Brussell, 3.2.2017

COM(2017) 63 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-UE: L-isfidi ewlenin u kif se ngħaqqdu l-isforzi biex nagħtu riżultati aħjar

{SWD(2017) 33 - 60 final}


1.Il-ħtieġa li nwettqu

Aktar minn 75% taċ-ċittadini Ewropej jidhrilhom li l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE hi bżonjuża biex jitħares l-ambjent f’pajjiżhom, u kważi 80% jaqblu li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom ikunu jistgħu jivverifikaw li l-leġiżlazzjoni ambjentali qed tiġi applikata kif suppost f’pajjiżhom 1 .

Il-politika u l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE joħolqu ġid li ħadd ma jista’ jiċħad: iħarsu, jippriżervaw u jtejbu l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet ta’ żmienna u tal-ġejjieni, u jippriżervaw il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-UE. Jekk l-implimentazzjoni tkun batuta, din iġġib spejjeż soċjetali, ekonomiċi u ambjentali kbar u lin-negozji toħolqilhom kundizzjonijiet li ma jkunux ekwi. L-importanza li l-acquis ambjentali tal-UE jiġi implimentat sew hija riflessa wkoll fis-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali 2 .

Dawn huma ftit eżempji ta’ x’jista’ jinkiseb jekk jiġu implimentati bis-sħiħ ir-rekwiżiti ambjentali tal-UE:

-    konformità sħiħa mal-politika tal-UE dwar l-iskart sal-2020 tista’ toħloq 400,000 impjieg addizzjonali u fatturat annwali addizzjonali ta’ EUR 42 biljun fl-industriji tal-immaniġġar u r-riċiklaġġ tal-iskart 3 ;

-    jekk il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-ilma kellha tiġi implimentata bis-sħiħ, u l-korpi tal-ilma kollha jiksbu klassifikazzjoni ta’ status “tajjeb”, il-benefiċċji annwali kkombinati jistgħu jilħqu tal-anqas iż-EUR 2,8 biljun 4 ;

-    il-gwadann tan-netwerk Natura 2000 huma stmati EUR 200-300 biljun fis-sena madwar l-UE u l-implimentazzjoni sħiħa ta’ Natura 2000 tista’ toħloq 174,000 impjieg iżjed 5 .

F’Mejju tal-2016, il-Kummissjoni nediet ir-Reviżjoni tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR), ċiklu ta’ analiżi u djalogu mifrux fuq sentejn biex ittejjeb l-implimentazzjoni tal-politika u tal-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti tal-UE 6 . L-EIR tikkumplimenta l-isforzi tal-implimentazzjoni li għaddejjin fosthom biex ikunu żgurati l-konformità u l-proċeduri ta’ ksur. Din toffri qafas koerenti biex jingħelbu l-isfidi komuni fl-implimentazzjoni u se tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli.

Ma’ din il-Komunikazzjoni hemm mehmużin Anness u 28 rapport mill-pajjiżi tal-EIR. Dawn jiddeskrivu l-isfidi u l-opportunitajiet ewlenin fl-implimentazzjoni ambjentali għal kull Stat Membru 7 , imsejsin fuq id-distakk bejn l-obbligi ġuridiċi u l-ftehimiet ta’ politika tal-UE, u r-realtà fil-prattika. L-informazzjoni fattwali inkluża fir-rapporti ġiet ivverifikata mal-Istati Membri.

Din il-Komunikazzjoni tidentifika wkoll l-isfidi komuni għal diversi Stati Membri u tipprovdi s-sejbiet preliminari dwar il-kawżi ewlenin li jaf qed joħolqu d-diskrepanzi fl-implimentazzjoni. Jekk dawn l-isfidi jingħelbu, dan jgħin biex jitneħħa x-xkiel għall-implimentazzjoni, jagħmel enfasi fuq l-investimenti, inaqqas il-proċeduri legali kontra l-Istati Membri, joħloq impjiegi ekoloġiċi u fuq kollox jikkontribwixxi għal kwalità tal-ħajja aħjar.

Biex l-isfidi strutturali jiġu indirizzati hemm bżonn approċċ ħolistiku bejn is-setturi, lil hinn mill-komunità tal-politika ambjentali, permezz ta’ koperazzjoni teknika iżda anki permezz ta’ parteċipazzjoni politika. L-EIR toffri opportunità ġdida biex tinġibed l-attenzjoni għad-diskrepanzi li fadal fl-implimentazzjoni ambjentali fost l-atturi nazzjonali u lokali ewlenin kollha kif ukoll fost il-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

2.L-istat tal-implimentazzjoni: sfidi komuni, opportunitajiet komuni u punti ta’ eċċellenza

Ir-rapporti tal-pajjiżi 8 juru li l-isfidi ewlenin u l-aktar diskrepanzi urġenti fl-implimentazzjoni bejn l-Istati Membri jinsabu fl-oqsma tal-politika li għandhom x’jaqsmu mal-immaniġġar tal-iskart, in-natura u l-bijodiversità, il-kwalità tal-arja, l-istorbju u l-kwalità, u l-ġestjoni tal-ilma.

L-Ekonomija Ċirkolari u l-immaniġġar tal-iskart

L-immaniġġar tal-iskart ma jistax jiġi kkunsidrat b’mod iżolat mit-tranżizzjoni lejn l-Ekonomija Ċirkolari, li mhix biss għan ambjentali iżda tolqot ukoll kif nipproduċu, naħdmu, nixtru u ngħixu. Il-Kummissjoni qed timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tal-2015 dwar l-Ekonomija Ċirkolari 9 u saħqet biex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw malajr il-proposti għal reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart. L-Istati Membri kollha bdew il-ħidma f’dan il-qasam iżda diversi jinsabu fuq quddiem nett u adottaw pjanijiet nazzjonali jew reġjonali dwar l-ekonomija ċirkolari (eż. in-Netherlands, il-Belġju) jew integrawhom f’politiki oħrajn (eż. il-Ġermanja, Franza). Madwar 20 Stat Membru adottaw skemi biex il-prodotti u s-servizzi mixtrija (bl-akkwist pubbliku) isiru aktar sostenibbli. Dawn il-miżuri huma fundamentali biex verament “jingħalaq iċ-ċirku”, u jmorru lil hinn mill-immaniġġar tal-iskart biex ikopru ċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta’ prodott.

Skont il-“ġerarkija tal-iskart” tal-UE, il-prijorità hija l-prevenzjoni, (it-tħejjija għal)l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, l-irkupru, u r-rimi bħala l-anqas alternattiva preferuta (li jinkludi r-rimi fil-miżbliet u l-inċinerazzjoni mingħajr irkupru enerġetiku). L-aktar indikaturi rilevanti biex issir valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti tal-UE dwar l-iskart huma l-miri obbligatorji dwar ir-rimi fil-miżbliet u r-riċiklaġġ, kif ukoll l-eżistenza ta’ pjanijiet aġġornati għall-prevenzjoni u għall-immaniġġar tal-iskart.

Din l-ewwel edizzjoni tar-rapporti tal-pajjiżi tal-EIR tiffoka fuq l-immaniġġar tal-iskart muniċipali li għalih il-leġiżlazzjoni tal-UE stabbiliet miri dwar ir-riċiklaġġ għall-2020. L-immaniġġar tal-iskart muniċipali hu kruċjali għas-saħħa u għall-benesseri tagħna, iżda ħoloq il-problemi f’ħafna Stati Membri.

Is-sejbiet tal-politika:

Il-prevenzjoni tal-iskart tibqa’ sfida importanti fl-Istati Membri kollha, inkluż dawk b’rati għoljin ta’ riċiklaġġ. Tmien Stati Membri jipproduċu tal-anqas id-doppju tal-iskart muniċipali għal kull abitant meta mqabblin mal-Istat Membru bl-anqas ġenerazzjoni tal-iskart. Id-diżakkoppjar tal-produzzjoni tal-iskart mit-tkabbir ekonomiku hu għan pertinenti fil-kuntest usa’ tal-aġenda tal-ekonomija ċirkolari.

Skont l-aktar dejta riċenti tal-ESTAT, sitt Stati Membri diġà laħqu l-mira tar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali ta’ 50%, filwaqt li disa’ pajjiżi jridu jżidu l-isforzi tagħhom b’mod sinifikanti biex jilħqu din il-mira sal-2020. Il-Kummissjoni qed tippjana segwitu tal-istatus tal-konformità mal-miri tal-2020 permezz ta’ rapport ta’ “twissija bikrija” fl-2018. Sitt Stati Membri ma rnexxilhomx jillimitaw ir-rimi tal-iskart muniċipali bijodegradabbli fil-miżbliet (50% sal-2009).

Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart teżiġi li għandhom jitfasslu pjanijiet nazzjonali għall-immaniġġar tal-iskart u programmi tal-prevenzjoni tal-iskart. Barra minn hekk, dan hu prekundizzjoni għall-finanzjament tal-UE fl-2014-2020. Ħafna mill-Istati Membri għandhom programmi tal-prevenzjoni tal-iskart fis-seħħ iżda żewġ Stati Membri għad m’għandhomx. Stat Membru wieħed m’għandux pjan nazzjonali għall-immaniġġar tal-iskart fis-seħħ u ħames Stati Membri mill-anqas għandhom xi pjanijiet reġjonali neqsin.

Madwar nofs l-Istati Membri jridu jsaħħu l-effikaċja fil-ġbir tal-iskart separat, li huwa prerekwiżit għat-titjib tar-riċiklaġġ kemm fir-rigward tal-kwantità kif ukoll tal-kwalità. Kwistjoni oħra hija l-ipprezzar mhux adegwat għat-trattament tal-iskart residwu (it-trattament mekkaniku u bijoloġiku, ir-rimi fil-miżbliet u l-inċinerazzjoni) għax dan ma jipprovdix biżżejjed inċentivi biex l-iskart jersaq lejn il-livelli ogħla fil-ġerarkija tal-iskart. Barra minn hekk, hemm in-nuqqas ta’ użu biżżejjed ta’ strumenti oħra bbażati fuq is-suq, bħar-responsabbiltà estiża tal-produttur jew l-hekk imsejħa “pay-as-you-throw” (ħallas meta tarmi). Jekk ir-regoli tal-akkwist pubbliku jintużaw aħjar, dan jaf joħloq soluzzjonijiet aktar kosteffiċjenti.

F’ħames Stati Membri, in-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-livelli amministrattivi differenti u l-governanza frammentata tal-kwistjonijiet ambjentali ġew identifikati li qed jikkawżaw nuqqas ta’ implimentazzjoni biżżejjed. Iżda jeżistu kwistjonijiet oħra ta’ governanza (in-nuqqas ta’ infurzar legali, in-nuqqas ta’ kapaċità biex jiġu ġestiti l-proġetti l-kbar tal-investiment, dejta mhux affidabbli, jew nuqqas ta’ kontroll u monitoraġġ biżżejjed) u jidher li dawn qed jikkontribwixxu għad-diskrepanza fl-implimentazzjoni tal-iskart.

Prattiki li rnexxew:

Is-Slovenja tagħti eżempju tajjeb ta’ kif jitjieb l-immaniġġar tal-iskart fi żmien relattivament qasir. Ljubljana ġiet klassifikata bħala l-aħjar belt kapitali tal-UE fejn tidħol il-kopertura u l-effikaċja tal-ġbir separat. Fi żmien għaxar snin, bl-appoġġ tal-fondi tal-UE, il-belt kapitali Slovena naqqset l-ammont ta’ skart muniċipali mibgħut fil-miżbliet b’59% u naqqset il-ġenerazzjoni tal-iskart muniċipali bi 15% 10 .

L-Irlanda tagħti eżempju utli bir-riforma kbira li għamlet fis-settur tal-iskart meta għalqet il-miżbliet illegali u ffinanzjat xogħlijiet estensivi ta’ tindif u rimedju. Ir-riformi saru b’koperazzjoni msaħħa mal-Kummissjoni u ħolqu sistema li tiżgura livell għoli ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart.

In-natura u l-bijodiversità

Il-bijodiversità hija l-varjetà straordinarja ta’ ekosistemi, ta’ ħabitats u ta’ speċijiet li jinsabu madwarna. Din tagħtina l-ikel, l-ilma ħelu u arja nadifa, kenn u mediċina, ittaffi d-diżastri naturali, il-pesti u l-mard u tikkontribwixxi biex tirregola l-klima. Għalhekk il-bijodiversità hija l-kapital naturali tagħna, jiġifieri hija sors ta’ servizzi tal-ekosistema li jsaħħu l-ekonomija tagħna. L-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità 11 tara li jieqaf it-telfien tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema u tirrestawrahom kemm tista’ sal-2020.

Id-Direttivi dwar il-Ħabitats u dwar l-Għasafar jeżiġu li l-Istati Membri jiddeżinjaw siti bħala parti min-netwerk Natura 2000, biex jipproteġu ħabitats u speċijiet ta’ interess Komunitarju. Dan in-netwerk huwa għodda essenzjali biex jintlaħaq l-għan ta’ “status ta’ konservazzjoni favorevoli”. Wara Kontroll tal-Idoneità profond 12 , f’Diċembru tal-2016 il-Kummissjoni kkonkludiet li d-Direttivi huma tajbin għal dan il-għan, iżda li l-għanijiet jistgħu jintlaħqu għalkollox biss jekk isir titjib sostanzjali fl-implimentazzjoni tagħhom. Din il-konklużjoni jixhduha wkoll is-sejbiet tal-politika miġbura hawn taħt.

Għall-ekosistemi fuq l-art, l-aktar pressjonijiet u theddidiet irrappurtati sikwit għall-bijodiversità hemm il-prattiki agrikoli li mhumiex sostenibbli, il-bidliet fil-kundizzjonijiet naturali, u t-tniġġis. Għall-bijodiversità fil-baħar, dawn il-pressjonijiet huma s-sajd u l-ħsad mhux sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi, il-bidliet fil-kundizzjonijiet naturali, it-tibdil fil-klima u l-aċidifikazzjoni tal-oċeani, it-tniġġis tas-sustanzi kimiċi, tal-plastik u tal-istorbju.

Is-sejbiet tal-politika:

Il-valutazzjoni tat-28 rapport tal-pajjiżi tal-EIR tirrifletti s-sejbiet tar-rapport tal-2015 dwar l-Istat tan-Natura mħejji mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent 13 , jiġifieri l-istatus ġenerali tal-ispeċijiet u tal-ħabitats protetti ma tjiebx b’mod sinifikanti tul l-aħħar sitt snin. Madwar l-UE, aktar minn tliet kwarti tal-valutazzjonijiet tal-ħabitats jindikaw status ta’ konservazzjoni mhux favorevoli u parti sinifikanti qed tkompli tiddeterjora. Fejn jidħlu l-ispeċijiet li mhumiex għasafar, 60% tal-valutazzjonijiet fil-livell tal-UE juru status mhux favorevoli. Minn fost l-ispeċijiet kollha tal-għasafar selvaġġi, 15% huma meqjusin kważi mhedda, qed jonqsu jew sparixxew u 17% oħra jitqiesu mhedda.

Filwaqt li sar progress f’ħafna oqsma u hemm bosta suċċessi lokali, hemm diskrepanzi ġmielhom fl-implimentazzjoni, fil-finanzjament u fl-integrazzjoni tal-politiki. Bir-rata attwali tal-isforzi, fl-UE se tkompli tintilef il-bijodiversità, b’konsegwenzi potenzjalment serji għall-kapaċità tal-ekosistemi naturali li jipprovdu għall-bżonnijiet tal-bniedem fil-ġejjieni.

Seba’ Stati Membri biss 14 irnexxielhom (kważi) jlestu d-deżinjazzjoni tas-“Siti ta’ Interess Komunitarju” skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats. 17-il Stat Membru ddeżinjaw ħafna mis-siti fuq l-art iżda għad hemm xi nuqqasijiet fil-komponent marin tan-netwerk tagħhom. L-erba’ Stati Membri l-oħra għandhom xi nuqqasijiet kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar.

Kwistjonijiet sistemiċi li jikkaġunaw implimentazzjoni batuta tad-Direttivi dwar in-Natura huma n-nuqqas ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni għas-siti ta’ Natura 2000 jew il-ġestjoni tagħhom. Ir-rapporti tal-pajjiżi jipprovdu evidenza ta’ tliet Stati Membri li qed jitħabtu biex japplikaw il-proċeduri ta’ valutazzjoni xierqa biex jistabbilixxu l-effett tal-proġetti l-ġodda fuq is-siti ta’ Natura 2000.

Barra minn hekk, wieħed mill-ostakli ewlenin għall-implimentazzjoni effettiva f’madwar terz tal-Istati Membri hu n-nuqqas ta’ għarfien dwar l-ispeċijiet, il-ħabitats u s-siti, u dan jgħodd ukoll fejn jidħlu l-ekosistemi marini.

Kwistjonijiet oħrajn huma n-nuqqas ta’ finanzjament adegwat, in-nuqqas ta’ riżorsi umani, u l-involviment u l-parteċipazzjoni batuti tal-komunitajiet u tal-partijiet konċernati lokali bħas-sidien tal-artijiet u dawk li jużaw l-artijiet.

Prattiki li rnexxew

Franza żviluppat approċċ parteċipatorju effettiv għall-ġestjoni tan-netwerk ta’ Natura 2000 tagħha, li ħoloq ukoll diversi mijiet ta’ impjiegi. Il-Mogħdijiet Ekoloġiċi u Marini Franċiżi (TGB) 15 jipprovdu għodda ta’ ppjanar li tintuża mil-livelli reġjonali u lokali biex jistabbilixxu netwerks ekoloġiċi koerenti.

Bis-saħħa ta’ firxa estensiva ta’ miżuri għar-restawr tas-siti ta’ Natura 2000 li ttieħdu mill-2003 ’l hawn fil-kuntest ta’ sitt proġetti LIFE ikkoordinati li jkopru diversi eluf ta’ ettari ta’ pantani u artijiet mistagħdra fl-Ardenni Belġjani 16 , l-awtoritajiet Belġjani, irnexxielhom jirrapportaw xejriet pożittivi sinifikanti fl-2013 fejn jidħol l-istatus ta’ konservazzjoni ta’ tużżana tipi differenti ta’ ħabitats u speċijiet assoċjati li huma protetti bid-Direttiva tal-UE dwar il-Ħabitats 17 .

L-Estonja pprovdiet wieħed mill-aktar oqfsa ta’ ppjanar integrati u kompluti għall-finanzjament tas-siti ta’ Natura 2000 minn fondi differenti tal-UE. L-Estonja ppreżentat qafas ta’ azzjoni komprensiv dwar il-prijoritiajiet 18 , inkluż il-prijoritajiet ta’ konservazzjoni, il-miżuri meħtieġa biex jitjieb l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats u tal-ispeċijiet protetti, u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament relatati, flimkien ma’ analiżi dettaljata tal-opportunitajiet ta’ finanzjament.

In-Netherlands huwa minn ta’ quddiem nett fil-qasam tal-kontabbiltà tal-kapital naturali. Dan iffinalizza programm kbir ta’ kapital naturali 19 li pprovda evidenza dwar kif il-kunċetti tal-kapital naturali u tas-servizzi tal-ekosistema jistgħu jiġu integrati fit-teħid tad-deċiżjonijiet f’oqsma differenti, bħall-agrikultura, id-difiża kontra l-għargħar u l-kummerċ internazzjonali. In-Netherlands ittestja wkoll kontijiet tal-ekosistema fil-livell lokali. NGOs, kumpaniji u organizzazzjonijiet governattivi qablu li jikkollaboraw fuq il-valwazzjoni tal-kapital naturali u soċjali.

Il-kwalità tal-arja u l-istorbju

L-UE adottat u aġġornat b’mod regolari korp ta’ leġiżlazzjoni 20 dwar il-kwalità tal-arja ambjentali mmirat biex iħares l-ambjent kif ukoll is-saħħa tal-bniedem, billi jistabbilixxi standards u għanijiet vinkolanti għal għadd ta’ sustanzi niġġiesa fl-arja 21 . Bis-saħħa ta’ dan, il-pubbliku jikseb informazzjoni aġġornata dwar il-kwalità tal-arja ambjentali b’mod regolari, u l-livelli eċċessivi ta’ tniġġis tal-arja qed jiġu indirizzati bi pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja li jistabbilixxu l-miżuri prattiċi. Barra minn hekk, id-Direttiva dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet tipprovdi għal tnaqqis fl-emissjonijiet fil-livelli nazzjonali biex iċ-ċittadini ma jbatux minn kwalità tal-arja ħażina kkawżata mill-emissjonijiet tal-Istati Membri ġirien.

Billi t-tniġġis tal-arja jaffettwa ħażin lis-saħħa tal-bniedem (stimi tal-impatti tas-saħħa attribwibbli għall-esponiment għat-tniġġis tal-arja jindikaw li fl-UE-28, il-konċentrazzjonijiet ta’ NO2, ta’ O3 u ta’ PM2.5 kienu responsabbli għal 68,000, għal 16,000 u għal 436,000 mewta prematura rispettivament fl-2013) 22 , il-Kummissjoni għadha mħassba dwar il-pass ġenerali fil-progress biex jinkisbu l-valuri limitu stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-UE fl-Istati Membri.

Is-sejbiet tal-politika:

Il-kwalità tal-arja fl-UE tjiebet tul l-aħħar ftit deċenji fir-rigward ta’ diversi sustanzi niġġiesa, iżda għad hemm xi jsir fir-rigward tal-PM10 u tal-NO2. Ħames Stati Membri ma qabżux il-valur limitu u jirrappurtaw li l-kwalità tal-arja ġeneralment tkun tajba ħlief f’xi eċċezzjonijiet. Iżda ttieħdu passi legali kontra 16-il Stat Membru talli qabżu l-valuri limitu tal-PM10, u kontra 12-il Stat Membru talli qabżu l-limiti tal-NO2 kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ miżuri effettivi meħudin fil-livell nazzjonali.

It-tniġġis mill-PM10 jistgħu jikkawżawh firxa wiesgħa ta’ sorsi (eż. it-tisħin domestiku, l-emissjoni industrijali, l-agrikultura, it-traffiku). Sabiex jonqsu l-emissjonijiet tal-PM mit-tisħin domestiku, fi 18-il Stat Membru jridu jiġu implimentati miżuri li jindirizzaw il-ħruq tal-fjuwil solidu. Din il-prattika diġà ġiet ipprojbita f’xi bliet li jbatu minn livelli għoljin ta’ tniġġis tal-arja. Is-sorsi industrijali għandhom jiġu indirizzati minn permessi li jistgħu jmorru lil hinn mill-aqwa tekniki disponibbli. Barra minn hekk, il-ħruq tal-iskart agrikolu għadu jwassal għal tniġġis mill-materja partikolata f’ċerti żoni, u jrid jiġi indirizzat.

Il-miżuri biex tinkiseb konformità fl-NO2 iridu jkunu mmirati b’mod partikolari lejn vetturi diżil eż. billi jiġu introdotti żoni ta’ emissjonijiet baxxi dejjem aktar stretti fiż-żoni interni tal-bliet jew billi jixxejjen ftit ftit it-trattament preferenzjali tat-taxxa. B’mod ġenerali, id-domandi tat-trasport għandhom jiġu indirizzati bl-implimentazzjoni ta’ pjanijiet strateġiċi tal-mobbiltà urbana.

L-istorbju eċċessiv hu t-tieni l-agħar kawża ambjentali ta’ mard wara hemm biss it-tniġġis tal-arja mill-materja partikolata ultrafina 23 . L-acquis tal-UE jistabbilixxi diversi rekwiżiti, inkluż il-valutazzjoni tal-esponiment għall-istorbju bl-immappjar u t-tfassil ta’ pjanijiet ta’ azzjoni li jindirizzaw il-kawżi tal-istorbju. Għaċ-ċiklu attwali tar-rappurtar li jiġbor ħames snin, aktar minn 30% tal-mapep tal-istorbju meħtieġa u madwar 60% tal-pjanijiet ta’ azzjoni huma neqsin.

Prattiki li rnexxew:

Ħafna bliet Ewropej introduċew żoni b’emissjonijiet baxxi li jillimitaw iċ-ċirkulazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ vetturi skont il-potenzjal tal-emissjonijiet rispettiv tagħhom. F’ħafna każijiet dawn jidher li jirnexxu 24 : pereżempju “l-Pjan tal-Kwalità tal-Arja għal Berlin 2011-2017” jistma li l-emissjonijiet tat-trasport naqsu b’mod sinifikanti għax fl-2008 ġiet implimentata żona b’emissjonijiet baxxi, u minħabba f’hekk fl-2010 ġew evitati għaxart ijiem li fihom jinqabeż il-valur limitu ta’ kuljum tal-PM10. L-istimi indikaw ukoll li t-tniġġis tal-NO2 għal dik is-sena naqas b’madwar 5% u t-tniġġis mill-partiċelli tal-ġmied relatat mat-traffiku fit-toroq naqas b’aktar min-nofs 25 .

Il-kwalità u l-ġestjoni tal-ilma

L-għan ewlieni tal-politika u tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma 26 huwa li jiżguraw ilma ta’ kwalità tajba bi kwantità biżżejjed għall-pubbliku, għall-attivitajiet ekonomiċi u għan-natura billi jiġu indirizzati s-sorsi tat-tniġġis (pereżempju mill-agrikultura, iż-żoni urbani u l-attivitajiet industrijali), il-bidliet fiżiċi u idroloġiċi fil-korpi tal-ilma u l-immaniġġar tar-riskji tal-għargħar.

L-acquis jeżiġi li l-Istati Membri jadottaw Pjanijiet tal-Immaniġġar tal-Baċin tax-Xmara (RBMPs) bħala mezz essenzjali biex jiksbu b’mod koerenti l-protezzjoni, it-titjib u l-użu sostenibbli tal-ambjent tal-ilma madwar l-UE. Fost l-obbligi aktar speċifiċi hemm: il-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi qabel ma jiġi skarikat; l-adozzjoni ta’ pjanijiet għall-protezzjoni tal-kwalità tal-ilma billi n-nitrati mis-sorsi agrikoli ma jitħallewx iniġġsu l-ilmijiet ta’ taħt l-art u tal-wiċċ; l-adozzjoni ta’ Pjanijiet ta’ Ġestjoni tar-Riskji tal-Għargħar; l-adozzjoni ta’ strateġiji marini biex jinkiseb status ambjentali tajjeb tal-ilmijiet tal-baħar sal-2020.

L-aktar pressjonijiet komuni fuq il-kwalità tal-ilma huma t-tniġġis bl-attivitajiet agrikoli u mill-industrija, u warajh hemm it-tmexxija ħażina tal-flussi u l-alterazzjonijiet morfoloġiċi, il-ġestjoni batuta tax-xmajjar u l-astrazzjoni illegali jew eċċessiva tal-ilma.

Is-sejbiet tal-politika:

F’terz tal-Istati Membri, aktar minn 50% tal-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ naturali għandhom status ekoloġiku għoli jew tajjeb. Iżda f’ħames Stati Membri anqas minn 20% tal-korpi tal-ilma għandhom status ekoloġiku tajjeb. Fejn jidħlu l-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art, dawn għandhom status kwantitattiv tajjeb fi 13-il Stat Membru. F’għaxar Stati Membri, 70-90% tal-korpi kollha tal-ilma ta’ taħt l-art għandhom status kwantitattiv tajjeb u f’ħames pajjiżi ċ-ċifra hija bejn 20-70%.

Kull RBMP tal-ewwel ġenerazzjoni għandu xi ftit nuqqasijiet jew bosta nuqqasijiet, ħafna minnhom b’rabta mal-monitoraġġ u mal-metodi għall-valutazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-istatus tal-korpi tal-ilma. Kull Stat Membru jistrieħ fuq l-eżenzjonijiet li jippermettu li jiġu estiżi l-iskadenzi. Ħafna Stati Membri jawtorizzaw proġetti ġodda li huma ta’ detriment biex dawn il-korpi tal-ilma jiksbu status tajjeb, filwaqt li mhux dejjem jagħtu ġustifikazzjoni tajba. Il-Kummissjoni tat rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri biex jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet u jxejnu d-diskrepanzi li hemm fit-tieni RBMPs. Dawn iddaħħlu fil-pjanijiet ta’ azzjoni biex jiġu ssodisfati il-prekundizzjonijiet għall-għoti tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) għal investimenti fl-infrastruttura tal-ilma.

Ħames Stati Membri għadhom ma adottaw l-ebda wieħed mill-RBMPs tat-tieni ġenerazzjoni tagħhom, li kellhom isiru sal-2015, u tliet Stati Membri għadhomx ma lestewx l-adozzjoni 27 .

Fost il-kawżi li wasslu għal dan hemm in-nuqqas ta’ effettività fil-miżuri tal-kontroll, in-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-ilma f’livelli reġjonali jew lokali differenti, in-nuqqas ta’ koperazzjoni bejn il-korpi tal-governanza tal-ilma u tan-natura, iżda anki mal-awtoritajiet kompetenti għal setturi oħrajn, u n-nuqqas ta’ aċċess għad-dejta. Sfida komuni oħra fis-settur tal-ilma tikkonċerna n-nuqqas ta’ adegwatezza tal-prassi għall-ipprezzar tal-ilma.

Għad li l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati wasslet għal xi titjib, il-konċentrazzjonijiet tan-nitrati u l-livelli tal-ewtrofikazzjoni għadhom problema serja fi kważi l-Istati Membri kollha. L-ewtrofikazzjoni tal-Baħar Baltiku, l-aktar minħabba prattiki agrikoli intensivi, hija partikolarment problematika.

Fuq il-kwalità tal-ilma tajjeb għax-xorb, kważi l-Istati Membri kollha għandhom rati għoljin ħafna ta’ konformità. Fi tliet Stati Membri biss hemm problemi lokali fil-kwalità u ċerti żoni huma neqsin minn infrastruttura xierqa.

Dwar l-ilmijiet għall-għawm, minn fost is-siti kollha, 96% jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi tal-kwalità stabbiliti fid-Direttiva tal-UE dwar l-Ilma għall-Għawm (“jiġifieri għandhom kwalità biżżejjed”). Ħafna Stati Membri jilħqu standards ta’ kwalità ogħla: fi tmienja minnhom, aktar minn 90% tal-ilmijiet tal-għawm kellhom kwalità eċċellenti fl-2015. Fi 11-il Stat Membru, is-sehem tas-siti tal-għawm bi kwalità eċċellenti hu ogħla mill-medja tal-UE ta’ 84.4%.

Sitt pajjiżi għandhom rati ta’ konformità eċċellenti fejn jidħlu l-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi urban, iżda ħafna mill-Istati Membri jbatu biex jiksbu implimentazzjoni sħiħa u s’issa ttieħdet azzjoni legali tal-UE kontra 13. Biex tixxejjen id-diskrepanza fl-implimentazzjoni billi tinbena l-infrastruttura meħtieġa, hemm bżonn strutturi ta’ governanza tajba, ippjanar adegwat, u koordinazzjoni biex jinkiseb il-finanzjament (tqiegħdu għad-dispożizzjoni fondi sostanzjali tal-UE).

Minkejja l-iskadenza tal-2015, sa tmiem Novembru tal-2016, 18-il Stat Membru biss irrapportaw informazzjoni dwar il-Pjanijiet tagħhom ta’ Ġestjoni tar-Riskji tal-Għargħar.

Kull Stat Membru bl-ilmijiet tal-baħar għad għandu diskrepanzi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, qabelxejn bid-definizzjoni ta’ x’inhu status ambjentali tajjeb. Ħafna mill-programmi tal-monitoraġġ tal-Istati Membri mhumiex se jkunu operazzjonali għalkollox qabel l-2018 jew anki sal-2020, u dan se jwassal għal diskrepanzi fl-informazzjoni fil-valutazzjoni li jmiss tal-ilmijiet tal-baħar tagħhom, li se ssir fl-2018. Sa Marzu tal-2016, l-Istati Membri kellhom jadottaw programmi ta’ miżuri li jipprovdu l-azzjonijiet ewlenin biex l-ilmijiet tal-baħar tagħhom jagħtuhom status ambjentali tajjeb. Iżda għaxar Stati Membri għadhom ma għamlux dan.

Prattiki li rnexxew:

Prattiki tajbin jistgħu jinstabu fost l-oħrajn f’Ċipru b’rabta mal-ispezzjoni tal-ilma fi ħdan il-programm tal-infurzar fuq l-astrazzjonijiet agrikoli bl-użu ta’ fotografija satellitari u spezzjonijiet fuq il-post 28 . Dan huwa osservat bħala mudell għal ħidma ta’ infurzar futura possibbli.

Il-Finlandja qed timplimenta proġett ta’ dimostrazzjoni integrat tal-LIFE fuq skala kbira (FRESHABIT) 29 , li jinvolvi lil setturi differenti, biex tiżviluppa metodoloġija u indikaturi ġodda għall-valutazzjoni tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats tal-ilma ħelu u biex ittejjeb l-istatus ekoloġiku, il-ġestjoni u l-użu sostenibbli tas-siti tal-ilma ħelu ta’ Natura 2000. Il-proġett se jsaħħaħ il-bini tal-kapaċità fost l-oħrajn billi jwaqqaf strutturi ta’ koordinazzjoni u jiżviluppa wkoll oqfsa mudell ġodda biex jiffaċilita r-riżultati dejjiema.

Għodod abilitanti

Strumenti u investimenti bbażati fuq is-suq

Il-miżuri fiskali, bħat-tassazzjoni ambjentali u l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent joffru mod effettiv u effiċjenti biex jintaħqu l-għanijiet tal-politika ambjentali. Filwaqt li jitħalla f’idejn kull Stat Membru biex jistabbilixxi s-sistema tat-tassazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni esplorat il-potenzjal tat-tassazzjoni ambjentali għal kull pajjiż fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

L-użu tajjeb tal-fondi tal-UE huwa importanti wkoll biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali u titjieb l-integrazzjoni tar-rekwiżiti ambjentali f’oqsma oħrajn ta’ politika. L-analiżi fir-rapporti tal-pajjiżi se tkompli tappoġġa l-esplorazzjoni ta’ kif għandhom jiddaħħlu fis-seħħ il-kundizzjonijiet it-tajba biex ikun żgurat finanzjament adegwat, u kif għandhom jiġu indirizzati l-esternalitajiet ambjentali bl-użu tal-akkwist pubbliku ekoloġiku u bi strumenti oħrajn tal-UE bbażati fuq is-suq u opportunitajiet tal-investiment.

Is-sejbiet tal-politika:

Ir-rapporti tal-pajjiżi juru li l-persetaġġ tad-dħul mit-taxxa ambjentali mid-dħul kollu jvarja bejn 10.61% u 4.57%, u l-medja tal-UE hija 6.35%. L-Istati Membri jridu jesploraw il-potenzjal sħiħ tat-tassazzjoni ambjentali (inkluż fuq ir-rimi tal-iskart fil-miżbliet, fl-astrazzjoni tal-ilma u fl-effiċjenza tal-fjuwil) biex jinkisbu l-benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali (l-impjiegi).

F’diversi pajjiżi hemm fis-seħħ ċerti sussidji speċifiċi li jagħmlu ħsara lill-ambjent, bħal trattament preferenzjali tat-taxxa għal ċerti fjuwils u benefiċċji fuq it-taxxa għall-karozzi tal-kumpanija użati privatament, u dawn ixekklu milli jonqsu l-konġestjoni tat-traffiku u t-tniġġis tal-arja u għandhom jixxejnu gradwalment.

Fil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, “il-ħarsien tal-ambjent u l-effiċjenza fir-riżorsi” jikkostitwixxi l-qasam bl-akbar allokazzjoni fil-perjodu 2014-20 fi 12-il Stat Membru, iżda l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE disponibbli għall-għanijiet ambjentali għandhom jintużaw mill-Istati Membri mingħajr dewmien.

Prattiki li rnexxew:

Mid-disgħinijiet ’l hawn, diversi Stati Membri waqqfu kumitati tat-taxxa ambjentali li jiftħu dibattiti dwar l-għażliet possibbli għat-trasferiment tat-taxxa. Għalkemm għadu l-ewwel pass, dan hu wieħed essenzjali biex jiġi vvalutat il-potenzjal ta’ dawn ir-riformi fil-kuntest nazzjonali. Eżempju riċenti seħħ fil-Portugall meta l-Parlament adotta xi rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għar-Riforma fit-Taxxa Ambjentali.

Spanja, l-Italja, il-Greċja u l-Portugall waqqfu netwerks ta’ awtoritajiet maniġerjali għall-Politika ta’ Koeżjoni biex jippromwovu l-integrazzjoni ambjentali meta jintuża l-finanzjament tal-UE.

Il-governanza effettiva u l-kapaċità għall-implimentazzjoni tar-regoli

Il-governanza effettiva tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki ambjentali tal-UE teħtieġ qafas istituzzjonali xieraq, koerenza u koordinazzjoni bejn il-politiki, bl-applikazzjoni ta’ strumenti legali u mhux legali, bl-involviment ta’ partijiet konċernati mhux governattivi, billi jintlaħqu livelli adegwati ta’ għarfien u ta’ ħiliet, u fl-aħħar iżda mhux l-anqas, bi pjanijiet strateġiċi.

Il-koerenza bejn l-politiki tinkludi r-ratifikazzjoni ta’ ftehimiet ambjentali internazzjonali li kkonkludiet l-Unjoni biex jiġu indirizzati ċerti sfidi transfruntiera u globali. Diversi Stati Membri rratifikawhom tard, u dan jikkomprometti l-implimentazzjoni ambjentali, is-saħħa tal-Unjoni f’negozjati relatati, u l-kredibilità tagħha meta tirrakkomanda x’azzjonijiet għandhom jieħdu l-pajjiżi terzi.

Li l-atturi ekonomiċi, l-utilitajiet u l-individwi jiżguraw il-konformità mar-regoli ambjentali derivati mill-UE jiddependi mill-effikaċja ta’ firxa ta’ awtoritajiet pubbliċi, inklużi l-ispettorati ambjentali, il-pulizija, id-dwana, is-servizzi tal-prosekuzzjoni u l-korpi tal-awditjar, li ħafna minnhom jaqsmu għarfien u prattiki f’netwerks pan-Ewropej tal-prattikanti 30 . Il-prattika tajba resqet lejn approċċ ibbażat fuq ir-riskji li matulu, l-aqwa taħlita ta’ monitoraġġ, promozzjoni u infurzar tal-konformità tiffoka fuq l-aktar problemi serji ta’ konformità. Politika ulterjuri ta’ Koeżjoni toffri firxa wiesgħa ta’ mezzi biex tissawwar il-kapaċità, fosthom l-għodda PEER 2 PEER għall-iskambju ta’ għarfien espert bejn l-awtoritajiet pubbliċi 31 .

Il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE tagħti firxa ta’ drittijiet sostantivi u proċedurali liċ-ċittadini, u l-qrati nazzjonali għandhom iħaddnuhom abbażi tal-aċċess ambjentali għall-ġustizzja. Il-funzjonament tajjeb tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali huwa kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-liġi tal-UE, inkluż fil-qasam tal-ambjent 32 .

Il-qsim tad-dejta elettronika bejn l-awtoritajiet pubbliċi skont id-Direttiva INSPIRE 33 , tista’ tgħin lill-Istati Membri jirrappurtaw dwar l-ambjent b’mod aktar effiċjenti, u tiffaċilita l-kompiti kumplessi tal-implimentazzjoni bħall-prevenzjoni tal-għargħar, li jiddependu mill-użu tajjeb tal-informazzjoni topografika, idroloġika, meteoroloġika u informazzjoni oħra.

Is-sejbiet tal-politika:

F’diversi Stati Membri jeżistu xi strateġji għall-iżvilupp sostenibbli, inkluż fil-livell reġjonali, għad li f’xi każijiet dawn mhumiex aġġornati. Il-pjanijiet nazzjonali jew reġjonali komprensivi tal-politika ambjentali huma anqas komuni.

Ħafna mill-Istati Membri stabbilew mekkaniżmi għall-koordinazzjoni biex itejbu l-koperazzjoni effettiva bejn il-livelli differenti ta’ governanza. In-nuqqas ta’ infurzar effettiv u l-frammentazzjoni tar-responsabbiltà għall-ambjent fil-livell reġjonali ġew identifikati f’xi Stati Membri, u t-traspożizzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-livell reġjonali għadha ta’ tħassib f’diversi Stati Membri. Il-valutazzjoni tal-impatt regolatorju ssir f’ħafna Stati Membri, filwaqt li xi wħud issimplifikaw il-proċeduri tal-valutazzjoni ambjentali meta aktar minn direttiva waħda tal-UE tkun involuta 34 .

Il-parteċipazzjoni fin-netwerks eżistenti tal-prattikanti għadha inkonsistenti. L-informazzjoni dwar kif l-Istati Membri jiżguraw il-konformità ambjentali mhix sħiħa, speċjalment fejn jidħlu t-tniġġis diffuż tal-ilma, it-tniġġis urban tal-arja, il-ħabitats u l-ispeċijiet mheddin, u n-nuqqas jew il-livell baxx ta’ impjanti tat-trattament tal-ilma mormi u ta’ sistemi tal-ġbir. Hemm bżonn aktar informazzjoni fil-livell nazzjonali u tal-UE dwar biex ikun żgurat li r-regoli jiġu rispettati.

F’xi Stati Membri, għad hemm ostakli għall-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, kemm jekk relatati mal-ispejjeż eċċessivi għat-tilwim jew inkella mar-regoli restrittivi dwar min jista’ jiftaħ kawża.

F’ħafna mill-Istati Membri, il-qsim tad-dejta m’għamlix il-progress li kellha l-għan li ġġib id-Direttiva INSPIRE, u l-Istati Membri jridu jżidu l-isforzi biex jiksbu l-benefiċċji kollha tal-potenzjal tad-Direttiva.

Prattiki li rnexxew:

L-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Irlanda żviluppat sistema tal-Liċenzjar, tal-Monitoraġġ u tal-Valutazzjoni (LEMA) biex l-uffiċjali jkunu jistgħu jiġġestixxu, janalizzaw, jaqsmu u jużaw b’mod elettroniku d-dejta li jiġbru mingħand id-detenturi tal-permessi industrijali u bi spezzjonijiet, inkluż għall-ippjanar tal-ħidma futura 35 . L-Aġenzija tikkoordina wkoll netwerk nazzjonali għall-konformità u l-infurzar 36 bil-għan li jiżgura livell għoli ta’ konsistenza fil-ħidma tal-assigurazzjoni tal-konformità f’aktar minn tletin awtorità lokali.

Bis-saħħa tal-ħidma tal-IMPEL, in-netwerk Ewropew tal-ispettorati ambjentali, diversi Stati Membri użaw metodoloġija bbażata fuq ir-riskji għall-ippjanar tal-ispezzjonijiet u ta’ attivitajiet oħrajn tal-assigurazzjoni tal-konformità żviluppata mil-Land tat-Tramuntana tar-Renu-Westfalja (il-Ġermanja).

Ir-Reġjun Fjamming fil-Belġju 37 u l-Uffiċċju Spanjol għall-Prosekuzzjoni Ambjentali 38 jipproduċu rapporti u analiżi annwali tal-ispezzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet ambjentali, u dawn jgħinuhom jinfurmaw lill-pubbliku u jipprovdu statistika għall-evalwazzjoni tal-ħidma tal-assigurazzjoni tal-konformità.

In-Netwerk Ambjentali Skoċċiż 39 u l-SDI Nazzjonali Olandiż (il-PDOK) 40 għall-infrastruttura tad-dejta spazjali huma eżemplari fejn jidħol it-tqegħid tad-dejta spazjali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku bla ħlas u b’konformità mad-Direttiva INSPIRE.

3.Kawżi prinċipali komuni: L-ewwel sejbiet

Biex jissolvew id-diskrepanzi fl-implimentazzjoni ambjentali hemm bżonn iżjed mill-eżaminar jekk ġewx issodisfati l-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE. L-EIR tipprovdi opportunità ġdida għall-awtoritajiet nazzjonali u għall-Kummissjoni biex iħarsu aktar mill-qrib lejn il-kawżi prinċipali li jwasslu għal implimentazzjoni batuta. Ir-rapporti tal-pajjiżi juru li hemm kawżi prinċipali komuni għal bosta Stati Membri 41 .

Dan l-ewwel eżerċizzju tal-EIR jinkludi biss valutazzjoni preliminari ta’ dawn il-kawżi prinċipali. Sabiex jiġu approvati soluzzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, hemm bżonn evidenza aktar dettaljata. Sabiex jitjieb l-għarfien fir-rapporti tal-EIR li jmiss, il-Kummissjoni se jkollha bżonn ir-reazzjonijiet tal-Istati Membri, l-aktar bid-djalogi nazzjonali ta’ wara l-pubblikazzjoni tar-rapporti tal-pajjiżi.

Is-sejbiet tal-politiki dwar il-kawżi komuni ewlenin li ġew identifikati s’issa:

In-nuqqas ta’ koordinazzjoni effettiva fost l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali: Din tista’ xxekkel l-implimentazzjoni fl-Istati Membri. Pereżempju, ħafna drabi r-responsabbiltajiet fuq il-monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma jkunu mifruxin fuq awtoritajiet differenti mingħajr biżżejjed koordinazzjoni.

In-nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva u n-nuqqas ta’ finanzjament xieraq: F’ċerti pajjiżi, in-nuqqas tar-riżorsi finanzjarji u umani huma ostaklu għall-implimentazzjoni għax dawn iżommu lill-awtoritajiet milli jħejju u jimplimentaw il-proġetti tal-investiment. Anki meta jkollhom finanzjament disponibbli, l-awtoritajiet lokali kultant ma jkollhomx ir-riżorsi umani u/jew ta’ għarfien espert biex jorganizzaw l-akkwist pubbliku u jissorveljaw il-kwalità tas-servizz mogħti. Pereżempju, fil-qasam tal-ħarsien tan-natura, in-nuqqas ta’ kapaċità wasslet għal nuqqas ta’ ħila biex jitwettqu u jsir monitoraġġ tal-miżuri ta’ ġestjoni u ta’ konservazzjoni meħtieġa.

In-nuqqas ta’ għarfien u dejta: In-nuqqas ta’ (aċċess għad-)dejta u d-data mhux affidabbli joħolqu problemi ta’ implimentazzjoni f’ħafna Stati Membri. Pereżempju n-nuqqas ta’ għarfien u ta’ dejta dwar l-ispeċijiet u l-ħabitats ixekkel il-protezzjoni effettiva tagħhom.

Nuqqas ta’ mekkaniżmi biżżejjed għall-assigurazzjoni tal-konformità: L-analiżi turi li spiss ikun hemm tħassib fuq il-monitoraġġ u l-infurzar tal-konformità, inkluż permezz ta’ sanzjonijiet effettivi u proporzjonati.

Nuqqas ta’ integrazzjoni u ta’ koerenza bejn il-politiki: L-analiżi turi li nuqqas ta’ integrazzjoni tat-tħassib ambjentali f’oqsma ta’ politika oħra huwa kawża ewlenija li ddgħajjef l-implimentazzjoni, kif jidher fil-parti msejħa “l-arja - il-mobbiltà” hawn fuq

4.Il-passi li jmiss

Ir-rapporti tal-pajjiżi, din il-Komunikazzjoni u l-gwida pprovduta fl-Anness għandhom jifformaw bażi għall-Istati Membri biex jindirizzaw ċerti sfidi komuni fl-implimentazzjoni, id f’id mal-awtoritajiet u l-partijiet konċernati lokali u reġjonali, kif ukoll ma’ Stati Membri oħrajn.

L-Istati Membri huma responsabbli biex ixejjnu d-diskrepanzi fl-implimentazzjoni u l-Kummissjoni se tappoġġa u takkumpanja dawn l-isforzi. It-tabella fl-Anness tiġbor flimkien l-azzjonijiet kollha li l-Kummissjoni tissuġġerixxi lill-Istati Membri fir-rapporti tal-pajjiżi biex itejbu t-twettiq tal-politika u l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE. Fir-rapporti tal-pajjiżi, dawn is-suġġerimenti tqiegħdu f’kuntest usa’ u ġew spjegati meta kien meħtieġ.

Il-Kummissjoni se tissokta bl-isforzi attwali biex ittejjeb l-implimentazzjoni b’azzjoni ta’ infurzar immirata fil-livell tal-UE u biex tikkofinanzja l-investimenti ambjentali permezz tal-fondi tal-UE. Fl-2017, il-Kummissjoni se tipprovdi gwida dwar kif tiġi promossa, sorveljata u żgurata l-konformità ambjentali. Sabiex tiffaċilita l-azzjoni ġudizzjarja miċ-ċittadini u mill-NGOs ambjentali, komunikazzjoni interpretattiva dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi qrati nazzjonali fi kwistjonijiet ambjentali se tgħin biex ir-rimedji ikunu aktar effettivi fil-każ ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni.

Il-Kummissjoni se tesplora wkoll mal-Istati Membri u mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent kif issaħħaħ l-għarfien tal-politika u timmirah aħjar għar-rekwiżiti speċifiċi tal-acquis ambjentali tal-UE. Sabiex tagħmel dan, il-Kontroll tal-Idoneità dwar il-Monitoraġġ u r-Rapportar Ambjentali ser jgħin biex tiġi żviluppata sistema aktar effettiva u effiċjenti għall-monitoraġġ u r-rappurtar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tieħu passi biex tiżgura li l-politiki tar-riċerka u tal-innovazzjoni jwieżnu l-iżvilupp ta’ għodod u mudelli ġodda tan-negozju, inkluż indikaturi u modi biex titjieb l-effikaċja.

Ir-rapporti tal-pajjiżi identifikaw li l-ineffiċjenza fl-amministrazzjonijiet pubbliċi hija kawża importanti għall-implimentazzjoni batuta, li jistħoqqilha attenzjoni speċjali. Din ġiet analizzata fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u hi prijorità tal-investiment fil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Barra minn hekk, fl-2015 il-Kummissjoni ppubblikat Għodod għall-prattikanti 42 . Flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni beħsiebha tkompli żżid l-għarfien dwar il-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika u l-governanza meta din tkun qed tikkawża implimentazzjoni ambjentali batuta. 

Minbarra dawn l-inizjattivi li qed jittieħdu bħalissa, u mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta’ infurzar tagħha skont it-Trattati tal-UE, il-Kummissjoni toffri li tiffaċilita l-isforzi tal-Istati Membri permezz ta’ qafas ġdid apposta.

Proposti għal politiki:

1.Isir djalogu strutturat ma’ kull Stat Membru dwar l-implimentazzjoni: L-iskop hu li ssir riflessjoni dwar kif jiġu indirizzati l-problemi strutturali u l-ħtiġijiet tal-Istat Membru rispettiv. Id-djalogi għandhom jiffokaw fuq it-twettiq ta’ azzjoni konkreta. Hemm bżonn it-trasparenza u l-parteċipazzjoni wiesgħa tal-partijiet konċernati rilevanti minn setturi differenti u minn livelli differenti ta’ amministrazzjoni.

2.Jingħata appoġġ imfassal apposta lill-esperti tal-Istati Membri direttament mill-pari tagħhom fi Stati Membri oħra: L-iskambju bejn il-pari hu mezz importanti biex jiżdied it-tagħlim reċiproku u l-għarfien espert ħalli jkun żgurat li s-soluzzjonijiet ittestjati jinqasmu mal-oħrajn. Il-Kummissjoni qed tistabbilixxi għodda korrispondenti għall-Istati Membri skont l-EIR.

3.Issir diskussjoni fuq il-problemi strutturali komuni fil-Kunsill biex titjieb l-implimentazzjoni tar-regoli ambjentali tal-UE: Is-sejbiet ewlenin u l-gwida tal-EIR għandhom ikunu soġġetti għal diskussjonijiet strateġiċi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE, ħalli r-regoli ambjentali tal-UE ikomplu jiġu implimentati u jintlaħqu l-għanijiet tagħhom aktar malajr. Fil-Kunsill, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar l-isfidi komuni, l-aktar meta dawn ikollhom impatti transfruntiera. Il-kwistjonijiet relatati għandhom jiġu eżaminati flimkien ħalli jiġu identifikati l-aqwa soluzzjonijiet li jaħfnu l-interessi leġittimi tas-setturi kollha involuti, b’konformità mal-bidla minn approċċi settorjali għal soluzzjonijiet ħolistiċi, xprunati mill-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli 43 . Anki l-problemi tal-implimentazzjoni li jġib miegħu n-nuqqas ta’ ċarezza, koerenza jew konsistenza fil-politika u fil-leġiżlazzjoni tal-UE jistgħu jiġu indirizzati f’dan il-kuntest. Il-partijiet konċernati bħall-NGOs, in-negozji u r-riċerka kif ukoll il-Parlament Ewropew għandhom ikunu involuti fejn xieraq.

Wara d-djalogu mal-pajjiżi fl-2017, il-Kummissjoni se tevalwa l-ewwel ċiklu tal-EIR, filwaqt li tilqa’ l-kummenti tal-Istati Membri u ta’ parteċipanti oħrajn. Imbagħad se tinkorpora t-tagħlimiet miġbura fiċ-ċikli li jmiss.

(1)  Il-Kummissjoni Ewropea, l-2014: l-Ewrobarometru Speċjali 416, p. 26.
(2) ĠU L 354/171.
(3)  Il-Kummissjoni Ewropea, l-2011. Implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE għal Tkabbir Ekoloġiku.
(4)  Is-Servizz tar-Riċerka tal-Parlament Ewropew, l-2015 il-Leġiżlazzjoni dwar l-Ilma: ir-Rapport “Il-Kost tan-Non-Ewropa”.
(5) Il-benefiċċji ekonomiċi tan-Netwerk Natura 2000 Il-Kummissjoni Ewropea, l-2013. .
(6) COM(2016) 316 final  .
(7)  It-tibdil fil-klima, l-emissjonijiet industrijali, u s-sustanzi kimiċi mhumiex parti minn din l-ewwel sensiela ta’ EIR.
(8) L-EIR tibbaża l-aktar fuq l-informazzjoni li hemm fl-aħħar rapporti li bagħtu l-awtoritajiet nazzjonali. Dawn tal-aħħar jaf ikollhom dejta aktar riċenti. Din ġiet riflessa fir-rapporti, kull meta dan kien possibbli.
(9) COM(2015) 614 final.
(10) Studju minn BiPRO, Assessment of separate collection schemes in the 28 capitals of the EU, Novembru 2015.
(11) COM(2011) 244 final  .
(12) SWD(2016) 472 final.
(13) http://www.eea.europa.eu/publications/state-of-nature-in-the-eu   
(14) http://ec.europa.eu/environment/nature/info/pubs/docs/nat2000newsl/nat40_en.pdf   
(15) http://www.trameverteetbleue.fr/  .
(16) http://biodiversite.wallonie.be/fr/meta-projet-life-de-restauration-des-tourbieres-de-haute-ardenne.html?IDC=5778  .
(17) http://biodiversite.wallonie.be/fr/resultats-du-rapportage-article-17-au-titre-de-la-directive-92-43-cee-pour-la-periode-2007-2012.html?IDD=4237&IDC=5803  
(18) L-oqfsa ta’ azzjoni prijoritizzata ta’ Natura 2000 huma għodod importanti tal-ippjanar biex tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-finanzjament ta’ Natura 2000 fl-użu tal-istrumenti finanzjarji rilevanti tal-UE.
(19) http://www.atlasnatuurlijkkapitaal.nl/en/home   
(20) Standards tal-Kwalità tal-Arja http://ec.europa.eu/environment/air/quality/standards.htm Il-Kummissjoni Ewropea, l-2016. ,  
(21) Is-sustanzi niġġiesa primarji maġġuri li joħolqu l-attività tal-bniedem jinkludu l-PM10, li hija taħlita ta’ partiċelli ta’ ajrusoli fini (solidi u likwidi) li jkopru firxa wiesgħa ta’ qisien meħlusin minn ħafna sorsi antropoġeniċi, inkluż il-kombustjoni, u l-kompożizzjonijiet kimiċi u l-NOx, li jinħeles waqt il-kombustjoni tal-fjuwils, eż. minn faċilitajiet industrijali u mis-settur tat-trasport bit-triq. NOx huwa grupp ta’ gassijiet li fih il-monossidu tan-nitroġenu (NO) u d-diossidu tan-nitroġenu (NO2).
(22) Ir-rapport “Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa fl-2016” EEA, l-2016. .
(23) L-Istorbju fl-Ewropa fl-2014 EEA, iċċitata d-WHO p. 6.
(24) Sabiex iż-żoni b’emissjonijiet baxxi jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom, dawn iridu jindirizzaw is-sorsi ewlenin tat-tniġġis tal-arja, jipprovdu restrizzjonijiet fl-aċċess għat-traffiku għal kulħadd ħlief għall-vetturi b’emissjonijiet baxxi u jkunu aġġornati biex jirriflettu l-istandards tal-emissjonijiet li qed jevolvu.
(25) Luftreinhalteplan 2011 bis 2017 für Berlin   / Il-Pjan tal-Kwalità tal-Arja għal Berlin 2011-2017
(26) Direttiva dwar l-Ilma għall-Għawm (2006/7/KE Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (91/271/KEE) Direttiva dwar l-Ilma Tajjeb għax-Xorb (98/83/KE) Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE) Direttiva dwar in-Nitrati (91/676/KEE) Direttiva dwar l-Għargħar (2007/60/KE) Din tinkludi d-), id-, id-, id-, id- u d-.
(27) Ir-rapporti tal-EIR tal-pajjiżi ma jistgħux jirriflettu l-progress li sar fl-RBMPs il-ġodda, li għadhom qed jiġu vvalutati.
(28) Studju komparattiv dwar il-pressjonijiet u l-kejl fil-Pjanijiet il-Kbar ta’ Ġestjoni tal-Baċin tax-Xmajjar  , l-2012
(29) http://ec.europa.eu/environment/life/project/Projects/index.cfm?fuseaction=search.dspPage&n_proj_id=5437   
(30) In-Netwerk tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL); In-Netwerk Ewropew tal-Prosekuturi fil-Qasam tal-Ambjent; in-netwerk ta’ uffiċjali tal-pulizija speċjalizzati fil-ġlieda kontra r-reati ambjentali, il-Forum Ewropew ta’ Mħallfin għall-Ambjent, u n-Netwerk Ewropew ta’ Awtoritajiet Ambjentali u Maniġerjali.
(31) http://ec.europa.eu/regional_policy/p2p   
(32) https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/european-semester_thematic-factsheet_effective-justice-systems_en.pdf L-effikaċja tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali hija indirizzata fit-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE u fis-Semestru Ewropew (). 
(33) Id-Direttiva 2007/2/KE.
(34) Is-simplifikazzjoni hija obbligatorja għall-EIA u għad-Direttiva dwar il-Ħabitats; fir-rigward tal-EIA u ta’ valutazzjonijiet ambjentali oħrajn, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw l-alternattivi disponibbli ħalli jissimplifikaw il-proċeduri. Ara l-gwida tal-Kummissjoni (ĠU C 273, 27.7.2016).
(35) http://www.epa.ie/pubs/reports/enforcement/  .
(36)  In-Netwerk Irlandiż għall-Konformità u l-Infurzar Ambjentali jew in-“NIECE”.
(37) http://www.vhrm.be/english  
(38) https://www.fiscal.es/fiscal/publico/ciudadano/fiscal_especialista/medio_ambiente/documentos_normativa/   
(39) http://www.environment.scotland.gov.uk/   
(40) https://www.pdok.nl/en/about-pdok   
(41) http://impel.eu/wp-content/uploads/2015/07/Implementation-Challenge-Report-23-March-2015.pdf  L-isfidi identifikati jaqblu mas-sejbiet dwar kwistjonijiet relatati mal-governanza strutturali identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, fir-Reviżjonijiet tal-Prestazzjoni Ambjentali tal-OECD u fi stħarriġ riċenti tal-IMPEL:
(42) http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=mt&pubId=7757   
(43) SWD(2016) 390 final L-“approċċ nexus” imsemmi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli, Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà, .

Brussell, 3.2.2017

COM(2017) 63 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-UE: L-isfidi ewlenin u kif se ngħaqqdu l-isforzi biex nagħtu riżultati aħjar

{SWD(2017) 33 - 60 final}


GWIDA GĦALL-ISTATI MEMBRI:

AZZJONIJIET ISSUĠĠERITI GĦAL IMPLIMENTAZZJONI AMBJENTALI AĦJAR 1

Azzjonijiet issuġġeriti

L-Istati Membri

L-iżvilupp ta’ ekonomija ċirkolari u t-titjib fl-effiċjenza tar-riżorsi

Isaħħu l-qafas ta’ politika biex iħaffu l-użu tal-ekonomija ċirkolari mis-setturi ekonomiċi kollha, biex jipprovdu aktar appoġġ lin-negozji lokali u jżidu l-investimenti fis-sistemi pubbliċi tar-riċerka u tal-edukazzjoni, speċjalment biex jiġu ffrankati l-ilma u l-enerġija, it-tnaqqis tal-iskart, ir-riċiklaġġ tal-materjali, l-ekodisinn u t-teħid mis-suq tal-materja prima sekondarja.

BE, BG, CZ, DE, HR, HU, IT, RO, SE,SK

Jimplimentaw monitoraġġ aħjar tal-politiki tal-ekonomija ċirkolari ħalli tiġi vvalutata l-effettività tagħhom u jkunu jistgħu jiġu riveduti.

PT, SI

Jiffaċilitaw l-iżvilupp u l-iskambju tal-prattiki tajbin bejn l-entitajiet governattivi kollha, l-aktar fil-livell lokali, fejn jidħlu l-ekonomija ċirkolari u kwistjonijiet tal-ekoinnovazzjoni.

BE, CY, EL, ES

Jinċentivaw lill-akkademja u lill-iskejjel biex jippromwovu l-ekonomija ċirkolari. Iżidu l-għarfien fost il-konsumaturi u l-SMEs dwar il-benefiċċji tal-ekonomija ċirkolari.

IT, PL, SK

Jadottaw prinċipji tal-ekonomija ċirkolari; iżidu l-livell ta’ riċiklaġġ u l-użu tal-ekodisinn fis-settur tal-SMEs, l-aktar billi jkomplu jinvestu fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. Jinċentivaw miżuri tal-effiċjenza fir-riżorsi (eż. l-iffrankar tal-enerġija u l-ilma).

BE, EL, ES, HU, IT, RO, SK

Jinċentivaw investimenti fi prodotti u servizzi ekoloġiċi. Jiffaċilitaw l-investimenti ekoloġiċi u jħaffu l-aċċess għall-finanzjament. Irawmu finanzjament tar-R&Ż fost l-SMEs.

CZ, ES, HU, MT, RO, SE, SK

L-immaniġġar tal-iskart

Jintroduċu politiki, inklużi strumenti ekonomiċi (skemi ta’ Responsabbiltà Estiża tal-Produttur, ta’ Ħallas Meta Tarmi), biex ikomplu jimplimentaw il-ġerarkija tal-iskart, jiġifieri jippromwovu l-prevenzjoni, filwaqt li l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ jagħmluhom aktar attraenti ekonomikament. Jeliminaw il-parassitiżmu u jiżguraw il-vijabbiltà finanzjarja tal-kumpaniji tal-immaniġġar tal-iskart.

AT, BG, CY, DE, DK, EE, EL, ES, FI, FR, HR, HU, IE, IT, LU, LV, MT, NL, PL, PT, RO, SE, SI, SK, UK

L-iskart li jista’ jerġa’ jintuża u l-iskart li jista’ jiġi rriċiklat ibegħduhom mill-inċinerazzjoni billi jxejnu ftit ftit is-sussidji għall-inċinerazzjoni jew jdaħħlu taxxa fuq l-inċinerazzjoni.

AT, BE, CZ, DE, DK, EE, FI, IE, LU, PL, PT, SE

Jintroduċu u/jew iżidu ftit ftit it-taxxi fuq il-miżbliet ħalli bil-mod il-mod jieqaf ir-rimi tal-iskart riċiklabbli u rekuperabbli fil-miżbliet. Jarmonizzaw it-taxxi reġjonali fuq il-miżbliet. Jirrevedu l-livell tat-tariffi għad-dħul fil-miżbliet. Jużaw id-dħul mill-istrumenti ekonomiċi biex isostnu l-ġbir separat u l-infrastruttura alternattiva.

CY, CZ, EL, ES, HR, HU, IT, LT, LV, MT, PL, RO, SI, SK, UK

Jiffokaw fuq l-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ġbir separat biex iżidu r-rati tar-riċiklaġġ u jagħtu prijorità lill-ġbir separat tal-bijoskart ħalli jżidu r-rati tal-kompostar. Jistabbilixxu siti għall-ġbir ta’ skart speċifiku (l-hekk imsejħa “punti għall-ġbir ta’ skart selettiv”) f’kull muniċipalità.

BG, CY, CZ, EE, EL, ES, FR, HR, IE, IT, LT, PL, PT, RO, SK

Ilestu u jaġġornaw il-Pjan(ijiet) tal-Immaniġġar tal-Iskart u/jew il-Programmi tal-Prevenzjoni tal-Iskart biex ikopru t-territorju kollu.

BE, DE, EL, ES, FR, RO

Jiffinalizzaw ix-xogħlijiet fuq il-miżbliet irregolari bħala kwistjoni ta’ prijorità kbira.

BG, CY, EL, RO

Jevitaw li jibnu infrastruttura eċċessiva għat-trattament tal-iskart residwu.

BG, CY, CZ, EL, ES, HR, HU, IT, LT, LV, MT, PL, RO, SK

Jiżguraw li l-istatistika tal-iskart hi kompatibbli mal-Linji Gwida tal-Eurostat. Itejbu l-konsistenza tad-dejta dwar l-immaniġġar tal-iskart minn diversi sorsi (anki fejn tidħol id-diskrepanza kbira bejn l-iskart ġenerat u l-iskart trattat).

CZ, SI

Isaħħu l-koperazzjoni bejn ir-reġjuni biex jużaw il-kapaċità tat-trattament tal-iskart b’mod aktar effiċjenti u biex jilħqu l-miri nazzjonali tar-riċiklaġġ.

ES, IT

Isaħħu u jagħtu setgħa lill-kapaċità tal-infurzar.

MT, PL, RO

In-natura u l-bijodiversità u l-istima tal-kapital naturali

Ilestu l-proċess ta’ deżinjazzjoni tas-siti, inkluż fil-parti marina, u jimplimentaw għanijiet tal-konservazzjoni definiti b’mod ċar u l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa għas-siti u jipprovdu riżorsi adegwati għall-implimentazzjoni tagħhom biex iżommu/jirrestawraw speċijiet u ħabitats ta’ interess komunitarju għal status ta’ konservazzjoni favorevoli fil-medda naturali kollha tagħhom. Ilestu u jaġġornaw il-qafas ta’ azzjonijiet prijoritizzati (PAFs). Itejbu l-għarfien u d-disponibilità tad-dejta biex jistgħu jimplimentaw aħjar miżuri ta’ konservazzjoni xierqa.

AT, BE, BG, CY, CZ, DE, DK, EE, EL, ES, FI, FR, HR, HU, IE, IT, LT, LU, LV, MT, NL, PL, PT, RO, SE, SI, SK, UK

Jiżguraw li l-pjanijiet ta’ ġestjoni ta’ Natura 2000 ikunu qed jiġu implimentati b’mod effettiv, b’kapaċità amministrattiva u b’finanzjament. Jibnu l-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti (il-korpi ċentrali, reġjonali, ta’ ġestjoni tas-siti) biex jimplimentaw il-Pjanijiet ta’ Ġestjoni, iżidu l-għarfien dwar Natura 2000 u l-inċentivi għall-investimenti li jippromwovu l-benefiċċji tiegħu, u jindirizzaw l-attivitajiet illegali li jaffettwaw il-ħajja selvaġġa b’infurzar imsaħħaħ, kemm fiż-żoni ta’ Natura 2000 u anki barra.

BG, EE, EL, IT, PL, RO, SI, SK

Jiżviluppaw u jippromwovu approċċi ta’ implimentazzjoni intelliġenti u simplifikati, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċeduri li jagħtu permessi għal siti u għal speċijiet, billi jiżguraw l-għarfien u d-disponibilità tad-dejta meħtieġa u jsaħħu l-komunikazzjoni mal-partijiet konċernati.

AT, BG, CY, CZ, DE, EE, ES, HU, IT, LT, MT, PL, PT

Ikomplu jappoġġaw l-immappjar u l-valutazzjoni tal-ekosistemi u tas-servizzi tagħhom, l-evalwazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi kontabilistiċi tal-kapital naturali.

AT, BE, BG, CY, CZ, DE, DK, EE, EL, ES, FI, FR, HR, HU, IE, IT, LT, LV, MT, NL, PL, PT, RO, SE, SI, SK

Jibnu l-kapaċità tal-amministrazzjoni biex itejbu l-proċeduri għal Valutazzjoni Xierqa u jipprevenu d-deterjorament tas-siti ta’ Natura 2000 bi żviluppi dannużi.

CY, EL, IT

Jiżguraw l-infurzar xieraq tal-projbizzjonijiet tal-kaċċa għall-ispeċijiet tal-għasafar protetti.

CY, FR, MT

Isaħħu l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-bijodiversità f’politiki oħrajn (speċjalment fl-agrikultura, iżda anki fil-forestrija, fis-sajd, fl-ippjanar urban u infrastrutturali u fit-turiżmu) u l-promozzjoni tal-komunikazzjoni bejn il-parteċipanti.

DE, DK, FR, PT, SI

Jottimizza l-kontribut ta’ Natura 2000 u tan-netwerks nazzjonali tan-natura biex jiksbu status ta’ konservazzjoni tajjeb, u biex inaqqsu l-frammentazzjoni tal-ħabitats, id-depożizzjoni atmosferika tan-nitroġenu, id-dessikazzjoni u l-aċidifikazzjoni.

NL

Jevita frammentazzjoni ulterjuri tal-ħabitats u jieħu miżuri biex jirrestawra l-konnettività.

LU

Jiżguraw li l-Programmi tal-Iżvilupp Rurali u l-implimentazzjoni tal-ekoloġizzazzjoni jiffavorixxu l-miżuri tal-bijodiversità u jikkontribwixxu biex jinkiseb status ta’ konservazzjoni favorevoli tal-ħabitats u tal-ispeċijiet, l-aktar għaż-żamma tal-biedja ta’ Valur Naturali Għoli.

LU, NL, RO

Jikkapitalizzaw il-kapital naturali ta’ valur biex joħolqu l-impjiegi u jżidu d-dħul. F’dan il-kuntest, jippromwovu aktar it-turiżmu sostenibbli.

EL, ES

Ikomplu jappoġġaw il-ħidma li qed issir għal sħubija sostenibbli għall-protezzjoni tal-bijodiversità, għall-iżvilupp sostenibbli u l-adattament għat-tibdil fil-klima, u għall-miżuri ta’ mitigazzjoni fir-Reġjuni Ultraperiferiċi u f’Pajjiżi u Territorji estra-Ewropej.

FR, UK

Itejbu l-inċentivi għall-forestiera u għall-bdiewa biex jipproteġu aħjar il-ħabitat tal-foresti u tal-bwar. Jiżguraw il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u jippromwovu l-użu effiċjenti tal-bijomassa.

LV, SK

Il-protezzjoni tal-baħar 2

Tkompli l-ħidma biex jitjiebu d-definizzjonijiet ta’ status ambjentali tajjeb (GES) (b’mod partikolari għad-deskritturi tal-bijodiversità), inkluż b’koperazzjoni reġjonali billi jużaw il-ħidma tal-Konvenzjonijiet tal-Baħar Reġjonali rilevanti.

BE, CY, DE, DK, EE, EL, ES, FI, FR, HR, IE, IT, LT, LV, MT, NL, PT, RO, SE, SI, UK

Jidentifikaw u jindirizzaw id-diskrepanzi fl-għarfien li huma l-bażi tal-GES.

BE, BG, CY, DE, DK, EE, FI, FR, IE, LT, LV, MT, NL, PT, RO, SI

Ikomplu jiżviluppaw approċċi li jivvalutaw (u jikkwantifikaw) l-impatti tal-pressjonijiet ewlenin biex ħalli jkunu jistgħu jitjiebu r-riżultati tal-valutazzjoni u jkunu aktar konklużivi għar-rappurtar tal-2018.

BE, BG, CY, DE, EE, EL, HR,IE, IT, LV, LT, MT, NL, RO, SE, UK

Ikomplu jintegraw il-programmi tal-monitoraġġ eżistenti skont leġiżlazzjoni oħra tal-UE u jimplimentaw programmi tal-monitoraġġ konġunti żviluppati fil-livell (sub)reġjonali (HELCOM, OSPAR, il-Konvenzjoni ta’ Barċellona, il-Kummissjoni tal-Baħar l-Iswed). Isaħħu l-komparabbiltà u l-konsistenza tal-metodi tal-monitoraġġ fir-reġjuni marini tal-pajjiż.

BE, BG, CY, DE, DK, EE, ES, FI, FR, HR, IE, IT, LT, LV, NL, PT, RO, SE, SI, UK

Jiffinalizzaw, jirrappurtaw u jimplimentaw minnufih il-programm nazzjonali tal-miżuri.

BG, CY, DK, EE, EL, HR, LT, MT, SI, RO

Jiżguraw li l-programm tal-monitoraġġ tal-Istat Membru jiġi implimentat mingħajr dewmien, u li jixraq għall-monitoraġġ tal-progress lejn GES.

BE, BG, CY, DE, DK, EE, ES, FI, FR, HR, IT, IE, LT, LV, MT, NL, PT, RO, SE, SI, UK

Il-kwalità tal-arja

Ikompli jnaqqsu x-xejriet tal-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa tal-arja biex jiksbu konformità sħiħa mal-limiti nazzjonali applikabbli tal-emissjonijiet u mal-valuri limitu tal-kwalità tal-arja. Inaqqsu l-impatti ħżiena tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa, l-ambjent u l-ekonomija.

AT, BE, DE, DK, ES, FI, FR, LU, NL

Ikompli jnaqqsu x-xejriet tal-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa tal-arja biex jiksbu konformità sħiħa mal-valuri limitu tal-kwalità tal-arja. Inaqqsu l-impatti ħżiena tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa, l-ambjent u l-ekonomija.

BG, CZ, EL, HR, HU, IT, LT, PL, PT, RO, SE, SI, SK, UK

Ikompli jnaqqsu x-xejriet tal-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa tal-arja – u jnaqqsu l-impatt ħażin tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa, l-ambjent u l-ekonomija, fosthom bl-iżvilupp ta’ strateġija komprensiva u pjan ta’ azzjoni li jindirizzaw il-konġestjoni tat-traffiku.

CY, EE, MT

Inaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka (NH3) biex jikkonformaw mal-livelli massimi nazzjonali tal-emissjonijiet applikabbli bħalissa, pereżempju billi jintroduċu jew iwessgħu l-użu ta’ tekniki agrikoli b’emissjonijiet baxxi.

AT, DE, DK, ES, FI, NL

Inaqqsu l-emissjonijiet tal-NMVOCs biex jikkonformaw mal-livelli massimi nazzjonali tal-emissjonijiet applikabbli bħalissa, u meta applikabbli biex inaqqsu l-konċentrazzjonijiet tal-ożonu.

DE, DK, IE, LU

Inaqqsu l-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu (Nox) biex jikkonformaw mal-livelli massimi nazzjonali tal-emissjonijiet applikabbli bħalissa u/jew biex inaqqsu d-diossidu tan-nitroġenu (NO2) (u meta applikabbli tal-konċentrazzjonijiet tal-ożonu), fost l-oħrajn billi jnaqqsu l-emissjonijiet relatati mat-trasport, l-aktar fiż-żoni urbani.

AT, BE, CZ, DE, DK, EL, ES, FI, FR, HU, IE, IT, LU, NL, PL, PT, RO, SE, SK, UK

Inaqqsu l-emissjoni u l-konċentrazzjoni tal-PM10 (u meta applikabbli tal-l-benżo[a]piren), fost l-oħrajn billi jnaqqsu l-emissjonijiet relatati mal-ġenerazzjoni tal-enerġija u tas-sħana bl-użu ta’ fjuwils solidi, mat-trasport u mal-agrikultura.

AT, BE, BG, CZ, DE, EL, ES, FR, HR, HU, IT, LT, LV, PL, RO, SE, SI, SK

L-istorbju

Ilestu l-pjanijiet ta’ azzjoni dwar l-istorbju li għadhom neqsin.

BE, CY, CZ, DE, EL, ES, FR, HR, IT, LV, PL, PT, RO, SE, SI, SK

Ilestu l-mapep tal-istorbju li għadhom neqsin.

BE, EL, ES, FR, IT, LV, PT, RO, SK

Il-kwalità u l-ġestjoni tal-ilma

Itejbu l-politika dwar l-ilma b’konformità mal-loġika ta’ intervent tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma fit-tieni ċiklu tal-pjanijiet tal-immaniġġar tal-baċin tax-xmara (RBMPs), jiġifieri jipprovdu valutazzjoni aktar dettaljata tal-pressjonijiet biex itejbu l-monitoraġġ ħalli jsiru jafu x’inhu l-istatus tal-korpi tal-ilma u jfasslu Programmi tal-Miżuri li jindirizzaw il-pressjonijiet ewlenin kollha identifikati, l-aktar il-pressjonijiet idromorfoloġiċi u t-tniġġis, mill-agrikultura, mill-industrija u mill-ilma mormi urban. Il-Programmi tal-Miżuri u l-programmi tal-monitoraġġ għandhom jiġu ffinanzjati sew.

AT, BE, BG, CY, CZ, DE, DK, EE, EL, ES, FI, FR, HR, HU, IE, IT, LT, LU, LV, MT, NL, PL, PT, RO, SE, SI, SK, UK

Jiżguraw li l-eżenzjonijiet mogħtija jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u li dawn jiġu appoġġati b’evidenza, l-aktar fejn tidħol il-valutazzjoni ta’ alternattiva ambjentali ferm aħjar. Ikomplu bl-isforz biex jonqos l-għadd ta’ eżenzjonijiet.

AT, BE, MT, NL, PL

Jistabbilixxu u/jew iniedu politika dwar l-ipprezzar tal-ilma li tkopri firxa wiesgħa ta’ servizzi tal-ilma u bbażata fuq il-kejl tal-użu, b’mod li tkun tinkludi tariffi li jirriflettu l-ispejjeż ambjentali u tar-riżorsi u li tipprovdi inċentivi għal użu aktar effiċjenti tal-ilma. Għandhom jerġgħu jikkunsidraw l-eżenzjonijiet mit-tariffi tal-ilma. Hu rrakkomandat ukoll li jitwaqqaf regolatur nazzjonali jew korp superviżorju li jiżgura l-konsistenza u li t-tariffi jkollhom irkupru adegwat tal-ispejjeż.

BG, CY, CZ, ES, HU, IE, IT, SK

Jiżguraw li jiġi indirizzat b’mod effettiv it-tniġġis tal-ilma mill-agrikultura kemm skont id-Direttiva dwar in-Nitrati kif ukoll id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Jieħdu miżuri bażiċi u supplimentari effettivi biex jindirizzaw dak it-tniġġis. Jissorveljaw l-iżvilupp tal-pressjoni agrikola u tal-kwalità tal-ilma, bil-għan li jinfurmaw id-deżinjazzjoni taż-żoni vulnerabbli u r-reviżjoni tal-Programmi ta’ Azzjoni dwar in-Nitrat. Iqisu, meta rilevanti, iż-żoni b’livelli intensivi ta’ agrikultura u nitrat, ix-xejriet tal-pressjoni agrikola dejjem akbar, u l-korpi tal-ilma partikolarment sensittivi, bħall-Baħar Baltiku.

BE, BG, CY, CZ, DE, DK, EE, EL, ES, FI, FR, IE, IT, LT, LV, MT, NL, PL, PT, RO, SE, SI, UK

Itejbu l-kontroll tal-astrazzjoni tal-ilma kemm għall-ilma tal-wiċċ kif ukoll għall-ilma tal-pjan. Jippromwovu l-effiċjenza fl-użu tal-ilma u ż-żamma sostenibbli tal-ilma inklużi b’miżuri naturali għaż-żamma tal-ilma fil-Programm tal-Miżuri u jiżguraw finanzjament adegwat. Fil-każ ta’ Ċipru, l-ilma mid-desalinazzjoni ma għandux imur għal użu agrikolu.

CY, ES

Jirrevedu l-permessi tal-ilma biex ikunu konsistenti mal-għanijiet ambjentali u jiżguraw li l-proġetti l-ġodda li jistgħu jikkaġunaw deterjorament tal-istatus jiġu vvalutati kif xieraq skont l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. F’dawn il-valutazzjonijiet iridu jitqiesu l-alternattivi u miżuri ta’ mitigazzjoni adegwati. Jirrevedu u jaġġornaw il-politika tal-liċenzjar biex jiġu awtorizzati jew jinżammu l-impjanti idroelettriċi .

BG, CY, CZ, EL, ES, HU, IT, LT, LU, PL, PT, SE, SK

Ilestu l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi għall-agglomerazzjonijiet kollha. Jibnu l-infrastruttura biex jikkonformaw mad-Direttiva dwar l-Ilma Tajjeb għax-Xorb u mad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (UWWTD). Itejbu s-sistema nazzjonali tar-rappurtar skont il-UWWTD. Jissoktaw jipprijoritizzaw l-investimenti għall-impjanti tal-UWWT, fosthom bl-użu effiċjenti tal-finanzjament mill-Politika ta’ Koeżjoni meta eliġibbli.

BE, BG, CY, EL, ES, HR, HU, IE, IT, PL, PT, RO, SI

Iqis miżuri għar-razzjonalizzazzjoni tal-istrutturi u tas-servizzi tal-ġestjoni tal-ilma u tal-ilma mormi, kif ukoll inċentivi biex jiżdied il-livell ta’ konnessjonijiet fiżiċi man-netwerks.

LV

Jadottaw il-mapep kollha tar-riskju tal-għargħar u tal-periklu tal-għargħar. Meta jimplimentaw il-proġetti tal-protezzjoni kontra l-għargħar jiffokaw fuq il-miżuri taż-żamma bbażati fuq in-natura. Jikkombinaw il-ġestjoni tal-għargħar maż-żamma tal-ilma b’mod komprensiv, filwaqt li jikkunsidraw ukoll problemi serji relatati mal-iskarsezza tal-ilma.

BG, HU, IT, MT

Itejbu l-implimentazzjoni kkoordinata bejn il-politiki dwar l-ilma, l-ambjent marin u n-natura kif ukoll bejn l-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-ilma.

BE, IT, PT

Il-ftehimiet internazzjonali

Iżidu l-isforzi biex ikunu parti għal ftehimiet ambjentali multilaterali rilevanti, billi jiffirmaw u jirratifikaw dawk li fadal.

EL, IE, IT, MT

Governanza effettiva fil-gvern ċentrali, reġjonali u lokali u koordinazzjoni u integrazzjoni

Jissimplifika l-proċeduri amministrattivi ambjentali u jtejjeb il-koperazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi (fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali) involuti fl-applikazzjoni tal-politiki ambjentali.

EL

Issaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fil-Ministeru għall-Ħarsien tal-Ambjent u tan-Natura għax dan iħalli effett pożittiv fuq l-użu tal-Fondi tal-UE u jħaffef l-allinjament mal-politiki u mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE.

HR

Jindirizzaw il-frammentazzjoni fil-livelli reġjonali u lokali billi jiżviluppaw mekkaniżmi għal koordinazzjoni aħjar fl-ambjent.

ES, HU, IT

Tiżgura li tingħata l-opinjoni ta’ awtorità funzjonalment indipendenti dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-EIA kif emendata.

FR

Tiżgura sħubija u trasparenza akbar fl-amministrazzjoni pubblika kollha u ssaħħaħ il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet relatati mal-kwistjonijiet ambjentali.

HU

Tuża iżjed il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-abbozz tal-leġiżlazzjoni, li tkopri b’mod partikolari l-impatti ambjentali.

HU

Tistabbilixxi proċess ċar u trasparenti għall-awtorizzazzjoni tal-attivitajiet u tal-faċilitajiet li jħallu impatt fuq l-ambjent.

HU

Ittejjeb ir-rappurtar fil-ħin skont il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u tiżgura kapaċità biżżejjed fost il-persunal għal dan il-għan b’mod partikolari u b’mod aktar ġenerali għal implimentazzjoni u infurzar aktar effettivi tal-politika ambjentali.

MT

Tiżgura li l-Awtorità għall-Ambjent u għar-Riżorsi li għadha kif ġiet stabbilita jkollha responsabbiltajiet sodi. Tara li jkun hemm proċessi ċari u trasparenti għall-awtorizzazzjoni tal-faċilitajiet u tal-attivitajiet li jħallu impatt fuq l-ambjent.

MT

Tuża l-Fondi tal-UE biex jibni l-kapaċitajiet u l-għarfien espert meħtieġa fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni involuti fl-implimentazzjoni u fl-infurzar.

PL

Issaħħaħ il-governanza tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki ambjentali tal-UE, b’mod partikolari fil-konservazzjoni tan-natura u fil-ġestjoni tal-ilma (eż. tadatta l-istruttura u l-kompiti tal-awtoritajiet tal-ilma biex iwettqu aħjar il-kompiti relatati mal-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u tinvolvihom fil-proċess tal-ħruġ tal-permessi).

PL

Ittejjeb l-infurzar fil-każ ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni u ta’ kumpens imposti fuq l-iżviluppaturi tal-proġetti fid-deċiżjonijiet ambjentali u fil-permessi tal-bini.

PL

L-esperjenza miksuba fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni u ta’ kumpens rigward il-proġetti tad-digi għandha tiġi estiża għal infrastruttura oħra li aktarx li se jkollha impatti sinifikanti fuq in-netwerk Natura 2000. Il-kompożizzjoni tal-kummissjonijiet ta’ segwitu għal dawn il-proġetti għandha tkun mifruxa kemm jista’ jkun u tinkludi lil NGOs rappreżentanti.

PT

Jimplimenta u juża b’mod effettiv l-inizjattivi maħluqin dan l-aħħar biex itejjeb l-effiċjenza, l-effikaċja u l-koordinazzjoni tas-settur pubbliku fid-dominju ambjentali, jiġifieri jtejjeb il-qsim tal-informazzjoni u l-iskambju tad-dokumentazzjoni bejn l-entitajiet pubbliċi li huma responsabbli għall-ispezzjoni u għall-monitoraġġ fl-oqsma tal-Agrikultura, tal-Baħar u tal-Ambjent, bi pjattaforma operazzjonali.

PT

Tħaffef l-implimentazzjoni tagħha tal-istrateġija għat-tisħiħ tal-amministrazzjoni pubblika, li fi ħdanha l-ambjent għandu jingħata l-attenzjoni mistħoqqa.

RO

Ittejjeb il-kapaċità amministrattiva u l-koordinazzjoni tal-aġenziji involuti fl-implimentazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tal-ilma u tal-iskart kif ukoll fir-rigward tal-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt.

RO

Tiżgura li l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE tiġ rispettata bħala parti mir-riforma tas-sistema nazzjonali għall-ħruġ tal-permessi ħalli jitneħħa l-piż amministrattiv żejjed u jiġu ssimplifikati l-proċeduri.

SI

Itejbu l-applikazzjoni tal-EIA u tas-SEA bħala għodod importanti li jiżguraw l-integrazzjoni ambjentali.

CZ, SK

L-assigurazzjoni tal-konformità

Itejbu t-trasparenza fejn jidħlu l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-assigurazzjoni tal-konformità u fejn jidħol il-mod kif jiġu indirizzati ċerti riskji sinifikanti.

AT, BE, BG, CZ, DE, DK, EE, EL, ES, FI, FR, HR, HU, IE, IT, LT, LU, LV, MT, NL, PL, PT, RO, SE, SI, SK, UK

Iħeġġu parteċipazzjoni akbar tal-awtoritajiet kompetenti fin-netwerks ta’ konformità ambjentali.

AT, BG, CY, CZ, DK, EE, EL, FI, HR, HU, LU, LV, PT, RO, SE, SI, SK

Isaħħu l-isforzi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Ħsara Ambjentali (ELD) b’inizjattivi proattivi, bħat-twaqqif ta’ reġistru nazzjonali tal-aċċidenti tal-ELD u/jew l-abbozzar ta’ gwida nazzjonali.

AT, BE, BG, CY, CZ, DE, EE, EL, FI, FR, HR, HU, IT, LT, LU, LV, MT, PL, RO, SE, SI, SK

Jieħdu passi ulterjuri biex jiżguraw sistema tas-sigurtà finanzjarja effettiva għar-responsabbiltajiet tal-ħsara ambjentali.

BE, CY, DK, EE, FI, FR, HR, HU, IE, IT, LT, LU, LV, MT, NL, PL, RO, SE, SI, UK

Il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja

Jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-locus standi tal-NGOs ambjentali ħalli jikkontestaw atti jew omissjonijiet ta’ awtorità pubblika fil-liġijiet ambjentali settorjali kollha tal-UE, b’konformità sħiħa mal-liġi tal-UE kif ukoll mal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus).

AT, BE, BG, CZ, DE, HU, IT, PL, SE, SI, SK

Jevalwaw l-ispejjeż tal-kontestazzjonijiet legali li jinvolvu l-liġi ambjentali tal-UE u jfittxu li jagħmlu sforzi li jiżguraw li ma jkunux għaljin wisq tant li jkunu projbittivi.

CY, DK, EE, ES, FR, IE, LU, MT, RO, UK

L-aċċess għall-informazzjoni, għall-għarfien u għall-evidenza

Jirrevedu b’mod kritiku l-effettività tal-politiki dwar id-dejta tal-pajjiż u jemendawhom, filwaqt li jqisu l-“aqwa prattiki”.

AT, BE, BG, CY, CZ, EE, EL, HR, HU, IT, LT, MT, PT, RO, SI, SK

Jidentifikaw u jiddokumentaw is-settijiet tad-dejta spazjali kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali, u tal-anqas jagħmlu d-dejta u d-dokumentazzjoni aċċessibbli “kif inhuma” għall-awtoritajiet pubbliċi l-oħra u għall-pubbliku permezz tas-servizzi diġitali previsti fid-Direttiva INSPIRE.

AT, BE, BG, CY, CZ, DE, DK, EE, EL, ES, FI, FR, HR, HU, IE, IT, LT, LU, LV, MT, NL, PL, PT, RO, SE, SI, SK, UK

(1)  Dan l-Anness jiġbor fil-qosor l-azzjonijiet issuġġeriti li jinsabu fit-28 rapport tal-EIR tal-pajjiżi. Ta’ min jgħid li f’din l-ewwel sensiela ta’ evalwazzjonijiet tal-EIR, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiffoka fuq numru limitat ta’ azzjonijiet li jeħtieġu prijorità f’kull Stat Membru. Barra minn hekk, fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni ddeċidiet li f’din l-ewwel sensiela tal-EIR ma tissuġġerixxix azzjonijiet fil-qasam tal-infrastruttura ekoloġika, tal-protezzjoni tal-ħamrija, tas-sostenibbiltà tal-bliet, tat-taxxa ambjentali u l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, tal-akkwist pubbliku ekoloġiku u tal-investimenti, għad li dawn l-oqsma huma analizzati fir-rapporti.
(2) Il-Kummissjoni ma ħolqotx gwida għall-Polonja għax ir-rappurtar tagħha skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina wasal tard.