Brussell, 10.1.2017

COM(2017) 9 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

"IL-BINI TA' EKONOMIJA EWROPEA TAD-DATA"

{SWD(2017) 2 final}


“Il-Bini ta’ Ekonomija Ewropea tad-Data”

1.INTRODUZZJONI

Id-data saret riżorsa essenzjali għat-tkabbir ekonomiku, għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-progress fis-soċjetà. Analiżi tad-data tiffaċilita l-ottimizzazzjoni ta' proċessi u deċiżjonijiet, l-innovazzjoni u t-tbassir ta' avvenimenti futuri. Din it-tendenza globali għandha potenzjal kbir f’diversi oqsma, li jvarjaw mill-qasam tas-saħħa, tal-ambjent, tas-sigurtà alimentari, tal-klima u tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi għall-enerġija, tas-sistemi ta’ trasport intelliġenti u bliet intelliġenti.

L-“ekonomija tad-data” 1 hi kkaratterizzata minn ekosistema ta’ tipi differenti ta’ parteċipanti tas-suq – bħal manifatturi, riċerkaturi u fornituri tal-infrastruttura – li jikkollaboraw biex jiżguraw li d-data tkun aċċessibbli u tkun tista’ tintuża. Din tippermetti lill-parteċipanti tas-suq jisiltu valur minn din id-data billi joħolqu varjetà ta’ applikazzjonijiet b’potenzjal kbir biex titjieb il-ħajja ta’ kuljum (eż. il-ġestjoni tat-traffiku, l-ottimizzazzjoni tal-ħsad jew il-kura tas-saħħa mill-bogħod).

Fl-2014, kien stmat li l-valur tal-ekonomija ta’ data tal-UE kien ta' EUR 257 biljun, jew 1.85 % tal-PDG tal-UE. 2 Fl-2015, dan żdied għal EUR 272 biljun, jew 1.87 % tal-PDG tal-UE (tkabbir ta’ sena wara sena ta’ 5.6 %). L-istess stima tipprevedi li jekk maż-żmien jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tal-politika u tal-qafas legali għall-ekonomija tad-data, sal-2020 il-valur tagħha se jiżdied għal EUR 643 biljun, li jirrappreżenta 3.17 % tal-PDG ġenerali tal-UE.

Skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR, General Data Protection Regulation) 3 , minn Mejju 2018, għall-kuntrarju tat-28 liġi nazzjonali li hemm illum, se jkun hemm sett wieħed ta’ regoli pan-Ewropew. Il-mekkaniżmu ta’ punt uniku ta’ servizz, li nħoloq riċentament 4 , se jiżgura li meta kumpanija fl-UE tmexxi operazzjonijiet li jipproċessaw id-data transkonfinali, se jkun hemm awtorità waħda tal-protezzjoni tad-data (“DPA”, data protection authority) responsabbli mis-sorveljanza. Se tiġi ggarantita l-konsistenza tal-interpretazzjoni tar-regoli l-ġodda. B’mod partikolari, f’każijiet transkonfinali fejn ikunu involuti diversi DPAs nazzjonali, se tiġi adottata deċiżjoni waħda sabiex jiġi żgurat li l-problemi komuni jirċievu soluzzjonijiet komuni. Barra minn hekk, il-GDPR joħloq kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn l-UE u l-kumpaniji barranin, fis-sens li l-kumpaniji bbażati barra l-UE se jkollhom japplikaw l-istess regoli tal-kumpaniji Ewropej jekk ikunu qegħdin joffru prodotti u servizzi fl-UE jew jekk ikunu qegħdin jimmonitorjaw l-imġiba tal-individwi fl-UE. Żieda fil-livell tal-fiduċja tal-konsumatur tkun ta’ benefiċċju kemm għall-UE kif ukoll għall-operaturi kummerċjali esterni.

Id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika hi dwar il-kunfidenzjalità tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fl-UE. Id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika riveduta, proposta b’mod parallel ma' din il-Komunikazzjoni fil-forma ta’ Regolament 5 , għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni f’koerenza sħiħa mal-GDPR. Regoli b’saħħithom dwar il-protezzjoni tad-data joħolqu l-fiduċja li se tippermetti lill-ekonomija diġitali tiżviluppa fis-suq intern.

Kif saħaq il-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea fl-14 ta’ Settembru 2016, “li tkun Ewropew jagħtik id-dritt li jkollok id-data personali tiegħek protetta b’liġijiet Ewropej b’saħħithom. Għax l-Ewropej ma jogħġbuhomx id-droni fuq rashom jirrekordjaw kull moviment li jagħmlu, jew li kumpaniji jżommu rendikont ta’ kull klikkjatura li jagħmlu fuq il-kompjuter. Din hija r-raġuni għala l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, f’Mejju ta’ din is-sena, qablu fuq regolament Ewropew komuni dwar il-protezzjoni tad-data. Din hija liġi Ewropea b’saħħitha li tapplika għall-kumpaniji kull fejn huma bbażati u kull meta jipproċessaw id-data tiegħek. Għax fl-Ewropa, il-privatezza hi importanti. Din hi kwistjoni ta’ dinjità tal-bniedem.”

Fil-Komunikazzjoni tal-2012 tagħha “Nissalvagwardjaw il-Privatezza f’Dinja Konnessa - Qafas tal-Protezzjoni tad-Dejta Ewropew għas-Seklu 21” 6 u fil-Komunikazzjoni tal-2014 “Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-data” 7 , il-Kummissjoni rrikonoxxiet li huma meħtieġa regoli moderni u koerenti madwar l-UE kollha sabiex id-data timxi b’mod liberu minn Stat Membru għal ieħor, li l-ekonomija diġitali Ewropea damet biex ħaddnet ir-rivoluzzjoni tad-data meta mqabbla mal-Istati Uniti u li kellha wkoll nuqqas ta’ kapaċità industrijali kumparabbli. Hi kkonkludiet li n-nuqqas ta’ ambjent legali adattat għall-kummerċ tad-data fl-UE jista’ jwassal biex ma jkunx hemm biżżejjed aċċess għal settijiet ta’ data kbar, biex ikun hemm il-possibbiltà ta' ostakli għal dawk li jitħajru jidħlu fis-suq, u anki effetti li joħonqu l-innovazzjoni.

Restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq il-moviment liberu tad-data aktarx jillimitaw l-iżvilupp tal-ekonomija tad-data tal-UE. Dawn ir-restrizzjonijiet jorbtu mar-rekwiżiti imposti mill-awtoritajiet pubbliċi dwar fejn tinżamm id-data bl-iskop li tinħażen jew li tiġi pproċessata. Din il-kwistjoni tal-moviment liberu tad-data tolqot lit-tipi kollha ta’ data: intrapriżi u atturi fl-ekonomija tad-data jaħdmu b'data industrijali u dik iġġenerata mill-magni sew jekk tkun personali kif ukoll jekk ma tkunx, kif ukoll data maħluqa mill-azzjoni tal-bniedem. Fl-istrateġija dwar is-Suq Uniku Diġitali (DSM, Digital Single Market), il-Kummissjoni ħabbret li kienet se tipproponi inizjattiva biex tindirizza r-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tad-data għal raġunijiet li mhumiex dik tal-protezzjoni ta’ data personali fl-UE u r-restrizzjonijiet mhux ġustifikati dwar fejn tinżamm id-data bl-iskop li tinħażen jew li tiġi pproċessata. Restrizzjonijiet bħal dawn jinkludu atti legali adottati mill-Istati Membri, regoli amministrattivi u prattiki li għandhom l-istess effett. In-numru tagħhom għandu t-tendenza li jespandi hekk kif l-ekonomija tad-data tikber, u għaldaqstant jiġġenera inċertezza dwar fejn tista' tinħażen jew tiġi pproċessata d-data. Dan jista’ jħalli impatt fuq is-setturi kollha tal-ekonomija, u kemm fuq organizzazzjonijiet privati jew tas-settur pubbliku, li jista' jkollhom diffikultajiet biex jaċċessaw is-servizzi ta’ data aktar innovattivi u/jew orħos. Restrizzjonijiet mhux ġustifikati dwar fejn tinżamm id-data jdgħajfu l-libertà fis-servizzi li jingħataw u anki l-libertà ta' stabbiliment stipulat fit-Trattat, kif ukoll imorru kontra l-liġi sekondarja rilevanti. Dan joħloq riskju li s-suq jiġi fframmentat, u allura titnaqqas il-kwalità tas-servizzi għall-utenti u anki l-kompetittività tal-fornituri tas-servizzi tad-data, speċjalment l-entitajiet iż-żgħar.

Il-lokalizzazzjoni mhux ġustifikata tad-data hija wkoll parti minn diskussjonijiet bejn l-UE u s-sħab kummerċjali tagħha, u dan minħabba l-importanza dejjem tiżdied tad-data u tas-servizzi tad-data fl-ekonomija globali u anki minħabba l-attitudnijiet potenzjali tal-pajjiżi terzi lejn din il-kwistjoni. Ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data ma jistgħux ikunu soġġetti għal negozjati fi ftehim ta’ kummerċ ħieles. Kif spjegat fil-Komunikazzjoni dwar l-iskambju u l-protezzjoni ta’ data personali f’dinja globalizzata 8 , id-djalogi dwar il-protezzjoni tad-data u n-negozjati kummerċjali ma’ pajjiżi terzi jridu jsegwu binarji separati. Lil hinn minn dan, kif indikat fil-Kummerċ għall-Komunikazzjoni kollha 9 , il-Kummissjoni se tara li tuża l-ftehimiet kummerċjali tal-UE biex tistabbilixxi regoli għal kummerċ elettroniku u għal flussi ta’ data transkonfinali u biex tindirizza forom ġodda ta’ protezzjoniżmu diġitali f’konformità sħiħa mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u mingħajr preġudizzju lejhom.

Barra minn hekk, peress li t-trasformazzjoni xprunata mid-data testendi sal-ekonomija u s-soċjetà, l-ammonti ta’ data li kulma jmur qegħdin jiżdiedu qegħdin jiġu ġġenerati minn magni jew minn proċessi bbażati fuq teknoloġiji emerġenti, bħall-Internet tal-Oġġetti (IoT, Internet of Things), il-fabbriki tal-ġejjieni u s-sistemi konnessi u awtonomi. Il-konnettività nnifisha tbiddel il-mod ta’ kif id-data tista' tiġi aċċessata: kulma jmur, id-data li normalment kien ikun hemm aċċess għaliha minn konnessjonijiet fiżiċi, issa l-aċċess għaliha jista’ jsir mill-bogħod. Id-diversità enormi ta’ sorsi u tipi ta’ data, u r-rikkezza tal-opportunitajiet biex f’din id-data jiġu applikati ideat f’varjetà ta’ oqsma, inkluż biex tiġi żvilppata l-politika pubblika, għadhom qed jibdew joħorġu. Sabiex jibbenifikaw minn dawn l-opportunitajiet, l-atturi pubbliċi u privati tas-suq tad-data jeħtieġ ikollhom aċċess għal settijiet ta’ data kbar u diversi. Għalhekk il-kwistjonijiet tal-aċċess u t-trażmissjoni marbuta mad-data ġġenerata minn dawn il-magni jew proċessi huma ċentrali biex titwieled ekonomija tad-data u jirrikjedu valutazzjoni attenta.

Kwistjonijiet oħrajn li qed jixirfu jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-regoli fejn tidħol ir-responsabbiltà għal xi dannu li jita' jirriżulta minn ħsarat fl-apparat konness jew f'robot; u l-portabbiltà u l-interoperabbiltà tad-data. Fil-kuntest ta’ teknoloġiji ġodda bħall-Internet tal-Oġġetti (IOT) jew ir-robotika, hemm interdipendenzi kumplessi u sofistikati kemm fil-prodotti nfushom (ibbażati fuq ħardwer u softwer) kif ukoll fl-apparat interkonness. Barra minn hekk, jistgħu joħorġu kwistjonijiet ġodda minn magni awtonomi, li l-imġiba tagħhom – mhux mistennija u mhux intenzjonata – tista’ tikkawża xi dannu lill-persuni u lill-oġġetti. Dawn il-fenomeni jistgħu joħolqu inċertezza legali b'rabta mal-applikazzjoni tal-qafas eżistenti dwar ir-responsabbiltà u s-sigurtà.

Kif imħabbar fid-DSM, l-objettiv tal-Kummissjoni hu li toħloq politika u qafas legali ċari u adattati għall-ekonomija tad-data, billi jitneħħew l-ostakli li fadal għall-moviment tad-data u billi jiġu indirizzati l-inċertezzi legali li jinħolqu minn teknoloġiji ta’ data ġodda. Aktar objettivi li jsaħħu din il-Komunikazzjoni jimmiraw li jkabbru d-disponibbiltà u l-użu tad-data, li jrawmu mudelli kummerċjali ġodda tad- data kif ukoll li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-aċċess għad-data u li jiżviluppaw analitika tad-data fl-UE. Għal dan il-għan il-Kummissjoni qed tippreżenta kwistjonijiet iffukati għad-diskussjoni, u dan bil-għan li tinbena ekonomija Ewropea tad-data.

Hu għalhekk li l-Kummisjoni qed tesplora l-kwistjonijiet li ġejjin: il-fluss liberu tad-data; l-aċċess u t-trasferiment fir-rigward ta’ data ġġenerata mill-magni; ir-responsabbiltà u s-sigurtà fil-kuntest ta’ teknoloġiji emerġenti; u l-portabbiltà ta’ data mhux personali, l-interoperabbiltà u l-istandards. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi wkoll suġġerimenti għall-esperimentazzjoni b’soluzzjonijiet regolatorji komuni f’ambjent ta' ħajja reali.

Il-Kummissjoni se tniedi djalogu wiesa’ bejn il-partijiet ikkonċernati dwar il-kwistjonijiet li se jiġu esplorati f’din il-Komunikazzjoni. L-ewwel pass ta’ dan id-djalogu huwa konsultazzjoni pubblika, imnedija b’mod parallel ma’ pakkett ta’ ekonomija ta’ data 10 .

2.Il-fluss liberu tad-data

Ekonomija tad-data li taħdem tajjeb, u waħda dinamika, tirrikjedi li jiġi aġevolat u protett il-fluss liberu tad-data fis-suq intern. F’kuntest teknoloġiku li qed jevolvi b’mod rapidu, il-fluss ta’ data liberu, sigur u affidabbli, hu strumentali biex jitħarsu l-erba’ libertajiet fundamentali tas-suq uniku tal-UE stabbiliti fit-Trattati (oġġetti, ħaddiema, għoti ta’ servizzi u kapital). Is-servizzi tad-data qed jikbru b’mod rapidu fl-UE u madwar id-dinja. Suq Uniku effiċjenti u mingħajr xkiel f’dan is-settur joħloq opportunitajiet sinifikanti għal aktar tkabbir u aktar impjiegi.

Dan it-tkabbir u din l-innovazzjoni fl-ekonomija tad-data kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ servizzi pubbliċi transkonfinali jistgħu jiġu mhedda minn ostakli għall-moviment liberu ta’ data fl-UE, bħal rekwiżiti mhux ġustifikati dwar fejn tinżamm id-data, li jiġu imposti mill-awtoritajiet pubbliċi. B’mod effettiv, il-miżuri marbuta ma' fejn tinżamm id-data jintroduċu l-“kontrolli fil-fruntieri” mill-ġdid 11 . Dawn ivarjaw minn rekwiżiti mill-awtoritajiet superviżorji biex il-fornituri tas-servizzi finanzjarji jaħżnu d-data tagħhom lokalment, sal-implimentazzjoni ta’ regoli ta’ segretezza professjonali, li jimplikaw ħażna jew ipproċessar ta’ data lokali, u biex jitneħħew regolamenti li jirrikjedu l-ħażna lokali ta’ informazzjoni arkivjata ġġenerata mis-settur pubbliku, irrilevanti mis-sensittività tagħha.

It-tħassib dwar il-privatezza hu tħassib leġittimu iżda jenħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi ma jużawhx bħala raġuni għar-restrizzjoni tal-fluss liberu tad-data b’mod mhux ġustifikat. Kif indikat hawn fuq, il-GDPR jipprovdi sett uniku ta’ regoli b’livell għoli ta’ protezzjoni ta’ data personali għall-UE kollha. Hu jsaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur fis-servizzi online, u jiżgura applikazzjoni uniformi tar-regoli fl-Istati Membri kollha permezz ta’ awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data aktar b’saħħithom. Il-GDPR irawwem il-fiduċja neċessarja għall-ipproċessar tad-data u hu l-bażi għall-fluss liberu tad-data personali fl-UE. Il-GDPR jipprojbixxi restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu ta’ data personali fi ħdan l-Unjoni fejn dawn huma bbażati fuq raġunijiet relatati mal-protezzjoni tad-data personali 12 . Madankollu, restrizzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet oħra minbarra l-protezzjoni tad-data personali, eż. skont it-tassazzjoni jew il-liġijiet tal-kontabbiltà, mhumiex koperti mill-GDPR. Barra minn hekk, data mhux personali, jiġifieri, data li ma tirrelatax ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli 13 , tibqa’ barra mill-ambitu tal-GDPR u tista’ tikkonċerna, bħal ngħidu aħna, data mhux personali ġġenerata mill-magni.

Jistgħu jinħolqu restrizzjonijiet dwar il-lok tad-data minn regoli legali jew linji gwida amministrattivi jew prattiki li jesiġu li l-ħażna jew l-ipproċessar tad-data 14 f’format elettroniku 15 tkun limitata għal żona ġeografika jew ġuriżdizzjoni partikolari. Xi kultant l-Istati Membri jimponu restrizzjonijiet għax jemmnu li hekk l-awtoritajiet superviżorji jsibuha eħfef biex jeżaminaw id-data maħżuna lokalment. Il-lokalizzazzjoni tintuża wkoll bħala prokura għall-assigurazzjonijiet f’termini ta’ privatezza, ta’ awditjar u ta’ infurzar tal-liġi, kif ukoll ta’ sigurtà tad-data. Madankollu, fil-prattika, huwa rari li dawn il-miżuri jikkontribwixxu għall-objettivi li jkunu intiżi jilħqu.

Minbarra l-post fejn id-data tinħażen fiżikament, is-sigurtà tal-informazzjoni tiddependi fuq firxa ta’ fatturi, bħaż-żamma tal-kunfidenzjalità u l-integrità tagħha meta d-data tkun disponibbli barra l-faċilità fejn tinħażen. F’dan ir-rigward, aktar mir-restrizzjonijiet dwar il-lok tad-data, dak li verament jippermetti l-ħażna sigura u l-ipproċċessar tad-data huma l-aħjar prattiki ta’ mmaniġjar tal-ICT mill-aktar moderni fuq skala ħafna ikbar minn dik tas-sistemi individwali. Pereżempju, biex id-data tinżamm sigura f'każ ta' diżastri naturali lokalizzati jew ta' attakki ċibernetiċi, il-faċilitajiet ta’ ħżin ta’ data fi Stati Membri differenti jistgħu jkunu r-riżerva għal xulxin u jużaw il-miżuri tekniċi u organizzattivi previsti fid-Direttiva dwar Sigurtà tan-Netwerks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni 16 (id-Direttiva NIS). Barra minn hekk, id-disponibbiltà tad-data għal skopijiet regolatorji jew superviżorji, li bl-ebda mod ma jkun hemm dubju fuqha, tkun żgurata aktar jekk tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, jew bejn awtoritajiet bħal dawn u s-settur privat, aktar milli permezz ta’ restrizzjonijiet fuq il-lokalizzazzjoni. Tabilħaqq, f’qasam ikkaratterizzat minn kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet superviżorji, bħal dak tas-servizzi finanzjarji, ir-rekwiżiti tal-lokalizzazzjoni tad-data jistgħu jirriżultaw kontroproduttivi. 17

Madankollu, ir-rekwiżiti dwar il-lokalizzazjoni tad-data jistgħu jkunu ġustifikati u proporzjonali f’kuntesti partikolari jew b'rabta ma’ ċerta data, speċjalment qabel jiddaħħlu fis-seħħ ċerti ftehimiet ta’ kooperazzjoni transkonfinali effettivi, bħal dak dwar l-iżgurar ta’ trattament sigur ta’ ċerta data li tkun tappartjeni għall-infrastruttura tal-enerġija kritika, jew dwar id-disponibbiltà tal-evidenza elettronika (eż. bħala kopji lokalizzati ta’ settijiet ta’ data) għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, jew dak dwar il-ħżin lokali ta’ data miżmuma f’ċerti reġistri pubbliċi.

Sfortunatament, it-tendenza, kemm globali kif ukoll fl-Ewropa, qed timxi lejn aktar lokalizzazzjoni tad-data, approċċ li ħafna drabi hu bbażat fuq l-idea żbaljata li s-servizzi lokalizzati, awtomatikament, huma aktar siguri mis-servizzi transkonfinali. Barra minn hekk, is-suq tas-servizzi tad-data huwa influwenzat sostanzjalment minn nuqqas ta’ regoli trasparenti u minn perċezzjoni qawwija tal-bżonn li d-data tiġi lokalizzata. Dan jista’ jillimita l-aċċess tan-negozji u tal-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku għal servizzi ta’ data orħos jew aktar innovattivi, jew iġiegħel lin-negozji li joperaw b’mod transkonfinali biex jistabbilixxu kapaċitajiet eċċessivi ta’ ħżin u ta’ pproċessar tad-data. Dan jista’ wkoll ixekkel lin-negozji xprunati mid-data, b’mod partikolari n-negozji ġodda u l-SMEs, milli jespandu l-attivitajiet tagħhom, milli jidħlu fi swieq ġodda (eż. billi jkollhom jinvestu f’ċentri ta’ data fi 28 Stat Membru) jew milli jiċċentralizzaw il-kapaċitajiet tad-data u tal-analitiki sabiex jiżviluppaw prodotti u servizzi ġodda.

Bħalissa l-Ewropa talloka 84 % tad-domanda finali tagħha għas-servizzi “relatati mal-ICT” (konsultazzjoni, hosting, żvilupp) internament, fl-UE. Jekk dawn is-servizzi jkunu jistgħu joperaw ukoll aktar faċilment minn fruntiera għal oħra fl-UE billi jitneħħew ir-restrizzjonijiet dwar il-lokalizzazzjoni tad-data, dan jista’ jwassal biex il-PDG jiżdied sa EUR 8 biljun fis-sena bi ffrankar tal-ispejjeż u titjib fl-effiċjenza 18 .

Il-lokalizzazzjoni tad-data xxekkel ukoll il-progress fejn tidħol l-adozzjoni ta’ ħżin fuq il-cloud u tal-kompjuterizzazzjoni fuq il-cloud. Dan jista’ jkollu wkoll effetti aktar mifruxa fuq is-soċjetà. Tabilħaqq, użu aktar effiċjenti tar-riżorsi tal-IT jista’ jikkontribwixxi għal tnaqqis fil-konsum tal-enerġija u fl-emissjonijiet tal-karbonju bi 30 % netti jew aktar. Negozju żgħir li jaqleb għall-cloud jista' jnaqqas il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-karbonju tiegħu b’aktar minn 90 % jekk is-softwer li juża jħaddmu bil-cloud minflok fuq l-infrastruttura tiegħu. Sal-aħħar tal-2020, is-suq taċ-ċentru tad-data globali effiċjenti fejn tidħol l-enerġija hu mistenni jikber għal kważi EUR 90 biljun. Suq ta’ servizzi tad-data li jkun ifframmentat ifixkel l-iżvilupp sħiħ ta’ dawn is-servizzi fl-UE, li huma aktar effiċjenti fl-enerġija, u jikkomprometti wkoll l-interess fl-investiment.

Sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet u r-restrizzjonijiet spjegati hawn fuq u biex jiġi rrealizzat il-potenzjal sħiħ tal-ekonomija Ewropea tad-data , kull Stat Membru li jieħu azzjoni li taffettwa l-ħżin jew l-ipproċessar tad-data għandu jiġi ggwidat minn “prinċipju tal-moviment liberu ta’ data fl-UE”, bħala korollarju tal-obbligi tiegħu skont id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tas-servizzi u dwar l-istabbiliment liberu li hemm fit-Trattat u fil-leġiżlazzjoni sekondarja rilevanti. Kull restrizzjoni ġdida jew attwali dwar fejn għandha tinżamm id-data jeħtieġ tiġi ġġustifikata b’attenzjoni skont it-Trattat u l-liġi sekondarja rilevanti sabiex jiġi vverifikat li hija tabilħaqq neċessarja u proporzjonali sabiex jintlaħaq objettiv prinċipali ta’ interess ġenerali, bħas-sigurtà pubblika 19 .

Il-prinċipju tal-moviment liberu ta’ data personali 20 stabbilit fil-liġi primarja u sekondarja għandu jiġi applikat fil-każijiet fejn il-GDPR jippermetti lill-Istati Membri li jirregolaw kwistjonijiet speċifiċi. Jeħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġin ma jużawx il-klawżoli ta’ ftuħ fil-GDPR sabiex jillimitaw aktar il-fluss liberu ta’ data.

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2016, il-Kunsill Ewropew talab li jitneħħew l-ostakli li fadal fis-Suq Uniku, li jinkludi dawk li jxekklu l-fluss liberu ta’ data 21 .

Sabiex jiġi implimentat il-prinċipju tal-moviment liberu tad-data, il-Kummissjoni se tieħu ż-żewġ passi li ġejjin:

Wara l-pubblikazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni se tidħol fi djalogi strutturati mal-Istati Membri u ma’ partijiet ikkonċernati oħra dwar il-ġustifikazzjonijiet għal miżuri dwar il-lok tad-data u l-proporzjonalità tagħhom, u se tkun qed tieħu r-restrizzjonijiet identifikati s’issa minnha stess bħala l-punt tat-tluq.

Wara r-riżultati tad-djalogi u wara li tinġabar aktar evidenza dwar il-limitu u n-natura tar-restrizzjonijiet dwar il-lok tad-data u l-impatti tagħhom, b'mod partikolari fuq l-SMEs u l-kumpaniji ġodda, fost l-oħrajn mill-konsultazzjoni pubblika ta' appoġġ, fejn meħtieġ il-Kummissjoni se tniedi proċeduri ta’ ksur biex tindirizza miżuri mhux ġustifikati jew mhux proporzjonati dwar il-lok tad-data, u jekk ikun hemm bżonn, il-Kummissjoni tista’ anki tieħu aktar inizjattivi dwar il-fluss liberu tad-data. F’dan il-kuntest, kull azzjoni li tittieħed wara, se tkun qed tirrispetta l-prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar.

3.L-aċċess għad-data u t-trasferiment tagħha

L-ammonti dejjem jiżdiedu ta’ data qed jiġu ġġenerati minn magni jew proċessi bbażati fuq teknoloġiji emerġenti, bħall-Internet tal-Oġġetti. Data bħal din qed tintuża dejjem aktar bħala komponent ewlieni għal servizzi ġodda u innovattivi sabiex jitjiebu l-prodotti jew il-proċess ta’ produzzjoni u għall-appoġġ tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Id-diversità tad-data ġġenerata minn dawn il-magni jew proċessi tippreżenta opportunitajiet kbar għall-parteċipanti fis-suq tad-data sabiex joħorġu b'ideat ġodda u japplikawhomgħal ġo din id-data. Pereżempju, id-data meħuda minn sensuri użati fi rziezet moderni tista’ tintuża biex tinħoloq applikazzjoni li tottimizza l-ħsad, jew id-data ġġenerata minn sensuri fid-dwal tat-traffiku tista’ tintuża biex tinħoloq applikazzjoni għall-ġestjoni tat-traffiku jew għall-ottimizzazzjoni tar-rotot.

Sabiex jinħareġ il-valur massimu minn din it-tip ta’ data, dawk li huma involuti fis-suq jeħtieġ ikollhom aċċess għal settijiet ta’ data kbar u diversi. Madankollu, jekk il-ġeneraturi tad-data jżommu d-data għalihom, dan isir aktar diffiċli u d-data mbagħad tispiċċa tiġi analizzata f’sajlos. Il-kwistjonijiet tal-aċċess u t-trasferiment fil-każ ta' data mhux ipproċessata (jiġifieri data li ma tkunx ġiet ipproċessata jew inbidlet minn meta tkun bdiet tiġi rreġistrata) u ġġenerata minn dawn il-magni jew proċessi huma għalhekk ċentrali biex nersqu lejn ekonomija tad-data u jirrikjedu valutazzjoni tajba.

Il-kwistjoni ta’ aċċess għal data ġġenerata mill-magni qed titqies f’diversi setturi, bħas-settur tat-trasport, tas-swieq tal-enerġija, tal-ambjenti tal-għajxien intelliġenti, u tas-settur tas-saħħa u l-kura.

Fir-rigward tal-aċċess għad-data fl-UE, qabel tiġi eżaminata s-sitwazzjoni attwali huwa importanti li jiġi ċċarat liema tip ta’ data tkun qed tiġi kkunsidrata f’dan il-kuntest.

3.1.It-tip ta’ data li qed tiġi kkunsidrata

B’mod ġenerali, id-data tista’ tkun personali jew mhux personali. Pereżempju, fin-natura tagħha, id-data ġġenerata minn sensuri tat-temperatura tad-dar jaf tikklassifika bħala data personali (jekk tkun tinvolvi persuna ħajja), waqt li d-data dwar l-umdità tal-ħamrija ma tkunx personali. Id-data personali tista’ tinbidel f’data mhux personali permezz tal-proċess ta' anonimizzazzjoni. Meta d-data tikkwalifika bħala data personali 22 japplika l-qafas dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari, il-GDPR.

Data ġġenerata mill-magni tinħoloq mingħajr l-intervent dirett mill-bniedem minn proċessi, applikazzjonijiet jew servizzi tal-kompjuter, jew minn sensuri li jipproċessaw informazzjoni li tasal minn tagħmir, softwer jew makkinarju, kemm jekk hi virtwali kif ukoll jekk hi reali.

Fin-natura tagħha, id-data ġġenerata mill-magni tista’ tkun personali jew mhux personali. Meta d-data ġġenerata mill-magni tippermetti li tiġi identifikata persuna fiżika, din tikkwalifika bħala data personali bil-konsegwenza li jkunu japplikaw ir-regoli kollha dwar id-data personali; dan jinbidel biss jekk din id-data tiġi anonimizzata għalkollox (eż. id-data dwar il-lok tal-applikazzjonijiet tal-mowbajl).

Tema komuni li torbot il-fluss liberu tad-data mal-kwistjonijiet li qed iqumu dwarl-aċċess u t-trażmissjoni tad-data hi li l-intrapriżi u l-atturi fl-ekonomija tad-data se jkunu qed jindirizzaw kemm data personali kif ukoll data mhux personali, u li b'mod regolari l-flussi tad-data u s-settijiet tad-data se jkun fihom iż-żewġ tipi. Waqt li tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-individwi, kull miżura politika trid tqis din ir-realtà ekonomika u l-qafas legali dwar il-protezzjoni tad-data personali.

3.2.Aċċess limitat għad-data

Sabiex tiġi vvalutata din il-kwistjoni ġdida, l-ewwel nett hemm bżonn ta' analiżi ta’ kif il-kumpaniji u parteċipanti oħra tas-suq jista' jkollhom aċċess għal settijiet ta’ data kbar u diversi li tirrikjedihom l-ekonomija tad-data.

L-evidenza disponibbli 23 tiżvela li ġeneralment il-kumpaniji li jkollhom kwantitajiet kbar ta’ data jkollhom it-tendenza li fejn jidħlu l-kapaċitajiet tal-analitiki tad-data, ħafna drabi joqogħdu fuq dawk tal-kumpanija stess. Fil-maġġoranza tal-każijiet, id-data tiġi ġġenerata u analizzata mill-istess kumpanija, u anki meta l-analiżi tad-data tkun sottokontrattata, jaf dik id-data ma tibqax terġa' tintuża. Barra minn hekk, f’xi każijiet, il-manifatturi, il-kumpaniji li joffru servizz u parteċipanti tas-suq oħrajn li jkollhom id-data, iżommu d-data ġġenerata mill-magni jew permezz tal-prodotti u s-servizzi tagħhom, għalihom stess, u b’hekk potenzjalment ikunu qed jillimitaw il-possibbiltà li din terġa' tintuża fis-swieq downstream. Ħafna kumpaniji ma jinfetħux għall-possibbiltà ta’ Interfaċċji ta’ Programmar ta’ Applikazzjoni (APIs) (Application Programming Interfaces, APIs) faċli għall-utent 24 (li jispeċifikaw kif applikazzjonijiet differenti għandhom jinteraġixxu ma’ xulxin) jew inkella ma jibbenefikawx minn din il-possibbiltà; dan minkejja li dawn l-interfaċċji jkunu jistgħu jservu bħala portijiet ta' dħul siguri biex id-data miżmuma mill-kumpaniji tintuża b'modi ġodda u innovattivi.

Għalhekk, b’mod ġenerali, l-iskambju tad-data bħalissa għadu limitat. Bil-mod il-mod qed jixirfu postijiet minn fejn tista' tinxtara d-data iżda mhux qed jintużaw ħafna. Il-kumpaniji jistgħu ma jkunux mgħammra bl-għodod u l-ħiliet ix-xierqa biex jikkwantifikaw il-valur ekonomiku tad-data tagħhom, u meta d-data ssir disponibbli għall-kompetituri, dawn jaf jibżgħu li jitilfu jew jikkompromettu l-vantaġġ kompetittiv tagħhom.

3.3.Data ġġenerata mill-magni mhux ipproċessata: Is-sitwazzjoni legali fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali

Data mhux ipproċessata u ġġenerata mil-magni mhijiex protetta mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali eżistenti peress li din ma titqiesx bħala r-riżultat ta’ sforz intellettwali u/jew li m'għandhiex grad ta’ oriġinalità. Id-dritt sui generis tad-Direttiva dwar il-Bażijiet tad-Data (96/9/KE) – id-Direttiva li tagħti lil dawk li jagħmlu l-bażijiet tad-data d-dritt li jipprevjenu li bażi tad-data tiġi estratta jew li tintuża mill-ġdid, kemm jekk b'mod sħiħ u kemm jekk parti sostanzjali biss mill-kontenut tagħha – jista’ jiġi applikat biss bil-kundizzjoni li l-bażi tad-data tkun inħolqot biss b'investiment sostanzjali fil-mod kif inkiseb, kif ġie vverifikat u kif ġie ppreżentat il-kontenut tagħha. Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni ta’ Sigrieti Kummerċjali (2016/943/UE) li ġiet adottata dan l-aħħar u li għandha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sa Ġunju 2018, se tipproteġi s-sigrieti kummerċjali fejn jidħol il-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom. Biex id-data tikkwalifika bħala “sigriet kummerċjali”, iridu jittieħdu miżuri sabiex tiġi protetta s-segretezza tal-informazzjoni, li tirrappreżenta l-“kapital intellettwali tal-kumpanija”.

Skont il-liġi ta’ Stati Membri differenti, it-talbiet legali jiġu applikati fuq id-data biss meta dik id-data tissodisfa kundizzjonijiet speċifiċi għaliha biex tikkwalifika, ngħidu aħna, bħala dritt tal-proprjetà intellettwali, dritt tal-bażi ta’ data jew sigriet kummerċjali. Madankollu, fil-livell tal-UE, b'mod ġenerali d-data ġġenerata mill-magni u mhux ipproċessata ma tissodisfax il-kundizzjonijiet rilevanti.

Għalhekk, bħalissa ma jeżistux oqfsa ta’ politika komprensiva fil-livell nazzjonali jew tal-Unjoni b'rabtamad-data ġġenerata mill-magni u mhux ipproċessata, u li ma tikkwalifikax bħala data personali, jew b'rabta mal-kundizzjonijiet tal-użu ekonomiku u n-negozjabbiltà tagħhom. Fil-biċċa l-kbira, din il-kwistjoni titħalla biex tiġi solvuta permezz ta’ soluzzjonijiet kuntrattwali. L-użu tal-liġi kuntrattwali u tal-istrumenti tal-liġi tal-kompetizzjoni ġenerali li hemm fis-seħħ bħalissa u li huma disponibbli fl-Unjoni jistgħu jkunu biżżejjed biex jindirizzaw din il-kwistjoni. Barra minn hekk, jistgħu jiġu previsti ftehimiet volontarji jew komprensivi li jkopru ċerti setturi. Madankollu, meta s-setgħa tan-negozjar tal-parteċipanti tas-suq differenti ma tkunx indaqs, soluzzjonijiet ibbażati fuq is-suq biss jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jiġu żgurati riżultati ġusti u favur l-innovazzjoni, biex jiġi ffaċilitat aċċess faċli għal dawk il-ġodda li jidħlu fis-suq u biex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn tiġi intrappolata l-klijentela.

3.4.Is-sitwazzjoni fil-prattika

F’xi każijiet, il-manifatturi jew il-fornituri ta’ servizz jistgħu jsiru “sidien” de facto tad-data li jiġġeneraw il-magni jew il-proċessi tagħhom, anki jekk dawk il-magni jkunu proprjetà tal-utent. Għall-manifatturi, il-kontroll de facto ta’ din id-data jista’ jkun sors ta’ differenzjazzjoni u ta’ vantaġġ kompetittiv. Madankollu, dan jista’ jkun problematiku għaliex ħafna drabi l-manifattur jipprevjeni lill-utent milli jawtorizza l-użu ta’ data minn parti oħra.

Skont l-ispeċifiċitajiet tas-swieq, il-parteċipanti differenti tas-suq li jkollhom il-kontroll tad-data jkunu jistgħu allura jieħdu vantaġġ mid-diskrepanzi fil-qafas regolatorju, jew mill-inċertezzi legali deskritti hawn fuq, billi jimponu klawżoli kuntrattwali standard inġusti fuq l-utenti permezz ta’ mezzi tekniċi, bħal formati proprjetarji jew il-kriptaġġ. Filwaqt li diversi Stati Membri estendew il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-konsumatur dwar Termini Kuntrattwali Inġusti anki għal tranżazzjonijiet bejn in-negozji, mhux kollha għamlu dan. Dan jista’ jirriżulta pereżempju mill-fatt li l-utenti u n-negozji jinqabdu fi ftehimiet esklussivi dwar l-użu tad-data. Jaf id-data tibda tiġi skambjata b'mod volontarju, iżda meta jkun hemm pożizzjoni ta’ negozjar li ma tkunx indaqs jew spejjeż sinifikanti marbuta mas-servizzi mogħtija mill-esperti legali, in-negozjar ta’ kuntratti bħal dawn jista’ jwassal għal spejjeż sostanzjali marbuta mat-tranżazzjonijiet għall-partijiet l-aktar dgħajfa. .

3.5.Il-qafas tal-UE għall-ġejjieni b'rabta mal-aċċess għad-data

Xi Stati Membri bħalissa qed jesploraw kif jista' jiġi żgurat l-aċċess għad-data ġġenerata mill-magni u dawn jistgħu jiddeċiedu li jirregolaw din il-kwistjoni waħidhom. Approċċ mhux koordinat jista’ joħloq riskju ta’ frammentazzjoni u jkun ta’ detriment għall-iżvilupp tal-ekonomija tad-data tal-UE u għall-operazzjoni ta’ servizzi u teknoloġiji ta’ data transkonfinali fis-suq intern.

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tidħol fi djalogu mal-Istati Membri u ma’ partijiet ikkonċernati oħra sabiex jiġi esplorat qafas tal-UE futur possibbli għal aċċess għal data. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan id-djalogu għandu jdur madwar l-aktar modi effettivi ta’ kif jintlaħqu l-objettivi li ġejjin:

Titjib tal-aċċess għal data anonima ġġenerata mill-magni: Permezz tat-tqassim, l-użu mill-ġdid u l-aggregazzjoni, id-data ġġenerata mill-magni ssir sors ta’ ħolqien ta’ valur, innovazzjoni u diversità tal-mudelli ta’ negozju 25 .

L-iffaċilitar u l-inċentivar tal-kondiviżjoni ta’ data bħal din: Kull soluzzjoni futura għandha trawwem aċċess effettiv għad-data waqt li, pereżempju, tqis id-differenzi li jista' jkun hemm fis-fis-setgħa tan-negozjar bejn il-parteċipanti fis-suq.

Il-protezzjoni ta’ investimenti u assi: Kull soluzzjoni futura jeħtieġ tqis ukoll l-interessi leġittimi tal-parteċipanti fis-suq li jinvestu fl-iżvilupp ta’ prodott, tiżgura redditu ġust fuq l-investimenti tagħhom u b’hekk tikkontribwixxi għall-innovazzjoni. Fl-istess ħin, kull soluzzjoni futura jeħtieġ tiżgura tqassim ta’ benefiċċji ġust bejn id-detenturi tad-data 26 , il-proċessuri u l-fornituri tal-applikazzjonijiet fil-ktajjen tal-valur.

L-evitar ta’ l-iżvelar ta’ data kunfidenzjali: Kull soluzzjoni futura għandha ttaffi r-riskji tal-iżvelar ta’ data kunfidenzjali, b’mod partikolari għall-kompetituri eżistenti jew potenzjali. F’dan ir-rigward, dan jeħtieġ jippermetti wkoll li qabel il-valutazzjoni dwar jekk ċerta parti ta’ data tistax titqassam jew le, titwettaq klassifikazzjoni tad-data kif xieraq.

Jiġu minimizzati l-effetti ta’ intrappolament: Jeħtieġ jiġi kkunsidrat il-poter ta’ negozjar mhux ugwali bejn il-kumpaniji u l-individwi privati. Jeħtieġ jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ intrappolament, speċjalment għall-SMEs u kumpaniji ġodda u individwi privati.

Fid-djalogi bejn il-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tiddiskuti l-possibiltajiet li ġejjin biex tindirizza l-kwistjoni ta’ aċċess għad-data ġġenerata minn magna, li jvarjaw fil-livell ta’ intervent tagħhom:

Gwida dwar l-inċentivar tan-negozji biex jikkondividu d-data: Biex jitnaqqsu l-effetti ta’ regolamenti nazzjonali diverġenti u biex tingħata aktar ċertezza legali lill-kumpaniji, il-Kummissjoni tista’ toħroġ gwida dwar kif id-drittijiet ta’ kontroll għad-data mhux personali jeħtieġ jiġu indirizzati fil-kuntratti. Din il-gwida tkun ibbażata fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti, b’mod partikolari fuq ir-rekwiżiti dwar it-trasparenza u l-ġustizzja stabbiliti mil-liġi tal-UE dwar il-marketing u l-konsumaturi, id-Direttiva dwar is-Sigrieti Kummerċjali u l-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur, b'mod partikolari d-Direttiva dwar il-Bażijiet ta’ Data. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li fl-2017 tniedi evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-Bażijiet tad-Data.

It-trawwim tal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tekniċi għall-identifikazzjoni u l-iskambju ta’ data affidabbli: It-traċċabilità u l-identifikazzjoni ċara tas-sorsi tad-data jippermettu li veru jkun hemm kontroll tad-data fis-suq. Sabiex tinħoloq il-fiduċja fis-sistema, tista’ tkun meħtieġa d-definizzjoni ta’ protokolli affidabbli u possibbilment standardizzati biex is-sorsi tad-data jiġu identifikati b'mod persistenti. L-Interfacċċji ta’ Programmar ta’ Applikazzjoni (APIs) jistgħu jrawmu wkoll il-ħolqien ta’ ekosistema ta’ żviluppaturi ta’ applikazzjoni u ta’ algorittmi interessati fid-data miżmuma mill-kumpaniji. L-APIs jistgħu jgħinu lid-ditti u lill-awtoritajiet pubbliċi jidentifikaw it-tipi differenti ta’ użu mill-ġdid tad-data li għandhom u japprofittaw minnhom. Abbażi ta’ dan, jista’ jitqies użu usa’ ta’ APIs ddokumentati b’mod tajjeb, standardizzati u miftuħin, permezz ta’ gwida teknika, bħall-identifikazzjoni u t-tifrix tal-aħjar prattika għall-kumpaniji u l-korpi tas-settur pubbliku. Dan jista’ jinkludi li d-data ssir disponibbli f’formati li jinqraw mill-magni u l-għoti ta’ metadata assoċjata.

Regoli kuntrattwali ta’ inadempjenza: Ir-regoli ta’ inadempjenza jistgħu jiddeskrivu soluzzjoni bbilanċjata ta’ parametru referenzjarju għal kuntratti marbutin mad-data, u dan filwaqt li jqisu kif dovut il-Kontroll tal-Idoneità li jkun għaddej fuq il-funzjonament ġenerali tad-Direttiva dwar it-Termini Kuntrattwali Inġusti. Dawn ir-regoli jkunu jistgħu jingħaqdu mal-introduzzjoni ta’ kontroll ta' xi inġustizzja fir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn in-negozji 27 li jaf iwasslu biex jiġu invalidati klawżoli kuntrattwali li jiddevjaw b’mod eċċessiv mir-regoli tal-inadempjenza. Dawn jistgħu jiġu kkumplimentati wkoll minn sett ta’ termini kuntrattwali standard, irrakkomandat u mfassal mill-partijiet ikkonċernati. Dan l-approċċ jista’ jnaqqas l-ostakli legali għan-negozji ż-żgħar u jnaqqas l-iżbilanċ fil-pożizzjonijiet waqt in-negozjar, waqt li xorta jagħti lok għal grad għoli ta’ libertà kuntrattwali.

Aċċess għall-interess pubbliku u għal skopijiet xjentifiċi: L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jingħataw aċċess għad-data fejn din tkun fl-“interess ġenerali” u fejn ittejjeb il-funzjonament tas-settur pubbliku b’mod konsiderevoli, pereżempju l-aċċess tal-uffiċċji tal-istatistika għad-data dwar in-negozju, jew l-ottimizzazzjoni ta’ sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku abbażi ta’ data f’ħin reali mill-vetturi privati. Normalment, l-aċċess għad-data kummerċjali minn awtoritajiet statistiċi jikkontribwixxi għal tnaqqis fil-piż tar-rappurtar statistiku dwar l-operaturi ekonomiċi. B’mod simili, l-aċċess għad-data minn sorsi differenti u l-abbiltà li din tiġi kkombinata hu kritiku għal riċerka xjenfitika f’oqsma bħalma huma l-qasam mediku, dak soċjali u dak tax-xjenzi ambjentali.

Id-dritt tal-produttur tad-data: Il-“produttur tad-data” jiġifieri s-sit jew l-utent fit-tul (jiġifieri, il-lokatorju) tal-apparat jista’ jingħata d-dritt li juża u li jawtorizza l-użu tad-data mhux personali. Dan l-approċċ ikollu l-għan li jiċċara s-sitwazzjoni legali u li jagħti lill-produttur tad-data aktar għażla, billi jiftaħ il-possibbiltà għall-utenti li jutilizzaw id-data tagħhom u b’hekk jikkontribwixxu għall-ftuħ ta’ data ġġenerata mill-magni. Madankollu, l-eċċezzjonijiet rilevanti ikunu jeħtieġu li jiġu speċifikati b’mod ċar, b’mod partikolari l-provvediment tal-aċċess mhux esklussiv għad-data mill-manifattur jew mill-awtoritajiet pubbliċi, pereżempju biex jiġi mmaniġjat it-traffiku jew għal raġunijiet ambjentali. Fejn tkun ikkonċernata data personali, l-individwu jżomm id-dritt tiegħu li jirtira l-kunsens tiegħu fi kwalunkwe żmien wara li jkun awtorizza l-użu. Qabel ma l-użu tagħha jkompli jiġi awtorizzat mill-parti l-oħra, id-data personali tkun trid issir anonima b'tali mod li l-individwu ma jkunx identifikabbli jew ma jibqax identifikabbli.. Il-GDPR jibqa’ japplika għal kwalunkwe data personali (sew jekk hi ġġenerata mill-magni u sew jekk mhijiex) sakemm dik id-data tkun ġiet anonimizzata.

Aċċess kontra r-remunerazzjoni: Qafas potenzjalment ibbażat fuq ċerti prinċipji ewlenin, bħal termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (FRAND, fair, reasonable and non-discriminatory), jista’ jiġi żviluppat għad-detenturi tad-data, bħal manifatturi, fornituri tas-servizz jew partijiet oħra, sabiex jingħata aċċess għad-data li jkollhom bil-patt li titħallas remunerazzjoni wara li d-data tkun ġiet anonimizzata. Jeħtieġ jitqiesu l-interessi leġittimi rilevanti, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu protetti sigrieti kummerċjali. Jaf jitqiesu wkoll reġimi differenti ta’ aċċess għal setturi u/jew mudelli ta’ negozju differenti sabiex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ kull industrija. Pereżempju, f’xi każijiet, l-aċċess miftuħ għad-data (sħiħ jew parzjali) jista’ jkun l-għażla ppreferuta kemm għad-ditti kif ukoll għas-soċjetà.

Il-Kummissjoni se tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati dwar il-kwistjonijiet spjegati hawn fuq, bl-għan li tiġbor aktar evidenza dwar il-funzjonament tas-swieq tad-data skont is-settur u li jiġu skoperti soluzzjonijiet possibbli. F’dan il-kuntest, hi essenzjali diskussjoni wiesgħa fil-livell makro sabiex jiġu diskussi soluzzjonijiet possibbli u sabiex jiġu evitati effetti sekondarji mhux intenzjonati li joħonqu l-innovazzjoni jew ixekklu l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, se jsiru diskussjonijiet speċifiċi għas-settur mal-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-katina tal-valur tad-data.

4.Responsabbiltà

Kwistjoni oħra emerġenti hi dwar l-applikazzjoni tar-regoli attwali dwar ir-responsabbiltà fl-ekonomija tad-data b'rabta mal-prodotti u s-servizzi bbażati fuq teknoloġiji emerġenti bħall-Internet tal-Oġġetti (IoT), il-fabbriki tal-futur u s-sistemi konnessi awtonomi. L-IoT hu netwerk ta’ oġġetti ta’ kuljum, bħal arloġġi tal-idejn, vetturi u termostats, li huma konnessi mal-Internet, u qed jikber b’mod rapidu. Sistemi konnessi awtonomi, bħal vetturi li jsuqu waħidhom, jaġixxu b’mod indipendenti mill-bnedmin u huma kapaċi jifhmu u jinterpretaw l-ambjenti tagħhom. Dawn it-teknoloġiji emerġenti jużaw sensers biex jipprovdu l-ħafna tipi ta’ data li normalment huma meħtieġa biex il-prodott jew servizz jaħdem.

Dawn l-innovazzjonijiet kollha huma mistennija jikkontribwixxu għal aktar sigurtà u għal kwalità tal-ħajja aħjar, iżda inevitabbilment f’kull apparat tibqa’ l-possibbiltà ta’ żbalji fid-disinn, ta’ ħsara jew ta’ manipulazzjoni. Dan jista’ jirriżulta mit-trażmissjoni ta' data żbaljata minn sensur minħabba, pereżempju, difetti fis-softwer, problemi fil-konnettività jew tħaddim mhux korrett tal-magna. In-natura ta’ dawn is-sistemi timplika li jista’ jkun diffiċli jiġi stabbilit is-sors eżatt ta’ problema li twassal għal dannu, u dan iqajjem il-kwistjoni dwar kif għandu jiġi żgurat li dawn is-sistemi jkunu siguri għall-utenti, sabiex tiġi mminimizzata l-okkorrenza tad-dannu u f'każ li jsirxi dannu wieħed ikun jaf min għandu jinżamm responsabbli.

Għalhekk, il-kwistjoni dwar kif għandha tingħata ċertezza kemm għall-utenti kif ukoll għall-manifatturi ta’ apparat bħal dan fir-rigward tar-responsabbiltà potenzjali tagħhom hija ta’ importanza ċentrali għall-iżvilupp ta’ ekonomija tad-data.

4.1.Regoli tal-UE dwar ir-responsabbiltà

B’mod ġenerali, il-liġi ċivili tagħmel distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ responsabbiltà legali: kuntrattwali, fejn ir-responsabbiltà għall-ħsara toriġina mir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet; u mhux kuntrattwali 28 , fejn ir-responsabbiltajiet jiġu stabbiliti barra l-kuntratt. Tip importanti ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali hi r-responsabbiltà għal prodotti difettużi. Fil-livell tal-UE, id-Direttiva dwar ir-responsabbiltà għal prodotti difettużi (85/374/KEE) (“id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti”) tistabbilixxi l-prinċipju ta’ responsabbiltà stretta, jiġifieri responsabbiltà mingħajr difett: meta prodott difettuż jikkawża ħsara lil konsumatur, il-manifatturi jistgħu jinżammu reponsabbli anki mingħajr negliġenza jew difett min-naħa tagħhom. Madankollu, jista’ jsir diffiċli jew ma jibqax ċar kif għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva 29 fil-kuntest tal-IoT u sistemi konnessi awtonomi (eż. ir-robotika) għar-raġunijiet li ġejjin: il-karatteristiċi ta’ dawn is-sistemi, pereżempju prodott ikkumplikat jew katina tal-valur ta’ servizz, b’interdependenzi bejn il-fornituri, il-manifatturi u partijet terzi oħra; inċertezza fir-rigward tan-natura legali tal-apparat IoT, jiġifieri, jekk humiex prodotti, servizzi, jew prodotti li jiġu bil-bejgħ ta’ servizz; u n-natura awtonoma ta’ dawn it-teknoloġiji.

Il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni wiesgħa tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti sabiex tivvaluta l-funzjonament tagħha b’mod ġenerali u bex tara jekk ir-regoli tagħha, li ġew żviluppati għal ambjent differenti ħafna, jibqgħux xierqa għal teknoloġiji emerġenti bħall-IoT u s-sistemi konnessi awtonomi.

4.2.X'jistgħu jkunu l-passi li jmiss

L-objettiv tal-Kummissjoni hu li ttejjeb iċ-ċertezza legali fejn tidħol ir-responsabbiltà tat-teknoloġiji emerġenti u għalhekk li toħloq kundizzjonijiet favorevoli għall-innovazzjoni. Minbarra l-istatus quo 30 , jistgħu jiġu esplorati diversi approċċi li jinkludu:

Approċċi li joħolqu riskju jew li jimmaniġjaw ir-riskju: Skont dawn l-approċċi, ir-responsabbiltà tista’ tiġi assenjata lill-parteċipanti tas-suq li jiġġeneraw riskju kbir għall-oħrajn jew lil dawk il-parteċipanti tas-suq li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jimminimizzaw jew jevitaw ir-realizzazzjoni ta’ riskju bħal dan.

Skemi tal-assigurazzjoni volontarji jew mandatorji: Skemi bħal dawn jistgħu jiġu akkumpanjati bl-approċċi ta’ responsabbiltà msemmija hawn fuq. Dawn jikkumpensaw il-partijiet li jkunu ġarrbu d-dannu (eż. il-konsumatur). Dan l-approċċ jinvolvi li tingħata protezzjoni legali lill-investimenti li jsiru min-negozju waqt li jassigura lill-vittmi fir-rigward ta’ kumpens ġust jew ta’ assigurazzjoni xierqa f’każ ta’ dannu.

Kwalunkwe approċċ ikun jeħtieġ li jqis l-azzjonijiet tal-individwu li juża t-teknoloġija, u b’mod aktar preċiż, jeħtieġ jidentifika xi jrid ikun ir-rwol tal-utenti ta’ dik it-teknoloġija.

Il-Kummissjoni sejra tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati dwar l-adegwatezza tar-regoli tal-UE attwali dwar ir-responsabbiltà fil-kuntest tal-IoT u tas-sistemi konnessi awtonomi, kif ukoll dwar approċċi possibbli li jistgħu jegħlbu d-diffikultajiet attwali fl-assenjar tar-responsabbiltà. Qiegħda ssir ukoll konsultazzjoni pubblika parallela dwar l-evalwazzjoni ġenerali tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti. Il-Kummissjoni se tivvaluta r-riżultati u tqis l-għażliet għall-azzjoni fil-ġejjieni.

5.Il-portabbiltà, l-interoperabbiltà u l-istandards

Kwistjonijiet oħrajn emerġenti fl-ekonomija tad-data huma l-portabbiltà tad-data mhux personali, l-interoperabbiltà ta’ servizzi li jippermettu l-iskambju tad- data, u l-istandards tekniċi xierqa għall-implimentazzjoni tal-portabbiltà sinifikanti.

5.1.Il-portabbiltà ta’ data mhux personali

Il-portabbiltà tad-data tfisser li l-konsumaturi u n-negozji jkunu jistgħu jaqilbu d-data tagħhom minn sistema għal oħra faċilment. Ġeneralment din tkun assoċjata ma’ spejjeż baxxi marbuta ma' dan l-iswiċċjar, u għalhekk l-ostakli tad-dħul fl-ekonomija tad-data jkunu żgħar ukoll. Il-GDPR ser jagħti lill-individwi d-dritt li jirċievu d-data personali, ipprovduta lill-fornitur tas-servizz, f'format strutturat, li jinqara mill-magni u li jintuża b'mod komuni, u d-dritt li jittrażmettuha lil fornitur ieħor 31 .

Madankollu, rigward data mhux personali, bħalissa m’hemmx obbligi sabiex jiġi ggarantit saħansitra livell minimu ta’ portabbiltà tad-data, anki għal servizzi online użati b'mod komuni ħafna, bħall-fornituri tal-cloud hosting. Parzjalment dan hu l-każ minħabba li r-rekwiżiti għall-implimentazzjoni tal-portabbiltà tad-data jistgħu jkunu teknikament eżiġenti u jiswew il-flus, peress li l-fornituri differenti tal-istess servizzi jistgħu jaħżnu d-data b’mod differenti.

Il-portabbiltà sinifikanti ta' data mhux personali tkun teħtieġ ukoll tqis il-kunsiderazzjonijiet usa’ ta’ governanza tad-data li jinvolvu t-trasparenza għall-utenti, l-immaniġjar tal-aċċess u l-interoperabbiltà sabiex jiġu llinkjati pjattaformi differenti b’modi li jistimulaw l-innovazzjoni.

5.2.Interoperabbiltà

Ta’ spiss, il-kunsiderazzjonijiet tal-portabbiltà tad-data jkunu relatati mill-qrib ma’ kwistjonijiet tal-interoperabbiltà tad-data, u dan jippermetti lil servizzi diġitali multipli jiskambjaw id-data bla xkiel, anki bl-għajnuna tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi xierqa. Id-Direttiva dwar l-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku u l-gwida assoċjata (li tinkludi l-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà) jenfasizzaw l-importanza ta’ metadata rikka u standardizzata u li ssegwi l-vokabularji stabbiliti sabiex jiġu ffaċilitati t-tiftix u l-interoperabbiltà. Id-Direttiva dwar l-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) u r-regolamenti dwar l-interoperabbiltà tagħha u l-gwida għal servizzi u data dwar l-informazzjoni ġeografika, li tinkludi data ta’ osservazzjoni minn sensur, bħalissa tapplika għad-data spazjali tas-settur pubbliku 32 .

Fil-każ ta’ pjattaformi online, l-interoperabbiltà ta’ data bħal din mhux biss tiffaċilita l-bdil, iżda wkoll l-użu konkorrenti ta’ diversi pjattaformi (l-hekk imsejħa “multi-homing”) kif ukoll skambju ta’ data mifrux fi pjattaformi differenti, li għandu l-potenzjal iżid l-innovazzjoni fl-ekonomija diġitali.

5.3.Standards

Politiki effettivi dwar il-portabbiltà jridu jkunu appoġġjati bi standards tekniċi xierqa sabiex tiġi implimentata portabbiltà sinifikanti b’mod teknoloġikament newtrali. Il-Kummissjoni impenjat ruħha 33 li tappoġġja l-istandards xierqa sabiex jitjiebu l-interoperabbiltà, il-portabbiltà u s-sigurtà tas-servizzi fuq il-cloud, billi jkun hemm integrazzjoni aħjar tax-xogħol ta’ komunitajiet ta’ sors miftuħ fil-proċess tal-iffissar tal-istandards fil-livell Ewropew. Eżempji ta’ approċċ bħal dan huma l-ispeċifikazzjoni TOSCA għal applikazzjonijiet bil-cloud, li għandhom l-għan li jżidu l-portabbiltà u l-immaniġjar operazzjonali tal-applikazzjonijiet u s-servizzi fuq il-cloud 34 , u l-ispeċifikazzjonijiet u l-linji gwida tekniċi tar-regolamenti ta’ implimentazzjoni ta’ INSPIRE 35 .

5.4.X'jistgħu jkunu l-passi li jmiss

X'jistgħu jkunu l-passi li jmiss biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ hawn fuq:

L-iżvilupp ta’ termini kuntrattwali rakkomandati għall-iffaċilitar tal-iswiċċjar tal-fornituri ta' servizz: Peress li l-portabbiltà u l-iswiċċjar tal-fornitur tas-servizzi tad-data jiddependu wieħed fuq l-ieħor, jista’ jiġi eżaminat l-iżvilupp ta’ klawżoli kuntrattwali li jirrikjedu lill-fornitur tas-servizz jimplimenta l-portabbiltà tad-data tal-konsumatur.

L-iżvilupp ta’ aktar drittijiet għall-portabbiltà tad-data: Filwaqt li jkomplu jibnu fuq id-dritt tal-portabbiltà tad-data mogħti mill-GDPR u fuq ir-regoli proposti dwar il-kuntratt għall-forniment ta’ kontenut diġitali, jistgħu jiġu introdotti aktar drittijiet għall-portabbiltà ta’ data mhux personali, b’mod partikolari biex ikopru r-relazzjonijiet bejn in-negozji, waqt li jqisu r-riżultat tal-Kontroll tal-Idoneità li jkun għaddej fuq il-partijiet ewlenin tal-liġi tal-UE dwar il-kummerċjalizzazzjoni u l-konsumatur 36 .

Esperimenti speċifiċi għas-settur fuq l-istandards: Sabiex jiġi żviluppat approċċ robust għar-regoli tal-portabbiltà kkodifikati permezz ta' standards, jistgħu jitniedu approċċi sperimentali speċifiċi għas-settur. Normalment dawn ikunu jinvolvu kollaborazzjoni bejn bosta partijiet ikkonċernati li jinkludu dawk li jistabbilixxu l-istandards, l-industrija, il-komunità teknika, u l-awtoritajiet pubbliċi.

Il-Kummissjoni se tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati fuq dawn il-kwistjonijiet u abbażi ta’ dan se tiddetermina jekk hix meħtieġa azzjoni addizzjonali, possibbilment fil-forma tal-azzjonijiet ta’ hawn fuq, jew individwalment jew f'kombinazzjoni.

6.Esperimentazzjoni u ttestjar

L-esperimentazzjoni hi parti importanti mill-esplorazzjoni ta’ kwistjonijiet emerġenti fl-ekonomija tad-data. Se jiġi esplorat il-potenzjal li jintuża l-finanzjament mill-Orizzont 2020 sabiex jiġu appoġġjati dawn it-tipi ta’ provi u esperimenti.

Qabel jintlaħqu konklużjonijiet dwar l-adegwatezza ta’ soluzzjonijiet possibbli għall-aċċess għad-data u r-responsabbiltà tagħha, jeħtieġ tiġi organizzata prova ddedikata għall-ittestjar ta’ dawn il-kwistjonijiet f’ambjent tal-ħajja reali, bi sħubija ma’ partijiet ikkonċernati. Hemm bżonn ta' soluzzjoni Ewropea mibnija fuq il-kooperazzjoni u l-esperimentazzjoni bejn l-Istati Membri.

Minħabba d-dimensjoni transkonfinali ta’ dan is-settur, għal prova bħal din, tista’ titqies il-mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata 37 .

Diġà qed isiru proġetti f’diversi Stati Membri sabiex jiġu żviluppati sistemi kooperattivi u livelli ogħla ta’ awtomatizzazzjoni  38 . Dawn il-proġetti jippermettu lill-vetturi jkunu konnessi ma’ xulxin u ma’ infrastruttura tat-triq bħad-dwal tat-traffiku u s-sinjali tat-triq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li taħdem ma’ grupp ta’ Stati Membri interessati biex toħloq qafas ta’ ttestjar legali għat-twettiq ta' esperimenti abbażi ta’ regoli armonizzati dwar l-aċċess u r-responsabbiltà għad-data. Sabiex ikun hemm aċċess għal volum kbir biżżejjed ta’ data, il-provi għandhom jiġu bbażati fuq 5G, u jaħdmu f’koeżistenza bla xkiel ma’ teknoloġiji li diġà qed jintużaw u skont il-prinċipju tal-kumplimentarjetà 39 .

Esperimentazzjoni interessanti oħra se tiġi mis-settur ġeospazjali, bl-introduzzjoni ta’ ekosistema ġdida ta’ data mibnija madwar Copernicus, programm tal-UE tal-osservazzjoni tad-dinja u t-tielet l-akbar fornitur ta’ data fid-dinja. Il-Kummissjoni qed tiżviluppa soluzzjonijiet innovattivi biex trawwem l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet ibbażati fuq Copernicus u data spazjali oħra, b'mod partikolari biex tindirizza kwistjonijiet dwar l-aċċess għad-data, l-interoperabbiltà u l-prevedibbiltà.

7.Konklużjoni

Sabiex tibni l-ekonomija tad-data, l-UE teħtieġ qafas politiku li jippermetti li d-data tintuża fil-katina tal-valur għal skopijiet xjentifiċi, skopjiet soċjali u dawk industrijali. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tniedi djalogu wiesa’ ma’ partijiet ikkonċernati dwar il-kwistjonijiet esplorati f’din il-Komunikazzjoni. L-ewwel pass f’dan id-djalogu se jkun konsultazzjoni pubblika. Il-kwistjonijiet ta’ aċċess għad-data u tar-responsabbiltà se jiġu ttestjati wkoll f’ambjent reali fil-qasam tal-mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata.

Dwar il-fluss liberu tad-data, il-Kummissjoni se tkompli taħdem fuq din il-kwistjoni f’konformità mal-approċċ spjegat hawn fuq, sabiex timplimenta b’mod sħiħ il-prinċipju tal-fluss liberu tad-data fl-UE, jekk anki permezz ta' azzjoni ta’ infurzar prijoritizzata. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll timmonitorja u tiġbor l-evidenza, u jekk ikun meħteġ tista’ tikkunsidra li tieħu aktar inizjattivi dwar il-fluss liberu tad-data.

Abbażi tar-riżultati tad-djalogu mal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tiddeċiedi wkoll jekk hix meħtieġa azzjoni addizzjonali dwar il-kwistjonijiet emerġenti u tipproponi soluzzjonijiet kif xieraq. F’dan il-kuntest, l-esperimentazzjoni f’kundizzjonijiet reali jaf ikollha rwol.

(1)  L-ekonomija tad-data tkejjel l-impatti ġenerali tas-suq tad-data – jiġifieri, is-suq fejn id-data diġitali tiġi skambjata bħala prodotti jew servizzi derivati minn data mhux ipproċessata – fuq l-ekonomija inġenerali. Dan jinvolvi l-ġenerazzjoni, il-ġbir, il-ħażna, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni, l-analiżi, l-elaborazzjoni, il-kunsinna, u l-isfruttament ta’ data attivata minn teknoloġiji diġitali (studju dwar Suq tad-Data Ewropew, SMART 2013/0063, IDC, 2016)
(2)  Studju tas-Suq tad-Data Ewropew, SMART 2013/0063, IDC, 2016
(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/56/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1
(4)  L-Artikolu 56 tal-GDPR.
(5)  COM (2017) 10
(6)  COM (2012) 9
(7)  COM (2014) 442
(8)  COM (2017) 7
(9)  COM (2015) 497
(10)  https://ec.europa.eu/digital-single-market/news-redirect/52039
(11)  OECD, "Emerging Policy Issues: Localisation Barriers to Trade", 2015 u xogħol għaddej bħalissa
(12)  Artikolu 1(3). Eż. indirizz IP dinamiku rreġistrat minn fornitur ta’ servizzi tal-midja online meta persuna taċċessa sit web li l-fornitur jagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku se jikkwalifika bħala data personali, fir-rigward ta’ dak l-istess fornitur, fejn dan tal-aħħar għandu l-mezzi legali li jippermettulu jidentifika s-suġġett tad-data b’aktar data li l-fornitur tas-servizz tal-internet ikollu dwar dik il-persuna. Ara s-sentenza fil-Kawża C-582/14, Breyer, ECLI:UE:C:2016:779, f’par. 49.
(13)  Kif definit fl-Artikolu 4(1) tal-GDPR.
(14)  Data miżmuma kemm mill-privat kif ukoll mill-pubbliku
(15)  Tinkludi kopji ta’ settijiet ta’ data
(16)  Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni, ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1
(17)  Għadd ta’ dispożizzjonijiet tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji u s-sistema Ewropea ta’ superviżjoni finanzjarja jesiġu li s-superviżuri jkollhom aċċess għal data dwar l-istituzzjonijiet u t-tranżazzjonijiet finanzjarji fi kwalunkwe post fit-territorju tal-UE. Ir-rekwiżiti li d-data trid tinħażen f’territorju nazzjonali partikolari, jew dawk li jimponu kundizzjonijiet biex l-aċċess minħabba s-superviżjoni jsir skont proċeduri amministrattivi, jistgħu jnaqqsu l-aċċess mill-awtoritajiet superviżorji għal data li tkun essenzjali għalihom fl-implimentazzjoni tal-mandat tagħhom.
(18)  "Unleashing Internal Data Flows in the EU: An Economic Assessment of Data Localisation Measures in the EU Member States", ECIPE, 2016, kalkolu bbażat fuq pressjoni kompetittiva miżjuda taħt DSM “industrijali” bi prezz li huwa trasparenti għalkollox
(19)  Filwaqt li jitqies li l-eċċezzjonijiet tat-Trattat għandhom jiġu interpretati b'mod restrittiv. Liġi sekondarja rilevanti bħal din tinkludi l-GDPR, id-Direttiva 2000/31/KE (id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku), id-Direttiva 2006/123/KE (id-Direttiva dwar is-Servizzi) u, fir-rigward tal-abbozz ta’ regolameneti tekniċi u l-abbozz ta’ regoli dwar is-Servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni, id-Direttiva 2015/1535 (id-Direttiva dwar it-Trasparenza).
(20)  Il-moviment liberu ta’ data personali jinsab fl-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u r-regoli għall-moviment liberu ta’ data personali huma stabbiliti fil-leġiżlazzjoni attwali u futura tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data. L-Artikolu 1(3) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jiddikjara li l-moviment liberu tad-data personali fl-Unjoni jeħtieġ li la jkun ristrett u lanqas ipprojbit għal raġunijiet marbutin mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi b'rabta mal-ipproċessar tad-data personali.
(21)  http://www.consilium.europa.eu/eu/en/press-releases/2016/12/15-euro-conclusions-final/
(22)  Kif definit fl-Artikolu 4(1) tal-GDPR.
(23)  IDC, European Data Market Study, First Interim Report, 2016; Impact Assessment support study on emerging issues of data ownership, interoperability, (re)usability and access to data, and liability, First interim report, 2016; Konferenza ta’ livell għoli ta' DG Connect, 17 ta’ Ottubru 2016
(24) https://developer.lufthansa.com/ https://data.sncf.com/api https://api.tfl.gov.uk/ https://dev.blablacar.com/  Pereżempju, ; ; ;
(25)  Fejn tidħol id-data personali japplika l-GDPR.
(26)  L-entità li fil-prattika timmaniġja u żżomm id-data ġġenerata mill-magni.
(27)  Naturalment, il-parametru referenzjarju għal-livell ta’ inġustizzja fejn jidħlu r-relazzjonijiet bejn in-negozji jkun irid ikun differenti minn dak tal-kuntratti bejn in-negozji, sabiex jirrifletti grad ogħla ta’ libertà kuntrattwali fir-relazzjonijiet bejn in-negozji.
(28)  Ir-regoli tal-UE dwar ir-responsabbiltà jirrelataw biss ma’ responsabbiltajiet extra kuntrattwali.
(29)  F’partijiet oħrajn tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà tal-prodotti, isiru referenzi għar-responsabbiltà stretta tal-produtturi f’każ ta’ prodotti difettużi, bħad-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju (2014/53/UE), ir-Regolamenti dwar l-Apparat Mediku, id-Direttiva dwar il-Makkinarju (2006/42/KE) u d-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti (2001/95/KE).
(30)  Il-Kummissjoni tista’ toħroġ gwida dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar ir-responsabbiltà għall-IoT u r-robotika. 
(31) Artikolu 20
(32) Data ġġenerata mill-magni hija “data spazjali” minħabba li normalment sensuri jittrażmettu wkoll il-pożizzjoni diretta jew indiretta tagħhom (post) flimkien mal-kejl tagħhom.
(33) COM(2016) 176 finali: Prijoritajiet ta’ Standardizzjoni tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali
(34)  https://www.oasis-open.org/committees/tosca
(35) Leġiżlazzjoni tal-INSPIRE: http://inspire.ec.europa.eu/inspire-legislation/26
(36) http://ec.europa.eu/consumers/consumer_rights/review/index_en.htm
(37) Ara COM (2016) 766 tat-30.11.2016.
(38) Ara COM (2016) 766: Strateġija Ewropea dwar Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti Kooperattivi
(39) Ara COM (2016) 588: 5G għall-Ewropa: Pjan ta’ Azzjoni: