Strasburgu, 16.5.2017

COM(2017) 261 final

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

Is-seba' rapport ta' progress lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina


I.INTRODUZZJONI

Dan huwa s-seba' rapport ta’ kull xahar dwar il-progress li sar lejn il-bini ta’ Unjoni ta’ Sigurtà effettiva u ġenwina u jkopri l-iżviluppi taħt żewġ pilastri ewlenin: l-indirizzar tat-terroriżmu u tal-kriminalità organizzata u l-mezzi li jappoġġawhom; u t-tisħiħ tad-difiżi tagħna u l-bini ta’ reżiljenza kontra dan it-theddid. Dan ir-rapport jiffoka fuq il-ħidma lejn l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni għas-sigurtà, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-migrazzjoni sabiex il-ġestjoni tad-dejta fl-UE ssir aktar effettiva u effiċjenti, f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta, sabiex jiġu protetti aħjar il-fruntieri esterni u tissaħħaħ is-sigurtà interna għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha. Dan ir-rapport jipprovdi wkoll aġġornament dwar il-progress li sar rigward fajls ewlenin leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

L-attakk ċibernetiku globali riċenti bl-użu ta’software ta’ riskatt (ransomware) biex jiddiżattiva eluf ta’ sistemi tal-kompjuter għal darb’oħra enfasizza l-ħtieġa urġenti li jissaħħu r-reżiljenza ċibernetika kif ukoll l-azzjonijiet ta’ sigurtà tal-UE minħabba ż-żieda dejjem tikber b’rata mgħaġġla tal-kriminalità organizzata bl-użu tal-internet, kif stipulat fl-aħħar Rapport ta’ Progress tal-Unjoni ta’ Sigurtà 1 u enfasizzat fil-Valutazzjoni tal-Europol dwar it-Theddida tal-Kriminalità Serja u Organizzata 2 . Il-Kummissjoni qed tħaffef il-ħidma tagħha fuq iċ-ċibersigurtà, b’mod partikolari permezz tal-evalwazzjoni tagħha tal-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà tal-UE tal-2013 3 kif imħabbar fis-Suq Uniku Diġitali fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu 4 , biex tipprovdi reazzjoni attwali u effettiva li tindirizza dan it-theddid.

Id-diskors tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni f’Settembru 2016 5 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2016 6 enfasizzaw l-importanza li jingħelbu n-nuqqasijiet attwali fil-ġestjoni tad-dejta u li tittejjeb l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni eżistenti. L-attakki terroristiċi li seħħew dan l-aħħar poġġew dan f’dawl aktar qawwi, filwaqt li enfasizzaw il-ħtieġa urġenti li s-sistemi ta’ informazzjoni jkunu interoperabbli, u li jiġu eliminati l-punti mhux viżibbli attwali fejn suspettati terroristiċi jistgħu jiġu rreġistrati f’bażijiet tad-dejta differenti li mhumiex konnessi ma xulxin, taħt psewdonimi differenti. Dan ir-rapport jistabbilixxi l-approċċ tal-Kummissjoni dwar kif tista’ tinkiseb l-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni għas-sigurtà, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-migrazzjoni sal-2020 biex ikun żgurat li l-gwardji tal-fruntieri, l-uffiċjali tal-infurzar tal-fruntieri, inklużi l-uffiċjali tad-dwana, l-uffiċjali tal-immigrazzjoni u l-awtoritajiet ġudizzjarji jkollhom l-informazzjoni meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħhom. Dan huwa segwitu għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ April 2016 dwar sistemi ta’ informazzjoni aktar b’saħħithom u aktar intelliġenti għall-fruntieri u s-sigurtà  7 u l-ħidma tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar is-Sistemi ta’ Informazzjoni u l-Interoperabbiltà li l-Kummissjoni stabbilixxiet wara din il-Komunikazzjoni.

II.    SISTEMI TA’ INFORMAZZJONI AKTAR B’SAĦĦITHOM U AKTAR INTELLIĠENTI

1.    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ April 2016 u l-passi li ttieħdu sa issa

Il-Komunikazzjoni ta’ April 2016 dwar sistemi ta’ informazzjoni aktar b’saħħithom u aktar intelliġenti għall-fruntieri u s-sigurtà identifikat numru ta’ nuqqasijiet strutturali relatati ma’ sistemi ta’ informazzjoni:

·funzjonalitajiet subottimali f’xi sistemi ta’ informazzjoni eżistenti;

·lakuni ta’ informazzjoni fl-arkitettura tal-UE tal-ġestjoni tad-dejta;

·ambjent kumpless ta’ sistemi ta’ informazzjoni rregolati b’mod differenti; kif ukoll

·l-arkitettura frammentata tal-ġestjoni tad-dejta għal fruntieri u għas-sigurtà meta l-informazzjoni tinħażen separatament f’sistemi mhux konnessi, li jwassal għal punti mhux viżibbli.

Biex tindirizza dawn in-nuqqasijiet, il-Kummissjoni pproponiet azzjoni fi tliet oqsma, li enfasizzat li r-rekwiżiti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u b’mod partikolari l-qafas komprensiv għall-protezzjoni tad-dejta personali fl-UE se jiggwidaw il-ħidma tal-Kummissjoni.

L-ewwel nett, il-Komunikazzjoni stabbiliet għażliet possibbli għall-massimizzazzjoni tal-benefiċċji ta’ sistemi ta’ informazzjoni eżistenti, filwaqt li enfasizzat li jeħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ minn dawn is-sistemi. Sussegwentement, f’Diċembru 2016 il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi biex issaħħaħ is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) 8 li hija l-aktar għodda eżistenti ta’ suċċess għal kooperazzjoni tal-gwardji tal-fruntiera, l-awtoritajiet doganali, l-uffiċjali tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll proposta leġiżlattiva f’Mejju 2016 biex issaħħaħ il-bażi tad-dejta tal-asil u l-migrazzjoni irregolari Eurodac 9 , li tiffaċilita r-ritorni u tgħin fl-ittrattar tal-migrazzjoni irregolari. F’Jannar 2016, il-Kummissjoni ppreżentat proposta leġiżlattiva biex tiffaċilita l-iskambju ta’ rekords kriminali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-UE permezz tal-aġġornament tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (European Criminal Records Information System, ECRIS) 10 . Kif imħabbar 11 , u fid-dawl tad-diskussjonijiet mal-koleġiżlaturi dwar il-proposta ta’ Jannar 2016, f’Ġunju 2017, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta supplimentari biex tistabbilixxi sistema ċentralizzata 12 għall-identifikazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi misjuba ħatja u biex tindika liema Stati Membri qed iżommu informazzjoni dwarhom.

F’Ġunju 2017, il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll proposta leġiżlattiva biex tirrevedi l-mandat ġuridiku ta’ eu-LISA 13 , inkluż kompitu għall-aġenzija dwar l-iżvilupp tal-interoperabbiltà ta’ sistemi ta’ informazzjoni ċentralizzata tal-UE għas-sigurtà, il-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni.

It-tieni nett, il-Komunikazzjoni stabbilixxiet għażliet possibbli għall-iżvilupp ta’ azzjonijiet ġodda u komplementari biex jiġu indirizzati l-lakuni fl-arkitettura tal-UE tal-ġestjoni tad-dejta. B’mod partikolari, il-Kummissjoni identifikat nuqqasijiet sinifikanti ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jżuru ż-żona Schengen u, fi ħdan dan l-istess grupp, fir-rigward ta’ dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu fl-UE permezz tal-fruntieri fuq l-art. Bħalissa, il-qsim tal-fruntieri esterni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mhuwiex irreġistrat, u l-ebda informazzjoni mhi disponibbli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-viża qabel il-wasla tagħhom fil-fruntiera esterna fuq l-art. Bħala segwitu, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi biex tistabbilixxi żewġ sistemi ta’ informazzjoni ġodda biex jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet importanti. F’April 2016, il-Kummissjoni pproponiet Sistema ta’ Dħul / Ħruġ mill-UE biex timmodernizza l-ġestjoni tal-fruntiera esterna billi ttejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tal-kontrolli 14 . F’Novembru 2016, il-Kummissjoni pproponiet Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (European Travel Information and Authorisation System, ETIAS) biex tinġabar informazzjoni dwar dawk kollha li jivvjaġġaw mingħajr viża fl-Unjoni Ewropea sabiex jitwettqu l-verifiki ta’ sigurtà u l-migrazzjoni irregolari minn qabel 15 .

It-tielet qasam enfasizzat mill-Komunikazzjoni ddeskriva l-ħtieġa li tittejjeb l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni. Il-Komunikazzjoni stabbilixxiet li bil-qafas komprensiv għall-protezzjoni tad-dejta personali fl-UE u l-iżviluppi sinifikanti fit-teknoloġija u s-sigurtà tal-IT, hemm mezz biex tinkiseb l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni akkumpanjata mir-regoli stretti meħtieġa dwar l-aċċess u l-użu mingħajr ma tiġi affettwata l-limitazzjoni tal-iskop eżistenti. Il-Komunikazzjoni ppreżentat erba’ alternattivi biex tinkiseb l-interoperabbiltà:

·interfaċċa unika ta’ tfittxija li ssaqsi dwar diversi sistemi ta’ informazzjoni fl-istess ħin u li tipproduċi riżultati kkumbinati mis-sistemi mistoqsija fuq skrin wieħed;

·l-interkonnettività tas-sistemi ta’ informazzjoni fejn id-dejta rreġistrata f’sistema waħda awtomatikament tiġi kkonsultata minn sistema oħra;

·l-istabbiliment ta’ servizz ta’ tqabbil bijometriku kondiviż b’appoġġ għal diversi sistemi ta’ informazzjoni; kif ukoll

·repożitorju ta’ identità komuni b’dejta alfanumerika għal sistemi ta’ informazzjoni differenti (fosthom l-attributi bijografiċi komuni bħalma huma l-isem u d-data tat-twelid).

Il-Kummissjoni bdiet diskussjoni dwar kif sistemi ta’ informazzjoni fl-Unjoni Ewropea jistgħu jtejbu aktar il-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà interna u twaqqaf Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar is-Sistemi ta’ Informazzjoni u l-Interoperabbiltà biex tmexxi din il-ħidma ’l quddiem (ara t-Taqsima II.3 hawn taħt).

2.    Progress fuq il-fajls ta’ prijorità fuq is-sistemi tal-informazzjoni

Il-gwardji tal-fruntieri, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, l-uffiċjali tal-immigrazzjoni u l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom bżonn aċċess għal dejta preċiża u kompleta biex jagħmlu x-xogħol tagħhom. Għalhekk huwa essenzjali li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimxu ’l quddiem dwar il-proposta ta’ prijorità fuq is-sistemi tal-informazzjoni taħt l-ewwel parti tal-Komunikazzjoni ta’ April 2016. Kif stipulat hawn fuq, din hija ċ-ċavetta li twassal għal sistemi ta’ informazzjoni eżistenti aktar effettivi għal fruntieri u sigurtà, u se jingħalqu lakuni importanti fl-informazzjoni billi tistabbilixxi sistemi ġodda meħtieġa biex jiżguraw il-fruntieri esterni.

L-iżjed proposta avvanzata hija s-Sistema ta’ Dħul / Ħruġ tal-UE. Din qiegħda fil-fażi tat-trilogu u l-mira li tiġi konkluża f’Ġunju 2017, stabbilita mill-Kunsill Ewropew, qiegħda fit-triq it-tajba. Diskussjonijiet tekniċi jkomplu javvanzaw fuq is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), iżda ż-żewġ istituzzjonijiet għadhom iridu jilħqu l-pożizzjonijiet ta’ negozjar tagħhom. L-adozzjoni tal-mandat tal-Kunsill hija ppjanata għal Ġunju 2017, filwaqt li l-Kumitat tal-Parlament Ewropew għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) qed jippjana li jadotta l-mandat ta’ negozjar tiegħu f’Settembru 2017. Id-dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġislattivi tal-UE għall-2017 16 tat trattament ta’ prijorità lil dan il-fajl biex tiżgura t-twettiq tagħha qabel tmiem l-2017. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-koleġiżlaturi biex jintlaħaq dan il-għan. Iż-żewġ istituzzjonijiet qed jaħdmu wkoll fuq il-proposti tal-Kummissjoni biex isaħħu s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS). L-ewwel sensiela ta’ diskussjonijiet dwar it-tliet proposti fil-livell ta’ grupp ta’ ħidma tal-Kunsill se tiġi ffinalizzata taħt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill. Ir-relatur tal-Parlament Ewropew jipprevedi li jippreżenta abbozz ta’ rapport fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) sal-aħħar ta’ Ġunju 2017. Fir-rigward tal-proposta leġislattiva biex tissaħħaħ l-Eurodac, il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali parzjali f’Diċembru 2016 filwaqt li l-Kumitat tal-Parlament Ewropew għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) qed jippjana li jivvota dwar ir-rapport tiegħu f’Mejju 2017. Il-fażi ta’ trilogu jinħtieġ li tibda eżatt wara.

3.    Il-ħidma tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar is-Sistemi ta’ Informazzjoni u l-Interoperabbiltà

F’Ġunju 2016, il-Kummissjoni waqqfet il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar is-Sistemi ta’ Informazzjoni u l-Interoperabbiltà. Il-kompitu tal-Grupp ta’ Esperti kien li jindirizza l-isfidi legali, tekniċi u operazzjonali tal-erba’ għażliet sabiex tinkiseb l-interoperabbiltà, inkluż il-ħtieġa, il-fattibbiltà teknika, il-proporzjonalità u l-implikazzjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta tagħhom 17 . Il-Grupp ta’ Esperti ġie mistieden ukoll sabiex jidentifika u jindirizza n-nuqqasijiet u l-lakuni ta’ informazzjoni potenzjali kkawżati mill-kumplessità u l-frammentazzjoni tas-sistemi tal-informazzjoni 18 . Dan laqqa’ flimkien esperti minn Stati Membri u pajjiżi assoċjati ma’ Schengen, u mill-aġenziji tal-UE, eu-LISA, l-Europol, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali. Il-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta pparteċipaw bħala membri sħaħ. Rappreżentanti tas-Segretarjat tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill attendew bħala osservaturi.

Il-Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport finali 19 tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli tal-11 ta’ Mejju 2017. Il-grupp ta’ Esperti kkonkluda li huwa meħtieġ u teknikament fattibbli li jaħdmu biex jinkisbu dawn it-tliet soluzzjonijiet għall-interoperabilità u li dawn it-tnejn jistgħu, fil-prinċipju, iwasslu vantaġġi operazzjonali u jiġu stabbiliti f’konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta:

·portal Ewropew ta’ tiftixa 20 ;

·servizz ta’ tqabbil bijometriku kondiviż; kif ukoll

·identità komuni tar-repożitorju.

Fil-Grupp ta’ Esperti, l-għażla tal-interkonnettività tas-sistemi jinħtieġ li tkun ikkunsidrata biss fuq bażi ta’ każ b’każ. Eżempju ta’ każ bħal dan hija l-interkonnessjoni tas-Sistema ta’ Dħul / Ħruġ tal-UE u s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża proposti 21 . Il-proposta tal-Kummissjoni għal Sistema ta’ Dħul / Ħruġ tal-UE tipprovdi li d-dejta miżmuma fis-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża tkun ikkonsultata sistematikament u awtomatikament permezz tas-Sistema ta’ Dħul / Ħruġ tal-UE biex jinħażen subsett żgħir ta’ dejta (l-istiker tal-viża, in-numru ta’ daħliet, il-perjodu ta’ permanenza), li tippermetti għalhekk li s-Sistema ta’ Dħul / Ħruġ tal-UE tipproċessa d-dejta dwar detenturi tal-viża b’mod korrett f’konformità mar-rekwiżiti ta’ minimizzazzjoni tad-dejta u konsistenza tad-dejta. Il-Grupp ta’ Esperti qies li, sakemm isir progress suffiċjenti għall-interoperabbiltà fir-rigward tat-tliet soluzzjonijiet l-oħra, hemm inqas ħtieġa għall-interkonnettività bejn is-sistemi għall-unika raġuni li jitjieb l-iskambju ta’ dejta.

Ir-rapport finali tal-Grupp ta’ Esperti enfasizza wkoll l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa u l-applikazzjoni ta’ sistemi ta’ informazzjoni eżistenti. Huwa ħares ukoll lejn il-qafas Prüm deċentralizzat għall-iskambju ta’ dejta dwar id-DNA, il-marki tas-swaba’ u r-reġistrazzjoni tal-vetturi, 22 u rrakkomanda li jsir studju ta’ fattibbiltà dwar it-tranżizzjoni lejn komponent ċentralizzat ta’ routing u possibbilment, iż-żieda ta’ funzjonalitajiet ġodda. Fir-rigward tas-sistema deċentralizzata stabbilita permezz tad-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-UE bl-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) 23 , il-Grupp ta’ Esperti rrakkomanda studju ta fattibbiltà dwar komponent iċċentralizzat għal informazzjoni minn qabel tal-passiġġieri u dwar dejta tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri bħala għodda ta’ appoġġ tekniku biex tiġi ffaċilitata l-konnettività mat-trasportaturi tal-ajru. Hija kkunsidrat li dan isaħħaħ l-effettività ta’ Unitajiet tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri ladarba l-Istati Membri jkunu implimentaw id-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-UE bl-Ismijiet tal-Passiġġieri.

Il-Kummissjoni se tkompli tiffoka fuq l-implimentazzjoni sħiħa ta’ sistemi ta’ informazzjoni eżistenti. Huwa essenzjali li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mis-sistemi eżistenti, u li jisfruttaw b’mod sħiħ il-potenzjal tagħhom. Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi appoġġ komprensiv, f’konformità mal-pjan ta’ implimentazzjoni tagħha 24 , biex tiżgura li l-Istati Membri kollha jimplimentaw id-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-UE bl-Ismijiet tal-Passiġġieri sa Mejju 2018. Hija se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri kollha dwar kif għandu jiġi kkompletat il-firxa sħiħa tal-qafas ta’ Prüm, b’mod partikolari mal-ħames Stati Membri li għad iridu jimplimentaw id-Deċiżjonijiet ta’ Prüm. Fl-ispirtu tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti, il-Kummissjoni se teżamina modi ta’ kif tista' ssaħħaħ il-funzjonament u l-effettività ta’ dawn is-sistemi meta jkunu applikati mill-Istati Membri.

Il-Grupp ta’ Esperti identifika distakk ta’ informazzjoni b’rabta mal-qsim tal-fruntieri esterni taċ-ċittadini tal-UE. Ir-rapport finali tiegħu jirreferi għall-introduzzjoni riċenti ta’ kontrolli sistematiċi tal-bażijiet tad-dejta relevanti tal-persuni kollha li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni, meta jitilqu u meta jidħlu fiż-Żona ta' Schengen 25 . Huwa jenfasizza li ż-żmien u l-post ta’ dawn il-kontrolli ma jiġux irreġistrati u jinnota li dan jista’ jipprovdi informazzjoni utli għall-infurzar tal-liġi. Il-Grupp ta’ Esperti għalhekk irrakkomanda analiżi ulterjuri tal-proporzjonalità u tal-fattibbiltà ta’ reġistrazzjoni sistematika tal-qsim tal-fruntieri esterni għaċ-ċittadini kollha tal-UE 26 .

Il-Kummissjoni tinnota li r-rapport tal-Grupp ta’ Esperti ma jurix il-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ rekordjar tal-qsim tal-fruntieri esterni għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Jekk jitfaċċjaw elementi ulterjuri li juru l-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ reġistrazzjoni bħal din, il-Kummissjoni tinsab lesta biex tivvaluta l-ħtieġa għal azzjoni ulterjuri. Sadanittant, il-Kummissjoni se tqis ir-rakkomandazzjoni pertinenti tal-Grupp ta’ Esperti biex taħdem lejn reġistrazzjoni possibbli ta’ “hits” fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen ta’ persuni soġġetti għal allert, bħala mod possibbli biex jiġu rreġistrati l-movimenti tal-ivvjaġġar ta’ dawk iċ-ċittadini tal-UE li ġew identifikati bħala potenzjalment involuti fit-terroriżmu jew forom oħra ta’ kriminalità serja.

Il-Grupp ta’ Esperti identifika wkoll nuqqas ta’ informazzjoni relatata ma’ viżi għal soġġorni twal, permessi ta’ residenza u karti ta’ residenza. Huwa osserva li l-Istati Membri ftit għandhom mezzi biex jivverifikaw il-validità ta’ dawn id-dokumenti f’każijiet fejn dawn ikunu maħruġa minn Stat Membru ieħor, u ssuġġerixxa li dan jista’ jindika li l-esplorazzjoni ta’ repożitorju ċentralizzat tal-UE li jkun fih informazzjoni dwar viżi għal soġġorni twal, permessi ta’ residenza u karti ta’ residenza. Il-Kummissjoni se tevalwa l-ħtieġa għal repożitorju bħal dan, inkluża l-ħtieġa, il-fattibbiltà teknika u l-proporzjonalità tal-ispiża tiegħu.

Fl-aħħar nett, ir-rapport tal-Grupp ta’ Esperti jgħid li l-awtoritajiet tad-dwana huma attur kruċjali fil-kooperazzjoni bejn diversi aġenziji fil-fruntieri esterni. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tesplora aktar aspetti tekniċi, operazzjonali u legali tal-interoperabbiltà mas-sistemi doganali.

III.    LEJN L-INTEROPERABBILTÀ TAS-SISTEMI TA’ INFORMAZZJONI

1.    L-għan tal-Kummissjoni għall-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni mill-2020

L-għan ewlieni huwa li jiġi żgurat li l-gwardji tal-fruntieri, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, l-uffiċjali tal-immigrazzjoni u l-awtoritajiet ġudizzjarji jkollhom l-informazzjoni meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jiġu protetti aħjar il-fruntieri esterni u tissaħħaħ is-sigurtà interna għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha. Din hija r-raġuni għaliex l-ewwel pass huwa li diversi sistemi ta’ informazzjoni f’dan il-qasam jiksbu riżultati effettivi, u li l-proposti leġiżlattivi diġà fuq il-mejda huma adottati malajr.

F’konformità mal-Komunikazzjoni ta’ April 2016, u b’konferma mis-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti, il-Kummissjoni tistabbilixxi approċċ ġdid għall-ġestjoni għall-fruntieri u s-sigurtà tad-dejta kollha tal-UE ċentralizzata fejn is-sistemi kollha ta’ informazzjoni għas-sigurtà, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-migrazzjoni 27 huma interoperabbli b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali sabiex:

·is-sistemi jistgħu jiġu mfittxija simultanjament permezz tal-użu ta’ portal Ewropew ta’ tfittxija, f’konformità sħiħa l-limitazzjonijiet tal-iskop u d-drittijiet ta’ aċċess, biex isir użu aħjar mis-sistemi ta’ informazzjoni eżistenti u, skont il-każ, minn aktar regoli simplifikati għal aċċess tal-infurzar tal-liġi 28 ;

·Is-sistemi jużaw servizz tat-tqabbil bijometriku kondiviż wieħed - li jippermetti li jsir tiftix bejn sistemi ta’ informazzjoni differenti li jkun fihom dejta bijometrika, possibbilment b’indikaturi ta’ “hit / no-hit” li jindikaw il-konnessjoni ma’ dejta bijometrika li tkun tinstab f’sistema oħra 29 ;

·is-sistemi għandhom repożitorju ta’ identità komuni b’dejta ta’ identità alfanumerika 30 , biex jiskopru jekk persuna hijiex irreġistrata taħt identitajiet multipli f’bażijiet tad-dejta differenti.

Dan l-approċċ il-ġdid għandu jiżgura li s-sistemi jżommu d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-dejta, regoli speċifiċi dwar l-aċċess għal awtoritajiet kompetenti, regoli separati għall-limitazzjoni tal-iskop għal kull kategorija ta’ dejta u regoli dwar iż-żamma ta’ dejta speċifika. Dan l-approċċ dwar l-interoperabbiltà ma jwassalx għall-interkonnettività tas-sistemi individwali kollha.

Dan l-approċċ il-ġdid jissupera d-dgħufijiet preżenti fl-arkitettura tal-UE tal-immaniġġar tad-dejta, inkluża l-eliminazzjoni ta’ nuqqas ta’ viżibbiltà identifikata. eu-LISA se jkollha rwol kruċjali fil-ħidma lejn l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni, inkluż bl-analiżi teknika li għaddejja bħalissa u aktar (ara t-Taqsima III.2 hawn taħt). Il-proposta leġiżlattiva li l-Kummissjoni se tippreżenta f’Ġunju 2017 se ssaħħaħ il-mandat ta’ eu-LISA, u tippermettilha li tiżgura l-implimentazzjoni ta’ dan l-approċċ ġdid. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tinvolvi lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta u lill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali fil-ħidma dwar l-interoperabbiltà.

L-iżgurar ta’ livell għoli ta’ kwalità tad-dejta huwa essenzjali biex is-sistemi ta’ informazzjoni jkunu effettivi. L-interoperabbiltà tista’ taħdem biss jekk is-sistemi ta’ informazzjoni jiddaħħlu b’dejta preċiża u kompleta. Il-Kummissjoni diġà identifikat tal-kwalità tad-dejta bħala kwistjoni li teħtieġ aktar azzjoni tal-UE 31 . B’urġenza u flimkien ma’ eu-LISA, hija se timplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Grupp ta’ Esperti biex tittejjeb il-kwalità tad-dejta f’sistemi ta’ informazzjoni tal-UE.

Il-Kummissjoni se tmexxi 'l quddiem ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-kwalità tal-kontroll awtomatizzat, ta’ maħżen virtwali tad-dejta li kapaċi janalizza d-dejta anonimizzata estratta minn sistemi ta’ informazzjoni rilevanti għal skopijiet ta’ statistika u rappurtaġġ, u moduli ta’ taħriġ dwar il-kwalità tad-dejta għal persunal responsabbli li jagħtu kontribut lis-sistemi fil-livell nazzjonali. Ir-rwol importanti ta’ eu-LISA fl-iżgurar ta’ kwalità għolja tad-dejta f’sistemi ta’ informazzjoni ċentralizzata tal-UE se jkun rifless ukoll fil-proposta leġiżlattiva li jmiss.

L-interoperabbiltà teħtieġ interazzjoni teknika bejn sistemi ta’ informazzjoni eżistenti. L-iffaċilitar ta’ din l-interazzjoni huwa l-għan tal-Format Universali ta’ Messaġġ (FUM) fil-livell tal-UE. Il-Kummissjoni, flimkien ma’ eu-LISA, se tmexxi 'l quddiem ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti biex jissaħħaħ il-Format Universali ta’ Messaġġ f’konformità ma’ ħidma li għaddejja, bl-għan li jkun żgurat li l-iżvilupp tal-format ikun rifless f’sistemi ċentralizzati ta’ informazzjoni tal-UE.

2.    It-triq ’il quddiem biex tinkiseb l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni sal-2020

B’mod parallel għall-ħidma fuq it-twassil ta’ fajls ta’ prijorità fuq sistemi tal-informazzjoni, il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jorganizzaw diskussjoni konġunta dwar it-triq ’il quddiem dwar l-interoperabbiltà kif stabbilit f’din il-Komunikazzjoni. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tippreżenta u tiddiskuti dawn l-ideat mal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) fid-29 ta’ Mejju 2017 u mal-Istati Membri matul il-laqgħa tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni fit-8 ta’ Ġunju 2017. Filwaqt li jibnu fuq dawk id-diskussjonijiet, it-tliet istituzzjonijiet jinħtieġ li jorganizzaw laqgħat ta’ livell tekniku bejn tliet partijiet 32 fil-ħarifa 2017 biex ikomplu jiddiskutu t-triq ’il quddiem dwar l-interoperabbiltà kif stabbilit f’din il-Komunikazzjoni, inklużi l-ħtiġijiet operazzjonali għal fruntieri u sigurtà u kif tista’ tiġi żgurata l-proporzjonalità u l-konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali. L-għan huwa li jintlaħaq kemm jista’ jkun malajr, u l-aktar tard qabel tmiem l-2017, fehim komuni dwar it-triq ’il quddiem u dwar  il-passi neċessarji li għandhom jittieħdu biex tinkiseb l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni sal-2020.

B’mod parallel għad-diskussjoni konġunta bejn it-tliet istituzzjonijiet, u mingħajr ma jiġi antiċipat l-eżitu tagħha, il-Kummissjoni u eu-LISA se jkomplu jwettqu aktar analiżi teknika dwar soluzzjonijiet identifikati għall-interoperabbiltà matul l-2017, permezz ta’ serje ta’ studji tekniċi u provi ta’ kunċett. Il-Kummissjoni se taġġorna regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar f’din l-analiżi teknika.

Billi jittieħed vantaġġ mill-iskambju mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, kif ukoll l-eżitu tal-ħidma leġiżlattiva kontinwa  dwar sistemi ta’ informazzjoni u analiżi teknika ulterjuri, il-Kummissjoni qed taħdem b’mod intensiv biex tippreżenta, mill-aktar fis possibbli 33 , proposta leġiżlattiva dwar l-interoperabbiltà. F’konformità mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar, it-tħejjija tal-proposta leġiżlattiva se tinkludi konsultazzjoni pubblika u valutazzjoni tal-impatt, inkluż dwar id-drittijiet fundamentali u b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali. Flimkien mal-proposta leġiżlattiva dwar l-interoperabbiltà, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tiġi riveduta l-bażi legali tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża 34 b’segwitu għar-rapport ta’ evalwazzjoni ppreżentat f’Ottubru 2016 35 . Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża hija waħda mis-sistemi ta’ informazzjoni ċentralizzati li għandhom ikunu parti mill-approċċ il-ġdid lejn il-ġestjoni ta’ dejta għal fruntieri u s-sigurtà.

Id-diskussjoni konġunta bejn it-tliet istituzzjonijiet dwar it-triq ’il quddiem biex tinkiseb l-interoperabbiltà sal-2020 ma għandhiex tittardja x-xogħol fuq il-proposti leġiżlattivi dwar sistemi ta’ informazzjoni li bħalissa qed jiġi diskuss mill-koleġiżlaturi. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-proposti diġà ġew identifikati mid-Dikjarazzjoni Konġunta bħala urġenti u bħala prijoritajiet ewlenin, u kollha jindirizzaw lakuni importanti fl-informazzjoni li jeħtieġu azzjoni urġenti, ukoll f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti. Il-proposta leġiżlattiva supplimentari għal Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (European Criminal Records Information System, ECRIS) għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-Kummissjoni se tippreżenta f’Ġunju 2017 se tkun ukoll kompatibbli b’mod sħiħ mar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-interoperabbiltà u l-approċċ stabbilit f’din il-Komunikazzjoni. Sabiex jiġi implimentat dan l-approċċ il-ġdid b’mod li hu maniġġabbli, huwa essenzjali li jkun hemm stabbiltà fil-bażijiet legali tas-sistemi tal-informazzjoni kollha affettwati. Din hija r-raġuni għaliex il-qbil dwar il-proposti leġiżlattivi li qed jiġu diskussi bħalissa għandu jiġi l-ewwel.

IV.    L-IMPLIMENTAZZJONI TA’ FAJLS PRIJORITARJI OĦRA DWAR IS-SIGURTÀ

1.    Inizjattivi leġiżlattivi:

Fl-1 ta’ Mejju 2017, ir-Regolament 36 il-ġdid tal-Europol daħal fis-seħħ. Dan jikkostitwixxi żvolta għall-Europol u jintroduċi numru ta’ elementi ġodda li se jippermettu lill-UE biex l-aġenzija tal-infurzar tal-liġi ssir strument ġenwin ta’ ċentru tal-UE għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar kriminalità transfruntiera serja u t-terroriżmu. L-Europol se jkollu għodda biex isir aktar effettiv, effiċjenti u responsabbli. B’mod partikolari, bidla fil-qafas għall-ipproċessar tad-dejta se ssaħħaħ il-kapaċità tal-aġenzija li tiżviluppa analiżi kriminali fis-servizz tal-Istati Membri, u reġim iktar robust għall-protezzjoni tad-dejta se jiżgura superviżjoni indipendenti u effettiva tal-protezzjoni tad-dejta.

Kif meħtieġ mit-Trattat, l-attivitajiet tal-Europol se jiġu analizzati f’aktar dettall mill-Parlament Ewropew, flimkien mal-Parlamenti nazzjonali, fatt li se jkompli jżid it-trasparenza u l-leġittimità tal-aġenzija f’għajnejn iċ-ċittadini.

Sabiex jiġu minimizzati kemm jista’ jkun l-effetti negattivi tan-nuqqas ta’ tbegħid Daniż mill-Europol wara r-riżultati tar-referendum fid-Danimarka fit-3 ta’ Diċembru 2016, ġie ffirmat ftehim ta’ kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Europol u tad-Danimarka fit-30 ta’ April 2017. Kif miftiehem fid-dikjarazzjoni konġunta tal-President Juncker, il-President tal-Kunsill Tusk u l-Prim Ministru Daniż Rasmussen tal-15 ta’ Diċembru 2016 37 , il-ftehim jistabbilixxi arranġamenti operazzjonali speċjali li jipprovdu għal livell suffiċjenti ta’ kooperazzjoni operazzjonali bejn id-Danimarka u l-Europol, inkluż l-iskambju ta’ dejta operazzjonali u skambji ta’ uffiċjali ta’ kollegament, soġġetti għal salvagwardji xierqa. Għalkemm dan il-ftehim ma jissostitwixxix sħubija sħiħa tad-Danimarka fl-Europol, jiġifieri l-aċċess għal repożitorji tad-dejta tal-Europol jew sħubija sħiħa fil-fora tal-governanza tal-Europol, id-Danimarka aċċettat il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u l-kompetenza tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, u implimentat fil-liġi Daniża r-regoli rilevanti tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta 38 . Kif stipulat fid-dikjarazzjoni konġunta, dawn l-arranġamenti huma kkundizzjonati fuq it-tkomplija tad-Danimarka għas-sħubija fl-UE u fiż-Żona ta' Schengen.

Fit-28 ta’ April 2017, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ implimentazzjoni dwar protokolli komuni u formats tad-dejta li għandhom jintużaw minn kumpaniji tal-ajru waqt it-trasferiment ta’ dejta tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (passenger name record, PNR) għall-Unitajiet ta’ Informazzjoni dwar il-Passiġġier (Passenger Information Units, PIUs) skont id-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri tal-UE 39 . Din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tarmonizza l-aspetti tekniċi tat-trażmissjoni ta’ dejta tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri, minn kumpaniji tal-ajru. Il-formati ta’ dejta mifthiema u l-protokolli ta’ trażmissjoni se jkunu obbligatorji għal kull trasferiment ta’ dejta tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri, minn kumpaniji tal-ajru lill-Unitajiet ta’ Informazzjoni dwar il-Passiġġieri mit-28 ta’ April 2018.

Fil-25 ta’ April 2017, il-Kunsill adotta formalment id-Direttiva l-ġdida dwar l-Armi tan-Nar 40 . L-Istati Membri issa għandhom 15-il xahar biex idaħħlu fis-seħħ il-kontrolli meħtieġa dwar l-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar biex jiġi żgurat li gruppi kriminali jew terroristi ma jisfruttawx regoli frammentati madwar l-Unjoni. Fit-28 ta’ April 2017, il-Grupp ta’ Esperti dwar l-Istandards ta’ Diżattivazzjoni laħaq qbil dwar l-istandards ġodda ta’ diżattivazzjoni bil-għan li jiġi adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/2403 rivedut qabel Lulju 2017. Il-verżjoni riveduta attwali għandha l-għan li tiċċara ċerti standards tekniċi biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-proċeduri tekniċi kollha dwar id-diżattivazzjoni ta’ arma.

2.    L-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet mhux leġiżlattivi

L-attakk ransomware fuq skala kbira fit-12 ta’ Mejju 2017 enfasizza l-bżonn urġenti li l-UE u l-aġenziji tagħha u l-Istati Membri jintensifikaw l-azzjonijiet tagħhom sabiex jiġġieldu t-theddida dejjem tikber taċ-ċiberkriminalità, li jiffoka wkoll fuq il-kxif u d-deterrenza. Iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol (EC3) kellu rwol ewlieni fl-oqsma tar-rispons għall-infurzar tal-liġi għall-attakk l-aktar riċenti, filwaqt li jibni fuq il-ħidma li saret qabel f’dan il-qasam, notevolment permezz tal-kampanja “mhemmx iktar riskatt” (“no more ransom”). L-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters tal-UE kienet ukoll f’kuntatt mill-qrib maċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità, mat-Timijiet ta’ Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters tal-pajjiżi affettwati, l-unitajiet taċ-ċiberkriminalità u l-imsieħba ewlenin tal-industrija biex titnaqqas it-theddida u għall-assistenza lill-vittmi. Il-Kummissjoni ħabret fir-rieżami ta' nofs it-terminu tas-Suq Uniku Diġitali fl-10 ta’ Mejju 2017, l-intenzjoni tagħha li tirrevedi l-istrateġija taċ-Ċibersigurtà tal-UE tal-2013 sa Settembru 2017. Din il-ħidma qed titħaffef sabiex jiġi żgurat li l-fokus eżistenti fuq il-prevenzjoni eżistenti jitwessa’ biex jinkludi enfasi akbar fuq il-kxif u d-deterrenza. L-għan għandu jkun it-tnaqqis tal-probabbiltà ta’ attakki ċibernetiċi u kif ukoll l-impatt tagħhom bit-tisħiħ tar-reżiljenza u aktar żvilupp ta’ ħidma tal-Istati Membri fil-bini tal-kapaċitajiet nazzjonali tagħhom u l-implimentazzjoni bis-sħiħ tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni 41 . Il-potenzjal għal ċiberkriminalità (u reati relatati maċ-ċiberkriminalità) mhux ġej biss minn nuqqasijiet f’sistemi u softwer iżda wkoll minn imġiba li twassal għal iġjene-ċiber fqir. Il-Kummissjoni mhux biss se jsaħħaħ il-mandat tal-Aġenzija tal-UE dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni (ENISA) iżda wkoll tippreżenta proposti biex jiġu żviluppati standards taċ-ċibersigurtà, iċ-ċertifikazzjoni u t-tikkettar sabiex sistemi u apparati jsiru aktar sikuri miċ-ċiberkriminalità. Hija se tiffoka wkoll fuq il-bini tal-ħiliet ċibernetiċi u l-kapaċità teknika fl-Unjoni.

Fiċ-ċirkostanzi attwali ta’ theddid marbuta mal-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna, kontrolli tal-pulizija intensifikati fit-territorju tal-Istati Membri, inkluż fiż-żoni tal-fruntieri, jistgħu jkunu kemm meħtieġa kif ukoll ġustifikati biex tissaħħaħ is-sigurtà fiż-Żona ta' Schengen. Għal dan l-għan, fit-2 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll Rakkomandazzjoni dwar verifiki proporzjonati tal-pulizija u l-kooperazzjoni tal-pulizija fiż-Żona ta' Schengen 42 . Ir-rakkomandazzjoni tistabbilixxi miżuri li l-Istati ta’ Schengen jinħtieġ li jieħdu sabiex jipprovdu għal użu aktar effettiv tas-setgħat tal-pulizija eżistenti biex jindirizzaw theddid għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna. Jekk meħtieġa u ġustifikati, l-Istati Membri jinħtieġ li jintensifikaw l-kontrolli tal-pulizija fiż-żoni tal-fruntieri u fuq ir-rotot ewlenin tat-trasport. Id-deċiżjoni dwar tali verifiki kif ukoll il-post fejn isiru kif ukoll l-intensità tagħhom tibqa' kompletament f'idejn l-Istati Membri u għandha dejjem tkun proporzjonata għat-theddid identifikat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni transfruntiera tal-pulizija biex jiġi indirizzat theddid għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna.

Fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni, kien hemm żviluppi f’dawn l-aħħar ġimgħat b’miżuri ġodda ta’ sigurtà imposti mill-Istati Uniti u r-Renju Unit dwar titjiriet li ġejjin minn għadd ta’ pajjiżi fil-Lvant Nofsani, l-Afrika ta’ Fuq u t-Turkija, li jeħtieġu li jqiegħdu tagħmir elettroniku kbir fil-bagalji rreġistrati. Fuq in-naħa tal-UE, il-ħidma mxiet ’il quddiem dwar valutazzjoni tar-riskju dwar theddid u vulnerabbiltajiet għal titjiriet li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi. Wara informazzjoni li l-Istati Uniti jistgħu jkunu qed jippjanaw li jintroduċu miżuri simili għal titjiriet minn ajruporti tal-UE, il-Kummissjoni ffaċilitat kuntatti fil-livell politiku biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-UE. Fis-17 ta’ Mejju 2017 se ssir laqgħa fi Brussell bejn l-Istati Uniti u l-UE sabiex b’mod konġunt jivvalutaw ir-riskji potenzjali u sabiex jaħdmu għal approċċ komuni biex jiġi indirizzat theddid possibbli li qed jiżviluppa.

Bħalissa tinsab għaddejja ħidma fil-Kumitat Permanenti għall-Kooperazzjoni Operazzjonali dwar is-Sigurtà Interna (COSI) tal-Kunsill dwar iċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja għall-2021-2018, b’kont meħud tat-tmien prijoritajiet ta’ theddid tal-kriminalità identifikati mill-Kummissjoni fl-aħħar Rapport ta’ Progress tal-Unjoni tas-Sigurtà 43 . Il-Kunsill huwa mistenni jadotta Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar iċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE fit-18 ta’ Mejju 2017.

Wara r-rapport ta’ progress tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni f’Diċembru 2016 dwar il-ħidma li għaddejja biex jitjieb l-aċċess transfruntier għal investigaturi kriminali għal evidenza elettronika 44 , il-Kummissjoni bħalissa qed tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha u se tipproponi triq 'il quddiem għal diskussjonijiet fil-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tat-8 ta’ Ġunju 2017.

Il-Kummissjoni appoġġat il-ħidma li f’dan l-istadju, grupp ta’ Stati Membri jimpenja ruħu li jżomm e-CODEX, sistema għal kooperazzjoni transfruntiera ġudizzjarja u ta’ aċċess diġitali għal proċeduri legali. Il-Kummissjoni ħadet nota li dawn l-Istati Membri jqisu li din mhijiex soluzzjoni sostenibbli. Fi grupp ta’ ħidma tal-Kunsill, l-Istati Membri eżaminaw l-opzjonijiet differenti u kkonkludew li l-aħjar post biex jiġu żgurati l-manutenzjoni u l-operabbiltà tas-sistema e-CODEX jkun eu-LISA. Biex tesplora l-aħjar soluzzjoni, il-Kummissjoni nediet valutazzjoni tal-impatt ta’ diversi opzjonijiet għat-tħaddim ta’ e-CODEX. Ir-riżultat ta’ din il-valutazzjoni tal-impatt se jkun disponibbli sal-ħarifa 2017.

L-adozzjoni msemmija hawn fuq tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar hija pass importanti 'l quddiem biex jiġu infurzati r-regoli dwar l-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar legali. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tindirizza t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar kemm fl-UE kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha. Fis-16 ta’ Marzu 2017, saret diskussjoni teknika bejn l-UE u l-Ukrajna dwar it-traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar fi Kiev. Din kienet l-ewwel laqgħa tax-xorta tagħha bejn l-UE u l-Ukrajna biex jitjieb l-iskambju ta’ informazzjoni relatat mat-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar. It-tieni diskussjoni teknika UE-Tuneżija dwar it-traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar saret f’Tuneż fit-28 ta’ Marzu 2017. Kemm għall-Ukrajna kif ukoll għat-Tuneżija, sar qbil dwar pjan ta’ azzjoni li jinkludi missjonijiet ta’ esperti biex jevalwaw il-qafas amministrattiv ta’ kull pajjiż, biex tiġi organizzata konferenza ta’ livell għoli dwar leġiżlazzjoni relatata, u biex jiġu proposti taħriġ, żjajjar ta’ studju u workshops dwar prattiċi ta’ ġestjoni tad-dejta kif ukoll il-kooperazzjoni operazzjonali.

Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ppreżentaw lill-Kunsill dokument informali konġunt dwar l-azzjoni esterna tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu fit-12 ta’ Mejju 2017 li jelenka fil-qosor il-pajjiżi ta’ prijorità, l-oqsma u l-istrumenti għal azzjoni tal-UE f’dan il-qasam. Dan id-dokument konġunt jikkontribwixxi għad-diskussjoni dwar ir-reviżjoni tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Frar 2015 dwar l-azzjoni esterna tal-UE għall-ġlieda kontra t-terroriżmu 45 , bil-għan li jiġu adottati konklużjonijiet tal-Kunsill fil-Kunsill Affarijiet Barranin ta’ Ġunju 2017.

L-ewwel workshop dwar Pajjiżi Ġirien tal-UE għall-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika (Critical Infrastructure Protection, CIP) seħħ f’Bucharest fis-16-17 ta’ Marzu 2017, bħala parti mit-twessigħ tad-dimensjoni esterna tal-Programm Ewropew għall-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika. Minbarra l-Istati Membri, il-parteċipanti inkludew rappreżentanti minn tmien pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Balkani tal-Punent. L-għan ta’ dan l-ewwel workshop kien li jistabbilixxi kuntatti u skambju ta’ informazzjoni dwar miżuri u għodod biex jħarsu l-infrastruttura kritika. Ġew identifikati oqsma possibbli għal kooperazzjoni ulterjuri, inklużi taħriġ konġunti jew eżerċizzji ffukati fuq l-aspetti prattiċi (operazzjonali), studji dwar interdipendenzi reġjonali u evalwazzjonijiet bejn il-pari ta’ strateġiji nazzjonali għall-ħarsien ta’ infrastruttura kritika.

V.    KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jagħmlu progress fit-twassil ta’ prijoritajiet leġiżlattivi dwar is-sistemi ta’ informazzjoni għall-ġestjoni tas-sigurtà, tal-fruntieri u tal-migrazzjoni. Dan se jsaħħaħ is-sistemi eżistenti u jispiċċaw lakuni ta’ informazzjoni diġà identifikati, iwieġeb għall-ħtiġijiet ta’ gwardji tal-fruntieri, uffiċjali tal-infurzar tal-liġi inklużi l-uffiċjali tad-dwana, l-uffiċjali tal-immigrazzjoni u l-awtoritajiet ġudizzjarji kif ukoll il-ħolqien tal-bażi sabiex dawn is-sistemi jsiru aktar interoperabbli.

Bħala segwitu għall-Komunikazzjoni ta’ April 2016 dwar sistemi ta’ informazzjoni aktar b’saħħithom u aktar intelliġenti għall-fruntieri u s-sigurtà, u fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar Sistemi ta’ Informazzjoni u Interoperabbiltà, il-Kummissjoni stabbilixxiet approċċ ġdid għall-ġestjoni ta’ dejta għal fruntieri u sigurtà, fejn kull informazzjoni ċentralizzata tal-UE għal sistemi ta’ sigurtà, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-migrazzjoni hija interoperabbli, b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali. Għal dan il-għan, u bi tkomplija għall-ħidma leġiżlattiva u teknika li għaddejja dwar is-sistemi tal-informazzjoni, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva f’Ġunju 2017 biex issaħħaħ il-mandat ta’ eu-LISA li jippermettulha li tiżgura l-implimentazzjoni ta’ dan l-approċċ il-ġdid, segwit minn proposta leġiżlattiva dwar l-interoperabbiltà mill-aktar fis possibbli. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jorganizzaw diskussjoni konġunta dwar it-triq 'il quddiem propost. Dan jippermetti lit-tliet istituzzjonijiet biex jilħqu fehim komuni dwar it-triq 'il quddiem dwar l-interoperabbiltà u dwar il-passi meħtieġa għall-implimentazzjoni tiegħu sal-2020, f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali. L-implimentazzjoni tal-approċċ fuq l-interoperabbiltà stabbilit jagħmel il-ġestjoni tad-dejta fl-UE iżjed effettiv u effiċjenti biex jiġu protetti aħjar il-fruntieri esterni u tissaħħaħ is-sigurtà interna għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha.

(1)  COM(2016) 213 final (12.4.2017).
(2)   https://www.europol.europa.eu/activities-services/main-reports/european-union-serious-and-organised-crime-threat-assessment-2017 .
(3)  JOIN(2013) 1 final (7.2.2013).
(4)  COM(2017) 228 final (10.5.2017). Ara wkoll ir-Raba’ Rapport ta’ Progress tal-Unjoni ta’ Sigurtà, COM(2017) 41 final (25.1.2017).
(5)  L-Istat tal-Unjoni 2016 (14.9.2016), https://ec.europa.eu/commission/state-union-2016_mt
(6)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (15.12.2016), http://www.consilium.europa.eu/en/meetings/european-council/2016/12/20161215-euco-conclusions-final_pdf/ .
(7)  COM(2016) 205 final (6.4.2016).
(8)  COM(2016) 881 final (21.12.2016), COM(2016) 882 final (21.12.2016), COM(2016) 883 final (21.12.2016).
(9)  COM(2016) 272 final (4.5.2016).
(10)  COM(2016) 7 final (19.1.2016).
(11)  Ara l-Ħames rapport ta’ progress lejn Unjoni ta’ Sigurtà effettiva u ġenwina, COM(2017) 203 final (2.3.2017).
(12)  Meta l-Istati Membri jfittxu informazzjoni dwar il-kundanna ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, is-sistema ċentralizzata tiddereġihom lejn dawk l-Istati Membri fejn jistgħu jinstabu dettalji ta’ rekords kriminali.
(13)  L-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operazzjonali ta’ sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.
(14)  COM(2016) 194 final (6.4.2016).
(15)  COM(2016) 731 final (16.11.2016).
(16)  Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2017 (13.12.2016), https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/joint-declaration-legislative-priorities-2017-jan2017_en.pdf.
(17)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2016/C 257/03 (17.6.2016).
(18)  Ara d-dokument ta’ deskrizzjoni tal-Grupp ta’ Esperti (Ġunju 2016): http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/ index.cfm?do=groupDetail.groupDetailDoc&id=24081&no=2 .
(19)  Ir-rapport finali tal-Grupp ta’ Esperti jinsab fis-sit: http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetailDoc&id=32600&no=1. L-annessi tiegħu jinkludu sommarju eżekuttiv ta’ rapport mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll id-dikjarazzjonijiet mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta u l-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu.
(20)  It-terminu “interfaċċi ta' tiftixa unika” nbidel għal “portal Ewropew ta’ tiftix ” sabiex tkun evitata kwalunkwe konfużjoni ma’ interfaċċi ta' tiftixa unika nazzjonali li jeżistu fl-Istati Membri għal sistemi ta’ informazzjoni nazzjonali.
(21)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 (9.7.2008).
(22)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/JHA (23.6.2008).
(23)  Id-Direttiva (UE) 2016/681 (27.4.2016).
(24)  SWD(2016) 426 final (28.11.2016).
(25)  Ir-Regolament (UE) 2017/458 tal-15.3.2017.
(26) Il-Grupp ta’ Esperti ddiskuta wkoll l-alternattivi tal-estensjoni s-Sistema ta’ Dħul / Ħruġ tal-UE biex tinkludi ċ-ċittadini tal-UE jew l-estensjoni tal-użu ta’ logs tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen. Both options were discarded.
(27)  Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, l-Eurodac, is-Sistema ta’ Dħul / Ħruġ proposta, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (European Travel Information and Authorisation System, ETIAS) u s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (European Criminal Records Information System, ECRIS) għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi.
(28)  Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Kunsill (Coreper), li jagħti mandat lill-Presidenza tal-Kunsill biex tibda negozjati interistituzzjonali dwar Sistema ta’ Dħul / Ħruġ tal-UE fit-2 ta’ Marzu 2017, stieden lill-Kummissjoni biex tipproponi qafas komprensiv għal aċċess tal-infurzar tal-liġi għall-bażijiet ta’ dejta varji fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, bil-ħsieb li jkun hemm aktar simplifikazzjoni, konsistenza, effettività u attenzjoni għall-ħtiġijiet operazzjonali tagħhom. Il-grupp ta’ Esperti jirrakkomanda li l-qafas għall-aċċess għall-infurzar tal-liġi jkun ibbażat fuq approċċ f’żewġ stadji fejn il-viżwalizzazzjoni tad-dejta tkun ikkontemplata biss ladarba l-eżistenza ta’ din id-dejta tiġi aċċertata, b’hekk titjieb l-effikaċità iżda jitnaqqas l-għadd u l-firxa ta’ aċċessi tal-infurzar tal-liġi.
(29)  Hija meħtieġa aktar analiżi teknika dwar l-inklużjoni potenzjali ta’ funzjonalitajiet ta’ servizz ta’ tqabbil bijometriku kondiviż fost u l-implikazzjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta — ara t-Taqsima III.2 hawn taħt.
(30)  Dan ikun jinkludi attributi bijografiċi komuni bħall-isem, id-data tat-twelid u s-sess.
(31)  Ir-raba’ rapport ta’ progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina, COM(2017) 41 final (25.1.2017).
(32)  Dawn il-laqgħat tekniċi jistgħu jsegwu l-eżempju tal-laqgħa dwar “Fruntieri Intelliġenti” li saret fi Frar 2015.
(33)  Din se tkun teħtieġ qbil mill-koleġiżlaturi dwar fajls leġiżlattivi relatati li bħalissa qed jiġu diskussi — ara t-Taqsima II.2 hawn fuq.
(34)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 (9.7.2008).
(35)  COM(2016) 655 final (14.10.2016).
(36)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 (11.5.2016).
(37)  Dikjarazzjoni mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-Prim Ministru tad-Danimarka Lars Løkke Rasmussen (15.12.2016), http://europa.eu/rapid/press-release_IP-16-4398_en.htm .
(38)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 (27.4.2016).
(39)  Id-Direttiva (UE) 2016/681 (27.4.2016).
(40)   http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2017/04/25-control-acquisition-possession-weapons/  
(41)  Id-Direttiva (UE) 2016/1148 (6.7.2016).
(42)  Fit-2 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni approvat, fil-prinċipju, ir-Rakkomandazzjoni dwar kontrolli tal-pulizija proporzjonati u l-kooperazzjoni tal-pulizija fiż-Żona ta' Schengen (C(2017) 2923). L-adozzjoni formali saret fit-12 ta’ Mejju 2017.
(43)  COM(2017) 213 final (12.4.2017). It-tmien prijoritajiet ta’ theddid ta’ kriminalità identifikati mill-Kummissjoni huma: iċ-ċiberkriminalità, id-drogi, it-traffikar tal-migranti, il-kriminalità organizzata kontra l-proprjetà, it-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tal-armi tan-nar, il-frodi tal-VAT u l-kriminalità ambjentali.
(44)  Ara d-dokument informali mis-servizzi tal-Kummissjoni: Rapport ta’ progress wara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar it-titjib tal-ġustizzja kriminali fiċ-ċiberspazju (2.12.2016): http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-15072-2016-INIT/en/pdf . Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar it-titjib tal-ġustizzja kriminali fiċ-ċiberspazju tad-9 ta’ Ġunju 2016, il-Kunsill appella lill-Kummissjoni biex tieħu azzjonijiet konkreti, tiżviluppa approċċ komuni tal-UE u tippreżenta riżultati tanġibbli sa Ġunju 2017.
(45)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (9.2.2015): http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/ 2015/02/150209-council-conclusions-counter-terrorism/ .