Brussell, 30.3.2017

COM(2017) 151 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2002/49/KE


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2002/49/KE

1.Daħla

L-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali (minn hawn “id-Direttiva”) 1 jipprovdi għal rapport ta' implimentazzjoni li għandu jiġi ppreparat mill-Kummissjoni Ewropea kull 5 snin. Minbarra li tindirizza l-implimentazzjoni, id-Direttiva tirrikjedi li dan ir-rapport jenħtieġ li jinkludi wkoll rieżami tal-ambjent akustiku, il-miri u l-miżuri għat-tnaqqis tal-ħsejjes ambjentali (il-leġiżlazzjoni fis-sors), u jivvaluta l-ħtieġa għal azzjonijiet ulterjuri tal-Komunità. Dan it-tieni rapport ta’ implimentazzjoni jirrieżamina s-sitwazzjoni mill-pubblikazzjoni tal-ewwel rapport 2 , u jirrappreżenta wkoll il-pjan ta’ azzjoni ta’ wara l-evalwazzjoni tad-Direttiva, li seħħet fl-2016 taħt il-programm tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT). Għalhekk jenħtieġ li jinqara flimkien mal-istudju ta’ appoġġ u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal 3 rispettivi.

It-tniġġis akustiku għadu problema ambjentali kbira għas-saħħa fl-Ewropa. L-evidenza xjentifika turi li esponiment fit-tul għal livelli għoljin ta’ tniġġis akustiku jista’ jwassal għal effetti serji fuq is-saħħa f’oqsma kkontrollati mis-sistema endokrinali tal-bniedem u mill-moħħ, bħal mard kardjovaskulari, disturb waqt l-irqad u irritazzjoni (sensazzjoni ta’ skumdità li taffettwa l-benessri ġenerali). Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), it-tniġġis akustiku jwassal għal problema ta' mard li hija preċeduta biss mit-tniġġis tal-arja, fost il-kawżi relatati mal-ambjent fl-Ewropa.

Il-pressjonijiet u r-riskji għas-saħħa u l-benessri relatati mal-ambjent huma wkoll ċentrali għat-tħassib taċ-ċittadini 4 , u l-Unjoni għandha rwol fis-salvagwardja taċ-ċittadini tagħha minn dawn il-pressjonijiet u r-riskji, u biex tagħmel il-bliet tal-Unjoni aktar sostenibbli. Fis-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali 5 , ġie stabbilit għan biex jonqos l-għadd ta’ persuni affettwati mill-ħsejjes ambjentali - li għandu jiġi rrapportat skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva. Għal dan, hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet innovattivi li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-prijorità ġenerali Nru. 1 tal-Kummissjoni: A New Boost for Jobs, Growth and Investment.

Fil-livell tal-UE, id-Direttiva 2002/49/KE marbuta mal-valutazzjoni u l-ġestjoni tal-ħsejjes ambjentali hija l-istrument leġiżlattiv ewlieni għall-ħarsien taċ-ċittadini minn tniġġis akustiku eċċessiv ikkawżat mit-traffiku tat-triq, tal-ferroviji u tal-ajruporti, kif ukoll minn installazzjonijiet industrijali kbar. L-għan tagħha huwa wieħed doppju: (1) li tiddefinixxi approċċ komuni maħsub li jevita, jipprevjeni jew inaqqas l-effetti ta’ ħsara tal-istorbju ambjentali u (2) li tipprovdi bażi għall-iżvilupp ta’ miżuri biex jitnaqqas l-istorbju li jiġi minn sorsi maġġuri.

2.Il-kwalità tal-ambjent akustiku fl-UE u l-impatt fuq is-saħħa pubblika

L-EEA wettqet valutazzjoni tal-esponiment taċ-ċittadini Ewropej għall-istorbju għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li kopriet 467 agglomerazzjoni (fejn ġew ikkunsidrati toroq, ferroviji, ajruporti u installazzjonijiet industrijali), 86 ajruport ewlieni kif ukoll 186 600 km ta’ toroq ewlenin u 44 320 km ta’ linji ferrovjarji ewlenin barra mill-agglomerazzjonijiet. Peress li r-rapportar mill-Istati Membri għadu mhux lest, id-dejta nieqsa ġiet miżjuda permezz ta’ metodoloġija speċjali li timla l-lakuni 6 . Grafika 1 turi r-riżultati, b’mod separat għal ġewwa u barra mill-agglomerazzjonijiet 7 .

Grafika 1: Għadd ta’ persuni esposti għal storbju ambjentali fl-Ewropa > 55 dB Lden fit-28 Stat Membru tal-UE, 2012, ġewwa u barra mill-agglomerazzjonijiet.

L-istorbju tat-traffiku tat-triq, kemm barra minn kif ukoll ġewwa l-agglomerazzjonijiet, jibqa’ l-aktar sors dominanti li jaffettwa l-espożizzjoni tal-bniedem ’il fuq mil-livelli ta’ rapportar definiti mid-Direttiva, b’total stmat (ġewwa u barra mill-agglomerazzjonijiet) ta’ madwar 100 miljun persuna (kważi 70 miljun ġewwa u 30 miljun barra mill-agglomerazzjonijiet) li jiġu esposti għal storbju tat-traffiku tat-triq li huwa aktar minn 55 dB Lden. Il-linji ferrovjarji huma t-tieni l-aktar sors importanti ta’ storbju b’total ta’ aktar minn 18-il miljun persuna (madwar 10 miljuni ġewwa u 8 miljuni barra mill-agglomerazzjonijiet) li huma esposti għal aktar minn 55 dB Lden, segwiti minn storbju tal-inġenji tal-ajru b’total ta’ kważi 4 miljun persuna (kważi 3 miljuni ġewwa u miljun barra mill-agglomerazzjonijiet) esposti għal aktar minn 55 dB Lden. L-istorbju industrijali f’żoni urbani jesponi lil madwar miljun persuna għal livelli ta’ storbju ogħla minn 55 dB Lden.

Din id-dejta dwar l-esponiment timplika 8 li 14,1 miljun adult huma rritati b'mod sever bl-istorbju ambjentali, 5,9 miljun adult huma disturbati ħafna waqt l-irqad, 69 000 ammissjoni fl-isptarijiet u 15 900 każ ta’ mewt prematura jseħħu kull sena minħabba l-istorbju ambjentali .

Din l-informazzjoni hija limitata għal agglomerazzjonijiet, toroq, linji ferrovjarji u ajruporti li jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva. L-esponiment u l-impatti totali fuq is-saħħa huma għalhekk ogħla.

3.L-implimentazzjoni tad-Direttiva

L-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri qed tagħmel progress iżda tvarja b’mod sinifikanti, skont l-għażla tal-livell ta’ ambizzjoni tal-Istati Membri, ir-riżorsi allokati għall-implimentazzjoni, u jekk l-implimentazzjoni hix il-kompitu ta’ awtoritajiet aktar ċentralizzati jew aktar lokali u deċentralizzati. Fil-qosor:

It-traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali saret korrettament fit-28 Stat Membru, kemm permezz tal-adozzjoni ta’ regolamenti ta’ implimentazzjoni ġodda jew permezz ta’ aġġustamenti fil-leġiżlazzjoni eżistenti.

Ma ġiet identifikata l-ebda problema sinifikanti fid-deżinjazzjoni ta’ toroq ewlenin, linji ferrovjarji ewlenin, ajruporti ewlenin u agglomerazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Madankollu, f’xi Stati Membri, jippersistu sfidi prattiċi fil-produzzjoni tal-mapep tal-istorbju bejn il-korpi nazzjonali u l-awtoritajiet lokali.

Id-Direttiva ma tistipulax valuri tal-limitu speċifiċi għas-sorsi fil-livell tal-UE, iżda tħalli lill-Istati Membri liberi li jistabbilixxu valuri tal-limitu nazzjonali jekk jixtiequ jagħmlu dan. Tali valuri ġew stabbiliti f’21 Stat Membru, u f’erba’ Stati Membri oħrajn ġew stabbiliti miri mhux vinkolanti. Madankollu, s’issa kien hemm evidenza limitata tal-infurzar effettiv tagħhom.

Għall-preparazzjoni tal-mapep strateġiċi tal-istorbju, l-Istati Membri użaw l-indikaturi meħtieġa mid-Direttiva. Iżda l-Istati Membri użaw ukoll indikaturi nazzjonali oħrajn tal-istorbju għal każijiet speċjali, kif previst mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva.

Id-dejta ma kinitx komparabbli bejn is-sessjonijiet ta’ rapportar u l-pajjiżi għaliex l-Istati Membri xorta jistgħu jużaw metodi nazzjonali adattati biex jivvalutaw l-istorbju. Dan se jittejjeb b’mod konsiderevoli bil-metodi komuni 9  l-ġodda li ġew żviluppati u li se jwasslu għal dejta komparabbli ladarba l-użu tagħhom isir obbligatorju mill-2018 ’il quddiem.

Aktar minn 20% tal-mapep tal-istorbju meħtieġa, u madwar 50% tal-pjanijiet ta’ azzjoni għaċ-ċiklu attwali ta’ rapportar fuq ħames snin, għadhom ma ġewx irrapportati. L-implimentazzjoni tad-Direttiva għalhekk qed iddum b’mod sinifikanti għaliex l-Istati Membri kellhom jipprovdu dawn sal-2012 u l-2013 rispettivament. Ħarsa ġenerali lejn il-kompletezza tad-dejta hija pprovduta fit-Tabella 1 hawn taħt.

Tabella 1: Il-kompletezza tar-rapportar għas-sessjoni attwali tal-immappjar tal-istorbju u l-ippjanar tal-azzjonijiet

Entità

Fl-agglomerazzjonijiet

Barra mill-agglomerazzjonijiet

Storbju tat-triq

Storbju tal-linji ferrovjarji

Storbju tal-inġenji tal-ajru

Storbju industrijali

Toroq ewlenin

Linji ferrovjarji ewlenin

Ajruporti ewlenin

Mapep tal-istorbju mwettqa 10

78%

75%

52%

69%

79% 11

73% 12

75%

Pjanijiet ta’ azzjoni mwettqa 13

49%

47% (medja)

41% (medja)

43%

Sors: Rapport ta’ kuntratt ta’ servizz disponibbli fuq http://ec.europa.eu/environment/noise/evaluation_en.htm

Peress li l-Istati Membri fasslu kważi 80% tal-mapep tal-istorbju rikjesti – u għamluhom disponibbli permezz ta’ portali ta’ informazzjoni differenti fuq is-sit web – li huma output dirett tal-implimentazzjoni tad-Direttiva, issa għandna fehma aktar ċara tal-firxa tal-problema tal-istorbju fl-UE. Minkejja d-disponibbiltà ta’ din l-informazzjoni, iċ-ċittadini mhux dejjem huma konxji dwar is-sitwazzjoni tal-istorbju u l-effetti relatati fuq is-saħħa.

Hemm diverġenza fl-approċċi għall-ippjanar ta’ azzjonijiet bejn l-Istati Membri. Dan huwa rifless fit-tipi ta’ miżuri identifikati għat-tnaqqis tal-istorbju, il-bilanċ bejn il-miżuri tal-infiq / mhux ta’ nfiq, u l-punt sa fejn il-pjanijiet huma strateġiċi biss jew għandhom ukoll fokus operattiv. Barra minn hekk, id-dewmien fit-tfassil tal-pjanijiet ta’ azzjoni jindika li ħafna Stati Membri ma ħadux passi biex jindirizzaw it-tniġġis akustiku. Ir-raġunijiet għal dan ivarjaw: pereżempju fl-agglomerazzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-iżvilupp tal-pjanijiet ta’ azzjoni jista’ ma jkollhomx poteri biex jieħdu deċiżjonijiet strateġiċi jew dwar il-baġit biex jiddeterminaw jekk il-miżuri inklużi fil-pjan ta’ azzjoni humiex realistiċi, fattibbli u jekk jistgħux jiġu ffinanzjati.

Il-kwalità u l-kwantità tal-proċessi ta’ konsultazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet ta’ azzjoni li twettqu mill-Istati Membri jvarjaw ukoll. NGOs li pparteċipaw fil-konsultazzjonijiet stqarrew li għalkemm il-pjanijiet ta’ azzjonijiet spiss jinkludu sommarju tar-risposti tal-konsultazzjoni, spiss ma jkunx ċar kif dawn ir-risposti tqiesu fil-pjanijiet.

Ir-raġunijiet prevalenti għal dan id-dewmien fl-implimentazzjoni sinifikanti jinkludu n-nuqqas ta’ prijorità li tingħata lill-kwistjoni fil-livell nazzjonali/lokali meta ssir deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tar-riżorsi umani u finanzjarji limitati. Aktar speċifikament għall-immappjar tal-istorbju, l-isfidi inkludew nuqqas ta’ input ċentralizzat u konsistenti tad-dejta, nuqqas ta’ koordinazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet kompetenti differenti li huma responsabbli mill-implimentazzjoni tad-Direttiva, u nuqqas ta’ komparabbiltà tal-mapep tal-istorbju minn ġurisdizzjoni għall-oħra. Fir-rigward tal-ippjanar tal-azzjoni, id-dewmien kien ikkawżat mir-riperkussjonijiet minħabba d-dewmien fl-immappjar tal-istorbju (għaliex il-pjanijiet ta’ azzjoni kellhom ikunu bbażati fuq il-mapep tal-istorbju) u l-perjodu qasir li ngħata bejn l-iskadenza tal-preparazzjoni tal-mapep tal-istorbju u dak għall-pjanijiet ta’ azzjoni (12-il xahar). B’mod globali, l-evidenza turi li Stati Membri b’approċċ deċentralizzat ħafna lejn l-implimentazzjoni batew b’mod partikolari biex jinfurzaw l-implimentazzjoni f’waqtha tal-miżuri tad-Direttiva fuq l-awtoritajiet tagħhom.

Filwaqt li ħafna Stati Membri għamlu progress fl-iżvilupp tad-definizzjonijiet ta’ żoni kwieti (fl-agglomerazzjonijiet u fil-kampanja miftuħa) u fid-definizzjoni tal-kriterji ta’ selezzjoni sabiex jiddeżinjawhom, 13-il Stat Membru biss s’issa ddeżinjaw żoni kwieti. Raġuni possibbli għal dan hija l-inċertezza perċeputa dwar jekk il-proċess jistax jitreġġa’ lura fil-futur, u wkoll jekk żona kwieta ddeżinjata tistax tkun soġġetta għal restrizzjonijiet legali. Madankollu, f’dawk l-Istati Membri fejn ġew iddeżinjati żoni kwieti, l-għadd tagħhom żdied b’mod konsiderevoli bejn l-ewwel u t-tieni sessjoni ta’ rapportar (2007 – 2012). Biex tiġi ffaċilitata d-deżinjazzjoni ta’ żoni kwieti, l-Istati Membri talbu lill-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa l-gwida prattika.

Sfida implimentattiva importanti kienet il-kamp ta’ applikazzjoni usa’ tad-Direttiva (ara t-Tabella 2) u ż-żieda konsiderevoli fl-għadd ta’ entitajiet li għalihom kellhom isiru mapep tal-istorbju u pjanijiet ta’ azzjoni (eż. l-għadd ta’ agglomerazzjonijiet koperti żdied minn 176 għal 467). Il-bidla fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħmilha diffiċli wkoll li tiġi mqabbla l-kompletezza tad-dejta bejn sessjoni u oħra.

Tabella 2: Għadd ta’ entitajiet koperti mid-Direttiva dwar l-Istorbju Ambjentali fis-sessjonijiet ta’ rapportar 1 u 2

Tip ta’ entità

Sessjoni ta’ rapportar 1 (2005-2009)

Sessjoni ta’ rapportar 2 (2010-2014) u sessjonijiet sussegwenti

Agglomerazzjonijiet

176

(> 250,000 abitant)

467

(> 100,000 abitant)

Ajruporti ewlenin

73

(> 50,000 moviment 14 fis-sena)

92 (minħabba żieda fit-traffiku tal-ajru)

(> 50,000 moviment fis-sena)

Toroq ewlenin

(km)

67,488

(> 6 miljun passaġġ ta’ vetturi fis-sena)

154,738

(> 3 miljun passaġġ ta’ vetturi fis-sena)

Linji ferrovjarji ewlenin (km)

31,576

(> 60,000 passaġġ ta’ ferroviji fis-sena)

72,341

(> 30,000 passaġġ ta’ ferroviji fis-sena)

4.L-evalwazzjoni tad-Direttiva

Fl-2013, il-Kummissjoni pproponiet li ssir evalwazzjoni tad-Direttiva 15 fil-kuntest tal-programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) tagħha, parti mill-aġenda tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar 16 . F’konformità mal-gwida ġenerali dwar Regolamentazzjoni Aħjar 17 , din l-evalwazzjoni tesplora jekk id-Direttiva kinitx, u jekk għadhiex, rilevanti fl-indirizzar tal-kwistjoni, waqt li tipprovdi valur miżjud tal-UE meta mqabbla mal-azzjoni tal-Istati Membri waħedhom. Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni tivvaluta jekk id-Direttiva wettqitx dan b’mod effettiv u effiċjenti, u jekk id-dispożizzjonijiet tagħha kinux koerenti ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE. L-evalwazzjoni tqis ukoll l-impatt tad-Direttiva fuq l-SMEs, u l-potenzjal għas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi.

L-evalwazzjoni tkopri l-perjodu mill-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-Istorbju Ambjentali (2002) sal-ġurnata tal-lum. Il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitat għad-Direttiva dwar l-Istorbju Ambjentali, iżda jqis l-interazzjoni tad-Direttiva mal-leġiżlazzjoni tal-UE li tindirizza l-emissjonijiet tal-istorbju fis-sors tagħhom (eż. billi tirregola l-emissjonijiet ta’ storbju ta’ vetturi bil-mutur), filwaqt li ma tindirizzax din il-leġiżlazzjoni b’mod dettaljat.

Il-metodoloġija tal-evalwazzjoni kienet tinkludi riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni li kienet tqis dejta mir-rapportar tal-Istati Membri u dokumenti oħra rilevanti tal-UE u nazzjonali, kif ukoll il-letteratura xjentifika l-aktar reċenti. L-ispejjeż amministrattivi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva ġew rieżaminati u saret analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji. L-evalwazzjoni involviet ukoll konsultazzjoni estensiva u komprensiva ma’ awtoritajiet u partijiet ikkonċernati kompetenti mill-Istati Membri kollha permezz ta’ stħarriġ online, intervisti fil-fond, workshop, u konsultazzjoni pubblika online.

Id-Direttiva fiha nfisha u ż-żewġ għanijiet tagħha jibqgħu rilevanti ħafna għall-bżonnijiet identifikati fit-tfassil tal-politika fl-UE 18 . It-tniġġis akustiku għadu problema ambjentali kbira għas-saħħa fl-Ewropa. Biex dan jiġi indirizzat, il-feedback mill-partijiet ikkonċernati jindika li hemm bżonn kontinwu għal approċċ komuni għall-ġestjoni tal-istorbju. Barra minn hekk, huwa importanti li tinġabar dejta armonizzata fil-livell tal-UE biex tipprovdi bażi ta’ evidenza ta’ kwalità għolja għall-iżvilupp ulterjuri ta’ leġiżlazzjoni dwar l-istorbju mis-sors tal-UE, li hija neċessarja għaliex il-miżuri lokali għall-amministrazzjoni tal-istorbju jistgħu ma jkunux effettivi mingħajr kontrolli addizzjonali tal-istorbju li jirriżulta mis-sorsi maġġuri tal-istorbju.

Fir-rigward tal-koerenza, instab li, internament, id-Direttiva hija fil-biċċa l-kbira koerenti, għalkemm hemm xi ambigwitajiet perċepiti fost il-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, id-Direttiva wriet koerenza esterna ma’ leġiżlazzjoni oħra rilevanti tal-UE (leġiżlazzjoni ambjentali u dwar l-istorbju mis-sors), u hija kkunsidrata li hija kumplimentari magħha. Għalkemm kien hemm sfidi prattiċi fl-istadji bikrija tat-traspożizzjoni tad-Direttiva, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-kontroll tal-istorbju instabet li kienet universalment koerenti mad-Direttiva.

Sar xi progress fit-twettiq tal-ewwel għan tad-Direttiva, iżda l-effetti għadhom ma mmaterjalizzawx minħabba d-dewmien twil fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ metodoloġiji komuni u d-dewmien twil fl-implimentazzjoni fl-Istati Membri. Fir-rigward tal-progress li sar fit-tieni għan, id-Direttiva qed tiġbed aktar attenzjoni fil-livell tal-UE lejn is-sinifikat tal-effetti dannużi tal-istorbju fuq is-saħħa. Madankollu, id-dejta dwar l-esponiment tal-popolazzjoni għall-istorbju li tirriżulta mid-Direttiva għadha ma ntużatx mill-UE fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni dwar l-istorbju mis-sors. Fir-rigward tal-impatt kumplessiv tad-Direttiva fuq it-tniġġis akustiku, wieħed irid jinnota li l-benefiċċji tal-maġġoranza tal-miżuri biex jindirizzaw l-istorbju huma evidenti biss f’terminu ta’ żmien twil għaliex il-miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju idumu biex jiġu implimentati (eż. matul perjodu ta’ 20 sena), u għalhekk l-impatt tad-Direttiva fuq it-tniġġis akustiku ma jistax jiġi evalwat kompletament għalissa.

Iċ-ċikli ta’ ħames snin għall-immappjar tal-istorbju u għall-ippjanar tal-azzjoni jidhru li huma xierqa, iżda l-medda ta’ żmien ta’ sena bejn il-finalizzazzjoni tal-mapep u l-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni assoċjati instabet li hija qasira wisq. Il-Mekkaniżmu ta’ Rapportar huwa effettiv għaliex jippermetti s-sottomissjoni f’waqtha tad-dejta tar-rapportar mill-Istati Membri, iżda t-tfassil tiegħu jista’ jittejjeb ulterjorment.

Fil-każijiet fejn ġew adottati pjanijiet ta’ azzjoni li jinkludu miżuri għall-ġestjoni tal-istorbju, id-Direttiva rriżultat fi proporzjon favorevoli bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ 1:29 identifikat skont l-aktar xenarju probabbli fl-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji. L-ispejjeż amministrattivi tal-implimentazzjoni huma baxxi, u jammontaw għal EUR 0.15 għall-mapep tal-istorbju u EUR 0.03 għal pjanijiet ta’ azzjoni għal kull abitant mill-popolazzjoni totali (valuri medji) għal kull sessjoni ta’ rapportar (jiġifieri kull 5 snin). Meta titqies il-popolazzjoni totali tal-UE ta’ 508 miljuni, l-ispejjeż amministrattivi għal implimentazzjoni sħiħa mill-Istati Membri kollha huma baxxi ħafna u jammontaw għal madwar EUR 91 miljun kull 5 snin, jew madwar EUR 18-il miljun fis-sena. Ftit hemm ambitu biex jitnaqqsu ulterjorment l-ispejjeż għall-implimentazzjoni tad-Direttiva. Barra minn hekk, id-Direttiva ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-SMEs.

Id-Direttiva għandha l-potenzjal li tiġġenera valur miżjud tal-UE billi toħloq kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni mal-UE kollha fejn l-operaturi tal-infrastruttura tat-trasport ikunu jistgħu jikkompetu, u billi tikkontribwixxi għal fehim aħjar tal-preżenza tat-tniġġis akustiku u għal tfassil ta’ politika tal-UE li hija infurmata aħjar permezz tal-forniment ta’ dejta komparabbli dwar l-esponiment għall-istorbju fil-livell tal-UE. Minkejja dan il-potenzjal konsiderevoli, bħala riżultat tad-dewmien fl-implimentazzjoni, id-Direttiva s’issa għadha ma wasslitx il-valur miżjud li tista’ tagħti lill-UE.

Fir-rigward tal-potenzjal għas-simplifikazzjoni, l-evalwazzjoni sabet li r-rekwiżiti tad-Direttiva huma pjuttost sempliċi, u li l-komplikazzjonijiet jinħolqu mill-mod kif l-Istati Membri implimentaw id-Direttiva taħt sussidjarjetà (eż. billi ddelegaw ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni lil għadd ta’ livelli differenti ta’ amministrazzjoni, li rriżultaw f’arranġamenti tal-kompetenza kumplessi fl-Istat Membru). Għalhekk, il-potenzjal għas-simplifikazzjoni huwa fil-livell tal-implimentazzjoni tal-Istat Membru, iktar milli fil-livell tat-test legali tad-Direttiva. Reviżjonijiet reċenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva f’xi Stati Membri indikaw li jirrikonoxxu din il-kwistjoni.

5.Il-leġiżlazzjoni li tirregola s-sorsi tal-istorbju

Mill-ewwel Rapport ta’ Implimentazzjoni tal-2011 19 , l-UE adottat erba’ regolamenti, b'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 540/2014 dwar il-livell ta’ ħoss tal-vetturi bil-mutur 20 , ir-Regolament (UE) 168/2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli 21 , ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1304/2014 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta’ “vetturi ferrovjarji - storbju” 22 u r-Regolament (UE) Nru 598/2014 dwar l-istabbiliment ta’ regoli u proċeduri fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju fl-ajruporti tal-Unjoni fi ħdan Approċċ Bilanċjat 23 . Fir-rigward tal-istorbju mill-linji ferrovjarji, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar “It-tnaqqis tal-istorbju tal-merkanzija bil-ferrovija” 24 li jeħtieġ lill-Istati Membri jibbażaw fuq l-istrumenti u l-mezzi finanzjarji disponibbli bil-mod l-aktar estensiv possibbli. Il-Kummissjoni eżaminat ukoll il-każ għal fużjoni bejn id-Direttiva 2000/14/KE dwar L-Istorbju minn Tagħmir ta’ Barra 25 u d-Direttiva dwar il-Makkinarju 2006/42/KE 26 , iżda kkonkludiet li għandhom jibqgħu separati.

6.Rakkomandazzjonijiet u l-passi li jmiss

L-evalwazzjoni u l-valutazzjoni ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva wrew għadd ta’ oqsma fejn hemm bżonn ta’ attivitajiet li jnaqqsu l-istorbju li qed ikollu impatt fuq is-saħħa taċ-ċittadini fl-Unjoni, biex jintlaħqu aħjar l-għanijiet tad-Direttiva u b’hekk nersqu aktar qrib tal-valuri rakkomandati mill-WHO.

(1) Id-dewmien fl-Implimentazzjoni tad-Direttiva ġie enfasizzat fir-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali 27 tal-UE. Dan ir-rieżami enfasizza wkoll li l-Istati Membri huma responsabbli għat-tnaqqis tal-lakuni fl-implimentazzjoni. Biex tappoġġa dan, il-Kummissjoni mhux biss se tkompli ttejjeb l-implimentazzjoni permezz ta’ azzjonijiet immirati ta’ infurzar, iżda se tipprovdi wkoll gwida xjentifika solida lill-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-valutazzjoni tal-effetti dannużi bl-għajnuna ta’ relazzjonijiet bejn id-doża u r-reazzjoni. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll mal-Istati Membri biex ittejjeb il-mekkaniżmu ta’ rapportar fil-kuntest tal-Kontroll tal-Idoneità tal-obbligazzjonijiet ta’ monitoraġġ u rapportar fil-politika ambjentali.

(2) Peress li l-komplikazzjonijiet fl-implimentazzjoni tad-Direttiva ġejjin l-aktar mill-mod kif l-Istati Membri implimentaw id-Direttiva taħt sussidjarjetà, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jerġgħu jikkunsidraw l-arranġamenti tagħhom ta’ implimentazzjoni, inkluża d-deżinjazzjoni ta’ żoni kwieti.

(3) Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-istorbju mis-sors tibqa’ l-aktar mezz kost-effettiv biex jindirizza l-istorbju 28 . Bl-implimentazzjoni mtejba tad-Direttiva, li tirriżulta f’bażi tad-dejta kompluta dwar l-esponiment għall-istorbju fl-Unjoni, se jkun possibbli li l-għażliet tal-politiki dwar il-miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju fil-qasam tat-trasport ikunu infurmati aħjar. Il-Kummissjoni hija impenjata li tagħmel użu sħiħ minn dan fil-futur meta tkun qed tiddeċiedi dwar ir-rieżami tal-istrumenti legali msemmija hawn fuq.

(4) L-evalwazzjoni identifikat biss għadd limitat ta’ kwistjonijiet fid-Direttiva nfisha, bħall-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-Direttiva (biex ikun hemm approċċ komuni biex jiġu evitati, ipprevenuti jew jitnaqqsu l-effetti dannużi tal-istorbju minflok ma jitnaqqsu l-effetti negattivi tal-istorbju ambjentali fuq is-saħħa), xi kjarifiki żgħar f’xi definizzjonijiet, kif ukoll il-bżonn li tiġi aġġustata d-Direttiva skont żviluppi regolatorji reċenti li seħħew fil-livell tal-UE minn meta ġiet adottata d-Direttiva (eż. it-Trattat ta’ Lisbona). Barra minn hekk, evidenza xjentifika ġdida tissuġġerixxi li l-effetti ta’ ħsara għas-saħħa jistgħu jseħħu f’livelli aktar baxxi minn dawk li d-Direttiva indirizzat s’issa, li l-Kummissjoni trid tikkunsidra skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni se tidħol fi djalogu mal-partijiet ikkonċernati biex tivvaluta kif dawn il-kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati mingħajr ma titnaqqas bla bżonn il-flessibbiltà tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-livelli ta’ ambizzjoni tagħhom stess jew l-għażla tagħhom tal-approċċi.

(5) L-esponiment għal storbju eċċessiv jista’ jiġi indirizzat ukoll permezz tal-politika tal-ippjanar urban, kif issuġġerit fis-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali. Filwaqt li l-kompetenza f'dan il-qasam hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tistimula u tinkoraġġixxi attivitajiet li jnaqqsu l-istorbju eċċessiv fiż-żoni urbani, pereżempju billi tiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajbin, kif ukoll billi tappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni f’dan il-qasam.

(6) L-evalwazzjoni turi li l-miżuri li jindirizzaw l-istorbju direttament għandhom kost inizjali għoli u perjodi twal biex jiġi rkuprat l-investiment finanzjarju. Madankollu, huma effiċjenti ħafna meta l-kostijiet tagħhom jitqabblu mal-benefiċċju soċjetali. L-Istati Membri huma b’hekk imħeġġa jimplimentaw miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju fil-kuntest tal-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom skont id-Direttiva, u li jużaw ingranaġġ minn investimenti privati wkoll fejn possibbli.

(7) F’ċerti każijiet, l-Istati Membri jistgħu jużaw kofinanzjament immirat mill-UE bħal, per eżempju, mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju fejn dawn ikunu parti minn sforz globali biex jittejjeb l-ambjent urban jew biex jiġu żviluppati u mtejba sistemi tat-trasport li jkunu ekoloġiċi (inkluż livell baxx ta’ storbju). L-appoġġ huwa disponibbli wkoll mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

(8) L-implikazzjonijiet fit-tul għas-saħħa tal-bniedem tal-istorbju eċċessiv mit-trasport mhumiex mifhuma biżżejjed, u dan iwassal biex il-miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju ma jingħatawx prijorità u, fejn neċessarju, baġit. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom joħolqu sensibilizzazzjoni dwar impatti negattivi bħal dawn maċ-ċittadini u mal-fassala tal-politika lokali u reġjonali.

(1)

ĠU L 189, 18.7.2002

(2)

COM(2011) 321 final

(3)

Ir-rapporti kollha huma disponibbli fuq http://ec.europa.eu/environment/noise/evaluation_en.htm

(4)

Eurostat "Urban Europe: Statistics on Cities, Towns and Suburbs", 2016, p.135; disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/File:Proportion_of_people_who_are_satisfied with the level_of_noise_in_their_city,_2015_(%C2%B9)_(%25)_Cities16.png  

(5)

li jitlob għal tnaqqis sinifikanti fit-tniġġis akustiku u li jiġi assigurat li sal-2020, it-tniġġis akustiku fl-UE ikun naqas b’mod sinifikanti, u jersaq aktar qrib lejn il-livelli rakkomandati mill-WHO.

(6)

 Il-mili tal-lakuni twettaq skont il-metodoloġija ppubblikata fuq "Noise in Europe 2014”, disponibbli fuq http://www.eea.europa.eu/publications/noise-in-europe-2014

(7)

Id-Direttiva tirrikjedi mmappjar tal-istorbju separat għal ġewwa u barra mill-agglomerazzjonijiet

(8)

Ikkalkolati bl-istess metodoloġija/relazzjonijiet bejn l-esponiment u r-rispons kif użati għar-rapport: Noise in Europe 2014, disponibbli fuq: http://www.eea.europa.eu/publications/noise-in-europe-2014

(9)

Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2015/996 tad-19 ta’ Mejju 2015 li tistabbilixxi metodi komuni ta' valutazzjoni tal-istorbju skont id-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 168, 1.7.2015

(10)

Sa Ġunju 2015

(11)

22 pajjiż minn 28

(12)

19-il pajjiż minn 26 - 2 pajjiżi ma kellhomx linji ferrovjarji ewlenin fl-2010

(13)

Sa Novembru 2015

(14)

Moviment huwa definit fl-Artikolu 3(p) tad-Direttiva bħala tlugħ jew inżul

(15)

COM(2013) 685 final

(16)

http://ec.europa.eu/priorities/democratic-change/better-regulation_en

(17)

http://ec.europa.eu/info/law/law-making-process/better-regulation-why-and-how_mt

(18)

Kif espress fil-Verżjoni Konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (ĠU C 326, 26.10.2012), il-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea "Politika Futura dwar l-Istorbju" (COM(96)540 final) u l-Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 (ĠU L 354, 28.12.2013)

(19)

COM(2011) 321 final

(20)

ĠU L 158/131, 27.5.2014, p. 131

(21)

ĠU L 60/52, 2.3.2013, p. 52

(22)

ĠU L 356/421, 12.12.2014, p. 421

(23)

ĠU L 173/65, 12.6.2014, p. 65

(24)

SWD(2015) 300 final

(25)

ĠU L 162/1, 3.7.2000, p.1

(26)

ĠU L 157/24, 9.6.2006, p. 24

(27)

COM(2017) 63 final

(28)

 Traffic Noise Reduction in Europe (2007), disponibbli fuq: http://www.cedelft.eu/publicatie/traffic_noise_reduction_in_europe/821