Brussell, 2.5.2017

COM(2017) 255 final

PAKKETT TA' KONFORMITÀ

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan ta' azzjoni dwar ir-Rinfurzar ta' SOLVIT: Inwasslu l-benefiċċji tas-Suq Uniku liċ-ċittadini u lin-negozji

{SWD(2017) 210 final}


INTRODUZZJONI

Is-Suq Uniku hu wieħed mill-kisbiet il-kbar tal-Ewropa. Hu jinsab fil-qalba tal-proġett Ewropew, iżda l-benefiċċji tiegħu mhux dejjem jimmaterjalizzaw għaliex ir-regoli tas-Suq Uniku mhux dejjem ikunu magħrufa jew jiġu implimentati b’mod korrett. Fi żmien meta ċ-ċittadini u n-negozji Ewropej jistennew Ewropa li tipproteġi, tagħti s-setgħa u tiddefendi, is-Suq Uniku hu wieħed mill-aqwa assi tal-Ewropa biex jiġu indirizzati l-isfidi taż-żieda fil-globalizzazzjoni u biex tinbena ekonomija Ewropea aktar b'saħħitha u aktar ġusta. 1

Fl-Istrateġija tas-Suq Uniku 2 tagħha, il-Kummissjoni għamlet ħilitha biex tikseb Suq Uniku aktar profond u aktar ġust, li huwa wieħed mill-għaxar prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker. Għal dak il-għan, l-Istrateġija pproponiet li ttejjeb l-opportunitajiet għall-aċċess għas-swieq bejn il-fruntieri; li tagħmel il-ħajja aktar faċli għall-konsumaturi, għan-negozji u għall-amministrazzjonijiet pubbliċi; u li ġġib il-benefiċċji prattiċi tas-Suq Uniku għaċ-ċittadini u għan-negozji. Hija u tappoġġa dan kollu, il-Kummissjoni ħabbret li se taħdem id f’id mal-Istati Membri biex tinħoloq kultura ġenwina ta’ konformità mar-regoli tas-Suq Uniku, b’enfasi partikolari fuq ir-rinfurzar ta’ għodod eżistenti bħal SOLVIT.

Biex jitwettaq dan, fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2017, ippubblikata fit-13 ta’ Diċembru 2016, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tennew l-impenn tagħhom li jippromwovu l-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tal-leġiżlazzjoni eżistenti 3 . Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tagħha dwar EU law: Better results through better application 4 (Dritt tal-Unjoni: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar), li tistabbilixxi kif il-Kummissjoni ser iżżid l-isforzi biex tiżgura li d-dritt tal-Unjoni jiġi applikat, implimentat u infurzat għall-benefiċċju ta’ kulħadd.

SOLVIT 5 huwa servizz bla ħlas li ilu jiġi pprovdut mill-2002 mill-amministrazzjoni nazzjonali f’kull Stat Membru tal-UE u fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein u fin-Norveġja. Dan jaħdem bi skadenzi qosra u jipprovdi soluzzjonijiet pragmatiċi liċ-ċittadini u lin-negozji tal-UE/taż-ŻEE meta jkunu qed jgħaddu minn diffikultajiet biex id-drittijiet tal-UE tagħhom ikunu rikonoxxuti mill-awtoritajiet pubbliċi b’mod partikolari waqt li jmexxu jew jagħmlu negozju transkonfinali fl-UE 6 . SOLVIT jittratta kull problema transkonfinali 7 relatata mal-erba’ libertajiet ta’ moviment (persuni, prodotti, servizzi u kapital) inklużi politiki marbutin mill-qrib magħhom (bħat-tassazzjoni, l-impjieg, il-politika soċjali u t-trasport).

In-netwerk hu kkoordinat mill-Kummissjoni Ewropea.

Sa mit-tnedija tiegħu fl-2002, SOLVIT kiber biex sar mezz importanti ħafna biex jgħin liċ-ċittadini u lin-negozji tal-UE/taż-ŻEE jsibu posthom fil-qalba tas-Suq Uniku. Fuq il-bażi ta’ 15-il sena ta’ esperjenza, l-ammont ta' każijiet ta’ SOLVIT żdied minn 5 għal 200 każ fix-xahar. Fl-2016, SOLVIT indirizza 2 414-il każ. Iċ-ċentri tiegħu ħadu medja ta’ 59 ġurnata biex jindirizzaw każ u solvew 89 % tal-każijiet.

Il-kisbiet ta’ SOLVIT huma mibnija fuq ħafna stejjer ta’ suċċess – xi ftit eżempji:

Kumpanija Franċiża talbet rifużjoni tal-VAT mill-awtoritajiet Ġermaniżi – iżda t-talba baqgħet bla tweġiba għal 10 xhur. Bis-saħħa tal-intervent ta’ SOLVIT, fi żmien 6 ġimgħat il-proċedura tħaffet u l-kumpanija rċeviet l-ammont li kienet talbet.

Tliet infermiera Portugiżi applikaw għal rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tagħhom fi Spanja. Skont il-liġi tal-UE, l-awtoritajiet għandhom jirrispondu għall-applikazzjoni fi żmien tliet xhur. L-iskadenza għaddiet iżda bis-saħħa tal-intervent ta’ SOLVIT, fi żmien ġimagħtejn il-kwalifiki tagħhom ġew rikonoxxuti fil-ħin.

Artist Awstrijak xtaq jirreġistra bħala resident fil-Lussemburgu. Hu pprovda d-dokumenti kollha meħtieġa lill-awtoritajiet lokali, iżda dawn irrifjutaw li jirreġistrawh mingħajr ma hu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ appoġġ mingħand resident fil-Lussemburgu. SOLVIT ġibed l-attenzjoni li dan ir-rekwiżit addizzjonali ma kienx konformi mal-liġi tal-UE. L-awtorità lokali rrivediet il-pożizzjoni tagħha u ħarġet iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni. Bis-saħħa tal-intervent ta’ SOLVIT, il-każ issolva fi żmien ġimgħa.

Ċittadin Netherlandiż ma jitħalliex jimporta trejler fil-Bulgarija wara li mar jgħix hemmhekk. Billi t-trejlers eħfef minn 750 kg m'hemmx bżonn li jirreġistraw fin-Netherlands, l-importatur ma kellux dokument ta’ reġistrazzjoni – għaldaqstant, l-awtoritajiet Bulgari rrifjutaw li jirreġistraw it-trejler. Bis-saħħa tal-intervent ta’ SOLVIT, il-każ issolva fi żmien 13-il ġimgħa.

Fiżjoterapisti kkwalifikati mir-Rumanija kienu jdumu jistennew ħafna biex jiksbu r-rikonoxximent biex jipprattikaw fi Franza. SOLVIT intervjena fi żmien 7 ġimgħat u fil-pront ingħataw ir-rikonoxximent.

L-awtoritajiet Franċiżi tal-avjazzjoni kienu qed jimblukkaw kumpanija tal-avjazzjoni Norveġiża milli topera titijiriet domestiċi fi Franza. SOLVIT intervjena u solva l-problema f’10 ġimgħat.

Filwaqt li SOLVIT kien kapaċi jsolvi ħafna problemi għal ċittadini u negozji, l-iskala miżjuda tas-servizz amplifikat l-isfidi. Jeħtieġ li jsir aktar xogħol biex is-sistema tisfrutta l-potenzjal kollu tagħha bħala għodda li ssolvi l-problemi. L-Istati Membri kienu qed jitolbu u jappoġġaw it-tisħiħ ta' SOLVIT li jaħdem bis-sħiħ għaċ-ċittadini u għan-negozji. Lura fi Frar 2016, il-Kunsill tal-Kompetittività talab lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni urġenti dwar din il-kwistjoni 8 . Bl-istess mod, il-Parlament Ewropew bosta drabi talab biex SOLVIT jissaħħaħ 9 .

F'dan il-kuntest u f’konformità mal-prijoritajiet politiċi tagħha, il-Kummissjoni hija impenjata li, flimkien mal-Istati Membri, tieħu passi ulterjuri biex issaħħaħ ir-rwol strateġiku ta’ SOLVIT biex dan jagħmel is-Suq Uniku jaħdem aħjar fil-prattika għaċ-ċittadini u għan-negozji. Dan jista’ jseħħ biss jekk l-Istati Membri jipprovdu liċ-ċentri ta’ SOLVIT tagħhom b’persunal u b’rikonoxximent adegwat fi ħdan l-amministrazzjoni nazzjonali tagħhom. L-aktar ħolqa dgħajfa jkollha impatt fuq il-prestazzjoni tan-netwerk inġenerali.

Biex jintlaħaq dan il-għan, il-Kummissjoni qed tibni fuq il-valutazzjoni tagħha tal-funzjonament attwali ta’ SOLVIT, 10 li qed takkumpanja din il-Komunikazzjoni. Il-valutazzjoni enfasizzat in-nuqqasjijiet li jeħtieġu titjib, partikolarment fir-rigward tal-kapaċità amministrattiva fiċ-ċentri ta’ SOLVIT; l-issodisfar tal-kriterji ta’ kwalità stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni ta’ SOLVIT tal-2013; is-sensibilizzazzjoni dwar SOLVIT bħala għodda li ssolvi l-problemi, speċjalment fost negozji ġodda, SMEs u negozji oħra; u r-rwol tiegħu fl-infurzar tad-dritt tal-Unjoni.

Il-Pjan ta’ Azzjoni deskritt f’din il-Komunikazzjoni ser jaħdem flimkien mal-inizjattivi l-oħra tal-Kummissjoni inklużi fil-pakkett ta’ konformità, b’mod partikolari l-Portal Diġitali Uniku, li ser jipprovdi liċ-ċittadini u lin-negozji b’punt ta' aċċess wieħed għal informazzjoni, assistenza, pariri, servizzi li jsolvu l-problemi u-proċeduri elettroniċi relatati mas-Suq Uniku. Jaqbel mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu”, għaliex għandu l-għan li jkompli jneħħi l-ostakli għal negozji ġodda li jixtiequ joperaw bejn il-fruntieri. Fl-aħħar nett, jikkomplementa l-għanijiet tal-“Pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali” u ta’ inizjattivi relatati, li jirriflettu l-prijorità ta’ din il-Kummissjoni li tippromwovi l-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet fl-UE.

Din il-Komunikazzjoni qed tistabbilixxi miżuri biex jissaħħaħ SOLVIT bi skedi ta’ żmien li jridu jiġu implimentati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri. It-tisħiħ ta’ SOLVIT ser ikun proċess kontinwu u l-iskedi taż-żmien ser jippermettu l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri neċessarji. Dawn għandhom l-għan li jippromwovu lil SOLVIT billi (I) ikomplu jtejbu l-kwalità tiegħu, (II) ikomplu jżidu l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u (III) jaġġornaw ir-rwol tiegħu fl-infurzar tad-dritt tal-Unjoni.

I.il-promozzjoni ta’ SOLVIT billi tkompli tittejjeb il-kwalità tiegħu

Standards minimi operattivi u ta’ kwalità huma deskritti fir-Rakkomandazzjoni ta’ SOLVIT tal-2013. Ir-rispett ta' dawn l-istandards fin-netwerk kollu hu importanti għall-applikanti u għall-kooperazzjoni bejn iċ-ċentri. L-applikazzjoni ta’ dawn l-istandards tvarja fin-netwerk, kif spjegat fil-valutazzjoni li qed takkumpanja din il-Komunikazzjoni. Għalhekk, tinħtieġ azzjoni biex tittejjeb il-kwalità ġenerali ta’ SOLVIT partikolarment f'termini ta’ kapaċità amministrattiva, it-trattament ta’ każijiet kumplessi u sensittivi u l-għarfien espert legali.

Prekundizzjoni għal din hi li l-Istati Membri jiżguraw li ċ-ċentri ta’ SOLVIT ikollhom riżorsi tajbin u jkollhom persunal adegwat u stabbli u bl-għarfien espert legali meħtieġ. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ser tkompli tibbaża fuq mezzi bħar-rappurtar annwali dwar il-prestazzjoni ta’ SOLVIT fil-monitoraġġ ta’ persunal adegwat għal ċentri ta’ SOLVIT, u ser tuża t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku biex tirrapporta dwar ir-riżultat. Il-Kummissjoni ser tuża wkoll kull opportunità ta’ finanzjament mill-UE disponibbli biex toffri lill-Istati Membri appoġġ imfassal apposta biex tittejjeb il-kapaċità amministrattiva tagħhom u biex tagħmel iċ-ċentri ta’ SOLVIT tagħhom joperaw b’mod aktar effettiv. B’mod partikolari, kors ta' taħriġ avvanzat għall-persunal fiċ-ċentri nazzjonali ta’ SOLVIT, li jiffoka fuq kwistjonijiet legali speċifiċi ta’ importanza partikolari għall-komunità tan-negozju hu previst li jiġi ffinanzjat permezz tal-programm COSME 2018. Il-programm il-ġdid ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali wkoll jipprevedi appoġġ għall-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri (fost skambji oħrajn ta’ esperti u ta’ assistenza teknika).

Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat trattament aħjar ta’ każijiet kumplessi u sensittivi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Għal dak l-iskop, ser tiġi promossa kondiviżjoni tal-għarfien aktar effiċjenti, pereżempju bl-użu ta’ għodod interattivi li jikkomplementaw taħriġ wiċċ imb wiċċ. Dan huwa essenzjali meta titqies il-varjetà tal-oqsma legali koperta minn SOLVIT, kif muri fl-illustrazzjoni 1.

Illustrazzjoni 1: Oqsma legali ta’ SOLVIT 2002-2016 (sors: il-bażi ta’ dejta ta’ SOLVIT)

Barra minn hekk, jista’ jingħata aktar għarfien espert legali speċifiku minn fergħat ta’ SOLVIT (“antenni”) stabbiliti biex jirrispondu għall-bżonnijiet partikolari f’settur jew f’qasam speċifiku fejn esperti tal-politika nazzjonali ser ikunu direttament involuti fit-trattament ta’ każijiet kumplessi. Biex tiġi evitata l-konfużjoni u d-duplikazzjoni tal-isforzi, il-Kummissjoni qed taħdem biex tevita proliferazzjoni ta’ għodod li jsolvu l-problemi simili għal SOLVIT f’oqsma speċifiċi tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku. Ir-rikonoxximent reċiproku ta’ prodotti mhux armonizzati hu potenzjalment eżempju tajjeb. Hawnhekk, jekk l-approċċ informali ta’ SOLVIT ifalli, il-Kummissjoni ser tħares lejn il-possibbiltà li tintroduċi proċedura ta’ appell għan-negozji, bħala parti mir-reviżjoni tal-infurzar tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Qasam ieħor identifikat hu l-problemi relatati mar-regoli tat-taxxa, bħad-diskriminazzjoni tat-taxxa, li ċ-ċittadini jistgħu jkunu qed jaffaċċjaw f'sitwazzjonijiet transfruntiera 11 .

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser tipprovdi aktar appoġġ legali effettiv lin-netwerk billi tiftaħ l-applikazzjoni ta’ SOLVIT għal komunikazzjoni diretta bejn l-esperti tal-Kummissjoni u ċ-ċentri ta’ SOLVIT. Ser tkompli ttejjeb l-immaniġġjar ta’ opinjonijiet diverġenti bejn iż-żewġ ċentri ta’ SOLVIT involuti fil-valutazzjoni u fit-trattament ta’ każ. Il-Kummissjoni ser issegwi proċedura ta’ arbitraġġ aktar strutturata, b’monitoraġġ aktar sistematiku ta’ każijiet ta’ SOLVIT biex jiġu identifikati kwistjonijiet u diskussjonijiet kontroversjali man-netwerk. L-użu ta’ “evalwazzjoni bejn il-pari” f’sessjonijiet ta’ ħidma ser jgħin jidentifika l-aqwa prattika u regoli komuni.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser timmonitorja l-kwalità tat-trattament tal-każijiet aktar mill-qrib. Hawnhekk, ir-rispons mingħand l-applikanti hu importanti biex jitjiebu l-proċeduri, tiġi identifikata l-aqwa prattika u għalhekk tittejjeb il-kwalità tas-servizz. Għalhekk, ser tiġi żviluppata sistema komprensiva ta’ stħarriġ tal-utenti f’konsultazzjoni maċ-ċentri ta’ SOLVIT.

II.il-promozzjoni ta’ SOLVIT biż-żieda ta’ attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni

Minkejja li mhux possibbli li jiġi vvalutat id-daqs eżatt tas-“suq” għar-riżoluzzjoni tat-tilwim transkonfinali fejn SOLVIT hu potenzjalment attiv, Suq Uniku ta’ 500 miljun ċittadin u negozju jkun jimplika li hemm bżonn akbar għal SOLVIT minn kemm jindikaw l-2 500 każ attwali tiegħu 12 .

L-Illustrazzjoni 2 turi n-numru ta’ każijiet ippreżentati lin-netwerk miċ-ċentri ta’ domiċilju ta’ SOLVIT. Dawn huma ċ-ċentri mill-Istat Membru tal-UE/taż-ŻEE 13 minn fejn hu oriġinarjament l-applikant (nazzjonalità), fejn qed jgħix, fejn hu stabbilit jew minn fejn jikseb id-drittijiet tiegħu. Minkejja li d-differenza fin-numru ta’ każijiet sa ċertu punt tista’ tiġi spjegata mid-differenzi fid-daqs u fil-mobbiltà transfruntiera, hemm lok għal attivitajiet immirati ta’ sensibilizzazzjoni f’kull Stat Membru taż-ŻEE/tal-UE. Dawn l-attivitajiet ser jiffokaw fuq l-iżgurar li ċ-ċittadini u n-negozji jkunu diretti lejn SOLVIT fil-mument li jfittxu rimedju għal problema fi ħdan il-mandat ta’ SOLVIT skont il-bżonnijiet ta’ kull Stat Membru taż-ŻEE/tal-UE.

Illustrazzjoni 2: Każijiet għal kull ċentru ta’ domiċilju ta’ SOLVIT bejn l-2002 u l-2016 (sors: il-bażi ta’ dejta ta’ SOLVIT).

Biex titjieb it-“traċċabbiltà” ġenerali ta’ SOLVIT, il-Kummissjoni ser tkompli ttejjeb il-viżibbiltà ġenerali ta’ SOLVIT fuq il-portal tal-web ta’ L-Ewropa Tiegħek (il-punt ta’ aċċess attwali ewlieni).

F'dan il-kuntest, il-Portal Diġitali Uniku tal-futur tipprovdi liċ-ċittadini u lin-negozji b’aċċess faċli għal informazzjoni komprensiva u ta’ kwalità għolja dwar is-Suq Uniku, għal pariri personalizzati, assistenza effettiva u servizzi li jsolvu l-problemi. Din tgħaqqad il-mekkaniżmi nazzjonali u tal-UE eżistenti, inkluż SOLVIT, u b’hekk iżżid it-traċċabbiltà tiegħu.

Il-Kummissjoni ser taħdem mill-qrib ukoll mal-Istati Membri permezz taċ-ċentri nazzjonali ta’ SOLVIT, rappreżentazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-Istati Membri u f’organizzazzjonijiet intermedjarji (fejn tirrappreżenta ċerti setturi, professjonijiet jew interessi, kmamar tal-kummerċ eċċ.) u billi żżid il-kooperazzjoni ma’ netwerks rilevanti oħra 14 biex jiġu żviluppati attivitajiet immirati ta’ sensibilizzazzjoni (pereżempju laqgħat konġunti u korsijiet ta’ taħriġ, azzjonijiet tal-midja soċjali konġunti). 

Kemm iċ-ċittadini kif ukoll in-negozji jibbenefikaw minn infurzar aħjar. Meta jkun hemm ksur fid-drittijiet tagħhom, għandhom ikunu faċilment kapaċi jidentifikaw u jużaw l-aktar mekkaniżmu ta’ rimedju xieraq disponibbli. Kif jidher fl-illustrazzjoni 3, matul is-snin, żdied il-proporzjon tal-każijiet ippreżentati lil SOLVIT taċ-ċittadini meta mqabbel ma’ dak tan-negozji. Minn naħa waħda, dan juri li SOLVIT sar dejjem aktar importanti għal ċittadini mobbli fl-UE/fiż-ŻEE. Min-naħa l-oħra, hu rriżulta relattivament f’inqas negozji li jibbenefikaw mis-servizzi li joffri SOLVIT. L-oqsma legali ewlenin għal każijiet ta’ negozju fl-2016 kienu t-tassazzjoni, il-moviment liberu tas-servizzi u l-moviment liberu tal-prodotti. Ir-rata ta’ riżoluzzjoni għal każijiet ta’ negozju ta’ 80 % kienet inqas mill-medja tan-netwerk (89 %). Madankollu, hi partikolarment tajba għall-qasam tat-tassazzjoni (fejn ikun hemm ħafna każijiet ta’ rimborż tard tal-VAT) għalkemm inqas fejn għandu x’jaqsam il-moviment liberu tal-prodotti u tas-servizzi.

Illustrazzjoni 3: L-evoluzzjoni tal-każijiet taċ-ċittadini fil-konfront ta’ dawk ta’ negozju mill-2006 sal-2016 (sors: il-bażi ta’ dejta ta’ SOLVIT).

SOLVIT għandu jkun orjentat aktar lejn it-trattament ta’ każijiet relatati man-negozju. Hemm bżonn qawwi li jiġi promoss għarfien usa’ tal-għajnuna li jista’ joffri SOLVIT fi ħdan iċ-ċrieki kummerċjali. Hu ugwalment importanti li jitwettqu attivitajiet simili fil-livell nazzjonali.

Matul is-snin in-netwerk ta’ SOLVIT bena l-kooperazjoni tiegħu ma’ netwerks rilevanti oħra 15 . Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ser tappoġġa movimenti biex tiżdied il-kooperazzjoni ma’ dawn in-netwerks,  li hi partikolarment rilevanti biex jiġu attirati aktar każijiet ta’ negozju. Il-kooperazzjoni man-Netwerk Enterprise Europe, li jassisti l-SMEs u negozji ġodda li joperaw jew li għandhom il-pjan li joperaw bejn il-fruntieri, għandha importanza partikolari.

Il-Kummissjoni ser tagħmel kuntatt aktar regolari ma’ organizzazzjonijiet intermedjarji biex tirċievi l-input tagħhom dwar titjib possibbli fir-rigward ta' SOLVIT u tal-qsim tal-għarfien. Ser tintroduċi wkoll arranġamenti ġodda biex organizzazzjonijiet intermedjarji jkollhom permess jippreżentaw u jsegwu każijiet direttament f’SOLVIT.

B’mod ġenerali, attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni aktar strateġiċi dwar SOLVIT u l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni aktar strutturata ma’ organizzazzjonijiet intermedjarji u ma’ netwerks rilevanti, ser itejbu r-rwol ta’ SOLVIT fl-għoti ta’ rispons u evidenza utli dwar kif is-Suq Uniku qed jaħdem fil-prattika: b’“massa kritika” akbar ta’ każijiet, li jinvolvu aktar negozji, ser ikun hemm input aktar rilevanti u sinifikanti fit-termini tal-governanza tas-Suq Uniku. Dan jista’ jsir, pereżempju, bl-użu tal-bażi tal-evidenza tiegħu fl-evalwazzjonijiet tal-bidliet possibbli fil-politiki tas-Suq Uniku u fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE biex jiġu indirizzati nuqqasijiet fid-dritt tal-Unjoni, kif kien il-każ fir-reviżjoni tad-Direttiva 2005/36/KE dwar il-kwalifiki professjonali 16 . Il-promozzjoni tal-kwalità u tas-sensibilizzazzjoni ta’ SOLVIT ser tikkontribwixxi għal rwol aktar sinifikanti ta’ SOLVIT fl-infurzar tad-dritt tal-Unjoni.



III.Il-promozzjoni ta’ SOLVIT billi jittejjeb ir-rwol tiegħu fl-infurzar tad-dritt tal-Unjoni

Ħafna problemi relatati mal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jiġu skoperti min-netwerk. L-illustrazzjoni 4 turi n-numri ta’ każijiet ippreżentati kontra ċ-ċentru ewlieni ta’ SOLVIT f’kull Stat Membru taż-ŻEE/tal-UE 17 .

Illustrazzjoni 4: Każijiet għal kull ċentru ewlieni ta’ SOLVIT bejn l-2002 u l-2016 (sors: il-bażi ta’ dejta ta’ SOLVIT).

Matul is-snin, kif jidher fl-illustrazzjoni 5, SOLVIT irċieva numru dejjem jikber ta’ każijiet marbutin jew ma’ problema strutturali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta b’mod skorrett id-dritt tal-Unjoni fi Stat Membru taż-ŻEE/tal-UE, 18 jew fejn il-problema hi rikorrenti. Madankollu, kif stabbilit fil-valutazzjoni li takkumpanja din il-Komunikazzjoni, it-trattament, is-segwitu u r-rappurtar attwali dwar dawn il-każijiet ma jippermettux użu sistematiku tal-evidenza miġbura permezz ta’ SOLVIT biex ittejjeb il-konformità tal-Istati Membri mad-dritt tal-Unjoni. Mis-97 każ strutturali ttrattati minn SOLVIT fl-2016, 78 minnhom ma ġewx solvuti u 19 ġew solvuti. Dan jikkorrispondi għal rata ta’ riżoluzzjoni ta’ 20 % biss.

 

Illustrazzjoni 5: L-evoluzzjoni ta’ każijiet marbuta ma’ problemi strutturali f’SOLVIT bejn l-2014 u l-2016 (sors: il-bażi ta’ dejta ta’ SOLVIT).

L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà ewlenija għat-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b’mod korrett. Bħala riżultat, iċ-ċentri rilevanti ta’ SOLVIT jeħtieġ li l-ewwel iduru lejn l-awtoritajiet kompetenti fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat biex jippruvaw isibu soluzzjoni għall-każijiet marbutin ma’ problemi strutturali u rikorrenti identifikati min-netwerk. Madankollu, jekk ċentru ta’ SOLVIT ma jistax jikkonvinċi lil dawn l-awtoritajiet biex jindirizzaw il-problema, kull evidenza miġbura “fuq il-post” għandha tiġi esplorata aktar sabiex tidentifika l-problemi b’impatt sinifikanti fuq il-funzjonament tas-Suq Uniku kif previst fl-approċċ strateġiku għall-azzjonijiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni stabbiliti fil-Komunikazzjoni tagħha dwar id-dritt tal-Unjoni: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar. Bħalissa dan qed isir fuq bażi ad-hoc iżda għandu jiġi żviluppat approċċ aktar komprensiv u aktar sistematiku. Barra minn hekk, f’każijiet strutturali partikolari u fejn ikun meħtieġ u proporzjonali, is-Single Market Information Tool prevista, tista’ tintuża mill-Kummissjoni biex titlob informazzjoni, bħall-istruttura tal-ispejjeż, il-politika tal-prezzijiet, il-profitti jew il-kuntratti ta’ impjieg direttament mingħand il-parteċipanti fis-suq ikkonċernati.

Investigazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ kwistjonijiet skoperti permezz ta’ SOLVIT ser jipprovdu inċentiv għall-awtoritajiet nazzjonali biex jikkooperaw aktar mill-qrib man-netwerk ta’ SOLVIT. Fil-livell nazzjonali għandu jkun hemm rabtiet aktar b’saħħithom bejn iċ-ċentri ta’ SOLVIT, il-punti ta’ kuntatt li jittrattaw l-ilmenti u l-koordinaturi ta’ ksur biex l-Istati Membru jaħdmu aktar biex jirrimedjaw problemi strutturali u rikorrenti. Barra minn hekk, id-dejta u l-evidenza disponibbli f’dawn il-każijiet jistgħu jiġu mqassma u użati b’mod aktar strutturat u sistematiku fil-Kummissjoni kollha u fil-livell nazzjonali. Il-bażi ta’ dejta ta’ SOLVIT għandha tittejjeb biex iżżomm rekord tal-problemi strutturali u rikorrenti u biex tippermetti lill-Istati Membri jirrappurtaw dwar l-azzjoni li ttieħdet biex tirrimedjahom.

Bl-użu ta’ mezzi bħat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku, il-Kummissjoni b’mod regolari ser tinforma lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u dwar ostakli oħra għas-Suq Intern skoperti permezz ta’ SOLVIT.

B’konformità mal-approċċ strateġiku tal-azzjonijiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni, iċ-ċittadini u n-negozji għandhom ikunu avżati u mħeġġa jużaw l-aktar mekkaniżmu xieraq disponibbli li jsolvi l-problemi . Il-mekkaniżmu ta’ rimedju rapidu u informali ta’ SOLVIT, li hu soġġett għall-ftehim tal-ilmentatur, jista’ jittratta l-ilmenti individwali ppreżentati lill-Kummissjoni meta xieraq u fi ħdan il-mandat ta’ SOLVIT.

Fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Gvern-e tal-UE, il-Kummissjoni ser tesplora l-fattibbiltà tal-prinċipju “darba biss” 19 . Dan ser ineħħi l-ħtieġa li ċittadini u negozji li jixtiequ jilmentaw mal-Kummissjoni għall-ewwel darba wara każ mhux solvut ta’ SOLVIT jippreżentaw mill-ġdid informazzjoni li diġà hi miżmuma f’SOLVIT. Dan ser jippermetti lill-Kummissjoni, fil-valutazzjoni tal-każ, tagħmel użu sħiħ tal-analiżi u tal-evidenza legali li diġà nġabret permezz ta’ SOLVIT, fi proċess aktar effettiv u aktar effiċjenti.

IV.Konklużjonijiet

Il-Kummissjoni hi impenjata biex tiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji jgawdu b’mod sħiħ mill-benefiċċji kollha tas-Suq Uniku: il-potenzjal kollu tiegħu f'termini ta’ impjiegi ġodda u opportunitajiet ta’ tkabbir jista’ jseħħ biss meta d-drittijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE jkunu magħrufa sew mal-atturi kollha, kif ukoll rispettati b’mod sħiħ u konsistenti bejn il-fruntieri.

Il-Kummissjoni ser iġġib l-appoġġ sħiħ tagħha biex titjieb il-kwalità tan-netwerk ta’ SOLVIT permezz tal-bini tal-kapaċità u l-qsim tal-għarfien mal-Istati Membri. Barra minn hekk, billi tagħti spinta fl-użu ta’ SOLVIT min-negozji u billi trawwem aktar kooperazzjoni ma’ netwerks rilevanti oħra, il-Kummissjoni ser tiżgura li r-rispons minn SOLVIT ikun aktar sinifikanti u jiġi inkorporat bis-sħiħ fit-tfassil ta’ politiki u leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku tal-futur. Finalment, hi ser ittejjeb ir-rwol tagħha fl-infurzar tad-dritt tal-Unjoni billi tuża l-evidenza miġbura permezz ta’ SOLVIT b’mod aktar strutturat u sistematiku.

It-tliet oqsma identifikati f'dan il-Pjan ta’ Azzjoni jikkumplimentaw lil xulxin. Il-possibbiltà li l-miżuri ppjanati jsiru realtà tista’ sseħħ biss permezz tal-impenn u tas-sjieda konġunta bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, fil-livelli kollha ta’ amministrazzjoni. Il-persunal u r-rikonoxximent adegwat taċ-ċentri ta’ SOLVIT fi ħdan l-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom hu prerekwiżit għat-tisħiħ ta’ SOLVIT. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri taż-ŻEE/tal-UE, ser tikkoordina l-attivitajiet u tirrapporta regolarment dwar il-progress relatat mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni permezz tas-sessjonijiet ta’ ħidma biannwali ta’ SOLVIT.

Dan l-isforz konġunt ser jirrinforza lil SOLVIT fir-rwol uniku tiegħu li jiżgura l-konformità mad-dritt tal-Unjoni mill-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li jwettaq rimedji prattiċi għal problemi li ltaqgħu magħhom in-negozji u ċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom fi ħdan is-Suq Uniku. Min-naħa tiegħu dan ser jipprovdi opportunitajiet ġodda liċ-ċittadini u lin-negozji u ser jgħinhom jiżguraw li jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tas-Suq Uniku tagħhom.

Pjan direzzjonali għat-tisħiħ ta’ SOLVIT 20

Il-miżuri tal-Kummissjoni:

Skeda taż-żmien

tesplora l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ appell għal negozji fil-qasam tar-rikonoxximent reċiproku tal-prodotti;

Q2 2017

tagħmel użu mill-possibbiltajiet ta’ finanzjament eżistenti fil-livell tal-UE bħall-COSME u l-programm ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali biex tinbena l-kapaċità amministrattiva taċ-ċentri ta’ SOLVIT;

Q3 2017

tiżviluppa, f’kooperazzjoni maċ-ċentri ta’ SOLVIT, sistema ta’ stħarriġ tal-utent komprensiva;

Q3 2017

tipprovdi appoġġ legali aktar dirett u aktar effettiv lin-netwerk bl-użu ta’ faċilità mtejba għal parir legali informali, għodod interattivi għat-taħriġ u l-immaniġġjar ta’ opinjonijiet diverġenti;

Q2 2018

ittejjeb il-kooperazzjoni u s-sħubiji ma’ organizzazzjonijiet intermedjarji (fejn tirrappreżenta ċerti setturi, professjonijiet jew interessi, kmamar ta’ kummerċ eċċ.) u ma’ netwerks rilevanti billi tippermetti konnessjoni diretta ma’ SOLVIT;

Q2 2018

ittejjeb it-traċċabbiltà ta’ SOLVIT permezz tal-Ewropa Tiegħek, sussegwentenment bħala parti mill-Portal Diġitali Uniku usa’;

Q2 2018

tagħmel użu aktar strutturat u aktar sistematiku, permezz ta’ faċilità mtejba, tad-dejta u tal-evidenza disponibbli fil-bażi ta’ dejta ta’ SOLVIT għal infurzar immirat tad-dritt tal-Unjoni;

Q2 2018

tesplora l-fattibbiltà tal-prinċipju “darba biss” f’każijiet fejn l-applikanti jixtiequ jippreżentaw ilment formali mal-Kummissjoni wara każ mhux solvut ta’ SOLVIT.

Q2 2018

Il-miżuri tal-Istati Membri:

jiżguraw persunal adegwat u stabbli, kontinwità tas-servizz u livell adegwat ta’ għarfien tad-dritt tal-Unjoni fiċ-ċentri ta’ SOLVIT tagħhom;

kontinwi

jiżguraw il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet intermedjarji nazzjonali u mal-punti ta’ kuntatt nazzjonali tan-newterks eżistenti differenti bl-użu ta’ konnessjoni diretta ma’ SOLVIT;

Q2 2018

jiżguraw kooperazzjoni konsistenti bejn iċ-ċentri ta’ SOLVIT u l-koordinaturi ta’ lmenti u ta’ ksur nazzjonali; permezz taċ-ċentri ta’ SOLVIT nazzjonali tagħhom, jirrappurtaw b’mod sistematiku dwar il-progress li sar f’każijiet strutturali u rikorrenti.

Q2 2018

(1)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2017 It-twettiq bil-fatti ta’ Ewropa li tipproteġi, li tagħti s-setgħa u li tiddefendi, COM (2016) 710 final tal-25 ta’ Ottubru 2016.
(2) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji, COM (2015) 550 final tat-28 ta’ Ottubru 2015.
(3)  https://ec.europa.eu/commission/publications/joint-declaration-eus-legislative-priorities-2017_en
(4) C/2016/8600, ĠU C 18, 19.1.2017, p. 10.
(5) Biex isolvu l-problemi, iċ-ċentri ta’ SOLVIT jikkooperaw direttament permezz ta’ applikazzjoni online. Il-prinċipji li jirregolaw SOLVIT ġew iddikjarati mill-ġdid fil-bażi ġuridika attwali tiegħu, Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/461/UE tas-17 ta’ Settembru 2013 (ĠU L 249, 19.9.2013, p. 10). Għal aktar informazzjoni, ara http://ec.europa.eu/solvit/  
(6)  Kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-2013, problema transkonfinali hi problema li jiltaqa’ magħha applikant fi Stat Membru wieħed (jew f’pajjiż taż-ŻEE) li tinvolvi ksur potenzjali tal-liġi tal-UE li tirregola s-suq intern minn awtorità pubblika fi Stat Membru (jew f’pajjiż taż-ŻEE) ieħor; dan jinkludi problemi kkawżati lill-applikanti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom stess, wara li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment ħieles jew meta jippruvaw jagħmlu dan. Pereżempju, għal individwi, meta jiċċaqalqu lejn pajjiż ieħor jew meta jiġu lura lejn pajjiżhom stess, wara li jkunu qagħdu f’pajjiż ieħor; għal negozji, meta jkunu qed jistabbilixxu, jipprovdu servizzi jew ibigħu prodotti li jkunu qegħdin diġà jiġu kummerċjalizzati fi Stat Membru (jew f’pajjiż taż-ŻEE) ieħor.
(7)  SOLVIT ma jistax jintervjeni f’każijiet relatati purament ma’ liġi nazzjonali, fejn awtorità pubblika ma tkunx involuta u fejn ikun diġà tnieda proċediment tal-qorti, pereżempju f’każijiet relatati mad-drittijiet ta’ residenza fl-UE ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz meta dawk id-drittijiet ma jkunux derivati minn relazzjoni ma’ ċittadin tal-UE jew f’każijiet dwar kwistjonijiet kummerċjali bejn in-negozji (B2B).
(8) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill fuq http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-6622-2016-INIT/mt/pdf  
(9) Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Frar 2014 dwar SOLVIT (2013/2154(INI)), ir-rapport tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ Ottubru 2015, Lejn regolamentazzjoni mtejba tas-suq uniku (2015/2089(INI), ir-relatur Anneleen Van Bossuyt) u r-rapport tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Mejju 2016, L-Istrateġija tas-Suq Uniku (2015/2354(INI), ir-relatur Lara Comi).
(10)  Ara d-dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Valutazzjoni tal-prestazzjoni ta’ SOLVIT” li qed jakkumpanja din il-Komunikazzjoni.
(11) L-użu aħjar ta’ SOLVIT bħala għodda pragmatika biex issolvi l-problemi relatati ma’ regoli tat-taxxa f'sitwazzjonijiet transfruntiera kien identifikat bħala waħda mill-azzjonijiet fir-rapport tal-2017 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE biex jissaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini. Kull sena, SOLVIT jittratta madwar 35 każ ta’ ċittadini relatati ma’ problemi tat-tassazzjoni personali b’rata ta’ riżoluzzjoni ta’ 86 %.
(12)  Ara d-dokument ta’ Ħidma tal-Persunal “Valutazzjoni dwar il-funzjonament ta’ SOLVIT” li qed jakkumpanja din il-Komunikazzjoni.
(13)  Dawn il-każijiet huma ppreżentati kontra ċ-ċentru ta’ SOLVIT tal-Istat Membru taż-ŻEE/tal-UE fejn tkun seħħet il-problema.
(14)  Il-kooperazzjoni hija estensiva. In-netwerks tal-UE u nazzjonali kkonċernati hawnhekk huma n-Netwerk Enterprise Europe, iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi, l-EURES, Fin-net, il-Punti ta’ Kuntatt tal-Prodott, iċ-Ċentri ta’ Informazzjoni Europe Direct, u n-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen. Din tinkludi r-rabtiet mill-qrib ħafna bejn l-applikazzjonijiet tekniċi li jippermettu lill-ilmenti biex jingħaddu direttament (pereżempju, lill-Pariri tal-Ewropa Tiegħek u liċ-ċentru telefoniku ta’ Europe Direct). Din tkopri wkoll seminars jew sessjonijiet ta’ taħriġ konġunti biex in-netwerks isiru konxji tal-mandati ta’ xulxin, sabiex kull wieħed ikun immarkat b’mod korrett fejn neċċesarju. Barra minn hekk, din il-kooperazzjoni hija prevista fil-leġiżlazzjoni tal-UE: pereżempju, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-korpi responsabbli għall-promozzjoni tat-trattament ugwali u għall-appoġġ tal-ħaddiema tal-UE u l-familji tagħhom jikkooperaw ma’ SOLVIT (id-Direttiva 2014/54/UE).
(15)  Idem.
(16)  Id-Direttiva 2013/55/UE, ĠU L 354, 28.12.2013, p. 132–170.
(17)  Iċ-ċentru ewlieni ta’ SOLVIT hu ċ-ċentru fl-Istat Membru taż-ŻEE/tal-UE fejn tkun seħħet il-problema.
(18)  Kif definit fir-Rakkomandazzjoni ta’ SOLVIT tal-2013, problema strutturali hi ksur ikkawżat minn regola nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni (għall-kuntrarju ta’ żball amministrattiv ta’ darba). Problema rikorrenti hi relatata ma’ ksur ta’ prattika amministrattiva (mhux regola miktuba) li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.
(19) Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020, COM (2016) 179 final. Skont il-prinċipju “ta' darba”, l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini u n-negozji jagħtu l-istess informazzjoni darba biss lil amministrazzjoni pubblika. Jekk jingħataw il-permess, l-uffiċċji tal-amministrazzjoni pubblika għandhom jieħdu azzjoni biex internament jerġgħu jużaw din id-dejta, waqt li jħarsu kif dovut ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta, biex ma jaqa’ l-ebda piż addizzjonali fuq iċ-ċittadini u n-negozji.
(20)  L-azzjonijiet indikati għall-2018 huma jew relatati ma’ żvilupp sostanzjali tal-applikazzjoni ta’ SOLVIT jew ma’ adozzjoni prevista ta’ leġiżlazzjoni tal-UE (eż. il-Portal Diġitali Uniku).