23.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 69/1


SOLUZZJONI ĠDIDA GĦAR-RENJU UNIT FI ĦDAN L-UNJONI EWROPEA

Silta mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18-19 ta' Frar 2016  (1)

(2016/C 69 I/01)

IR-RENJU UNIT U L-UNJONI EWROPEA,

1.

Fil-laqgħa tagħhom ta' Diċembru, il-membri tal-Kunsill Ewropew qablu li jaħdmu mill-qrib flimkien biex isibu soluzzjonijiet reċiprokament sodisfaċenti f'kull wieħed mill-erba' oqsma msemmija fl-ittra tal-Prim Ministru Brittaniku tal-10 ta' Novembru 2015.

2.

Illum, il-Kunsill Ewropew qabel li s-sett ta' arranġamenti li ġejjin, li huma kompatibbli għalkollox mat-Trattati u li ser isiru effettivi fid-data li fiha l-Gvern tar-Renju Unit jgħarraf lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill li r-Renju Unit iddeċieda li jibqa' membru tal-Unjoni Ewropea, jikkostitwixxi rispons xieraq għat-tħassib tar-Renju Unit:

(a)

Deċiżjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill Ewropew, dwar soluzzjoni ġdida għar-Renju Unit fi ħdan l-Unjoni Ewropea (Anness I);

(b)

Dikjarazzjoni li tinkludi abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-ġestjoni effettiva tal-unjoni bankarja u tal-konsegwenzi ta' integrazzjoni ulterjuri taż-żona tal-euro li ser tiġi adottata fil-jum li d-Deċiżjoni msemmija f'punt (a) issir effettiva (Anness II);

(c)

Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-kompetittività (Anness III);

(d)

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar mekkaniżmu għall-implimentazzjoni tas-sussidjarjetà u mekkaniżmu għall-implimentazzjoni tat-tnaqqis tal-piżijiet (Anness IV);

(e)

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-indiċjar ta' benefiċċji għat-tfal esportati fi Stat Membru ieħor minbarra dak fejn il-ħaddiem ikun jirrisjedi (Anness V);

(f)

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-mekkaniżmu ta' salvagwardja msemmi fil-paragrafu 2(b) tat-Taqsima D tad-Deċiżjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern (Anness VI);

(g)

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-abbuż tad-dritt tal-moviment liberu tal-persuni (Anness VII).

3.

Rigward id-Deċiżjoni fl-Anness I, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern iddikjaraw li:

(i)

din id-Deċiżjoni tagħti garanzija legali li l-kwistjonijiet ta' tħassib għar-Renju Unit kif espressi fl-ittra tal-10 ta' Novembru 2015 ġew indirizzati;

(ii)

il-kontenut tad-Deċiżjoni huwa kompletament kompatibbli mat-Trattati;

(iii)

din id-Deċiżjoni hija legalment vinkolanti, u tista' tiġi emendata jew imħassra biss bi qbil komuni mill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

(iv)

din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data li fiha l-Gvern tar-Renju Unit jgħarraf lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill li r-Renju Unit iddeċieda li jibqa' membru tal-Unjoni Ewropea.

4.

Huwa mifhum li, jekk ir-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit ikun li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, is-sett ta' arranġamenti msemmi fil-paragrafu 2 ta' hawn fuq ma jibqax jeżisti.


(1)  Dokument ST 1/16, paġni 1, 2, u minn 8 sa 36, disponibbli fuq: http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-1-2016-INIT/mt/pdf


ANNESS I

DEĊIŻJONI TAL-KAPIJIET TA' STAT JEW TA' GVERN, IMLAQQGĦIN FI ĦDAN IL-KUNSILL EWROPEW, DWAR SOLUZZJONI ĠDIDA GĦAR-RENJU UNIT FI ĦDAN L-UNJONI EWROPEA

Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tat-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill Ewropew, li l-Gvernijiet tagħhom huma firmatarji tat-Trattati li fuqhom hija msejsal-Unjoni,

FILWAQT LI JIXTIEQU jsibu soluzzjoni, f'konformità mat-Trattati, għal ċerti kwistjonijiet imqajma mir-Renju Unit fl-aħħar ittra tiegħu tal-10 ta' Novembru 2015,

BIL-ĦSIEB LI f'din id-Deċiżjoni jiċċaraw ċerti kwistjonijiet ta' importanza partikolari għall-Istati Membri biex b'hekk tali kjarifika jkollha tiġi kkunsidrata bħala strument għall-interpretazzjoni tat-Trattati; filwaqt li biħsiebhom ukoll jaqblu dwar arranġamenti għal kwistjonijiet li jinkludu r-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni, kif ukoll il-ġestjoni effettiva tal-unjoni bankarja u tal-konsegwenzi ta' integrazzjoni ulterjuri taż-żona tal-euro,

FILWAQT LI JFAKKRU fl-objettiv tal-Unjoni li tistabbilixxi, f'konformità mat-Trattati, unjoni ekonomika u monetarja li l-munita tagħha tkun l-euro u l-importanza li l-funzjonament tajjeb taż-żona tal-euro għandu għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Filwaqt li dsatax-il Stat Membru diġà adottaw munita unika, Stati Membri oħra għandhom deroga li tapplika sakemm il-Kunsill jiddeċiedi li jkunu ntlaħqu l-kondizzjonijiet biex din titħassar u, skont il-Protokolli Nru 15 u Nru 16 annessi mat-Trattati, żewġ Stati Membri ma għandhom l-ebda obbligu rispettivament, biex jadottaw l-euro jew li jkunu eżentati milli jagħmlu dan. Għalhekk, sakemm ma jitħassrux tali derogi jew dment li jibqgħu japplikaw l-imsemmija protokolli wara notifika jew talba mill-Istat Membru rilevanti, mhux l-Istati Membri kollha jkollhom l-euro bħala l-munita tagħhom. Filwaqt li jfakkru li l-proċess li jwassal għall-istabbiliment tal-unjoni bankarja u governanza aktar integrata taż-żona tal-euro huwa miftuħ għall-Istati Membri li ma għandhomx l-euro bħala l-munita tagħhom,

FILWAQT LI JFAKKRU li t-Trattati, flimkien ma' referenzi għall-proċess ta' integrazzjoni Ewropea u għall-proċess ta' ħolqien ta' għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli Ewropej, fihom ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi li bihom xi Stati Membri huma intitolati li ma jiħdux sehem fi jew li jkunu eżentati mill-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet jew kapitoli tat-Trattati u tal-liġi tal-Unjoni f'dak li jirrigwarda materji bħall-adozzjoni tal-euro, deċiżjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet ta' difiża, l-eżerċizzju ta' kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri, kif ukoll miżuri fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati jippermettu wkoll li Stat Membru jew Stati Membri ma jiħdux sehem f'azzjonijiet li jkunu intiżi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni, partikolarment billi tiġi stabbilita kooperazzjoni msaħħa. Għalhekk, tali proċessi jagħmluha possibbli li jkun hemm rotot differenti ta' integrazzjoni għal Stati Membri differenti, li jippermettu li dawk li jridu japprofondixxu l-integrazzjoni jkunu jistgħu jipproċedu, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet ta' dawk li ma jridux jieħdu tali rotta,

FILWAQT LI JFAKKRU b'mod partikolari li skont it-Trattati r-Renju Unit huwa intitolat li:

ma jadottax l-euro u għalhekk iżomm il-Lira Sterlina bħala l-munita tiegħu (Protokoll Nru 15),

ma jiħux sehem fl-acquis ta' Schengen (Protokoll Nru 19),

iwettaq kontrolli fuq persuni fil-fruntieri, u għalhekk ma jiħux sehem fl-acquis taż-żona Schengen f'dak li jirrigwarda l-fruntieri interni u dawk esterni (Protokoll Nru 20),

jagħżel jekk jiħux sehem jew le f'miżuri tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (Protokoll Nru 21),

mill-1 ta' Diċembru 2014 ma jibqax japplika maġġoranza kbira ta' atti u dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona filwaqt li jagħżel li jibqa' jieħu sehem f'35 minnhom (Artikolu 10(4) u (5) tal-Protokoll Nru 36),

FILWAQT LI JFAKKRU wkoll li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma estendietx il-kapaċità tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew ta' kwalunkwe qorti jew tribunal tar-Renju Unit biex jiddeċiedi dwar il-konsistenza tal-liġijiet u l-prattiki tar-Renju Unit mad-drittijiet fundamentali li jirriafferma (Protokoll Nru 30),

FILWAQT LI HUMA DETERMINATI li jisfruttaw b'mod sħiħ il-potenzjal tas-suq intern fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, biex isaħħu l-attraenza globali tal-Unjoni bħala post ta' produzzjoni u investiment, u biex jippromwovu l-kummerċ internazzjonali u l-aċċess għas-suq fost l-oħrajn permezz tan-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehimiet kummerċjali, fi spirtu ta' benefiċċju reċiproku għall-partijiet kollha u trasparenza,

FILWAQT LI HUMA DETERMINATI wkoll li jiffaċilitaw u jappoġġjaw il-funzjonament tajjeb taż-żona tal-euro u l-futur fit-tul tagħha, għall-benefiċċju tal-Istati Membri kollha,

FILWAQT LI JIRRISPETTAW is-setgħat tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluż matul il-proċeduri leġislattivi u baġitarji kollha, u mingħajr ma jaffettwaw ir-relazzjonijiet tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti,

FILWAQT LI JIRRISPETTAW is-setgħat tal-banek ċentrali fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, inkluż id-dispożizzjoni tal-likwidità tal-bank ċentrali fi ħdan il-ġurisdizzjonijiet rispettivi,

WARA LI KKUNSIDRAW id-Dikjarazzjoni li fiha l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi rigward il-ġestjoni effettiva tal-unjoni bankarja u tal-konsegwenzi ta' integrazzjoni ulterjuri taż-żona tal-euro,

WARA LI KKUNSIDRAW il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2014 u tat-18 u d-19 ta' Frar 2016,

FILWAQT LI JIEĦDU NOTA tad-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-kompetittività,

FILWAQT LI JIEĦDU NOTA tad-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar mekkaniżmu għall-implimentazzjoni tas-sussidjarja u mekkaniżmu għall-implimentazzjoni tat-tnaqqis tal-piżijiet,

FILWAQT LI JIEĦDU NOTA tad-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-mekkaniżmu ta' salvagwardja msemmi fil-paragrafu 2(b) tat-Taqsima D tad-Deċiżjoni,

FILWAQT LI JIEĦDU NOTA tad-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-abbuż tad-dritt tal-moviment liberu tal-persuni,

FILWAQT LI JIEĦDU KONT tal-ideat espressi mill-President u l-membri tal-Parlament Ewropew,

QABLU DWAR ID-DEĊIŻJONI LI ĠEJJA:

TAQSIMA A

GOVERNANZA EKONOMIKA

Sabiex jintlaħaq l-objettiv tat-Trattati li tiġi stabbilita unjoni ekonomika u monetarja li l-munita tagħha hija l-euro, jeħtieġ li jsir aktar approfondiment. Miżuri, li l-għan tagħhom huwa li jkomplu japprofondixxu l-unjoni ekonomika u monetarja, ser ikunu volontarji għall-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro u ser ikunu miftuħa għas-sehem tagħhom kull fejn ikun fattibbli. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, għajr dawk li mingħajr obbligu li jadottaw l-euro jew li huma eżentati minnha, huma marbuta bit-Trattati li jagħmlu progress biex jissodisfaw il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika.

Huwa rikonoxxut li l-Istati Membri li ma jiħdux sehem f'aktar approfondiment tal-unjoni ekonomika u monetarja mhumiex ser joħolqu ostakoli iżda ser jiffaċilitaw dan l-approfondiment ulterjuri filwaqt li, min-naħa l-oħra, dan il-proċess ser jirrispetta d-drittijiet u l-kompetenzi tal-Istati Membri li ma jiħdux sehem. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni, flimkien mal-Istati Membri, ser jiffaċilitaw il-koeżistenza bejn perspettivi differenti fi ħdan il-qafas istituzzjonali uniku filwaqt li jiżguraw il-konsistenza, l-operabbiltà effettiva tal-mekkaniżmi tal-Unjoni u l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati, kif ukoll kondizzjonijiet ekwi u l-integrità tas-suq intern.

Ir-rispett reċiproku u l-kooperazzjoni sinċiera bejn l-Istati Membri li jieħdu jew ma jiħdux sehem fil-funzjonament taż-żona tal-euro ser jiġi żgurat bil-prinċipji mfakkra f'din it-Taqsima, li huma salvagwardjati prinċipalment permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (1) li tirreferi għalihom.

1.

Hija pprojbita d-diskriminazzjoni bejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi abbażi tal-munita uffiċjali tal-Istat Membru jew, kif jista' jkun il-każ, il-munita li jkollha valuta legali fl-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti. Kwalunkwe trattament differenti għandu jkun ibbażat fuq raġunijiet oġġettivi.

Atti legali, inklużi ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri, marbuta direttament mal-funzjonament taż-żona tal-euro għandhom jirrispettaw is-suq intern jew il-koeżjoni ekonomika, kif ukoll soċjali u territorjali, u ma għandhomx jikkostitwixxu ostakolu jew diskriminazzjoni għall-kummerċ bejn l-Istati Membri. Dawn l-atti għandhom jirrispettaw il-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro.

L-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro ma għandhomx jimpedixxu l-implimentazzjoni ta' atti legali marbuta direttament mal-funzjonament taż-żona tal-euro u għandhom joqogħdu lura minn miżuri li jistgħu jipperikolaw il-kisba tal-objettivi tal-unjoni ekonomika u monetarja.

2.

Il-liġi tal-Unjoni dwar l-unjoni bankarja li tagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni jew lill-korpi tal-Unjoni li jeżerċitaw funzjonijiet simili, l-awtorità fuq istituzzjonijiet ta' kreditu hija applikabbli biss għall-istituzzjonijiet ta' kreditu li jinsabu fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jew fi Stati Membri li jkunu kkonkludew ftehim ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-Bank Ċentrali Ewropew dwar superviżjoni prudenzjali, f'konformità mar-regoli rilevanti tal-UE u soġġett għar-rekwiżiti tas-superviżjoni u riżoluzzjoni tal-gruppi u dik konsolidata.

Il-ġabra unika tar-regoli għandha tiġi applikata mill-istituzzjonijiet kollha ta' kreditu u minn istituzzjonijiet finanzjarji oħra sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet ekwi fi ħdan is-suq intern. Jista' jkun li jeħtieġ li l-liġi sostantiva tal-Unjoni li għandha tiġi applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta' superviżur uniku tiegħu, jew mill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni jew il-korpi tal-Unjoni li jeżerċitaw funzjonijiet simili, inkluża l-ġabra unika tar-regoli rigward ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet tal-kreditu jew miżuri leġislattivi oħrajn li għandhom jiġu adottati għall-iskop ta' salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja, titfassal b'mod aktar uniformi mir-regoli korrispondenti li għandhom jiġu applikati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri li ma jiħdux sehem fl-unjoni bankarja. Għal dan il-għan, jistgħu jinħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi fi ħdan il-ġabra unika tar-regoli u strumenti oħra rilevanti, filwaqt li jinżammu kondizzjonijiet ekwi u jkun hemm kontribut għall-istabbiltà finanzjarja.

3.

Miżuri ta' emerġenza u ta' kriżi mfassla biex jissalvagwardjaw l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro mhumiex ser jinvolvu responsabbiltà baġitarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro jew, kif jista' jkun il-każ, għal dawk li ma jiħdux sehem fl-unjoni bankarja.

Ser jiġu stabbiliti mekkaniżmi adatti li jiżguraw rimborż sħiħ fejn il-baġit ġenerali tal-Unjoni jkun jiflaħ għall-ispejjeż, li ma jkunux spejjeż amministrattivi, li jirriżultaw mill-miżuri ta' emerġenza u ta' kriżi msemmija fl-ewwel subparagrafu.

4.

L-implimentazzjoni ta' miżuri, inkluża s-superviżjoni jew ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji, u responsabbiltajiet makroprudenzjali, li jkollhom jittieħdu inkonsiderazzjoni sabiex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro hija, soġġett għar-rekwiżiti ta' superviżjoni u ta' riżoluzzjoni tal-grupp u konsolidata, materja għall-awtoritajiet tagħhom stess u r-responsabbiltà baġitarja proprja, sakemm tali Stati Membri ma jkunux jixtiequ jissieħbu f'mekkaniżmi komuni miftuħa għall-parteċipazzjoni tagħhom.

Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-iżvilupp tal-ġabra unika tar-regoli u għall-mekkaniżmi ta' superviżjoni makroprudenzjali tal-Unjoni għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni ta' riskji finanzjarji sistemiċi fl-Unjoni u għas-setgħat eżistenti tal-Unjoni li jieħdu azzjoni li tkun meħtieġa bħala reazzjoni għal theddid għall-istabbiltà finanzjarja.

5.

Il-laqgħat informali tal-Ministri tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, kif imsemmi fil-Protokoll (Nru 14) dwar il-Grupp tal-Euro, għandhom jirrispettaw is-setgħat tal-Kunsill bħala istituzzjoni li lilha t-Trattati taw funzjonijiet leġislattivi, u fi ħdan l-Istati Membri jikkoordinaw il-politiki ekonomiċi tagħhom.

F'konformità mat-Trattati, il-membri kollha tal-Kunsill jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tiegħu, anke fejn mhux il-membri kollha jkollhom id-dritt tal-vot. Id-diskussjonijiet informali minn grupp ta' Stati Membri għandhom jirrispettaw is-setgħat tal-Kunsill, kif ukoll il-prerogattivi tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.

6.

Meta kwistjoni relatata mal-applikazzjoni ta' din it-Taqsima jkollha tiġi diskussa fil-Kunsill Ewropew kif previst fil-paragrafu 1 tat-Taqsima E, ser tiġi kkunsidrata kif dovut l-urġenza possibbli tal-kwistjoni.

7.

Is-sustanza ta' din it-Taqsima ser tiġi inkorporata fit-Trattati fi żmien ir-reviżjoni tagħhom li jmiss f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati u r-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tal-Istati Membri.

TAQSIMA B

KOMPETITTIVITÀ

L-istabbiliment ta' suq intern li fih jiġi żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa objettiv essenzjali tal-Unjoni. Sabiex jiġi ggarantit dan l-objettiv u jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi, l-UE għandha ttejjeb il-kompetittività, skont id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-kompetittività.

Għal dan l-għan, l-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE u l-Istati Membri ser jagħmlu kull sforz biex jimplimentaw b'mod sħiħ u jsaħħu s-suq intern, kif ukoll biex dan jiġi adattat biex iżomm il-pass mas-sitwazzjonijiet li qed jinbidlu. Fl-istess ħin, l-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE u l-Istati Membri ser jieħdu passi konkreti sabiex ikun hemm regolamentazzjoni aħjar, li hija fattur ewlieni biex jinkisbu l-objettivi msemmija hawn fuq. Dan ifisser li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż tal-konformità fuq operaturi ekonomiċi, speċjalment intrapriżi żgħar u medji, u li titħassar leġislazzjoni żejda kif previst fid-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar mekkaniżmu għall-implimentazzjoni tas-sussidjarjetà u mekkaniżmu għall-implimentazzjoni tat-tnaqqis tal-piżijiet, filwaqt li jibqgħu jiġu ggarantiti standards għolja tal-protezzjoni tal-konsumaturi, tal-impjegati, tas-saħħa u tal-ambjent. L-Unjoni Ewropea ser taħdem ukoll biex ikun hemm politika kummerċjali attiva u ambizzjuża.

Il-progress f'dawn l-elementi kollha ta' politika koerenti għall-kompetittività ser jiġi ssorveljat u rieżaminat mill-qrib kif ikun adatt.

TAQSIMA C

SOVRANITÀ

1.

Huwa rikonoxxut li r-Renju Unit, fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika li għandu skont it-Trattati, mhuwiex impenjat lejn aktar integrazzjoni politika fl-Unjoni Ewropea. Is-sustanza ta' dan ser tiġi inkorporata fit-Trattati fi żmien ir-reviżjoni li jmiss tagħhom f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati u r-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tal-Istati Membri, sabiex ikun ċar li r-referenzi għal unjoni iktar ravviċinata ma japplikawx għar-Renju Unit.

Ir-referenzi fit-Trattati u fil-preamboli tagħhom għall-proċess ta' ħolqien ta' għaqda iżjed ravviċinata fost il-popli Ewropej ma joffrux bażi ġuridika għall-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' kwalunkwe dispożizzjoni tat-Trattati jew tal-leġislazzjoni sekondarja tal-UE. Dawn m'għandhomx jintużaw biex isostnu interpretazzjoni estensiva tal-kompetenzi tal-Unjoni jew tas-setgħat tal-istituzzjonijiet tagħha kif stipulati fit-Trattati.

Dawn ir-referenzi ma jibdlux il-limiti tal-kompetenza tal-Unjoni rregolata mill-prinċipju ta' konferiment, jew l-użu tal-kompetenza tal-Unjoni rregolata mill-prinċipju ta' sussidjarjetà u proporzjonalità. Dawn ma jeħtiġux li kompetenzi oħra jiġu kkonferiti fuq l-Unjoni Ewropea jew li l-Unjoni Ewropea għandha teżerċita l-kompetenzi eżistenti tagħha, jew li l-kompetenzi kkonferiti fuq l-Unjoni ma jistgħux jitnaqqsu u b'hekk jingħataw lura lill-Istati Membri.

Il-kompetenzi kkonferiti mill-Istati Membri fuq l-Unjoni jistgħu jiġu modifikati biss, kemm jekk jiżdiedu kif ukoll jekk jitnaqqsu, permezz ta' reviżjoni tat-Trattati bi qbil mill-Istati Membri kollha. It-Trattati diġà fihom dispożizzjonijiet speċifiċi li permezz tagħhom xi Stati Membri huma intitolati li ma jiħdux sehem fi jew huma eżentati mill-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni. Ir-referenzi għal għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli huma għalhekk kompatibbli ma' li jkun hemm rotot differenti ta' integrazzjoni disponibbli għal Stati Membri differenti u ma jobbligawx lill-Istati Membri biex jimmiraw għal destinazzjoni komuni.

It-Trattati jippermettu evoluzzjoni lejn livell aktar fond ta' integrazzjoni fost l-Istati Membri li jikkondividu tali viżjoni tal-futur komuni tagħhom, mingħajr ma dan ikun japplika għal Stati Membri oħra.

2.

L-għan tal-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa li jiżgura li d-deċiżjonijiet jittieħdu qrib kemm jista' jkun taċ-ċittadin. L-għażla tal-livell xieraq ta' azzjoni għalhekk jiddependi, fost l-oħrajn, fuq jekk il-kwistjoni inkonsiderazzjoni għandhiex aspetti transnazzjonali li ma jistgħux jiġu regolati b'mod sodisfaċenti permezz ta' azzjoni mill-Istati Membri u fuq jekk azzjoni fil-livell tal-Unjoni tkunx tipproduċi benefiċċji ċari minħabba l-iskala jew l-effetti tagħha meta mqabbla ma' azzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri.

Opinjonijiet ġustifikati maħruġa mill-Parlamenti nazzjonali f'konformità mal-Artikolu 7(1) tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, għandhom jiġu kkunsidrati kif dovut mill-istituzzjonijiet kollha involuti fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni. Ser isiru arranġamenti xierqa biex dan jiġi żgurat.

3.

Fejn l-opinjonijiet ġustifikati dwar in-nuqqas ta' konformità ta' abbozz ta' att leġislattiv tal-Unjoni mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, mibgħuta fi żmien 12-il ġimgħa mit-trasmissjoni ta' dak l-abbozz, jirrappreżentaw aktar minn 55 % tal-voti allokati lill-Parlamenti nazzjonali, il-Presidenza tal-Kunsill ser tinkludi l-punt fuq l-aġenda tal-Kunsill għal diskussjoni komprensiva dwar dawn l-opinjonijiet u dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minnhom.

Wara tali diskussjoni, u filwaqt li jirrispettaw ir-rekwiżiti proċedurali tat-Trattati, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri li jaġixxu fil-kapaċità tagħhom ta' membri tal-Kunsill mhux ser jibqgħu jqisu l-abbozz tal-att leġislattiv inkwistjoni għajr jekk l-abbozz jiġi emendat biex jakkomoda t-tħassib espress fl-opinjonijiet ġustifikati.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, il-voti allokati lill-Parlamenti nazzjonali huma kkalkolati f'konformità mal-Artikolu 7(1) tal-Protokoll Nru 2. Voti mill-Parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri li ma jieħdux sehem fl-adozzjoni tal-att leġislattiv inkwistjoni ma jingħaddux.

4.

Id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri previsti taħt il-Protokolli annessi għat-Trattati għandhom jiġu rikonoxxuti b'mod sħiħ u għandhom jingħataw l-istess status bħad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati li minnhom dawn il-Protokolli jifformaw parti integrali.

B'mod partikolari, miżura adottata skont it-Titolu V ta' Parti III tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja ma torbotx lill-Istati Membri koperti mill-Protokolli Nru 21 u Nru 22, għajr jekk l-Istat Membru kkonċernat, meta l-Protokoll rilevanti jkun jippermetti dan, jinnotifika x-xewqa tiegħu li jkun marbut bil-miżura.

Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri li jaġixxu fil-kapaċità tagħhom ta' membri tal-Kunsill ser jiżguraw li, fejn miżura tal-Unjoni, fid-dawl tal-għan u l-kontenut tagħha, taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tat-Titolu V ta' Parti III tat-TFUE, il-Protokolli Nru 21 u Nru 22 ser japplikaw għaliha, inkluż meta dan ikun jinvolvi l-qsim tal-miżura f'żewġ atti.

5.

L-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jikkonferma li s-sigurtà nazzjonali tibqa' r-responsabbiltà unika ta' kull Stat Membru. Dan ma jikkostitwixxix deroga mil-liġi tal-Unjoni u għalhekk m'għandux jiġi interpretat b'mod restrittiv. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jirrispettaw b'mod sħiħ ir-responsabbiltà tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri.

Il-benefiċċji ta' azzjoni kollettiva dwar kwistjonijiet li jaffettwaw is-sigurtà tal-Istati Membri huma rikonoxxuti.

TAQSIMA D

BENEFIĊĊJI SOĊJALI U MOVIMENT LIBERU

Il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni huwa parti integrali tas-suq intern li tinkludi, fost affarijiet oħra, id-dritt għall-ħaddiema tal-Istati Membri li jaċċettaw offerti ta' impjieg fi kwalunkwe post fl-Unjoni. Livelli differenti ta' remunerazzjoni fost l-Istati Membri jagħmlu xi offerti ta' impjieg aktar attraenti minn oħrajn, b'movimenti konsegwenzjali li huma riżultat dirett tal-libertà tas-suq. Madankollu, is-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri, li l-liġi tal-Unjoni tikkoordina iżda ma tarmonizzax, huma strutturati b'mod divers u dan jista' fih innifsu jattira ħaddiema lejn ċerti Stat Membri. Huwa leġittimu li jittieħed kont ta' din is-sitwazzjoni u li jiġu previsti, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f'dak nazzjonali, u mingħajr ma tinħoloq diskriminazzjoni diretta jew indiretta mhux ġustifikata, miżuri li jillimitaw il-flussi ta' ħaddiema ta' tali skala li jkollhom effetti negattivi kemm fuq l-Istati Membri tal-oriġini kif ukoll fuq l-Istati Membri ta' destinazzjoni.

It-tħassib espress mir-Renju Unit f'dan ir-rigward huwa nnotat kif xieraq, fid-dawl ta' żviluppi ulterjuri tal-leġislazzjoni tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali rilevanti.

Interpretazzjoni tar-regoli attwali tal-UE

1.

Il-miżuri msemmija fil-paragrafu introduttorju għandhom jikkunsidraw li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom u jgawdu minn marġni wiesa' ta' diskrezzjoni biex jiddefinixxu u jimplimentaw il-politika soċjali u tal-impjiegi tagħhom, inkluż l-istabbiliment tal-kondizzjonijiet ta' aċċess għall-benefiċċji soċjali.

(a)

Billi l-moviment liberu tal-ħaddiema skont l-Artikolu 45 TFUE jimplika l-abolizzjoni ta' kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fir-rigward tal-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol u tal-impjieg, dan id-dritt jista' jkun soġġett għal limitazzjonijiet minħabba raġunijiet ta' ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Barra minn hekk, jekk raġunijiet imperattivi ta' interess pubbliku jagħmlu dan neċessarju, il-moviment liberu tal-ħaddiema jista' jiġi limitat permezz ta' miżuri proporzjonati mal-għan leġittimu li għandu jintlaħaq. L-inkoraġġiment ta' reklutaġġ, it-tnaqqis fil-qgħad, il-ħarsien ta' ħaddiema vulnerabbli u l-evitar tar-riskju li tiġi pperikolata b'mod serju s-sostenibbiltà tas-sistemi ta' sigurtà soċjali huma r-raġunijiet ta' interess pubbliku rikonoxxuti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal dan l-għan, abbażi ta' analiżi ta' każ b'każ.

Abbażi ta' konsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u proporzjonati għall-għan leġittimu li għandu jintlaħaq, jistgħu jiġu imposti kondizzjonijiet fir-rigward ta' ċerti benefiċċji biex ikun żgurat li jkun hemm livell reali u effettiv ta' rabta bejn il-persuna kkonċernata u s-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti.

(b)

Il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE skont l-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi eżerċitat soġġett għal-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u l-miżuri adottati għat-twettiq tagħhom.

Id-dritt ta' persuni ekonomikament inattivi li jirrisjedu fl-Istat Membru ospitanti jiddependi, skont il-liġi tal-UE, fuq li dawn il-persuni jkollhom biżżejjed riżorsi għalihom infushom u għall-membri tal-familja tagħhom sabiex ma jkunux ta' piż fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti, u dawk il-persuni jkollhom assigurazzjoni komprensiva kontra l-mard.

L-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jirrifjutaw li jagħtu benefiċċji soċjali lil persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' moviment biss sabiex jiksbu l-assistenza soċjali tal-Istati Membri minkejja li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi biex jinvokaw id-dritt ta' residenza.

L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw talbiet għal assistenza soċjali miċ-ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra li ma jgawdux minn dritt ta' residenza jew għandhom id-dritt li jirrisjedu fit-territorju tagħhom sempliċiment biex ifittxu impjieg. Dan jinkludi talbiet minn ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra għal benefiċċji li l-funzjoni predominanti tagħhom hi li jkopru spejjeż minimi ta' sussistenza, anke jekk dawn il-benefiċċji huma maħsuba wkoll biex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol tal-Istati Membri ospitanti.

(c)

Dawk li jgawdu mid-dritt ta' moviment liberu għandhom jirrispettaw il-liġijiet tal-Istat Membru ospitanti.

F'konformità mal-liġi tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jieħdu azzjoni biex jipprevjenu abbuż ta' drittijiet jew frodi, bħall-preżentazzjoni ta' dokumenti ffalsifikati, u jindirizzaw każijiet ta' kuntrattar jew ta' żwiġijiet ta' konvenjenza ma' ċittadini ta' pajjiż terz bl-iskop li jagħmlu użu mill-moviment liberu bħala rotta għar-regolarizzazzjoni ta' soġġorn illegali fi Stat Membru jew jindirizzaw każijiet biex jagħmlu użu tal-moviment liberu bħala rotta biex jiġu evitati regoli nazzjonali dwar l-immigrazzjoni li japplikaw għal ċittadini ta' pajjiż terz.

L-Istati Membri ospitanti jistgħu wkoll jieħdu l-miżuri restrittivi meħtieġa biex jipproteġu lilhom infushom kontra individwi li l-kondotta personali tagħhom aktarx tirrappreżenta theddida ġenwina u serja għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika. Fid-determinazzjoni ta' jekk il-kondotta ta' individwu tkunx ta' theddida attwali għall-ordni jew is-sigurtà pubblika, l-Istati Membri jistgħu jqisu l-kondotta preċedenti tal-individwu kkonċernat u t-theddida mhux dejjem jeħtieġ li tkun imminenti. Anke fin-nuqqas ta' kundanna kriminali preċedenti, l-Istati Membri jistgħu jaġixxu fuq raġunijiet preventivi, sakemm dawn ikunu speċifiċi għall-individwu kkonċernat.

Ser jiġu żviluppati aktar skambju ta' informazzjoni u kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri flimkien mal-Kummissjoni sabiex jiġi miġġieled b'mod aktar effettiv l-abbuż tad-drittijiet u l-frodi.

Tibdil fil-leġislazzjoni sekondarja tal-UE

2.

Ta' min jinnota li, wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva, il-Kummissjoni ser tippreżenta proposti biex tiġi emendata leġislazzjoni sekondarja eżistenti tal-UE kif ġej:

(a)

proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali sabiex l-Istati Membri, fir-rigward tal-esportazzjoni tal-benefiċċji għat-tfal fi Stat Membru ieħor minbarra dak fejn il-ħaddiem ikun jirrisjedi, jingħataw għażla biex jindiċjaw tali benefiċċji skont il-kondizzjonijiet tal-Istat Membru fejn jirrisjedi t-tifel jew it-tifla. Dan għandu japplika biss għal talbiet ġodda magħmulin minn ħaddiema tal-UE fl-Istat Membru ospitanti. Madankollu, mill-1 ta' Jannar 2020, l-Istati Membri kollha jistgħu jestendu l-indiċjar għal talbiet eżistenti għall-benefiċċji għat-tfal diġà esportati minn ħaddiema tal-UE. Il-Kummissjoni mhijiex fi ħsiebha tipproponi li s-sistema futura ta' indiċjar fakultattiv tal-benefiċċji għat-tfal tiġi estiża għal tipi oħra ta' benefiċċji esportabbli bħal pensjonijiet tax-xjuħija;

(b)

sabiex jittieħed kont tal-fattur ta' attrazzjoni li jirriżulta minn reġim ta' benefiċċji relatati max-xogħol ta' Stat Membru, proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni li ser tipprevedi mekkaniżmu ta' twissija u salvagwardja li jirrispondi għal sitwazzjonijiet ta' influss ta' ħaddiema minn Stati Membri oħra ta' kobor eċċezzjonali matul perijodu estiż ta' żmien, inkluż bħala riżultat ta' politiki tal-imgħoddi b'segwitu għal tkabbir tal-UE li sar qabel. Stat Membru li jkun jixtieq jagħmel użu mill-mekkaniżmu għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li tali sitwazzjoni eċċezzjonali teżisti fuq skala li taffettwa aspetti essenzjali tas-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu, inkluż l-iskop primarju tas-sistema tiegħu ta' benefiċċji relatati max-xogħol, jew li twassal għal diffikultajiet li huma serji u li jistgħu jippersistu fis-suq tax-xogħol jew qed ipoġġu pressjoni eċċessiva fuq il-funzjonament tajjeb tas-servizzi pubbliċi tiegħu. Fuq proposta mill-Kummissjoni wara li tkun eżaminat in-notifika u r-raġunijiet li hemm fiha, il-Kunsill jista' jawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat jirrestrinġi l-aċċess għal benefiċċji mhux kontributorji relatati max-xogħol, sa fejn dan ikun meħtieġ. Il-Kunsill għandu jawtorizza lil dak l-Istat Membru li jillimita l-aċċess tal-ħaddiema tal-UE li jkunu għadhom kif waslu li għall-benefiċċji mhux kontributorji relatati max-xogħol għal perijodu totali ta' mhux aktar minn erba' snin minn meta jibda l-impjieg. Il-limitu għandu jkun iggradat, minn esklużjoni sħiħa inizjali iżda li żżid gradwalment l-aċċess għal dawn il-benefiċċji biex jittieħed kont tal-konnessjoni li dejjem tikber tal-ħaddiem mas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti. L-awtorizzazzjoni għandu jkollha durata limitata u tapplika għall-ħaddiema tal-UE li jkunu għadhom kif waslu matul perijodu ta' 7 snin.

Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri, li jaġixxu fil-kapaċità tagħhom ta' membri tal-Kunsill, ser jipproċedu bil-ħidma dwar dawn il-proposti leġislattivi bħala kwistjoni ta' prijorità u jagħmlu kull ma hu fis-setgħa tagħhom biex jiżguraw l-adozzjoni rapida tagħhom.

Il-miżuri futuri msemmija f'dan il-paragrafu ma għandhomx iwasslu għal ħaddiema tal-UE li jgawdu minn trattament inqas favorevoli minn ċittadini ta' pajjiżi terzi f'sitwazzjoni komparabbli.

Tibdil fil-liġi primarja tal-UE

3.

Fir-rigward ta' tkabbir futur tal-Unjoni Ewropea, huwa nnotat li miżuri transitorji xierqa dwar il-moviment liberu ta' persuni ser ikunu previsti fl-Atti ta' Adeżjoni rilevanti li għandhom jiġu miftiehma mill-Istati Membri kollha, f'konformità mat-Trattati. F'dan il-kuntest, hija nnotata l-pożizzjoni espressa mir-Renju Unit favur tali miżuri transitorji.

TAQSIMA E

APPLIKAZZJONI U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

1.

Kwalunkwe Stat Membru jista' jitlob lill-President tal-Kunsill Ewropew li kwistjoni relatata mal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni tiġi diskussa fil-Kunsill Ewropew.

2.

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fl-istess data li l-Gvern tar-Renju Unit jinforma lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill li r-Renju Unit iddeċieda li jibqa' membru tal-Unjoni Ewropea.


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-ġestjoni effettiva tal-unjoni bankarja u tal-konsegwenzi ta' integrazzjoni ulterjuri taż-żona tal-euro.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, 27.5.2011, p. 1).


ANNESS II

DIKJARAZZJONI DWAR IT-TAQSIMA A TAD-DEĊIŻJONI TAL-KAPIJIET TA' STAT JEW TA' GVERN, IMLAQQGĦIN FI ĦDAN IL-KUNSILL EWROPEW, DWAR SOLUZZJONI ĠDIDA GĦAR-RENJU UNIT FI ĦDAN L-UNJONI EWROPEA

Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern jiddikjaraw li d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-ġestjoni effettiva tal-unjoni bankarja u tal-konsegwenzi ta' integrazzjoni ulterjuri taż-żona tal-euro ser tiġi adottata mill-Kunsill fid-data ta' meta ssir effettiva d-Deċiżjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern, imlaqqgħin fil-Kunsill Ewropew, dwar soluzzjoni ġdida għar-Renju Unit fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u ser tidħol fis-seħħ f'dak l-istess jum.

L-abbozz tad-Deċiżjoni jidher hawn taħt:

ABBOZZ DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-ġestjoni effettiva tal-unjoni bankarja u tal-konsegwenzi ta' integrazzjoni ulterjuri taż-żona tal-euro

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi ssupplimentata d-Deċiżjoni 2009/857/KE tat-13 ta' Diċembru 2007 (1), għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet li jippermettu ġestjoni effettiva tal-unjoni bankarja u tal-konsegwenzi ta' integrazzjoni ulterjuri taż-żona tal-euro.

(2)

Il-mekkaniżmu f'din id-Deċiżjoni jikkontribwixxi għar-rispett tal-prinċipji stabbiliti fit-Taqsima A tad-Deċiżjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern fir-rigward ta' atti leġislattivi relatati mal-ġestjoni effettiva tal-unjoni bankarja u tal-konsegwenzi ta' integrazzjoni ulterjuri taż-żona tal-euro, li l-adozzjoni tagħhom hija soġġetta għall-vot tal-membri kollha tal-Kunsill.

(3)

F'konformità mal-paragrafu 1 tat-Taqsima E tad-Deċiżjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern, imlaqqgħin fil-Kunsill Ewropew, dwar soluzzjoni ġdida għar-Renju Unit fi ħdan l-Unjoni Ewropea (2), kwalunkwe Stat Membru jista' jitlob lill-President tal-Kunsill Ewropew biex kwistjoni relatata mal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni tiġi diskussa fil-Kunsill Ewropew.

(4)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti speċifiċi ta' votazzjoni maqbulin bejn ir-rappreżentanti tat-28 Stat Membru mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill fit-18 ta' Diċembru 2013 (3), rigward l-adozzjoni ta' Deċiżjonijiet mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(5)

Bl-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u b'mod partikolari b'riferiment għaż-żmien raġonevoli biex il-Kunsill jiddiskuti l-kwistjoni kkonċernata, għandu jittieħed kont dovut tas-sitwazzjoni ta' urġenza possibbli,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Jekk, f'rabta mal-atti leġislattivi li għalihom tapplika t-Taqsima A tad-Deċiżjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern, li l-adozzjoni tagħhom hija soġġetta għall-vot tal-membri kollha tal-Kunsill, mill-inqas membru wieħed tal-Kunsill li ma jipparteċipax fl-unjoni bankarja jindika l-oppożizzjoni ġustifikata tiegħu għall-adozzjoni ta' tali att b'maġġoranza kwalifikata mill-Kunsill, il-Kunsill għandu jiddiskuti din il-kwistjoni. L-Istat Membru kkonċernat għandu jiġġustifika l-oppożizzjoni tiegħu billi jindika kif l-abbozz tal-att ma jkunx jirrispetta l-prinċipji stabbiliti fit-Taqsima A ta' dik id-Deċiżjoni.

2.   Il-Kunsill għandu, matul dawn id-diskussjonijiet, jagħmel kull ma jkun fis-setgħa tiegħu, fi żmien raġonevoli u mingħajr preġudizzju għat-termini perentorji stabbiliti bil-liġi tal-Unjoni, sabiex isib soluzzjoni sodisfaċenti biex jindirizza t-tħassib imqajjem mill-membru jew mill-membri tal-Kunsill imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   Għal dak il-għan, il-President tal-Kunsill, bl-assistenza tal-Kummissjoni u f'konformità mar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (5), għandu jieħu kwalunkwe inizjattiva meħtieġa biex jiffaċilita l-kisba ta' ftehim fuq bażi aktar wiesgħa fil-Kunsill. Il-membri tal-Kunsill għandhom jagħtuh l-għajnuna tagħhom.

Filwaqt li jittieħed kont dovut tal-urġenza possibbli tal-materja u abbażi tar-raġunijiet għall-oppożizzjoni kif indikat taħt il-paragrafu 1, talba għal diskussjoni fil-Kunsill Ewropew dwar il-kwistjoni, qabel ma tmur lura għand il-Kunsill għal deċiżjoni, tista' tikkostitwixxi tali inizjattiva. Kwalunkwe tali riferiment huwa mingħajr preġudizzju għat-tħaddim normali tal-proċedura leġislattiva tal-Unjoni u ma jistax jirriżulta f'sitwazzjoni li tista' tippermetti li Stat Membru jagħmel veto.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni, li tissupplimenta d-Deċiżjoni 2009/857/KE, għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' meta ssir effettiva d-Deċiżjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern, imlaqqgħin fil-Kunsill Ewropew, dwar soluzzjoni ġdida tar-Renju Unit fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Hija għandha tieqaf tapplika jekk din tal-aħħar ma tibqax tapplika.

Magħmul fi …, [data]

Għall-Kunsill

Il-President

[isem]


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/857/KE tat-13 ta' Diċembru 2007 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 238(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bejn l-1 ta' Novembru 2014 u l-31 ta' Marzu 2017 min-naħa l-waħda, u mill-1 ta' April 2017 min-naħa l-oħra (ĠU L 314, 1.12.2009, p. 73).

(2)  Deċiżjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill Ewropew, dwar soluzzjoni ġdida għar-Renju Unit fi ħdan l-Unjoni Ewropea (ĠU C 69I, 23.2.2016, p. 1).

(3)  Dikjarazzjoni tat-18 ta' Diċembru 2013 tar-Rappreżentanti tat-28 Stat Membru, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, numru tad-dokument 18137/13.

(4)  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta' Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


ANNESS III

DIKJARAZZJONI TAL-KUNSILL EWROPEW DWAR IL-KOMPETITTIVITÀ

Jeħtieġ li l-Ewropa ssir aktar kompetittiva jekk irridu niġġeneraw it-tkabbir u l-impjiegi. Għalkemm f'dawn l-aħħar snin dan l-għan kien fil-qalba tal-attivitajiet tal-UE, il-Kunsill Ewropew huwa konvint li jista' jsir aktar biex nisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-oqsma kollha tas-suq intern, nippromwovu klima ta' intraprenditorija u ħolqien ta' impjiegi, ninvestu u ngħammru l-ekonomiji tagħna għall-ġejjieni, niffaċilitaw il-kummerċ internazzjonali, u nagħmlu l-Unjoni sieħba aktar attraenti.

Il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-valur enormi tas-suq intern bħala żona mingħajr fruntieri fejn il-merkanzija, il-persuni, is-servizzi u l-kapital jiċċirkolaw mingħajr xkiel. Dan jikkostitwixxi waħda mill-akbar kisbiet tal-Unjoni. F'dawn iż-żminijiet ta' sfidi ekonomiċi u soċjali, għandna bżonn nagħtu ħajja ġdida lis-suq intern u nadattawh biex iżomm il-pass mal-ambjent tagħna li qed jinbidel. L-Ewropa teħtieġ issaħħaħ il-kompetittività internazzjonali tagħha fil-firxa sħiħa tas-servizzi u l-prodotti u f'oqsma ewlenin bħall-enerġija u s-suq uniku diġitali.

Il-Kunsill Ewropew iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri kollha tal-UE biex iħabirku għal regolamentazzjoni aħjar u biex jirrevokaw leġislazzjoni li hija bla bżonn sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE filwaqt li titqies kif xieraq il-ħtieġa li jinżammu standards għoljin ta' protezzjoni tal-konsumatur, tal-impjegati, tas-saħħa u tal-ambjent. Dan huwa element ewlieni li jwassal għat-tkabbir ekonomiku, irawwem il-kompetittività u joħloq l-impjiegi.

Sabiex jikkontribwixxu għal dan l-objettiv, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu dwar il-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. Kooperazzjoni effettiva f'dan il-qafas hija meħtieġa biex tiġi ssimplifikata l-leġislazzjoni tal-Unjoni u biex jiġu evitati r-regolamentazzjoni żejda u l-piżijiet amministrattivi għaċ-ċittadini, l-amministrazzjonijiet u n-negozji, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, filwaqt li jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi tal-leġislazzjoni.

L-enfasi għandha tikkonċentra fuq:

impenn qawwi favur is-simplifikazzjoni regolatorja u t-tnaqqis tal-piżijiet, inkluż permezz tal-irtirar jew ir-revoka ta' leġislazzjoni fejn ikun adatt, u użu aħjar tal-valutazzjoni tal-impatt u tal-evalwazzjoni ex post matul iċ-ċiklu leġislattiv kollu, fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali. Din il-ħidma għandha tibbaża fuq il-progress li diġà sar bil-Programm dwar l-Idoneità tar-Regolamentazzjoni (REFIT);

aktar ħidma biex jitnaqqas il-piż ġenerali tar-regolamentazzjoni tal-UE, speċjalment fuq l-SMEs u l-mikrointrapriżi;

fejn ikun fattibbli, stabbiliment ta' miri għat-tnaqqis tal-piżijiet f'setturi ewlenin, b'impenji mill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE.

Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex kull sena tevalwa s-suċċess tal-isforzi tal-Unjoni biex tissimplifika l-leġislazzjoni, tevita r-regolamentazzjoni żejda u tnaqqas il-piżijiet fuq in-negozju. Din il-ħarsa ġenerali annwali pprovduta b'appoġġ għall-programm REFIT tal-Kummissjoni ser tinkludi Stħarriġ Annwali dwar il-Piżijiet u tieħu rendikont ukoll tal-liġijiet eżistenti tal-UE.

Il-Kunsill Ewropew jitlob ukoll lill-Kunsill biex jeżamina l-evalwazzjonijiet annwali mwettqa mill-Kummissjoni taħt id-Dikjarazzjoni tagħha dwar is-Sussidjarjetà bil-għan li jiżgura li dawn jingħataw segwitu xieraq fl-oqsma differenti tal-attivitajiet tal-Unjoni. Huwa jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi r-revoka tal-miżuri li mhumiex konsistenti mal-prinċipju tas-sussidjarjetà jew li jimponu piż regolatorju sproporzjonat.

Il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-importanza ta' sistema ta' kummerċ multilaterali b'saħħitha u bbażata fuq ir-regoli u l-ħtieġa li jiġu konklużi ftehimiet bilaterali kummerċjali u ta' investiment ambizzjużi ma' pajjiżi terzi, fi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju reċiproku. F'dan il-kuntest, huwa jilqa' l-ftehim reċenti milħuq mid-WTO f'Nairobi. Jeħtieġ isir progress fin-negozjati mal-Istati Uniti, il-Ġappun, u sħab prinċipali fl-Amerika Latina, b'mod partikolari l-Mercosur, u fir-reġjun tal-Asja u l-Paċifiku. Il-kummerċ jeħtieġ igawdi minnu kulħadd, sew jekk konsumaturi, ħaddiema jew operaturi ekonomiċi. L-istrateġija kummerċjali l-ġdida (“Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment”) hija komponent kruċjali.

Il-Kunsill Ewropew ser jibqa' jsegwi l-iżviluppi u jistaqsi lill-Kunsill Affarijiet Ġenerali u l-Kunsill Kompetittività biex jevalwaw b'mod regolari l-progress fl-elementi varji ppreżentati f'din id-Dikjarazzjoni.


ANNESS IV

DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI EWROPEA

dwar mekkaniżmu għall-implimentazzjoni tas-sussidjarjetà u mekkaniżmu għall-implimentazzjoni tat-tnaqqis tal-piżijiet

Il-Kummissjoni ser tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex tirrevedi l-korp tal-leġislazzjoni eżistenti tal-UE dwar il-konformità tagħha mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, filwaqt li tibni fuq proċessi eżistenti u bil-ħsieb li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa ta' dan il-prinċipju.

Il-Kummissjoni ser tfassal prijoritajiet għal din ir-reviżjoni b'kont meħud tal-fehmiet tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-parlamenti nazzjonali.

Il-Kummissjoni ser tipproponi programm ta' ħidma sa tmiem l-2016 u sussegwentement tirrapporta fuq bażi annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ u ser tkompli bl-isforzi tagħha biex tissimplifika l-liġi tal-UE u tnaqqas il-piż regolatorju għall-operaturi tan-negozji tal-UE mingħajr ma jiġu preġudikati l-objettivi tal-politika bl-applikazzjoni tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-2015, inkluż b'mod partikolari l-programm tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT). It-tnaqqis tal-burokrazija għall-intraprenditorija, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, jibqa' objettiv globali għalina lkoll fil-kisba tat-tkabbir u l-impjiegi.

Il-Kummissjoni, fi ħdan il-pjattaforma REFIT, ser taħdem mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, lejn l-istabbiliment ta' miri speċifiċi fil-livell tal-UE u dawk nazzjonali biex jitnaqqas il-piż fuq in-negozji, b'mod partikolari fl-aktar żoni onerużi għall-kumpaniji, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Ladarba dan iseħħ, il-Kummissjoni ser tissorvelja l-progress fir-rigward ta' dawn il-miri u tirrapporta lill-Kunsill Ewropew kull sena.


ANNESS V

DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI EWROPEA

dwar l-indiċjar ta' benefiċċji għat-tfal esportati fi Stat Membru ieħor minbarra dak fejn il-ħaddiem ikun jirrisjedi

Il-Kummissjoni ser tagħmel proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali sabiex l-Istati Membri, fir-rigward tal-esportazzjoni ta' benefiċċji għat-tfal fi Stat Membru ieħor minbarra dak fejn il-ħaddiem ikun jirrisjedi, jingħataw għażla biex jirreġistraw tali benefiċċji skont il-kondizzjonijiet tal-Istat Membru fejn jirrisjedu t-tfal.

Il-Kummissjoni tqis li dawn il-kondizzjonijiet jinkludu l-istandard tal-ħajja u l-livell ta' benefiċċji għat-tfal applikabbli f'dak l-Istat Membru.


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).


ANNESS VI

DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI EWROPEA

dwar il-Mekkaniżmu ta' Salvagwardja msemmi fil-paragrafu 2(b) tat-Taqsima D tad-Deċiżjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill Ewropew, dwar soluzzjoni ġdida għar-Renju Unit fi ħdan l-Unjoni Ewropea

B'referenza għall-paragrafu 2(b) tat-Taqsima D tad-Deċiżjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill Ewropew, dwar soluzzjoni ġdida għar-Renju Unit fi ħdan l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea ser tippreżenta proposta biex temenda r-Regolament 492/2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni biex jipprevedi mekkaniżmu ta' salvagwardja bil-fehim li jista'jintuża u ser jintuża u għalhekk ser iservi bħala soluzzjoni għall-preokkupazzjonijiet tar-Renju Unit dwar l-influss eċċezzjonali ta' ħaddiema minn xi mkien ieħor fl-Unjoni Ewropea li ra f'dawn l-aħħar snin.

Il-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li din it-tip ta' informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit, b'mod partikolari minħabba li ma għamlitx użu sħiħ mill-perjodi tranżizzjonali dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema li kienu previsti f'atti reċenti tal-adeżjoni, turi li t-tip ta' sitwazzjoni eċċezzjonali li l-proposta għal mekkaniżmu ta' salvagwardja hija maħsuba biex tkopri, teżisti fir-Renju Unit bħalissa. Għaldaqstant, ir-Renju Unit ikun iġġustifikat li jattiva l-mekkaniżmu bl-aspettattiva sħiħa li jikseb approvazzjoni.


ANNESS VII

DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI EWROPEA

dwar kwistjonijiet relatati mal-abbuż tad-dritt tal-moviment liberu tal-persuni

Il-Kummissjoni tinnota d-Deċiżjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill Ewropew, dwar soluzzjoni ġdida għar-Renju Unit fi ħdan l-Unjoni Ewropea u prinċipalment it-taqsima D tagħha.

Il-Kummissjoni biħsiebha tadotta proposta li tikkomplementa d-Direttiva 2004/38 dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni sabiex teskludi, mill-kamp ta' applikazzjoni tad-drittijiet tal-moviment liberu, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma kellhom ebda residenza legali preċedenti fi Stat Membru qabel iżżewġu ċittadin tal-Unjoni jew li jiżżewġu ċittadin tal-Unjoni biss wara li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun stabbilixxa residenza fl-Istat Membru ospitanti. Għaldaqstant, f'każijiet bħal dawn, il-liġi dwar l-immigrazzjoni tal-Istat Membru ospitanti ser tapplika għaċ-ċittadin ta' pajjiż terz. Din il-proposta ser tiġi ppreżentata wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva.

Fir-rigward ta' sitwazzjonijiet ta' abbuż fil-kuntest ta' dħul u residenza ta' membri tal-familja li mhumiex mill-UE taċ-ċittadini mobbli tal-Unjoni, il-Kummissjoni ser tiċċara li:

l-Istati Membri jistgħu jindirizzaw każijiet speċifiċi ta' abbuż tad-drittijiet tal-moviment liberu minn ċittadini tal-Unjoni li jirritornaw lejn l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħhom ma' membru tal-familja mhux mill-UE fejn ir-residenza fl-Istat Membru ospitanti ma kinitx ġenwina biżżejjed biex toħloq jew isaħħaħ il-ħajja tal-familja u kellhom l-għan li jevitaw l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar l-immigrazzjoni.

Il-kunċett ta' żwieġ ta' konvenjenza — li mhux protett taħt id-dritt tal-Unjoni — ikopri wkoll żwieġ li huwa miżmum bl-iskop li jitgawda dritt ta' residenza minn membru tal-familja li ma jkunx ċittadin ta' Stat Membru.

Il-Kummissjoni ser tiċċara wkoll li l-Istati Membri jistgħu jqisu l-kondotta preċedenti ta' individwu meta jiddeterminaw jekk il-kondotta ta' ċittadin tal-Unjoni toħloqx theddida “preżenti” għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà. Huma jistgħu jaġixxu għal raġunijiet ta' ordni pubbliku jew ta' sigurtà pubblika anki fin-nuqqas ta' kundanna kriminali preċedenti fuq bażi preventiva iżda speċifika għall-individwu kkonċernat. Il-Kummissjoni ser tiċċara wkoll il-kunċetti ta' “raġunijiet serji ta' ordni pubbliku jew ta' sigurtà pubblika” u “raġunijiet imperattivi ta' sigurtà pubblika”. Barra minn hekk, fl-okkażjoni ta' reviżjoni futura tad-Direttiva 2004/38 dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, il-Kummissjoni ser teżamina l-limiti li dawn il-kunċetti huma marbuta magħhom.

Dawn il-kjarifiki ser jiġu żviluppati f'Komunikazzjoni li tipprovdi linji gwida dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni.