IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.4.2017
COM(2017) 173 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar ir-rieżami tal-miri ta’ rkupru tal-WEEE,
dwar il-possibbiltà li jiġu ssettjati miri separati biex il-WEEE jitħejja għall-użu mill-ġdid u
dwar ir-rieżami tal-metodu għall-kalkolu tal-miri ta’ rkupru stabbiliti fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2012/49/UE dwar il-WEEE
1. Introduzzjoni
Id-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku() (id-Direttiva WEEE), li hija riformulazzjoni tad-Direttiva 2002/96/KE preċedenti ("id-Direttiva WEEE l-antika") daħlet fis-seħħ f’Awwissu 2012 u kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri sal-14 ta’ Frar 2014.
Id-Direttiva WEEE tistabbilixxi r-regoli dwar il-ġestjoni tal-WEEE bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-produzzjoni u l-konsum sostenibbli billi, bħala l-ewwel prijorità, ikun hemm prevenzjoni tal-WEEE u, addizzjonalment, billi jsir użu mill-ġdid, riċiklaġġ u forom oħra ta’ rkupru ta’ skart bħal dan sabiex jonqos ir-rimi tal-iskart u ssir kontribuzzjoni għall-użu effiċjenti tar-riżorsi u għall-irkupru ta’ materja prima sekondarja prezzjuża.
F’dan il-kuntest, id-Direttiva WEEE, fl-Artikolu 11 u fl-Anness V, tintroduċi tħejjija kkombinata għall-miri tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ kif ukoll il-miri tal-irkupru għall-WEEE u fl-Artikolu 11(2) tissettja l-metodoloġija għall-kalkolu ta’ dawn il-miri.
Dan ir-rapport iwieġeb ir-rekwiżiti li ġejjin għall-Kummissjoni li huma stabbiliti fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva WEEE:
1.Rieżami tal-miri ta’ rkupru msemmija fl-Anness V, il-Parti 3 tagħha;
2.Eżami tal-possibbiltà li jiġu ssettjati miri separati biex il-WEEE jitħejja għall-użu mill-ġdid;
3.Rieżami tal-metodu għall-kalkolu tal-kisba tal-miri ta’ rkupru msemmija fl-Artikolu 11(2) bil-ħsieb li tiġi analizzata l-fattibbiltà tal-issettjar ta' miri abbażi tal-prodotti u tal-materjali li jirriżultaw (output) mill-proċessi ta’ rkupru, riċiklaġġ u tħejjija għall-użu mill-ġdid.
Il-Kummissjoni, biex tħejji dan ir-rapport, ikkuntrattat konsulenti indipendenti biex jeżaminaw mill-ġdid id-dejta statistika rilevanti, id-dokumentazzjoni u l-informazzjoni teknika u kkonsultat partijiet ikkonċernati maġġuri (Stati Membri, assoċjazzjonijiet tal-industrija, sistemi ta’ konformità tar-responsabbiltà estiża tal-produttur (EPR), NGOs u esperti indipendenti)().
L-għan ta' dan ir-rapport huwa li jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni marbuta ma’ dawn il-kwistjonijiet.
2. Rieżami tal-miri ta’ rkupru tal-WEEE
2.1. Għan
It-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva WEEE bħalissa huwa kklassifikat taħt 10 kategoriji “orjentati skont il-prodott” stabbiliti fl-Annessi I u II tagħha(
). Mill-15 ta’ Awwissu 2018, l-EEE se jkun ikklassifikat taħt 6 kategoriji “orjentati skont il-ġabra” stabbiliti fl-Annessi III u IV(
). Il-miri ta’ rkupru li għandhom jintlaħqu mill-produtturi skont l-Artikolu 11(1) huma applikabbli skont kull kategorija EEE kif stabbilit fl-Anness V.
Minħabba l-fatt li l-miri ta’ riċiklaġġ u rkupru huma kontinġenti fuq il-massa u l-kompożizzjoni tal-materjal tal-kategoriji individwali, il-bidla fil-kategorizzazzjoni tista’ taffettwa l-massa kumplessiva u l-kompożizzjoni tal-materjal tal-kategoriji ġodda. Għalhekk, ir-raġuni ewlenija għar-rieżami tal-miri ta’ rkupru hija l-valutazzjoni dwar jekk il-bidla fil-kategoriji tal-EEE irriżultatx f’bidliet sinifikanti fil-livell ta’ ambizzjoni ta’ dawn il-miri.
2.2. Valutazzjoni fir-rigward tar-rieżami tal-miri ta’ rkupru tal-WEEE
L-analiżi ffukat fuq it-tqabbil bejn il-livell ta’ ambizzjoni tal-miri ta’ rkupru applikabbli għal kull waħda mill-10 kategoriji mill-15 ta’ Awwissu 2015 sal-14 ta’ Awwissu 2018, kif stabbilit fil-Parti 2 tal-Anness V, u l-miri ta’ rkupru applikabbli għal kull waħda mis-6 kategoriji mill-15 ta’ Awwissu 2018 ’il quddiem, kif stabbilit fil-Parti 3 ta’ dak l-Anness V.
L-istudju wasal għall-konklużjonijiet li ġejjin:
Għall-maġġoranza l-kbira tal-prodotti ma hemmx bidla fil-valur assolut tal-miri ta’ riċiklaġġ u ta’ rkupru minħabba t-tranżizzjoni minn 10 kategoriji għal 6 tal-EEE. Fejn teżisti, il-bidla mhix sinifikanti. Barra minn hekk, il-veru ftit prodotti affettwati mill-bidla fil-miri (eż. għodod professjonali, tagħmir mediku, tagħmir ta’ monitoraġġ u kontroll), jiffurmaw biss parti żgħira ħafna tal-fluss kumplessiv tal-WEEE, u għalhekk l-impatt fuq ir-rata kumplessiva ta’ rkupru u ta’ riċiklaġġ huwa negliġibbli.
Il-bidla fil-kategoriji tirriżulta f’żieda ta’ iktar minn 7% tal-massa li trid tiġi riċiklata, li jfisser li l-miri ta’ riċiklaġġ applikabbli mill-2018 ’il quddiem (taħt 6 kategoriji) huma aktar ambizzjużi mill-miri applikabbli mill-2015 sal-2018 (taħt 10 kategoriji). Dan huwa mixtieq għaliex il-miri jenħtieġ li jipprogressaw matul iż-żmien u l-infurzar tal-miri tal-2018 (6 kategoriji) se jwassal għal żieda żgħira fil-benefiċċji ambjentali u ekonomiċi, minħabba ż-żieda fil-materjali rkuprati u riċiklati.
Il-ġabra skont 6 kategoriji hija ħafna eqreb għall-operazzjonijiet fil-livell tal-ġbir u tat-trattament. Għalhekk tista’ wkoll iżżid ir-rapportar tad-dejta u tillimita l-piż amministrattiv kemm għall-faċilitajiet tal-ġbir u tat-trattament tal-WEEE kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali meta jikkonsolidaw u jivverifikaw il-konsistenza tad-dejta.
2.3. Konklużjoni
Abbażi tal-valutazzjoni li twettqet, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma hemmx ġustifikazzjoni biex il-miri ta’ rkupru jiġu riveduti fir-rigward tas-6 kategoriji ġodda tal-EEE imsemmija fl-Anness V, il-Parti 3 għaliex dawn il-miri jżommu livell simili ta’ ambizzjoni għall-miri stabbiliti skont l-10 kategoriji preżenti tal-EEE kif jissemma fl-Anness V, il-Parti 2.
3.Eżami tal-possibbiltà li jiġu ssettjati miri separati biex il-WEEE jitħejja għall-użu mill-ġdid
3.1. Għan
L-adattezza li jiġu ssettjati miri separati biex jitħejjew għall-użu mill-ġdid ġiet eżaminata permezz tal-kompilazzjoni tal-prattiċi rilevanti applikati fl-Istati Membri, fejn ġew analizzati l-ixprunaturi u l-ostakli għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, valutazzjoni dwar jekk hux fattibbli u prattikabbli li jiġu ssettjati miri separati biex il-WEEE jitħejja għall-użu mill-ġdid.
3.2. Valutazzjoni fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu ssettjati miri separati biex il-WEEE jitħejjew għall-użu mill-ġdid
Fl-2012, l-Istati Membri rrapportaw lil Eurostat madwar 70,000 tunnellata ta’ WEEE bħala li ġew użati mill-ġdid / tħejjew għall-użu mill-ġdid fl-UE. Madankollu, ir-rapportar tad-dejta separata dwar l-użu mill-ġdid / it-tħejjija għall-użu mill-ġdid huwa volontarju għall-Istati Membri u kienu ħmistax-il Stat Membru biss li rrapportaw dejta relatata fl-2012, kif ippreżentata fit-tabella hawn taħt.
Tabella: Kwantitajiet ta’ WEEE miġbur u użat mill-ġdid / imħejji għall-użu mill-ġdid fl-2012
Stat Membru
|
WEEE miġbur (tunnellati)
|
WEEE użat mill-ġdid / imħejji għall-użu mill-ġdid
(tunnellati)
|
Rata tal-użu mill-ġdid / tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid abbażi tal-WEEE miġbur
|
L-Awstrija
|
77,402
|
1,248
|
2 %
|
Il-Belġju
|
116,458
|
4,068
|
3 %
|
Il-Bulgarija
|
38,431
|
292
|
1 %
|
Il-Kroazja
|
16,187
|
0
|
0 %
|
Ċipru
|
2,514
|
42
|
2 %
|
Ir-Repubblika Ċeka
|
53,685
|
0
|
0 %
|
Id-Danimarka
|
76,200
|
0
|
0 %
|
L-Estonja
|
5,465
|
0
|
0 %
|
Il-Finlandja
|
52,972
|
557
|
1 %
|
Franza
|
470,556
|
9,568
|
2 %
|
Il-Ġermanja
|
690,711
|
11,845
|
2 %
|
Il-Greċja
|
37,235
|
0
|
0 %
|
L-Ungerija
|
44,262
|
0
|
0 %
|
L-Irlanda
|
41,177
|
360
|
1 %
|
L-Italja
|
497,378
|
-
|
-
|
Stat Membru
|
WEEE miġbur (tunnellati)
|
WEEE użat mill-ġdid / imħejji għall-użu mill-ġdid (tunnellati)
|
Rata tal-użu mill-ġdid / tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid abbażi tal-WEEE miġbur
|
Il-Latvja
|
4,694
|
37
|
1 %
|
Il-Litwanja
|
14,259
|
0
|
0 %
|
Il-Lussemburgu
|
5,010
|
0
|
0 %
|
Malta
|
1,506
|
0
|
0 %
|
In-Netherlands
|
123,684
|
475
|
0 %
|
Il-Polonja
|
175,295
|
791
|
0 %
|
Il-Portugall
|
43,695
|
33
|
0 %
|
Ir-Rumanija
|
23,083
|
0
|
0 %
|
Is-Slovakkja
|
22,671
|
0
|
0 %
|
Is-Slovenja
|
9,430
|
30
|
0 %
|
Spanja
|
157,994
|
351
|
0 %
|
L-Iżvezja
|
168,612
|
0
|
0 %
|
Ir-Renju Unit
|
503,611
|
41,630
|
8 %
|
TOTAL
|
3,474,177
|
71,327
|
2 %
|
B’konsiderazzjoni tal-fatt li għadd kbir ta’ Stati Membri ma rrapportawx separatament il-kwantitajiet ta’ WEEE użat mill-ġdid / imħejji għall-użu mill-ġdid, iżda wkoll in-nuqqas ta’ speċifikazzjonijiet dwar l-attivitajiet li ġew ikkunsidrati bħala użu mill-ġdid u tħejjija għall-użu mill-ġdid fir-rapporti tal-Istati Membri, din l-informazzjoni mhix rappreżentattiva b’mod suffiċjenti. Din id-dejta tikkonkludi li, madankollu, bl-eċċezzjoni ta’ ftit Stati Membri, l-użu mill-ġdid u t-tħejjija għall-użu mill-ġdid mhumiex żviluppati sew fil-livell tal-UE. L-istudju sab li hemm differenzi sinifikanti fix-xejriet tal-konsum bejn l-Istati Membri fir-rigward ta’ prodotti użati / li jkunu reġgħu inbiegħu għat-tieni darba li effettwaw il-livell ta’ żvilupp tas-settur. Dan jagħmilha kemxejn diffiċli biex jiġi vvalutat il-potenzjal għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid madwar l-UE.
L-istudju analizza l-fattibbiltà tal-issettjar ta’ mira separata għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid. Fir-rigward tal-impatti ekonomiċi, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid jista’ jirriżulta f’introjtu u tfaddil sinifikanti għall-ekonomija. Minħabba l-effetti pożittivi fuq il-ħolqien tal-impjiegi u minħabba l-opportunità mogħtija lil partijiet tal-popolazzjoni li għandhom dħul baxx biex jixtru apparat domestiku li ma jiswiex ħafna, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid għandha impatti soċjali pożittivi wkoll. L-impatti ambjentali possibbli għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid huma marbuta mal-evitar li jiġi manifatturat EEE ġdid, u mal-prevenzjoni tal-iskart. Madankollu, il-konsum tal-enerġija jrid jiġi kkunsidrat għaliex apparat ġdid huwa normalment iktar effiċjenti minn tagħmir eqdem użat mill-ġdid.
Min-naħa l-oħra, l-issettjar ta’ mira separata għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid tkun tirrikjedi għarfien tajjeb tal-kwantitajiet ta’ WEEE li jistgħu jitħejjew għall-użu mill-ġdid fl-UE u tal-fattibbiltà ekonomika ta’ bdil fil-loġistika, sabiex ikun żgurat li l-potenzjal għall-użu mill-ġdid tal-WEEE jista’ fil-fatt jiġi realizzat. B’mod partikolari fl-Istati Membri fejn it-tħejjija għall-użu mill-ġdid hija sottożviluppata, din tkun teħtieġ bidliet fl-istrutturi tal-ġbir u l-istabbiliment ta’ proċeduri għall-ittestjar tal-WEEE meta jinġabar u qabel kwalunkwe trasferiment ulterjuri. Tkun teħtieġ ukoll l-iżvilupp ta’ sistema ta’ rapportar għall-eliminazzjoni tar-riskju tal-għadd doppju għaliex il-WEEE jista' jinġabar u jitħejja għall-użu mill-ġdid diversi drabi qabel ir-riċiklaġġ. Is-sistema ta’ rapportar jenħtieġ li tiddistingwi wkoll bejn il-flussi reali tal-WEEE mħejji għall-użu mill-ġdid u t-tagħmir li jintuża mill-ġdid mingħajr ma kien skart. Addizzjonalment, jekk tidħol fis-seħħ mira separata dwar il-mira tal-użu mill-ġdid, hemm riskju li l-produtturi tal-EEE jikkontribwixxu b’mod mhux ekwu għall-kisba tal-mira għaliex id-domanda għall-prodotti li inbiegħu diġà mhix l-istess għall-kategoriji tal-EEE kollha u f’xi każijiet hija differenti ukoll għal ditti differenti tal-istess tip ta’ tagħmir. Filwaqt li r-riskju ta’ kontribuzzjoni mhux indaqs jeżisti wkoll taħt mira kombinata, xorta waħda jikkontribwixxi għal iktar flessibbiltà biex jikkumpensa għad-differenza fid-domanda għal prodotti li inbiegħu diġà li teżisti bejn il-kategoriji tal-EEE.
Bħala konklużjoni, l-istudju kkonferma li l-issettjar ta’ mira separata għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid se joħloq obbligi addizzjonali għall-operaturi ekonomiċi u l-Istati Membri (eż. rapportar, monitoraġġ) u żieda sinifikanti fil-piż amministrattiv. Il-mira tat-tħejjija kombinata għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ applikabbli mill-2015 ’il quddiem (l-Anness V, il-Parti 2 u 3), tagħmilha possibbli għall-Istati Membri biex jilħqu din il-mira billi jiffavorixxu kemm ir-riċiklaġġ kif ukoll it-tħejjija għall-użu mill-ġdid. Madankollu, l-Istati Membri li jissettjaw il-miri nazzjonali għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid tal-WEEE għandhom probabbiltà ikbar li jippromwovu l-prattiki b’mod attiv biex tiżdied it-tħejjija għall-użu mill-ġdid, inkluż il-promozzjoni tal-aċċess għall-WEEE għall-persunal miċ-ċentri tal-użu mill-ġdid, kif jirrikjedi l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva, biex b’hekk jinkisbu iktar riżultati pożittivi fir-rigward tal-ġerarkija tal-iskart tal-UE għall-WEEE.
3.3. Konklużjoni
Abbażi tas-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li mhux xieraq f’dan l-istadju li jiġu ssettjati miri separati għall-WEEE biex jitħejja għall-użu mill-ġdid fid-Direttiva WEEE. Il-Kummissjoni, madankollu, se tippromwovi l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri biex tidentifika l-prattiki tajbin fl-Istati Membri fejn il-miri tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid tal-WEEE ġew issettjati fil-livell nazzjonali jew reġjonali jew taħt skemi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur.
4.Rieżami tal-metodu għall-kalkolu tal-kisba tal-miri ta' rkupru stabbiliti fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2012/19/UE dwar il-WEEE
4.1. Għan
L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva WEEE jiddefinixxi l-metodu għall-kalkolu tal-kisba tal-miri ta’ rkupru billi jiddividi l-piż tal-WEEE deħlin fil-faċilità ta’ rkupru jew ta' riċiklaġġ / tħejjija għall-użu mill-ġdid (approċċ ibbażat fuq l-input) bil-piż tal-WEEE kollha miġbura separatament għal kull kategorija, espressi bħala persentaġġ.
Ir-rieżami ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu kkunsidra jekk hux fattibbli u prattikabbli li jiġu ssettjati miri abbażi tal-prodotti u tal-materjali li jirriżultaw mill-proċessi ta’ rkupru, riċiklaġġ u tħejjija għall-użu mill-ġdid (approċċ ibbażat fuq l-output).
4.2. Valutazzjoni fir-rigward tar-rieżami tal-metodu għall-kalkolu tal-kisba tal-miri ta’ rkupru
L-ewwel studju analizza d-dejta disponibbli relatata mal-output fil-livell tal-Istat Membru minn diversi sorsi() differenti ta’ informazzjoni inkluż konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Ikkonkluda li fil-livell tal-Istat Membru kważi ma teżisti l-ebda dejta dwar materjali li jirriżultaw (output) mill-proċessi ta’ rkupru, riċiklaġġ u tħejjija għall-użu mill-ġdid (“frazzjonijiet marbuta mal-output” jew inkella msemmija bħala “frazzjonijiet tal-materjali”) u teżisti biss bażi tad-dejta limitata, b’mod partikolari fejn l-iskemi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur japplikaw għodod tar-rapportar żviluppati skont speċifikazzjonijiet tekniċi speċifiċi().
Abbażi ta’ dawn ġie konkluż li l-iktar approċċ promettenti għall-ġbir tad-dejta relatata mal-output hija li l-Istati Membri jkomplu jinforzaw ir-rekwiżiti skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva WEEE biex jiżguraw li l-produtturi jew il-partijiet terzi li jaġixxu f’isimhom iżommu rekords dwar id-dejta relatata mal-output ukoll, u biex jippromwovu għodod li għandhom jintużaw għall-armonizzazzjoni ta’ dawn ir-rekords.
Fir-rigward tal-benefiċċji ambjentali dovuti għall-introduzzjoni tal-miri ta’ rkupru bbażati fuq l-output, dan l-istudju aċċenna li dan jista’ jagħti l-inċentiva biex tiżdied l-effiċjenza tar-riċiklaġġ permezz tat-titjib tekniku. Madankollu, b’konsiderazzjoni tal-fatt li materjali prezzjużi, li huma preżenti f'ammonti sinifikanti fil-WEEE, diġà kważi jiġu kompletament riċiklati minħabba l-valur ekonomiku tagħhom, il-miri totali bbażati fuq l-output jista’ jkollhom biss influwenza limitata fuq il-prattiċi ta’ riċiklaġġ reali. L-istudju kkonkluda wkoll li l-miri bbażati fuq l-output (jew ibbażati fuq il-materjali) mhux se jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-monitoraġġ tat-tneħħija tat-tniġġis tal-WEEE, minħabba l-fatt li normalment dan iseħħ fi stadju bikri tal-proċess tar-riċiklaġġ, bħala operazzjoni ta’ qabel it-trattament. Għalhekk, mill-perspettiva ambjentali, għandha tingħata prijorità lill-infurzar mill-Istati Membri ta’ trattament selettiv inkluż it-tneħħija tat-tniġġis, kif diġà meħtieġ skont l-Artikolu 8 u l-Anness VII tad-Direttiva WEEE. Kumplessivament, l-implimentazzjoni stretta, l-infurzar u l-monitoraġġ tal-miri tal-ġbir tal-WEEE għandhom impatt qawwi fuq ir-riċiklaġġ / l-irkupru reali, għaliex intwera li l-WEEE dieħel fl-iskemi tal-ġbir normalment qed jiġi irkuprat / riċiklat f’rati għoljin f’termini tal-piż tiegħu.
Fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari, il-Kummissjoni ħadmet biex tippromwovi l-iżvilupp tal-istandards Ewropej għar-riċiklaġġ effiċjenti tal-materjali WEEE, kif ukoll ta' batteriji moħlija u ta' prodotti fi tmiem il-ħajja tagħhom kumplessi rilevanti oħrajn, biex iżżid ir-riċiklaġġ tal-materja prima kritika. Dan huwa kkunsidrat bħala approċċ iktar pragmatiku milli jiġu ssettjati miri tar-riċiklaġġ vinkolanti bbażati fuq l-output.
4.3. Konklużjoni
Abbażi tal-valutazzjoni mwettqa, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma hemmx ġustifikazzjoni prevalenti biex jinbidel il-metodu bbażat fuq l-input għall-kalkolu tal-kisba tal-miri ta’ rkupru billi jiġu ssettjati miri abbażi tal-prodotti u l-materjali li jirriżultaw mill-proċessi ta’ rkupru, riċiklaġġ u tħejjija għall-użu mill-ġdid (approċċ ibbażat fuq l-output).