Brussell, 22.5.2017

COM(2017) 525 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2017 tal-Finlandja

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Finlandja tal-2017


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2017 tal-Finlandja

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Finlandja tal-2017

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, 3

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, 4

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 5 , li ta bidu għas-Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew tad-9 u l-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta' Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 6 , li fih hija identifikat lill-Finlandja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Dik ir-Rakkomandazzjoni ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew tad-9 u l-10 ta’ Marzu 2017 u adottata mill-Kunsill fil-21 ta’ Marzu 7 .

(2)Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro u fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, il-Finlandja għandha tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, li hija riflessa fir-rakkomandazzjonijiet minn 1 sa 2 iktar ’l isfel.

(3)Ir-rapport dwar il-pajjiż tal-2017 għall-Finlandja 8 ġie ppublikat fit-22 ta’ Frar 2017. Dan ivvaluta l-progress tal-Finlandja hi u tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Finlandja lejn il-miri nazzjonali Ewropa 2020 tagħha. Kien jinkludi wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, ir-riżultati ta’ liem ġew ukoll ippubblikati fit-22 ta’ Frar 2017 9 . L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li l-Finlandja mhux qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi.

(4)Fit-28 ta' April 2017, il-Finlandja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2017 u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2017 tagħha. Iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien biex jitqiesu r-rabtiet mill-qrib ta' bejniethom.

(5)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti tqiesu fil-programmi tal-Istati Membri għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) li jkopru l-perjodu 2014-2020. Kif previst fil-leġiżlazzjoni li tiggverna l-Fondi SIE 10 , fejn ikun neċessarju li tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relevanti, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru jirrieżamina u jemenda l-programmi tal-Fondi SIE relevanti tiegħu. Il-Kummissjoni tat iktar gwida dwar l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli 11 .

(6)Bħalissa l-Finlandja tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u hija soġġetta għar-regola tad-dejn. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2017, il-gvern jippjana deterjorament fil-bilanċ nominali minn -1,9 % tal-PDG fl-2016 għal -2,3 % fl-2017, segwit minn titjib gradwali wara dan, li jilħaq -0,2 % fl-2020. L-objettiv baġitarju ta' terminu medju — defiċit ta' 0,5 % tal-PDG f'termini strutturali — hu previst li jinkiseb mill-2019 ’il quddiem. Madankollu, abbażi tal-bilanċ strutturali rikalkulat 12 , l-objettiv baġitarju ta' terminu medju se jinkiseb biss mill-2020 ’l hemm. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG huwa mistenni li jilħaq il-livell massimu ta' 64,7 % fl-2017 u li jonqos għal 62,7 % fl-2020. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-previżjonijiet baġitarji jidher li huwa favorevoli, partikolarment fir-rigward tal-2018 u l-2019. Ix-xenarju huwa bbażat fuq l-aspettattiva li l-impjieg se jespandi bi kważi 2 % fis-sena fl-2018-2019 li huwa sinifikantement ogħla miż-żieda annwali medja tul dawn l-aħħar 10 snin (+0,2 %).

(7)Fit-22 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE, minħabba li d-dejn tal-gvern ġenerali tal-Finlandja qabeż il-valur ta' referenza ta’ 60 % tal-GDP. Ir-rapport ikkonkluda, wara valutazzjoni tal-fatturi kollha relevanti, li l-kriterju tad-dejn għandu jiġi meqjus li ġie ssodisfat.

(8)Il-Programm ta' Stabbiltà tal-2017 jindika li l-impatt fuq il-baġit tal-influss eċċezzjonali ta' refuġjati huwa sinifikanti u jipprovdi evidenza adegwata dwar l-ambitu u n-natura ta' dawn il-kostijiet baġitarji addizzjonali. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, il-kostijiet kienu 0,34 % tal-PDG fl-2016. Skont il-Kummissjoni, in-nefqa addizzjonali eliġibbli fl-2016 ammontat għal 0,17 % tal-PDG. Id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 ikopru din in-nefqa addizzjonali, billi l-influss tar-refuġjati huwa avveniment mhux tas-soltu, l-impatt tiegħu fuq il-finanzi pubbliċi tal-Finlandja huwa sinifikanti u s-sostenibbiltà ma tiġix kompromessa billi jippermetti devjazzjoni temporanja mill-perkors ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta' żmien. Għalhekk, l-aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta' żmien għall-2016 tnaqqas biex jitqiesu dawn il-kostijiet. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, il-kostijiet relatati mal-influss eċċezzjonali ta’ refuġjati huma mistennija li jonqsu b’0,15 % tal-PDG fl-2017. Fir-rebbiegħa tal-2018 il-Kummissjoni se tagħmel valutazzjoni finali dwar l-2017, inkluż dwar l-ammonti eliġibbli, fuq il-bażi tad-dejta osservata kif ipprovduta mill-awtoritajiet.

(9)Fl-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tagħha għall-2017 13 , il-Finlandja talbet biex tagħmel użu mill-flessibbiltà taħt il-parti preventiva skont il-Pożizzjoni miftiehma b'mod komuni dwar il-flessibbiltà fi ħdan il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir li ġiet approvata mill-Kunsill ECOFIN fi Frar 2016 fid-dawl tal-implimentazzjoni ppjanata ta’ riformi strutturali kbar b’impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi (talba għal 0,5 % tal-flessibilità tal-PDG) u infiq nazzjonali fuq proġetti kofinanzjati mill-UE skont il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (talba għal 0,1 % tal-flessibilità tal-PDG).

(10)It-talba għall-flessibilità għal riformi strutturali tirreferi għal riformi li saru fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari l-Patt dwar il-Kompetittività u r-riforma tal-pensjonijiet. Għal aktar minn 90 % tal-impjegati, il-Patt jiffriża l-pagi għal 12-il xahar, u jżid il-ħin tax-xogħol annwali permanentement b’24 siegħa mingħajr kumpens. Barra minn hekk, l-impjegati se jħallsu permanentement proporzjon ikbar tal-kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali. Biex jikkumpensa għall-friża tal-pagi u l-piż ikbar tal-kostijiet għall-impjegati, il-gvern naqqas it-taxxa fuq id-dħul permanentement mill-2017 ’l hemm. Ir-riforma tal-pensjonijiet se ttella’ l-iktar età statutorja tal-irtirar baxxa minn 63 għal 65 sal-2027; wara dan, l-età tal-irtirar se tkun marbuta mal-istennija tal-għomor. Iż-żewġ riformi daħlu fis-seħħ fl-2017. B’riżultat tal-Patt dwar il-Kompetittività, il-kompetittività ikbar tal-kostijiet tista’ twassal għal rata ogħla ta’ impjiegi u żieda fil-PDG reali ta’ bejn 1,5 % u 2 % kif ippreżentat fl-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2017. Minħabba n-natura tal-miżura, hemm inċertezzi li jiċċirkondaw l-estimi għall-impjieg jew il-PDG, iżda dawn jidhru li huma ġeneralment plawżibbli. Għaldaqstant, dawn ir-riformi se jkollhom impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Barra minn dan, ir-riżultati tal-valutazzjoni ddettaljata tal-istima tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni għall-2017 li saru abbażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni jimplikaw li l-Finlandja tissodisfa l-punt ta’ riferiment minimu fl-2017. Bħala assigurazzjoni addizzjonali biex jiġi salvagwardjat il-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG, il-gvern Finlandiż għamel l-impenn pubbliku li jieħu iktar miżuri fl-2017, jekk dan ikun neċessarju, biex jiżgura l-konformità mar-regoli fiskali, fosthom l-osservanza tal-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG tat-Trattat 14 . Fuq din il-bażi, il-Finlandja bħalissa tista’ titqies li tikkwalifika għad-devjazzjoni temporanja mitluba ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2017, dment li timplimenta r-riformi miftiehma b’mod adegwat, li se jiġu mmonitorjati fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

(11)Rigward it-talba għal flessibilità għal investiment addizzjonali, l-informazzjoni mogħtija mill-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 jidher li tikkonferma li d-devjazzjoni temporanja tal-Finlandja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-2017 qegħda effettivament tintuża biex jiżdiedu l-investimenti. Għaldaqstant, filwaqt li jittieħed kont tal-elementi msemmija qabel rigward il-punt ta’ riferiment minimu u li l-valutazzjoni dettaljata tal-istima tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni tikkonferma li l-Finlandja għaddejja minn żminijiet ekonomiċi ħżiena, il-Finlandja tista’ bħalissa tiġi vvalutata li tikkwalifika għal devjazzjoni temporanja ta’ 0,1 % tal-PDG fl-2017 biex jittieħed kont tan-nefqa nazzjonali fuq l-investiment fi proġetti kofinanzjati mill-UE. Il-Kummissjoni se tagħmel valutazzjoni ex post sabiex tivverifika l-ammont reali tan-nefqa nazzjonali fi proġetti ta’ investiment kofinanzjati u tal-allokazzjoni relatata.

(12)Fit-12 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill irrakkomanda li l-Finlandja tikseb aġġustament fiskali annwali ta' mill-inqas 0,6 % tal-PDG lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju fl-2017. Filwaqt li jkompli jiġi żgurat ir-rispett tal-punt ta’ riferiment minimu (jiġifieri defiċit strutturali ta’ 1,1 % tal-PDG), il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2017 tindika ambitu għal devjazzjoni temporanja ta’ 0,6 % tal-PDG fl-2017 skont il-klawżoli strutturali u ta’ investiment. Fuq dik il-bażi, il-bilanċ strutturali jkun permess li jiddeterjora b’0,5 % tal-PDG fl-2017. Abbażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni, il-Finlandja tkun konformi mar-rekwiżiti tal-parti preventiva. Kieku l-istima aġġornata attwali tat-tnaqqis tal-impatt fuq il-baġit fl-2017 li jinbet mill-influss eċċezzjonali ta’ refuġjati kellha tittieħed inkonsiderazzjoni, il-konklużjoni tal-valutazzjoni kumplessiva ma tinbidilx. Għall-2018, il-Finlandja għandha tilħaq l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju, filwaqt li titqies l-allokazzjoni b’relazzjoni ma’ avvenimenti mhux tas-soltu (mogħtija għall-2016) kif ukoll l-allokazzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali u l-investimenti (mogħtija għall-2017) 15 . Abbażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni, dan huwa konsistenti ma’ rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett 16 ta’ 1,6 %, li tikkorrespondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,1 % tal-PDG. Jekk il-politiki ma jinbidlux, il-Finlandja tkun konformi mar-rekwiżiti tal-parti preventiva fl-2018. Kieku l-istima aġġornata attwali tat-tnaqqis tal-impatt fuq il-baġit fl-2017 li jinbet mill-influss eċċezzjonali ta’ refuġjati kellha tittieħed inkonsiderazzjoni, il-konklużjoni tal-valutazzjoni kumplessiva ma tinbidilx. Fl-istess waqt, huwa previst li prima facie l-Finlandja ma tkunx konformi mal-parametri għat-tnaqqis tad-dejn kemm fl-2017 kif ukoll fl-2018. Kollox ma’ kollox, il-Kunsill huwa tal-fehma li l-Finlandja jeħtiġilha tkun lesta li tieħu iktar miżuri biex tiżgura l-konformità.

(13)Minħabba popolazzjoni li qed tixjieħ u l-forza tax-xogħol li qed tonqos, in-nefqa fuq il-pensjonijiet, is-saħħa u l-kura fit-tul hija mistennija li tiżdied minn 23 % tal-PDG fl-2013 għal 27 % tal-PDG sal-2030. F’Jannar 2017, daħlet fis-seħħ riforma fil-pensjonijiet li se tgħolli l-età statutorja tal-irtirar minn 63 sena għal 65 sal-2027 u se torbot l-età statutorja tal-irtirar mat-tibdil fl-istennija tal-għomor. Il-kostijiet tas-servizzi soċjali u dawk tas-saħħa, li bħalissa huma responsabbiltà tal-muniċipalitajiet, jammontaw għal 10 % tal-PDG. Mingħajr riforma tas-sistema, din in-nefqa hija prevista li tikber bi 2,4 % annwalment fis-snin li ġejjin f’termini nominali u tiżdied bħala sehem mill-PDG. L-għanijiet ewlenin tar-riforma jinkludu t-tnaqqis tad-distakk tas-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi permezz ta’ kontroll aħjar tal-kostijiet. Dan se jinkiseb permezz tal-integrazzjoni ta’ servizzi, entitajiet akbar bħala fornituri tas-servizzi u d-diġitalizzazzjoni. L-ewwel sett ta’ proposti leġiżlattivi għar-riformi tas-servizzi soċjali u tas-saħħa ġie ppreżentat lill-parlament f’Marzu 2017. Dawn il-liġijiet se jistabbilixxu l-qafas legali għat-18-il kontea ġdida li se jieħdu f’idejhom ir-responsabbiltà għas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa mill-muniċipalitajiet mill-2019 ’il quddiem. Il-proposti leġiżlattivi għall-iktar partijiet kontroversjali tar-riforma, b’mod partikolari dwar il-libertà tal-pazjent li jagħżel il-fornitur ta' servizz tiegħu, għadhom iridu jiġu ffinalizzati minħabba li r-riforma se tiġi implimentata mill-2019, kif ippjanat.

(14)Iż-żidiet fil-pagi kienu moderati fl-aħħar snin. Iż-żieda sena wara sena medja fil-pagi nnegozjati kienet ta’ 0,7 % fl-2014-2016. Minħabba t-tkabbir dgħajjef tal-produttività tax-xogħol, il-kompetittività tal-kostijiet tjiebet biss b’mod gradwali. Fl-2016 l-imsieħba soċjali ffirmaw il-Patt tal-Kompetittività li għandu l-għan li jtejjeb il-kompetittività tal-kostijiet tal-Finlandja b’mod gradwali fl-2017. Għal aktar minn 90 % tal-impjegati, il-Patt jiffriża l-pagi għal 12-il xahar, u jżid il-ħin tax-xogħol annwali permanentement b’24 siegħa mingħajr kumpens addizzjonali. Barra minn hekk, l-impjegati se jħallsu proporzjon ikbar tal-kontribuzzjonijiet soċjali. Dawn il-miżuri huma mistennija li jsostnu l-espansjoni tal-esportazzjonijiet u l-impjiegi matul is-snin li ġejjin. Iċ-ċiklu ta’ negozjar tal-pagi li jmiss, fit-tieni nofs tal-2017, se jkun kruċjali biex dawn l-effetti pożittivi mistennija jiġu żgurati, minħabba li l-Patt ma għalaqx għalkollox id-distakk fil-kompetittività tal-kostijiet ma’ ekonomiji korrispondenti.

(15)Is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol bdiet titjieb gradwalment fl-2016, iżda fadal xi sfidi. L-impjieg fis-settur tal-manifattura niżel b’21 % bejn l-2008 u l-2015. Setturi oħra bħall-kostruzzjoni, il-proprjetà immobbli u l-kura tas-saħħa qegħdin juru sinjali ta’ nuqqas ta' ħaddiema. Dan kollu jenfasizza l-ħtieġa għal politiki attivi tas-suq tax-xogħol immirati apposta u li jkompli jsir l-investiment fit-tagħlim għall-adulti u t-taħriġ vokazzjonali biex jippermetti li jkun hemm il-mobbiltà professjonali. Il-proporzjon ta’ pożizzjoni vakanti mal-impjiegi fl-2016 kien kważi għoli daqs fl-2007, filwaqt li r-rata tal-qgħad kienet żewġ punti perċentwali ogħla. Dan jista’ jirrifletti spariġġi bejn id-domanda u l-provvista tax-xogħol, li xi impjiegi vakanti ma tantx huma attraenti, jew inċentivi limitati biex wieħed jibda jaħdem. Hemm bżonn li jitkomplew l-isforzi biex jiġu żgurati eżiti tas-suq tax-xogħol aħjar għal dawk, partikolarment dawk bejn il-25 u d-39 sena, dawk qiegħda fit-tul, u l-migranti. It-titjib tal-eżiti soċjali u tas-suq tax-xogħol ta’ nies li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni se jkun jeħtieġ ukoll li jkompli jsir investiment fl-edukazzjoni tagħhom.

(16)F'termini ta' attivazzjoni, is-sistema kumplessa ta' benefiċċji b'diversi tipi ta' benefiċċji tista' tirriżulta f'nuqqas ta' attività sinifikanti u nases tal-pagi baxxi, kif ukoll problemi burokratiċi meta jaslu biex jerġgħu jibdew jingħataw il-benefiċċji. Li dawn in-nases jiġu indirizzati huwa kruċjali. Biex jiżdiedu l-inċentivi jiġu aċċettati l-offerta ta' impjieg, l-obbligu biex dawk qiegħda jaċċettaw offerta ta’ impjieg u l-obbligu li jieħdu sehem fi skemi ta’ attivazzjoni ġew issikkati. Barra minn hekk, id-durata ta’ benefiċċji tal-qgħad marbutin mal-qligħ tnaqqset. Ġew introdotti inċentivi pożittivi, bħall-użu tal-benefiċċju tal-qgħad bażiku bħala sussidji tal-mobilità u tal-pagi biex jattivaw lil dawk li qed ifittxu impjieg. Inċentivi miżjuda ulterjuri biex jiġi aċċettat impjieg jistgħu jiġu kkumplimentati bl-eliminazzjoni ta’ ostakli burokratiċi eżistenti biex jinbeda impjieg jew negozju.

(17)Il-kompetittività li ma tirrigwardax il-kostijiet taġixxi bħala mazzra fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni u tista’ tillimita l-attraenza tal-Finlandja għal investituri barranin. Qed isir tibdil strutturali, li madankollu reċentement naqqas il-pass. Sar progress fil-ftuħ ta’ setturi tas-servizzi bħan-negozju fl-imnut u t-trasport għall-kompetizzjoni, u saru proposti biex tiżdied il-kompetizzjoni f'setturi tas-servizzi domestiċi oħrajn. Filwaqt li paraguni internazzjonali jikklassifikaw lill-Finlandja fost il-pajjiżi ta’ fuq quddiem nett fid-dinja fit-termini tal-ambjent tan-negozju u l-attraenza għall-investiment, l-istokk attwali tal-investimenti deħlin fil-Finlandja huwa taħt il-medja tal-UE meta mqabbel mad-daqs tal-ekonomija.

(18)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni għamlet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Finlandja, u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u s-segwitu li kien hemm tar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lejn il-Finlandja fis-snin ta' qabel. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tal-programmi u tal-miżuri ta' segwitu għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Finlandja iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(19)Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà u l-opinjoni tiegħu 17 hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni 1 hawn taħt,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Finlandja tieħu azzjoni fl-2017 u l-2018 biex:

1.Taħdem favur il-politika fiskali tagħha konformi mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li jimplika li tikseb l-objettiv baġitarju ta' terminu medju tagħha fl-2018, b’kont meħud tad-derogi marbutin ma’ avvenimenti mhux tas-soltu, l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti strutturali li għalihom tingħata devjazzjoni temporanja. Tiżgura l-adozzjoni u l-implimentazzjoni f'waqthom tar-riforma amministrattiva bl-għan li ttejjeb il-kosteffettività tas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa.

2.Tippromwovi l-allinjament ulterjuri tal-pagi mal-iżviluppi tal-produttività, b’rispett sħiħ lejn ir-rwol tal-imsieħba soċjali. Li tieħu miżuri ta’ politika attiva tas-suq tax-xogħol immirati biex tindirizza l-isfidi tal-impjieg u dawk soċjali, tagħti inċentivi biex jiġi aċċettat l-impjieg u tippromwovi l-intraprenditorija.

3.Tkompli ttejjeb il-qafas regolatorju u tnaqqas il-piż amministrattiv biex iżżid il-kompetizzjoni fis-servizzi u tippromwovi l-investiment.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3) COM(2017) xxx.
(4) P8_ TA(2017)0038, P8_ TA(2017)0039, u P8_ TA(2017)0040.
(5) COM(2016) 725 final.
(6) COM(2016) 728 final.
(7) 2017/C92/01.
(8) SWD(2017) 91 final.
(9) COM(2017) 90 final.
(10) L-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(11)

   COM(2014) 494 final.

(12) Il-bilanċ aġġustat ċiklikament nett minn miżuri ta’ darba u temporanji, rikalkulat mill-Kummissjoni bl-użu tal-metodoloġija maqbula b’mod komuni.
(13) Pubblikazzjonijiet tal-Ministeru tal-Finanzi 36c/2016.
(14) VM/712/04.00.05.01/2016.
(15) Il-Finlandja hija awtorizzata li tiddevja mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju fl-2018 għax id-devjazzjonijiet temporanji jiġu riportati għal perjodu ta’ tliet snin.
(16) In-nefqa netta tal-gvern hija magħmula min-nefqa totali tal-gvern bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax, nefqa fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni u tibdil nondiskrezjonarju fin-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjat nazzjonalment huwa raddrizzat fuq perjodu ta’ 4 snin. Miżuri ta’ dħul diskrezjonarji jew żidiet fid-dħul mitluba mil-liġi huma meqjusa. Miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-infiq huma nnettjati.
(17) Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.