żmien itwal u bi prezz baxx għall-intraprendituri li huma lesti li jinvestu fiż-żoni rurali.

Il-Grafika 9

Waħda mill-prijoritajiet għal din il-ħidma konġunta futura mifruxa f’oqsma ta’ politika hi l-iżvilupp ta’ “Irħula Intelliġenti” madwar l-Unjoni kollha. Dan il-kunċett emerġenti li bħalissa qed jiżviluppa permezz ta’ għadd ta’ inizjattivi u proġetti pilota, se jgħin lill-komunitajiet lokali biex jindirizzaw kwistjonijiet ta’ konnettività inadegwata tal-broadband, opportunitajiet tal-impjiegi u għoti ta’ servizzi b’mod ċar u komprensiv. Il-Kummissjoni hi impenjata li ssaħħaħ l-appoġġ għall-komunitajiet rurali u għall-awtoritajiet lokali li jixtiequ jiżviluppaw Irħula Intelliġenti permezz ta’ tiswir tal-kapaċitajiet, appoġġ għall-investimenti, netwerking u b’għodod innovattivi ta’ finanzjament biex jitjiebu l-ħiliet, is-servizzi u l-infrastruttura.

Hemm bżonn jissokta l-investiment tal-UE u nazzjonali konġunt fl-iżvilupp tal-kapital uman fiż-żoni rurali biex jingħata appoġġ lil impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità u biex in-nies li jgħixu f’dawn l-inħawi jingħataw għajnuna ħalli jilħqu l-potenzjal tagħhom, u l-potenzjal tal-komunità tagħhom, billi jkollhom l-għajnuna biex jiksbu ħiliet ġodda u jkollhom aċċess aħjar għal servizzi essenzjali ta’ kwalità, inkluż aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità.

L-approċċ LEADER minn isfel għal fuq u mmexxi lokalment wera li hu mezz effettiv biex jissawru l-kapaċitajiet lokali u jitħeġġu l-inklużjoni soċjali, it-tnaqqis fil-faqar u l-ħolqien tal-impjiegi fl-ekonomija lokali. Hemm bżonn sinerġiji u koordinazzjoni aħjar mal-awtoritajiet muniċipali u mal-aġenziji lokali ħalli l-potenzjal rurali jiġi mobilizzat għalkollox.

B’din il-politika tal-iżvilupp rurali, il-PAK hi l-“mutur rurali” tal-Unjoni. Madankollu, filwaqt li kull politika makro u settorjali għandha impatt potenzjali fuq il-komunitajiet rurali u ħafna fondi tal-UE, bil-kapaċità li tippromwovi l-prosperità rurali, din il-kapaċità għar-riġenerazzjoni rurali mhux dejjem tkun massimizzata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hi impenjata li tippromwovi mekkaniżmu rilevanti għaż-żoni rurali, li b’mod sistematiku jirrevedi l-politiki rilevanti minn perspettiva rurali u jqis l-impatti possibbli fuq il-komunitajiet rurali.

3.4.2.Nattiraw bdiewa ġodda

Settur agrikolu ta’ prosperità jista’ jinħoloq biss jekk issir il-bidla vera tal-ġenerazzjoni: il-komunità agrikola tagħna, li tant qed tixjieħ, teħtieġ demm ġdid biex is-settur ikun aktar dinamiku u miftuħ għat-trasformazzjonijiet teknoloġiċi ta’ żmienna. Iżda l-bdiewa żgħażagħ u parteċipanti ġodda oħrajn qed isibu bosta ostakli biex jibdew attività agrikola, fosthom ostakli ekonomiċi bħall-prezzijiet għaljin tal-art u ostakli soċjetali bħall-perċezzjoni li l-biedja mhix attraenti jew sengħa antikwata, xi drabi mingħajr protezzjoni soċjali xierqa.

Il-Grafika 10

Jenħtieġ li t-tiġdid ġenerazzjonali jsir prijorità f’qafas ta’ politika ġdid, iżda jrid jingħaraf li l-Istati Membri jinsabu fl-aqwa pożizzjoni biex jistimulaw it-tiġdid ġenerazzjonali permezz tas-setgħat tagħhom fejn jidħlu r-regolamenti dwar l-artijiet, il-liġi tas-suċċessjoni jew l-ippjanar territorjali 11 . Filwaqt li jitqies dan kollu, hemm bżonn titjieb il-konsistenza bejn l-azzjonijiet tal-UE u dawk nazzjonali. Jenħtieġ li l-PAK tagħti ċerta flessibbiltà lill-Istati Membri biex ifasslu skemi apposta li jirriflettu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-bdiewa żgħażagħ tagħhom. Is-sistema l-ġdida tal-implimentazzjoni se tiffaċilita l-azzjonijiet tal-Istati Membri li jgħinu lill-bdiewa żgħażagħ. Il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK jistgħu jinkludu appoġġ għall-iżvilupp tal-ħiliet, l-għarfien, l-innovazzjoni, l-iżvilupp tan-negozju u l-appoġġ għall-investiment. L-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi jistgħu jaqdu rwol importanti hawnhekk. Għal aktar opportunitajiet tat-tagħlim barra mill-pajjiż għaż-żgħażagħ li jgħixu fiż-żoni rurali, jenħtieġ jissaħħu l-possibbiltajiet ta’ skambju bl-Erasmus għall-bdiewa żgħażagħ.

L-istabbiliment fil-qasam agrikolu jimplika riskju kbir bi ħtiġijiet kbar ta’ kapital u nuqqas ta’ ċertezza fid-dħul. Jenħtieġ li l-PAK tgħin biex jittaffa dan ir-riskju fl-ewwel snin mill-bidu tan-negozju agrikolu billi tipprovdi sistema pan-Ewropea ta’ appoġġ għall-ewwel installazzjoni bl-appoġġ meħtieġ b’mod aktar sempliċi u mmirat aħjar: dan jista’ jinkiseb bi proċedura simplifikata ta’ pagament top-up għall-parteċipanti ġodda (imfassla mill-Istati Membri skont il-ħtiġijiet speċifiċi) u/jew it-tisħiħ jew it-twessigħ tal-pagamenti f’somma waħda attwali.

Jenħtieġ jeħfief l-aċċess għall-istrumenti finanzjarji li jappoġġaw l-investimenti fl-azjendi agrikoli u l-kapital tax-xogħol, u jiġi addattat aħjar għall-ħtiġijiet tal-investimenti u għall-profili aktar riskjużi tal-parteċipanti ġodda. L-appoġġ lill-ġenerazzjoni l-ġdida tal-bdiewa jista’ jiġi kkombinat b’inċentivi xierqa li jiffaċilitaw it-tmiem tal-ġenerazzjoni anzjana u jżidu l-mobbiltà tal-art. Barra minn hekk, hemm ħtieġa dejjem aktar li jitwieżnu l-azzjonijiet li jistimulaw it-trasferiment tal-għarfien bejn il-ġenerazzjonijiet (permezz ta’ sħubijiet u mudelli ġodda tan-negozju) u jiffaċilitaw l-ippjanar tas-suċċessjoni (jiġifieri servizzi ta’ konsulenza, mentoraġġ u tħejjija ta’ “pjanijiet tas-suċċessjoni tal-azjendi agrikoli”).

3.5.Nindirizzaw it-tħassib taċ-ċittadini b’rabta mal-produzzjoni agrikola sostenibbli, inkluż is-saħħa, in-nutrizzjoni, il-ħela tal-ikel u t-trattament xieraq tal-annimali.

Il-PAK hi waħda mill-politiki tal-UE li tirreaġixxi għall-aspettattivi tas-soċjetà fejn jidħol l-ikel, l-aktar rigward is-sikurezza tal-ikel, il-kwalità tal-ikel, u l-istandards ambjentali u tat-trattament xieraq tal-annimali. Il-bdiewa huma l-gwardjani vera tas-sistemi tal-produzzjoni tal-ikel; u l-kontribut tagħhom għal katina tal-ikel sostenibbli hu kruċjali.

Anki ċ-ċittadini qed kulma jmur jagħtu valur akbar lill-aċċess għal varjetà wiesgħa ta’ ikel li jġib benefiċċji usa’ għas-soċjetà, bħall-prodotti organiċi, il-prodotti b’indikazzjonijiet ġeografiċi, l-ispeċjalitajiet lokali u l-ikel innovattiv. B’sinerġija ma’ politiki oħra tal-UE, il-PAK trid tibqa’ tirreaġixxi għal dan it-tħassib, pereżempju billi timmodernizza r-regoli organiċi, tibqa’ taħdem biex l-indikazzjonijiet ġeografiċi jkunu aktar attraenti għall-bdiewa u l-konsumaturi u aktar faċli li jiġu mmaniġġati, jew tappoġġa l-għanijiet tad-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi 12 . Jeħtieġ li l-PAK issir aktar kapaċi tindirizza kwistjonijiet kritiċi tas-saħħa bħal dawk relatati mar-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) ikkawżata minn użu mhux xieraq tal-antibijotiċi. B’konformità ma’ approċċ ambizzjuż u komprensiv fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali – kif inkorporat bil-kunċett “Saħħa Waħda” 13 – din jenħtieġ tippromwovi wkoll l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, ir-riċerka u l-innovazzjoni biex jonqsu r-riskji għas-saħħa pubblika.

Bl-istess mod, il-PAK tista’ tgħin lill-bdiewa biex itejbu l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali u biex tkompli żżid l-istandards permezz ta’ inizjattivi volontarji mmirati biex jippromwovu l-valur tas-suq tat-trattament xieraq tal-annimali fl-UE u lil hinn.

Jenħtieġ li l-PAK tibqa’ tappoġġa l-produzzjoni b’karatteristiċi speċifiċi u ta’ valur permezz tal-Iżvilupp Rurali, u tippromwovi u ttejjeb ir-rikonoxximent internazzjonali tagħha. Il-PAK taqdi rwol ukoll fil-promozzjoni ta’ nutriment aktar tajjeb għas-saħħa, li jgħin biex tonqos il-problema tal-obeżità u n-nutrizzjoni ħażina, biex il-prodotti b’valur nutrittiv bħall-frott u l-ħaxix isiru aktar faċilment disponibbli għaċ-ċittadini tal-UE. Eżempju tajjeb huma l-iskemi tal-iskejjel li jissussidjaw frott, ħaxix u prodotti tal-ħalib fl-iskejjel, u li dawn l-iskemi jintużaw biex jippromwovu attivitajiet fil-klassijiet relatati man-nutrizzjoni sana. Jenħtieġ li l-kampanji li jippromwovu l-prattiki ta’ dieta sana u li jżidu l-konsum tal-frott u l-ħaxix ikunu punt fokali għall-attivitajiet ta’ promozzjoni tal-PAK.

L-għażliet tal-ikel li jagħmlu l-konsumaturi jiddependu fuq għadd ta’ fatturi li jmorru lil hinn mill-kompetenzi tal-PAK. Għaldaqstant l-aktar rwol importanti għall-politika hu li tgħin lill-bwieda jantiċipaw l-iżviluppi fid-drawwiet tad-dieta u jaġġustaw il-produzzjoni tagħhom skont is-sinjali tas-suq u d-domanda tal-konsumaturi. It-tisħiħ tat-trijangolu tal-għarfien fl-agrikoltura u r-rabtiet aħjar ma’ inizjattivi rilevanti bħalma huma s-Sħubija Alimentari tal-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u l-istrateġija tar-riċerka tal-UE dwar l-Ikel fl-2030 se jgħinu wkoll biex jiżdied kemm jista’ jkun il-kontribut tal-PAK biex is-sistema tal-ikel tagħna tibqa’ rilevanti għall-ġejjieni. .

Fl-aħħar nett, il-PAK tista’ tgħin biex jonqsu t-telf u l-ħela tal-ikel billi tistimula prattiki aħjar tal-produzzjoni u tal-ipproċessar (bħal pereżempju tippromwovi teknoloġiji ġodda li jtawlu l-ħajja tal-prodotti li jeħżienu jew li jlaqqgħu aħjar il-provvista u d-domanda b’aktar trasparenza) u billi tappoġġa inizjattivi li jbiddlu d-drawwiet tradizzjonali ta’ konsum ta’ kabbar-uża-armi f’bijoekonomija ċirkolari.

4.Id-dimensjoni globali tal-PAK

Il-PAK hi politika għall-UE iżda bla dubju għandha implikazzjonijiet u rabtiet dinjin. Meta jkunu qed jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-ġejjieni ta’ din il-politika, trid tingħata attenzjoni mill-qrib lil dawn. Ir-rabtiet bejn il-PAK u l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli jinsabu fil-Grafika 3. L-UE hi impenjata li tappoġġa lill-pajjiżi sħab biex jilħqu l-istess għanijiet permezz ta’ politiki u strumenti esterni. Għalhekk, qed taħdem biex tittieħed azzjoni koerenti bejn il-politiki tagħha b’konformità mal-Aġenda 2030, u skont l-impenn tagħha li żżid il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli 14 . Din tal-aħħar teħtieġ li jitqiesu l-għanijiet tal-koperazzjoni tal-iżvilupp fil-politiki li aktarx jolqtu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

F’dan ir-rigward, il-PAK hi u se tibqa’ tkun koerenti mal-politika tal-iżvilupp tal-UE 15 , li tirrikonoxxi r-rwol importanti li għandha l-agrikoltura sostenibbli biex jinqered il-faqar u biex isir żvilupp sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u tippromwovi wkoll l-iżvilupp ta’ swieq agrikoli u katini tal-valur inklużivi li jkunu ta’ ġid għall-foqra u jinkoraġġixxu lill-agroindustrija biex toħloq l-impjiegi.

4.1.Il-kummerċ

Permezz tal-isforzi tal-UE dwar is-settur tal-agrikoltura u tal-ipproċessar tal-ikel, bl-appoġġ ta’ ftehimiet kummerċjali tal-UE u tal-PAK (inkluż il-politika ta’ promozzjoni tagħha), l-UE hi l-akbar esportatur agroalimentari fid-dinja. B’aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ u b’aktar parteċipazzjoni fil-katini tal-valur dinjin, is-settur agroalimentari tal-UE se jkun jista’ jiżviluppa esportazzjonijiet ferm aktar, biex iwieġeb għad-domanda li qed tikber tal-klassi medja madwar id-dinja, kif ukoll il-bidliet fid-dieta. Għaċ-ċittadini, jekk jiżdied it-tkabbir fil-kummerċ internazzjonali, dan itejjeb l-aċċessibbiltà, il-varjetà u l-affordabbiltà tal-ikel.

Jekk tinżamm l-orjentazzjoni tas-suq tas-settur agroalimentari tal-UE, u l-miżuri tal-PAK jibqgħu kompatibbli mal-liġijiet internazzjonali dwar il-kummerċ, l-UE se jkun jista’ jibqa’ jkollha rwol ewlieni f’korpi internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (id-WTO), u tippromwovi kummerċ miftuħ u dixxiplina stretta fuq il-forom ta’ appoġġ li jfixkel il-kummerċ.

Fl-istess ħin, wieħed ma jistax jinjora l-fatt li ċerti setturi agrikoli speċifiċi ma jifilħux għal liberalizzazzjoni sħiħa tal-kummerċ u għal kompetizzjoni sħiħa mal-importazzjonijiet.. Għalhekk jeħtiġilna nibqgħu nirrikonoxxu kif xieraq u nirriflettu s-sensittività tal-prodotti inkwistjoni waqt in-negozjati kummerċjali u nħufu għal modi li jindirizzaw l-iżbilanċi ġeografiċi tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jaffettwaw is-settur tal-biedja fl-Unjoni minħabba ftehimiet kummerċjali tal-UE.

Bħalissa, l-UE qed taffaċċja restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni min-naħa ta’ diversi swieq agroalimentari importanti ta’ pajjiżi terzi minħabba ostakli sanitarji u fitosanitarji (SPS) mhux ġustifikati. L-UE se tibqa’ taħdem għal relazzjoni ġusta u bilanċjata mas-sħab kummerċjali tagħha u meta xieraq se tippromwovi l-kunċett “Entità Unika” tal-SPS tal-UE. Fl-ebda każ mhu se jiġu kompromessi l-istandards għoljin tal-UE. Barra minn hekk, permezz tal-għodod differenti ta’ koperazzjoni u assistenza teknika tagħha, l-UE jenħtieġ trawwem aktar koperazzjoni mal-pajjiżi u r-reġjuni sħab tal-UE, b’mod partikolari biex jaffaċċjaw theddidiet fitosanitarji u sanitarji ġodda u emerġenti tal-annimali.

4.2.Il-migrazzjoni

Il-PAK tal-futur trid rwol akbar fejn tidħol l-implimentazzjoni tal-eżitu tas-Summit tal-Belt Valletta 16 , li jindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni.

Jenħtieġ li l-għarfien u l-esperjenza miksuba mill-proġetti li tappoġġa l-PAK jintużaw biex jiżviluppaw opportunitajiet tal-impjiegi u attivitajiet li jiġġeneraw id-dħul fir-reġjuni tal-oriġini u tat-tranżitu tal-migranti, inkluż permezz tal-proġetti pilota tal-Pjan ta’ Investiment Estern tal-UE għat-taħriġ lill-bdiewa żgħażagħ – bl-involviment ta’ organizzazzjonijiet tal-bdiewa Ewropej. Minbarra dan, jenħtieġ jiġu esplorati wkoll l-iskemi ta’ skambju bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana. Il-koperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni agrikola trid tissaħħaħ bil-politiki u l-istrumenti rilevanti tal-UE. Il-Kummissjoni hi impenjata wkoll li ssaħħaħ il-koperazzjoni u d-djalogu tal-politika strateġika mal-Unjoni Afrikana dwar kwistjonijiet relatati mal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali ħalli tgħin lir-reġjun biex jiżviluppa l-ekonomija agroalimentari tiegħu.

Fl-UE, l-agrikoltura toffri opportunitajiet għall-ħaddiema staġunali.

Barra minn hekk, permezz tal-fergħa tagħha tal-iżvilupp rurali, il-PAK tista’ tgħin lill-migranti legali, b’mod partikolari lir-refuġjati, biex isibu saqajhom u jintegraw fil-komunitajiet rurali. Mill-esperjenza jidher li l-approċċ LEADER/Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità hu partikolarment adattat għal dan il-għan.

(1)    Li jkopru l-iżjed iż-żoni rurali u intermedji (definizzjoni tal-OECD).
(2)    Ara https://ec.europa.eu/agriculture/trade-analysis/statistics_mt
(3)    Ecorys et al. (2016) Mapping and analysis of the implementation of the CAP, p 76-94.
(4)    Ara l-istudju tal-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (l-EIP), Novembru 2016: https://ec.europa.eu/agriculture/external-studies/2016-eip_mt
(5)    Ara https://ec.europa.eu/agriculture/consultations/cap-modernising/2017_mt
(6)    Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea: Rieżami tal-ekoloġizzazzjoni wara sena: https://ec.europa.eu/agriculture/sites/agriculture/files/direct-support/pdf/2016-staff-working-document-greening_en.pdf ; u r-Rapport tal-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika skont l-iskema ta’ pagamenti diretti ta’ ekoloġizzazzjoni (COM/2017/0152 final) tad-29.3.2017.
(7)    Ara l-istudju Ecampa2 (2016) bl-aktar valutazzjoni aġġornata tal-alternattivi ta’ politika dwar il-mitigazzjoni tal-gassijiet serra għall-agrikoltura tal-UE:
http://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/bitstream/JRC101396/jrc101396_ecampa2_final_report.pdf
(8)    Opinjonijiet tal-Pjattaforma REFIT dwar il-“Konformità Reċiproka”, l-“Ekoloġizzazzjoni”, it-“Trikkib bejn il-Pilastru I u II”, il-“Kontroll u Awditjar”, l-“Appoġġ għall-Iżvilupp Rurali” u l-“Leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-riforma fis-sussidji lill-bdiewa”. Jinsabu hawn: https://ec.europa.eu/info/law/law-making-process/overview-law-making-process/evaluating-and-improving-existing-laws/reducing-burdens-and-simplifying-law/refit-platform/refit-platform-recommendations_mt
(9)    Bħall-Pjanijiet ta’ Ġestjoni u l-Oqfsa ta’ Azzjoni Prijorizzata ta’ Natura 2000, il-Pjan ta’ Mmaniġġjar tal-Baċin tax-Xmara, il-Programmi tal-Kwalità u t-Tniqqis tal-Arja, u l-Istrateġiji tal-Bijodiversità.
(10)    Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018 – Aġenda għal Ewropa aktar magħquda, Ewropa aktar b’saħħitha u aktar demokratika, COM(2017) 650 final tal-24.10.2017.
(11)

   F’dan il-kuntest, dan l-aħħar il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat gwida dwar kif wieħed iħares l-art agrikola (Komunikazzjoni Interpretattiva dwar l-Akkwiżizzjoni ta’ Art Agrikola u l-Liġi tal-Unjoni Ewropea, 2017/C 350/05, 18.10.2017).

(12)    Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi.
(13)    Ara wkoll https://ec.europa.eu/health/amr/sites/amr/files/amr_action_plan_2017_en.pdf
(14)    Cf. l-Artikolu 208 tat-TFEU.
(15)    Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid li ġie ffirmat fis-7 ta’ Ġunju 2017 u li jista’ jinkiseb minn https://ec.europa.eu/europeaid/sites/devco/files/european-consensus-on-development-final-20170626_en.pdf
(16)    Ara http://www.consilium.europa.eu/mt/meetings/international-summit/2015/11/11-12/