Brussell, 7.6.2017

COM(2017) 315 final

DOKUMENT TA' RIFLESSJONI

DWAR IL-FUTUR TAD-DIFIŻA EWROPEA



Dokument ta’ Riflessjoni dwar il-Ġejjieni tad-Difiża Ewropea (2025)

Daħla

Fl-1 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat White Paper dwar il-ġejjieni tal-Ewropa. Sensiela ta’ dokumenti ta’ riflessjoni li jkopru s-suġġetti ewlenin dwar il-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea b’27 Stat Membru ġew sussegwentement ippubblikati.

Id-dokument ta’ riflessjoni dwar il-ġejjieni tad-Difiża Ewropea huwa r-raba’ wieħed f’din is-sensiela. Jiddeskrivi x-xejriet u l-isfidi ewlenin li se jagħtu sura lis-sigurtà u lid-difiża fil-ġejjieni, u abbażi ta’ dan, jistabbilixxi għażliet fi tliet xenarji differenti biex isir progress lejn Unjoni tas-Sigurtà u tad-Difiża. Filwaqt li mhumiex reċiprokament esklussivi, dawn ix-xenarji huma msejsa fuq livelli differenti ta’ ambizzjoni tal-UE biex il-ħidma dwar is-sigurtà u d-difiża ssir flimkien.

L-Unjoni Ewropea ġabet perjodu bla preċedent ta’ paċi fil-kontinent tagħna. Madankollu, l-instabbiltà li qed tikber fil-viċinat tal-Ewropa kif ukoll fid-dinja, u t-theddida ġdida għas-sigurtà li qed tixref minn xpruni ekonomiċi, ambjentali u teknoloġiċi qed jippreżentaw sfidi importanti għas-sigurtà tagħna. Iċ-ċittadini jħossuhom dejjem aktar imħassbin dwar is-sigurtà u jduru lejn l-Unjoni għal protezzjoni. Jekk irridu nilħqu l-aspettattivi tagħhom, is-sigurtà u d-difiża jrid ikollhom rwol aktar prominenti l-futur tal-proġett Ewropew. Dan kien rikonoxxut fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma li tistabbilixxi l-viżjoni ta’ Unjoni bla periklu kif ukoll sigura, impenjata li ssaħħaħ is-sigurtà u d-difiża komuni.

L-ewwel passi ambizzjużi lejn Unjoni tas-Sigurtà u tad-Difiża diġà saru. Id-Dokument ta’ Riflessjoni jikkumplimenta l-ħidma li għaddejja dwar il-pakkett tad-difiża approvat mill-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2016, li jikkonsisti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża, mill-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża u mill-kooperazzjoni tagħna man-NATO. Dawn it-tliet elementi kostitwenti bħalissa qed jissarrfu f’azzjonijiet konkreti ħafna: qed nirriformaw l-istrutturi tagħna tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni, qed niżviluppaw il-kapaċitajiet ċivili u militari kif ukoll l-istrumenti, qed napprofondixxu l-kooperazzjoni tad-difiża Ewropea u nsaħħu s-sħubiji tagħna mal-pajjiżi sħab u mal-organizzazzjonijiet sħab bħan-NU u n-NATO. Minkejja dan, hemm aktar xi jsir jekk l-Unjoni għandha tieħu aktar responsabbiltà għas-sigurtà Ewropea.

Filwaqt li tkompli tibni fuq il-progress, wasal iż-żmien li jiġu kkunsidrati ambizzjonijiet konkreti fir-rigward tar-rwol futur tal-Unjoni fis-sigurtà u d-difiża. Dan id-dokument ta’ riflessjoni huwa l-kontribut tal-Kummissjoni Ewropea għal dan id-dibattitu li se jkompli fost is-27 Stat Membru.

L-isfidi għall-Ewropa u għaċ-ċittadini tagħna huma kbar ħafna. Hija r-responsabbiltà tagħna li nwettqu l-wegħda ta’ paċi għall-benefiċċju ta’ din il-ġenerazzjoni u għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.

“F'dawn iż-żminijiet ta' bidla, u konxji mit-tħassib taċ-ċittadini tagħna, aħna nikkommettu ruħna għall-Aġenda ta' Ruma u nwiegħdu li naħdmu lejn:

[…] Unjoni li lesta tassumi aktar responsabilitajiet u tgħin fil-ħolqien ta’ industrija tad-difiża aktar kompetittiva u integrata; Unjoni impenjata li ssaħħaħ is-sigurtà u d-difiża komuni tagħha, fost l-oħrajn, f’kooperazzjoni u b’komplimentarjetà mal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, filwaqt li tqis iċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-impenji legali […]."

Id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma 25 ta’ Marzu 2017

“Jien nemmen ukoll li għandna bżonn li naħdmu għal Ewropa aktar b’saħħitha meta niġu għall-kwistjonijiet ta’ sigurtà u difiża. Tabilħaqq, l-Ewropa hija prinċipalment “setgħa li tipperswadi”. Iżda fit-tul, anki l-akbar setgħa ta’ persważjoni, teħtieġ mill-anqas xi kapaċitajiet integrati ta’ difiża.

Jean-Caude Juncker

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea, il-15 ta’ Lulju 2014:

1.Introduzzjoni

L-Unjoni tagħna li twieldet wara żewġ Gwerer Dinjija li ħasdu l-ħajja ta’ 80 miljun ruħ, kienet imnebbħa minn viżjoni ta’ paċi dejjiema fil-kontinent Ewropew. Aktar minn sittin sena wara, il-biċċa l-kbira tal-Ewropej gawdew minn paċi li damet seba’ deċennji, mifruxa fuq tliet ġenerazzjonijiet, l-itwal perjodu f'imgħoddi mimli inkwiet tal-Ewropa (ara l-illustrazzjoni 1).

Filwaqt li d-dinja li ngħixu fiha setgħet inbidlet b’mod profond f’dak iż-żmien, l-impenn tagħna għall-paċi jibqa’ sagrosant. Illum qegħdin ingawdu minn opportunitajiet mingħajr preċedent fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, iżda qegħdin ukoll inħabbtu wiċċna ma’ theddidiet u sfidi ġodda. Il-paċi u s-sigurtà fid-djar ma jistgħux jibqgħu jitqiesu bħala ovvji f’dinja fejn il-poteri globali u reġjonali qed iżidu l-armi mill-ġdid, fejn it-terroristi jolqtu fil-qalba ta’ bliet fl-Ewropa u fid-dinja, u fejn l-attakki ċibernetiċi qed jeskalaw.

F’dan il-kuntest, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom id-dmir u r-responsabilità li jipproteġu liċ-ċittadini u jippromwovu l-interessi u l-valuri Ewropej. Is-sigurtà saret waħda mill-akbar preokkupazzjonijiet tal-Ewropej. Huma jistennew li l-Unjoni tipproteġihom. Huma jitolbu, jistħoqqilhom u jridu jkunu kapaċi jħossuhom sikuri u siguri fl-Ewropa.

Il-protezzjoni tas-soċjetajiet u tal-libertajiet tagħna hija responsabbiltà konġunta. Jekk irridu niksbu r-riżultati rigward il-wegħda tagħna għall-paċi għall-ġenerazzjonijiet li jmiss, bl-istess mod kif sar għalina, is-sigurtà u d-difiża jrid ikollhom rwol aktar prominenti fil-proġett Ewropew. L-Unjoni Ewropea hija fl-aħjar pożizzjoni biex tipprovdi valur miżjud uniku f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġejjieni tas-sigurtà u tad-difiża Ewropea.

Ħafna mit-theddid li qed inħabbtu wiċċna miegħu illum ma jirrispettax il-fruntieri nazzjonali. Filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu fuq quddiem u huma responsabbli għall-użu tal-forzi armati u tas-sigurtà meta jinqala’ l-bżonn tagħhom, dawn it-tipi ġodda ta’ theddidiet l-aħjar li jitwaqqfu u jiġu indirizzati permezz ta’ ħidma flimkien.

Din il-kooperazzjoni tista’ tinbeda, tiġi ffaċilitata u msaħħa mill-UE u tista’ tgħin biex l-azzjoni kollettiva tkun aktar effikaċi. L-Unjoni tista’ tipprovdi l-qafas u l-inċentivi biex il-pajjiżi tal-UE jkunu jistgħu jiżviluppaw u jżommu aktar kapaċitajiet tad-difiża li jkunu aħjar. Dan jista’ jsir permezz ta’ kooperazzjoni aktar sistematika u bl-iżvilupp konġunt tat-teknoloġiji u tal-kapaċitajiet meħtieġa biex l-Ewropa tibqa’ sigura.

Waħda mill-akbar saħħiet tal-approċċ tal-UE hija t-taħlita ta’ setgħa ta’ persważjoni u ta' setgħa ta’ koerċizzjoni. Hija tuża l-istrumenti tas-sigurtà u d-difiża, flimkien mad-diplomazija, is-sanzjonijiet, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-kummerċ, li bħala għan għandhom il-prevenzjoni tal-kunflitt. Hija tippromwovi l-paċi, it-tkabbir inklużiv, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, u l-protezzjoni ambjentali ġewwa u barra mill-UE. Filwaqt li s-setgħa tal-perżważjoni waħedha tista’ ma tkunx biżżejjed f’dinja instabbli, dan l-approċċ integrat huwa l-qalba tas-sigurtà sostenibbli.

L-Unjoni tagħna tipprovdi wkoll pjattaforma unika biex jiġu kkoordinati l-politiki ta’ sigurtà u ta’ difiża ma’ sħab ewlenin bħalma huma l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana kif ukoll n-Nazzjonijiet Uniti. Momentum bla preċedent attwalment qed iqarreb aktar lill-UE u lin-NATO.

Fid-diskors tiegħu tal-2016 dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Juncker sejjaħ għal “Ewropa li tipproteġi u tiddefendi, ġewwa u barra mill-UE”. Dan id-dokument ta’ riflessjoni jqis il-kwistjonijiet li huma importanti għall-futur tas-sigurtà u tad-difiża tagħna. Jagħmel dan billi jmur lil hinn mid-dibattiti u mid-deċiżjonijiet attwali. Minflok, iqis ix-xejriet strutturali sottostanti, jippreżenta d-diversi xenarji possibbli għas-sigurtà u għad-difiża Ewropea fil-ġejjieni, sal-2025, u jidentifika kif nistgħu nimxu ’l quddiem.

Illustrazzjoni 1: Il-gwerer u l-Paċi fl-Istorja Ewropea

Sors: Ċentru Ewropew ta' Strateġija Politika

2.Ix-xejriet ewlenin

Għadd ta’ xejriet strateġiċi, politiċi, ekonomiċi u teknoloġiċi juru li wasal iż-żmien sabiex jinbidel il-pass Ewropew fil-qasam tal-politika tas-sigurtà u tad-difiża.

L-ixpruni strateġiċi

Wara għexieren ta’ snin ta’ paċi fl-Ewropa, qed jitfaċċaw realtajiet ġodda fuq il-fruntieri tagħna u lil hinn minnhom. Lejn il-Lvant tagħna, pajjiżi qed jiffaċċjaw theddid u vulnerabilitajiet militari, ekonomiċi, politiċi u relatati mas-sigurtà tal-enerġija. Fil-Mediterran u f’ċerti partijiet tal-Afrika sub-Saħarjana, il-firxa ta’ spazji mingħajr gvern u ta’ kunflitt ħallew vojt fejn it-terroristi u l-kriminali ssaħħew. Ir-rivalitajiet reġjonali qed jiżdiedu u rajna żieda drammatika ta’ vittmi ċivili u ta’ refuġjati madwar id-dinja, b’aktar minn 60 miljun ruħ spostati. B’aktar konnettività l-linji bejn is-sigurtà interna u esterna qed jiċċajpru. U t-tibdil fil-klima u l-iskarsezza tar-riżorsi, flimkien mat-tkabbir demografiku u l-fraġilità tal-istat jistgħu wkoll joħolqu kunflitt u instabbilità madwar id-dinja.

Fl-istess ħin, ir-relazzjoni Trans-Atlantika qed tevolvi. Il-piż sabiex titjieb is-sigurtà Ewropea jinsab l-ewwel u qabel kollox fuq l-ispallejn Ewropej. Ir-riżorsi għandhom ikunu hemm: kollettivament, il-pajjiżi Ewropej huma t-tieni l-akbar investituri militari fid-dinja. Flimkien mal-Istati Uniti u oħrajn, l-Ewropa hija responsabbli għall-paċi u għas-sigurtà fid-dinja. Filwaqt li l-ħidma flimkien mas-sħab tagħna se tibqa’ n-norma u l-preferenza tal-UE, aħna jinħtieġ li nkunu nistgħu nagixxu waħidna meta jkun hemm bżonn.

Fl-2016, il-gvernijiet nazzjonali intensifikaw ir-rispons tagħhom għat-theddid urġenti għas-sigurtà u għat-tħassib taċ-ċittadini tagħhom. Il-baġits tad-difiża żdiedu kif meħtieġ. Iżda t-triq quddiemna għadha twila. Il-mixja lejn l-awtonomija strateġika tal-Ewropa għandha bżonn ta’ aktar infiq fuq id-difiżi tagħna, kif ukoll infiq aħjar u li jsir flimkien (ara l-Illustrazzjoni 2). L-Istati Uniti diġà jinvestu aktar minn darbtejn fuq id-difiża milli mill-Istati Membri kollha flimkien, u se jżidu l-baġit tagħhom b’madwar 10 % fl-2018. Iċ-Ċina żiedet il-baġit tagħha b’150 % tul dawn l-aħħar għaxar snin, b’żieda ulterjuri ta’ 7 % mistennija fl-2017, filwaqt li r-Russja investiet 5,4 % tal-PDG tagħha fuq id-difiża matul is-sena li għaddiet.

Illustrazzjoni 2: In-nefqa għad-Difiża Ewropea minn Perspettiva Komparattiva

Sors: L-Istitut Internazzjonali ta' Riċerka ta' Stokkolma dwar il-Paċi (id-dejta tal-2016), Janes, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Strateġija Politika

Xpruni Politiċi

Il-mexxejja tal-UE, impenjaw ruħhom li jsaħħu s-sigurtà u d-difiża Ewropea. U dan hu dak li ċ-ċittadini jitolbu u jistennew minnhom. L-istħarriġ tal-opinjonijiet juri biċ-ċar li s-sigurtà saret it-tħassib ewlieni ta’ bosta ċittadini Ewropej (ara l-Illustrazzjoni 3), anki jekk ir-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ sigurtà minn Stat Membru għall-ieħor ivarja.

L-Ewropej jaqblu wkoll li azzjoni kollettiva bejn il-pajjiżi tal-UE hija indispensabbli għas-sigurtà tagħhom. Fl-Istati Membri kollha, maġġoranzi kbar jixtiequ jaraw “aktar Ewropa” fis-sigurtà u fid-difiża (l-Illustrazzjoni 3). Fi spazju fejn il-prodotti, is-servizzi, il-flus u l-persuni jiċċaqalqu b’mod liberu, is-sigurtà la tista’ tiġi kompartimentalizzata u lanqas totalment garantita mill-Istati Membri meta jaġixxu waħedhom. Il-messaġġ mill-Ewropej huwa ċar daqs il-kristall: is-sigurtà u d-difiża jinħtieġ li jkunu parti integrali ta’ dak li l-Unjoni tagħna twettaq.

Illustrazzjoni 3: It-Tħassib u t-Talbiet taċ-Ċittadini

Sors: Ewrobarometru

L-ixpruni ekonomiċi u teknoloġiċi

Illum, is-swieq tad-difiża huma frammentati ħafna, u b’hekk jinħoloq nuqqas ta’ interoperabilità u mill-inqas spiża għall-opportunitajiet mitlufa ta’ EUR 30 biljun. Meta mqabbel ma’ dak li jintefaq, il-kapaċitajiet ta’ difiża maħluqa għadhom ferm limitati (ara l-Illustrazzjoni 4) u hemm differenzi fil-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għad-difiża Ewropea.

F’dinja konnessa, ikkuntestata u kumplessa, l-Istati Membri huma żgħar wisq biex jipprovdu riżultati waħidhom. Setgħat ta’ kobor kontinentali huma mgħammra ferm aħjar milli minn Stati żgħar jew ta’ daqs medju. L-ekonomiji ta’ skala huma iktar importanti minn qatt qabel sabiex jitjiebu l-effikaċja u l-effiċjenza.

Dan huwa importanti doppjament peress li l-pressjoni fuq il-baġits nazzjonali għadha għolja. It-tensjoni bejn ir-restrizzjonijiet fiskali u l-prijoritajiet tal-politika pubblika li jikkompetu bejniethom se jkomplu jikkaratterizzaw l-ekonomija politika ta’ bosta Stati Membri. Fl-istess ħin, il-kompetizzjoni fost l-atturi industrijali dinjija se tiżdied, u dan jitlob użu aktar effiċjenti ta’ riżorsi (ekonomija ċirkolari). Biex l-Ewropa tkun tista’ tikkompeti fid-dinja, se jkollha bżonn takkomuna u tintegra l-kapaċitajiet industrijali u teknoloġiċi tagħha.

Il-bidla teknoloġika qed tittrasforma wkoll b’mod drammatiku n-natura u d-dehra tas-sigurtà u tad-difiża. Dejta voluminuża, it-teknoloġija cloud, kif ukoll il-vetturi mingħajr ekwipaġġ u l-intelliġenza artifiċjali qed jirrevoluzzjonaw is-settur tad-difiża. Dawn qegħdin ukoll iżidu s-sehem ċivili fis-settur tal-qasam tad-difiża. Madankollu, teknoloġija relattivament aċċessibbli tippermetti wkoll żieda qawwija fit-theddid transnazzjonali u asimetriku u li mhuwiex konvenzjonali, bħall-attakki ibridi, terroristiċi, ċibernetiċi, kimiċi, bijoloġiċi u radjoloġiċi. Iż-żieda qawwija f’daqqa ta’ utenti tal-Internet għamlet iċ-ċiberkriminalità u l-użu tal-internet għal skopijiet terroristiċi l-limitu l-ġdid tal-gwerra fis-seklu 21.

Biex nimxu ’l quddiem, is-sigurtà u d-difiża effettivi tal-Ewropa se jkunu msejsa fuq il-koordinazzjoni effiċjenti ta’ investimenti kbar fir-riċerka u l-iżvilupp li jsiru mill-UE u mill-Istati Membri tagħha. Dan se jgħin biex inżommu l-pass ma’ xejriet ġodda u biex jiġu ġġenerati l-kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali li l-Ewropa teħtieġ biex tiżgura l-awtonomija strateġika tagħha.

Illustrazzjoni 4: Infiq doppju fid-Difiża Ewropea

 

Sors: L-Istitut Internazzjonali ta' Riċerka ta' Stokkolma dwar il-Paċi (id-dejta tal-2016), l-Istitut Internazzjonali għall-Istudji Strateġiċi (il-Bilanċ Militari tal-2017), iċ-Ċentru Ewropew ta’ Strateġija Politika

 

3.L-Ewropa fl-2025 — timxi lejn Unjoni tas-Sigurtà u tad-Difiża

It-theddid għas-sigurtà mhux ’il bogħod mill-fruntieri u miċ-ċittadini tagħna. Il-mexxejja politiċi diġà bdew jirreaġixxu għal dawn ix-xejriet. Ġabra ta’ inizjattivi jinsabu għaddejjin biex tiġi implimentata l-Istrateġija Globali fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, biex jiġu żviluppati relazzjonijiet aktar b’saħħithom bejn l-UE u n-NATO u biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom fir-riċerka dwar id-difiża u jiżviluppaw il-kapaċitajiet ta’ difiża flimkien.

Is-sisien ta’ Unjoni tas-Sigurtà u tad-Difiża Ewropej bil-mod il-mod qed jinbnew. Huwa biss billi jsir progress sod f’din id-direzzjoni li ċ-ċittadini tagħna se jħossuhom sikuri u mhux fil-periklu. Sabiex jinkiseb dan jenħtieġ li jsir progress f’għadd ta’ oqsma:

L-ewwel nett, biex ikun hemm Stati Membri aktar b’saħħithom u sovrani f’dinja globalizzata jenħtieġ li jkun hemm aktar kooperazzjoni fl-Unjoni Ewropea, inkluż fid-difiża. Dan għandu jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet u r-responsabbiltajiet kostituzzjonali ta’ kull pajjiż. Fil-fatt, il-kooperazzjoni sistematika fid-difiża u l-integrazzjoni gradwali se jikkontribwixxu biex tinżamm is-sovranità nazzjonali tagħhom.

It-tieni, storikament kien hemm differenzi fil-perċezzjoni tat-theddid u l-kulturi strateġiċi. In-natura tat-theddid inbidlet ukoll maż-żmien. Issa qegħdin niffaċċjaw theddid ibridu u transnazzjonali, kif ukoll l-impatt sinifikanti tal-kunflitti fir-reġjuni tal-madwar. Unjoni tas-Sigurtà u tad-Difiża għandha tinkoraġġixxi allinjament aktar b’saħħtu tal-kulturi strateġiċi, kif ukoll fehim komuni dwar it-theddid, u r-reazzjonijiet adegwati. Dan ikun jeħtieġ it-teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ azzjoni b’mod konġunt, kif ukoll aktar solidarjetà finanzjarja fil-livell Ewropew.

It-tielet, in-natura tar-relazzjoni Transatlantika qed tevolvi. Aktar minn qatt qabel, iċ-ċittadini Ewropej jinħtieġ li jerfgħu aktar ir-responsabbiltà għas-sigurtà tagħhom stess. Kif inhu l-każ bħalissa, l-UE u n-NATO jkomplu jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom kemm dwar is-sigurtà militari kif ukoll dwar is-sigurtà kooperattiva. B’mod parallel, l-UE se tipprovdi l-qafas li fih is-27 Stat Membru ta’ wara l-Brexit — li minnhom 21 huma l-alleati tan-NATO (ara l-Illustrazzjoni 5) — flimkien se jsaħħu d-difiża tagħhom u se jindirizzaw n-nuqqasijiet eżistenti. Dan jippermetti lill-UE27 biex jieħdu f’idejhom is-sigurtà tagħhom stess b’mod aktar wiesa’ u jagħmlu verament qabża ’l quddiem biex ikunu qed jikkontribwixxu għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali.

Ir-raba’, jenħtieġ li nżidu l-ambitu u l-effiċjenza tan-nefqa fuq id-difiża. Xogħol doppju bejn l-Istati Membri jista’ jaffettwa l-interoperabbiltà tat-tagħmir ta’ difiża tagħhom. Dan jista’ jwassal ukoll għal nuqqas ta’ tħejjija tal-forzi armati u biex dawn ma jkunux lesti, kif ukoll għal nuqqasijiet fil-kapaċitajiet tad-difiża. Biex dan jiġi indirizzat, l-infiq fuq id-difiża tal-Istati Membri jinħtieġ li jkun ikkoordinat aħjar. Il-biċċa l-kbira tar-riżorsi finanzjarji għad-difiża se jkomplu jiġu minn sorsi nazzjonali. Madankollu, baġit tal-UE li jirrifletti ambizzjoni ġdida fid-difiża, flimkien ma’ Fond għad-Difiża Ewropew fuq skala kbira għandhom jippermettu li l-Ewropej jonfqu b’mod aħjar u jtejbu l-valur tal-flus. Il-Kunsill Ewropew jista’ jikkunsidra kif il-limitazzjonijiet attwali għall-finanzjament komuni tal-aspetti militari tal-UE jistgħu jingħelbu meta noqorbu lejn difiża komuni.

Fl-aħħar nett, il-kooperazzjoni u l-integrazzjoni sistematika fid-difiża jeħtieġu Suq Uniku reali tad-difiża. Dan ifisser li hemm bżonn li jiġu mħeġġa l-kompetizzjoni industrijali, l-aċċess transkonfinali għal industriji iżgħar fil-katina tal-provvista, l-ispeċjalizzazzjoni, l-ekonomiji ta’ skala għall-fornituri, il-kapaċità ta’ produzzjoni ottimizzata, it-tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni u s-sigurtà tal-provvista. Suq Uniku għad-difiża jiffaċilita wkoll ir-riċerka kritika inizjali u l-ħolqien ta’ negozji ġodda biex jiġu żviluppati t-teknoloġiji ewlenin li l-Ewropa għandha bżonn biex tindirizza l-isfidi tas-sigurtà tagħha. Iżda se jkun hemm ukoll spejjeż ta’ tranżizzjoni u tħassib leġittimu, biex permezz ta’ miżuri xierqa, tiġi indirizzata u jitħarsu l-interessi tas-sigurtà nazzjonali.

Illustrazzjoni 5: Il-Membri tal-UE u l-Membri tan-NATO (2017)

Membri tal-UE u tan-NATO

Membri tal-UE

Sors: Ċentru Ewropew ta' Strateġija Politika

Skont ir-rieda politika tal-Istati Membri biex jagħmlu progress fuq dawn il-kwistjonijiet, jistgħu jiġu previsti tliet xenarji meta nħarsu ’l quddiem sal-2025.

Ix-xenarji huma kollha passi inkrementali fl-istess direzzjoni. Kollha kemm huma jqisu x-xejriet differenti u l-ixpruni strateġiċi elenkati hawn fuq. L-elementi kostitwenti fix-xenarji differenti la huma eżawrjenti u lanqas ma jeskludu wieħed lill-ieħor. Huma pjuttost jenfasizzaw l-elementi differenti ta’ livelli differenti ta’ ambizzjoni għall-Unjoni tas-Sigurtà u tad-Difiża tal-Unjoni, f’dak li għandu x’jaqsam mas-solidarjetà, l-operazzjonijiet, il-kapaċitajiet, l-industrija u l-użu ta’ riżorsi finanzjarji. Ix-xenarji juru sa fejn il-valur miżjud potenzjali tal-UE jista’ jiġi sfruttat apparagun tar-rieda tal-Istati Membri. Uħud mill-elementi msemmija fix-xenarji diġà qed jiġu attwalment eżaminati jew implimentati. It-tliet xenarji huma min-natura tagħhom illustrattivi, u ma jippreġudikawx il-pożizzjoni legali u politika aħħarija tal-Kummissjoni.

(a) Kooperazzjoni fis-Sigurtà u d-Difiża

F’dan ix-xenarju l-Istati Membri tal-UE27 jikkooperaw dwar is-sigurtà u d-difiża b’mod aktar frekwenti milli fil-passat.

Kooperazzjoni bħal din għandha tibqa’ fil-biċċa l-kbira tagħha volontarja, u tkun tiddependi fuq deċiżjonijiet ad hoc hekk kif u meta jkun hemm xi theddida ġdida jew tinħoloq xi kriżi. Filwaqt li dinja dejjem aktar kumplessa u instabbli tirrikjedi aktar kooperazzjoni milli fl-aħħar għexieren ta’ snin li għaddew, l-Istati Membri ma jkunux marbuta – politikament u lanqas legalment – li jieħdu linja komuni fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża. Is-solidarjetà tiġi interpretata u espressa skont x’ikun il-każ minn kull Stat Membru.

L-Unjoni Ewropea se tibqa’ tkun kapaċi tibgħat missjonijiet ċivili u missjonijiet militari relattivament fuq skala żgħira, u operazzjonijiet militari mmirati għall-maniġġar tal-kriżijiet. Hija se tinvolvi ruħha prinċipalment f’missjonijiet għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet biex isaħħaħ u tirriforma tagħmir tas-sigurtà u tad-difiża ta’ pajjiżi sħab, biex fil-proċess issaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE stess. Operazzjonijiet fuq skala akbar u aktar kumplessi se jkunu mmexxija mill-Istati Membri l-aktar kapaċi. F’kull każ, il-marġni strateġiku tal-immanuvrar tal-Unjoni jiddependi mil-livell ta’ qbil bejn l-Istati Membri.

L-UE se tikkumplimenta l-isforzi tal-Istati Membri individwali u tas-sħab ewlenin tagħna. B’mod partikolari, il-kooperazzjoni man-NATO se tkompli tintensifika f’oqsma bħal tat-theddid ibridu, tas-sigurtà marittima u oqsma ċibernetiċi, fejn reazzjonijiet effikaċi jirrikjedu s-setgħa ta’ persważjoni msensla mas-setgħa ta’ koerċizzjoni. Madankollu, fejn kemm l-UE kif ukoll in-NATO jkunu preżenti, in-NATO se tkompli sserraħ fuq aktar kapaċitajiet militari għad-dispożizzjoni tagħha, filwaqt li l-UE tisfrutta l-għodod usa’ tagħha, u torbot flimkien l-għoddod “ta’ persważjoni”, l-istrumenti u l-azzjonijiet mal-missjonijiet militari u l-operazzjonijiet tagħha fil-mira.

Ir-reazzjonijiet għal theddid mhux konvenzjonali li jinsabu fuq iż-żewġ naħat tal-qasma bejn il-politika interna u l-politika esterna dwar it-terroriżmu ibridu jew ċibernetiku, se jibqgħu fil-biċċa l-kbira tagħhom nazzjonali, iżda se jsiru aktar effettivi permezz ta’ appoġġ akbar fil-livell tal-UE. L-Unjoni Ewropea se tiffaċilita aktar l-iskambju tal-informazzjoni sabiex ittejjeb is-sensibilizzazzjoni u ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-Istati Membri. Is-servizzi nazzjonali tas-sigurtà u tal-intelligence se jiskambjaw informazzjoni b’mod aktar sistematiku sabiex jifhmu aħjar u b’mod kollettiv it-theddid estern. L-Istati Membri se jżidu l-iskambju tal-informazzjoni tagħhom dwar it-theddid u l-attakki ċibernetiċi, li jippermettilhom jiżviluppaw strateġiji, kapaċitajiet u reazzjonijiet nazzjonali aktar effikaċi. L-Unjoni tista’ wkoll tikkontribwixxi b’mod dirett għat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-infrastrutturi kritiċi, tal-ktajjen tal-provvista u tas-soċjetajiet, f’oqsma bħalma huma l-enerġija u l-ispazju. Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta se tgħin biex jiġu mmonitorjati u protetti l-fruntieri esterni tal-UE.

Il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża se tibqa’ għan politiku. Ikun hemm aktar ħidma kollettiva, b’mod partikolari fuq l-iżvilupp ta’ teknoloġiji kritiċi magħżula jew fuq il-faċilitaturi loġistiċi tal-operazzjonijiet militari. Iż-żieda fil-kooperazzjoni tkun xprunata l-aktar minn isfel għal fuq mill-ixpruni ekonomiċi u teknoloġiċi diskussi aktar ‘il fuq. Iż-żieda tirriżulta wkoll minn sforz biex tiżdied it-trasparenza fl-ippjanar tad-difiża tal-Istati Membri, il-ħolqien ta’ programm ta’ riċerka tad-difiża tal-UE u l-istabbiliment ta’ Fond Ewropew għad-Difiża biex jiġu żviluppati kapaċitajiet ġodda flimkien. Dawn l-inizjattivi jkunu jippromwovu l-awtonomija strateġika tal-Ewropa fit-teknoloġiji kritiċi u jgħollu l-valur għall-flus tan-nefqa fuq id-difiża.

Madankollu, l-industrija Ewropea tad-difiża tibqa’ frammentata. Il-parti l-kbira tal-kapaċitajiet tad-difiża, partikolarment il-pjattaformi kumplessi, jibqgħu jiġu żviluppati u akkwistati fuq bażi nazzjonali. Iż-żieda żgħira fin-nefqa fuq id-difiża mill-Istati Membri ġeneralment ma tintefaqx b’mod kollaborattiv. B’riżultat, ftit li xejn - jew ħadd - mill-pajjiżi tal-UE ma jżommu l-ispektrum sħiħ tal-forzi armati. L-azzjonijiet ta’ sigurtà u difiża tal-UE jibqgħu jiddependu fuq kontributi volontarji nazzjonali, li jwasslu biex ma jkunx hemm biżżejjed kooperazzjoni f’oqsma kritiċi bħall-kapaċitajiet ta’ livell għoli. Dan jillimita l-abbiltà tal-UE li timpenja ruħha fil-missjonijiet l-aktar eżiġenti.

(b) Sigurtà u Difiża Kondiviżi

F’dan ix-xenarju, l-Istati Membri tal-UE27 jimxu ’l quddiem lejn is-sigurtà u d-difiża kondiviżi. Huma juru aktar solidarjetà finanzjarja u operazzjonali fil-qasam tad-difiża, li tibni fuq fehim usa’ u aktar profond tal-perċezzjonijiet rispettivi tat-theddid u fuq il-konverġenza tal-kulturi strateġiċi.

B’riżultat ta’ dan, l-UE ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tipprojetta l-qawwa militari u li timpenja ruħha b’mod sħiħ fl-immaniġġar tal-kriżijiet esterni u fil-bini tal-kapaċitajiet tas-sigurtà u tad-difiża tas-sħab. Hija ttejjeb ukoll il-ħila tagħha li tipproteġi lill-Ewropa f’oqsma li jinsabu fuq il-linja ta’ bejn dak li huwa intern u dak li huwa esterna bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra t-theddid ibridu u ċibernetiku, il-kontroll tal-fruntieri u s-sigurtà marittima u tal-enerġija.

Il-kooperazzjoni tal-UE man-NATO tkompli tiżdied. L-UE u n-NATO jikkooperaw u jikkoordinaw sistematikament fil-mobilizzazzjoni tal-firxa sħiħa tal-għodod u tal-istrumenti rispettivi tagħhom. Esternament, l-UE u n-NATO jsaħħu l-koordinazzjoni tagħhom tal-immaniġġjar tal-kriżijiet u tal-azzjonijiet ta’ bini tal-kapaċità, pereżempju permezz ta’ operazzjonijiet ta’ sorveljanza kkoordinati, interventi kontra gruppi terroristiċi, jew f’missjonijiet ta’ sigurtà marittima u protezzjoni tal-fruntieri. Fil-punt fejn jiltaqgħu s-sigurtà interna u esterna, l-UE tieħu azzjoni aktar deċiżiva fl-indirizzar tat-theddid u tal-isfidi li jaqgħu taħt il-livell limitu tal-klawsola tad-difiża kollettiva tat-Trattat ta’ Washington.

Dwar l-immaniġġjar tal-kriżijiet, l-UE żżid b’mod sinifikanti l-abbiltà tagħha li tipproġetta l-forza militari esternament, ħalli tkun tista’ twettaq operazzjonijiet ta’ intensità għolja fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-theddid ibridu. Il-missjonijiet tal-UE għall-bini tal-kapaċità — ċivili u militari — jiżdiedu u b’hekk jgħinu biex il-pajjiżi fir-reġjuni tal-madwar u aktar ’il bogħod jsiru aktar reżiljenti. Dan ikun iffaċilitat bi strutturi tal-immaniġġjar tal-kriżijiet aktar effettivi u robusti. Dan ikun ukoll jeħtieġ rieda akbar mill-Istati Membri bl-aqwa forzi armati li jwettqu flimkien missjonijiet u operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-kriżijiet impenjattivi f’isem l-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 44 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Kapaċità akbar li taġixxi se tkun sostnuta bir-rieda politika biex dan iseħħ. It-teħid ta’ deċiżjonijiet iseħħ b’aktar ħeffa u se jimxi bl-istess pass tal-kuntest strateġiku li qed jinbidel b’ħeffa. L-UE fl-aħħar mill-aħħar issir aktar b’saħħitha u provveditur tas-sigurtà aktar risponsiv, b’awtonomija strateġika biex taġixxi weħidha jew flimkien mas-sħab ewlenin tagħha.

F’dan ix-xenarju, l-UE tkun involuta aktar direttament fil-protezzjoni tal-Istati Membri u taċ-ċittadini f’każ ta’ attakki jew tħarbit sinifikanti kontra pajjiż u/jew l-infrastrutturi kritiċi tiegħu. L-UE tippermetti l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar ir-rappurtar sistematiku dwar l-attakki ċibernetiċi. Tgħin biex tiżdied ir-reżiljenza, jiżdiedu l-eżerċizzji ċibernetiċi u tiżdied dimensjoni ta’ difiża fihom. Kooperazzjoni aktar soda u prosekuzzjoni effettiva jkabbru l-kapaċità li jinstabu u jiġu kkastigati l-kriminali, b’hekk tkun ta’ deterrent akbar kontra l-attakki ċibernetiċi. L-intelligence tal-Istati Membri (l-analiżi u l-valutazzjoni tat-theddid) tiġi kondiviża b’mod sistematiku u maqgħud, u l-Unjoni żżomm enfasi qawwija fuq il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u l-ħasil tal-flus. Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta aktar msaħħa, użata sal-massimu tagħha, timmonitorja u tipproteġi l-fruntieri esterni tal-UE, filwaqt li taħdem f’sinerġija ma’ forzi tad-difiża. L-Unjoni ssaħħaħ ukoll il-ħidma tagħha biex tiddiversifika s-sorsi tal-enerġija, tiżviluppa u tippromwovi standards ta’ sigurtà tal-enerġija, tikkoordina t-tħejjija għat-theddid tas-saħħa, u ttejjeb l-immaniġġjar tar-riskju tad-dwana. Fl-aħħar nett, l-Unjoni Ewropea tkompli tiżviluppa l-programmi spazjali tagħha li jipprovdu servizzi addizzjonali għas-sigurtà u għad-difiża, inkluż is-sorveljanza tal-fruntieri u tal-ibħra, funzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ, jew komunikazzjonijiet sikuri tal-gvernijiet. L-ambitu tal-qafas ta’ appoġġ għas-sorveljanza u l-ittraċċar jista’ jiġi estiż biex jindirizza t-theddid ċibernetiku jew theddid ieħor lis-satelliti jew lill-infrastrutturi fuq l-art.

Dwar id-difiża, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri ssir in-norma u mhux l-eċċezzjoni. L-ippjanar tad-difiża nazzjonali jsir ħafna aktar allinjat, b’mod li jiffaċilita l-kooperazzjoni tal-Istati Membri dwar l-akkwist u l-manutenzjoni tal-kapaċitajiet u b’hekk titjieb l-interoperabbiltà. Id-duplikazzjonijiet bejn l-Istati Membri jitnaqqas b’mod drastiku. L-iżvilupp u l-akkwist ta’ pjattaformi kumplessi jsiru f’kooperazzjoni. Xprunati minn Fond ta’ Difiża Ewropea ambizzjuż, l-Istati Membri jiżviluppaw kapaċitajiet multinazzjonali f’oqsma differenti b’mod aktar sistematiku, inkluż fit-trasport strateġiku, fis-sistemi ta’ inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod, fis-sorveljanza marittima u fil-komunikazzjoni bis-satellita, kif ukoll fil-kapaċitajiet offensivi. Dawn il-kapaċitajiet multinazzjonali jkunu appoġġjati minn strutturi ta’ ppjanar u l-kmand konġunti fil-livell tal-UE, kif ukoll mil-loġistika. B’mod partikolari, komponenti standby ta’ forza multinazzjonali kif ukoll kmand mediku u ta’ trasport bl-ajru fl-UE kollha jipprovdu appoġġ effettiv għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE, filwaqt li kultura militari Ewropea kondiviża tiġi mrawma permezz ta’ edukazzjoni konġunta, kif ukoll ta’ taħriġ u eżerċizzji fuq skala kbira konġunti. Barra minn hekk, teknoloġiji kritiċi jiġu żviluppati permezz ta’ programmi Ewropej, b’mod partikolari fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali, il-bijoteknoloġija u s-superkompjuting. Osservatorju Ewropew jista' jiġi stabbilit biex jiskrinja l-investiment dirett barrani f’dawn it-teknoloġiji kritiċi u janaliżizza l-impatt potenzjali tagħhom. Il-kapaċità tal-Ewropej tiżdied peremzz ta’ kapaċitajiet tad-difiża tal-art, tal-ajru, tal-ispazju u marittimi interoperabbli. Barra minn hekk, ikun hemm użu aktar razzjonali tar-riżorsi permezz tal-ekonomiji tal-iskala miksuba minn industrija konsolidata tad-difiża li topera f’suq tat-tagħmir tad-difiża fl-UE kollha u kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli fil-katina tal-provvista għall-intrapriżi żgħar u medji.

(c) Difiża u Siġurtà Komuni

F’dan ix-xenarju, l-Istati Membri japprofondixxu aktar il-kooperazzjoni u l-integrazzjoni lejn difiża u sigurtà komuni. Din l-Unjoni ta’ Sigurtà u Difiża tkun imsejsa fuq xpruni strateġiċi, ekonomiċi u teknoloġiċi globali, kif ukoll fuq spinta politika miċ-ċittadini Ewropej għal sigurtà u difiża Ewropej komuni.

Is-solidarjetà u l-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża jsiru n-norma, u jkunu msejsa fuq l-isfruttament sħiħ tal-Artikolu 42 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jinkludi t-tfassil progressiv ta’ politika ta’ difiża komuni għall-Unjoni, li twassal għal difiża komuni.

B’rispett sħiħ lejn l-obbligi tal-Istati Membri li jaraw id-difiża komuni tagħhom realizzata fl-organizzazzjoni TAT-TRATTAT TAL-ATLANTIKU TAT-TRAMUNTANA, il-protezzjoni tal-Ewropa ssir responsabilità, li tissaħħaħ b’mod reċiproku, tal-UE u tan-NATO. B’komplementarjetà għan-NATO, is-Sigurtà u d-Difiża komuni tal-Ewropa ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-Ewropa u tipproteġi kontra forom differenti ta’ aggressjoni fuq l-Unjoni, kif ukoll tipprovdi s-serħan il-moħħ li ċ-ċittadini tagħna jistennew.

L-UE tkun kapaċi twettaq operazzjonijiet ta’ livell għoli biex tipproteġi aħjar lill-Ewropa, billi tinkludi potenzjalment operazzjonijiet kontra gruppi terroristiċi, operazzjonijiet navali f’ambjenti ostili jew azzjonijiet ta’ ċiberdifiża.

It-theddid għas-sigurtà jiġi mmonitorjat sistematikament u vvalutat b’mod konġunt, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi nazzjonali tas-sigurtà u tal-intelligence. L-ippjanar ta’ kontinġenza jitwettaq fuq livell Ewropew, li jġib is-sigurtà interna u esterna eqreb lejn xulxin. L-interkonnessjoni tal-interessi tas-sigurtà nazzjonali twassal għal interessi ta’ sigurtà Ewropej ġenwini.

Il-kapaċità akbar li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE tkun mirfuda b’livell akbar ta’ integrazzjoni tal-forzi tad-difiża tal-Istati Membri, u dan isaħħaħ aktar is-solidarjetà fost l-Istati Membri. Dawn il-forzi jkunu ppożizzjonati minn qabel u jkunu disponibbli b’mod permanenti għal skjerament rapidu f’isem l-Unjoni. Huma jieħdu sehem f’eżerċizzji militari konġunti regolari, u jirċievu taħriġ regolari fil-Kulleġġ tad-Difiża Ewropea biex tkun iffaċilitata l-konverġenza tal-kulturi strateġiċi.

Internament, l-UE ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha u dik tal-Istati Membri tagħha permezz ta’ politiki settorjali f’oqsma bħaċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika, jew il-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti. Dwar is-sigurtà ċibernetika, l-UE tikkoordina x-xenarji u l-azzjoni ta’ rispons f’każ ta’ attakki ċibernetiċi jew ta’ interferenza esterna fil-proċessi demokratiċi tal-Istati Membri, inkluż permezz tal-kondiviżjoni sistematika tal-informazzjoni, il-kooperazzjoni teknoloġika u duttrini konġunti. Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tkun tiddependi fuq forzi marittimi Ewropej permanenti u fuq assi tal-intelligence Ewropea bħal inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod jew satelliti. Forza ta’ protezzjoni ċivili Ewropea tiġi stabbilita biex tirreaġixxi b’mod rapidu għal diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem. Arranġamenti fissi bejn l-Istati Membri jippermettu l-moviment rapidu ta’ tagħmir militari madwar l-Ewropa kollha.

L-ippjanar tad-difiża tal-Istati Membri jkun sinkronizzat b’mod sħiħ, u l-prijoritajiet nazzjonali għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet iqisu l-prijoritajiet Ewropej miftiehma. Dawn il-kapaċitajiet jistgħu sussegwentement jiġu żviluppati fuq il-bażi ta’ kooperazzjoni mill-qrib, anke ta’ integrazzjoni jew ta’ speċjalizzazzjoni.

Kapaċitajiet f’oqsma bħall-ispazju, is-sorveljanza tal-ajru u tal-ibħra, il-komunikazzjoni, it-trasport strateġiku bl-ajru u ċ-ċibernetika jkunu komunament akkwistati mill-Istati Membri bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għad-Difiża biex jiġi żgurat rispons immedjat. L-Ewropa tkun kapaċi tiskjara ċiberkapaċitajiet ta’ detezzjoni u offensivi. Programmi kollaborattivi multinazzjonali tal-iżvilupp u programmi tal-akkwist jitqawwew b’mod sinifikanti f’oqsma bħall-inġenji tal-ajru tat-trasport, ħelikopters, assi ta’ rikonjizzjoni jew kapaċitajiet ta’ difiża CBRN. Dan kollu jkun sostnut minn suq ġenwin tad-difiża Ewropea, b’mekkaniżmu Ewropew li jimmonitorja u jipproteġi attivitajiet strateġiċi ewlenin minn akkwiżizzjonijiet esterni ostili. Aġenzija Ewropew għar-Riċerka dwar id-Difiża tappoġġja l-innovazzjonijiet li jħarsu ‘l quddiem fid-difiża u tgħin biex dawn l-innovazzjonijiet jinbidlu fil-kapaċitajiet militari ta’ għada. L-għarfien l-aktar avvanzat jiġi ppuljat u dan jippermetti lir-riċerka kritika u lill-impriżi ġodda biex jiżviluppaw teknoloġiji ewlenin biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-sigurtà tal-Ewropa. Nefqa effiċjenti fid-difiża u aktar outputs fil-qasam tad-difiża u aħjar, jinkisbu permezz ta’ taħlita tajba ta’ kompetizzjoni u konsolidazzjoni, speċjalizzazzjoni, ekonomiji ta’ skala, il-kondiviżjoni tal-assi militari għaljin u l-innovazzjoni teknoloġika bl-għan li jinkiseb l-aħjar valur għall-flus minfuqa.

Prinċipji

Azzjonijiet

Kapaċitajiet

Effiċjenza

Xenarju (a)

Kooperazzjoni fis-Sigurtà u d-Difiża

L-UE tikkomplementa l-isforzi tal-Istati Membri, is-solidarjetà tibqa’ ad hoc u interpretata b’mod individwali mill-Istati Membri

Missjonijiet għall-bini tal-kapaċità, operazzjonijiet żgħar ta’ mmaniġġjar ta’ kriżijiet, aktar skambju ta’ intelligence, l-appoġġ mill-UE lir-reżiljenza tal-Istati Membri. Il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO tibqa’ kif inhi.

Jiġu żviluppati teknoloġiji ewlenin magħżula fil-livell tal-UE, iżda b’diffikultajiet biex jinżamm l-ispettru sħiħ tal-kapaċitajiet; użu limitat tal-Fond Ewropew għad-Difiża.

Ekonomiji ta’ skala inizjali

Xenarju (b)

Sigurtà u Difiża Kondiviżi

L-UE tissupplimenta l-isforzi tal-Istati Membri, is-solidarjetà operazzjonali u finanzjarja bejn l-Istati Membri ssir in-norma

L-immaniġġjar ta’ kriżijiet, il-bini tal-kapaċità u l-protezzjoni fir-rabta bejn l-intern u l-estern. L-Istati Membri jimmonitorjaw/jgħinu lil xulxin dwar iċ-ċibersigurtà u jaqsmu l-intelligence, il-gwardji Ewropej tal-Fruntiera u tal-Kosta jipproteġu l-fruntieri esterni. L-UE u n-NATO jikkoordinaw dwar l-ispettru sħiħ ta’ oqsma tas-sigurtà, kemm hard kif ukoll soft

Il-finanzjament konġunt ta’ kapaċitajiet ewlenin u l-akkwist konġunt ta’ kapaċitajiet multinazzjonali appoġġat mill-Fond Ewropew tad-Difiża;

L-ippjanar konġunt u l-iżvilupp tal-ktajjen ta’ valur.

Ekonomiji ta’ skala konsiderevoli fis-suq tad-difiża fuq skala Ewropea, kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli tul il-katina kollha tal-provvista tad-difiża

Xenarju (c)

Difiża u Siġurtà Komuni

Solidarjetà u assistenza reċiproka, difiża komuni kif previst mit-Trattat.

Operazzjonijiet impenjattivi mmexxija mill-UE; monitoraġġ/valutazzjoni konġunti tat-theddid u l-ippjanar ta’ kontinġenza. Ċibersigurtà fil-livell tal-UE; Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tkun tiddependi fuq forzi marittimi permanenti u fuq assi Ewropej tal-intelligence bħal drones jew satelliti. Forza Ewropea tal-protezzjoni ċivili. Is-Sigurtà u d-Difiża komuni tal-Ewropa, filwaqt li jikkumplimentaw in-NATO, jsaħħu r-reżiljenza tal-Ewropa u jipproteġu kontra forom differenti ta’ aggressjoni fuq l-Unjoni.

Il-finanzjament u l-akkwist komuni ta’ kapaċitajiet appoġġati mill-baġit tal-UE. Indipendenza teknoloġika.

Infiq għad-difiża aktar effiċjenti permezz ta’ ekonomiji ta’ skala, speċjalizzazzjoni, kondiviżjoni ta’ assi militari għaljin u innovazzjoni teknoloġika bl-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tad-difiża, u li nsiru mgħammra aħjar biex jaffaċċjaw il-kompetizzjoni internazzjonali.

Illustrazzjoni 6: L-elementi ta’ Unjoni tas-Sigurtà u tad-Difiża Ewropea

4.It-triq 'il quddiem

Is-sigurtà Ewropea trid titjieb bilfors. It-tmexxija se tkun f’idejn l-Istati Membri. Huma se jiddefinixxu u jimplimentaw livell Ewropew ta’ ambizzjoni, bl-appoġġ tal-istituzzjonijiet tal-UE. L-inizjattivi li għaddejjin bħalissa jindikaw b’mod ċar li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE diġà qabduha din it-triq. Iżda kemm iridu jdumu l-Istati Membri biex jibnu Unjoni tas-Sigurtà u tad-Difiża Ewropea ġenwina? Sa liema punt għandhom ir-rieda li jantiċipaw u mhux jirreaġixxu għall-kuntest strateġiku? Sa liema punt jaħsbu li s-sigurtà Ewropea hija responsabbiltà Ewropea?

It-twissijiet ilhom hemm, huma magħrufa u hemm bżonn li jingħelbu. Il-futur tal-Unjoni Ewropea bħala proġett ta’ paċi għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin issa huwa bbażata wkoll fuq is-sisien ta’ Unjoni tas-Sigurtà u tad-Difiża: l-Istati Membri, meta jħarsu lejn 2025, se jiddeċiedu t-triq u l-ħeffa li jixtiequ jieħdu biex jipproteġu liċ-ċittadini tagħna.



APPENDIĊI

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

Dispożizzjonijiet dwar il-Politika ta’ Sigurtà u Ta' Difiża Komuni

Artikolu 42

1. Il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni għandha tkun parti integrali mill-politika estera u ta' sigurtà komuni. Din għandha tipprovdi lill-Unjoni b'kapaċità operattiva billi tagħmel użu minn riżorsi ċivili u militari. L-Unjoni tista' tużahom f'missjonijiet barra mill-Unjoni għaż-żamma tal-paċi, għall-prevenzjoni ta' konflitti u sabiex tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Dawn il-kompiti għandhom jitwettqu permezz tal-kapaċitajiet provduti mill-Istati Membri.

2. Il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni għandha tinkludi t-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni tal-Unjoni. Din sejra twassal għal difiża komuni, meta l-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'mod unanimu, jiddeċiedi hekk. F'dak il-każ dan għandu jirrakkomanda lill-Istati Membri li jadottaw deċiżjoni f'dan is-sens skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

Il-politika tal-Unjoni skont din it-taqsima ma għandhiex tolqot il-karattru speċifiku tal-politika ta’ sigurtà u difiża ta’ ċerti Stati Membri, u għandha tirrispetta l-obbligazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri, li jqisu li d-difiża komuni tagħhom hija koperta mill-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku (NATO), taħt it-trattat tan-Nord Atlantiku u li tkun kompatibbli mal-politika komuni ta’ sigurtà u difiża stabbilita f’dan il-kuntest.

3. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Unjoni l-kapaċitajiet ċivili u militari għall-implimentazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, sabiex jikkontribwixxu għall-objettivi stabbiliti mill-Kunsill. Dawk l-Istati Membri li jistabbilixxu forzi multinazzjonali flimkien jistgħu wkoll jagħmluhom disponibbli għall-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni.

L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom sabiex itejbu progressivament il-kapaċitajiet militari tagħhom. L-Aġenzija fil-qasam tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża, tar-riċerka, tal-akkwist u tal-armamenti (minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Aġenzija Ewropea tad-Difiża") tidentifika l-ħtiġijiet operattivi, tippromwovi l-miżuri li jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet, tikkontribwixxi sabiex tidentifika u, fejn ikun meħtieġ, timplimenta kwalunkwe miżura meħtieġa sabiex issaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża, tipparteċipa sabiex tidentifika politika Ewropea dwar kapaċitajiet u armamenti u tassisti lill-Kunsill fil-valutazzjoni tat-titjib tal-kapaċitajiet militari.

4. Id-deċiżjonijiet dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, inklużi dawk li jibdew missjoni kif previst f'dan l-Artikolu, għandhom jiġu adottati mill-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu, fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jew fuq inizjattiva minn Stat Membru. Ir-Rappreżentant Għoli jista' jipproponi li juża kemm riżorsi nazzjonali kif ukoll strumenti tal-Unjoni, flimkien mal-Kummissjoni fejn xieraq.

5. Il-Kunsill jista' jafda l-eżekuzzjoni ta' missjoni fil-qafas tal-Unjoni lil grupp ta' Stati Membri sabiex jiġu protetti l-valuri tal-Unjoni u jinqdew l-interessi tagħha. L-eżekuzzjoni ta' din il-missjoni għandha tkun regolata mill-Artikolu 44.

6. Dawk l-Istati Membri li l-kapaċitajiet militari tagħhom jissodisfaw kriterji ogħla u li jkunu ħadu impenji aktar vinkolanti ma' xulxin fil-qasam bil-ħsieb tat-twettiq tal-missjonijiet l-aktar impenjattivi għandhom jistabbilixxu koperazzjoni strutturata permanenti fil-qafas tal-Unjoni. Din il-koperazzjoni għandha tkun regolata mill-Artikolu 46. Din m'għandhiex tolqot d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43.

7. Jekk Stat Membru jkun il-vittma ta' aggressjoni armata fuq it-territorju tiegħu, l-Istati Membri l-oħra jkunu obbligati jagħtuh l-għajnuna u l-assistenza permezz tal-mezzi kollha li jista' jkollhom, skont l-Artikolu 51 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan m'għandux jippreġudika l-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' ċerti Stati Membri.

L-impenji u l-koperazzjoni f'dan il-qasam għandhom ikunu konsistenti mal-impenji meħuda fl-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku, li, għal dawk l-Istati Membri li huma membri tagħha, tibqa' s-sisien tad-difiża kollettiva tagħhom u l-forum għall-implimentazzjoni tagħha.

Artikolu 43

1. Il-missjonijiet previsti fl-Artikolu 42, li matulhom l-Unjoni tista' tuża mezzi ċivili u militari, għandhom jinkludu operazzjonijiet konġunti ta' diżarm, missjonijiet umanitarji u ta' salvataġġ, missjonijiet ta' għoti ta' pariri u ta' assistenza fi kwistjonijiet militari, missjonijiet ta' prevenzjoni ta' konflitti u taż-żamma tal-paċi, missjonijiet ta' forzi ta' kumbattiment fl-immaniġġar ta' kriżijiet, inklużi l-missjonijiet għall-istabbiliment tal-paċi u għall-istabbilizzazzjoni wara l-konflitti. Dawn il-missjonijiet kollha jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż bl-appoġġ għal pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fit-territorji tagħhom.

2. Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjonijiet relatati mal-missjonijiet previsti fil-paragrafu 1, li jiddefinixxu l-objettivi u l-kamp tal-applikazzjoni tagħhom kif ukoll il-kondizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni tagħhom. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tal-Kunsill u f'kuntatt mill-qrib u kostanti mal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà, għandu jassigura l-koordinazzjoni tal-aspetti ċivili u militari ta' dawn il-missjonijiet.

Artikolu 44

1. Fil-qafas tad-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 43, il-Kunsill jista' jafda l-implimentazzjoni ta' missjoni lil grupp ta' Stati Membri li għandhom ir-rieda u l-kapaċitajiet meħtieġa għal tali missjoni. Dawn l-Istati Membri f'assoċjazzjoni mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandhom jiftiehmu bejniethom dwar l-amministrazzjoni tal-missjoni.

2. L-Istati Membri li jipparteċipaw fit-twettiq tal-missjoni għandhom iżommu lill-Kunsill regolarment informat bil-progress tal-missjoni fuq inizjattiva tagħhom stess jew fuq it-talba ta' Stat Membru ieħor. L-Istati Membri parteċipanti għandhom jinformaw lill-Kunsill immedjatament jekk it-twettiq tal-missjoni jkollu konsegwenzi maġġuri jew jeħtieġ emenda tal-objettiv, tal-kamp ta' applikazzjoni jew tal-kondizzjonijiet stabbiliti għall-missjoni fid-deċiżjonijiet previsti fil-paragrafu 1. F'każijiet bħal dawn, il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjonijiet meħtieġa.

Artikolu 45

1. L-Aġenzija Ewropea tad-Difiża, imsemmija fl-Artikolu 42(3), u li tinsab taħt l-awtorità tal-Kunsill, għandha l-missjoni li:

(a) tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni tal-objettivi ta' kapaċità militari tal-Istati Membri u l-valutazzjoni tar-rispett tal-impenji ta' kapaċità meħuda mill-Istati Membri;

(b) tippromwovi l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet operazzjonali u l-adozzjoni ta' metodi ta' akkwist effettivi u kompatibbli;

(c) tipproponi proġetti multilaterali sabiex jiġu sodisfatti l-objettivi f'termini ta' kapaċitajiet militari, u tassigura l-koordinazzjoni tal-programmi implimentati mill-Istati Membri u l-amministrazzjoni ta' programmi speċifiċi ta' koperazzjoni;

(d) issostni r-riċerka dwar it-teknoloġija tad-difiża, tikkoordina u tippjana l-attivitajiet ta' riċerka konġunta u l-istudji ta' soluzzjonijiet tekniċi li jissodisfaw il-ħtiġijiet operattivi futuri;

(e) tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni u, jekk meħtieġ, għall-implimentazzjoni ta' kwalunkwe miżura utli għat-tisħiħ tal-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża u għat-titjib tal-effiċjenza tal-infiq militari.

2. L-Aġenzija Ewropea tad-Difiża għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha li jixtiequ jipparteċipaw fiha. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu jadotta deċiżjoni li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli ta' funzjonament tal-Aġenzija. Din id-deċiżjoni għandha tikkunsidra l-livell ta' parteċipazzjoni effettiva fl-attivitajiet tal-Aġenzija. Għandhom jiġu stabbiliti fl-Aġenzija gruppi speċifiċi li jiġbru flimkien Stati Membri involuti fi proġetti konġunti. L-Aġenzija għandha twettaq il-missjonijiet tagħha flimkien mal-Kummissjoni meta meħtieġ.

Artikolu 46

1. Dawk l-Istati Membri li jixtiequ jieħdu sehem fil-koperazzjoni strutturata permanenti prevista fl-Artikolu 42(6), li jissodisfaw il-kriterji u li jkunu ħadu l-impenji dwar il-kapaċitajiet militari previsti fil-Protokoll dwar il-koperazzjoni strutturata permanenti għandhom jinnotifikaw l-intenzjoni tagħhom lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

2. Fi żmien tliet xhur min-notifika prevista fil-paragrafu 1, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi koperazzjoni strutturata permanenti, u li tiddetermina l-lista tal-Istati Membri partecipanti. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata wara li jikkonsulta lir-Rappreżentant Għoli.

3. Kull Stat Membri li, fi stadju aktar tard, jixtieq jieħu sehem fil-koperazzjoni strutturata permanenti għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli.

Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat li jissodisfa l-kriterji u jirrispetta l-impenji previsti fl-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-koperazzjoni strutturata permanenti. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata wara li jikkonsulta lir-Rappreżentant Għoli. Il-Membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti biss jistgħu jieħdu sehem fil-votazzjoni.

Il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skont l-Artikolu 238(3)(a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

4. Jekk Stat Membru parteċipanti ma jibqax jissodisfa l-kriterji jew ma jkunx jista' jibqa' jirrispetta l-impenji previsti fl-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-koperazzjoni strutturata permanenti, il-Kunsill jista' jadotta deċiżjoni li tissospendi l-parteċipazzjoni ta' dak l-Istat Membru.

Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata. Il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti biss, bl-eċċezzjoni tal-Istat Membru konċernat, jistgħu jieħdu sehem fil-votazzjoni.

Il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skont l-Artikolu 238(3)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

5. Jekk Stat Membru parteċipanti jixtieq jirtira mill-koperazzjoni strutturata permanenti, dan għandu jgħarraf l-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill, li għandu jieħu nota tal-fatt li l-Istat Membru inkwistjoni waqaf jipparteċipa.

6. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill fil-qafas tal-koperazzjoni strutturata permanenti, minbarra dawk previsti fil-paragrafi 2 sa 5, għandhom jiġu adottati b'mod unanimu. Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, l-unanimità għandha tkun magħmula biss mill-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri parteċipanti.