5.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 244/4


Avviż tal-Kummissjoni dwar l-infurzar doganali tad-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali dwar oġġetti miġjuba fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma jkunu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera inkluż oġġetti fi tranżitu

(2016/C 244/03)

Werrej

1.

GĦAN 4

2.

OĠĠETTI LI JIKSRU D-DRITT TA’ PROPRJETÀ INTELLETTWALI FIL-KUNTEST TAL-INFURZAR DOGANALI 5

2.1.

Oġġetti li joriġinaw minn pajjiżi terzi mingħajr ma jkunu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera 5

2.2.

Oġġetti li joriġinaw minn pajjiżi terzi mingħajr ma jkunu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera u li jkollhom trademark identika jew essenzjalment identika 5

3.

OĠĠETTI SSUSPETTATI LI JIKSRU D-DRITT TA’ PROPRJETÀ INTELLETTWALI – INFURZAR DOGANALI 6

3.1.

Kontroll u detenzjoni 6

3.2.

Oġġetti bi trademark identika jew essenzjalment identika. 7

3.3.

Mediċini 8

3.4.

Kooperazzjoni mad-detenturi tad-drittijiet 8

1.   GĦAN

Il-“Linji Gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-infurzar mill-awtoritajiet doganali tal-UE tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fir-rigward ta’ merkanzija, b’mod partikolari l-mediċini, fi tranżitu fl-UE” ppubblikati mis-servizzi tal-Kummissjoni fl-1 ta’ Frar 2012 fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali (TAXUD) jeħtieġ li jiġu aġġornati biex jirriflettu:

Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 (1) li ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (2);

Il-pakkett tat-trademark (ir-Regolament (UE) 2015/2424 (3) emenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 (4) u ġiet adottata d-Direttiva (UE) 2015/2436 (5)).

Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għal infurzar doganali amministrattiv tad-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali (IPR) u b’mod partikolari estenda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-IPR rilevanti għall-infurzar doganali (trademark, disinn, drittijiet tal-awtur u dritt relatat, indikazzjoni ġeografika, privattiva, dritt fuq varjetà ta’ pjanta, topografija ta’ prodott semikonduttur, mudell ta’ utilità, isem kummerċjali).

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 dwar l-infurzar doganali tal-IPR għandhom jiġu applikati, filwaqt li titqies il-ħtieġa li tiġi promossal-protezzjoni effettiva u adegwata tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li jiġi żgurat li l-miżuri u l-proċeduri għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma nfushom ma jsirux ostaklu għall-kummerċ leġittimu, kif iddikkjarat fil-preambolu u l-Artikolu 41 tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (Ftehim TRIPs) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (6).

Il-pakkett tat-trademark tal-UE issa jestendi d-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trademark irreġistrata fil-livell tal-Unjoni bħala trademark tal-Unjoni Ewropea jew fil-livell ta’ Stat Membru bħala trademark nazzjonali biex jiġi evitat li, matul in-negozju, il-partijiet terzi jdaħħlu oġġetti fl-Unjoni mingħajr ma jkunu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera, oġġetti li joriġinaw minn pajjiżi terzi u, mingħajr awtorizzazzjoni, ikollhom trademark li tkun identika għat-trademark reġistrata fir-rigward ta’ tali oġġetti jew li ma tkunx tista’ tingħaraf fl-aspetti essenzjali tagħha minn dik it-trademark. Din għandu jitqies fl-infurzar doganali tal-IPR.

Għalhekk, dan id-dokument jissostitwixxi l-“Linji Gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-infurzar mill-awtoritajiet doganali tal-UE tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fir-rigward ta’ merkanzija, b’mod partikolari l-mediċini, fi tranżitu fl-UE”.

2.   OĠĠETTI LI JIKSRU D-DRITT TA’ PROPRJETÀ INTELLETTWALI FIL-KUNTEST TAL-INFURZAR DOGANALI

Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 jinkludi proċeduri ta’ infurzar biex jippermettu azzjoni mill-awtoritajiet doganali kontra oġġetti suspettati li jiksru d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. L-Artikolu 2 tar-Regolament jelenka d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali rilevanti għall-infurzar doganali. Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għal azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana fejn oġġetti ssuspettati li jiksru dritt ta’ proprjetà intelletwali ikunu, jew kellhom ikunu, soġġetti għal superviżjoni doganali tagħhom (l-Artikolu 1(1)), għaliex is-setgħat proċedurali tal-awtoritajiet doganali huma limitati għall-konferma dwar jekk l-oġġetti humiex “oġġetti ssuspettati bi ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali” kif definit fl-Artikolu 2(7).

Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 ma jistipula l-ebda kriterju biex ikun aċċertat li jeżisti ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali (il-Premessa 10). Il-mistoqsija dwar jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali huwiex miksur hija kwistjoni tal-liġi sostantiva tal-proprjetà intellettwali, kif interpretata mill-qrati nazzjonali kompetenti u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2.1.   Oġġetti li joriġinaw minn pajjiżi terzi mingħajr ma jkunu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera

Għal oġġetti miġjuba fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma jkunu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali rilevanti jistgħu jinkisru meta, matul il-preżenza tagħhom fi ħdan it-territorju doganali tal-Unjoni (pereżempju, imqiegħda taħt proċedura speċjali skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (7)), jew anke qabel il-wasla tagħhom f’dak it-territorju, dawn l-oġġetti huma s-suġġett ta’ att kummerċjali dirett lejn is-suq tal-Unjoni, bħal bejgħ, offerta għall-bejgħ jew reklamar (ara, f’dan ir-rigward, il-kawżi ta’ Philips/Nokia, il-paragrafu 57 (8)), jew fejn jidher minn dokumenti (eż. manwali ta’ struzzjonijiet) jew korrispondenza dwar oġġetti li jipprevedu d-devjazzjoni tagħhom lejn is-suq tal-Unjoni, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt.

Għalhekk, l-oġġetti li joriġinaw minn pajjiż terz mingħajr ma jkunu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera li huma ssuspettati bi ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali protett fl-Unjoni Ewropea permezz ta’, pereżempju, trademark, drittijiet tal-awtur jew dritt relatat, disinn jew privattiva, jistgħu jkunu klassifikati bħala “oġġetti ssuspettati li jiksru dritt ta’ proprjetà intellettwali” fejn hemm evidenza li huma maħsuba biex jitqiegħdu għall-bejgħ fl-Unjoni Ewropea. Tali evidenza tista’ tindika li l-oġġetti nbiegħu lil konsumatur fl-Unjoni Ewropea jew ġew offruti għall-bejgħ jew reklamati lill-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea (ara, f’dan ir-rigward, il-kawżi Philips/Nokia, il-paragrafu 78).

2.2.   Oġġetti li joriġinaw minn pajjiżi terzi mingħajr ma jkunu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera u li jkollhom trademark identika jew essenzjalment identika

Ir-Regolament (KE) Nru 207/2009 kif emendat mir-Regolament (UE) 2015/2424 u d-Direttiva (UE) 2015/2436 jestendi d-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trademark irreġistrata fil-livell tal-Unjoni bħala trademark tal-Unjoni Ewropea jew fil-livell ta’ Stat Membru bħala trademark nazzjonali biex jiġi evitat li, matul in-negozju, il-partijiet terzi jdaħħlu oġġetti fl-Unjoni mingħajr ma jkunu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera, oġġetti li joriġinaw minn pajjiżi terzi u, mingħajr awtorizzazzjoni, ikollhom trademark li tkun identika għat-trademark reġistrata fir-rigward ta’ tali oġġetti jew li ma tkunx tista’ tingħaraf fl-aspetti essenzjali tagħha minn dik it-trademark (minn hawn ‘il quddiem imsejħin “oġġetti bi trademark identika jew essenzjalment identika”) anke jekk l-oġġetti mhumiex maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Kif spjegat fil-premessa 15 tar-Regolament (UE) Nru 2015/2424, l-għan huwa “sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tat-trademarks u tiġi kumbattuta l-falsifikazzjoni b’mod iktar effettiv u f’konformità ma’ obbligi internazzjonali tal-Unjoni taħt il-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (…)”.

Id-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar it-trattament ta’ oġġetti bi trademark identika jew essenzjalment identika miġjuba fit-territorju tal-Unjoni, mingħajr ma jkunu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera, huma applikabbli kif ġej:

Trademarks tal-Unjoni Ewropea

Fil-każ tat-trademark tal-Unjoni Ewropea, ir-Regolament (UE) 2015/2424 daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2016 (l-Artikolu 4) u sar applikabbli fl-istess ġurnata. Għalhekk l-awtoritajiet doganali jistgħu, mit-23 ta’ Marzu 2016, jieħdu azzjoni fir-rigward ta’ oġġetti minn pajjiżi terzi miġjuba fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma jkunu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera u li jkollhom trademark identika jew essenzjalment identika għal trademark tal-UE.

Trademarks nazzjonali

Fil-każ tat-trademarks nazzjonali, id-Direttiva (UE) 2015/2436 daħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Jannar 2016 (l-Artikolu 56). L-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 54 tad-Direttiva (UE) 2015/2436, għandhom jaġġustaw il-liġi nazzjonali dwar it-trademarks, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom biex jimplimentaw id-Direttiva sal-14 ta’ Jannar 2019. Dan ifisser li, fil-każ ta’ trademarks nazzjonali, id-dispożizzjonijiet ġodda dwar oġġetti bi trademark identika jew essenzjalment identika miġjuba fl-Istat Membru fejn it-trademark hija rreġistrata, mingħajr ma jkunu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera, ser ikunu applikabbli f’dak l-Istat Membru ladarba l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa li jkunu konformi mal-Artikolu 10 tad-Direttiva jkunu addottati u fis-seħħ, u dan jista’ jseħħ fi kwalunkwe mument qabel l-14 ta’ Jannar 2019. L-awtoritajiet doganali f’kull Stat Membru għandhom għalhekk isegwu mill-qrib ir-reviżjoni tal-liġi nazzjonali tagħhom dwar it-trademark sabiex ikunu jafu mil-liema data għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar it-tranżitu għat-trademarks nazzjonali. L-awtoritajiet doganali jistgħu jieħdu azzjoni fir-rigward ta’ oġġetti li ġejjin minn pajjiżi terzi mingħajr ma jkunu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera u jkollhom trademark identika jew essenzjalment identika għal trademark nazzjonali mid-data tad-dħul fis-seħħ u tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali f’dak l-Istat Membru.

Drittijiet tal-proprjetarju fir-rigward ta’ oġġetti bi trademark identika jew essenzjalment identika

L-Artikolu 9(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 kif emendat mir-Regolament (UE) 2015/2424 jistabbilixxi:

“Drittijiet mogħtija minn trademark tal-UE

[…] 4. Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-proprjetarji li jkunu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni jew id-data ta’ prijorità tat-trademark tal-UE, il-proprjetarju ta’ dik it-trademark tal-UE għandu jkollu wkoll id-dritt li jimpedixxi li, fil-proċess normali tan-negozju, kwalunkwe parti terza ddaħħal oġġetti fl-Unjoni mingħajr ma jkunu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera hemmhekk, fejn dawn l-oġġetti, inkluż l-imballaġġ tagħhom, joriġinaw minn pajjiżi terzi u jkollhom trademark mingħajr awtorizzazzjoni li tkun identika għat-trademark tal-UE rreġistrata fir-rigward ta’ dawn l-oġġetti, jew li ma tkunx tista’ tingħaraf fl-aspetti essenzjali tagħha minn dik it-trademark. […]” (l-enfasi miżjuda)

Drittijiet mogħtija minn trademark nazzjonali

L-Artikolu 10(4) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 għandu jinqara b’termini simili bħal dawk użati fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 207/2009 kif emendat mir-Regolament (UE) 2015/2424, u jestendi d-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trademark nazzjonali rreġistrata fir-rigward ta’ oġġetti miġjuba fit-territorju tal-Istat Membru li għandhom, mingħajr awtorizzazzjoni, trademark li hija identika jew essenzjalment identika għat-trademark nazzjonali rreġistrata mingħajr ma’ dawk l-oġġetti jkunu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera fl-Istat Membru.

Għandu jiġi nnutat li skont il-kliem u l-iskop ta’ dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda, id-drittijiet tal-proprjetarju tat-trademark ma għandhomx jestendu biss għal oġġetti li jkollhom sinjal li huwa identiku għat-trademark irreġistrata tal-proprjetarju tagħha (jiġifieri sinjal li jirriproduċi, mingħajr kwalunkwe modifika jew żieda, l-elementi kollha li jikkostitwixxu t-trademark protetta jew li, meta tarahom flimkien, fih differenzi tant insinifikanti li jistgħu ma jiġux innutati mill-konsumatur medju, kif definit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża 291/00, LTJ Diffusion SA).

Id-dispożizzjonijiet il-ġodda jkopru wkoll oġġetti li jkollhom sinjal “li ma jistax jingħaraf fl-aspetti essenzjali tiegħu” mit-trademark irreġistrata.

3.   OĠĠETTI SSUSPETTATI LI JIKSRU D-DRITT TA’ PROPRJETÀ INTELLETTWALI – INFURZAR DOGANALI

3.1.   Kontroll u detenzjoni

F’konformità mal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ir-Regolament (UE) Nru 952/2013), l-awtoritajiet doganali jistgħu jwettqu kwalunkwe kontroll fuq oġġetti mhux tal-Unjoni miġjuba fit-territorju doganali tal-Unjoni li huma jħossu li huma meħtieġa (9). Dawk il-kontrolli jridu jkunu proporzjonati u mwettqa f’konformità mal-kriterji tal-analiżi tar-riskju.

Apparti mill-possibbiltà ġenerali tal-kontrolli doganali, f’konformità mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, l-awtoritajiet doganali huma kompetenti wkoll biex iżommu oġġetti ssuspettati li jiksru dritt ta’ proprjetà intellettwali li huma, jew kellhom ikunu, soġġetti għas-superviżjoni doganali jew kontrolli doganali fi ħdan it-territorju doganali tal-Unjoni, b’mod partikolari oġġetti fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

a)

meta ddikjarati għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera, esportazzjoni jew esportazzjoni mill-ġdid;

b)

meta jidħlu jew jitilqu mit-territorju doganali tal-Unjoni;

c)

meta jitqiegħdu taħt proċedura speċjali.

Iż-żamma tal-oġġetti hija deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali bbażata fuq il-preżenza ta’ indikazzjonijiet raġonevoli li dawk l-oġġetti qegħdin jiksru d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

Iż-żamma tal-oġġetti tfisser li l-oġġetti jinżammu u tippermetti lill-detentur tad-dritt ikollu aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali u jispezzjona l-oġġetti inkwistjoni, u jista’ jwassal għall-qerda tal-oġġetti, mingħajr determinazzjoni formali ta’ ksur (10). Din il-proċedura tmur lil hinn mis-sempliċiment attività ta’ kontroll mwettqa mill-awtoritajiet doganali.

3.2.   Oġġetti bi trademark identika jew essenzjalment identika.

Kif iddikkjarat fil-Premessa (15) tar-Regolament (UE) 2015/2424 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009:

“[…] Sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tat-trademarks u tiġi kkumbattuta l-falsifikazzjoni b’mod iktar effettiv u f’konformità ma’ obbligi internazzjonali tal-Unjoni taħt il-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), b’mod partikolari l-Artikolu V tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) dwar il-libertà ta’ tranżitu u, fir-rigward ta’ mediċini ġeneriċi, id-‘Dikjarazzjoni dwar il-Ftehim TRIPS u s-saħħa pubblika’, adottata mill-Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Doha fl-14 ta’ Novembru 2001, il-proprjetarju ta’ trademark tal-UE għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi li, fil-proċess normali tan-negozju, partijiet terzi jdaħħlu oġġetti fl-Unjoni mingħajr ma jkunu ġew rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera hemmhekk, fejn tali oġġetti joriġinaw minn pajjiżi terzi u jkollhom, mingħajr awtorizzazzjoni, trademark li tkun identika jew essenzjalment identika mat-trademark tal-UE rreġistrata fir-rigward ta’ tali oġġetti. […]”

Kif iddikkjarat fil-Premessa (16) tar-Regolament (UE) 2015/2424 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 u (22) tad-Direttiva (UE) 2015/2436:

“[…], għandu jkun permissibbli għall-proprjetarji tat-trademarks tal-UE li jimpedixxu d-dħul ta’ oġġetti li jikkostitwixxu ksur u t-tqegħid tagħhom f’kull sitwazzjoni konnessa mad-dwana, inkluż it-tranżitu, it-trasbord, il-ħżin, żoni liberi, il-ħżin temporanju, l-ipproċessar attiv jew id-dħul temporanju tagħhom ġewwa t-territorju, inkluż meta ma jkunx maħsub li tali oġġetti jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Fit-twettiq ta’ kontrolli doganali, l-awtoritajiet tad-dwana għandhom jagħmlu użu mis-setgħat u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, […]”

F’konformità mal-leġiżlazzjoni dwar it-trademark tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni dwar it-trademark nazzjonali, l-oġġetti ssuspettati li jkunu oġġetti bi trademark identika jew essenzjalment identika jistgħu jinżammu mill-awtoritajiet doganali skont ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 meta dawn jiddaħħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma jkunu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera u mingħajr ma jkunu maħsuba għas-suq tal-Unjoni. Dawn l-oġġetti ssuspettati li jkollhom trademark identika jew essenzjalment identika mingħajr awtorizzazzjoni jistgħu jinsabu fit-territorju doganali tal-Unjoni:

F’ħażna temporanja;

Fi tranżitu fit-triqthom minn pajjiż terz għal pajjiż terz ieħor;

Taħt proċedura ta’ ħażna f’żona libera jew maħżen doganali, mingħajr ma jkunu għadhom maħsuba għas-suq tal-UE jew għal pajjiż terz;

Taħt il-proċedura ta’ ammissjoni temporanja;

Taħt il-proċedura ta’ proċessar attiv.

Qabel iż-żamma tal-oġġetti ssuspettati li jkollhom trademark mingħajr awtorizzazzjoni identika jew essenzjalment identika għal trademark protetta, jekk dawk l-oġġetti mhumiex maħsuba għas-suq tal-UE, l-awtoritajiet doganali jistgħu, f’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 u biex jiġi evitat it-tfixkil tal-kummerċ leġittimu, iqisu li jitolbu lid-detentur tad-deċiżjoni li jagħti applikazzjoni biex jagħtihom kwalunkwe informazzjoni rilevanti fir-rigward tal-oġġetti.

Ladarba l-oġġetti ssuspettati li jkollhom trademark mingħajr awtorizzazzjoni identika jew essenzjalment identika għal trademark protetta, li mhumiex maħsuba għas-suq tal-UE, ġew miżmuma, l-awtoritajiet doganali għandhom jiżguraw li n-notifika tad-detenzjoni hija indirizzata b’mod immedjat lill-persuni kkonċernati (jiġifieri lid-detentur jew dikjarant tal-oġġetti u lid-detentur tad-dritt).

Sabiex il-ħtieġa għall-iżgurar tal-infurzar effettiv tad-drittijiet tat-trademark tiġi rikonċiljata mal-ħtieġa li jiġi evitat it-tfixkil tal-fluss liberu tal-kummerċ leġittimu, id-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-pakkett tat-trademark jistabbilixxu li d-dritt tal-proprjetarju ta’ trademark irreġistrata biex jipprevjeni li s-sempliċiment dħul ta’ oġġetti fl-UE għandu jiskadi f’ċerti ċirkostanzi, fir-rigward ta’ oġġetti ssuspettati li jkollhom trademark identika jew essenzjalment trademark identika fi tranżitu mingħajr awtorizzazzjoni li huma allegatament maħsuba għas-suq ta’ pajjiż terz. Dan id-dritt għandu jiskadi jekk matul il-proċedimenti mibdija biex jiġi determinat jekk kienx hemm ksur tat-trademark irreġistrata, l-evidenza hija pprovduta mid-dikjarant jew mid-detentur tal-oġġetti li l-proprjetarju tat-trademark irreġistrata mhuwiex intitolat li jipprojbixxi t-tqegħid tal-oġġetti fis-suq fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali għaliex it-trademark ikkonċernata mhijiex protetta fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali.

3.3.   Mediċini

Minkejja li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni msemmija f’dan l-avviż ma tinkludix regoli speċifiċi dwar il-mediċini, ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 (il-premessa 11) u r-Regolament (UE) 2015/2424 (il-premessa 19), kif ukoll id-Direttiva (UE) 2015/2436 (il-premessa 25) jiddeskrivu l-ħtieġa biex jiffaċilitaw it-tranżitu mingħajr xkiel tal-mediċini leġittimi madwar l-UE.

Skont id-“Dikjarazzjoni dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika” adottata fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Doha fl-14 ta’ Novembru 2001, il-Ftehim TRIPS għandu jiġi interpretat u implimentat b’mod li jappoġġa d-dritt tal-Membri tad-WTO li jipproteġu s-saħħa pubblika u, speċjalment, li jippromwovu l-aċċess għall-mediċini minn kulħadd. L-UE u l-Istati Membri tagħha huma impenjati bis-sħiħ lejn l-isforzi kollha magħmula biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-mediċini għall-pajjiżi fil-bżonn f’konformità mad-Dikjarazzjoni.

L-awtoritajiet doganali jridu jieħdu l-kura raġonevoli kollha biex jiżguraw li l-mediċini leġittimi nnegozjati b’mod legali (11), kemm jekk ġeneriċi jew le, jistgħu jitwasslu permezz tat-territorju doganali tal-Unjoni u mhumiex ser jinżammu skont ir-Regolament (UE) Nru 608/2013.

Għalhekk, l-awtoritajiet doganali ma għandhomx iżommu mediċini - fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet li huma maħsuba għas-suq tal-UE – pereżempju jekk hemm similaritajiet bejn l-INN (12) għall-ingredjent attiv fil-mediċini u t-trademark irreġistrata fl-UE.

Għalhekk, l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex tiġi evitata ż-żamma tal-mediċini skont ir-Regolament (UE) Nru 608/2013, sakemm huma maħsuba għas-suq tal-UE jew sakemm dawn l-oġġetti jkollhom trademark issuspettata li hija identika jew essenzjalment identika għat-trademark protetta fi ħdan it-tifsira tal-punt 2.2 tal-avviż fih.

3.4.   Kooperazzjoni mad-detenturi tad-drittijiet

Huwa kruċjali li l-awtoritajiet doganali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom informazzjoni suffiċjenti u rilevanti mid-detenturi tad-drittijiet biex jorganizzaw l-analiżi tar-riskju tagħhom b’mod effiċjenti u effettiv.

Id-detenturi tad-drittijiet li jissottomettu applikazzjoni għal azzjoni għandhom għalhekk jagħtu attenzjoni speċjali għall-obbligu li jfornu kwalunkwe informazzjoni disponibbli li tista’ tassisti lill-awtoritajiet doganali fil-valutazzjoni tagħhom tar-riskju tal-ksur tad-drittijiet involuti.

L-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 fih previst li detentur tad-dritt jinżamm responsabbli għad-danni fil-konfront tad-detentur tal-oġġetti meta, fost l-oħrajn, sussegwentement jinstab li l-oġġetti inkwistjoni ma jkunux jiksru dritt ta’ proprjetà intellettwali.

Minħabba l-iskadenzi stretti inklużi fir-Regolament (UE) Nru 608/2013, id-detenturi tad-drittijiet għandhom jiżguraw li l-persuni ta’ kuntatt indikati fl-applikazzjonijiet jistgħu jintlaħqu faċilment u jkunu f’pożizzjoni li jirreaġixxu malajr għal komunikazzjonijiet/talbiet doganali.


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 15).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 tat-22 ta’ Lulju 2003 li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet, (ĠU L 196, 2.8.2003, p. 7).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trademark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trademark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji), (ĠU L 341, 24.12.2015, p. 21).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark Komunitarja, (ĠU L 78, 24.3.2009, p. 1).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trademarks (ĠU L 336, 23.12.2015, p. 1).

(6)  Anness 1C tal-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, iffirmat f’Marrakesh, il-Marokk fil-15 ta’ April 1994.

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(8)  Kawżi konġunti C-446/09 u C-495/09.

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013, b’mod partikolari l-Artikolu 46 tiegħu.

(10)  Ara l-Artikolu 17 u l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013.

(11)  Pereżempju, mediċini f’sempliċiment tranżitu mit-territorju tal-UE, koperti minn dritt tal-privattiva applikabbli għal tali mediċini fit-territorju tal-UE, mingħajr evidenza adegwata ta’ probabbiltà sostanzjali ta’ devjazzjoni ta’ tali mediċini fis-suq tal-UE.

(12)  Id-denominazzjoni internazzjonali komuni (INN) tidentifika sustanzi farmaċewtiċi jew ingredjenti farmaċewtiċi attivi. Kull INN hija isem uniku li huwa rikonoxxut globalment u huwa proprjetà pubblika. Isem mhux proprjetarju huwa magħruf wkoll bħala isem ġeneriku. L-informazzjoni dwar l-INN tinsab fis-sit li ġej tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa: http://www.who.int/medicines/services/inn/innguidance/en/