Brussell, 2.2.2016

SWD(2016) 14 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Ir-Ratifika u l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju

Li jakkumpanja d-dokument

proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-merkurju, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1102/2008

{COM(2016) 39 final}
{SWD(2016) 17 final}
{SWD(2016) 18 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-Impatt dwar ir-Ratifika u l-Implimentazzjoni mill-UE tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju

A. Hemm bżonn li tittieħed azzjoni. Għaliex? X'inhi l-problema li qed tiġi indirizzata? Mhux aktar minn 11-il linja

L-esponiment għall-merkurju, prinċipalment permezz tal-konsum ta’ ħut kontaminat, jista’ jikkawża ħsara fil-moħħ, il-pulmuni, il-kliewi u s-sistema immunitarja. L-UE diġà ħadet azzjoni biex tindirizza l-problema billi naqqset l-emissjonijiet u l-użu tal-merkurju fit-territorju tagħha. Madankollu, in-natura globali tal-problema tal-merkurju tfisser li waħdeha l-UE ma tistax tipprovdi protezzjoni biżżejjed għaċ-ċittadini tagħha, billi l-esponiment għall-merkurju huwa dovut, fil-biċċa l-kbira, għall-emissjonijiet minn partijiet oħra tad-dinja. Għaldaqstant, l-UE appoġġat b’mod attiv in-negozjati internazzjonali għal trattat globali dwar il-merkurju u ffirmat il-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju. Jekk il-Konvenzjoni ta’ Minamata tibqa' ma tiġix irratifikata minn tal-anqas 50 parti, ma tistax tidħol fis-seħħ u għalhekk il-problema msemmija hawn fuq mhix qed tiġi indirizzata fuq skala globali. Ġew identifikati sitt oqsma fejn il-leġiżlazzjoni tal-UE bħalissa mhijiex adattata għall-Konvenzjoni ta’ Minamata, li jikkonċernaw (1) l-importazzjoni ta’ merkurju metalliku (2) l-esportazzjoni ta’ prodotti li fihom il-merkurju miżjud (3) l-użu eżistenti tal-merkurju fi proċessi industrijali, (4) użi ġodda tal-merkurju fi prodotti u proċessi (5) l-estrazzjoni tad-deheb artiġjanali u fuq skala żgħira u (6) l-użu tal-amalgama dentali.

X'mistenni li jinkiseb b'din l-inizjattiva? Mhux aktar minn 8 linji

Azzjoni internazzjonali li tindirizza l-problema tal-merkurju tkun tikkomplementa l-azzjoni eżistenti tal-UE u tippermetti tnaqqis sinifikanti tat-tniġġis bil-merkurju fil-livell tal-UE u f’dak globali u tat-trasport transfruntier tiegħu fl-UE. Fuq medda ta’ żmien medju sa twil, din tnaqqas il-kontaminazzjoni bil-merkurju tal-katina alimentari.

X'inhu l-valur miżjud ta' azzjoni fil-livell tal-UE? Mhux aktar minn 7 linji

In-natura transfruntiera tat-tniġġis bil-merkurju teħtieġ azzjoni fil-livell globali. Ir-ratifika mill-UE u mill-Istati Membri tagħha hija meħtieġa biex il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ u tikseb appoġġ globali. Barra minn hekk, ċerti aspetti (eż. il-kummerċ ta’ prodotti li fihom il-merkurju) irregolati skont il-Konvenzjoni ta’ Minamata huma l-kompetenza esklużiva tal-UE jew jaffettwaw l-acquis u għalhekk jistgħu jiġu indirizzati biss fil-livell tal-UE. Barra minn hekk, filwaqt li l-Istati Membri kollha huma impenjati li jirratifikaw il-Konvenzjoni ta’ Minamata, huma jistgħu jagħmlu dan biss wara t-traspożizzjoni u r-ratifika tal-Konvenzjoni mill-UE.

B. Soluzzjonijiet

X'għażliet ta' politiki leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi tqiesu? Hemm għażla ppreferuta? Għalfejn? Mhux aktar minn 14-il linja

It-traspożizzjoni tal-liġi internazzjonali tista' tinkiseb biss permezz tal-leġiżlazzjoni. Meta jitqies l-acquis vast tal-UE dwar il-merkurju, u billi l-Konvenzjoni ta’ Minamata fil-biċċa l-kbira hija bbażata fuq il-liġi tal-UE, ir-ratifika mill-UE teħtieġ biss interventi leġiżlattivi limitati. L-alternattivi huma mfassla b’mod li jittrattaw sitt oqsma fejn jeżistu lakuni leġiżlattivi. B’mod ġenerali dawn jew jipprevedu bidliet minimi meħtieġa għar-ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Minamata jew imorru lil hinn minn dan u japplikaw approċċ aktar strett. L-alternattiva ppreferuta tgħaqqad ir-restrizzjonijiet kummerċjali fuq il-merkurju u l-prodotti li fihom il-merkurju miżjud, il-projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti ġodda u proċessi industrijali li jużaw il-merkurju, ir-restrizzjonijiet fuq l-użu tal-merkurju f’ċerti proċessi ta’ manifattura u tirrestrinġi l-kundizzjonijiet tal-użu tal-amalgama dentali. Din tinkludi prinċipalment miżuri li jikkorrispondu għall-bidliet minimi meħtieġa għar-ratifika iżda tinkludi miżuri ftit aktar stretti dwar użi ġodda tal-merkurju u tal-amalgama dentali. F’dak li għandu x’jaqsam mal-amalgama dentali, li l-aktar li tinteressa lill-pubbliku, ġie konkluż li l-projbizzjoni tal-amalgama dentali, b’għajnuna pubblika, ma tkunx proporzjonata fid-dawl tal-opinjonijiet tal-kumitati xjentifiċi tal-UE dwar is-saħħa u r-riskji ambjentali u għalhekk din l-għażla twarrbet.

Min jappoġġa liema alternattiva? Mhux aktar minn 7 linji

Hemm appoġġ wiesa’ favur ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Minamata. Ġeneralment ma kienx hemm differenzi sinifikanti fit-tweġibiet mogħtija minn individwi u organizzazzjonijiet u ħafna minnhom (39-85 %) għażlu approċċ aktar strett għat-traspożizzjoni tal-Konvenzjoni. Madankollu, għadd żgħir ta’ dawk li wieġbu (2-12 %)ippreferew approċċ anqas strett. Rigward l-użu tal-merkurju fil-proċessi industrijali, l-individwi u l-NGOs kienu favur projbizzjoni sħiħa, iżda terz tal-organizzazzjonijiet tas-settur privat appellaw għal approċċ anqas strett. Fir-rigward tal-amalgama dentali, maġġoranza kbira ħafna tal-individwi u l-NGOs kienu favur projbizzjoni filwaqt li ftit inqas minn nofs l-organizzazzjonijiet tas-settur privat appoġġaw approċċ anqas strett.

C. Impatti tal-alternattiva ppreferuta

X'inhuma l-benefiċċji tal-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)? Mhux aktar minn 12-il linja

Il-benefiċċji ewlenin se jseħħu bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni minn pajjiżi terzi. Dan se jnaqqas l-emissjonijiet globali tal-merkurju u fuq medda ta’ żmien itwal, il-kontaminazzjoni tal-katina alimentari fil-livell globali u f'dak tal-UE. Barra minn hekk, l-alternattivi ppreferuti għall-aġġornament tal-acquis se jikkawżaw tnaqqis drastiku fir-rilaxxi tal-merkurju fil-ħama u fl-ilma. Il-ħolqien tal-impjiegi huwa mistenni f’kumpaniji involuti fil-manifattura, l-installazzjoni u l-manutenzjoni ta’ separaturi tal-amalgama jew speċjalizzati fil-ġestjoni tal-iskart li fih il-merkurju.

X'inhuma l-ispejjeż tal-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)? Mhux aktar minn 12-il linja

L-ispiża totali tax-xenarju ppreferut hija stmata bejn EUR 13-il miljun u EUR 135 miljun fis-sena. L-impatti ekonomiċi l-aktar sinifikanti huma mistennija fis-settur tal-produzzjoni tas-sustanzi kimiċi, fejn bħalissa jiġi applikat proċess tal-merkurju f'żewġ impjanti Ġermaniżi għall-produzzjoni tal-alkoħolati użati għal diversi proċessi katalitiċi. Ix-xenarju jħalli miftuħa l-kwistjoni dwar jekk dawn iż-żewġ impjanti industrijali humiex se jiġu kkonvertiti għal proċessi mingħajr merkurju fil-futur prevedibbli; dan jiddependi fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Ġermanja jew b’mod volontarju mill-industrija. Għalhekk, il-firxa tal-ispejjeż għal din l-alternattiva (bejn EUR 3 miljun u EUR 77 miljun EUR fis-sena) hija kbira. L-installazzjoni u l-manutenzjoni tas-separaturi tal-amalgama fil-prattiki dentali se jinvolvu spiża addizzjonali ta’ bejn EUR 10 miljun u EUR 58 miljun fis-sena.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi? Mhux aktar minn 8-il linja

L-SMEs u l-mikrointrapriżi mhumiex se jintlaqtu b’mod sinifikanti mill-alternattivi ppreferuti, ħlief dawk id-dentisti li għadhom mhumiex mgħammra b’amalgamaturi u separaturi tal-amalgama dentali.

Il-pajjiżi terzi li jirrispettaw il-Konvenzjoni se japplikaw standards simili għal dawk li hemm fis-seħħ bħalissa fl-UE, li se jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi fil-livell globali għall-attivitajiet li jużaw u jemettu l-merkurju.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? Mhux aktar minn 4 linji

Ir-ratifika mill-UE tal-Konvenzjoni dwar il-Merkurju ma timplika l-ebda piż amministrattiv sinifikanti jew impatti fuq il-baġits nazzjonali. Dan jiffaċilita r-ratifika mill-Istati Membri li huma impenjati li jagħmlu dan.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? Mhux aktar minn 6 linji

Id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni huwa mistenni li jiftaħ is-swieq għall-ekoindustrija tal-UE u jappoġġa l-kummerċ ta’ prodotti tal-UE li diġà jikkonformaw mar-rekwiżiti integrati fil-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar it-tnaqqis u l-eliminazzjoni tal-merkurju.

D. Segwitu. Meta se tiġi rieżaminata l-leġiżlazzjoni? Mhux aktar minn 4 linji

Billi d-dimensjoni globali se tkun aspett ewlieni ta’ kwalunkwe evalwazzjoni tal-politika dwar il-merkurju, l-UE se teżamina mill-ġdid il-politika tagħha b'mod parallel mal-evalwazzjoni tal-effettività tal-Konvenzjoni, li mistennija sseħħ fl-2023.